SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Kodiċi Doganali tal-Komunità – Regolament (KEE) Nru 2913/92 – Verifika tal-merkanzija – Talba għal reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali – Verifika a posteriori

Fil-Kawża C‑496/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria regionale della Campania — sezione staccata di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Campania — Sezzjoni ta’ Salerno, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Ġunju 2019, fil-proċedura

Antonio Capaldo SpA

vs

Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle dogane di Salerno,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi, President tal-Awla, J. Malenovský u N. Wahl (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Antonio Capaldo SpA, minn P. Giordano u R. Salzano, avvocati, kif ukoll minn D. De Rosa,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Albenzio, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Clotuche-Duvieusart, M. Salyková u C. Sjödin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn Antonio Capaldo SpA u l-Agenzia delle dogane e dei monopoli – Ufficio delle dogane di Salerno (l-Aġenzija tad-Dwana u tal-Monopolji – Uffiċċju Doganali ta’ Salerno, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Doganali”) dwar ir-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

3

L-Artikolu 62 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi:

“1.   Dikjarazzjonijiet bil-miktub għandhom isiru fuq formola li tikkorrispondi mal-kampjun uffiċjali preskritt għal dak l-għan. Għandhom jiġu ffirmati u jkun fihom id-dettalji neċessarji għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.

2.   Id-dikjarazzjoni għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li għaliha l-merkanzija tkun dikjarata.”

4

L-Artikolu 65 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi:

“Id-dikjarazzjoni għandha, fuq talba tiegħu, tkun awtorizzata sabiex temenda waħda jew aktar mid-dettalji tad-dikjarazzjoni wara li tkun ġiet aċċettata mid-dwana. L-emenda m’għandux ikollha l-effett li tirrendi d-dikjarazzjoni applikabbli għal merkanzija ħlief dik li oriġinarjament kienet tkopri.

Iżda, ebda emenda m’għandha tiġi permessa meta l-awtorizzazzjoni tintbagħat wara li l-awtoritajiet doganali

a)

ikunu informaw lil min għamel id-dikjarazzjoni li bi ħsiebhom jeżaminaw il-merkanzija; jew,

b)

ikunu stabbilew li d-dettalji konċernati m’humiex korretti; jew,

c)

ikunu ħelsu l-merkanzija.”

5

L-Artikolu 78 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija.

2.   L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta.

3.   Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Matul is-sena 2011, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali importat paviljuni tal-ġnien miċ-Ċina, uħud minnhom bi struttura tal-ħadid u oħrajn bi struttura tal-aluminju. Hija ddikjarathom taħt il-kodiċi tariffarju 6306120000, li jipprovdi rata taxxabbli ta’ 12 % għall-merkanzija kkonċernata. Hija wettqet importazzjonijiet oħra taħt l-istess kodiċi tariffarju.

7

Wara awditu intern, imwettaq minn uffiċċju ta’ konsulenza fil-qasam doganali, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali madankollu qieset li l-kodiċi tariffarju attribwit lil dawn il-paviljuni tal-ġnien ma kienx korrett. Fil-fehma tagħha, il-paviljuni tal-ġnien bi struttura tal-ħadid kellhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi tariffarju 7308909900, li jipprevedi rata taxxabbli żero, u dawk bi struttura tal-aluminju taħt il-kodiċi tariffarju 7610909900, li jipprevedi rata taxxabbli ta’ 6 %.

8

Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqet żewġ talbiet quddiem l-Uffiċċju Doganali sabiex tikseb, minn naħa, ir-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali tagħha u, min-naħa l-oħra, ir-rimbors tas-somom li, fil-fehma tagħha, hija ma kellhiex tħallas bħala dazji doganali u taxxa fuq il-valur miżjud li kieku ġie applikat il-kodiċi tariffarju propost minnha. L-Uffiċċju Doganali ċaħad dawn it-talbiet.

9

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kkontestat id-deċiżjonijiet li ċaħdu l-imsemmija talbiet quddiem il-Commissione tributaria provinciale di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Salerno, l-Italja). Quddiem din il-qorti, l-Uffiċċju Doganali ġġustifika ċ-ċaħda tal-istess talbiet billi sostna, minn naħa, li huwa ma kienx obbligat jilqa’ t-talba għal reviżjoni mressqa quddiemu u, min-naħa l-oħra, li l-intestatura tariffarja applikata kienet korretta. Fir-rigward tat-talba għal reviżjoni, huwa enfasizza li importazzjoni tal-istess tip kienet is-suġġett ta’ spezzjoni fiżika u li din ma kinitx ġiet ikkontestata mill-aġent tal-iżdoganar li jirrappreżenta lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

10

Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2015, il-Commissione tributaria provinciale di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Salerno) ċaħdet ir-rikors ippreżentat quddiemha billi essenzjalment irriproduċiet l-argumenti tal-Uffiċċju Doganali. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Commissione tributaria regionale della Campania — sezione stacata di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Campania — Sezzjoni ta’ Salerno, l-Italja).

11

Barra minn hekk, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija parti f’żewġ kawżi oħra distinti, li huma wkoll is-suġġett ta’ appell quddiem din l-aħħar qorti. Għalhekk, minn naħa, hija ppreżentat rikors kontra deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2015 dwar kawża simili, li permezz tagħha l-Commissione tributaria provinciale di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Provinċjali ta’ Salerno), f’termini simili, ċaħdet it-talba tagħha. Min-naħa l-oħra, f’każ simili, l-Uffiċċju Doganali ppreżenta rikors kontra deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2015, li permezz tagħha din l-aħħar qorti, f’kompożizzjoni differenti, laqgħet, għall-kuntrarju, ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

12

Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tgħaqqad dawn it-tliet kawżi, għall-finijiet ta’ deċiżjoni unika.

13

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Commissione tributaria regionale della Campania — sezione staccata di Salerno (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali ta’ Campania — Sezzjoni ta’ Salerno) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-ispezzjoni fiżika tal-merkanzija mwettqa meta din tiġi importata tipprekludi l-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-verifika prevista fl-Artikolu 78 tal-[Kodiċi Doganali]?”

Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

14

Il-Gvern Taljan iqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Huwa jsostni, fl-ewwel lok, li d-domanda magħmula ma hijiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawżi prinċipali. Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju qieset b’mod żbaljat li l-Uffiċċju Doganali ma kienx fetaħ il-proċedura ta’ reviżjoni. Fir-realtà, dan l-uffiċċju beda din il-proċedura u kkonkluda b’mod sfavorevoli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mingħajr ma qies li l-eżami fiżiku tal-merkanzija jippermetti, fih innifsu, li jeskludi r-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet magħmula.

15

Fit-tieni lok, din il-qorti kisret il-funzjoni tagħha billi ma osservatx l-obbligu tagħha li tivverifika, preliminarjament, jekk l-Uffiċċju Doganali eżerċitax b’mod korrett is-setgħa diskrezzjonali tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali.

16

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, fil-każ li dawn id-domandi jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi magħmula mill-qrati nazzjonali jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, jekk il-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija domandi (sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punti 24 u 25; tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 45, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Dobersberger, C‑16/18, EU:C:2019:1110, punti 18 u 19).

17

F’dan il-każ, id-domanda magħmula tirrigwarda l-konformità mal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet doganali nazzjonali kompetenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda rabta mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, il-preżunzjoni ta’ rilevanza li tibbenefika minnha t-talba għal deċiżjoni preliminari ma hijiex ikkonfutata mill-oġġezzjonijiet magħmula mill-Gvern Taljan, li jikkonsistu, essenzjalment, fil-kontestazzjoni, minn naħa, tal-kuntest fattwali li l-qorti tar-rinviju tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu u, min-naħa l-oħra, tal-legalità tad-deċiżjoni tar-rinviju li lanqas ma għandha tiġi evalwata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

18

Konsegwentement, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-possibbiltà ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali meta l-merkanzija kkonċernata tkun ġiet suġġetta, matul importazzjoni preċedenti, mingħajr kontestazzjoni, għal spezzjoni fiżika li tikkonferma l-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.

20

Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma tinkludi ebda restrizzjoni, la fir-rigward tal-possibbiltà għall-awtoritajiet doganali li jirrepetu reviżjoni jew verifika a posteriori, fis-sens tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu, u lanqas fir-rigward tal-adozzjoni, minnhom, tal-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, prevista fil-paragrafu 3 tal-imsemmi artikolu.

21

Fit-tieni lok, kemm l-għan stess tal-Kodiċi Doganali, li huwa intiż li jiżgura applikazzjoni korretta tat-taxxi previsti minnu, kif ukoll il-loġika speċifika tal-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi, li tikkonsisti fl-allinjament tal-proċedura doganali mas-sitwazzjoni reali, billi jiġu kkoreġuti l-iżbalji jew l-ommissjonijiet materjali kif ukoll l-iżbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli, jimmilitaw kontra interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu li tippermetti li jiġi eskluż b’mod ġenerali li l-awtoritajiet doganali jipproċedu għal reviżjonijiet jew għal verifiki oħra a posteriori tad-dikjarazzjonijiet doganali, sabiex jirregolarizzaw, skont il-każ, is-sitwazzjoni (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

Kuntrarjament għar-rettifika prevista fl-Artikolu 65 tal-Kodiċi Doganali, li ssir unilateralment mid-dikjarant qabel l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija, ir-reviżjoni sseħħ wara l-għoti tar-rilaxx, u b’hekk tiġġustifika li l-awtoritajiet doganali jkollhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-possibbiltà li jirrevedu jew le r-reviżjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, C‑468/03, Overland Footwear, EU:C:2005:624, punt 66).

23

Xorta jibqa’ l-fatt li din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija limitata.

24

Qabelxejn, meta tkun tressqet talba għal reviżjoni, l-awtoritajiet doganali huma obbligati jeżaminaw il-kwistjoni dwar jekk hemmx lok jew le li jwettqu din ir-reviżjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-possibbiltà materjali li tiġi evalwata n-natura fondata jew le ta’ din it-talba u, fi tmiem dan l-eżami, huma għandhom, bla ħsara għal azzjoni ġudizzjarja, jiċħdu t-talba tad-dikjarant permezz ta’ deċiżjoni motivata jew iwettqu r-reviżjoni mitluba (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, C‑468/03, Overland Footwear, EU:C:2005:624, punt 46 sa 52).

25

Sussegwentement, meta l-eżami li jwettqu jiżvela li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali kkonċernata jkunu ġew applikati fuq il-bażi ta’ elementi ineżatti jew mhux kompluti, l-awtoritajiet doganali għandhom, skont l-Artikolu 78(3) tal-Kodiċi Doganali, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, billi jieħdu inkunsiderazzjoni informazzjoni ġdida li huma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2015, Veloserviss, C‑427/14, EU:C:2015:803, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kliem “informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa”, li jinsabu f’dan l-Artikolu 78(3), għandhom jiġu interpretati bħala li jkopru kemm żbalji jew ommissjonijiet materjali kif ukoll żbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli (sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 63, u tal-10 ta’ Lulju 2019, CEVA Freight Holland, C‑249/18, EU:C:2019:587, punt 32). Konsegwentement, l-awtoritajiet doganali ma jistgħux jiċħdu talba għal reviżjoni għas-sempliċi raġuni li l-importatur ma kkontestax verifika minn qabel, mingħajr ma kiser l-għan tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali.

27

Fl-aħħar nett, meta d-dazji fuq l-importazzjoni mħallsa mid-dikjarant jeċċedu dawk li kienu legalment dovuti fil-mument tal-ħlas tagħhom, il-miżura neċessarja sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni tista’ tikkonsisti biss fir-rimbors tal-ħlas żejjed (sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C‑468/03, EU:C:2005:624, punt 53).

28

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li spezzjoni fiżika tal-merkanzija mwettqa waqt l-importazzjoni tagħha ma tistax, fiha nnifisha, tostakola l-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali prevista fl-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali.

29

Ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali li huwa jipprovdi, anki jekk il-merkanzija kkonċernata tkun ġiet suġġetta, waqt importazzjoni preċedenti, mingħajr kontestazzjoni, għal spezzjoni fiżika li tikkonferma l-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix il-ftuħ tal-proċedura ta’ reviżjoni tad-dikjarazzjoni doganali li huwa jipprovdi, anki jekk il-merkanzija kkonċernata tkun ġiet suġġetta, waqt importazzjoni preċedenti, mingħajr kontestazzjoni, għal spezzjoni fiżika li tikkonferma l-klassifikazzjoni tariffarja tagħha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.