KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit‑22 ta’ April 2021 ( 1 )

Kawża C‑824/19

TC,

UB

vs

Komisia za zashtita ot diskriminatsia,

VA,

fil-preżenza ta’

Varhovna administrativna prokuratura

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il‑Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ugwaljanza fit-trattament fil‑qasam tal‑impjieg u tax-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq id‑diżabbiltà – Direttiva 2000/78/KE – Eżerċizzju tal-attività ta’ membru ta’ ġurija professjonali minn persuna għamja fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali – Artikolu 4(1) – Rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti għall-eżerċizzju tal-attività ta’ ġurat – Regoli tal-proċeduri kriminali – Artikolu 5 – Arranġamenti raġonevoli – Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Dritt għal smigħ xieraq – Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabbiltà – Artikolu 13 – Aċċess għall-ġustizzja”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawża preżenti tirrigwarda d-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fil-kuntest tax-xogħol. Tikkonċerna l-attività ta’ membru tal-ġurija fi proċeduri kriminali, liema attività titwettaq bi ħlas fil-każ preżenti, u għaldaqstant b’mod professjonali, minn persuna għamja.

2.

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba sabiex tinterpreta d-Direttiva 2000/78/KE ( 2 ) li tipprojbixxi diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, fil-dawl tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni tal-ONU”), u sabiex tiddetermina jekk l-esklużjoni totali tal-persuni għomja mill-parteċipazzjoni fi proċeduri kriminali bħala ġurati, fil-kuntest ta’ attività bi ħlas, tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva. Partikolarment, il-qorti tar-rinviju qiegħda tfittex li ssir taf jekk il-vista tikkostitwixxix rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

3.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TC u UB, rispettivament President tal-qorti u Mħallef ta’ awla kriminali, u l-Komisia za zashtita ot diskriminatsia (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, il-Bulgarija) u VA, membru tal-ġurija ta’ din l-awla, li hija għamja. TC u UB ikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni li timponi multi kontrihom minħabba diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fil-konfront ta’ VA, li ma ġietx ammessa bħala membru tal-ġurija.

4.

Il-kawża għandha twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex twettaq bilanċ, minn naħa, bejn l-obbligu tal-Istat li jimpjega sabiex jieħu miżuri adattati favur l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fid-dinja tax-xogħol, f’dan il-każ sabiex jeżerċitaw l-attività bi ħlas ta’ membru tal-ġurija fil-kawża kriminali, u, min-naħa l-oħra, tar-regoli tal-proċeduri kriminali nazzjonali intiżi sabiex jiżguraw smigħ xieraq.

5.

Fit-tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li, fir-rigward ta’ attività bi ħlas, l-Istati Membri għandhom, sa fejn huwa possibbli, jinterpretaw ir-regoli tal-proċeduri penali b’mod li jippermettu lill-persuni għomja sabiex jipparteċipaw bħala membri tal-ġurija fil-kawżi kriminali. Fir-rigward, partikolarment, ta’ persuna bħal dik fil-kawża prinċipali, li tissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tkun membru tal-ġurija f’dawn il-kawżi u li ġiet ammessa sabiex taħdem f’din il-kapaċità, ser nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-esklużjoni totali tagħha mill-parteċipazzjoni f’tali kawżi, fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tal-inkapaċità preżunta tagħha sabiex teżerċita d-dmir ta’ membru tal-ġurija, minħabba d-diżabbiltà tagħha, hija sproporzjonata u tikkostitwixxi diskriminazzjoni li hija kuntrarja għad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

6.

Il-Konvenzjoni tal-ONU tipprojbixxi, fl-Artikolu 5(2) tagħha, kull diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà, partikolarment fil-kuntest tax-xogħol, konformement mal-Artikolu 27 tagħha, u tipprevedi li l-Istati Partijiet huma marbuta sabiex jadottaw arranġamenti raġonevoli sabiex jippromwovu l-ugwaljanza u jeliminaw id-diskriminazzjoni.

7.

L-Artikolu 13 ta’ din il-Konvenzjoni, intitolat “Aċċess għall‑ġustizzja”, jipprovdi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“L-Istati Partijiet għandhom jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja għal persuni b’diżabbiltà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor, inkluż permezz tal-għoti ta’ konċessjonijiet proċedurali u adattati skont l-età, sabiex jitħaffef l-irwol effettiv tagħhom bħala parteċipanti diretti u indiretti, inkluż bħala xhieda, fil-proċeduri legali kollha, inkluż fl-istadji investigattivi u stadji preliminari oħra.”

B.   Id-dritt tal-Unjoni

8.

Il-premessi 17, 20 u 23 tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxu:

“(17)

Din id-Direttiva ma teħtieġx ir-reklutaġġ, il-promozzjoni, iż‑żamma fl-impjieg jew fit-tħarriġ ta’ individwu li mhuwiex kompetenti, kapaċi u disponibbli biex jaqdi l-funzjonijiet essenzjali tax-xogħol konċernat jew biex jgħaddi minn taħrig relevanti, mingħajr prejudizzju għall-obbligu biex jiġu pprovduti arranġamenti raġonevoli għall-persuni b’dizabilitajiet.

[…]

(20)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri approprjati, jiġifieri miżuri effettivi u prattiċi biex jadattaw il-post tax-xogħol għad-diżabilità, per eżempju jadattaw il-postijiet u t-tagħmir, ritmi tax-xogħol, id‑distribuzzjoni tal-kompiti jew tad-dispożizzjoni ta’ riżorsi ta’ tħarrig jew integrazzjoni.

[…]

(23)

F’ċirkostanzi limitati ħafna, differenza ta’ trattament tista’ tkun ġustifikata fejn karatteristika marbuta ma’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti, meta l-objettiv huwa leġittimu u l-ħtieġa proporzjonata. Dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu inklużi fl‑informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni.”

9.

L-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, intitolat “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

[…]

5.   Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

10.

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmija Direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

a)

il-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-impjieg, għal xogħol ta’ min jaħdem għal rasu u għal xogħol ieħor, inklużi l-kriterji ta’ għażla u l-kondizzjonijiet ta’ reklutaġġ, ikun xi jkun il-qasam ta’ attività u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni;

[…]

c)

il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]”

11.

L-Artikolu 4 ta’ din l-istess Direttiva, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, jipprevedi, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Minkejja l-Artikolu 2(1) u (2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenza ta’ trattament li hija bbażata fuq karatteristika relatata ma’ kwalunkwe bażi msemmija fl-Artikolu 1 m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni meta, minħabba n-natura ta’ attivitajiet partikulari tax-xogħol ikkonċernati jew il-kuntest li fihom jitwettqu, din il-karatteristika tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u proporzjonat.”

12.

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b’dizabilità”, jipprovdi:

“Sabiex tiġi ggarantita konformità mal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ persuni b’diżabilitajiet, għandha tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli. Dan ifisser li dawk li jħaddmu għandhom jieħdu mizuri approprjati, meta meħtieġa f’każ partikulari, biex jippermettu persuna b’diżabilità li jkollha aċċess għal, u tipparteċipa fil‑, jew tavvanza fl-impjieg, jew titħarreġ, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem. Dan il-piż ma jitqiesx sproporzjonat meta jiġi mnaqqas biżżejjed permezz ta’ miżuri li jkunu jeżistu fil-qafas tal-politika dwar diżabilità fl-Istat Membru kkonċernat.”

C.   Id-dritt Bulgaru

13.

L-Artikolu 6 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija (DV Nru 56, tat-13 ta’ Lulju 1991, kif emendata, DV Nru 12, tas-6 ta’ Frar 2007) jipprovdi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“(1) L-individwi kollha jitwieldu ħielsa u ugwali fid-dinjità u fid-drittijiet.”

14.

Skont l-Artikolu 48 ta’ din il-Kostituzzjoni:

“(1)   Iċ-ċittadini għandhom id-dritt għax-xogħol. L-Istat irid jiżgura li joħloq il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

(2)   L-Istat jiżgura dawn il-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt għax-xogħol għall-persuni li għandhom diżabbiltà fiżika u mentali […]”.

15.

L-Artikolu 4(1) taż-Zakon za zashtita ot diskriminatsia (il-Liġi dwar il-Protezzjoni Kontra d-Diskriminazzjoni) (DV Nru 86, tat-30 ta’ Settembru 2003, kif emendata, DV Nru 26, tas-7 ta’ April 2015, iktar ’il quddiem il-“Liġi kontra d-Diskriminazzjoni”) jipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata, partikolarment, fuq id-diżabbiltà.

16.

Skont il-kliem tal-punt 2 tal-Artikolu 7(1) tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni:

“Ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni:

id-differenza fit-trattament meta tkun is-suġġett persuna, fuq il-bażi ta’ karatteristika marbuta ma’ waħda mir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1), meta din il-karatteristika hija rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti minħabba n-natura tax-xogħol jew l-attività speċifika jew tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ dan ix-xogħol [jew ta’ din l-attività], li l-għan tagħhom huwa leġittimu u li r-rekwiżit ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan jintlaħaq”.

17.

L-Artikolu 66 taż-zakon za sadebnata vlast (il-Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja) (DV Nru 64, tas-7 ta’ Awwissu 2007, kif emendata, DV Nru 29, tat-8 ta’ April 2019, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja”) jipprevedi li, fil-każijiet previsti mil-liġi, il-formazzjoni ta’ qorti adita b’kawża fl-ewwel istanza tinkludi wkoll xi “sadebni zasedateli” (ġurati), li għandhom l-istess drittijiet u obbligi tal-imħallfin.

18.

Skont il-kliem tal-Artikolu 67(1) tal-Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja:

“Jista’ jiġi elett bħala ġurat kull ċittadin Bulgaru li għandu l-kapaċità sabiex jeżerċita d-drittijiet tiegħu u li:

1.

għandu bejn 21 u 68 sena;

2.

għandu indirizz attwali fil-komun li jaqa’ taħt is-settur ġudizzjarju tal-qorti li fiha ser iservi;

3.

laħaq mill-inqas livell ta’ studji sekondarji;

4.

ma ġiex ikkundannat għal reat intenzjonali, anki fil-każ ta’ riabilitazzjoni;

5.

ma jbati minn ebda marda mentali.”

19.

L-Artikolu 8(1) tan-nakazatelno-protsesualen kodeks (il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali), (DV Nru 86, tat-28 ta’ Ottubru 2015, kif emendat, DV Nru 16, tat-22 ta’ Frar 2019, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali”), jipprovdi:

“Fil-każ, u abbażi tal-modalitajiet previsti mill-kodiċi preżenti, il-ġurati għandhom jipparteċipaw fil-formazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qrati.”

20.

L-Artikolu 13(1) ta’ dan il-Kodiċi jipprevedi li l-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi, fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, huma marbutin sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jistabbilixxu l-verità oġġettiva, u, fil-paragrafu (2) tiegħu, li l-verità oġġettiva hija stabbilita abbażi tal-modalitajiet u permezz tal-mezzi previsti mill-Kodiċi preżenti.

21.

Abbażi tal-Artikolu 14(1) tal-imsemmi Kodiċi, il-qorti, l-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi, jiddeċiedu abbażi tal‑konvinzjoni tagħhom.

22.

Skont l-Artikolu 18 ta’ dan l-istess Kodiċi, il-qorti, l-Uffiċċju tal‑Prosekutur u l-awtoritajiet investigattivi, jiddeċiedu abbażi tal-provi li ġabru u eżaminaw personalment, ħlief meta l-liġi preżenti tiddisponi mod ieħor.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

23.

VA tiddisponi minn kapaċità għax-xogħol imnaqqsa b’mod permanenti minħabba telf tal-vista. Hija wettqet xi studji superjuri fid-dritt u għaddiet mill-eżami ta’ kompetenza professjonali b’suċċess, u sussegwentement ħadmet fi ħdan l-Għaqda tal-Għomja u fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea tal-Għomja.

24.

Fl-2014, VA ġiet ammessa bħala membru tal-ġurija fi ħdan is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija, il-Bulgarija), fit-tmiem ta’ proċedura mibdija mill-Kunsill Muniċipali ta’ dik il-belt. Hija ġiet assenjata fi ħdan is-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija, il-Bulgarija) u, permezz ta’ tlugħ bil-polza, fis-Sitt Awla Kriminali ta’ dik il-qorti, li kienet tagħmel parti minnha l-Imħallef UB, flimkien ma’ tliet ġurati oħra. Hija ħadet ġurament sabiex isservi fuq din il-bażi quddiem l-imsemmija qorti fil-25 ta’ Marzu 2015.

25.

Waqt perijodu ta’ kważi sena u nofs, mill-25 ta’ Marzu 2015 sad-9 ta’ Awwissu 2016, VA ma pparteċipat fl-ebda seduta kriminali. Fix-xahar ta’ Mejju 2015, hija talbet lill-President tas-Sofiyski rayonen sad (il-Qorti Distrettwali ta’ Sofija), jiġifieri TC, sabiex tiġi assenjata quddiem qorti oħra, iżda ma kisbitx risposta.

26.

Fl-24 ta’ Settembru 2015, VA adixxiet lill‑Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni, billi sostniet li kienet sofriet trattament sfavorevoli minħabba d-diżabbiltà tagħha, min-naħa tal-Imħallef UB, sa fejn din tal-aħħar ma kinitx aċċettatha sabiex tipparteċipa fl-ebda proċedura kriminali, u min-naħa tal-President tal-Qorti, TC, li ma kienx segwa t-talba tagħha għal assenjazzjoni mill-ġdid quddiem qorti oħra sabiex teżerċita d-dritt tagħha li taħdem bħala ġurat.

27.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni kkonkludiet, wara li semgħat lil UB u TC, li dawn kienu wettqu diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fil-konfront ta’ VA, partikolarment fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni, u kkundannathom għal multa kull wieħed, rispettivament, ta’ BGN 500 u BGN 250 (madwar EUR 256 u EUR 128).

28.

UB u TC it-tnejn ippreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni, quddiem l-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), li ċaħdithom. Dik il-qorti qieset, partikolarment, li l-preżentata ta’ restrizzjonijiet, bħala prinċipju, għall-aċċess lejn professjoni jew attività bi ħlas partikolari, bħal dik ta’ ġurat, inkunsiderazzjoni li din id-diżabbiltà tirrendi impossibbli l-eżerċizzju sħiħ tagħha, hija illegali. Huwa minnu li r-regoli tal-proċedura kriminali jirrikjedu li tali ġurat jikkonforma mal-prinċipju fundamentali ta’ din il-proċedura, jiġifieri, għall-formazzjoni ta’ deċiżjoni, l-immedjatezza, l-istabbiliment tal-verità oġġettiva u l-formazzjoni ta’ konvinzjoni b’saħħitha. Madankollu, il-preżunzjoni li l-eżistenza ta’ diżabbiltà ċċaħħad, f’kull każ, lil persuna mill-kapaċità sabiex tikkonforma ma’ dawn il-prinċipji tikkostitwixxi diskriminazzjoni. L-imsemmija qorti żiedet li l-fatt li VA kienet ipparteċipat f’serje ta’ seduti fil-kawżi kriminali mid-9 ta’ Awwissu 2016, id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ riforma leġiżlattiva li introduċiet l-assenjazzjoni elettronika tal-membri tal-ġurija, kienet issostni dawn il-kunsiderazzjonijiet.

29.

UB u TC ippreżentaw appell ta’ kassazzjoni kontra d-deċiżjonijiet tal-Administrativen sad Sofia‑grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija) quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija). Insostenn tal-appell tagħha, UB sostniet li l-qorti fl-ewwel istanza invokat, b’tort, il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni fuq il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ta’ grad ogħla, u l-prinċipji stabbiliti minn dan il-Kodiċi. Hija enfasizzat li hija kienet marbuta sabiex tirrispetta, bħala mħallef kriminali, il-Liġi kontra d-Diskriminazzjoni u dawn il-prinċipji waqt l-eżami tal-kawżi mressqa quddiem il-qorti, bħalma hija kellha tiżgura t-trattament ugwali mill-membri kollha tal-formazzjoni tad-deċiżjoni, tal-provi prodotti fil-proċess u l-evalwazzjoni diretta minn dawn tal-aħħar tal-aġir tal-partijiet. Min-naħa tiegħu, TC sostna li dik il-qorti kellha tapplika l-punt 2 tal-Artikolu 7(1) ta’ din il-liġi, dwar l-eżistenza ta’ rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. B’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura tagħhom, il-funzjonijiet ta’ ġurat ma jistgħux jiġu żgurati minn persuni li d-diżabbiltà tagħhom tista’ twassal għal ksur tal-imsemmija prinċipji.

30.

F’dan il-kuntest, fid-dawl tar-regoli tal-proċedura kriminali, il-qorti tar-rinviju tinnota li ma huwiex stabbilit b’mod ċar jekk l-inugwaljanza fit-trattament ta’ persuna għamja, bħalma hija VA, fl-eżerċizzju tal-attività ta’ ġurat, hijiex legali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Konvenzjoni tal-ONU, kif ukoll tad-Direttiva 2000/78, intiżi sabiex jiżguraw l-ugwaljanza fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol tal-persuni li għandhom diżabbiltà.

31.

Għaldaqstant, il-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema), iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-[Konvenzjoni tal-ONU], tal-Artikolu 1(1), (2) u (3) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2000/78/KE] twassal għall-konklużjoni li huwa permess li individwu mingħajr il-kapaċità li jara jeżerċita attività bħala membru ta’ ġurija u jipparteċipa f’kawżi kriminali, jew:

2)

Id-diżabbiltà partikolari ta’ individwu agħma b’mod permanenti hija karatteristika li tikkostitwixxi ħtieġa ġenwina u determinanti tal-attività ta’ membru ta’ ġurija, li l-eżistenza tagħha tiġġustifika differenza fit-trattament u ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni bbażata fuq il-karatteristika ta’ “diżabbiltà”?”

32.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2019. VA, il-Gvern tal-Polonja u dak tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw xi osservazzjonijiet bil-miktub. Ma nżammitx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV. Analiżi

33.

Ninnota, qabel kollox, preliminarjament, li d-domandi magħmula, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/78, jikkonċernaw mhux lill-membri tal-ġurija kollha fil-kawżi kriminali, iżda biss dawk, kif tipprevedi s-sistema Bulgara, li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ attività bi ħlas u, għaldaqstant, professjonali, bħal fil-kawża preżenti.

34.

Sussegwentement, nenfasizza li l-ġurat inkwistjoni fil-kawża prinċipali, VA, mhux biss tbati minn nuqqas ta’ vista iżda li hija wkoll għamja.

35.

Fl-analiżi li ġejja, ser nirrispondi għad-domandi preliminari billi neżaminahom flimkien. Qabel kollox ser nikkonstata, mingħajr ħafna diffikultà, li s-sitwazzjoni ta’ persuna bħal VA taqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, sabiex nikkonċentra sussegwentement fuq id-domanda essenzjali sabiex isir magħruf jekk id-differenza fit-trattament subita minnha hijiex koperta minn deroga, u b’mod partikolari dik tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-Direttiva, dwar l-eżistenza ta’ rekwiżit essenzjali u determinanti, u jekk tissodisfax għan leġittimu b’mod proporzjonat.

A.   Fuq l-applikazzjoni tad‑Direttiva 2000/78

36.

Infakkar li, hekk kif dan jirriżulta mit-titolu u mill-preambolu tad-Direttiva 2000/78, din hija intiża sabiex tistabbilixxi kuntest ġenerali sabiex tiżgura għal kull persuna l-ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol billi toffrilha protezzjoni effiċjenti kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq wieħed mill-motivi previsti fl-Artikolu 1 tagħha, li fosthom hija inkluża d-diżabbiltà ( 4 ).

37.

Il-kawża preżenti taqa’ tassew taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

38.

L-ewwel nett, hekk kif diġà indikajt fil-kummenti preliminari tiegħi, din tikkonċerna l-attività ta’ ġurat fil-kawżi kriminali fil-kuntest ta’ xogħol bil-ħlas ( 5 ). Fil-fatt, mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, l-attività ta’ ġurat tagħti lok għal ħlas u li titwettaq fuq tul ta’ żmien li ma jidhirx li għandu limitu.

39.

It-tieni nett, il-kawża preżenti tirrigwarda d-diżabbiltà, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, hekk kif iddefinita fil-ġurisprudenza, jiġifieri limitazzjoni, li tirriżulta b’mod partikolari minn defiċjenzi fiżiċi, mentali jew psikiċi, li flimkien ma’ diversi ostakoli tista’ tkun ta’ xkiel għall-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tal-persuna kkonċernata fil-ħajja professjonali fuq il-bażi tal-ugwaljanza mal-ħaddiema l-oħra ( 6 ). Fil-fatt, limitazzjoni f’kapaċità fis-sensi, f’dan il-każ il-vista, tikkostitwixxi defiċjenza fiżika fis-sens ta’ dan l-artikolu.

40.

It-tielet nett, id-differenza fit-trattament li ġiet suġġetta għalih VA u li jidhirli li ma ġiex ikkontestat li kien marbut direttament mad-diżabbiltà tagħha tirrigwarda l-aċċess għal impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a), tad-Direttiva 2000/78, dak ta’ ġurat, u fuq kundizzjoni ta’ impjieg fis-sens tal-Artikolu 3(1)(c), ta’ din id-Direttiva, jiġifieri n-nuqqas ta’ defiċjenza viżiva totali.

41.

Minn dan isegwi li t-trattament irriżervat għal VA mill-Imħallef u mill-President tal-qorti kkonċernati, li jikkonsisti fil-fatt li qatt ma ħatruha bħala ġurat f’kawża kriminali jaqa’ taħt id-Direttiva 2000/78. VA ġiet miċħuda mill-eżerċizzju tal-attività bi ħlas ta’ ġurat fil-kawżi kriminali minħabba l-fatt li kienet għamja u għaldaqstant minħabba karatteristika marbuta direttament ma’ wieħed mill-motivi li jidhru fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri d-diżabbiltà.

42.

Għandu jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex madankollu koperta minn waħda mid-derogi previsti minn din id-Direttiva.

B.   Fuq l-eżistenza ta’ deroga għall-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà

43.

Żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 huma rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq id-diżabbiltà hijiex madankollu ammessa u jekk tikkostiwixxix għaldaqstant diskriminazzjoni pprojbita fis-sens ta’ din id-direttiva.

44.

Qabel kollox, l-Artikolu 2(5) tal-imsemmija Direttiva jipprevedi li din ma tippreġudikax lill-miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali li huma neċessarji għall-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor.

45.

Din id-dispożizzjoni tista’ tkopri miżura leġiżlattiva intiża sabiex tipproteġi partijiet terzi, bħal akkużat, li d-drittijiet ta’ difiża tiegħu f’proċess kriminali jistgħu jiġu affettwati. Madankollu, skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 2(5), miżura leġiżlattiva hija meħtieġa. Madankollu, ma jidhirx li d-dritt nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jispeċifika, permezz ta’ tali miżura, li l-attività bi ħlas ta’ ġurat ma testendix għal persuni għomja ( 7 ). Barra minn hekk, ninnota li l-qorti tar-rinviju, li għandha tivverifika dan jekk ikun il-każ, ma invokatx lil din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, l-esklużjoni ta’ persuni għomja mill-eżerċizzju tal-impjieg ta’ ġurat ma jidhirlix li hija koperta, f’dan il-każ, minn ġustifikazzjoni bbażata fuq l-imsemmi l-Artikolu 2(5).

46.

Sussegwentement, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/78, intitolat “Il-ħtiġiet tax-xogħol”, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, konformement mal-paragrafu (1) ta’ dan l-Artikolu, ħtieġa bħalma hija kapaċità fiżika partikolari, marbuta ma’ waħda mill-motivi msemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva, partikolarment id-diżabbiltà, ma għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni jekk din tikkostitwixxi “rekwiżit professjonali, essenzjali u determinanti” tax-xogħol, sakemm l-għan ikun leġittimu u r-rekwiżit proporzjonat.

47.

Il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata jew le differenza fit-trattament minħabba diżabbiltà fuq il-bażi ta’ dan l-Artikolu 4(1) hija fil-qalba tad-domandi preliminari preżenti. Infakkar li l-Imħallef u l-President tal-Qorti sostnew li r-regoli u l-prinċipji tal-proċedura kriminali, jiġifieri l-immedjatezza, l-evalwazzjoni diretta tal-provi bl-iskop tal-istabbiliment ta’ verità oġġettiva u l-formazzjoni ta’ konvinzjoni b’saħħitha u t-trattament ugwali tal-membri tal-ġurija fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-prova, jopponu li ġurat agħmi jista’ jieħu sehem fil-proċess kriminali. Fl-opinjoni tagħhom, il-vista hija rekwiżit essenzjali tal-attività ta’ ġurat sabiex jiġu rrispettati dawn ir-regoli u prinċipji.

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-kundizzjoni ta’ pussess ta’ kapaċitajiet fiżiċi partikolari tista’ tiġi kkunsidrata bħala rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ pilota tal-linji tal-ajru ( 8 ) jew għal dak ta’ pumpier ( 9 ). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li livell ta’ akutezza viżiva jista’ b’mod analogu, jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ sewwieq ta’ vetturi tqal ( 10 ).

49.

B’hekk, dan huwa validu wkoll għall-fakultà ta’ vista għall-iskop tal-eżerċizzju tal-attività bi ħlas ta’ membru tal-ġurija konformement mar-regoli u l-prinċipji tal-proċedura kriminali?

50.

Infakkar li, skont il-premessa 23 tad-Direttiva 2000/78, huwa biss f’ċirkustanzi limitati ħafna li d-deroga li tirrigwarda l-eżistenza ta’ rekwiżit professjonali, essenzjali u determinanti, prevista fl-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva hija applikabbli.

51.

Ir-regoli nazzjonali tal-proċedura kriminali li fuqhom jibbażaw ruħhom l-Imħallef u l-President tal-Qorti sabiex jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom, huma intiżi sabiex jiżguraw smigħ xieraq.

52.

Dan l-għan huwa ovvjament leġittimu. Fil-fatt, id-dritt għal smigħ xieraq huwa dritt fundamentali stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem, il-“KEDB”), u fl-Artikolu 47 tal-Karta. Id-domanda li tirriżulta hija dik sabiex isir magħruf jekk huwiex neċessarju li l-ġurat ikun jista’ jara sabiex jiġi żgurat smigħ xieraq u, jekk ikun il-każ, jekk l-esklużjoni ta’ persuna għamja mill-parteċipazzjoni fi kwalunkwe kawża kriminali bħala ġurat tikkostitwixxix risposta adattata li ma jaqbiżx dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan.

53.

Fil-bqija tal-konklużjonijiet tiegħi ser nuri li r-risposta għal din id-domanda tinsab f’ekwilibriju delikat bejn żewġ drittijiet fundamentali, minn naħa, id-dritt għal smigħ xieraq (Subtaqsima 1) u min-naħa l-oħra, id-dritt għal persuna b’diżabbiltà sabiex ma ssofrix diskriminazzjoni fid-dinja tax-xogħol ( 11 ) (Subtaqsima 2), qabel ma nasal għal xi konklużjonijiet għal kawża bħal dik prinċipali (Subtaqsima 3).

1. Id‑dritt fundamentali għal smigħ xieraq

54.

Sabiex jinftiehmu r-regoli tas-smigħ xieraq applikabbli għall-ġurati fil-kawżi kriminali, qabel kollox ser nippreżenta fil-qosor ir-rwol ta’ dawn tal-aħħar u nenfasizza l-benefiċċji li jirriżultaw minnu.

a) Ir‑rwol ta’ ġurat fil-qasam kriminali

55.

Il-ġurati huma ċittadini li jipparteċipaw kollettivament fil-ġustizzja fil-qasam kriminali, billi jiddeċiedu, waħedhom jew flimkien ma’ maġistrati professjonali, fuq il-verdett ta’ ħtija, u kultant ukoll, flimkien ma’ dawn tal-aħħar, fuq il-piena ( 12 ).

56.

Bil-kontra tal-maġistrati professjonali, huma ma għandhomx taħriġ ta’ mħallef. Magħżula mill-popolazzjoni, ġeneralment bil-polza, jirrappreżentaw lis-soċjetà fid-diversità tagħha ( 13 ).

57.

Il-ġurati jintervjenu, kemm fil-kuntest ta’ ġurija msejħa “tradizzjonali”, jiġifieri fil-kuntest ta’ proċess fejn il-maġistrati professjonali ma jistgħux jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tagħhom fuq il-verdett, u kemm fil-kuntest ta’ qrati muniċipali. F’dan il-każ tal-aħħar, li jikkorrispondi għal dak magħżul mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-ġurati jpoġġu u jiddeliberaw flimkien mal-maġistrati professjonali ( 14 ).

58.

L-istituzzjoni tal-ġurija popolari tirriżulta mir-rieda li jiġi involuti ċ-ċittadini mis-soċjetà ċivili fl-azzjoni tal-ġustizzja, partikolarment fir-rigward tar-reati iktar serji ( 15 ). B’hekk dawn jikkontribwixxu għall-istabbiliment ta’ qorti imparzjali, li hija nieqsa minn preġudizzju jew nuqqas ta’ imparzjalità ( 16 ).

59.

B’teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol determinanti tal-ġurati fil-proċess kriminali peress li jaqsmu jew jassumu waħedhom ir-responsabbiltà tal-verdett ta’ ħtija, li jista’ jkollu konsegwenzi kunsiderevoli għall-akkużat fis-sens ta’ priġunerija, l-Istati Membri pprevedew xi regoli ta’ proċedura kriminali li jirregolaw il-proċess u japplikaw bi sħiħ għall-ġurati.

b) Ir-regoli u l-prinċipji ta’ proċedura kriminali intiżi sabiex jiżguraw smigħ xieraq

60.

Ir-regoli u l-prinċipji tal-proċedura kriminali mressqa kemm mill-Imħallef u kemm mill-President tal-Qorti kif ukoll mill-qorti fl-ewwel istanza huma l-prinċipju ta’ immedjatezza, l-evalwazzjoni diretta tal-provi li għandha twassal għall-verità oġġettiva u konvinzjoni b’saħħitha.

61.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kellha l-opportunità diversi drabi sabiex tindirizza l-prinċipju ta’ immedjatezza li jeżisti f’diversi ordinamenti ġuridiċi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma riflessi f’sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 17 ). Din tal-aħħar iddeċidiet li l-prinċipju ta’ immedjatezza huwa wieħed mill-elementi l-iktar importanti tal-proċess kriminali. Huwa jimplika li dawk li għandhom ir-responsabbiltà li jiddeċiedu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat għandhom, bħala prinċipju, jisimgħu lix-xhieda personalment u jevalwaw il-kredibbiltà tagħhom. L-evalwazzjoni tal-kredibbiltà ta’ xhud hija kompitu kumpless, li, normalment, ma jistax jitwettaq permezz ta’ sempliċi qari tal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet tiegħu, kif riprodotti fil-proċessi verbal tas-smigħ ( 18 ). Huwa partikolarment importanti li l-akkużat jikkonfronta lix-xhieda fil-preżenza tal-Imħallef li fl-aħħar jiddeċiedi ( 19 ). L-imħallef huwa kkunsidrat huwa bħala li jinkludi l-membri kollha tal-formazzjoni tad-deċiżjoni u għaldaqstant, f’dan il-każ jinkludi l-ġurati.

62.

Għaldaqstant, l-immedjatezza tirrifletti l-ħtieġa għall-ġurati sabiex jisimgħu lix-xhieda fis-seduta u sabiex jevalwaw direttament il-mezzi ta’ prova fil-kors tagħha ( 20 ). Kif esprima essenzjalment l-Avukat Ġenerali Léger fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Baustahlgewebe ( 21 ), il-kunċett ta’ “immedjatezza” jissopponi rapport dirett bejn dak li jiġġudika u l-parti fil-kawża, sabiex il-ġurat li ma ħax sehem fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali ma jitħalliex jiddeċiedi l-kawża ( 22 ).

63.

Il-konvinzjoni b’saħħitha hija marbuta ma’ din l-evalwazzjoni diretta tal-provi waqt is-seduta ( 23 ).

64.

Huwa billi jipparteċipaw fis-seduta, u billi jisimgħu lill-partijiet jiddibattu b’mod kontradittorju quddiemhom li l-ġurati jakkwistaw konoxxenza diretta tal-provi rilevanti għall-kundanna jew il-ħelsien u li b’hekk ikunu jistgħu jifformaw konvinzjoni b’saħħitha fuq il-ħtija jew l-innoċenza tal-akkużat.

65.

Dan il-mekkaniżmu tal-konvinzjoni b’saħħitha huwa magħruf fid-dritt kontinentali divers, u spjegat permess ta’ xi struzzjonijiet lill-ġurati, li jipprovdu li dawn għandhom jistaqsu u jfittxu x’impressjoni wettqu, fuq ir-raġunament tagħhom, il-provi prodotti kontra l-akkużat u l-eċċezzjonijiet tad-difiża tiegħu ( 24 ).

66.

Il-possibbiltà li tiġi fformata konvinzjoni b’saħħitha wara d-dibattiti orali teħtieġ, bħala prinċipju, li l-imħallfin u l-ġurati jkunu jistgħu jisimgħu lid-dibattiti, li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, huwa l-każ ta’ VA.

67.

Id-domanda li titqajjem fil-kawża preżenti hija, konsegwentement, dik sabiex isir magħruf jekk huwiex neċessarju li l-ġurat li jisma’ d-dibattiti għandux ukoll ikun jista’ jara sabiex jiġġudika fir-rispett ta’ smigħ xieraq ibbażat partikolarment fuq il-prinċipju ta’ immedjatezza u r-regola tal-konvinzjoni b’saħħitha u għaldaqstant sabiex jeżerċita bis-sħiħ il-funzjonijiet tiegħu.

68.

Nenfasizza li ma jirriżultax awtomatikament mir-regoli u l-prinċipji li ser niċċita li l-vista tikkostitwixxi rekwiżit essenzjali u determinanti tas-smigħ xieraq fil-qasam kriminali, peress li l-provi kollha huma diskussi oralment quddiem l-imħallfin u l-ġurati.

69.

Madankollu, jeżistu xi każijiet fejn il-vista jidher li hija fakultà indispensabbli għall-eżerċizzju tajjeb tal-funzjoni ta’ ġurat. Dawn jirrigwardaw kawżi fejn il-provi determinanti għall-iskop ta’ verdett jikkonsistu f’ritratti, filmati rreġistrati permezz ta’ sorveljanza bil-vidjo, xi grafiċi, jew xi disinji, u fejn l-evalwazzjoni tagħhom tiddependi kompletament jew prinċipalment fuq l-impressjoni viżwali li jipprovdu.

70.

B’hekk, dan huwa minnu wkoll, pereżempju, f’każijiet ta’ qtil, ta’ attakk fuq l-integrità fiżika ta’ persuna, partikolarment attakk sesswali, jew frodi permezz ta’ falsifikazzjoni, fejn il-provi hija bbażata l-iktar fuq għajnuniet viżwali ( 25 ). Id-deskrizzjoni tar-ritratti jew tal-filmati, bħad-dibattiti dwarhom fil-kors tas-seduta, ċertament jippermettu lill-ġurat sabiex jifforma opinjoni, iżda din ma tirriżultax mill-impressjoni li huwa jieħu direttament mir-ritratti u l-filmati. Barra minn hekk, anki kieku ġurat agħmi jista’ personalment jibbenefika mill-assistenza ta’ parti terza imparzjali, l-intervent ta’ din tal-aħħar joħloq il-perikolu li tiġi influwenzata l-perċezzjoni tiegħu tar-ritratti u tal-filmati. Għall-inqas, huwa ma jkunx jista’ jifforma l-opinjoni tiegħu direttament minn din l-evidenza iżda indirettament permezz ta’ din il-parti terza.

71.

Minbarra każijiet bħal dawn, għad irid jiġi ddeterminat jekk il-vista tistax titqies bħala li tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u deċiżiv għall-eżerċizzju sħiħ tal-attività tal-ġurat f’każijiet kriminali.

72.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni f’dan il-qasam fid-dritt tal-Unjoni, id-determinazzjoni tar-regoli tal-proċeduri kriminali taqa’ essenzjalment taħt id-dritt nazzjonali biss. Partikolarment, la l-Artikolu 6 tal-KEDB u lanqas l-Artikolu 47 tal-Karta ma jirregolaw l-ammissibbiltà tal-provi bħala tali, suġġett li jaqa’ prinċipalment taħt id-dritt nazzjonali tal-Istati Membri ( 26 ). B’hekk dan huwa minnu wkoll, għar-regoli dwar l-evalwazzjoni tal-provi miksuba fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati ta’ atti kriminali ( 27 ).

73.

Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kundizzjonijiet sabiex persuna ssir ġurat, bħall-età, il-post ta’ residenza jew in-nuqqas ta’ kundanna għal reat jew delitt ( 28 ). Nosserva li diżabbiltà mentali jew fiżika, jiġifieri stat ta’ saħħa ta’ natura li jostakola lill-persuna milli teżerċita d-doveri li tirrikjedi l-funzjoni ta’ ġurat tikkostitwixxi ostakolu sabiex tiġi eżerċitata din il-funzjoni fid-dritt ta’ diversi Stati Membri ( 29 ). Madankollu, l-għama ħafna drabi titqies li x’aktarx tikkostitwixxi ostakolu għall-eżerċizzju tal-funzjoni.

74.

B’hekk, ninnota li, fir-rigward ta’ ġurat fil-Ġermanja li ġie eskluż mill-parteċipazzjoni f’kawżi kriminali minħabba l-għama tiegħu u li ppreżenta rikors kontra n-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà, il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja) ddeċidiet li l-esklużjoni tiegħu bbażata fuq il-prinċipju ta’ immedjatezza prevista fid-dritt kriminali ma hijiex kuntrarja għal-liġi fundamentali ( 30 ). Fl-opinjoni tiegħi, ir-regoli tal-proċedura kriminali u partikolarment xi prinċipji bħalma huma l-immedjatezza jistgħu, b’mod kompletament leġittimu, iwasslu għall-esklużjoni tal-ġurati għomja mill-parteċipazzjoni ta’ xi kawżi kriminali. Barra minn hekk, ninnota li l-eżistenza ta’ tali diżabbiltà tista’ wkoll tikkostitwixxi raġuni ta’ esklużjoni mil-lista ta’ ġurati li jistgħu jinħatru fil-kawżi kriminali, abbażi tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tad-dritt kriminali nazzjonali ( 31 ).

75.

Tqum il-mistoqsija jekk ġurat li jbati mill-għama jistax jitqies, fuq il-bażi ta’ prinċipji ġenerali tal-liġi kriminali bħal dawk invokati fil-kawża prinċipali, bħala inkapaċi li jeżerċita dmirijietu fil-każijiet kriminali kollha.

76.

Sabiex tingħata risposta għal din il-kwistjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78 dwar il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà fil-qasam tal-impjieg u fuq il-protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fid-dawl tal-integrazzjoni tagħhom fid-dinja tax-xogħol, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU. Għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk dawn id-dispożizzjonijiet jistgħux ikollhom effett fuq il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa mogħtija lill-Istati Membri fil-ħatra tal-ġurati għal ġurija fil-qasam kriminali u fuq l-esklużjoni possibbli tal-ġurati għomja.

2. Id-dritt fundamentali ta’ persuni b’diżabbiltà sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontrihom fil-kuntest tal-impjieg u tax-xogħol

77.

Hekk kif jirriżulta, partikolarment, mill-preambolu tad-Direttiva 2000/78, l-Unjoni intrabtet sabiex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà billi twettaq sforzi sabiex telimina n-nuqqas ta’ ugwaljanza bbażata fuqha. Partikolarment, hija affermat l-importanza li tiġi ffavorita l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabbiltà fil-ħajja professjonali permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri adattati ( 32 ) fid-dawl ta’ kontribuzzjoni lejn il-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fil-ħajja ekonomika, kulturali u soċjali kif ukoll l-iżvilupp personali tagħhom ( 33 ).

78.

Din l-integrazzjoni hija żgurata permezz tal-adozzjoni minn min jimpjega, kemm fil-qasam pubbliku u dak privat, ta’ “akkomodazzjoni raġonevoli”, favur tal-persuni b’diżabbiltà, konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, jiġifieri ta’ miżuri adattati, abbażi tal-bżonnijiet f’sitwazzjoni konkreta, sabiex ikun permess għall-persuna b’diżabbiltà sabiex teżerċita impjieg, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min jimpjega.

79.

Il-premessa 20 tad-Direttiva 2000/78 tippreċiża li l-miżuri adattati huma miżuri effiċjenti u prattiċi intiżi sabiex jiġi adattat il-post tax-xogħol abbażi tad-diżabbiltà, bħalma ma huwa l-adattament tal-post, l-adattament tat-tagħmir jew id-distribuzzjoni tal-kompiti ( 34 ).

80.

Sabiex jiġu identifikati l-miżuri adattati f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali li jimplikaw persuna għamja u li tixtieq taħdem bħala ġurat f’proċedura kriminali, għandha ssir referenza għall-Konvenzjoni tal-ONU.

81.

Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Glatzel ( 35 ), is-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-testi ta’ dritt derivat teħtieġ interpretazzjoni ta’ dan tal-aħħar, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet. B’hekk, għandha ssir referenza għal-Artikolu 13 ta’ tal-Konvenzjoni tal-ONU, stabbilit fl-“Aċċess għall-ġustizzja” tal-persuni b’diżabbiltà. Din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-Istati partijiet fl-imsemmija Konvenzjoni għandhom jiżguraw l-aċċess effettiv tal-persuni b’diżabbiltà għall-ġustizzja, fuq il-bażi ta’ ugwaljanza mal-oħrajn, inkluż permezz ta’ arranġamenti proċedurali sabiex tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni effettiva tagħhom, diretta jew indiretta, partikolarment bħala xhieda, fil-proċeduri ġudizzjarji kollha.

82.

Din id-dispożizzjoni hija spjegata f’dokument riċenti intitolat “Prinċipji u Direttivi Internazzjonali fuq l-Aċċess għall-Ġustizzja għall-Persuni b’Diżabbiltà”, ippubblikat min-Nazzjonijiet Uniti ( 36 ). Dan id-dokument huwa intiż sabiex jipprovdi gwida kompleta u xi struzzjonijiet prattiċi fuq il-mod kif jista’ jiġi żgurat l-aċċess għall-ġustizzja ( 37 ) li madankollu ma huwiex vinkolanti.

83.

Abbażi ta’ dawn il-prinċipji u direttivi, id-dritt għall-aċċess ugwali għall-ġustizzja jimplika li l-persuni b’diżabbiltà jistgħu jipparteċipaw direttament għall-proċess ġudizzjarju, partikolarment bħala ġurati. Għal dan l-iskop, l-Istati huma mistiedna sabiex jeliminaw kull ostakolu marbuta mad-diżabbiltà, inklużi l-liġijiet, li jostakolaw lill-persuni b’diżabbiltà milli jkunu mħallfin jew ġurati, u sabiex jiżguraw il-parteċipazzjoni ugwali ta’ dawn il-persuni fis-sistema tal-ġurati, billi joffrulhom l-għajnuna neċessarja, kif ukoll xi arranġamenti raġonevoli u proċedurali ( 38 ). Dawn l-arranġamenti jinkludu l-implimentazzjoni ta’ intermedjarji jew faċilitaturi indipendenti mħarrġa biex jipprovdu għajnuna għall-komunikazzjoni tal-partijiet, bħal interpreti orali li għandhom iwettqu dmirijiethom b’mod effettiv, preċiż u imparzjali. Dawn jinkludu wkoll assistenza teknika fil-forma ta’ prodotti tat-telekomunikazzjoni bil-vuċi ( 39 ).

84.

Fir-rigward ta’ persuna għamja, l-arranġamenti jistgħu b’hekk jieħdu l-forma ta’ għajnuna materjali, bħall-provvista ta’ dokumenti braille, ta’ għajnuna personali bħall-assistenza ta’ persuna terza imparzjali u ċċertifikata, jew ukoll organizzattiva, billi l-ġurat agħmi jiġi maħtur biss f’kawżi li ma jirrikjedux evalwazzjoni viżwali tal-provi.

85.

Il-Kummissjoni tqis li tali arranġamenti għandhom jiġu previsti fir-rigward tal-ġurati, bħalma hija VA, u li l-esklużjoni totali tal-persuni għomja minn kull parteċipazzjoni bħala ġurat fil-kawżi kriminali hija eċċessiva u kuntrarja għall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq id-diżabbiltà.

86.

Filwaqt li naqbel mal-maġġoranza ta’ din il-perspettiva fil-każ ta’ kawża bħal dik prinċipali, ser nuri, fis-subtaqsima 3 li ġejja, li r-risposta għad-domandi magħmula tiddependi parzjalment fuq l-għażliet imwettqa mill-Istati Membri sabiex jipproteġu l-interessi tal-akkużat fil-kuntest ta’ smigħ xieraq u, għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta’ dritt nazzjonali adottati mill-Istat Membru kkonċernat.

3. Konsegwenzi li għandhom jittieħdu miż‑żewġ drittijiet fundamentali għall-kawża preżenti

87.

Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li l-Istati Membri huma, fil-maġġoranza, ħielsa sabiex jiddeterminaw lir-regoli tal-proċeduri kriminali tal-għażla tagħhom sabiex jiżguraw smigħ xieraq u b’hekk jipproteġu l-interessi tal-akkużat.

88.

Ninnota li għalkemm l-Istati Membri għaldaqstant mitluba jadottaw akkomodazzjoni raġonevoli fir-rigward ta’persuni b’diżabbiltà, ċerti regoli ta’ proċedura kriminali jista’ jkollhom l-effett li jirrestrinġu l-possibbiltajiet li jadottaw akkomodazzjoni bħal din għal ġurat agħmi u li jillimitaw il-parteċipazzjoni tiegħu f’każijiet kriminali.

89.

Dan huwa l-każ tar-regoli li jipprevedu li l-kompiti assenjati lil ġurat jinkludu l-parteċipazzjoni possibbli għal vista fuq il-post fejn twettaq ir-reat li tinkludi rikostruzzjoni tal-fatti. F’dan il-każ, il-vista tista’, ukoll, bħall-fil-kawżi fejn il-provi huma bbażati prinċipalment fuq provi viżwali bħalma huma r-ritratti ( 40 ), tiġi kkunsidrata bħala essenzjali sabiex ikun jista’ jifforma l-opinjoni tiegħu fuq ir-rikostruzzjoni tal-fatti li twettqet quddiemu, fejn l-ebda akkomodazzjoni ma tista’ tikkumpensa għad-diżabbiltà tiegħu.

90.

Dan huwa minnu wkoll għar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-prova li jistgħu jipprojbixxu l-preżenza ta’ parti terza viċin ta’ ġurat minħabba l-fatt li twassal sabiex jinqabeż in-numru massimu ta’ persuni ammessi sabiex jieħdu sehem fid-deliberazzjonijiet jew tista’ tippreġudika l-prinċipju tal-immedjatezza mifhum strettament, jiġifieri, bħala li jeskludi li intermedjarju, anki imparzjali, jkun jista’ jippożizzjona ruħu bejn il-ġurat u l-prova li huwa dan tal-aħħar li għandu jevalwa ( 41 ).

91.

Hekk kif diġà evokajt fil-punti 73 u 74 ta’ dawn il-konklużjonijiet, xi regoli oħra jistgħu wkoll jipprevedu li l-persuni li għandhom diżabbiltà fiżika, bħalma hija l-għama, ma humiex, bħala prinċipju, ammessi sabiex jidhru fuq il-listi tal-ġurati fil-qasam kriminali. Dawn ir-regoli li potenzjalment jostakolaw il-preżenza ta’ kull ġurat agħmi f’dawn il-kawżi, jistgħu jiġu spjegati partikolarment mill-kunċett tar-rwol li għandu l-lingwaġġ tal-ġisem fil-proċess kriminali, li jipprovdi li l-espressjoni tal-wiċċ, jew xi movimenti tal-ġisem b’mod ġenerali jikkostitwixxi element kruċjali tal-evalwazzjoni tal-prova li jrendi l-vista rekwiżit essenzjali u determinanti tad-dmir ta’ ġurat ( 42 ).

92.

Madankollu, nenfasizza li l-kawża preżenti ma tirrigwardax tali dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-attività ta’ ġurat jew il-kundizzjonijiet ta’ selezzjoni tiegħu. Partikolarment, il-Liġi dwar is-Sistema Ġudizzjarja li tirregola l-għażla ta’ ġurati ma timponix kundizzjoni fiżika minima u lanqas ma tipprevedi r-raġuni ta’ esklużjoni minħabba djufija jew diżabbiltà fiżika, jew kwalunkwe problema ta’ saħħa fiżika oħra li tostakolahom milli jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom.

93.

B’hekk, minkejja li VA hija għamja, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li hija tissodisfa l-kriterji sabiex tkun ġurat. Barra minn hekk, hija ġiet ammessa bħala ġurat fi ħdan is-Sofiyski gradski sad (il-Qorti tal-Belt ta’ Sofija) u assenjata f’awla kriminali ta’ qorti ta’ din il-belt li quddiemha hija ħadet ġurament.

94.

Iċ-ċaħda totali tagħha mill-eżerċizzju effettiv tal-attività ta’ ġurat, hija r-riżultat ta’ evalwazzjoni mwettqa minn żewġ persuni fuq l-inkapaċità preżunta tagħha sabiex twettaq din l-attività minħabba d-diżabbiltà tagħha, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju tad-dritt kriminali nazzjonali bħalma huma l-immedjatezza u l-konvinzjoni b’saħħitha.

95.

Il-mistoqsija li tqum hija dik sabiex isir magħruf jekk iċ-ċaħda totali tal-eżerċizzju tal-attività ta’ ġurat fuq il-bażi ta’ tali evalwazzjoni hijiex konformi mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78.

96.

Infakkar li din id-dispożizzjoni, li tikkostitwixxi deroga mid-dritt għat-trattament ugwali tal-persuni b’diżabbiltà, għandha tiġi interpretata b’mod strett u li, konformement mal-kliem tagħha, differenza ta’ trattament bbażat fuq rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti għandha tiġi prevista mill-Istat Membru. Fl-opinjoni tiegħi, huwa l-leġiżlatur nazzjonali li għandu, l-ewwel nett, iwettaq bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali marbuta mas-smigħ xieraq u l-protezzjoni tal-persuni b’diżabbiltà, billi jipprevedi fid-dritt nazzjonali tiegħu, jekk ikun il-każ, li l-vista tikkostitwixxi rekwiżit professjonali essenzjali u determinanti. Dan ir-rekwiżit għandu wkoll ikun proporzjonali għall-għan segwit, jiġifieri adattat sabiex jiżgura smigħ xieraq mingħajr ma jmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan.

97.

F’każ bħal dak prinċipali, fejn ma jirriżultax b’mod ċar mid-dritt nazzjonali li l-leġiżlatur kien ippreveda li l-vista tikkostitwixxi tali rekwiżit, inqis li d-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU, tirrikjedi li r-regoli u l-prinċipji tad-dritt kriminali jkunu interpretati b’mod li l-ġurat agħmi jkun jista’, sa fejn ikun possibbli, jipparteċipa fil-proċess kriminali.

98.

F’dan ir-rigward, hekk kif diġà esponejt, fil-kuntest tas-sistemi tal-proċedura kriminali li fihom is-seduta tgawdi rwol prinċipali u fejn, konformement mal-prinċipju ta’ immedjatezza, il-provi determinanti kollha għandhom jiġu diskussi fis-seduta quddiem il-ġurati, sabiex il-fatt li ġurat huwa agħmi ma jkunx neċessarjament ostakolu sabiex ikun jista’ jeżerċita l-funzjonijiet ta’ ġudizzju. Bħala prinċipju, peress li jista’ jisma’ d-dibattiti, huwa jkun kapaċi sabiex jifforma konvinzjoni b’saħħitha daqs dik tal-ġurati oħra, għall-inqas fil-kawżi li ma jeħtiġux evalwazzjoni tal-provi bbażata fuq l-impressjoni viżwali meħuda minn dawn tal-aħħar.

99.

Nikkunsidra li dan huwa s-sens tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU, li tipprevedi, kif diġà indikajt, sabiex tintegra l-persuni b’diżabbiltà fil-ħajja soċjali u fid-dinja tax-xogħol. Dan huwa partikolarment minnu b’hekk fir-rigward ta’ attività bħal dik ta’ ġurat, li tippermetti lill-parti interessata, billi tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, sabiex tgawdi rwol fundamentali fis-soċjetà. Dan l-approċċ huwa ġġustifikat minħabba l-fatt li l-ġurati suppost jirrappreżentaw liċ-ċittadini fid-diversità tagħhom u għalhekk huwa importanti li ma jiġux esklużi persuni b’diżabbiltà bħall-għama.

100.

Ser inżid li għandu jiġi evitat li l-kwistjoni dwar jekk persuna għomja hijiex kapaċi sabiex tassumi l-funzjonijiet ta’ ġurat tirċievi, qabel kollox u bħala prinċipju, risposta negattiva. Il-persuna li għandha diżabbiltà, għandha ċertament tkun tista’ tiġi eżentata mill-funzjoni ta’ ġurat jekk hija tixtieq hekk, iżda ma għandhiex, bil-kontra, tiġi mwarrba awtomatikament. Il-fatt li VA pparteċipat f’numru kbir ta’ kawżi kriminali ( 43 ) mingħajr ma, jidhirli, kellha xi diffikultajiet, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, huwa ta’ natura li jindika li hija kapaċi sabiex tassumi dawn il-funzjonijiet b’rispett għar-regoli tal-proċeduri kriminali. Jekk dan huwa l-każ u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali li tirrigwarda l-kundizzjoni fiżika minima tal-ġurat jew fuq is-saħħa fiżika tagħhom b’mod ġenerali, inqis li ċ-ċaħda totali tal-persuni għomja mill-eżerċizzju tal-attività ta’ ġurat professjonali ma tirrispettax il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità meħtieġa mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/78 sa fejn din tmur, mill-inqas, lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan.

101.

Ser nippreċiża fl-aħħar li r-regola invokata mill-Imħallef UB fil-kawża prinċipali li tipprovdi li hija responsabbiltà tiegħu sabiex jiżgura trattament ugwali tal-membri tal-formazzjoni ta’ deċiżjoni kollha tal-provi ppreżentati fil-kawża ( 44 ) ma tipprekludix li s-sitwazzjoni partikolari ta’ ġurat agħmi tittieħed inkunsiderazzjoni, partikolarment billi jingħata għajnuna materjali, personali jew organizzattiva. Bil-kontra, tali teħid inkunsiderazzjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala parti mill-akkomodazzjoni raġonevoli li l-Istat li jimpjega huwa marbut sabiex jagħti lill-persuni b’diżabbiltà konformement mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqri fid-dawl tal-premessa 17 tagħha ( 45 ).

102.

Bħala konsegwenza, nikkunsidra li qorti nazzjonali adita b’kawża bħal dik prinċipali, hija marbuta sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali tagħha, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u l-iskop tad-Direttiva 2000/78 sabiex tilħaq ir-riżultat previst minn din id-Direttiva, jiġifieri l-integrazzjoni tal-persuni li għandhom diżabbiltà bħall-għama fid-dinja tax-xogħol, f’dan il-każ l-attività bi ħlas ta’ ġurat, u li ma jiġux esklużi ħlief jekk ma humiex kapaċi sabiex jeżegwixxu l-kompiti meħtieġa mill-funzjonijiet tagħhom. Nenfasizza l-importanza li jiġi evitat li jkun hemm attitudni prekonċepita f’dan ir-rigward, billi nies bħal dawn jiġu esklużi mill-bidu fuq il-bażi li ma jistgħux jaraw. Huwa importanti li jiġi vverifikat jekk dawn il-persuni, permezz ta’ jew mingħajr għajnuna speċifika ( 46 ), humiex kapaċi sabiex jeżerċitaw l-attività ta’ ġurat li ma talbux huma stess sabiex jiġu eżentati minnha.

103.

Nippreċiża li tali approċċ ma jostakolax li persuna għamja, bħalma hija VA, tiġi eskluża minn ċerti kawżi kriminali fejn il-vista hija essenzjali u determinanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-provi, bħal dawk imsemmija fil-punt 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Bil-kontra, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet fid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-proċedura kriminali dwar il-kundizzjoni fiżika minima ta’ ġurat professjonali jew dwar is-saħħa fiżika tiegħu b’mod ġenerali, l-esklużjoni totali tal-parteċipazzjoni ta’ din il-persuna f’dawn il-kawżi fuq il-bażi tal-inkapaċità preżunta sabiex jiġu eżegwiti l-funzjonijiet tagħha, minħabba d-diżabbiltà tagħha, hija, fl-opinjoni tiegħi, sproporzjonata u tikkostitwixxi diskriminazzjoni li hija kuntrarja għad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-Konvenzjoni tal-ONU.

V. Konklużjoni

104.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi magħmula mill-Varhoven administrativen sad (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Bulgarija):

1)

L-Artikolu 2(1) u (2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqrija fid-dawl tal-punt 2 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri adattati sabiex jintegraw persuna li għandha d-diżabbiltà tal-għama fid-dinja tax-xogħol, inkluż sabiex tkun tista’, sa fejn ikun possibbli, teżerċita l-attività bi ħlas ta’ ġurat f’kawża kriminali.

2)

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali fil-qasam tal-proċedura kriminali dwar il-kundizzjoni fiżika minima tal-ġurat professjonali jew dwar is-saħħa fiżika tiegħu b’mod ġenerali, l-Artikolu 2(1) u (2), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/78, moqrija fid-dawl tal-punt 2 tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, jipprekludu li, fir-rigward ta’ persuna għamja li tissodisfa l-kriterji previsti mid-dritt nazzjonali sabiex tkun ġurat fil-kawżi kriminali fil-kuntest ta’ attività bi ħlas u li ġiet ammessa sabiex taħdem bħala ġurat fi ħdan qorti, din il-persuna tiġi kompletament eskluża mill-parteċipazzjoni f’dawn il-kawżi fuq il-bażi tal-inkapaċità preżunta sabiex teżerċitahom, minħabba d-diżabbiltà tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).

( 3 ) Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, li ġiet approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas‑26 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2010, L 23, p. 35).

( 4 ) Ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 39).

( 5 ) Ninnota li dan ma huwiex il-każ f’ħafna Stati Membri fejn l-attività ta’ membru tal-ġurija f’każijiet kriminali tikkostitwixxi dmir ċiviku li jagħti lok għal kumpens u mhux għal remunerazzjoni, li jitwettaq matul perijodu partikolari u ma jikkostitwixxix impjieg jew xogħol fis-sens tad-Direttiva 2000/78. Ġurat imsejjaħ biex iservi f’kawża kriminali jista’ jerġa’ jissejjaħ fil-futur iżda, b’mod ġenerali, wara ċertu perijodu ta’ żmien.

( 6 ) Ara, partikolarment, is-sentenzi tal‑11 ta’ April 2013, HK Danmark (C‑335/11 u C‑337/11, EU:C:2013:222, punt 38), kif ukoll tat‑18 ta’ Marzu 2014, Z. (C‑363/12, EU:C:2014:159, punt 77).

( 7 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet li jippreċiża l-kundizzjonijiet sabiex persuna ssir ġurat mingħajr ma jipprevedi xi rekwiżit dwar il-kapaċità fiżika jew dwar is-saħħa fiżika.

( 8 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2011, Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 67).

( 9 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf (C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 40).

( 10 ) Iddeduċejt dan mis-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 49, 5072).

( 11 ) Il-Karta tipprovdi għal dritt fundamentali li ma jkunx hemm diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’diżabilità u li jkun hemm integrazzjoni b’mod partikolari fid-dinja tax-xogħol, stabbiliti fl-Artikoli 21 u 26 rispettivament. Dawn id-drittijiet ġew implimentati bid-Direttiva 2000/78 sa fejn jikkonċernaw id-dritt għal trattament ugwali fil-qasam tal-impjieg u xogħol, kif dan jidher mit-titolu stess ta’ din id-direttiva u mill-paragrafu 3 tagħha, dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

( 12 ) Diversi Stati Membri għażlu li jużaw dawn il-ġurati. Hekk kif dan jirriżulta mill-elementi tad-dritt komparat fis-sentenza tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Novembru 2010, Taxquet vs Il-Belġju (CE:ECHR:2010:1116JUD000092605, punt 43, wieħed u għoxrin Stat Membru minn seba’ u għoxrin għamlu din l-għażla.

( 13 ) Ara l-kwalifikazzjonijiet meħtieġa mil-liġi dwar is-sistema ġuridika, punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 14 ) L-Istati Membri li jipprattikaw din is-sistema ta’ ġurati muniċipali, minbarra r-Repubblika tal-Bulgarija, huma r-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Kroazja, ir-Repubblika Taljana, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika tas-Slovakkja, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja. L-Istati Membri li għażlu ġurija tradizzjonali huma ir-Renju tal-Belġju, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika ta’ Malta u r-Repubblika tal-Awstrija.

( 15 ) Ara, partikolarment, is-sentenza tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Novembru 2010, Taxquet vs Il-Belġju, (CE:ECHR:2010:1116JUD000092605, punt 83).

( 16 ) Ara, partikolarment, is-sentenza tal-Qorti EDB tal-15 ta’ Diċembru 2005, Kyprianou vs Ċipru, (CE:ECHR:2005:1215JUD007379701, punt 118).

( 17 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:208, punt 94 et seq.).

( 18 ) Ara s-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 42).

( 19 ) Ara s-sentenzi ċċitati fis-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka (C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 43).

( 20 ) Ara Qorti EDB, 29 ta’ Ġunju 2017, Lorefice vs L-Italja, CE:ECHR:2017:0629JUD006344613, punti 36 u 43).

( 21 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-Kawża Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni (C‑185/95 P, EU:C:1998:37, punti 8283).

( 22 ) Ara Qorti EDB, 2 ta’ Diċembru 2014, Cutean vs Ir-Rumanija, CE:ECHR:2014:1202JUD005315012, punti 60 sa 73.

( 23 ) Hekk kif dan ġie ddikjarat fis-sentenza tal-Qorti EDB tas-16 ta’ Novembru 2010, Taxquet vs Il-Belġju, (CE:ECHR:2010:1116JUD000092605, punt 95), id-dibattiti għandhom iservu għall-konvinzjoni b’saħħitha.

( 24 ) Ara, b’mod partikolari, l-istruzzjoni mogħtija lill-ġurati fi Franza skont l-Artikolu 353 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali. Fil-Belġju, l-Artikolu 342 tal-Kodiċi ta’ Investigazzjoni Kriminali pprovda struzzjoni simili. Il-kunċett ta’ “konvinzjoni b’saħħitha” huwa spiss oppost għall-mekkaniżmu tal-liġi komuni li skontu għandha tingħata prova ta’ ħtija lil hinn minn dubju raġonevoli (“beyond reasonable doubt”). Madankollu, kif jindika Dominique Inchauspé, “fiż-żewġ każijiet, wieħed għandu jibbaża ruħu biss fuq l-evidenza ppreżentata waqt is-seduta” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. (“L’intime conviction” fit-Traité de psychiatrie légale, Bruylant, 2017, p. 603 sa 617).

( 25 ) Ser insemmi, bħala eżempju, il-każ ta’ kawżi ta’ pedopornografija li fihom il-ġurat jista’ jintalab sabiex jevalwa jekk jirriżultax mir-ritratti tal-persuni rrappreżentati fihom jekk dawn humiex, fl-opinjoni tiegħu, manifestament minuri.

( 26 ) Sentenza tat-2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi)) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punti 4142), u Qorti EDB, 10 ta’ Frar 2005, Graviano vs L-Italja, CE:ECHR:2005:0210JUD001007502, punt 36.

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, partikolarment, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, Prokuratuur (Kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi) (C‑746/18, EU:C:2021:152, punt 41).

( 28 ) Xi kriterji oħra jinkludi, fost oħrajn, livell ta’ taħriġ minimu (ara d-dritt Bulgaru fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet) jew il-fatt li jeżerċitaw funzjonijiet tal-Gvern jew leġiżlattivi, li jkollhom mandat ta’ elett lokali jew li jeżerċitaw xi funzjonijiet ġudizzjarji.

( 29 ) Dan huwa partikolarment il-każ tad-Danimarka, tal-Ġermanja u tal-Awstrija (ara “Il-post tal-ġurati popolari fil-proċess kriminali”, Étude de législation comparée, Nru 285, Lulju 2018, Sénat, Franza). Madankollu, il-Bulgarija ma ssemmix id-diżabbiltà mentali. Spanja, min-naħa tagħha, tipprevedi espliċitament fir-riforma tagħha tal-liġi dwar il-ġurati, li daħlet fis-seħħ fl-14 ta’ Frar 2018, li l-persuni milquta minn diżabbiltà ma humiex esklużi mill-funzjoni ta’ ġurat (Ley Orgánica 1/2017, de 13 de diciembre, de modificación de la Ley Orgánica 5/1995, de 22 de mayo, del Tribunal del Jurado, para garantizar la participación de las personas con discapacidad sin exclusiones (il-Liġi Organika 1/2017, tat-13 ta’ Diċembru 2017, li temenda l-Liġi Organika 5/1995, tat-22 ta’ Mejju 1995, li tirrigwarda l-qorti tal-ġurija, sabiex tiżgura l-parteċipazzjoni mingħajr esklużjoni tal-persuni li għandhom diżabbiltà) (BOE Nru 303, tal‑14 ta’ Diċembru 2017, p. 123527).

( 30 ) Ara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża tal-2004 (ECLI:DE:BVerfG:2004:rk20040310.2bvr057701). Madankollu ninnota li, fid-deċiżjoni tagħha, dik il-qorti ħalliet espliċitament miftuħa l-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-liġi fundamentali timponix l-esklużjoni tal-ġurati għomja.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, id-dritt kriminali Franċiż li l-għama tista’ tikkostitwixxi “motiv gravi” li jippermetti li jiġi eskluż ġurat b’din id-diżabbiltà (Artikolu 258 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u kummentarji ta’ Angevin, H. u Le Gall H‑C., “Cour d’assises-Composition-Jury” JurisClasseur Proċedura Kriminali, Frar 2021, fasc.20‑20).

( 32 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 6 tad-Direttiva 2000/78 li tagħmel referenza għall-Karta Komunitarja tad-drittijiet soċjali fundamentali tal-ħaddiema u l-premessa 8 ta’ din id-direttiva.

( 33 ) Ara l-premessa 9 tad-Direttiva 2000/78 li tirrifletti b’hekk l-Artikolu 26 tal-Karta, intitolat “L-Integrazzjoni tal-persuni diżabbli”, li jipprovdi li “[l]-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità”. Ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350, punti 77 u 78).

( 34 ) Nenfasizza li l-kawża preżenti tqajjem iktar diffikultajiet fir-rigward ta’ akkomodazzjoni raġonevoli li jistgħu jiġu adottati minn dawk eżaminati fil-kawża Tartu Vangla (C‑795/19, EU:C:2020:961) dwar gwardjan ta’ ħabs li jbati minn diżabbiltà tas-smigħ. Fil-fatt, hekk kif indikajt fil-konklużjonijiet tiegħi dwar dik il-kawża, apparat tas-smigħ u adattament tal-post tax-xogħol jistgħu jippermettu lill-parti interessati sabiex twettaq fis-sħiħ il-kompiti tagħha.

( 35 ) C‑356/12, EU:C:2014:350, punt 70.

( 36 ) Dawn il-prinċipji u direttivi, żviluppati taħt it-tmexxija tar-Relatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, ġew ippubblikati f’Awwissu 2020.

( 37 ) Ara d-daħla għal dawn il-prinċipji u d-direttivi tal-ONU mill-Kumissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem.

( 38 ) Ara l-“Prinċipji u Direttivi Internazzjonali fuq l-Aċċess għall-Ġustizzja għall-Persuni b’Diżabbiltà”, op. cit., id-Direttivi 7.2 (b) u 7.2 (c).

( 39 ) Ara l-“Prinċipji u Direttivi Internazzjonali fuq l-Aċċess għall-Ġustizzja għall-Persuni b’Diżabbiltà”, op. cit., id-Direttiva 3.

( 40 ) Ara eżempji msemmija fil-punti 69 u 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Xi regoli jeżistu fid-dritt tal-common law, li jiċħad ukoll bħala inammissibbli l-provi hearsay, jiġifieri dak li ma nstema’ mhux direttament minn xhud, però li ġew irrakkuntati lilu.

( 42 ) Ninnota li din il-fehma ma hijiex unanima. Huwa magħruf ukoll li n-nies bl-għama ħafna drabi jiżviluppaw sensi oħra, speċjalment is-smigħ, li jippermettulhom jiskopru sinjali fil-vuċi li ma jistgħux jipperċepixxu bil-vista.

( 43 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, VA ppreċiżat li hija pparteċipat fi 48 formazzjoni ta’ qrati u eżaminat 200 kawża.

( 44 ) Ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 45 ) Infakkar li, skont din il-premessa, il-kapaċità ta’ ġurat sabiex iwettaq il-kompiti li jeżiġu l-funzjonijiet tiegħu għandha tiġi eżaminata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-akkomodazzjonijiet raġonevoli li min jimpjega għandu jadotta fil-konfront tiegħu.

( 46 ) F’dan il-każ, jidhirli li, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, VA ma talbitx għajnuna sabiex twettaq il-kompiti tagħha ta’ ġurat.