SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

12 ta’ Mejju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 54 – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 50 – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu tal-persuni – Avviż aħmar ta’ Interpol – Direttiva (UE) 2016/680 – Legalità tal-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’tali avviż”

Fil-Kawża C‑505/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑3 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

WS

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Ilešič, L. Bay Larsen, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, F. Biltgen, P. G. Xuereb (Relatur), L. S. Rossi, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal WS, inizjalment minn S. Wolff u J. Adam, sussegwentement minn J. Adam u S. Schomburg, Rechtsanwälte,

għall-Bundesrepublik Deutschland, minn M. Meyer kif ukoll minn L. Wehle u A. Hansen, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, inizjalment minn C. Van Lul, M. Van Regemorter, M. Jacobs u C. Pochet kif ukoll minn J.-C. Halleux u P.-J. De Grave, sussegwentement minn M. Van Regemorter, M. Jacobs u C. Pochet kif ukoll minn J.-C. Halleux u P.-J. De Grave, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn T. Machovičová kif ukoll minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż, inizjalment minn J. Nymann-Lindegren kif ukoll minn P.Z. L. Ngo u S. Wolff, sussegwentement minn J. Nymann-Lindegren u M. S. Wolff, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn S. Charitaki, E.-M. Mamouna u A. Magrippi, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères, A. Daniel, D. Dubois u T. Stehelin, bħala aġenti,

għall-Gvern Kroat, minn G. Vidović Mesarek, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn K. Bulterman u H. S. Gijzen, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr, S.-A. Purza u E. Gane, sussegwentement minn E. Gane u S.-A. Purza, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn M. Pere, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, bħala aġent, assistita minn C. Knight, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wasmeier, D. Nardi u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9, iktar ’il quddiem il-“KFS”), tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 21 TFUE kif ukoll tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 8(1) ta din id-direttiva.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn WS u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja), irrappreżentata mill-Bundeskriminalamt (l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“BKA”), rigward miżuri li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja hija obbligata tieħu sabiex tipproteġi lil WS kontra l-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-pubblikazzjoni, fuq it-talba ta’ Stat terz, ta’ avviż aħmar maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol) dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ WS għall-moviment liberu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

L-Istatut ta’ Interpol

3

L-Artikolu 2(a) tal-Istatut ta’ Interpol, adottat fl-1956 fi Vjenna u emendat l-aħħar fl-2017 (iktar ’il quddiem l-“Istatut ta’ Interpol”), jistabbilixxi li Interpol għandha bħal għan, b’mod partikolari, li “tiżgura u tiżviluppa l-assistenza reċiproka l-iktar wiesgħa tal-awtoritajiet tal-pulizija kriminali kollha, fil-kuntest tal-liġijiet li jeżistu fid-diversi pajjiżi u fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4

L-Artikolu 31 ta’ dawn ir-regolamenti jipprevedi:

“Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, [Interpol] għandha bżonn tal-kooperazzjoni kostanti u attiva tal-Membri tagħha li għandhom jagħmlu l-isforzi kollha kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tagħhom sabiex jipparteċipaw b’diliġenza fl-attivitajiet tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Ir-Regoli tal-Interpol dwar l-Ipproċessar tad-Data

5

Il-punt 7 tal-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-Ipproċessar tad-Data, adottati fl-2011 u emendati l-aħħar fl-2019 (iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Interpol dwar l-Ipproċessar tad-Data”), jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ dawn ir-regoli, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.

[U]ffiċċju ċentrali nazzjonali”:kull organu maħtur minn pajjiż [li jifforma parti mill-Interpol] sabiex jiżgura l-funzjonijiet ta’ kollegament previsti fl-Artikolu 32 tal-[Istatut tal-Interpol].”

6

L-Artikolu 73 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Sistema ta’ avviżi ta’ Interpol”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-sistema ta’ avviżi tal-Interpol hija kkostitwita minn sensiela ta’ avviżi ppubblikati bi skop speċifiku u identifikabbli minn kodiċi bil-kulur, u minn avviżi speċjali ppubblikati fil-kuntest ta’ kooperazzjoni speċifika li ma taqax taħt kategoriji ta’ avviżi preċedenti.”

7

Skont l-Artikolu 80 tal-imsemmi regolament, intitolat “Implimentazzjoni tal-avviżi”:

“1.   L-[u]ffiċċji ċentrali nazzjonali għandhom jittrażmettu:

lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-pajjiż tagħhom, kemm jista’ jkun malajr u konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, id-data kollha li tinsab fl-avviżi li huma jirċievu, kif ukoll l-aġġornamenti li jikkonċernaw dawn l-avviżi;

[…]”

8

L-Artikolu 82 tal-istess regoli intitolat “Għan tal-avviżi ħomor”, jipprovdi:

“L-avviżi ħomor huma ppubblikati fuq it-talba ta’ [u]ffiċċju ċentrali nazzjonali jew ta’ entità nazzjonali li għandha setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni f’materji kriminali sabiex titlob il-lokalizzazzjoni ta’ persuna rikjesta u d-detenzjoni tagħha, l-arrest tagħha jew ir-restrizzjoni tal-movimenti tagħha għall-iskop tal-estradizzjoni tagħha, il-konsenja tagħha, jew azzjoni simili tagħha li hija konformi mad-dritt.”

9

L-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-Ipproċessar tad-Data, intitolat “Kondizzjonijiet speċifiċi applikabbli għall-pubblikazzjoni tal-avviżi ħomor”, jipprovdi, fil-paragrafu 2(b) tiegħu, li avviż aħmar jista’ jiġi ppubblikat biss meta jkunu ġew ipprovduti elementi legali suffiċjenti, inkluż ir-riferiment għal mandat ta’ arrest validu jew għal deċiżjoni ġudizzjarja li jkollha l-istess effett.

10

L-Artikolu 87 ta’ dawn ir-regoli, intitolat “Miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ lokalizzazzjoni tal-persuna rikjesta”, jipprovdi:

“Il-miżuri li ġejjin għandhom jittieħdu jekk persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar tiġi llokalizzata:

a)

Il-pajjiż fejn il-persuna rikjesta tkun ġiet illokalizzata:

i.

jinforma immedjatament lill-[u]ffiċċju ċentrali nazzjonali jew lill-entità internazzjonali li minnha joriġina l-avviż u lis-Segretarjat Ġenerali bil-fatt li l-persuna rikjesta ġiet illokalizzata – bla ħsara għar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u mit-trattati internazzjonali applikabbli;

ii.

jieħu kull miżura awtorizzata oħra mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u mit-trattati internazzjonali applikabbli, bħal li jipproċedi bl-arrest provviżorju tal-persuna rikjesta jew inkella jissorvelja jew jirrestrinġi l-movimenti tagħha.

b)

L-[u]ffiċċju ċentrali nazzjonali jew l-entità internazzjonali li minnha joriġina l-avviż jaġixxi immedjatament ladarba jiġi informat li l-persuna rikjesta kienet ġiet illokalizzata f’pajjiż ieħor u b’mod partikolari, jiżgura t-trażmissjoni rapida, fuq it-talba tal-pajjiż li fih il-persuna tkun ġiet illokalizzata jew tas-Segretarjat Ġenerali u fit-termini stabbiliti għal dan il-każ partikolari, tad-data u tad-dokumenti ta’ sostenn.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Il-KFS

11

L-Artikolu 54 tal-KFS, li jinsab fil-Kapitolu 3, intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”, tat-Titolu III ta’ din il-konvenzjoni, jipprovdi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’[p]arti [k]ontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’[p]arti [k]ontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-[p]arti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

12

Skont l-Artikolu 57(1) u (2) tal-KFS:

“1.   Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-[p]arti [k]ontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’[p]arti [k]ontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-[p]arti [k]ontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.

2.   L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.”

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-estradizzjoni

13

Il-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika, tal‑25 ta’ Ġunju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 161, iktar ’il quddiem il-“Ftehim UE-USA”), ma jipprevedix, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 13 tiegħu dwar il-piena tal-mewt, raġunijiet speċifiċi għar-rifjut tal-estradizzjoni.

14

L-Artikolu 17 ta’ dan il-ftehim, bit-titolu “In-nuqqas ta’ derogi”, jipprovdi:

“1.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għall-invokazzjoni mill-Istat mitlub ta’ raġunijiet għar-rifjut li jkollhom x’jaqsmu ma’ materja mhux koperta b’dan il-Ftehim skond trattat bilaterali għall-estradizzjoni fis-seħħ bejn Stat Membru u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika.

2.   Meta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub.”

Id-Direttiva 2016/680

15

Il-premessi 2, 25 u 64 tad-Direttiva 2016/680 jipprevedu:

“(2)

Il-prinċipji ta’, u r-regoli dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza tagħhom, għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali. Din id-Direttiva hija maħsuba biex tikkontribwixxi għall-kisba ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

[…]

(25)

L-Istati Membri kollha huma affiljati mal-[Interpol]. Sabiex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen u tiċċirkola data personali biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Meta data personali tkun trasferita mill-Unjoni lejn l-Interpol, u għal pajjiżi li ddelegaw membri fl-Interpol, din id-Direttiva għandha tapplika, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti internazzjonali. […]

[…]

(64)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li trasferiment għal pajjiż terz jew għal organizzazzjoni internazzjonali jseħħ biss jekk ikun meħtieġ għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, u li l-kontrollur fil-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali tkun awtorità kompetenti fit-tifsira ta’ din id-Direttiva. […] Tali trasferiment jista’ jsir f’każijiet fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell ta’ protezzjoni adegwat, jew meta jiġu pprovduti salvagwardji adatti jew meta japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi. Meta d-data personali tkun trasferita mill-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew riċevituri oħra f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi mogħti fl-Unjoni minn din id-Direttiva ma għandux jiddgħajjef, inkluż f’każijiet ta’ trasferimenti ulterjuri ta’ data personali mill-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali lil kontrolluri, jew proċessuri fl-istess pajjiż terz jew f’ieħor jew f’organizzazzjoni internazzjonali oħra.”

16

L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.”

17

Skont l-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, din “tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1)”.

18

Il‑punti 2 u 7 tal-Artikolu 3 tal-istess direttiva jiddisponi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

7.

‘awtorità kompetenti’ tfisser:

a)

kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika; jew

b)

kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta’ Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika”.

19

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

a)

ipproċessata b’mod legali u ġust;

b)

miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet;

c)

adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

[…]”

20

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, intitolat “Distinzjoni bejn data personali u verifika tal-kwalità tad-data personali”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Jekk jirriżulta li tkun ġiet trażmessa data personali żbaljata jew li d-data personali tkun ġiet trażmessa b’mod illegali, ir-riċevitur għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. F’dan il-każ, id-data personali għandha tiġi rettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar għandu jkun ristrett f’konformità mal-Artikolu 16.”

21

L-Artikolu 8 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Legalità tal-ipproċessar”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

2.   Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.”

22

L-Artikolu 16 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f’konformità ma’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett.”

23

Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2016/680, intitolat “Trasferimenti tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 35 sa 40 u jirregola b’mod partikolari l-kundizzjonijiet li taħthom data personali tista’ tiġi ttrasferita lejn pajjiżi terzi jew lejn organizzazzjonijiet internazzjonali.

24

L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, intitolat “Trasferimenti abbażi ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta’ data personali lejn pajjiż terz jew lejn organizzazzjoni internazzjonali jista’ jseħħ jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni, li l-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew iktar f’dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta’ protezzjoni.

25

L-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li, fl-assenza ta’ deċiżjoni bħal din, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jista’ jsir fejn salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali huma previsti fi strument legalment vinkolanti jew meta l-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkustanzi kollha li jkollhom x’jaqsmu mat-trasferiment tad-data personali u jikkonkludi li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

26

L-Artikolu 40 tal-istess direttiva, intitolat “Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali”, jipprovdi li fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex b’mod partikolari jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ data personali u jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta’ din il-leġiżlazzjoni.

Id-dritt Ġermaniż

27

L-Artikolu 153a(1) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali, iktar ’il quddiem is-“StPO”) jipprevedi, fir-rigward ta’ reati punibbli b’multa jew b’piena ta’ priġunerija minima ta’ inqas minn sena, il-possibbiltà, għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż, bi ftehim, bħala regola ġenerali, mal-qorti kompetenti għall-ftuħ tal-proċedura prinċipali, u bil-ftehim tal-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, li jirrinunzja provviżorjament milli jibda l-prosekuzzjoni filwaqt li jimponi fuq l-imsemmija persuna kundizzjonijiet u ordnijiet, bħall-ħlas ta’ somma flus lil assoċjazzjoni karitattiva jew lit-Teżor Pubbliku, peress li dawn il-kundizzjonijiet u ordnijiet huma ta’ natura li jissuġġettaw l-interess pubbliku għal prosekuzzjoni ta’ reati kriminali u sa fejn il-gravità tan-nuqqas ma tipprekludix dan. Dan l-istess artikolu jipprevedi li, jekk il-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali tosserva l-imsemmija kundizzjonijiet u ordnijiet, l-aġir inkwistjoni ma jistax iktar jiġi pproċessat bħala reat fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz über das Bundeskriminalamt und die Zusammenarbeit des Bundes und der Länder in kriminalpolizeilichen Angelegenheiten (il-Liġi dwar l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali u tal-Kooperazzjoni bejn l-Istat Federali u l-Länder fi Kwistjonijiet tal-Pulizija Kriminali) tal‑1 ta’ Ġunju 2017 (BGBl. 2017 I, p. 1354), il-BKA huwa l-uffiċċju ċentrali nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-kooperazzjoni ma’ Interpol.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29

Fl-2012, fuq it-talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, Interpol ippubblikat avviż aħmar fir-rigward ta’ WS (iktar ’il quddiem l-“avviż aħmar fir-rigward ta’ WS”), ċittadin Ġermaniż, sabiex dan tal-aħħar jiġi llokalizzat u fir-rigward tad-detenzjoni tiegħu, tal-arrest tiegħu jew tar-restrizzjoni tal-movimenti tiegħu għall-finijiet tal-eventwali estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti. Dan l-avviż aħmar ġie ppubblikat fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika li kien jirrigwarda, b’mod partikolari, akkużi ta’ korruzzjoni fil-konfront ta’ WS.

30

Skont il-qorti tar-rinviju, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja), l-iStaatsanwaltschaft München I (il-Prosekutur Pubbliku ta’ München I, il-Ġermanja) kien beda proċedura ta’ investigazzjoni fir-rigward ta’ WS, li kienet tirrigwarda l-istess fatti bħal dawk imsemmija fl-imsemmi avviż aħmar, anki qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. Din il-proċedura kienet ingħalqet permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2010, wara li WS kien ħallas somma flus, b’mod konformi mal-Artikolu 153a(1) tas-StPO. Skont il-qorti tar-rinviju, il-prosekuzzjoni għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet għalhekk ingħalqet fil-Ġermanja.

31

Fl-2013, wara skambji ma’ WS, il-BKA kiseb mingħand Interpol li jiżdied addendum mal-avviż aħmar fir-rigward ta’ WS, li jipprovdi li l-BKA kkunsidra li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jipprovdi li persuna ma tkunx tista’ tiġi ġġudikata darbtejn għall-istess reat, kien applikabbli fir-rigward tal-fatti msemmija f’dan l-avviż.

32

Fl-2017, WS ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li hija rrappreżentata mill-BKA. WS talab li dan l-Istat Membru jiġi ordnat jieħu l-miżuri neċessarji kollha sabiex dan l-avviż aħmar jiġi rtirat. Skont WS, l-eżistenza tal-avviż aħmar fir-rigward tiegħu tipprekludih milli jmur fi Stat Membru jew fi Stat li huwa parti mill-Ftehim konkluż bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985 (ĠU 2000, L 239, p. 13) (iktar ’il quddiem l-“Istat kontraenti”) minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja mingħajr ma jkun hemm riskju li jiġi arrestat, peress li, wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, l-Istati Membri u l-Istati kontraenti kienu inkludew ismu fil-fajls nazzjonali tad-data tagħhom. Skont WS, minn naħa, din is-sitwazzjoni tmur kontra l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 21 TFUE, u, min-naħa l-oħra, kull ipproċessar mill-awtoritajiet tal-Istati Membri tad-data personali li tikkonċernah u li tinsab fl-imsemmi avviż aħmar jikkostitwixxi, konsegwentement, ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680.

33

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ mill-Interpol huwa rregolat mill-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680. Issa, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li tali pproċessar huwa legali biss sa fejn, minn naħa, huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni mwettqa minn awtorita kompetenti, għall-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, huwa bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt ta’ Stat Membru. F’dan il-każ, l-ipproċessar tad-data personali li tikkonċerna lil WS, li tinsab fl-avviż aħmar li jirrigwardah, jista’ għalhekk ikun legali biss jekk kien konformi mal-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 21 TFUE.

34

Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 54 tal-KFS, huwa intiż sabiex jiġi evitat, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja previst fl-Artikolu 3(2) TUE, li persuna li tkun ġiet definittivament ikkundannata fi Stat Membru jew fi Stat kontraenti ma tiġix, fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha ta’ moviment liberu, ipproċessata għall-istess fatti bħal dawk li abbażi tagħhom hija tkun ġiet ikkundannata definittivament fi Stat Membru ieħor jew fi Stat kontraenti ieħor.

35

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 21 TFUE huwa applikabbli fil-qasam tal-estradizzjoni anki fir-relazzjonijiet bejn Stat Membru u Stat terz. Skont il-qorti tar-rinviju, dan għandu japplika wkoll fil-każ fejn organizzazzjoni internazzjonali, bħal Interpol, taġixxi bħala intermedjarju, billi tippubblika, fuq it-talba ta’ Stat terz, avviż aħmar li jirrigwarda l-arrest ta’ persuna jew ir-restrizzjoni tal-movimenti tagħha, għall-finijiet tal-estradizzjoni tagħha lejn dan l-Istat terz. Hija biss tali interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE li tippermetti li jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, li jirriżultaw mir-riskju ta’ estradizzjoni lejn Stat terz wara li jkunu rrisjedew fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, li tkun illegali peress li tkun ibbażata fuq akkuża li, fid-dawl tal-projbizzjoni ta’ sanzjoni doppja għall-istess fatti, tikser id-dritt tal-Unjoni.

36

Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li tiġi introdotta, fil-fajls nazzjonali tad-data, data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2016/680, moqri flimkien mal-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva. Issa, għalkemm l-ipproċessar tad-data personali li tinsab f’tali avviż huwa legali biss jekk huwa konformi mal-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 21 TFUE, l-avviżi ta’ tfittxija rreġistrati fil-fajls tad-data tal-Istati Membri wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż għandhom għalhekk, jekk l-imsemmi pproċessar ma jkunx konformi mal-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta u mal-Artikolu 21(1) TFUE, jitħassru, b’mod konformi mal-Artikolu 7(3) u mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/680.

37

Il-qorti tar-rinviju tindika li l-Kummissjoni u l-Istati Membri apparentement ma għamlux użu, f’dak li jikkonċerna Interpol, mill-possibbiltà offruta mill-Artikolu 40 tad-Direttiva 2016/680 li jiġu adottati regoli dwar il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali fir-rigward tal-pajjiżi terzi u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali. Barra minn hekk, l-Artikoli 36 u 37 ta’ din id-direttiva jirrigwardaw biss it-trasferimenti ta’ data personali lejn Interpol, u mhux it-trasferiment ta’ tali data minn Interpol lejn l-Istati Membri. Skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija direttiva tinkludi għalhekk lakuna legali li għandha timtela. Il-fatt li Interpol tipproċedi bit-trasferiment lejn l-Istati Membri ta’ data personali li tinsab fl-avviżi ħomor tagħha, minkejja l-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika fir-rigward tal-fatti previsti minn dawn l-avviżi, u ma tiżgurax li din id-data titħassar mingħajr dewmien meta l-ipproċessar ta’ din id-data jkun illegali, iqajjem mistoqsijiet serji dwar l-affidabbiltà, fil-qasam ta’ protezzjoni tad-data personali, ta’ din l-organizzazzjoni.

38

Skont il-qorti tar-rinviju, l-eżitu tal-kawża prinċipali għalhekk jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS, tal-Artikolu 50 tal-Karta, tal-Artikolu 21(1) TFUE kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680. Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika f’dan il-każ, li jirrendi illegali l-fatt li jkompli jintwera, fil-fajls nazzjonali tad-data, avviż ta’ tfittxija li jirrigwarda lil WS, maħruġ minn Stat terz u trażmess permezz ta’ avviż aħmar ta’ Interpol, ma jkunx permess lill-Istati Membri li jipproċessaw id-data personali li tinsab f’dan l-avviż. Konsegwentement, l-avviżi ta’ tfittxija li jirrigwardaw lil WS u li huma rreġistrati fil-fajls tad-data tal-Istati Membri wara l-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż aħmar għandhom jitħassru, u għalhekk jiġi żgurat lil WS l-eżerċizzju tal-libertà ta’ moviment tiegħu fl-Unjoni u fiż-żona Schengen.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 54 tal-[KFS], moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-uffiċċju tal-prosekutur, fil-Ġermanja, wara li l-imputat ikun issodisfa ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-ħlas ta’ somma ta’ flus stabbilita mill-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur, jagħlaq proċedura kriminali pendenti huwa suffiċjenti sabiex jiġi pprojbit il-ftuħ ta’ proċedura kriminali għall-istess fatti fl-[Istati kontraenti] kollha?

2)

Mill-Artikolu 21(1) TFUE jirriżulta li teżisti projbizzjoni fuq l-Istati Membri milli jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest maħruġa minn Stati terzi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija [Interpol], meta l-persuna li hija s-suġġett ta’ talba għal arrest tkun ċittadin tal-Unjoni u meta l-Istat Membru li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu jkun ikkomunika lill-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali, u għaldaqstant ukoll lill-Istati Membri l-oħra, dubji rigward il-kompatibbiltà tal-imsemmija talba għal arrest mal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti?

3)

L-Artikolu 21(1) TFUE huwa suffiċjenti sabiex jiġi prekluż il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u arrest provviżorju fl-Istati Membri li l-persuna kkonċernata ma għandhiex in-nazzjonalità tagħhom meta dan il-ftuħ imur kontra l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti?

4)

L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li, fil-każ ta’ proċedura li twassal għat-tmiem ta’ proċeduri kriminali, jiġi pprojbit, fl-Istati [kontraenti] kollha […], li jitkompla l-ipproċessar tal-avviżi ħomor ta’ Interpol, li għandhom mnejn iwasslu għal proċedura kriminali oħra?

5)

Organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija Interpol ikollha livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data meta ma jkunx hemm deċiżjoni ta’ adegwatezza fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2016/680 jew salvagwardji xierqa fis-sens tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva?

6)

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jkomplu bl-ipproċessar tad-data li hija mniżżla minn Stati terzi f’ċirkulari ta’ riċerka (‘avviż aħmar’) ma’ Interpol biss meta Stat terz, permezz tal-imsemmija ċirkulari ta’ riċerka, ikun ittrażmetta talba għal arrest u għal estradizzjoni u jkun talab arrest li ma jmurx kontra d-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ ssanzzjonar doppju għall-istess fatti?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

40

Il-qorti tar-rinviju talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41

Fit‑12 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, billi kkonstatat li WS ma kienx jinsab f’detenzjoni, iddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li ma kienx hemm lok li tilqa’ din it-talba.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà

42

Diversi partijiet ikkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub jew li pparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jew ta’ wħud mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

43

L-ewwel nett, il-Gvern Belġjan isostni, essenzjalment, li l-qorti tar-rinviju ma tistabbilixxix bi preċiżjoni suffiċjenti s-suġġett tal-kawża prinċipali kif ukoll l-elementi fattwali rilevanti u ma tispjegax ir-raġunijiet li wassluha sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura.

44

It-tieni nett, il-Gvern Elleniku jsostni li mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li WS eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu skont l-Artikolu 21 TFUE, b’tali mod li l-kwistjoni dwar jekk dan id-dritt inkisirx hija ipotetika. Lanqas ma jirriżulta minn din id-deċiżjoni li data personali li tikkonċerna lil WS u li tinsab fl-avviż aħmar li jirrigwardah kienet ġiet irreġistrata fil-fajls tad-data tal-Istati Membri wara t-trażmissjoni probabbli ta’ dan l-avviż minn Interpol lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tal-Interpol.

45

It-tielet nett, skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gvern Ġermaniż u dak Ċek, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom natura purament ipotetika, sa fejn ma għandhom ebda rabta mal-kawża prinċipali bejn WS u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Fil-fatt, dawn il-kwistjonijiet jikkonċernaw esklużivament l-obbligi li l-Istati Membri huma marbuta bihom minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

46

Ir-raba’ nett, il-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż u dak tal-Pajjiżi l-Baxxi josservaw li l-qorti tar-rinviju, bħala qorti Ġermaniża, ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi b’liema mod Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandhom jaġixxu jew le fir-rigward ta’ WS.

47

Il-ħames nett, il-Gvern Belġjan u dak Ċek kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu li l-ħames domanda, dwar il-livell ta’ protezzjoni tad-data personali żgurat minn Interpol, hija inammissibbli minħabba li tikkonċerna sitwazzjoni ipotetika.

48

Is-sitt nett, fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-Gvern Belġjan, Ġermaniż u dak Spanjol kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw li, fi kwalunkwe każ, wara t-tneħħija minn Interpol, fil‑5 ta’ Settembru 2019, tal-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS, id-domandi preliminari saru mingħajr skop u għalhekk huma inammissibbli.

49

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali diskrezzjoni mill-iktar wiesgħa sabiex jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk huma jqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet, b’mod partikolari, ta’ interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom u huma liberi li jeżerċitaw din id-diskrezzjoni f’kull stadju tal-proċedura li huma jqisu xieraq (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret diversi drabi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar tali domandi hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ regola tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑26 ta’ Ġunju 2019, Addiko Bank, C‑407/18, EU:C:2019:537, punt 36).

51

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li mill-Artikolu 94(a) u (c) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li talba għal deċiżjoni preliminari għandha tinkludi, minbarra t-test tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari espożizzjoni sommarja tas-suġġett tat-tilwima kif ukoll tal-fatti rilevanti, kif ġew ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju jew, tal-inqas, espożizzjoni tal-fatti li fuqhom id-domandi huma bbażati u espożizzjoni tal-motivi li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex tistaqsi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll ir-rabta li hija tistabbilixxi bejn dawn id-dispożizzjonijiet u l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fil-kawża prinċipali.

52

F’dan il-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din it-talba tipprovdi, għalkemm fil-qosor, il-preċiżazzjonijiet neċessarji f’dak li jikkonċerna l-fatti rilevanti u s-suġġett tal-kawża prinċipali, jiġifieri, minn naħa, l-ostakolu li jirriżulta, fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, mill-pubblikazzjoni tal-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS u mir-reġistrazzjoni, fil-fajls nazzjonali tad-data, tad-data personali li tikkonċernah li tinsab f’dan l-avviż għall-eżerċizzju tal-moviment liberu minn WS fi Stati Membri u fi Stati kontraenti minbarra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll, minn naħa, l-isforzi mwettqa minn WS sabiex jikseb it-tneħħija ta’ dan l-ostakolu permezz ta’ rikors ippreżentat kontra dan l-aħħar Stat Membru. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat, hekk kif issemma fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, ir-raġunijiet li wassluha sabiex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u r-rabta li, fil-fehma tagħha, teżisti bejn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija f’din it-talba u l-kawża prinċipali.

53

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-partijiet ikkonċernati kollha li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienu fil-pożizzjoni li effettivament jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, fir-rigward tal-fatti rilevanti u tas-suġġett tal-kawża prinċipali hekk kif deskritti fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

54

Fit-tieni lok, il-fatt li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li WS ma jidhirx li eżerċita, wara l-pubblikazzjoni tal-avviż aħmar li jirrigwardah, id-dritt tiegħu għall-moviment liberu skont l-Artikolu 21(1) TFUE, ma jfissirx li l-problema prevista minn din it-talba hija ipotetika. Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li WS ippreżenta r-rikors pendenti quddiemha preċiżament sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu mingħajr ma jieħu r-riskju li jiġi arrestat fl-Istat Membru fejn jixtieq imur, minħabba l-eżistenza tal-imsemmi avviż.

55

Barra minn hekk, fir-rigward tad-Direttiva 2016/680, għalkemm huwa minnu li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirreferix għal provi li juru li data personali li tikkonċerna lil WS, li tinsab fl-avviż aħmar li jirrigwardah, effettivament ġiet irreġistrata fil-fajls tad-data tal-Istati Membri minbarra dik miżmuma mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż minn Interpol, madankollu hemm lok li jiġi rrilevat li ma huwiex konċepibbli li l-Istati Membri ta’ Interpol, li fosthom hemm l-Istati Membri kollha u l-Istati kontraenti kollha, jistgħu, f’dak li jikkonċerna persuni mfittxija permezz ta’ avviż aħmar ta’ Interpol, jeħilsu mill-obbligu tagħhom ta’ “kooperazzjoni kostanti u attiva” ma’ din l-organizzazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 31 tal-Istatut ta’ Interpol, mingħajr ma jirreġistraw fil-fajls tad-data proprja tagħhom id-data personali ta’ dawn il-persuni li tinsab f’tali avviż, ħlief jekk jeżistu raġunijiet validi li ma jwettqux dan.

56

Barra minn hekk, mill-Artikolu 80 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data jirriżulta li, meta avviż aħmar jiġi ppubblikat minn Interpol, l-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri ta’ din l-organizzazzjoni jittrażmettu d-data kollha li tinsab f’tali avviż, li fost din hemm data personali tal-persuna kkonċernata minn dan l-avviż, lill-awtoritajiet kompetenti kollha tal-Istat Membru tagħhom. Issa, ebda element li ġie mgħarraf lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi ddubitat li tali trażmissjoni seħħet, fl-Istati Membri, fir-rigward tad-data personali li tikkonċerna lil WS li tinsab fl-avviż aħmar li jirrigwardah.

57

Fit-tielet lok, il-fatt li d-domandi preliminari jikkonċernaw esklużivament l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri u lill-Istati kontraenti li ma humiex ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jfissirx li dawn id-domandi ma għandhom ebda rabta mal-kawża prinċipali. Fil-fatt, għalkemm din it-tilwima tirrigwarda l-allegat obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, għaldaqstant, tal-awtoritajiet Ġermaniżi, li jipproteġu lil WS kontra l-konsegwenzi negattivi li jistgħu jirriżultaw mill-avviż aħmar ta’ Interpol li jirrigwardah fuq l-eżerċizzju tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu, l-eżistenza u l-portata ta’ dan l-obbligu jistgħu jiddependu mill-obbligi eventwali imposti fuq l-Istati Membri u fuq l-Istati kontraenti f’dak li jikkonċerna persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar ta’ Interpol f’sitwazzjoni fejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem ikun jista’ jiġi applikat, inkluż fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’tali avviż fis-sens tad-Direttiva 2016/680.

58

Fir-raba’ lok, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti, ir-rikors fil-kawża prinċipali huwa dirett esklużivament kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u, għaldaqstant, kontra l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi, l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari ma tistax tiġi kkontestata minħabba li l-qorti tar-rinviju ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-obbligi imposti fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra. Fil-fatt, din il-qorti għandha tiddeċiedi biss, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, fuq l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u fuq l-awtoritajiet Ġermaniżi.

59

Fil-ħames u fl-aħħar lok, għalkemm huwa minnu li, wara t-tneħħija minn Interpol tal-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS, li seħħet fil‑5 ta’ Settembru 2019, l-ostakolu li dan seta’ jippreżenta għall-moviment liberu ta’ WS ma baqax jeżisti, madankollu għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tweġiba tagħha tal‑11 ta’ Novembru 2019 għal mistoqsija ta’ din tal-aħħar li tirriwgarda l-konsegwenzi potenzjali ta’ din it-tneħħija għat-talba għal deċiżjoni preliminari, li WS kien wera l-intenzjoni tiegħu li jadatta r-rikors tiegħu fis-sens ta’ rikors għal konstatazzjoni (Feststellungsklage), sabiex jitlob illum li jiġi kkonstatat l-obbligu tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tieħu l-miżuri neċessarji kollha, minn naħa, sabiex tevita li eventwali avviż aħmar ġdid li jikkonċerna l-istess fatti bħal dawk imsemnija fl-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS jiġi ppubblikat minn Interpol u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet li jitħassar eventwali avviż aħmar ġdid, fil-każ fejn jiġi ppubblikat minn Interpol. Din il-qorti tippreċiża li huwa possibbli wkoll li t-talbiet tar-rikors fil-kawża prinċipali jiġu interpretati fis-sens li minn issa hija tipprevedi rikors għal konstatazzjoni ta’ illegalità (Fortsetzungsfeststellungsklage).

60

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat ukoll li l-kawża prinċipali ma tilfitx is-suġġett tagħha u li, fil-każ ta’ kull wieħed miż-żewġ rikorsi msemmija fil-punt preċedenti, risposta għad-domandi li hija tagħmel tkompli tkun neċessarja għar-riżoluzzjoni ta’ din it-tilwima.

61

Issa, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li, b’mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fir-rigward tal-partikolaritajiet tal-kawża, in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank, C‑39/16, EU:C:2017:813, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tad-diversi domandi preliminari, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-ewwel sar-raba’ domanda u tas-sitt domanda, li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti mill-qorti tar-rinviju, ma huwiex manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, mitluba minn din il-qorti, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali fl-istat li fih tinsab wara t-tneħħija tal-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS, li seħħet fil‑5 ta’ Settembru 2019, u lanqas li l-problema msemmija mit-talba għal deċiżjoni preliminari, wara din it-tneħħija, tkun saret ipotetika.

63

Minn dan isegwi li l-ewwel sar-raba’ domanda u s-sitt domanda għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

64

Dan ma japplikax fir-rigward tal-ħames domanda. Fil-fatt, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tixtieq, essenzjalment, tkun taf jekk Interpol għandhiex livell ta’ protezzjoni tad-data personali suffiċjenti sabiex l-awtoritajiet suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 ikunu jistgħu jipproċedu għat-trasferiment ta’ din id-data lil din l-organizzazzjoni. Issa, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma spjegat għaliex ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda hija neċessarja għall-finijiet tar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali.

65

Ċertament, mill-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data jirriżulta li l-Istat li fit-territorju tiegħu tkun ġiet illokalizzata persuna rikjesta permezz ta’ avviż aħmar jinforma immedjatament lill-awtorità li minnha oriġina dan l-avviż kif ukoll lil Interpol, bla ħsara għar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat u mit-trattati internazzjonali applikabbli. F’dan ir-rigward, avviż aħmar maħruġ minn Interpol jista’ għalhekk iwassal għal trasferiment ta’ data personali minn Stat Membru lejn Interpol. Madankollu, din is-sitwazzjoni ma hijiex imsemmija mill-qorti tar-rinviju li tibbaża ruħha, fir-rigward tad-dubji tagħha dwar l-affidabbiltà tal-Interpol f’termini ta’ protezzjoni tad-data personali, esklużivament fuq il-fatt li din l-organizzazzjoni wettqet trasferiment ta’ tali data lejn l-Istati Membri permezz tal-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS u żammet dan l-avviż fid-data tat-talba għal deċiżjoni preliminari, minkejja l-fatt li, skont il-qorti tar-rinviju, il-prinċipju ta’ ne bis in idem kien applikabbli.

66

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-ħames domanda ma għandha manifestament ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, din għandha tiġi ddikjarata inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

67

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludux l-arrest provviżorju, mill-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti jew minn dawk ta’ Stat Membru, ta’ persuna li jirrigwardaha avviż aħmar ippubblikat minn Interpol, fuq it-talba ta’ Stat terz, meta, minn naħa, din il-persuna tkun diġà ġiet suġġetta għal proċedura kriminali fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru li tkun ingħalqet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, wara li l-persuna kkonċernata tkun issodisfat ċerti kundizzjonijiet u, min-naħa l-oħra, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat kontraenti jew ta’ dan l-Istat Membru jkunu informaw lil Interpol li huma jikkunsidraw li din il-proċedura kienet tikkonċerna l-istess fatti bħal dawk imsemmija mill-imsemmi avviż aħmar.

68

L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li mill-Artikolu 87 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data jirriżulta li, meta persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar tkun illokalizzata fi Stat Membru tal-Interpol, dan l-Istat għandu, b’mod partikolari, jipproċedi bl-arrest provviżorju tal-persuna rikjesta jew inkella jissorvelja jew jirrestrinġi l-movimenti tagħha, sa fejn dawn il-miżuri huma awtorizzati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u mit-trattati internazzjonali applikabbli.

69

L-Artikolu 54 tal-KFS jipprekludi li Stat Membru kontraenti jipproċessa persuna għall-istess fatti bħal dawk li għalihom il-kawża tagħha tkun diġà nqatgħet b’mod finali minn Stat kontraenti ieħor, sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet ta’ dan l-aħħar Stat.

70

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 54 tal-KFS u mill-Artikolu 50 tal-Karta, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jirriżulta minn tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-Istati kontraenti. Għaldaqstant, l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, li tiegħu jiżgura l-osservanza tal-kontenut essenzjali (sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2018, XC et, C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

71

Fir-rigward tal-Artikolu 21(1) TFUE, dan jipprovdi li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt ta’ moviment u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bla ħsara għal limitazzjonijiet u għall-kundizzjonijiet previsti mit-trattati u mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-applikazzjoni tagħhom.

72

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għall-ewwel sat-tielet domanda, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jistax japplika wkoll fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata minn istanza li ma hijiex qorti kriminali, u, it-tieni nett, jekk persuna kkonċernata minn din id-deċiżjoni, li sussegwentement hija s-suġġett ta’ arrest provviżorju li sar wara l-pubblikazzjoni minn Interpol ta’ avviż aħmar li jirrigwardaha, tistax titqies bħala li hija “ipproċessata”, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, u bħala li hija suġġetta għal din ir-raġuni għal restrizzjoni tal-moviment liberu tagħha inkompatibbli mal-Artikolu 21(1) TFUE, fejn dawn iż-żewġ artikoli jinqraw fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, meta l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex stabbilit iżda l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jew ta’ Stat kontraenti jkunu informaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra jew Stat kontraenti dwar id-dubji tagħhom rigward il-kompatibbiltà ma’ dan il-prinċipju ta’ proċeduri kriminali ġodda li magħhom l-imsemmi avviż huwa marbut.

73

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem jistax japplika wkoll fir-rigward ta’ deċiżjoni adottata minn istanza li ma hijiex qorti kriminali, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS, japplika għal proċeduri ta’ tmiem tal-prosekuzzjoni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 153a tas-StPO, li permezz tagħhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Stat kontraenti jtemm, mingħajr l-intervent ta’ qorti, il-proċedura kriminali, mibdija f’dan l-Istat, wara li l-imputat ikun issodisfa ċerti obbligi u, b’mod partikolari, ikun ħallas ċerta somma flus stabbilita mill-Uffiċċju tal-Prosekutur (sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punti 22, 2748), bil-kundizzjoni li din id-deċiżjoni tibbaża fuq evalwazzjoni fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Marzu 2005, Miraglia, C‑469/03, EU:C:2005:156, punti 3435).

74

Issa, hekk kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, WS kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali fil-Ġermanja, li kienu ngħalqu definittivament permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Jannar 2010, wara li WS ħallas somma ta’ flus, b’mod konformi mal-Artikolu 153a(1) tas-StPO. Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit kemm fl-Artikolu 54 tal-KFS kif ukoll fl-Artikolu 50 tal-Karta, jista’ japplika f’dak li jikkonċerna l-fatti msemmija f’din id-deċiżjoni.

75

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 54 tal-KFS jistax jipprekludi l-arrest provviżorju ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ta’ Interpol, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprekludi li persuna li l-kawża tagħha tkun diġà nqatgħtet b’mod finali minn Stat kontraenti tiġi “ipproċessata” minn Stat kontraenti ieħor.

76

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS ma tippermettix, waħedha, li tingħata risposta għad-domanda dwar jekk persuna kkonċernata minn avviż aħmar ta’ Interpol li hija s-suġġett ta’ arrest provviżorju tistax titqies bħala li hija “ipproċessata” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

77

Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78

Fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 54 tal-KFS, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 50 tal-Karta, li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ ne bis in idem fl-iskala tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, jipprovdi li l-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà nstabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skont il-liġi. Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna (sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

79

Fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mill-Artikolu 54 tal-KFS, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem stabbilit f’dan l-artikolu huwa intiż li jevita, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, li persuna li l-kawża tagħha tkun inqatgħet b’mod finali tkun, minħabba l-fatt li teżerċita d-dritt tagħha ta’ moviment liberu, ipproċessata għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti, sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali permezz tal-osservanza ta’ deċiżjonijiet ta’ korpi pubbliċi li saru definittivi fl-assenza ta’ armonizzazzjoni jew ta’ approssimazzjoni ta’ liġijiet kriminali tal-Istati Membri. Fil-fatt, f’dan ir-rigward l-Artikolu 54 tal-KFS għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 3(2) TUE, li jipprovdi li l-Unjoni għandha toffri liċ-ċittadini tagħha spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun żgurat, flimkien ma’ miżuri xierqa f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prevenzjoni tal-kriminalità u tal-ġlieda kontriha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 4446 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). B’mod iktar partikolari, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li persuna li l-kawża tagħha tkun diġà nqatgħet b’mod finali għandha tkun tista’ tiċċirkola liberament mingħajr biża ta’ proċeduri kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et, C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

80

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 54 tal-KFS jimplika neċessarjament li teżisti fiduċja reċiproka bejn l-Istati kontraenti fis-sistemi rispettivi tagħhom ta’ ġustizzja kriminali u li kull wieħed minnhom jaċċetta l-applikazzjoni tad-dritt kriminali fis-seħħ fl-Istati kontraenti l-oħra, anki meta l-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali tiegħu twassal għal soluzzjoni differenti. Din il-fiduċja reċiproka teħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati tat-tieni Stat kontraenti jaċċettaw deċiżjoni definittiva li tkun ingħatat fit-territorju tal-ewwel Stat kontraenti hekk kif kienet ġiet ikkomunikata lil dawn l-awtoritajiet (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 5051).

81

Madankollu, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li din il-fiduċja reċiproka tista’ taħdem biss jekk it-tieni Stat kontraenti jkun fil-pożizzjoni li jiżgura ruħu, abbażi tad-dokumenti kkomunikati mill-ewwel Stat kontraenti, li d-deċiżjoni kkonċernata meħuda mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat fil-fatt tikkostitwixxi deċiżjoni definittiva li tinkludi evalwazzjoni fuq il-mertu tal-kawża (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski, C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 52).

82

Isegwi li l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti huma obbligati jastjenu milli jipproċessaw huma stess persuna għal ċerti fatti, jew li jassistu Stat terz fil-prosekuzzjoni ta’ tali persuna billi jipproċedu għall-arrest provviżorju tagħha, biss jekk huwa paċifiku li l-kawża ta’ din il-persuna tkun diġà nqatgħet b’mod finali għall-istess fatti minn Stat kontraenti ieħor, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, u li, konsegwentement, japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

83

Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 94 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-Artikolu 57 tal-KFS, li jipprovdi li l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti li fih persuna hija akkużata b’reat jistgħu, meta jkollhom raġunijiet sabiex jemmnu li din l-akkuża tikkonċerna l-istess fatti bħal dawk li għalihom il-kawża tagħha tkun diġà nqatgħet b’mod finali minn Stat kontraenti ieħor, jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat tal-aħħar l-informazzjoni neċessarja sabiex jiddeterminaw jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplikax. Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-unika possibbiltà li dan il-prinċipju japplika ma hijiex biżżejjed sabiex Stat kontraenti jkun prekluż milli jieħu kull miżura ta’ prosekuzzjoni kontra l-persuna kkonċernata.

84

Issa, l-arrest provviżorju ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ta’ Interpol, ippubblikat fuq it-talba ta’ Stat terz, jista’ jikkostitwixxi, f’sitwazzjoni fejn jeżisti dubju rigward l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, stadju indispensabbli sabiex isiru l-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li l-persuna kkonċernata taħrab u b’hekk tevita eventwali prosekuzzjoni, fl-imsemmi Stat terz, għal fatti li fir-rigward tagħhom il-kawża tagħha ma kinitx inqatgħet b’mod finali minn Stat kontraenti. Isegwi li, f’sitwazzjoni bħal din, l-Artikolu 54 tal-KFS ma jipprekludix tali arrest provviżorju, sa fejn dan ikun indispensabbli għall-finijiet ta’ dawn il-verifiki.

85

Din l-istess interpretazzjoni għandha tingħata fir-rigward tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta.

86

F’dan ir-rigward, għalkemm arrest provviżorju ċertament jikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tal-persuna kkonċernata għall-moviment liberu, dan għandu madankollu, f’sitwazzjoni fejn l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tibqa’ inċerta, jitqies li huwa ġġustifikat mill-għan leġittimu li tiġi evitata l-impunità ta’ din il-persuna, għan li, hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, jaqa’ fil-kuntest tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni li fi ħdanu huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni, previst fl-Artikolu 3(2) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin, C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 3637, kif ukoll tat‑2 ta’ April 2020, Ruska FederacijaC‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 60).

87

Fil-fatt, tali arrest provviżorju huwa ta’ natura li jiffaċilita l-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali kontra l-imsemmija persuna wara l-eventwali estradizzjoni tagħha lejn l-Istat terz li fuq talba tiegħu l-avviż aħmar ta’ Interpol li jirrigwardaha jkun ġie ppubblikat, fl-ipoteżi fejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jipprekludix dan. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-estradizzjoni hija proċedura intiża preċiżament sabiex tiġi miġġielda l-impunità ta’ persuna li tinsab f’territorju differenti minn dak li fih tkun allegatament wettqet reat, billi tippermetti għalhekk li jiġi evitat li jibqgħu mingħajr sanzjoni r-reati mwettqa fit-territorju ta’ Stat minn persuni li jkunu ħarbu minn dan it-territorju (sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Isegwi li kemm l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti kif ukoll dawk ta’ Stat Membru huma liberi li jipproċedu għall-arrest provviżorju ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar ippubblikat minn Interpol sakemm ma jkunx stabbilit li japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

89

Min-naħa l-oħra, meta l-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti jew ta’ Stat Membru li lejh tiċċaqlaq din il-persuna jkunu saru jafu bil-fatt li ttieħdet fi Stat kontraenti ieħor jew fi Stat Membru ieħor deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-fatti koperti mill-imsemmi avviż aħmar, jekk ikun il-każ wara li tkun inkisbet l-informazzjoni neċessarja mingħand awtoritajiet kompetenti tal-Istat kontraenti jew tal-Istat Membru li fih ikun allegat li prosekuzzjoni li tirrigwarda l-istess fatti tkun ġiet magħluqa, kemm il-fiduċja reċiproka li l-Artikolu 54 tal-KFS jimplika bejn Stati kontraenti, imfakkar fil-punt 80 ta’ din is-sentenza, kif ukoll id-dritt għal moviment liberu ggarantit fl-Artikolu 21(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, jipprekludu arrest provviżorju tal-imsemmija persuna minn dawn l-awtoritajiet jew, skont il-każ, iż-żamma ta’ dan l-arrest.

90

Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tal-Artikolu 54 tal-KFS, l-arrest provviżorju għandu jitqies, f’tali sitwazzjoni, bħala miżura li ma għadhiex intiża sabiex jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem humiex issodisfatti iżda biss sabiex jikkontribwixxi għall-eżerċizzju effettiv ta’ prosekuzzjoni kontra l-persuna kkonċernata fl-Istat terz li twassal għall-pubblikazzjoni tal-avviż aħmar inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara l-estradizzjoni tagħha lejn dan tal-aħħar.

91

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, ir-restrizzjoni tad-dritt tal-persuna kkonċernata mill-avviż aħmar għall-moviment liberu li l-arrest provviżorju tagħha jimplika ma hijiex, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, iġġustifikata mill-għan leġittimu li jiġi evitat ir-riskju ta’ impunità, peress li l-kawża ta’ din il-persuna kienet diġà nqatgħet b’mod finali għall-fatti msemmija minn dan l-avviż aħmar.

92

Sabiex jiġi żgurat, f’tali sitwazzjoni, l-effett utli tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, huma l-Istati Membri u l-Istati kontraenti li għandhom jiżguraw id-disponibbiltà ta’ rimedji ġudizzjarji li jippermettu lill-persuni kkonċernati jiksbu deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tikkonstata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, kif imsemmi fil-punt 89 ta’ din is-sentenza.

93

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, imsemmija fil-punti 89 sa 91 ta’ din is-sentenza, ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mqajma minn uħud mill-gvernijiet li pparteċipaw fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 54 tal-KFS huwa applikabbli biss fi ħdan iż-żona Schengen u l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jikkostitwixxix raġuni assoluta li tiġġustifika rifjut ta’ estradizzjoni skont il-Ftehim UE-USA.

94

Fil-fatt, minn naħa, minkejja li l-Artikolu 54 tal-KFS ma jorbotx, ovvjament, Stat li ma huwiex fost l-Istati kontraenti u li għalhekk ma jagħmilx parti miż-żona Schengen, għandu jiġi rrilevat li l-arrest provviżorju ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ta’ Interpol minn wieħed mill-Istati kontraenti jikkostitwixxi, anki jekk dan l-avviż kien ġie ppubblikat fuq it-talba ta’ Stat terz fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li dan kien beda kontra din il-persuna, att ta’ dan l-Istat kontraenti li għalhekk jidħol fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jestendu, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 86 u 87 ta’ din is-sentenza, fit-territorju tal-Istati kontraenti u li għandu l-istess konsegwenza negattiva għad-dritt għall-moviment liberu tal-imsemmija persuna bħall-istess att li twettaq fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali li jiżvolġu għalkollox f’dan l-Istat kontraenti.

95

Isegwi li, kif ikkunsidra l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija biss interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS li tali att ta’ Stat kontraenti jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “ipproċessar”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, li hija ta’ natura li tilħaq l-għan li l-imsemmi artikolu huwa intiż li jilħaq.

96

Il-legalità tal-att ta’ wieħed mill-Istati kontraenti li jikkonsisti fl-arrest provviżorju ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ta’ Interpol tiddependi għalhekk mill-konformità tiegħu mal-Artikolu 54 tal-KFS, filwaqt li l-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza juru sitwazzjoni li fiha tali arrest jikser din id-dispożizzjoni.

97

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Ftehim UE-USA, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, dan il-ftehim, li l-għan tiegħu huwa, b’mod konformi mal-Artikolu 1 tiegħu, li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti tal-Amerika fil-kuntest tar-relazzjonijiet fis-seħħ bejn l-Istati Membri u dan l-Istat terz fil-qasam ta’ estradizzjoni, ma jipprevedix espliċitament li l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirrifjutaw estradizzjoni mitluba mill-Istati Uniti tal-Amerika.

98

Madankollu, għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni msemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-arrest provviżorju ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar ippubblikat minn Interpol, fuq it-talba ta’ Stat terz, u mhux l-estradizzjoni ta’ din il-persuna lejn dan l-Istat. Sabiex jiġi vverifikat jekk l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS imsemmija fil-punti 89 u 90 ta’ din is-sentenza tistax tmur kontra d-dritt internazzjonali, huwa għalhekk neċessarju li l-ewwel nett jiġu eżaminati d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-pubblikazzjoni tal-avviżi ħomor ta’ Interpol u l-konsegwenzi legali ta’ dawn l-avviżi, li jidhru fl-Artikoli 82 sa 87 tar-Regoli tal-Interpol dwar l-ipproċessar tad-data.

99

Issa, mill-Artikolu 87 ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li l-Istati Membri ta’ Interpol huma obbligati, fil-każ fejn persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar tiġi llokalizzata fit-territorju tagħhom, li jipproċedu għall-arrest provviżorju ta’ din il-persuna biss sa fejn tali miżura tkun “awtorizzata […] mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u mit-trattati internazzjonali applikabbli”. Fil-każ fejn l-arrest provviżorju ta’ persuna li tkun is-suġġett ta’ avviż aħmar ta’ Interpol huwa inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, meta dan l-avviż jikkonċerna fatti li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, Stat Membru tal-Interpol għalhekk ma jonqosx milli jwettaq, billi jastjeni ruħu milli jwettaq tali arrest, l-obbligi imposti fuqu bħala membru ta’ din l-organizzazzjoni.

100

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm, fl-assenza ta’ regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw l-estradizzjoni ta’ ċittadini tal-Istati Membri lejn Stat terz, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jadottaw tali regoli, dawn l-istess Stati Membri huma obbligati jeżerċitaw din il-kompetenza fl-osservanza tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, tal-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fit-territorju tal-Istati Membri ggarantita mill-Artikolu 21(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 45, u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija, C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 48).

101

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ma ġiex stabbilit li l-avviż aħmar li jirrigwarda lil WS, li kien ġie ppubblikat fl-2012 minn Interpol, kien jikkonċerna l-istess fatti bħal dawk li għalihom il-kawża ta’ din il-persuna kienet diġà nqatgħet b’mod finali, fis-sens tal-Artikolu 54 tal-KFS, fil-Ġermanja.

102

Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, b’mod konformi ma’ dak li ġie espost fil-punt 88 ta’ din is-sentenza, l-arrest provviżorju ta’ WS fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru ma jiksirx f’dan l-istadju la l-Artikolu 54 tal-KFS u lanqas l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta.

103

Tali riżultat huwa koerenti, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45) u tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

104

Minn naħa, minkejja li, skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hija rrifjutata jekk mill-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jirriżulta li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika, mill-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas jirriżulta, li, meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, hija din l-awtorità li għandha tiddeċiedi jekk din il-persuna għandhiex tinżamm f’detenzjoni b’mod konformi mad-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Isegwi li arrest tal-persuna kkonċernata jew iż-żamma tagħha f’detenzjoni huma esklużi biss bil-kundizzjoni li l-imsemmija awtorità tkun stabbilixxiet li japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

105

Min-naħa l-oħra, filwaqt li, skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2014/41, l-eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea maħruġa minn Stat Membru tista’ tiġi rrifjutata fl-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni meta din l-eżekuzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem, mill-premessa 17 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, fid-dawl tan-natura preliminari tal-proċeduri li fuqhom hija bbażata l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, l-eżekuzzjoni tagħha ma għandhiex tiġi rrifjutata meta din tkun intiża sabiex tistabbilixxi jekk jeżistix eventwali ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

106

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 54 tal-KFS kif ukoll l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-arrest provviżorju, mill-awtoritajiet ta’ Stat kontraenti jew minn dawk ta’ Stat Membru, ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ippubblikat minn Interpol, fuq it-talba ta’ Stat terz, ħlief jekk jiġi stabbilit, f’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva meħuda fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru, li l-kawża ta’ din il-persuna kienet diġà nqatgħet b’mod finali rispettivament minn Stat kontraenti jew minn Stat Membru għall-istess fatti bħal dawk li fuqhom dan l-avviż aħmar huwa bbażat.

Fuq ir-raba’ u s-sitt domanda

107

Permezz tar-raba’ u tas-sitt domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-ipproċessar tad-data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, meta l-kawża tal-persuna kkonċernata minn dan l-avviż tkun diġà nqatgħet b’mod finali minn Stat Membru għall-istess fatti bħal dawk li fuqhom l-imsemmi avviż huwa bbażat u meta, b’konsegwenza, japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

108

B’mod iktar speċifiku, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ bħal dan, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħux jipproċedu għar-reġistrazzjoni tad-data personali li tinsab f’tali avviż aħmar fil-fajls tad-data tagħhom jew iżommu tali reġistrazzjoni meta din tkun diġà seħħet.

109

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, “ipproċessar” ifisser, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, […] tħassir jew il-qerda”.

110

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, din tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tal-imsemmija direttiva, jiġifieri għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika.

111

Ir-reġistrazzjoni fil-fajls tad-data ta’ Stat Membru tad-data personali li tinsab f’avviż aħmar ta’ Interpol, imwettqa mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat abbażi tad-dritt nazzjonali, għalhekk tikkostitwixxi pproċessar ta’ din id-data li jaqa’ taħt id-Direttiva 2016/680. L-istess japplika għal kull attività jew sensiela ta’ attivitajiet applikati għal din id-data fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva.

112

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jipprovdu li d-data personali għandha, minn naħa, tiġi pproċessata b’mod legali u ġust u, min-naħa l-oħra, tinġabar għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi, u pproċessata b’mod li ma jkunx inkompatibbli ma’ dawn l-iskopijiet. L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li “l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

113

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 25 tad-Direttiva 2016/680, peress li, sabiex teżegwixxi l-missjoni tagħha, Interpol tirċievi, iżżomm u xxerred data personali sabiex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ din l-organizzazzjoni jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità internazzjonali, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol “bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali”.

114

Isegwi li pproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar ta’ Interpol, mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għandu skop leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2016/680.

115

Ċertament, l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2016/680 jipprevedi li, sabiex ikun konformi ma’ din id-direttiva, l-ipproċessar ta’ data personali għandu jkun legali. Huwa minnu wkoll li, hekk kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, mill-Artikolu 7(3) u mill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680 jirriżulta li t-tħassir ta’ data personali jista’, bħala prinċipju, jintalab jekk din id-data tkun ġiet trażmessa b’mod illegali.

116

Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jistax jiġi dedott mill-fatt li avviż aħmar maħruġ minn Interpol jikkonċerna fatti li għalihom il-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ japplika li d-data personali li tinsab f’dan l-avviż kienet ġiet trażmessa b’mod illegali u li l-ipproċessar ta’ din id-data għandu jitqies li huwa illegali.

117

Fil-fatt, minn naħa, it-trażmissjoni tal-imsemmija data, imwettqa minn Interpol, ma tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data personali kopert mid-Direttiva 2016/680, peress li din l-organizzazzjoni ma hijiex “awtorità kompetenti” fis-sens tal-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, la l-imsemmija direttiva u lanqas ebda regola oħra tad-dritt tal-Unjoni ma tipprevedi li pproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar ta’ Interpol huwa eskluż peress li jista’ japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

118

Tali pproċessar, li huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Istati Membri, huwa, bħala prinċipju, neċessarju wkoll għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawn l-Istati, għall-iskopijiet stabbiliti fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2016/680, fis-sens tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dawn l-awtoritajiet kompetenti, li jinkludu, skont il-punt 7 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kwalunkwe awtorità pubblika kompetenti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà pubblika, ma jkunux fil-pożizzjoni li jissodisfaw il-missjoni tagħhom jekk ma kienx possibbli għalihom, bħala prinċipju, li jużaw mill-ġdid, fil-fajls nazzjonali tad-data, id-data personali ta’ persuna li tinsab f’avviż aħmar ta’ Interpol li jirrigwardaha u li jsir kull ipproċessar ieħor ta’ din id-data li jista’ jirriżulta neċessarju f’dan il-kuntest.

119

Barra minn hekk, b’mod konformi ma’ dak li ġie espost fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar ta’ Interpol mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jista’, meta jeżistu biss indizji li jissuġġerixxu li l-imsemmi avviż jikkonċerna fatti li għalihom japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, jirriżulta indispensabbli preċiżament għall-finijiet li jiġi vverifikat jekk dan huwiex il-każ.

120

Madankollu, għandu jitfakkar li, meta jkun ġie stabbilit, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva meħuda fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru, li avviż aħmar maħruġ minn Interpol effettivament jirrigwarda l-istess fatti bħal dawk li fir-rigward tagħhom il-persuna kkonċernata minn dan l-avviż tkun diġà nqatgħet il-kawża tagħha b’mod finali, u li, b’konsegwenza, japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, din il-persuna ma tistax, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda u fir-rigward tal-Artikolu 54 tal-KFS moqri fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta, tkun iktar is-suġġett ta’ proċeduri kriminali għall-istess fatti u, b’konsegwenza, ma tistax tiġi iktar arrestata, abbażi ta’ dawn il-fatti, fl-Istati Membri. Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-reġistrazzjoni, fil-fajls tad-data tal-Istati Membri, tad-data personali li tidher f’avviż aħmar ta’ Interpol, ma għadhiex iktar neċessarja, tant li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ titlob lill-persuna responsabbli mill-ipproċessar, skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2016/680, it-tħassir fl-iqsar żmien possibbli ta’ data personali li tikkonċernaha. Jekk, madankollu, din ir-reġistrazzjoni tinżamm, din għandha tkun akkumpanjata bl-indikazzjoni li l-persuna inkwistjoni ma tistax tiġi iktar ipproċessata fi Stat Membru jew fi Stat kontraenti għall-istess fatti minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

121

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ u s-sitt domanda għandhom jiġu risposti li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 54 tal-KFS u tal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol, sakemm ma jkunx ġie stabbilit, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva meħuda fi Stat kontraenti jew fi Stat Membru, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika fir-rigward ta’ fatti li fuqhom dan l-avviż huwa bbażat, sa fejn tali pproċessar jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari sa fejn huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni mwettqa minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

Fuq l-ispejjeż

122

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L‑Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal‑14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmata f’Schengen fid‑19 ta’ Ġunju 1990 u li daħlet fis-seħħ fis‑26 ta’ Marzu 1995 kif ukoll l-Artikolu 21(1) TFUE, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-arrest provviżorju, mill-awtoritajiet ta’ Stat li huwa parti mill-Ftehim konkluż bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985, jew minn dawk ta’ Stat Membru, ta’ persuna kkonċernata minn avviż aħmar ippubblikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol), fuq it-talba ta’ Stat terz, ħlief jekk jiġi stabbilit, f’deċiżjoni ġudizzjarja definittiva meħuda fi Stat li huwa parti minn dan il-ftehim jew fi Stat Membru, li l-kawża ta’ din il-persuna kienet diġà nqatgħet b’mod finali rispettivament minn Stat li huwa parti f’dan il-ftehim jew minn Stat Membru għall-istess fatti bħal dawk li fuqhom dan l-avviż aħmar huwa bbażat.

 

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, iffirmat fid-19 ta’ Ġunju 1990, u tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol), sakemm ma jkunx ġie stabbilit, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva meħuda fi Stat li huwa parti mill-Ftehim konkluż bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja u tar-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, iffirmat f’Schengen fl‑14 ta’ Ġunju 1985, jew fi Stat Membru, li l-prinċipju ta’ ne bis in idem japplika fir-rigward ta’ fatti li fuqhom dan l-avviż huwa bbażat, sa fejn tali pproċessar jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti minn din id-direttiva, b’mod partikolari sa fejn huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ missjoni mwettqa minn awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

 

3)

Il-ħames domanda preliminari hija inammissibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.