KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-19 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑133/19, C‑136/19 u C‑137/19

B. M. M.,

B. S. (C‑133/19)

B. M. M.,

B. M. (C‑136/19)

B. M. O. (C‑137/19)

vs

État belge

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 2003/86/KE — Artikolu 4 — Kunċett ta’ ‘minuri’ — Artikolu 18 — Dritt għall-preżentata ta’ kontestazzjoni legali meta tiġi miċħuda applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja — Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Dritt għal rimedju effettiv — Ċittadini ta’ Stati terzi taħt l-età ta’ 18 fil-mument li fih tiġi ppreżentata applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja — Kisba tal-età adulta matul il-proċedura amministrattiva — Kisba tal-età maġġuri matul il-proċedura ġudizzjarja — Data deċiżiva sabiex jiġi evalwat l-istatus ta’ ‘minuri’ tal-partijiet interessati.”

I. Introduzzjoni

1.

Fi kliem l-Artikolu 23(1) tal-Ftehim Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966 il-familja “hija l-unità ta’ grupp naturali u fundamentali tas-soċjetà” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dan il-prinċipju legali jirrifletti sempliċement il-verità li prattikament is-soċjetajiet umani kollha huma bbażati madwar il-familja, anki jekk il-firxa tal-ħajja tal-familja hija wkoll differenti u varjata. Iżda l-idea li, ħlief għal eċċezzjonijiet maħsuba sabiex jipproteġu l-benesseri tagħhom, it-tfal huma intitolati għall-kura u l-kumpanija tal-ġenituri tagħhom hija waħda b’għeruq fondi fit-tradizzjonijiet legali, kulturali u morali tal-Istati Membri kollha.

2.

Dan kollu huwa rifless fl-idea ta’ riunifikazzjoni tal-familja li minnha nnifisha hija karatteristika prinċipali tad-dritt internazzjonali umanitarju modern. Fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, dan il-prinċipju jsib espressjoni fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 2 ), b’tali mod li jippermetti lill-membri tal-familja – u, b’mod partikolari, lill-ulied minuri – sabiex jissetiljaw fil-pajjiż ospitanti u sabiex jingħaqdu ma’ membru tal-familja ieħor li jkun ġie mogħti status ta’ refuġjat f’dak l-Istat.

3.

Dan huwa l-isfond ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li jikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Essenzjalment il-kwistjoni imqajma minn dawn id-domandi hija dwar jekk l-ulied li kienu għadhom minuri fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhomx ikomplu jiġu ttrattati bħala tali għal dan il-għan anki jekk ikunu laħqu l-età maġġuri tagħhom matul il-proċeduri amministrattivi fuq l-applikazzjoni tagħhom (C‑137/19) jew matul il-proċeduri ġudizzjarji sussegwenti (C‑133/19 u C‑136/19).

4.

Dawn it-talbiet tressqu fi proċeduri quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) bejn B.M.M. u B.S (Kawża C‑133/19), B.M.M. u B.M. (Kawża C‑136/19) kif ukoll B.M.O (Kawża C‑137/19) (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”) minn naħa, u l-ministre de l’asile et la migration (il-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali u s-Saħħa Pubblika u għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Belġju) min-naħa l-oħra, mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), li quddiemu r-rikorrenti ppreżentaw appell.

5.

Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C-137/19 jikkonċernaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tat-terminu “minuri” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86, u jekk dan it-terminu għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikkwalifikaw bħala “minuri” taħt din id-direttiva, ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu “minuri” mhux biss fid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni tagħhom għad-dħul u r-residenza fi Stat Membru, imma wkoll fil-mument li fih l-amministrazzjoni ta’ dak l-Istat Membru tiddeċiedi in fine dwar din l-applikazzjoni.

6.

Il-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑133/19 u C‑136/19 jikkonċernaw il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li rikors għal annullament, ippreżentat kontra deċiżjoni amministrattiva, li tirrifjuta d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minuri, jitqies bħala inammissibbli minħabba li l-wild ikun laħaq l-età maġġuri matul il-proċedura ġudizzjarja, peress li dan jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li jappella minn dik id-deċiżjoni, fatt li jikser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv.

7.

Qabel ma titqies dawn il-kwistjonijiet, jeħtieġ li l-ewwel, madankollu, jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet legali rilevanti.

A. Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

8.

L-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja.”

1.   Id-Direttiva 2003/86

9.

Il-premessi 2, 4, 6 u 13 tad-Direttiva 2003/86 jipprovdu:

“(2)

Miżuri dwar riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu adottati b’konformità ma’ l-obbligu tal-protezzjoni tal-familja u ir-rispett għall-ħajja tal-familja minquxa f’ħafna strumenti tal-liġi internazzjonali. Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikulari fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)

Ir-riunifikazzjoni tal-familja hija mezz neċessarju biex il-ħajja tal-familja ssir. Hija tgħin biex toħloq stabbilita soċjokulturali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, li sservi wkoll biex tippromwovi koeżjoni ekonomika u soċjali, għan fundamentali tal-Komunita ddikjarat fit-Trattat.

[…]

(6)

Biex tkun protetta l-familja u tkun stabbilita u ppreżervata l-ħajja tal-familja, il-kondizzjonijiet materjali biex ikun eżerċitat id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għandhom ikunu ddeterminati fuq il-bażi ta’ kriterji komuni.

[…]

(13)

Sett ta’ regoli li jirregolaw il-proċedura għall-eżami ta’ applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familja u għal dħul u residenza ta’ membri tal-familja għandhom ikunu stabbiliti. Dawk il-proċeduri għandhom ikunu effettivi u mmaneġġabbli, filwaqt li titqies il-qawwa normali tax-xogħol ta’ l-amministrazzjonijiet ta’ l-Istat Membru, kif ukoll trasparenti u ġusta, biex joffru ċertezza legali xierqa lil dawk ikkonċernati.”

10.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul u r-residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, kif ukoll l-Artikolu 16, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

il-konjugi ta’ l-isponsor;

(b)

it-tfal minorenni ta’ l-isponsor u tar-raġel/mara tagħha/tiegħu, inklużi tfal adottati skond deċiżjoni meħuda mill-awtorita kompetenti fl-Istat Membru kkonċernat jew deċiżjoni li hija awtomatikament infurzabbli minħabba obbligi internazzjonali ta’ dak l-Istat Membru jew għandha tkun irrikonoxxuta skond obbligi internazzjonali;

(ċ)

it-tfal minorenni inklużu tfal adottati ta’ l-isponsor fejn l-isponsor għandu l-kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’ iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha;

(d)

it-tfal minorenni inklużi tfal adottati tar-raġel/mara fejn il-konjugi għandu kustodja u t-tfal huma dipendenti fuqu jew fuqha. Stati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-riunifikazzjoni ta’ tfal li l-kustodja tagħhom hija maqsuma (hija r-responsabbilita ta’/f’idejn iktar minn persuna waħda), sakemm il-parti l-oħra li għandha sehem fil-kustodja tkun tat il-ftehim (qbil) tiegħu jew tagħha.

[…]

6.   Permezz ta’ deroga, Stati Membri jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ tfal minorenni għandhom ikunu sottomessi tabel l-età ta’ 15, kif tipprovdi l-leġislazzjoni eżistenti tagħhom fid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jekk l-applikazzjoni tkun sottomessa wara l-età ta’ 15, l-Istati Membri li jiddeċiedu japplikaw din id-deroga għandhom jawtorizzaw id-dħul u residenza ta’ tfal tali fuq raġunijiet differenti minn dawk ta’ riunifikazzjoni tal-familja.”

11.

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk, biex ikun eżerċitat id-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja, applikazzjoni tad-dħul u residenza għandhiex tkun issottomessa lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri kkonċernati jew mill-isponsor jew mill-membru jew membri tal-familja.

2.   L-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata b’evidenza dokumentarja tar-relazzjoni familjali u ta’ konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 4 u 6 u, fejn applikabbli, l-Artikoli 7 u 8, kif ukoll kopji ċċertifikati tad-dokumenti ta’ l-ivvjaġġar tal-membru(i) tal-familja.

Jekk xieraq, biex tinkiseb evidenza li teżisti relazzjoni familjali, Stati Membri jistgħu jeżegwixxu intervisti ma’ l-isponsor u l-membri tal-familja tiegħu/tagħha u jmexxu investigazzjonijiet oħra li instabu li jkunu meħtieġa.

[…]

4.   L-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru għandhom jagħtu lill-persuna, li ssottomettiet l-applikazzjoni, notifika bil-miktub tad-deċiżjoni kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

F’ċirkostanzi eċċezzjonali marbuta mal-komplessita ta’ l-eżami ta’ l-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien li jirreferi għalih l-ewwel paragrafu jista’ jkun estiż.

Għandhom jingħataw raġunijiet għad-deċiżjoni li tirrifjuta l-applikazzjoni. Kull konsegwenzi ta’ deċiżjoni le li tittieħed sa tmiem il-perjodu li jipprovdi għalih l-ewwel paragrafu għandhom ikunu ddeterminati mil-leġislazzjoni nazzjonali ta’ l-Istat Membru relevanti.

5.   Meta tkun eżaminata applikazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-attenzjoni dovuta għall-aħjar interessi ta’ tfal minorenni.”

12.

L-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu ma jilqgħux applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan tar-riunifikazzjoni tal-familja, jew, jekk xieraq, jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati.

[…]”

13.

L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86 jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-isponsor u/jew il-membri tal-familja tiegħu/tagħha jkollhom id-dritt li jagħmlu rikuża fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tinċaħad jew permess ta’ residenza jew ma jiġġedditx jew ikun irtirat jew tkeċċija tkun ordnata.

Il-proċedura u l-kompetenza li skondhom id-dritt li jirreferi għalih l-ewwel subparagrafu ikun eżerċitat għandhom ikun stabbiliti mill-Istati Membri kkonċernati.”

2.   Id-dritt nazzjonali

14.

L-Artikolu 4(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86 ġie traspost fid-dritt Belġjan permezz tal-punt 4 tal-ewwel subparagrafu tal‑Artikolu 10(1) tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès du territoire; le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers ( 3 ) (il-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tkeċċija tal-Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-15 ta’ Diċembru”), li, kif inhu applikabbli f’dawn il-kawżi ( 4 ), jipprovdi kif ġej:

“Art. 10(1). Bla ħsara għall-Artikoli 9 u 12, il-persuni li ġejjin għandhom jingħataw bi dritt awtorizzazzjoni ta’ residenza fir-Renju għal iktar minn tliet xhur:

[…]

4° Il-membri tal-familja segwenti ta’ barrani/barranija ammess/a jew awtorizzat/a, għal tal-inqas tnax‑il xahar, sabiex jirrisjedi/tirrisjedi fir-Renju għal żmien illimitat, jew li, għal tal-inqas tnax‑il xahar, ġie/t mogħti/mogħtija awtorizzazzjoni sabiex jistabbilixxi/tistabbilixxi ruħu/ruħha fir-Renju:

il-konjuġi barrani/barranija tiegħu/tagħha jew il-barrani/barranija li miegħu/magħha jkun/tkun marbut/a permezz ta’ sħubija rreġistrata meqjusa li hija ekwivalenti għal żwieġ fil-Belġju, li jkun/tkun ġej/ġejja sabiex jgħix/tgħix miegħu/magħha, bil-kundizzjoni li ż-żewġ persuni kkonċernati jkollhom età ta’ iktar minn wieħed u għoxrin sena. Madankollu, din l-età minima tkun imnaqqsa għal tmintax‑il sena meta r-rabta bħala konjuġi jew bħala sieħeb/sieħba irreġistrat/rreġistrata, skont il-każ, kienet teżisti qabel il-wasla tal-barrani/barranija fir-Renju li miegħu/magħha ssir ir-riunifikazzjoni;

l-ulied tagħhom, li ġejjin sabiex jgħixu magħhom taħt l-età ta’ tmintax‑il sena u li ma humiex miżżewġin;

l-ulied tal-barrani/barranija li ser jiġu riunifikati, il-konjuġi tiegħu/tagħha jew is-sieħeb/sieħba irreġistrat/rreġistrata imsemmi/msemmija fl-ewwel punt, li ġejjin sabiex jgħixu magħhom qabel ma jilħqu l-età ta’ tmintax‑il sena u li ma humiex miżżewġin, sakemm il-barrani/barranija li ser jiġi/tiġi riunifikat/a, il-konjuġi tiegħu/tagħha jew dan/din is-sieħeb/sieħba irreġistrat/rreġistrata għandu/għandha d-dritt għall-kustodja u l-kontroll ta’ dawn l-ulied u, fil-każ ta’ kustodja konġunta, bil-kundizzjoni li l-persuna l-oħra li taqsam il-kustodja tkun tat il-qbil tagħha.”

15.

L-Artikolu 10(3) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’ jiddeċiedi li jirrifjuta applikazzjoni għal permess ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur, […] jew fejn il-barrani […] uża informazzjoni falza jew qarrieqa jew dokumenti foloz jew iffalsifikati jew irrikorra għal frodi jew mezzi illegali, ta’ natura deċiżiva, sabiex jakkwista tali permess […]”.

16.

L-Artikolu 12bis ta’ din il-liġi jittrasponi l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/86 fid-dritt Belġjan. Fil-verżjoni tiegħu applikabbli f’dawn il-kawżi, dan l-artikolu jipprovdi:

“1.   Barrani/barranija li jiddikjara/tiddikjara li huwa/hija f’wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10 għandu jippreżenta/għandha tippreżenta l-applikazzjoni tiegħu/tagħha lilr-rappreżentant diplomatiku jew konsulari Belġjan għall-post tar-residenza tiegħu/tagħha jew tas-soġġorn tiegħu/tagħha barra mill-pajjiż.

[…]

2.   […] Id-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni hija d-data li fiha dawn id-dokumenti kollha jkunu ġew prodotti, skont l-Artikolu 30 tal-Liġi tas-16 ta’ Lulju 2004 dwar il-Kodiċi ta’ Dritt Internazzjonali Privat jew konvenzjonijiet internazzjonali fuq l-istess suġġett.

Id-deċiżjoni dwar il-permess tar-residenza għandha ssir u tiġi nnotifikata mill-iktar fis possibbli u sa mhux iktar tard minn disa’ xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni kif imfissra fil-paragrafu 2.

F’każijiet eċċezzjonali relatati mal-kumplessità tal-applikazzjoni […], il-Ministru jew id-delegat tiegħu jista’, f’żewġ okkażjonijiet, jestendi l-perijodu ta’ eżaminazzjoni bi tliet xhur permezz ta’ deċiżjoni rraġunata.

Jekk l-ebda deċiżjoni ma tkun ittieħdet fi tmiem il-perijodu ta’ disa’ xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni, b’estensjoni possibbli skont il-paragrafu 5, il-permess tar-residenza għandu jiġi rrikonoxxut.

[…]

(7)   Fil-kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni, għandha tingħata l-attenzjoni dovuta lill-aħjar interessi tal-minuri.”

17.

L-Artikolu 39/56 tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru tiddikjara:

“ir-rikorsi msemmija fl-Artikolu 39/2 jistgħu jitressqu quddiem il-Kunsill minn barrani/barranija li jista’/tista’ juri/turi dannu jew interess.”

II. Il-fatti fil-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

18.

Fil-proċeduri ewlenin, ir-rikorrenti ressqu talbiet quddiem l-Ambaxxata tal-Belġju f’Conakry, il-Ginea, fl-20 ta’ Marzu 2012 għal viża tar-riunifikazzjoni tal-familja bħala wlied minuri ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jgawdi minn status ta’ refuġjat fil-Belġju. Dawn it-talbiet ġew irrifjutati permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2012.

19.

Fid-9 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti ressqu t-tieni talba quddiem l-Ambaxxata tal-Belġju f’Dakar, is-Senegal. F’dak iż-żmien, ir-rikorrenti kellhom 14, 15 u 17‑il sena rispettivament.

20.

Dawn it-talbiet ġew irrifjutati fil-25 ta’ Marzu 2014 mill-Ministru għar-raġunijiet li, fil-Kawżi C‑133/19 u C‑137/19, ir-rikorrenti ddikjaraw id-dati tat-twelid tagħhom rispettivament fl-applikazzjonijiet għall-viża, sostnuti bl-atti tat-twelid tagħhom, bħala s-16 ta’ Marzu 1999 u l-20 ta’ Jannar 1996, filwaqt li missierhom, fl-applikazzjoni tiegħu għall-ażil fil-Belġju, kien iddikjara li d-dati ta’ twelid tagħhom kienu s-16 ta’ Marzu 1997 u l-20 ta’ Jannar 1994. Fil-Kawża C‑136/19, ir-rikorrenti kienet iddikjarat li hija kienet bint l-isponsor, filwaqt li fl-applikazzjoni tiegħu għall-ażil, l-isponsor qatt ma rrefera għall-eżistenza tagħha.

21.

Fiż-żmien meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet li jirrifjutaw it-talbiet, ir-rikorrenti fil-Kawżi C‑133/19 u C‑136/19 kienu għadhom ulied minuri, filwaqt li r-rikorrent fil-Kawża C‑137/19 kien, sadanittant, sar adult.

22.

Ir-rikorrenti kkontestaw dawn it-tieni deċiżjonijiet quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) fi tliet proċeduri għall-annullament li nbdew fil-25 ta’ April 2014.

23.

Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet datati l-31 ta’ Jannar 2018, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin ) irrifjuta t-talbiet tar-rikorrenti bħala inammissibbli abbażi ta’ nuqqas ta’ interess ġuridiku. Din il-qorti ddeċidiet li l-interess tar-rikorrenti jrid jeżisti fil-mument li titressaq talba, u għandu jissussisti sakemm tingħata sentenza. Jekk id-deċiżjonijiet inkwistjoni ġew annullati u l-konvenut kien meħtieġ li jerġa’ jikkunsidra l-applikazzjoni mill-ġdid, il-qorti sabet li hija tkun tista’ biss tikkonkludi li l-applikazzjoni tal-viża kienet inammissibbli, għaliex, minħabba li r-rikorrenti kollha kellhom ’il fuq minn 18‑il sena, huma ma baqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet dwar riunifikazzjoni tal-familja għall-ulied minuri. F’dan il-kuntest, madankollu, għandu jiġi nnotat li kien hemm intervall ta’ kważi erba’ snin bejn meta t-tieni applikazzjoni ġiet irrifjutata u d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin sabiex jittratta l-proċeduri bħala inammissibbli għar-raġuni li t-tfal sadanittant kienu laħqu l-età maġġuri.

24.

Ir-rikorrenti appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Kunsill tal-Istat, fejn argumentaw, l-ewwel nett, li l-interpretazzjoni tal-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) kisret il-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn din żammithom milli jgawdu mid-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja taħt l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86. It-tieni nett, ġie argumentat li tali interpretazzjoni tikser ukoll id-dritt tagħhom għal rimedju effettiv, billi ċċaħħadhom mill-possibbiltà li jappellaw minn deċiżjonijiet amministrattivi li rrifjutaw milli jirrikonoxxu d-dritt tagħhom għar-riunifikazzjoni tal-familja; dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati, kif ukoll ikkontestati, fi żmien meta r-rikorrenti kienu għadhom ulied minuri.

25.

Fid-deċiżjonijiet tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill tal-Istat innota li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet fis-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (Kawża C‑550/16, EU:C:2018:248) li l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqri flimkien mal-Artikolu 10(3)(a) tal-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jkun/tkun taħt l-età ta’ 18 fiż-żmien tad-dħul tiegħu jew tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru u tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-ażil f’dan l-Istat, imma li matul il-proċedura tal-ażil, jilħaq/tilħaq l-età maġġuri u huwa/hija minn hemm ’il quddiem mogħti/mogħtija status ta’ refuġjat, għandu/għandha madankollu jitqies/titqies bħala “minuri” għall-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

26.

Skont il-qorti tar-rinviju, madankollu, din is-sentenza tista’ tiġi distinta mill-kawżi fil-proċeduri ewlenin sa fejn dawn ma jikkonċernawx minuri li għandu l-istatus rikonoxxut ta’ “refuġjat”. Barra minn hekk, f’dawn il-kawżi, għall-kuntrarju tal-fatti ta’ dik is-sentenza, ir-rikonoxximent tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ma huwiex dipendenti fuq “il-veloċità li biha l-applikazzjoni tiġi pproċessata” ( 5 ), għaliex id-deċiżjonijiet tal-25 ta’ Marzu 2014 ġew adottati fil-limitu taż-żmien ipprovdut għal dak il-għan mill-Artikolu 12bis, punt 2, tal-Liġi tal-15 ta’ Diċembru.

27.

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Kunsill tal-Istat issospenda l-proċeduri u għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari għal kull waħda mill-kawżi ppreżentati quddiemu.

28.

Fil-Kawżi C-133/19 u C-136/19, il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat) għamel dawn id-domandi:

“(1)

Sabiex tiżgura l-effettività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u ma tirrendix impossibbli l-benefiċċju tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li, skont [it-tieni sottomissjoni tar-]rikorrenti, hija għandha skont l-Artikolu 4 tad-[Direttiva tal-Kunsill 2003/86], din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li timplika li l-wild tal-isponsor jista’ jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja meta jsir adult matul il-proċedura ġudizzjarja kontra d-deċiżjoni li tirrifjutalu dan id-dritt u li ġiet adottata meta kien għadu minorenni?

(2)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 18 tad-[Direttiva 2003/86] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li r-rikors għal annullament, ippreżentat kontra r-rifjut ta’ dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ wild minorenni, jitqies bħala inammissibbli minħabba li l-wild ikun sar adult matul il-proċedura ġudizzjarja, peress li dan jiġi mċaħħad mill-possibbiltà li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu kontra din id-deċiżjoni u jinkiser id-dritt tiegħu għal rimedju effettiv?”

29.

Fil-Kawża C-137/19, il-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat) għamel din id-domanda

“L-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-Artikolu 16(1) tal-istess direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżiġi li sabiex iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu kklassifikati bħala ‘tfal minuri’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom ikunu ‘minuri’ mhux biss fil-mument tat-tressiq tal-applikazzjoni għal residenza iżda wkoll fil-mument li fih l-amministrazzjoni tiddeċiedi, in fine, dwar din l-applikazzjoni?”

30.

Inżammet seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Jannar 2020 li fiha r-rikorrenti, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea kienu rrappreżentati.

III. Analiżi

31.

Huwa forsi utli li jingħad mill-bidu li xejn minn dawn il-konklużjonijiet ma għandu jinftiehem li jirrifletti fuq il-merti tal-applikazzjonijiet individwali. Huwa ċar li l-Ministru ma kienx persważ li d-dettalji dwar id-dati tat-twelid rilevanti fir-rigward tar-rikorrenti fil-Kawżi C‑133/19 u C‑137/19 rispettivament kienu korretti jew li r-rikorrenti fil-Kawża C‑136/19 kienet fil‑fatt bint l-isponsor tagħha. L-evalwazzjoni ta’ dawn il-materji fattwali hija assolutament kwistjoni għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-qrati nazzjonali.

32.

Il-materja legali li tinqala’ hawnhekk tqajjem kwistjoni separata, jiġifieri, jekk ir-rikorrenti humiex intitolati li jiġu ttrattati bħala wlied minuri għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/86 anki jekk huma sussegwentement laħqu l-età maġġuri meta l-awtorità ddeċidiet fuq l-applikazzjoni tagħhom għal riunifikazzjoni tal-familja (C-137/19), jew matul il-proċeduri ġudizzjarji li jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Ministru li jirrifjuta l-applikazzjoni tagħhom għar-riunifikazzjoni (C‑133/19 u C‑136/19).

33.

Wieħed jista’ wkoll josserva li d-deroga kkontemplata fl-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 2003/86 fejn l-Istati Membri “jistgħu jitolbu li l-applikazzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja ta’ tfal minorenni għandhom ikunu sottomessi qabel l-età ta’ 15, kif tipprovdi l-leġislazzjoni eżistenti tagħhom fid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva” ma tidhirx li tapplika għall-Belġju, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar dan huwa għall-qorti nazzjonali sabiex tivverifika.

34.

Sabiex tiġi kkunsidrata din id-domanda jista’ jkun utli li nibdew b’eżami tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A u S ( 6 ) li għamlet riferiment għaliha l-qorti nazzjonali fil-mori tad-deċiżjoni tagħha għal rinviju. Fil-kawża A u S, l-applikanti kienu żewġ ċittadini Eritrej li kkontestaw ir-rifjut tal-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu (lilhom u lit-tliet ulied minuri tagħhom) permess tar-residenza temporanju għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ binthom minuri. Il-bint kienet waslet l-Olanda bħala wild minuri mhux akkumpanjat. Hija kienet applikat għal status ta’ ażil fi Frar 2014 u laħqet l-età maġġuri tagħha f’Ġunju 2014. F’Ottubru 2014, is-Segretarju tal-Istat ikkonċedielha permess ta’ residenza għal ħames snin għall-persuni mogħtija l-ażil b’effett mid-data ta’ meta kienet saret l-ewwel applikazzjoni tagħha għall-ażil.

35.

F’Diċembru 2014 kienet saret applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-każ tal-ġenituri tagħha u t-tliet aħwa minuri subien, iżda din kienet fl-aħħar mill-aħħar irrifjutata għar-raġuni li sad-data ta’ meta saret l-applikazzjoni, il-bint kienet diġà laħqet l-età maġġuri. Wara rinviju li sar mill-qrati Olandiżi, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar iddeċidiet essenzjalment li d-Direttiva 2003/86 għandha tiġi interpretata fis-sens li ċittadin ta’ pajjiż terz li kien wild minuri fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali tiegħu għall-ażil u li, matul il-proċedura tal-ażil, sussegwentement laħaq l-età maġġuri u minn hemm ’il quddiem ngħata status ta’ refuġjat, għandu madankollu jitqies bħala “minuri” għall-għanijiet tad-dispożizzjonijiet tar-riunifikazzjoni ta’ din id-direttiva.

36.

Ta’ min josserva li fost ir-raġunijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din il-konklużjoni kien hemm:

“Barra minn hekk, minflok ma tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipproċessaw bi prijorità l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati minn minuri mhux akkumpanjati sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-vulnerabbiltà partikolari tagħhom, liema possibbiltà issa hija espressament mogħtija mill-Artikolu 31(7)(b) tad-Direttiva 2013/32, tali interpretazzjoni jista’ jkollha l-effett oppost, b’mod li tmur kontra l-għan imfittex kemm minn din id-direttiva kif ukoll mid-Direttivi 2003/86 u 2011/95 li jiġi żgurat li, konformement mal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-aħjar interessi tal-minuri jkunu effettivament kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fl-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni jkollha l-konsegwenza li tirrendi assolutament imprevedibbli għal minuri mhux akkumpanjat li jkun ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali l-fatt dwar jekk huwa ser jibbenefika mid-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja mal-ġenituri tiegħu, li jista’ jkollu impatt negattiv fuq iċ-ċertezza legali” ( 7 ).

37.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad żiedet:

“[…] jekk id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies li hija dik li għandu jsir riferiment għaliha sabiex tiġi evalwata l-età ta’ refuġjat għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86, dan jippermetti li jiġi żgurat trattament identiku u prevedibbli għall-applikanti kollha li jinsabu kronoloġikament fl-istess sitwazzjoni, billi jiġi żgurat li s-suċċess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi prinċipalment fuq ċirkustanzi imputabbli lill-applikant u mhux lill-amministrazzjoni, bħat-tul tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jew tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja […]” ( 8 ).

38.

Iktar kmieni f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet osservat li l-iskema tad-direttiva li tirrigwarda lill-ulied minuri ma tħalli “[…] ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri” u jirriżulta mill-“assenza ta’ kwalunkwe riferiment għad-dritt nazzjonali f’dan ir-rigward […] li d-determinazzjoni ta’ dan il-mument ma tistax titħalla fid-diskrezzjoni ta’ kull Stat Membru” ( 9 ).

39.

Fil-fehma tiegħi, dan ir-raġunament kollu huwa ftit jew wisq direttament applikabbli għal dawn il-kawżi wkoll. Huwa veru, dażgur, li, kif il-Kunsill tal-Istat osserva fid-deċiżjonijiet li wasslu għar-rinviju, hemm ċerti differenzi fattwali importanti bejn dawn il-kawżi u dik ta’ A u S. Speċifikament, għall-kuntrarju ta’ wild minuri fil-kawża tal-aħħar, l-ebda wieħed mill-ulied fil-kawżi preżenti ma ġew mogħtija status ta’ refuġjat. Min-naħa tiegħi, madankollu, ma naħsibx li dawn id-differenzi huma dispożittivi sa fejn jikkonċernaw dawn il-kawżi. Jiena nikkunsidra minflok li l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-kawża A u S huma rilevanti ħafna għall-għanijiet li jiġu solvuti l-kwistjonijiet interpretattivi involuti f’dawn il-proċeduri. Jiena nasal għal din il-konklużjoni għar-raġunijiet li ġejjin.

40.

L-ewwel nett, bħall-kawża A u S, kwalunkwe interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/86 li tiffoka fuq id-data li tirreferi għal meta saret l-applikazzjoni rilevanti tiżgura li s-suċċess tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tistrieħ fuq fatti li, fi kliem il-Qorti tal-Ġustizzja, huma “imputabbli lill-applikant” ( 10 ). Fi kliem ieħor, jekk it-test dwar jekk l-applikant/a kienx/kinitx wild minuri għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja jkun irregolat mill-età tiegħu jew tagħha fid-data tal-applikazzjoni rilevanti, mela l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/86 tiżgura li l-eżitu ta’ kwalunkwe applikazzjoni għal tali riunifikazzjoni ma jkunx jiddependi mill-inċertezzi dwar id-data li fiha l-awtorità amministrattiva ddeċidiet l-applikazzjoni jew, għal dak il-għan, dwar xi dewmien sussegwenti inerenti fis-sistema ġudizzjarja jew, għal dak il-għan, is-sistema amministrattiva.

41.

Jiena pjuttost napprezza li, kif għal darba oħra msemmi mill-Kunsill tal-Istat, il-Ministru fil‑fatt iddeċieda dwar l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja fil-25 ta’ Marzu 2014 fil-limitu taż-żmien speċifikat mid-dritt Belġjan. Iżda dan, madankollu, ma huwiex eżatt il-punt. Ir-rikorrenti kienu, ovvjament, intitolati taħt id-dritt Belġjan li jappellaw mid-deċiżjoni tal-Ministru quddiem il- Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin). Huma ma setgħux ikunu jafu kemm ser tieħu fit-tul dik il-qorti sabiex tisma’ u tiddeċiedi l-każ, iżda d-drittijiet u l-intitolamenti legali tagħhom ma għandhomx ikunu dipendenti fuq il-koinċidenza ta’ meta preċiżament dan seta’ jsir. Jekk, pereżempju, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) kien iddeċieda fi Frar 2017 – madwar tliet snin wara d-deċiżjoni oriġinali – wieħed mir-rikorrenti xorta waħda kien ikun għadu minuri. Bilkemm jista’ jiġi ssuġġerit li dak l-intitolament tar-rikorrent għal riunifikazzjoni legali jista’ jdur fuq meta preċiżament korp ġudizzjarju (jew, skont kif ikun il-każ, korp amministrattiv) ħabat li jippronunzja d-deċiżjoni tiegħu, sakemm, ovvjament, hu kien minuri fid-data tal-applikazzjoni rilevanti għar-riunifikazzjoni tal-familja.

42.

F’dan ir-rigward jista’ wkoll jiġi nnotat li l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86 jiggarantixxi espressament id-dritt tal-isponsor u l-membru tal-familja tiegħu jew tagħha “li jagħmlu rikuża fejn applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja tinċaħad […]”. Jista’ jiġi preżunt li l-leġiżlatur Ewropew ried li dan id-dritt għandu jkun wieħed effettiv u, speċifikament, li dawn il-proċeduri ma għandhomx jiġu miċħuda bħala inammissibbli biss minħabba li l-ulied inkwistjoni sussegwentement laħqu l-età maġġuri matul il-proċeduri.

43.

Barra minn hekk, kif qalet preċedentement il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża A u S, kull interpretazzjoni oħra tad-direttiva tista’ tgħin sabiex tikkontribwixxi għal sitwazzjoni fejn il-qrati nazzjonali ma jkunux imħeġġa sabiex jittrattaw applikazzjonijiet ta’ wlied minuri vulnerabbli bl-urġenza li tali applikazzjonijiet jeħtieġu u għalhekk jistgħu b’hekk jaġixxu b’mod li jipperikolaw l-intitolamenti legali għar-riunifikazzjoni tal-familja ta’ dawn l-istess applikanti minuri ( 11 ). Tali sitwazzjoni tikkuntrasta ma’ wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, jiġifieri, li l-aħjar interess tat-tfal fil-prattika għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86. Hawnhekk jiena ninnota wkoll li waqt is-seduta orali miżmuma fit-30 ta’ Jannar 2020, ir-rappreżentant tar-rikorrenti qal mingħajr oppożizzjoni, b’risposta għal mistoqsija minn membru tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) kien informahom li l-każ tagħhom ma kienx ikkunsidrat li huwa prijorità.

44.

Din il-konklużjoni ġenerali ġiet enfasizzata iżjed bil-kunsiderazzjoni tal-prinċipji li fuqhom huwa bbażat id-dritt għal rimedju effettiv taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. Kif kemm il-Qorti tal-Ġustizzja ( 12 ) u “oħtha”, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ( 13 ), enfasizzaw fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 6, punt 1 u l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali rispettivament, id-dritt għal rimedju effettiv jimplika li r-rimedji nazzjonali għandhom ikunu effettivi u reali, mhux biss illużorji u teoretiċi. Isegwi mbagħad li dawn ir-rimedji għandhom ikunu koerenti u ma jwasslux għal konsegwenzi arbitrarji jew mhux difensibbli.

45.

Iżda dan ikun il-każ jekk l-eżitu tad-dritt ta’ appell tal-applikanti minn deċiżjoni tal-Ministru li tirrifjuta li tagħtihom permess tar-residenza għall-għanijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja jkun jiddependi fuq l-istatus personali tagħhom – jiġifieri, jekk huma kinux għadhom minuri jew jekk sadanittant sarux adulti – fid-data tas-smigħ tal-appell quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin).

IV. Konklużjoni

46.

Għal dawn ir-raġunijiet, għalhekk, jiena tal-fehma li tista’ konvenjentement tingħata risposta waħda għad-domandi magħmula mill-Conseil d’État (Il-Kunsill tal-Istat, Il-Belġju) kif ġej:

L-Artikolu 4 u l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġi interpretat fis-sens li ċittadin/a ta’ pajjiż terz li huwa jew hija taħt l-età ta’ 18 fiż-żmien li fiha ssir l-applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja fi Stat Membru iżda li, matul il-proċedura amministrattiva li tirrevedi l-applikazzjoni tiegħu jew tagħha jew matul il-proċeduri ġudizzjarji li jikkontestaw rifjut tad-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja jilħaq jew tilħaq l-età maġġuri, għandu/għandha madankollu jiġi/tiġi meqjus/a bħala “minuri” għall-għanijiet tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224.

( 3 ) Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584.

( 4 ) Kif emendat mil-loi du 15 septembre 2006 (iktar ’il quddiem “il-Liġi tal-15 ta’ Settembru 2006”).

( 5 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 55).

( 6 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248).

( 7 ) Fil-punti 58 u 59 tas-sentenza.

( 8 ) Fil-punt 60 tas-sentenza.

( 9 ) Fil-punt 45 tas-sentenza.

( 10 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 60).

( 11 ) Ara, għal dan il-għan, is-sentenza tat-12 ta’ April 2018, A u S (C‑550/16, EU:C:2018:248, punt 58).

( 12 ) Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Torubarov (C‑556/17, EU:C:2019:626, punt 57).

( 13 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-5 ta’ April 2018, Zubac vs Il-Kroazja (CE:ECHR:2018:0405JUD004016012, punt 77 u punti 97 sa 99), u s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2010, MacFarlane vs L-Irlanda (CE:ECHR:2010:0910JUD003133306, punt 112).