SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Jannar 2021 ( *1 )

[Test irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Protezzjoni internazzjonali – Standards għall-akkoljenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/33/UE – Ċittadin ta’ Stat terz li telaq minn Stat Membru tal-Unjoni Ewropea sabiex imur f’ieħor, iżda li talab il-protezzjoni internazzjonali biss f’dan tal-aħħar – Deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-ewwel Stat Membru – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Aċċess għas-suq tax-xogħol bħala applikant għal protezzjoni internazzjonali”

Fil-Kawżi magħquda C‑322/19 u C‑385/19,

li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) (C‑322/19), u mill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) (C‑385/19), permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑25 ta’ Marzu 2019 u tas‑16 ta’ Mejju 2019, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ April 2019 u fis‑16 ta’ Mejju 2019 rispettivament, fil-proċeduri

K.S.,

M.H.K.

vs

The International Protection Appeals Tribunal,

The Minister for Justice and Equality,

Ireland,

The Attorney General (C‑322/19),

u

R.A.T.,

D.S.

vs

Minister for Justice and Equality (C‑385/19),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, N. Piçarra (Relatur), D. Šváby, S. Rodin u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de la Tour,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021] għal K.S., minn M. Conlon, SC, E. Dornan u P. O’Shea, BL, kif ukoll minn B. Burns, solicitor,

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021] għal M.H.K., minn M. Conlon, SC, E. Dornan u P. O’Shea, BL, kif ukoll minn B. Burns, solicitor,

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021] għal R.A.T., minn M. Conlon, SC, E. Dornan, BL, u B. Burns, solicitor,,

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021] għal D.S., minn M. Conlon, SC, E. Bouchared, BL, kif ukoll minn S. Bartels, solicitor,

[Kif irrettifikat permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021] għall-Minister for Justice and Equality u għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn R. Barron, SC, u minn S.‑J. Hillery, BL,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Azéma, C. Ladenburger u J. Tomkin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 96).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, K.S. u M.H.K., fuq naħa waħda, u l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda), l-Irlanda u l-Attorney General, fuq in-naħa l-oħra, kif ukoll, min-naħa l-oħra, R.A.T. u D.S., fuq naħa waħda, u l-Minister for Justice and Equality (il-Ministru għall-Ġustizzja u għall-Ugwaljanza, l-Irlanda), fuq in-naħa l-oħra, dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet li rrifjutawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol fil-kwalità tagħhom ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor intalab skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem, ir-“Regolament Dublin III”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2013/33

3

Id-Direttiva 2013/33 ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva tal-Kunsill 2003/9/KE tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi standards minimi għall-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 101).

4

Il-premessi 8, 11, 23 u 33 tad-Direttiva 2013/33 jipprovdu:

“(8)

Sabiex ikun żgurat it-trattament ugwali tal-applikanti madwar l-Unjoni, din id-Direttiva għandha tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, fil-postijiet u fil-faċilitajiet kollha li jilqgħu lill-applikanti u sakemm jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti.

(11)

Għandhom ikunu stipulati standards għall-akkoljenza tal-applikanti li għandhom ikunu biżżejjed biex jiżguraw standard ta’ ħajja dinjituż u kondizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha.

(23)

Sabiex tkun promossa l-awtosuffiċjenza tal-applikanti u biex ikunu limitati d-diskrepanzi kbar bejn l-Istati Membri, huwa essenzjali li jingħataw regoli ċari dwar l-aċċess tal-applikanti għas-suq tax-xogħol.

(33)

Skont l-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda rigward iż-Żona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-TUE, u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u mingħajr ħsara għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbutin biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(b)

‘applikant’ tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali;

[…]

(f)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza’ tfisser is-sett sħiħ ta’ miżuri li Stati Membri jagħtu lill-tal-applikanti skont din id-Direttiva;

(g)

‘kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali’ tfisser kondizzjonijiet ta’ akkoljenza li jinkludu akkomodazzjoni, ikel u ħwejjeġ, ipprovduti in natura, jew bħala konċessjonijiet finanzjarji jew f’vawċers, jew kombinazzjoni tat-tlieta, u konċessjoni għal spejjeż ta’ kuljum;

[…]”

6

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33, intitolat “L-impjiegi”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol mhux iktar tard minn 9 xhur mid-data meta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjoni kienet iddepożitata jekk deċiżjoni fl-ewwel istanza ma titteħidx mill-awtorità kompetenti u d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol għall-applikant, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, filwaqt li jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċes effettiv għas-suq tax-xogħol.

[…]

3.   Aċċess għas-suq tax-xogħol m’għandux ikun irtirat matul proċeduri ta’ appell, meta appell kontra deċiżjoni negattiva fi proċedura regolari għandu effett ta’ sospensjoni, sa meta deċiżjoni negattiva wara l-appell tkun innotifikata.”

Id-Direttiva 2013/32/UE

7

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60), ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015, id-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13).

8

Il-premessi 27 u 58 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdu:

“(27)

Ladarba ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni apolidi li jkunu esprimew ix-xewqa tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali, huma għandhom ikunu konformi mal-obbligi u jibbenefikaw mid-drittijiet taħt din id-Direttiva u d-Direttiva [2013/33] […].

(58)

F’konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew suġġetti għall-applikazzjoni tagħha.”

9

L-Artikolu 2(p) tad-Direttiva 2013/32 jiddefinixxi l-kliem “tibqa’ fl-Istat Membru” bħala “li tibqa’ fit-territorju, inklużi l-fruntiera jew iż-żoni ta’ tranżitu tal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jew li fih tkun saret jew qiegħda tiġi eżaminata tali applikazzjoni”.

10

L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt li wieħed jibqa’ fl-Istat Membru matul l-eżami tal-applikazzjoni”, jiddisponi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-applikanti għandhom jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru, għall-fini tal-proċedura biss, sa meta l-awtorità determinanti tkun ħadet deċiżjoni fl-ewwel istanza skont il-proċeduri stabbiliti fil-Kapitolu III. Dak id-dritt li jitħallew jibqgħu fl-Istat Membru m’għandux jikkostitwixxi intitolament għall-permess ta’ residenza.”

11

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Obbligi tal-applikanti”, jipprevedi:

“1.   L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4 (2) tad-Direttiva 2011/95/UE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9)]. L-Istati Membri jistgħu jimponu lill-applikant obbligi oħra biex jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti sa fejn tali obbligi huma meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

2.   B’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li

(a)

l-applikanti ikunu meħtieġa jirrapportaw lill-awtoritajiet kompetenti jew jidhru personalment quddiemhom mill-iktar fis possibbli jew fi żmien partikolari;

(b)

l-applikanti ikollhom jagħtu dokumenti fil-pussess tagħhom li jkunu relevanti għall-eżami tal-applikazzjoni, bħall-passaporti tagħhom;

(c)

l-applikanti jkunu meħtieġa jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti bil-post tar-residenza jew bl-indirizz attwali tagħhom u b’kull tibdil ta’ dan mill-aktar fis possibbli. […]

(d)

l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jfittxu l-applikant u l-affarijiet li jġorr miegħu. […]

(e)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jieħdu ritratt tal-applikant; kif ukoll

(f)

l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jirreġistraw l-istqarrijiet orali tal-applikant, sakemm dan ikun preċedentement ġie informat b’dan.”

12

L-Artikolu 31 tad-Direttiva 2013/32, intitolat “Proċedura ta’ eżami”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament [Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

[…]

(c)

fejn id-dewmien ikun ċarament attribwit għan-nuqqas li l-applikant jikkonforma mal-obbligi tiegħu/tagħha taħt l-Artikolu 13.”

Ir-Regolament Dublin III

13

Il-premessi 11 u 19 tar-Regolament Dublin III jipprovdu:

“(11)

Id-Direttiva [2013/33] għandha tapplika għall-proċedura li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli kif regolat min dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

[…]

(19)

Sabiex tkun garantita il-protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati„ għandhom ikun stabbiliti salvagwardji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar it-trasferimenti lejn l-Istat Membru responsabbli, f’konformità, b’mod partikolari mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex jiġi żgurat li jiġi rispettat id-dritt internazzjonali, rimedju effettiv kontra tali deċiżjonijiet għandu jkopri kemm l-analiżi tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll l-eżami tas-sitwazzjoni legali u fattwali fl-Istat Membru li għalih jiġi ttrasferit l-applikant.”

14

L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali”, jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li japplika fit-territorju ta’ xi wieħed minnhom, inkluż fil-konfini jew fiż-żoni ta’ transitu. L-applikazzjoni għandha tkun eżaminata minn Stat Membru wieħed, li għandu jkun dak li l-kriterji ddikjarati fil-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament juru li huwa responsabbli.

2.   Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

15

L-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ġerarkija ta’ kriterji”, jipprevedi:

“1.   Il-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati f’dan il-Kapitolu.

2.   L-Istat Membru responsabbli skont il-kriterji stabiliti f’dan il-Kapitlu għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi tas-sitwazzjoni eżistenti meta l-applikant iddepożita għall-ewwel darba l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tiegħu jew tagħha għand Stat Membru. […]”

16

L-Artikolu 13 tal-istess regolament, intitolat “Dħul u/jew permanenza”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda […], inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1)], li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Dik ir-responsabbilità għandha tieqaf 12‑il xahar wara d-data li fiha l-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

17

L-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.”

18

L-Artikolu 27 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Rimedji”, jiddisponi:

“1.   L-applikant […] għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv, fil-forma ta’ appell jew reviżjoni, fil-fatt u fil-liġi, mid-deċiżjoni tat-trasferiment, quddiem qorti jew tribunal.

[…]

3.   Għall-iskopijiet ta’ appelli kontra, jew reviżjonijiet ta’, -deċiżjonijiet ta’ trasferiment, l-Istati Membri għandhom jipprevedu fil-liġi nazzjonali tagħhom li:

(a)

l-appell jew ir-reviżjoni tagħti lill-applikant id-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew ir-reviżjoni; jew

(b)

it-trasferiment huwa sospiż awtomatikament u tali sospensjoni tiskadi wara ċertu perijodu ta’ żmien raġonevoli, f’liema żmien qorti jew tribunal, wara skrutinju mill-qrib u rigoruż, tkun ħadet deċiżjoni dwar jekk għandux jingħata effett sospensiv lil appell jew reviżjoni; […]

[…]”

19

L-Artikolu 29 tal-imsemmi regolament, intitolat, “Modalitajiet u żmien limitu”, jipprevedi:

“1.   It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv skont l-Artikolu 27(3).

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]”

Id-dritt Irlandiż

20

B’applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta’ l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem, il-“Protokoll Nru 21”), il-European Communities (Receptions Conditions) Regulations 2018 (S. I. No. 230/2018) (id-Digriet tal‑2018 dwar il-Komunitajiet Ewropej (kundizzjonijiet ta’ akkoljenza)) (iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-2018”) ittraspona, b’effett mit‑30 ta’ Ġunju 2018, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33 fid-dritt Irlandiż.

21

Ir-Regola 2(2) u (3) ta’ dan id-digriet tipprevedi:

“(2) Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, meta deċiżjoni ta’ trasferiment, fis-sens tal-[European Union (Dublin System) Regulations 2018 (S.I. No. 62/2018) (id-Digriet tal‑2018 dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin))] tkun ġiet adottata fir-rigward ta’ applikant, allura, mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni skont ir-Regola 5(2) ta’ dan id-digriet, il-persuna kkonċernata:

(a)

titlef l-istatus ta’ applikant, u

(b)

tiġi kklassifikata bħala benefiċjarju iżda mhux bħala applikant, mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, b’applikazzjoni tar-Regola 5(2) tal-imsemmi digriet.

(3) Għall-finijiet ta’ dan id-digriet, persuna li, skont ir-Regola 16(2) tal-[European Union (Dublin System) Regulations 2018 (S.I. No. 62/2018) (id-Digriet tal‑2018 dwar l-Unjoni Ewropea (Sistema ta’ Dublin))], tkun adixxiet lill-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda) b’appell li dwaru din tal-aħħar tkun għadha ma ddeċidietx, hija kkunsidrata bħala benefiċjarju iżda mhux bħala applikant.”

22

Ir-Regola 11(3) u (4) tad-Digriet tal‑2018, li jimplimenta l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, tiddisponi:

“(3) Applikant jista’ jippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ xogħol: […]

(b)

mhux qabel tmien xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tiegħu [għall-protezzjoni internazzjonali].

(4) Il-Ministru jista’ […] jagħti awtorizzazzjoni [ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol] lill-applikant jekk:

(a)

bla ħsara għall-paragrafu 6, ikun għadda perijodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni u sa dik id-data ma tkun ingħatat l-ebda deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni ppreżentata mill-applikant, u

(b)

is-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a) iktar ’il fuq ma tistax tiġi attribwita totalment jew parzjalment lill-applikant.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑322/19

23

K.S. telaq mill-Pakistan għar-Renju Unit fi Frar 2010. Huwa ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru. F’Mejju 2015, huwa mar l-Irlanda fejn ippreżenta tali applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil‑11 ta’ Mejju 2015. Fid‑9 ta’ Marzu 2016, ir-Refugee Applications Commissioner (il-Kummissarju għar-Refuġjati, l-Irlanda) ħa deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ din l-applikazzjoni lejn ir-Renju Unit, abbażi tar-Regolament Dublin III. K.S. ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni, li ġie miċħud, fis‑17 ta’ Awwissu 2016, mir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati, l-Irlanda). Huwa mbagħad ressaq proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li għadha pendenti u għandha effett sospensiv.

24

Sadanittant, K.S. ressaq, skont ir-Regola 11(3) tad-Digriet tal‑2018, talba għal permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol quddiem il-Labour Market Access Unit of the Department of Justice and Equality (id-Diviżjoni ta’ Aċċess għas-Suq tax-Xogħol tad-Dipartiment tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza, l-Irlanda). Wara r-rifjut ta’ din it-talba, huwa ppreżenta rikors, li ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Lulju 2018. Huwa ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali, l-Irlanda). Permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Settembru 2018, din il-qorti kkonfermat id-deċiżjoni ta’ rifjut minħabba li, skont id-Digriet tal‑2018, il-persuni li l-applikazzjoni tagħhom tkun ġiet ittrasferita lejn Stat Membru ieħor, skont ir-Regolament Dublin III, ma jibbenefikawx mid-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol. Għalhekk, K.S. ressaq talba quddiem il-qorti tar-rinviju għal stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni tal-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali).

25

M.H.K. telaq mill-Bangladexx għar-Renju Unit fl‑24 ta’ Ottubru 2009. Wara l-iskadenza tal-permess ta’ residenza tiegħu, huwa mar l-Irlanda, fl‑4 ta’ Settembru 2014, qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu għal estensjoni tal-permess ta’ residenza tiegħu fir-Renju Unit. Fis‑16 ta’ Frar 2015, M.H.K. ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda. Fil‑25 ta’ Novembru 2015, il-Kummissarju għar-Refuġjati adotta deċiżjoni ta’ trasferiment ta’ din l-applikazzjoni lejn ir-Renju Unit abbażi tar-Regolament Dublin III. M.H.K. ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni, li ġie miċħud, fit‑30 ta’ Marzu 2016, mir-Refugee Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell tar-Refuġjati). Huwa għalhekk beda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), billi invoka l-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III. Din il-proċedura, li għadha pendenti, għandha effett sospensiv.

26

M.H.K. ippreżenta wkoll, skont ir-Regola 11(3) tad-Digriet tal‑2018, applikazzjoni għal permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol quddiem l-awtorità kompetenti tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza. Wara ċ-ċaħda ta’ din l-applikazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Awwissu 2018, M.H.K. ippreżenta rikors, li ġie miċħud fil‑5 ta’ Settembru 2018. Huwa ppreżenta appell minn din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali). Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Ottubru 2018, din il-qorti ċaħdet dan l-appell, billi ddeċidiet li l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jaqax taħt il-“kondizzjonijiet ta’ akkoljenza materjali”. Għalhekk, M.H.K. ressaq, quddiem il-qorti tar-rinviju, talba għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni.

27

It-talbiet għal stħarriġ ġudizzjarju mressqa quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja) ġew ammessi fl‑24 ta’ Settembru u fit‑12 ta’ Novembru 2018 rispettivament. Din il-qorti tindika li dawn iż-żewġ talbiet huma intiżi, fl-ewwel lok, għall-adozzjoni ta’ digrieti certiorari li għandhom l-għan li jannullaw id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol, fit-tieni lok, sabiex jiġi ddikjarat li r-Regola 2(2), kif ukoll ir-Regola 11(2) u (12) tad-Digriet tal‑2018 imorru kontra d-Direttiva 2013/33 u, fit-tielet lok, għall-kumpens għad-danni mġarrba.

28

F’dan il-kuntest, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk tistax tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2013/32, minkejja li din ma hijiex applikabbli għall-Irlanda, sabiex tinterpreta d-Direttiva 2013/33.

29

Fit-tieni lok, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf jekk applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ġiet ittrasferita lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III, jistax jinvoka l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. Din il-qorti tfakkar li, f’abbozz ta’ direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, tat‑13 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li teskludi mill-aċċess għas-suq tax-xogħol il-persuni li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III. L-imsemmija qorti madankollu tqis li minn dan ma jistax jiġi dedott, a contrario, li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 jippermetti lill-persuni li huma s-suġġett ta’ tali deċiżjoni li jaċċedu għas-suq tax-xogħol.

30

Il-High Court (il-Qorti Għolja) tqis, minn naħa, li persuni bħar-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma persuni li “mid-definizzjoni tagħhom stess”, sa ċertu punt, abbużaw mill-mekkaniżmu stabbilit mir-Regolament Dublin III, u, min-naħa l-oħra, li s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru li ma huwiex dak tal-ewwel dħul tal-applikant tmur kontra dan ir-regolament. Fid-dawl tal-kunċett ta’ abbuż ta’ dritt, dawn il-persuni għalhekk ma jistgħux jibbenefikaw minn aċċess għas-suq tax-xogħol skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33.

31

F’dan il-kuntest, l-imsemmija qorti tistaqsi, fit-tielet lok, jekk Stat Membru jistax jadotta, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33, miżura ġenerali li timputa lill-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor ikun ġie deċiż skont ir-Regolament Dublin III, kwalunkwe dewmien fl-iżvolġiment ta’ din il-proċedura. Hija tqis li għandha tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda.

32

Fir-raba’ lok, il-High Court (il-Qorti Għolja) tixtieq tkun taf jekk il-preżentata, mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ azzjoni ġudizzjarja, li għandha effett sospensiv, kontra deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III, tikkostitwixxix ukoll dewmien imputabbli lill-imsemmi applikant, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. Hija tqis li għandha tingħata wkoll risposta pożittiva għal din id-domanda.

33

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-High Court (il-Qorti Għolja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Meta, fl-interpretazzjoni ta’ strument tad-dritt tal-[Unjoni] li japplika fi Stat Membru partikolari, strument li ma japplikax f’dan l-Istat Membru jiġi adottat fl-istess ħin, dan l-aħħar strument jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-ewwel wieħed?

2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33] japplika għal persuna li fir-rigward tagħha ġiet adottata deċiżjoni ta’ trasferiment skont ir-Regolament Dublin III […]?

3)

Fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33], jista’ Stat Membru jadotta miżura ġenerali li effettivament tattribwixxi lil applikanti li għandhom jiġu ttrasferiti skont ir-Regolament Dublin III […] kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni jew wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment?

4)

Meta applikant jitlaq minn Stat Membru mingħajr ma jkun applika għal protezzjoni internazzjonali u jivvjaġġa lejn Stat Membru ieħor fejn jippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni skont ir-Regolament Dublin III […] li abbażi tagħha huwa jerġa’ jiġi ttrasferit lejn l-ewwel Stat Membru, id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni [internazzjonali] jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33]?

5)

Meta applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III […], iżda jkun hemm dewmien fit-trasferiment minħabba proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju ppreżentata mill-applikant li għandha bħala konsegwenza s-sospensjoni tat-trasferiment skont ordni ta’ sospensjoni tal-[High Court (il-Qorti Għolja)], id-dewmien li jirriżulta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi attribwit lill-applikant għall-finijiet tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33] b’mod ġenerali jew b’mod partikolari, fil-każ li jiġi ddeterminat f’din il-proċedura li l-istħarriġ ġudizzjarju huwa infondat, b’mod manifest jew le, jew jikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura?”

Il-Kawża C‑385/19

34

R.A.T., ċittadina Iraqina, ippreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Irlanda, fis‑7 ta’ Marzu 2018. Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ottubru 2018, hija ġiet informata li kienet ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment lejn ir-Renju Unit fil-konfront tagħha, skont ir-Regolament Dublin III. Hija għalhekk ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), fit‑18 ta’ Ottubru 2018. Dan l-appell għadu pendenti.

35

D.S., ċittadin Iraqi, jindika li telaq mill-Iraq fl‑1 ta’ Awwissu 2015 sabiex imur l-Awstrija billi jaqsam it-Turkija u wara l-Greċja. Huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Awstrija, iżda telaq minn dan l-Istat Membru qabel ma ttieħdet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiegħu. D.S. jiddikjara li rritorna l-Iraq f’Awwissu 2015, u mbagħad mar direttament l-Irlanda, fil‑25 ta’ Diċembru 2015. Huwa ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’dan l-aħħar Stat Membru fit‑8 ta’ Frar 2016. Ittieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment lejn l-Awstrija fil-konfront tiegħu, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, peress li l-awtorità Awstrijaka kompetenti aċċettat li tieħu lura lill-persuna kkonċernata skont din id-dispożizzjoni. D.S. ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), li ġie miċħud. D.S. beda proċedura ta’ stħarriġ ġudizzjarju quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja), li għadha pendenti.

36

R.A.T. u D.S. talbu li jibbenefikaw minn aċċess għas-suq tax-xogħol skont ir-Regola 11 tad-Digriet tal‑2018. It-talba tagħhom ġiet miċħuda minħabba li, peress li kienu s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III, huma tilfu l-kwalità ta’ “applikant” u issa kellhom jiġu kklassifikati bħala “benefiċjarji”, fis-sens tad-Digriet tal‑2018. Għaldaqstant, huma ma setgħux jibbenefikaw minn permess ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol Irlandiż. Għaldaqstant, R.A.T. u D.S. ippreżentaw appelli mid-deċiżjonijiet li ċaħdu l-applikazzjonijiet tagħhom quddiem l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali). Il-qorti tar-rinviju ddeċidiet, permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑12 ta’ Marzu u tal‑10 ta’ April 2019 rispettivament, li dawn l-appelli huma ammissibbli.

37

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-persuni li t-trasferiment tagħhom lejn Stat Membru ieħor ġie deċiż skont ir-Regolament Dublin III, jistgħux jikkostitwixxu kategorija distinta minn dik ta’ “applikant”, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, li hija, konsegwentement, eskluża mill-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-Istat Membru li jkun talab dan it-trasferiment. Fil-fehma tagħha, din id-direttiva ma tawtorizza l-ebda distinzjoni bejn l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li huwa fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat fil-punt 40 tas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594).

38

Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, b’mod partikolari, tal-parti tas-sentenza “d-dewmien ma jistax ikun attribwit lill-applikant”, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) tqis li l-fatt li rikorrent jippreżenta azzjoni ġudizzjarja sabiex jikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju ma jistax jitqies awtomatikament bħala dewmien imputabbli lilu, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

39

L-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) tindika, barra minn hekk, li, wara l-għoti tas-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of An Garda Síochána (C‑378/17, EU:C:2018:979), hija qieset li d-Digriet tal‑2018 imur kontra l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 u, għaldaqstant, iddeċidiet li tapplika din id-direttiva minflok id-dispożizzjonijiet nazzjonali, bil-konsegwenza li awtorizzat l-aċċess tar-rikorrenti kkonċernati għas-suq tax-xogħol Irlandiż.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huma previsti kategoriji separati ta’ ‘applikant’ fl-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33]?

2)

Liema tip ta’ aġir jammonta għal dewmien attribwibbli lill-applikant fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva [2013/33]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Ġunju 2019, il-Kawżi C‑322/19 u C‑385/19 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza.

42

Permezz ta’ digriet separat tat‑23 ta’ April 2019, il-High Court (il-Qorti Għolja) talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tissuġġetta l-Kawża C‑322/19 għal proċedura mħaffa skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali), fid-deċiżjoni tagħha ta’ rinviju tas‑16 ta’ Mejju 2019, għamlet l-istess talba fir-rigward tal-Kawża C‑385/19.

43

Mill-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li, fuq talba tal-qorti tar-rinviju jew, eċċezzjonalment, ex officio, il-President tal-Qorti jista’, fejn in-natura tal-kawża titlob li dan jiġi ttrattat minnufih, wara li jinstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedu li rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu jiġi suġġett għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija Regoli tal-Proċedura.

44

Insostenn tat-talbiet tagħhom, il-qrati tar-rinviju jenfasizzaw li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali jinsabu fi stat ta’ inċertezza fir-rigward tad-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol u fir-rigward tal-ħajja familjari tagħhom, li huwa aggravat bl-eżistenza ta’ deċiżjonijiet diverġenti tal-qrati Irlandiżi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2013/33. Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja li tingħata fi żmien qasir ħafna tippermetti li jintemm dan l-istat ta’ inċertezza.

45

Dawn il-qrati jirrilevaw ukoll li d-dritt ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol mogħti mid-Direttiva 2013/33, inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jaqa’ taħt id-dritt għad-dinjità tal-bniedem żgurat fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

46

F’dan il-każ, fit‑22 ta’ Mejju 2019, f’dak li jirrigwarda l-Kawża C‑322/19, u fl‑14 ta’ Ġunju 2019, fir-rigward tal-Kawża C‑385/19, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jiċħad it-talbiet tal-qrati tar-rinviju msemmija fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, b’applikazzjoni tal-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

47

Dawn id-deċiżjonijiet huma mmotivati, l-ewwel nett, mill-fatt li l-inċertezza legali invokata mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali kif ukoll l-interess leġittimu tagħhom li jsiru jafu malajr kemm jista’ jkun il-portata tad-drittijiet li huma għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni ma jistgħux, bħala tali, jikkostitwixxu ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ tiġġustifika l-użu tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Jannar 2019, Adusbef et, C‑686/18, mhux ippubblikat, EU:C:2019:68, punt 14 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Għalhekk, b’differenza mid-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ April 2008, Metock et (C‑127/08, mhux ippubblikat, EU:C:2008:235), iċċitat mill-High Court (il-Qorti Għolja), li fiha xi koppji kienu mċaħħda mill-possibbiltà li jgħixu ħajja tal-familja normali, mid-deċiżjonijiet ta’ rinviju ma jirriżultax li dan huwa l-każ hawnhekk. Bl-istess mod, fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dereci et (C‑256/11, mhux ippubblikat, EU:C:2011:571, punt 15), ukoll iċċitat mill-High Court (il-Qorti Għolja), mill-inqas wieħed mir-rikorrenti kien ġie rrifjutat l-effett sospensiv tal-appell li huwa kien ippreżenta kontra l-ordni ta’ tkeċċija tiegħu, b’tali mod li l-miżura ta’ tkeċċija mit-territorju tal-persuna kkonċernata setgħet tiġi implimentata f’kull mument. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din it-theddida ta’ tneħħija imminenti ċċaħħadha mill-possibbiltà li tgħix ħajja tal-familja normali. Madankollu, fil-kawżi prinċipali, ir-rikorrenti ma humiex imċaħħda mil-libertà u d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment tagħhom huma sospiżi sakemm tingħata sentenza definittiva.

49

Sussegwentement għandu jiġi ppreċiżat li diverġenza fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fost il-qrati nazzjonali ma tistax tkun biżżejjed, waħedha, sabiex tiġġustifika li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għal proċedura mħaffa. L-importanza li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Unjoni Ewropea tad-dispożizzjonijiet kollha li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tagħha hija fil-fatt inerenti għal kull talba mressqa skont l-Artikolu 267 TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Settembru 2018, Lexitor, C‑383/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:769, punt 16).

50

Fl-aħħar nett, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju ma jirriżultax li r-rikorrenti fil-kawżi prinċipali huma mċaħħda mill-benefiċċju tal-kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza żgurati mid-Direttiva 2013/33. Konsegwentement, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex prekarja b’tali mod li jkun iġġustifikat trattament tar-rinviji għal deċiżjoni preliminari permezz tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tat-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19

51

Permezz tat-tielet domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑322/19, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, essenzjalment, jekk Stat Membru, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33, jistax jadotta miżura ġenerali li timputa lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, li t-trasferiment tiegħu lejn Stat Membru ieħor intalab skont ir-Regolament Dublin III, kwalunkwe dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment.

52

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li tali miżura ġenerali ta’ traspożizzjoni hija inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

53

Issa, għalkemm id-domandi preliminari li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza, il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma tikkonsistix fil-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi dwar domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda hija marbuta mal-ħtieġa inerenti għas-soluzzjoni effettiva ta’ tilwima (sentenzi tal‑10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et, C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 28, kif ukoll tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 44).

54

Fi kwalunkwe każ, kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, id-dewmien imsemmi fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jikkonċerna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza, li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, u mhux l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, fis-sens tar-Regolament Dublin III.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li t-tielet domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 hija intiża, fir-realtà, sabiex tinkiseb opinjoni konsultattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, din hija inammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19

56

Permezz tal-ewwel domanda tagħha magħmula fil-Kawża C‑322/19, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, essenzjalment, jekk qorti nazzjonali tistax tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2013/32, li, skont l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta’ l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ma tapplikax fl-Istat Membru ta’ din il-qorti, sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33, li, mill-banda l-oħra, tapplika għall-imsemmi Stat Membru, konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll.

57

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li l-kliem ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jkun fih l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tagħha, għandu normalment jingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Ministerio Fiscal (Awtorità li tista’ tirċievi applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali), C‑36/20 PPU, EU:C:2020:495, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Barra minn hekk, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha ż-żewġ strumenti kkonċernati jappartjenu għall-istess corpus legali, jiġifieri s-sistema komuni Ewropea tal-ażil, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 jikkostitwixxu elementi ta’ kuntest rilevanti u neċessarji.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2013/32, inkluż meta din tal-aħħar ma tapplikax fl-Istat Membru tal-qorti tar-rinviju, skont il-Protokoll Nru 21, sabiex tiġi interpretata d-Direttiva 2013/33, applikabbli f’dan l-Istat Membru, bis-saħħa ta’ dan il-protokoll, u dan sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet ta’ din l-aħħar direttiva fl-Istati Membri kollha.

60

Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 hija li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2013/32, li, skont l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta’ l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ma tapplikax fl-Istat Membru ta’ din il-qorti, sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33, li, mill-banda l-oħra, tapplika għall-imsemmi Stat Membru, konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll.

Fuq it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 u l-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19

61

Permezz tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 u tal-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva, mill-aċċess għas-suq tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li ttieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment fil-konfront tiegħu skont ir-Regolament Dublin III.

62

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol fil-kundizzjonijiet previsti f’din id-dispożizzjoni. Sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni tirrigwarda l-aċċess għas-suq tax-xogħol favur l-“applikanti”, għandu jsir riferiment għad-definizzjoni ta’ dan il-kunċett li tinsab fl-Artikolu 2(b) ta’ din id-direttiva.

63

“Applikant” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33 bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li għamlet applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali”. Billi ma ntużax artiklu definit qabel “ċittadin” jew “persuna”, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippreċiża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-ebda ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat ma huwa, a priori, eskluż mill-istatus ta’ applikant.

64

Barra minn hekk, dan l-Artikolu 2(b) ma jagħmel l-ebda distinzjoni skont jekk l-applikant huwiex suġġett għal proċedura ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament Dublin III. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-applikant iżomm dan l-istatus sakemm “tkun għadha ma tteħditx deċizjoni finali” dwar l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55 sa 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, deċiżjoni ta’ trasferiment ma tikkostitwixxix deċiżjoni li permezz tagħha tittieħed deċiżjoni definittiva dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, b’tali mod li l-adozzjoni tagħha ma jistax ikollha l-effett li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-kwalità ta’ “applikant”, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33.

65

Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni letterali taqbel mal-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tirriżulta mill-premessa 8 tad-Direttiva 2013/33, li skontha din tapplika matul l-istadji u t-tipi kollha ta’ proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali u sakemm l-applikanti jitħallew jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri bħala applikanti. Minn dan isegwi li l-applikanti li huma s-suġġett tal-“proċeduri li jirrigwardaw l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali” stabbiliti mir-Regolament Dublin III huma manifestament inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-imsemmija direttiva u, konsegwentement, f’dak tal-Artikolu 15 ta’ din tal-aħħar.

66

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata wkoll minn żewġ strumenti oħra li jagħmlu parti, bħad-Direttiva 2013/33, mis-sistema komuni Ewropea tal-ażil, jiġifieri d-Direttiva 2013/32 u r-Regolament Dublin III. Fil-fatt, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2013/32, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-persuni mingħajr Stat li esprimew ix-xewqa li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali huma applikanti għal protezzjoni internazzjonali. Minħabba f’hekk, huma għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet żgurati skont din id-direttiva u d-Direttiva 2013/33. Bl-istess mod, mill-premessa 11 tar-Regolament Dublin III jirriżulta espressament li d-Direttiva 2013/33 tapplika għall-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, irregolata minn dan ir-regolament. Issa, tali proċedura sseħħ, fil-prattika, fl-Istat Membru li jitlob it-trasferiment tal-applikazzjoni lejn Stat Membru ieħor, u dan sat-teħid ta’ responsabbiltà jew sat-teħid lura tal-applikant mill-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, jekk jirriżulta li dan tal-aħħar ikun effettivament responsabbli mill-eżami tal-imsemmija applikazzjoni skont dan ir-regolament.

67

Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 hija, fit-tielet lok, konsistenti mas-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI (C‑179/11, EU:C:2012:594), dwar l-obbligu, impost fuq l-Istat Membru li quddiemu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bis-saħħa tad-Direttiva 2003/9, imħassra u ssostitwita bid-Direttiva 2013/33, li tiżgura lill-applikant kundizzjonijiet materjali ta’ akkoljenza qabel it-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tiegħu mill-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ din l-applikazzjoni skont ir-regolament li ppreċeda r-Regolament Dublin III. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li l-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2003/9, li essenzjalment jikkorrispondu għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2013/33, jipprevedu kategorija waħda biss ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali li tinkludi ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi u l-persuni kollha mingħajr Stat li jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, essenzjalment, li applikant għal protezzjoni internazzjonali jżomm dan l-istatus sakemm ma tkunx ġiet adottata deċiżjoni definittiva dwar l-applikazzjoni tiegħu. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fil-punt 58 tal-istess sentenza, li l-obbligi, għall-Istat Membru li quddiemu titressaq tali applikazzjoni, li jagħti l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-Direttiva 2003/09 jieqfu biss mit-trasferiment effettiv tal-imsemmi applikant minn dan l-Istat Membru.

68

Issa, għalkemm l-aċċess għas-suq tax-xogħol ma jikkostitwixxix stricto sensu kundizzjoni materjali ta’ akkoljenza, fis-sens tal-Artikolu 2(g) tad-Direttiva 2013/33, dan madankollu jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, fis-sens tal-Artikolu 2(f) tagħha, mifhuma bħala d-drittijiet u l-benefiċċji mogħtija, minn din id-direttiva, lil kull applikant għal protezzjoni internazzjonali li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet deċiża definittivament. Għaldaqstant, l-obbligu tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33, li jagħti l-aċċess għas-suq tax-xogħol lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali jintemm biss fil-mument tat-trasferiment definittiv ta’ dan tal-aħħar lejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

69

Fir-raba’ lok, il-premessa 11 tad-Direttiva 2013/33 tistabbilixxi li għandhom jiġu adottati standards għall-akkoljenza tal-applikanti, li jkunu suffiċjenti sabiex jiżguraw livell tal-għajxien dinjituż u kundizzjonijiet tal-ħajja paragunabbli fl-Istati Membri kollha. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li r-rispett għad-dinjità tal-bniedem huwa impost mhux biss fir-rigward tal-applikanti għall-ażil li jinsabu, fit-territorju tal-Istat Membru responsabbli, fl-istennija tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, iżda wkoll fir-rigward tal-applikanti għall-ażil fl-istennija tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli minn din l-applikazzjoni (sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Cimade u GISTI, C‑179/11, EU:C:2012:594, punt 43). Issa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-fatt li wieħed jaħdem jikkontribwixxi, b’mod evidenti, għall-preżervazzjoni tad-dinjità tal-applikant, peress li d-dħul minn impjieg jippermettilu mhux biss li jmantni lilu nnifsu, iżda wkoll li jkollu akkomodazzjoni barra mill-faċilitajiet ta’ akkoljenza, li fiha huwa jista’, jekk ikun il-każ, jilqa’ lill-familja tiegħu.

70

Barra minn hekk, il-premessa 23 tad-Direttiva 2013/33 tipprovdi li wieħed mill-għanijiet imfittxija minnha huwa li “tkun promossa l-awtosuffiċjenza tal-applikanti” għal protezzjoni internazzjonali. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-Proposta tagħha għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi l-istandards minimi dwar l-akkoljenza ta’ dawk li jfittxu ażil (COM (2008) 815 finali), l-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa ta’ benefiċċju kemm għall-applikant għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll għall-Istat Membru ospitanti. Simplifikazzjoni tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għal dawn l-applikanti tista’ tipprevjeni riskju sinjifikattiv tal-iżolament u tal-esklużjoni soċjali tagħhom li għandhom riskju saħansitra iktar importanti fid-dawl tal-prekarjetà tas-sitwazzjoni tagħhom. Hija wkoll promossa l-awtosuffiċjenza tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, li hija waħda mill-għanijiet tad-Direttiva 2013/33.

71

Għall-kuntrarju, il-fatt li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jiġi prekluż milli jaċċedi għas-suq tax-xogħol imur kontra dan l-għan, minbarra li jimponi spejjeż fuq l-Istat Membru kkonċernat, minħabba l-ħlas ta’ benefiċċji soċjali addizzjonali. L-istess japplika jekk applikant li jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru ieħor jiġi prekluż milli jaċċedi għas-suq tax-xogħol matul il-perijodu sħiħ bejn id-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u d-data tal-aċċettazzjoni tat-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba, li huwa perijodu li miegħu jiżdied dak li jikkorrispondi għall-eżami nnifsu tal-applikazzjoni tiegħu, li jista’ jdum sa sitt xhur mid-data tal-aċċettazzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata mill-Istat Membru li tkun saritlu t-talba.

72

Għaldaqstant, l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2013/33, li huma s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment, skont ir-Regolament Dublin III, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 u għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19 hija li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-aċċess għas-suq tax-xogħol, għas-sempliċi raġuni li ttieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment fil-konfront tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III.

Fuq it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19

74

Permezz tat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19, l-International Protection Appeals Tribunal (il-Qorti tal-Appell għall-Protezzjoni Internazzjonali) tistaqsi, essenzjalment, liema aġir jista’ jikkostitwixxi dewmien imputabbli lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33.

75

Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamel l-Avukat Ġenerali fil-punti 99 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħu, li d-Direttiva 2013/33 ma tagħti l-ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

76

Għaldaqstant, għandu jsir riferiment għar-regoli proċedurali komuni għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali stabbiliti mid-Direttiva 2013/32, li, kif ġie kkonstatat fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33.

77

Għalhekk, mill-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li dewmien fl-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali huwa imputabbli lill-applikant meta dan tal-aħħar ma josservax l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-applikant għandu l-obbligu li jikkoopera mal-awtorità nazzjonali kompetenti sabiex din tistabbilixxi l-identità tiegħu u l-elementi l-oħra msemmija fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri l-età tiegħu, il-passat tiegħu, inklużi dawk tal-ġenituri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, in-nazzjonalità jew in-nazzjonalitajiet tiegħu, il-pajjiż jew il-pajjiżi fejn huwa rrisjeda qabel, l-applikazzjonijiet preċedenti tiegħu għall-ażil, l-itinerarju tiegħu, u d-dokumenti ta’ vjaġġar tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet għall-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali. L-obbligu ta’ kooperazzjoni impost fuq l-applikant jimplika li dan tal-aħħar għandu jipprovdi, sa fejn ikun possibbli, il-provi mitluba u, jekk ikun il-każ, l-ispjegazzjonijiet u l-informazzjoni mitluba (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 38).

78

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2013/32 jippermetti wkoll lill-Istati Membri li jimponu fuq l-applikant obbligi oħra neċessarji għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari, li jimponulu l-obbligu li jirrapporta lill-awtoritajiet kompetenti jew li jippreżenta ruħu f’data u f’post speċifiku, li jinforma lill-awtoritajiet bil-post ta’ residenza tiegħu jew anki li jagħmlu tiftix fuq il-persuna tiegħu, li jieħdu ritratt tiegħu u li jirreġistraw l-istqarrijiet tiegħu.

79

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta, essenzjalment, li dewmien fl-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi imputat lill-applikant meta dan naqas milli jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fid-dawl tar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni u ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni, kif imfakkar fil-punti 57 et seq. ta’ din is-sentenza, din l-interpretazzjoni tapplika anki meta, minħabba att derogatorju speċifiku, f’dan il-każ il-Protokoll Nru 21, id-Direttiva 2013/32 ma tapplikax fl-Istat Membru kkonċernat.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda magħmula fil-Kawża C‑385/19 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi imputat lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, liema dewmien jirriżulta minn nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ dan l-applikant mal-awtoritajiet kompetenti.

Fuq ir-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19

81

Permezz tar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jimputa, lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minħabba l-fatt li dan l-applikant ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-ewwel Stat Membru ta’ dħul.

82

F’dan ir-rigward, minn naħa, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 110 u 112 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Dublin III ma timponi fuq applikant għal protezzjoni internazzjonali l-obbligu li jippreżenta l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-Istat Membru tal-ewwel dħul.

83

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed biss, jiġifieri minn dak identifikat bħala li huwa responsabbli skont il-kriterji stabbiliti f’ordni ġerarkika fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament. Issa, l-Istat Membru tal-ewwel dħul ma huwiex awtomatikament l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li għandu jiġi ddeterminat fid-dawl tal-kriterji stabbiliti mill-Artikolu 7(1) u (2) tal-imsemmi regolament.

84

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi imputat lil applikant għal protezzjoni internazzjonali li jitlaq minn Stat Membru mingħajr ma jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li jkun ippreżenta tali applikazzjoni fi Stat Membru ieħor id-dewmien li jista’ jirriżulta fir-rigward tal-eżami tal-applikazzjoni tiegħu minħabba dan is-sempliċi fatt.

85

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għar-raba’ domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jimputa, lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minħabba l-fatt li dan ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-ewwel Stat Membru ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Dublin III.

Fuq il-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19

86

Permezz tal-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19, il-High Court (il-Qorti Għolja) tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jista’ jimputa lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali li jirriżulta mill-preżentata, minnu, ta’ azzjoni ġudizzjarja, li għandha effett sospensiv, kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III.

87

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III jobbliga lill-Istati Membri li jipprevedu fid-dritt nazzjonali tagħhom, minn naħa, li l-appell minn deċiżjoni ta’ trasferiment jagħti lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali li huwa d-destinatarju tagħha d-dritt li jibqa’ fl-Istat Membru kkonċernat sal-eżitu tal-appell tiegħu u, min-naħa l-oħra, li t-trasferiment ikun awtomatikament sospiż.

88

Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-premessa 19 tar-Regolament Dublin III, li tipprovdi li, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu stabbiliti garanziji legali u d-dritt għal rimedju effettiv fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli, konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta. Għalhekk ġie deċiż, minn naħa, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jissagrifika l-protezzjoni ġudizzjarja tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għar-rekwiżit ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħhom, billi jiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja effettiva u kompleta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash, C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 57, u tal‑31 ta’ Mejju 2018, Hassan, C‑647/16, EU:C:2018:368, punt 57), u, min-naħa l-oħra, li interpretazzjoni restrittiva tal-portata tad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III tista’ tipprekludi t-twettiq ta’ dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 4647).

89

Minn dan jirriżulta li l-eżerċizzju, mill-applikant, tad-dritt tiegħu għal azzjoni legali kontra deċiżjoni ta’ trasferiment fil-konfront tiegħu ma jistax, bħala tali, jikkostitwixxi dewmien imputabbli, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33. Dan l-artikolu jispeċifika, barra minn hekk, fil-paragrafu 3 tiegħu, li l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali ma għandux jiġi rtirat matul il-proċeduri ta’ reviżjoni. Dan għandu japplika wkoll meta ġie ppreżentat appell ippreżentat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment, imsemmi fl-Artikolu 27(3) tar-Regolament Dublin III.

90

Fit-tieni lok, ma jistax jiġi preżunt, mingħajr eżami mill-qorti nazzjonali taċ-ċirkustanzi tal-każ, li l-preżentata ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra deċiżjoni ta’ trasferiment tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

91

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prova ta’ prattika abbużiva teħtieġ, minn naħa, numru ta’ ċirkustanzi oġġettivi li minnhom jirriżulta li, minkejja osservanza formali tal-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni ma jkunx intlaħaq u, min-naħa l-oħra, element suġġettiv li jikkonsisti fir-rieda li jinkiseb vantaġġ li jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni billi jinħolqu artifiċjalment il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-kisba tiegħu (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

92

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, essenzjalment, li l-fatt li Stat Membru jsib ruħu jaffaċċja numru għoli ta’ każijiet ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi mwettqa minn ċittadini ta’ Stati terzi ma jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżura bbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni speċifika tal-aġir tal-persuna kkonċernata stess. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ miżuri li jsegwu għan ta’ prevenzjoni ġenerali ta’ każijiet mifruxa ta’ abbuż ta’ dritt jew ta’ frodi timplika li s-sempliċi appartenenza fi grupp partikolari ta’ persuni tippermetti lill-Istati Membri jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta’ dritt espressament mogħti mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punti 5556).

93

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ħames domanda magħmula fil-Kawża C‑322/19 hija li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru ma jistax jimputa lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu li jirriżulta mill-preżentata, minnu, ta’ azzjoni ġudizzjarja, li għandha effett sospensiv, kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, skont ir-Regolament Dublin III.

Fuq l-ispejjeż

94

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qrati tar-rinviju, huma dawn il-qrati li għandhom jiddeċiedu fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, li, skont l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward ta’ l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ma tapplikax fl-Istat Membru ta’ din il-qorti, sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, li, mill-banda l-oħra, tapplika għall-imsemmi Stat Membru, konformement mal-Artikolu 4 ta’ dan il-protokoll.

 

2)

L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi applikant għal protezzjoni internazzjonali mill-aċċess għas-suq tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li ttieħdet deċiżjoni ta’ trasferiment fil-konfront tiegħu, skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.

 

3)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2013/33 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

id-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-ewwel istanza li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jista’ jiġi imputat lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, liema dewmien jirriżulta minn nuqqas ta’ kooperazzjoni ta’ dan l-applikant mal-awtoritajiet kompetenti;

Stat Membru ma jistax jimputa, lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, id-dewmien fl-adozzjoni ta’ deċiżjoni fl-ewwel istanza li għandha bħala suġġett applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, minħabba l-fatt li dan ma ppreżentax l-applikazzjoni tiegħu quddiem l-ewwel Stat Membru ta’ dħul, fis-sens tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 604/2013;

Stat Membru ma jistax jimputa lill-applikant għal protezzjoni internazzjonali d-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjoni tiegħu li jirriżulta mill-preżentata, minnu, ta’ azzjoni ġudizzjarja, li għandha effett sospensiv, kontra d-deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fil-konfront tiegħu, skont ir-Regolament Nru 604/2013.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.