SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom – Direttiva 86/653/KEE – Artikolu 1(2) – Kunċett ta’ ‘aġent kummerċjali’ – Provvista ta’ softwer tal-kompjuter lill-klijenti b’mod elettroniku – Għoti ta’ liċenzja permanenti ta’ użu – Kunċetti ta’ “bejgħ” u ta’ “merkanzija”

Fil-Kawża C‑410/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il‑Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Mejju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

The Software Incubator Ltd

vs

Computer Associates (UK) Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra, D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe (Relatriċi), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal The Software Incubator Ltd, minn O. Segal, QC, u E. Meleagros, solicitor,

għal Computer Associates (UK) Ltd, minn J. Dhillon, QC, u D. Heaton, barrister, kif ukoll minn C. Hopkins u J. Mash, solicitors,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, M. Hellmann u U. Bartl, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati u L. Malferrari, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Diċembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 177).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn The Software Incubator Ltd u Computer Associates (UK) Ltd (iktar ’il quddiem “Computer Associates”) dwar il-pagament ta’ kumpens wara t-terminazzjoni tal-kuntratt li kien jorbot lil dawn iż-żewġ kumpanniji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ

3

Permezz tad-deċiżjoni tiegħu (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020, dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, L 29, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, il-Ftehim dwar il-Ħruġ, li ġie anness ma’ din id-deċiżjoni.

4

L-Artikolu 86 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, intitolat “Kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea”, jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandu jkompli jkollha l-ġuriżdizzjoni biex tieħu deċiżjonijiet preliminari dwar talbiet mill-qrati u t-tribunali tar-Renju Unit li jsiru qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, il-proċedimenti għandhom jitqiesu li ġew istitwiti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari għandhom jitqiesu li jkunu saru, fil-mument li d-dokument li jiftaħ il-proċedimenti jkun ġie rreġistrat mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja […]”.

5

Skont l-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, il-perijodu ta’ tranżizzjoni beda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim u ntemm fit-31 ta’ Diċembru 2020.

Id-Direttiva 86/653

6

It-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva 86/653 jistabbilixxu:

“[B]illi d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali li jikkonċernaw ir-rappreżentanza kummerċjali sostanzjalment jaffettwaw il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni u t-twettiq ta’ dik l-attività [fl-Unjoni Ewropea] u huma ta’ ħsara kemm għal protezzjoni disponibbli għal aġenti kummerċjali vis-à-vis il-prinċipali tagħhom u kemm għas-sigurtà ta’ operazzjonijiet kummerċjali; billi barra minn hekk dawk id-differenzi huma tali li jipprevienu sostanzjalment il-konklużjoni u l-operazzjoni ta’ kuntratti ta’ rappreżentanza kummerċjali meta l-prinċipal u l-aġenti kummerċjali jkunu stabbiliti fi Stati Membri differenti;

Billi l-kummerċ fil-merkanzija bejn Stati Membri għandu jitwettaq taħt il-kundizzjonijiet li huma simili għal dawk ta’ suq wieħed, u dan jeħtieġ l-approssimazzjoni tas-sistemi legali ta’ l-Istati Membri sal-limitu meħtieġ għal funzjonament kif suppost tas-suq komuni; billi f’dan ir-rigward ir-regoli li jikkonċernaw konflitti fil-liġijiet fil-fatt ma jneħħux, fil-materja ta’ rappreżentanza kummerċjali, l-inkonsistenzi msemmija fuq, lanqas ma kienu li kieku saru l-istess, u għalhekk l-armonizzazzjoni proposta hija neċessarja minkejja l-eżistenza ta’ dawk ir-regoli.”

7

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Il-miżuri ta’ armonizzazzjoni stipulati minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal-liġijiet, għar-regolamenti u għad-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn aġenti kummerċjali u l-prinċipali tagħhom.

2.   Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, ‘aġent kummerċjali’ għandu jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, hawnhekk iżjed ’il quddiem imsejħa l-‘prinċipal’, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn l-operazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem dak il-prinċipal.

3.   Aġent kummerċjali għandu jinftiehem fis-sens ta’ din id-Direttiva bħala li ma jinkludix b’mod partikolari:

persuna li, fil-kapaċità tagħha bħala uffiċjal, tkun awtorizzata li tidħol f’impenji li jorbtu fuq kumpannija jew assoċjazzjoni,

sieħeb li huwa legalment awtorizzat li jidħol f’impenji li jorbtu lis-sieħba tiegħu,

riċevitur, riċevitur u amministratur, likwidatur jew trustee f’falliment.”

8

L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal:

aġenti kummerċjali li l-attivitajiet tagħhom huma mingħajr ħlas,

aġenti kummerċjali meta dawn joperaw fuq skambji ta’ komodità jew fis-suq ta’ komoditajiet, jew

il-korp magħruf bħala Crown Agents for Overseas Governments and Administrations, kif stabbilit taħt il-Crown Agents Act 1979 fir-Renju Unit, jew is-sussidjarji tiegħu.”

9

L-Artikolu 3 tal-istess direttiva jiddisponi:

“1.   Fit-twettiq ta’ l-attivitajiet tiegħu, aġent kummerċjali għandu jfittex li jħares l-interessi tal-prinċipal tiegħu u jaġixxi kif suppost u b’intenzjoni tajba.

2.   B’mod partikolari, aġent kummerċjali għandu:

(a)

jagħmel sforzi approprjati biex jinnegozja u, meta approprjat, jikkonkludi l-operazzjonijiet li jkun intalab jieħu ħsieb;

(b)

jikkomunika lill-prinċipal tiegħu l-informazjoni kollha neċessarja disponibbli għalih;

(ċ)

jikkonforma ma’ istruzzjonijiet raġjonevoli mogħtija mill-prinċipal tiegħu.”

10

L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 86/653 jipprevedi:

“Prinċipal għandu b’mod partikolari:

(a)

jipprovdi lill-aġent kummerċjali tiegħu bid-dokumentazzjoni neċessarja fir-rigward tal-merkanzija kkonċernata;

(b)

jakkwista għall-aġent kummerċjali tiegħu l-informazzjoni neċessarja għat-twettiq tal-kuntratt ta’ l-aġenzija, u b’mod partikolari jinnotifika lill-aġent kummerċjali fi żmien raġonevoli ladarba jantiċipa li l-volum ta’ l-operazzjonijiet kummerċjali ikun aktar baxx b’mod sinifikanti minn dak li l-aġent kummerċjali seta’ normalment jistenna.”

11

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fl-assenza ta’ kull ftehim dwar din il-materja bejn il-partijiet, u mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji ta’ l-Istati Membri li jikkonċernaw il-livell ta’ remunerazzjoni, aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għar-remunerazzjoni li l-aġenti kummerċjali maħtura għall-merkanzija li tifforma s-suġġett tal-kuntratt ta’ l-aġenzija tiegħu ikunu normalment permessi fil-post ta’ fejn hu jwettaq l-attivitajiet tiegħu. Jekk ma jkun hemm ebda użanza ta’ dan it-tip aġent kummerċjali għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni raġonevoli billi jitqiesu l-aspetti kollha ta’ l-operazzjoni.”

Id-dritt tar-Renju Unit

12

Id-Direttiva 86/653 ġiet trasposta fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Commercial Agents (Council Directive) Regulations 1993 (Statutory Instruments 1993/3053) (ir-Regolament tal-1993 dwar l-Aġenti Kummerċjali (li jittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill) (ir-Regolament 1993/3053)). L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament:

‘aġent kummerċjali’ jfisser intermedjarju li jaħdem għal rasu li jkollu awtorità kontinwa li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra (‘il prinċipal’), jew li jinnegozja u jikkonkludi l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija għal u f’isem dak il-prinċipal; […]”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Computer Associates hija kumpannija li tikkummerċjalizza softwer ta’ awtomatizzazzjoni ta’ applikazzjonijiet ta’ servizzi, għat-tqegħid fl-użu u l-ġestjoni ta’ applikazzjonijiet permezz ta’ ċentru ta’ data (iktar ’il quddiem is-“softwer inkwistjoni”). Is-softwer jintuża għall-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni awtomatika tat-tqegħid fl-użu ta’, u l-upgrades għal, applikazzjonijiet oħra f’ambjenti differenti ta’ operazzjonijiet f’organizzazzjonijiet kbar, bħal banek u kumpanniji ta’ assigurazzjoni, sabiex l-applikazzjonijiet sottostanti jiġu integrati b’mod sħiħ fl-ambjent operattiv tas-softwer.

14

Computer Associates kienet tagħti lill-klijenti tagħha, b’mod elettroniku, liċenzji għall-użu tas-softwer inkwistjoni f’territorju speċifikat għal numru awtorizzat ta’ utenti finali.

15

L-għoti tal-liċenzja ta’ dan is-softwer kien suġġett għall-osservanza ta’ obbligi li abbażi tagħhom il-klijent ma kienx, b’mod partikolari, awtorizzat jaċċedi għal parti mhux awtorizzata tal-imsemmi softwer, jipproċedi għad-dekompilazzjoni jew għall-modifika tiegħu, u lanqas li jikrih, jgħaddih, jittrasferixxih jew jilliċenzjah mill-ġdid.

16

Mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-liċenzja għall-użu tas-softwer inkwistjoni setgħet tingħata jew b’mod permanenti, jew għal żmien limitat. Fil-każ ta’ xoljiment tal-kuntratt minħabba nuqqas sostanzjali imputabbli lill-parti l-oħra jew minħabba insolvenza ta’ din tal-aħħar, dan is-softwer kellu jiġi mogħti lura lil Computer Associates jew jitħassar jew jiġi meqrud mill-klijent. Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-liċenzji kienu madankollu jingħataw b’mod permanenti. Computer Associates kienet iżżomm, f’dan ir-rigward, id-drittijiet kollha, jiġifieri, b’mod partikolari, id-drittijiet tal-awtur, it-titoli, il-privattivi, id-dritt fuq it-trade marks u l-interessi patrimonjali l-oħra marbuta mal-imsemmi softwer.

17

Fil-25 ta’ Marzu 2013, Computer Associates ikkonkludiet kuntratt ma’ The Software Incubator. Skont il-klawżola 2.1 ta’ dan il-kuntratt, din l-aħħar kumpannija kienet taġixxi f’isem Computer Associates sabiex tikkuntattja klijenti potenzjali fir-Renju Unit u fl-Irlanda, għall-bżonnijiet tal-“promozzjoni, [tat‑]tqegħid fis-suq u [tal-]bejgħ [tas-softwer inkwistjoni]”. Skont l-imsemmi kuntratt, l-obbligi ta’ The Software Incubator kienu limitati għall-promozzjoni u għat-tqegħid fis-suq ta’ dan is-softwer. The Software Incubator ma kellha ebda setgħa sabiex tittrasferixxi l-proprjetà ta’ dan tal-aħħar.

18

B’ittra tad-9 ta’ Ottubru 2013, Computer Associates xoljiet il-kuntratt li hija kellha ma’ The Software Incubator.

19

The Software Incubator ippreżentat rikors għal kumpens, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 86/653, kontra Computer Associates quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench, ir-Renju Unit). Computer Associates ikkontestat il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni tagħha ma’ The Software Incubator bħala kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali billi sostniet li l-provvista ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, flimkien mal-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu tal-imsemmi softwer, ma kinitx tikkostitwixxi “bejgħ ta’ merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Lulju 2016, il-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench), laqgħet it-talba ta’ The Software Incubator u ordnat l-għoti lil din il-kumpannija ta’ somma ta’ 475000 lira sterlina (GBP) (madwar EUR 531000) bħala kumpens. Dik il-qorti qieset, f’dan il-kuntest, li l-“bejgħ ta’ merkanzija”, fis-sens tar-Regolament 1993/3053, kien jirreferi għal definizzjoni awtonoma li kellha tinkludi l-provvista ta’ softwer.

21

Computer Associates appellat minn dik is-sentenza quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Permezz ta’ deċiżjoni tal-19 ta’ Marzu 2018, dik il-qorti ddeċidiet li softwer ipprovdut lil klijent b’mod elettroniku ma jikkostitwixxix “merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Hija kkonkludiet li Software Incubator ma kellhiex il-kwalità ta’ “aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u ċaħdet it-talba tagħha għal kumpens.

22

The Software Incubator ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

23

Dik il-qorti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, li hija għandha bżonn sabiex tiddetermina jekk il-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” inkarigat li jinnegozja l-“bejgħ ta’ merkanzija” japplikax fil-każ ta’ provvista ta’ softwer tal-kompjuter b’mod elettroniku lill-klijent, li l-użu tiegħu huwa rregolat minn liċenzja permanenti.

24

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)

Fejn kopja ta’ softwer tal-kompjuter hija fornita lill-klijenti ta’ prinċipal b’mod elettroniku, u mhux permezz ta’ kwalunkwe mezz tanġibbli, din tikkostitwixxi ‘merkanzija’ skont it-tifsira ta’ dik il-kelma kif tidher fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom […]?

2)

Fejn softwer tal-kompjuter huwa fornit lill-klijenti ta’ prinċipal permezz ta’ għotja lill-klijent ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter, dan jikkostitwixxi ‘bejgħ ta’ merkanzija’ skont it-tifsira ta’ dak it-terminu kif jidher fid-definizzjoni ta’ aġent kummerċjali fl-Artikolu 1(2) tad-[Direttiva 86/653]?”

Fuq id-domandi preliminari

25

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li mill-Artikolu 86(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020, jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar it-talbiet tal-qrati tar-Renju Unit imressqa qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ tranżizzjoni stabbilit għall-31 ta’ Diċembru 2020, li huwa l-każ ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

26

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, għandux jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri l-provvista, permezz tal-ħlas ta’ prezz, ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, meta din il-provvista tkun akkumpanjata mill-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ dan is-softwer.

27

L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653 jiddefinixxi, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, l-“aġent kummerċjali” bħala dak li, inkwantu intermedjarju li jaħdem għal rasu, huwa inkarigat b’mod permanenti, jew li jinnegozja l-bejgħ jew ix-xiri ta’ merkanzija f’isem persuna oħra, imsejħa l-“prinċipal”, jew li jinnegozja u jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom ta’ u f’isem il-prinċipal.

28

Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi tliet kundizzjonijiet neċessarji u suffiċjenti sabiex persuna tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “aġent kummerċjali”. L-ewwel nett, din il-persuna għandu jkollha l-kwalità ta’ intermedjarju li jaħdem għal rasu. It-tieni nett, hija għandha tkun marbuta kuntrattwalment b’mod permanenti mal-prinċipal. It-tielet nett, hija għandha teżerċita attività li tikkonsisti fin-negozjar tal-bejgħ jew tax-xiri ta’ merkanzija għall-prinċipal, jew fin-negozjar u l-konklużjoni ta’ dawn it-tranżazzjonijiet għan-nom u f’isem dan il-prinċipal (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako, C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 23).

29

F’dan il-każ, hija biss it-tielet waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, sa fejn hija tirreferi għan-negozjar tal-“bejgħ ta’ merkanzija” għall-prinċipal, li hija inkwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 86/653 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” u ma tagħmel ebda riferiment għad-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata lil dan il-kunċett.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija” għandu jingħata, fl-Unjoni Ewropea kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Dan il-kunċett jikkostitwixxi għalhekk kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li l-portata tiegħu ma tistax tiġi ddeterminata b’riferiment għall-kunċetti magħrufa tad-dritt tal-Istati Membri jew għall-klassifikazzjonijiet magħmula fuq il-livell nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-9 ta’ Lulju 2020, RL (Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tardiv), C‑199/19, EU:C:2020:548, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni għandha tiġi stabbilita skont it-tifsira komuni tagħhom fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li huma jagħmlu parti minnha (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Trendsetteuse, C‑828/18, EU:C:2020:438, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, li jinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, jistax ikopri l-provvista, permezz tal-ħlas ta’ prezz, ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, meta din il-provvista tkun akkumpanjata mill-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ dan is-softwer.

33

Fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi rrilevat li din tirreferi b’mod ġenerali għall-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, mingħajr ma tiddefinixxi t-termini “bejgħ” jew “merkanzija”, li, barra minn hekk, ma huma ddefiniti f’ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.

34

Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda t-terminu “merkanzija”, skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-terminu jfisser il-prodotti li jistgħu jiġu vvalutati fi flus u li jistgħu, bħala tali, ikunu s-suġġett ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑65/05, EU:C:2006:673, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Minn dan jirriżulta li l-imsemmi terminu, minħabba d-definizzjoni ġenerali tiegħu, jista’ jkopri softwer tal-kompjuter, bħalma huwa s-softwer inkwistjoni, peress li għandu valur kummerċjali u jista’ jkun is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali.

36

Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li softwer jista’ jiġi kklassifikat bħala “merkanzija”, indipendentement mill-fatt li jiġi pprovdut fuq mezz fiżiku jew, bħal f’dan il-każ, b’mod elettroniku permezz ta’ tniżżil.

37

Fil-fatt, minn naħa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tat-terminu “merkanzija” fid-diversi verżjonijiet lingwistiċi tad-Direttiva 86/653 ma juri l-ebda distinzjoni skont in-natura tanġibbli jew intanġibbli tal-oġġett ikkonċernat.

38

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, minn perspettiva ekonomika, il-bejgħ ta’ programm tal-kompjuter fuq CD-ROM jew fuq DVD u l-bejgħ ta’ tali programm permezz ta’ tniżżil mill-internet huma simili, peress li l-mod ta’ trażmissjoni online huwa l-ekwivalenti funzjonali tal-kunsinna ta’ mezz materjali (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 61).

39

Għaldaqstant, it-terminu “merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, jista’ jkopri softwer tal-kompjuter, indipendentement mill-mezz li fuqu jiġi pprovdut dan is-softwer.

40

Fit-tieni lok, skont definizzjoni komunement aċċettata, il-“bejgħ” huwa ftehim li permezz tiegħu persuna tittrasferixxi, abbażi ta’ ħlas ta’ prezz, lil persuna oħra d-drittijiet ta’ proprjetà tagħha fuq oġġett tanġibbli jew intanġibbli li huwa proprjetà tagħha (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 42).

41

Fil-każ partikolari tal-bejgħ ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-tniżżil ta’ kopja ta’ programm tal-kompjuter u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu relatat magħha jikkostitwixxu ħaġa waħda indiviżibbli. Fil-fatt, it-tniżżil ta’ kopja ta’ tali programm ma jkunx utli jekk l-imsemmija kopja ma tkunx tista’ tintuża mid-detentur tagħha. Dawn iż-żewġ operazzjonijiet għandhom, għaldaqstant, jiġu eżaminati bħala ħaġa waħda għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ġuridika tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punt 44).

42

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kopja ta’ softwer tal-kompjuter, permezz ta’ tniżżil, u l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ użu relatat magħha, intiżi sabiex jirrendu l-imsemmija kopja utilizzabbli mill-klijenti, b’mod permanenti, u permezz tal-ħlas ta’ prezz intiż sabiex jippermetti lid-detentur tad-drittijiet tal-awtur jikseb remunerazzjoni li tikkorrispondi għall-valur ekonomiku tal-kopja tax-xogħol li huwa l-proprjetarju tiegħu, jimplikaw it-trasferiment tad-dritt għall-proprjetà ta’ din il-kopja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2012, UsedSoft, C‑128/11, EU:C:2012:407, punti 4546).

43

Konsegwentement, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, għandu jiġi kkunsidrat li l-provvista, permezz tal-ħlas ta’ prezz, ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, meta din il-provvista tkun akkumpanjata mill-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ dan is-softwer tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

44

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li fih jinsab dan l-artikolu.

45

Fil-fatt, l-Artikolu 1(3) u l-Artikolu 2 tad-Direttiva 86/653 jipprevedu ċerti esklużjonijiet iddefiniti sewwa, rispettivament, mill-kunċett ta’ “aġent kummerċjali” u mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako, C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 40).

46

Issa, ebda waħda minn dawn l-esklużjonijiet ma tikkonċerna n-natura tal-“bejgħ ta’ merkanzija” li huwa s-suġġett tal-attività ta’ “aġent kummerċjali”, imsemmija fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmija direttiva.

47

Barra minn hekk, kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, “bejgħ ta’ merkanzija” bħal dak deskritt fil-punt 43 ta’ din is-sentenza la jipprekludi li d-drittijiet u l-obbligi imposti rispettivament fuq l-aġent kummerċjali u fuq il-prinċipal jiġu eżegwiti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 3 sa 5 tad-Direttiva 86/653 u lanqas li l-aġent kummerċjali jirċievi remunerazzjoni li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

48

Fl-aħħar nett, l-imsemmija interpretazzjoni hija sostnuta mill-għanijiet tad-Direttiva 86/653, li hija intiża, skont it-tieni u t-tielet premessa tagħha, sabiex tipproteġi l-aġenti kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom mal-prinċipali tagħhom, li tippromwovi s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u li tiffaċilita l-kummerċ ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri bl-approssimazzjoni tas-sistemi ġuridiċi ta’ dawn tal-aħħar fil-qasam tar-rappreżentanza kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Zako, C‑452/17, EU:C:2018:935, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

F’dan ir-rigward, l-effett utli tal-protezzjoni mogħtija permezz tad-Direttiva 86/653 ikun kompromess kieku l-provvista ta’ softwer, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, kellha tiġi eskluża mill-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

50

Fil-fatt, din l-interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tkun teskludi mill-benefiċċju ta’ din il-protezzjoni persuni li jeżerċitaw, bl-għajnuna ta’ mezzi teknoloġiċi moderni, kompiti paragunabbli għal dawk eżerċitati minn aġenti kummerċjali, li l-kompitu tagħhom jikkonsisti fil-bejgħ ta’ merkanzija tanġibbli, b’mod partikolari permezz tat-tiftix għal klijentela u l-bejgħ dirett fid-djar tal-klijentela.

51

Minn dak kollu li ntqal hawn fuq jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 86/653, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri l-provvista, permezz tal-ħlas ta’ prezz, ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, meta din il-provvista tkun akkumpanjata mill-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ dan is-softwer.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “bejgħ ta’ merkanzija”, imsemmi fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE tat-18 ta’ Diċembru 1986 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membru li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom, għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkopri l-provvista, permezz tal-ħlas ta’ prezz, ta’ softwer tal-kompjuter lil klijent b’mod elettroniku, meta din il-provvista tkun akkumpanjata mill-għoti ta’ liċenzja permanenti għall-użu ta’ dan is-softwer.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.