KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-2 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑264/19

Constantin Film Verleih GmbH

vs

YouTube LLC,

Google Inc.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dritt tal-awtur u drittijiet relatati – Pjattaforma ta’ qsim ta’ filmati fuq l-internet – YouTube – Tqegħid online ta’ film mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju – Kawża relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48/KE – Artikolu 8 – Dritt tal-proprjetarju għall-informazzjoni – Artikolu 8(2)(a) – Kunċett ta’ ‘ismijiet u indirizzi’ – Portata – Indirizz tal-posta elettronika, indirizz IP u numru tat-telefon – Esklużjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari taqa’ fil-kuntest ta’ tilwima bejn Constantin Film Verleih GmbH, kumpannija distributriċi ta’ films stabbilita fil-Ġermanja, minn naħa, u YouTube LLC u l-kumpannija omm tagħha Google Inc., it-tnejn li huma stabbiliti fl-Istati Uniti, min-naħa l-oħra.

2.

Din it-tilwima tirrigwarda r-rifjut ta’ YouTube u ta’ Google li jipprovdu ċerta informazzjoni mitluba minn Constantin Film Verleih, dwar utenti li tellgħu diversi films online bi ksur tad-drittijiet esklużivi ta’ operat ta’ Constantin Film Verleih. B’mod iktar speċifiku, din tal-aħħar titlob lil YouTube u lil Google jagħtuha l-indirizzi tal-posta elettronika, in-numri tat-telefon u l-indirizzi IP użati minn dawn l-utenti.

3.

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il‑Ġermanja) tistaqsi, essenzjalment, jekk tali informazzjoni hijiex koperta bl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48/KE ( 2 ), li permezz tiegħu l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jistgħu jordnaw il-komunikazzjoni ta’ “ismijiet u indirizzi” ta’ ċerti kategoriji ta’ persuni relatati mal-merkanzija jew mas-servizzi li jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali.

4.

Għar-raġunijiet li ser nesponi f’dawn il‑konklużjonijiet, jiena konvint li l-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi”, inkluż fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 iċċitata iktar ’il fuq, ma jinkludi ebda informazzjoni minn dik imsemmija iktar ’il fuq.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

5.

Il-premessi 2, 10 u 32 tad-Direttiva 2004/48 jaqraw kif ġej:

“(2)

Il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandha tħalli l-inventur jew il-kreatur li jikseb profitt leġittimu mill-invenzjoni jew il-kreazzjoni tiegħu/tagħha. Għandha tħalli wkoll it-tixrid l-aktar wiesa’ possibbli tax‑xogħlijiet, idejat u tagħrif ġdid. Fl-istess ħin, ma għandix tfixkel il‑libertà ta’ l-espressjoni, il-moviment liberu ta’ l-informazzjoni, jew il‑protezzjoni ta’ data personali, inkluż l-Internet.

[…]

(10)

L-għan ta’ din id-Direttiva hija li tqarreb is-sistemi leġislattivi sabiex tassigura livell ta’ protezzjoni għoli, ekwivalenti u omoġenju fis‑suq intern.

[…]

(32)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva il‑prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea ( 3 ). B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tassigura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, skond l‑Artikolu 17(2) [tal-]Karta.”

6.

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Firxa ta’ applikazzjoni”, jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu u fil-paragrafu 3(a) tiegħu:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-mezzi li huma jew li jistgħu jiġu pprovduti [fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni] jew fil-leġislazzjoni nazzjonali, sakemm dawk il‑mezzi jistgħu ikunu aktar favorevoli għall-proprjetarji tad-drittijiet, il‑miżuri, il-proċeduri u r-rimedji provduti b’din id-Direttiva għandhom japplikaw, skond l-Artikolu 3, għal kull kontravvenzjoni tad-drittijiet tal‑proprjetà intellettwali provduti bil-liġijiet [tal-Unjoni] u/jew bil‑liġijiet ta’ l-Istat Membru konċernat.

[…]

3.   Din id-Direttiva ma għandix taffettwa:

a)

id-dispożizzjonijiet [tal-Unjoni] li jiggvernaw il-liġi sostantiva dwar il-proprjetà intellettwali, id-Direttiva 95/46/KE […]”.

7.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, intitolat “Id-dritt għall‑informazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li, fil-kuntest tal-passi legali li jikkonċernaw il-kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u b’risposta għal talba ġustifikata u proporżjonali ta’ min għamel il-klejm, l-awtoritajiet kompetenti ġudizzjarji jistgħu jordnaw li l-informazzjoni fuq n-networks ta’ l-oriġini u tad-distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew is‑servizzi li tikser id-dritt għall-proprjetà intellettwali għandu jkun pprovdut mill-kontravventur u/jew xi persuna oħra li:

a)

instab f’possessjoni ta’ l-oġġetti li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

b)

instab juża is-servizzi li jikkontravjenu fuq skala kummerċjali;

c)

instab li qed jipprovdi fuq skala kummerċjali servizzi użati biex jagħmlu attivitajiet li jikkontravjenu; jew,

d)

kien indikat mill-persuna li għaliha saret riferenża fil-punti (a), (b) jew [(c)] bħala li kienet involuta fil-produzzjoni, manifattura jew distribuzzjoni ta’ l-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi.

2.   L-informazzjoni li għaliha hemm riferenza fil-paragrafu 1, kif inhu xieraq, tikkomprendi:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi oħra ta’ qabel ta’ l-oġġetti jew servizzi, kif wkoll intiżi l-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut;

b)

informazzjoni fuq il-kwantitajiet prodotti, manifatturati, mibjugħa, mgħotija jew ordnati, kif wkoll il-prezz miksub għal dawn l-oġġetti jew servizzi in kwestjoni.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet statutorji oħra li:

a)

jagħtu d-detentur tad-dritt biex jirċievi aktar informazzjoni sħiħa;

b)

jiggvernaw l-użu tal-passi legali ċivili jew kriminali ta’ l‑informazzjoni kkomunikata skond dan l-Artikolu;

c)

jiggvernaw ir-risponsabbilità ta’ l-użu ħażin tad-dritt ta’ l‑informazzjon; jew;

d)

jaffordjaw opportunità li jirrifjutaw li jipprovdu l-informazzjoni li tisforza il-persuna li għaliha saret riferenza fil-paragrafu 1 biex tammetti l-parteċipazzjoni tiegħu/tagħha jew ta’ familjari viċini li kien hemm kontravvenzjoni tad-dritt tal-proprjetà intellettwali; jew,

e)

jiggverna il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ l‑informazzjoni jew il-proċessar tad-data personali.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

8.

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 101(1) tal‑Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iktar ’il quddiem l-“UrhG”), il-persuna li, fuq livell kummerċjali, tippreġudika d-dritt tal-awtur jew dritt ieħor protett minn din il-liġi tista’ tintalab mill-persuna leża tagħti immedjatament informazzjoni dwar l-oriġini u l-kanal ta’ distribuzzjoni ta’ kopji kontrafatti jew ta’ prodotti oħra.

9.

F’każ ta’ ksur manifest, mingħajr preġudizzju għall‑Artikolu 101(1) tal-UrhG, dan id-dritt għal informazzjoni jista’ jiġi eżerċitat ukoll, skont il-punt 3 tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 101(2) ta’ din il-liġi, kontra persuna li fuq livell kummerċjali pprovdiet servizzi użati sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ kontrafazzjoni.

10.

Il-persuna li hija obbligata tipprovdi l-informazzjoni għandha, skont il-punt 1 tal-Artikolu 101(3) tal-UrhG, tindika l-ismijiet u l-indirizzi ta’ produtturi, ta’ fornituri u ta’ detenturi preċedenti oħra ta’ kopji jew prodotti oħra, ta’ utenti tas-servizzi kif ukoll ta’ bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

11.

Constantin Film Verleih hija kumpannija distributriċi ta’ films stabbilita fil-Ġermanja.

12.

YouTube, kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti u miżmuma minn Google, topera l-pjattaforma internet bl-istess isem.

13.

Fil-Ġermanja, Constantin Film Verleih għandha drittijiet esklużivi ta’ operat fuq ix-xogħlijiet ċinematografiċi Parker u Scary Movie 5.

14.

Bejn ix-xahar ta’ Ġunju 2013 u x-xahar ta’ Settembru 2014, dawn iż-żewġ xogħlijiet ittellgħu online fuq il-pjattaforma “YouTube” mingħajr il-kunsens ta’ Constantin Film Verleih. Fid‑29 ta’ Ġunju 2013, ix-xogħol ċinematografiku Parker tqiegħed online fil-verżjoni integrali tiegħu u bil-Ġermaniż taħt l-isem ta’ utent “N1”. Sal-mument li ġie bblokkat fl‑14 ta’ Awwissu 2013, dan ġie vviżwalizzat iktar minn 45000 darba. Fix-xahar ta’ Settembru 2013, ix-xogħol ċinematografiku Scary Movie 5 tqiegħed online fil-verżjoni integrali tiegħu u bil-Ġermaniż, taħt l-isem ta’ utent “N2”. Sal-mument li ġie bblokkat fid‑29 ta’ Ottubru 2013, dan ġie vviżwalizzat iktar minn 6000 darba. Fl‑10 ta’ Settembru 2014, kopja oħra ta’ dan it-tieni xogħol tqiegħdet online taħt l-isem ta’ utent “N3”. Sal-mument li ġie bblokkat fil‑21 ta’ Settembru 2014, dan ġie vviżwalizzat iktar minn 4700 darba.

15.

Constantin Film Verleih talab sensiela ta’ informazzjoni mingħand YouTube u Google dwar kull wieħed mill-utenti li qiegħdu dawn ix-xogħlijiet online.

16.

Il-qorti tar-rinviju kkonstatat li l-kundizzjonijiet tad-dritt għall-informazzjoni kienu ssodisfatti. Konsegwentement, il-portata tal-kawża prinċipali hija limitata għall-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn YouTube u/jew minn Google lil Constantin Film Verleih. Din il-kawża tirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-informazzjoni segwenti:

l-indirizz tal-posta elettronika tal-utent,

in-numru tat-telefon tal-utent,

l-indirizz IP użat mill-utent biex qiegħed il-fajls kontenzjużi online, bil-mument eżatt meta tqiegħdu online, u

l-indirizz IP użat l-iktar reċentement mill-utent sabiex jidħol fil-kont Google/YouTube tiegħu, bil-mument eżatt ta’ dan l-aċċess.

17.

Fl-ewwel istanza, il-Landgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ċaħdet it-talba ta’ Constantin Film Verleih intiża sabiex tikseb il-provvista ta’ din l-informazzjoni.

18.

Fl-appell, l-Oberlandesgericht Frankfurt am Main (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Frankfurt am Main, il-Ġermanja) ikkundannat lil YouTube u Google sabiex jipprovdu l-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti kkonċernati, filwaqt li ċaħdet il-kumplament tat-talba ta’ Constantin Film Verleih.

19.

Permezz tal-appell tagħha għal “Reviżjoni” ippreżentat quddiem il‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), Constantin Film Verleih talbet li YouTube u Google jiġu kkundannati jipprovdulha l-informazzjoni kollha hawn fuq imsemmija inklużi n-numri tat-telefon u l-indirizzi IP tal-utenti. Permezz tal-appell rispettiv tagħhom għal “Reviżjoni”, YouTube u Google talbu li t-talba ta’ Constantin Film Verleih tiġi miċħuda kollha kemm hi, inkluż sa fejn tirrigwarda l-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti.

20.

Filwaqt li kkonstatat li s-soluzzjoni għaż-żewġ appelli għal “Reviżjoni” kienet tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “indirizzi” inkluż fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48, il‑Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-indirizzi tal-produtturi, manifatturi, distributuri, fornituri u detenturi preċedenti oħra ta’ oġġetti jew ta’ servizzi kif ukoll il-bejjiegħa bl-ingrossa u bl-imnut destinatarji msemmija fl-Artikolu 8(2)(a) tad‑Direttiva [2004/48], li huma inklużi, skont il-każ, fl-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) ta[’ din id-]direttiva, jinkludu wkoll

a)

l-indirizzi tal-posta elettronika tal-utenti tas-servizzi u/jew

b)

in-numri tat-telefon tal-utenti tas-servizzi u/jew

c)

l-indirizzi IP użati mill-utenti ta’ servizzi sabiex jittellgħu fajls kontrafatti, kif ukoll il-mument preċiż ta’ dan it-tlugħ ta’ fajls?

2)

Fil-każ li l-punt (c) tal-ewwel domanda jingħata risposta fl‑affermattiv:

L-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikolu 8(2)(a) ta[l‑imsemmija] Direttiva 2004/49 tinkludi wkoll l-indirizz IP li l-utent li jkun preċedentement tella’ fajls kontrafatti uża l-iktar reċentement sabiex jikseb aċċess għall-kont ta’ utent tiegħu fuq Google/YouTube, kif ukoll il-mument preċiż ta’ dan l-aċċess, irrispettivament [mill-fatt] jekk kienx hemm jew le ksur ta’ drittijiet [ta’ proprjetà intellettwali] fil-kuntest ta’ dan l-iktar aċċess reċenti?”

21.

It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑29 ta’ Marzu 2019.

22.

Constantin Film Verlieh, YouTube u Google kif ukoll il-Kummissjoni ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

23.

Waqt is-seduta tat‑12 ta’ Frar 2020 dehru r-rappreżentanti ta’ Constantin Film Verlieh, ir-rappreżentanti ta’ YouTube u Google kif ukoll il-Kummissjoni sabiex instemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom.

IV. Analiżi

24.

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu, fl-ordinament ġuridiku tagħhom, il-possibbiltà li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jordnaw il-provvista ta’ ċertu informazzjoni fil-qafas ta’ azzjoni relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

25.

Għalhekk, permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li jordnaw, fir-rigward ta’ utent li jkun qiegħed online fajls li jiksru dritt tal-proprjetà intellettwali, li jiġi pprovdut l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon, l-indirizz IP użat sabiex dawn il-fajls jitqiegħdu online u l-indirizz IP użat waqt l-aħħar aċċess għall-kont tal-utent.

26.

YouTube u Google kif ukoll il-Kummissjoni jipproponu li r-riaposta għal dawn id-domandi tkun fin-negattiv, kuntrarjament għal Constantin Film Verleih.

27.

Konformement mal-pożizzjoni sostnuta minn YouTube u Google kif ukoll mill-Kummissjoni, u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiena tal-opinjoni li din id‑dispożizzjoni ma tkopri ebda informazzjoni msemmija fid-domandi preliminari.

28.

Preliminarjament, nirrileva li l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludi ebda riferiment għad-dritt tal-Istati Membri. Konsegwentement, u skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” jikkostitwixxi kunċett tad-dritt tal-Unjoni li għandu jingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi ( 4 ).

29.

Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” ma huwiex iddefinit fid‑Direttiva 2004/48. Dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, id‑determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata tal-kliem, li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi ebda definizzjoni, għandha tiġi stabbilita konformement mas-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum tagħhom, billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih jintużaw u l-għanijiet li jridu jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti ( 5 ).

30.

B’hekk, is-sens abitwali fil-lingwa ta’ kuljum għandu jkun il-punt tat-tluq fil-proċess ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” użat fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48. Ma hemm ebda dubju li, fil-lingwa ta’ kuljum, il-kunċett ta’ “indirizz” ta’ persuna, li fuqu tistaqsi b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju, jirreferi għas-sempliċi indirizz postali kif korrettament sostnew YouTube u Google ( 6 ). Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata bid-definizzjoni li jagħti d-dizzjunarju tal-Académie française (l-Akkademja għal-Lingwa Franċiża, Franza) ta’ dan il‑kunċett, jiġifieri, “la désignation du lieu ( 7 ) où l’on peut joindre quelqu’un [il-post fejn persuna tista’ tiġi kkuntattjata]”.

31.

Fir-rigward tan-numru tat-telefon, it-tieni element ta’ informazzjoni msemmi fid-domandi preliminari, ma naħsibx li hemm il-ħtieġa ta’ diskussjoni fit-tul peress li ma għandux jiġi inkluż fil-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” ta’ persuni, kif maħsub fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48, irrispettivament minn jekk huwiex fil-lingwa ta’ kuljum jew fi kwalunkwe kuntest ieħor ( 8 ).

32.

Il-qagħda taż-żewġ elementi ta’ informazzjoni l-oħra msemmija f’dawn id-domandi, jiġifieri l-indirizz tal-posta elettronika u l-indirizz IP, timmerita ftit iktar attenzjoni.

33.

Kif għadni kif spjegajt, fil-lingwa ta’ kuljum, li hija l-punt tat-tluq tal-proċess interpretattiv, it-terminu “adresse [indirizz]” jirreferi għall-indirizz postali biss. B’hekk, dan it-terminu, meta jintuża mingħajr xi spjegazzjoni oħra, ma jinkludix l-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz IP.

34.

Dan huwa wisq iżjed minnu f’kuntest li jiena nikkwalifika bħala “ġenerali”, jiġifieri li jmur lil hinn mill-qafas speċifiku tal-internet, kif inhu l-każ tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48.

35.

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata minn eżami ta’ testi oħra leġiżlattivi tal-Unjoni li jkopru l-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz IP. Fil-fatt, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jirreferi għall-indirizz tal-posta elettronika ( 9 ) jew għall-indirizz IP ( 10 ), huwa għamel dan b’mod espress, billi kkwalifika t-terminu “adresse”, kif enfasizzaw YouTube u Google. Sa fejn naf jien, ma hemm ebda eżempju ta’ leġiżlazzjoni tal‑Unjoni fejn it-termini “ismijiet u indirizzi”, użati waħedhom u f’kuntest ġenerali, jinkludu n-numru tat-telefon, l-indirizz IP jew l-indirizz tal-posta elettronika.

36.

Konsegwentement, minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li t-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jiġifieri t-termini “ismijiet u indirizzi”, ma jinkludu ebda informazzjoni msemmija mid-domandi preliminari, kif sostnew YouTube u Google kif ukoll il-Kummissjoni.

37.

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-interpretazzjoni storika esposta mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ix-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48 ( 11 ) ma fihom ebda ħjiel li jissuġġerixxi, anki jekk b’mod impliċitu, li t-terminu “indirizz” użat fl‑Artikolu 8(2)(a) ta’ din id-direttiva għandu jinftiehem bħala li ma jinkludix biss l-indirizz postali, iżda wkoll l-indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz IP tal-persuni kkonċernati.

38.

Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni spjegat li l-leġiżlatur tal-Unjoni, waqt l-adozzjoni tad-Direttiva 2004/48 matul is-sena 2004, qatt ma kellu l-intenzjoni li jinkludi forom iktar moderni ta’ “indirizz”, bħalma huma l‑indirizz tal-posta elettronika jew l-indirizz IP.

39.

Għalhekk, minn interpretazzjoni storika jirriżulta li d-Direttiva 2004/48 għandha tiġi interpretata b’riferiment biss għall-użu klassiku ta’ dan it-terminu, jiġifieri l-indirizz postali.

40.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li skont interpretazzjoni kemm litterali kif ukoll storika, l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 ma jinkludix l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon u l-indirizzi IP użati mill-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

41.

Constantin Film Verleih tikkontesta din l-interpretazzjoni billi tirreferi għall-għan tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48 kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, għall-għanijiet li għandhom jintlaħqu minn din id-direttiva.

42.

Skont Constantin Film Verleih, l-għan tal-Artikolu 8 tad‑Direttiva 2004/48 huwa li jippermetti lill-proprjetarju ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali jidentifika lill-persuni msemmija minn din id-dispożizzjoni. B’hekk, u indipendentement mill-formulazzjoni tiegħu, il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri “kull informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati” dawn il-persuni, fejn l-imsemmija informazzjoni tkun tista’ tinkludi, skont jekk ikunux disponibbli, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-posta elettronika, l-indirizz IP jew ukoll id-dettalji tal-bank.

43.

Fl-opinjoni tiegħi, l-adozzjoni ta’ din l-interpretazzjoni tkun tfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun qiegħda tikteb din id-dispożizzjoni mill-ġdid. Nifhem, naturalment, li proprjetarju ta’ drittijiet bħal Constantin Film Verleih juri x-xewqa li d-Direttiva 2004/48 tiġi emendata b’tali mod li tippermettilu jidentifika b’mod iktar faċli kontrafatturi possibbli fil-kuntest speċifiku tal-internet. Madankollu, tali kitba mill-ġdid ta’ din id-dispożizzjoni ma taqax taħt il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda taqa’ taħt dik tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

44.

Kien ikun possibbli għal-leġiżlatur, li kieku kellu din l-intenzjoni, li jinkludi, fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/48, “kull informazzjoni li tippermetti li jiġu identifikati” il-persuni kkonċernati. Waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Kummissjoni enfasizzat li l-leġiżlatur tal-Unjoni kien espressament għażel li jipproċedi b’armonizazzjoni minima limitata għall-ismijiet u l-indirizzi, mingħajr ma jinkludi elementi oħra ta’ informazzjoni li jippermettu li tiġi identifikata persuna bħan-numru tat-telefon jew in-numru tas-sigurtà soċjali.

45.

Nippreċiża li interpretazzjoni “dinamika” jew teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni, kif mixtieqa minn Constantin Film Verleih, għandha tiġi eskluża f’dan il-kuntest. Fil-fatt, it-termini użati fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 ma jagħtux marġni ta’ intepretazzjoni suffiċjenti li tippermetti tali interpretazzjoni bil-għan li tiġi inkluża l-informazzjoni msemmija fid-domandi preliminari.

46.

F’dan ir-rigward, naqbel kompletament mar-raġunament żviluppat mill-Avukat Ġenerali Bobek fil-punti 33 sa 35, 38 u 39 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja. Skont il-projbizzjoni ta’ interpretazzjoni contra legem u l-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, il-possibbiltà ta’ interpretazzjoni dinamika jew teleoloġika hija miftuħa biss meta “it-test tad-dispożizzjoni nnifsha għandu jkun jista’ jingħata interpretazzjonijiet differenti, li jippreżentaw ċertu element ta’ ambigwità u nuqqas ta’ preċiżjoni testwali” ( 12 ).

47.

Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Kif spjegajt preċedentement, l-interpretazzjonijiet litterali u storika jeskludu kull ambigwità fil-portata tat-termini “ismijiet u indirizzi” użati fl-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48.

48.

Constantin Film Verleih issemmi wkoll, b’mod iktar ġenerali, l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Direttiva 2004/48. Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument ma jistax iqiegħed inkwistjoni l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq, minħabba n-nuqqas ta’ ambigwità fil-kliem tagħha. Madankollu, iktar ’il quddiem ser neżamina dan l-argument għal finijiet ta’ kompletezza.

49.

Ċertament, ma huwiex kontestabbli li d-Direttiva 2004/48 hija intiża sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern, kif spjegat fil-premessi 10 u 32 tagħha, u b’mod konformi mal-Artikolu 17(2) tal-Karta.

50.

Lanqas ma huwa kontestabbli li l-interpretazzjoni proposta minn Constantin Film Verleih iżżid il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali fis-suq intern.

51.

Madankollu, huwa meħtieġ li jitfakkar li d-Direttiva 2004/48, bħal kull leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proprjetà intellettwali ( 13 ), tistabbilixxi bilanċ bejn, minn naħa, l-interess tad-detenturi għall-protezzjoni tad-dritt tal‑proprjetà intellettwali tagħhom, stabbilita fl-Artikolu 17(2) tal-Karta u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll tal-interess ġenerali.

52.

Kif spjegat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, la mill-Artikolu 17(2) tal-Karta u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżulta b’xi mod li d-dritt tal-proprjetà intellettwali stabbilit b’din id-dispożizzjoni huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha tiġi għalhekk żgurata b’mod assolut ( 14 ).

53.

B’hekk, l-Artikolu 17(2) tal-Karta ma jirrikjedix li għandhom jiġu implimentati l-mezzi tekniċi kollha disponibbli sabiex detentur ikun jista’ jidentifika kontrafatturi possibbli, mingħajr ma jiġi kkunsidrat il-kliem tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48.

54.

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tispjega, fis‑sentenza Coty Germany, li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tirrikonċilja r-rispett ta’ drittijiet differenti, b’mod partikolari d-dritt tad-detenturi għal informazzjoni u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali tal-utenti ( 15 ).

55.

Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, huwa preżunt li d-data mitluba minn Constantin Film Verleih tikkostitwixxi data personali fis-sens tal‑Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46/KE ( 16 ), li sar l-Artikolu 4(a) tar‑Regolament (UE) 2016/679 ( 17 ), peress li għandha tippermettilha tidentifika l-persuni kkonċernati ( 18 ).

56.

Issa, għalkemm mill-premessa 32 tad-Direttiva 2004/48 jirriżulta li din hija intiża sabiex tiżgura r-rispett sħiħ għall-proprjetà intellettwali, konformement mal‑Artikolu 17(2) tal-Karta, fl-istess ħin, mill-Artikolu 2(3)(a) ta’ din id-direttiva kif ukoll mill-premessi 2 u 15 tagħha jirriżulta li l-protezzjoni tal‑proprjetà intellettwali ma għandhiex tkun ta’ ostakolu, b’mod partikolari, għall-protezzjoni tad-data personali ggarantita fl-Artikolu 8 tal-Karta, b’tali mod li l-imsemmija direttiva ma għandhiex, b’mod partikolari, taffettwa d-Direttiva 95/46 ( 19 ).

57.

F’dan ir-rigward, nenfasizza l-importanza tal-Artikolu 8(3)(b) sa (e) tad-Direttiva 2004/48, li jipprevedi li dan l-artikolu għandu japplika mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet li jirregolaw, jew saħansitra jillimitaw, id-dritt tad-detentur għal informazzjoni, u b’mod partikolari għal dispożizzjonijiet li jirregolaw it-trattament ta’ data personali.

58.

F’kuntest bħal dan, jiena tal-opinjoni li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li temenda l-portata tat-termini użati mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/48, għaliex dan ikollu l-effett li jqiegħed fid-dubju l-bilanċ mixtieq mil-leġiżlatur waqt l-adozzjoni ta’ din id-direttiva, peress li t-twettiq ta’ dan il-bilanċ jaqa’ fil-kompetenza tiegħu biss ( 20 ).

59.

Sabiex nikkompleta s-sentenza li użajt fil-punt 43 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-adozzjoni tal-interpretazzjoni ssuġġerita minn Constantin Film Verleih tkun tfisser li l-Qorti tal-Ġustizzja mhux biss tikteb mill-ġdid l-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/48, iżda barra minn hekk, tqiegħed fid-dubju, f’sens favorevoli għall-interessi tal-proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, il-bilanċ stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

60.

Inżid li l-interpretazzjoni dinamika ssuġġerita minn Constantin Film Verleih tmur ukoll kontra l-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2004/48, li hija bbażata fuq armonizzazzjoni minima mixtieqa mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif enfasizzat il-Kummissjoni.

61.

Ġustament, din l-istituzzjoni tirrileva, fil-fatt, li tali interpretazzjoni dinamika ma hijiex adattata f’dan il-każ, sa fejn, skont l-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva 2004/48, il-leġiżlatur tal-Unjoni espressament ippreveda l-possibbiltà, għall-Istati Membri, li jirrispondu għal din il-preokkupazzjoni dinamika billi jagħtu lill-proprjetarji “id-dritt li jirċievu informazzjoni iktar wiesgħa”.

62.

Fi kliem ieħor, interpretazzjoni dinamika tad-Direttiva 2004/48 mill-qorti tal-Unjoni, sabiex tadattaha għall-aġir ġdid fuq l-internet, ma huwiex neċessarju peress li l-Istati Membri għandhom is-setgħa li jadottaw miżuri supplimentari dwar dan l-aġir.

63.

Sabiex inkun eżawrjenti, niġbed l-attenzjoni finalment li l-Artikolu 47 tal-Ftehim TRIPs ( 21 ), li sempliċement jistabbilixxi possibbiltà li jingħata dritt għal informazzjoni, ma għandux jiġi invokat insostenn tal-interpretazzjoni proposta minn Constantin Film Verleih ( 22 ).

64.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, inqis li l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” inkluż f’din id-dispożizzjoni ma jkoprix, f’dak li jirrigwarda utent li qiegħed fajls online bi ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon, l-indirizz IP użat sabiex dawn il-fajls tqiegħdu online jew l-indirizz IP użat matul l-aħħar aċċess għall-kont tal-utent.

65.

Għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li jordnaw l-għoti ta’ din l-informazzjoni fil-kuntest ta’ kawża relatata ma’ ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali.

V. Konklużjoni

66.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi bil-mod segwenti għad-domandi preliminari tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

L-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” inkluż f’din id-dispożizzjoni ma jkoprix, f’dak li jirrigwarda utent li qiegħed fajls online bi ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali, l-indirizz tal-posta elettronika, in-numru tat-telefon, l-indirizz IP użat sabiex dawn il-fajls jitqiegħdu online jew l-indirizz IP użat waqt l-iktar aċċess reċenti għall-kont tal-utent.

Għalhekk, l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, li jipprevedu l-possibbiltà, għall-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, li jordnaw l-għoti ta’ din l-informazzjoni f’kawża relatata ma’ preġudizzju għal dritt tal-proprjetà intellettwali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 3 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 4 ) Ara, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “kumpens xieraq” użat fl-Artikolu 9(7) tad‑Direttiva 2004/48, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2019, Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:722, punt 40). Ara, ukoll, dejjem dwar proprjetà intellettwali, is‑sentenzi tat‑22 ta’ Ġunju 2016, Nikolajeva (C‑280/15, EU:C:2016:467, punt 45), kif ukoll tas‑27 ta’ Settembru 2017, Nintendo (C‑24/16 u C‑25/16, EU:C:2017:724, punti 7094).

( 5 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 28); tas-6 ta’ Settembru 2018, Kreyenhop & Kluge (C‑471/17, EU:C:2018:681, punt 39), u tat‑12 ta’ Settembru 2019, Bayer Pharma (C‑688/17, EU:C:2019:722, punt 41).

( 6 ) Jiena ma rajt ebda inkoerenza fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ din id‑dispożizzjoni, li kollha jinkludu l-kunċett ta’ “indirizzi”: ara, bħala eżempju, “direcciones” fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola, “adresse” fil-verżjoni bil-lingwa Daniża, “Adressen” fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża, “addresses” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, “indirizzo” fil-verżjoni bil-lingwa Taljana, “adres” fil-verżjoni bil-lingwa Olandiża, “endereços” fil-verżjoni bil-lingwa Portugiża, “adresele” fil-verżjoni bil-lingwa Rumena, u “adress” fil-verżjoni bil-lingwa Svediża.

( 7 ) Korsiv miżjud minni.

( 8 ) Il-fatt, invokat minn Constantin Film Verleih, li n-numru tat-telefon jista’ jkollu funzjoni ta’ “indirizz li jieħdok x’imkien ieħor” għat-trażmissjoni ta’ data, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ telefonati jew ta’ applikazzjonijiet li jużaw in-numru tat-telefon bħal WhatsApp, ma jistax ixejjen il-konvinzjoni tiegħi f’dan ir-rigward. Il-kunċett ta’ “ismijiet u indirizzi” ta’ persuni, kif indikat fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2004/48, evidentement ma jinkludi ebda rabta mad-destinazzjoni funzjonali tal-fluss ta’ data, minkejja l-fatt li din tal-aħħar tista’ tiġi kklassifikata bħala “indirizz li jieħdok x’imkien ieħor”.

( 9 ) F’dak li jirrigwarda l-indirizz tal-posta elettronika jew “elettroniku”, ara b’mod partikolari l-Artikolu 88(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall‑implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009, L 284, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2016, L 288, p. 58); l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 524/2013, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal‑konsumaturi) (ĠU 2013, L 165, p. 1); l-Artikolu 54(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), kif ukoll l-Artikolu 45(2)(a) tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d‑Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU 2015, L 337, p. 35, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 102, p. 97).

( 10 ) F’dak li jirrigwarda l-indirizz IP, ara b’mod partikolari l-Artikolu 10(1)(e) tad‑Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014 L 130, p. 1 u r-rettifika fil-ĠU 2015, L 143, p. 16); l‑Artikolu 5(1)(k) tar-Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas‑servizzi tal-kontenut online fis-suq intern (ĠU 2017, L 168, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2017, L 198, p. 42); l-Artikolu 17(8), l-Artikolu 34(4)(j) kif ukoll l-Artikolu 52(2)(g) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall‑Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU 2018 L 236, p. 1).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri u proċeduri sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta’ drittijiet tal-proprjetà intelletwali tat‑30 ta’ Jannar 2003 [COM (2003) 46 final], kif ukoll l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad‑29 ta’ Ottubru 2003 (ĠU 2004, C 32, p. 15) u r‑rapport tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Diċembru 2003 (A5-0468/2003) dwar din il-proposta. Il-proposta għal direttiva ma fiha ebda spjegazzjoni dwar is-sens li għandu jingħata lit-termini “ismijiet u indirizzi”. Barra minn hekk, il-Parlament ma pproponiex emendi f’dak li jirrigwarda l-formulazzjoni ta’ dak li sar l-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48.

( 12 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑220/15, EU:C:2016:534, punt 34).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 42 sa 44); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 57); tad‑29 ta’ Lulju 2019, Pelham et (C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 32), u tad-29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 42).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 62 sa 70); tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 41); tad‑19 ta’ April 2012, Bonnier Audio et (C‑461/10, EU:C:2012:219, punt 56); tat-3 ta’ Settembru 2014, Deckmyn u Vrijheidsfonds (C‑201/13, EU:C:2014:2132, punt 26), u tad‑29 ta’ Lulju 2019, Funke Medien NRW (C‑469/17, EU:C:2019:623, punt 72).

( 15 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015 (C‑580/13, EU:C:2015:485, punt 28).

( 16 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355). Skont l-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva, “data personali” tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli.

( 17 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2).

( 18 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li l-indirizz IP, anki waħdu, jista’ jikkostitwixxi data personali. Ara s-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 51), u tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 49).

( 19 ) Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Coty Germany (C‑580/13, EU:C:2015:485, punti 31 sa 33).

( 20 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:689, punti 69 sa 71).

( 21 ) Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirrigwardaw il‑kummerċ, li jifforma l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakesh fil‑15 ta’ April 1994, u li ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il‑konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil‑kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl‑Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”). Skont l-Artikolu 47 ta’ dan il-ftehim, intitolat “Dritt ta’ informazzjoni”, “[il]‑Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet ġudizzjarji għandu jkollhom l‑awtorità, sakemm din tkun barra mill-proporzjon għas-serjetà tal-ksur, sabiex jordnaw lil min jikser ir-regoli sabiex jinfurma lid-detentur tad-drittijiet ta’ l-identità ta’ persuni terzi involuti fil-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-ksur ta’ l-oġġetti jew servizzi u tal-kanali tagħhom ta’ distribuzzjoni”.

( 22 ) Fl-istess sens, ara s-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 60). Fi kwalunkwe każ, minkejja li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom ċertament jiġu interpretati kemm jista’ jkun fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta dawn it-testi jkunu intiżi sabiex jimplimentaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, SGAE, C‑306/05, EU:C:2006:764, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-Artikolu 47 tal-Ftehim TRIPs ma għandux jawtorizza lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tillibera ruħha mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 8(2)(a) tad-Direttiva 2004/48.