KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑6 ta’ Ottubru 2020 ( 1 )

Kawża C‑580/19

RJ

vs

Stadt Offenbach am Main

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema – Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Kunċetti ta’ ħin tax-xogħol u ta’ perijodu ta’ mistrieħ – Pompieri professjonali – Servizz ta’ stand-by mingħajr post stabbilit mill-persuna li timpjega”

1.

F’liema ċirkustanzi l-ħin li ħaddiem jgħaddi f’sitwazzjoni ta’ stand-by jista’ jitqies bħala ħin tax-xogħol?

2.

Il-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li jinsab fid-Direttiva 2003/88/KE ( 2 ) jista’ jestendi sabiex ikopri sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem, minkejja li ma jkunx “qed jaħdem”, ikun jinsab f’sitwazzjoni tali li ma tippermettilux mistrieħ effettiv? U liema huma l-karatteristiċi ta’ “mistrieħ effettiv” skont l-għanijiet ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiem ta’ din id-direttiva?

3.

Jista’ wieħed jimmaġina li jeżistu “grey areas” li fihom il-ħaddiem ma jkunx f’ħin tax-xogħol, iżda lanqas f’perijodu ta’ mistrieħ?

4.

Dawn huma l-mistoqsijiet fl-isfond ta’ din il-kawża li, eżaminata b’mod ikkoordinat flimkien ma’ C‑344/19, tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tittratta l-klassifikazzjoni ġuridika tal-perijodi on-call u ta’ stand-by fid-dawl tad-Direttiva 2003/88.

5.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi dwar dan is-suġġett, iżda din il-kawża, minħabba l-karatteristiċi partikolari tal-każ inkwistjoni (nuqqas ta’ obbligu għall-ħaddiem ta’ preżenza fiżika f’post indikat mill-persuna li timpjega, ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa u ċerti restrizzjonijiet addizzjonali meħtieġa mill-karatteristiċi partikolari tax-xogħol), teħtieġ eżami mill-ġdid tal-prinċipji ddikjarati sa issa sabiex jiġu evalwati żviluppi possibbli.

6.

B’mod iktar preċiż, il-kwistjoni hija dwar jekk il-perijodi on-call, bl-obbligu għall-ħaddiem li jkun stand-by fi kwalunkwe mument u li jintervjeni, eventwalment, fi żmien għoxrin minuta, għandhomx jitqiesu bħala ħin tax-xogħol jew bħala perijodu ta’ mistrieħ fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88.

7.

Dan b’rigward, b’mod partikolari, għall-fatt li r-rikorrent, pompier, kien suġġett, fil-każ ta’ sejħa, għall-obbligu li jasal fi ħdan l-imsemmi ħin ta’ reazzjoni limitat fil-limiti tal-belt fejn kellu jipprovdi s-servizz bl-ilbies tax-xogħol u bil-vettura ta’ intervent.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

8.

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2003/88 tistabbilixxi li:

“Il-ħaddiema kollha għandhom ikollhom perjodi adekwati ta’ serħan [mistrieħ]. Il-kunċett ta’ ‘serħan’ [mistrieħ] għandu jkun espress f’unitajiet ta’ ħin, i.e. f’jiem, f’sigħat u/jew frazzjonijiet tagħhom. Il-ħaddiema tal-Komunità għandhom ikunu mogħtija l-perjodi minimi ta’ serħan [mistrieħ] ta’ kull jum u ta’ kull ġimgħa, u waqfien adekwati. Huwa wkoll meħtieġ li f’dan il-kuntest jitqiegħed limitu massimu fuq sigħat tax-xogħol matul kull ġimgha.”

9.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘ħin tax-xogħol’ ifisser kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu [ikun] għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu, b’konformità mal-liġijiet nazzjonali u/jew prattiċi [nazzjonali];

2)

‘perijodu ta’ serħan’ [mistrieħ] ifisser kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol;

[…]

9)

‘serħan adekwat [mistrieħ adegwat]’ ifisser li l-ħaddiema jkollhom perjodi regolari ta’ serħan [mistrieħ], li t-tul tagħhom huwa espress f’unitajiet ta’ ħin u li huma suffiċjentement twal u kontinwi li jassiguraw li, bħala riżultat ta’ għajja jew tendenzi oħrajn irregolari tax-xogħol, li ma joħolqux xi korriment għalihom, għal ħaddiema sħabhom jew għal oħrajn u li ma jkunux ta’ ħsara għal saħħithom, la f’terminu qasir u l-anqas f’terminu fit-tul”.

B.   Id-dritt Ġermaniż

10.

L-Anness għall-Verordnung über die Organisation, Mindeststärke und Ausrüstung der öffentlichen Feuerwehren (ir-Regolament dwar l-Organizzazzjoni, il-Limitu Minimu ta’ Forzi u Allokazzjonijiet tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri), tas‑17 ta’ Diċembru 2003, jipprovdi li:

“L-allokazzjonijiet tat-tieni livell, inkluż il-persunal neċessarju għal dan il-għan, għandhom jaslu fuq il-post ta’ intervent, bħala regola ġenerali, f’terminu ta’ 20 minuta wara l-bidu tal-allarm […]”.

11.

Skont l-Einsatzdienstverfügung der Feuerewehr Offenbach (iċ-Ċirkulari Operattiva tal-Korpi Pubbliċi tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main), fil-verżjoni tagħha tat‑18 ta’ Ġunju 2018, l-uffiċjal li jwettaq servizz “Beamter vom Einsatzleitdienst” (iktar ’il quddiem is-“servizz ‘BvE’”) għandu jmur immedjatament fuq il-post ta’ intervent billi juża l-privileġġi tiegħu li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ preċedenza.

12.

Fir-rigward tal-obbligi imposti fuq l-uffiċjal li jwettaq servizz “BvE”, l-imsemmija ċirkulari tipprovdi speċifikament fil-paġna 6:

“Matul iż-żmien tas-servizz ‘BvE’, l-uffiċjal għandu jżomm ruħu għad-dispożizzjoni u jkun f’post li jippermettilu josserva l-ħin ta’ intervent ta’ 20 minuta. Din ir-regola titqies li hija osservata meta, billi jintużaw il-privileġġi proprji li jidderogaw mill-Kodiċi tat-Triq u d-drittijiet ta’ reċedenza proprji, il-ħin tal-vjaġġ mill-post fejn ikun jinsab u l-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main ikun ta’ 20 minuta jew inqas. Dan il-ħin tal-vjaġġ japplika fil-każ ta’ traffiku medju intensiv u f’kundizzjonijiet normali tat-traffiku u meteoroloġiċi.”

II. Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

13.

RJ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa uffiċjal u jeżerċita s-servizz tiegħu bħala pompier mal-Korp tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main.

14.

Minbarra s-servizz ordinarju tiegħu, ir-rikorrent, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-Korp tal-Pompieri tal-Belt ta’ Offenbach am Main u bħala mexxej ta’ tim, għandu jeżerċita regolarment is-servizz imsejjaħ “BvE” (iktar ’il quddiem “stand-by”).

15.

Matul dan is-servizz, RJ għandu jkun dejjem fuq stand-by u jkollu lesti u disponibbli l-ilbies tax-xogħol kif ukoll il-vettura ta’ intervent imqiegħda għad-dispożizzjoni mill-persuna li timpjega. Huwa għandu l-obbligu li jwieġeb għas-sejħiet li jirċievi u li bihom jiġi informat dwar l-okkorrenza ta’ avvenimenti li dwarhom huwa obbligat jieħu deċiżjonijiet. Xi kultant, huwa għandu jmur fl-unità operattiva jew fil-post ta’ servizz tiegħu. Meta jwettaq servizz ta’ stand-by, ir-rikorrent għandu jagħżel il-post fejn ikun jinsab b’mod tali li jkun jista’ jasal bl-ilbies tax-xogħol u bil-vettura ta’ intervent, fil-każ ta’ intervent neċessarju, fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fi żmien 20 minuta.

16.

Matul il-ġimgħa, is-servizz ta’ stand-by idum mill‑17:00 sas‑7:00 tal-għada, filwaqt li fi tmiem il-ġimgħa, dan ikun mill‑17:00 tal-Ġimgħa sas‑7:00 tat-Tnejn u jista’ jkun li dan jingħadd ma’ ġimgħa ta’ servizz ta’ 42 siegħa.

17.

Bħala medja, ir-rikorrent wettaq servizz ta’ stand-by fi tmiem il-ġimgħa minn 10 sa 15‑il darba fis-sena. Matul il-perijodu mill‑1 ta’ Jannar 2013 sal‑31 ta’ Diċembru 2015, huwa wettaq total ta’ 126 servizz ta’ stand-by, li matulhom huwa kellu jwieġeb għal allarmi jew jintervjeni fiżikament 20 darba.

18.

RJ talab ir-rikonoxximent tal-imsemmija perijodi mwettqa fis-servizz ta’ stand-by bħala ħin tax-xogħol u r-remunerazzjoni relattiva. Min-naħa l-oħra, il-persuna li timpjega, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Awwissu 2014, ċaħdet tali talbiet billi qieset li tali servizz f’ebda każ ma seta’ jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol.

19.

Fil‑31 ta’ Lulju 2015, RJ ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostna li l-perijodi on-call jistgħu jitqiesu bħala ħin tax-xogħol anki meta, minkejja l-fatt li l-ħaddiem ma jkunx marbut li jkun preżenti fiżikament f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega, din tal-aħħar tistabbilixxi madankollu terminu qasir ħafna li fih il-ħaddiem irid imur lura għax-xogħol. F’dan il-każ, RJ isostni li, f’każ ta’ allarm, u sabiex ikun jista’ josserva t-terminu ta’ 20 minuta, huwa għandu immedjatament jitlaq mid-dar tiegħu b’riżultat li ma jkunx f’pożizzjoni li jiddedika ruħu għal attivitajiet li ma jistgħux jiġu interrotti. Barra minn hekk, barra mir-residenza tiegħu, huwa jista’ jeżerċita biss attivitajiet li jippermettulu li jkun jinsab fil-viċinanza immedjata tal-vettura tiegħu. Għalhekk, matul is-servizz ta’ stand-by, huwa jkun suġġett għal limitazzjonijiet kbar fl-għażla libera tal-attivitajiet li għalihom huwa jista’ jiddedika ruħu, b’mod partikolari mat-tfal tiegħu.

20.

Fil-fehma tal-persuna li timpjega, min-naħa l-oħra, is-servizz “BvE” ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol peress li RJ ma kienx obbligat li jżomm ruħu għad-dispożizzjoni f’post stabbilit mill-persuna li timpjega u li jinsab barra mill-kuntest tiegħu ta’ ħajja privata. It-terminu ta’ 20 minuta li għandu r-rikorrent sabiex jasal fil-limiti tal-belt joffri lil RJ perimetru ġeografiku xieraq li fih huwa jista’ jiċċaqlaq liberament, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-vettura ta’ intervent tingħata privileġġi ta’ deroga mill-Kodiċi tat-Triq fil-każ ta’ użu tas-sinjali ta’ allarm.

21.

B’mod preliminari, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, l-attivitajiet eżerċitati mill-forzi ta’ intervent ta’ korp tal-Istat tal-pompieri jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/88 ( 3 ) u, min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tas-servizzi ta’ stand-by ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva ( 4 ).

22.

Madankollu, hija tqis li l-kwistjoni dwar il-klassifikazzjoni tas-servizz ta’ stand-by bħala ħin tax-xogħol fis-sens tad-Direttiva 2003/88 hija deċiżiva għar-riżoluzzjoni tat-tilwima pendenti. Fil-fatt, konformement mad-dritt nazzjonali, il-persuna li timpjega lil RJ hija obbligata tagħti remunerazzjoni għas-servizz ta’ stand-by kif mitlub mir-rikorrent biss fil-każ fejn dan tal-aħħar ikun wettaq attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu ħin tax-xogħol bi ksur tal-ħin massimu ta’ xogħol fil-ġimgħa aċċettat mid-Direttiva 2003/88. Barra minn hekk, it-talba tar-rikorrent intiża sabiex jiġi rrikonoxxut li s-servizz ta’ stand-by jikkostitwixxi ħin tax-xogħol ma tirrigwardax il-kisba ta’ remunerazzjoni differenti eventwali iżda hija intiża sabiex jiġi evitat li fil-futur RJ ikollu jaħdem iktar mill-ħin massimu ta’ xogħol aċċettat mid-dritt tal-Unjoni.

23.

Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, sa issa, il-pożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet li tikkunsidra li s-servizz on-call jaqa’ taħt il-ħin tax-xogħol biss meta l-ħaddiem ikun marbut li jkun preżenti fiżikament f’post stabbilit mill-persuna li timpjega.

24.

Madankollu, hija tenfasizza li fis-sentenza Matzak ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li s-servizz on-call imwettaq minn ħaddiem fir-residenza tiegħu għandu, dan ukoll, jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, billi bbażat ruħha, minn naħa, fuq il-fatt li l-ħaddiem kien marbut jibqa’ preżenti fiżikament f’post stabbilit mill-persuna li timpjega (f’dan il-każ, fir-residenza tiegħu stess) u, min-naħa l-oħra, fuq il-limitazzjoni tal-possibbiltajiet għall-ħaddiem li jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali proprji li jirriżultaw min-neċessità li jasal fuq il-post tax-xogħol fi żmien 8 minuti.

25.

Skont il-qorti tar-rinviju, il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Matzak ma jeskludux li anki l-perijodi on-call bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża – li matulhom, għalkemm il-persuna li timpjega ma timponi fuq il-ħaddiem ebda post preċiż fejn huwa għandu jkun preżenti, dan tal-aħħar ikun, fi kwalunkwe każ, suġġett għal limitazzjonijiet sinjifikattivi għall-għażla libera tal-post fejn ikun jinsab u fl-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu – ikunu jistgħu wkoll jiġu kklassifikati bħala ħin tax-xogħol. Dan huwa l-każ, pereżempju, meta – bħal f’dan il-każ – billi l-persuna li timpjega timponi ħin qasir li matulu l-ħaddiem irid imur lura għax-xogħol, tistabbilixxi portata ġeografika li fiha l-ħaddiem għandu jkun fiżikament, u b’hekk tillimita l-għażla libera tiegħu fir-rigward tal-post fejn ikun jinsab u l-attivitajiet rikreattivi li għalihom huwa jkun jista’ jiddedika ruħu.

26.

Tali affermazzjoni hija kkonfermata, skont il-qorti tar-rinviju, fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Matzak, peress li jidher li fehem is-sitwazzjoni li wasslet għas-sentenza Matzak mhux fis-sens li l-pompier inkwistjoni kien marbut jibqa’ preżenti fir-residenza tiegħu stess, iżda li kellu sempliċement ikun f’pożizzjoni li jasal l-istazzjon fi żmien 8 minuti.

27.

Din il-qorti tirreferi, barra minn hekk, għall-punt 63 tas-sentenza Matzak u għall-punt 66 tad-digriet Grigore ( 6 ), li minnhom jirriżulta li l-kwalità tal-ħin għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem hija element rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk perijodu ta’ stand-by għandux jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol.

28.

Barra minn hekk hija tirrileva li l-Bundesarbeitsgericht (il-Qorti Industrijali Federali, il-Ġermanja) affermat li perijodu ta’ stand-by jikkostitwixxi ħin tax-xogħol meta l-ħaddiem ikun obbligat imur lura għax-xogħol fi żmien 20 minuta, irrispettivament mill-fatt jekk il-persuna li timpjega tkunx stabbilixxiet jew le post speċifiku li fih il-ħaddiem huwa marbut li jkun preżenti fiżikament matul tali perijodu. Il-fattur determinanti huwa fil-fatt il-limitazzjoni tal-libertà tal-ħaddiem fir-rigward tal-possibbiltà ta’ għażla tal-post fejn ikun jinsab u tal-organizzazzjoni tal-ħin liberu proprju minħabba l-ħin strett impost mill-persuna li timpjega.

29.

Skont il-qorti nazzjonali, ikun diskriminatorju li jiġu esklużi s-servizzi on-call mill-ħin tax-xogħol għas-sempliċi raġuni li l-persuna li timpjega ma pprevedietx post speċifiku fejn il-ħaddiem għandu jkun preżenti fiżikament, peress li, għal dan tal-aħħar, l-obbligu li jasal f’post speċifiku (f’dan il-każ il-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main) fi żmien 20 minuta, bl-uniformi tiegħu u bil-vettura ta’ intervent, jista’ jkollu, fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-ħin liberu tiegħu, effett li b’mod definittiv huwa restrittiv daqs dak li jirriżulta mill-impożizzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega ta’ post speċifiku fejn għandu jkun jinsab. Barra minn hekk, hija ssostni li, billi tissuġġetta lill-ħaddiem għal ħin qasir ta’ intervent, il-persuna li timpjega, indirettament, timponi fuq dan tal-aħħar ukoll il-post fejn huwa għandu jkun preżenti fiżikament, u b’hekk tillimita b’mod sinjifikattiv il-possibbiltajiet tiegħu li jgħix il-ħajja privata tiegħu kif iqis xieraq.

30.

Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, fir-rigward tal-kwistjoni tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, minħabba d-diġitalizzazzjoni tax-xogħol u l-eżistenza ta’ telexogħol, l-element tal-impożizzjoni min-naħa tal-persuna li timpjega ta’ lokalizzazzjoni partikolari tal-ħaddiem għandu jkollu rwol sekondarju fid-definizzjoni tal-kunċett inkwistjoni.

31.

B’riferiment għat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-kriterju użat mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) sabiex tiddetermina jekk is-servizz on-call jaqax taħt il-ħin tax-xogħol huwa marbut mal-prevedibbiltà, skont l-esperjenza, ta’ sejħa tal-ħaddiem li timponilu li jidħol lura għas-servizz. F’tali kuntest, il-fattur determinanti huwa kkostitwit mill-frekwenza li biha l-ħaddiem għandu jistenna li jiġi msejjaħ matul is-servizz on-call u għalhekk, jekk tali servizz jiġi interrott biss b’mod sporadiku min-neċessità ta’ intervent, dan ma jkunx ħin tax-xogħol.

32.

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi għalhekk jekk, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala ħin tax-xogħol tas-servizz on-call li ma għandux neċessarjament jingħadda fuq il-post tax-xogħol jew fir-residenza proprja, iżda li, minħabba l-karatteristiċi l-oħra tiegħu, jinvolvi restrizzjonijiet notevoli għall-organizzazzjoni tal-ħin liberu tal-ħaddiema, il-frekwenza tat-talbiet għal intervent tistax jew le tkun element rilevanti.

33.

F’tali ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Darmstadt (il-Qorti Amministrattiva ta’ Darmstadt, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li għandhom jitqiesu bħala ħin tax-xogħol il-perijodi ta’ stand-by li matulhom l-ħaddiem ikollu l-obbligu li jmur fil-partijiet ta’ barra tal-belt fejn huwa assenjat, bl-uniformi u fil-vettura ta’ intervent tiegħu, fi żmien 20 minuta, minkejja li l-persuna li timpjegah ma timponix fuqu post li fih għandu jkun preżenti fiżikament, iżda fejn il-ħaddiem ikun madankollu suġġett għal restrizzjonijiet importanti fl-għażla tal-post fejn huwa jinsab u fil-possibbiltajiet li huwa jkollu sabiex jiddedika ruħu għall-interessi personali u soċjali tiegħu?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik deskritta fl-ewwel domanda preliminari, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll, fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, il-punt dwar jekk, u sa fejn, matul il-perijodi ta’ on-call li huwa għandu jwettaq f’post mhux deċiż mill-persuna li timpjega, il-ħaddiem għandu bħala regola ġenerali jistenna li jissejjaħ sabiex imur għal intervent?”

III. Analiżi ġuridika

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. Fuq l-ammissibbiltà

34.

Id-Direttiva 2003/88, ibbażata fuq l-Artikolu 153(2) TFUE, tillimita ruħha li tirregola ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema u ma tapplikax, skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, għall-kwistjoni tar-remunerazzjoni tal-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, bl-eċċezzjoni fil-każ tal-ipoteżi speċifika fir-rigward tal-leave annwali mħallas, imsemmi fl-Artikolu 7(1) tal-istess direttiva ( 7 ); għaldaqstant, bħala prinċipju, din ma tapplikax għar-remunerazzjoni tal-ħaddiema.

35.

Il-fatt li s-suġġett tal-kawża prinċipali huwa t-talba għall-ħlas tar-remunerazzjoni, bħala ħin tax-xogħol, tas-sigħat stand-by mingħajr interruzzjoni, ma jimplikax li ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

36.

Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali titlob indikazzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, interpretazzjoni meqjusa neċessarja għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. Il-fatt li din tal-aħħar tirrigwarda, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni ta’ remunerazzjoni huwa irrilevanti, peress li hija l-qorti nazzjonali u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dik il-kwistjoni fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 8 ).

37.

Għaldaqstant, inqis li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju huma ammissibbli.

B.   Għan tad-Direttiva, kunċett ta’ ħin tax-xogħol u ta’ servizz on-call

38.

Id-Direttiva 2003/88 għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex tiġi mtejba l-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, għan li jintlaħaq, fost l-oħrajn, permezz tal-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħin tax-xogħol ( 9 ).

39.

Dan l-għan huwa element prinċipali fil-kostruzzjoni tad-dritt soċjali Ewropew. Wara li, abbażi tal-Artikolu 153 TFUE, iffissa l-prinċipji ġenerali għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fid-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat‑12 ta’ Ġunju 1989, il-leġiżlatur ta forma konkreta lil tali linji gwida permezz ta’ sensiela ta’ direttivi speċifiċi. Fosthom, fil-fatt, id-Direttiva 2003/88 li kkodifikat id-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE preċedenti tat‑23 ta’ Novembru 1993 ( 10 ).

40.

Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/88 jiffissaw perijodi minimi ta’ mistrieħ ta’ kuljum u ta’ kull ġimgħa kif ukoll limitu ta’ tmienja u erbgħin siegħa għall-medja tal-ħin tax-xogħol fil-ġimgħa, inkluża s-sahra.

41.

Permezz tal-imsemmija dispożizzjonijiet huwa implimentat l-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li, wara li rrikonoxxa, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”, jipprovdi, fil-paragrafu 2, li “[k]ull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta’ sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta’ mistrieħ kuljum u fil-ġimgħa u għal perjodu annwali ta’ leave imħallas”. Tali dritt huwa marbut direttament mar-rispett tad-dinjità tal-bniedem li hija protetta b’mod iktar wiesa’ fit-Titolu I tal-Karta ( 11 ).

42.

Huwa f’dan il-kuntest sistematiku li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat li r-regoli stabbiliti fid-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu regoli tad-dritt soċjali tal-Unjoni li għandhom importanza partikolari li minnhom għandu jibbenefika kull ħaddiem inkwantu huma regoli minimi meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu ( 12 ), protezzjoni, li ma taqax biss fl-interess individwali tal-ħaddiem, iżda wkoll ta’ dak tal-persuna li timpjega kif ukoll tal-interess ġenerali ( 13 ).

43.

L-ewwel konsegwenza li, fil-fehma tiegħi, tista’ tinsilet mir-rabta ta’ strumentalità bejn id-Direttiva 2003/88 u d-drittijiet soċjali fundamentali rrikonoxxuti mill-Karta hija li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/88 u d-determinazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għandhom ikunu xierqa sabiex jippermettu t-tgawdija sħiħa u effettiva mid-drittijiet suġġettivi li din tirrikonoxxi lill-ħaddiema, filwaqt li jiġi eliminat kull ostakolu li fil-fatt jista’ jillimita jew jippreġudika l-imsemmija tgawdija ( 14 ).

44.

Għal dan l-għan, fl-interpretazzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/88 għandu jitqies li, bħalma enfasizzat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħaddiem għandu jiġi kkunsidrat bħala l-parti dgħajfa fil-kuntratt ta’ xogħol, b’tali mod li huwa neċessarju li tiġi prekluża sitwazzjoni fejn il-persuna li timpjega tgawdi mill-fakultà li timponi fuqu restrizzjoni tad-drittijiet tiegħu ( 15 ).

45.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raġuni ta’ protezzjoni kkostitwixxiet id-dawl li ggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja fix-xogħol interpretattiv tad-Direttiva 2003/88.

46.

Eżempju ċar u sinjifikattiv tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Qorti tal-Ġustizzja jinsab qabel kollox fl-interpretazzjoni li hija tat lid-definizzjonijiet ta’ “ħin tax-xogħol” u ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”; interpretazzjoni li pproduċiet effetti frammentarji fuq l-ekwilibriju leġiżlattiv preżenti f’diversi Stati Membri ( 16 ).

47.

Id-Direttiva, meta tiddefinixxi l-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, utli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-protezzjonijiet li din tipprevedi, tirreferi, fil-fatt, għal “kwalunkwe perjodu li matulu il-ħaddiem ikunu [ikun] għax-xogħol, għad-disposizzjoni ta’ min jimpjegah u jwettaq l-attivitajiet jew id-doveri tiegħu ( 17 ) […]”; b’mod simetriku, perijodu ta’ mistrieħ ifisser “kwalunkwe perjodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol” (Artikolu 2(1) u (2)).

48.

Kif ippreċiżat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ mistrieħ” fis-sens tad-Direttiva 2003/88 jikkostitwixxu kunċetti tad-dritt tal-Unjoni li għandhom jiġu ddefiniti skont karatteristiċi oġġettivi, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u l-iskop ta’ din id-direttiva, intiża sabiex tistabbilixxi rekwiżiti minimi maħsuba sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol tal-ħaddiema ( 18 ); għaldaqstant, dawn “ma għandhomx jiġu interpretati skond ir-rekwiżiti tal-liġijiet differenti ta’ l-Istati Membri […]. Hija biss interpretazzjoni awtonoma bħal din li tista’ tiżgura lil din id-direttiva l-effikaċità sħiħa tagħha u kif ukoll applikazzjoni uniformi ta’ dawn il-kunċetti fl-Istati Membri kollha. […] [I]l-fatt li d-definizzjoni tal-kunċett tal-ħin tax-xogħol tirreferi għal-‘liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali’ ma jfissirx illi l-Istati Membri jistgħu b’mod unilaterali jiddeterminaw il-portata ta’ dan il-kunċett. Barra minn hekk, dawn l-Istati ma jistgħu jissuġġettaw għal ebda kundizzjoni d-dritt tal-ħaddiema li jkollhom il-perijodi ta’ xogħol u, b’mod korrelattiv, dawk tal-mistrieħ debitament meħuda in kunsiderazzjoni, peress illi dan id-dritt jirriżulta direttament mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Kull interpretazzjoni oħra tostakola l-għan tad-Direttiva 93/104 ( 19 ) li tarmonizza l-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema permezz ta’ rekwiżiti minimi” ( 20 ).

49.

Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tadotta approċċ deċiżament binarju: il-ħin tal-ħaddiem huwa xogħol jew huwa mistrieħ.

50.

Il-kunċetti ta’ “ħin tax-xogħol” u “perijodu ta’ mistrieħ”, fil-fatt, “huma esklużivi waħda mill-oħra” ( 21 ). Fl-istat preżenti tad-dritt tal-Unjoni, “il-ħin on-call li jgħaddi minnu ħaddiem fil-kors tal-attivitajiet tiegħu għal min iħaddmu għandu jkun ikklassifikat jew bħala ‘ħin tax-xogħol’, jew ‘perijodu ta’ serħan [mistrieħ]’” ( 22 ).

51.

Fid-duttrina, ġie sostnut li “din is-sistema binarja għandha l-vantaġġ tas-sempliċità iżda ma hijiex nieqsa minn inkonvenjenzi” ( 23 ). Fil-fatt, intqal, fost l-oħrajn, li, matul il-perijodu ta’ stand-by, anki jekk il-ħaddiem ma jwettaq ebda xogħol, il-libertà ta’ moviment tiegħu, il-kwalità tal-mistrieħ tiegħu, il-kapaċità li jehda bl-interessi proprji tiegħu hija limitata anki jekk mhux totalment eskluża; jista’ jiġri li, billi l-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala mistrieħ, dan ikun sistematikament stand-by bejn żewġ perijodi ta’ xogħol.

52.

Fuq dan is-suġġett, seħħ dibattitu duttrinali wiesa’ dwar il-possibbiltà li jiġi identifikat tertium genus bejn ħinijiet tax-xogħol u mistrieħ ( 24 ).

53.

Fl-istat attwali, filwaqt li jinkludi r-rekwiżiti li fuqhom huma bbażati l-proposti ta’ qabża mid-dikotomija riġida eżistenti ( 25 ), fil-fehma tiegħi, tali qabża tista’ eventwalment tiġi introdotta biss mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

54.

Fuq dan il-punt nosserva li fl-introduzzjoni eventwali ta’ “grey area” bejn ix-xogħol u l-mistrieħ ( 26 ), nara xi riskji f’termini ta’ applikazzjoni konkreta fl-Istati Membri kollha, u għalhekk ta’ ċertezza legali.

55.

Fi kwalunkwe każ, jidhirli li huwa diffiċli ħafna li wieħed jasal għal dan il-qbiż permezz ta’ interpretazzjoni fil-konfront ta’ test regolamentari ċar u inekwivoku: kull perijodu li ma jkunx il-ħin tax-xogħol huwa perijodu ta’ mistrieħ ( 27 ).

56.

Fir-rigward tal-elementi li jikkaratterizzaw il-kunċett tal-ħinijiet tax-xogħol, previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88, dawn ġew miġbura fil-qosor b’mod effettiv fi: 1) kriterju spazjali (li persuna tkun fil-post tax-xogħol); 2) kriterju tal-awtorità (li persuna tkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega) u 3) kriterju professjonali (li persuna tkun fl-eżerċizzju tal-attività tagħha jew tal-funzjonijiet tagħha) ( 28 ).

57.

Kif ser naraw, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl ta’ interpretazzjoni teleoloġika, kellha titbiegħed minn interpretazzjoni letterali ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva ( 29 ).

58.

Fil-fatt, fis-sentenzi dwar is-servizz on-call, il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet linja evoluttiva koerenti, sabiex toffri qafas solidu ta’ interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ ħinijiet tax-xogħol u mistrieħ, bil-għan li tattribwixxi lil kunċett wieħed jew ieħor il-perijodi li l-ħaddiema jkunu għaddew f’dik is-sitwazzjoni partikolari.

59.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, sa mill-ewwel sentenzi f’dan ir-rigward ( 30 ), għamlet distinzjoni bejn iż-żewġ ipoteżijiet ta’: 1) servizz on-call skont sistema ta’ preżenza fiżika fuq il-post tax-xogħol (perijodu ta’ on-call fuq il-post tax-xogħol) u 2) servizz on-call skont is-sistema li biha l-ħaddiema għandhom ikunu stand-by b’mod kontinwu mingħajr ma jkunu obbligati li jkunu preżenti fuq il-post tax-xogħol (perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni).

60.

L-ewwel ipoteżi ma tqajjimx problemi partikolari ta’ interpretazzjoni, peress li issa huwa paċifiku li ħaddiem, obbligat li jkun preżenti u disponibbli fuq il-post tax-xogħol sabiex iwettaq ix-xogħol tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li qiegħed jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u, għaldaqstant, li jinsab waqt il-ħin tax-xogħol ( 31 ), anki matul il-perijodu li fih huwa ma jwettaqx xogħol in concreto.

61.

It-tieni ipoteżi, li hija wkoll dik li tista’ tiġi attribwita lis-suġġett tal-kawża inkwistjoni, hija definittivament iktar kumplessa mill-perspettiva tal-interpretazzjoni.

62.

Fil-fatt, fil-każ ta’ stand-by, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet prinċipji differenti, anki minħabba d-domandi preliminari magħmula, li jistgħu madankollu jerġgħu jwasslu b’mod koerenti għall-perspettiva teleoloġika msemmija iktar ’il fuq.

63.

Fil-bidu kien hemm is-sentenza Simap, dwar tobba ta’ timijiet tal-ewwel kura f’servizz on-call f’ċentru tas-saħħa; huma kellhom ikunu preżenti fuq il-post tax-xogħol għal parti mill-ħin, filwaqt li għall-parti l-oħra kellhom ikunu sempliċement “stand-by”.

64.

Fir-rigward tat-tieni sitwazzjoni, minkejja li kienu għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjegahom, sa fejn dawn kellhom ikunu stand-by, it-tobba setgħu jiġġestixxu l-ħin tagħhom b’mod iktar liberu u jiddedikaw ruħhom għall-interessi proprji tagħhom. L-imsemmi ħin kien jaqa’, għalhekk, taħt il-kategorija ta’ “perijodu ta’ mistrieħ”, ħlief għall-ħin effettivament mgħoddi f’xogħol wara s-sejħa.

65.

Il-kawża Matzak ( 32 ) hija distinta minn Simap minħabba l-fatt li l-ħaddiem ma jinsabx fuq il-post tax-xogħol sabiex jirrispondi immedjatament għas-sejħa, iżda jinsab f’post speċifiku tal-persuna li timpjega ( 33 ) (f’dan il-każ ir-residenza tal-ħaddiem) bl-obbligu li jwieġeb għas-sejħa fi żmien 8 minuti.

66.

Essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li servizz ta’ stand-by bħal dak ta’ R. Matzak kellu jiġi kkunsidrat kollu kemm hu bħala ħin tax-xogħol sa fejn, anki jekk ma twettaqx fuq il-post tax-xogħol, huwa kien suġġett għal restrizzjonijiet ġeografiċi (stand-by f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega) u temporali (obbligu, ladarba msejjaħ, li jirritorna lejn il-post tax-xogħol f’perijodu ta’ ħin limitat ħafna) b’mod li jillimita b’mod sinjifikattiv ħafna l-libertà tal-ħaddiem li jiddedika ruħu, matul il-perijodu ta’ mistrieħ, għall-interessi personali u soċjali tiegħu nnifsu.

67.

Il-fatt li wieħed ikun jinsab f’“post iddeterminat mill-persuna li timpjega” tqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala ekwivalenti għal li jkun jinsab “fuq il-post tax-xogħol” sa fejn kien ikkombinat mal-fatt li t-tweġiba għas-sejħa kellha ssir f’terminu tant qasir li kienet kważi “immedjatament”.

68.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja, kif diġà għamlet fir-rigward tas-servizzi on-call ipprovduti fuq il-post tax-xogħol ( 34 ), mill-koeżistenza ta’ żewġ elementi tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol iddeduċiet l-eżistenza tat-tielet element: il-fatt li wieħed ikun f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega u l-fatt li jkun disponibbli sabiex jaħdem jintegraw ukoll l-eżerċizzju tax-xogħol tiegħu biss fil-każ fejn il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat.

69.

Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi dedott li, sabiex il-perijodu mgħoddi fi stand-by mingħajr interruzzjoni jitqies bħala ħin tax-xogħol, huma meħtieġa tliet kundizzjonijiet: 1) li l-ħaddiem ikun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega; 2) li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega sabiex iwieġeb għas-sejħa u 3) li l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat.

70.

Illum il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tevalwa jekk, fid-dawl tal-perspettiva, iċċitata diversi drabi, ta’ interpretazzjoni teleoloġika tad-Direttiva 2003/88, is-sussistenza ta’ dawn l-elementi hijiex dejjem neċessarja sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol u jekk tali obbligi għandhomx jiġu evalwati in concreto fid-dawl tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn humiex ta’ natura li jostakolaw il-possibbiltajiet reali tiegħu li jiddedika ruħu għall-interessi proprji tiegħu matul il-perijodu ta’ mistrieħ.

C.   Id-domandi preliminari: ir-restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega u l-mistrieħ effettiv

71.

Permezz taż-żewġ domandi preliminari tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li s-servizz on-call impost fuq il-ħaddiem fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ għandu jiġi kklassifikat bħala “ħin tax-xogħol” jew, għall-kuntrarju, bħala “perijodu ta’ serħan [mistrieħ]” fis-sens tad-definizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

72.

Iċ-ċirkustanzi partikolari deskritti mill-qorti tar-rinviju, li wassluha sabiex ikollha dubji dwar il-possibbiltà ta’ fehim mill-ġdid ta’ każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-evalwazzjoni tagħha fis-sitwazzjonijiet diġà analizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huma: a) il-fatt li l-ħaddiem kellu jkun jista’ jiġi kkuntattjat bit-telefon u jkun f’pożizzjoni li jasal fil-limiti tal-belt li fiha kellu jipprovdi s-servizz fi żmien 20 minuta; b) il-fatt li, fil-każ ta’ sejħa għal intervent, il-ħaddiem ikollu jasal fuq il-post relatat fl-imsemmija medda ta’ ħin bl-ilbies tax-xogħol; c) il-fatt li matul tali perijodu ta’ stand-by il-ħaddiem ikollu vettura tas-servizz li jintervjeni biha, mgħammra bi privileġġi ta’ deroga mir-regoli dwar it-traffiku fit-toroq u d) il-frekwenza baxxa li biha l-ħaddiem kien jissejjaħ jew kien obbligat jintervjeni matul is-servizzi on-call (20 darba minn total ta’ 126 servizz on-call imwettqa bejn l-2013 u l-2015).

73.

L-evalwazzjonijiet li għandhom isiru fid-dawl ta’ dak li ġie espost sa issa jirrigwardaw: 1) il-post fejn il-ħaddiem għandu jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by; 2) il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa; 3) il-karatteristiċi relatati mal-modalitajiet ta’ intervent (neċessità li jintlibes l-ilbies tax-xogħol disponibbiltà tal-mezz tas-servizz) u 4) il-frekwenza li biha l-ħaddiem jintalab iwieġeb għas-sejħa sabiex jintervjeni.

74.

Fir-rigward tal-ewwel element, il-post ta’ fejn għandha tinsab il-persuna matul l-istand-by, mill-proċess jirriżulta b’mod ċar li l-ħaddiem la kien legalment obbligat li jibqa’ fuq il-post tax-xogħol u lanqas f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega: fil-fatt, huwa kien liberu li jgħaddi l-ħin tiegħu fejn ried u l-unika rabta li ġiet imposta fuqu kienet li jkun jista’ jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fil-ħin ta’ reazzjoni ta’ għoxrin minuta.

75.

It-tieni element, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, li huwa ta’ għoxrin minuta, jidher l-iktar kumpless, peress li ma jistax jitqies bħala qrib ta’ reazzjoni “immedjata”, iżda lanqas ma jista’ jkun kompletament xieraq sabiex jippermetti lill-ħaddiem ippjanar ta’ perijodu ta’ mistrieħ sakemm issir is-sejħa.

76.

Fid-dawl ta’ dawn l-ewwel żewġ elementi, skont il-gwida ġurisprudenzjali tal-Qorti tal-Ġustizzja deskritta fil-punt 69 iktar ’il fuq, għandha tiġi eskluża r-rabta tal-perijodu ta’ stand-by mal-ħin tax-xogħol f’każ bħal dak li huwa s-suġġett tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, filwaqt li t-tieni kundizzjoni – li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega sabiex iwieġeb għas-sejħa – ċertament hija ssodisfatta, l-ewwel kundizzjoni – li l-ħaddiem ikun preżenti f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega – ma hijiex issodisfatta; sussegwentement, fir-rigward tat-tielet kundizzjoni – li l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun partikolarment limitat – din għandha tiġi vverifikata sa fejn il-ħin ta’ reazzjoni, għalkemm nettament superjuri għal dak tal-kawża Matzak, huwa fi kwalunkwe każ pjuttost qasir.

77.

It-tielet u r-raba’ element – rispettivament dak dwar l-obbligu ta’ intervent bl-uniformi u d-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz, u dak dwar il-prevedibbiltà tal-frekwenza tas-sejħiet għall-interventi waqt is-servizzi ta’ stand-by – jimponu, fil-proposta tal-qorti tar-rinviju, riflessjoni dwar il-klassifikazzjoni effettiva tal-ħin mgħoddi mill-ħaddiem fi stand-by mingħajr interruzzjoni. Fil-fatt, kif rajna, hija tesprimi dubji dwar il-fatt li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ inkwistjoni, il-fatt li l-ħaddiem ma huwiex obbligat jirrisjedi, matul perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, f’post iddeterminat mill-ħaddiem huwa biżżejjed sabiex jiġi eskluż li dan il-ħin jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol.

78.

Fir-rigward tat-tielet element – il-karatteristiċi relatati mal-modalitajiet ta’ intervent –, mill-proċess jirriżulta li, matul il-perijodi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, il-ħaddiem ma għandux ikun biss stand-by u jagħżel il-post fejn ikun jinsab b’mod li jkun jista’ jasal fil-limiti tal-Belt ta’ Offenbach am Main fi żmien ta’ 20 minuta, iżda wkoll li jiġi impost lilu mill-persuna li timpjega li jintervjeni bl-ilbies ta-xogħol u bil-vettura tas-servizz imqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu. Dawn l-aħħar żewġ ċirkustanzi, li jaffettwaw il-kwantità tal-ħin ta’ reazzjoni, huma restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega u mhux sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt is-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega (għall-kuntrarju tal-kawża C‑344/19 fir-rigward tal-lokalizzazzjoni ġeografika partikolari tal-post tax-xogħol).

79.

Ir-rekwiżit ta’ intervent liebes l-uniformi jwassal għal tnaqqis fil-ħin ta’ reazzjoni skont il-kumplessità ta’ tali lbies tekniku u l-ħin neċessarju sabiex jintlibes, ċirkustanza li għandha tiġi evalwata in concreto mill-qorti nazzjonali.

80.

It-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ mezz tas-servizz sabiex jasal fuq il-post ta’ intervent f’każ ta’ sejħa jista’, min-naħa l-oħra, iżid il-ħin effettivament għad-dispożizzjoni tal-ħaddiem jekk il-qorti nazzjonali tikkonstata dak li jidher li jirriżulta mill-proċess, jiġifieri li dan huwa mezz tas-servizz mgħammar bi drittijiet ta’ preċedenza u privileġġi ta’ deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-regoli dwar it-traffiku fit-toroq skont l-urġenza tal-intervent. Fil-fatt, dan jippermetti lill-ħaddiem jasal fid-destinazzjoni imposta min-neċessità tal-intervent iktar malajr milli kieku kellu għad-dispożizzjoni tiegħu biss mezz tat-trasport privat jew mezzi normali tat-trasport pubbliku.

81.

Finalment, fir-rigward tar-raba’ element, dwar il-prevedibbiltà tal-frekwenza li biha l-ħaddiem jista’ jintalab iwieġeb għas-sejħiet jew jintervjeni matul il-perijodu ta’ stand-by, anki dan, fil-fehma tiegħi, huwa element, mill-inqas parzjalment, fid-disponibbiltà tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega li, fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha, tista’ tagħmel evalwazzjonijiet ta’ previżjoni dwar in-neċessità ta’ intervent. Mill-proċess jirriżulta li, matul it-twettiq tas-servizzi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni relatati bejn l-2013 u l-2015, il-ħaddiem kellu jwieġeb, bħala medja, għal 6.67 sejħa fis-sena. Tali frekwenza tal-interventi mitluba, ma jidhirlix li tista’ twassal sabiex il-ħaddiem ikollu normalment jistenna li jiġi kkuntattjat jew jintervjeni matul is-servizz ta’ stand-by. Fuq dan il-punt ukoll, hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet tal-mertu u l-evalwazzjonijiet relatati.

82.

Għas-soluzzjoni tal-każ inkwistjoni, huma kkonfermati, fil-fehma tiegħi, il-prinċipji stabbiliti sa issa mill-Qorti tal-Ġustizzja: il-fatturi determinanti sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol huma r-restrizzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega, li jkunu tali li ma jippermettux lill-ħaddiem jibbenefika minn sitwazzjoni adegwata ta’ mistrieħ ( 35 ).

83.

L-element addizzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja llum tista’ żżid, dejjem mill-perspettiva teleoloġika, iċċitata diversi drabi, tal-interpretazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fid-Direttiva 2003/88, huwa li ma għandux jitqies bħala element neċessarju għall-finijiet tal-konfigurazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni bħala ħin tax-xogħol il-fatt li l-ħaddiem jinsab f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega iżda huwa suffiċjenti l-fatt li l-ħaddiem ikun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega u jkollu jintervjeni f’terminu qasir ħafna sabiex jaħdem. Minbarra l-fatt li, f’ċerti sitwazzjonijiet, mal-fatturi determinanti jistgħu jingħaddu, f’evalwazzjoni globali li għandha ssir mill-qrati nazzjonali, ċerti kriterji sussidjarji li jistgħu jgħinu fis-soluzzjoni tal-każijiet dubjużi.

84.

Kif rajna fis-sentenza reċenti Matzak, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod flessibbli l-espressjoni użata mid-Direttiva li, fost ir-rekwiżiti tal-ħin tax-xogħol, tintroduċi dik li wieħed ikun “għax-xogħol”, li ma tirreferix biss għall-post tax-xogħol iżda anki għal post ieħor stabbilit mill-persuna li timpjega.

85.

Meta l-ħaddiem ma jkunx jinsab fuq il-post tax-xogħol, anki f’ċerti każijiet preċedenti eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa l-issuġġettar għal-limitazzjonijiet imposti mill-persuna li timpjega, u b’mod partikolari l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, li għandu rwol determinanti u mhux il-fatt li jkun jinsab f’post iddeterminat mill-persuna li timpjega jew fil-viċinanzi tal-post tax-xogħol.

86.

Fil-fatt, fil-każijiet Grigore u Tyco, iċ-ċirkustanza jekk il-ħaddiem kienx jinsab jew le f’post speċifiku stabbilit mill-persuna li timpjega jew fil-viċinanza tal-post tax-xogħol ġiet meqjusa irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by.

87.

Fil-kawża Grigore, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-għoti ta’ akkomodazzjoni tas-servizz fil-viċinanzi tal-post tax-xogħol ma jikkostitwixxix fattur determinanti sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat f’termini ta’ xogħol jew ta’ mistrieħ, madankollu hija ħalliet f’idejn il-qorti nazzjonali l-evalwazzjoni fir-rigward tal-kriterju li ġej: il-perijodu ta’ stand-by jista’ jitqies bħala ħin tax-xogħol jekk jiġi kkonstatat li jeżistu “obbligi li jirrendu impossibbli għall-ħaddiem ikkonċernat l-għażla tal-post ta’ residenza matul il-perijodi ta’ inattività fuq ix-xogħol”. Fil-fatt, meta jiġu stabbiliti, dawn “għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu” ( 36 ).

88.

Fil-kawża Tyco ( 37 ) il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, affermat li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħin tal-ivvjaġġar ta’ ħaddiema, li ma għandhomx post tax-xogħol fiss bejn ir-residenza tagħhom u l-klijenti indikati mill-persuna li timpjega għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol peress li dawn il-ħaddiema, minkejja li kellhom ċertu grad ta’ libertà matul il-vjaġġi, kienu madankollu obbligati li jaġixxu skont l-istruzzjonijiet speċifiċi tal-persuna li timpjega.

89.

Il-qari tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-perspettiva ta’ interpretazzjoni teleoloġika li għaliha diġà rreferejt diversi drabi, iwassalni, għalhekk, sabiex nikkunsidra li l-fattur determinanti fil-klassifikazzjoni tal-perijodi ta’ stand-by huwa l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar tal-ħaddiem għad-direttivi tal-persuna li timpjega u, b’mod partikolari, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa.

90.

Il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa huwa fattur determinanti minħabba li jinfluwenza direttament b’mod oġġettiv u inekwivoku l-libertà tal-ħaddiem li jiddedika ruħu għall-interessi proprji u, essenzjalment, li jistrieħ: ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa ta’ ftit minuti ma jippermetti ebda ppjanar, anki flessibbli, tal-perijodu ta’ mistrieħ proprju.

91.

Min-naħa l-oħra, ħin ta’ reazzjoni raġonevoli għas-sejħa jippermetti lill-ħaddiem jiddedika ruħu għal attivitajiet oħra matul il-perijodu ta’ stand-by, anki jekk bl-għarfien tal-possibbiltà li jissejjaħ għas-servizz.

92.

Il-ħin ta’ reazzjoni, fil-fehma tiegħi, jinfluwenza wkoll il-post fejn il-ħaddiem irid ikun jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by ( 38 ): huwa evidenti li ħin ta’ reazzjoni qasir ħafna jimponi li l-ħaddiem ikun preżenti matul l-istand-by f’medda ġeografika determinata li, essenzjalment, hija ddeterminata mill-persuna li timpjega ( 39 ). Din tal-aħħar, jiġifieri, anki jekk ma timponix li l-ħaddiem joqgħod f’post determinat, jekk timponilu ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa qasir ħafna, effettivament tkun timponilu wkoll restrizzjoni sostanzjali fuq il-libertà ta’ moviment tiegħu.

93.

Għalhekk, inqis li ma huwiex daqstant il-post fejn il-ħaddiem ikun jinsab matul il-perijodu ta’ stand-by li għandu rwol deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ dan il-perijodu f’termini ta’ mistrieħ jew ta’ xogħol, iżda r-restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiem innifsu li tirriżulta mill-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa impost.

94.

Fil-fatt, ma narax differenzi kbar f’termini ta’ restrizzjonijiet għall-ħaddiem bejn is-sitwazzjoni li fiha huwa obbligat joqgħod fir-residenza proprja matul il-perijodu ta’ stand-by u dik li fiha huwa ma għandux dan l-obbligu, iżda huwa obbligat iwieġeb għas-sejħa f’terminu partikolarment qasir.

95.

Kif semmejt iktar ’il fuq, għalhekk, fil-fehma tiegħi, hija l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar għad-direttivi tal-persuna li timpjega li jkollha rwol determinanti għall-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by bħala xogħol jew bħala mistrieħ. Ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw minn tali ssuġġettar jistgħu jkunu l-iktar varji, iżda, fl-ewwel lok, huwa l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa li għandu jitqies bħala deċiżiv.

96.

L-impożizzjoni ta’ post fejn jingħadda l-perijodu ta’ stand-by jista’ jkollha rwol, bħala sintomu tal-imsemmija intensità tal-issuġġettar għad-direttivi tal-persuna li timpjega, biss f’evalwazzjoni globali.

97.

Anki jekk tiġi analizzata s-sitwazzjoni mill-perspettiva tal-persuna li timpjega, il-possibbiltà li l-ħaddiem jiġi kkuntattjat permezz ta’ mezzi elettroniċi portabbli (ċellulari, tablet, laptop) li jippermettu li jiġi kkuntattjat fi kwalunkwe mument, tirrendi inqas iġġustifikat u komprensibbli l-fatt li l-persuna li timpjega teżiġi li, matul il-perijodu ta’ stand-by, il-ħaddiem ikun fiżikament preżenti f’post iddeterminat minnha. Dak li huwa essenzjali għall-persuna li timpjega huwa l-perijodu ta’ ħin li matulu l-ħaddiem, ikun fejn ikun, għandu jkun jista’ jasal fuq il-post assenjat lilu mill-persuna li timpjega.

98.

Ladarba ġie identifikat il-fattur determinanti għall-klassifikazzjoni tal-perijodu on-call f’termini ta’ xogħol jew mistrieħ, huwa neċessarju li l-qrati nazzjonali jingħataw ċerti kriterji addizzjonali li għandhom jużaw meta r-restrizzjoni prinċipali, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, ma tkunx tant qasira li timpedixxi mistrieħ effettiv tal-ħaddiem.

99.

Fil-fatt, meta l-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir ħafna, jiġifieri limitat għal ftit minuti, inqis li dan ikun biżżejjed sabiex il-perijodu ta’ stand-by jiġi kklassifikat bħala ħin tax-xogħol, mingħajr verifiki addizzjonali minħabba l-kunsiderazzjonijiet preċedenti: il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiem hija, f’dan il-każ, tant ikkompressata li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-post ta’ residenza marbut mar-rekwiżiti tal-persuna li timpjega.

100.

Jekk, min-naħa l-oħra, bħal fil-każ inkwistjoni, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir iżda mhux tali li jimpedixxi b’mod kważi assolut il-libertà tal-għażla mill-ħaddiem tal-post fejn jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by, jistgħu jiġu kkunsidrati kriterji addizzjonali, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni f’sistema ta’ stand-by jista’ jkollhom fuq il-mistrieħ tal-ħaddiem: ir-restrizzjonijiet imposti globalment jillimitaw għalhekk il-possibbiltajiet għall-ħaddiem li jsegwi l-interessi personali u familjari proprji u l-libertà tiegħu ta’ moviment mill-post tax-xogħol jew huma tali li jimpedixxuhom b’mod kważi assolut? Fil-fatt, huwa naturali li l-perijodu ta’ stand-by jimponi ċerti restrizzjonijiet u limitazzjonijiet għal-libertà tal-ħaddiem; l-għan tad-dritt tal-Unjoni huwa li jiġi evitat li dawn il-limitazzjonijiet ikunu tant invażivi li ma jippermettux mistrieħ effettiv lill-ħaddiem.

101.

Nifhem f’dan is-sens l-attenzjoni li għandha tingħata lill-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem. Min-naħa l-oħra, inkun iktar prudenti li nuża bħala kriterju, għalkemm propost b’mod awtorevoli ( 40 ), dak tal-“kwalità tal-ħin” li l-ħaddiem jista’ jgawdi meta jkun f’servizz stand-by. Fil-fatt, inqis li tali kriterju jista’ jirriżulta eċċessivament suġġettiv u għalhekk jista’ jwassal għal diversi interpretazzjonijiet tal-qrati nazzjonali, anki minħabba d-diversi sensittivitajiet fil-pajjiżi individwali, li ma jibbenefikawx lill-prinċipju ta’ ċertezza legali.

102.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-seduta, l-intervenjenti ( 41 ) pproponew diversi kriterji, li jikkonsistu f’restrizzjonijiet li minnhom tista’ tiddependi l-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by bħala xogħol jew mistrieħ: jekk it-tweġiba għas-sejħa hijiex obbligatorja jew le; il-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront ta’ din is-sejħa (possibbiltà ta’ intervent mill-bogħod, sostitwibbiltà eventwali ma’ ħaddiem ieħor); il-previżjoni ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ intervent jew għad-dewmien ta’ reazzjoni għas-sejħa; il-grad ta’ urġenza tal-intervent, il-livell ta’ responsabbiltà tal-ħaddiem, il-karatteristiċi speċifiċi tal-professjoni, id-distanza li għandha tiġi koperta bejn il-post fejn jinsab il-ħaddiem u l-post tad-dħul lura għax-xogħol, ir-restrizzjonijiet ġeografiċi li jistgħu jdewmu l-vjaġġ lejn il-post tax-xogħol, in-neċessità li jintlibes l-ilbies tax-xogħol, id-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz.

103.

Minbarra dawn hemm il-kriterju tal-aspettattiva raġonevoli li ssir sejħa għas-servizz, is-suġġett tat-tieni domanda preliminari f’din il-kawża, li jidher li jirreferi għall-effett tal-frekwenza tal-interventi fuq in-natura effettiva tal-perijodu ta’ mistrieħ tal-perijodu ta’ stand-by.

104.

Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita ruħha li tistabbilixxi kriterji ġenerali u oġġettivi mingħajr ma tidħol wisq fil-partikolarità ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi u tħalli, għall-kuntrarju, f’idejn il-qrati nazzjonali l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt.

105.

Nemmen li wieħed jista’ jillimita ruħu li juri ċerti kriterji supplimentari li għandhom jintużaw fil-każijiet dubjużi kif espost iktar ’il fuq, iżda li madankollu jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega – u tal-istat ta’ ssuġġettar tal-ħaddiem, suġġett dgħajjef tar-relazzjoni – u li ma jirriżultawx minn sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt l-isfera ta’ kontroll tal-persuna li timpjega.

106.

Għaldaqstant, neskludi li jistgħu jiġu evalwati ċirkustanzi bħad-distanza li għandha tiġi koperta sabiex wieħed jasal fuq il-post tax-xogħol (ħlief jekk ikun differenti mill-post abitwali u għalhekk ma jiddependix mir-rieda speċifika tal-persuna li timpjega), jew ir-restrizzjonijiet ġeografiċi, anki jekk dawn, kif intqal, ikunu indipendenti mid-disponibbiltà tal-persuna li timpjega.

107.

Neskludi wkoll l-għoti ta’ importanza partikolari lil-livell ta’ responsabbiltà u lill-kompiti speċifiċi mwettqa: l-istand-by hija modalità ta’ organizzazzjoni tax-xogħol li titħalla għas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega. Għall-ħaddiem, it-tweġiba għas-sejħa tirrappreżenta l-issodisfar tal-obbligu ta’ xogħol li għalih għandu juri d-diliġenza normali. Għaldaqstant, inqis li l-provvista ta’ xogħol għandha tiġi ssodisfatta mill-ħaddiem favur l-impriża bl-istess impenn, u dan indipendentement mill-pożizzjoni koperta u mil-livell ta’ responsabbiltà. Fil-fatt, ikun diffiċli li ssir evalwazzjoni oġġettiva tal-interess tal-impriża peress li dak li jista’ jidher ftit importanti għal xi ħadd jista’ jkun ta’ importanza estrema għal ħaddieħor. L-istess japplika għall-kriterju tal-grad ta’ urġenza tal-intervent u għan-natura u l-importanza tal-interessi involuti fl-attività mwettqa.

108.

Huwa veru li l-grad ta’ pressjoni psikoloġika fuq il-ħaddiem jista’ jvarja skont il-livell ta’ responsabbiltà, iżda, fil-fehma tiegħi, dan huwa element suġġettiv wisq sabiex ikun jista’ jkollu rwol fil-klassifikazzjoni.

109.

Għandu jsir diskors differenti, fil-fehma tiegħi, għal ċerti kriterji li jirrigwardaw ċirkustanzi fid-disponibbiltà tal-persuna li timpjega: il-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront tas-sejħa, pereżempju, jista’ jintuża bħala kriterju supplimentari kemm fil-każ fejn ikun hemm flessibbiltà fil-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa, kif ukoll fil-każ fejn ikun hemm possibbiltà ta’ intervent mill-bogħod mingħajr il-ħtieġa li l-ħaddiem imur fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll ulterjorment fil-każ fejn il-ħaddiem ikun jista’ jiddependi fuq is-sostitwibbiltà tiegħu ma’ ħaddiem ieħor diġà fuq il-post tax-xogħol jew li jkun f’pożizzjoni li jasal iktar faċilment.

110.

L-istess japplika għall-konsegwenzi previsti fil-każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ intervent fil-każ ta’ sejħa matul il-perijodu ta’ stand-by.

111.

Kif intqal, għall-ħaddiem it-tweġiba għas-sejħa fil-każ ta’ stand‑by tikkonsisti fit-twettiq tal-provvista ta’ xogħol. Madankollu, il-persuna li timpjega tista’ tipprevedi konsegwenzi ftit jew wisq sinjifikattivi għat-twettiq inkorrett. In-nuqqas ta’ previżjoni espliċita ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas jew id-dewmien tat-twettiq, kif ukoll il-portata ta’ sanzjonijiet eventwali previsti jista’ jkollhom rwol fil-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by.

112.

Anki ċirkustanzi li jidhru li huma inqas sinjifikattivi, bħal dawk preżenti f’din il-kawża, u jiġifieri n-neċessità li jintlibes ilbies tekniku għax-xogħol u d-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz sabiex il-ħaddiem jasal fuq il-post tal-intervent, jista’ jkollhom rwol fil-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by, b’mod partikolari fl-evalwazzjoni tal-adegwatezza jew le tal-ħin biex tingħata tweġiba għas-sejħa.

113.

Kif issemma fil-punti 77 sa 79, kieku l-ħaddiem kellu ħin relattivament qasir sabiex jirreaġixxi għas-sejħa għal servizz waqt l-istand-by mingħajr interruzzjoni u l-persuna li timpjega kellha timponilu jilbes, fl-istess medda ta’ ħin, ilbies speċifiku li jeħtieġ ħin partikolarment twil sabiex jintlibes, dan il-fatt jista’ jkollu effett fuq l-imsemmija evalwazzjoni tal-adegwatezza.

114.

Bl-istess mod, għall-kuntrarju, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, mill-persuna li timpjega, ta’ mezz tas-servizz sabiex jasal fuq il-post tal-intervent fil-każ ta’ sejħa, li jista’, bħala ipoteżi, jidderoga mill-osservanza ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-regoli dwar it-traffiku fit-toroq minħabba l-importanza tal-interessi kkonċernati mill-intervent, jista’ jkollu effett fuq l-evalwazzjoni tal-adegwatezza f’termini ta’ faċilitazzjoni u għalhekk jiġġustifika wkoll ħin ta’ reazzjoni li, mingħajr din iċ-ċirkustanza, jista’ jidher inadegwat sabiex jippermetti mistrieħ effettiv.

115.

Ċirkustanza oħra, anki taħt id-disponibbiltà tal-persuna li timpjega, li nqis li jista’ jkollha effett, fil-każijiet dubjużi, fuq il-klassifikazzjoni tal-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni tirrigwarda l-lokalizzazzjoni temporali u t-tul tal-perijodu ta’ stand-by. Fil-fatt, jekk dan spiss ikun billejl jew fil-jiem ta’ festa, jew ikun partikolarment twil, il-grad ta’ inkonvenjent għall-ħaddiem huwa ikbar minn matul il-ġurnata jew waqt jiem ta’ xogħol.

116.

Finalment, fir-rigward taċ-ċirkustanza dwar il-frekwenza probabbli tal-interventi li hija, kif intqal, is-suġġett speċifiku tat-tieni domanda preliminari f’din il-kawża, din tista’, fil-fehma tiegħi, taqa’ taħt iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġu evalwati fil-każijiet dubjużi, madankollu mingħajr ebda awtomatiżmu: frekwenza baxxa ta’ interventi ma tippermettix li l-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni jiġi kklassifikat bħala mistrieħ, bħalma frekwenza oħra ma tippermettix li dan jiġi kkunsidrat bħala ħin tax-xogħol.

117.

L-element li jista’ jkollu rwol f’evalwazzjoni globali huwa jekk, u sa fejn, il-ħaddiem għandu, normalment, jistenna li jiġi msejjaħ matul is-servizz on-call ( 42 ).

118.

Din iċ-ċirkustanza hija, għall-inqas parzjalment, kif intqal, taħt id-disponibbiltà tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega li, fl-organizzazzjoni tal-impriża tagħha, tista’ tagħmel evalwazzjonijiet ta’ previżjoni dwar in-neċessità ta’ intervent.

119.

Jekk l-interventi jseħħu b’mod repetut ħafna matul il-perijodi ta’ stand-by, l-involviment tal-ħaddiem isir tant sinjifikattiv li jnaqqas b’mod kważi assolut il-possibbiltà tiegħu ta’ ppjanar tal-ħin liberu matul tali perijodi u, flimkien maċ-ċirkustanza ta’ ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa, jirriskja li jipperikola serjament l-effettività tal-mistrieħ tiegħu.

120.

Abbażi tal-kriterji esposti sa issa, ser ikun il-kompitu tal-qrati nazzjonali, wara li jkunu vverifikaw iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’approċċ intiż sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni ta’ sistema ta’ on-call jista’ jkollhom fuq l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem, li jikklassifikaw il-ħin mgħoddi f’servizz ta’ stand-by mill-ħaddiem bħala ħin tax-xogħol jew bħala ħin ta’ mistrieħ. Huma għandhom jaċċertaw in concreto jekk il-ħin mgħoddi b’dan il-mod huwiex, bħala regola, perijodu ta’ mistrieħ jew jekk, minħabba restrizzjonijiet partikolarment stretti introdotti mill-persuna li timpjega, jitlifx il-parametri naturali tiegħu sabiex jinbidel f’ħin tax-xogħol.

IV. Konklużjoni

121.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ġej:

“1)

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ sigħat on-call bħala ħin tax-xogħol jew perijodu ta’ mistrieħ, il-fattur determinanti huwa l-intensità tar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mill-issuġġettar tal-ħaddiem għad-direttivi tal-persuna li timpjega u, b’mod partikolari, il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa.

Fil-każ fejn il-ħin ta’ reazzjoni għas-sejħa jkun qasir, iżda mhux tali li jimpedixxi b’mod assolut il-libertà tal-għażla mill-ħaddiem tal-post fejn jgħaddi l-perijodu ta’ stand-by, jistgħu jintużaw elementi addizzjonali ta’ indizju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett globali li l-kundizzjonijiet kollha ta’ implimentazzjoni f’sistema ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni jista’ jkollhom fuq il-mistrieħ tal-ħaddiem.

Tali elementi għandhom jaqgħu taħt l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tmexxija tal-persuna li timpjega – u bil-korrispondenti stat ta’ ssuġġettar tal-ħaddiem, suġġett dgħajjef tar-relazzjoni – u ma jirriżultawx minn sitwazzjonijiet oġġettivi li ma jaqgħux taħt l-isfera ta’ kontroll tal-persuna li timpjega.

Dawn jistgħu, bħala eżempju, jikkonsistu fil-marġni ta’ manuvra tal-ħaddiem fil-konfront tas-sejħa, fil-konsegwenzi previsti fil-każ ta’ dewmien jew nuqqas ta’ intervent fil-każ ta’ sejħa, fin-neċessità li jintlibes ilbies tekniku għax-xogħol, fid-disponibbiltà ta’ vettura tas-servizz sabiex jasal fuq il-post tal-intervent, fil-lokalizzazzjoni temporali u fit-tul tal-perijodu ta’ stand-by, u fil-frekwenza probabbli tal-interventi.

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-perijodi ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni mwettqa minn pompier suġġett għall-obbligu li jkun kapaċi jasal fi żmien 20 minuta – ħin ta’ reazzjoni mhux qasir ħafna iżda lanqas, kif jidher, xieraq sabiex jiggarantixxi mistrieħ effettiv tal-ħaddiem – bl-ilbies tax-xogħol u l-vettura ta’ intervent, fil-limiti tal-belt bejn tinsab is-sede ta’ servizz tiegħu, minkejja li mingħajr restrizzjonijiet preċiżi ta’ lokalizzazzjoni imposti mill-persuna li timpjega, jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ħin tax-xogħol” fil-każ fejn il-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-qorti nazzjonali jivverifikaw l-eżistenza ta’ xi wħud mill-elementi ta’ indizju li, flimkien mat-tul tal-ħin ta’ reazzjoni, ikunu tali li ma jiggarantixxux l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem.

2)

Id-definizzjoni ta’ “ħin tax-xogħol” li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll – minkejja li mingħajr awtomatiżmu, iżda bħala sempliċi kriterju supplimentari – jekk u b’liema frekwenza huwa prevedibbli li matul servizz ta’ on-call il-ħaddiem jintalab jintervjeni fuq sejħa. Fil-fatt, il-frekwenza għolja tal-interventi matul il-perijodi ta’ stand-by jistgħu jinkludu involviment tal-ħaddiem tant sinjifikattiv li jnaqqas b’mod kważi assolut il-possibbiltà tiegħu ta’ ppjanar tal-ħin liberu matul tali perijodi li, flimkien maċ-ċirkustanza ta’ ħin qasir ta’ reazzjoni għas-sejħa, jirriskja li jippreġudika l-effettività tal-mistrieħ tal-ħaddiem.


( 1 ) Lingwa oriġinali: it-Taljan.

( 2 ) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

( 3 ) Ara d-digriet tal‑14 ta’ Lulju 2005, Personalrat der Feuerwehr Hamburg (C‑52/04, ECLI:EU:C:2005:467, punt 52).

( 4 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 5 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82).

( 6 ) Ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigoire (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122).

( 7 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punti 2324), kif ukoll is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Hälvä et (C‑175/16, EU:C:2017:617, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 26).

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2017, Maio Marques da Rosa (C‑306/16, EU:C:2017:844, punt 45) u tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 23).

( 10 ) Fil-fatt, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tafferma b’mod konsistenti li peress li l-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva 2003/88 huma redatti f’termini essenzjalment identiċi għal dawk tal-Artikoli 1 sa 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE tat‑23 ta’ Novembru 1993 dwar xi aspetti ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), kif emendata bid-Direttiva 2000/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 27), l-interpretazzjoni ta’ dawn l-artikoli mill-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiġi trasposta għall-artikoli msemmija iktar ’il fuq tad-Direttiva 2003/88; ex multis, ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 32) u d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża King (C‑214/16, EU:C:2017:439, punt 36).

( 12 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones Obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 24); tal‑1 ta’ Diċembru 2005, Dellas et (C‑14/04, EU:C:2005:728, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata); digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 41).

( 13 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:338, punt 52).

( 14 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CCOO (C‑55/18, EU:C:2019:87, punt 39).

( 15 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2010, Fuß (C‑429/09, EU:C:2010:717, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2018, Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften (C‑684/16, EU:C:2018:874, punt 41).

( 16 ) F’dan is-sens, fid-duttrina ara Leccese, V., Directive 2003/88/EC concerning certain aspects of the organisation of working time, f’Ales, E., Bell, M., Deinert, O., Robin-Olivier, S., (edituri), International and European Labour Law. Article-by-Article Commentary, Nomos Verlagsgesellshaft, Baden-Baden, 2018, p. 1285‑1332, b’mod partikolari p. 1291.

( 17 ) Enfasi miżjuda minni.

( 18 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 62) u s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 27).

( 19 ) L-istess jgħodd, kif intqal iktar ’il fuq, għad-Direttiva 2003/88 li għaliha għalhekk jibqgħu validi l-interpretazzjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tad-direttiva preċedentement fis-seħħ.

( 20 ) Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2003, Jaeger (C‑151/02, EU:C:2003:437, punti 5859).

( 21 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55); is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 47) u s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578, punt 26).

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 55).

( 23 ) Kéfer, F. u Clesse, J., “Le temps de garde inactif, entre le temps de travail et le temps de repos”, f’Revue de la Faculté de droit de l’Université Liège, 2006, p. 161.

( 24 ) Ara, għal kollha, Supiot, A., “Alla ricerca della concordanza dei tempi (le disavventure europee del “tempo di lavoro”), f’Lav. dir., 1997, p. 15 et seq.; fid-duttrina Taljana ara wkoll Ichino, P., L’orario di lavoro e i riposi. Artt. 2107-2109, f’Schlesinger, P. (ġabra kkoordinata minn), Il Codice Civile. Commentario, Giuffrè Editore, Milan, 1987, p. 27. Iktar reċenti, Ray, J.-E., “Les astreintes, un temps du troisième type”, f’Dr. soc. (F), 1999, p. 250; Barthelemy, J., “Temps de travail et de repos: l’apport du droit communautaire”, f’Dr. soc. (F), 2001, p. 78.

( 25 ) Mitrus, V. L., “Potential implications of the Matzak judgement (quality of rest time, right to disconnect)”, f’European Labour Law Journal, 2019, p. 393, skont liema “r-rapport binarju bejn ‘ħin tax-xogħol’ u ‘perijodu ta’ mistrieħ’ mhux dejjem jissodisfa r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol attwali”.

( 26 ) Il-partijiet kollha li intervjenew fis-seduta esprimew ruħhom kontra l-introduzzjoni ta’ tertium genus bejn ix-xogħol u l-mistrieħ.

( 27 ) L-uniku lieva, li ma għandhiex x’taqsam mal-għanijiet tad-Direttiva 2003/88, li tista’ tintuża mil-leġiżlaturi nazzjonali għal flessibbiltà ulterjuri tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol, fis-sens li jitħallsu l-limitazzjonijiet imposti fuq il-ħaddiem matul il-perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni, hija dik tar-remunerazzjoni. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja reġgħet tenniet il-prinċipju tal-libertà għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jipprevedu remunerazzjonijiet distinti għar-remunerazzjoni ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiem ikun f’perijodu ta’ stand-by mingħajr interruzzjoni; ara s-sentenza tal‑21 ta’ Frar 2018, Matzak (C‑518/15, EU:C:2018:82, punt 52), li tgħid li “l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri jiddeterminaw ir-remunerazzjoni għal perijodi stand-by id-dar bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali skont il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-perijodi bħala ‘ħin tax-xogħol’ jew ‘perijodu ta’ serħan’ [mistrieħ]”; ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 84), li jgħid li “d-Direttiva 2003/88 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-obbligu tal-persuna li timpjega li tħallas is-salarji u l-benefiċċji li jistgħu jitqiesu bħala salarji għall-perijodu li matulu l-gwardjan forestali għandu jiżgura s-sorveljanza tas-sezzjoni tal-foresta li għaliha huwa responsabbli ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, iżda taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali”.

( 28 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:391, punt 31) u d-duttrina mfakkra fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 29 ) F’dan is-sens ara wkoll il-punt 40 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

( 30 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punti 48 sa 50).

( 31 ) Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Simap (C‑303/98, EU:C:2000:528, punt 48).

( 32 ) Dan jirrigwarda, kif magħruf, is-servizz on-call ta’ pompier volontarju li, matul l-istand-by, kien obbligat jibqa’ fir-residenza tiegħu fl-istennija tas-sejħa li kien marbut li jwieġeb għaliha, taħt piena ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, billi jasal fi żmien 8 minuti l-istazzjon tal-pompieri, diġà lest liebes il-ħwejjeġ tax-xogħol.

( 33 ) Enfasi miżjuda minni.

( 34 ) Fejn mill-koeżistenza ta’ żewġ elementi tal-kunċett ta’ ħin tax-xogħol li jinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/88 (dak spazjali, jiġifieri l-preżenza fuq il-post tax-xogħol u dak ta’ awtorità, jiġifieri li jkun għad-dispożizzjoni tal-persuna li timpjega) kienet iddeduċiet il-preżenza tat-tielet (dak professjonali, jiġifieri li jkun fl-eżerċizzju tal-attività tiegħu jew tal-funzjonijiet tiegħu).

( 35 ) F’dan is-sens, ara Leccese, V., “Il diritto del lavoro europeo: l’orario di lavoro. Un focus sulla giurisprudenza della Corte di giustizia”, 2016, p. 7, kontenut mhux ippubblikat iżda disponibbli fuq http://giustizia.lazio.it/appello.it/form_conv_didattico/Leccese%20-%20Diritto%20lavoro%20europeo%20e%20orario%20lavoroLECCESE.pdf, li skontu “ma hemm ebda dubju li l-punt fundamentali tar-raġunament kollu huwa rrappreżentat minn deċiżjoni teleoloġika, li tagħti preċedenza lill-adegwatezza tal-mistrieħ permess lill-ħaddiem meta mqabbla mal-għan stabbilit mid-Direttiva”.

( 36 ) Ara d-digriet tal‑4 ta’ Marzu 2011, Grigore (C‑258/10, mhux ippubblikat, EU:C:2011:122, punt 68).

( 37 ) Ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2015, Federación de Servicios Privados del sindicato Comisiones obreras (C‑266/14, EU:C:2015:578).

( 38 ) L-obbligu ta’ tweġiba għas-sejħa f’terminu partikolarment qasir “jillimita l-libertà tal-ħaddiem li jamministra l-ħin tiegħu. Dan jimplika limitazzjonijiet kemm ġeografiċi kif ukoll temporali fuq l-attivitajiet tal-ħaddiem”; ara Mitrus, L., “Potential implications of the Matzak judgment (quality of rest time, right to disconnect)”, f’European Labour Law Journal, 2019, p. 391.

( 39 ) Frankart, A. u Glorieux, M., Temps de garde: regards rétrospectifs et prospectifs à la lumière des développements européens, La loi sur le travail - 40 ans d’application de la loi du 16 mars 1971 (taħt il-koordinazzjoni xjentifika ta Gilson, S. u Dear, L.), Anthémis, Limal, 2011, p. 374.

( 40 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Matzak (C‑518/15, EU:C:2017:619, punt 57).

( 41 ) Matul is-seduta komuni mal-Kawża C‑344/19.

( 42 ) Kif qal il-Gvern Finlandiż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu (punt 22).