KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fis‑17 ta’ Settembru 2020 ( 1 )

Kawża C-490/19

Syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier

vs

Société Fromagère du Livradois SAS

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Agrikoltura – Prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel – Indikazzjonijiet ġeografiċi u denominazzjonijiet ta’ oriġini – Protezzjoni tar-reġistrazzjoni ta’ denominazzjoni – Projbizzjoni tal-użu minn terz jew projbizzjoni ta’ preżentazzjoni li tista’ tiżgwida lill-konsumatur mingħajr l-użu tad-denominazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari li hija s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti (KE) Nru 510/2006 ( 2 ) u (UE) Nru 1151/2012 ( 3 ).

2.

Din id-domanda saret fil-kuntest ta’ kawża bejn is-syndicat interprofessionnel de défense du fromage Morbier (iktar ’il quddiem, is-“Syndicat”) u s-Société Fromagère du Livradois SAS (iktar ’il quddiem, “SFL”), fir-rigward ta’ allegati atti ta’ kompetizzjoni żleali u parassitika mwettqa minn din tal-aħħar bi ksur tad-denominazzjoni ta’ oriġini protetta (DOP) “Morbier”.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet protezzjoni tad-DOP u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel, bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 ( 4 ), imħassar u ssostitwit bir-Regolament Nru 510/2006. L-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar jipprovdi:

“Ismijiet reġistrati għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett ta’ isem reġistrat fir-rigward ta’ prodotti li mhumiex koperti mir-reġistrazzjoni safejn dawk il-prodotti jkunu komparabbli mal-prodotti reġistrati taħt dak l-isem jew safejn l-użu ta’ l-isem jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l-isem protett;

(b)

kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni jew evokazzjoni, ukoll jekk l-oriġini vera tal-prodott hija indikata jew jekk l-isem protett huwa tradott jew akkumpanjat minn espressjoni bħal ‘stil’, ‘tip’, ‘metodu’, ‘kif prodott fi’, ‘imitazzjoni’ jew simili;

(c)

kwalunkwe indikazzjoni falza jew qarrieqa oħra fir-rigward tal-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott, fuq l-ippakkjar minn ġewwa jew minn barra, il-materjal ta’ reklamar jew dokumenti relatati mal-prodott konċernat, u l-ippakkjar tal-prodott f’konteni li x’aktarx jagħti impressjoni falza rigward l-oriġini tiegħu;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott.

[…]”

4.

Ir-Regolament Nru 510/2006 tħassar u ġie ssostitwit, mill-4 ta’ Jannar 2013, bir-Regolament Nru 1151/2012. L-Artikolu 13(1) ta’ dan l-aħħar regolament huwa sostanzjalment identiku għad-dispożizzjoni korrispondenti tar-Regolament Nru 510/2006, ħlief għall-fatt li japplika wkoll għall-prodotti koperti mid-denominazzjoni protetta meta jintużaw bħala ingredjenti u għas-“servizzi”. Dispożizzjonijiet simili għall-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 huma previsti fid-diversi skemi ta’ kwalità stabbiliti mill-Unjoni ( 5 ).

5.

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1241/2002 tal-10 ta’ Lulju 2002 ( 6 ), adottat konformement mar-Regolament Nru 2081/92, id-denominazzjoni “Morbier” ġiet irreġistrata fir-reġistru tad-DOP. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott marbuta mad-DOP “Morbier”, kif emendata bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1128/2013 tas-7 ta’ Novembru 2013 ( 7 ), applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, tiddeskrivi l-aspett viżiv tal-Morbier kif ġej: “Il-“‘Morbier’ huwa ġobon magħmul minn ħalib mhux ippasturizzat tal-baqra, ippressat u mhux imsajjar, bis-sura ta’ ċilindru ċatt b’dijametru ta’ bejn it-30 u l-40 ċentimetru, għoli bejn 5 u 8 ċentimetri, li jiżen bejn 5 kg u 8 kg, u li għandu wċuħ ċatti u ġenb xi ftit konvess. Dan il-ġobon għandu strixxa sewda ċentrali orizzontali, amalgamata, tul il-qatgħa kollha. Il-qoxra tiegħu hija naturali, magħruka, b’dehra regolari, imtebba’ u li tħalli tidher il-marka tal-forma. Il-lewn tagħha huwa beige li jagħti fl-oranġjo bi sfumaturi ta’ kannella fl-oranġjo, ta’ aħmar fl-oranġjo u ta’ roża fl-oranġjo. Il-konsistenza ta’ ġewwa tiegħu hija omoġenja, lewn l-avorju li jagħti fl-isfar ċar u spiss b’xi toqob mifruxa kbar daqs passolina ħamra jew bżieżaq żgħar iċċattjati. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

6.

Ir-Regolament (UE) Nru 1129/2011 ( 8 ), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2013, irriżerva espressament l-użu tal-karbonju veġetali E153 għall-ġobon tad-DOP “Morbier” ( 9 ).

B.   Id-dritt Franċiż

7.

L-Artikolu L. 722–1 tal-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, li jirriżulta mil-Liġi Nru 2007–1544 tad-29 ta’ Ottubru 2007 dwar il-ġlieda kontra l-kontrafazzjoni ( 10 ), applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Kull ksur ta’ indikazzjoni ġeografika jagħti lok għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tiegħu.

Għall-applikazzjoni ta’ dan il-kapitolu, ‘indikazzjoni ġeografika’ għandha tfisser:

[…]

b)

id-denominazzjonijiet ta’ oriġini protetti u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u tal-oġġetti tal-ikel;

[…]”.

III. Il-proċedura prinċipali u d-domanda preliminari

8.

Is-Syndicat ġie rrikonoxxut, fit-18 ta’ Lulju 2007, mill-Institut national de l’origine et de la qualité (l-Istitut Nazzjonali tal-Oriġini u tal-Kwalità (INAO)), bħala l-organu ta’ difiża għall-protezzjoni tal-Morbier. SFL, stabbilita f’Puy-de-Dôme (Franza), hija kumpannija li timmanifattura u tikkummerċjalizza l-ġobon.

9.

Il-Morbier huwa ġobon li ilu jibbenefika minn denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata (DOK) minn digriet tat-22 ta’ Diċembru 2000, li pprovda, fl-Artikolu 8 tiegħu, perijodu tranżitorju għall-kumpanniji li jinsabu barra miż-żona ġeografika ta’ referenza ddefinita minn dan id-digriet u li kienu jipproduċu u jikkummerċjalizzaw ġobon taħt l-isem “Morbier”, sabiex ikunu jistgħu jkomplu jużaw dan l-isem mingħajr l-indikazzjoni “DOK”, għal terminu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “Morbier” bħala DOP mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2081/92 ( 11 ). L-imsemmi digriet tħassar bid-Digriet Nru 2011-441 tal-20 ta’ April 2011.

10.

Peress li ma kinitx tinsab fiż-żona ġeografika li għaliha l-isem “Morbier” kien irriżervat, SFL, li kienet tipproduċi ġobon taħt l-istess denominazzjoni sa mis-sena 1979, ġiet awtorizzata, skont l-Artikolu 8 tad-digriet tat-22 ta’ Diċembru 2000, li tuża l-isem, mingħajr l-indikazzjoni “DOK”, sal-11 ta’ Lulju 2007, data li minnha bdiet tuża minflok l-isem “Montboissié du Haut Livradois”. Barra minn hekk, fil-5 ta’ Ottubru 2001, SFL ippreżentat, fl-Istati Uniti, it-trade mark Amerikana Morbier du Haut Livradois, li hija ġeddedt fl-2008 għal għaxar snin u, fil-5 ta’ Novembru 2004, it-trade mark Franċiża Montboissier.

11.

Filwaqt li akkuża lil SFL li kisret id-denominazzjoni protetta u li wettqet atti ta’ kompetizzjoni żleali u parassitika billi mmanifatturat u kkummerċjalizzat ġobon bid-dehra viżiva tal-prodott kopert mid-DOP “Morbier” sabiex toħloq konfużjoni ma’ dak il-prodott u tapprofitta mill-fama tad-dehra assoċjata miegħu, mingħajr ma jkollha tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, is-Syndicat ressaq proċedimenti kontriha, fit-22 ta’ Awwissu 2013, quddiem it-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza), sabiex hija tiġi kkundannata twaqqaf kwalunkwe użu kummerċjali dirett jew indirett tad-denominazzjoni tad-DOP “Morbier”, kwalunkwe użu ħażin, imitazzjoni, jew evokazzjoni ta’ din id-DOP, kwalunkwe indikazzjoni oħra falza jew qarrieqa rigward il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali tal-prodott bi kwalunkwe mezz li jista’ joħloq impressjoni żbaljata dwar l-oriġini tal-prodott, kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur rigward l-oriġini reali tal-prodott, u b’mod speċjali kwalunkwe użu ta’ strixxa sewda li tissepara ż-żewġ partijiet tal-ġobon, u tikkumpensa d-dannu li kkawżat.

12.

Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ April 2016, it-Tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza) ċaħdet it-talbiet kollha tas-Syndicat. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi, Franza) permezz ta’ sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2017. F’din is-sentenza, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) ikkunsidrat, b’mod partikolari, li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ġobon li jippreżenta karatteristika waħda jew iktar li jidhru fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-Morbier u li għalhekk jixbah lil dan tal-aħħar ma kinitx nuqqas serju. Wara li ddikjarat li l-leġiżlazzjoni dwar id-DOP ma hijiex intiża sabiex tipproteġi d-dehra ta’ prodott jew il-karatteristiċi tiegħu deskritti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, iżda id-denominazzjoni tiegħu, b’tali mod li hija ma tipprojbixxix il-manifattura ta’ prodott skont l-istess tekniki bħal dawk iddefiniti fir-regoli applikabbli għall-indikazzjoni ġeografika u fakkret li fin-nuqqas ta’ dritt privattiv, ir-riproduzzjoni tal-apparenza ta’ prodott taqa’ taħt il-libertà tal-kummerċ u tal-industrija, il-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) iddeċidiet li l-karatteristiċi invokati mis-Syndicat, b’mod partikolari l-linja orizzontali blu, ġejjin minn tradizzjoni antika, minn teknika tal-antenati preżenti f’ġobnijiet oħrajn, implimentati minn SFL saħansitra qabel ma nkisbet id-DOP u li ma jiddependux fuq investimenti magħmula mis-Syndicat jew il-membri tagħha. Hija qieset li għalkemm id-dritt li jintuża l-karbonju veġetali jingħata biss lill-ġobon bid-DOP “Morbier”, SFL kellha, sabiex tikkonforma ruħha mal-leġiżlazzjoni Amerikana, tissostitwixxih bil-polifenol tal-għeneb b’tali mod li ż-żewġ ġobnijiet ma jistgħux jiġu assimilati minħabba din il-karatteristika. Filwaqt li rrilevat li SFL sostniet differenzi oħra bejn il-ġobon Montboissier u l-Morbier fir-rigward, b’mod partikolari, tal-użu ta’ ħalib ippasturizzat għall-ewwel ġobon u ta’ ħalib mhux ipproċessat għat-tieni wieħed, hija kkonkludiet li ż-żewġ ġobnijiet huma distinti u li s-Syndicat kien qiegħed jipprova jestendi l-protezzjoni tad-denominazzjoni “Morbier” f’interess kummerċjali illegali u li jmur kontra l-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera.

13.

Is-Syndicat appella mill-imsemmija sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa jsostni li meta ddikjarat li huwa biss l-użu tal-isem “Morbier” li seta’ jikkostitwixxi ksur tad-DOP “Morbier”, il-cour d’appell de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) adottat analiżi kuntrarja għat-test tal-Artikolu 13 tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 u ma tatx tweġiba għall-kwistjoni dwar jekk il-preżentazzjoni tal-ġobon Montboissier kinitx ta’ natura li tiżgwida lill-konsumatur. Min-naħa tagħha, SFL issostni li d-DOP tipproteġi l-prodotti li ġejjin minn territorju ddemarkat, li huma biss jistgħu jagħmlu użu mid-denominazzjoni protetta. Hija ma tipprojbixxix lil produtturi oħra milli jipproduċu u jikkummerċjalizzaw prodotti simili, sakemm din il-kummerċjalizzazzjoni ma tkun akkumpanjata minn ebda prattika li tista’ twassal għal konfużjoni, b’mod partikolari permezz tal-użu ħażin jew l-evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta. Hija ssostni wkoll li “kwalunkwe prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott” kif stabbilit fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 510/2006 u “kull prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott” kif stabbilit fl-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolament Nru 1151/2012 għandha neċessarjament tirrigwarda l-“oriġini” tal-prodott; għaldaqstant, għandha tkun prattika li twassal lill-konsumatur jaħseb li huwa għandu quddiemu prodott li jibbenefika mid-DOP inkwistjoni. Hija tikkunsidra li din il-“prattika” ma tistax tirriżulta biss mid-dehra tal-prodott bħala tali, apparti minn kull referenza fuq l-imballaġġ tiegħu li jirreferi għall-provenjenza protetta.

14.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 13(1) rispettivi tar-Regolament Nru 510/2006 […] u tar-Regolament Nru 1151/2012 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu unikament l-użu minn terz ta’ denominazzjoni rreġistrata jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-preżentazzjoni ta’ prodott protett minn denominazzjoni ta’ oriġini, b’mod partikolari ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizzaha, li tista’ tqarraq bil-konsumatur għal dak li jirrigwarda l-oriġini vera tal-prodott, anki jekk id-denominazzjoni rreġistrata ma tintużax?”

15.

Din il-kawża bbenefikat minn osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mis-Syndicat, SFL, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Grieg u l-Kummissjoni. Dawn il-partijiet ikkonċernati, bl-eċċezzjoni tal-Gvern Grieg, ippreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ġunju 2020.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

16.

Id-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni) tista’ tinqasam f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi biss l-użu, minn terz mhux awtorizzat, ta’ denominazzjoni rreġistrata.

17.

It-tieni parti tad-domanda preliminari, li tippreżupponi li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel parti, hija intiża, min-naħa l-oħra, sabiex isir magħruf jekk hijiex ipprojbita wkoll, fl-assenza tal-użu tad-denominazzjoni protetta, is-sempliċi riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza l-prodott kopert mid-denominazzjoni rreġistrata, meta din tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott li jirriproduċi din il-forma jew din id-dehra.

18.

Minkejja li tirrigwarda l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija regolamenti fl-intier tagħha, id-domanda preliminari, kif jista’ jiġi dedott mill-formulazzjoni tagħha u kif jirriżulta mill-motivi tad-digriet tar-rinviju, tirrigwarda b’mod iktar preċiż id-dispożizzjoni li tinsab fil-punt (d) tal-imsemmi Artikolu, 13(1) li ssemmi, fir-Regolament Nru 1151/2012 kull “prattika oħra li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott u, fir-Regolament Nru 510/2006, kull “prattika oħra li x’aktarx tqarraq lill-konsumatur fir-rigward ta’ l-oriġini vera tal-prodott”. Madankollu, kif jirriżulta mill-espożizzjoni li ġejja, kważi l-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, analizzaw id-domanda preliminari wkoll mill-perspettiva tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, li jipprojbixxi, b’mod partikolari, “kull evokazzjoni” ta’ denominazzjoni ta’ oriġini protetta. Barra minn hekk, waħda mill-mistoqsijiet bil-miktub għal tweġiba orali, magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-partijiet ikkonċernati matul is-seduta, kienet tirrigwarda d-differenza bejn id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-punti (b) u (d) tal-imsemmi Artikolu 13(1). Għalhekk, sabiex inkun eżawrjenti, ser nikkunsidra d-domanda preliminari mill-perspettiva kemm tal-punt (b) kif ukoll tal-punt (d) imsemmija hawn fuq.

B.   Sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

19.

Is-Syndicat isostni li l-ewwel parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju diġà għandha risposta fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, fis-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2018, Scotch Whisky Association ( 12 ) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza Scotch Whisky”) u tat-2 ta’ Mejju 2019, Fundación Consejo Regulador de la Denominación de Origen Protegida Queso Manchego ( 13 ) (iktar ’il quddiem: is-“sentenza Queso Manchego”), li speċifikaw li anki prattika li ma tikkonsistix fl-użu tad-denominazzjoni protetta tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012. Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari, is-Syndicat isostni li l-projbizzjoni tar-riproduzzjoni tad-dehra karatteristika ta’ prodott kopert minn denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata tista’ tiġi kkunsidrata kemm mill-perspettiva tal-punt (b) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012 kif ukoll mill-perspettiva tal-punt (d) ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, skont is-Syndicat, ir-riproduzzjoni tad-dehra karatteristika tal-prodott hija pprojbita, abbażi tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 502/2006, biss meta d-dehra kontenzjuża tista’ tfakkar lill-konsumatur direttament fil-prodotti li jibbenefikaw mid-denominazzjoni protetta. Min-naħa l-oħra, tali riproduzzjoni tkun ipprojbita, abbażi tal-punt (d) tal-imsemmi Artikolu 13(1), jekk hija tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-prodott. F’dak li jikkonċerna l-istrixxa sewda preżenti fil-ġobon Morbier, is-Syndicat jenfasizza li dan huwa s-sinjal tar-rikonoxximent, tal-“firma”, tal-imsemmi ġobon, li tagħtih l-identità tiegħu, għall-inqas meta l-kundizzjonijiet l-oħra tal-kulur u tal-konsistenza jkunu ssodisfatti.

20.

SFL issostni li, min-natura tagħha stess, id-DOP tipproteġi d-“denominazzjoni” tal-prodott, li jippermetti li jiġi marbut ma’ territorju u ma’ teknika ta’ produzzjoni. Min-naħa l-oħra, hija ma tirriżervax l-użu ta’ tali teknika biss għall-prodotti koperti minn din id-denominazzjoni, u lanqas ma tippermetti li tinkiseb il-projbizzjoni li jiġi kkummerċjalizzat prodott li jkollu l-istess dehra tagħhom. Protezzjoni estensiva bħal din tkun tagħti monopolju ta’ sfruttament perpetwu fuq karatteristika waħda jew iktar deskritti fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni u fuq id-dehra ta’ prodott, li ma tistax tiġi protetta bħala tali permezz ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali. SFL tenfasizza li s-sentenzi Scotch Whisky u Queso Manchego kienu jirrigwardaw elementi viżivi preżenti fuq l-imballaġġ tal-prodott jew fuq l-isem tal-prodott, li s-sostituzzjoni tagħhom hija faċli u ma twaqqafx il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott innifsu, għall-kuntrarju tal-elementi li jirrigwardaw id-dehra tal-prodott, bħall-istrixxa f’nofs ġobnijiet prodotti minn SFL, li barra minn hekk hija r-riżultat ta’ teknika ta’ manifattura li ġejja mill-antenati ( 14 ). Hija tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar miżuri li għandhom effett ekwivalenti, li minnha jirriżulta li l-użu ta’ forma ta’ mballaġġ partikolari ma jistax jiġi mmonopolizzat, fl-assenza ta’ xi dritt privattiv jew ta’ kwalunkwe test, għall-benefiċċju ta’ parti mill-produtturi, sakemm l-użu minn oħrajn huwa leali u tradizzjonali. Barra minn hekk, SFL issostni, minn naħa, li ma huwiex ipprojbit li jiġu prodotti ġobnijiet “feta” jew “mozzarella”, jew inkella “Parmiġġan” li għandhom l-istess preżentazzjoni u l-istess imballaġġ bħal dawk koperti mid-denominazzjonijiet protetti rispettivi ( 15 ) u, min-naħa l-oħra, li diversi DOP differenti jistgħu jipproteġu prodott li jkollu forma identika. Hija tirreferi wkoll għall-prodotti “deklassifikati”, jiġifieri prodotti li, minħabba li l-preżentazzjoni tagħhom ma tkunx konformi mal-ispeċifikazzjoni tad-DOP, ma jistgħux ikunu intitolati għal din tal-aħħar, iżda huma xorta waħda kkummerċjalizzati bl-awtorizzazzjonijiet tal-korpi professjonali bħas-Syndicat. Fl-aħħar nett, SFL tosserva li l-istrixxa sewda hija karatteristika preżenti fuq ħafna prodotti mmanifatturati fi Franza u barra mill-pajjiż (pereżempju, is-Cendré des Prés, id-Douanier, ir-Ratoureux, eċċ.). SFL tikkonkludi li r-risposta għad-domanda preliminari għandha tkun fis-sens li l-protezzjoni li tirriżulta minn DOP tirrigwarda biss id-denominazzjoni tal-prodott u li minnha ma tirriżulta ebda projbizzjoni għal prodott li ma jibbenefikax mill-protezzjoni milli jkollu karatteristika ta’ forma simili.

21.

Il-Kummissjoni tenfasizza, preliminarjament, li d-denominazzjoni ta’ oriġini ma tipproteġix il-prodotti li hija tkopri, u lanqas kwalunkwe karatteristika fiżika jew oħra ta’ dawn il-prodotti, kif tidher fl-ispeċifikazzjoni jew kif tidher fuq il-prodotti kkummerċjalizzati mill-benefiċjarji tal-indikazzjoni ġeografika protetta inkwistjoni. Is-suġġett tal-protezzjoni huwa biss id-denominazzjoni rreġistrata. Madankollu, hija tikkunsidra, b’mod ġenerali, li ma jistax jiġi eskluż prima facie li r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott li d-denominazzjoni tiegħu hija protetta tista’ tikkostitwixxi ksur ta’ dan l-isem, minkejja li tali possibbiltà tibqa’ l-eċċezzjoni. Filwaqt li tirreferi għas-sentenzi Scotch Whisky u Queso Manchego, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nri 510/2006 u 1151/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprojbixxi mhux biss l-użu minn terz tad-denominazzjoni rreġistrata iżda wkoll kull prattika oħra, b’mod partikolari r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza l-prodott protett mid-denominazzjoni, meta dawn il-prattiki jirrigwardaw karatteristiċi li huma viżibbli b’mod ċar, li jappartjenu esklużivament għal dan il-prodott u jekk teżisti prossimità kunċettwali, suffiċjentement diretta u univoka, bejn dawn il-prattiki u d-denominazzjoni protetta, li tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott, anki jekk ma tintużax id-denominazzjoni rreġistrata. Madankollu, sabiex, f’każ partikolari, wieħed ikun jista’ jikkonkludi li teżisti tali prattika huwa neċessarju li l-forma jew id-dehra suġġett ta’ riproduzzjoni tkun karatteristika tal-prodotti li jibbenefikaw mid-denominazzjoni protetta u li din tkun ipperċepita mill-konsumaturi bħala unika u “distintiva” ta’ dawn il-prodotti.

22.

Il-Gvern Franċiż isostni, fir-rigward tal-ewwel parti tad-domanda preliminari, li mill-kliem, mill-ispirtu u mill-għanijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li din id-dispożizzjoni tagħti lid-denominazzjonijiet irreġistrati protezzjoni estiża, li tkopri varjetà kbira ħafna ta’ ksur u li, għaldaqstant, ma huwiex ipprojbit is-sempliċi użu minn terz ta’ din id-denominazzjoni. Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda preliminari, il-Gvern Franċiż jikkunsidra li l-ikkuppjar ta’ forma karatteristika jew ta’ sinjal partikolarment distintiv ta’ prodott kopert minn DOP jista’, minn naħa, jagħti lok għal “evokazzjoni” kuntrarja għall-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 u, min-naħa l-oħra, jikkostitwixxi prattika pprojbita fis-sens tal-punt (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-istess artikolu, meta dan jista’ jwassal lill-konsumatur biex jaħseb direttament fl-imsemmi prodott.

23.

Il-Gvern Grieg jikkunsidra wkoll li mill-kliem u mill-għanijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tiegħu jkopru l-iktar firxa wiesgħa ta’ ksur li jista’ jsir tad-denominazzjonijiet protetti. Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-Artikolu 13(1)(d) tal-imsemmija regolamenti, il-Gvern Grieg jikkunsidra li din id-dispożizzjoni hija usa’ minn dawk li jippreċeduha fir-rigward tat-tip u tal-forma tal-prattika, iżda mhux fir-rigward tar-riżultat li din il-prattika għandha twassal għalih, li huwa li tiżgwida lill-konsumatur. Issa, il-forma jew id-dehra ta’ prodott tista’, skont dan il-gvern, tiżgwida lill-konsumatur u tista’ tinvoka direttament fil-memorja ta’ dan tal-aħħar il-prodott kopert mill-isem protett, anki meta ma jkunx hemm riferiment dirett għalih. Għaldaqstant, ir-riproduzzjoni tad-dehra ta’ prodott li ismu huwa protett tista’ taqa’ taħt il-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, bil-kundizzjoni li ma tkunx ir-riżultat ta’ kumbinazzjoni iżda tkun intiża li tibbenefika mir-reputazzjoni tal-isem protett.

C.   Evalwazzjoni

24.

Preliminarjament, nixtieq nerġa’ nirreferi għall-affermazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha kemm bil-miktub kif ukoll orali, li l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 jipprevedi dispożittiv ta’ protezzjoni li għandu bħala suġġett id-denominazzjoni rreġistrata nnifisha u mhux il-prodott kopert minn din id-denominazzjoni.

25.

Din l-affermazzjoni hija mingħajr dubju korretta. Għalhekk, fil-każ tagħna, hija d-denominazzjoni “Morbier” li hija protetta u mhux, tal-inqas direttament, il-prodott immanifatturat skont ir-regoli imposti mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ din id-denominazzjoni ( 16 ) u li għandu l-karatteristiċi fiżiċi u organolettiċi deskritti fiha, u lanqas il-preżentazzjoni, id-dehra jew kwalunkwe karatteristika oħra tal-imsemmi prodott. Madankollu, tali affermazzjoni teħtieġ, fil-fehma tiegħi, li titqiegħed f’kuntest.

26.

Fil-fatt, nirrileva, fl-ewwel lok, li, għalkemm ma hemmx dubju li s-suġġett tal-protezzjoni prevista mill-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 huwa d-denominazzjoni rreġistrata, lanqas ma wieħed għandu jinsa li, bl-istabbiliment ta’ sistema ta’ protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried, minn naħa, jintervjeni insostenn tal-ekonomija rurali, b’mod partikolari taż-żoni żvantaġġati jew remoti, permezz tal-“promozzjoni ta’ prodotti b’ċerti karatteristiċi” ( 17 ), u min-naħa l-oħra, jippreserva “[i]l-kwalità u d-diversità tal-produzzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-agrikoltura […]”, meqjusa bħala “waħda mill-forzi importanti tagħha, li tagħti vantaġġ kompetittiv lill-produtturi tal-Unjoni, u tagħti kontribut ewlieni għall-patrimonju kulturali u gastronomiku ħaj tagħha” ( 18 ). Għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-protezzjoni tal-produzzjonijiet tradizzjonali “li jkollhom karatteristiċi speċifiċi marbutin mal-oriġini ġeografika” tagħhom li tikkostitwixxi l-għan aħħari tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tad-DOP u tal-IĠP. Il-protezzjoni mogħtija lil dawn l-indikazzjonijiet hija biss strument għas-servizz ta’ dan l-għan u l-portata tagħha għandha, għalhekk, tiġi interpretata fid-dawl ta’ dan l-għan ( 19 ).

27.

Fit-tieni lok, u b’estensjoni ta’ dak li għadni kif għidt, infakkar li, skont it-termini stess tal-Artikolu 5(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1151/2012, id-“denominazzjoni tal-oriġini” hija “isem li jidentifika prodott li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’pajjiż”, “li l-kwalità jew il-karatteristiċi tiegħu huma essenzjalment jew esklużivament dovuti għal ambjent ġeografiku partikolari bil-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu” ( 20 ). Id-DOP huma għalhekk protetti sa fejn jindikaw prodott li għandu ċerti “kwalitajiet” jew ċerti “karatteristiċi”, jiġifieri attributi fiżiċi, bħat-togħma, ir-riħa u d-dehra, li huma partikolari għalih u li huma marbutin mal-oriġini ġeografika tiegħu. B’mod iktar ġenerali, hija r-rabta mat-territorju, bħala element li jista’ jiddifferenzja kwalitattivament prodott mill-offerta kollha disponibbli fis-suq, li tikkostitwixxi l-bażi tal-protezzjoni tad-DOP. Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni ta’ DOP, attwalment prevista fl-Artikoli 49 sa 52 tar-Regolament Nru 1151/2012, hija intiża preċiżament sabiex tivverifika li r-rekwiżiti applikabbli għad-denominazzjonijiet ta’ oriġini, kif previsti fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, ikunu ssodisfatti. Għal dan l-għan, l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandha tinkludi, skont l-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, speċifikazzjoni tal-prodott li tinkludi, b’mod partikolari, “deskrizzjoni tal-prodott, inkluża materja prima, jekk ikun opportun, kif ukoll il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott”, id-definizzjoni taż-żona ġeografika ta’ riferiment u l-evidenza li tistabbilixxi r-rabta bejn il-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott u din iż-żona ( 21 ). Din l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata wkoll minn dokument uniku, li jkun jinkludi, b’mod partikolari, “il-punti ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott: l-isem, deskrizzjoni tal-prodott, inklużi, fejn ikun xieraq, regoli speċifiċi dwar l-ippakkjar u t-tikkettar” u “deskrizzjoni tar-rabta bejn il-prodott u l-ambjent ġeografiku jew l-oriġini ġeografika […], inklużi, fejn ikun xieraq, l-elementi speċifiċi tad-deskrizzjoni tal-prodott jew tal-metodu tal-produzzjoni li jiġġustifikaw din ir-rabta” ( 22 ). Hija pprovduta wkoll proċedura ta’ oppożizzjoni, li tippermetti lil partijiet terzi joġġezzjonaw għar-reġistrazzjoni, b’mod partikolari, meta juru li r-rekwiżiti applikabbli għad-DOP, kif iddefiniti fl-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1151/2012, jew il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-ispeċifikazzjoni tal-prodott, ma jkunux issodisfatti ( 23 ).

28.

Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li r-riproduzzjoni tal-karatteristika distintiva ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata tista’ tikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, suġġett tal-protezzjoni ma jkunx din il-karatteristika, u lanqas il-prodott li għalih hija tirreferi. Fil-fatt, tali riproduzzjoni hija pprojbita biss sa fejn tikkostitwixxi, jekk ikun il-każ, l-evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta jew prattika li tipprekludi lill-produtturi jew lill-bdiewa li l-prodotti tagħhom ikunu koperti minn tali denominazzjoni milli “jikkomunikaw lix-xerrejja u lill-konsumaturi l-karatteristiċi tal-prodotti tagħhom taħt kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ġusta” u milli “jidentifikaw tajjeb il-prodotti tagħhom fis-suq” ( 24 ), jiġifieri, sa fejn tinterferixxi mat-twettiq tal-għanijiet speċifiċi tal-protezzjoni tad-DOP u tal-IĠP. Dawn l-għanijiet huma identifikati fil-premessa 18 tar-Regolament Nru 1151/2012 u esposti fl-Artikolu 4 tiegħu u huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw lill-produtturi u lill-bdiewa dħul ġust fid-dawl tal-kwalitajiet tal-prodotti tagħhom marbuta ma’ żona ġeografika u sabiex jipprovdu lill-konsumaturi informazzjoni ċara dwar il-proprjetajiet ta’ tali prodotti.

29.

Għandu, dejjem b’mod preliminari, jiġi rrilevat li għalkemm id-denominazzjonijiet ġeografiċi huma drittijiet ta’ proprjetà industrijali, huma s-suġġett ta’ leġiżlazzjoni sui generis, li fiha l-punti ta’ dritt pubbliku huma mħallta ma’ dawk tad-dritt privat u jipprevalu fuqhom. Taħt dan l-aspett, huma jiddistingwu ruħhom ukoll mit-trade marks, li jikkostitwixxu d-dritt għall-proprjetà industrijali li l-iktar huwa qrib id-denominazzjonijiet ġeografiċi. Għalhekk, l-ewwel nett, l-eżistenza ġuridika tad-DOP (bħal dik tal-IĠP) tiddependi minn att normattiv (regolament tal-Kummissjoni). Dan l-att jistabbilixxi b’mod iddettaljat “il-karatteristiċi prinċipali fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi tal-prodott”, kif ukoll il-metodu ta’ produzzjoni u, jekk ikun il-każ, tal-ippakkjar tiegħu. It-tieni nett, hija stabbilita sistema ta’ viġilanza sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tar-rekwiżiti legali relatati mad-DOP. Din is-sistema hija bbażata fuq spezzjonijiet uffiċjali li jsiru minn awtorità responsabbli maħtura minn kull Stat Membru u li huma intiżi, b’mod partikolari permezz tal-“verifika li prodott ikun konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti” ( 25 ), sabiex jiżguraw iż-żamma tal-istandards tal-kwalità tal-prodotti kkummerċjalizzati taħt denominazzjoni rreġistrata ( 26 ). It-tielet nett, il-leġiżlazzjoni dwar id-denominazzjonijiet irreġistrati hija ferm ikkonnotata bl-għan ta’ protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, li huma kkunsidrati kemm f’termini tal-aspettattivi tagħhom rigward il-livell ta’ kwalità tal-prodotti koperti minn dawn id-denominazzjonijiet kif ukoll f’termini tad-dritt tagħhom li jkunu informati permezz ta’ indikazzjonijiet kummerċjali veritieri u li ma jiġux żgwidati fl-għażliet tax-xiri tagħhom ( 27 ). Ir-raba’ nett, għalkemm id-denominazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati jagħtu dritt privattiv, dan id-dritt ma huwiex individwali, peress li kull produttur taż-żona ġeografika kkonċernata jista’ juża d-denominazzjoni relatata bl-unika kundizzjoni li josserva l-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti ( 28 ). Hawnhekk ukoll, jipprevali l-interess pubbliku li d-denominazzjonijiet ta’ oriġini jkunu jistgħu jintużaw minn kull produttur li jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa. Fl-aħħar nett, id-dritt privattiv mogħti mid-denominazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati ma huwiex intiż sabiex jippremja l-innovazzjoni, l-inventività jew, b’mod iktar sempliċi, il-kapaċitajiet imprenditorjali individwali. Dan lanqas ma huwa intiż sabiex iħallas investimenti magħmula mill-produtturi awtorizzati li jużaw dawn id-denominazzjonijiet, kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) fis-sentenza mogħtija fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-attività ta’ dawn il-produtturi hija limitata, mid-definizzjoni stess, għat-tkomplija ta’ tradizzjoni produttiva lokali, xi kultant antika ħafna, marbuta mal-ambjent naturali u uman tar-reġjun li fih joperaw, jiġifieri ma’ fatturi li ma jiddependux mill-inizjattiva tagħhom u mill-għażliet imprenditorjali tagħhom. Kif diġà ġie espost f’dawn il-konklużjonijiet, huma l-għanijiet ta’ politika agrarja, ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, kif ukoll ta’ protezzjoni tal-patrimonju kulturali komuni li ispiraw il-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati. Din il-leġiżlazzjoni għalhekk tippromwovi mudell ta’ inċentiv marbut direttament mal-imsemmija għanijiet u li huwa differenti minn dak orjentat lejn l-innovazzjoni kompetittiva.

30.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ser nindirizza issa l-eżami tal-ewwel parti tad-domanda preliminari, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 jipprojbixxix sempliċement l-użu minn terz ta’ denominazzjoni rreġistrata.

31.

Kif ġie rrikonoxxut mill-partijiet ikkonċernati kollha li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’din il-proċedura, ir-risposta għal din id-domanda diġà tinsab fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

32.

Għalhekk, fis-sentenza Scotch Whisky, li ngħatat wara s-sentenza tal-cour d’appel de Paris (il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi) li hija s-suġġett tal-appell quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet b’mod ċar is-sitwazzjonijiet ta’ użu dirett jew indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, imsemmija fl-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 29 ), li l-formulazzjoni tiegħu hija sostanzjalment identika għal dik tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, minn dawk koperti, b’mod partikolari, mill-punt (b) ta’ dan l-Artikolu 16. Għalkemm l-ewwel dispożizzjoni hija intiża, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tipprojbixxi “li operaturi jużaw għal finijiet kummerċjali, għal prodotti mhux koperti mir-reġistrazzjoni, indikazzjoni ġeografika rreġistrata bl-għan, b’mod partikolari, li jibbenefikaw indebitament minn din l-indikazzjoni ġeografika” ( 30 ) u tkopri sitwazzjonijiet ta’ użu, mis-sinjal kontenzjuż, tal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata “f’forma li tkun jew identika għal dik l-indikazzjoni, jew tkun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv” ( 31 ), il-punt (b) tal-imsemmi artikolu jkopri “sitwazzjonijiet li fihom is-sinjal kontenzjuż ma jużax l-indikazzjoni ġeografika bħala tali, iżda jissuġġerixxi b’tali mod li l-konsumatur jitwassal li jagħmel rabta suffiċjenti ta’ prossimità bejn dan is-sinjal u l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata” ( 32 ).

33.

Dejjem fis-sentenza Scotch Whisky, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li la “l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fis-sinjal ikkontestat”, u lanqas “li tiġi identifikata l-familjarità fonetika u viżwali tad-denominazzjoni kontenzjuża mal-indikazzjoni ġeografika protetta” ( 33 ) ma jikkostitwixxu kundizzjoni imperattiva sabiex jiġi applikat l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 u li, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, “hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-konsumatur fil-preżenza tal-isem tal-prodott ikkonċernat, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hijiex dik tal-merkanzija li tibbenefika mill-indikazzjoni ġeografika protetta”. Filwaqt li rreferiet għall-punt 35 tas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li hija kellha, jekk ikun il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kriterju tal-“prossimità kunċettwali” li teżisti bejn il-kliem li ġejjin minn lingwi differenti, peress li tali prossimità tista’ tkun ukoll ta’ natura li twassal lill-konsumatur sabiex ix-xbieha li tiskatta f’moħħu tkun dik tal-prodott li l-indikazzjoni ġeografika tiegħu tkun protetta, meta jkun fil-preżenza ta’ prodott paragunabbli kopert mill-isem kontenzjuż ( 34 ) u kkonkludiet li hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-eżistenza ta’ evokazzjoni “billi tikkunsidra, jekk ikun il-każ, l-inkorporazzjoni parzjali ta’ indikazzjoni ġeografika protetta fid-denominazzjoni kkontestata, familjarità fonetika u/jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni ma’ din l-indikazzjoni, jew ukoll prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija denominazzjoni u l-imsemmija indikazzjoni” ( 35 ). Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati fis-sentenza Queso Manchego, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-formulazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 510/2006 “tista’ tinftiehem bħala li tirreferi mhux biss għat-termini li bihom denominazzjoni rreġistrata tista’ tiġi evokata, iżda wkoll għal kwalunkwe sinjal figurattiv li jista’ jfakkar lill-konsumatur fil-prodotti li jibbenefikaw minn din id-denominazzjoni” u li l-użu tal-kelma “kull [kwalunkwe]” fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirrifletti r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li “jipproteġi d-denominazzjonijiet irreġistrati billi jqis li evokazzjoni sseħħ permezz ta’ element verbali jew ta’ sinjal figurattiv” ( 36 ). Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “ma jistax, bħala prinċipju, jiġi eskluż li s-sinjali figurattivi jistgħu jservu sabiex ifakkru direttament lill-konsumatur, bħala immaġni ta’ riferiment, fil-prodotti li jibbenefikaw minn denominazzjoni rreġistrata minħabba l-prossimità kunċettwali tagħhom ma’ tali denominazzjoni” ( 37 ).

34.

Fir-rigward tal-Artikolu 16(c) tar-Regolament Nru 110/2008, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan “[i]kabbar il-parametru protett, billi jinkorpora ‘kull indikazzjoni oħra’, jiġifieri l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi, li tinsab fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, li, għalkemm fir-realtà ma jirreferux b’mod ċar għall-indikazzjoni ġeografika protetta, huma kklassifikati bħala “[foloz] jew li [j]inganna[w]” fir-rigward tar-rabtiet tal-prodott ma’ din tal-aħħar” u li l-espressjoni “kull indikazzjoni oħra”, użata f’din id-dispożizzjoni “tinkludi informazzjoni li tista’ tinstab fi kwalunkwe forma fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari fil-forma ta’ test, ta’ immaġni jew ta’ kontenitur li jista’ jinforma dwar il-provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali ta’ dan il-prodott” ( 38 ).

35.

B’mod iktar ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 16(a) sa (d) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 39 ) jipprevedi diversi każijiet li fihom il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tkun akkumpanjata minn riferiment espliċitu jew impliċitu għal indikazzjoni ġeografika f’kundizzjonijiet li jistgħu jew jiżgwidaw lill-pubbliku jew, tal-inqas, joħolqu f’moħħ il-pubbliku assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, jew jippermettu lill-operatur japprofitta b’mod indebitu mir-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni.

36.

Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għall-Artikolu 13(1)(a) sa (d) tar-Regolamenti Nru 510/2006 u Nru 1151/2012. Dan l-artikolu għalhekk jipprevedi protezzjoni ta’ spettru wiesa’, li tkopri, minn naħa, l-użu, l-użu ħażin u l-evokazzjoni tad-denominazzjoni protetta u, b’mod iktar ġenerali, kwalunkwe prattika parassitika mmirata biex jittieħed profitt mir-reputazzjoni ta’ din id-denominazzjoni permezz ta’ assoċjazzjoni miegħu, u, min-naħa l-oħra, kull imġiba li tista’ toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni bejn il-prodotti li jibbenefikaw minn tali denominazzjoni u prodotti konvenzjonali ( 40 ). Dan għandu l-għan li jipprojbixxi li jsir użu abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, u dan mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal-produtturi li għamlu sforzi sabiex jiżguraw il-kwalitajiet mistennija mill-prodotti li jġorru legalment indikazzjonijiet bħal dawn ( 41 ).

37.

Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel parti tad-domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 ma jipprojbixxix is-sempliċi użu minn terz ta’ denominazzjoni rreġistrata.

38.

Permezz tat-tieni parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 jipprojbixxix ukoll ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata. Kif antiċipajt fil-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ser nindirizza l-kwistjoni kemm mill-perspettiva tal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll minn dik tal-punt (d), minkejja li d-domanda preliminari tirrigwarda biss dan tal-aħħar.

39.

Bħall-Kummissjoni, jiena tal-fehma li l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, bħala prinċipju, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jista’ jkun hemm “evokazzjoni” ta’ denominazzjoni rreġistrata fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement minħabba r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra tal-prodott kopert minn tali denominazzjoni.

40.

Ċertament, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li aċċettat il-possibbiltà ta’ evokazzjoni purament kunċettwali tad-denominazzjonijiet irreġistrati, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, tali evokazzjoni tista’ sseħħ meta l-konsumatur ikollu quddiemu l-forma jew id-dehra ta’ prodott konvenzjonali li jirriproduċi kompletament jew parzjalment dik ta’ prodott simili kopert minn denominazzjoni protetta.

41.

Dan jista’, pereżempju, ikun il-każ meta d-denominazzjoni protetta ikun fiha riferiment espress għall-forma tipika tal-prodott li hija tindika ( 42 ). Fil-fatt, f’tali każ, il-forma jew id-dehra tal-prodott tista’ toħloq, f’moħħ il-pubbliku, assoċjazzjoni “diretta u univoka” ( 43 ) ma’ din id-denominazzjoni, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Queso Manchego fir-rigward ta’ elementi figurattivi mwaħħla fuq it-tikketta ta’ prodott konvenzjonali u li jirreferu għaż-żona ġeografika li magħha hija marbuta DOP li l-element essenzjali tagħha huwa kkostitwit minn riferiment għal din iż-żona ġeografika ( 44 ).

42.

Huwa meħtieġ ukoll, fil-fehma tiegħi, sabiex tali assoċjazzjoni tkun tista’ tikkostitwixxi “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 li jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet.

43.

L-ewwel nett, l-element riprodott għandu jidher fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-isem irreġistrat bħala karatteristika distintiva tal-prodott kopert minn din id-denominazzjoni. Tali rekwiżit, minn naħa, jippermetti li jiġi żgurat li l-imsemmi element effettivament jagħmel parti mit-tradizzjoni produttiva lokali koperta mid-denominazzjoni rreġistrata u, min-naħa l-oħra, iservi għan ta’ ċertezza legali.

44.

It-tieni nett, kif enfasizzat, fil-fehma tiegħi korrettament, il-Kummissjoni, l-element riprodott ma għandux ikun intrinsikament marbut ma’ proċess ta’ produzzjoni li, bħala tali, għandu jibqa’ għad-dispożizzjoni libera ta’ kull produttur.

45.

Fl-aħħar nett, u b’mod konformi mal-approċċ li pproponejt fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11), l-eżistenza tal-evokazzjoni għandha tirriżulta minn evalwazzjoni mwettqa każ b’każ, li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra li l-element kontenzjuż, f’dan il-każ l-element tal-forma jew tad-dehra tal-prodott li jibbenefika minn denominazzjoni protetta li tikkostitwixxi s-suġġett ta’ riproduzzjoni, kull element ieħor meqjus rilevanti, jew minħabba l-potenzjal evokattiv tiegħu, jew, għall-kuntrarju, peress li jeskludi jew inaqqas il-possibbiltà li l-konsumatur jassoċja b’mod dirett u univoku l-prodott konvenzjonali mal-prodott li jibbenefika mid-denominazzjoni protetta ( 45 ). Fil-fehma tiegħi, għandha tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza ta’ intenzjoni parassitika ( 46 ).

46.

Irrid nippreċiża, f’dan l-istadju, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 proposta fil-punti preċedenti, ma timplikax, fuq livell iktar ġenerali, li l-forma, id-dehra jew saħansitra l-ippakkjar tal-prodott konvenzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala elementi tal-kuntest, għall-finijiet tal-evalwazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ evokazzjoni fis-sens tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 u, b’mod partikolari, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ intenzjoni parassitika, kif ammettiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola ( 47 ) u tas-26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja ( 48 ) u kif indikajt fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11).

47.

Għalkemm l-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 jista’ jkopri biss b’mod eċċezzjonali aġir tat-tip bħal dak inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, dan jista’, min-naħa l-oħra, jaqa’, jekk ikun il-każ, taħt il-punt (d) ta’ dan l-artikolu.

48.

Bħalma affermat il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 ( 49 ), l-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 ( 50 ) fih elenku gradwat ta’ aġir ipprojbit, skont liema kull punt ta’ din id-dispożizzjoni għandu jkun distint minn dawk ta’ qablu ( 51 ). Kif fakkart fil-punti 32 sa 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li titkellem dwar ir-relazzjonijiet bejn il-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008. Min-naħa l-oħra, hija għadha qatt ma interpretat il-punt (d) ta’ dan l-artikolu, u lanqas il-punt (d) tal-Artikolu 13(1) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, jew id-dispożizzjonijiet paragunabbli li jinsabu fir-regolamenti li jistabbilixxu skemi ta’ kwalitajiet.

49.

Kif ġie osservat mill-partijiet ikkonċernati kollha li pparteċipaw f’din il-proċedura, l-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 ( 52 ) jinkludi “catch-all”, li hija intiża sabiex tagħlaq is-sistema ta’ protezzjoni tad-denominazzjonijiet irreġistrati. Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-formulazzjoni tiegħu, li tirreferi għal “kwalunkwe prattika oħra” fir-Regolament Nru 510/2006, u għal “kull prattika oħra” fir-Regolament Nru 1151/2012, jiġifieri kull aġir li ma huwiex diġà kopert mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess artikolu.

50.

L-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni huwa indikat b’mod ċar fil-formulazzjoni tiegħu: jiġi evitat li l-konsumatur ikun żgwidat dwar l-oriġini vera tal-prodott.

51.

Kuntrarjament għall-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, li jinjora l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni ( 53 ) u huwa intiż li jipprojbixxi b’mod partikolari aġir parassitiku ( 54 ), il-punt (d) ta’ dan l-artikolu jkopri, għalhekk, il-prattiki li jistgħu jiżgwidaw lill-konsumatur, bl-għan, kemm li jiġi evitat li dan jitfixkel waqt ix-xiri tiegħu kif ukoll li l-bdiewa u l-produtturi li jużaw d-denominazzjoni rreġistrata jiġu protetti mit-teħid possibbli ta’ klijentela.

52.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li mill-espressjonijiet “prattika […] li x’aktarx” u “prattika […] li tista’” li jinsabu fil-formulazzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, rispettivament, jirriżulta li din id-dispożizzjoni teżiġi biss il-prova tal-eżistenza ta’ “riskju” li l-konsumatur jiġi żgwidat mill-prattika kkontestata u, min-naħa l-oħra, li l-iżball għandu jirrigwarda l-“oriġini” tal-prodott, espressjoni li għandha tinftiehem kemm fis-sens ta’ “provenjenza ġeografika”, kif ukoll fis-sens ta’ “produzzjoni ta’ oriġini”, billi l-konsumatur jiġi mġiegħel jaħseb, b’mod żbaljat, li l-prodott ġej miż-żona ġeografika ta’ riferiment tad-denominazzjoni rreġistrata u/jew li ġej minn produzzjoni koperta mid-denominazzjoni rreġistrata.

53.

L-għan li jiġi evitat li l-konsumatur jiġi żgwidat fir-rigward tal-oriġini vera tal-prodott jikkostitwixxu l-unika kundizzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012. Għalhekk, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix l-aġir ipprojbit, iżda sempliċement tikklassifikah skont ir-riżultat tiegħu.

54.

Minn dan isegwi li kull prattika tista’ taqa’ taħt il-projbizzjoni, inkluża, bħala prinċipju, ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra tipika ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata jew ta’ karatteristika partikolari u distintiva tiegħu, bil-kundizzjoni li din tista’ tiżgwida lill-konsumatur.

55.

L-evalwazzjoni dwar l-eżistenza ta’ riskju ta’ żgwidar għandha wkoll issir każ b’każ u fid-dawl ta’ kull element rilevanti. Pereżempju, fir-rigward ta’ prattika bħal dik ikkontestata fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti fir-riproduzzjoni ta’ element tad-dehra tal-prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata, għandha, b’mod partikolari, tittieħed inkunsiderazzjoni l-importanza, f’għajnejn il-konsumatur, tal-element inkwistjoni għall-finijiet tal-identifikazzjoni tal-imsemmi prodott. L-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni tista’ fil-fatt tvarja skont jekk is-suġġett ta’ riproduzzjoni jkunx karatteristika esklużiva jew partikolarment distintiva tal-prodott li jibbenefika mid-denominazzjoni rreġistrata jew karatteristika normalment użata fis-settur agroalimentari inkwistjoni.

56.

F’dan il-kuntest, għandha tiġi evalwata wkoll id-dehra tal-prodott fit-totalità tiegħu. Fil-fatt, kif ġie osservat korrettament matul is-seduta, anki r-riproduzzjoni ta’ karatteristika tipika u esklużiva tal-forma jew tad-dehra ta’ prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata ma tistax tiżgwida lill-konsumatur meta l-aspett tal-prodott konvenzjonali jkun globalment differenti minn dak tal-prodott kopert mill-imsemmija denominazzjoni.

57.

Bl-istess mod, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-modalitajiet ta’ preżentazzjoni lill-pubbliku tal-prodott inkwistjoni, sabiex jiġi evalwat, minn naħa, jekk il-konsumatur huwiex konkretament fil-preżenza tal-karatteristika kontenzjuża fid-deċiżjoni ta’ xiri ( 55 ), u, min-naħa l-oħra, jekk elementi oħra marbuta ma’ dawn il-modalitajiet jistgħux iżidu r-riskju ta’ żball min-naħa tal-konsumatur ( 56 ).

58.

B’mod iktar ġenerali, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-Artikolu 13(1)(c) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, li l-applikazzjoni tagħhom tinjora l-kuntest li fih taqa’ l-“indikazzjoni falza jew li tinganna” ( 57 ), il-punt (d) ta’ dan l-artikolu jeħtieġ evalwazzjoni ta’ dan il-kuntest sabiex tiġi stabbilita, konkretament, l-eżistenza ta’ riskju li l-konsumatur jiġi mqarraq.

59.

Hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tagħmel din l-evalwazzjoni, billi tirreferi għall-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Ewropew, normalment informat u raġonevolment attent u avżat ( 58 ).

60.

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni parti tad-domanda preliminari għandha tkun li r-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata tista’ tikkostitwixxi prattika pprojbita, fis-sens tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012, meta x’aktarx tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini tal-prodott.

V. Konklużjoni

61.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domanda preliminari magħmula mill-Cour de cassation (il-Qorti tal-Kassazzjoni, Franza):

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal‑20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel u tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprojbixxix is-sempliċi użu minn terz ta’ denominazzjoni rreġistrata.

Ir-riproduzzjoni tal-forma jew tad-dehra li tikkaratterizza prodott kopert minn denominazzjoni rreġistrata tista’ tikkostitwixxi prattika pprojbita fis-sens tal-Artikolu 13(1)(d) tar-Regolamenti Nri 510/2006 u 1151/2012 meta tista’ tiżgwida lill-konsumatur dwar l-oriġini vera tal-prodott. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, f’kull każ partikolari, in-natura illegali ta’ tali prattika fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha u billi tirreferi għall-perċezzjoni ta’ konsumatur medju Ewropew, normalment informat u raġonevolment attent u avżat.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Kunsill Nru 510/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 335M, p. 213, u rettifiki fil-ĠU 2009, L 64M, p. 74, u fil-ĠU 2011, L 293, p. 38).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 55, p. 27, fil-ĠU 2015, L 191, p. 10, u fil-ĠU 2019, L 216, p. 40).

( 4 ) Regolament dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4).

( 5 ) Ara, għas-setturi tal-vitikultura u tal-inbid, l-Artikolu 103 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 189, p. 261, fil-ĠU 2016, L 130, p. 8, u fil-ĠU 2020, L 1, p. 5), għas-settur tax-xorb aromatizzat, l-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014, dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/91 (ĠU 2014, L 84, p. 14, u rettifiki fil-ĠU 2014, L 105, p. 12, u fil-ĠU 2020, L 182, p. 11) u, għas-settur tax-xorb spirituż, l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU 2008, L 39, p. 16).

( 6 ) Regolament li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 2400/96 dwar id-dħul ta’ ċerti ismijiet fir-“Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti ta’ l-oriġini u l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti” pprovdut fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 dwar il-protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ l-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-ikel (il-Gailtaler Speck, il-Morbier, il-Queso Palmero jew Queso de la Palma, iż-żejt taż-żebbuġa extra-verġini Thrapsano, it-Turrón de Agramunt jew Torró d’Agramunt) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 36, p. 177).

( 7 ) ĠU 2013, L 302, p. 7.

( 8 ) Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel (ĠU 2011, L 295, p. 1).

( 9 ) Ara l-Anness għar-Regolament Nru 1129/2011, parti E, punt 01.7.2.

( 10 ) JORF tat‑30 ta’ Ottubru 2007, test Nru 2.

( 11 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, SFL tafferma li rikors kontra d-digriet tat‑22 ta’ Diċembru 2000 ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) tal-5 ta’ Novembru 2003. Fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għal din is-sentenza, l-INAO u l-Ministru Franċiż tal-Finanzi sostnew li “Id-digriet [tat-22 ta’ Diċembru 2000] bl-ebda mod ma jipprekludi lill-professjonisti li jinsabu barra miż-żona tad-denominazzjoni milli jkomplu jimmanifatturaw u jikkummerċjalizzaw il-prodotti tagħhom. Huwa sempliċement jipprekludi li huma jkomplu jagħmlu dan bl-użu tad-denominazzjoni “Morbier”, peress li ġustament ma josservawx il-kriterji ġeografiċi u tekniċi użati sabiex ikollhom dritt għall-użu ta’ dan l-isem”. Fis-sentenza tiegħu, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) ippreċiża: “li r-regoli kemm nazzjonali kif ukoll Komunitarji li jirregolaw il-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini għandhom l-għan li jivvalorizzaw il-kwalità tal-prodotti li jibbenefikaw minn isem irreġistrat, b’mod partikolari billi jimponu li l-produzzjoni, l-ipproċessar u t-tħejjija ta’ dawn il-prodotti jsiru fiż-żona ddefinita” u “li dawn ir-regoli ma jostakolawx il-moviment liberu ta’ prodotti oħra li ma jibbenefikawx minn din il-protezzjoni”.

( 12 ) C-44/17, EU:C:2018:415.

( 13 ) C-614/17, EU:C:2019:344.

( 14 ) SFL tispeċifika fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-Morbier, li l-produzzjoni tiegħu kienet testendi lil hinn miż-żona attwali tad-DOP, kien tradizzjonalment immanifatturat mill-ħalib miġbur fl-istess ġurnata: il-ħalib mill-ħalba ta’ filgħodu kien jinkesa b’saff irqiq ta’ karbonju, biex jipproteġih sakemm jitgħatta bil-ħalib mill-ħalba ta’ filgħaxija. Ladarba jimmatura, il-forma kien ikollha, fin-nofs tagħha, strixxa sewda, li tikkorrispondi għal dik il-kisja tal-karbonju. Jirriżulta mill-proċess li l-istrixxa f’nofs il-ġobon ikkummerċjalizzat minn SFL għandu sfumatura ħamranija u hija magħmula mill-most tal-għeneb u mhux mill-karbonju veġetali.

( 15 ) SFL tagħmel referiment, b’mod partikolari, għas-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2005, Il-Ġermanja u Id-Danimarka vs Il-Kummissjoni (C‑465/02 u C‑466/02, EU:C:2005:636) u tas‑26 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117).

( 16 ) Ara madankollu, fir-rigward tal-inbejjed, l-Artikolu 103(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 u, fir-rigward tax-xorb aromatizzat, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 251/2014, li jipprovdu li l-prodotti rispettivi li jużaw denominazzjoni protetta b’osservanza tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott korrispondenti huma stess huma protetti kontra l-aġir ipprojbit previst mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

( 17 ) Ara l-premessa 2 tar-Regolament Nru 510/2006; ara, fl-istess sens, il-premessa 4 tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 18 ) Ara l-premessa 1 tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 19 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C-75/15, EU:C:2016:35, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata, u Scotch Whisky, punt 37.

( 20 ) Definizzjoni prattikament identika kienet tinsab fl-Artikolu 2(1)(a) tar-Regolament Nru 510/2010.

( 21 ) Ara l-Artikolu 7(1)(b), (c) u (f)(i) u (ii) tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 22 ) Ara l-Artikolu 8(1)(c)(ii) tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 23 ) Ara l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1151/2012, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet għall-oppożizzjoni u l-Artikolu 51 ta’ dan ir-regolament, f’dak li jirrigwarda l-proċedura.

( 24 ) Ara l-premessa 3 tar-Regolament Nru 1151/2012; ara wkoll is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C-27/10, EU:C:2011:484, punt 47); tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 24), kif ukoll is-sentenzi Scotch Whisky, punt 36, u Queso Manchego, punt 29.

( 25 ) Ara l-Artikolu 36(3)(a) tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 26 ) Għalkemm fost il-funzjonijiet tat-trade mark hemm ukoll dik ta’ indikatur tal-kwalità, din tiddependi esklużivament mill-għażliet tad-detentur tat-trade mark, li, għall-inqas teoretikament, ma huwiex obbligat li jżomm l-istess livell kwalitattiv tal-prodotti jew tas-servizzi tiegħu.

( 27 ) L-interess tal-konsumaturi li ma jitfixklux dwar l-oriġini kummerċjali tal-prodotti jew tas-servizzi li huma jixtru jibqa’ impliċitu wkoll fid-dritt tat-trade marks. Madankollu, dan huwa bbażat fuq l-interessi privati tad-detenturi.

( 28 ) It-trade mark tagħti, min-naħa l-oħra, dritt privattiv ħafna drabi individwali, li jippermetti lid-detentur tiegħu jeskludi lil kull terz mill-użu tal-istess sinjal distintiv jew ta’ sinjal simili. Id-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2016, L 110, p. 5, b’mod partikolari l-Artikoli 29 sa 36), tipprevedi wkoll trade marks kollettivi, madankollu l-leġiżlazzjoni li tapplika għal dawn hija, bħal dik li tapplika għat-trade marks individwali, ta’ dritt estremament privat u ma għandhiex l-aspetti tad-dritt pubbliku li jikkaratterizzaw il-leġiżlazzjoni fil-qasam ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi protetti.

( 29 ) L-Artikolu 16(a) sa (d) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu prattikament l-istess kontenut bħall-Artikolu 13(a) sa (d) tar-Regolament Nru 510/2006.

( 30 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 38.

( 31 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 31.

( 32 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 33, enfasi miżjuda minni.

( 33 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punti 46 u 49.

( 34 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 50.

( 35 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 51. Fil-kawża prinċipali li tat lok għal din is-sentenza, id-denominazzjoni kontenzjuża kienet il-kelma “Glen”. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk affermat li kienet il-qorti tar-rinviju li kellha tivverifika jekk konsumatur Ewropew medju, normalment informat u raġonevolment attent u prudenti, kinitx tiġih f’moħħu direttament l-indikazzjoni ġeografika protetta, jiġifieri “Scotch Whisky”, meta kien ikun fil-preżenza ta’ prodott simili li jġib din id-denominazzjoni, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, fin-nuqqas ta’ familjarità fonetika jew viżiva ta’ din id-denominazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika protetta u inkorporazzjoni parzjali ta’ din l-indikazzjoni fl-imsemmija denominazzjoni, il-prossimità kunċettwali bejn l-imsemmija indikazzjoni u din l-istess denominazzjoni (sentenza Scotch Whisky, punt 52).

( 36 ) Ara s-sentenza Queso Manchego, punt 18.

( 37 ) Ara s-sentenza Queso Manchego, punt 22.

( 38 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 66.

( 39 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau National Interprofessionnel du Cognac (C-4/10 u C-27/10, EU:C:2011:484, punt 46).

( 40 ) Permezz ta’ din l-espressjoni, issa ser nirreferi għall-prodotti li ma humiex koperti minn denominazzjoni ta’ oriġini jew minn indikazzjoni ġeografika protetta.

( 41 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto, C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 82, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 38.

( 42 ) Il-Kummissjoni rreferiet, bħala eżempju, għad-DOP “Queso tetilla”. Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Ottubru 2013 (Nru 419/13), il-Qorti tal-Appell tal-Kummerċ ta’ Alicante qieset li din id-DOP kienet tipproteġi isem tradizzjonali li l-konsumaturi kienu jassoċjaw mal-forma konika tal-prodott inkwistjoni u kkunsidrat il-kummerċjalizzazzjoni mhux awtorizzata ta’ ġobnijiet b’forma identika bħala ksur tal-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament Nru 1151/2012.

( 43 ) Kif affermajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Queso Manchego (C-614/17, EU:C:2019:11), l-eżistenza ta’ tali assoċjazzjoni għandha tiġi evalwata f’termini kemm ta’ immedjatezza (il-proċess konjittiv assoċjattiv ma għandux jeżiġi elaborazzjoni mill-ġdid kumplessa tal-informazzjoni) u ta’ intensità (l-assoċjazzjoni għandha sseħħ b’mod pjuttost qawwi) tar-rispons tal-konsumatur għall-espożizzjoni għall-prodott konvenzjonali.

( 44 ) Ara s-sentenza Queso Manchego, punt 40.

( 45 ) Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza Queso Manchego, punt 42.

( 46 ) Ara l-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Queso Manchego (C‑614/17, EU:C:2019:11). Ara, ukoll f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C-87/97, EU:C:1999:115, punt 28).

( 47 ) C-87/97, EU:C:1999:115, punt 27.

( 48 ) C-132/05, EU:C:2008:117, punt 48.

( 49 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punt 65.

( 50 ) Ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 510/2006, is-sentenza Queso Manchego, punt 25.

( 51 ) Għandu jiġi rrilevat li dan l-elenku gradwat jirrigwarda n-natura tal-aġir ipprojbit u mhux l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ tali aġir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Queso Manchego, punt 27). Għaldaqstant, ma huwiex eskluż li l-istess elementi jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni kemm tal-punt (b) kif ukoll tal-punt (d) ta’ dan l-Artikolu 13.

( 52 ) Ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 510/2006, is-sentenza Queso Manchego, punt 25.

( 53 ) Ara s-sentenza tal-4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 26).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 45).

( 55 ) F’dan ir-rigward, is-Syndicat ippreċiża li l-ġobon ta’ Morbier jinbiegħ bl-imnut f’biċċiet u li, għaldaqstant, l-istrixxa sewda li tikkaratterizzah hija perfettament viżibbli għall-konsumaturi.

( 56 ) B’mod partikolari, meta l-prodotti konvenzjonali jitpoġġew viċin ħafna dawk koperti mill-isem protett.

( 57 ) Ara s-sentenza Scotch Whisky, punti 70 u 71.

( 58 ) Ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 2528) u s-sentenza Scotch Whisky, punt 47.