SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Servizzi tal-ajru – Regolament (KE) Nru 1008/2008 – Artikolu 23(1) – Indikazzjoni tal-prezz finali li għandu jitħallas – Spejjeż għar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri – VAT – Spejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru – Elementi inevitabbli u prevedibbli tal-prezz finali li għandu jitħallas – Ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi – Kunċett”

Fil-Kawża C‑28/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

Ryanair Ltd,

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust,

Ryanair Ltd,

Ryanair DAC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn P. G. Xuereb (Relatur), President tal-Awla, T. von Danwitz u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ryanair DAC, minn M. Castioni, G. Mazzei u A. Pecchia, avvocati, kif ukoll minn B. Kennelly, QC,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn A. Collabolletta, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas kif ukoll minn A.‑L. Desjonquères u I. Cohen, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll u G. Hesse, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari u B. Sasinowska, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Ryanair Ltd u l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato – Antitrust (l-Awtorità li Tiżgura l-Osservanza tal-Kompetizzjoni u tar-Regoli tas-Suq, l-Italja – Antitrust, l-Italja) (iktar ’il quddiem l-“AGCM”) u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar kontra Ryanair Ltd u Ryanair DAC, rigward prattiki kummerċjali żleali li bihom ġiet ikkritikata l-kumpannija tal-ajru Ryanair (iktar ’il quddiem “Ryanair”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1008/2008 tgħid:

“Il-klijenti għandhom ikunu jistgħu jqabblu b’mod effettiv il-prezzijiet għal servizzi ta’ l-ajru bejn linja ta’ l-ajru u oħra. Għalhekk, għandu dejjem ikun indikat il-prezz finali li jrid jitħallas mill-klijent għal servizzi ta’ l-ajru li joriġinaw fil-Komunità, inklużi t-taxxi, l-ħlasijiet u d-drittijiet kollha. It-trasportaturi ta’ l-ajru Komunitarji huma mħeġġin ukoll jindikaw il-prezz finali għas-servizzi ta’ l-ajru tagħhom minn pajjiżi terzi lejn il-Komunità.”

4

Il-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

[…]

18)

‘nollijiet [tariffi] ta’ l-ajru’ tfisser il-prezzijiet espressi f’euro jew f’muniti lokali li jkollhom jitħallsu lit-trasportaturi ta’ l-ajru jew lill-aġenti tagħhom jew lil bejjiegħa oħra tal-biljetti għat-trasport ta’ passiġġieri fuq servizzi ta’ l-ajru u kwalunkwe kondizzjonijiet li taħthom japplikaw dawk il-prezzijiet, inklużi r-remunerazzjoni u l-kondizzjonijiet offruti lill-aġenzija u lil servizzi awżiljarji oħra”.

5

L-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“In-nollijiet [tariffi] ta’ l-ajru u r-rati ta’ l-ajru disponibbli għall-pubbliku in ġenerali għandhom jinkludu l-kondizzjonijiet applikabbli meta offruti jew pubblikati taħt kull forma, anke fuq l-Internet, għal servizzi bl-ajru minn ajruport li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru li għaliħ japplika t-Trattat. Il-prezz finali li għandu jitħallas għandu jkun indikat dejjem u għandu jinkludi n-noll jew ir-rata ta’ l-ajru applikabbli kif ukoll it-taxxi kollha applikabbli, u l-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u l-drittijiet li ma jistgħux jiġu evitati [inevitabbli] u li jkunu prevedibbli fil-ħin tal-pubblikazzjoni. Minbarra l-indikazzjoni tal-prezz finali, għandu jkun speċifikat għall-inqas dan li ġej:

a)

in-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru;

b)

it-taxxi;

ċ)

il-ħlasijiet ta’ l-ajruport; u

d)

ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet oħrajn, bħal dawk marbutin mas-sigurtà jew il-karburant;

fejn il-punti elenkati taħt (b), (c) u (d) jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru jew ir-rata ta’ l-ajru. Is-supplimenti tal-prezz fakultattivi għandhom jiġu komunikati b’mod ċar, trasparenti u mingħajr ambigwità fil-bidu ta’ kull proċess ta’ prenotazzjoni u l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun fuq bażi ‘opt-in’.”

Id-dritt Taljan

6

L-Artikolu 20 tad-decreto legislativo n. 206 – Codice del consumo (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 206 dwar il-Kodiċi tal-Konsum), tas-6 ta’ Settembru 2005 (suppliment ordinarju tal-GURI Nru 235, tat-8 ta’ Ottubru 2005), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Konsum”), jipprojbixxi l-prattiki kummerċjali żleali bħalma huma, b’mod partikolari, il-prattiki kummerċjali qarrieqa, fis-sens tal-Artikoli 21 sa 23 ta’ dan il-kodiċi. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(2) tal-imsemmi kodiċi jispeċifika li prattika kummerċjali titqies bħala żleali jekk hija tmur kontra d-diliġenza professjonali u jekk hija toħloq distorsjoni jew għandha mnejn toħloq distorsjoni, f’miżura kunsiderevoli, fl-aġir ekonomiku, fir-rigward tal-prodott, tal-konsumatur medju li hija taffettwa jew li hija indirizzata lilu jew tal-membru medju tal-grupp partikolari ta’ konsumaturi li għalih hija mmirata din il-prattika.

7

Skont l-Artikolu 21(1)(d) tal-istess kodiċi, il-prattiki kummerċjali qarrieqa jistgħu jikkonċernaw, fost l-oħrajn, il-prezz jew il-metodu għall-kalkolu tal-prezz jew l-eżistenza ta’ vantaġġ speċifiku rigward il-prezz.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Ġunju 2011, l-AGCM irrikonoxxiet lil Ryanair bħala ħatja ta’ diversi prattiki kummerċjali żleali fir-rigward tal-Kodiċi tal-Konsum u imponiet fuqha diversi multi. B’mod partikolari, l-AGCM ikklassifikat bħala prattika żleali, fis-sens tal-Artikolu 20(2) u tal-Artikolu 21(1)(d) tal-Kodiċi tal-Konsum, il-preżentazzjoni tal-prezzijiet applikati, fiż-żmien tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sistema ta’ bbukkjar online ta’ Ryanair (http://ryanair.com/it).

9

Skont l-AGCM, il-prezzijiet ippubblikati fuq dan is-sit internet ma kinux jinkludu ċerti elementi kklassifikati minn Ryanair bħala spejjeż fakultattivi, jiġifieri l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikata fuq it-tariffi u fuq il-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata minn Ryanair (Mastercard imħallsa minn qabel), meta, dejjem skont l-AGCM, dawn l-elementi, li huma fir-realtà obbligatorji, kienu jitqiegħdu fuq il-konsumaturi matul il-proċedura ta’ bbukkjar online u kienu jikkontribwixxu, b’dan il-mod, sabiex iżidu t-tariffa ppreżentata inizjalment.

10

Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio, l-Italja).

11

Fir-rigward tal-prattika kummerċjali rigward il-preżentazzjoni tal-prezzijiet, din il-qorti, permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ April 2012, ikkonfermat id-deċiżjoni tal-AGCM tal-15 ta’ Ġunju 2011, billi ddeċidiet li l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri kif ukoll il-VAT applikata fuq it-tariffi u fuq il-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali ma kinux jikkostitwixxu spejjeż fakultattivi, iżda kellhom jitqiesu, l-istess bħall-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata minn Ryanair, bħala spejjeż “inevitabbli”, fis-sens tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u l-fatt li dawn l-ispejjeż ma ntwerewx fil-bidu tal-proċedura ta’ bbukkjar ma kienx jippermetti li l-konsumatur jiġi informat b’mod korrett bil-prezz effettiv tas-servizz offrut minn Ryanair.

12

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata minn Ryanair, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) iddeċidiet li n-natura inevitabbli ta’ dawn l-ispejjeż kienet iġġustifikata mill-fatt li xerrej normali li jixtieq jagħmel ibbukkjar online fuq is-sit ta’ Ryanair ma għandu konkretament l-ebda possibbiltà li jevita ż-żieda fil-prezz ikkawżata mill-imsemmija spejjeż, għaliex huwa ma jkollux karta ta’ kreditu awtorizzata minn Ryanair. F’dan ir-rigward, din il-qorti qieset li l-għan tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 huwa li tiġi żgurata t-trasparenza assoluta tal-prezz tal-biljetti tal-ajru mill-mument li fih il-persuna kkonċernata tkun iddeċidiet li tibda l-proċedura ta’ riżervazzjoni u mhux li l-pubbliku jiġi inkoraġġut jikseb, minn qabel, il-mezz ta’ pagament l-iktar vantaġġuż.

13

Ryanair appellat, quddiem il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat, l-Italja), mill-partijiet tas-sentenza li permezz tagħhom it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali ta’ Lazio) kienet ċaħdet ir-rikors tagħha u kkonfermat id-deċiżjoni tal-AGCM.

14

Filwaqt li osservat li, fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx ruħha b’mod speċifiku fuq l-elementi tal-prezz li huma kontenzjużi, il-qorti tar-rinviju tinnota li għandu jiġi stabbilit, għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima, jekk dawn l-elementi jistgħux jitqiesu li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ ħlasijiet addizzjonali tal-prezz li huma inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, jew taħt dik tal-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-każ imsemmi l-aħħar, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk in-natura fakultattiva tal-ħlas addizzjonali tistax tindika spejjeż li jistgħu jiġu evitati mill-biċċa l-kbira tal-konsumaturi.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

It-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament [Nru 1008/2008] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-elementi ta’ prezz kontenzjużi li huma l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni online u l-‘ispejjeż amministrattivi’ għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu, li jiżdiedu mal-prezz tal-biljett innifsu, kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-VAT għat-tariffi u għas-supplimenti fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali jaqgħu taħt il-kategorija ta’ supplimenti tal-prezz inevitabbli u prevedibbli jew taħt dik ta’ supplimenti fakultattivi?

2)

Ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-kelma ‘fakultattivi’ tindika spejjeż li l-parti l-kbira tal-konsumaturi jistgħu jevitaw?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Biż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jingħataw risposta konġunta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri, il-VAT applikata fuq it-tariffi u fuq il-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru jaqgħu taħt il-kategorija tal-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz li huma inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, jew taħt dik tal-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-imsemmija dispożizzjoni.

17

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, il-prezz finali li għandu jitħallas għat-trasport tal-ajru ta’ passiġġier għandu jispeċifika f’kull mument u jinkludi, b’mod partikolari, it-tariffa tal-passiġġieri, kif iddefinita fil-punt 18 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll it-taxxi, il-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet inevitabbli u prevedibbli applikabbli fid-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta. It-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament tispeċifika li l-offerta għandha mill-inqas turi l-ħlasijiet tal-ajruporti kif ukoll il-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet marbuta mas-sigurtà jew mal-karburant, meta dawn l-elementi jkunu żdiedu mat-tariffa tal-passiġġieri.

18

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, f’dan ir-rigward, li t-taxxi, il-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u drittijiet imsemmija fit-tieni u fit-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 ma jistgħux jiġu inklużi fit-tariffa tal-passiġġieri, iżda għandhom jintwerew b’mod separat (sentenza tas-6 ta’ Lulju 2017, Air Berlin, C‑290/16, EU:C:2017:523, punt 36). Mill-punt 35 tas-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Air Berlin (C‑573/13, EU:C:2015:11), jirriżulta wkoll li d-diversi elementi li jikkomponu l-prezz finali li għandu jitħallas, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandhom jiġu speċifikati mill-ewwel indikazzjoni tal-prezz tas-servizzi tal-ajru.

19

Barra minn hekk, ir-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 tipprevedi li l-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz għandhom jiġu kkomunikati b’mod ċar, trasparenti u mhux ekwivoku fil-bidu ta’ kull proċedura ta’ riżervazzjoni u li l-aċċettazzjoni tagħhom mill-klijent għandha tkun ir-riżultat ta’ pass espliċitu.

20

F’dan ir-rigward, mill-punt 14 tas-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland (C‑112/11, EU:C:2012:487), jirriżulta li l-kunċett ta’ “ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz” ikopri l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz li ma humiex inevitabbli, b’mod differenti mill-elementi tal-prezz finali li għandu jitħallas imsemmija fit-tieni u t-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u li huma, għalhekk, marbuta ma’ servizzi li, peress li huma jikkompletaw is-servizz tal-ajru nnifsu, la huma obbligatorji u lanqas indispensabbli għat-trasport tal-passiġġieri, b’tali mod li l-klijent jagħżel li jaċċettahom jew li jirrifjutahom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet l-okkażjoni sabiex tiddeċiedi li l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fir-rigward tal-assigurazzjoni tat-titjira jew tat-trasport tal-bagalji rreġistrati għandhom jitqiesu bħala fakultattivi, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 (sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, ebookers.com Deutschland, C‑112/11, EU:C:2012:487, punt 20, u tat-18 ta’ Settembru 2014, Vueling Airlines, C‑487/12, EU:C:2014:2232, punt 39).

21

B’dan il-mod, mill-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 u mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq jirriżulta li, fl-offerti tiegħu online intiżi għat-trasport tal-passiġġieri, trasportatur tal-ajru bħalma hija Ryanair għandu l-obbligu li juri, mill-ewwel indikazzjoni tal-prezz, it-tariffa tal-passiġġieri kif ukoll, b’mod separat, it-taxxi, il-ħlasijiet, il-ħlasijiet addizzjonali u d-drittijiet inevitabbli u prevedibbli, filwaqt li huwa għandu jikkomunika l-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz b’mod ċar, trasparenti u mhux ekwivoku fil-bidu tal-proċedura ta’ bbukkjar.

22

Huwa abbażi ta’ dawn l-elementi li għandha tiġi eżaminata l-klassifikazzjoni, fid-dawl tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, tad-diversi elementi tal-prezz inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

23

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ispejjeż għar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri, għandu jitqies li, bil-kontra ta’ dak li jaffermaw il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, min-natura indispensabbli u obbligatorja tar-reġistrazzjoni ma jistax jiġi awtomatikament dedott li dawn l-ispejjeż huma inevitabbli, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jingħataw il-possibbiltà li jipproponu lill-passiġġieri diversi metodi għar-reġistrazzjoni bi ħlas jew mingħajr ħlas, bħar-reġistrazzjoni online jew ir-reġistrazzjoni fiżika fl-ajruport.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-konsumatur jintalab jagħżel bejn, mill-inqas, żewġ metodi ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat, kif jindika l-Gvern Franċiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, li l-metodu ta’ reġistrazzjoni li jiġi propost lilu waqt il-proċedura ta’ bbukkjar ma huwiex neċessarjament servizz obbligatorju u lanqas indispensabbli għat-trasport tiegħu. Fil-fatt, meta t-trasportatur tal-ajru jipproponi servizz bi ħlas ta’ reġistrazzjoni online filwaqt li joffri soluzzjonijiet alternattivi lill-passiġġieri li jirreġistraw ruħhom mingħajr ħlas, l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni online tal-passiġġieri ma jistgħux jitqiesu bħala element inevitabbli tal-prezz finali li għandu jitħallas, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, iżda għandhom jiġu kklassifikati bħala ħlas addizzjonali fakultattiv tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li l-konsumatur jista’ jagħżel li jaċċetta jew li jirrifjuta.

25

Tali spejjeż jistgħu jitqiesu bħala inevitabbli biss fil-każ li l-metodi kollha ta’ reġistrazzjoni proposti mit-trasportatur tal-ajru jkunu bi ħlas jew inkella meta, bħalma jindika l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, l-ebda għażla bejn diversi metodi għar-reġistrazzjoni ma tiġi proposta lill-konsumatur. Fil-fatt, fl-ewwel każ, il-konsumatur ikollu, b’mod jew ieħor, iħallas l-ispejjeż tar-reġistrazzjoni, peress li l-apparenti libertà tal-għażla li titħalla lilu tkun biss illużorja, filwaqt li, fit-tieni każ, il-konsumatur ma jkollu, fir-realtà, l-ebda għażla oħra għajr li jirreġistra ruħu online.

26

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk Ryanair kinitx tipproponi lill-passiġġieri possibbiltà ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas. Jekk din tal-aħħar kienet tipproponi biss il-possibbiltà ta’ reġistrazzjoni online, kif isemmi l-Gvern Taljan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, jew jekk hija kienet tipproponi biss, inkwantu alternattiva għas-servizz ta’ reġistrazzjoni bi ħlas online, metodi għar-reġistrazzjoni bi ħlas, kif il-Kummissjoni tafferma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ikollu jiġi konkluż li l-klijent ma setax jevita li jħallas l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni u li dawn, li l-prevedibbiltà tagħhom tirriżulta mill-politika tariffarja tat-trasportatur tal-ajru, jaqgħu taħt l-elementi tal-prezz li huma inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

27

Min-naħa l-oħra, jekk Ryanair kienet tipproponi, bħala alternattiva, possibbiltà jew diversi possibbiltajiet ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas, l-ispejjeż li għandhom jitħallsu għar-reġistrazzjoni online għandhom jitqiesu bħala ħlasijiet addizzjonali fakultattivi tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

28

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-VAT applikata fuq it-tariffi tat-titjiriet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li din hija taxxa, fis-sens tat-tieni u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, u li din it-taxxa, relatata mat-tariffa tal-passiġġieri, hija inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tielet sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, sa fejn hija prevista mil-liġi nazzjonali u tapplika awtomatikament għal kull ibbukkjar ta’ titjira nazzjonali.

29

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-VAT applikata għall-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali, għandu jitqies, kif il-Kummissjoni tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li din hija ħlas addizzjonali fakultattiv tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008. Fil-fatt, minkejja li hija tista’ tiġi kklassifikata bħala inevitabbli minħabba n-natura obbligatorja tagħha, il-VAT applikata għall-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali ma tistax titqies bħala prevedibbli, għaliex hija marbuta b’mod intrinsiku mal-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi li l-għażla tagħhom hija esklużivament f’idejn il-passiġġier. Issa, it-trasportatur tal-ajru ma jistax ikun jaf, mill-bidu, bil-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi li l-klijent ikun ser jagħżel, b’tali mod li l-ammont tal-VAT marbuta ma’ dawn il-ħlasijiet addizzjonali ma tistax tiġi inkluża fil-prezz finali prevedibbli li għandu jiġi indikat meta l-offerta tiġi ppubblikata.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li l-indikazzjoni ta’ taxxa speċifika għandha dejjem issegwi l-element tal-prezz li miegħu hija marbuta din it-taxxa, kif jirriżulta, barra minn hekk, mill-aħħar parti tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, li tgħid li t-taxxi li “jkunu żdiedu man-noll ta’ l-ajru [mat-tariffa tal-passiġġieri]” għandhom jiġu indikati fil-prezz finali li għandu jitħallas. Għalhekk, jekk taxxa tkun marbuta mat-tariffa tal-passiġġieri, hija għandha tintwera b’mod separat ma’ din it-tariffa mill-ewwel indikazzjoni tal-prezz finali li għandu jitħallas, filwaqt li, jekk hija tkun marbuta ma’ ħlas addizzjonali fakultattiv tal-prezz, hija għandha u tista’ tiġi indikata fil-prezz finali li għandu jitħallas, biss fil-mument tal-indikazzjoni tal-ħlas addizzjonali.

31

F’dan il-każ imsemmi l-aħħar, għandu jiġi speċifikat li, kif il-Kummissjoni tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ammont tat-taxxa għandu jidher b’mod ċar fil-prezz tas-servizzi fakultattivi minn meta jintwerew dawn tal-aħħar. Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ ċarezza u ta’ trasparenza li t-trasportatur tal-ajru għandu josserva meta jikkomunika l-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz fakultattivi, bis-saħħa tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, jimplika li l-parti rrappreżentata mill-VAT fl-ammont tal-ħlas addizzjonali għandha tiġi kkomunikata lill-passiġġier minn meta dan ikun għażel servizz fakultattiv. Il-komunikazzjoni ta’ din il-parti tissodisfa wkoll l-għan ta’ tqabbil effettiv tas-servizzi tal-ajru li huwa segwit permezz tar-Regolament Nru 1008/2008 skont il-premessa 16 tiegħu, peress li l-konsumatur għandu jkun f’pożizzjoni li jqabbel il-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz bil-VAT eskluża li huma proposti mit-trasportaturi tal-ajru fuq ir-rotta nazzjonali kkonċernata.

32

Fir-rigward, fir-raba’ u l-aħħar lok, tal-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru, għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx dubju dwar in-natura prevedibbli ta’ dawn l-ispejjeż, sa fejn l-applikazzjoni tagħhom tirriżulta mill-politika nnifisha tat-trasportatur tal-ajru fil-qasam tal-mod ta’ pagament.

33

Rigward in-natura inevitabbli fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008, għandu jiġi osservat li, prima facie, il-klijent jista’ jevita l-pagament billi jħallas il-prezz finali li għandu jitħallas permezz tal-karta ta’ kreditu awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru. Madankollu, ħlas addizzjonali tal-prezz ma jistax jiġi rrikonoxxut bħala evitabbli u li huwa, għaldaqstant ta’ natura fakultattiva meta l-għażla offruta lill-konsumatur tkun suġġetta għal kundizzjoni imposta mit-trasportatur tal-ajru, billi s-servizz ikkonċernat mingħajr ħlas jiġi rriżervat għall-benefiċċju ta’ ċirku ristrett ta’ konsumaturi privileġġjati u billi jkun obbligatorju, de facto, għall-konsumaturi li ma jagħmlux parti minn dan iċ-ċirku jew li jirrinunzjaw li jirċievu dan is-servizz mingħajr ħlas jew li jirrinunzjaw li jiffinalizzaw ix-xiri tagħhom fil-futur immedjat u li jagħmlu passi li potenzjalment jiswew il-flus sabiex jissodisfaw il-kundizzjoni mitluba, bir-riskju, ladarba jsiru dawn il-passi, li ma jkunux jibqgħu jistgħu jibbenefikaw mill-offerta jew li ma jkunux jistgħu jibqgħu jibbenefikaw mill-prezz indikat inizjalment.

34

Għaldaqstant, tali spejjeż għandhom jiġu kklassifikati mhux biss bħala prevedibbli, iżda wkoll inevitabbli u ma jistgħux, għalhekk, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ħlas addizzjonali fakultattiv fis-sens tar-raba’ sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008.

35

Għandu, barra minn hekk, jiġi speċifikat li ma tantx huwa rilevanti li jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tali spejjeż, jekk il-parti l-kbira tal-konsumaturi għandhomx il-karta awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru u huma għalhekk f’pożizzjoni li jevitaw il-pagament tal-ispejjeż ikkonċernati. Fil-fatt, peress li r-Regolament Nru 1008/2008 huwa intiż għal protezzjoni individwali tal-konsumaturi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Air Berlin, C‑573/13, EU:C:2015:11, punt 33), in-natura evitabbli ta’ ħlas addizzjonali tal-prezz ma tistax tiġi stabbilita abbażi ta’ kriterju li jkun issodisfatt biss mill-biċċa l-kbira tal-konsumaturi.

36

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri li l-pagament tagħhom ma jkunx jista’ jiġi evitat minħabba l-assenza ta’ metodu alternattiv ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas, il-VAT applikata għat-tariffi tat-titjiriet nazzjonali kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru jikkostitwixxu elementi tal-prezz li huma inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri li l-pagament tagħhom ikun jista’ jiġi evitat bl-użu ta’ għażla ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas kif ukoll il-VAT applikata għall-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali jikkostitwixxu ħlas addizzjonali fakultattiv tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-istess dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

37

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri li l-pagament tagħhom ma jkunx jista’ jiġi evitat minħabba l-assenza ta’ metodu alternattiv ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas, it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) applikata għat-tariffi tat-titjiriet nazzjonali kif ukoll l-ispejjeż amministrattivi għax-xiri mwettaq b’karta ta’ kreditu differenti minn dik awtorizzata mit-trasportatur tal-ajru jikkostitwixxu elementi tal-prezz li huma inevitabbli u prevedibbli, fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-ispejjeż għar-reġistrazzjoni tal-passiġġieri li l-pagament tagħhom ikun jista’ jiġi evitat bl-użu ta’ għażla ta’ reġistrazzjoni mingħajr ħlas kif ukoll il-VAT applikata għall-ħlasijiet addizzjonali fakultattivi għat-titjiriet nazzjonali jikkostitwixxu ħlas addizzjonali fakultattiv tal-prezz, fis-sens tar-raba’ sentenza tal-istess dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.