SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

9 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni – Direttiva 2001/29/KE – Artikolu 3(1) – Kunċett ta’ ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ – Inkorporazzjoni, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur permezz tal-proċess ta’ transklużjoni (framing) – Xogħol liberament aċċessibbli bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fis-sit internet tal-liċenzjatarju – Klawżola tal-kuntratt ta’ użu li teżiġi li l-liċenzjatarju jintroduċi miżuri tekniċi effikaċi kontra t-transklużjoni – Legalità – Drittijiet fundamentali – Artikolu 11 u Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑392/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Mejju 2019, fil-proċedura

VG Bild-Kunst

vs

Stiftung Preußischer Kulturbesitz

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, N. Piçarra, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, M. Safjan, D. Šváby, I. Jarukaitis u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Mejju 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VG Bild-Kunst, minn C. Czychowski u V. Kraetzig, Rechtsanwälte,

għal Stiftung Preußischer Kulturbesitz, minn N. Rauer, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Franċiż, minn A.-L. Desjonquères u A. Daniel, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn T. Scharf u V. Di Bucci kif ukoll minn J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑10 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn VG Bild-Kunst, soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-arti viżivi fil-Ġermanja, u Stiftung Preußischer Kulturbesitz (iktar ’il quddiem “SPK”), fondazzjoni Ġermaniża tal-patrimonju kulturali, dwar ir-rifjut ta’ VG Bild-Kunst li tikkonkludi ma’ SPK kuntratt ta’ liċenzja għall-użu tal-katalgu tax-xogħlijiet tagħha mingħajr l-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li tobbliga lil din tal-aħħar, bħala detentriċi tal-liċenzja, timplimenta, waqt l-użu tax-xogħlijiet u tas-suġġett koperti minn dan il-kuntratt, miżuri tekniċi effikaċi kontra t-transklużjoni (framing), minn terzi, ta’ dawn ix-xogħlijiet jew suġġetti protetti.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2001/29

3

Il-premessi 3, 4, 9, 10, 23 u 31 tad-Direttiva 2001/29 huma fformulati kif ġej:

“(3)

L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà inkluża proprjetà intellettwali u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

(4)

Qafas armonizzat legali dwar id-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati, billi tittejjeb iċ-ċertezza legali u billi fl-istess ħin tassigura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ proprjetà intellettwali, jinkoraġġixxi investiment sostanzjali fil-kreattività u innovazzjoni […].

[…]

(9)

Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)

Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(23)

Din id-Direttiva għandha tarmonizza aktar id-dritt ta’ l-awtur li jikkomunika mal-pubbliku. Dan id-dritt għandu jiftiehem f’sens wiesa’ li jirregola l-komunikazzjoni kollha lill-pubbliku mhux preżenti fil-post fejn toriġina l-komunikazzjoni. Dan id-dritt għandu jirregola kull trasmissjoni jew trasmissjoni mill-ġdid bħal din ta’ xogħol lill-pubbliku b’mezzi bil-fili jew mingħajr fili, inkluż ix-xandir. Dan id-dritt m’għandu jirregola l-ebda att ieħor.

[…]

(31)

Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. Differenzi eżistenti fl-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet ta’ ċerti atti ristretti għandhom effetti diretti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq intern tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati. Dawn id-differenzi jistgħu faċilment isiru aktar notevoli bħala riżultat ta’ żvilupp akbar ta’ sfruttament ta’ xogħolijiet li jaqsam il-fruntieri u attivitajiet transperiferali. Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

4

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

3.   Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jiġu eżawriti bl-ebda att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku jew li jagħmilhom disponibbli għall-pubbliku kif stipulat f’dan l-Artikolu.”

5

L‑Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Obbligi rigward miżuri teknoloġiċi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 3 tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu protezzjoni legali adekwata kontra t-tidwir ma’ kull miżura teknoloġika effettiva, li persuna relatata twettaq konsapevolment, jew b’raġunijiet li tkun taf, li qiegħda tilħaq dak il-għan.

[…]

3.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, il-frażi ‘miżuri teknoloġiċi’ tfisser kull teknoloġija, tagħmir jew komponent li, matul il-kors normali tat-tħaddim tiegħu, ikun iddisinjat li jipprevjeni jew jirrestrinġi atti, rigward xogħolijiet jew suġġett ieħor, li mhumiex awtorizzati mid-detentur tad-drittijiet ta’ kull dritt ta’ l-awtur jew kull dritt relatat mad-drittijiet ta’ l-awtur li hemm provdut dwarhom bil-liġi jew id-dritt sui generis li hemm provdut dwarhom fil-Kapitolu III tad-Direttiva 96/9/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459). Drittijiet teknoloġiċi għandhom jitqiesu ‘effettivi’ fejn l-użu ta’ xogħol protett jew suġġett ieħor huwa kontrollat mid-detenturi tad-drittijiet permezz ta’ applikazzjoni ta’ kontroll għal aċċess jew proċess ta’ protezzjoni, bħal qlib f’ċifrarju, taqlib jew trasformazzjoni oħra tax-xogħol jew materjal ta’ xogħħol ieħħor jew mekkaniżmu ta’ kontroll ta’ ikkupjar li jilħaq l-għan ta’ protezzjoni.”

Id-Direttiva 2014/26/UE

6

Skont l-Artikolu 16(1) u (2) tad‑Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u l-għoti ta’ liċenzji multiterritorjali ta’ drittijiet fuq xogħlijiet mużikali bil-ħsieb li jintużaw online fis-suq intern (ĠU 2014, L 84, p. 72):

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jidħlu f’negozjati għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet in bona fede. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv u l-utenti għandhom jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni kollha meħtieġa.

2.   It-termini għal ħruġ ta’ liċenzji għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi u mhux diskriminatorji. Meta organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv joħorġu liċenzji, mhumiex meħtieġa jużaw, bħala preċedent għal servizzi onlajn oħra, termini għall-ħruġ tal-liċenzji mifthiema ma’ utent, fejn l-utent jipprovdi tip ġdid ta’ servizz onlajn li kien disponibbli għalll-pubbliku fl-Unjoni għal inqas minn tliet snin.

Id-detenturi tad-drittijiet għandhom jirċievu remunerazzjoni xierqa għall-użu tad-drittijiet tagħhom. Tariffi għal drittijiet esklussivi u għal drittijiet ta’ rimunerazzjoni għandhom ikunu raġonevoli fir-rigward ta’, inter alia, il-valur ekonomiku tal-użu tad-drittijiet innegozjati b’kunsiderazzjoni tan-natura u tal-ambitu tal-użu tax-xogħol u ta’ suġġetti oħra, kif ukoll fir-rigward tal-valur ekonomiku tas-servizz provdut mill-organizzazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv. L-organizzazzjonijiet ta’ mmaniġġjar kollettiv għandhom jinformaw lill-utent ikkonċernat dwar il-kriterji użati għat-tfassil ta’ dawk it-tariffi.”

Id-dritt Ġermaniż

7

Skont l-Artikolu 19a tal-Gesetz über Urheberrecht und verwandte Schutzrechte (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u d-Drittijiet Relatati), it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur huwa suġġett għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

8

Konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-Gesetz über die Wahrnehmung von Urheberrechten und verwandten Schutzrechten durch Verwertungsgesellschaften (il-Liġi dwar il-Ġestjoni tad-Drittijiet tal-Awtur u tad-Drittijiet Relatati minn Soċjetajiet ta’ Ġestjoni Kollettiva, iktar ’il quddiem il-“VGG”), is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom l-obbligu li jagħtu lil kull persuna li titlobha, taħt kundizzjonijiet raġonevoli, liċenzja għall-użu tad-drittijiet li l-ġestjoni tagħhom tkun ġiet fdata lilhom.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

SPK hija l-operatur tad-Deutsche Digitale Bibliothek (iktar ’il quddiem id-“DDB”), librerija diġitali ddedikata għall-kultura u għall-għarfien li tqiegħed f’network istituzzjonijiet kulturali u xjentifiċi Ġermaniżi.

10

Is-sit internet tad-DDB fih links għal kontenut diġitali maħżun fil-portali internet tal-istituzzjonijiet parteċipanti. Madankollu, id-DDB, bħala “vetrina diġitali”, taħżen biss minjaturi (thumbnails), jiġifieri verżjonijiet ta’ immaġnijiet li d-daqs tagħhom huwa ridott meta mqabbel mad-daqs tas-suġġett oriġinali. Meta l-utent jikklikkja fuq wieħed minn dawn il-minjaturi, huwa jiġi dirett lejn il-paġna tal-oġġett inkwistjoni fis-sit tad-DDB, li fiha verżjoni mkabbra tal-minjatura inkwistjoni, b’riżoluzzjoni ta’ 440 għal 330 pixel. Meta wieħed jikklikkja fuq din il-minjatura jew juża l-funzjoni “lenti”, verżjoni iktar imkabbra tal-imsemmija minjatura, b’riżoluzzjoni massima ta’ 800 għal 600 pixel, tidher f’surimpożizzjoni (lightbox). Barra minn hekk, il-buttuna “Uri l-oġġett fis-sit oriġinali” tinkludi link dirett għas-sit internet tal-istituzzjoni li tipprovdi s-suġġett inkwistjoni, lejn il-paġna prinċipali tagħha jew lejn il-paġna relatata ma’ dan is-suġġett.

11

VG Bild-Kunst tissuġġetta l-konklużjoni, ma’ SPK, ta’ kuntratt ta’ liċenzja għall-użu tal-katalgu tax-xogħlijiet tagħha fil-forma ta’ minjaturi, għall-inklużjoni ta’ dispożizzjoni li skontha d-detentur ta’ liċenzja jintrabat jimplimenta, waqt l-użu tax-xogħlijiet u tas-suġġetti protetti koperti minn dan il-kuntratt, miżuri tekniċi effikaċi kontra t-transklużjoni, minn terzi, ta’ minjaturi ta’ dawn ix-xogħlijiet jew ta’ dawn is-suġġetti protetti, murija fis-sit internet tad-DDB.

12

Peress li qieset li tali kundizzjoni kuntrattwali ma kinitx raġonevoli fid-dawl tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, SPK ressqet azzjoni quddiem il-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin, il-Ġermanja) intiża sabiex jiġi kkonstatat li VG Bild-Kunst hija marbuta tagħti lil SPK l-imsemmija liċenzja mingħajr ma din tal-aħħar tkun suġġetta għall-implimentazzjoni ta’ tali miżuri tekniċi.

13

Din l-azzjoni ġiet miċħuda mil-Landgericht Berlin (il-Qorti Reġjonali ta’ Berlin). Is-sentenza ta’ din tal-aħħar, fuq appell ta’ SPK, ġiet annullata mill-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja). Permezz tar-rikors għal reviżjoni tagħha, VG Bild-Kunst titlob li l-azzjoni ta’ SPK tiġi miċħuda.

14

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tippreċiża, minn naħa, li, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 34(1) tal-VGG, is-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva għandhom l-obbligu li jagħtu lil kull persuna li titlobha, taħt kundizzjonijiet raġonevoli, liċenzja għall-użu tad-drittijiet li l-ġestjoni tagħhom tkun ġiet fdata lilhom.

15

Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tagħha stabbilita matul il-perijodu li matulu kienet tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali abrogata mill-VGG, ġurisprudenza li, skont il-qorti tar-rinviju, ma tilfitx ir-rilevanza kollha tagħha, ġie rrikonoxxut li s-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva setgħu, eċċezzjonalment, jidderogaw mill-obbligu tagħhom u jirrifjutaw li jagħtu liċenzja għall-użu tad-drittijiet li l-ġestjoni tagħhom ġiet fdata lilhom, bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ma jikkostitwixxix abbuż ta’ monopolju u bla ħsara għall-fatt li tkun tista’ ssir oġġezzjoni fir-rigward tat-talba għal liċenzja abbażi ta’ interessi leġittimi superjuri. F’dan ir-rigward, sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ eċċezzjoni oġġettivament iġġustifikata, għandhom jiġu bbilanċjati l-interessi tal-partijiet ikkonċernati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-finalità tal-liġi kif ukoll l-għan sottostanti dan l-obbligu ta’ prinċipju tas-soċjetajiet ta’ ġestjoni kollettiva.

16

L-eżitu tar-rikors għal reviżjoni jiddependi minn jekk, kuntrarjament għal dak li ġie kkonstatat mill-qorti tal-appell, l-inkorporazzjoni permezz ta’ transklużjoni fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol disponibbli, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, f’dan il-każ VG Bild-Kunst, fuq sit internet, bħal dak ta’ DDB, tikkostitwixxix komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 meta din tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni adottati mid-detentur tad-drittijiet jew imposti minnu fuq liċenzjatarju. Li kieku dan kien il-każ, id-drittijiet tal-membri ta’ VG Bild-Kunst ikunu jistgħu jiġu affettwati u VG Bild-Kunst tkun tista’ validament tikkundizzjona l-għoti ta’ liċenzja lil SPK sabiex din tal-aħħar timpenja ruħha, fil-kuntratt ta’ liċenzja, li timplimenta tali miżuri ta’ protezzjoni.

17

Il-qorti tar-rinviju tqis li, meta minjaturi jiġu inkorporati permezz ta’ transklużjoni fis-sit ta’ terz billi jiġu evitati miżuri tekniċi ta’ protezzjoni adottati jew imposti mid-detentur tad-drittijiet, tali inkorporazzjoni tkun tikkostitwixxi komunikazzjoni lil pubbliku ġdid. Li kieku dan ma kienx il-każ, id-dritt ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku fuq l-internet ikun, kuntrarjament għall-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29, eżawrit de facto malli dan ix-xogħol ikun tqiegħed għad-dispożizzjoni libera tal-utenti tal-internet kollha fuq sit internet bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet, mingħajr ma dan id-detentur ikun jista’ jżomm il-kontroll tal-użu ekonomiku tax-xogħol tiegħu u jiżgura parteċipazzjoni xierqa fl-użu tiegħu għal finijiet ekonomiċi.

18

Madankollu, peress li kellha dubji dwar ir-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-prassi tat-transklużjoni (digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315) u dwar il-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) fil-kuntest diġitali (sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 45), ġurisprudenza li minnha jirriżulta li l-links hypertext jikkontribwixxu għall-funzjonament tal-Internet kif ukoll għall-iskambji ta’ opinjonijiet u informazzjoni, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika msejħa ‘Framing’, fis-sit internet ta’ terz, ta’ xogħol disponibbli, bil-kunsens tad-detentur tad-drittijiet, fuq sit internet liberament aċċessibbli, tikkostitwixxi komunikazzjoni tax-xogħol lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 jekk din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra l-framing adottati jew imposti mid-detentur tad-drittijiet?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-fatt li f’paġna internet jiġu inkorporati, permezz tat-teknika ta’ transklużjoni, xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu permezz tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’sit internet ieħor fejn din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni adottati jew imposti minn dan id-detentur.

20

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awturi jibbenefikaw mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż it-tqegħid għad-dispożizzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tagħhom b’mod li kulħadd ikun jista’ jkollu aċċess għalihom mill-post u fil-mument li persuna tagħżel individwalment.

21

Skont din id-dispożizzjoni, l-awturi għalhekk għandhom dritt ta’ natura preventiva li jippermettilhom jintervjenu bejn utenti possibbli tax-xogħol tagħhom u l-komunikazzjoni lill-pubbliku li dawn l-utenti jistgħu jikkunsidraw iwettqu, sabiex jipprevjenu tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat preliminarjament li, hekk kif jirriżulta mill-punt 10 ta’ din is-sentenza, il-kawża prinċipali tirrigwarda prinċipalment ir-riproduzzjonijiet diġitali f’forom ta’ minjaturi ta’ xogħlijiet protetti li d-daqs tagħhom huwa, barra minn hekk, ridott meta mqabbel mal-oriġinal.

23

Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, kif tesponi l-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali li l-pubblikazzjoni, prevista minn SPK, ta’ minjaturi maħżuna minnha u li jirriżultaw minn xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur li jappartjenu għall-katalgu ta’ VG Bild-Kunst tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 u għalhekk hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet.

24

Peress li SPK irrifjutat li timplimenta miżuri intiżi li jipprekludu t-transklużjoni ta’ dawn il-minjaturi fuq siti tal-internet terzi, għandu jiġi ddeterminat jekk tali transklużjoni għandhiex hija stess titqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, li, fl-affermattiv, ikun jippermetti lil VG Bild-Kunst, bħala soċjetà ta’ ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, timponi fuq SPK l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri.

25

Min-naħa l-oħra, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 120 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-bidla tad-daqs tax-xogħlijiet inkwistjoni ma hijiex fattur fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku, sakemm l-elementi oriġinali ta’ dawn ix-xogħlijiet ikunu perċettibbli, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fil-kawża prinċipali.

26

Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jinftiehem, kif tenfasizza l-premessa 23 ta’ din id-direttiva, f’sens wiesa’ li jkopri kull komunikazzjoni lill-pubbliku mhux preżenti fil-post tal-oriġini tal-komunikazzjoni u, għalhekk, kwalunkwe tali trażmissjoni jew ritrażmissjoni ta’ xogħol lill-pubbliku, bil-fil jew mingħajr fil, inkluż ix-xandir (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fil-fatt, mill-premessi 4, 9 u 10 tad-Direttiva 2001/29 jirriżulta li din għandha bħala għan prinċipali l-istabbiliment ta’ livell għoli ta’ protezzjoni favur l-awturi, li tippermettilhom jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom, b’mod partikolari, fil-każ ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(3) tal-imsemmija direttiva jirriżulta li l-awtorizzazzjoni tal-inklużjoni tax-xogħlijiet protetti f’komunikazzjoni lill-pubbliku ma teżawrixxix id-dritt ta’ awtorizzazzjoni jew ta’ projbizzjoni ta’ komunikazzjonijiet oħra lill-pubbliku ta’ dawn ix-xogħlijiet (sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2013, ITV Broadcasting et, C‑607/11, EU:C:2013:147, punt 23).

29

Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja diversi drabi, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku (sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat‑28 ta’ Ottubru 2020, BY (Prova fotografika), C‑637/19, EU:C:2020:863, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fl-ewwel lok, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Ottubru 2020, BY (Prova fotografika), C‑637/19, EU:C:2020:863, punt 23 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ix-xogħlijiet protetti għandhom effettivament jiġu kkomunikati lil pubbliku, filwaqt li tali komunikazzjoni għandha tkopri numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18,EU:C:2019:1111, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tinvolvi numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Sabiex jiġi kklassifikat bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, xogħol protett għandu barra minn hekk jiġi kkomunikat skont metodu tekniku speċifiku, differenti minn dawk użati preċedentement jew, fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi kkomunikat lil pubbliku ġdid, jiġifieri pubbliku li ma jkunx ittieħed inkunsiderazzjoni diġà mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizza l-komunikazzjoni inizjali tax-xogħol tiegħu lill-pubbliku (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeżiġi evalwazzjoni individwali (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għall-finijiet ta’ tali evalwazzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi kriterji kumplimentari, ta’ natura mhux awtonoma u li huma interdipendenti. Peress li f’sitwazzjonijiet konkreti differenti, dawn il-kriterji jistgħu jkunu preżenti b’intensità varjabbli ħafna, għandhom jiġu applikati kemm b’mod individwali kif ukoll fl-interazzjoni ma’ xulxin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2020, Stim u SAMI, C‑753/18, EU:C:2020:268, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

B’mod partikolari, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li t-teknika tat-transklużjoni, li tikkonsisti fit-tqassim ta’ paġna ta’ sit internet f’diversi kwadri u fil-viżwalizzazzjoni f’wieħed minnhom, permezz ta’ link klikkabbli jew ta’ link tal-internet inkorporat (inline linking), element li joriġina minn sit ieħor sabiex jostor mill-utenti ta’ dan is-sit l-ambjent oriġinali li jagħmel parti minnu dan l-element, tikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni lil pubbliku fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, sa fejn din it-teknika għandha l-effett li tqiegħed l-element ivviżwalizzat għad-dispożizzjoni tal-utenti potenzjali kollha ta’ dan is-sit internet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 20, 2223).

36

Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, peress li t-teknika tat-transklużjoni tuża l-istess metodu tekniku bħal dak diġà użat għall-komunikazzjoni tax-xogħol protett lill-pubbliku fuq is-sit internet oriġinali, jiġifieri l-internet, din il-komunikazzjoni ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ pubbliku ġdid u li, peress li l-imsemmija komunikazzjoni ma taqax għalhekk taħt komunikazzjoni “lil pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ma hijiex meħtieġa għal tali komunikazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 24 sa 30).

37

Madankollu, għandu jiġi osservat li din il-ġurisprudenza kienet ibbażata fuq il-konstatazzjoni fattwali li l-aċċess għax-xogħlijiet ikkonċernati fuq is-sit internet oriġinali ma kien suġġett għal ebda miżura restrittiva (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punt 26, kif ukoll digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International, C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315, punti 16 u 18). Fl-assenza ta’ tali miżuri, il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk qieset li, billi qiegħed ix-xogħol tiegħu liberament għad-dispożizzjoni tal-pubbliku jew billi awtorizza tali tqegħid għad-dispożizzjoni, id-detentur tad-drittijiet ippreveda mill-bidu l-utenti tal-internet kollha bħala pubbliku u b’hekk ta l-kunsens tiegħu sabiex terzi jwettqu huma stess atti ta’ komunikazzjoni ta’ dan ix-xogħol.

38

Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn awtur jawtorizza, minn qabel, espliċitament u mingħajr riżervi, il-pubblikazzjoni tal-artikli tiegħu fuq is-sit internet ta’ pubblikatur ta’ gazzetta, mingħajr ma jirrikorri barra minn hekk għal miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għal dawn ix-xogħlijiet minn siti internet oħra, dan l-awtur jista’ essenzjalment jitqies bħala li awtorizza l-komunikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet lill-utenti tal-internet kollha (sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2016, Soulier u Doke, C‑301/15, EU:C:2016:878, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

39

Min-naħa l-oħra, konformement mar-rekwiżit ta’ evalwazzjoni individwalizzata tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imfakkar fil-punti 33 u 34 ta’ din is-sentenza, il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tal-imsemmija sentenza ma tapplikax meta d-detentur tad-drittijiet ikun stabbilixxa jew impona mill-bidu miżuri restrittivi marbuta mal-pubblikazzjoni tax-xogħol tiegħu.

40

B’mod partikolari, fil-każ li link klikkabbli jippermetti lill-utenti tas-sit fejn jinsab dan il-link jevitaw miżuri ta’ restrizzjoni implimentati fuq is-sit fejn jinsab ix-xogħol protett sabiex l-aċċess mill-pubbliku jiġi llimitat għall-abbonati biss, u l-link għalhekk ikun jikkostitwixxi intervent li mingħajru l-imsemmija utenti ma jkunux jistgħu jibbenefikaw minn xogħlijiet trażmessi, dawn l-utenti kollha għandhom jitqiesu bħala pubbliku ġdid, li ma ttiħidx inkunsiderazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizzaw il-komunikazzjoni inizjali b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tad-detenturi hija meħtieġa għal tali komunikazzjoni lill-pubbliku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fejn ix-xogħol inkwistjoni ma jkunx għadu iktar għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit li fuqu kien ġie kkomunikat inizjalment jew fejn issa huwa disponibbli fuq is-sit unikament għal pubbliku ristrett, filwaqt li huwa aċċessibbli fuq sit internet ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur (sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et, C‑466/12, EU:C:2014:76, punti 31).

41

Il-kawża prinċipali tirrigwarda preċiżament sitwazzjoni li fiha d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ifittex li jissuġġetta l-għoti ta’ liċenzja għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ restrizzjoni kontra t-transklużjoni b’mod li jillimita l-aċċess għax-xogħlijiet tiegħu minn siti internet differenti minn dawk tal-liċenzjatarji tiegħu. F’tali ċirkustanzi, dan id-detentur ma jistax jitqies li ta l-kunsens tiegħu sabiex terzi jkunu jistgħu jikkomunikaw liberament ix-xogħlijiet tiegħu lill-pubbliku.

42

Għalhekk, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, billi jadotta jew jimponi fuq il-liċenzjatarji tiegħu l-użu ta’ miżuri teknoloġiċi li jillimitaw l-aċċess għax-xogħlijiet tiegħu minn siti internet għajr dak li fuqu huwa awtorizza l-komunikazzjoni lill-pubbliku tagħhom, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jitqies li esprima r-rieda tiegħu li jissuġġetta l-awtorizzazzjoni tiegħu li jikkomunika tali xogħlijiet lill-pubbliku fuq l-internet għal kundizzjonijiet li jillimitaw il-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet biss għall-utenti ta’ sit internet partikolari.

43

Konsegwentement, meta d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun adotta jew impona fuq il-liċenzjatarji tiegħu l-użu ta’ miżuri ta’ restrizzjoni kontra t-transklużjoni b’mod li jillimita l-aċċess għax-xogħlijiet tiegħu minn siti internet għajr dak tal-liċenzjatarji tiegħu, it-tqegħid għad-dispożizzjoni inizjali fuq is-sit internet oriġinali u t-tqegħid għad-dispożizzjoni sekondarju, permezz tat-teknika ta’ transklużjoni, jikkostitwixxu komunikazzjonijiet lill-pubbliku differenti, fejn kull wieħed minnhom għandu, għaldaqstant, jikseb l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati (ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 49).

44

F’dan ir-rigward, la jista’ jiġi dedott mis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Svensson et (C‑466/12, EU:C:2014:76), u lanqas mid-digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2014, BestWater International (C‑348/13, mhux ippubblikat, EU:C:2014:2315) li t-tqegħid, fuq sit internet, ta’ hyperlinks lejn xogħlijiet protetti li saru liberament disponibbli fuq sit internet ieħor, iżda mingħajr l-awtorizzazzjoni tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur ta’ dawn ix-xogħlijiet, ma huwiex “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29. Għall-kuntrarju, dawn id-deċiżjonijiet jikkonfermaw l-importanza ta’ tali awtorizzazzjoni fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni, fejn din tal-aħħar tipprovdi preċiżament li kull att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol lill-pubbliku għandu jiġi awtorizzat mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 43).

45

L-istess konstatazzjonijiet japplikaw meta terz jikkomunika lill-pubbliku xogħlijiet protetti liberament disponibbli fuq ċerti siti internet bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li dan id-detentur ikun adotta jew impona fuq il-liċenzjatarji tiegħu l-użu ta’ miżuri tekniċi li jillimitaw l-aċċess għax-xogħlijiet tiegħu minn siti internet oħra, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, sabiex jiġi ristrett il-pubbliku tax-xogħlijiet tiegħu biss għall-utenti tas-sit internet oriġinali.

46

Għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali kif ukoll il-funzjonament tajjeb tal-internet, id-detentur tad-drittijiet tal-awtur ma jistax jiġi permess jillimita l-kunsens tiegħu b’mezzi għajr miżuri teknoloġiċi effikaċi, fis-sens tal-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑23 ta’ Jannar 2014, Nintendo et, C‑355/12, EU:C:2014:25, punti 24, 25 u 27). Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali miżuri, jista’ jkun diffiċli, b’mod partikolari għall-individwi, li jiġi vverifikat jekk dan id-detentur kellux l-intenzjoni li jopponi t-transklużjoni tax-xogħlijiet tiegħu. Tali verifika tkun a fortiori diffiċli meta dawn ix-xogħlijiet ikunu suġġetti għal sottoliċenzji (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media, C‑160/15, EU:C:2016:644, punt 46).

47

Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 73 u 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-pubbliku li ttieħed inkunsiderazzjoni mid-detentur tad-drittijiet tal-awtur meta awtorizza l-komunikazzjoni tax-xogħol tiegħu fuq is-sit internet fejn dan ġie inizjalment ippubblikat huwa kompost biss mill-utenti tal-imsemmi sit, u mhux mill-utenti tas-sit internet li fuqu tpoġġa x-xogħol sussegwentement mingħajr il-kunsens tal-imsemmi detentur, jew ta’ utenti oħra tal-internet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 35).

48

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jitqies li, f’tali ċirkustanzi, l-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, f’paġna internet ta’ terz ta’ xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu permezz tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq sit internet ieħor għandha tiġi kklassifikata bħala “tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ix-xogħol lil pubbliku ġdid”.

49

Huwa minnu li ma jistax ma jittiħidx kont tal-fatt li l-hyperlinks jikkontribwixxu għall-funzjonament tajjeb tal-internet irrispettivament minn jekk dawn jintużawx fil-kuntest tat-teknika tat-transklużjoni, li huwa ta’ importanza partikolari għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll għall-iskambju ta’ opinjonijiet u ta’ informazzjoni f’dan in-network ikkaratterizzat mid-disponibbiltà ta’ ammont inkwantifikabbli ta’ informazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online, C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Madankollu, approċċ fejn id-detentur tad-drittijiet tal-awtur jitqies, anki fil-każ fejn ikun introduċa miżuri ta’ restrizzjoni kontra t-transklużjoni tax-xogħlijiet tiegħu, li jkun ta l-kunsens tiegħu għal kull att ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku tal-imsemmija xogħlijiet minn terz favur l-utenti kollha tal-internet imur kontra d-dritt esklużiv u ineżawrjenti tiegħu li jawtorizza jew jipprojbixxi kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħlijiet tiegħu, skont l-Artikolu 3(1) u (3) tad-Direttiva 2001/29.

51

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 100 u 101 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-detentur ta’ drittijiet tal-awtur ma jistax jiġi ffaċċjat bl-alternattiva li jew jittollera l-użu mhux awtorizzat tax-xogħol tiegħu minn ħaddieħor jew jirrinunzja għall-użu tiegħu, jekk ikun il-każ permezz ta’ kuntratt ta’ liċenzja.

52

Fil-fatt, li jitqies li l-inkorporazzjoni f’paġna internet ta’ terz, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, ta’ xogħol ikkomunikat minn qabel fuq sit internet ieħor bl-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, filwaqt li dan id-detentur ikun adotta jew impona miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni, ma tikkostitwixxix tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ dan ix-xogħol lil pubbliku ġdid, ifisser li tiġi stabbilita regola ta’ eżawriment tad-dritt ta’ komunikazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 3233)

53

Minbarra li din tkun tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2001/29, din ir-regola ċċaħħad l-imsemmi detentur mill-possibbiltà li jeżiġi kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tiegħu, imfakkra fil-premessa 10 ta’ din id-direttiva, u dan minkejja li, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan speċifiku tal-proprjetà intellettwali huwa b’mod partikolari li tiġi żgurata lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati l-protezzjoni tal-possibbiltà li t-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ oġġetti protetti jiġi sfruttat kummerċjalment, billi jingħataw liċenzji bil-korrispettiv ta’ ħlas ta’ remunerazzjoni xierqa għal kull użu tagħhom (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punti 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

Għalhekk, tali inkorporazzjoni, bit-teknika tat-transklużjoni, mingħajr ma d-detentur tad-drittijiet tal-awtur ikun jista’ jinvoka d-drittijiet previsti fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, tikser il-bilanċ ġust, imsemmi fil-premessi 3 u 31 ta’ din id-direttiva, li għandu jinżamm, fl-ambjent diġitali, bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 17(2) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti, b’mod partikolari tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tagħhom, iggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta, kif ukoll tal-interess ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Renckhoff, C‑161/17, EU:C:2018:634, punt 41).

55

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, f’paġna internet ta’ terz, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu permezz ta’ awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’sit internet ieħor, meta din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni adottati jew imposti minn dan id-detentur.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi komunikazzjoni lill-pubbliku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni l-inkorporazzjoni, permezz tat-teknika tat-transklużjoni, f’paġna internet ta’ terz, ta’ xogħlijiet protetti mid-drittijiet tal-awtur u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku b’aċċess liberu permezz tal-awtorizzazzjoni tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur f’sit internet ieħor, meta din l-inkorporazzjoni tevita miżuri ta’ protezzjoni kontra t-transklużjoni adottati jew imposti minn dan id-detentur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.