SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

4 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 2(1)(ċ) – Provvisti suġġetti għall-VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 132(1)(ċ) – Provvisti ta’ kura fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi – Monitoraġġ u konsulenza nutrizzjonali – Attivitajiet sportivi, ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi – Kunċetti ta’ ‘provvista kumplessa unika’, ta’ ‘provvista anċillari għall-provvista prinċipali’ u ta’ ‘indipendenza tal-provvisti’ – Kriterji”

Fil-Kawża C‑581/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑30 ta’ Lulju 2019, fil-kawża

Frenetikexito – Unipessoal Lda

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President ta’ Awla, N. Wahl (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Frenetikexito – Unipessoal Lda, minn R. Monteiro, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u R. Campos Laires kif ukoll minn S. Jaulino u P. Barros da Costa, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u B. Rechena, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(c) u tal-Artikolu 132(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat‑28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU L 335, 20.12.2007, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Frenetikexito – Unipessoal Lda u l-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Awtorità Fiskali u Doganali, il-Portugall) dwar avviż ta’ tfakkira għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għal servizzi ta’ monitoraġġ u ta’ konsulenza nutrizzjonali u servizzi li jirrigwardaw attivitajiet sportivi, ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, huma suġġetti għall-VAT:

“il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4

Skont l-Artikolu 132(1)(b) ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw:

“sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin immexxija minn korpi regolati mid-dritt pubbliku jew, skond kondizzjonijet soċjali komparabbli ma’ dawk applikabbli għal korpi regolati mid-dritt pubbliku, minn sptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew djanjosi u stabblimenti oħrajn ta’ natura simili debitament rikonoxxuti”.

5

Abbażi tal-Artikolu 132(1)(ċ) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jeżentaw:

“il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat”.

Id-dritt Portugiż

6

Skont l-Artikolu 9(1) tal-Código do Imposto sobre o Valor Acrescentado (il-Kodiċi tat-Taxxa dwar il-Valur Miżjud), huma eżentati mill-VAT:

“Il-provvista ta’ servizzi mwettqa fl-eżerċizzju tal-professjonijiet ta’ tabib, ta’ dentist, ta’ majjistra, ta’ infermiera u ta’ professjonijiet paramediċi oħra”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

7

Frenetikexito hija kumpannija kummerċjali li teżerċita, b’mod partikolari, attività ta’ ġestjoni u ta’ operat ta’ stabbilimenti sportivi, ta’ attivitajiet ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi kif ukoll attivitajiet li jippromwovu u li jiffavorixxu s-saħħa tal-bniedem, bħall-monitoraġġ u l-konsulenza nutrizzjonali jew l-evalwazzjoni fiżika.

8

Wara li rreġistrat ruħha mal-Entidade Reguladora da Saúde (l-Entità Regolatorja fil-Qasam tas-Saħħa, il-Portugall), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pprovdiet, matul is-snin 2014 u 2015, servizzi ta’ monitoraġġ nutrizzjonali fil-bini tagħha permezz ta’ nutrizzjonista kkwalifikata u ċċertifikata għal dan il-għan. Din in-nutrizzjonista, imqabbda mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kienet disponibbli sabiex tipprovdi s-servizzi tagħha ġurnata fil-ġimgħa. Il-VAT ma ġietx iffatturata għal dawn is-servizzi.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali pproponiet programmi differenti fl-istabbilimenti tagħha. Ċerti programmi kienu jinkludu biss servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi filwaqt li programmi oħra kienu, barra minn hekk, jinkludu monitoraġġ nutrizzjonali. Kull klijent kien f’pożizzjoni li jagħżel il-programm mixtieq u li jagħmel użu, jew le, mis-servizzi kollha mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fil-kuntest tal-programm magħżul. Għalhekk, meta l-klijent ikun issieħeb mas-servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali, dan jiġi ffatturat lilu, irrispettivament minn jekk ibbenefikax minnu jew le, u jkun xi jkun in-numru ta’ konsultazzjonijiet li kien ibbenefika minnu.

10

Barra minn hekk, it-tisħib mas-servizzi ta’ monitoraġġ nutrizzjonali seta’ jsir separatament minn kull servizz ieħor, permezz tal-ħlas ta’ ċertu ammont, li jiddependi fuq jekk il-klijent jappartjenix jew le għal stabbiliment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

11

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet topera, fil-fatturi li hija kienet toħroġ, distinzjoni bejn l-ammonti marbuta mas-servizz ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi u dawk marbuta mas-servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali. Ma kienx hemm korrispondenza bejn is-servizzi ta’ monitoraġġ nutrizzjonali ffatturati u l-konsultazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni.

12

Fil-kuntest ta’ kontroll, l-awtorità fiskali u doganali kkonstatat li, għas-snin fiskali 2014 u 2015, il-klijenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ħallsu s-servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali anki jekk huma ma kinux jibbenefikaw minnu. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-provvista ta’ dan is-servizz kienet ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-provvista tas-servizz ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi. Minħabba f’hekk, l-awtorità fiskali u doganali ddeċidiet li tapplika fil-konfront tagħha t-trattament fiskali tal-provvista prinċipali u li tipproċedi għal stima addizzjonali tal-VAT flimkien mal-interessi kumpensatorji korrispondenti, sa ammont globali ta’ EUR 13 253.05.

13

Peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ħallsitx dawn is-somom, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni applikabbli ġew istitwiti għall-irkupru tagħhom, li fil-kuntest tagħhom din ikkonkludiet ftehim ta’ ħlas bin-nifs. Madankollu, peress li qieset li s-servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi u s-servizzi ta’ monitoraġġ nutrittiv li hija kienet tipprovdi kienu indipendenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż sabiex tiġi kkonstatata l-illegalità tat-tfakkira inkwistjoni.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (it-Tribunal tal-Arbitraġġ Fiskali (Ċentru ta’ Arbitraġġ Amministrattiv – CAAD), il-Portugall) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Fl-ipoteżi fejn, bħal f’dan il-każ, kumpannija;

a)

tiddedika lilha nnifisha, b’mod prinċipali, għal attivitajiet ta’ eżerċizzju u ta’ benesseri fiżiku u, b’mod sekondarju, għal attivitajiet għas-saħħa tal-bniedem, fosthom nutrizzjoni, konsulenzi dwar nutrizzjoni u dwar evalwazzjoni fiżika, kif ukoll it-twettiq ta’ massaġġi;

b)

tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha pjanijiet li jinkludu biss servizzi ta’ fitness u pjanijiet li jinkludu kemm servizzi ta’ fitness kif ukoll nutrizzjoni,

hija jkollha, taħt l-Artikolu 2(1)(c) tad- Direttiva [2006/112] tqis li l-attività għas-saħħa tal-bniedem, b’mod speċifiku n-nutrizzjoni, hija anċillari għall-attività ta’ eżerċizzju u ta’ benesseri fiżiku, b’tali mod li s-servizz anċillari għandu jkollu l-istess trattament fiskali bħall-provvista ta’ servizz prinċipali jew, bil-kontra, għandu jitqies li l-attività għas-saħħa tal-bniedem, b’mod speċifiku n-nutrizzjoni, u l-attività ta’ eżerċizzju u ta’ benesseri fiżiku huma indipendenti u awtonomi bejniethom, fejn għalhekk għandu jkun applikabbli għalihom it-trattament fiskali previst għal kull waħda minn dawk l-attivitajiet?

2)

L-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(c) tad-Direttiva [2006/112] tippresupponi li s-servizzi hemm indikati jiġu effettivament ipprovduti jew is-sempliċi tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istess servizzi, b’tali mod l-użu tagħhom tkun dipendenti biss mir-rieda tal-klijent, huwa suffiċjenti għall-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

15

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Portugiż isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-informazzjoni neċessarja sabiex tingħata risposta rilevanti u utli kif jeżiġi l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, in-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li din tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catania Multiservizi, C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 21 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

17

Għalhekk, huwa b’mod partikolari indispensabbli, kif jindika l-Artikolu 94(a) tar-Regoli tal-Proċedura, li d-deċiżjoni tar-rinviju tkun tinkludi espożizzjoni fil-qosor tal-fatti rilevanti kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, minn tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom huma bbażati d-domandi (sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll l-espożizzjoni tar-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tar-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-kawża prinċipali (digriet tal‑5 ta’ Ġunju 2019, Wilo Salmson France, C‑10/19, mhux ippubblikata, EU:C:2019:464, punt 15).

18

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi informazzjoni fattwali suffiċjenti sabiex jinftiehmu kemm id-domandi magħmula kif ukoll il-portata tagħhom, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lill-qorti tar-rinviju l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Konsegwentement, iż-żewġ domandi preliminari huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

19

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1)(ċ) u tal-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv ipprovdut minn professjonist iċċertifikat u awtorizzat fi ħdan stabbilimenti sportivi, u possibbilment fil-kuntest ta’ programmi li jinkludu wkoll servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi indipendenti. Hija tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-benefiċċju tal-eżenzjoni mill-VAT previst fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva jippreżupponix il-provvista effettiva tas-servizz, f’dan il-każ servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali li jikkorrispondi għal dak iddefinit mill-qorti tar-rinviju, jew jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tali servizz huwiex suffiċjenti għal dan il-għan.

20

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, meta għamlet id-domandi tagħha, tidher li telqet mill-premessa li tgħid li wieħed mit-tipi ta’ servizzi pprovduti fil-kawża prinċipali, jiġifieri s-servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv, seta’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

21

Għaldaqstant, preliminarjament, għandha tiġi vverifikata l-eżattezza ta’ din il-premessa, difiża mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali iżda kkontestata mill-Gvern Portugiż u kkwalifikata mill-Kummissjoni Ewropea.

22

Skont ġurisprudenza stabbilita, it-termini użati sabiex jiġu identifikati l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dawn it-termini għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Madankollu, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati għad-definizzjoni tal-eżenzjonijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 132 għandhom jiġu interpretati b’mod li dawn jiġu mċaħħda mill-effetti tagħhom (sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2020, Finanzamt D, C‑657/19, EU:C:2020:811, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

F’dan il-każ, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-kuntest tagħha, tal-għanijiet u tal-istruttura tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari billi tittieħed inkunsiderazzjoni r-ratio legis tal-eżenzjoni li hija tipprevedi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2014, ATP PensionService, C‑464/12, EU:C:2014:139, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-kliem tal-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, jiġifieri “il-provvediment tal-kura medika fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat”, ma jirreferux għas-servizzi pprovduti f’ambjent ta’ sptar, f’ċentri ta’ kura medika u dijanjostika u ta’ stabbilimenti oħra tal-istess natura, eżenti skont l-Artikolu 132(1)(b) tal-imsemmija direttiva, iżda s-servizzi mediċi u paramediċi pprovduti barra minn tali qafas, kemm fir-residenza privata tal-fornitur kif ukoll fir-residenza tal-pazjent jew f’kull post ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2002, Kügler, C‑141/00, EU:C:2002:473, punt 36, u tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 36).

24

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “kura medika”, li jinsab fl-Artikolu 132(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, u dak ta’ “provvisti ta’ kura lill-persuna”, li jinsab fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, ikopru t-tnejn li huma provvisti li għandhom bħala għan li jagħmlu d-dijanjosi, li jikkuraw u, sa fejn huwa possibbli, li jfejqu mard jew anomaliji tas-saħħa (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, EU:C:2010:334, punti 3738, kif ukoll tat‑18 ta’ Settembru 2019, PetersC‑700/17, EU:C:2019:753, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Għaldaqstant, il-“provvisti ta’ kura lill-persuna”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom neċessarjament ikollhom għan terapewtiku, peress li hija din li tiddetermina jekk servizz mediku jew paramediku għandux jiġi eżentat mill-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, X (Eżenzjoni mill-VAT għal konsultazzjonijiet telefoniċi), C‑48/19, EU:C:2020:169, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk mhux neċessarjament isegwi li dan l-għan għandu jinftiehem f’sens partikolarment strett (sentenzi tal‑10 ta’ Ġunju 2010, Future Health Technologies, C‑86/09, EU:C:2010:334, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic, C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 26).

26

Għalhekk, is-servizzi ta’ natura medika jew paramedika mwettqa bil-għan li tiġi protetta, inkluż li tinżamm jew li tiġi stabbilita mill-ġdid, is-saħħa tal-persuni jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 (sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2020, X (Eżenzjoni mill-VAT għal konsultazzjonijiet telefoniċi), C‑48/19, EU:C:2020:169, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 tippreżumi għalhekk li jiġu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet, l-ewwel waħda, dwar l-għan tas-servizz inkwistjoni, kif imfakkar fil-punti 24 sa 26 ta’ din is-sentenza, u t-tieni waħda, li teħtieġ li din il-provvista sseħħ fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif iddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat.

28

Fir-rigward ta’ din it-tieni kundizzjoni, għandu jiġi ddeterminat, kif josservaw il-Gvern Portugiż u l-Kummissjoni, jekk servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ipprovdut minn professjonist iċċertifikat u awtorizzat għal dan il-għan fi ħdan stabbilimenti sportivi u eventwalment fil-kuntest ta’ programmi li jinkludu wkoll servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, huwiex iddefinit, mid-dritt tal-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2019, Belgisch Syndicaat van Chiropraxie et, C‑597/17, EU:C:2019:544, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), bħala pprovdut fl-eżerċizzju ta’ professjoni medika jew paramedika. Mill-elementi li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, iċċarati mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Portugiż, jirriżulta li s-servizz inkwistjoni kien il-fatt ta’ persuna li għandha kwalifika professjonali li tawtorizzaha twettaq attivitajiet paramediċi kif iddefiniti mill-Istat Membru kkonċernat, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

29

Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ benefiċċju bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondi għall-ewwel kundizzjoni imposta fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu, għall-eżami ta’ dan l-għan, li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 132 ta’ din id-direttiva jinsabu fil-Kapitolu 2, intitolat “Eżenzjonijet għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”, tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva. Għalhekk, attività ma tistax tiġi eżentata, b’deroga mill-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT għandha tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenzi tal‑21 ta’ Marzu 2013, PFC Clinic, C‑91/12, EU:C:2013:198, punt 23, u tal‑21 ta’ Settembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑616/15, EU:C:2017:721, punt 49), jekk din ma tissodisfax l-imsemmi għan ta’ interess ġenerali, komuni għall-eżenzjonijiet kollha msemmija f’dan l-Artikolu 132.

30

F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali pprovdut fil-kuntest ta’ stabbiliment sportiv jista’, għal żmien medju u twil jew previst b’mod wiesa’ ħafna, ikun strument ta’ prevenzjoni ta’ ċertu mard, bħall-obeżità. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-istess japplika għall-prattika sportiva nnifisha, li r-rwol tagħha huwa rrikonoxxut, bħala eżempju, sabiex jiġi limitat mard kardjovaskulari. Tali servizz għandu għalhekk, bħala prinċipju, għan sanitarju, iżda mhux, jew mhux neċessarjament, għan terapewtiku.

31

Għaldaqstant, fl-assenza ta’ indikazzjoni li huwa pprovdut għal finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ djanjosi, ta’ trattament ta’ mard u ta’ rkupru tas-saħħa, u għalhekk b’għan terapewtiku, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 24 u 26 ta’ din is-sentenza, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, servizz ta’ monitoraġġ nutrizzjonali, bħal dak ipprovdut fil-kawża prinċipali, ma jissodisfax il-kriterju tal-attività ta’ interess ġenerali komuni fl-eżenzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 u, konsegwentement, ma jaqax taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, b’mod li bħala prinċipju, huwa suġġett għall-VAT.

32

Din l-interpretazzjoni ma tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi b’mod partikolari li żewġ kunsinni ta’ oġġetti jew żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu, u li għalhekk jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C‑449/19, EU:C:2020:1038, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), peress li, fir-rigward tal-għan imfittex mill-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, servizzi ta’ monitoraġġ nutrizzjonali pprovduti b’għan terapewtiku u servizzi ta’ monitoraġġ nutrizzjonali mingħajr tali għan ma jistgħux jitqiesu li huma identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u ma jissodisfawx l-istess bżonnijiet ta’ dan tal-aħħar.

33

Kull interpretazzjoni oħra jkollha l-konsegwenza li twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 lil hinn mir-ratio legis li jirrifletti l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll it-titolu tal-Kapitolu 2 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kull servizz ipprovdut fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ professjoni medika jew paramedika, li jkollu, anki b’mod indirett jew remot ħafna, l-effett li jipprevjeni ċerti patoloġiji, jaqa’ taħt l-eżenzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni, liema ħaġa ma tikkorrispondix mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni u mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ta’ tali eżenzjoni, imfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 61 tal-konklużjonijiet tagħha, rabta sempliċement inċerta ma’ patoloġija, mingħajr riskju konkret ta’ ħsara għas-saħħa, ma hijiex biżżejjed f’dan ir-rigward.

34

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv ipprovdut f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma huwiex ta’ natura li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112. Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

35

Fir-rigward tal-ewwel domanda, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl tan-natura taxxabbli ta’ tali servizz, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni dwar jekk dan huwiex indipendenti jew le mis-servizzi tal-benesseri u tal-kultura fiżiċi għandha interess sabiex jiġi ddeterminat it-trattament fiskali rispettiv ta’ dawn is-servizzi.

36

Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li għalkemm, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss l-imsemmija qrati, li għandhom ġurisdizzjoni, b’mod partikolari, sabiex jikkonstataw u jevalwaw il-fatti, li jiddeterminaw, b’mod partikolari, jekk servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv ipprovdut f’kundizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxix jew le provvista ta’ servizzi indipendenti mis-servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi u li jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt, f’dan ir-rigward (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Mailat, C‑17/18, EU:C:2018:1038, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tipprovdi lil dawn il-qrati l-elementi ta’ interpretazzjoni derivanti mid-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li jkollhom quddiemhom (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 33). F’din il-perspettiva, għandhom isiru l-osservazzjonijiet li ġejjin.

37

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet fejn tranżazzjoni ekonomika hija kkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom titwettaq it-tranżazzjoni inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk minnha tirriżultax provvista waħda jew iktar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP, C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa ppreċiżat li, bħala regola ġenerali, kull provvista għandha titqies bħala provvista distinta u indipendenti, hekk kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Madankollu, b’eċċezzjoni għal din ir-regola ġenerali, l-ewwel nett, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell ekonomiku ma għandhiex tinqasam artifiċjalment sabiex ma sseħħx distorsjoni tal-funzjonament tas-sistema tal-VAT. Huwa għalhekk li teżisti provvista unika meta diversi elementi jew atti pprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li s-separazzjoni tagħha tkun artifiċjali (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

Għal dan il-għan, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 22 sa 33 tal-konklużjonijiet tagħha, għandhom jiġu identifikati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenzi tad‑29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 22, u tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam, C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 30), billi wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-perspettiva tal-konsumatur medju (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C‑44/11, EU:C:2012:484, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-medda ta’ indizji li jintużaw għal dan il-għan tinkludi diversi elementi, l-ewwel, ta’ natura intellettwali u ta’ importanza deċiżiva, intiżi sabiex jistabbilixxu n-natura inseparabbli jew le tal-elementi tat-tranżazzjoni inkwistjoni (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2019, Sequeira Mesquita, C‑278/18, EU:C:2019:160, punt 30) u l-għan ekonomiku tagħha, uniku jew le (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 34), it-tieni, ta’ natura materjali u li ma għandhomx importanza deċiżiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Frar 1999, CPP, C‑349/96, EU:C:1999:93, punt 31), li, jekk ikun il-każ, issostni l-analiżi tal-ewwel elementi, bħall-aċċess separat (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, BGŻ Leasing, C‑224/11, EU:C:2013:15, punt 43) jew flimkien (sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2016, Stock ’94, C‑208/15, EU:C:2016:936, punt 33) mal-provvisti inkwistjoni jew l-eżistenza ta’ fatturazzjoni unika (digriet tad‑19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking u Airparks Services, C‑117/11, mhux ippubblikat, EU:C:2012:29, punt 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), jew distinta (sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2018, Stadion Amsterdam, C‑463/16, EU:C:2018:22, punt 27).

40

It-tieni nett, tranżazzjoni ekonomika tikkostitwixxi provvista unika meta element wieħed jew diversi elementi jkollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, għall-kuntrarju, elementi oħra jkollhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ewwel kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward huwa n-nuqqas ta’ għan awtonomu tal-provvista mill-perspettiva tal-konsumatur medju. B’hekk, provvista għandha titqies li hija anċillari għall-provvista prinċipali meta għall-klijenti hija ma tikkostitwixxix għan fiha nnifisha, iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali tal-fornitur (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2020, Blackrock Investment Management (UK), C‑231/19, EU:C:2020:513, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

It-tieni kriterju, li fir-realtà jikkostitwixxi indizju tal-ewwel kriterju, jieħu inkunsiderazzjoni l-valur rispettiv ta’ kull waħda mill-provvisti li jikkostitwixxu t-tranżazzjoni ekonomika, waħda li tirriżulta minima, saħansitra marġinali, meta mqabbla mal-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C‑308/96 u C‑94/97, EU:C:1998:496, punt 24).

43

It-tielet nett, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, skont id-Direttiva 2006/112, it-“tranżazzjonijiet marbuta mill-qrib” ma’ servizz eżentat jikkondividu l-eżenzjoni tiegħu sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ din l-eżenzjoni. Madankollu, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, dan it-tielet tip ta’ eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tikkonsisti f’li kull provvista titqies bħala provvista distinta u indipendenti ma tapplikax fil-preżenza ta’ servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv bħal dak ipprovdut fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, l-eżami ta’ din it-tip ta’ eċċezzjoni għandu jiġi evalwat.

44

Fir-rigward tal-applikabbiltà għal servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tal-ewwel tip ta’ eċċezzjoni, imsemmija fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat, fuq qari tad-deċiżjoni tar-rinviju, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tiddedika ruħha b’mod partikolari għall-attività ta’ ġestjoni u ta’ operat ta’ stabbilimenti sportivi kif ukoll għal attivitajiet ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi u li hija pprovdiet, permezz ta’ professjonist debitament ikkwalifikat u ċċertifikat għal dan il-għan, servizzi ta’ monitoraġġ nutrittiv fil-bini tiegħu.

45

Barra minn hekk, mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li dawn is-servizzi differenti pprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu s-suġġett ta’ fatturazzjoni separata u li kien possibbli li wieħed jibbenefika minn uħud mingħajr ma wieħed jirrikorri għall-oħrajn.

46

Għalhekk, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, minn naħa, u ta’ monitoraġġ nutrizzjonali, min-naħa l-oħra, kif ipprovduti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ma humiex marbuta b’mod inseparabbli fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza.

47

Għaldaqstant, bħala prinċipju, benefiċċji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu bħala li ma jikkostitwixxux provvista unika ta’ natura kumplessa.

48

Fir-rigward tal-applikabbiltà għal servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali tat-tieni tip ta’ eċċezzjoni, imsemmija fil-punti 40 sa 42 ta’ din is-sentenza, għandu, f’dan il-każ, jiġi rrilevat, minn naħa, l-għan awtonomu tas-servizz ta’ monitoraġġ dijetetiku mill-perspettiva tal-konsumatur medju. Anki jekk tali servizzi ta’ monitoraġġ dijetetiku kienu jingħataw jew jistgħu jingħataw fl-istess postijiet sportivi bħas-servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, xorta jibqa’ l-fatt li l-għan ta’ dawn tal-ewwel ma huwiex ta’ natura sportiva, iżda sanitarja u estetika, minkejja l-fatt li dixxiplina dijetetika jista’ jkollha l-effett li tikkontribwixxi għall-prestazzjoni atletika. Min-naħa l-oħra, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tagħha, fil-kawża prinċipali, skont il-fatturazzjoni tar-rikorrenti, 40 % tal-korrispettiv fix-xahar globali li kellu jitħallas mill-klijent kien imputabbli għall-konsulenzi nutrittivi, perċentwali li, manifestament, ma tistax tiġi kklassifikata bħala minimu jew, a fortiori, bħala marġinali. Servizzi ta’ monitoraġġ dijetetiku bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux għalhekk jitqiesu bħala aċċessorji meta mqabbla ma’ provvisti prinċipali li huma kkostitwiti mis-servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi.

49

Minn dan jirriżulta li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom jitqiesu bħala distinti u indipendenti minn xulxin għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112.

50

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv ipprovdut minn professjonist iċċertifikat u awtorizzat fi ħdan stabbilimenti sportivi, u eventwalment fil-kuntest ta’ programmi li jinkludu wkoll servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti u ma jistax jaqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

51

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li, mingħajr preġudizzju għal verifika mill-qorti tar-rinviju, servizz ta’ monitoraġġ nutrittiv ipprovdut minn professjonist iċċertifikat u awtorizzat fi ħdan stabbilimenti sportivi, u eventwalment fil-kuntest ta’ programmi li jinkludu wkoll servizzi ta’ benesseri u ta’ kultura fiżiċi, jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi distinta u indipendenti u ma jistax jaqa’ taħt l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 132(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.