KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Novembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑505/19

WS

vs

Bundesrepublik Deutschland

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Avviż aħmar tal-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol) – Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen – Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Artikolu 21 TFUE – Moviment liberu tal-persuni – Direttiva (UE) 2016/680 – Ipproċessar ta’ data personali”

I. Introduzzjoni

1.

Il-kawża preżenti tqajjem żewġ kwistjonijiet ġodda li jikkonċernaw il-konsegwenzi li joħorġu mill-applikazzjoni, fi ħdan iż-żona Schengen, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, fir-rigward ta’ atti li għalihom l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (iktar ’il quddiem l-“Interpol”) ippubblikat avviż aħmar fuq it-talba ta’ Stat terz. Avviżi ħomor huma maħruġa għal persuni mfittxija jew għal prosekuzzjoni jew sabiex jiskontaw sentenza ta’ priġunerija. Essenzjalment dawn huma talbiet lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar id-dinja biex isibu u, fejn possibbli, jirrestrinġu b’mod provviżorju l-movimenti tal-persuni rikjesti sakemm tiġi deċiża talba għall-estradizzjoni tagħhom.

2.

L-ewwel nett, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea huma awtorizzati jimplimentaw l-avviż aħmar, u b’hekk jirrestrinġu l-movimenti tal-persuna rikjesta, fejn Stat Membru tal-Unjoni ieħor innotifika lil Interpol u, bl-istess mod, ukoll lill-membri l-oħra kollha ta’ Interpol, li dak l-avviż huwa relatat ma’ atti għal liema jista’ japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem? It-tieni nett, l-Istati Membru tal-Unjoni, fejn japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, jistgħu jipproċessaw ulterjorment id-data personali tal-persuna rikjesta li tinsab fl-avviż aħmar?

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt internazzjonali

3.

Skont l-Artikolu 2(1) tal-Istatut ta’ Interpol, adottata fl-1956 u emendata l-iktar reċenti fl-2008, wieħed mill-għanijiet ta’ Interpol huwa li:

“Li tiżgura u tiżviluppa l-assistenza reċiproka l-iktar wiesgħa tal-awtoritajiet tal-pulizija kriminali kollha, fil-kuntest tal-liġijiet li jeżistu fid-diversi pajjiżi u fl-ispirtu tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4.

L-Artikolu 31 tal-Istatut ta’ Interpol jgħid: “Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, [Interpol] għandha bżonn tal-kooperazzjoni kostanti u attiva tal-Membri tagħha li għandhom jagħmlu l-isforzi kollha kompatibbli mal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tagħhom sabiex jipparteċipaw b’diliġenza fl-attivitajiet tiegħu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

Skont l-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Interpol dwar l-Ipproċessar tad-Data (iktar ’il quddiem ir-“RIID”), adottati fl-2011, kif emendati l-iktar reċenti fl-2019, is-sistema ta’ avviżi tal-Interpol hija kkostitwita minn sensiela ta’ avviżi ppubblikati bi skop speċifiku u identifikabbli minn kodiċi bil-kulur, u minn avviżi speċjali. Avviżi ħomor huma ġeneralment ippubblikati fuq it-talba tal-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“UĊN”) “sabiex [j]itlob il-lokalizzazzjoni ta’ persuna mfittxija u d-detenzjoni tagħha, l-arrest tagħha jew ir-restrizzjoni tal-movimenti tagħha għall-iskop tal-estradizzjoni tagħha, il-konsenja tagħha, jew azzjoni simili tagħha li hija konformi mad-dritt” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 82 tar-RIID). Skont l-Artikolu 87 tar-RIID, jekk persuna li hija s-suġġett ta’ avviż aħmar tiġi llokalizzata, il-pajjiż fejn il-persuna tkun ġiet illokalizzata għandu: “(i) jinforma immedjatament lill-[U]ffiċju Ċentrali Nazzjonali jew lill-entità internazzjonali li minnha joriġina l-avviż u lis-Segretarjat Ġenerali bil-fatt li l-persuna rikjesta ġiet lokalizzata – bla ħsara għar-restrizzjonijiet li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha u mit-trattati internazzjonali applikabbli;” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “(ii) jieħu kull miżura awtorizzata oħra mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu u mit-trattati internazzjonali applikabbli, bħal li jipproċedi bl-arrest provviżorju tal-persuna rikjesta jew inkella jissorvelja jew jirrestrinġi l-movimenti tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B. Id-dritt tal-Unjoni

6.

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( 2 ) (iktar ’il quddiem il-“KFS”), inkluż fil-Kapitolu 3 (intitolat “Applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem”) tagħha, jipprovdi:

“Persuna li l-każ tagħha jkun inqata’ b’mod finali f’Parti Kontraenti waħda ma tistax tiġi mixlija f’Parti Kontraenti oħra għall-istess azzjonijiet sakemm, jekk tkun ġiet imposta penali, din tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed taħt il-liġijiet tal-Parti Kontraenti fejn tkun ingħatat is-sentenza.”

7.

L-Artikolu 57(1) u (2) tal-KFS, jgħid:

“1.   Meta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza.

2.   L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti.”

8.

Skont il-premessa 25 tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI ( 3 ). l-Istati Membri kollha huma affiljati mal-Interpol, u “[g]ħalhekk, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali”.

9.

Skont id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2016/680, “ipproċessar” tfisser “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda.”

10.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/680, data personali għandha, inter alia, tkun “ipproċessata b’mod legali u ġust”, “miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet”, “adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata”.

11.

Skont l-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva, “L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

12.

Skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/680, is-suġġetti tad-data għandhom igawdu “[d]ritt ta’ rettifika jew tħassir ta’ data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar”.

13.

Il-Kapitolu V tad-Direttiva 2016/680 (kompost mill-Artikoli 35 sa 40) huwa intitolat “Trasferimenti tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali” u jirregola, inter alia, il-kundizzjonijiet taħt liema data personali tista’ tiġi ttrasferita lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali.

C. Id-dritt nazzjonali

14.

L-Artikolu 153a(1) tal-iStrafprozessordnung (il-Kodiċi tal-Proċeduri Kriminali Ġermaniz, iktar ’il quddiem, is-“StPO”) jipprovdi, fil-każijiet ta’ reati punibbli permezz ta’ multa jew terminu minimu ta’ priġunerija ta’ inqas minn sena, li l-iStaatsanwaltschaft (l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku) jista’, bi qbil mal-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni sabiex tibda l-proċeduri prinċipali u mal-persuna suġġetta għal proċeduri kriminali, jirrinunzja provviżorjament id-dritt li jieħu azzjoni pubblika filwaqt li jimponi kundizzjonijiet u ordnijiet fuq l-istess persuna, bħall-ħlas ta’ somma ta’ flus lil karità jew lit-Teżor Pubbliku, fejn dawn huma tali li jneħħu l-interess pubbliku mit-tressiq tal-proċeduri u fejn il-gravità tar-reat ma jipprekludihx. Jekk il-persuna suġġetta għall-proċeduri kriminali tikkonforma mal-kundizzjonijiet u mal-ordnijiet, l-aġir inkwistjoni jista’ ma jitteħidx azzjoni dwaru bħala reat.

15.

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz über das Bundeskriminalamt und die Zusammenarbeit des Bundes und der Länder in kriminalpolizeilichen Angelegenheiten (il-Liġi dwar l-Uffiċċju Federali tal-Pulizija Kriminali, iktar ’il quddiem il-“BKA”) u l-Kooperazzjoni bejn l-Istat Federali u l-Länder fi Kwistjonijiet tal-Pulizija Kriminali) tal-1 ta’ Ġunju 2017, ( 4 ) il-BKA huwa l-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-kooperazzjoni mal-Interpol.

III. Il-fatti, proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

16.

Fl-2012, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti tal-Amerika, Interpol ħarġet avviż aħmar li jikkonċerna ċittadin Ġermaniż li jirrisjedi f’dak il-pajjiż (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”), għall-attenzjoni tal-uffiċċji ċentrali nazzjonali kollha, bil-għan li jiġi llokalizzat, jiġi arrestat jew il-movimenti tiegħu jiġu ristretti għal skopijiet ta’ estradizzjoni. L-avviż l-aħmar kien ibbażat fuq mandat ta’ arrest maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti għal, inter alia, akkużi ta’ korruzzjoni, ħasil tal-flus u frodi.

17.

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ München (il-Ġermanja) kien diġà beda proċedura ta’ investigazzjoni kontra r-rikorrent dwar l-istess atti bħal dawk koperti mill-avviż aħmar. Dawk il-proċeduri ntemmu fl-2009 wara li r-rikorrent ħallas ċertu somma ta’ flus, skont l-Artikolu 153a(1) tas-StPO.

18.

Fl-2013, wara skambju mar-rikorrent, il-BKA talab u kiseb minn Interpol il-pubblikazzjoni ta’ addendum għall-avviż aħmar inkwistjoni minn Interpol, li jgħid li l-BKA kkunsidra li l-prinċipju ta’ ne bis in idem kien applikabbli fir-rigward tal-akkużi dwar liema ġie maħruġ dak l-avviż. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi staqsew lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, minkejja bla suċċess, sabiex iħassru l-avviż l-aħmar.

19.

Fl-2017, ir-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-BKA. Huwa talab li l-konvenuta tiġi ordnata tieħu l-miżuri neċessarji biex jitneħħa l-avviż aħmar. Ir-rikorrent qal li hu ma setax jivjaġġa lejn ebda Stat kontraenti għall-Ftehim ta’ Schengen mingħajr ir-riskju li jiġi arrestat. Fil-fatt, minħabba l-avviż aħmar, dawk l-Istati kienu inkludewh fil-listi tagħhom ta’ persuni rikjesti. Dik is-sitwazzjoni kienet, skont ir-rikorrent, kontra l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 21 TFUE. Barra minn hekk, ir-rikorrent saħaq li l-ipproċessar ulterjuri, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, tad-data personali tiegħu li tinsab fl-avviż aħmar kien kontra d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680.

20.

F’dak l-isfond, bid-dubji dwar l-interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, il-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden) iddeċidiet, fis-27 ta’ Ġunju 2019, li tisssospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen (iktar ’il quddiem il-“KFS”), moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li l-uffiċċju tal-prosekutur, fil-Ġermanja, wara li l-imputat ikun issodisfa ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari l-ħlas ta’ somma ta’ flus stabbilita mill-imsemmi uffiċċju tal-prosekutur, jagħlaq proċedura kriminali pendenti huwa suffiċjenti sabiex jiġi pprojbit il-ftuħ ta’ proċedura kriminali għall-istess fatti fl-Istati kollha li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen?

(2)

Mill-Artikolu 21(1) TFUE jirriżulta li teżisti projbizzjoni fuq l-Istati Membri milli jeżegwixxu l-mandati ta’ arrest maħruġa minn Stati terzi fil-kuntest ta’ organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija [Interpol], meta l-persuna li hija s-suġġett ta’ talba għal arrest tkun ċittadin tal-Unjoni u meta l-Istat Membru li hija għandha n-nazzjonalità tiegħu jkun ikkomunika lill-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali, u għaldaqstant ukoll lill-Istati Membri l-oħra, dubji rigward il-kompatibbiltà tal-imsemmija talba għal arrest mal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti?

(3)

L-Artikolu 21(1) TFUE huwa suffiċjenti sabiex jiġi prekluż il-ftuħ ta’ proċeduri kriminali u arrest provviżorju fl-Istati Membri li l-persuna kkonċernata ma għandhiex in-nazzjonalità tagħhom meta dan il-ftuħ imur kontra l-prinċipju tal-projbizzjoni ta’ ssanzjonar doppju għall-istess fatti?

(4)

L-Artikolu 4(1)(a) u l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta jadottaw dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li, fil-każ ta’ proċedura li twassal għat-tmiem ta’ proċeduri kriminali, jiġi pprojbit, fl-Istati kollha li huma partijiet fil-Ftehim ta’ Schengen, li jitkompla l-ipproċessar tal-avviżi ħomor ta’ Interpol, li għandhom mnejn iwasslu għal proċedura kriminali oħra?

(5)

Organizzazzjoni internazzjonali bħalma hija Interpol ikollha livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data meta ma jkunx hemm deċiżjoni ta’ adegwatezza fis-sens tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2016/680 jew salvagwardji xierqa fis-sens tal-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva?

(6)

L-Istati Membri għandhom id-dritt li jkomplu bl-ipproċessar tad-data li hija mniżżla minn Stati terzi f’ċirkulari ta’ riċerka (“avviż aħmar”) ma’ Interpol biss meta Stat terz, permezz tal-imsemmija ċirkulari ta’ riċerka, ikun ittrażmetta talba għal arrest u għal estradizzjoni u jkun talab arrest li ma jmurx kontra d-dritt Ewropew, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ ssanzzjonar doppju għall-istess fatti?”

21.

Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tiġi ttrattata skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Permezz tad-digriet tat-12 ta’ Lulju 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx neċessarju li dik it-talba tintlaqa’.

22.

Fil‑5 ta’ Settembru 2019, fuq talba tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti, l-avviż aħmar rigward ir-rikorrent ġie mħassar mill-Interpol.

23.

Fit-tweġiba tagħha tal-11 ta’ Novembru 2019 għal talba tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward il-konsegwenzi ta’ dik l-eventwalità fuq dawn il-proċeduri, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-intenzjoni tagħha li żżomm it-talba għal deċiżjoni preliminari. Il-qorti tar-rinviju spjegat li r-rikorrent talab li jiġi emendat is-suġġett tar-rikors fil-kawża prinċipali. Ir-rikorrent issa qiegħed jitlob lill-qorti tar-rinviju biex tordna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tieħu l-miżuri neċessarji kollha (i) biex tipprevjeni milli jinħareġ avviż aħmar ġdid minn Interpol rigward l-istess atti u, jekk dan jiġri, (ii) biex tħassar l-avviż aħmar il-ġdid. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, skond id-dritt nazzjonali, huwa possibbli li s-suġġett tar-rikors jiġi emendat u li jitqies li jikkonċerna rikors għal dikjarazzjoni li hija kontinwazzjoni ta’ rikors preċedenti (“Fortsetzungsfeststellungsklage”). Il-qorti tar-rinviju għalhekk tikkunsidra li d-domandi preliminari mressqa jibqgħu rilevanti sabiex it-tilwima quddiemha tiġi deċiża.

24.

Osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċeduri preżenti ġew ippreżentati mir-rikorrent, mill-BKA, mill-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Grieg, Franċiż, Kroat, tal-Pajjiżi l-Baxxi, Pollakk, Rumen u dak tar-Renju Unit, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-rikorrent, il-BKA, il-Gvern Belġjan, Ċek, Daniż, Ġermaniż, Spanjol, Franċiż, tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak Finlandiż, kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw ukoll sottomissjonijiet orali waqt is-seduta tal-14 ta’ Lulju 2020.

IV. Analiżi

25.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix Stati Membri, meta avviż aħmar jinħareġ minn Interpol fuq it-talba ta’ Stat terz u dak l-avviż huwa relatat ma’ atti li għalihom jista’ japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, milli (i) jimplimentaw dak l-avviż billi jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuna rikjesta, u (ii) milli jipproċessaw sussegwentement id-data personali tiegħu jew tagħha li tinsab fl-avviż.

26.

Fil-bidu, jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġi spjegat fil-qosor x’inhu avviż aħmar. Skont l-Artikolu 82 tar-RIID, avviżi ħomor huma ppubblikati fuq it-talba ta’ awtoritajiet nazzjonali jew internazzjonali bis-setgħat ta’ investigazzjoni u prosekuzzjoni f’materji kriminali “sabiex jitfittex il-lok ta’ persuna [rikjesta] u d-detenzjoni, arrest jew restrizzjoni ta’ moviment tiegħu/tagħha għall-iskop ta’ estradizzjoni, konsenja, jew azzjoni legali simili.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] L-Artikolu 87 tal-RIID jgħid li jekk persuna li hija s-suġġett ta’ avviż aħmar tiġi lokalizzata, l-awtoritajiet tal-pajjiż fejn il-persuna kienet illokalizzata għandhom jinfurmaw immedjatament lill-awtoritajiet rikjedenti u lil Interpol bil-fatt li l-persuna ġiet illokalizzata, u “jieħdu kull miżura oħra permessa skont id-dritt nazzjonali u t-trattati internazzjonali applikabbli, bħall-arrest provviżorju tal-persuna [rikjesta] jew monitoraġġ jew restrizzjoni tal-moviment tiegħu/tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

27.

Għalhekk, il-ħruġ ta’ avviż aħmar minn Interpol huwa sempliċi talba għal assistenza minn membru ta’ Interpol lill-membri l-oħra, sabiex jiġi llokalizzat u, fejn possibbli, jiġu ristretti l-movimenti ta’ persuna rikjesta. Avviż aħmar ma jammontax għal, jew jiskatta awtomatikament, talba għall-estradizzjoni, li għandha, skont il-każ, tiġi fformulata separatament. Madankollu huwa ċar li avviż aħmar jinħareġ bil-għan li titwettaq estradizzjoni jew proċeduri simili.

28.

Ladarba ġie ċċarat dan, u qabel ma nħarsu lejn il-kwistjonijiet sostantivi mqajma f’dan il-każ, numru ta’ kwistjonijiet proċedurali għandhom jiġu indirizzati.

A. L-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari u l-ħtieġa kontinwa ta’ risposta

29.

Fl-ewwel lok, il-BKA u l-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Grieg, tal-Pajjiżi l-Baxxi u dak tar-Renju Unit esprimew dubji rigward l-ammissibbiltà, ab initio, tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. L-argumenti mressqa minnhom f’dan ir-rigward jistgħu jitpoġġew f’erba’ kategoriji, li jissuġġerixxu essenzjalment li: (i) id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludix biżżejjed dettall dwar is-sitwazzjoni fattwali rilevanti; (ii) is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija limitata għall-Ġermanja u ma għandha l-ebda element transkonfinali attwali; (iii) ir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju huwa inammissibbli, u/jew fi kwalunkwe każ infondat; (iv) dik l-azzjoni hija abbużiva peress li hija intiża sabiex tikkontesta l-kompetenza tal-Istati Membri minbarra l-Ġermanja biex jimplimentaw avviż aħmar.

30.

Jien ma iniex konvint b’dawn l-oġġezzjonijiet.

31.

L-ewwel nett, huwa minnu li d-deċiżjoni tar-rinviju hija partikolarment konċiża. Madankollu, dik id-deċiżjoni, kif ikkompletata mis-sottomissjonijiet tal-partijiet, tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja ssir taf liema domandi qegħdin jiġu mistoqsija mill-qorti tar-rinviju u għaliex. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha l-materjal fattwali u legali meħtieġ biex tagħti risposta utli.

32.

It-tieni nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bla ebda mod purament interna għall-Ġermanja. Min-naħa waħda, minkejja t-tilwima verament tikkonċerna ċittadin u resident Ġermaniż, li jikkontesta l-aġir tal-awtoritajiet Ġermaniżi, ir-raġuni għal dik il-kontestazzjoni hija l-allegata restrizzjoni għall-moviment liberu tiegħu ġewwa l-Unjoni, stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet b’mod konsistenti li d-dispożizzjonijiet li jagħtu d-drittijiet għal moviment liberu, inkluż l-Artikolu 21 TFUE, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ ( 5 ). Il-fatt li ċittadin tal-Unjoni seta’ ma kienx (għadu) għamel użu mid-drittijiet tiegħu ma jfissirx li s-sitwazzjoni hija purament interna ( 6 ). L-Artikolu 21 TFUE jista’, fil-fehma tiegħi, jiġi invokat minn individwu li attwalment u ġenwinament qiegħed ifittex biex jagħmel użu minn dik il-libertà ( 7 ). Dik hija ċertament is-sitwazzjoni tar-rikorrent: l-attivitajiet tiegħu qabel u matul il-kawża prinċipali – speċjalment l-iskambji tiegħu mal-BKA u mal-awtoritajiet pubbliċi ta’ diversi Stati Membri oħra – juru biċ-ċar li l-intenzjoni tiegħu sabiex jagħmel użu minn dik il-libertà ma hijiex purament ipotetika jew invokata strumentalment ( 8 ).

33.

Min-naħa l-oħra, l-applikabbiltà tad-Direttiva 2016/680 ma hijiex limitata għal sitwazzjonijiet transkonfinali. L-istess huwa minnu fil-fatt kemm għall-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Artikolu 54 tal-KFS: dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistgħu japplikaw b’mod ċar anki f’każijiet li fihom ċittadin qiegħed jiffaċċja l-awtoritajiet tal-Istat Membru tiegħu jew tagħha stess.

34.

It-tielet nett, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tevalwa jekk l-azzjoni fil-kawża prinċipali hijiex ammissibbli, wisq inqas jekk hijiex fondata. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula minn qorti nazzjonali fil-kuntest fattwali u leġiżlattiv li dik il-qorti hija responsabbli biex tiddefinixxi, u l-preċiżjoni ta’ liema ma huwiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza ( 9 ). Dik il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li wieħed mill-partijiet għall-kawża prinċipali qiegħed jikkontesta ċertu fatti, li l-preċiżjoni ta’ liema ma hijiex kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika, fuq liema tiddependi d-delimitazzjoni tas-suġġett ta’ dawk il-proċeduri ( 10 ). Bl-istess mod, dik il-preżunzjoni mhix ser tiġi kkontestata mill-possibbiltà li l-applikant jista’ fl-aħħar mill-aħħar ma jirnexxix fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti nazzjonali, b’mod partikolari jekk ċerta interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni tiġi mħaddna mill-Qorti tal-Ġustizzja. Li tiġi miċħuda l-ammissibbiltà minħabba risposta potenzjalment negattiva fuq il-mertu tkun qiegħda verament twassal li jitqiegħed il-karrettun qabel il-ħmar.

35.

Fl-aħħar nett, ninnota li l-proċeduri prinċipali tressqu kontra l-awtoritajiet Ġermaniżi – li huma l-konvenut quddiem il-qorti tar-rinviju – u kwalunkwe deċiżjoni ta’ dik il-qorti f’dawk il-proċeduri naturalment ser ikollha biss effetti legali vis-à-vis dawk l-awtoritajiet. Il-fatt li, sabiex tassisti l-qorti tar-rinviju, din il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha bżonn tikkjarifika l-obbligi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni għall-Istati Membri minbarra l-Ġermanja ma jistax iqajjem dubju dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tiddeċiedi l-kawżi simulati, miġjuba biss bil-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq obbligi relatati mal-Unjoni tal-Istati Membri oħra minbarra dak tal-qorti tar-rinviju ( 11 ). Madankollu, f’dan il-każ ma hemm l-ebda informazzjoni li turi li l-kwistjoni quddiem il-qorti tar-rinviju tfasslet artifiċjalment sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu pożizzjoni fuq ċerti problemi interpretattivi li, fil-verità, ma jservu l-ebda rekwiżit essenzjali oġġettiv għar-riżoluzzjoni ta’ dik it-tilwima. Barra minn hekk, il-fatt li risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-drittijiet jew l-obbligi ta’ wieħed mill-Istati Membri jkollha implikazzjonijiet (orizzontali) għall-Istati Membri oħra huwa sempliċement inerenti fil-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-moviment liberu bejn l-Istati Membri u l-elementi relatati ta’ rikonoxximent reċiproku bejniethom.

36.

Fit-tieni post, il-BKA u l-Gvern Belġjan, Ċek, Ġermaniż, Spanjol, Finlandiż u dak tar-Renju Unit l-istess jargumentaw li d-domandi magħmula issa saru ipotetiċi. Huma jsostnu illi, sa fejn ġie mħassar l-avviż l-aħmar inkwistjoni fil-kawża prinċipali minn Interpol f’Settembru 2019, risposta għad-domandi magħmula ma għadhiex iktar neċessarja sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi l-kawża mressqa quddiemha.

37.

Madankollu, kif ingħad fil-punt 23 iktar ’il fuq, meta mistoqsija mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan il-punt speċifiku, il-qorti tar-rinviju spjegat li, skont id-dritt nazzjonali, ir-rikorrent jista’ jemenda t-talbiet tiegħu u, fil-fatt, huwa eżerċita dak id-dritt. Għalhekk, ir-rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, sal-lum, (għadu) pendenti u, skont dik il-qorti, l-eżitu tiegħu (għadu) jiddependi fuq l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni li huma s-suġġett tad-domandi preliminari.

38.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssuġġerixxiet, mingħajr dak is-suġġeriment ma ġie kkontestat mill-BKA jew kwalunkwe parti oħra li ressqet l-osservazzjonijiet, li l-avviż l-aħmar inkwistjoni jista’ jerġa’ jiġi introdott mill-ġdid fi kwalunkwe ħin fis-sistema ta’ Interpol wara talba oħra mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Uniti.

39.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, u inkunsiderazzjoni tal-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu talbiet għal deċiżjoni preliminari, jiena tal-fehma li dan ir-rinviju ma sarx mingħajr skop, minkejja l-irtirar tal-avviz aħmar.

B. Fuq il-mertu

40.

Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. Ser nibda l-ewwel, bit-tieni u bit-tielet domanda, li jirrigwardaw kollha l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem f’din il-kawża u, jekk japplika, għall-konsegwenzi għall-Istati Membri l-oħra fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jimplimentaw l-avviż aħmar maħruġ minn Interpol (1). Wara, ser neżamina r-raba’, il-ħames u s-sitt domanda, li jistaqsu dwar il-konsegwenzi li joħorġu mill-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tal-persuna rikjesta li tinsab fl-avviż aħmar. Madankollu, ser nindirizza biss il-kwistjonijiet imqajma fir-raba’ u fis-sitt domanda (2), peress li nikkunsidra l-ħames domanda bħala inammissibbli (3).

1.   L-ewwel, it-tieni u t-tielet domanda

41.

Permezz tal-ewwel, tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li l-aħjar jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 54 tal-KFS, flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Artikolu 21(1) TFUE, jipprekludux lill-Istati Membri milli jimplimentaw avviż aħmar maħruġ minn Interpol fuq talba ta’ Stat terz, u b’hekk jirrestrinġu l-moviment liberu ta’ ċittadin tal-Unjoni, fejn Stat Membru ieħor ikun ikkomunika ma’ Interpol (u għalhekk mal-membri l-oħra ta’ Interpol) li dak l-avviż huwa relatat ma’ atti li għalihom jista’ japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

42.

Sabiex tingħata risposta għal dik id-domanda għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat jekk miżura bħal dik adottata mill-Prosekutur Pubbliku ta’ München bi qbil mal-qorti kompetenti vis-à-vis ir-rikorrent fl-2009 tistax per se tiskatta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (a). Imbagħad, dejjem jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem verament kellu jiġi skattat validament, ser neżamina jekk dak il-prinċipju jistax jikkostitwixxi ostakolu għall-estradizzjoni lejn Stat terz, fejn għalhekk tiġi prekluża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi li huma strumentali għal dak il-fini (b). Imbagħad ser indur għax-xenarju attwali ta’ din il-kawża fejn jidher li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għal każ speċifiku għadha ma ġietx stabbilita ((c) u (d)).

a)   L-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-waqfien ta’ proċeduri kriminali b’mezzi li ma humiex sentenza tal-qorti

43.

L-ewwel nett, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk miżura bħal dik adottata mill-Prosekutur Pubbliku vis-à-vis ir-rikorrent fl-2009 tkunx tista’ tiskatta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. L-applikabbiltà tal-Artikolu 54 tal-KFS hija bbażata skont jekk hemmx “kawża li tkun ġiet deċiża b’mod finali f’parti kontraenti”, li wara tkun tipprekludi prosekuzzjoni sussegwenti għall-istess att fl-Istati Membri l-oħra.

44.

Fil-fehma tiegħi, deċiżjoni li biha prosekutur pubbliku definittivament ma jkomplix proċeduri kriminali bi qbil mal-qorti kompetenti, u li ladarba l-imputat ikun issodisfa ċertu kundizzjonijiet, tipprekludi kwalunkwe prosekuzzjoni sussegwenti taħt id-dritt nazzjonali, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS. Fil-fatt, diġà hemm ġurisprudenza konsistenti fuq din il-materja.

45.

Fis-sentenzi Gözütok u Brügge, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett indirizzat il-kwistjoni u ddeċidiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit fl-Artikolu 54 tal-KFS, “japplika wkoll għall-proċeduri ta’ estinzjoni ta’ azzjoni [prosekuzzjoni] pubblika, bħal dawk in kwistjoni fil-kawżi prinċipali, li bihom il-prosekuzzjoni ta’ Stat Membru twaqqaf, mingħajr l-intervent ta’ qorti, il-proċedimenti kriminali mibdija f’dan l-Istat, wara li l-imputat ikun issodisfa ċerti obbligi u, b’mod partikolari, ħallas ċertu ammont ta’ flus iffissat mill-prosekuzzjoni” ( 12 ).

46.

Dawk is-sejbiet ġew ikkonfermati u kkjarifikati f’ġurisprudenza sussegwenti li tikkonċerna l-Artikolu 54 tal-KFS. Fis-sentenza M, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, sabiex japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, huwa neċessarju, fl-ewwel lok, li prosekuzzjoni ulterjuri tkun ġiet estinta b’mod finali ( 13 ). Fis-sentenza Spasic, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-importanza tal-“kundizzjoni ta’ infurzar” – skont liema, jekk penali tkun ġiet imposta, dik il-penali “tkun ġiet infurzata, tkun fil-fatt fil-proċess li tiġi infurzata jew ma tkunx tista’ tiġi infurzata iżjed” – tiġi ssodisfatta, sabiex tiġi evitata l-impunità tal-persuni definittivament ikkundannati u mogħtija sentenza fi Stat Membru tal-Unjoni ( 14 ).

47.

B’kuntrast, fis-sentenza Miraglia, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 54 tal-KFS ma japplikax għal deċiżjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ wieħed mill-Istati Membri li jiddikjara kawża bħala waħda magħluqa, wara li l-Prosekutur Pubbliku ddeċieda li ma jkomplix bil-prosekuzzjoni abbażi biss li l-proċeduri kriminali nbdew fi Stat Membru ieħor kontra l-istess imputat u għall-istess atti fin-nuqqas ta’ kull evalwazzjoni dwar il-mertu tal-każ ( 15 ). B’mod simili, fis-sentenza Turanský, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 54 tal-KFS ma jistax japplika għal deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-pulizija li, wara eżami fil-mertu tal-każ, tordna, fi stadju preċedenti għall-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata li wettqet reat, is-sospensjoni tal-proċeduri kriminali, meta din id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, skont id-dritt nazzjonali, ma ġġibx magħha l-estinzjoni definittiva tal-prosekuzzjoni u għalhekk ma tikkostitwixxix ostakolu għal proċeduri kriminali ġodda, fir-rigward tal-istess atti, f’dan l-Istat ( 16 ).

48.

Fis-sentenza Kossowski, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet ċar li deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni kontra persuna, bil-possibbiltà ta’ dik il-proċedura tinfetaħ mill-ġdid jew tiġi annullata u mingħajr ebda penali ma jkunu ġew imposti, ma tistax tiġi kkaratterizzata bħala deċiżjoni finali meta huwa ċar mill-motivazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni li l-proċedura ġiet magħluqa mingħajr ma tkun saret investigazzjoni fid-dettall ( 17 ).

49.

Fil-qosor, hemm, minn naħa waħda, deċiżjonijiet finali fuq reat kriminali (il-preżenza jew l-assenza tal-elementi kostituttivi tiegħu jew tipi ta’ deċiżjonijiet speċifiċi oħra li ma jinkludux tali dikjarazzjoni iżda jammontaw għal konċiljazzjoni effettiva tal-kawża) li, skont id-dritt nazzjonali, ser jipprekludu kwalunkwe prosekuzzjoni sussegwenti għall-istess att fl-istess Stat Membru u għaldaqstant fi Stati Membri oħra. Min-naħa l-oħra, hemm tipi oħra ta’ diskontinwazzjoni ta’ proċeduri kriminali jew in-nuqqas ta’ ftuħ tagħhom, tipikament imwettqa mill-awtoritajiet tal-pulizija fuq livell nazzjonali, li ma jwasslux għal tali konsegwenzi. Tali linja diviżorja hija pjuttost intuwittiva, iżda diffiċli biex tinqabad b’mod eżawrjenti fid-dawl tar-regoli u proċeduri varji fl-Istati Membri: sabiex il-prinċipju ta’ ne bis in idem jiskatta validament, għandu jkun hemm dikjarazzjoni finali minn Stat Membru li b’mod awtorevoli tiddefinixxi l-portata tal-idem li mbagħad tista’ tibda tipprekludi in-ne bis. Jekk, metaforikament, dak l-ispazju jibqa’ liberu, ma hemm xejn li jwaqqaf lill-Istati Membri l-oħra milli jinvestigaw u jwettqu prosekuzzjoni huma stess.

50.

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju hija fil-fatt fl-affermattiv: evalwata in abstracto, deċiżjoni ta’ prosekutur pubbliku, li jkun evalwa l-kawża fuq il-mertu tiegħu u bi qbil mal-qorti kompetenti, fejn iwaqqaf b’mod definittiv il-proċeduri kriminali ladarba l-imputat ikun issodisfa ċertu kundizzjonijiet, taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 54 tal-KFS.

51.

Madankollu, il-fatt li tali tip ta’ deċiżjoni nazzjonali jidħol fl-ambitu tal-Artikolu 54 tal-KFS, li jista’ jwassal għal kawża li tkun inqatgħet b’mod finali f’parti kontraenti, huwa numru ta’ passi ’l bogħod mill-implikazzjonijiet possibbli li l-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi dwarhom fit-tieni u fit-tielet domanda tagħha. B’mod partikolari, dak li jidher li huwa nieqes huwa l-pass neċessarju loġiku li jmiss sabiex tqum kwalunkwe kwistjoni skont l-Artikolu 21 TFUE: sejba awtoritattiva, finali, mill-awtorità rilevanti ta’ Stat Membru li tikkonferma l-identità tal-atti inkwistjoni (l-idem) u għalhekk tiskatta n-ne bis fir-rigward l-istess atti madwar l-Unjoni, li tista’ mbagħad potenzjalment ikollha wkoll xi effetti fuq it-talbiet għall-estradizzjoni minn Stati terzi.

52.

Madankollu, fid-dawl tat-talbiet tal-partijiet u tad-diskussjoni li żvolġiet waqt is-seduta fuq il-bażi ta’ dawk it-talbiet, għall-mument ser inkompli mal-preżunzjonijiet fattwali u legali inerenti għat-tieni u għat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju. B’mod partikolari, b’risposta għat-tielet domanda, l-Artikolu 21(1) TFUE, minbarra li jipprekludi kwalunkwe prosekuzzjoni sussegwenti fi Stati Membri oħra, jipprekudi wkoll id-detenzjoni temporanja fl-Istati Membri l-oħra fid-dawl tal-possibbiltà ta’ estradizzjoni futura lil Stat terz jekk l-Artikolu 54 tal-KFS kien applikabbli fil-każ preżenti?

53.

Fil-fehma tiegħi, ikun.

b)   Ne bis in idem bħala ostakolu għall-estradizzjoni (jew arrest fid-dawl ta’ estradizzjoni)

54.

Hemm konnessjoni ċara bejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem u d-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat konsistentement li “l-Artikolu 54 tal-KIFS għandu bħala objettiv li jevita li individwu, bil-fatt li huwa jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ ċirkulazzjoni libera ma jkunx akkużat għall-istess fatti fit-territorju ta’ diversi Stati kontraenti […] Huwa jassigura l-paċi ċivili ta’ l-individwi li, wara li jkunu ġew akkużati, ikunu ġew definittivament iġġudikati. Dawn ta’ l-aħħar għandhom ikunu jistgħu jiċċirkulaw liberament mingħajr ma jkollhom iħarsu minn akkużi kriminali ġodda għall-istess fatti fi Stat kontraenti ieħor.” ( 18 )

55.

Għalija, l-applikazzjoni ta’ tali dikjarazzjonijiet għal talbiet potenzjali għall-estradizzjoni minn Stati terzi hija bla kumplikazzjoni. Il-loġika għandha tkun waħda ta’ azzjoni bħala “blokka”. Deċiżjoni li tipprekludi kwalunkwe prosekuzzjoni ulterjuri għall-istess att fi Stat Membru wieħed għandu jkollha l-istess effetti xi mkien ieħor fl-istess spazju wieħed ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, bl-istess mod li jkollha fl-istess sistema legali domestika.

56.

Barra minn hekk, jekk tali spazju jeżisti internament, dan għandu jkollu wkoll konsegwenzi esterni. Għalhekk, Stat Membru ma jistax jarresta, iżomm f’detenzjoni temporanjament, jew jadotta kwalunkwe miżura oħra li tillimita l-moviment liberu ta’ persuna milquta b’avviż aħmar maħruġ minn Interpol jekk ikun ġie stabbilit b’mod awtorevoli li l-proċess ta’ dik il-persuna għal dawk l-istess atti ġie finalment deċiż fi Stat Membru ieħor. Kwalunkwe miżura bħala tali tmur kontra l-Artikolu 54 tal-KFS billi tirrestrinġi d-dritt mogħti mill-Artikolu 21 TFUE b’mod sinjifikattiv. Spazju legali wieħed ifisser spazju legali wieħed, kemm internament kif ukoll esternament.

57.

Madankollu, xi gvernijiet li ressqu osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri ma jaqblux ma’ tali konklużjoni, u jqajmu tlett oġġezzjonijiet għal tali propożizzjoni. L-ewwel nett, huma jikkunsidraw tali konklużjoni bħala waħda bbażata fuq qari eċċessivament wiesa’ tal-Artikolu 54 tal-KFS. Fil-fehma tagħhom, dik id-dispożizzjoni għandha ambitu iktar dejjaq, li jaqbad biss il-prosekuzzjoni mwettqa minn Stat Membru nnifsu, iżda mhux arrest fid-dawl ta’ estradizzjoni li tippermetti prosekuzzjoni sussegwenti f’pajjiż terz (1). It-tieni nett, huma jargumentaw li tali interpretazzjoni kieku tammonta għall-applikazzjoni extraterritorjali tal-Ftehim ta’ Schengen (2), u b’hekk jinħoloq kunflitt mal-obbligi tal-Istati Membri, kif ukoll tad-dritt internazzjonali tal-Unjoni li daħlu għalihom taħt ftehimiet ta’ estradizzjoni bilaterali, b’mod partikolari dawk konklużi mal-Istati Uniti tal-Amerika (3).

58.

Fit-taqsimiet li ġejjin, ser nindirizza dawk l-argumenti wara xulxin.

1) Il-kunċett ta’ “prosekuzzjoni”

59.

L-ewwel nett, uħud mill-gvernijiet li ressqu osservazzjonijiet jargumentaw li, filwaqt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jipprekludi milli persuna tkun suġġetta għal “prosekuzzjoni kriminali”, ma jipprekludix persuna milli tkun suġġetta għal miżuri bħal dawk identifikati fid-deċiżjoni tar-rinviju. Fil-fehma tagħhom, dawk il-miżuri ma għandhomx jitqiesu li jikkostitwixxu “prosekuzzjoni”, iżda bħala “miżuri ta’ prekawzjoni” mmirati li jassistu Stat ieħor fejn ser tinżamm il-prosekuzzjoni.

60.

Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS tidher kemxejn formalistika. Nonqos milli nara kwalunkwe element testwali, kuntestwali jew teleoloġiku li jsostni l-fehma li l-kunċett ta’ “prosekuzzjoni” jinkludi biss proċeduri kriminali li jseħħu “mit-twelid sal-mewt” fl-istess Stat wieħed, u għandhom jitwettqu kollha minn dak l-Istat.

61.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS ma teħtieġx li l-prosekuzzjoni sussegwenti li hija pprojbita għandha titwettaq minn parti kontraenti oħra. Din tipprevjeni kwalunkwe prosekuzzjoni ġo parti kontraenti oħra, għalhekk testwalment takkomoda l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe parteċipazzjoni territorjali f’atti ta’ prosekuzzjoni mwettqa f’dak l-Istat Membru f’isem Stati oħra.

62.

Imbagħad, ma hemm l-ebda dubju li miżuri bħalma huma arrest jew detenzjoni temporanja – flimkien ma’ li jiġi ssodisfatt, prima facie, dak li jissejjaħ “il-kriterju Engel” ( 19 ) biex jiġi kkunsidrat ta’ “natura kriminali” – jippermettu li l-prosekuzzjoni tal-persuna rikjesta ssir fi Stat terz. Fi kliem ieħor, dawk il-miżuri jiffurmaw parti minn continuum ta’ atti, possibbilment adottati fi Stati differenti, li permezz tagħhom il-persuna rikjesta hija suġġetta għal proċeduri legali fir-rigward ta’ akkuża kriminali.

63.

Stat Membru tal-Unjoni li jimplimenta l-avviż l-aħmar jaġixxi bħala longa manus tal-Istat prosekutur. Dak l-Istat Membru effettivament jaġixxi għal u f’isem il-prosekuzzjoni ta’ Stat ieħor, li potenzjalment jagħmel possibbli li l-persuna rikjesta tkun suġġetta għal setgħa (ta’ prosekuzzjoni) ta’ pajjiż terz. Biex jiġi ssuġġerit, f’tali ċirkustanzi, li tali att ma huwiex parti minn prosekuzzjoni (tipikament tkun diġà għaddejja) ta’ pajjiż terz ikun daqs li kieku wieħed isostni, jekk nista’ niġi skużat li ser nuża analoġija ta’ dritt kriminali sostantiva tant makabra iżda rilevanti, li l-fatt li torbot persuna u tagħtiha sabiex tiġi mogħtija daqqiet ta’ sikkina minn terzi ma jikkostitwixxix (kemm jekk aċċessorju għal jew att konġunt ta’) omiċidju, iżda sempliċi “miżura ta’ prekawzjoni” bil-għan li l-persuna l-oħra li żżomm is-sikkina tiġi assistita.

64.

Fil-livell tal-għan, sa’ fejn l-Artikolu 54 tal-KFS huwa intiż, inter alia, sabiex jipproteġi l-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, ( 20 ) kwalunkwe interpretazzjoni oħra ma tkunx kompatibbli ma’ dak l-objettiv, kif ukoll mal-kuntest tad-drittijiet fundamentali li fiha topera dik id-dispożizzjoni, flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Persuna li hija suġġetta għal arrest jew għal detenzjoni temporanja, fid-dawl tal-estradizzjoni tiegħu jew tagħha, minkejja li hija intitolata li tibbenefika mill-prinċipju ta’ ne bis in idem, ma hijiex – nissellef il-lingwaġġ użat mill-Qorti tal-Ġustizzja– “mħallija fil-kwiet” jew “tista’ tiċċaqlaq liberament” ġewwa l-Unjoni.

65.

Dan joħroġ ugwalment mill-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ dak il-prinċipju, kif stabbilit fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement li “il-prinċipju tan-ne bis in idem jipprekludi kumulu kemm ta’ proċeduri kif ukoll ta’ sanzjonijiet ta’ natura kriminali fis-sens ta’ dan l-artikolu għall-istess fatti u kontra l-istess persuna” ( 21 ). Għaldaqstant, is-sempliċi twettiq ta’ atti proċedurali relatati mal-prosekuzzjoni kriminali ta’ individwu huwa wkoll ipprojbit taħt l-Artikolu 54 tal-KFS.

2) Applikazzjoni “extraSchengen”

66.

It-tieni nett, xi gvernijiet jissuġġerixxu li l-Artikolu 54 tal-KFS japplika biss “fi ħdan Schengen” u ma jirregolax sitwazzjonijiet li fihom persuna tkun ġiet ipproċessata jew tista’ tiġi pproċessata fi Stat terz. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 54 tal-KFS jorbot biss il-partijiet kontraenti fir-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, iżda mhux fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ Stati terzi (li huma rregolati mid-dritt nazzjonali u internazzjonali). Dik il-pożizzjoni tkun iktar ikkorroborata bil-fatt li l-Ftehim ta’ Estradizzjoni tal-Unjoni Ewropea – L‑Istati Uniti tal-Amerika ( 22 ) ma jipprovdix għal motiv assolut ta’ rifjut għal każijiet fejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa applikabbli. Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dak ir-rigward, il-materja tas-suġġett taqa’ taħt kompetenza tal-Istati Membri li għandhom għalhekk ikunu liberi li jirregolawha kif huma jaraw xieraq, b’mod partikolari permezz ta’ ftehimiet bilaterali.

67.

Jiena ma nistax ħlief naqbel ma’ numru ta’ proposti individwali li jinsabu f’dawk l-argument. Madankollu, ċertament ma naqbilx mal-kombinazzjoni tagħhom u mal-konklużjoni li tintlaħaq abbażi tagħhom.

68.

L-ewwel nett, huwa ċertament minnu li l-Ftehim ta’ Schengen ma japplikax għal pajjiżi terzi. Iżda ċertament japplika għall-azzjonijiet meħuda mill-partijiet kontraenti tiegħu, fit-territorji tagħhom stess, f’isem Stati terzi. Mill-bqija, l-argument huwa mrikkeb fil-maġġor parti fuq dak stabbilit fit-taqsima preċedenti: il-fatt li ma jkunx hemm prosekuzzjoni darbtejn ġo Stat Membru ieħor huwa iktar wiesa’ minn dak li ma jkunx hemm prosekuzzjoni fi u minn dak l-Istat Membru. Dak ikopri, fuq livell testwali kif ukoll sistemiku u fuq livell loġiku, atti li jippermettu l-prosekuzzjoni ta’ terzi li jitwettqu ġewwa parti kontraenti.

69.

Dik il-konklużjoni tkompli tiġi kkorroborata permezz ta’ interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-Artikolu 50 għalhekk jeleva l-prinċipju ta’ ne bis in idem għal dritt fundamentali, billi jipprovdi li “[l]-ebda persuna ma tista’ terġa’ tkun ipproċessata jew ikkundannata għal reat li għalih tkun diġà instabet mhux ħatja jew ikkundannata fl-Unjoni b’sentenza li daħlet in ġudikat skond il-liġi” ( 23 ). Bla dubju, “l-ebda persuna” għandha tfisser “l-ebda persuna”, mingħajr l-ebda limitazzjonijiet territorjali, u mhux “l-ebda persuna ħlief individwi suġġetti għal prosekuzzjoni barra l-Unjoni”.

70.

Wara kollox, ikun qari kemxejn stramb tal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jekk l-importanza u l-portata ta’ dan id-dritt fundamentali kellhom jieqfu, għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, fil-fruntiera esterna tal-Unjoni. Dan mhux biss ikun perikoluż għall-protezzjoni effettiva tad-drittijiet fundamentali peress li jistieden evitar, iżda jkun jagħmel ukoll ftit sens fid-dawl tas-sovranità tal-Istati Membri u l-ius puniendi tagħhom: jekk il-prinċipju ne bis in idem huwa biżżejjed biex jipprevjeni Stat Membru milli jeżerċita l-kompetenza kriminali tiegħu direttament (jiġifieri, billi jipproċessaw il-persuna huma stess) kif jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex jipprevjeni l-istess Stat Membru milli jaġixxi f’isem il-kompetenza kriminali ta’ Stat terz? Għaliex il-ius puniendi ta’ Stati terzi għandu jiġi protett b’iktar saħħa minn dak tal-Istati Membri?

71.

F’dik il-konnessjoni, għandu jitfakkar li, fis-sentenzi Petruhhin ( 24 ) u Pisciotti ( 25 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa s-suġġett ta’ talbiet għall-estradizzjoni minn Stat terz, u li għamel l-użu mid-dritt tiegħu li jiċċaqlaq liberament fi ħdan l-Unjoni, taqa’ taħt l-ambitu tal-Artikolu 21 TFUE u, għalhekk, taħt id-dritt tal-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 51(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-istess loġika għandha tkun valida fir-rigward ta’ ċittadin tal-Unjoni li huwa attwalment u ġenwinament qiegħed ifittex li jagħmel użu minn dik il-libertà ( 26 ). Għalhekk, jekk l-ostakolu għall-moviment liberu tar-rikorrent iġib is-sitwazzjoni tiegħu fl-ambitu tal-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt stabbilit fl-Artikolu 50 tagħha għandu wkoll japplika għal dik is-sitwazzjoni.

72.

B’mod partikolari, is-sitwazzjoni tar-rikorrent li ma jistax jiċċaqlaq mill-Ġermanja lejn l-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni minħabba r-riskju li jiġi arrestat u, possibbilment, sussegwentement estradat lejn Stat terz, hija simili għal dik diġà eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schottöfer ( 27 ). F’dik il-kawża, estradizzjoni lejn pajjiż terz (l-Emirati Għarab Magħquda), kienet prekluża peress li l-persuna inkwistjoni kienet f’riskju tal-piena tal-mewt. F’dan il-każ, arrest jew miżura simili, bil-għan tal-estradizzjoni sussegwenti lejn Stat terz (l-Istati Uniti tal-Amerika), għandhom forsi jiġu preklużi minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

73.

Fl-aħħar nett, kemm inżid li l-Artikolu 50 ma huwiex l-unika dispożizzjoni fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali li huwa rilevanti f’tali każ bħal dak ineżami. B’mod partikolari, qari restrittiv tal-Artikolu 54 tal-KFS jista’ wkoll joħloq problemi, inter alia, skont l-Artikolu 6 (libertà u sigurtà) u l-Artikolu 45 (moviment liberu) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dawk id-dispożizzjonijiet, minkejja li mhux imsemmija mill-qorti tar-rinviju, jidhru ugwalment rilevanti f’dan il-każ. Fil-fehma tiegħi, ma huwiex ovvju li l-interferenza mad-drittijiet stabbiliti f’dawk id-dispożizzjonijiet, miġjuba minn miżuri restrittivi adottati biex jimplimentaw avviż aħmar, jistgħu jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta l-persuna inkwistjoni kienet, pereżempju, diġà ġiet meħlusa minn ċerti akkużi kriminali jew tkun skontat bis-sħiħ is-sentenza mogħtija fil-konfront tiegħu jew tagħha.

3) L-obbligi bilaterali tad-dritt internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri

74.

It-tielet nett, nirrikonoxxi li l-argument imressaq minn xi intervenjenti bbażat fuq il-fatt li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jikkostitwixxix motiv assolut għal rifjut skont il-Ftehim UE-USA għandu, tal-inqas mal-ewwel daqqa t’għajn, ċertu saħħa. Ma huwiex irraġonevoli li wieħed jargumenta li, kieku l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kellha l-intenzjoni li tagħti lill-prinċipju ne bis in idem skop “extraSchengen” raġuni ad hoc għal rifjut kellha possibbilment tiġi inkluża fil-ftehim.

75.

Madankollu, b’ħarsa eqreb, dak l-argument ma huwa bl-ebda mod determinanti. Fil-bidu, ma hemm kważi l-ebda bżonn jiġi osservat li jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għall-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika fuq il-materja, inkluż in-nuqqas ta’ rieda tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jaċċettawha ( 28 ). Iktar importanti, attenzjoni għandha tinġibed lejn l-Artikolu 17(2) tal-Ftehim UE – USA, skont liema “[m]eta l-prinċipji kostituzzjonali, jew id-deċiżjnijiet ġudizzjarji finali li jorbtu Stat Membru jistgħu joħolqu impedimenrt għat-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu li jestradixxi, u s-soluzzjoni tal-materja ma tkunx ipprovvduta f’dan il-ftehim jew fi trattat bilatereali applikabbli, għandhom isiru konsultazzjonijiet bejn l-Istat tat-talba u dak mitlub”.

76.

Dik id-dispożizzjoni timplika li l-partijiet kontraenti jirrikonoxxu l-possibbiltà li, fi ħdan l-ordinamenti ġuridiċi rispettivi tagħhom, xi prinċipji kostituzzjonali jew deċiżjonijiet ġudizzjarji finali jistgħu “ikunu ta’ natura li jostakolaw l-eżekuzzjoni tal-obbligu [tagħhom] ta’ estradizzjoni”, minkejja li ma kienx hemm qbil dwarhom mill-partijiet bħala li tagħti lok għal raġuni assoluta ta’ rifjut ( 29 ). Is-sempliċi fatt li kwalunkwe prinċipju jew deċiżjoni ma jipprojbixxix awtomatikament l-estradizzjoni, iżda jirrikjedi l-awtoritajiet li jibdew il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita fil-ftehim, ma jnaqqasx mill-eżistenza (u n-natura vinkolanti) tal-impediment legali.

77.

Lanqas ma huwa rilevanti, f’dan il-kuntest u kif imqajjem minn numru ta’ gvernijiet, il-fatt li, peress li l-Ftehim UE – USA ma jirregolax l-estradizzjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ jkun applikabbli, dak is-suġġett huwa, kif qiegħda preżentement il-liġi, irregolat biss mid-dritt nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-Gvern Ġermaniż kompla jisħaq li qari wiesa’ tal-Artikolu 54 tal-KFS ikollu konsegwenzi negattivi fuq ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi peress li jista’ jagħmilha iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalihom sabiex jikkonformaw ruħhom mal-ftehimiet internazzjonali li għalihom huma parti (u, b’implikazzjoni, mal-prinċipju ta’ pacta sunt servanda).

78.

Huwa minnu li, fl-assenza ta’ regolamenti tal-Unjoni dwar il-kwistjoni, ir-regoli tal-estradizzjoni jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri ( 30 ). Madankollu, f’sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni, ir-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom jiġu applikati skont id-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-libertajiet iggarantiti mill-Artikolu 21 TFUE ( 31 ).

79.

Sa lura sal-1981, il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet li “leġiżlazzjoni kriminali u r-regoli tal-proċedura kriminali huma materji li għalihom għadhom responsabbli l-Istati Membri. Madankollu […] dak id-dritt tal-Komunità jistabbilixxi wkoll ċerti limiti f’dak il-qasam fir-rigward tal-miżuri ta’ kontroll li jippermetti lill-Istati Membri jżommu b’konnessjoni mal-moviment liberu ta’ merkanzija u ta’ persuni” ( 32 ). Dak għandu jkun minnu a fortiori xi 40 sena wara, fejn l-Istati Membri daħlu f’impenn li joffru liċ-ċittadini tagħhom “spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (iktar ’il quddiem is-‘SLSĠ’) mingħajr fruntieri interni, li fih il-moviment liberu tal-persuni jkun assigurat” ( 33 ).

80.

Għaldaqstant, l-Istati Membri tal-Unjoni fil-fatt jibqgħu liberi biex jirregolaw il-materja u, f’dak il-kuntest, jidħlu fi ftehimiet bilaterali (jew multilaterali) ma’ Stati terzi. Madankollu, dak huwa leġittimu biss sa fejn ma jaqblux għal xi impenn li huwa inkompatibbli mal-obbligi li joħorġu mid-dritt tal-Unjoni. Fil-prinċipju, anki f’oqsma suġġetti għall-kompetenza nazzjonali, u barra l-kuntest speċifiku tal-Artikolu 351 TFUE, l-Istati Membri ma jistgħux jevitaw jew jidderogaw mill-obbligi tagħhom tad-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ftehimiet konklużi ma’ pajjiżi terzi. Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, dak kieku jitfa’ f’dubju l-prinċipju tan-natura primarja tad-dritt tal-Unjoni ( 34 ).

81.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ, li jikkonċerna dritt stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement li l-Unjoni għandha tirrispetta d-dritt internazzjonali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha u li l-miżuri adottati permezz ta’ dawk is-setgħat għandhom jiġu interpretati, u – fejn xieraq – l-ambitu tagħhom limitat, fid-dawl tar-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali ( 35 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha wkoll ċara li l-preċedenza tad-dritt internazzjonali fuq dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma testendix għad-dritt primarju tal-Unjoni, u b’mod partikolari għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li minnhom jiffurmaw parti d-drittijiet fundamentali ( 36 ). Għaldaqstant, la l-Unjoni, u lanqas l-Istati Membri (sakemm jaġixxu fl-ambitu tat-trattati tal-Unjoni), ma jkunu jistgħu jiġġustifikaw il-possibbilità ta’ ksur ta’ drittijiet fundamentali bid-dmir tagħhom li jikkonformaw ma’ wieħed jew iktar trattati jew strumenti internazzjonali.

82.

Fi kwalunkwe każ, l-argument skont liema l-interpretazzjoni tal-Artikolu 54 tal-KFS proposta hawnhekk tkun tagħmel diffiċli, jekk mhux impossibbli, għall-Istati Membri sabiex jikkonformaw mal-prinċipju ta’ pacta sunt servanda ma jidhirx li huwa korrett, għall-inqas sa fejn huma kkonċernati r-Regoli tal-Interpol. Avviż aħmar maħruġ minn Interpol ma jeħtieġx lill-membri tagħha biex, taħt kull ċirkustanza, jarrestaw jew jadottaw il-miżuri li jirrestinġu l-movimenti tal-persuna rikjesta. Huma għandhom jinfurmaw lil Interpol u l-Istat rikjedenti meta persuna rikjesta hija llokalizzata fit-territorju tagħhom, iżda kwalunkwe miżura oħra, inklużi dawk li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-persuna, għandha tiġi adottata, skont l-Artikolu 87 tar-RIID, biss sa fejn huwa “permess skont id-dritt nazzjonali u t-trattati internazzjonali applikabbli” ( 37 ). Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tirreferi wkoll għall-“monitoraġġ” tal-persuna rikjesta, bħala alternattiva possibbli għal miżuri li jirrestrinġu l-moviment ta’ dik il-persuna. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-punt 27 iktar ’il fuq, avviż aħmar bl-ebda mod ma jirrikjedi Stat li jestradixxi l-persuna li hija s-suġġett ta’ avviż aħmar. Talba speċifika, mhux irregolata mir-regoli tal-Interpol, hija neċessarja għal dak il-fini.

83.

Għaldaqstant, jien tal-fehma li l-Artikolu 54 tal-KFS jista’ jkun applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn persuna ġiet ipproċessata jew tista’ tiġi pproċessata fi Stat terz. Sakemm l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tkun ġiet stabbilita b’mod awtorevoli fuq livell orizzontali, minn wieħed mill-Istati Membri, dak il-prinċipju jipproteġi lill-persuna mill-estradizzjoni lejn Stat Membru ieħor għall-istess att. Huwa f’din id-dimensjoni li joperaw il-prinċipju ta’ ne bis in idem u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku: it-tieni (jew it-tielet jew anki r-raba’) Stat Membru ser ikun obbligat li jirrikonoxxi u jaċċetta l-fatt li l-ewwel Stat Membru rreveda t-talba għall-estradizzjoni, kien issodisfatt li tassew kien hemm identità bejn kundanna preċedenti fl-Unjoni u l-att(i) li għalih/hom hija mitluba l-estradizzjoni, u wasal għall-konklużjoni li fir-rigward ta’ dawk l-atti, il-prinċipju ta’ ne bis in idem kien ġie skattat, u għal dik ir-raġuni rrifjuta t-talba għall-estradizzjoni ( 38 ).

84.

F’dan id-dawl, l-evalwazzjoni li saret diġà rigward l-eżistenza tal-ostakolu ta’ ne bis in idem għall-estradizzjoni mill-ewwel Stat Membru adit mit-talba tista’ torbot l-Istati Membri l-oħra kollha aditi minn talba għall-estradizzjoni sussegwenti vis-à-vis l-istess persuna. Madankollu, fi ħdan din id-dimensjoni, u kuntrarjament għal numru ta’ argumenti tad-dritt internazzjonali u ta’ politika mqajma f’din it-taqsima minn diversi intervenjenti, hemm (ċertament l-ebda) restrizzjoni (diretta) fuq kwalunkwe ftehim bilaterali jew obbligi ta’ dritt internazzjonali tal-Istati Membri. Dawn jistgħu ċertament jiġu applikati jekk l-Istat Membru huwa fil-fatt l-ewwel stat li jittratta mal-kwistjoni. Huwa sempliċement neċessarju li tiġi aċċettata d-deċiżjoni dwar l-istess kwistjoni li diġà kienet ittieħdet minn Stat Membru ieħor ġewwa l-Unjoni. Ladarba dik id-deċiżjoni ttieħdet, u jekk talba għall-estradizzjoni kienet ġiet irrifjutata, ċittadin tal-Unjoni jibbenefika minn ċertu “umbrella protettiva” ġewwa l-Unjoni, b’dak iċ-ċittadin tal-Unjoni jitħalla jiċċaqlaq liberament ġewwa l-Unjoni mingħajr il-biża’ li jiġi mixli għall-istess att(i).

c)   Meta l-applikazzjoni attwali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma ġietx stabbilita f’każ speċifiku

85.

Il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet konsistentement li l-Artikolu 54 tal-KFS jimplika li l-Istati kontraenti għandhom fiduċja reċiproka fis-sistemi ta’ ġustizzja kriminali tagħhom u li kull wieħed minnhom jirrikonoxxi d-dritt kriminali applikabbli fl-Istati kontraenti l-oħra anki meta r-riżultat ikun differenti kieku d-dritt nazzjonali tiegħu kellu jiġi applikat. Dik il-fiduċja reċiproka tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tat-tieni Stat kontraenti jaċċettaw prima facie deċiżjoni finali kkomunikata lilhom li tkun ingħatat fl-ewwel Stat kontraenti ( 39 ).

86.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara li l-fiduċja reċiproka tista’ tirnexxi biss jekk it-tieni Stat kontraenti huwa f’pożizzjoni li jissodisfa lilu nnifsu, fuq il-bażi tad-dokumenti pprovduti mill-ewwel Stat kontraenti, li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dak l-ewwel Stat verament tikkostitwixxi deċiżjoni finali flimkien ma’ determinazzjoni dwar il-mertu tal-kawża ( 40 ).

87.

Dawn il-prinċipji huma ta’ importanza partikolari f’dan il-każ. Fil-fatt, jidher mill-proċess, kif issupplimentat mill-kjarifiki ta’ għajnuna mill-BKA u mill-Gvern Ġermaniż, li, sa dakinhar, ma kien hemm l-ebda determinazzjoni finali, wisq inqas waħda ġudizzjarja, dwar jekk l-akkużi li għalihom ħareġ l-avviż aħmar Interpol kontra r-rikorrent humiex relatati mal-istess atti li għalihom il-proċess tiegħu f’München kien ġie finalment deċiż. Għalhekk, ma hemm l-ebda determinazzjoni awtoritarja li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa fil-fatt applikabbli fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

88.

Kif spjegal-BKA fl-osservazzjonijiet tiegħu, f’dan il-każ ineżami ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ tali determinazzjoni. Fid-dawl tan-nazzjonalità tar-rikorrent, il-BKA qatt ma ħa kwalunkwe miżura sabiex jagħmel l-avviż aħmar operazzjonali fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija l-fehma tiegħi li, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-estradizzjoni ta’ ċittadini Ġermaniżi stabbilita fl-Artikolu 16(2) tal-Grundgesetz für die Bundesrepublik Deutschland tat-23 ta’ Mejju 1949 (il-Liġi Bażika għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja), kif emendata, dan huwa l-approċċ tal-BKA f’kull każ meta avviż aħmar jikkonċerna ċittadin Ġermaniż, li ma setax jiġi estradat lejn Stat barra l-Unjoni fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-applikabbiltà possibbli tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

89.

Dak jispjega għalfejn, fit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk Stati Membri jistgħux jimplimentaw avviż aħmar meta Stat Membru ieħor ikun innotifika lil Interpol, u għalhekk lill-membri l-oħra ta’ Interpol, dwar it-“tħassib” tiegħu (fit-talba għal deċiżjoni preliminari oriġinali, is-sentenza Bedenken) rigward l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. It-test tal-addendum għall-avviż aħmar ippubblikat minn Interpol fl-2013 jirrifletti dik il-pożizzjoni. Dan jaqra: “[L-Uffiċċju Ċentrali Nazzjonali ta’] Wiesbaden jikkunsidra li ssanzjonar doppju għandu japplika peress li l-akkużi, fuq liema l-avviż l-aħmar huwa bbażat (sic), huma identiċi għal reat għal liema l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku ta’ München beda proċeduri kontra s-suġġett, li ġew itterminati” ( 41 ).

90.

Il-fatt li, minbarra “e-sticker” inkluża fid-database ta’ Interpol minn uffiċjal tal-pulizija nazzjonali, qatt ma kien hemm determinazzjoni awtoritarja finali ta’ kemm l-identità tal-atti jew tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ dawk l-atti, jidher ċar ukoll mill-kronoloġija tal-avvenimenti: id-deċiżjoni tal-Prosekutur Pubbliku inkwistjoni tmur lura sal-2009; l-avviż aħmar kien ġie ppubblikat minn Interpol fl-2012; u r-rikorrent ippreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fl-2017. Ma hemm l-ebda traċċa fil-proċess ta’ kwalunkwe proċeduri, fil-Ġermanja jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni ( 42 ), fejn il-kwistjoni tal-applikabbilità possibbli tal-prinċipju ta’ ne bis in idem qamet u ġiet deċiża.

91.

Għalhekk, minkejja – kif spjegat hawn fuq – l-Artikolu 54 tal-KFS jidher, fl-astratt, applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni dwar jekk iż-żewġ proċeduri inkwistjoni jirrelatawx mal-istess att għadha, apparentement, ma ġietx iddeterminata (sa issa), wisq inqas iddeterminata finalment, mill-awtoritajiet kompetenti ta’ jew il-Ġermanja jew ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni. Konsegwentement, tal-inqas għalissa, ma hemmx deċiżjoni li Stati Membri oħra, fid-dawl tal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, jistgħu u għandhom jirrikonoxxu u jaċċettaw b’mod ekwivalenti għad-deċiżjonijiet tagħhom stess.

92.

F’dawk iċ-ċirkustanzi, jidhirli li ma hemm xejn li jipprevjeni lill-Istati Membri minbarra l-Ġermanja milli jimplimentaw avviż aħmar maħruġ minn Interpol kontra r-rikorrent. Sempliċi tħassib espress mill-awtoritajiet tal-pulizija ta’ Stat Membru dwar l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax, għall-finijiet tal-Artikolu 54 tal-KFS, jiġi meqjus bħala determinazzjoni finali li dak il-prinċipju huwa tassew applikabbli.

93.

Ċertament nirrikonoxxi s-sitwazzjoni mhux faċli tar-rikorrent. Madankollu, il-konsegwenzi legali mfassla fit-taqsima preċedenti u mitluba mir-rikorrent jistgħu biss jiġu konnessi ma’ deċiżjoni xierqa mogħtija f’dak is-sens. Hemm bżonn li jkun hemm bilanċ bejn protezzjoni u impunità. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 54 tal-KFS “ma għandux l-għan li jipproteġi persuna ssuspettata kontra l-eventwalità li tiġi mfittxija suċċessivament, fir-rigward tal-istess fatti, f’diversi Stati kontraenti” ( 43 ). Fil-fatt dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata “fid-dawl mhux biss tal-ħtieġa li jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-persuni iżda wkoll dik li tiġi promossa l-prevenzjoni tal-kriminalità u l-ġlieda kontriha, fi ħdan [SLSĠ]” ( 44 ). Fis-sentenzi Petrohhuin u Pisciotti, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-miżuri tal-Unjoni adottati fis-SLSĠ għandhom jirrinkonċiljaw l-imperattivi tal-moviment liberu tal-persuni mal-bżonn li jiġu adottati miżuri xierqa għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra l-kriminalità. B’mod partikolari, il-miżuri tal-Unjoni għandhom ukoll jimmiraw li jipprevjenu ir-riskju ta’ impunità għall-persuni li jkunu wettqu reat ( 45 ).

94.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma riflessi fil-proċedura. Hemm dispożizzjoni speċifika fil-KFS li tipprevedi s-sitwazzjoni li fiha jeżisti dubju dwar jekk persuna li tista’ tiġi mixlija fi Stat kontraenti tistax effettivament tibbenefika mill-prinċipju ta’ ne bis in idem f’dak ir-rigward. L-Artikolu 57 tal-KFS jgħid li “[m]eta Parti Kontraenti tixli lil persuna b’reat u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dik il-Parti Kontraenti jkollhom raġuni biex jemmnu li l-akkuża għandha x’taqsam ma’ l-istess azzjonijiet bħal dawk li fir-rigward tagħhom l-kawża ta’ dik il-persuna tkun inqatgħet f’Parti Kontraenti oħra, dawk l-awtoritajiet għandhom, jekk huma jqisu li dan jinħtieġ, jitolbu l-informazzjoni relevanti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti li fit-territorju tagħha tkun diġa ngħatat is-sentenza. L-informazzjoni mitluba għandha tingħata kemm jista’ jkun malajr u għandha tkun ikkunsidrata fir-rigward ta’ azzjoni ulterjuri li trid tittieħed fil-proċeduri pendenti”. Dik id-dispożizzjoni hija manifestazzjoni, f’dan il-kuntest, tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

95.

Għalhekk, jekk hemm indikazzjonijiet li l-prinċipju ta’ ne bis in idem jista’ jkun applikabbli fir-rigward tal-akkużi li għalihom Interpol ħarġet avviż aħmar kontra ċittadin tal-Unjoni, huwa mistenni li l-awtoritajiet tal-Istati Membri l-oħra – jekk jillokalizzaw il-persuna fit-territorju tagħhom – fid-dawl tal-Artikolu 57 tal-KFS ser (i) jieħdu azzjoni malajr sabiex jikkjarifikaw is-sitwazzjoni, u (ii) jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru l-ieħor. Kif imsemmi fil-punt 85 iktar ’il fuq, il-Qorti ta’ Ġustizzja diġà għamlitha ċara li l-Istati Membri għandhom ikollhom il-possibbiltà li jissodisfaw lilhom infushom, fuq il-bażi tad-dokumenti pprovduti mill-Istat Membru fejn il-persuna ġiet ipproċessata, li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem huma ssodisfatti.

96.

Sa fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ma setgħux jivverifikaw jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem japplikax, huma ovvjament għandhom jiġu permessi li jimplimentaw l-avviż aħmar u, fejn xieraq u neċessarju, jillimitaw il-moviment liberu tal-persuna rikjesta. Fil-fatt, ma hemm l-ebda bażi fid-dritt tal-Unjoni li jista’ jipprevenihom milli jaderixxu mar-regoli nazzjonali tagħhom fuq dik il-kwistjoni jew, skont il-każ, mat-trattati internazzjonali li jistgħu jkunu applikabbli. Madankollu, ladarba dik id-determinazzjoni tkun saret mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, li possibbilment tikkonferma li l-prinċipju ta’ ne bis in idem ġie validament skattat fir-rigward ta’ avviż aħmar partikolari, l-Istati Membri l-oħra kollha huma marbuta fir-rigward ta’ dik id-determinazzjoni finali partikolari.

d)   Konklużjoni provviżorja (u analoġija interna)

97.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jien tal-fehma li l-Artikolu 54 tal-KFS, moqri flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u l-Artikolu 21(1) TFUE, jipprekludi l-Istati Membri milli jimplimentaw avviż aħmar maħruġ minn Interpol fuq talba ta’ Stat terz, u b’hekk jirrestrinġi l-moviment liberu ta’ persuna, bil-kundizzjoni li kien hemm determinazzjoni finali adottata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru rigward l-applikazzjoni attwali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-akkużi speċifiċi li għalihom ġie maħruġ l-avviż.

98.

Bħala nota tal-qiegħ il-paġna konklużiva fuq dik ir-risposta proposta, ninnota li tali soluzzjoni tkun ukoll sistematikament konsistenti mal-istrumenti interni tal-Unjoni li jirregolaw kwistjonijiet simili, bħad-Direttiva 2014/41/UE dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew (iktar ’il quddiem l-“OIE”) f’materji kriminali ( 46 ) jew id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew (iktar ’il quddiem il-“MAE”) ( 47 ).

99.

Skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2014/41, il-prinċipju ta’ ne bis in idem jikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent jew nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ OIE. Ma għandux jiġi injorat, f’dan il-kuntest, li OIE jistgħu wkoll jiġu adottati qabel ma jitressqu proċeduri kriminali ( 48 ), u bl-istess mod f’proċeduri li ma humiex formalment imsemmija bħala “kriminali” taħt id-dritt nazzjonali ( 49 ). Strument ieħor li jinkludi dispożizzjonijiet simili għal dawk inklużi fid-Direttiva 2014/41 hija d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Dawk id-dispożizzjonijiet juru li l-Artikolu 54 tal-KFS ma jistax jiġi interpretat b’mod strett: il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma huwiex ikkonċepit, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, sempliċement bħala projbizzjoni milli jkun hemm ċittadin ġo awla tal-qorti darbtejn. Hemm iktar minn hekk inkwistjoni. Dak il-prinċipju għandu, tal-inqas, jipprevjeni miżuri li, ikun xi jkun jisimhom taħt id-dritt nazzjonali, jillimitaw b’mod iebes il-libertajiet ta’ persuna (bħal arrest jew detenzjoni temporanja) u l-adozzjoni ta’ liema hija loġikament, funzjonalment u kronoloġikament relatata ma’ proċeduri kriminali, anki jekk fi Stat terz ( 50 ).

100.

It-tieni nett, dawk iż-żewġ strumenti jikkonfermaw ukoll li, biex jidħol fis-seħħ l-effett tal-imblukkar tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jkun hemm determinazzjoni finali dwar l-applikazzjoni attwali ta’ dak il-prinċipju fir-rigward tal-każ speċifiku. Fil-fatt, approċċ simili ġie segwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward tal-eżekuzzjoni ta’ OIE. Skont il-premessa 17 tad-Direttiva 2014/41, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw li jeżegwixxu OIE meta dan ikun kuntrarju l-prinċipju ta’ ne bis in idem. Madankollu, “[m]inħabba n-natura preliminari tal-proċedimenti li fuqhom tissejjes OIE, l-eżekuzzjoni tagħha ma għandhiex tkun suġġetta għal rifjut fejn ikollha l-għan li tistabbilixxi jekk hemmx xi kunflitt possibbli mal-prinċipju ne bis in idem” ( 51 ). Ovvjament, OIE hija inqas restrittiva minn miżura li tillimita l-moviment liberu ta’ ċittadin iżda, bla dubju, il-prinċipju sottostanti jidher li huwa trasponibbli għal sitwazzjonijiet irregolati mill-Artikoli 54 u 57 tal-KFS. L-istess mod, skont l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tikkostitwixxi waħda mir-raġunijiet għall-eżekuzzjoni mhux mandatorja tal-MAE. Madankollu, sakemm l-awtorità ġudizzjarja li tkun qed teżegwixxi ma tkunx ħadet deċiżjoni fuq l-eżekuzzjoni tal-MAE, inkluż fuq l-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni kwadru, il-persuna kkonċernata tista’, skont l-Artikolu 11 u12 tagħha, tiġi arrestata u tinżamm f’detenzjoni ( 52 ).

2.   Ir-raba’ u sitt domanda

101.

Permezz tar-raba’ u tas-sitt domanda tagħha, li jistgħu jiġu eżaminati flimkien, il-qorti nazzjonali essenzjalment tfittex sabiex taċċerta jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jipprekludux l-ipproċċessar ulterjuri ta’ data personali li tkun tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol, fejn japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem għall-akkużi għal liema nħareġ l-avviż.

102.

Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tfittex kjarifika dwar jekk, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk inkwistjoni f’din il-kawża, ladarba l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem tiġi stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiġu mitluba jħassru d-data personali tal-persuna rikjesta li tkun tinsab fl-avviż aħmar u jastjenu milli jipproċessaw ulterjorment dik id-data. Hija tirreferi, f’dak ir-rigward, għall-Artikolu 4(1), għall-Artikolu 7(3), għall-Artikolu 8(1) u għall-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/680.

103.

Mill-bidu, nixtieq ninnota l-ewwel nett li, għar-raġunijiet spjegati fil-punti 85 sa 92 iktar ’il fuq, ma huwiex ċar jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem huwiex attwalment applikabbli għall-każ inkwistjoni. L-ebda determinazzjoni awtoritarja ma tidher li saret f’dan il-każ. Minn dik il-perspettiva, jista’ jiġi argumentat li l-kwistjoni sussegwenti, li tibda mill-preżunzjoni li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa tassew applikabbli, u xi jkun ifisser dan għall-ipproċessar tad-data, hija, f’dan l-istadju, ipotetika. Madankollu, jekk dak il-prinċipju kellu jkun applikabbli, it-tweġiba proposta tiegħi lill-qorti tar-rinviju tkun is-segwenti.

104.

Biex nibda, każ bħal dan inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2016/680 kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tagħha. L-ipproċessar ta’ data personali li tinsab f’avviżi ħomor maħruġa minn Interpol mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jirrigwarda persuna naturali identifikabbli (il-persuna rikjesta) u huwa mmirat lejn il-prosekuzzjoni ta’ dik il-persuna għal reati kriminali, jew għall-eżekuzzjoni tal-penali kriminali (skont l-iskop tal-avviżi ħomor taħt l-Artikolu 82 tar-RIID).

105.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom, inter alia, jiżguraw li d-data personali hija “ipproċessata b’mod legali u ġust” (punt a), “miġbura għal finijiet […] leġittimi u mhux ipproċessata b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dawk il-finijiet” (punt b), u “tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata” (punt d). Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 8(1) tad-direttiva jgħid li “[l]-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”.

106.

Huwa komuni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680 huma ġeneralment issodisfatti meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jipproċessaw id-data personali inkluża f’avviż aħmar bil-għan li jiġi eżegwit. Huwa ugwalment bla dubju li, meta jagħmlu dan, l-awtoritajiet tal-Istati Membri qed jaġixxu fuq il-bażi kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-dritt nazzjonali. Kif tiċċara l-premessa 25 tad-Direttiva 2016/680 “[l]-Istati Membri kollha huma affiljati mal-[Interpol]. Sabiex twettaq il-missjoni tagħha, l-Interpol tirċievi, taħżen u tiċċirkola data personali biex tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali. Għalhekk, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol bil-promozzjoni ta’ skambju effiċjenti tad-data personali filwaqt li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku ta’ data personali. Meta data personali tkun trasferita mill-Unjoni lejn l-Interpol, u għal pajjiżi li ddelegaw membri fl-Interpol, din id-Direttiva għandha tapplika” ( 53 ).

107.

Minbarra dan, huwa ċar ukoll li l-ipproċessar ta’ data inkluża f’avviż aħmar huwa neċessarju għat-twettiq ta’ kompitu minn awtorità kompetenti għall-iskopijiet tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tas-sejba jew tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta’ penali kriminali. L-arranġamenti li jikkonċernaw l-avviżi kkodifikati bil-kulur, stabbiliti minn Interpol, jikkostitwixxu wieħed mill-pilastri tas-sistema ta’ assistenza reċiproka bejn forzi tal-pulizija kriminali għal liema nħolqot Interpol. Sa fejn huma permessi għal lokalizzazzjoni iktar imħaffa u effettiva u, possibbilment, il-prosekuzzjoni ta’ persuni maħruba, avviżi ħomor jikkontribwixxu b’mod sinjifikattiv lejn l-għan tal-Unjoni li toffri liċ-ċittadini tagħha SLSĠ li fih miżuri xierqa, fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra r-reati, huma adottati.

108.

Għalhekk, ma jistax ikun hemm xi dubju li l-ipproċessar, mill-awtoritajiet tal-Istati Membru (jew, jekk ikun il-każ, tal-Unjoni), ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol huwa, fil-prinċipju, legali.

109.

Madankollu, il-kwistjoni prinċipali mqajma mill-qorti tar-rinviju hija jekk dan jibqax minnu anki jekk kellu jiġi stabbilit li avviż aħmar maħruġ kontra individwu jikkonċerna atti għal liema, ġewwa l-Unjoni, huwa jew hija jibbenefikaw mill-prinċipju ta’ ne bis in idem. Iktar speċifikament, f’tali każ, id-Direttiva 2016/680 (i) tirrikjedi lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex iħassru d-data personali tal-individwu, u (ii) tipprekludi kwalunkwe pproċessar ulterjuri tad-data personali minn dawk l-Istati Membri?

110.

Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għaż-żewġ domandi għandha tkun fin-negattiv.

111.

L-ewwel nett, huwa minnu li l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2016/680 jipprovdi li, jekk jirriżulta li tkun ġiet trażmessa data personali żbaljata jew li d-data personali tkun ġiet trażmessa b’mod illegali, ir-riċevitur għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. F’dan il-każ, id-data personali għandha tiġi rettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar tagħha għandu jkun ristrett f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva.

112.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħed jiġi implikat mill-qorti tar-rinviju, il-fatt li individwu jista’ jibbenefika mill-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward ta’ akkużi dwar liema nħareġ avviż aħmar ma jfissirx li d-data li tinsab f’dak l-avviż ġiet trażmessa illegalment. Il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax jitfa’ dubju dwar il-veraċità u l-preċiżjoni tad-data bħal, pereżempju, l-informazzjoni personali, il-fatt li dik il-persuna hija mfittxija fi Stat terz talli ġiet akkużata jew misjuba ħatja ta’ ċertu reati kriminali, u li mandat ta’ arrest inħareġ kontra tiegħu jew tagħha f’dak l-Istat. Lanqas it-trażmissjoni inizjali ta’ dik id-data ma kienet illegali, għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

113.

Għalhekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ma tinvolvix, għall-persuna kkonċernata, id-dritt, skont l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2016/680, biex titlob it-tħassir tad-data personali tagħha.

114.

It-tieni nett, ma jistax jiġi argumentat b’mod raġonevoli, li jekk kellu japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem, kwalunkwe pproċessar ulterjuri tad-data personali għandu jiġi prekluż.

115.

L-Artikolu 3(2) tad-direttiva 2016/680 jiddefinixxi “ipproċessar” b’mod wiesa’ bħala “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda”. L-argumenti mressqa mir-rikorrent – u li magħhom tidher li qiegħda tissimpatizza l-qorti tar-rinviju – jimplikaw li, mill-mument li jiġi stabbilit li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa applikabbli, l-ebda waħda minn dawn l-operazzjonijiet (bl-eċċezzjoni ta’ tħassir) ma tkun possibbli.

116.

Madankollu, ma nsib l-ebda bażi għal dik il-konklużjoni fid-Direttiva 2016/680. “Prosekuzzjoni illegali” potenzjali ma tistax sempliċement tiġi mqabbla ma’ “ipproċessar illegali tad-data” skont id-Direttiva 2016/680. Xejn fit-test, u ċertament mhux fis-sistema u skop, ta’ dik id-direttiva ma jippermetti għal-loġika sottostanti għall-Artikolu 54 tal-KFS biex tiġi trasposta fis-sistema tal-protezzjoni tad-data stabbilita mid-Direttiva 2016/680, u għall-qorti tar-rinviju biex tibda tiddeċiedi dwar l-legalità tal-ipproċessar fuq dik il-bażi. Dawk l-istrumenti għandhom raġunament differenti u jsegwu għan differenti, u għalhekk joħolqu tip differenti ta’ qafas legali.

117.

L-oppost ta’ x’inhi tissuġerixxi l-qorti tar-rinviju f’dak ir-rigward jidher fil-fatt li huwa l-każ: isegwi mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-direttiva li l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali mhux biss huwa legali iżda, fid-dawl tal-iskop tal-ipproċessar, anki meħtieġ.

118.

Xi operazzjonijiet tal-ipproċessar jistgħu verament ikunu neċessarji – u għalhekk permessi skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2016/680 – biex jiġi zgurat li l-kompitu li għalih ġew miġbura (sabiex l-avviż aħmar jiġi implimentat) jitwettaq b’mod, inter alia, “legali u ġust”.

119.

Kif il-Kummissjoni, kif ukoll numru ta’ gvernijiet, jinnotaw, xi pproċessar ulterjuri tad-data (bħal konsultazzjoni, adattament, żvelar u tixrid) jista’ jiġi meħtieġ sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-persuna kontra liema nħareġ l-avviż aħmar tiġi suġġetta bi żball għal miżuri kriminali fi Stati Membri jew, jekk tali miżuri kienu ġew adottati, biex tiġi żgurata t-tneħħija malajr ta’ dawk il-miżuri.

120.

Bl-istess mod, xi adattament u ħażna tad-data jistgħu jkunu neċessarji sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha persuna hija, fil-futur, suġġetta (għal darba oħra) għal miżuri possibbilment illegali għall-atti koperti mill-prinċipju ta’ ne bis in idem. Pereżempju, kif imsemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq, fil-każ inkwistjoni ma jistax jiġi eskluż li l-Istati Uniti jistgħu fil-futur jistaqsu lil Interpol biex terġa’ toħroġ avviż aħmar għall-istess atti. Inżid li, fil-każ ta’ ċerti reati, jista’ jkun ukoll li avviż aħmar jista’ joħrog għall-istess atti fuq talba ta’ Stati differenti.

121.

Għalhekk, huwa proprju l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem f’każ speċifiku li jista’ jrendi neċessarju pproċessar ulterjuri tad-data personali li tinsab fl-avviż aħmar. Għandu jiġi nnotat li l-ipproċessar ulterjuri jitwettaq mhux biss fl-interess tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, iżda anki jew forsi anki speċjalment fl-interess tal-persuna li hija s-suġġett tal-avviż aħmar. Kieku dan ma jkunx il-każ, u d-data kollha kellha titħassar immedjatament ladarba jkun skatta ne bis in idem, il-konsegwenzi jistgħu jkunu pjuttost strambi: il-firxa ta’ memorja legalment imposta tal-awtoritajiet tal-pulizija nazzjonali ssir bħal dik ta’ Dory l-ħuta (“Finding Nemo” ( 54 )) sabiex il-persuna rikjesta tispiċċa tkun imġiegħla, ġo repetizzzjoni sfortunata ta’ “Groundhog Day”, ta’ Bill Murray ( 55 ) sabiex tinvoka u tipprova l-protezzjoni taħt il-prinċipju ta’ ne bis in idem, fir-rigward tal-akkużi kriminali inkwistjoni, għal iktar minn darba.

122.

Barra minn hekk, xi pproċessar tad-data ulterjuri jista’ jiġi wkoll permess skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2016/680, dispożizzjoni li ma tissemmiex fid-deċiżjoni tar-rinviju. Dik id-dispożizzjoni tippermetti, taħt ċertu ċirkustanzi, l-ipproċessar tad-data personali “għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali” ( 56 ). Dan ifisser li d-data miġbura sabiex jiġi implimentat l-avviż aħmar tista’ wkoll tiġi pproċessata (pereżempju, organizzata, maħżuna u arkivjata), suġġett għas-sodisfazzjon ta’ ċertu kundizzjonijiet, fejn neċessarju biex jiġu segwiti għanjiet oħra permessi skont id-direttiva ( 57 ).

123.

Għalhekk, kemm it-test kif ukoll il-loġika tad-Direttiva 2016/680 ma jsostnux interpretazzjoni skont liema kwalunkwe pproċessar ulterjuri huwa pprojbit per se. Madankollu, dan l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali għandu, ovvjament, xorta jitwettaq skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/680, li jibqgħu applikabbli bis-sħiħ għas-sitwazzjoni.

124.

B’mod partikolari, naqbel mal-Gvern Ġermaniz u dak tar-Renju Unit li huwa kruċjali li jiġi ddeterminat jekk l-ipproċessar ulterjuri jistax, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi, jitqiesx bħala “neċessarju” għall-fini tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2016/680. B’mod sempliċi, il-mistoqsija tqum dwar jekk operazzjoni ta’ pproċessar partikolari tistax tkun meħtieġa fid-dawl tal-fatt li l-persuna tibbenefika mill-prinċipju ta’ ne bis in idem.

125.

Pereżempju, il-ħażna kontinwa tad-data bl-indikazzjoni li l-persuna ma tistax tkun ipproċessata għal dawk l-atti minħabba l-prinċipju ta’ ne bis in idem tista’ probabbilment titqies bħala “neċessarja”, filwaqt li l-firxa ulterjuri tal-informazzjoni lill-forzi tal-pulizija li dik il-persuna hija mfittxija fuq il-bażi ta’ avviż aħmar tista’ ma tkunx. Bla dubju, tali evalwazzjoni tista’ ssir biss abbażi ta’ kull każ waħdu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

126.

F’dak il-kuntest, jista’ jkun ta’ għajnuna li jiġi nnutat li, skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2016/680, il-kontrollur għandu juri konformità mal-kriterju ta’ neċessità. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li suġġett tad-data jgawdi minn ċertu drittijiet mogħtija lilu jew lilha mill-Artikoli 12 u 18 tagħha.

127.

Pereżempju, nista’ nimmaġina li l-persuna kontra min inħareġ avviż aħmar tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala li għandha d-dritt li tistaqsi l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jikkompletaw jew jaġġornaw, fid-databases tagħhom, id-data li tinsab f’avviż aħmar, billi tiżdied indikazzjoni, fejn xieraq, li, fi ħdan l-Unjoni, huwa jew hija diġà ġew ipproċessati u liberati jew ikkundannati għal dawk l-atti. Fil-fatt, skont l-Artikolu 4(1)(d) tad-Direttiva 2016/680, l-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-data personali biex tkun, inter alia, “preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata”. Għal dik il-fini, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2016/680 jagħti lis-suġġetti tad-data, inter alia, “[i]d-dritt li [jiksbu] l-ikkompletar tad-data personali mhux kompluta”. Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, tali xenarju huwa għalissa kemxejn ipotetiku, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-applikabbilità tal-prinċipju ta’ ne bis in idem għas-sitwazzjoni tar-rikorrent ma tidhirx li ġiet stabbilita minn ebda awtorità kompetenti ta’ Stat Membru.

128.

Fid-dawl ta’ dan kollu, jiena tal-fehma li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludux l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol, anki jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem kellu japplika għal akkużi għal liema ġie maħruġ l-avviż, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar jitwettaq skont ir-regoli stabbiliti f’dik id-direttiva.

3.   Il-ħames domanda

129.

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk organizzazzjoni internazzjonali, bħal Interpol, għandhiex livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data għall-finijiet tad-Direttiva 2016/680 jekk ma hemmx deċiżjoni ta’ adegwatezza skont l-Artikoli 36 ta’ dik id-direttiva u/jew ma hemmx salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37 ta’ dik id-direttiva.

130.

Ir-risposta għal dik id-domanda, minħabba l-formulazzjoni tagħha, tkun pjuttost sempliċi. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2016/680 huma ċari fuq dan: organizzazzjoni internazzjonali ma għandhiex livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data għall-finijiet tad-Direttiva 2016/680 jekk ma hemmx la deċiżjoni ta’ adegwatezza skont l-Artikolu 36, u lanqas salvagwardji xierqa fis-sens tal-Artikolu 37, sakemm waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 38 ma tapplikax.

131.

Madankollu, nissuspetta li tali risposta astratta u ġenerika, li ma tagħmel xejn ħlief li tidderieġi lill-qorti tar-rinviju għar-relazzjoni bejn id-dispożizzjonijiet varji tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2016/680, ma hijiex dik li qiegħda tfittex il-qorti tar-rinviju.

132.

Dik l-impressjoni hija kkonfermata mid-deċiżjoni tar-rinviju. Il-qorti tar-rinviju tgħid li jekk Interpol, f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tiżgurax li d-data personali li tinsab f’avviż aħmar hija debitament imħassra jew ikkoreġuta, minħabba l-applikabbiltà tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, dubji jistgħu jitqajmu dwar l-adegwatezza tar-regoli ta’ protezzjoni tad-data ta’ Interpol skont id-Direttiva 2016/680. Dak eventwalment iwassal għad-domanda – fil-fehma tal-qorti tar-rinviju – dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jieqfu milli jikkooperaw ma’ Interpol.

133.

Il-qorti tar-rinviju tirreferi f’dak ir-rigward, għall-premessa 64 tad-Direttiva 2016/680, skont liema “[m]eta d-data personali tkun trasferita mill-Unjoni lil kontrolluri, proċessuri jew riċevituri oħra f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-livell ta’ protezzjoni tal-persuni fiżiċi mogħti fl-Unjoni […] ma għandux jiddgħajjef”. Il-każ bil-kontra ta’ trażmissjoni ta’ data minn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali lill-Istati membri tal-Unjoni ma hijiex espressament irregolata fid-Direttiva 2016/680. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, l-istess prinċipji għandhom japplikaw.

134.

Dawn id-dikjarazzjonijiet iħalluni kemxejn konfuż. Jidher li, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda attwalment tfittex li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma l-fehma tagħha li Interpol ma għandhiex livell adegwat ta’ protezzjoni ta’ data skont id-Direttiva 2016/680, għar-raġuni li ma hemm l-ebda deċiżjoni ta’ adegwatezza u ma hemm l-ebda salvagwardji xierqa.

135.

Madankollu, mhux biss ma iniex konvint mill-premessa fuq liema tali domanda hija bbażata iżda, iktar importanti, ma nistax nifhem għalfejn dik id-domanda tqajmet fl-ewwel lok fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri.

136.

L-ewwel nett, il-qorti tar-rinviju hija tal-fehma li d-Direttiva 2016/680 għandha lakuna sa fejn ma tirregolax it-trasferiment tad-data personali (dieħla) minn organizzazzjonijiet internazzjonali lejn l-Unjoni u lejn l-Istati Membri. Madankollu, l-eżistenza ta’ tali lakuna hija, fil-fehma tiegħi, bl-ebda mod ovvja. Il-leġiżlatur tal-Unjoni rregola t-trasferiment tad-data personali mill-Unjoni lejn terzi (kemm jekk tkun organizzazzjoni internazzjonali jew Stat terz) sabiex jiżgura li dik id-data, ladarba titlaq l-“ispazju virtwali” tal-Unjoni, tkompli tiġi ttrattata skont standards ekwivalenti. Madankollu, is-sitwazzjoni relatata mat-trasferiment ta’ data personali minn terzi lejn l-Unjoni hija naturalment differenti. Ladarba dik id-data daħlet fl-“ispazju virtwali” tal-Unjoni, kwalunkwe pproċessar għandu jkun konformi mar-regoli rilevanti kollha tal-Unjoni. F’dawk is-sitwazzjonijiet, jista’ għalhekk ma jkunx hemm ħtieġa ta’ regoli bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 36 sa 38 tad-Direttiva 2016/680. Lanqas ma għandha l-Unjoni l-interess (wisq inqas il-poter) li teħtieġ lil terzi jipproċessaw id-data personali li ma toriġinax mill-Unjoni skont ir-regoli ekwivalenti għal tagħha.

137.

It-tieni nett, u iktar importanti, ma nistax nara kif risposta għal dik id-domanda mill-Qorti tal-Ġustizzja tkun neċessarja għall-qorti tar-rinviju sabiex tagħti deċiżjoni fil-kawża li għandha quddiemha. Dan il-każ ma jikkonċernax it-trasferiment ta’ data mill-Istati Membri lejn Interpol iżda bil-kontra. Id-domanda li tqum fil-każ preżenti hija, essenzjalment, dak li jistgħu jew ma jistgħux jagħmlu l-Istati Membri tal-Unjoni skont id-Direttiva 2016/680, meta jirċievu data minn Interpol relatata ma’ persuna li għaliha jista’ japplika l-prinċipju ta’ ne bis in idem.

138.

Għalhekk, kwalunkwe konsegwenza li toħroġ minn sejba (ipotetika) tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward in-nuqqas ta’ adegwatezza tar-regoli ta’ protezzjoni ta’ data ta’ Interpol ma jkollha l-ebda effett fuq is-sitwazzjoni speċifika tar-rikorrent. Dan iwassalni li nieħu l-fehma, maqsuma ma’ diversi intervenjenti li ressqu osservazzjonijiet f’dawn il-proċeduri, li l-ħames domanda hija manifestament inammissibbli.

V. Konklużjoni

139.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden (il-Qorti Amministrattiva ta’ Wiesbaden, il-Ġermanja) b’dan il-mod:

L-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet ta’ l-Istati ta’ l-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom, flimkien mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 21(1) TFUE, jipprekludu lill-Istati Membri milli jimplimentaw avviż aħmar maħruġ minn Interpol fuq talba ta’ Stat terz, u b’hekk jiġi ristrett il-moviment liberu ta’ persuna, bil-kundizzjoni li kien hemm determinazzjoni finali adottata minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru rigward l-applikazzjoni attwali tal-prinċipju ta’ ne bis in idem fir-rigward tal-akkużi speċifiċi li għalihom inħareġ dak l-avviż.

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, moqrija flimkien mal-Artikolu 54 tal-KFS u mal-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ma jipprekludux l-ipproċessar ulterjuri ta’ data personali li tinsab f’avviż aħmar maħruġ minn Interpol, anki jekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem kellu japplika għal akkużi li għalihom inħareġ l-avviż, bil-kundizzjoni li l-ipproċessar iseħħ skont ir-regoli stabbiliti f’dik id-direttiva.

Il-ħames domanda hija inammissibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9.

( 3 ) ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6. In-noti ta’ qiegħ il-paġna fid-dispożizzjonijiet tad-direttiva ġew ommessi.

( 4 ) BGBl. I p. 1354.

( 5 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 31).

( 6 ) Reċentement, b’iktar referenzi, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan fis-sentenza Generalstaatsanwaltschaft Berlin (C‑398/19, EU:C:2020:748, punti 73 sa 76).

( 7 ) Ara f’dak is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80, punti 8 sa 14), u d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633, punti 19 sa 21).

( 8 ) B’kuntrast, pereżempju, għas-sentenza tad‑29 ta’ Mejju 1997, Kremzow (C‑299/95, EU:C:1997:254, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (Sistema dixxiplinari tal-imħallfin) (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, État belge (C‑35/19, EU:C:2019:894, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Marzu 1980, Foglia (I) (104/79, EU:C:1980:73), u tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia (II) (244/80, EU:C:1981:302).

( 12 ) Sentenza tal‑11 ta’ Frar 2003 (C‑187/01 u C‑385/01, EU:C:2003:87, punt 48).

( 13 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014 (C‑398/12, EU:C:2014:1057, punt 31).

( 14 ) Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2014 (C‑129/14 PPU, EU:C:2014:586, punti 6364).

( 15 ) Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005 (C‑469/03, EU:C:2005:156, punti 34 u 35).

( 16 ) Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 (C‑491/07, EU:C:2008:768, punti 4045).

( 17 ) Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016 (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 54).

( 18 ) Ara s-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2006, Gasparini et (C‑467/04, EU:C:2006:610, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 19 ) Sentenza tal- Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“QEDB”) tat-8 ta’ Ġunju 1976, Engel et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:1976:0608JUD000510071, punti 80 sa 82). Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-QEDB, “il-kriterju Engel” għandu jintuża biex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm jew le “akkuża kriminali” fis-sens tal-Artikolu 4 (“Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”) tal-Protokoll Nru 7 tal‑Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2009, Sergey Zolotukhin vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2009:0210JUD001493903, punt 53), u tal-15 ta’ Novembru 2016, A u B vs In‑Norveġja, CE:ECHR:2016:1115JUD002413011, punti 105 sa 107).

( 20 ) Ara iktar’il fuq, il-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 21 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2018, Menci (C‑524/15, EU:C:2018:197, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 22 ) Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal‑25 ta’ Ġunju 2003 (ĠU 2003 L 181, p. 27) (iktar ’il quddiem il“Ftehim UE – USA”). Dak il-ftehim mhux applikabbli għall-każ ineżami.

( 23 ) Enfasi miżjuda minni.

( 24 ) Sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630).

( 25 ) Sentenza tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222).

( 26 ) Ara iktar ’il fuq, il-punt 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2017, Peter Schotthöfer & Florian Steiner (C‑473/15, EU:C:2017:633).

( 28 ) F’dan il-kuntest, ninnota li approċċ kemxejn restrittiv rigward il-prinċipju ta’ ne bis in idem jidher li jirriżulta minn wieħed mill-ftehimiet konnessi mar-ratifika tal-Istati Uniti tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi fl-1992: “l-Istati Uniti tifhem il-projbizzjoni fuq issanzjonar doppju [fl-Artikolu 14(7)] li japplika biss meta s-sentenza ta’ ħelsien tkun ingħatat minn qorti tal-istess diviżjoni governattiva, kemm jekk il-Gvern Federali jew diviżjoni kostitwenti, kif ukoll li jitfittex proċess ġdid għall-istess kawża.”

( 29 ) Ara, fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punti 39 sa 41).

( 30 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 26).

( 31 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius (C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 45), u tat‑2 ta’ April 2020, I.N. (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 48).

( 32 ) Sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, Casati (203/80, EU:C:1981:261, punt 27).

( 33 ) Artikolu 3(2) TUE.

( 34 ) Ara, inter alia, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑546/07, EU:C:2010:25, punt 42).

( 35 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 291 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 36 ) Sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 307308.

( 37 ) Dik id-dispożizzjoni tirrifletti l-Artikolu 31 tal-Istatut ta’ Interpol, skont liema l-membri ta’ Interpol “għandhom jagħmlu kollox fis-setgħa tagħhom li huwa kompatibbli mal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tagħhom biex jipparteċipaw fl-attivitajiet tagħha b’mod diliġenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 38 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet reċenti tal-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il‑Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il‑Ġermanja) tad-19 ta’ Mejju 2020, 2 AuslA 3/20, ECLI:DE:OLGHE:2020:0519.2AUSLA3.20.00 (ugwalment fin-NStZ-RR 2020, 288), li fih il-qorti neħħiet il-mandat ta’ arrest ta’ estradizzjoni nazzjonali (u rrifjutat estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika skont Ftehim Ġermanja -USA bilaterali) għar-raġuni li l-persuna rikjesta, ċittadin Taljan, kien diġà ġie mixli għall-istess atti bħal dawk fit-talba ta’ estradizzjoni tal-Istati Uniti fl-Italja, li fil-fehma tal-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt skattat in-ne bis in idem projbizzjoni ta’ estradizzjoni ugwalment fi Stati Membri oħra, inkluż fil-Ġermanja, li tipprevjeni l-estradizzjoni minn dan l-Istat Membru tal-aħħar skont il-ftehim bilaterali.

( 39 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punti 5051 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 52).

( 41 ) Enfasi miżjuda minni.

( 42 ) Tali determinazzjoni setgħet issir, pereżempju, mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stat Membru (minbarra l-Istat ta’ residenza tiegħu) fejn ir-rikorrent ikun ġie llokalizzat. Skont iċ-ċirkustanzi, dawk l-awtoritajiet setgħu ġew imsejħa sabiex joħorġu, jikkonfermaw, ivarjaw jew ineħħu l-miżuri restrittivi mitluba jew imposti mill-awtoritajiet tal-pulizija jew il-Prosekutur Pubbliku, kif kien pereżempju l-każ fix-xenarju fattwali deskritt iktar ’il fuq fin-nota tal-qiegħ il-paġna 38.

( 43 ) Ara s-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 44 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2016, Kossowski (C‑486/14, EU:C:2016:483, punt 47).

( 45 ) Rispettivament, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punti 3637), u tal-10 ta’ April 2018, Pisciotti (C‑191/16, EU:C:2018:222, punt 47). Enfasi miżjuda minni.

( 46 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 (ĠU 2014 L 130, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16).

( 47 ) Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU 2002 L 190, p. 1, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45), kif emendata.

( 48 ) Ara l-Artikolu 4(a), tad-Direttiva 2014/41.

( 49 ) Ara l-Artikolu 4(b) sa (d), tad-Direttiva 2014/41.

( 50 ) F’din id-dimensjoni, għal darba oħra jiġi fuq quddiem essenzjalment a fortiori argument sistemiku diġà magħmul iktar ’il fuq il-punt 70 ta’ dawn il-konklużjonijiet: tkun tassew impressjonanti l-wasla tas-soluzzjoni prattika li fis-SLSĠ, fi ħdan liema l-kooperazzjoni kriminali ser tiġi ffaċilitata, magħmula iktar faċli u uniformi, regoli iktar stretti u li jillimitaw ikunu fil-fatt japplikaw, filwaqt li kwalunkwe ħaġa tkun possibbli ladarba Stat terz ikun involut.

( 51 ) Enfasi miżjuda minni.

( 52 ) B’mod interessanti, fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Novembru 2010, Mantello (C‑261/09, EU:C:2010:683, punt 40), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li, fid-dawl tal-objettiv komuni tagħhom li jiżguraw li persuna ma hijiex mixlija jew ipproċessata għal iktar minn darba fir-rigward tal-istess atti, l-Artikolu 54 tal-KFS u l-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhom jiġu interpretati b’mod konsistenti.

( 53 ) Enfasi miżjuda minni. Nifhem li, fil-Ġermanja, l-eżekuzzjoni ta’ avviż aħmar issib il-bażi tagħha, inter alia, fid-dispożizzjonijiet tal-Bundeskriminalamtgesetz (l-Att dwar l-Uffiċċju tal-Pulizija Kriminali Federali).

( 54 ) Finding Nemo (2003), dirett minn Andrew Stanton u Lee Unkrich (Pixar u Walt Disney).

( 55 ) Groundhog Day (1993), dirett minn Harold Ramis (Columbia Pictures).

( 56 ) Enfasi miżjuda minni.

( 57 ) Barra minn hekk, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2016/680, ipproċessar jista’ wkoll jinkludi “l-arkivjar fl-interess tal-pubbliku, l-użu xjentifiku, statistiku jew storiku, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), soġġetti għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data”.