KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-17 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑896/19

Repubblika

vs

Il-Prim Ministru,

fil-preżenza ta’:

WY

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Ċivili Prim’Awla - Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 2 TUE — Valuri tal-Unjoni Ewropea — Stat tad-dritt — Protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Artikolu 19 TUE — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Indipendenza ġudizzjarja — Proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura — Setgħa tal-Prim Ministru — Involviment ta’ kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikatura”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tqajjem għal darba oħra kwistjonijiet importanti marbuta man-natura tal-indipendenza ġudizzjarja. B’mod iktar preċiż, id-domandi magħmula fit-talba għal deċiżjoni preliminari jeħtieġu li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina sa fejn il-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja li jinsabu fid-dritt tal-Unjoni Ewropea għandhom impatt ukoll fuq is-sistema ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura nazzjonali. B’mod partikolari, id-dritt tal-Unjoni jimponi xi restrizzjonijiet fuq il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura mill-poter eżekuttiv?

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża miftuħa fil-forma ta’ actio popularis li tinsab attwalment pendenti quddiem il-qrati Maltin. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, qiegħed jiġi sottomess li l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura stabbilita fil-Kostituzzjoni Maltija ma hijiex konformi, b’mod partikolari, mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

3.

B’hekk, din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità ġdida sabiex teżamina l-ġurisprudenza reċenti tagħha dwar il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, b’mod partikolari, sabiex teżamina r-rekwiżiti tagħhom fir-rigward tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. It-Trattat UE

4.

L-Artikolu 2 TUE huwa fformulat kif ġej:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

5.

L-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

2. Il-Karta

6.

It-Titolu VI tal-Karta, intitolat “Ġustizzja”, jinkludi l-Artikolu 47 tagħha, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li jipprovdi:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

B.   Id-dritt Malti

7.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tal-1964 (iktar ’il quddiem il-“Kostituzzjoni”) tinkludi, fil-Kapitolu VIII tagħha, regoli ddettaljati dwar il-poter ġudizzjarju li jinkludu, b’mod partikolari, regoli dwar il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Dan il-kapitolu ġie rrevedut fl-2016, reviżjoni li kienet tinkludi l-introduzzjoni ta’ Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura. Minkejja li r-rwol ta’ dan il-kumitat u l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura ġew sostanzjalment emendati f’Lulju 2020, ir-regoli applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali huma dawn li ġejjin.

8.

L-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni jirrigwarda l-ħatra tal-imħallfin tal-qrati superjuri. Dan l-artikolu jipprovdi:

“(1)

L-Imħallfin tal-Qrati Superjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.

(2)

Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur imħallef tal-Qrati Superjuri kemm-il darba għal perijodu ta’, jew perijodi li jammontaw b’kollox għal, mhux anqas minn tnax-il sena ma jkunx jew eżerċita bħala avukat f’Malta jew serva bħala maġistrat f’Malta, jew f’parti hekk eżerċita u f’parti hekk serva.

(3)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (4), qabel ma l-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont is-subartikolu (1) dwar il-ħatra ta’ imħallef tal-Qrati Superjuri (ħlief il-Prim Imħallef) għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta’ din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (ċ), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) tal-imsemmi artikolu 96A.

(4)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (3), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (3):

Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b’dan is-subartikolu, il-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:

(a)

jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha; u

(b)

jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1):

Iżda wkoll id-dispożizzjonijiet tal-ewwel proviso għal dan is-subartikolu ma japplikawx fil-każ illi l-ħatra tkun għall-kariga ta’ Prim Imħallef.”

9.

L-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni jiddeskrivi r-rwol tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura. Dan l-artikolu huwa fformulat kif ġej:

“(1)

Għandu jkun hemm Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, hawn iżjed ’il quddiem f’dan l-artikolu msejjaħ ‘il-Kumitat’, li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja mwaqqfa bl-artikolu 101A ta’ din il-Kostituzzjoni u li jkun magħmul kif ġej:

(a)

il-Prim Imħallef;

(b)

l-Avukat Ġenerali;

(c)

l-Awditur Ġenerali;

(d)

il-Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman); u

(e)

il-President tal-Kamra tal-Avukati:

[…]

(2)

Il-Kumitat għandu jkun presedut mill-Prim Imħallef jew, fl-assenza tiegħu, mill-imħallef li jkun is-sostitut tiegħu skont il-paragrafu (d) tas-sub-artikolu (3).

(3)

(a) Persuna ma tkunx kwalifikata li tinħatar jew tkompli żżomm il-kariga ta’ membru tal-Kumitat jekk tkun Ministru, Segretarju Parlamentari, Membru tal-Kamra tad-Deputati, membru ta’ gvern lokali jew uffiċjal jew kandidat ta’ partit politiku:

[…]

(4)

Fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux soġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra.

(5)

Għandu jkun hemm Segretarju tal-Kumitat li jinħatar mill-Ministru responsabbli għall-ġustizzja.

(6)

Il-funzjonijiet tal-Kumitat ikunu:

(a)

li jirċievi u jeżamina espressjonijiet ta’ interess minn persuni li jkunu interessati li jinħatru fil-kariga ta’ imħallef tal-Qrati Superjuri (barra milli fil-kariga ta’ Prim Imħallef) jew ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri, ħlief mingħand persuni li għalihom japplika l-paragrafu (e);

(b)

li jżomm reġistru permanenti tal-espressjonijiet ta’ interess imsemmija fil-paragrafu (a) u tal-atti relattivi għalihom, liema reġistru għandu jinżamm sigriet u għandu jkun aċċessibbli biss għall-membri tal-Kumitat, għall-Prim Ministru u għall-Ministru responsabbli għall-ġustizzja;

(ċ)

li jagħmel intervisti u evalwazzjonijiet ta’ kandidati għall-karigi fuq imsemmija b’dak il-mod li jidhirlu xieraq u li għal dan il-għan jitlob dik l-informazzjoni mingħand kull awtorità pubblika kif iqis illi jkun raġonevolment meħtieġ;

(d)

li jagħti parir lill-Prim Ministru permezz tal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja dwar l-evalwazzjoni tiegħu fir-rigward tal-eliġibilità u l-mertu tal-kandidati biex jinħatru fil-karigi fuq imsemmija;

(e)

meta mitlub mill-Prim Ministru, li jagħti parir dwar l-eliġibilità u l-mertu ta’ persuni li diġà jkunu jokkupaw il-kariga ta’ Avukat Ġenerali, Awditur Ġenerali, Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi (Ombudsman) jew ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri biex jinħatru f’kariga fil-ġudikatura;

(f)

li jagħti parir dwar il-ħatra għal xi kariga oħra ġudizzjarja jew fil-Qrati kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’ minn żmien għal żmien jitlob:

Iżda l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu (d) għandha ssir mhux aktar tard minn sittin jum mindu l-Kumitat jirċievi l-espressjoni ta’ interess u l-parir imsemmi fil-paragrafi (e) u (f) għandu jingħata mhux aktar tard minn tletin jum minn meta jkun intalab jew f’termini oħra hekk kif il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja jista’, bi qbil mal-Kumitat, b’ordni fil-Gazzetta jistabbilixxi.

(7)

Il-proċeduri tal-Kumitat ikunu kunfidenzjali u jinżammu fil-magħluq u l-ebda membru jew segretarju tal-Kumitat ma għandu jintalab jixhed quddiem xi qorti jew korp ieħor fir-rigward ta’ xi dokument riċevut jew xi ħaġa diskussa jew trasmessa lil jew mill-Kumitat.

(8)

ll-Kumitat jirregola l-proċedura tiegħu stess u jkollu d-dmir li, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, jippubblika l-kriterji li fuqhom isiru l-evalwazzjonijiet.”

10.

L-Artikolu 97 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“(1)   Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, imħallef tal-Qrati Superjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta’ ħamsa u sittin sena.

(2)   Imħallef tal-Qrati Superjuri ma għandux jitneħħa mill-kariga tiegħu ħlief mill-President wara indirizz mill-Kamra tad-Deputati li jkollu favur tiegħu l-vot ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-membri tagħha u li jitlob għal dik it-tneħħija minħabba inkapaċità ippruvata li jaqdi l-funzjonijiet tal-kariga tiegħu (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew imġieba ħażina ippruvata.

(3)   ll-Parlament jista’ b’liġi jirregola l-proċedura għall-preżentata ta’ indirizz u għall-investigazzjoni u prova dwar l-inkapaċità jew imġieba ħażina ta’ mħallef tal-Qrati Superjuri skont id-dispożizzjonijiet tal-aħħar subartikolu qabel dan.”

11.

L-Artikolu 100 tal-Kostituzzjoni jirrigwarda l-ħatra tal-maġistrati tal-qrati inferjuri. Dan l-artikolu jistabbilixxi proċedura simili għal dik applikabbli għall-imħallfin tal-qrati superjuri:

“(1)

Il-maġistrati tal-qrati inferjuri għandhom jiġu maħtura mill-President li jaġixxi skont il-parir tal-Prim Ministru.

(2)

Ħadd ma jkun kwalifikat biex ikun maħtur għal jew biex jaġixxi fil-kariga ta’ maġistrat tal-qrati inferjuri kemm-il darba ma jkunx eżerċita bħala avukat f’Malta għal perijodu ta’, jew perijodi li jammontaw b’kollox għal, mhux anqas minn seba’ snin.

(3)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (4) ta’ dan l-artikolu, maġistrat tal-qrati inferjuri għandu jivvaka l-kariga tiegħu meta jagħlaq l-età ta’ ħamsa u sittin sena.

(4)

Id-dispożizzjonijiet tas-subartikoli (2) u (3) tal-artikolu 97 ta’ din il-Kostituzzjoni għandhom jgħoddu għall-maġistrati tal-qrati inferjuri.

(5)

Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (6), qabel mal-Prim Ministru jagħti l-parir tiegħu skont is-subartikolu (1) dwar il-ħatra ta’ maġistrat tal-Qrati Inferjuri għandha tkun saret l-evalwazzjoni mill-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura mwaqqaf bl-artikolu 96A ta’ din il-Kostituzzjoni kif previst fil-paragrafi (c), (d) jew (e) tas-subartikolu (6) tal-imsemmi artikolu 96A.

(6)

Minkejja d-dispożizzjonijiet tas-subartikolu (5), il-Prim Ministru jkollu s-setgħa li jagħżel illi ma jsegwix ir-riżultat tal-evalwazzjoni msemmija fis-subartikolu (5):

Iżda meta wara li l-Prim Ministru jkun uża s-setgħa mogħtija lilu b’dan is-subartikolu l-Prim Ministru jew il-Ministru responsabbli għall-ġustizzja għandhom:

(a)

jippubblikaw fi żmien ħamest ijiem dikjarazzjoni fil-Gazzetta li tkun tħabbar id-deċiżjoni li tintuża dik is-setgħa u li tkun tagħti r-raġunijiet li wasslu għaliha: u

(b)

jagħmlu stqarrija fil-Kamra tad-Deputati dwar dik id-deċiżjoni li fiha jispjegaw ir-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata sa mhux aktar tard mit-tieni seduta tal-Kamra li ssir wara li jkun ingħata l-parir lill-President skont is-subartikolu (1).”

12.

L-Artikolu 101B tal-Kostituzzjoni jirrigwarda d-dixxiplina tal-imħallfin u tal-maġistrati. Dan l-artikolu jipprovdi:

“(1)   Għandu jkun hemm Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati (hawn iżjed ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’) li għandu jkun sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandu jkun kompost minn tliet membri tal-ġudikatura illi ma jkunux membri tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u li għandhom jiġu eletti minn fost l-imħallfin u l-maġistrati skont regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja b’dan iżda li f’każ ta’ dixxiplina ta’ maġistrat, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu maġistrati filwaqt illi f’każ ta’ dixxiplina ta’ mħallef, tnejn mit-tliet membri għandhom ikunu mħallfin.

[…]

(4)   Il-Kumitat għandu jeżerċita dixxiplina fuq imħallfin u maġistrati kif preskritt f’dan l-artikolu.

[…]

(15)   Fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom il-membri tal-Kumitat għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma jkunux soġġetti għad-direzzjoni jew kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra.

[…]”

III. Il-fatti fil-kawża prinċipali

13.

Repubblika hija assoċjazzjoni li l-iskop tagħha huwa li tippromwovi l-protezzjoni tal-ġustizzja u tal-Istat tad-dritt f’Malta. Fil-25 ta’ April 2019, hija ressqet actio popularis quddiem il-qorti tar-rinviju li fil-kuntest tagħha qiegħda titlob dikjarazzjoni fis-sens li, bis-sistema ta’ ħatra tal-imħallfin (fil-qrati superjuri) u tal-maġistrati (fil-qrati inferjuri) li kienet fis-seħħ meta tressqet din l-azzjoni, kif irregolata mill-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni, Malta qiegħda tikser l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, kif ukoll taħt l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u taħt l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”).

14.

Waqt seduta li nżammet quddiem il-qorti tar-rinviju fit-30 ta’ Ottubru 2019, ir-rikorrenti ppreċiżat li, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, hija kienet qiegħda tikkontesta l-ħatriet ġudizzjarji kollha li daħlu fis-seħħ fil-25 ta’ April 2019 kif ukoll kull ħatra oħra li setgħet issir wara din id-data, sakemm dawn ma jsirux skont ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni ta’ Venezia”) dwar id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali, is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-korpi għall-infurzar tal-liġi ( 2 ) u skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

15.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru (iktar ’il quddiem il-“konvenut”) isostni li d-dritt għal rimedju effettiv u għal smigħ xieraq huwa rrispettat f’Malta. F’dan il-kuntest, il-ħatriet li daħlu fis-seħħ fil-25 ta’ April 2019 saru strettament skont id-dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni u skont id-dritt tal-Unjoni. Il-konvenut isostni li ma hemm ebda differenza bejn dawn il-ħatriet partikolari u kwalunkwe ħatra oħra ta’ membru tal-ġudikatura li saret minn meta kienet ġiet ippromulgata l-Kostituzzjoni fl-1964 lil hawn, għajr għall-fatt li, b’differenza mill-ħatriet li saru qabel l-2016, il-kandidati issa jkunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, stabbilit fl-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni, fir-rigward tal-idoneità tagħhom.

16.

Il-konvenut isostni wkoll li s-sistema ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura hija konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, din is-sistema tirrifletti l-mod kif jinħatru l-imħallfin fil-Qorti tal-Ġustizzja skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 253 TFUE, fejn l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf taħt l-Artikolu 255 TFUE ma hijiex vinkolanti fuq id-deċiżjoni finali meħuda mill-Gvernijiet tal-Istati Membri.

17.

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kwistjoni prinċipali mressqa għall-istħarriġ tagħha tikkonċerna d-diskrezzjoni tal-Prim Ministru, taħt l-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni, fil-ħatra tal-membri kollha tal-ġudikatura u jekk dan il-marġni ta’ diskrezzjoni tjiebx bl-emendi kostituzzjonali tal-2016. Filwaqt li diversi aspetti mqajma minn din il-kawża ġew indirizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531) (iktar ’il quddiem is-“sentenza ‘Indipendenza tal-Qorti Suprema’”), il-qorti tar-rinviju tqis li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata fil-kuntest ta’ evalwazzjoni tas-sistema fl-intier tagħha, inkluż id-dritt għal rimedju effettiv u għal smiegħ xieraq f’Malta.

18.

Waqt is-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet informata li sadanittant, f’Lulju 2020, kienu saru ċerti emendi fil-Kostituzzjoni fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sistema ta’ ħatriet ġudizzjarji magħmula mill-Kummissjoni ta’ Venezia fl-Opinjoni Nru 940/2018 tagħha. Madankollu, dawn l-emendi la jaffettwaw is-suġġett ta’ din il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju u lanqas ma jaffettwaw, barra minn hekk, din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

IV. It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Novembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Qorti Ċivili Prim’Awla – Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)

Jekk it-tieni [subparagrafu] tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-[Karta] moqrija waħedhom jew flimkien jistgħux jitqiesu applikabbli fil-konfront tal-validità legali tal-Artikoli 96, 96A u 100 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta?

2)

F’każ jekk it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hi fl-affermattiv, jekk is-setgħa tal-Prim Ministru fil-proċess tal-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura f’Malta, għandhiex titqies li hija konformi mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, u dan meqjus ukoll fid-dawl tal-Artikolu 96A tal-Kostituzzjoni li daħal fis-seħħ fl-2016?

3)

Jekk jinstab li s-setgħa tal-Prim Ministru ma hijiex konformi, jekk dan il-fatt għandux jiġi kkunsidrat mill-ħatriet li għadhom iridu jsiru mil-lum il-quddiem jew inkella għandux jolqot ukoll ħatriet li saru qabel?”

20.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Repubblika, mill-Gvern Belġjan, mill-Gvern Malti, mill-Gvern Olandiż, mill-Gvern Pollakk u mill-Gvern Svediż, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, dawn il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2020.

V. Analiżi

A.   Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

21.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Pollakk isostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli taħt żewġ aspetti.

22.

L-ewwel, il-Gvern Pollakk isostni li, anki li kieku d-dritt Malti jippermetti li l-partijiet fil-kuntest ta’ actio popularis jieħdu l-inizjattiva sabiex jitolbu l-istħarriġ tal-kostituzzjonalità astratta tar-regoli fis-seħħ fl-ordinament ġuridiku nazzjonali, il-qorti tar-rinviju kienet tagħmel id-domandi tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari sabiex, skont ir-risposta mogħtija, tagħti deċiżjoni dwar il-konformità astratta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Malti mad-dritt tal-Unjoni.

23.

Madankollu, il-Gvern Pollakk jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li d-deċiżjoni dwar il-konformità astratta ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja taħt l-Artikoli 258 u 259 TFUE u li huma biss il-Kummissjoni jew Stat Membru ieħor li jistgħu jibdew tali proċedura. Għall-kuntrarju, l-għan waħdieni tat-talba għal deċiżjoni preliminari huwa l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, fid-dawl tal-Artikoli 258, 259 u 267 TFUE, qorti nazzjonali ma tistax tagħti deċiżjoni dwar il-konformità astratta tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni fuq il-bażi tal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari, peress li f’tali każ il-Qorti tal-Ġustizzja stess tqis li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tistħarreġ il-konformità tad-dritt nazzjonali fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

24.

Għalhekk, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedura għal deċiżjoni preliminari ma tistax tintuża sabiex tiġi deċiża tilwima bħal dik li għandha quddiemha l-qorti tar-rinviju u, għaldaqstant, din l-interpretazzjoni ma tistax titqies li hija neċessarja sabiex tiġi deċiża l-kawża prinċipali fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. Il-Gvern Pollakk isostni, b’mod partikolari, li interpretazzjoni kuntrarja ta’ din id-dispożizzjoni twassal sabiex jiġu evitati l-Artikoli 258 u 259 TFUE u sabiex tiġi ppreġudikata l-kompetenza esklużiva tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet.

25.

F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandha ssir distinzjoni fir-rigward tal-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja skont jekk tkunx meħtieġa tagħti deċiżjoni preliminari jew deċiżjoni f’kawża dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Filwaqt li, f’kawża dwar nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tivverifika jekk il-miżura jew il-prassi nazzjonali kkontestati mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru ieħor imorrux kontra d-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jkun hemm tilwima rilevanti quddiem il-qrati nazzjonali, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedura għal deċiżjoni preliminari hija, għall-kuntrarju, li tgħin lill-qorti tar-rinviju ssolvi t-tilwima konkreta pendenti quddiem din tal-aħħar. Għaldaqstant, f’tali proċedura għandu jkun hemm rabta bejn din it-tilwima u d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li tagħhom tintalab l-interpretazzjoni, rabta li minħabba fiha din l-interpretazzjoni tkun oġġettivament meħtieġa sabiex tingħata deċiżjoni mill-qorti tar-rinviju ( 3 ).

26.

Fil-kawża ineżami, għandu jiġi rrikonoxxut li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija sostantivament marbuta mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li huwa s-suġġett tad-domandi preliminari. Għalhekk, il-qorti tar-rinviju hija meħtieġa tapplika din id-dispożizzjoni sabiex tiddetermina s-soluzzjoni sostantiva li għandha tingħata lil din it-tilwima.

27.

F’dan ir-rigward, anki jekk l-Artikolu 267 TFUE ma jawtorizzax lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mar-regoli legali tad-dritt tal-Unjoni jew tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni għal każ partikolari, xorta jibqa’ l-fatt li huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa għalhekk li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita f’dan l-artikolu u fuq il-bażi tal-elementi fil-proċess, tagħti lill-qorti nazzjonali interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tista’ tkun utli għaliha fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni jew oħra tad-dritt tal-Unjoni ( 4 ).

28.

Barra minn hekk, inżid li l-fatt li l-azzjoni fil-kawża prinċipali hija actio popularis, li fil-kuntest tagħha r-rikorrent ma huwiex meħtieġ jipprova interess personali fis-soluzzjoni tat-tilwima, ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti deċiżjoni fuq domandi magħmula għal deċiżjoni preliminari. Huwa biżżejjed li l-azzjoni tkun ammissibbli taħt id-dritt nazzjonali u li d-domandi jissodisfaw bżonn oġġettiv għas-soluzzjoni tat-tilwima li biha tiġi adita debitament il-qorti tar-rinviju ( 5 ).

29.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma li hemm tilwima reali quddiem il-qorti tar-rinviju u li ma hemm ebda dubju dwar ir-rilevanza tad-domandi magħmula, peress li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – f’dan il-każ, tad-dritt primarju – u peress li dawn id-domandi huma speċifikament inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Minn dan isegwi, għalhekk, li l-ewwel argument imqajjem mill-Gvern Pollakk ma huwiex rilevanti.

30.

It-tieni, skont il-Gvern Pollakk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, bl-ebda mod ma jbiddel is-sustanza tal-prinċipju ta’ attribuzzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni jew il-portata tagħhom. Għall-kuntrarju, din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-premessa li, fl-assenza ta’ kompetenza tal-Unjoni fl-organizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji, huma l-Istati Membri li għandhom jinnominaw il-qrati u li għandhom jipprevedu mekkaniżmi xierqa għall-finijiet tal-proċeduri intiżi li jħarsu d-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Għaldaqstant, ebda regola speċifika dwar il-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jew dwar l-organizzazzjoni tal-qrati ma tista’ tiġi dedotta mill-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 5 TUE, moqri flimkien mal-Artikoli 3 u 4 TFUE.

31.

Fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta, dan il-gvern isostni li din id-dispożizzjoni ma tapplikax fil-kawża ineżami. Repubblika ppreżentat actio popularis, iżda mingħajr ma invokat dritt suġġettiv li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jeżiġi l-Artikolu 51 tal-Karta, ma hemmx “implimentazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni mill-Istat Membru kkonċernat f’din il-kawża peress li l-kwistjonijiet imqajma fit-talba għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw kwistjonijiet proċedurali nazzjonali, li r-regolamentazzjoni tagħhom taqa’ kompletament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri.

32.

Il-Gvern Pollakk iżid li, fi kwalunkwe każ, ma hemmx kriterji komuni fid-dritt tal-Unjoni għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura li fuqhom il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tibbaża ruħha sabiex tevalwa s-sistema fis-seħħ f’Malta, u li l-Istati Membri kollha jibbażaw ruħhom fuq sistemi differenti.

33.

Fil-verità, dawn l-argumenti jikkonċernaw il-kwistjoni mqajma mill-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. Jien għalhekk ser neżaminahom fil-kuntest tal-analiżi tiegħi ta’ din l-ewwel domanda. Huwa biżżejjed li jingħad li, fil-fehma tiegħi, it-tieni motiv ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Gvern Pollakk huwa infondat. Fil-fatt, għalkemm naqbel li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex applikabbli bħala tali fil-kawża prinċipali (peress li Malta ma hijiex qiegħda b’hekk “timplimenta” id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51 tal-Karta), l-Artikolu 19 TUE huwa madankollu kompletament applikabbli u, bħala tali, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tkun utli għall-qorti tar-rinviju.

34.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li d-domandi magħmula huma ammissibbli.

B.   Fuq l-ewwel domanda

35.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhomx jitqiesu li huma applikabbli meta qorti nazzjonali tevalwa l-validità tal-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura bħal dik prevista fil-Kostituzzjoni.

1. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 19(1) TUE

36.

Fir-rigward tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement tat diversi sentenzi importanti li mingħajr dubju jippermettu li tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

37.

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja esponiet fil-qosor fis-sentenza tagħha tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535), minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li “l-indipendenza tal-imħallfin tal-Istati Membri hija ta’ importanza fundamentali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea minn diversi aspetti. L-ewwel nett, hija parti mill-prinċipju tal-Istat ta’ dritt, li jagħmel parti mill-valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni u li huma komuni għall-Istati Membri, kif ukoll mill-Artikolu 19 TUE, li jagħti espressjoni konkreta lil dan il-valur u jafda l-kompitu li jiġi żgurat l-istħarriġ legali f’dan l-ordinament ukoll lill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses,C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32). Sussegwentement, l-imsemmija indipendenza hija kundizzjoni neċessarja sabiex l-individwi jiġu ggarantiti, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, id-dritt fundamentali għal qorti indipendenti u imparzjali previst fl-Artikolu 47 tal-Karta li huwa ta’ importanza fundamentali inkwantu garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il-Kunsill u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 7071 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, l-imsemmija indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inkorporata fil-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss permezz ta’ korp, inkarigat li japplika d-dritt tal-Unjoni, li jissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander, C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata)” ( 6 ).

38.

Barra minn hekk, huwa stabbilit ukoll b’mod ċar li, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din id-dispożizzjoni tapplika għall-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jkunux qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 7 ).

39.

F’dan il-kuntest, issa huwa ċar li għalkemm l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, xorta waħda jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 8 ). Dan l-obbligu japplika, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ kwalunkwe korp nazzjonali li għandu s-setgħa jaqta’, bħala qorti, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u li għalhekk jaqgħu fl-oqsma koperti minn dan id-dritt ( 9 ).

40.

Din l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE hija sostnuta mill-oriġini u mill-kuntest tal-integrazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fit-Trattat. Fil-fatt, l-Artikolu 19(1) TUE ġie introdott sabiex jiġi enfasizzat id-dmir tal-Istati Membri li jiggarantixxu protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta din il-protezzjoni ma tkunx tista’ tiġi offruta direttament mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 10 ), peress li l-eżistenza stess ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv intiż li jiżgura konformità mad-dritt tal-Unjoni tagħmel parti mill-essenza tal-Istat tad-dritt ( 11 ). Għaldaqstant, fl-assenza ta’ garanziji effettivi ta’ indipendenza ġudizzjarja, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet tal-individwi taħt id-dritt tal-Unjoni jiġi b’hekk ippreġudikat ( 12 ). Fl-aħħar nett, jista’ jiġi osservat li dan il-prinċipju, li għalih isir riferiment fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni mislut mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, li ġie sanċit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB, u li issa jinstab ikkonfermat fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 13 ).

41.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, peress li l-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni fil-kawża ineżami tapplika għall-membri kollha tal-ġudikatura Maltija, wieħed jista’ jippreżumi li wħud minnhom – jekk mhux kollha – ser jintalbu neċessarjament jaqtgħu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Dan fih innifsu huwa għalhekk biżżejjed sabiex jiġi żgurat li dawn il-membri tal-ġudikatura, maħtura skont il-proċedura prevista fil-Kostituzzjoni, għandhom igawdu minn livelli suffiċjenti ta’ indipendenza ġudizzjarja sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 19 TUE.

2. Fuq l-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta

42.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, “[k]ull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu”. Mis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373), jirriżulta li l-applikabbiltà ta’ dan l-artikolu hija suġġetta għal allegat ksur ta’ dritt jew ta’ libertà ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni ( 14 ).

43.

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti la qiegħda tinvoka xi ksur tad-dritt tagħha stess għal rimedju effettiv, la qiegħda tikkontesta l-indipendenza tal-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-azzjoni tagħha, u lanqas ma qiegħda tinvoka xi dritt speċifiku ggarantit mid-dritt tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, ma naħsibx li l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli bħala tali għall-kawża prinċipali.

44.

Barra minn hekk, naqbel mal-fehma reċentement espressa mill-Avukat Ġenerali Bobek, fis-sens li huwa permess li jitwettaq “stħarriġ astratt tal-kostituzzjonalità” ta’ regola nazzjonali fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta meta din ir-regola tkun ġiet adottata fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 15 ). Madankollu, peress li l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura nazzjonali tagħmel parti mill-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja, din taqa’, kif intqal iktar ’il fuq, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura f’Malta ma tissodisfax il-kundizzjoni ta’ “implimentazzjoni” tad-dritt tal-Unjoni stabbilita fl-Artikolu 51(1) tal-Karta, għalkemm, kif diġà osservajt, din il-kundizzjoni ma hijiex meħtieġa sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 19 TUE ( 16 ).

45.

Madankollu, peress li l-obbligu impost fuq l-Istati Membri fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jistabbilixxu rimedji suffiċjenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jikkorrispondi għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti previst fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 17 ), minn dan isegwi li l-obbligi tal-Istati Membri taħt l-Artikolu 19(1) TUE huma għalhekk “riflessi”, sa dan il-punt, fid-dritt individwali rrikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta ( 18 ).

46.

Jien għalhekk naqbel kompletament mal-osservazzjoni magħmula mill-Avukat Ġenerali Tanchev fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:551), li “hemm ‘rabta kostituzzjonali’ bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, u l-ġurisprudenza li tikkonċernahom inevitabbilment tikkoinċidi” ( 19 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stess diġà ddeċidiet li “t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi lill-Istati Membri kollha li jistabbilixxu r-rimedji legali meħtieġa sabiex jiżguraw protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fis-sens b’mod partikolari tal-Artikolu 47 tal-Karta, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni” ( 20 ).

47.

F’dan il-kuntest, jiena tal-fehma li, filwaqt li l-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex, bħala tali, applikabbli fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 19(1) TUE għandu madankollu jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-ġurisprudenza relatata miegħu.

3. Konklużjoni dwar l-ewwel domanda

48.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, huwa applikabbli meta qorti nazzjonali tkun qiegħda tevalwa l-validità ta’ proċedura ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura bħal dik prevista fil-Kostituzzjoni Maltija.

C.   Fuq it-tieni domanda

49.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 19 TUE, jekk ikun il-każ moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha l-poter eżekuttiv, f’dan il-każ il-Prim Ministru, igawdi minn setgħa diskrezzjonali u deċiżiv fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Din hija l-kwistjoni fundamentali mqajma minn din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

1. Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-konsegwenzi tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 6 tal-KEDB fuq il-proċeduri ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura

50.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-kuntest tal-analiżi tiegħi tal-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, meta qorti tkun tista’ taqta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li l-membri tal-ġudikatura tiegħu jgawdu minn garanziji suffiċjenti fir-rigward tal-indipendenza u jissodisfaw ir-rekwiżiti essenzjali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 21 ).

51.

Barra minn hekk, peress li l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu rimedji suffiċjenti sabiex tiġi żgurata protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 19(1) TUE jikkorrispondi għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti previst fl-Artikolu 47 tal-Karta ( 22 ), għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jipprovdi li, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti fil-KEDB.

52.

Kif jirriżulta b’mod ċar mill-Ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 47 tal-Karta, li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tal-Karta, l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondu għall-Artikolu 6(1) u għall-Artikolu 13 tal-KEDB.

53.

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-għan tal-introduzzjoni tal-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB huwa li jiġi żgurat li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja ma tkunx tiddependi sempliċement mid-diskrezzjoni bla limiti tal-poter eżekuttiv, u li l-istabbiliment tas-sistema tal-qrati u l-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jkunu rregolati minn leġiżlazzjoni adegwata. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda dubju li d-dritt għal qorti “imwaqqfa b’liġi” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB jinkludi, min-natura tiegħu stess, aspetti tal-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura ( 23 ). Madankollu, fil-prattika, ir-restrizzjonijiet imposti f’dan ir-rigward permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali normalment ikunu limitati u jikkonċernaw kwistjonijiet bħall-eliġibbiltà għall-ħatra, il-promozzjoni fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, u limiti ta’ età.

54.

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, għalkemm il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura ngħata importanza dejjem tikber fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem issostni li la l-Artikolu 6 u lanqas xi dispożizzjoni oħra tal-KEDB ma jeżiġu li l-Istati jadottaw mudell kostituzzjonali partikolari li jirregola b’mod jew ieħor ir-relazzjoni u l-interazzjoni bejn id-diversi fergħat tal-Istat. L-Artikolu 6 tal-KEDB lanqas ma jeżiġi li dawn l-Istati jikkonformaw ma’ xi kunċetti kostituzzjonali teoretiċi dwar il-limiti permissibbli ta’ tali interazzjoni ( 24 ). F’dan ir-rigward, filwaqt li numru kbir ta’ Stati Membri għandhom jew kunsill ġudizzjarju – iddefinit bħala korp indipendenti, stabbilit bil-liġi jew taħt il-kostituzzjoni nazzjonali tagħhom, intiż li jħares l-indipendenza tal-ġudikatura u tal-membri individwali tal-ġudikatura u għalhekk li jippromwovi l-funzjonament effiċjenti tas-sistema ġudizzjarja ( 25 ) – jew, bħal fil-każ ta’ Malta u ta’ xi pajjiżi oħra, kumitat dwar il-ħatriet tal-ġudikatura ( 26 ), għandu jiġi rrikonoxxut li l-kompożizzjoni u l-kompetenzi tagħhom ivarjaw b’mod kunsiderevoli ( 27 ).

55.

Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sempliċi fatt li l-membri tal-ġudikatura jinħatru minn membru tal-poter eżekuttiv ma joħloqx fih innifsu relazzjoni ta’ subordinazzjoni bejn tal-ewwel u tat-tieni u lanqas ma jqajjem dubji dwar l-imparzjalità tal-ewwel, jekk – u din hija riżerva kruċjali – ladarba jinħatru, il-membri tal-ġudikatura ma jkunux suġġetti għal influwenza jew pressjoni fit-twettiq tal-kompitu tagħhom ( 28 ). Madankollu, hemm eċċezzjoni waħda għal dan. Kif tirrikonoxxi l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX-II u C‑543/18 RX-II, EU:C:2020:232), l-Artikolu 19 TUE jidħol fix-xena f’sitwazzjoni fejn membru partikolari tal-ġudikatura jkun inħatar b’mod invalidu u fejn din l-irregolarità tant tkun gravi li tkun ħolqot riskju konkret li, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-poter eżekuttiv ikun seta’ b’hekk jipperikola l-integrità tal-proċess ta’ ħatra ( 29 ). Minn dan għalhekk jirriżulta li għandu jkun hemm mekkaniżmu li bih ħatra ġudizzjarja illegali – b’mod partikolari meta l-membru tal-ġudikatura inkwistjoni kien legalment ineliġibbli għall-ħatra – tkun tista’ tiġi rrevokata legalment.

56.

Madankollu, jista’ jingħad li, bl-eċċezzjoni tal-każ partikolari u mhux tas-soltu ta’ membri tal-ġudikatura maħtura b’mod invalidu deskritt fis-sentenza Simpson, l-Artikolu 19(1) TUE essenzjalment iħares ’il quddiem, sa fejn jikkonċerna l-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja ladarba jinħatar il-membru tal-ġudikatura.

57.

F’dan ir-rigward, huwa inutli li jiġi miċħud li l-politika kellha rwol – u xi drabi anki rwol deċiżiv – fil-ħatra ta’ membri tal-ġudikatura f’ħafna sistemi legali, inklużi dawk f’ħafna Stati Membri. Hawnhekk huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-esperjenza ta’ tnejn mill-iktar qrati prominenti u ta’ influwenza fid-dinja – jiġifieri l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti tal-Amerika u l-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża – li l-membri tagħhom kienu kważi kollha assoċjati ma’ partiti politiċi partikolari u ma’ tradizzjonijiet politiċi partikolari ( 30 ). Politiċi u ex politiċi jistgħu jkunu anki membri ex officio ta’ qrati kostituzzjonali ta’ Stati Membri (bħal fi Franza ( 31 )) jew bis-saħħa tal-liġi li tirregola l-qorti (bħal fil-każ tal-Qorti Kostituzzjonali Belġjana ( 32 )), jew minħabba li jkunu eletti minn membri ta’ parlament (bħal pereżempju fil-Ġermanja ( 33 ) jew, bħalma huwa parzjalment il-każ, fl-Italja ( 34 )), jew ħafna drabi sempliċement jinħatru tradizzjonalment bħala membri ta’ dawn il-qrati. Minkejja dan, ma hemm ebda dubju li dawn il-qrati kollha aġixxew konsistentement b’mod indipendenti fil-konfront tal-fergħat l-oħra tal-gvern.

2. Fuq is-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” u fuq is-sentenza A. K.

58.

Dan iwassalna direttament għall-kwistjoni ta’ x’inhuwa kopert mill-kunċett ta’ indipendenza ġudizzjarja. Illum ’il ġurnata huwa stabbilit li r-rekwiżit li l-qrati jkunu indipendenti għandu żewġ aspetti. L-ewwel aspett, ta’ natura esterna, jeżiġi li l-qorti kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet tagħha b’mod kompletament awtonomu, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi restrizzjoni ġerarkika, mingħajr ma tkun suġġetta għal xi korp ieħor u mingħajr ma tieħu ordnijiet jew istruzzjonijiet minn kwalunkwe sors, u li għalhekk tkun protetta minn interventi jew pressjoni esterni li jkunu jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju indipendenti tal-membri tagħha u jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħhom. It-tieni aspett, ta’ natura interna, huwa marbut mal-imparzjalità u huwa intiż li jiżgura li tinżamm distanza ugwali mill-partijiet fil-proċedura u mill-interessi rispettivi tagħhom fir-rigward tas-suġġett ta’ din il-proċedura. Dan l-aspett jeżiġi oġġettività u l-assenza ta’ kwalunkwe interess fl-eżitu tal-proċedura għajr l-applikazzjoni strett tad-dispożizzjoni legali ( 35 ).

59.

Għalkemm hawnhekk il-kwistjoni tal-imparzjalità ġudizzjarja ma hijiex direttament inkwistjoni, dan huwa xorta waħda kunċett marbut mill-qrib mal-kunċett ta’ indipendenza istituzzjonali. Il-kwistjoni ta’ indipendenza istituzzjonali kienet ġiet eżaminata b’mod konsistenti f’sensiela ta’ deċiżjonijiet kemm tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li jmorru lura għas-sentenza importanti tat-28 ta’ Ġunju 1984, Campbell u Fell vs Ir-Renju Unit (CE:ECHR:1984:0628JUD000781977), kif ukoll, iktar reċentement, f’sensiela ta’ deċiżjonijiet ewlenin tal-Qorti tal-Ġustizzja li jistgħu jmorru lura għas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117).

60.

Sa fejn il-parti l-kbira ta’ din il-ġurisprudenza hija miġbura u esposta fil-qosor fis-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” u fis-sentenza A. K., għall-finijiet tagħna jista’ jkun biżżejjed li jiġi eżaminat sempliċiment il-kunċett ta’ indipendenza kif diskuss mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn iż-żewġ sentenzi. Nipproponi li nibda b’analiżi tas-sentenza A. K.

61.

Fis-sentenza A. K. tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li:

“123 Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll [is-sentenza ‘Indipendenza tal-Qorti Suprema’], punt 74).

124 Barra minn hekk, konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li huwa karatteristika tal-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, għandha tiġi ggarantita l-indipendenza tal-qrati fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u tal-poter eżekuttiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2016, Poltorak, C‑452/16 PPU, EU:C:2016:858, punt 35).

125 F’dan id-dawl, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti kontra interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli msemmija fil-punt 123 ta’ din is-sentenza għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ struzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza [‘Indipendenza tal-Qorti Suprema’], punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[…]

127 Skont ġurisprudenza stabbilita [tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem], sabiex jiġi stabbilit jekk qorti hijiex “indipendenti”, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 6(1), għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-mod tal-ħatra u t-tul tal-mandat tal-membri tagħha, l-eżistenza ta’ protezzjoni kontra l-pressjonijiet esterni u l-kwistjoni ta’ jekk il-korp ikkonċernat għandux dehra ta’ indipendenza (Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata), filwaqt li huwa speċifikat, fir-rigward ta’ dan il-punt tal-aħħar, li din il-kwistjoni tikkonċerna l-fiduċja stess li kull qorti għandha tispira fl-individwi f’soċjetà demokratika (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 21 ta’ Ġunju 2011, Fruni vs Is‑Slovakkja, CE:ECHR:2011:0621JUD000801407, punt 141).

[…]

129 Kif enfasizzat repetutament il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dawn il-kunċetti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità oġġettiva huma marbuta mill-qrib ma’ xulxin, u dan ġeneralment iwassal sabiex jiġu eżaminati flimkien (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 150 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal dubji dwar jekk dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità oġġettiva kinux issodisfatti f’kawża partikolari, il-perspettiva ta’ parti għandha tittieħed inkunsiderazzjoni iżda ma għandhiex rwol deċiżiv. L-element determinanti huwa jekk it-tħassib inkwistjoni jistax jitqies li huwa oġġettivament iġġustifikat (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punti 193 u 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugall, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 147 u 152 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).”

62.

Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-fatt li ċerti mħallfin “inħatru mill-President tar-Repubblika ma huwiex ta’ natura li joħloq dipendenza min-naħa ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas ma huwa ta’ natura li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba maħtura, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom” ( 36 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi wissiet li “jibqa’ meħtieġ li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħhom fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni, ladarba jinħatru l-imħallfin ikkonċernati” ( 37 ). F’dan id-dawl, huwa importanti, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali jitfasslu b’mod li jiżgura li l-imħallfin ikunu protetti minn interventi jew pressjoni esterni li jkunu jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tagħhom ( 38 ).

63.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet billi osservat li l-eżistenza ta’ Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (magħruf bħala l-“KRS”), li kien jagħti parir lill-President Pollakk dwar l-idoneità ta’ kandidati partikolari sabiex jinħatru membri tal-ġudikatura, kienet tikkontribwixxi sabiex tagħmel il-proċess iktar oġġettiv u trasparenti, bil-kundizzjoni iżda li “l-imsemmi korp ikun huwa nnifsu suffiċjentement indipendenti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv u mill-awtorità li quddiemha jkun meħtieġ iressaq tali proposta ta’ ħatra (ara, b’analoġija, is-sentenza [‘Indipendenza tal-Qorti Suprema’], punt 116)” ( 39 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet billi għamlet riferiment għal kriterji li permezz tagħhom il-qorti tar-rinviju setgħet tevalwa hija stess l-indipendenza tal-KRS.

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja esprimiet sentimenti simili fis-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” tagħha. Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat l-isfond tal-kawża li wasslet għal din is-sentenza sabiex ikunu jistgħu jinftiehmu sew il-kuntest u l-portata tal-kummenti sussegwentement magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K. dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, f’moħħ l-individwi, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni.

65.

Il-kawża li wasslet għas-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” kienet tikkonċerna proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressqa mill-Kummissjoni, li kienet qiegħda ssostni li ċerti dispożizzjonijiet ta’ liġi Pollakka li kienu jippermettu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja jiddeċiedi jekk imħallef partikolari kellux jitħalla jibqa’ fil-kariga wara l-età normali tal-irtirar kienu jiksru l-garanziji ta’ indipendenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, filwaqt li deċiżjonijiet dwar l-età tal-irtirar tal-membri tal-ġudikatura jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, meta jagħżlu tali mekkaniżmu dawn l-Istati Membri huma obbligati jiżguraw li b’hekk ma tkunx kompromessa l-indipendenza ġudizzjarja.

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad kompliet billi qalet li l-fatt li l-“President tar-Repubblika għandu s-setgħa li jiddeċiedi jekk jagħtix jew le tali estensjoni eventwali ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex [jiġi konkluż] li kien hemm ksur ta’ dan il-prinċipju. Madankollu, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ikunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi f’moħħ il-partijiet fil-kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi kkonċernati” ( 40 ).

67.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonstatat li l-leġiżlazzjoni l-ġdida li tirregola l-Qorti Suprema Pollakka ma kinitx konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti sa fejn id-deċiżjoni jekk tingħatax tali estensjoni “issa hija suġġetta għal deċiżjoni mill-President tar-Repubblika li hija ta’ natura diskrezzjonali, peress li l-adozzjoni tagħha, bħala tali, ma hijiex suġġetta għal kwalunkwe kriterju oġġettiv u verifikabbli, u li ma għandhiex tkun immotivata. Barra minn hekk, tali deċiżjoni ma tistax tkun is-suġġett ta’ rimedju ġudizzjarju” ( 41 ).

68.

Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura Pollakk kien meħtieġ jagħti parir lill-President tar-Repubblika qabel ma huwa jadotta d-deċiżjoni tiegħu – proċess li ċertament ikkontribwixxa sabiex tiżdied l-oġġettività ta’ din il-proċedura – xorta jibqa’ l-fatt li l-liġi ma kienet tipprevedi ebda mekkaniżmu li kien jirrikjedi li l-opinjoni ta’ dan il-korp tingħataw“fuq il-bażi ta’ kriterji kemm oġġettivi kif ukoll rilevanti u tkun debitament immotivata, b’tali mod li tkun kapaċi [tkun kapaċi tagħti informazzjoni oġġettiva lil] din l-awtorità fit-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha” ( 42 ).

69.

Il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar nett ikkonkludiet li n-natura ta’ din is-setgħa diskrezzjonali mogħtija lill-President Pollakk li jestendi l-età tal-irtirar għal imħallfin speċifiċi kienet ta’ natura li “tagħti lok għal dubji leġittimi, b’mod partikolari f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward tal-fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom f’relazzjoni mal-interessi li x’aktarx jiltaqgħu magħhom” ( 43 ).

3. Fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinstiltu mis-sentenza A. K. u mis-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema”

70.

X’konklużjonijiet jistgħu jinstiltu minn dawn iż-żewġ sentenzi importanti? Mis-sentenza A. K. (u mill-ġurisprudenza preċedenti) jirriżulta li la d-dritt tal-Unjoni u lanqas, fil-fatt, il-KEDB ma jimponu xi forma ddeterminata a priori ta’ garanziji istituzzjonali maħsuba sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-membri tal-ġudikatura. Madankollu, dak li huwa importanti huwa, l-ewwel, li l-membri tal-ġudikatura għandhom ikunu ħielsa minn kull relazzjoni ta’ subordinazzjoni jew kontroll ġerarkiku mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv u, it-tieni, li l-membri tal-ġudikatura għandhom igawdu minn garanziji konkreti maħsuba li jipproteġuhom minn tali pressjonijiet esterni.

71.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biss jekk wieħed minn dawn l-aspetti tal-proċedura tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura jkollu difett ta’ natura u ta’ gravità tali li joħloq riskju reali li fergħat oħra tal-Istat – b’mod partikolari l-poter eżekuttiv – ikunu jistgħu jeżerċitaw setgħa diskrezzjonali indebita permezz ta’ ħatra li tmur kontra l-liġi, u b’hekk jippreġudikaw l-integrità tar-riżultat tal-proċess ta’ ħatra (u b’hekk jingħata lok għal dubju raġonevoli f’moħħ l-individwi dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-membru jew tal-membri tal-ġudikatura kkonċernati), li l-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni tista’ tmur kontra l-Artikolu 19(1) TUE ( 44 ).

72.

Għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-qrati tal-Istati Membri ma jeħtiġux biss regoli dwar il-ħatra tal-membri ta’ dawn il-qrati, iżda jeħtieġu wkoll regoli dwar il-kompożizzjoni tal-istanza, it-tul tal-kariga, il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, sabiex jiġi eskluż kull dubju raġonevoli, f’moħħ il-partijiet fil-kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni quddiemha ( 45 ). Fil-fatt, dawn il-kriterji huma importanti daqs il-proċedura ta’ ħatra nnifisha għaliex ir-“rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali sa fejn jiggarantixxi l-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni u l-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 2 TUE, u b’mod partikolari tal-valur tal-Istat tad-dritt” ( 46 ).

73.

Dan kollu jfisser li l-membri tal-ġudikatura għandhom igawdu minn awtonomija finanzjarja fil-konfront tal-poter eżekuttiv u tal-poter leġiżlattiv, b’tali mod, pereżempju, li s-salarji tagħhom ikunu jirriflettu n-natura tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom. Dan ifisser ukoll li dawn is-salarji ma għandhomx jitnaqqsu (ħlief mit-tassazzjoni ġeneralment applikabbli) matul il-mandat tagħhom. Madankollu, huwa possibbli għal Stat Membru li jnaqqas is-salarji tal-membri tal-ġudikatura bħala parti minn miżura ta’ emerġenza fil-qasam tat-tnaqqis tal-ispejjeż, bil-kundizzjoni li dan it-tnaqqis japplika b’mod ġenerali fi ħdan is-servizz pubbliku kollu, li t-tnaqqis ikun proporzjonat u li l-livelli tas-salarji inizjali jiġu stabbiliti mill-ġdid wara li tkun għaddiet il-kriżi fiskali li tiġġustifika din il-miżura ( 47 ).

74.

B’mod iktar importanti, karatteristika essenzjali tal-indipendenza ġudizzjarja hija li l-membri tal-ġudikatura għandhom jibbenefikaw ukoll minn protezzjoni suffiċjenti kontra t-tkeċċija, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet debitament iġġustifikati ( 48 ). Barra minn hekk, id-deċiżjoni li jitkeċċa membru tal-ġudikatura – kemm jekk din id-deċiżjoni tittieħed mill-poter eżekuttiv waħdu jew wara proċedura ta’ tneħħija mill-poter leġiżlattiv – għandha, bħala prinċipju, tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju. Fin-nuqqas ta’ dan, il-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja ftit li xejn ikollhom valur jekk il-poter eżekuttiv jew il-poter leġiżlattiv ikunu jistgħu jistaħbew wara silenzju mingħajr skrutinju u jsostnu li kwalunkwe deċiżjoni li jitneħħa membru tal-ġudikatura ma tkunx tista’ tiġi mistħarrġa minn qorti, u dan għaliex f’tali każ ma jkun hemm xejn li jwaqqaf it-tneħħija ta’ membru tal-ġudikatura għal raġuni li ma tkunx raġuni ġġustifikata ( 49 ).

75.

Fl-aħħar nett, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jfisser ukoll li s-sistema dixxiplinari li tirregola lil dawk li l-kompitu tagħhom huwa li jaqtgħu tilwim għandu jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u kemm is-sanzjonijiet effettivament applikabbli, li jipprevedu l-involviment ta’ korp indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati permezz ta’ proċeduri legali, jikkostitwixxu ġabra ta’ garanziji li huma essenzjali sabiex titħares l-indipendenza tal-ġudikatura ( 50 ).

76.

Ħarsa lejn il-proċeduri ta’ ħatriet ġudizzjarji attwalment viġenti fl-Istati Membri turi li hemm diversità fl-approċċi u fis-sistemi ta’ ħatra. Kif diġà indikajt, ma hemm xejn, la fl-Artikolu 19 TUE u lanqas fl-Artikolu 47 tal-Karta (u lanqas, barra minn hekk, fl-Artikolu 6 tal-KEDB), li jista’ jinftiehem li jimponi uniformità f’dan ir-rigward. Punt wieħed, iżda, huwa ċar: il-membri tal-ġudikatura huma maħtura u mhux eletti. Dan ifisser li, f’Unjoni bbażata fuq il-valuri tad-demokrazija u tal-Istat tad-dritt taħt l-Artikolu 2 TUE, il-membri tal-ġudikatura ma humiex – u ma jistgħux jinżammu – demokratikament responsabbli u lanqas ma jistgħu jingħataw xi rwol fit-tfassil tal-politika.

77.

Dan kollu għandu, min-naħa tiegħu, implikazzjonijiet għall-indipendenza ġudizzjarja. B’hekk, il-garanziji istituzzjonali li tkellimt dwarhom huma maħsuba sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-ġudikatura juru l-indipendenza meħtieġa mill-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv, mhux biss bil-kliem iżda wkoll bil-fatti. Madankollu, lil hinn mill-garanziji istituzzjonali meħtieġa, forsi l-iktar karatteristika kruċjali tal-indipendenza ġudizzjarja hija wkoll l-iktar waħda elużiva. Peress li l-membri tal-ġudikatura ma għandhomx mandat demokratiku, huma għalhekk għandhom juru indipendenza mis-sempliċi preferenzi politiċi u twemmin politiku suġġettiv personali tagħhom u, b’hekk, jibqgħu fidili lejn l-impenn solenni tagħhom li japplikaw il-liġi b’mod razzjonali b’riferiment għal prinċipji legali stabbiliti u mingħajr biża’ jew pjaċiri.

4. Fuq l-importanza relattiva ta’ korp indipendenti fil-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura u fuq il-garanziji eżistenti fil-Kostituzzjoni ta’ Malta

78.

Huwa minnu li, kif irrikonoxxut fis-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema”, l-eżistenza ta’ korpi indipendenti bħal kunsill ġudizzjarju nazzjonali jew kumitat dwar il-ħatriet ġudizzjarji tista’ tikkontribwixxi sabiex jiġi żgurat li l-proċedura tal-ħatriet ġudizzjarji (jew, bħal f’dik il-kawża, l-estensjoni tal-mandat ta’ mħallef partikolari) tkun oġġettiva u trasparenti. Bħala tali, għalhekk, l-eżistenza ta’ tali korpi tista’ tkun mixtieqa ħafna fiha nnifisha. Madankollu, mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K. jirriżulta b’mod ċar li l-eżistenza tagħhom ma tagħmilx parti mill-kontenut essenzjali tal-indipendenza ġudizzjarja meħtieġa mill-Artikolu 19 TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta. Qiegħed ngħid dan minkejja li, fis-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema”, il-Qorti tal-Ġustizzja tkellmet dwar l-importanza “li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet [ta’ ħatra] ikunu tali li ma jkunux jistgħu jagħtu lok għal dubji leġittimi” ( 51 ) dwar l-indipendenza tal-imħallfin partikolari kkonċernati. Madankollu, kif għadna kemm rajna, dawn il-kummenti saru fir-rigward ta’ ħatra li estendiet il-mandat f’kariga ġudizzjarja u mhux fir-rigward tal-ħatra ġudizzjarja stess. Għaldaqstant, għandu jerġa’ jingħad li l-Artikolu 19(1) TUE essenzjalment iħares ’il quddiem sa fejn huwa intiż li jiżgura li l-membri tal-ġudikatura, ladarba maħtura, igawdu minn garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza ġudizzjarja.

79.

Sabiex wasalt għal din il-konklużjoni ma injorajtx il-fatt li, fis-sentenza A. K., il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dan il-kliem ( 52 ) fil-kuntest ġenerali tal-ħatriet ġudizzjarji. Madankollu, ma naħsibx li b’hekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni, mingħajr żviluppi ulterjuri, li tissuġġerixxi, pereżempju, li s-sempliċi fatt li persuna li preċedentement kellha rabtiet mill-qrib ma’ partit politiku partikolari jew ma’ tradizzjoni politika partikolari sussegwentement inħatret membru tal-ġudikatura kien biżżejjed, fih innifsu, sabiex jixħet dubju dwar l-indipendenza ta’ dan il-membru tal-ġudikatura għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) TUE wara l-ħatra tiegħu f’din il-pożizzjoni. Sa dan il-punt, għalhekk, jiena għadni ma iniex konvint li l-Artikolu 19(1) TUE jħares lura, biex ngħid hekk, lejn il-pożizzjoni fis-seħħ qabel il-ħatra tal-membru tal-ġudikatura inkwistjoni.

80.

Jiena lanqas ma injorajt il-fatt li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement ikkonstatat ksur tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB f’kawża li daħlet inkwistjoni l-legalità ta’ proċess ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura ( 53 ). Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li din il-konstatazzjoni ma saritx minħabba li l-Ministru għall-Ġustizzja ma kinitx ħatret kandidati proposti mill-kumitat indipendenti kompetenti ta’ esperti – kif seta’ jsir taħt id-dritt nazzjonali. Għall-kuntrarju, din il-konstatazzjoni saret minħabba li l-Ministru għall-Ġustizzja ma kinitx issostanzjat b’mod suffiċjenti d-deċiżjoni tagħha li ma timxix mal-evalwazzjoni magħmula minn dan il-kumitat billi naqset milli twettaq eżami indipendenti taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kandidati għal dawn il-pożizzjonijiet ġudizzjarji u billi naqset milli tipprovdi raġunijiet adegwati għad-deċiżjoni tagħha li ma timxix mar-rakkomandazzjoni tal-kumitat ta’ esperti, li, kif kienet diġà kkonstatat il-Qorti Suprema tal-Islanda, kien jikkostitwixxi ksur tad-dritt nazzjonali Islandiż. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, dan kien jikkostitwixxi ksur serju li kien jaffettwa l-essenza stess tad-dritt għal “qorti stabbilita bil-liġi” ( 54 ).

81.

Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet kruċjali jibqgħu dwar jekk, minn perspettiva oġġettiva, membru tal-ġudikatura nazzjonali jgawdix minn garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza istituzzjonali u minn protezzjoni kontra t-tneħħija mill-kariga b’tali mod li – kif osservat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza A. K. – dan il-membru tal-ġudikatura jkun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod li jkun kompletament awtonomu u ħieles minn kwalunkwe subordinazzjoni għal direzzjoni jew kontroll mill-poter eżekuttiv jew mill-poter leġiżlattiv.

82.

Għalkemm fl-aħħar mill-aħħar l-evalwazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet għandha titwettaq mill-qorti tar-rinviju, jidher li, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 97 u 100 tal-Kostituzzjoni, il-membri tal-ġudikatura effettivament igawdu minn salvagwardji kunsiderevoli kontra t-tneħħija mill-kariga, ħlief fil-każ ta’ inkapaċità jew imġiba ħażina. Fir-rigward tal-protezzjoni mit-tneħħija mill-kariga tal-imħallfin u tal-maġistrati f’Malta, il-Kostituzzjoni tipprovdi li dawn għandhom jivvakaw il-kariga tagħhom meta jagħlqu l-età ta’ 65 sena u ma jistgħux jitneħħew qabel jilħqu din l-età, ħlief mill-President wara indirizz mill-Kamra tad-Deputati li jkollu favur tiegħu l-vot ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri tagħha u li jitlob għal dik it-tneħħija minħabba inkapaċità ppruvata li jaqdu l-funzjonijiet tal-kariga tagħhom (kemm jekk għal mard korporali jew mentali jew għal xi raġuni oħra) jew minħabba imġiba ħażina ppruvata ( 55 ).

83.

Barra minn hekk, is-sistema dixxiplinari applikabbli skont il-Kostituzzjoni tidher li toffri l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tintuża bħala sistema għal kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, il-korp li għandu kompetenza esklużiva sabiex jeżerċita dixxiplina fuq l-imħallfin u l-maġistrati huwa sottokumitat tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kompost minn tliet membri tal-ġudikatura eletti minn fost l-imħallfin u l-maġistrati, li għandhom jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u li ma humiex suġġetti għad-direzzjoni jew il-kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra ( 56 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 101B tal-Kostituzzjoni jipprevedi proċedura li tiggarantixxi li l-imħallef jew il-maġistrat li kontrih jinfetħu proċeduri jkollu l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u li jinstema’ waqt smigħ, bl-assistenza ta’ avukat jew ta’ prokuratur legali. L-istess dispożizzjoni tiddefinixxi wkoll l-aġir li jikkostitwixxi ksur suġġett għal miżuri dixxiplinari b’riferiment għall-Kodiċi tal-Etika għall-Membri tal-Ġudikatura u s-sanzjonijiet effettivament applikabbli.

84.

Huwa minnu li, b’differenza mill-kostituzzjonijiet ta’ ċerti Stati Membri oħra ( 57 ), il-Kostituzzjoni ta’ Malta ma fihiex dikjarazzjoni espliċita fis-sens li l-membri tal-ġudikatura għandhom ikunu indipendenti fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tista’ tqis li dan huwa neċessarjament impliċitu fil-kliem tal-Artikolu 97 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. Fi kwalunkwe każ, l-assenza ta’ tali garanzija espliċita ma hijiex fatali fiha nnifisha jekk, kif jidher li huwa l-każ, il-membri tal-ġudikatura Maltin mill-bqija jgawdu minn garanziji istituzzjonali u kostituzzjonali b’saħħithom oħra maħsuba sabiex tiġi promossa l-indipendenza ġudizzjarja.

85.

Dan jgħodd ukoll sa fejn hija kkonċernata l-awtonomija finanzjarja. Skont il-Gvern Malti, l-imħallfin u l-maġistrati f’Malta jirċievu remunerazzjoni li hija konformi mal-ogħla skala tas-salarju fis-servizz pubbliku Malti, b’tali mod li ma jidhirx li l-awtonomija finanzjarja tal-membri tal-ġudikatura Maltin hija mhedda. Lanqas ma hemm xi inferenza li dawn is-salarji kienu jew jistgħu jiġu mittiefsa b’mod li jista’ jhedded l-indipendenza ġudizzjarja.

5. Kummenti finali dwar l-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezia

86.

Qabel ngħaddi sabiex nikkonkludi dwar it-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li nikkunsidra l-impatt tal-Opinjoni Nru 940/2019 tal-Kummissjoni ta’ Venezia fuq din il-kawża. Fil-fatt, parti essenzjali mill-kawża tar-rikorrenti hija msejsa fuq ir-rakkomandazzjonijiet magħmula f’din l-opinjoni.

87.

L-ewwel, ir-rikorrenti tinvoka l-Opinjoni Nru 940/2019 tal-Kummissjoni ta’ Venezia insostenn tal-azzjoni tagħha sabiex tiġi ddikjarata invalida l-proċedura ta’ ħatra ġudizzjarja kkontestata b’riferiment għall-Artikolu 19(1) TUE. F’din l-opinjoni, il-Kummissjoni ta’ Venezia osservat li l-emendi kostituzzjonali tal-2016, li introduċew il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, kienu pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda ma jiżgurawx kompletament l-indipendenza ġudizzjarja, u li kienu meħtieġa passi ulterjuri ( 58 ).

88.

Għalkemm għandha manifestament valur kbir meta tiġi evalwata l-validità ta’ proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, tali opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia ma tistax, madankollu, titqies li taqta’ l-kwistjoni tal-legalità għall-finijiet tal-Artikolu 19(1) TUE. Kif osserva reċentement l-Avukat Ġenerali Bobek, “[b]ħala kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, dawn ir-rapporti huma […] sors utli ta’ informazzjoni” ( 59 ). Fil-fatt, l-analiżi tal-Kummissjoni ta’ Venezia hija essenzjalment analiżi politika, għalkemm immexxija minn analiżi legali u politika avvanzata. L-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia hija intiża li tintlaħaq sistema ideali. Huwa fid-dawl ta’ dan il-għan li l-Kummissjoni ta’ Venezia għamlet rakkomandazzjonijiet għat-titjib tas-sistema ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura fis-seħħ f’Malta, li jikkonċernaw, fost oħrajn, il-kompożizzjoni tal-Kumitat dwar il-Ħatriet Ġudizzjarji u s-saħħa vinkolanti tal-proposta li dan għandu jagħmel lill-President ta’ Malta (u mhux lill-Prim Ministru) ( 60 ).

89.

Kif indika ex Membru tal-Kummissjoni ta’ Venezia, l-istandards ta’ azzjoni ddeterminati mill-Kummissjoni ta’ Venezia għandhom ukoll iħarsu l-libertà ta’ għażla u l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-pajjiżi inkwistjoni. Għaldaqstant, l-opinjonijiet tagħha ma jistgħux jiġu espressi fil-forma ta’ regoli riġidi, anki jekk il-flessibbiltà ta’ ċerti standards tista’ tkun parzjalment korretta permezz ta’ konvenzjonijiet internazzjonali bħalma hija l-KEDB meta jkunu inkwistjoni l-istruttura u l-indipendenza tal-ġudikatura ( 61 ). Kif indikat il-Kummissjoni ta’ Venezia stess fl-Opinjoni Nru 940/2018 tagħha, ma hemmx “mudell” wieħed li jkun konformi b’mod ideali mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u li jiżgura l-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura ( 62 ).

90.

It-tieni, il-proposti tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura ma humiex vinkolanti skont il-Kostituzzjoni tal-2016 u jidher li d-deċiżjonijiet ta’ ħatra ma humiex meqjusa li jistgħu jiġu mistħarrġa mill-qrati Maltin. Fil-fatt, f’dan ir-rigward nosserva li, kif ikkonferma r-rappreżentant tal-Gvern Malti matul is-seduta, attwalment f’Malta hija disponibbli biss l-actio popularis. Madankollu, kif osservat Repubblika b’reazzjoni għal dan, dan ir-rimedju huwa sempliċement mezz sabiex tiġi kkontestata l-kostituzzjonalità ta’ liġi u ma hijiex proċedura li tippermetti skrutinju tal-validità ta’ ħatra ġudizzjarja individwali. Jekk xi darba tqum il-kwistjoni ta’ mħallef individwali maħtur b’mod illegali, f’dan il-każ il-qrati Maltin ikunu obbligati, taħt l-Artikolu 19(1) TUE, li jipprovdu rimedju adegwat sabiex jiġi żgurat li din il-ħatra tkun tista’ tiġi kkontestata b’mod effettiv. Peress li sal-lum il-ġurnata ma jidhirx li qatt qamet kwistjoni bħal din quddiem il-qrati Malti, huwa forsi inutli li nikkunsidrawha f’iktar dettall, dejjem sakemm ma tqumx, xi darba, tali kwistjoni. Barra minn hekk, jekk il-Prim Ministru xi darba jagħżel li ma jimxix mal-proposta tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, huwa jkun obbligat, skont il-Kostituzzjoni, li jagħti r-raġunijiet għall-għażla tiegħu f’dikjarazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali u li jagħmel dikjarazzjoni fil-Kamra tad-Deputati fiż-żmien stipulat sabiex jispjega l-għażla tiegħu li ma jimxix mar-rakkomandazzjoni ( 63 ).

91.

Barra minn hekk, l-Artikolu 96A(4) tal-Kostituzzjoni jiggarantixxi li, fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, il-membri tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura jaġixxu skont il-ġudizzju individwali tagħhom u ma humiex suġġetti għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ xi persuna jew awtorità oħra. Barra minn hekk, il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura jagħti l-parir tiegħu fuq il-bażi ta’ kriterji stabbiliti f’deċiżjoni li tiġi ppubblikata, kif jeżiġi l-Artikolu 96A(8) tal-Kostituzzjoni ( 64 ) u l-ħatriet huma bbażati fuq kriterji oġġettivi – bħalma hija l-esperjenza bħala avukat – stabbiliti fil-Kostituzzjoni ( 65 ).

92.

Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia tista’ titqies fis-sens li tagħmel rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ sistema iktar sħiħa ta’ trasparenza u ta’ sistema ta’ ħatra ġudizzjarja bbażata fuq il-mertu. Għalkemm dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu mixtieqa fihom infushom, il-fatt li s-sistema Maltija ma tissodisfax kompletament dawn l-istandards ma jfissirx, fih innifsu, li l-membri tal-ġudikatura Maltin ma jgawdux, teoretikament u konkretament, minn garanziji ta’ indipendenza li huma suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tal-Artikolu 19 TUE.

6. Konklużjoni dwar it-tieni domanda

93.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, ma jipprekludix dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-poter eżekuttiv jew wieħed mill-membri tiegħu, bħall-Prim Ministru, ikollu rwol fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura.

94.

Għalkemm ma huwiex, ex ante, preskrittiv, la fir-rigward tal-kundizzjonijiet partikolari tal-ħatra u lanqas fir-rigward tan-natura tal-garanziji partikolari li jgawdu l-membri tal-ġudikatura tal-Istati Membri, l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, xorta waħda jeżiġi, bħala minimu, li dawn il-membri tal-ġudikatura jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza. Dak li huwa importanti għall-finijiet tal-Artikolu 19 TUE huwa li l-membri tal-ġudikatura għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe relazzjoni ta’ subordinazzjoni jew kontroll ġerarkiku mill-poter eżekuttiv jew mill-poter leġiżlattiv. Il-membri tal-ġudikatura għandhom igawdu minn awtonomija finanzjarja fil-konfront tal-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv, b’tali mod li s-salarji tagħhom ma jkunux mittiefsa (ħlief permezz ta’ tassazzjoni applikabbli b’mod ġenerali jew permezz ta’ miżuri ta’ tnaqqis ta’ salarji applikabbli b’mod ġenerali u proporzjonat) matul il-mandat tagħhom. Huwa importanti wkoll li l-membri tal-ġudikatura jgawdu minn protezzjoni suffiċjenti kontra t-tkeċċija, sakemm ma jkunx hemm raġuni ġġustifikata, u s-sistema dixxiplinari tagħhom għandha tinkludi l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

95.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk dawn il-garanziji effettivament jeżistux.

D.   Fuq it-tielet domanda

96.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fl-eventwalità li l-poter tal-Prim Ministru jitqies li huwa inkompatibbli mal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta, dan il-fatt għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-ħatriet futuri jew jekk jaffettwax ukoll il-ħatriet preċedenti. Effettivament, din id-domanda tqajjem il-kwistjoni tal-limitazzjoni ratione temporis tal-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ li l-qorti tar-rinviju tikkonkludi, fi tmiem l-analiżi tagħha, li l-proċedura tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur kontra l-Artikolu 19(1) TUE, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza li ser tingħata.

97.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tiddefinixxi t-tifsira u l-portata ta’ din id-dispożizzjoni hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan isegwi li d-dispożizzjoni interpretata b’dan il-mod tista’, u għandha, tiġi applikata mill-qrati anki fir-rigward ta’ relazzjonijiet legali maħluqa u stabbiliti qabel is-sentenza li tagħti deċiżjoni dwar talba għal interpretazzjoni, bil-kundizzjoni li jkunu ssodisfatti wkoll il-kundizzjonijiet dwar it-tressiq ta’ tilwima li tikkonċerna l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni quddiem il-qrati kompetenti ( 66 ).

98.

Huwa biss f’każijiet pjuttost eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha, b’applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita, għal kwalunkwe persuna kkonċernata, il-possibbiltà li tinvoka dispożizzjoni interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja bil-għan li ddaħħal inkwistjoni relazzjonijiet legali stabbiliti in bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tiġi imposta, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri li dawk ikkonċernati jkunu aġixxew in bona fide u li jkun hemm riskju ta’ diffikultajiet serji ( 67 ).

99.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ tali interpretazzjoni tista’ tiġi ammessa biss fl-istess sentenza li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni mitluba ( 68 ). F’dan id-dawl, għandu jiġi osservat li din il-kawża tittratta għall-ewwel darba l-kwistjoni ta’ jekk proċedura nazzjonali ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura hijiex suġġetta għall-Artikolu 19(1) TUE u, fl-affermattiv, sa fejn hija hekk suġġetta.

100.

Fir-rigward tal-kundizzjoni marbuta mal-bona fide, jistgħu jiġu enfasizzati tliet elementi. L-ewwel, din il-kawża x’aktarx ser tikkostitwixxi evoluzzjoni fl-interpretazzjoni tal-portata tal-Artikolu 19(1) TUE sa fejn tirrigwarda proċedura ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura, u dan fil-kuntest ta’ ġurisprudenza relattivament reċenti, mibdija bis-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117). It-tieni, is-sistema ta’ ħatra fis-seħħ qabel ir-riforma tal-Kostituzzjoni fl-2016 kienet simili għal dik ikkontestata fil-kawża prinċipali, bl-eċċezzjoni tal-involviment tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura. Madankollu, sabiex saret Membru tal-Unjoni, Malta kellha neċessarjament tosserva l-valuri msemmija fl-Artikolu 2 TUE ( 69 ) u kellha tissodisfa l-“kriterji ta’ Kopenħagen” adottati mill-Kunsill Ewropew tal-21 u tat-22 ta’ Ġunju 1993 ( 70 ), li jimplika, bis-saħħa tal-kriterju politiku, eżami strett tal-osservanza tal-Istat tad-dritt u poter ġudizzjarju b’saħħtu, effettiv, indipendenti, imparzjali u responsabbli ( 71 ). It-tielet, għalkemm fir-Rapport tal-Pajjiż ta’ Malta 2019 ( 72 ) il-Kummissjoni, b’riferiment għall-Opinjoni Nru 940/2018 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, indikat li s-sistema ġudizzjarja Maltija qiegħda taffaċċja għadd ta’ sfidi u li r-riformi reċenti għadhom ma żgurawx b’mod sħiħ l-indipendenza tal-ġudikatura ( 73 ), hija ma kkunsidratx li kien meħtieġ li tiftaħ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Malta fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE ( 74 ).

101.

Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, dawn iċ-ċirkustanzi jidhru li raġonevolment wasslu lill-awtoritajiet ikkonċernati f’Malta jqisu li l-proċedura kkontestata ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura kienet konformi mad-dritt tal-Unjoni ( 75 ).

102.

Fir-rigward tar-riskju ta’ diffikultajiet serji, għandu jingħad li, f’din is-sitwazzjoni, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża tikkonċerna d-dritt għal rimedju effettiv u r-regolarità tal-kompożizzjoni tal-qrati nazzjonali.

103.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa manifest li, jekk il-qorti tar-rinviju tikkonkludi, fuq il-bażi tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura fis-seħħ f’Malta kienet kuntrarja għall-Artikolu 19(1) TUE, dan ser iwassal inevitabbilment għal tħassib serju fir-rigward taċ-ċertezza legali li jista’ jaffettwa l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja fl-intier tagħha. Fil-fatt, f’tali każ, dawn id-diffikultajiet ma jaffettwawx biss il-kapaċità tal-membri tal-ġudikatura li jaqtgħu l-kawżi pendenti iżda jkollhom impatt ukoll, kif indika ġustament il-Gvern Malti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, fuq il-kapaċità tas-sistema ġudizzjarja li tiġġestixxi l-volum ta’ kawżi pendenti b’lura li qiegħda taffaċċja Malta. Fl-aħħar nett, tali deċiżjoni x’aktarx taffettwa l-istatus ta’ res judicata tal-kawżi ttrattati mill-qrati Maltin fil-passat. Madankollu, dan il-prinċipju ta’ res judicata huwa ta’ importanza partikolari, kemm fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u kemm fis-sistemi legali nazzjonali. Fil-fatt, sabiex jiġu żgurati kemm l-istabbiltà tal-liġi u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jkunu saru finali wara l-eżawriment tar-rimedji legali kollha jew wara l-iskadenza tat-termini previsti f’dan ir-rigward ma jkunux jistgħu jerġgħu jiddaħħlu inkwistjoni ( 76 ).

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk tal-fehma li r-risposta għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura ma tistax tiddaħħal inkwistjoni taħt l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, insostenn ta’ talbiet imressqa qabel id-data tas-sentenza li ser tingħata.

VI. Konklużjoni

105.

Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Qorti Ċivili Prim’Awla - Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali (Malta):

(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, huwa applikabbli meta qorti nazzjonali tkun qiegħda tevalwa l-validità ta’ proċedura ta’ ħatra ta’ membri tal-ġudikatura bħal dik prevista fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.

(2)

L-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludix dispożizzjonijiet kostituzzjonali nazzjonali li bis-saħħa tagħhom il-poter eżekuttiv jew wieħed mill-membri tiegħu, bħall-Prim Ministru, ikollu rwol fil-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura. Għalkemm ma huwiex, ex ante, preskrittiv, la fir-rigward tal-kundizzjonijiet partikolari tal-ħatra u lanqas fir-rigward tan-natura tal-garanziji partikolari li jgawdu l-membri tal-ġudikatura tal-Istati Membri, l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, xorta waħda jeżiġi, bħala minimu, li dawn il-membri tal-ġudikatura jgawdu minn garanziji ta’ indipendenza. Dak li huwa importanti għall-finijiet tal-Artikolu 19 TUE huwa li l-membri tal-ġudikatura għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe relazzjoni ta’ subordinazzjoni jew kontroll ġerarkiku mill-poter eżekuttiv jew mill-poter leġiżlattiv. Il-membri tal-ġudikatura għandhom igawdu minn awtonomija finanzjarja fil-konfront tal-poter eżekuttiv u mill-poter leġiżlattiv, b’tali mod li s-salarji tagħhom ma jkunux mittiefsa (ħlief permezz ta’ tassazzjoni applikabbli b’mod ġenerali jew permezz ta’ miżuri ta’ tnaqqis ta’ salarji applikabbli b’mod ġenerali u proporzjonat) matul il-mandat tagħhom. Huwa importanti wkoll li l-membri tal-ġudikatura jgawdu minn protezzjoni suffiċjenti kontra t-tneħħija mill-kariga, sakemm ma jkunx hemm raġuni ġġustifikata, u s-sistema dixxiplinari tagħhom għandha tinkludi l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

(3)

Il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura ma tistax tiddaħħal inkwistjoni taħt l-Artikolu 19(1) TUE, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, insostenn ta’ talbiet imressqa qabel id-data tas-sentenza li ser tingħata.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) CDL-AD(2018)028.

( 3 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punti 4748).

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales (C‑118/08, EU:C:2010:39, punt 23), u tad-19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 132) (iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K”).

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward ta’ rimedju dikjaratorju, is-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2018, Wightman et (C‑621/18, EU:C:2018:999, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 6 ) Punt 45.

( 7 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 29); “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 50); u tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 33).

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi “Indipendenza tal-Qorti Suprema”, (punt 52); tal-5 ta’ Novembru 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 102); A. K. (punt 75); u tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 36).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40); “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 51); A. K. (punt 83); u tas-26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 34).

( 10 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 100101). Ara wkoll Krajeswki, M., u Ziółkowski, M., “EU judicial independence decentralized: A. K.”, Common Market Law Review, Vol. 57, 2020, p. 1107 sa 1138, b’mod partikolari p. 1121.

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 36). Ara wkoll, Badet, L., “À propos de l’article 19 du Traité sur l’Union européenne, pierre angulaire de l’action de l’Union européenne pour la sauvegarde de l’État de droit”, Cahiers de droit européen, 2020, p. 57 sa 106, b’mod partikolari p. 75 u 76.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, Pauliat, H., “Abaissement de l’âge de la retraite des magistrats: une atteinte à l’indépendance de la justice reconnue en Pologne”, La Semaine Juridique – Édition générale, numéro 29, 2019, p. 1424 sa 1428, b’mod partikolari p. 1427.

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 35).

( 14 ) Ara, f’dan is-sens, il-punti 44 sa 52, imqabbla mal-pożizzjoni meħuda mill-Avukat Ġenerali Wathelet fil-punti 51 sa 67 tal-konklużjonijiet fl-istess kawża (Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:2). Dan ġie reċentement ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja kontra talbiet għal informazzjoni taħt id-dritt fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 55).

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, SO u Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” (C‑83/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punti 198 sa 202, b’mod partikolari l-punt 201).

( 16 ) Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund (C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 44); tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko (C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 30); tas-27 ta’ Settembru 2017, Puškár (C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 58); u tas-6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Protezzjoni ġudizzjarja kontra talbiet għal informazzjoni fil-qasam fiskali) (C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 47).

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, Hofmann, H. Ch., “Article 47 – Specific Provisions (Meaning)”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights – A Commentary, Hart Publishing, 2014, p. 1197 sa 1275, b’mod partikolari l-punt 47.50.

( 19 ) Punt 85. Ara wkoll García-Valdecasas Dorrego, M.-J., “El Tribunal de Justicia, centinela de la independencia judicial desde la sentencia Associação Sindical dos Juízes Portugueses (ASJP)”, Revista Epañola de Derecho Europeo, Vol. 72, 2019, p. 75 sa 96, b’mod partikolari p. 86.

( 20 ) Sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 54, enfasi miżjuda). Ara wkoll, bħala eżempju tal-użu tal-Artikolu 47 tal-Karta fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 19(1) TUE, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 4041), u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53, flimkien mal-punti 50 u 52).

( 21 ) Ara, f’dan is-sens, Badet, L., “À propos de l’article 19 du Traité sur l’Union européenne, pierre angulaire de l’action de l’Union européenne pour la sauvegarde de l’État de droit”, Cahiers de droit européen, 2020, p. 57 sa 106, b’mod partikolari p. 63, 64 u 72; Bonellli, M., u Claes, M., “Judicial serendipity: how Portuguese judges came to rescue of the Polish judiciary”, European Constitutional Law Review, Vol. 14, 2018, p. 622 sa 643, b’mod partikolari p. 635.

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punti 7374, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iċċitata).

( 24 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. (punt 130), u l-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ċċitata). Ara, għal applikazzjoni reċenti oħra ta’ dan il-prinċipju, Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144); u EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs l-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punt 215).

( 25 ) Definizzjoni ta’ “council for judiciary” (“kunsill għall-ġudikatura”) mogħtija fil-punt 26 tar-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12 (“Judges: independence, efficiency and responsibilities”) adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fis-17 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni CM/Rec(2010)12”).

( 26 ) Ara, b’mod ġenerali, Caroll McNeill, J., The Politics of Judicial Selection in Ireland, Four Courts Press, Dublin, 2016.

( 27 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Bobek, M., u Kosař, D., “Global Solutions, Local Damages: A Critical Study in Judicial Councils in Central and Eastern Europe”, German Law Journal, Vol. 19, Nru 7, 2020, p. 1257 sa 1292, b’mod partikolari p. 1267 u 1268.

( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. (punt 133). Ara wkoll, fl-istess sens iżda b’rabta mar-rwol tal-awtoritajiet leġiżlattivi fil-proċess ta’ ħatra ta’ membru tal-ġudikatura, is-sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 54).

( 29 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 75).

( 30 ) Dan kien ukoll il-każ għal ċerti sistemi legali/ġudizzjarji oħra. Ara, pereżempju, Caroll McNeill, J., The Politics of Judicial Selection in Ireland, Four Courts Press, Dublin, 2016, p. 107 sa 110. F’ġenerazzjonijiet preċedenti, il-politika tal-partiti kellha rwol importanti ħafna fis-sistema Britannika ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura. B’hekk, f’ittra lil-Lord Chancellor Halsbury f’Settembru 1897, il-Prim Ministru Britanniku ta’ dak iż-żmien (l-Earl of Salisbury) tkellem mingħajr riżervi dwar l-“unwritten law of our party system […] that party claims should always weigh very heavily in the disposal of the highest legal appointments […] Perhaps it is not an ideal system – some day no doubt [senior judges] will be appointed by competitive examination in the Law Reports, but it is our system for the present […]” (Heuston, R., Lives of the Lord Chancellors 1885-1940, Oxford, 1964, p. 52).

( 31 ) Skont l-Artikolu 56(2) tal-Kostituzzjoni ta’ Franza, l-ex Presidenti tar-Repubblika huma membri tal-Conseil constitutionnel (il-Kunsill Kostituzzjonali) għal għomorhom.

( 32 ) Skont l-Artikolu 34(1) u (2) tal-Liġi Speċjali tas-6 ta’ Jannar 1989 dwar il-Qorti Kostituzzjonali, sabiex jinħatru fil-Qorti Kostituzzjonali, nofs l-imħallfin għandhom ikunu kienu membri tas-Senat, tal-Kamra tar-Rappreżentanti jew ta’ Parlament Komunitarju jew Reġjonali għal mill-inqas ħames snin.

( 33 ) Skont l-Artikolu 94 tal-Grundgesetz (il-Liġi Fundamentali), nofs il-membri tal-Qorti Kostituzzjonali Federali għandhom jiġu eletti mill-Bundestag (il-Parlament Federali, il-Ġermanja) u nofs mill-Bundesrat (il-Kunsill Federali, il-Ġermanja). Dawn ma jistgħux ikunu membri tal-Bundestag, tal-Bundesrat, tal-Gvern Federali jew ta’ xi wieħed mill-korpi korrispondenti ta’ Land.

( 34 ) Skont l-Artikolu 135 tal-Kostituzzjoni tal-Italja, il-Qorti Kostituzzjonali għandha tkun komposta minn ħmistax-il imħallef, li terz minnhom jinħatru mill-President tar-Repubblika, terz mill-Parlament f’seduta konġunta u terz mill-qrati supremi ordinarji u amministrattivi.

( 35 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punti 49 sa 52), u A. K. (punti 121 u 122, u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Punt 133.

( 37 ) Punt 134.

( 38 ) Ara, f’dan is-sens, il-punt 135, li jirreferi għall-punt 125 ikkwotat iktar ’il fuq.

( 39 ) Punt 138.

( 40 ) Punt 111.

( 41 ) Punt 114.

( 42 ) Punt 116.

( 43 ) Punt 118.

( 44 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il-‑Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232, punt 75).

( 45 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66); tal-24 ta’ Ġunju 2019, Indipendenza tal-Qorti Suprema (punt 74); tal-5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 111); A. K. (punt 123); tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punt 63); tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232, punt 71), u tad-9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen (C‑272/19, EU:C:2020:535, punt 52). Għall-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, ara Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2018, Thiam vs Franza (CE:ECHR:2018:1018JUD008001812, punt 59), u tas-6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144).

( 46 ) Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 58); tal-5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 106); A. K. (punt 120), u tas-26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson u HG vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑542/18 RX II u C‑543/18 RX II, EU:C:2020:232, punt 71).

( 47 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punti 45 sa 51).

( 48 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 76), u s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2020, Banco de Santander (C‑274/14, EU:C:2020:17, punti 58 sa 60).

( 49 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza “Indipendenza tal-Qorti Suprema” (punt 114); Qorti EDB, 23 ta’ Ġunju 2016, Baka vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:0623JUD002026112, punt 121), u Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il-Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 212 sa 214).

( 50 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67).

( 51 ) Punt 111.

( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. K. (punt 134).

( 53 ) Ara Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Gutrouvés mundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418).

( 54 ) Qorti EDB, 1 ta’ Diċembru 2020, Guðmundur Andri Ástráðsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2020:1201JUD002637418, punti 254 u 263 sa 267). Għal finijiet ta’ kompletezza, għandu jingħad li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kkonstatat ukoll li l-Parlament kien kiser ir-regoli dwar il-votazzjoni applikabbli fir-rigward tal-proċedura ta’ ħatra inkwistjoni (ara l-punt 271).

( 55 ) Ara l-Artikolu 97(1) u (2) tal-Kostituzzjoni fil-każ tal-imħallfin tal-qrati superjuri u l-Artikolu 100(3) u (4) tal-Kostituzzjoni fir-rigward tal-maġistrati tal-qrati inferjuri.

( 56 ) Ara l-Artikolu 101B(1) u (15) tal-Kostituzzjoni.

( 57 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 97(1) tal-Liġi Fundamentali Ġermaniża tal-1949; l-Artikolu 104(1) tal-Kostituzzjoni tal-Italja; l-Artikolu 203 tal-Kostituzzjoni tal-Portugall; u l-Artikolu 35.4.1 tal-Kostituzzjoni tal-Irlanda tal-1937.

( 58 ) Opinjoni Nru 940/2018, punt 43.

( 59 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawżi magħquda Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România”, SO u Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” u Asociaţia “Mişcarea pentru Apărarea Statutului Procurorilor” (C‑83/19, C‑291/19 u C‑355/19, EU:C:2020:746, punt 170).

( 60 ) Opinjoni Nru 940/2018, punt 44.

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, Bartole, S., “Final remarks: the role of the Venice Commission”, Review of Central and East European Law, Vol 3, 2000, p. 351 sa 363, b’mod partikolari p. 355.

( 62 ) Opinjoni Nru 940/2018, punt 30.

( 63 ) Ara l-Artikolu 96(4) tal-Kostituzzjoni fil-każ tal-imħallfin tal-qrati superjuri u l-Artikolu 100(6) tal-Kostituzzjoni fil-każ tal-maġistrati tal-qrati inferjuri.

( 64 ) Skont l-Artikolu 96A(8) tal-Kostituzzjoni, il-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura “jirregola l-proċedura tiegħu stess u jkollu d-dmir li, bi qbil mal-Ministru responsabbli għall-ġustizzja, jippubblika l-kriterji li fuqhom isiru l-evalwazzjonijiet”. Dawn il-kriterji huma disponibbli fuq is-sit internet tal-Ministru għall-Ġustizzja (https://justice.gov.mt/en/justice/Pages/criteria-for-appointment-to-the-judiciary.aspx).

( 65 ) Ara l-Artikolu 96(2) tal-Kostituzzjoni fil-każ tal-imħallfin tal-qrati superjuri u l-Artikolu 100(2) tal-Kostituzzjoni fil-każ tal-maġistrati tal-qrati inferjuri.

( 66 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Manea (C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat-23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 54).

( 67 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ April 2015, Manea (C‑76/14, EU:C:2015:216, punt 54), u tat-23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 56).

( 68 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36), u tat-23 ta’ April 2020, Herst (C‑401/18, EU:C:2020:295, punt 57).

( 69 ) Artikolu 49 TUE.

( 70 ) Konklużjonijiet tal-Presidenza, il-Kunsill Ewropew f’Kopenħagen (21 u 22 ta’ Ġunju 1993).

( 71 ) Ara, f’dan is-sens, Lazarova-Déchaux, G., “L’exigence de qualité de la justice dans la nouvelle stratégie d’élargissement de l’Union européenne”, Revue du droit public, Nru 3, 2015, p. 729 sa 759, b’mod partikolari p. 731 u 737; Bobek, M., u Kosař, D., “Global Solutions, Local Damages: A Critical Study in Judicial Councils in Central and Eastern Europe”, German Law Journal, Vol. 19, Nru 7, 2020, p. 1257 sa 1292, b’mod partikolari p. 1275. Ir-rekwiżit ta’ “istituzzjonijiet demokratiċi u awtoritajiet […] ġudizzjarji indipendenti” jidher b’mod ċar fl-“Aġenda 2000 – Vol. 1: Għal Unjoni iktar b’saħħitha u usa’” (COM (2000) 97 final) (ara l-p. 43 tal-verżjoni bl-Ingliż; enfasi miżjuda).

( 72 ) SWD(2019) 1017 final.

( 73 ) Ara, f’dan is-sens, it-Titolu 3.4.3, Il-kwalità tal-governanza/tal-istituzzjonijiet, p. 40.

( 74 ) Nosserva wkoll li, fil-kapitolu dwar Malta fir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni tiddikjara, fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja f’Malta, li l-Gvern Malti kien issottometta sensiela ta’ proposti għal riformi, inkluż fir-rigward tas-sistema tal-ħatriet ġudizzjarji, li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-indipendenza ġudizzjarja (Ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt, Kapitolu għall-pajjiż dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt f’Malta (SWD (2020) 317 final, p. 2).

( 75 ) Ara, f’dan is-sens (dwar l-impatt tal-assenza ta’ proċedura dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni fl-evalwazzjoni tal-bona fide ta’ Stat Membru), is-sentenza tat-8 ta’ April 1976, Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punt 73).

( 76 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2015, Târșia (C‑69/14, EU:C:2015:662, punt 28), u tal-24 ta’ Ottubru 2018, XC et (C‑234/17, EU:C:2018:853, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).