KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fil‑11 ta’ Ġunju 2020 ( 1 )

Kawża C‑303/19

Istituto Nazionale della Previdenza Sociale

vs

VR

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/109/KE — Drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul — Artikolu 11 — Dritt għal ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali — Deroga — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jkunux residenti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-intitolament għal benefiċċju tal-familja”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) qiegħda tfittex gwida mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 2 ).

2.

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jagħti lil ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament bħal ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali. Il-kwistjoni prinċipali li tirriżulta f’din il-kawża hija dwar jekk dan l-artikolu jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, b’differenza mid-dispożizzjonijiet stabbiliti għal ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, teskludi lill-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li ma jirrisjedux f’dan l-Istat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-intitolament għal benefiċċju tal-familja. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll mitluba tiddeċiedi jekk id-derogi mill-ugwaljanza fit-trattament li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu skont l-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/109 jistgħux jiġu applikati fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

3.

Konsegwentement, din il-kawża tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għar-residenti fit-tul skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, fid-dawl tas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233).

4.

Din il-kawża qiegħda tinstema’ mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod parallel ma’ kawża oħra, Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (Benefiċċji tal-Familja għal Detenturi ta’ Permess Uniku) (C‑302/19), li fiha l-konklużjonijiet tiegħi qegħdin jiġu ppreżentati llum. F’din il-kawża, il-qorti tar-rinviju tqajjem kwistjoni simili dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru ( 3 ), jiġifieri, jekk l-istess esklużjoni applikabbli għal ċittadini ta’ pajjiż terz li l-membri tal-familja tagħhom ma jirrisjedux fl-Istat Membru ospitanti hijiex konsistenti mad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament mogħti lid-detenturi skont din id-direttiva.

5.

Fundamentalment, dawn iż-żewġ kawżi jqajmu kwistjonijiet ġodda rigward l-applikazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz skont id-dritt tal-Unjoni u l-interazzjoni bejn id-Direttivi 2003/109 u 2011/98 f’dan ir-rigward. Ix-xebh tal-kwistjonijiet imqajma f’dawn iż-żewġ kawżi ser jippermettili għaldaqstant li nirreferi, fuq ċerti punti, għall-argumenti mressqa fil-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża parallela sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

6.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Definizzjonijiet”, jistabbilixxi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]

(e)

‘membri tal-familja’ tfisser iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fl-Istat Membru konċernat skond id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja( ( 4 )); […]”.

7.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Trattament ugwali”, jistabbilixxi:

“1.   Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’: […]

(d)

sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali; […]

2.   Fir-rigward tad-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-punti (b), (d), (e), (f) u (g), l-Istat Membru konċernat jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

4.   L-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.”

B.   Id-dritt Taljan

8.

L-Artikolu 2 tad-Decreto legge 13 marzo 1988, n. 69, Norme in materia previdenziale, per il miglioramento delle gestioni degli enti portuali ed altre disposizioni urgenti (id-Digriet-Liġi Nru 69, tat‑13 ta’ Marzu 1988, Dispożizzjonijiet dwar is-Sigurtà Soċjali, għat-Titjib tal-Ġestjoni tal-Organi Portwali u Dispożizzjonijiet Urġenti Oħra) li, permezz ta’ emendi, ġie kkonvertit fil-Liġi Nru 153, tat‑13 ta’ Mejju 1988 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 153/1988”) (GURI Nru 143 tal‑20 ta’ Ġunju 1988), introduċa l-assegno per il nucleo familiare (iktar ’il quddiem l-“allowance għan-nuklei familjari”). Dan l-artikolu jipprovdi:

“1.   Għall-ħaddiema u l-benefiċjarji ta’ pensjonijiet u benefiċċji tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mill-impjieg […], allowances tal-familja, allowances supplimentari tal-familja u kull benefiċċju ieħor tal-familja ta’ kwalunkwe isem […] għandhom jiġu ssostitwiti, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-artikolu, bl-allowance għan-nuklei familjari.

2.   L-allowance għandha titħallas b’rati differenti abbażi tan-numru ta’ membri tal-familja u tad-dħul tan-nukleu familjari, skont it-tabella annessa ma’ dan id-digriet. Il-livelli ta’ dħul indikati f’din it-tabella għandhom jiżdiedu […] għan-nuklei familjari li jinkludu individwi li, minħabba diżabbiltà jew indeboliment mentali jew fiżiku, jinsabu f’inkapaċità totali u permanenti li jokkupaw impjieg bi ħlas jew, jekk minuri, jesperjenzaw diffikultajiet persistenti fit-twettiq tal-inkarigi u l-funzjonijiet skont l-età tagħhom. Dawn il-livelli ta’ dħul għandhom jiżdiedu […] jekk l-individwi deskritti fil-paragrafu 1 ikunu romol, iddivorzjati, isseparati legalment jew mhux miżżewġa. B’effett mill‑1 ta’ Lulju 1994, fejn in-nukleu familjari deskritt fil-paragrafu 6 jinkludi żewġt itfal jew iktar, l-ammont mensili tal-allowance pagabbli għandu jiżdied […] għal kull wild, bl-esklużjoni tal-ewwel wieħed.

[…]

6.   In-nukleu familjari għandu jkun kompost mill-konjuġi, bl-esklużjoni tal-konjuġi sseparati legalment u de facto, u mit-tfal u l-ekwivalenti […] li għandhom inqas minn 18‑il sena jew indipendentement mill-età tagħhom meta, minħabba diżabbiltà jew indeboliment mentali jew fiżiku, ikunu jinsabu f’inkapaċità totali u permanenti li jokkupaw impjieg bi ħlas. […]

6‑bis.   Nukleu familjari kif deskritt fil-paragrafu 6 ma għandux jinkludi konjuġi u tfal u l-ekwivalenti ta’ ċittadini barranin li ma humiex residenti fit-territorju tar-Repubblika, ħlief jekk l-Istat li tiegħu dan iċ-ċittadin barrani jkun ċittadin tiegħu jiġi suġġett għal reċiproċità ma’ ċittadini Taljani jew fejn tkun ġiet konkluża konvenzjoni internazzjonali dwar allowances tal-familja. L-Istati li għalihom japplika l-prinċipju ta’ reċiproċità għandhom jiġu stabbiliti mill-Ministru tax-Xogħol u tas-Sigurtà Soċjali, wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin. […]”

9.

Id-Direttiva 2003/109 ġiet trasposta fid-dritt nazzjonali permezz tad-Decreto legislativo 8 gennaio 2007, n. 3, Attuazione della direttiva 2003/109/CE relativa allo status di cittadini di Paesi terzi soggiornanti di lungo periodo (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 3, tat‑8 ta’ Jannar 2007 dwar it-Traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/109/KE) (GURI Nru 24, tat‑30 ta’ Jannar 2007). Dan id-digriet jinkoprora d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva fid-dispożizzjonijiet tad-Decreto legislativo 25 luglio 1998, n. 286, Testo unico delle disposizioni concernenti la disciplina dell’immigrazione e norme sulla condizione dello straniero (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286, tal‑25 ta’ Lulju 1998, Test Ikkonsolidat tad-Dispożizzjonijiet li Jirregolaw l-Immigrazzjoni u l-Istatus tal-Barranin, iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998”) (Suppliment Ordinarju għall-GURI Nru 191, tat‑18 ta’ Awwissu 1998).

10.

L-Artikolu 9(1) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprevedi li:

“Ċittadin barrani li, għal mill-inqas ħames snin, kellu permess ta’ residenza validu, li għandu dħul ta’ mill-inqas l-ammont annwali tal-benefiċċji soċjali u li, fejn l-applikazzjoni tirrigwarda l-membri tal-familja tiegħu, għandu dħul suffiċjenti […] u akkomodazzjoni xierqa li tissodisfa l-kundizzjonijiet minimi stabbiliti mid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali, jista’ japplika quddiem il-Questore [il-Kap tal-Pulizija] għal permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident fit-tul għalih u għall-membri tal-familja tiegħu […].”

11.

L-Artikolu 9(12) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 jipprovdi li:

“B’żieda mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-rigward ta’ ċittadini barranin li jirrisjedu legalment fl-Italja, id-detentur ta’ permess ta’ residenza tal-Unjoni bħala resident għal żmien twil jista’: […]

(c)

ikun intitolat għal assistenza soċjali u benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u għal dawk relatati ma’ sussidji għal kwistjonijiet ta’ saħħa, edukazzjoni u dawk soċjali, u dawk relatati mal-aċċess għall-prodotti u s-servizzi mqiegħda għad-disponibbiltà tal-pubbliku, inkluż l-aċċess għall-proċedura għall-kisba ta’ akkomodazzjoni ġestita mill-awtoritajiet pubbliċi, sakemm ma jkunx previst mod ieħor u bil-kundizzjoni li tingħata prova li ċ-ċittadin barrani effettivament jirrisjedi fit-territorju nazzjonali […]”.

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domanda preliminari

12.

Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, VR huwa ċittadin ta’ pajjiż terz impjegat fl-Italja. Huwa għandu permess ta’ residenza fit-tul skont id-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, li jittrasponi d-Direttiva 2003/109. Għall-perijodu ta’ bejn Settembru 2011 u April 2014, il-mara ta’ VR u l-ħamest itfal tiegħu telqu mill-Italja u rritornaw fil-pajjiż terz ta’ oriġini (il-Pakistan).

13.

Għal dan il-perijodu, l-Istituto Nazionale della Previdenza Sociale (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja, iktar ’il quddiem l-“INPS”) irrifjuta li jħallas lil VR l-allowance għan-nuklei familjari minħabba li, għal ċittadini ta’ pajjiż terz, l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 jeskludi membri tal-familja li ma jirrisjedux fl-Italja mill-kalkolu ta’ din l-allowance.

14.

VR ippreżenta rikors kontra l-INPS u l-persuna li timpjegah quddiem it-Tribunale Giudice del Lavoro di Brescia (il-Qorti Industrijali ta’ Brescia, l-Italja), fejn sostna li r-rifjut tal-INPS li jħallas l-allowance għan-nuklei familjari kien diskriminatorju. Din il-qorti ddeċidiet favur VR, billi kkonstatat li l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 kien kuntrarju għall-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, sa fejn din il-leġiżlazzjoni tittratta residenti fit-tul b’mod inqas favorevoli minn ċittadini tal-Istat Membru ospitanti.

15.

L-INPS appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Corte d’appello di Brescia (il-Qorti tal-Appell ta’ Brescia, l-Italja). Din il-qorti kkonfermat din is-sentenza.

16.

L-INPS ippreżenta appell fil-kassazzjoni sabiex is-sentenza tal-appell tiġi rrevokata.

17.

Il-qorti tar-rinviju indikat li l-allowance għan-nuklei familjari hija suppliment finanzjarju li huwa disponibbli partikolarment għall-persuni kollha li jaħdmu fl-Italja, sakemm dawn ikunu jappartjenu għal nukleu familjari li d-dħul tiegħu ma jaqbiżx ċertu limitu. L-ammont ta’ din l-allowance huwa kkalkolat skont in-numru ta’ membri tan-nukleu familjari, in-numru ta’ tfal u d-dħul tan-nukleu familjari. Għall-impjegati, il-ħlas isir mill-persuna li timpjega flimkien mal-ħlas tas-salarju, abbażi ta’ rata ta’ perċentwali applikata għas-salarju gross tal-impjegat; u l-INPS imbagħad jagħmel aġġustament finali bejn l-ammonti mħallsa mill-persuna li timpjega u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li huwa għandu jħallas. Il-qorti tar-rinviju qieset li, minkejja l-ġurisprudenza tagħha li tiddefinixxi n-natura tal-allowance għan-nuklei familjari bħala relatata mas-sigurtà soċjali u mal-assistenza soċjali, din l-allowance taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

18.

Il-qorti tar-rinviju osservat, inter alia, li l-membri tan-nukleu familjari huma ta’ importanza essenzjali fl-iskema tal-allowances u essenzjalment jitqiesu bħala l-benefiċjarji tal-allowance. Hija għaldaqstant staqsiet l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, li skontha l-membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz, u mhux dawk ta’ ċittadini Taljani, jiġu esklużi min-nukleu familjari meta r-residenza tagħhom ma tkunx fl-Italja u ma jkunx hemm kundizzjonijiet ta’ reċiproċità mal-pajjiż ta’ ċittadinanza tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-premessa 4 u l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxu, rispettivament, li l-għan ta’ din id-direttiva huwa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul fl-Istati Membri u jiddefinixxu membri tal-familja bħala “ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fl-Istat Membru konċernat”.

19.

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti tal-Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-kawża prinċipali, u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 kif ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn residenti għat-tul u ċittadini nazzjonali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi, bil-kontra ta’ dak li huwa previst fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru, li l-membri tal-familja tal-ħaddiem resident għat-tul u li ġej minn pajjiż terz, jekk huma jirrisjedu fil-pajjiż terz ta’ oriġini, huma esklużi miċ-ċirku tal-membri tan-nukleu familjari meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-allowance għan-nuklei familjari?”

20.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-INPS, minn VR, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ipparteċipaw ukoll fis-seduta li nżammet fis‑27 ta’ Frar 2020.

IV. Sommarju tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

21.

L-INPS isostni li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun fin-negattiv. Huwa jsostni li, fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, huwa diffiċli li jiġu vverifikati l-eżistenza ta’ benefiċċji oħra tal-familja mħallsa barra mill-pajjiż lill-istess membri tal-familja u tibdiliet fis-sitwazzjoni familjari li jistgħu jaffettwaw id-dritt li jirċievu l-allowance għan-nuklei familjari. Għalhekk, fil-fehma tiegħu, l-esklużjoni ta’ membri tal-familja mhux residenti fl-Italja prevista fl-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 – li tapplika biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma jkunux ikkonkludew ftehim internazzjonali mal-Italja li jkopri benefiċċji tal-familja jew li jirriżervaw trattament reċiproku għal ċittadini Taljani, u ma tapplikax għal ċittadini Taljani jew ċittadini tal-Unjoni – hija proporzjonata u raġonevoli, peress li hija intiża li tipprevjeni li din l-allowance tiddevja mill-funzjoni tagħha ta’ sostenn effettiv għall-unità tal-familja. Din il-leġiżlazzjoni tiddistingwi wkoll sitwazzjonijiet li huma oġġettivament differenti minn xulxin, peress li ċittadin ta’ Stat Membru jgawdi relazzjoni permanenti u oriġinali ma’ dan l-Istat, filwaqt li ċittadin ta’ pajjiż terz igawdi minn relazzjoni akkwistata u ġeneralment temporanja mal-imsemmi Stat Membru.

22.

L-INPS iqis li l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 huwa konsistenti mal-Artikolu 11(1)(d) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109. Skont l-INPS, ma huwiex biżżejjed li r-resident fit-tul jirrisjedi fl-Italja, peress li l-membri tal-familja huma benefiċjarji tal-allowance għan-nuklei familjari u għandhom għalhekk jirrisjedu fit-territorju nazzjonali. Kif huwa enfasizza fis-seduta, il-membri tal-familja li ma jirrisjedux fl-Istat Membru ospitanti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, peress li huma esklużi mid-definizzjoni ta’ membri tal-familja stabbilita fl-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, u huwa possibbli li l-benefiċċji jiġu ristretti għal membri tal-familja li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.

23.

L-INPS isostni li l-kompatibbiltà tal-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 mal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex affettwata mill-fatt li l-allowance għan-nuklei familjari għandha funzjoni ta’ assistenza soċjali. Fil-fehma tiegħu, din l-allowance ma tistax tiġi kklassifikata bħala benefiċċju prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-premessa 13 tagħha, peress li din l-allowance hija ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet li jitħallsu minn persuni li jimpjegaw u minn ħaddiema, u ma hijiex intiża li tnaqqas sitwazzjonijiet ta’ bżonn li huma rrimedjati b’benefiċċji prinċipali ( 5 ). Huwa jsostni wkoll li l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 ma jidderogax mill-ugwaljanza fit-trattament, minħabba li ma jqigħedx f’dubju d-dritt għall-allowance, iżda biss l-ammont, u huwa konsistenti mal-għan tad-Direttiva 2003/109 li tippromwovi l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fl-Istati Membri.

24.

VR isostni li l-Artikolu 11(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2003/109 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni. Skont VR, konformement mal-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 153/1988, persuni li jaħdmu fl-Italja, li għalihom tapplika s-sistema ta’ remunerazzjoni u kontribuzzjonijiet skont id-dritt Taljan, huma suġġetti, fir-rigward tal-allowance għan-nuklei familjari, għal trattament differenti minħabba n-nazzjonalità: ħaddiema ta’ pajjiż terz, mhux bħal ħaddiema Taljani, ma jistgħux jinkludu fin-nukleu familjari tagħhom il-membri tal-familja li jirrisjedu barra għall-finijiet ta’ intitolament għal din l-allowance u l-kalkolu tal-ammont tagħha. Minħabba li l-Italja tieħu inkunsiderazzjoni għaċ-ċittadini tagħha membri tal-familja li jirrisjedu barra, hija għandha tagħmel l-istess għal ċittadini ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109. Soluzzjoni differenti tmur kontra l-għanijiet tal-ugwaljanza u l-koeżjoni soċjali espressi fil-premessa 4 ta’ din id-direttiva.

25.

VR iqis li d-definizzjoni tal-membri tal-familja fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 ma hijiex rilevanti f’din il-kawża, u ma tistax tintuża għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, peress li xxejjen is-sustanza ta’ dan l-artikolu. VR isostni li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 6 ), dispożizzjoni bħall-Artikolu 9(12) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 li tippreżerva f’termini ġenerali (“sakemm ma jkunx previst mod ieħor”) leġiżlazzjoni li tippreċedi d-Direttiva 2003/109 ma tistax tikkwalifika bħala deroga skont l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, peress li ma hemm l-ebda indikazzjoni espressa tad-dispożizzjonijiet li qiegħda ssir deroga minnhom. Kif enfasizza VR waqt is-seduta, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 ma japplikax għall-allowance għan-nukleu familjari, peress li d-dritt għal din l-allowance ma huwiex speċifiku għal membru tal-familja li għalih jistgħu jintalbu benefiċċji fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. VR iżid li l-kontrolli tal-allowances fir-rigward ta’ membri tal-familja li jirrisjedu barra mill-pajjiż huma distinti mill-ugwaljanza fit-trattament u, fi kwalunkwe każ, ma jinbidlux skont jekk is-sitwazzjoni tkunx tikkonċerna l-membri tal-familja ta’ ċittadini Taljani li ma humiex residenti jew dawk ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fl-Italja.

26.

Il-Gvern Taljan isostni li l-Artikolu 11(1)(d), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, u l-prinċipju ta’ trattament ugwali ma jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni. Huwa jqis li, fid-dawl tas-sentenza Martinez Silva ( 7 ), l-allowance għan-nuklei familjari taqa’ taħt il-kategorija ta’ sigurtà soċjali, u mhux taħt assistenza soċjali jew taħt protezzjoni soċjali, fis-sens tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Huwa jsostni li, abbażi tad-definizzjoni ta’ membri tal-familja fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109, għandhom jittieħdu biss inkunsiderazzjoni, għall-intitolament għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, membri tal-familja ta’ resident fit-tul jekk ikunu jirrisjedu miegħu fl-Istat Membru ospitanti. Huwa jsostni li l-esklużjoni tal-membri tal-familja mhux residenti fl-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 hija ġġustifikata sabiex jiġu evitati prattiki abbużivi, bħall-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Din il-leġiżlazzjoni hija wkoll proporzjonata, fil-fehma tiegħu, peress li taffettwa l-ammont u mhux id-dritt għall-allowance, u hija konsistenti mal-għan tad-Direttiva 2003/109 tal-integrazzjoni ta’ residenti fit-tul fl-Istati Membri, kif espress fil-premessa 4 ta’ din id-direttiva.

27.

Kif enfasizza l-Gvern Taljan waqt is-seduta, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 ma japplikax għall-allowance għan-nuklei familjari, peress li din l-allowance tingħata lir-resident fit-tul li huwa intitolat għaliha, b’differenza mill-benefiċċji li jingħataw lil membri tal-familja permezz tar-rabta tagħhom ma’ dan ir-resident, bħall-benefiċċji tad-diżabbiltà jew tal-maternità. Huwa għalhekk irrilevanti jekk l-Italja indikatx b’mod ċar li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka d-deroga tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħu, is-sentenza Kamberaj ( 8 ) ma hijiex rilevanti għal din il-kawża, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dikjarazzjoni espressa ta’ deroga hija meħtieġa għall-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, filwaqt li ma hemmx bżonn tali dikjarazzjoni skont l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva. Lanqas ma jagħmel sens li tiġi diskussa deroga fir-rigward tal-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, peress li din il-leġiżlazzjoni kienet teżisti ħmistax‑il sena qabel l-adozzjoni tad-Direttiva 2003/109, jiġifieri ma hemm ebda obbligu għall-Italja li tagħmel dikjarazzjoni espressa ta’ deroga, u l-Italja ma inkludiet ebda deroga fid-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 li jittrasponi din id-direttiva.

28.

Il-Kummissjoni tipproponi li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, fl-assenza ta’ espressjoni ċara tal-intenzjoni tal-Istat Membru li jinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni. Hija ssostni li, abbażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 9 ), ir-Repubblika Taljana ma esprimietx b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li tinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109. Hija tenfasizza li l-Artikolu 9(12) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 ma jsemmix ir-residenza tal-membri tal-familja tar-resident fit-tul, u li l-formulazzjoni “sakemm ma jkunx previst mod ieħor” ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax titqies bħala dikjarazzjoni espressa ta’ deroga.

29.

Il-Kummissjoni enfasizzat fis-seduta l-importanza mogħtija lid-dikjarazzjoni espressa ta’ deroga ta’ Stat Membru, speċjalment għal raġunijiet ta’ trasparenza fir-rigward tas-suġġetti li għalihom tapplika tali deroga u għat-twettiq tar-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati. Barra minn hekk, fil-fehma tagħha, l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 jservi biss sabiex jiddefinixxi dak li huwa mfisser b’membri tal-familja tar-resident fit-tul fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jużaw dan it-terminu, u ma jeskludix mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva membri tal-familja li ma jirrisjedux mar-resident fit-tul fl-Istat Membru ospitanti, għaliex inkella d-deroga prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 ssir superfluwa.

V. L-analiżi

30.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, sabiex tiddeċiedi jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tar-residenti fit-tul stabbilit fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, fir-rigward tas-sigurtà soċjali, tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali, għandux jiġi interpretat li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, li teskludi lill-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li huwa residenti fit-tul, iżda mhux lil dawk ta’ ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, fil-każ li fih ma jkunux jirrisjedu f’dan l-Istat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-intitolament ta’ dan iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għal benefiċċju tal-familja.

31.

Kif jidher mid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domanda magħmula f’din il-kawża tirriżulta mill-fatt li, kif jidher fil-punt 8 ta’ dawn il-konklużjonijiet, skont l-Artikolu 2 tal-Liġi Nru 153/1988, in-nukleu familjari, li abbażi tiegħu tiġi ddeterminata l-allowance għan-nuklei familjari, huwa kompost mill-persuni kollha li għandhom relazzjoni familjari partikolari ma’ ħaddiem fl-Italja, indipendentement minn jekk dawn il-membri tal-familja jirrisjedux fl-Italja jew imkien ieħor fid-dinja. Madankollu, skont l-Artikolu 2(6‑bis) ta’ din il-liġi, għal persuni li jaħdmu fl-Italja u li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, in-nukleu familjari huwa kompost biss minn dawk il-membri tal-familja li jirrisjedu fl-Italja, u mhux minn dawk li jirrisjedu barra mill-pajjiż (sakemm ma jkunx hemm trattament reċiproku jew ftehim speċifiku) ( 10 ).

32.

Nosserva li d-domanda magħmula f’din il-kawża għadha ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett huwa neċessarju li jiġu pprovduti numru ta’ osservazzjonijiet preliminari dwar id-Direttiva 2003/109 u l-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni, flimkien mas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj ( 11 ) (Taqsima A). Sussegwentement, ser nindirizza l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 (Taqsima B). Fl-aħħar nett, ser nindirizza l-applikazzjoni possibbli tad-derogi għall-ugwaljanza fit-trattament fl-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/109 (Taqsima C).

33.

Abbażi ta’ din l-analiżi, wasalt għall-konklużjoni li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. Id-Direttiva 2003/109 u l-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni

34.

Għandu jitfakkar li d-Direttiva 2003/109 hija strument legali prinċipali fl-hekk imsejjaħ qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni, li huwa parti mill-politika komuni ta’ immigrazzjoni tal-Unjoni fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( 12 ). Il-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni jinkludi sett ta’ direttivi li b’mod ġenerali jirregolaw il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ kategoriji ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz u d-drittijiet tagħhom wara ammissjoni fl-Istati Membri ( 13 ). Dispożizzjonijiet dwar ugwaljanza fit-trattament huma element importanti ta’ dawn id-direttivi, u jippromwovu wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-politika tal-immigrazzjoni tal-Unjoni, li huwa li jiġi żgurat trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri ( 14 ).

35.

F’dan il-kuntest, id-Direttiva 2003/109 tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-għoti u għall-irtirar tal-istatus ta’ resident fit-tul u d-drittijiet relattivi, flimkien mal-kundizzjonijiet ta’ residenza fi Stati Membri oħra għal ċittadini ta’ pajjiż terz li għandhom dan l-istatus ( 15 ). Fil-fatt, din id-direttiva tistabbilixxi għal ċittadini ta’ pajjiż terz li ilhom residenti legalment fl-Unjoni għal mill-inqas ħames snin status legali speċifiku bbażat fuq id-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-istatus ta’ residenti fit-tul ( 16 ), li jikkostitwixxi l-ogħla livell li jista’ jilħaq ċittadin ta’ pajjiż terz qabel ma jingħata ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ospitanti ( 17 ).

36.

Kif irrikonoxxiet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/109, kif jidher mill-premessi 4, 6 u 12 ta’ din id-direttiva, huwa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma stabbiliti fuq bażi fit-tul fl-Istati Membri ( 18 ). Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/109, din id-direttiva hija intiża, permezz tal-għoti tal-istatus ta’ residenti fit-tul lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li tqarreb l-istatus legali ta’ dawn tal-aħħar ma’ dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 19 ). Għal dan l-għan, id-Direttiva 2003/109 tistabbilixxi ugwaljanza fit-trattament bejn dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u ċ-ċittadini tal-Istat Membru f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali ( 20 ).

37.

Għal dan l-għan, l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi li r-residenti fit-tul igawdu minn ugwaljanza fit-trattament ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f’oqsma speċifikati, inklużi l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali skont il-punt (d), bla ħsara għad-derogi li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu skont l-Artikolu 11(2), (3) u (4) ta’ din id-direttiva. Dan ifisser essenzjalment li, skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul jiġu fil-prinċipju ttrattati bl-istess mod bħal ċittadini tal-Istat Membru ospitanti f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward tal-għoti ta’ tali benefiċċji.

2. Is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj

38.

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj ( 21 ), hija rilevanti għal din il-kawża, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat kwistjonijiet differenti f’din is-sentenza. Hija kienet ibbażata fuq talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti Taljana, u ppreżentat l-ewwel opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109.

39.

F’din is-sentenza ( 22 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tipprevedi trattament differenti bejn residenti fit-tul u ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti ta’ għajnuna għall-akkommodazzjoni, sa fejn dan il-benefiċċju kien jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni u sa fejn id-deroga fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva ma kinitx tapplika. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, minkejja r-referenza għad-dritt nazzjonali li tinsab fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri ma jistgħux jippreġudikaw l-effettività ta’ din id-direttiva, u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-għan tagħha ta’ integrazzjoni kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), u b’mod partikolari l-Artikolu 34 tagħha dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, fid-determinazzjoni tal-miżuri suġġetti għall-ugwaljanza fit-trattament skont din id-dispożizzjoni ( 23 ).

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, minħabba li d-dritt ta’ ugwaljanza fit-trattament għal residenti fit-tul fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109 huwa r-regola ġenerali, id-deroga fl-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva li tirrelata mal-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali għandha tiġi interpretata b’mod strett, u applikata biss jekk l-Istati Membri jkunu esprimew b’mod ċar li huma kellhom l-intenzjoni li jinvokaw din id-deroga ( 24 ). B’rabta ma’ dan, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ma jagħmilhiex possibbli li jkun hemm deroga mill-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali. Hija ċċarat ukoll li l-kunċett ta’ benefiċċji prinċipali skont din id-dispożizzjoni jirrigwarda l-benefiċċji ta’ assistenza soċjali u ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu, u li jekk il-benefiċċju inkwistjoni jissodisfa l-għan stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Karta, huwa ma jistax jitqies, fid-dritt tal-Unjoni, bħala li ma jagħmilx parti mill-benefiċċji prinċipali ( 25 ).

41.

Konsegwentement, mis-sentenza f’Kamberaj isegwi li, f’ċirkustanzi fejn leġiżlazzjoni nazzjonali toħloq differenza fit-trattament bejn ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul u ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-għoti ta’ benefiċċji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 u l-ebda derogi ma jistgħu jiġu applikati, id-dritt għal ugwaljanza fit-trattament mogħti lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz skont din id-dispożizzjoni għandu jiġi rrispettat. Din is-sentenza għaldaqstant issostni l-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hija kuntrarja għall-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Ser nerġa’ nirritorna għal din is-sentenza iktar ’il quddiem fl-analiżi tiegħi (ara l-punti 45, 64, 67 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

B.   L-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109

1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali

42.

Għandu jiġi nnotat preliminarjament li, kif osservajt fil-punti 39 u 40 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑302/19 fir-rigward tad-Direttiva 2011/98, id-Direttiva 2003/109 ma tarmonizzax il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tas-sigurtà soċjali, tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali, u fil-prinċipju huwa kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet rigward, inter alia, l-intitolament għall-benefiċċji f’dawn l-oqsma.

43.

Isegwi li d-Direttiva 2003/109 ma tipprekludix li Stat Membru, pereżempju, jeskludi mill-għoti tal-benefiċċji tal-familja lill-ħaddiema li l-membri tal-familja tagħhom jirrisjedu f’pajjiżi terzi, jew li jeskludi lil dawn il-membri tal-familja mill-bażi tal-kalkolu tal-ammont ta’ tali benefiċċji. Madankollu, l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul igawdu minn ugwaljanza fit-trattament ma’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali. Għalhekk, sa fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti (in casu l-Italja) tagħti benefiċċju tal-familja liċ-ċittadini tiegħu irrispettivament minn fejn jirrisjedu l-membri tal-familja tagħhom, l-istess trattament għandu fil-prinċipju jingħata lil ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul f’sitwazzjoni komparabbli skont din id-dispożizzjoni. Konsegwentement, jidhirli li l-esklużjoni ta’ membri tal-familja ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi li ma humiex residenti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma hijiex konsistenti ma’ din id-dispożizzjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

44.

L-ewwel nett, huwa paċifiku li resident fit-tul bħal VR jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 u huwa għalhekk intitolat għal ugwaljanza fit-trattament skont din id-dispożizzjoni. Kif tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, VR huwa ċittadin ta’ pajjiż terz impjegat fl-Italja u għandu permess ta’ residenza fit-tul skont il-leġiżlazzjoni Taljana li tittrasponi d-Direttiva 2003/109.

45.

It-tieni nett, kważi ma hemmx dubju li, kif indikat il-qorti tar-rinviju, l-allowance għan-nuklei familjari taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, li tirreferi għas-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Skont l-osservazzjonijiet tal-INPS u tal-Gvern Taljan, din l-allowance taqa’ fil-kategorija tas-sigurtà soċjali, u mhux tal-assistenza soċjali jew tal-protezzjoni soċjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Abbażi tas-sentenza f’Kamberaj ( 26 ), din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju. Madankollu, ser nenfasizza li, kif ġie spjegat fid-dettall fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑302/19, din l-allowance tikkwalifika bħala benefiċċju tas-sigurtà soċjali li huwa inkluż mal-benefiċċji tal-familja msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali ( 27 ), għall-finijiet tal-Artikolu 12(1)(e) tad-Direttiva 2011/98.

46.

It-tielet nett, ma hemm l-ebda dubju li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul huma suġġetti għal trattament inqas favorevoli minn ċittadini tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-intitolament għall-allowance għan-nuklei familjari li huwa pprojbit mill-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Jidher li l-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988 jintroduċi skema differenti għal ċittadini ta’ pajjiż terz (sakemm ma jkunx hemm trattament reċiproku jew ftehim speċifiku) mill-iskema ġenerali li tapplika għal ċittadini Taljani li lilhom hija pagabbli l-allowance irrispettivament mir-residenza tal-membri tal-familja. Skont din il-leġiżlazzjoni, ċittadini ta’ pajjiż terz, b’differenza minn ċittadini Taljani, ma jistgħux jinkludu membri tal-familja li ma jirrisjedux fl-Italja fil-kompożizzjoni tan-nukleu familjari sabiex jiġi ddeterminat l-intitolament għal din l-allowance. Dan għandu l-effett li jnaqqas l-ammont tal-allowance li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jirċievi, jew li jelimina l-ħlas tagħha kompletament, skont in-numru ta’ membri tal-familja residenti fl-Italja, meta mqabbel mal-allowance mogħtija lil ċittadini tal-Istat Membru ospitanti li l-membri tal-familja tagħhom jittieħdu inkunsiderazzjoni anki jekk ma humiex residenti fl-Italja.

47.

Għaldaqstant, kuntrarjament għall-osservazzjonijiet tal-INPS u tal-Gvern Taljan, u kif ġie indikat minn VR, tali leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiġi kkunsidrata li taffettwa d-dritt ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz għall-allowance għan-nuklei familjari u mhux biss l-ammont, peress li din il-leġiżlazzjoni effettivament iċċaħħad lil dawn iċ-ċittadini mid-dritt tagħhom għal din l-allowance għall-perijodi rilevanti fejn il-membri kollha tal-familja tagħhom ma humiex residenti fl-Italja, kif juru ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

48.

Għandu jiġi miżjud ukoll li, sa fejn l-INPS jiċħad l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi li s-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul u dik ta’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti hija differenti minħabba r-rabtiet rispettivi tagħhom ma’ dan l-Istat, tali argument ma jistax jiġi aċċettat, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament lil tali ċittadini ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109. L-istess jista’ jingħad għall-argumenti invokati mill-INPS u mill-Gvern Taljan rigward id-diffikultajiet ta’ kontroll tal-allowances, il-prevenzjoni ta’ prattiki abbużivi fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-preżervazzjoni tal-funzjoni tal-allowance għan-nuklei familjari, peress li, kif indikat minn VR, dawn il-kwistjonijiet jistgħu jkunu l-istess fir-rigward tal-membri tal-familja ta’ ċittadini Taljani li jirrisjedu barra mill-pajjiż u d-Direttiva 2003/109 timponi ugwaljanza fit-trattament.

49.

Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm indikazzjonijiet serji li d-domanda magħmula għandha tingħata risposta fl-affermattiv (sa fejn id-derogi previsti fl-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/109 ma japplikawx, kif diskuss fil-punti 63 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Madankollu, fid-dawl ta’ ċerti fatturi nnotati mill-qorti tar-rinviju u ċerti argumenti mressqa mill-INPS u mill-Gvern Taljan, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet kumplessi dwar kif l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dawn iċ-ċirkustanzi. Il-kumplessitajiet ta’ din il-kawża jirriżultaw b’mod partikolari min-natura tal-benefiċċju inkwistjoni u mill-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/109 jistgħu jiġu interpretati li jeskludu membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu barra mill-Istat Membru ospitanti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

2. Kunsiderazzjonijiet addizzjonali fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali

50.

Qabelxejn insostni li naqbel ma’ VR u mal-Kummissjoni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 japplikaw għal leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni.

51.

L-ewwel nett, ma iniex konvint mill-argumenti mressqa mill-INPS li skonthom ma huwiex biżżejjed għall-finijiet tad-Direttiva 2003/109, li r-resident fit-tul jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti, peress li l-membri tal-familja huma d-destinatarji tal-allowance għan-nuklei familjari u għalhekk għandhom jirrisjedu f’dan l-Istat.

52.

Simili għall-fehma li esprimejt fil-punti 50 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑302/19, għandu jitfakkar li, kif indikat mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-INPS, minn VR u mill-Gvern Taljan, l-allowance għan-nuklei familjari hija disponibbli għall-persuni kollha li jaħdmu fl-Italja, sakemm dawn ikunu jappartjenu għal nukleu familjari li d-dħul tiegħu ma jaqbiżx ċertu limitu speċifikat. Barra minn hekk, din titħallas mill-persuna li timpjega u hija ffinanzjata minn skema bbażata fuq kontribuzzjonijiet. Għandu għaldaqstant jitqies li d-dritt għal din l-allowance huwa marbut mas-sitwazzjoni tal-ħaddiem ta’ pajjiż terz li huwa resident fit-tul u li jaqa’ taħt l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

53.

Qiegħed nirrikonoxxi li, kif indikat mill-qorti tar-rinviju flimkien mal-INPS u l-Gvern Taljan, il-membri tal-familja tar-resident fit-tul huma benefiċjarji tal-allowance għan-nuklei familjari. Fil-fatt, b’mod ġenerali, in-natura ta’ benefiċċju tal-familja hija li tibbenefika l-familja ( 28 ). Madankollu, skont l-informazzjoni li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-membri tal-familja huma prerekwiżit għal din l-allowance u jibbenefikaw minnha, id-dritt għal din l-allowance huwa fil-prinċipju mogħti lill-ħaddiem ta’ pajjiż terz li huwa resident fit-tul u mhux lill-membri tal-familja tiegħu. Fuq din il-bażi, tali ħaddiem għandu dritt għal ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-kundizzjonijiet imposti fuq ċittadini tal-Istat Membru ospitanti għal intitolament għal din l-allowance skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

54.

It-tieni nett, jidhirli li d-definizzjoni ta’ membri tal-familja fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 ma teskludix lil membri tal-familja li ma jirrisjedux mar-resident fit-tul fl-Istat Membru ospitanti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. Kif jirriżulta mill-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi membri tal-familja għall-finijiet ta’ din id-direttiva bħala “ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jirrisjedu fl-Istat Membru konċernat skond id-Direttiva [2003/86] dwar id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”. Id-definizzjoni ta’ membri tal-familja skont l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 tintuża b’mod speċifiku f’din id-direttiva, u prinċipalment tirrigwarda residenza fit-tieni Stat Membru abbażi tal-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva ( 29 ), kif jidher ċar mill-premessa 20 tagħha ( 30 ). Għalhekk, kif indikat mill-Kummissjoni, filwaqt li l-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 jiddefinixxi t-tifsira ta’ membri tal-familja fejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jużaw dan it-terminu, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li dan jillimita d-dritt għal trattament ugwali għal residenti fit-tul skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

55.

B’mod partikolari, dan l-approċċ huwa konsistenti mal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, li skontu Stat Membru jista’ jillimita l-ugwaljanza fit-trattament, b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà soċjali, tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali, għal każijiet fejn il-post ta’ reġistrazzjoni jew ta’ residenza abitwali tal-membri tal-familja li għalihom jintalbu l-benefiċċji jkun jinsab fit-territorju tiegħu. Ikun illoġiku, fil-fehma tiegħi, li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jipprevedi tali deroga jekk il-membri tal-familja li ma jirrisjedux fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ma jkunux fi kwalunkwe każ membri tal-familja fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva.

56.

Dan l-approċċ huwa wkoll konformi mal-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2003/109. B’mod partikolari, jidher minn ċerti dokumenti istituzzjonali li d-definizzjoni ta’ membri tal-familja f’din id-direttiva kienet inizjalment marbuta ma’ persuni speċifiċi li jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti konformement ma’ dik li eventwalment kienet ser issir id-Direttiva 2003/86 dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ( 31 ). Din id-definizzjoni ġiet eventwalment imqassra għal dak li hemm inkluż fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2003/109 ( 32 ). Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni f’dawn id-dokumenti li din id-definizzjoni kienet intiża li taffettwa d-dritt għal ugwaljanza fit-trattament għal residenti fit-tul skont din id-direttiva. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-għoti ta’ benefiċċji lil persuni barra l-pajjiż ġie diskuss waqt il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni ( 33 ), u kien hemm proposta għal deroga mill-ugwaljanza fit-trattament fejn Stat Membru jagħti d-dritt liċ-ċittadini tiegħu stess li jirrisjedu barra t-territorju tiegħu ( 34 ), l-ebda waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet ma ġiet inkluża fid-Direttiva 2003/109 kif adottata.

57.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-kuntest tad-Direttiva 2003/109, għandu jiġi enfasizzat li, fid-definizzjoni ta’ membri tal-familja inkluża f’direttivi oħra fil-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni, ma hemm ebda referenza speċifika għar-residenza tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat, u li dan it-terminu jfisser ċittadini ta’ pajjiż terz kif iddefiniti ( 35 ) jew imsemmija ( 36 ), fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86 li jelenka l-persuni li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni tal-familja, inkluż il-konjuġi u t-tfal minuri taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.

58.

Fl-aħħar nett, ma iniex konvint mill-argumenti mressqa mill-INPS u mill-Gvern Taljan li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni hija konsistenti mal-għan tad-Direttiva 2003/109 ta’ integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul fl-Istati Membri. Kif innotat fil-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza lill-fatt li l-għan ta’ integrazzjoni tad-Direttiva 2003/109 jitwettaq billi tiġi żgurata l-ugwaljanza fit-trattament taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul skont l-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva. Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża fejn tali ċittadin ta’ pajjiż terz qiegħed f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik ta’ ċittadin tal-Istat Membru ospitanti, jidhirli li huwa kompletament konsistenti mal-għanijiet ta’ integrazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-Direttiva 2003/109 li dan iċ-ċittadin igawdi ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-intitolament għall-allowance għan-nuklei familjari skont l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva.

C.   Applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 11(2) u (4) tad-Direttiva 2003/109

59.

Għandu jitfakkar li, kif jidher fil-punt 7 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jipprovdi li, fir-rigward ta’ ċerti oqsma speċifikati fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, inklużi is-sigurtà soċjali, l-assistenza soċjali u l-protezzjoni soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali skont il-punt (d), Stat Membru “jista’ jirrestrinġi trattament ugwali għall-każi fejn ir-residenza reġistrata jew il-post normali ta’ residenza tar-residenti għat-tul, jew dak tal-membri tal-familja li għalihom hu/i jagħmer talba għall-benefiċċji, ikun jinsab fit-territorju ta’ l-Istat Membru konċernat.”

60.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jistabbilixxi deroga orizzontali għal ugwaljanza fit-trattament f’diversi oqsma, li ma tinsabx f’direttivi oħra fil-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni ( 37 ). Kif indikat fil-letteratura, din id-dispożizzjoni hija intiża li tipprevjeni l-esportazzjoni ta’ benefiċċji f’żoni koperti mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, inklużi benefiċċji tal-familja, għal residenti fit-tul u membri tal-familja li joqogħdu barra mill-pajjiż ( 38 ). Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, iċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża jiffokaw fuq żewġ aspetti prinċipali.

61.

L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, ma huwiex ċar jekk din id-dispożizzjoni tkoprix benefiċċji tal-familja, bħall-allowance għan-nuklei familjari, li jitħallsu lill-ħaddiem għall-benefiċċju tal-familja kollha, jew jekk din tirreferix biss għal benefiċċji mitluba minħabba ċirkustanza partikolari li tikkonċerna membru wieħed jew iktar tal-familja, kif isostnu VR u l-Gvern Taljan. Lanqas l-istorja leġiżlattiva tad-Direttiva 2003/109 ma jidher li toffri wisq gwida f’dan ir-rigward ( 39 ).

62.

Jiena inklinat lejn il-fehma li d-deroga fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 tapplika għal allowances soċjali li jibbenefikaw lir-resident fit-tul kif ukoll għal dawk li jibbenefikaw lill-membri tal-familja tiegħu jew tagħha. B’mod partikolari, dan peress li l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 jirreferi għad-“disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, il-pun[t] […] (d)” mingħajr l-ebda riżerva, li jfisser li jekk allowance taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva, hija għandha wkoll taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tagħha. Fuq din il-bażi, għandu jitqies li din id-deroga tkopri benefiċċju tal-familja bħall-allowance għan-nuklei familjari.

63.

It-tieni nett, għandu jiġi kkunsidrat jekk ir-Repubblika Taljana hijiex iġġustifikata li tillimita l-ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 billi tapplika d-deroga tal-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.

64.

Għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Gvern Taljan, jidher li jsegwi b’mod ċar mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li d-deroga fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 tista’ tiġi invokata biss minn Stat Membru jekk dan l-Istat iddikjara b’mod ċar li huwa kellu l-intenzjoni jagħmel dan. Kif ġie nnotat fil-punti 39 u 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet, filwaqt li s-sentenza f’Kamberaj ( 40 ) indirizzat id-deroga skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, li kienet inkwistjoni f’dawk il-proċeduri, ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward kienu limitati għal din id-dispożizzjoni, u ma jistgħux jiġu applikati għall-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109, speċjalment fid-dawl tal-fatt li dan jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2003/109. Barra minn hekk, kif ġie nnotat fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑302/19, il-Qorti tal-Ġustizzja invokat il-konstatazzjonijiet tagħha f’Kamberaj sabiex tistabbilixxi fis-sentenza Martinez Silva ( 41 ) li, preċiżament bħad-Direttiva 2003/109, id-derogi mill-ugwaljanza fit-trattament li jinsabu fid-Direttiva 2011/98 jistgħu jiġu invokati mill-Istati Membri sakemm huma jkunu esprimew b’mod ċar l-intenzjoni tagħhom li jinvokawhom.

65.

F’din il-kawża, jidher ċar mill-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, kif ikkonfermat mill-Gvern Taljan fis-seduta (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet), ir-Repubblika Taljana ma ddikjaratx li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka d-deroga prevista fl-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar l-allowance għan-nuklei familjari stabbiliti fl-Artikolu 2(6‑bis) tal-Liġi Nru 153/1988, li ġew adottati diversi snin qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva 2003/109 fid-dritt nazzjonali permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998, ma jistgħux jitqiesu li jintroduċu restrizzjonijiet għall-ugwaljanza fit-trattament li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jistabbilixxu skont l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva.

66.

Barra minn hekk, kif jidher fil-punt 11 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 9(12) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 286/1998 huwa limitat li jagħti l-aċċess għal assistenza soċjali u għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali lil resident fit-tul bla ħsara għar-residenza attwali tiegħu fit-territorju nazzjonali u “sakemm ma jkunx previst mod ieħor”. Din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-post ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ dan ir-resident, u l-formulazzjoni “sakemm ma jkunx previst mod ieħor” ma tistax, fil-fehma tiegħi, titqies bħala espressjoni ċara tal-intenzjoni ta’ Stat Membru li jidderoga, peress li din il-formulazzjoni ma tispeċifikax id-dispożizzjonijiet li minnhom tkun qiegħda ssir deroga. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-Repubblika Taljana ma tistax tinvoka l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2003/109 fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża.

67.

Konklużjonijiet simili jistgħu jinsiltu, fil-fehma tiegħi, fir-rigward tal-applikazzjoni possibbli tad-deroga fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 f’din il-kawża. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li, kif stabbilixxiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza f’Kamberaj ( 42 ) (ara l-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet), din id-deroga tippermetti lill-Istati Membri jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-assistenza soċjali u tal-protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali, li huma benefiċċji mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi li jippermettu lil individwi jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom. Madankollu, din id-deroga ma tapplikax għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali kif iddefiniti mid-dritt nazzjonali.

68.

Konsegwentement, mis-sentenza f’Kamberaj isegwi li, sa fejn il-qorti tar-rinviju tqis l-allowance għan-nuklei familjari bħala benefiċċju ta’ assistenza soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali u mhux parti mill-benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva xorta jipprekludi l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, peress li mill-informazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jidher ċar li r-Repubblika Taljana ma ddikjaratx li hija kellha l-intenzjoni li tinvoka din id-deroga (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

69.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni li teskludi lil membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li huma residenti fit-tul, iżda mhux lil dawk ta’ ċittadini tal-Istat Membru ospitanti, meta ma jkunux jirrisjedu f’dan l-Istat, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-intitolament għal benefiċċju tal-familja, ma hijiex konformi mal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109.

VI. Konklużjoni

70.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, l-Italja) kif ġej:

L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, kuntrarjament għal dak li huwa previst fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istat Membru, li l-membri tal-familja tal-ħaddiem resident fit-tul u li ġej minn pajjiż terz jiġu esklużi miċ-ċirku tal-membri tan-nukleu familjari meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-allowance għan-nuklei familjari jekk ma jkunux jirrisjedu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.

( 3 ) ĠU 2011, L 343, p. 1.

( 4 ) ĠU 2003, L 251, p. 12.

( 5 ) L-INPS jirreferi f’dan ir-rigward għas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233).

( 6 ) VR jirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485).

( 7 ) Sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017 (C‑449/16, EU:C:2017:485).

( 8 ) Sentenza tal‑24 ta’ April 2012 (C‑571/10, EU:C:2012:233).

( 9 ) Il-Kummissjoni tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), u tal‑21 ta’ Ġunju 2017, Martinez Silva (C‑449/16, EU:C:2017:485).

( 10 ) Għandu jiġi nnotat li, kif ġie indikat minn VR, għalkemm il-qorti tar-rinviju ssemmi l-pajjiż terz ta’ oriġini fid-domanda preliminari tagħha, jidher ċar mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni li d-domanda magħmula tqum ukoll jekk il-membri tal-familja jkunu jirrisjedu f’pajjiżi oħra barra mill-Italja.

( 11 ) C‑571/10, EU:C:2012:233.

( 12 ) Ara t-Titolu V, Kapitolu 2 TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 79 TFUE.

( 13 ) Għal ħarsa ġenerali, ara, pereżempju, id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, Kontroll tal-idoneità fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, SWD(2019) 1055 final, tad‑29 ta’ Marzu 2019. Kif indikat fih, il-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni jinkludi d-direttivi segwenti: (1) Id-Direttiva 2003/86 dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja; (2) id-Direttiva 2003/109 dwar ir-residenti għat-tul; (3) id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal‑25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin (ĠU 2009, L 155, p. 17); (4) id-Direttiva 2011/98 dwar il-permess uniku; (5) id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bħala ħaddiema staġonali (ĠU 2014, L 94, p. 375); (6) id-Direttiva 2014/66/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz fil-qafas ta’ trasferiment intra-azjendali (ĠU 2014, L 157, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 154, p. 27); u (7) id-Direttiva (UE) 2016/801 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2016 dwar il-kundizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta’ skambju ta’ skulari jew proġetti edukattivi u au pairing (riformulazzjoni) (ĠU 2016, L 132, p. 21), li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta’ ammissjoni ta’ cittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ studju, skambju ta’ studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju (ĠU 2006, L 153M, p. 330), u d-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE tat‑12 ta’ Ottubru 2005 dwar proċedura speċifika għall-ammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijiet ta’ riċerka xjentifika (ĠU 2005, L 289, p. 15).

( 14 ) Ara l-Artikolu 79(1) TFUE; ara wkoll l-Artikolu 67(2) TFUE.

( 15 ) Ara d-Direttiva 2003/109, b’mod partikolari, l-Artikolu 1 u l-premessa 24; ara wkoll ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2003/109, COM(2019) 161 finali, tad‑29 ta’ Marzu 2019. Għal diskussjoni ddettaljata, ara, pereżempju, Thym, D., “Long Term Residents Directive 2003/109/CE”, f’Hailbronner, K., u Thym, D. (edituri), EU Immigration and Asylum Law – A Commentary, it-tieni edizzjoni, C.H. Beck/Hart/Nomos, 2016, pp. 427‑519.

( 16 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’P u S (C‑579/13, EU:C:2015:39, punt 29).

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, Thym, iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pp. 437‑438.

( 18 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 46), u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal perijodu twil — riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti) (C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 29).

( 19 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2019, Çoban (C‑677/17, EU:C:2019:408, punt 58), u tat‑3 ta’ Ottubru 2019, X (Residenti għal perijodu twil — riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti) (C‑302/18, EU:C:2019:830, punt 29).

( 20 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 63).

( 21 ) C‑571/10, EU:C:2012:233.

( 22 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 93).

( 23 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 78 sa 81).

( 24 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 8687).

( 25 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, b’mod partikolari l-punti 83, 91 u 92). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel il-konstatazzjonijiet neċessarji, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan tal-benefiċċju inkwistjoni, l-ammont tiegħu, il-kundizzjonijiet għall-għoti tiegħu u l-pożizzjoni ta’ dan il-benefiċċju fis-sistema nazzjonali ta’ assistenza soċjali.

( 26 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012 (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 78 sa 81).

( 27 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.

( 28 ) Ara, f’dan ir-rigward, Strban, G., “Family Benefits in the EU: Is It Still Possible to Coordinate Them?’Maastricht Journal of European and Comparative Law, 2016, vol. 23, pp. 775, 782‑783.

( 29 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 36). Ara wkoll Thym, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 439.

( 30 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, id-Direttiva 2003/109, l-Artikolu 17(1), l-Artikolu 18(1) u l-Artikolu 22(1) (2) u (5). Apparti l-Artikolu 11(2) ta’ din id-direttiva, il-membri tal-familja jissemmew ukoll fl-Artikolu 5(1) dwar il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-istatus ta’ residenza fit-tul, u fl-Artikolu 12(3) dwar il-protezzjoni minn tkeċċija.

( 31 ) Ara, pereżempju, Dok 10312/01 tat‑12 ta’ Lulju 2001, p. 7 (li jiddefinixxi membri tal-familja bħala “l-konjuġi jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tal-applikant, tfal minorenni u l-axxendenti u tfal maġġorenni dipendenti ammessi fl-Istat Membru kkonċernat u li jirrisjedu hemm skont id-Direttiva tal-Kunsill.../.../KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 32 ) Ara, pereżempju, Dok 9754/03 tas‑26 ta’ Mejju 2003, p. 3.

( 33 ) Ara Dok 13420/01 tat‑18 ta’ Diċembru 2001, p. 12, nota ta’ qiegħ il-paġna 2 (li jinnota r-risposta tal-Kummissjoni għal domanda magħmula minn Stat Membru dwar l-applikazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ benefiċċji edukazzjonali għal studji barra mill-Unjoni).

( 34 ) Ara Dok 13700/02 tad‑9 ta’ Diċembru 2002, p. 16, nota ta’ qiegħ il-paġna 1 (li jinnota suġġeriment mill-Presidenza tal-Kunsill għall-Artikolu 11(3) dwar trattament ugwali: “Fejn Stat Membru jagħti wieħed mid-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u 2 liċ-ċittadini tiegħu stess waqt li jirrisjedu barra mit-territorju tiegħu, dan l-Istat Membru ma huwiex obbligat li jagħti [dawn] id-dritt[ijiet] lil ċittadini ta’ pajjiż terz li jkunu kisbu l-istatus ta’ residenti fit-tul fi Stat Membru ieħor u li jkunu ngħataw permess ta’ residenza skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, fil-każ fejn dawn il-persuni jkunu jirrisjedu barra mit-territorju tiegħu.”) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

( 35 ) Ara d-Direttiva 2009/50, l-Artikolu 2(f); id-Direttiva 2016/801, l-Artikolu 3(24).

( 36 ) Ara d-Direttiva 2014/66, l-Artikolu 3(h).

( 37 ) Dispożizzjonijiet simili f’direttivi oħra fil-qafas tal-migrazzjoni legali tal-Unjoni jirrelataw mat-taħriġ fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-vokazzjoni (ara d-Direttiva 2009/50, l-Artikolu 14(2)(b)) u l-vantaġġi fiskali (ara d-Direttiva 2011/98, l-Artikolu 12(2)(c); id-Direttiva 2014/36, l-Artikolu 23(2)(iii); u d-Direttiva 2016/801, l-Artikolu 22(2)(c)).

( 38 ) Ara, pereżempju, Peers, S., “Implementing Equality? The Directive on Long Term Resident Third Country Nationals”, European Law Review, 2004, vol. 29, pp. 437, 452; Thym, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet, pp. 480 u 486.

( 39 ) Ara, f’dan ir-rigward, Halleskov, L., “The Long-Term Residents Directive: A Fulfilment of the Tampere Objective of Near-Equality?”, European Journal of Migration and Law, 2005, vol. 7, pp. 181, 193.

( 40 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012 (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 8687).

( 41 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2017 (C‑449/16, EU:C:2017:485, punt 29) (li tirreferi, b’analoġija, għas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 8687)).

( 42 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012 (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 83).