SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

2 ta’ April 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja – Direttiva 2002/83/KE – Artikoli 35 u 36 – Dritt u terminu għall-kanċellament – Informazzjoni żbaljata dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament – Kundizzjonijiet formali tad-dikjarazzjoni ta’ kanċellament – Skadenza tad-dritt għal kanċellament – Rilevanza tal-kwalità ta’ ‘konsumatur’ tat-titolari tal-polza”

Fil-Kawża C‑20/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2019, fil-proċedura

kunsthaus muerz gmbh

vs

Zürich Versicherungs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal kunsthaus muerz gmbh, minn D. Koch, Rechtsanwalt,

għal Zürich Versicherungs AG, minn P. Konwitschka, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Awstrijak, minn J. Schmoll, bħala aġent,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u H. Tserepa-Lacombe, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 6, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn kunsthaus muerz gmbh u Zürich Versicherungs AG (iktar ’il quddiem “Zürich”) dwar il-portata tad-dritt ta’ rinunzja fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2, 5, 45 u 52 tad-Direttiva 2002/83, imħassra bid-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, u r-rettifiki fil-ĠU L 262, 29.9.2016, p. 34 u ĠU L 316, 6.12.2019, p. 107), kienu redatti kif ġej:

“(2)

Sabiex jiġi ffaċilitat il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja, huwa essenzjali li jiġu eliminati ċerti diverġenzi li jeżistu bejn leġislazzjoni nazzjonali ta’ sorveljanza. Sabiex tintlaħaq din il-mira u fl-istes ħin tiġi assigurata protezzjoni adegwata għal titolari ta’ poloz u benefiċjarji fl-Istati Membri kollha, id-dispożizzjonijiet li jirrelataw għall-garanziji finanzjarji meħtieġa minn impriżi ta’ l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandhom jiġu koordinati.

[…]

(5)

Din id-Direttiva għalhekk tirrappreżenta pass importanti fl-għaqda tas-swieq nazzjonali f’suq integrat u dak l-istadju għandu jiġi supplimentat minn strumenti Komunitarji oħra bl-iskop li t-titolari kollha tal-poloz ikollhom rikors għal kwalunkwe assiguratur b’ufiċċju ewlieni fil-Komunità li jsegwi in-negozju tiegħu hemmhekk, taħt id-dritt ta’stabbiliment jew il-libertà li jiġu provduti servizzi waqt li tiġi garantita lilhom protezzjoni adegwata..

[…]

(45)

Għal kuntratti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja it-titolari tal-poloz għandu jingħata l-opportunità li jikkanċella l-kuntratt f’perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum.

[…]

(52)

F’suq intern għall-assigurazzjoni il-konsumatur ikollu għażla usa u iktar varjata ta’ kuntratti. Jekk hu/hi għandhom japprofittaw kompletament minn din id-diversità u minn kompetizzjoni msaħħa, hu/hi għandhom jiġu pprovduti bi kwalunkwe informazzjoni li hija neċessarja sabiex hu/hi ikunu jistgħu jagħżlu il-kuntratt l-aħjar adattat għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha. Din il-ħtieġa ta’ informazzjoni hija iktar importanti ladarba d-durata ta’ l-impenji tista’ tkun twila ħafna. Id-dispożizzjonijiet minimi għandhom għalhekk jiġu koordinati sabiex il-konsumatur jirċievi informazzjoni ċara u eżatta dwar il-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti proposti lilu/lilha kif ukoll id-dettalji tal-korpi li lilhom kwalunkwe ilmenti ta’ titolari ta’ poloz, persuni assigurati jew benefiċjarji ta’ kuntratti jistgħu jiġu indirizzati.”

4

Skont l-Artikolu 1(1)(g) ta’ din id-direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(g)

‘L-Istat Membru ta’ l-impenn’ għandu jfisser l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha jew, jekk it-titolari tal-polza huwa persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ l-aħħar, li għalih jirrelata l-kuntratt, jinstab;”

5

L-Artikolu 32(2) tad-direttiva msemmija jipprovdi:

“Meta t-titolari tal-polza huwa persuna fiżika u għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha fi Stat Membru barra minn dak li tiegħu hu/hi huma ċittadini, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi ta’ l-Istat Membru li tiegħu hu/hi huma ċittadini.”

6

L-Artikolu 35 tal-istess direttiva kien jipprovdi li:

“1.   Kull Stat Membru għandu jippreskrivi li titolari ta’ polza li jikkonkludi kuntratt individwali ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja għandu jkollu perjodu ta’ bejn 14 u 30 jum minn meta hu/hi kienu infurmaw li l-kuntratt ġie konkluż biex fih jiġi kkanċellat il-kuntratt.

In-notifika ta’ kanċellament mit-titolari tal-poloz għandu jkollha effett li tirrilaxxa lilu/lilha minn kwalunkwe obbligu futur li jirriżulta mill-kuntratt.

L-effetti l-oħra legali u l-kondizzjonijiet ta’ kanċellament għandhom jiġu determinati bil-liġi applikabbli għall-kuntratt kif definit fl-Artikolu [32], l-iktar fir-rigward ta’ l-arranġamenti biex it-titolari tal-polza jiġi infurmat li l-kuntratt ġie konkluż.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għal kuntratti ta’ durata ta’ sitt xhur jew inqas, lanqas meta, minħabba l-istatus tat-titolari tal-polza jew iċ-ċirkostanzi li fihom il-kuntratt hu konkluż, it-titolari tal-polza ma jkollux bżonn din il-protezzjoni speċjali. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw fir-regoli tagħhom meta l-paragrafu 1 mhuwiex applikat.”

7

L-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2002/83 kien jipprevedi:

“Qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, mill-inqas l-informazzjoni elenkata fl-Anness III(A) għandha tiġi kkomunikata lit-titolari tal-polza.”

8

Skont il-punt a.13. tal-Anness III(A) tal-imsemmija direttiva, l-“Arranġamenti għal applikazzjoni tal-perjodu ta’cooling-off” kienu jagħmlu parti mill-informazzjoni dwar l-impenn li kellhom jiġu kkomunikati lit-titolari qabel il-konklużjoni tal-kuntratt.

Id-dritt Awstrijak

9

L-Artikolu 165a tal-Versicherungsvertragsgesetz (il-Liġi dwar il-Kuntratt ta’ Assigurazzjoni), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprovdi:

“(1)   Id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu d-dritt li jirrinunzja għall-effetti tal-kuntratt fi 30 jum mill-konklużjoni tal-kuntratt. Jekk l-assiguratur ikun ipprovda kopertura provviżorja, huwa għandu jkun intitolat għall-ħlas tal-primjum li jikkorrispondi għat-tul tagħha.

(2)   Jekk l-assiguratur ma jikkonformax mal-obbligu li jikkomunika l-indirizz tiegħu […], it-terminu ta’ rinunzja msemmi fil-paragrafu 1 jibda jiddekorri biss mid-data li fiha d-destinatarju jsir jaf b’dan l-indirizz.

(3)   Il-paragrafi preċedenti ma japplikawx għal kuntratti ta’ grupp ta’ assigurazzjoni u lanqas għal kuntratti ta’ tul massimu ta’ sitt xhur.”

10

L-Artikolu 9a tal-Versicherungsaufsichtsgesetz (il-Liġi dwar is-Sorveljanza ta’ Assigurazzjoni), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jipprovdi:

“(1)   Meta jiġi konkluż kuntratt ta’ assigurazzjoni dwar riskju li jinsab fit-territorju nazzjonali, id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni għandu jirċievi bil-miktub, qabel ma jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu li jikkonkludi l-kuntratt, informazzjoni dwar:

1. l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat u l-forma ġuridika tal-kumpannija tal-assigurazzjoni, jekk ikun il-każ, anki tal-fergħa li permezz tagħha jkun ġie konkluż il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, […]

[…]

6. iċ-ċirkustanzi li fihom id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni jista’ jikkanċella l-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew jirrinunzja għall-effetti tiegħu. […]

[…]

(3)   Jekk, minħabba l-mod ta’ konklużjoni tal-kuntratt, ma jkunx possibbli li tiġi trażmessa informazzjoni bil-miktub lill-persuna assigurata qabel ma dan jiddikjara r-rieda tiegħu li jikkonkludi kuntratt, l-obbligu ta’ informazzjoni jiġi ssodisfatt billi tiġi kkomunikata l-informazzjoni lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni sa mhux iktar tard mill-mument li fih dan jirċievi l-polza ta’ assigurazzjoni.

(4)   L-indikazzjonijiet previsti fil-paragrafu 1(1) għandhom jidhru, fil-każijiet kollha, ukoll fl-offerta ta’ assigurazzjoni u fil-polza ta’ assigurazzjoni kif ukoll fid-dokumenti l-oħra kollha li jagħtu kopertura. […]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

kunsthaus muerz hija kumpannija rregolata mid-dritt Awstrijak. Fis-27 ta’ April 2005, din ikkonkludiet, bħala titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni, kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-ħajja ma’ Zürich.

12

Fil-formola tal-offerta, kunsthaus muerz irċeviet l-informazzjoni li tgħid li r-rinunzja għall-kuntratt kellha tiġi fformulata bil-miktub.

13

Fid-9 ta’ Ottubru 2017, kunsthaus muerz iddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għal dan il-kuntratt. Għal dawn il-finijiet, hija kkunsidrat li din l-informazzjoni kienet żbaljata sa fejn din kienet teżiġi, għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, kundizzjonijiet proċedurali li fir-realtà ma kinux meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli. Għalhekk, peress li tali informazzjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti bidu għat-terminu ta’ riflessjoni previst fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2002/83, dan it-terminu huwa illimitat fiż-żmien.

14

Zürich ċaħdet din id-dikjarazzjoni minħabba li hija ma kellha ebda obbligu li tinforma lil kunsthaus muerz sabiex tagħti bidu għat-terminu ta’ riflessjoni. Fil-fatt, din l-informazzjoni hija prevista biss għat-titolari tal-polza li għandha l-kwalità ta’ konsumatur u mhux għad-detentur ta’ polza professjonali.

15

kunsthaus muerz għalhekk adixxiet lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’talba intiża għall-ħlas lura tal-primjums imħallsa kif ukoll għall-ħlas ta’ interessi legali bir-rata annwali ta’ 4 %.

16

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Awwissu 2018, din il-qorti ċaħdet din it-talba, b’mod partikolari, minħabba li, meta l-klijent ikun imprenditur, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni eventwalment żbaljata, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ kanċellament, ma tistax twassal għal dritt ta’ rinunzja mingħajr limitu ta’ żmien, peress li tali dritt illimitat ta’ rinunzja huwa bbażat fuq il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

17

kunsthaus muerz appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet, b’mod partikolari, li d-dritt tal-Unjoni ma jistabbilixxi ebda distinzjoni espliċita bejn il-persuni assigurati skont jekk għandhomx jew le l-kwalità ta’ konsumaturi u li, konsegwentement, dritt ta’ kanċellament għandu jingħata, taħt l-istess kundizzjonijiet, lill-persuni assigurati kollha ta’ assigurazzjoni tal-ħajja.

18

Zürich, min-naħa l-oħra, hija tal-fehma li, f’dan il-każ, il-persuna assigurata ġiet informata korrettament bid-dritt ta’ kanċellament tagħha u li s-sempliċi fatt li jissemma obbligu bil-miktub għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt — li, barra minn hekk, huwa favur il-persuna assigurata nnifsha u jissodisfa l-prinċipju ta’ ċertezza legali — ma jirrendix l-informazzjoni kkomunikata żbaljata. Fi kwalunkwe każ, meta l-persuna assigurata tkun imprenditur, it-terminu ta’ kanċellament jiskadi totalment indipendentement mill-komunikazzjoni ta’ informazzjoni f’dan is-sens. Fil-fatt, l-ispirtu u l-għan tad-dritt ta’ kanċellament previst mid-dritt tal-Unjoni jirrigwardaw biss il-protezzjoni tal-konsumaturi.

19

Il-qorti tar-rinviju għandha f’dan ir-rigward dubji dwar il-portata tat-tagħlim li għandu jinsilet mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864).

20

F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE tat-8 ta’ Novembru 1990 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 79/267/KEE (ĠU 1990, L 330, p. 50), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 (ĠU 1992, L 360, p. 1), moqri flimkien mal-Artikolu 31 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/96/KEE tal-10 ta’ Novembru 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi dwar l-assigurazzjoni diretta fuq il-ħajja, u li temenda d-Direttivi 79/267/KEE u 90/619/KEE (It-Tielet Direttiva dwar l-assigurazzjoni fuq il-ħajja) (ĠU 1992, L 360, p. 1) – dispożizzjonijiet essenzjalment riprodotti fl-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 –, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li ma tirrikonoxxix lit-titolari tal-polza dritt ta’ kanċellament ħlief matul sena, l-iktar, mill-mument tal-ħlas tal-ewwel primjum tal-assigurazzjoni, meta dan ma jkunx ġie informat bid-dritt ta’ kanċellament tiegħu.

21

Issa, il-qorti tar-rinviju tosserva li, sabiex tasal għal din is-soluzzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-premessa 23 tat-Tieni Direttiva 90/619, riprodotta, essenzjalment, fil-premessa 52 tad-Direttiva 2002/83, kif ukoll fuq il-ġurisprudenza dwar id-dritt ta’ revoka li għandu kull konsumatur konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mill-lok tan-negozju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262), u b’mod partikolari fuq is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger, (C‑481/99, EU:C:2001:684).

22

B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna assigurata tinsab, fir-rigward tal-impriża tal-assigurazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ dgħufija simili għal dik li jinsab fiha konsumatur fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratt konkluż barra mil-lok tan-negozju. Dan jirriżulta mill-fatt li l-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma prodotti finanzjarji ġuridikament kumplessi, li jistgħu jvarjaw b’mod kunsiderevoli skont l-impriża ta’ assigurazzjoni li toffrihom u li jistgħu jinvolvu impenji finanzjarji kbar u potenzjalment għal żmien twil ħafna.

23

F’dan il-każ, kunsthaus muerz ma għandhiex il-kwalità ta’ “konsumatur”. Fil-fatt, minkejja l-assenza fid-dritt tal-Unjoni ta’ definizzjoni uniformi tal-kunċett ta’ “konsumatur”, mill-maġġoranza tal-atti f’dan il-qasam jirriżulta li l-konsumatur huwa persuna fiżika li tintervjeni fis-suq għal finijiet li la huma professjonali u lanqas kummerċjali u għalhekk għal finijiet privati biss.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-Direttiva 2002/83/KE – b’mod partikolari l-Artikoli 35 u 36 tagħha – għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li t-terminu ta’ kanċellament jintemm, indipendentement mill-komunikazzjoni ta’ informazzjoni (eżatta) dwar id-dritt għal kanċellament qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, mal-iskadenza ta’ perijodu ta’ 30 jum mill-konklużjoni tal-kuntratt, (ukoll) meta t-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jkunx konsumatur?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha, anki meta t-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni ma jkunx konsumatur, it-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament għall-effetti ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jibda jiddekorri mid-data li fiha dan il-kuntratt ikun ġie konkluż, minkejja li l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ rinunzja trażmessa mill-impriża tal-assigurazzjoni lit-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni tindika rekwiżiti ta’ forma proċedurali li fir-realtà ma humiex meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-imsemmi kuntratt.

26

Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tippreċiża li l-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament għal kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mid-data li fiha t-titolari tal-polza jiġi informat li l-kuntratt huwa konkluż, minkejja li l-informazzjoni trażmessa mill-impriża ta’ assigurazzjoni lil dan it-titolari tindika rekwiżiti ta’ forma proċedurali li fir-realtà ma humiex meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli għal dan il-kuntratt jew mill-klawżoli kuntrattwali tal-imsemmi kuntratt, sa fejn tali indikazzjoni ma ċċaħħadx lit-titolari tal-polza mill-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt ta’ kanċellament tagħhom essenzjalment taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu japplikaw li kieku l-informazzjoni kienet eżatta. Huma l-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-fatti fil-kawżi prinċipali, jekk l-iżball li jinsab fl-informazzjoni mogħtija lit-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni jċaħħadx lil dan minn tali possibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 82).

27

Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jiġi vverifikat jekk tali interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 tal-imsemmija direttiva tiddependix mill-kwalità ta’ konsumatur tat-titolari tal-polza.

28

F’dan ir-rigward, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki, C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 34, tas-16 ta’ Novembru 2016, Hemming et, C‑316/15, EU:C:2016:879, punt 27, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2017, Vilkas, C‑640/15, EU:C:2017:39, punt 30).

29

Issa, qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li la l-kliem tal-imsemmija Artikoli 35 u 36 u lanqas, barra minn hekk, dak tal-premessa 45 tad-Direttiva 2002/83, li jħabbar id-dritt ta’ rinunzja stabbilit fl-Artikolu 35 tagħha, ma jagħmlu distinzjoni bejn il-persuni assigurati skont jekk humiex konsumaturi jew le.

30

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju tqis li kunsthaus muerz ma tistax tiġi kkwalifikata bħala “konsumatur” sa fejn din hija persuna ġuridika u sa fejn huma biss il-persuni fiżiċi li jistgħu jibbenefikaw minn din il-kwalifika. Issa, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-portata tal-kunċett ta’ “konsumatur” fid-dritt tal-Unjoni, huwa biżżejjed, sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, li jiġi enfasizzat li, f’kull każ, mill-kuntest li jinsab fih l-Artikolu 35 tad-Direttiva 2002/83 jirriżulta li t-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jkun kemm persuna fiżika kif ukoll persuna ġuridika.

31

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 1(1)(g) ta’ din id-direttiva, jiddefinixxi l-“Istat Membru fejn it-titolari tal-polza għandu r-residenza abitwali tiegħu/tagħha jew, jekk it-titolari tal-polza huwa persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ l-aħħar, li għalih jirrelata l-kuntratt, jinstab”.

32

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 32(2) tal-imsemmija direttiva, huwa biss meta t-titolari tal-polza jkun persuna fiżika u jkollu r-residenza abitwali tiegħu fi Stat Membru li ma huwiex dak li tiegħu huwa ċittadin, li l-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi tal-Istat Membru li tiegħu huwa ċittadin.

33

Barra minn hekk, l-Artikolu 35(2) tal-imsemmija direttiva jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jillimitaw din il-protezzjoni “meta, minħabba l-istatus tat-titolari tal-polza jew iċ-ċirkostanzi li fihom il-kuntratt hu konkluż, it-titolari tal-polza ma jkollux bżonn [il-protezzjoni speċjali msemmija]”. Għalhekk, il-protezzjoni prevista mid-Direttiva testendi neċessarjament għal kull kategorija ta’ titolari tal-polza, ħlief jekk l-Istati Membri jinvokaw din il-possibbiltà, pereżempju billi jeskludu l-imsemmija protezzjoni għal persuni assigurati professjonali. Madankollu, konformement ma’ dan il-paragrafu 2, tali limitazzjoni għandha tkun prevista mil-liġi nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, li, f’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika fid-dawl tad-dritt Awstrijak.

34

Finalment, din l-interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 hija kkonfermata mill-għanijiet tagħha, imsemmija, b’mod partikolari, fil-premessi 2 u 5 ta’ din id-direttiva, li jipprovdu li din tal-aħħar hija intiża li tiżgura protezzjoni adegwata tal-persuni assigurati u tal-benefiċjarji fl-Istati Membri kollha u li tikkontribwixxi sabiex tippermetti lill-persuni assigurati kollha li jużaw kwalunkwe assiguratur li għandu s-sede tiegħu fl-Unjoni Ewropea.

35

Effettivament, il-fatt li ssir distinzjoni bejn il-persuni assigurati abbażi tal-karatteristiċi personali tagħhom, u, b’mod partikolari, skont jekk għandhomx jew le l-kwalità ta’ “konsumaturi” jmur kontra l-għanijiet imsemmija, għaliex dan jimplika limitazzjoni tal-protezzjoni żgurata mid-Direttiva 2002/83.

36

L-imsemmija interpretazzjoni tal-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 ma tistax, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet ta’ Zürich, tiġi kkontestata mill-fatt li l-premessa 52 ta’ din id-direttiva tuża t-terminu “konsumatur”. Fil-fatt, xejn f’din il-premessa ma jippermetti li jiġi konkluż li n-neċessità ta’ informazzjoni dwar id-dritt ta’ rinunzja tapplika esklużivament għat-titolari tal-polza ta’ assigurazzjoni li għandu l-kwalità ta’ konsumatur.

37

L-istess japplika għar-referenzi għall-konsumaturi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864), sabiex jiġi deċiż li, peress li t-titolari tal-polza ma jkun irċieva ebda informazzjoni dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ kanċellament, it-terminu ta’ dekadenza previst għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jistax jibda jiddekorri.

38

Ċertament, sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ibbażat ruħha fuq il-premessa 23 tad-Direttiva 90/619, li tikkorrispondi, essenzjalment, għall-premessa 52 tad-Direttiva 2002/83, u, min-naħa l-oħra, ittrasponiet għad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-assigurazzjoni l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fis-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Heininger (C‑481/99, EU:C:2001:684), li għandha bħala suġġett rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 85/577, dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi fil-każijiet ta’ kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Rust-Hackner et, C‑355/18 sa C‑357/18 u C‑479/18, EU:C:2019:1123, punt 63).

39

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 28 u 29 tas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Endress (C‑209/12, EU:C:2013:864), il-paragun bejn it-titolari tal-polza u l-konsumaturi mwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din l-aħħar sentenza huwa bbażat biss fuq l-eżistenza ta’ elementi komuni għas-sitwazzjoni kuntrattwali tagħhom, jiġifieri r-riskji marbuta mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni fl-assenza ta’ informazzjoni konformi mar-rekwiżiti previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll fuq is-sitwazzjoni ta’ dgħufija li fiha jinsab it-titolari tal-polza meta mqabbel mal-assiguratur, fid-dawl, minn naħa, tan-natura tal-prodotti finanzjarji legalment kumplessi tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni u, min-naħa l-oħra, tal-impenji finanzjarji kbar u potenzjalment għal perijodu twil ta’ żmien involuti f’dawn il-kuntratti. Ma jistax jitqies li dawn l-elementi ma jistgħux jeżistu fir-rigward tat-titolari ta’ polza li ma għandhomx il-kwalità ta’ konsumaturi.

40

Madankollu, il-fatt li t-titolari tal-polza jkollu jew le din il-kwalità, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali meta din, kif tfakkar fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, tevalwa, abbażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-fatti fil-kawża prinċipali, jekk l-iżball li jinsab fl-informazzjoni trażmessa lit-titolari tal-polza kienx iċċaħħad lil din il-persuna mill-possibbiltà li teżerċita d-dritt tagħha ta’ kanċellament, essenzjalment, fl-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu kieku l-informazzjoni kienet eżatta.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli wkoll għal titolari tal-polza li ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur u li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha t-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament għall-effetti ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mid-data li fiha dan il-kuntratt ġie konkluż, minkejja li l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ kanċellament mogħtija mill-impriża assiguratriċi lil dan it-titolari tal-polza tindika rekwiżiti proċedurali formali li ma humiex meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli għal dan il-kuntratt, kemm-il darba tali informazzjoni ma ċċaħħadx lil dan it-titolari mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt imsemmi, essenzjalment taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu kieku l-informazzjoni kienet eżatta. Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-fatti fil-kawżi prinċipali, inkluż l-eventwali kwalità ta’ konsumatur tat-titolari tal-polza, jekk l-iżball li jinsab fl-informazzjoni mogħtija lit-titolari tal-polza jċaħħdux minn tali possibbiltà.

Fuq l-ispejjeż

42

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 35 u 36 tad-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma applikabbli wkoll għal titolari tal-polza li ma għandux il-kwalità ta’ konsumatur u li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha t-terminu għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ kanċellament għall-effetti ta’ kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mid-data li fiha dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ħajja jibda jiddekorri mid-data li fiha dan il-kuntratt ikun ġie konkluż, minkejja li l-informazzjoni dwar il-modalitajiet ta’ eżerċizzju ta’ dan id-dritt ta’ kanċellament mogħtija mill-impriża assiguratriċi lil dan it-titolari tal-polza tindika rekwiżiti proċedurali formali li fir-realtà ma humiex meħtieġa mid-dritt nazzjonali applikabbli għal dan il-kuntratt, kemm-il darba tali informazzjoni ma ċċaħħadx lil dan it-titolari mill-possibbiltà li jeżerċita d-dritt imsemmi, essenzjalment taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk li kienu jipprevalu kieku l-informazzjoni kienet eżatta. Huma l-qrati tar-rinviju li għandhom jevalwaw, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u l-fatti fil-kawżi prinċipali, inkluż l-eventwali kwalità ta’ konsumatur tat-titolari tal-polza, jekk l-iżball li jinsab fl-informazzjoni mogħtija lit-titolari tal-polza jċaħħdux minn tali possibbiltà.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.