SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

25 ta’ Novembru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/98/UE – Drittijiet tal-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku – Artikolu 12 – Dritt għall-ugwaljanza fit-trattament – Sigurtà soċjali – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li teskludi, għad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tal-familja, lill-membri tal-familja tad-detentur ta’ permess uniku li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru”

Fil-Kawża C‑302/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Frar 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ April 2019, fil-proċedura

Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS),

vs

WS,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑27 ta’ Frar 2020,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS), minn A. Coretti, V. Stumpo u M. Sferrazza, avvocati,

għal WS, minn A. Guariso u L. Neri, avvocati,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, P. Gentili u A. Giordano, avvocati dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga, A. Azéma u B.‑R. Killmann, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑11 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru (ĠU 2011, L 343, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (INPS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja) u WS dwar iċ-ċaħda ta’ talba għall-allowance tal-familja għal perijodi li matulhom il-mara u t-tfal tal-persuna kkonċernata kienu residenti fil-pajjiż terz ta’ oriġini tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 19, 20, 24 u 26 tad-Direttiva 2011/98 jipprovdu:

“(2)

Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fl‑15 u 16 ta’ Ottubru 1999, irrikonoxxa l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta’ liġi nazzjonali li tirregola l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. F’dan il-kuntest, iddikjara b’mod partikolari li l-Unjoni Ewropea għandha tiżgura trattament ġust għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri u li politika ta’ integrazzjoni aktar qawwija għandu jkollha l-għan li tagħtihom drittijiet u obbligi kumparabbli ma’ dawk taċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Kunsill Ewropew għaldaqstant talab lill-Kunsill biex jadotta l-istrumenti legali bbażati fuq il-proposti tal-Kummissjoni. Il-bżonn li jintlaħqu l-finijiet definiti f’Tampere kien affermat mill-ġdid mill-Programm ta’ Stokkolma, li ġie adottat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tal‑10 u l‑11 ta’ Diċembru 2009.

[…]

(19)

Fin-nuqqas ta’ leġislazzjoni orizzontali tal-Unjoni, id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jvarjaw, skont l-Istat Membru li jaħdmu fih u skont in-nazzjonalità tagħhom. Bil-għan li tiġi żviluppata aktar politika tal-immigrazzjoni koerenti u titnaqqas id-differenzi fid-dritt bejn iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaħdmu legalment fi Stat Membru u biex jiġi kkumplementat l-acquis eżistenti dwar l-immigrazzjoni, għandha tiġi stabbilita ġabra ta’ drittijiet sabiex, b’mod partikolari, jiġi speċifikat f’ liema oqsma jingħata trattament ugwali bejn iċ-ċittadini propji ta’ Stat Membru u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom mhumiex residenti għat-tul. Tali dispożizzjonijiet huma maħsubin biex jistabbilixxu kondizzjonijiet ugwali minimi fl-Unjoni, biex jiġi rikonoxxut li dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-Unjoni permezz tax-xogħol tagħhom u l-ħlasijiet tat-taxxa u biex iservu bħala salvagwardja biex titnaqqas il-kompetizzjoni inġusta bejn iċ-ċittadini propji ta’ Stati Membri u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tirriżulta mill-isfruttar possibbli ta’ dawn tal-aħħar. ‘Ħaddiem ta’ pajjiż terz’ għandu jkun definit f’din id-Direttiva, mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-kunċett tar-relazzjoni ta’ impjieg f’dispożizzjonijiet oħra tal-liġi tal-Unjoni, bħala ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, li jkun legalment jirrisjedi u li jkollu permess, fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas. li jaħdem hemmhekk skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali.

(20)

Iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu u jaħdmu legalment fl-Istati Membri għandhom igawdu mill-inqas ġabra komuni ta’ drittijiet imsejsa fuq it-trattament ugwali bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti rispettiv tagħhom, irrispettivament mill-għan inizjali tal-ammissjoni jew il-bażi għaliha. Id-dritt għat-trattament ugwali fl-oqsma speċifikati minn din id-Direttiva għandu jingħata mhux biss lil dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru biex jaħdmu iżda wkoll lil dawk kollha li ġew ammessi għal finijiet oħra u ngħataw aċċess għas-suq tax-xogħol ta’ dak l-Istat Membru skont dispożizzjonijiet oħra ta’ liġi tal-Unjoni jew nazzjonali inklużi l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ta’ pajjiż terz li huma ammessi fl-Istat Membru skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224)] […]

[…]

(24)

Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi għandhom igawdu trattament ugwali f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali. Il-fergħat tas-sigurtà soċjali huma definiti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72)]. Id-dispożizzjonijiet dwar it-trattament ugwali rigward is-sigurtà soċjali f’din id-Direttiva għandhom japplikaw ukoll għall-ħaddiema li jiġu ammessi fi Stat Membru direttament minn pajjiż terz. Madankollu, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi aktar drittijiet minn dawk diġà pprovduti fil-liġi eżistenti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’sitwazzjonijiet transkonfinali. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’għandhiex tagħti drittijiet fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li huma barra mill-ambitu tal-liġi tal-Unjoni, bħal dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ membri tal-familja li jirrisjedu f’pajjiż terz. Din id-Direttiva tagħti drittijiet biss b’rabta ma’ membri tal-familja li jingħaqdu ma’ ħaddiem tal-pajjiż terz biex jirrisjedu fi Stat Membru abbażi tar-riunifikazzjoni tal-familja jew membri tal-familja li jkunu diġà residenti legalment f’dak l-Istat Membru.

[…]

(26)

Il-liġi tal-Unjoni ma tillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet li f’konformità magħhom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ tali benefiċċji u l-perijodu li jingħataw għalih, għandu jiddependi minn kull Stat Membru. Madankollu, meta jkunu qed jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/98, bit-titolu “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi:

[…]

(b)

ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, irrispettivament mill-għanijiet li għalihom kienu ammessi fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, abbażi ta’ trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘ċittadin ta’ pajjiż terz’ tfisser persuna li ma tkunx ċittadin tal-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE;

(b)

‘ħaddiem ta’ pajjiż terz’ tfisser ċittadin minn pajjiż terz li jkun ġie ammess fit-territorju ta’ Stat Membru, u li jkun jirrisjedi legalment u jkun jista’ jaħdem fil-kuntest ta’ relazzjoni bi ħlas, f’dak l-istat Membru skont il-liġi jew il-prattika nazzjonali;

(c)

‘permess uniku’ tfisser permess ta’ residenza maħruġ mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jippermetti ċittadin ta’ pajjiż terz li jireresjedi legalment fit-territorju tiegħu għal fini ta’ xogħol;

[…]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal:

[…]

(c)

ċittadini ta’ pajjiż terz li ġew ammessi fi Stat Membru għall-fini ta’ xogħol f’konformità mal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali.”

7

Skont l-Artikolu 12 tal-istess direttiva, bit-titolu “Dritt għal trattament ugwali”:

“1.   Il-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, kif imsemmija fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 3(1) għandhom igawdu minn trattament ugwali maċ-ċittadini tal-Istat Membru fejn jirrisjedu fir-rigward ta’:

[…]

(e)

fergħat tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament [Nru 883/2004];

[…]

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament ugwali:

[…]

(b)

billi jillimitaw id-drittijiet konferriti fuq ħaddiema ta’ pajjiżi terzi taħt il-punt (e) tal-paragrafu 1, iżda ma jillimitawx tali drittijiet mogħtija lil ħaddiema ta’ pajjiżi terzi li jkollhom impjieg jew li jkunu f’impjeg għal mhux anqas minn sitt xhur u li jkunu reġistrati bħala qiegħda.

Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-punt (e) tal-paragrafu 1 rigward il-benefiċċji għall-familja ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu ta’ żmien li ma jeċċedix is-sitt xhur, għal ċittadini ta’ pajjizi terzi li ġew ammessi għall-fini ta’ studju, jew għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom il-permess jaħdmu abbażi ta’ viża.

(c)

skont il-punt (f) tal-paragrafu 1 fir-rigward tal-benefiċċji tat-taxxa billi tiġi limitata l-applikazzjoni għal każijiet fejn il-post ta’ residenza rreġistrat jew tas-soltu tal-membri tal-familja tal-ħaddiem ta’ pajjiżi terzi, li għalihom hu/hi titlob benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

[…]”

8

L-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 (ĠU 2009, L 284, p. 43) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”), jipprevedi li dan tal-aħħar għandu japplika għal-leġiżlazzjonijiet kollha li jirrigwardaw il-benefiċċji tal-familja. Skont l-Artikolu 3(5)(a) ta’ dan ir-regolament, dan ma għandux japplika għall-assistenza soċjali u medika.

Id-dritt Taljan

9

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Decreto legge n. 69 – Norme in materia previdenziale, per il miglioramento delle gestioni degli enti portuali ed altre disposizioni urgenti (id-Digriet‑Liġi Nru 69 ‑ Dispożizzjonijiet dwar is-Sigurtà Soċjali, għat-Titjib tal-Ġestjoni tal-Organi Portwali u Dispożizzjonijiet Urġenti Oħra), tat‑13 ta’ Marzu 1988 (GURI Nru 61 tal‑14 ta’ Marzu 1988), maqlub fil-Liġi Nru 153 tat‑13 ta’ Mejju 1988 (GURI Nru 112 tal‑14 ta’ Mejju 1988) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 153/1988”) stabbilixxa l-allowance għan-nuklei familjari, li l-ammont tagħha jiddependi min-numru ta’ tfal li għandhom inqas minn 18‑il sena li jikkomponu n-nukleu familjari u mid-dħul tiegħu (iktar ’il quddiem l-“allowance għan-nuklei familjari”).

10

L-Artikolu 2(6) tal-Liġi Nru 153/1988 jipprovdi:

“In-nukleu familjari għandu jkun kompost mill-konjuġi, bl-esklużjoni tal-konjuġi sseparati legalment u de facto, u mit-tfal u l-ekwivalenti […] li għandhom inqas minn 18‑il sena jew indipendentement mill-età tagħhom meta, minħabba diżabbiltà jew indeboliment mentali jew fiżiku, ikunu jinsabu f’inkapaċità totali u permanenti li jokkupaw impjieg bi ħlas. Jistgħu wkoll jagħmlu parti min-nukleu familjari, taħt l-istess kundizzjonijiet bħat-tfal u l-ekwivalenti, l-aħwa, in-neputijiet u t-tfal tat-tfal li jkollhom inqas minn 18‑il sena jew indipendentement mill-età tagħhom meta, minħabba diżabbiltà jew indeboliment mentali jew fiżiku, ikunu jinsabu f’inkapaċità totali u permanenti li jokkupaw impjieg bi ħlas, jekk dawn ikunu orfni mill-missier u mill-omm u ma jkollhomx dritt għal pensjoni tas-superstiti.”

11

Skont l-Artikolu 2(6‑bis), tal-Liġi Nru 153/1988, in-nukleu familjari, fis-sens ta’ din il-liġi, ma għandux jinkludi lill-konjuġi kif ukoll lit-tfal u lill-ekwivalenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux fit-territorju tar-Repubblika Taljana, ħlief jekk l-Istat taċ-ċittadin barrani jkun jirriżerva trattament reċiproku liċ-ċittadini Taljani jew ikun ikkonkluda ftehim internazzjonali fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja.

12

Id-Direttiva 2011/98 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tad-Decreto legislativo n. 40 – Attuazione della direttiva 2011/98/UE relativa a una procedura unica di domanda per il rilascio di un permesso unico che consente ai cittadini di Paesi terzi di soggiornare e lavorare nel territorio di uno Stato membro e a un insieme comune di diritti per i lavoratori di Paesi terzi che soggiornano regolarmente in uno Stato membro (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 40 dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/98), tal‑4 ta’ Marzu 2014 (GURI Nru 68 tat‑22 ta’ Marzu 2014) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 40/2014”), li stabbilixxa “permess uniku ta’ xogħol”.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

WS huwa ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa detentur ta’ permess sabiex jeżerċita impjieg bħala persuna impjegata mid‑9 ta’ Diċembru 2011 u ta’ permess uniku ta’ xogħol, skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 40/2014, mit‑28 ta’ Diċembru 2015. Matul il-perijodi ta’ bejn Jannar u Ġunju 2014 u ta’ bejn Lulju 2014 u Ġunju 2016, il-mara u ż-żewġt itfal tiegħu rrisjedew fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, is-Sri Lanka.

14

Peress li l-INPS irrifjuta, abbażi tal-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, li jħallsu l-allowance għan-nuklei familjari matul dawn il-perijodi, WS ippreżenta rikors quddiem it-Tribunale del lavoro di Alessandria (il-Qorti Industrijali ta’ Alessandria, l-Italja), li quddiemha huwa invoka ksur tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 u n-natura diskriminatorja ta’ dan ir-rifjut. Din il-qorti ċaħdet ir-rikors tiegħu.

15

WS appella mid-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ din il-qorti quddiem il-Corte d’appello di Torino (il-Qorti tal-Appell ta’ Torino, l-Italja), li laqgħet dan l-appell, billi qieset li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 ma kienx ġie traspost fid-dritt intern u li l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 ma kienx kompatibbli ma’ din id-direttiva.

16

L-INPS ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, la Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja), li quddiemha huwa invoka aggravju uniku, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/98 u tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 40/2014.

17

Il-qorti tar-rinviju tindika li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 u mill-kwistjoni dwar jekk din id-dispożizzjoni timplikax li l-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess uniku u tad-dritt għall-ħlas tal-allowance għan-nuklei familjari previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 153/1988, jaqgħu taħt iċ-ċirku tal-membri tal-familja li jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju, minkejja li huma jirrisjedu barra mit-territorju Taljan.

18

Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li n-nukleu familjari previst fl-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 153/1988 jikkostitwixxi mhux biss il-bażi ta’ kalkolu tal-allowance għan-nuklei familjari, iżda wkoll il-benefiċjarju ta’ din tal-aħħar, permezz tad-detentur tar-remunerazzjoni jew tal-pensjoni li fuqha hija bbażata l-allowance. Din tal-aħħar tikkostitwixxi suppliment ekonomiku li minnu jibbenefikaw, b’mod partikolari, il-fornituri ta’ xogħol kollha li jeżerċitaw l-attività tagħhom fit-territorju Taljan bil-kundizzjoni li huma jkunu parti minn nukleu familjari li d-dħul tiegħu ma jaqbiżx limitu stabbilit. Għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Lulju 2018 u t‑30 ta’ Ġunju 2019, l-ammont tagħha, bir-rata sħiħa, kien ta’ EUR 137.50 fix-xahar għal dħul annwali li ma jaqbiżx EUR 14 541.59. Il-ħlas tagħha jsir mill-persuna li timpjega fl-istess ħin tar-remunerazzjoni.

19

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) diġà kellha l-okkażjoni li tenfasizza, fil-ġurisprudenza tagħha, in-natura doppja tal-allowance għan-nuklei familjari. Minn naħa, din l-allowance, marbuta mad-dħul ta’ kull natura tan-nukleu famijari u intiża li tiggarantixxi dħul suffiċjenti lill-familji li ma jirċevuhx, taqa’ taħt il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Skont ir-regoli ġenerali tal-iskema ta’ sigurtà soċjali li taħtha taqa’ l-imsemmija allowance, il-protezzjoni tal-familji tal-ħaddiema f’impjieg hija implimentata permezz ta’ suppliment ta’ remunerazzjoni għax-xogħol imwettaq. Iffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuni kollha li jimpjegaw, li magħhom jiżdied suppliment imħallas mill-Istat, l-allowance għan-nuklei familjari titħallas mill-persuna li timpjega li tħallasha bil-quddiem u li hija awtorizzata twettaq tpaċija mal-kontribuzzjoni dovuta. Min-naħa l-oħra, din l-allowance taqa’ taħt l-assistenza soċjali, inkwantu d-dħul meħud inkunsiderazzjoni jiżdied, jekk ikun il-każ, sabiex jiġu protetti l-persuni li jsofru minn diżabbiltà jew minn indeboliment fiżiku jew mentali jew il-minorenni li jesperjenzaw diffikultajiet persistenti fit-twettiq tal-inkarigi u l-funzjonijiet skont l-età tagħhom. F’kull każ, skont il-qorti tar-rinviju, din hija miżura li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98.

20

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-membri tan-nukleu familjari huma ta’ importanza essenzjali fl-iskema tal-allowance u huma meqjusa bħala l-benefiċjarji tagħha. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-liġi tindika lill-membri tal-familja li jikkomponu n-nukleu familjari bħala l-benefiċjarji ta’ benefiċċju ekonomiku li għandu dritt li jirċievi d-detentur tar-remunerazzjoni li fuqha hija bbażata din l-allowance, hija tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 jipprekludix dispożizzjoni bħall-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988. B’mod partikolari, hija għandha dubju dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti fil-premessi 20 u 24 tal-imsemmija direttiva.

21

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98[…] kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn detenturi tal-permess uniku ta’ residenza u ta’ xogħol u ċittadini nazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru, li l-membri tal-familja tal-ħaddiem detentur ta’ permess uniku u li ġej minn pajjiż terz, jekk huma jirrisjedu fil-pajjiż terz ta’ oriġini, huma esklużi miċ-ċirku tal-membri tan-nukleu familjari meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-allowance għan-nuklei familjari?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja tad-detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda f’pajjiż terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-imsemmi Stat Membru li jirrisjedu f’pajjiż terz.

23

Għandu jitfakkar li, hekk kif tistabbilixxi l-premessa 26 tad-Direttiva 2011/98, id-dritt tal-Unjoni ma jillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom. Fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell tal-Unjoni, kull Stat Membru għandu jipprevedi l-kundizzjonijiet li fihom il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali għandhom jingħataw, kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji u l-perijodu li matulu dawn għandhom jingħataw. Madankollu, meta jeżerċitaw din is-setgħa, l-Istati Membri għandhom jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 40).

24

L-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(c) tal-imsemmija direttiva, jimponi li l-Istat Membri għandhom jagħtu l-benefiċċju tal-ugwaljanza fit-trattament, fir-rigward tal-fergħat tas-sigurtà soċjali hekk kif iddefiniti fir-Regolament Nru 883/2004, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terz li ġew ammessi fi Stat Membru sabiex jaħdmu fih konformement mad-dritt tal-Unjoni jew mad-dritt nazzjonali. Issa, dan huwa l-każ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz, detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2011/98, għaliex, skont din id-dispożizzjoni, dan il-permess jippermetti lil tali ċittadin jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ dan il-permess, sabiex huwa jaħdem fih (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 27).

25

Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-drittijiet mogħtija skont l-Artikolu 12(1)(e) ta’ din id-direttiva lill-ħaddiema ta’ pajjiżi terzi, ħlief fir-rigward ta’ dawk li jkollhom impjieg jew li kellhom impjieg għal perijodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur u li jkunu rreġistrati bħala persuni qiegħda. Barra minn hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2)(b) tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Artikolu 12(1)(e) tagħha, li jirrigwarda l-benefiċċji tal-familja, ma għandux japplika għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew awtorizzati jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru għal perijodu li ma jeċċedix sitt xhur kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew ammessi jirrisjedu f’dan it-territorju għall-finijiet ta’ studju jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess jaħdmu fih abbażi ta’ viża (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 28).

26

Għaldaqstant, bħad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272), id-Direttiva 2011/98 tipprevedi, favur ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, li jikkostitwixxi r-regola ġenerali, u telenka d-derogi minn dan id-dritt li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu, liema derogi għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Għaldaqstant, dawn id-derogi jistgħu jiġu invokati biss jekk l-entitajiet kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat għall-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokawhom (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 29).

27

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li minn ebda waħda mid-derogi mid-drittijiet mogħtija mill-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, previsti fl-Artikolu 12(2) ta’ din tal-aħħar, ma tirriżulta possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament lill-ħaddiem detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat iżda f’pajjiż terz. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-Artikolu 12(1)(e), hekk kif imfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li tali ħaddiem għandu jibbenefika mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament.

28

Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 12(2)(c) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu limiti għall-ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji fiskali, billi tiġi limitata l-applikazzjoni għall-każijiet fejn il-post ta’ residenza legali jew abitwali tal-membri tal-familja tal-ħaddiem ta’ pajjiż terz, u li għalihom huwa qiegħed jitlob dawn benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, din id-deroga ma hijiex prevista għal dak li jirrigwarda l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Għalhekk jidher li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jeskludi lid-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst mid-Direttiva 2011/98 u li huwa ppreċiża l-każijiet li fihom dan id-dritt jista’, għal din ir-raġuni, jiġi limitat mill-Istati Membri.

29

Peress li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 fid-dawl tal-premessi 20 u 24 tagħha, għandu jiġi kkonstatat li l-premessa 20 tad-Direttiva 2011/98 tipprovdi li d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi ggarantit mhux biss għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi fi Stat Membru għall-finijiet ta’ impjieg, iżda wkoll għal dawk li ġew ammessi fih għal finijiet oħra, inklużi l-membri tal-familja b’mod konformi mad-Direttiva 2003/86, u li ġew awtorizzati, sussegwentement, jaħdmu fih bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali.

30

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li mill-formulazzjoni tal-premessa 20 tad-Direttiva 2011/98 jirriżulta li din, billi tirreferi għal lista ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ġew ammessi għal finijiet oħra minbarra l-impjieg u li, sussegwentement, ġew awtorizzati jaħdmu hemmhekk bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali, tirrigwarda, b’mod partikolari, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, is-sitwazzjoni li fiha l-membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz detentur ta’ permess uniku jibbenefikaw direttament mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, dan id-dritt jingħata lil dawn il-persuni fil-kwalità tagħhom ta’ ħaddiema, minkejja li l-wasla tagħhom fl-Istat Membru ospitanti kienet dovuta għall-fatt li huma kienu membri tal-familja ta’ ħaddiem ċittadin ta’ pajjiż terz.

31

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-premessa 24 tad-Direttiva 2011/98, għandu jiġi kkonstatat li din hija intiża b’mod partikolari li tippreċiża li din id-direttiva ma tagħtix hija stess, lil hinn mill-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, drittijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi detenturi ta’ permess uniku. Għaldaqstant, din fiha nnifisha ma timponix lill-Istati Membri, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, iħallsu benefiċċji tas-sigurtà soċjali lill-membri tal-familja li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ospitanti. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li l-kontenut ta’ din il-premessa, u b’mod partikolari tal-aħħar sentenza tagħha, ma ġie riprodott f’ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva.

32

Issa, il-preambolu ta’ att tal-Unjoni ma għandux valur legali vinkolanti u ma jistax jiġi invokat la sabiex issir deroga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat u lanqas sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu interpretati b’mod manifestament kuntrarju għall-formulazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1998, Nilsson et, C‑162/97, EU:C:1998:554, punt 54, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Puppinck et vs Il‑Kummissjoni, C‑418/18 P, EU:C:2019:1113, punt 76).

33

Konsegwentement, minn dawn il-premessi ma jistax jirriżulta li d-Direttiva 2011/98 għandha tiġi interpretata fis-sens li d-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, iżda f’pajjiż terz huwa eskluż mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst minn din id-direttiva.

34

Barra minn hekk, peress li l-INPS u l-Gvern Taljan isostnu li l-esklużjoni tad-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat hija konformi mal-għan ta’ integrazzjoni mfittex mid-Direttiva 2011/98, inkwantu l-integrazzjoni tippresupponi preżenza f’dan it-territorju, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punti 62 u 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessi 2, 19 u 20 kif ukoll mill-Artikolu 1(1)(b) ta’ din id-direttiva li din hija intiża li tiffavorixxi l-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi billi tiżguralhom trattament xieraq permezz tal-istabbiliment ta’ ġabra komuni ta’ drittijiet, ibbażata fuq l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti. L-għan segwit mill-imsemmija direttiva huwa wkoll li tistabbilixxi kundizzjonijiet minimi ekwivalenti fl-Unjoni kollha, li jiġi rrikonoxxut li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkontribwixxu, permezz tax-xogħol tagħhom u tat-taxxi li huma jħallsu, għall-ekonomija tal-Unjoni u li sservi ta’ salvagwardja sabiex titnaqqas il-kompetizzjoni żleali li jista’ jkun hemm bejn iċ-ċittadini ta’ Stat Membru u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li tirriżulta mill-isfruttar possibbli ta’ dawn tal-aħħar.

35

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjoni tal-INPS u tal-Gvern Taljan, il-fatt li d-detentur ta’ permess uniku jiġi eskluż mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, meta l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux, matul perijodu li jista’ jkun temporanju, hekk kif juru l-fatti tal-kawża prinċipali, fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ma jistax jitqies li huwa konformi ma’ dawn l-għanijiet.

36

L-INPS u l-Gvern Taljan isostnu wkoll li l-esklużjoni tad-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst mid-Direttiva 2011/98 hija kkonfermata mill-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Novembru 2010 li jestendi r-Regolament (KE) Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex diġà koperti b’dawn ir-Regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom (ĠU 2010, L 344, p. 1), li jipprevedi li r-Regolament Nru 883/2004 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 883/2004 (ĠU 2009, L 284, p. 1), għandhom japplikaw għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għadhom ma humiex koperti mill-imsemmija regolamenti unikament minħabba n-nazzjonalità tagħhom, kif ukoll għall-membri tal-familja tagħhom u għas-superstiti tagħhom, bil-kundizzjoni li huma jkunu residenti legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma jkunu f’sitwazzjoni li fl-aspetti kollha tagħha ma tkunx limitata għal Stat Membru wieħed.

37

Madankollu, għalkemm, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva essenzjalment fil-punti 58 u 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1231/2010 huwa intiż li joħloq dritt għall-ugwaljanza fit-trattament espressament favur membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru u li jinsabu f’sitwazzjoni koperta minn dan ir-regolament, minn dan bl-ebda mod ma jista’ jiġi dedott li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jeskludi mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst mid-Direttiva 2011/98 lid-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

38

Kuntrarjament għal dak li jsostnu l-INPS u l-Gvern Taljan, tali esklużjoni lanqas ma tista’ tkun ibbażata fuq is-sempliċi fatt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti fit-tul, li jibbenefikaw minn status ipprivileġġat, id-Direttiva 2003/109 tipprevedi, fl-Artikolu 11(2) tagħha, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament, f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali, għall-każ li fih il-post ta’ residenza rreġistrat jew abitwali tal-membri tal-familja jkun jinsab fit-territorju tagħhom. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 26 ta’ din is-sentenza, id-derogi mid-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst mid-Direttiva 2011/98 għandhom jiġu interpretati b’mod strett. Issa, id-deroga inkluża fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex prevista mid-Direttiva 2011/98. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi aċċettat li d-derogi li jinsabu fid-Direttiva 2011/98 jiġu interpretati b’mod li tiġi inkluża deroga addizzjonali għas-sempliċi raġuni li din tinsab f’att ieħor tad-dritt sekondarju.

39

Minn dan isegwi li, bla ħsara għad-derogi permessi mill-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/98, Stat Membru ma jistax jirrifjuta jew inaqqas l-għoti ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali lid-detentur ta’ permess uniku, minħabba li l-membri tal-familja tiegħu jew uħud minnhom ma jirrisjedux fit-territorju tiegħu iżda f’pajjiż terz, meta huwa jagħti dan il-benefiċċju liċ-ċittadini tiegħu indipendentement mill-post ta’ residenza tal-membri tal-familja tagħhom.

40

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li l-qorti tar-rinviju tindika hija stess li l-allowance għan-nuklei familjari għandha b’mod partikolari n-natura ta’ benefiċċju tas-sigurtà soċjali li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98. Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet mogħtija minn din il-qorti, dan huwa benefiċċju fi flus mogħti irrispettivament minn kull evalwazzjoni individwali u diskrezzjonali tal-bżonnijiet personali tal-applikant, abbażi ta’ sitwazzjoni ddefinita legalment, li huwa intiż li jikkumpensa l-ispejjeż tal-familja. Tali benefiċċju jikkostitwixxi benefiċċju tas-sigurtà soċjali, li jaqa’ taħt il-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(1)(j) tar-Regolament Nru 883/2004 (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva, C‑449/16, EU:C:2017:485, punti 20 sa 25).

41

Fit-tieni lok, l-imsemmija qorti tindika li n-nukleu familjari jikkostitwixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-ammont ta’ din l-allowance. L-INPS u l-Gvern Taljan isostnu, f’dan ir-rigward, li n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-membri tal-familja li ma jirrisjedux fit-territorju tar-Repubblika Taljana jaffettwa biss dan l-ammont, li jkun ta’ żero, hekk kif ippreċiża l-INPS waqt is-seduta, jekk il-membri kollha tal-familja jirrisjedu barra mit-territorju nazzjonali.

42

Issa, għandu jiġi osservat li kemm in-nuqqas ta’ ħlas tal-allowance għan-nuklei familjari kif ukoll it-tnaqqis tal-ammont tagħha, skont jekk il-membri kollha tal-familja jew uħud minnhom ma jirrisjedux fit-territorju tar-Repubblika Taljana, imorru kontra d-dritt għall-ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98, peress li dawn jikkostitwixxu differenza fit-trattament bejn id-detenturi ta’ permess uniku u ċ-ċittadini Taljani.

43

Kuntrarjament għal dak li jsostni wkoll l-INPS, tali differenza fit-trattament ma tistax tiġi ġġustifikata mill-fatt li d-detenturi ta’ permess uniku u ċ-ċittadini tal-Istat Membru ospitanti jinsabu f’sitwazzjoni differenti minħabba r-rabtiet rispettivi tagħhom ma’ dan l-Istat, peress li tali ġustifikazzjoni tmur kontra l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 li, konformement mal-għanijiet tagħha mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, jimponi ugwaljanza fit-trattament bejniethom fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

44

Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-diffikultajiet eventwali ta’ kontroll tas-sitwazzjoni tal-benefiċjarji fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-allowance għan-nuklei familjari meta l-membri tal-familja ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, invokati mill-INPS u mill-Gvern Taljan, ma jistgħux jiġġustifikaw differenza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Kohll u Kohll‑Schlesser, C‑300/15, EU:C:2016:361, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-membri tan-nukleu familjari huma meqjusa, skont id-dritt nazzjonali, bħala li huma l-benefiċjarji tal-allowance għan-nuklei familjari. Madankollu, il-benefiċċju ta’ din l-allowance ma jistax jiġi rrifjutat għal din ir-raġuni lid-detentur ta’ permess uniku li l-membri tal-familja tiegħu ma jirrisjedux fit-territorju tar-Repubblika Taljana. Fil-fatt, għalkemm il-membri tan-nukleu familjari jibbenefikaw mill-imsemmija allowance, fatt li huwa l-għan stess ta’ benefiċċju tal-familja, mill-indikazzjonijiet ipprovduti minn din il-qorti, esposti fil-punti 18 u 19 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li huwa fir-rigward tal-ħaddiem jew tal-pensjonant, li huwa wkoll membru tan-nukleu familjari, li din titħallas.

46

Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 jipprekludi dispożizzjoni, bħall-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, li tipprovdi li ma jagħmlux parti min-nukleu familjari, fis-sens ta’ din il-liġi, il-konjuġi kif ukoll it-tfal u l-ekwivalenti taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux fit-territorju tar-Repubblika Taljana, ħlief jekk l-Istat taċ-ċittadin barrani jkun jirriżerva trattament reċiproku liċ-ċittadini Taljani jew ikun ikkonkluda ftehim internazzjonali fil-qasam tal-benefiċċji tal-familja.

47

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja tad-detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda f’pajjiż terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-imsemmi Stat Membru li jirrisjedu f’pajjiż terz.

Fuq l-ispejjeż

48

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li bis-saħħa tagħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-drittijiet għal benefiċċju tas-sigurtà soċjali, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja tad-detentur ta’ permess uniku, fis-sens tal-Artikolu 2(c) ta’ din id-direttiva, li ma jirrisjedux fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru iżda f’pajjiż terz, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-imsemmi Stat Membru li jirrisjedu f’pajjiż terz.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.