KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis‑17 ta’ Diċembru 2020 ( 1 )

Kawża C‑130/19

Il‑Qorti Ewropea tal-Awdituri

vs

Karel Pinxten

“Artikolu 286(6) TFUE – Ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ ex Membru tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea – Tneħħija tad-dritt għall-pensjoni jew għal benefiċċji oħra minflokha”

I. Introduzzjoni

1.

Liema huma r-regoli legali u l-istandards etiċi li jirregolaw l-imġiba ta’ Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (iktar ’il quddiem il-“QEA”) u liema huma s-sanzjonijiet rilevanti jekk dawn l-istandards jinkisru? Dawn huma l-kwistjonijiet fundamentali li jitqajmu b’dan ir-rikors li issa ġie ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-QEA.

2.

Tabilħaqq, permezz tar-rikors tagħha, il-QEA titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li K. Pinxten ma wettaqx l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu bħala Membru tal-QEA. Il-QEA ssostni li K. Pinxten aġixxa bi ksur tal-obbligi tiegħu skont l-Artikoli 285 u 286 TFUE. Għalhekk, hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja timponi sanzjoni xierqa kif previst fl-Artikolu 286(6) TFUE.

3.

Din il-kawża hija l-ewwel waħda li tinvolvi (ex) Membru tal-QEA li tressqet b’riferiment għall-Artikolu 286(6) TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni tgħid li “Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jittneħħielu d-dritt tiegħu għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-Qorti ta’ l-Awdituri, ssib li m’għadux jissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa, jew li mhux qiegħed jaqdi, l-obbligazzjonijiet tal-kariga tiegħu”. B’mod iktar ġenerali, wieħed jista’ josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja sa issa tat biss sentenza waħda abbażi ta’ dispożizzjoni li tixxiebah tat-Trattat applikabbli għall-Kummissarji, jiġifieri s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455).

4.

Din il-kawża, għalhekk, tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja opportunità ġdida, minn naħa, sabiex tiċċara ċerti partikolaritajiet proċedurali b’rabta ma’ din il-forma ta’ proċeduri u, min-naħa l-oħra, sabiex tindika l-istandards ta’ mġiba meħtieġa minn persuni li jokkupaw kariga għolja fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Fi żmien meta qiegħed ikun hemm, mill-inqas, dubji dwar il-leġittimità tal-Unjoni Ewropea, tal-istituzzjonijiet tagħha u tan-nies li jaqduhom, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din il-kwistjoni, bla dubju, tkun titqies bħala waħda ta’ importanza kunsiderevoli.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

5.

Il-QEA hija waħda mis-seba’ istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Bħala tali, hemm iddedikati għaliha tliet artikoli tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri l-Artikoli 285, 286 u 287.

6.

L-ewwel nett, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 285 TFUE jipprevedi li Membri tal-QEA “għandhom jaqdu dmirijiethom f’indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali ta’ l-Unjoni”. It-tieni nett, l-Artikolu 286(3) TFUE jgħid li “[f]il-qadi [tad]-doveri [tagħhom], il-membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet minn xi gvern jew xi korp ieħor [u li huma g]ħandhom jastjenu minn kull azzjoni li ma tkunx kompatibbli mad-doveri tagħhom”. L-Artikolu 286(4) TFUE iżid li “[i]l-membri tal-Qorti ta’ l-Awdituri ma jistgħux, matul iż-żmien tal-kariga tagħhom, jagħmlu xogħol ieħor, sew jekk bi ħlas sew jekk le. Fil-bidu tal-kariga tagħhom għandhom iwegħdu solennement li, kemm matul kif ukoll wara li tintemm il-kariga tagħhom, jirrispettaw l-obbligazzjonijiet li jiġu minn din il-kariga u b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ xi ħatriet jew benefiċċji, wara li tintemm il-kariga tagħhom”.

B. Ir-Regolament Nru 2290/77 li jistabbilixxi l-emolumenti tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri

7.

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 2290/77 tat‑18 ta’ Ottubru 1977 li jistabbilixxi l-emolumenti tal-membri tal-Qorti tal-Awdituri ( 2 ), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1293/2004 tat‑30 ta’ April 2004 ( 3 ), kien jgħid:

“Membru tal-Qorti ta’ l-Awdituri li waqt il-qadi ta’ dmirijietu jkun meħtieġ jivvjaġġa ’l hinn mill-post tal-lokalità proviżorja tal-Qorti għandu jkun intitolat għal:

(a)

ir-rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar;

(b)

ir-rimborż ta’ l-ispejjeż tal-lukanda (kamra, servizzi u taxxi biss);

(ċ)

allowance ta’ sussistenza ugwali, għal kull ġurnata sħiħa ta’ assenza, għal 105 % tal-allowance ta’ sussistenza ta’ kuljum kif stabbilit fir-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej li jkun fuq missjoni.”

C. Ir-Regolament Nru 883/2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

8.

L-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 ( 4 ) jipprovdi:

“1.   Fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 1, l-Uffiċċju għandu jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi fl-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji (‘investigazzjonijiet interni’).

Dawk l-investigazzjonijiet interni għandhom jitwettqu f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament u fid-deċiżjonijiet adottati mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija rispettiva.

2.   Sakemm id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu mħarsa:

(a)

l-Uffiċċju għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess immedjat u mingħajr avviż għal kull informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni f’bażijiet tad-data, miżmuma mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u għall-bini tagħhom. L-Uffiċċju għandu jkollu s-setgħa li jispezzjona l-kotba tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji. L-Uffiċċju jista’ jieħu kopja ta’ jew jikseb siltiet minn, kull dokument jew il-kontenut ta’ kull mezz ta’ informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jieħu l-kustodja ta’ dawk id-dokumenti jew informazzjoni sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħibu;

[…]”

D. Il-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA

9.

Permezz tad-Deċiżjoni tagħha Nru 66‑2011 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi l-Linji gwida dwar l-Etika għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri tas‑26 ta’ Ottubru 2011, il-QEA ddeċidiet li l-Linji gwida dwar l-Etika mehmuża mad-deċiżjoni kienu applikabbli għall-QEA.

10.

Dawn il-Linji gwida dwar l-Etika jipprovdu, b’mod partikolari:

“[…]

2.2. Għandna nġestu r-riżorsi tal-Qorti b’manjiera finanzjarja legali, regolari u soda. Il-Qorti għandha taġixxi bħala l-mudell eżemplari fil-ġestjoni finanzjarja: ir-riżorsi tagħha għandhom ikunu ġestiti b’konformità sħiħa mar-Regolament Finanzjarju u ma kull regola applikabbli oħra; l-objettivi tagħha għandhom jintlaħqu b’manjiera ekonomika, effiċjenti u effettiva.

[…]

3.2. Għandna nwettqu d-doveri tagħna mingħajr ebda influwenza politika, nazzjonali jew esterna oħra.

3.3. Għandna nevitaw kull kunflitt ta’ interess, kemm jekk attwali jew apparenti. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, b’konnessjoni ma’ sħubija f’organizzazzjonijiet politiċi, pożizzjonijiet politiċi, sħubija f’bordijiet u interess finanzjarju fl-entitajiet ivverifikati. Għandna noqgħodu partikolarment attenti fuq kwistjonijiet bħal dawn u kif dawn jistgħu jiġu pperċepiti minn partijiet terzi.

[…]”

III. Il-fatti li taw lok għat-tilwima

11.

K. Pinxten kien Membru tal-QEA mill‑1 ta’ Marzu 2006 sat‑30 ta’ April 2018 meta skada l-mandat tiegħu. Huwa kien assenjat lill-Awla III ta’ dik l-istituzzjoni, responsabbli għall-awditjar tan-nefqa tal-Unjoni Ewropea għal relazzjonijiet esterni, tkabbir u għajnuna umanitarja. Mill‑4 ta’ April 2011 sat‑30 ta’ April 2018, K. Pinxten kellu l-kariga ta’ Dekan tal-Awla III.

12.

Matul iż-żmien tal-kariga tiegħu, K. Pinxten kellu għas-servizz tiegħu karozza tal-kumpannija u karta tal-fjuwil li biha l-QEA setgħet tiġi ffatturata għall-fjuwil użat għall-karrozza tal-kumpannija tiegħu. Huwa kien ingħata wkoll żewġ karti addizzjonali tal-fjuwil li bihom seta’ jixtri fjuwil mingħajr taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u mingħajr dazju tas-sisa.

13.

Bejn l‑2006 u l‑2014 il-QEA pprovdiet lil K. Pinxten b’xufier. Minn April 2014, K. Pinxten seta’ jitlob l-użu ta’ xufier assenjat lill-“grupp tax-xufiera” taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur tal-Finanzi tal-QEA. Sas‑6 ta’ Ottubru 2016, K. Pinxten kien responsabbli għall-iffirmar ta’ ordni ta’ missjoni għax-xufier responsabbli sabiex isuqu sabiex jiġi żgurat li s-sewwieq jiġi rrimborsat għall-ispejjeż tal-missjoni tiegħu u jitħallas allowances ta’ kuljum. Din is-setgħa kienet sussegwentement eżerċitata mis-Segretarju Ġenerali tal-QEA.

14.

Matul iż-żmien tal-kariga tiegħu, K. Pinxten kien irrimborsat għal spejjeż ta’ rappreżentanza u ta’ ospitalità, spejjeż varji sostnuti matul missjonijiet awtorizzati, fuq talba tiegħu, mill-President tal-QEA, kif ukoll imħallas allowances ta’ kuljum b’rabta ma’ dawn il-missjonijiet.

IV. L-investigazzjonijiet u l-proċeduri

A. Il-miżuri preliminari adottati mill-QEA

15.

Fl‑2016 il-QEA waslitilha informazzjoni fejn kien allegat li kienu seħħew diversi irregolaritajiet serji relatati ma’ diversi missjonijiet ta’ K. Pinxten.

16.

Fit‑18 ta’ Lulju 2016 is-Segretarju Ġenerali tal-QEA għarraf verbalment lil K. Pinxten dwar l-akkuża magħmula kontrih. Is-servizzi tal-QEA wettqu wkoll analiżi tal-missjonijiet ta’ K. Pinxten u tax-xufiera tiegħu sabiex jidentifikaw irregolaritajiet li seta’ kien hemm. Wara diversi skambji bejn dawn is-servizzi u K. Pinxten, dan tal-aħħar, f’nota tat‑30 ta’ Settembru 2016, ikkontesta kull obbligu li jirrimborsa spejjeż relatati mal-missjonijiet tiegħu jew ma’ dawk tax-xufiera tiegħu. Sussegwentement, issoktaw skambji bejn l-amministrazzjoni tal-QEA u K. Pinxten.

17.

Barra minn dan, fis‑26 ta’ Lulju 2016, il-QEA kienet mgħarrfa li, wara inċident bejn il-karrozza uffiċjali tiegħu u l-vettura privata tiegħu stess fl‑2011, K. Pinxten seta’ wettaq frodi tal-assigurazzjoni.

18.

Fl‑1 ta’ Settembru 2016 il-President tal-QEA rrapporta dawn l-allegazzjonijiet verbalment lil K. Pinxten. F’nota tal-istess jum, K. Pinxten sostna li l-imsemmi inċident kien irriżulta minn ħabta bejn il-karozza uffiċjali tiegħu, misjuqa mix-xufier tiegħu, u l-karozza privata tiegħu, misjuqa minn ibnu.

B. L-investigazzjoni mmexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

19.

Fl‑14 ta’ Ottubru 2016 is-Segretarju Ġenerali tal-QEA, li kien qiegħed jaġixxi fuq istruzzjonijiet mill-President ta’ din l-istituzzjoni, bagħat fajl lill-OLAF b’rabta mal-attivitajiet ta’ K. Pinxten li kienu wasslu għal nefqa mhux dovuta possibbli mill-baġit tal-Unjoni.

20.

Wara laqgħa inizjali miżmuma fil‑31 ta’ Jannar 2017, id-Direttur Ġenerali tal-OLAF għarraf formalment lill-President tal-QEA, fil‑31 ta’ Marzu 2017, li kienet infetħet investigazzjoni dwar irregolaritajiet li seta’ kien hemm li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni li kienu jinvolvu lil K. Pinxten, fl-użu li kien għamel ta’ assi tal-QEA u fil-missjonijiet li huwa wettaq jew awtorizza, bi ksur tar-regoli applikabbli.

21.

Fit‑22 ta’ Settembru 2017, l-OLAF għarraf lil K. Pinxten dwar il-ftuħ ta’ din l-investigazzjoni u dwar l-istatus tiegħu ta’ “persuna kkonċernata” bħala parti minn din.

22.

Fl‑20 ta’ Novembru 2017, l-OLAF wettaq spezzjoni fl-uffiċċju ta’ K. Pinxten u ġabar diversi dokumenti. Wara analiżi preliminari ta’ dawn l-elementi, l-OLAF għarraf lil K. Pinxten, fil‑15 ta’ Diċembru 2017, li l-portata tal-investigazzjoni kienet ġiet estiża, inter alia, għal abbużi li seta’ kien hemm ta’ drittijiet u ta’ privileġġi marbuta mal-pożizzjoni tiegħu bħala Membru tal-QEA, għal kunflitti ta’ interess u ksur ieħor li seta’ kien hemm skont l-Artikoli 285 u 286 TFUE, kif ukoll għal ksur tal-Kodiċi ta’ Kondotta tal-QEA għall-Membri tal-Qorti tal-Awdituri (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA”).

23.

K. Pinxten instema’ oralment mill-investigaturi tal-OLAF fit‑22 ta’ Diċembru 2017. Fil‑15 ta’ Mejju 2018 K. Pinxten issottometta osservazzjonijiet bil-miktub lill-OLAF wara li dak l-uffiċċju kien issottometta, fis‑6 ta’ April 2018, sommarju tal-fatti stabbiliti fi tmiem l-investigazzjoni.

24.

Fit‑2 ta’ Lulju 2018, il-QEA rċeviet ir-rapport finali tal-OLAF wara li kienet tlestiet l-investigazzjoni tiegħu. Dak ir-rapport ikkonkluda li K. Pinxten kien għamel użu ħażin mir-riżorsi tal-QEA fil-kuntest ta’ attivitajiet li ma kellhomx rabta ma’ dmirijietu, kien għamel użu ħażin mill-karti tal-fjuwil, u kien għamel użu ħażin mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ vettura għall-karozza uffiċjali tiegħu. Ir-rapport ikkonkluda wkoll li huwa kellu assenzi mhux iġġustifikati, li naqas milli jiddikjara ċerti attivitajiet esterni, li ttrażmetta informazzjoni kunfidenzjali b’mod mhux awtorizzat, u li kien ġie stabbilit li kien hemm kunflitti ta’ interess.

25.

Dan ir-rapport jinnota, b’mod partikolari, li 332 missjoni li kienu approvati jew ivvalidati minn K. Pinxten ma kinux relatati mal-qadi ta’ dmirijietu u li huwa uża fondi tal-QEA sabiex ikopri spejjeż ta’ rappreżentanza konnessi ma’ avvenimenti privati li ma kinux fl-interess tal-istituzzjoni.

26.

Fid-dawl tal-elementi kkonstatati f’dan ir-rapport, l-OLAF irrakkomanda li l-QEA tibda proċeduri dixxiplinari kontra K. Pinxten. Huwa rrakkomanda wkoll li l-QEA tieħu miżuri xierqa sabiex tiżgura li jkunu rkuprati EUR 472 869.09, li kienu jikkorrispondu għall-ispejjeż li l-QEA sostniet indebitament, u tqis li tirkupra EUR 97 954.52, korrispondenti għas-salarju mħallas għall-perijodi ta’ assenzi mhux iġġustifikati ta’ K. Pinxten.

27.

Barra minn dan, peress li kien meqjus li xi wħud mill-fatti żvelati mill-investigazzjoni setgħu jikkostitwixxu reati kriminali, l-OLAF bagħat l-informazzjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Lussemburgu.

C. Il-proċeduri kriminali fil-Lussemburgu

28.

Fid-dawl tal-informazzjoni mibgħuta mill-OLAF, il-Prosekutur Pubbliku tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu, il-Lussemburgu), b’ittra tal‑1 ta’ Ottubru 2018, talab li l-QEA tirrevoka l-immunità ta’ K. Pinxten minn proċeduri legali. Fil‑15 ta’ Novembru 2018, dik l-istituzzjoni laqgħet dik it-talba.

D. Il-proċeduri fi ħdan il-QEA

29.

Fit‑12 ta’ Lulju 2018, il-QEA fdat lill-President tagħha l-inkarigu li jħejji rapport preliminari dwar l-allegazzjonijiet ta’ għemil ħażin irrapportati fir-rapport tal-OLAF kontra Pinxten.

30.

Fil‑5 ta’ Ottubru 2018, il-President tal-QEA bagħat rapport preliminari lill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni. Ir-rapport irrakkomanda li l-QEA għandha titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja “teżamina l-fatti kif stabbiliti u tiddetermina jekk K. Pinxten kienx naqas milli jwettaq l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu”. Dak ir-rapport u r-rapport tal-OLAF intbagħtu lil K. Pinxten fl-istess jum.

31.

Fid‑19 ta’ Novembru 2018, K. Pinxten bagħat osservazzjonijiet bil-miktub lill-QEA. Fis‑26 ta’ Novembru 2018, huwa nstema’ mill-Membri ta’ dik l-istituzzjoni f’sessjoni in camera.

32.

Fid‑29 ta’ Novembru 2018, f’sessjoni in camera, il-QEA ddeċidiet, wara li qieset ir-rapport tal-OLAF, ir-rapport preliminari tal-President tagħha, id-deċiżjoni ta’ revoka tal-immunità ta’ K. Pinxten minn proċeduri legali u l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub u orali, li tirreferi l-kwistjoni li tikkonċerna lil K. Pinxten lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 286(6) TFUE.

E. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

33.

Fl‑24 ta’ Ġunju 2019, K. Pinxten ressaq kawża għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-QEA tal‑11 ta’ April 2019 li kklassifikat is-somma ta’ EUR 153 407.58 bħala pagament indebitu u ordnat li dik is-somma tiġi rkuprata ( 5 ).

34.

Dawk il-proċeduri għandhom karatteristiċi komuni ma’ din il-kawża sa fejn is-somma kkontestata hija relatata mal-fatti msemmija fil-kuntest tal-ewwel ilment imressaq f’din il-kawża. Dawk tal-ewwel ġew sospiżi mill-Qorti Ġenerali sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti s-sentenza f’din il-kawża.

V. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet

35.

Ir-rikors tal-QEA kien ippreżentat fil‑15 ta’ Frar 2019. Dan ir-rikors u d-difiża kienu ssupplimentati b’replika u b’kontroreplika. Iż-żewġ partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2020.

36.

Il-QEA qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tiċħad ir-rikors ta’ K. Pinxten għal sospensjoni tal-proċeduri mill-Qorti tal-Ġustizzja sakemm jingħalqu l-proċeduri kriminali fil-Lussemburgu;

tiddikjara li K. Pinxten waqaf milli jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu skont l-Artikoli 285 u 286 TFUE, u skont ir-regoli adottati skonthom;

timponi, għaldaqstant, is-sanzjoni kif prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE, fejn il-QEA tħalli d-determinazzjoni tal-portata ta’ din is-sanzjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

tiddikjara inammissibbli t-talba ta’ K. Pinxten għad-danni;

tikkundanna lil K. Pinxten għall-ispejjeż.

37.

K. Pinxten qiegħed jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tissospendi l-proċeduri sakemm jingħalqu l-proċeduri kriminali;

tordna lill-QEA tipproduċi r-rapport dwar l-awditu intern, għall-perijodu mill‑2012 sal‑2018, tal-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri tal-QEA u tal-użu ta’ vetturi uffiċjali minn dawn il-membri kollha, u tispeċifika l-miżuri meħuda bħala riżultat ta’ dan ir-rapport, u tipproduċi n-noti relatati mal-pressjoni magħmula fuq l-awditur intern;

tiċħad ir-rikors ippreżentat mill-QEA;

tikkundanna lill-QEA tħallsu s-somma ta’ EUR 50000 bħala kumpens għad-danni morali subiti;

tikkundanna lill-QEA għall-ispejjeż kollha.

VI. Is-sottomissjonijiet tal-partijiet

38.

Bħala rimarka preliminari, għandu jiġi nnotat li l-partijiet issottomettew osservazzjonijiet bil-miktub voluminużi, u argumentaw, fil-parti kbira, b’riferiment għal iktar minn 25000 paġna ta’ annessi. Ikun pjuttost inutli nipprova niġbor fil-qosor l-argumenti tagħhom kollha b’mod konċiż. Għal din ir-raġuni nipproponi li nillimita lili nnifsi hawnhekk li nelenka l-ilmenti invokati mill-QEA insostenn tar-rikors tagħha, u l-argumenti proċedurali mqajma minn K. Pinxten. Għall-bqija huwa biżżejjed f’dan l-istadju ninnota li K. Pinxten isostni li l-ilmenti kollha huma infondati u li l-fatti, fil-parti l-kbira tagħhom, ma humiex stabbiliti.

A. L-ilmenti insostenn tar-rikors tal-QEA

39.

Il-QEA tinvoka ħames ilmenti insostenn tat-talba tagħha.

L-ewwel ilment, relatat ma’ użu ħażin tar-riżorsi tal-QEA sabiex ikunu ffinanzjati attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli mad-dmirijiet ta’ Membru tal-QEA

40.

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-QEA tallega li K. Pinxten uża ħażin ir-riżorsi tal-QEA sabiex jiffinanzja attivitajiet li ma kinux relatati jew kienu inkompatibbli ma’ dmirijietu bħala Membru, bħal attivitajiet rikreattivi – jiġifieri safra lejn il-kumpless fil-muntanji ta’ Crans Montana (l-Isvizzera) mill‑21 sas‑26 ta’ Awwissu 2013 sabiex jipparteċipa fis-sessjoni tas-sajf tal-Forum ta’ Crans Montana, attivitajiet ta’ rikreazzjoni – bħal diversi vjaġġi għall-kaċċa inklużi tliet kaċeċ f’Chambord (Franza), vjaġġi turistiċi (partikolarment mawra f’Kuba mit‑30 ta’ Marzu sal‑14 ta’ April 2015) u attendenza għal riċevimenti jew tiġijiet ta’ ħbieb.

41.

Huwa allegat ukoll li K. Pinxten talab rimborsi u ħlasijiet għal attivitajiet relatati mal-interessi personali tiegħu, b’mod partikolari b’rabta max-xiri ta’ vinja. Il-QEA tissottometti li huwa wettaq ukoll missjonijiet għal attivitajiet inkompatibbli ma’ dmirijietu, bħal attivitajiet politiċi fil-kuntest tal-involviment tiegħu mal-partit Open VLD. Fl-aħħar nett, jingħad li K. Pinxten, minn naħa, introduċa “missjonijiet mingħajr allowances” għal attivitajiet mhux relatati ma’ dmirijietu – sabiex jiżgura li ma kellux ikollu jħallas għall-mili tal-karozza uffiċjali użata fil-missjonijiet tiegħu – u, min-naħa l-oħra, uża l-karozza uffiċjali tiegħu u qabbad is-servizzi ta’ xufiera tal-QEA għal attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli ma’ dmirijietu, magħduda każijiet fejn huwa stess ma kienx fuq missjoni.

42.

Billi aġixxa b’dan il-mod huwa allegat li K. Pinxten naqas fl-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, indipendenza, imparzjalità, impenn, integrità, responsabbiltà, eżemplarità u trasparenza. Il-QEA tallega li din l-imġiba ammontat għal ksur tal-Artikoli 285 u 286 TFUE u ta’ diversi regoli oħra tad-dritt sekondarju ( 6 ).

It-tieni lment, relatat mal-użu ħażin u illegali ta’ privileġġi fiskali

43.

Skont it-tieni lment il-QEA tallega li K. Pinxten għamel użu ħażin u illegali minn privileġġi fiskali. B’dan it-tieni motiv il-QEA tissottometti li, billi għamel użu ħażin u illegali mill-karti tal-fjuwil li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu, K. Pinxten naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ integrità, kondotta eżemplari u żvestiment ta’ interessi. Ingħad ukoll li dan kien jammonta għal ksur tal-Artikoli 285 u 286 TFUE u ta’ sensiela ta’ regoli tad-dritt sekondarju ( 7 ).

It-tielet ilment, relatat ma’ dikjarazzjonijiet foloz ta’ assigurazzjoni

44.

Skont it-tielet ilment huwa allegat li K. Pinxten għamel dikjarazzjonijiet foloz relatati ma’ talbiet ta’ assigurazzjoni fil-kuntest ta’ allegati inċidenti li jinvolvu l-vettura uffiċjali mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu u li fir-rigward tagħhom jingħad li huwa rċieva żewġ pagamenti indebiti ta’ kumpens. Wieħed kien jirrigwarda inċident irrapportat bejn il-karozza privata tiegħu, misjuqa minn ibnu, u l-karozza uffiċjali, misjuqa mix-xufier tiegħu. L-ieħor kien relatat ma’ inċident li fih ix-xufier tiegħu saq fuq bagalja li kien fiha flixkun inbid u diversi biċċiet ta’ ħwejjeġ. Madankollu, mix-xhieda tax-xufier, mogħtija matul l-investigazzjoni, jidher li x-xufier ma kienx involut fl-ewwel inċident, u li t-tieni inċident ma kienx wassal għall-konsegwenzi li kienu ġew iddikjarati lill-kumpannija tal-assigurazzjoni.

45.

Jekk din l-allegazzjoni partikolari hija minnha, allura jkun diffiċli li wieħed ma jaqbilx li K. Pinxten kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ integrità, kondotta eżemplari u żvestiment ta’ interessi, u b’hekk kiser l-Artikoli 285 u 286 TFUE u sensiela ta’ regoli tad-dritt sekondarju ( 8 ).

Ir-raba’ lment, relatat mal-pożizzjoni mhux iddikjarata u illegali ta’ maniġer ta’ kumpannija kummerċjali u ta’ attività politika qawwija

46.

Fir-rigward tar-raba’ lment, il-QEA tikkritika lil K. Pinxten minħabba li aġixxa bħala maniġer ta’ kumpannija kummerċjali u minħabba li daħal f’attività politika b’mod attiv fi ħdan partit politiku waqt li kien fil-kariga fil-QEA. Huwa għal darba oħra allegat li K. Pinxten, b’hekk, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, indipendenza, imparzjalità, impenn, integrità, responsabbiltà, kondotta eżemplari u trasparenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jkun kiser l-Artikoli 285 u 286 TFUE u sensiela ta’ regoli tad-dritt sekondarju ( 9 ).

Il-ħames ilment, relatat mal-kunflitt ta’ interess maħluq fil-kuntest ta’ offerta għall-kiri ta’ appartament privat lill-kap ta’ entità awditjata

47.

Permezz tal-ħames ilment, il-QEA tallega li K. Pinxten ħoloq kunflitt ta’ interess billi offra servizz lill-kap ta’ entità awditjata. B’mod iktar preċiż, huwa akkużat li offra appartament privat għall-kiri lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, meta dik l-entità kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Awla III li tagħha huwa kien id-dekan. Dan kien jaffettwa l-indipendenza u l-imparzjalità tiegħu jew, tal-inqas, seta’ ta din l-impressjoni.

48.

Huwa allegat li K. Pinxten għalhekk ħoloq sitwazzjoni li fiha kien hemm kunflitt ta’ interess u naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu ta’ żvestiment ta’ interessi, indipendenza, imparzjalità, integrità u kondotta eżemplari. Huwa allegat li f’dawn iċ-ċirkustanzi din il-kondotta ammontat għal ksur tal-Artikoli 285 u 286 TFUE u ta’ sensiela ta’ regoli tad-dritt sekondarju ( 10 ).

B. K. Pinxten

49.

Kif intqal iktar ’il fuq, K. Pinxten jissottometti li l-ilmenti kollha huma infondati u li l-fatti, fil-parti l-kbira tagħhom, ma humiex stabbiliti. Barra minn dan, huwa jressaq diversi argumenti b’rabta mal-aspetti proċedurali ta’ dan ir-rikors u mad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

Fuq ir-rabta bejn dan ir-rikors u l-proċeduri kriminali pendenti fil-Lussemburgu

50.

Bħala punt preliminari, K. Pinxten jissottometti li l-prinċipju li skontu proċeduri dixxiplinari għandhom jistennew l-eżitu tal-proċess kriminali japplika f’din il-kawża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa jikkontendi li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti s-sentenza tagħha qabel ma jintemmu l-proċeduri kriminali.

Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

51.

L-ewwel nett, K. Pinxten jissottometti li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 286(6) TFUE, huwa ma jgawdix mid-dritt ta’ aċċess għal qorti (“droit au juge”), lanqas mid-dritt ta’ aċċess għal żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali ffirmata fi Strasbourg fit‑22 ta’ Novembru 1984 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), rispettivament.

52.

Skont K. Pinxten il-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi, skont l-Artikolu 286(6) TFUE, bħala awtorità dixxiplinari u mhux bħala “qorti”. Għaldaqstant, K. Pinxten jikkontendi li huwa mċaħħad minn kull forma ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Ikun isegwi li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 286 TFUE ma tistax tkun il-bażi għar-rikors ippreżentat mill-QEA.

L-irregolarità tal-atti adottati mill-QEA sabiex il-kawża tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

53.

It-tieni nett, K. Pinxten jinvoka żewġ argumenti proċedurali b’rabta mad-deċiżjoni adottata mill-QEA sabiex il-kawża tinġieb quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

54.

Minn naħa, huwa jqis li l-għadd ta’ Membri tal-QEA li vvutaw favur li l-kawża tiġi rreferita lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx biżżejjed. Filwaqt li l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jeħtieġ maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa ta’ dawn il-Membri – jiġifieri 23 Membru – 22 minnhom biss fil-fatt ivvotaw favur din id-deċiżjoni.

55.

Min-naħa l-oħra, filwaqt li l-Artikolu 8 u l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jeħtieġu li s-smigħ ta’ Membru li jkun tressaq ilment kontrih jitmexxa mingħajr ebda interpretu jew membru tal-persunal tal-QEA, is-smigħ ta’ K. Pinxten tmexxa fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali u tal-Kap tas-Servizz Legali ta’ dik l-istituzzjoni.

Il-ksur tar-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli

56.

It-tielet nett, K. Pinxten iqis li l-QEA kisret id-dritt tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli billi kkontestat il-legalità tat-talbiet li huwa ressaq sa mill‑2006, anki jekk il-QEA kellha, mill-bidu nett tal-kariga tiegħu, l-informazzjoni kollha rilevanti għad-dispożizzjoni tagħha sabiex taċċerta jekk dawk it-talbiet kinux leġittimi u, fi kwalunkwe każ, setgħet titlob kjarifika jekk din kienet meħtieġa.

57.

Abbażi tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-Unjoni, K. Pinxten jitlob li l-QEA tiġi preskritta milli tippreżenta rikorsi relatati ma’ fatti stabbiliti li kienu jmorru lura iktar minn tliet snin jew massimu ta’ ħames snin mill‑5 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri, id-data tar-rapport preliminari tal-QEA.

L-investigazzjoni illegali tal-OLAF u r-rapport tiegħu

58.

Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-OLAF, K. Pinxten isemmi tliet irregolaritajiet li jkollhom impatt fuq ir-rapport, li huwa l-bażi tar-rikors tal-QEA.

59.

L-ewwel, K. Pinxten jissottometti, essenzjalment, li l-OLAF estenda b’mod irregolari l-iskop tal-investigazzjoni tiegħu abbażi tal-analiżi tad-data misjuba matul l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċju tiegħu. It-tieni, l-OLAF kiser id-dritt tiegħu għal ħajja privata billi ħa fajls privati, li xi wħud minnhom kien fihom komunikazzjonijiet mal-avukat tiegħu. It-tielet, l-OLAF allegatament kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu b’erba’ modi. L-ewwel, il-ġabra ta’ fatti kienet tassew qasira, it-tabelli mehmuża ma’ din il-ġabra ta’ fatti ma kinux jinftiehmu u mhux id-dokumenti kollha korroborattivi kienu ġew ikkomunikati. It-tieni, K. Pinxten allegatament ma nstemax dwar il-fatti kollha u kwistjonijiet rilevanti oħra li wasslu għar-rapport. It-tielet, l-argumenti tiegħu ma ġewx diskussi iżda biss ikkopjati fl-aħħar tar-rapport. Ir-raba’, l-assistent li kellu qabel ma kinitx irċeviet kopja tat-traskrizzjoni mis-smigħ orali tagħha.

VII. Analiżi

60.

Ir-rikors ippreżentat mill-QEA jqajjem għadd ta’ kwistjonijiet proċedurali u sostantivi. Naħseb, madankollu, li t-tweġiba għal bosta minnhom tiddependi min-natura intrinsika ta’ din il-proċedura u mill-iskop tal-missjoni tal-QEA u mid-dmirijiet tal-Membri tagħha. Nipproponi, għalhekk, li naqsam l-analiżi tiegħi f’erba’ taqsimiet. L-ewwel ser nipprova niddetermina n-natura tal-azzjoni prevista fl-Artikolu 286(6) TFUE u d-dmirijiet tal-Membri tal-QEA fid-dawl tal-funzjoni ta’ din l-istituzzjoni. Sussegwentement ser inqis il-kwistjonijiet proċedurali. Fl-aħħar, ser neżamina l-kawża fuq il-mertu u s-sanzjonijiet possibbli li għandhom jiġu applikati.

A. Ir-rwol tal-QEA

1.   In-natura tal-proċeduri skont l-Artikolu 286(6) TFUE

61.

Skont l-Artikolu 286(5) TFUE, minbarra sostituzzjoni normali jew mewt, id-dmirijiet ta’ Membru tal-QEA għandhom jintemmu meta huwa jirriżenja, jew ikun imġiegħel jirtira b’sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l‑Artikolu 286(6) TFUE.

62.

Din l-aħħar dispożizzjoni tgħid li Membru tal-QEA jista’ jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jitneħħielu d-dritt tiegħu għal pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha biss jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, fuq talba tal-QEA, tikkonstata li l-Membru ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa jew jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu. It-Trattat jipprevedi regola simili għall-Membri tal-Kummissjoni fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 245 TFUE. Fir-rigward tal-proċedura stabbilita minn din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li din kienet “proċedura awtonoma” li ma tistax titqabbel mal-proċeduri dixxiplinari li jkunu jinvolvu uffiċjal jew membru tal-persunal tal-Unjoni ( 11 ). B’mod iktar speċifiku, fl-unika kawża komparabbli, Il‑Kummissjoni vs Cresson ( 12 ), l-Avukat Ġenerali Geelhoed qies li “minħabba li hemm rabta diretta bejn il-kondotta ta’ Kummissarju u d-dehra pubblika u l-funzjonament tal-istituzzjoni li fiha jkollu kariga, il-proċedura skont [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 245 TFUE] hija ta’ natura kostituzzjonali” ( 13 ). Din hija wkoll l-opinjoni tiegħi minħabba li huwa ċar li dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu sabiex tkun żgurata n-natura demokratika tal-Unjoni Ewropea bħala ordni legali mwaqqfa, kif jisħaq l-Artikolu 2 TUE, fuq l-Istat tad-dritt.

63.

Minn naħa, l-inkarigu tal-QEA, li ngħatat l-istatus ta’ istituzzjoni bit-Trattat ta’ Maastricht, huwa inizjalment iddefinit fi kliem ġenerali ħafna fl-Artikolu 285 TFUE. Dan jgħid li l-funzjoni tal-QEA huwa li twettaq l-awditu tal-Unjoni. L-Artikolu 287 TFUE, li jagħti d-dettalji ta’ dan l-inkarigu u jispjega kif il-QEA jeħtiġilha twettqu, jgħid, b’mod partikolari, fil-paragrafu 1, li l-QEA għandha teżamina l-kontijiet tad-dħul u l-ħruġ kollu tal-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji kollha stabbiliti mill-Unjoni u li hija għandha tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill stqarrija li biha tiċċertifika l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tal-operazzjonijiet li jaqgħu taħthom, stqarrija li tista’ tiġi kkompletata b’evalwazzjonijiet speċifiċi għal kull qasam maġġuri tal-attività tal-Unjoni.

64.

Il-missjoni tal-QEA hija, għaldaqstant, li tikkontribwixxi għat-titjib tal-ġestjoni finanzjarja tal-Unjoni, li tippromwovi l-obbligu ta’ rendikont u t-trasparenza, u li taġixxi bħala l-gwardjan indipendenti tal-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 14 ). Fi kliem ieħor, billi jiġi aċċettat il-kliem tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja fiż-żmien tal-wegħda solenni mogħtija mill-ewwel Membri tal-QEA f’Ottubru 1977, il-QEA hija “l-kuxjenza finanzjarja” tal-Unjoni Ewropea ( 15 ).

65.

Min-naħa l-oħra, għandu wkoll jitfakkar li t-Trattati stabbilixxew sistema għat-tqassim ta’ setgħat fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, li tassenja lil kull waħda minnhom ir-rwol proprju tagħha fl-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u fit-twettiq tal-inkarigi fdati lill-Unjoni ( 16 ). F’dan ir-rigward, il-ħolqien tal-QEA kien ippreżentat bħala garanzija ta’ bilanċ u ta’ imparzjalità fl-arkitettura istituzzjonali ( 17 ).

66.

Minbarra dan, il-ħtieġa għal awditu estern tal-finanzi pubbliċi hija kondiviża b’mod wiesa’ u hija meqjusa bħala wieħed mill-pilastri tad-demokrazija ( 18 ). Huwa biss xieraq li ċ-ċittadini tal-Unjoni u l-persuni taxxabbli jkollhom garanzija dwar il-mod kif jittieħed u jintefaq dħul pubbliku. Bħala istituzzjoni gwardjana mhux maġġoritarja, il-QEA għandha rwol ewlieni fil-governanza demokratika, anki jekk, bħall-ġudikatura tal-Unjoni, din ix-xorta ta’ istituzzjoni ma hijiex direttament suġġetta għas-superviżjoni politika jew għall-vot popolari ( 19 ). L-element determinanti tal-leġittimità tal-QEA jinsab, għalhekk, fl-indipendenza tagħha u fl-importanza tar-rwol tagħha fit-trawwim ta’ governanza tajba u fil-promozzjoni tal-fiduċja tal-pubbliku fil-mod li bih it-tassazzjoni tal-Unjoni u dħul ieħor jintużaw korrettement bl-aħjar effikaċità fir-rigward tal-ispejjeż ( 20 ).

67.

Madankollu, skont it-teorija ta’ Montesquieu kmieni sa mill‑1748, huwa ċar li dawk kollha li jkunu f’kariga jtendu li jabbużaw mis-setgħat tagħhom u jissoktaw jagħmlu hekk sakemm jitwaqqfu. Din hija r-raġuni għaliex “sabiex ma jitħalliex li jkun hemm abbuż ta’ setgħa, għandu jinħoloq dak kollu possibbli sabiex setgħa twaqqaf setgħa” ( 21 ). Prinċipji ta’ separazzjoni ta’ setgħat kienu, għalhekk, irfinati mal-medda tas-snin sabiex l-istituzzjonijiet kollha – kemm dawk eletti u, daqstant importanti, dawk mhux eletti – ikunu suġġetti għal kontroll u superviżjoni. Illum huwa aċċettat li, f’demokrazija, kull setgħa titlob lil setgħa opposta tikkontrollaha bil-għan li timmoderaha ( 22 ).

68.

Il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 286(6) TFUE, b’hekk, tikkontribwixxi sabiex tkun żgurata n-natura demokratika tal-Unjoni Ewropea bħala ordni legali bbażata, kif jisħaq l-Artikolu 2 TUE, fuq l-Istat tad-dritt. Essenzjalment hija tipprovdi għal dak li jammonta għat-tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ Membru (jew, bħal f’din il-kawża, ta’ ex Membru) ta’ istituzzjoni tal-Unjoni meta l-kondotta ta’ din il-persuna tonqos milli tħares regoli demokratiċi xierqa. Hemm dispożizzjonijiet simili fil-kostituzzjonijiet nazzjonali u fil-liġijiet fundamentali ta’ ħafna Stati Membri fir-rigward ta’ okkupanti ta’ kariga kostituzzjonali ( 23 ). Bħala tali, din il-proċedura hija, għalhekk, ta’ natura kostituzzjonali.

69.

Fl-aħħar nett, il-fatt li l-proċedura msemmija fl-Artikolu 286(6) TFUE hija l-unika waħda li fiha l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jeħtieġ li l-kawża tinqata’ mill-Qorti tal-Ġustizzja f’seduta plenarja – flimkien mal-Artikolu 228(2) TFUE għal kawżi li jinvolvu l-Ombudsman Ewropew, u mal-Artikoli 245 u 247 TFUE għal kawżi li jinvolvu Membri tal-Kummissjoni – juri, jekk hemm bżonn, l-importanza u n-natura straordinarja ta’ din il-proċedura ( 24 ). Dan ir-rekwiżit fih innifsu huwa biżżejjed sabiex juri l-fatt li din il-proċedura ma hijiex ta’ natura dixxiplinari, minħabba li l-karatteristika nnifisha ta’ “ġustizzja dixxiplinari” hija preċiżament li ġeneralment tammonta għal forma ta’ sanzjoni privata bbażata fuq kuntratt, iktar milli l-ġustizzja pubblika mogħtija minn okkupanti ta’ kariga ġudizzjarja ( 25 ). Għall-kuntrarju, fi proċeduri dixxiplinari, l-istituzzjoni li timponi s-sanzjoni ma tkunx qorti skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda tkun pjuttost awtorità amministrattiva ( 26 ).

2.   Id-dmirijiet tal-Membri tal-QEA

70.

Kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455), anki jekk ksur ta’ ċertu grad ta’ gravità huwa meħtieġ qabel ma d-dispożizzjonijiet relattivi tal-Artikolu 245 TFUE jkunu jistgħu jinbdew kif imiss, “il-membri tal-Kummissjoni għandhom jiżguraw li jġibu ruħhom b’mod inattakkabbli” ( 27 ). Dan ir-rekwiżit japplika wkoll għall-Membri tal-QEA.

71.

Tabilħaqq, kif spjega l-Avukat Ġenerali Geelhoed f’dik il-kawża, “huwa essenzjali sabiex l-istituzzjonijiet tal-[Unjoni] jiffunzjonaw sewwa li persuni li jokkupaw kariga għolja ma jitqisux biss bħala li jkunu kompetenti mill-aspett professjonali, iżda jitqiesu li jkunu ta’ mġiba inattakkabbli. Il-kwalitajiet personali ta’ dawn il-persuni jirriflettu direttament fuq il-fiduċja li l-pubbliku ġenerali jkollu fl-istituzzjonijiet [tal-Unjoni], il-kredibbiltà tagħhom u, għalhekk, l-effikaċja tagħhom” ( 28 ).

72.

Huwa b’dan il-għan f’moħħna li għandna ninterpretaw l-Artikoli 285 u 286 TFUE, li jelenkaw xi wħud mid-dmirijiet inklużi fil-wegħda solenni mogħtija mill-Membri tal-QEA fil-bidu taż-żmien tal-kariga tagħhom.

73.

L-ewwel wieħed minnhom huwa li jkunu kompletament indipendenti u jaġixxu fl-interess ġenerali tal-Unjoni. Il-Membri tal-QEA la jistgħu jfittxu u lanqas jieħdu istruzzjonijiet mingħand ebda gvern jew mingħand ebda korp ieħor. Barra minn dan, huma għandhom jonqsu minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom kemm matul kif ukoll wara ż-żmien tal-kariga tagħhom. Għalhekk, huma għandhom iħarsu l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tagħhom. Kif jispeċifika l-Artikolu 286(4) TFUE, dan jinkludi “b’mod speċjali id-dmir tagħhom li jaġixxu b’integrità u diskrezzjoni rigward l-aċċettazzjoni ta’ xi ħatriet jew benefiċċji, wara li tintemm il-kariga tagħhom” ( 29 ).

74.

Għandu jiġi nnotat li dawn l-obbligi huma abbozzati fl-istess kliem bħal dawk interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455) f’dak li jirrigwarda d-dmirijiet tal-Membri tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li l-Artikolu 286(4) TFUE wkoll ma fih ebda restrizzjoni fuq il-kunċett ta’ “obbligi li jirriżultaw [mill-kariga ta’ Membru tal-QEA]”, dan il-kliem għandu jiġi interpretat bl-istess mod wiesa’ bħalma kien ġie interpretat għall-Membri tal-Kummissjoni ( 30 ).

75.

Għalhekk huwa importanti li l-Membri tal-QEA, “in kunsiderazzjoni tar-responsabbiltajiet għolja li huma fdati lilhom […] josservaw l-iktar normi rigorużi fil-qasam ta’ mġiba. Għaldqastant hemm lok li dan il-kunċett jiġi mifhum bħala li jinkludi, barra l-obbligi li jġibu rwieħhom b’integrità u jeżerċitaw diskrezzjoni, espressament msemmija [fl-Artikolu 286(4) TFUE], id-dmirijiet kollha li jirriżultaw mill-kariga tagħhom ta’ membru tal-[QEA] […] Għaldaqstant […] [i]l-membri tal-[QEA] […] għandhom, f’kull mument, iqegħdu l-interess ġenerali tal-[Unjoni] qabel kollox, mhux biss qabel interessi nazzjonali, iżda wkoll qabel l-interessi personali” ( 31 ).

76.

Dan ifisser, b’mod konkret, li l-Membri tal-QEA għandhom iħarsu l-obbligi ta’ indipendenza, integrità u diskrezzjoni kif stabbiliti fl-Artikoli 285 u 286 TFUE, iżda wkoll l-ogħla standard ta’ imparzjalità ( 32 ) u żvestiment ta’ interessi. Għall-Membri tal-QEA, li hija, kif diġà ngħad, il-“kuxjenza finanzjarja” tal-Unjoni, dan neċessarjament jimplika responsabbiltà sħiħa fil-mod ta’ kif huma jonfqu fondi pubbliċi u, għaldaqstant, ċertu grad ta’ trasparenza fil-mod ta’ kif huma jagħmlu dan.

B. Konformità ma’ regoli proċedurali u diversi drittijiet invokati minn K. Pinxten

1.   Fuq ir-rabta bejn dan ir-rikors u l-proċedura kriminali pendenti fil-Lussemburgu

77.

Bħala punt preliminari, K. Pinxten iqis li l-prinċipju li skontu proċeduri dixxiplinari għandhom jistennew l-eżitu ta’ proċess kriminali japplika f’din il-kawża.

78.

Min-naħa tiegħi, madankollu, naħseb li dan jammonta għal karatterizzazzjoni żbaljata tan-natura tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 286(6) TFUE, li hija, kif issuġġerejt qabel, ta’ natura kostituzzjonali. Il-fatt li jiġi aċċettat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tagħti s-sentenza tagħha qabel ma jintemmu l-proċeduri kriminali jimmina l-għan speċifiku segwit mill-Artikolu 286(6) TFUE bħala parti ewlenija tas-separazzjoni tas-setgħat stabbilita mit-Trattat. Kif l-Avukat Ġenerali Geelhoed spjega fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson, proċedura kriminali nazzjonali u l-Artikolu 286(6) TFUE jaqdu għanijiet differenti fl-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali u tal-Unjoni: “filwaqt li dik tal-ewwel għandha l-għan li tinforza standards li jitqiesu li huma essenzjali għat-tessut tas-soċjetà fil-livell nazzjonali, dan tal-aħħar huwa mfassal sabiex jiżgura li l-istituzzjonijiet [tal-Unjoni] jiffunzjonaw sewwa sabiex jitwettqu l-għanijiet tat-Trattati” ( 33 ), u, inżid ukoll, rispett għall-funzjonament demokratiku tal-Unjoni.

79.

Barra minn dan, filwaqt li l-imġiba li tagħti lok għaż-żewġ proċeduri tista’ tkun l-istess, ir-regoli u d-dmirijiet li fid-dawl tagħhom l-oġġettività tal-fatti għandha tintwera sabiex persuna involuta tinstab ħatja ma humiex l-istess. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, ma hijiex marbuta bil-karatterizzazzjoni legali tal-fatti magħmula fil-kuntest tal-proċeduri kriminali, u huwa għall-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li teżerċita d-diskrezzjoni tagħha b’mod sħiħ, li tinvestiga jekk il-kondotta lmentata fil-proċeduri mressqa skont l-Artikolu 286(6) TFUE tikkostitwixxix ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-QEA ( 34 ). Għaldaqstant, ikun xi jkun l-eżitu tal-proċeduri kriminali nazzjonali, l-eżitu tal-proċedura skont l-Artikolu 286(6) TFUE huwa indipendenti mis-sentenzi fi proċeduri oħra ( 35 ). L-oppost huwa minnu wkoll inkwantu l-eżitu tal-proċeduri preżenti ma għandux rilevanza fuq proċeduri kriminali pendenti fil-Lussemburgu.

80.

Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena konvint li ma huwiex, għalhekk, meħtieġ li wieħed jistenna l-eżitu tal-proċeduri kriminali nazzjonali li bħalissa jinsabu pendenti quddiem il-qrati nazzjonali tal-Lussemburgu.

2.   Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

81.

K. Pinxten jissottometti li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat skont l-Artikolu 286(6) TFUE, huwa la jgawdi mid-dritt ta’ aċċess għal qorti u lanqas mid-dritt ta’ aċċess għal żewġ livelli ta’ ġurisdizzjoni, bi ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta u tal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 7 tal-KEDB.

82.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki kieku kien aċċettat li din l-aħħar dispożizzjoni tapplika għal proċeduri abbażi tal-Artikolu 245 TFUE, “biżżejjed li jiġi mfakkar li, skont it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmi Protokoll, dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal eċċezzjonijiet b’mod partikolari meta l-persuna kkonċernata tkun ġiet iġġudikata fl-ewwel istanza mill-għola qorti” ( 36 ). Meqjus li ż-żewġ proċeduri jixtiebhu, l-istess għandu japplika għall-proċedura msemmija fl-Artikolu 286(6) TFUE.

83.

Bi tweġiba, K. Pinxten jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi, taħt l-Artikolu 286(6) TFUE, bħala awtorità dixxiplinari u mhux bħala “qorti”. Għaldaqstant, K. Pinxten jikkontendi li huwa mċaħħad minn kull forma effettiva ta’ protezzjoni ġudizzjarja. Isegwi li l-proċedura msemmija f’din id-dispożizzjoni ma tistax tkun il-bażi għar-rikors ippreżentat mill-QEA.

84.

Dan l-argument jammonta sostanzjalment għal kontestazzjoni tal-validità ta’ dispożizzjoni tat-Trattat filwaqt li l-eżami tal-validità tad-dritt primarju ma jaqax fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 37 ). F’kull każ, kif diġà indikajt, in-natura tal-proċedura inkwistjoni ma hijiex dixxiplinari iżda hija pjuttost ta’ natura kostituzzjonali.

85.

Barra minn dan, għandu jiġi nnotat li l-proċedura kollha mmexxija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 286(6) TFUE hija konformi mar-regoli applikabbli għal rikorsi diretti previsti fir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa wkoll impressjonanti li l-proċeduri għandhom jinstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja f’seduta plenarja skont l-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konvenut fil-proċeduri jikseb il-benefiċċju ta’ smigħ minn kumpliment sħiħ ta’ mħallfin indipendenti li huma nnifishom jagħmlu parti mill-istituzzjoni tal-Unjoni fdata bl-interpretazzjoni u bl-applikazzjoni tat-Trattati. Huwa ċar li, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja taġixxi, kif l-Avukat Ġenerali Geelhoed iddikjara fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson, bħala “il-ġudikatura imparzjali [tal-Unjoni]” ( 38 ).

3.   L-irregolarità tal-atti adottati mill-QEA sabiex tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

86.

K. Pinxten jinvoka żewġ argumenti proċedurali b’rabta mad-deċiżjoni adottata mill-QEA sabiex tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

87.

Fl-ewwel lok, huwa jikkontendi li l-għadd tal-Membri tal-QEA li vvutaw favur li l-kawża tiġi rreferita lill-Qorti tal-Ġustizzja ma kienx biżżejjed skont l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA. Fit-tieni lok, huwa jargumenta li s-smigħ tiegħu seħħ fil-preżenza tas-Segretarju Ġenerali u tal-Kap tas-Servizz Legali ta’ dik l-istituzzjoni, u dan b’mod kuntrarju għar-rekwiżiti tal-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA ( 39 ). Nipproponi issa li nittratta dawn l-argumenti wieħed wara l-ieħor.

a)   Fuq l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA

88.

L-Artikolu 25(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jipprovdi li d-deċiżjonijiet tal-QEA għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-Membri preżenti għal-laqgħa tal-QEA. B’deroga minn din ir-regola, l-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jgħid li d-deċiżjoni tal-QEA li tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja abbażi tal-Artikolu 286(6) TFUE “għandha tittieħed b’vot sigriet minn maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri [tal-QEA]”.

89.

Fid-data li fiha ttieħed il-vot rilevanti kien hemm 28 Membru tal-QEA. Minn dawn it‑28 Membru, żewġ Membri rrikużaw lilhom innifishom: wieħed minħabba li kien ħabib ta’ K. Pinxten u l-ieħor minħabba li kienet il-membru Belġjana li ssuċċedietu. Erba’ membri oħra tal-QEA ma kinux preżenti u kienu ġew skużati għal din il-fini.

90.

Meta l-kliem tal-eċċezzjoni fl-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jitqabbel mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 25(3) ta’ dawn ir-regoli wieħed għaldaqstant isib x’jitgħallem. Dak tal-ewwel jipprovdi li l-għadd meħtieġ huwa ta’ erbgħa minn kull ħamsa tal-Membri, filwaqt li l-Artikolu 25(3) jsemmi maġġoranza tal-Membri preżenti fil-laqgħa rilevanti. Minħabba l-kliem kuntrastanti ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, huwa ċar, għalhekk, li l-maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa għandha tkun ikkalkolata abbażi tal-għadd tal-Membri tal-QEA u mhux biss b’riferiment għall-Membri fil-fatt preżenti waqt il-vot.

91.

Minħabba li l-QEA kellha 28 Membru bi dritt għal vot fiż-żmien tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-maġġoranza teoretikament meħtieġa kienet ta’ 23 membru. Jekk, madankollu, jitħallew barra r-rikużi, dak l-għadd jitnaqqas għal 26 Membru, sabiex b’hekk il-maġġoranza ta’ votanti meħtieġa kienet ta’ 21.

92.

Huwa minnu li r-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA ma fihom ebda dispożizzjoni dwar il-kwistjoni speċifika ta’ rikuża. Minkejja dan, kif l-Avukat Ġenerali Wahl osserva fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex għaliex ir-Regoli tal-Proċedura ma fihom ebda regola speċifika dwar rikuża tal-Membri tagħha li l-prinċipju ma jistax jiġi invokat ( 40 ). Tabilħaqq, rikuża ma hija xejn inqas minn parti mir-rekwiżit ta’ imparzjalità li għandu jiġi ssodisfatt minn kull “qorti” skont it-tifsira tal-Artikolu 47 tal-Karta ( 41 ).

93.

Madankollu, din il-kundizzjoni ta’ imparzjalità naturalment tapplika wkoll għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni bis-saħħa tad-dritt għal amministrazzjoni tajba kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta ( 42 ). Isegwi li l-possibbiltà ta’ rikuża, għalhekk, tapplika neċessarjament għal deċiżjonijiet meħuda mill-QEA, l-iktar fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi mibdija kontra persuni u li x’aktarx jintemmu b’deċiżjonijiet li jaffettwawhom ħażin.

94.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li l-iskop ta’ rikuża huwa li jkun evitat kull kunflitt ta’ interess, huwa wkoll ċar li l-persuna li tirrikuża lilha nnifisha jew li tiġi rrikużata ma għandha tintervjeni bl-ebda mod fil-proċeduri. Sa ċertu punt, il-persuna li tirrikuża lilha nnifisha ma tkunx għadha, għall-inqas temporanjament, Membru tal-istituzzjoni inkwistjoni, fir-rigward ta’ problema partikolari. L-effett ta’ rikuża ma jistax, għalhekk, jitqies bħala ekwivalenti għal astensjoni. Kieku kien mod ieħor, il-persuna rrikużata kienet tkun inkluża fil-quorum. Madankollu, tali inklużjoni jista’ jkollha impatt fuq id-deċiżjoni adottata, u b’hekk tiftaħ il-bieb għal perċezzjoni ta’ parzjalità.

95.

Għaldaqstant, meqjusa l-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li ż-żewġ Membri tal-QEA li rrikużaw lilhom innifishom ma għandhomx jingħaddu għall-finijiet tal-Artikolu 4(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher, għalhekk, li nkisbet il-maġġoranza ta’ erbgħa minn kull ħamsa meħtieġa minn din id-dispożizzjoni.

b)   Fuq l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA

96.

L-Artikolu 8 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jipprovdi li laqgħat tal-QEA li jsiru skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA huma “laqgħat in camera” skont it-tifsira tal-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA. B’mod konkret, dan ifisser li s-smigħ ta’ Membru li jkun tressaq ilment kontrih għandu jsir mingħajr ebda interpretu jew membru tal-persunal tal-QEA.

97.

Għandu jkun innotat, madankollu, li l-Artikolu 39(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jgħid li s-Segretarju Ġenerali huwa l-persuna inkarigata sabiex jitħejjew u jinżammu l-minuti tal-laqgħat tal-QEA. L-Artikolu 50(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jikkonferma li l-abbozz tal-minuti tal-QEA jitħejja mis-Segretarju Ġenerali jew minn kull persuna nnominata għal dan il-għan. Minkejja dan, filwaqt li l-ħames paragrafu tal-istess artikolu jinnota li l-minuti ta’ laqgħat in camera għandhom ikunu suġġetti għal distribuzzjoni ristretta, ma jingħatawx dettalji dwar min għandu jżomm il-minuti f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari. L-Artikolu 23 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jeħtieġ li minuti għandhom jinżammu għal kull laqgħa tal-QEA, mingħajr eċċezzjoni.

98.

F’dawn il-kundizzjonijiet, minħabba li huwa ovvju li s-smigħ ta’ Membru tal-QEA li jinstema’ fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA għandu jiġi traskritt, wieħed għandu jassumi li la l-Artikolu 8 u lanqas l-Artikolu 49(3) u lanqas, wara kollox, l-Artikolu 50 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA ma jidderogaw mir-regola msemmija fl-Artikolu 39 ta’ dawn ir-regoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA għandu, għalhekk, jiġi interpretat bħala li ma jirreferix għas-Segretarju Ġenerali jew għall-persuna nnominata abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA.

99.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li deċiżjoni tal-QEA tat‑12 ta’ Frar 2015 ( 43 ) kienet tgħid li l-Kap tas-Servizz Legali kien innominat abbażi tal-Artikolu 50(1) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni ta’ Regoli tal-Proċedura tal-QEA sabiex jassisti lis-Segretarju Ġenerali fl-inkarigu tiegħu li jsegwi laqgħat b’riferiment espliċitu għall-minuti. Ifisser, għalhekk, li għal dawn ir-raġunijiet, il-preżenza tiegħu waqt is-smigħ ta’ K. Pinxten, flimkien ma’ dik tas-Segretarju Ġenerali, kienet, għaldaqstant, b’mod konformi mar-regoli applikabbli tal-QEA.

100.

F’kull każ, inżid waqt li jiena għaddej, li l-preżenza tal-Kap tas-Servizz Legali hija, bħala prinċipju, garanzija ta’ konformità mar-regoli għall-benefiċċju tal-Membru kkonċernat. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 49(3) tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA għandu, għalhekk, jiġi interpretat bħala li lanqas ma jagħmel riferiment għall-Kap tas-Servizz Legali.

4.   Il-ksur tar-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli

101.

Fit-tielet lok K. Pinxten iqis li l-QEA kisret id-dritt tiegħu għal smigħ fi żmien raġonevoli billi kkontestat il-legalità tat-talbiet li huwa għamel sa mill‑2006, anki jekk il-QEA kellha, mill-bidu tal-kariga tiegħu, l-informazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex taċċerta jekk dawn it-talbiet kinux leġittimi u, f’kull każ, setgħet titlob kjarifika jekk kienet teħtieġha.

102.

Abbażi tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit tal-Unjoni, K. Pinxten jikkontendi li l-QEA għandha tiġi preskritta milli tippreżenta rikorsi relatati ma’ fatti stabbiliti li kienu jmorru lura iktar minn tliet snin jew massimu ta’ ħames snin mill‑5 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri, id-data tar-rapport preliminari tal-QEA.

103.

L-ewwel u qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, “meta t-tul ta’ żmien tal-proċedura ma huwiex stabbilit permezz ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, in-natura ‘raġonevoli’ taż-żmien meħud mill-istituzzjoni sabiex tadotta l-att inkwistjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ u, b’mod partikolari, l-importanza tat-tilwima għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tal-kawża[, id-diversi stadji proċedurali li l-istituzzjoni tal-Unjoni tkun segwiet] u l-aġir tal-partijiet” ( 44 ). Għaldaqstant isegwi, minn dan ir-rekwiżit għal evalwazzjoni speċifika, li n-natura raġonevoli ta’ perijodu ma tistax tiġi stabbilita b’riferiment għal limitu massimu speċifiku stabbilit b’mod astratt iżda, pjuttost, għandha tiġi eżaminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ ( 45 ).

104.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-perijodu ta’ ħames snin li fuqu jistrieħ K. Pinxten huwa, kif il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat espressament, applikabbli biss għall-kuntest speċifiku tal-irkupru ta’ dejn tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, għar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 ( 46 ). Barra minn dan, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja nnifisha għamlitha ċara li, anki f’dawk iċ-ċirkustanzi speċifiċi, it-terminu ta’ ħames snin huwa biss preżunzjoni konfutabbli ( 47 ).

105.

F’din il-kawża għandu jiġi nnotat, qabel kollox, fir-rigward tal-istadji proċedurali segwiti, li l-proċedura interna li wasslet għal dan ir-rikors bdiet fit‑18 ta’ Lulju 2016 u fl‑1 ta’ Settembru 2016 meta K. Pinxten ġie mgħarraf dwar diversi allegazzjonijiet magħmula kontrih b’rabta ma’ irregolaritajiet serji li seta’ kien hemm. Il-fajl sussegwentement intbagħat lill-OLAF fl‑14 ta’ Ottubru 2016 u dan fetaħ l-investigazzjoni tiegħu fil‑15 ta’ Novembru 2016. Wara, il-QEA rċeviet ir-rapport finali tal-OLAF fit‑2 ta’ Lulju 2018. Fit‑12 ta’ Lulju 2018, il-QEA ddeċidiet li tagħti istruzzjoni lill-President tagħha jħejji rapport preliminari skont l-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-OLAF fir-rapport finali tiegħu. Dan ir-rapport preliminari kien ikkomunikat lill-Membri tal-QEA u lil K. Pinxten flimkien mar-rapport finali tal-OLAF fil‑5 ta’ Ottubru 2018. K. Pinxten issottometta osservazzjonijiet bil-miktub fid‑19 ta’ Novembru 2018 u s-smigħ tiegħu seħħ fis‑26 ta’ Novembru 2018. Abbażi ta’ dawn il-fatti, il-QEA ddeċidiet, tlett ijiem wara, li tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 286(6) TFUE. Il-perijodu ta’ żmien inkwistjoni kien għaldaqstant, f’kull każ, biss ftit iktar minn sentejn minn meta tfaċċaw għall-ewwel darba l-allegazzjonijiet dwar K. Pinxten u d-deċiżjoni ta’ riferiment tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja.

106.

Meqjus l-għadd ta’ atti proċedurali li twettqu matul dan il-perijodu – l-ewwel stadji interni li jinvolvu lil K. Pinxten wara li kienu saru l-allegazzjonijiet, ir-riferiment lill-OLAF u l-investigazzjoni sussegwenti minnu, l-abbozzar ta’ ġabra fil-qosor tal-fatti u r-rapport finali mill-OLAF u rapport preliminari mill-QEA, li magħhom għandu jiżdied iż-żmien mogħti lil K. Pinxten għad-difiża tiegħu (osservazzjonijiet bil-miktub, kemm lill-OLAF kif ukoll lill-QEA, u smigħ mill-OLAF u mill-QEA) – wieħed ma jistax jgħid, naħseb jiena, li l-mod li bih il-QEA ttrattat il-każ, u l-perijodu ta’ żmien meħud sabiex isir dan, ammontaw għal ksur tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli.

107.

It-tieni, b’rabta mal-fatti, huwa minnu li xi wħud minnhom imorru lura għall‑2006, is-sena li fiha K. Pinxten beda l-ewwel terminu tal-kariga tiegħu fil-QEA. Wieħed jista’ jinnota, madankollu, li parti kbira tal-ilmenti hija marbuta ma’ avvenimenti li seħħew wara Ottubru 2013 ( 48 ), jiġifieri, minn perijodu aċċettat minn K. Pinxten innifsu, jew ma’ avvenimenti li, jekk seħħew qabel, kienu ttennew wara din l-allegata “data kruċjali” ( 49 ). Minbarra dan, ir-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli, kif issa espressament previst fl-Artikoli 41 u 47 tal-Karta, ma jistax jiġi mqabbel ma’ forma ta’ statut ta’ limitazzjonijiet f’materji kriminali, iddefinit mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) bħala d-dritt statutorju ta’ persuna li wettqet reat li ma titressaqx azzjoni kriminali kontriha jew li ma tiġix iġġudikata wara li jkun skada ċertu perijodu ta’ żmien mit-twettiq tar-reat ( 50 ). Dak tal-ewwel huwa d-dritt li l-affarijiet tagħha jiġu “ittrattati fi żmien raġonevoli” – jiġifieri, skont kif ifformulat b’mod iktar speċifiku fl-Artikolu 47 tal-Karta, id-dritt li l-każ tagħha jinstema’ minn qorti fi żmien raġonevoli. Fi kliem ieħor, f’materji dixxiplinari jew kriminali, ir-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli huwa ż-żmien li fih l-awtur ta’ xi għemil ħażin għandu jiġi mixli, mhux mill-jum tal-fatti, iżda pjuttost mill-jum li fih il-persuna kkonċernata tiġi “akkużata” ( 51 ).

108.

F’kull każ, kieku r-rekwiżit ta’ żmien raġonevoli kellu jinftiehem, fil-kuntest tal-proċedura speċifika skont l-Artikolu 286 TFUE, bħala li jinkludi wkoll regola ta’ limitazzjoni, allura jkun meħtieġ li titqies il-gravità tal-ksur li jista’ jiġi ġġudikat skont l-Artikolu 286(6) TFUE. Tabilħaqq, huwa stabbilit li, fis-sistemi legali tal-Istati Membri fejn ikun hemm terminu perentorju f’materji kriminali, it-tul tad-dewmien ikun direttament proporzjonat għall-gravità tal-ksur ( 52 ). F’dan il-kuntest, perijodu ta’ 10 snin bejn l-ewwel atti allegati u l-ewwel att adottat mill-istituzzjoni b’rabta magħhom – jew anki 12‑il sena f’din il-kawża jekk jitqies ir-rapport preliminari tal-President tal-QEA, kif issuġġerixxa K. Pinxten – ma jidhirx eċċessiv.

5.   L-investigazzjoni illegali tal-OLAF u r-rapport tiegħu

109.

Fir-rigward tal-investigazzjoni tal-OLAF, K. Pinxten isemmi tliet irregolaritajiet li huwa jgħid itebbgħu r-rapport tal-OLAF lill-QEA.

a)   L-estensjoni tal-investigazzjoni

110.

L-ewwel nett, K. Pinxten jissottometti, essenzjalment, li l-OLAF estenda l-iskop tal-investigazzjoni tiegħu b’mod irregolari abbażi tal-analiżi tad-data misjuba matul l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċju tiegħu.

111.

Huwa minnu li l-ewwel ittra mingħand l-OLAF li għarrfet lil K. Pinxten li l-OLAF kien beda investigazzjoni kontrih kienet semmiet biss “irregolaritajiet li seta’ kien hemm li kienu jinvolvu[h] bħala Membru [tal-QEA] fl-użu [minnu] ta’ assi tal-QEA, u [dwar] missjonijiet imwettqa u/jew awtorizzati [minnu], bi ksur tar-regoli applikabbli, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea” ( 53 ). Kien biss matul it-tieni stadju (jiġifieri, fl-ittra mibgħuta mill-OLAF fil‑15 ta’ Diċembru 2017 lill-avukat ta’ K. Pinxten) li l-OLAF għarraf lill-avukat ta’ K. Pinxten li d-Direttur Ġenerali tal-OLAF kien iddeċieda, wara analiżi preliminari tad-data miksuba fil-kuntest tal-ispezzjoni, li jestendi l-investigazzjoni għal kunflitti possibbli ta’ interess u ksur ieħor tal-Artikoli 285 u 286 TFUE u tad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA ( 54 ).

112.

Skont K. Pinxten, spezzjoni ma jistax ikollha l-għan jew l-effett li tikxef ksur li seta’ kien hemm li ma setax ikun magħruf qabel din l-ispezzjoni, minħabba li l-għan u l-iskop tal-ispezzjoni huma ddefiniti fil-mandat mogħti lill-investigaturi ( 55 ).

113.

Madankollu, naħseb li din l-interpretazzjoni ta’ kif investigazzjoni tal-OLAF għandha titmexxa hija wisq restrittiva.

114.

Qabel kollox, għandu jitfakkar li r-responsabbiltà tal-OLAF, kif iddikjarata espressament fil-premessa 6 tar-Regolament Nru 883/2013, “testendi wkoll lil hinn mill-protezzjoni tal-interessi finanzjarji biex tinkludi l-attivitajiet kollha li għandhom x’jaqsmu mas-salvagwardja tal-interessi tal-Unjoni kontra mġiba irregolari fi proċeduri amministrattivi jew kriminali”. Sussegwentement, sabiex jitwettaq dan l-inkarigu l-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li l-OLAF “għandu jkollu d-dritt ta’ aċċess immedjat u minngħajr avviż għal kull informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni f’bażijiet tad-data, miżmuma mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji, u għall-bini tagħhom […] L-Uffiċċju jista’ jieħu kopja ta’ jew jikseb siltiet minn, kull dokument jew il-kontenut ta’ kull mezz ta’ informazzjoni miżmum mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji u, jekk ikun hemm bżonn, jieħu l-kustodja ta’ dawk id-dokumenti jew informazzjoni sabiex jiżgura li ma jkunx hemm periklu li dawn jgħibu”. Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu wkoll li membri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom dmir speċifiku li jikkooperaw mal-OLAF skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 883/2013 li skontu l-istituzzjonijiet “għandhom jiżguraw li […] il-membri […] jagħtu l-għajnuna meħtieġa biex il-persunal tal-[OLAF] jkun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu b’mod effettiv”. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-Membri tal-QEA skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 99‑2004 tal-QEA dwar r-regoli li jikkonċernaw arranġamenti għal kooperazzjoni mill-Membri tal-QEA f’investigazzjonijiet interni li għandhom x’jaqsmu mal-prevenzjoni ta’ frodi, korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet, li jgħid li “[f]il-kuntest ta’ l-investigazzjoni [tal-OLAF] [i]l-Membri tal-[QEA] għandhom jikkooperaw totalment ma’ l-[OLAF]” ( 56 ).

115.

Minħabba l-iskop tal-missjoni tal-OLAF, is-setgħat mogħtija lilu sabiex iwettaqha u d-dmir speċifiku ta’ kollaborazzjoni impost fuq il-Membri tal-QEA, inqis li spezzjoni mwettqa mill-OLAF jista’ jkollha l-effett li tinkixef il-possibbiltà ta’ ksur li ma kienx fi ħdan l-iskop oriġinali tal-investigazzjoni. Jekk l-OLAF ma jitħalliex jagħmel dan ikun ifisser li tingħalaq għajn waħda għal possibbiltà ta’ irregolaritajiet serji b’kontradizzjoni sħiħa mal-funzjoni tal-OLAF, mas-setgħat tiegħu u mad-dmir ta’ kooperazzjoni tal-Membri tal-QEA, filwaqt li l-effikaċja ta’ investigazzjoni mill-OLAF hija ta’ interess pubbliku, li joħroġ mill-interess pubbliku iktar ġenerali li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 57 ).

116.

Kull konklużjoni oħra tkun ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-OLAF minħabba li twassal sabiex id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ikun limitat sabiex jibda investigazzjonijiet, inkluż fil-każ ta’ estensjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni. Tabilħaqq, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-possibbiltà ta’ estensjoni tal-iskop ta’ investigazzjoni interna mill-OLAF għal dak ta’ investigazzjoni esterna, “dan ikun il-każ fejn, meta jkun hemm suspetti gravi biżżejjed dwar il-fatti, li nkixfu matul investigazzjoni interna […] id-Direttur Ġenerali tal-OLAF ma tħalliex […] jestendi l-iskop ta’ dik tal-ewwel” ( 58 ).

117.

Għaldaqstant, isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li, peress li l-OLAF wettaq l-ispezzjoni tiegħu skont ir-regoli applikabbli, għarraf lil K. Pinxten bl-estensjoni tal-investigazzjoni u offrielu l-opportunità li jinstema’ dwar il-fatti kollha li bihom huwa fl-aħħar mill-aħħar kien ġie akkużat ( 59 ), l-irregolaritajiet li nkixfu b’riżultat tal-estensjoni tal-investigazzjoni tal-OLAF jistgħu jitqiesu wkoll f’din il-proċedura.

b)   Id-dritt għal ħajja privata ta’ K. Pinxten

118.

Fit-tieni lok, K. Pinxten jallega li l-OLAF kiser id-dritt tiegħu għal ħajja privata billi ħa fajls privati u ħa kopja ta’ komunikazzjonijiet li seta’ kien hemm relatati mal-avukat tiegħu.

119.

Skont l-Artikolu 7 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha. Madankollu, dan id-dritt ma huwiex wieħed assolut. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, sakemm dawn ikunu attwalment previsti mil-liġi, jikkorrispondu għal objettivi ta’ interess ġenerali li l-Unjoni trid tilħaq u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-objettivi li jridu jintlaħqu, interferenza sproporzjonata ( 60 ).

120.

F’dan ir-rigward jista’ jiġi nnotat li d-dritt tal-OLAF li jieħu kopja tad-dokumenti rilevanti huwa previst mil-liġi, jiġifieri, mill-Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 883/2013. Dan id-dritt huwa meħtieġ sabiex jitħares l-interess finanzjarju tal-Unjoni, li bla dubju huwa “objetti[v] ta’ interess ġenerali rikonoxxu[t] mill-Unjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 61 ). Tabilħaqq, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà saħqet fir-rigward tal-Istati Membri, l-obbligu li dawn jiġġieldu kontra attivitajiet illegali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ miżuri dissważivi u effettivi huwa obbligu impost, inter alia, mid-dritt primarju tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikolu 325(1) TFUE ( 62 ).

121.

Il-fatt li ċerti dokumenti kienu indikati bħala “privati” mill-persuna investigata huwa irrilevanti f’dan il-kuntest. Qabel kollox, wieħed jista’ josserva li l-Artikolu 13.5 tal-Linji gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF jgħid speċifikament li “[w]aqt spezzjoni tal-proprjetà, membri tal-unità tal-investigazzjoni jistgħu jaċċessaw kwalunkwe informazzjoni miżmuma mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-UE konċernata, inklużi inter alia kopji ta’ dejta elettronika, kopji ta’ dokumenti privati (inklużi rekords mediċi) meta jistgħu jkunu relevanti għall-investigazzjoni” ( 63 ). Din l-interpretazzjoni tas-setgħat tal-OLAF jidhirli li hija konformi mar-Regolament Nru 883/2013 minħabba li dan ir-regolament jagħti s-setgħa lill-OLAF jieħu kopja ta’ kull dokument jew tal-kontenut ta’ kull mezz ta’ data miżmum mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni sakemm dawn jirrelataw ma’ informazzjoni rilevanti.

122.

Għandu wkoll ikun irrikonoxxut li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni dwar jekk K. Pinxten użax ħażin il-kariga tiegħu, id-drittijiet tiegħu għal ħajja privata b’rabta ma’ materjal iġġenerat matul l-impjieg tiegħu – ħlief għal korrispondenza u posta elettronika purament privati u personali – ma jistgħux jitqiesu bħala partikolarment b’saħħithom. Kull konklużjoni oħra ma tkunx konsistenti mal-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jiġġieldu l-frodi u kull attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz ta’ miżuri li għandhom ikunu ta’ deterrent.

123.

Minbarra dan, is-setgħat tal-OLAF huma fformulati b’mod li jiġi żgurat li jintużaw proporzjonatament. Skont l-Artikolu 13.4 tal-Linji gwida dwar il-Proċeduri ta’ Investigazzjoni għall-Persunal tal-OLAF, jekk ikun meħtieġ, l-ispezzjoni tista’ ssir mingħajr ma jkun preżenti l-Membru tal-istituzzjoni kkonċernata tal-Unjoni. Madankollu, “f’każijiet bħal dawn, membru ieħor tal-persunal jew membru tas-sigurtà tal-istituzzjoni […] tal-UE konċernata jkun preżenti […]”.

124.

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-ispezzjoni twettqet fil-preżenza tal-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-QEA u tal-Uffiċjal tas-Sigurtà tal-Informazzjoni u tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-QEA (iktar ’il quddiem l-“UPD”). Fir-rigward tal-komunikazzjonijiet privati ta’ K. Pinxten, jingħad espressament fir-“Rapport dwar l-Operazzjoni Forensika Diġitali 22/Nov/2017” ( 64 ) li “l-investigaturi tal-OLAF eżaminaw minn qabel din id-data kollha u f’konformità ma’ rekwiżiti ta’ protezzjoni tad-data kif mitlub [mill-UPD]. Posta elettronika privata u posta elettronika li b’mod ċar ma kinitx relatata mal-iskop tal-investigazzjoni tħassru mill-inboxes esportati kollha […] L-eżami minn qabel u t-tħassir twettqu [mill-UPD] […] [L-UPD] ipprovda wkoll id-dokumenti elettroniċi eżaminati minn qabel, magħżula u kkopjati mid-drive U\: u S\:”.

125.

Fir-rigward partikolarment tal-kwistjoni tal-korrispondenza li allegatament tinvolvi lill-avukat ta’ K. Pinxten, huwa ċar li l-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet bil-miktub bejn avukat u klijent għandha titħares taħt id-dritt tal-Unjoni Ewropea, sakemm, madankollu, tali komunikazzjonijiet isiru għall-għanijiet u fl-interessi tad-drittijiet tad-difiża tal-klijent u joriġinaw minn avukati indipendenti ( 65 ). Madankollu, f’dan il-każ, huwa biżżejjed jiġi nnotat li, kif il-QEA osservat, K. Pinxten ma jipproduċi ebda prova li tistabbilixxi li l-OLAF straħ fuq dokument kopert mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet bejn avukat u l-klijent tiegħu. K. Pinxten lanqas ma jidentifika xi dokument bħal dan fir-rapport finali tal-OLAF jew fl-annessi tiegħu. Għall-kuntrarju, jidher mill-Anness 6 tar-“Rapport dwar l-Operazzjoni Forensika Diġitali 22/Nov/2017” li “fir-rigward tal-filtrazzjoni tal-posta elettronika […] tħassru l-elementi tal-Outlook kollha ta’ qabel l‑2010”. Dan id-dokument jagħmilha ċara wkoll li kien tħassar ukoll materjal ieħor bħal riferimenti għal u korrispondenza mal-konsulent legali ta’ K. Pinxten ( 66 ).

126.

Għaldaqstant, f’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jikkonkludi li l-OLAF ma kisirx id-dritt ta’ K. Pinxten għal ħajja privata fil-kuntest tal-investigazzjoni tiegħu.

c)   Id-drittijiet tad-difiża ta’ K. Pinxten

127.

Permezz tat-tielet motiv tiegħu K. Pinxten jissottometti li l-OLAF kiser id-drittijiet tad-difiża tiegħu. L-ewwel nett, il-ġabra ta’ fatti kkomunikata kienet tassew qasira, it-tabelli mehmuża ma’ din il-ġabra ta’ fatti ma kinux jinftiehmu u ma kinux ingħataw id-dokumenti korroborattivi kollha. It-tieni nett, K. Pinxten jallega li ma nstemax dwar il-fatti kollha u fir-rigward tas-smigħ tax-xhieda li wassal għar-rapport. It-tielet nett, l-argumenti tiegħu ma kinux diskussi iżda sempliċement ikkopjati fl-aħħar tar-rapport. Ir-raba’ nett, l-assistenta li kellu qabel ma kinitx irċeviet kopja tat-traskrizzjoni tas-smigħ orali tagħha.

128.

Huwa ċar li, kif previst fl-Artikolu 41 tal-Karta, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, minn naħa, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kull miżura li tkun taffettwaha ħażin u, min-naħa l-oħra, id-dritt ta’ kull persuna li jkollha aċċess għall-fajl tagħha.

129.

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455), “[i]r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċedimenti kollha mibdija kontra persuna li jistgħu jwasslu għal att li jista’ jaffettwa lil din ta’ l-aħħar jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt [tal-Unjoni] u għandu jkun iggarantit anki fin-nuqqas ta’ kull regolamentazzjoni dwar il-proċedimenti inkwistjoni. Skond ġurisprudenza kostanti, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeħtieġ li l-persuna li kontra tagħha l-Kummissjoni bdiet proċedura amministrattiva tingħata l-possibbiltà, matul din il-proċedura, li tagħti b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti mressqa [mill-istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija] sabiex [isostnu] l-allegazzjoni [tagħhom] dwar l-eżistenza [ta’ ksur] tad-dritt [tal-Unjoni]” ( 67 ). Fil-kuntest ta’ investigazzjoni mill-OLAF, jista’ jiżdied li l-Artikolu 9(4) tar-Regolament Nru 883/2013 jipprovdi wkoll li “ladarba titlesta l-investigazzjoni u qabel ma jitfasslu konklużjonijiet li jirreferu għal persuna kkonċernata b’isimha, dik il-persuna għandha tingħata l-opportunità tikkummenti fuq il-fatti li jikkonċernawha”.

130.

F’dan il-każ, wieħed għandu l-ewwel jeżamina jekk K. Pinxten kienx mgħarraf f’waqtu dwar l-ilmenti magħmula kontrih u jekk huwa kellux l-opportunità jinstema’ ( 68 ).

131.

Min-naħa tiegħi, ma nistax naċċetta l-argument ta’ K. Pinxten li ma ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża tiegħu. Tabilħaqq, jidher mill-fajl li K. Pinxten kien mistieden b’ittra tas‑7 ta’ Diċembru 2017 għal intervista fit‑22 ta’ Diċembru 2017 dwar l-irregolaritajiet li seta’ kien hemm li dwarhom huwa kien mgħarraf fit‑22 ta’ Settembru 2017 ( 69 ). Huwa wkoll ċar li K. Pinxten kien mgħarraf li l-iskop tal investigazzjoni kien twessa’ u dwar l-intervista permezz ta’ ittra lill-avukat tiegħu fil-15 ta’ Diċembru 2017 ( 70 ). Huwa minnu li l-avukat ta’ K. Pinxten wieġbet għal din l-ittra billi qalet li l-klijent tagħha jkun disponibbli għall-OLAF fil-kuntest tal-intervista tat‑22 ta’ Diċembru 2017 biss fir-rigward tal-fatti msemmija fin-notifika bħala persuna kkonċernata ( 71 ). Minkejja dan, jidher mill-minuti tal-intervista ta’ K. Pinxten li proporzjon kbir tal-fatti mikxufa mill-investigazzjoni tal-OLAF u inklużi fir-rapport finali tiegħu kien diskuss jew, għall-inqas, issemma matul din l-intervista, b’mod ħieles u mingħajr restrizzjoni ( 72 ). Minbarra dan, il-kwistjonijiet li ma tqajmux direttament matul din l-intervista kien inklużi, minkejja dan, fil-ġabra ta’ fatti li ntbagħtet wara (bħall-mawra fi Crans Montana jew il-parteċipazzjoni fil-bord ta’ tmexxija ta’ partit politiku jew id-dikjarazzjonijiet (allegatament) foloz ta’ assigurazzjoni). F’dan ir-rigward, filwaqt li K. Pinxten jissottometti li l-ġabra ta’ fatti kkomunikata kienet ferm qasira u li t-tabelli mehmuża ma’ din il-ġabra ma kinux jinftiehmu, huwa ċar li din il-ġabra hija komprensiva biżżejjed fil-preżentazzjoni tagħha, kemm tar-regoli applikabbli, kif ukoll tal-irregolaritajiet ilmentati. Il-mod ċar u komplet tal-ġabra ta’ fatti ma tantx jista’ jkun ikkontestat minn K. Pinxten meta huwa ħejja mhux inqas minn 36 paġna ta’ osservazzjonijiet – li għalihom kienet ingħatat estensjoni ta’ 10 ijiem minħabba l-kontenut voluminuż tal-każ inkunsiderazzjoni – li jkopru l-fatti kollha allegati fil-ġabra ta’ fatti ( 73 ).

132.

Barra minn dan, għandu jkun innotat ukoll li r-rapport finali tal-OLAF fih biss ir-rakkomandazzjonijiet tad-Direttur Ġenerali. Skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament Nru 883/2013, l-istituzzjoni destinatarja għandha tieħu miżuri, partikolarment ta’ natura dixxiplinari jew legali, li r-riżultati tal-investigazzjoni interna jkunu jiġġustifikaw. Minkejja dan, jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni li tista’ taffettwa ħażin lill-persuna kkonċernata hija d-deċiżjoni li tkun setgħet tittieħed mill-istituzzjoni li lilha jkun intbagħat ir-rapport finali tal-OLAF.

133.

Meqjusa l-kunsiderazzjonijiet tal-aħħar, naħseb li l-fatt li K. Pinxten irċieva – wara li kien diġà nstema’ għall-ewwel darba mill-OLAF u tħalla jagħmel kummenti dwar il-ġabra ta’ fatti – kopja tar-rapport finali tal-OLAF u tal-annessi tiegħu fid-dawl tal-proċedura amministrattiva quddiem il-QEA, li tiġi qabel ir-rikors ippreżentat kontra K. Pinxten abbażi tal-Artikolu 286(6) TFUE, ma jistax, għalhekk, ma jingħatax każ tiegħu fl-evalwazzjoni tar-rispett tad-dritt għal smigħ.

134.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li K. Pinxten ma ngħatax biss l-opportunità jissottometti kummenti bil-miktub dwar ir-rapport finali tal-OLAF kif ukoll dwar ir-rapport preliminari mħejji mill-President tal-QEA – li fil-fatt huwa għamel ( 74 ) – iżda wkoll li jinstema’ dwar il-fatti f’dawn id-dokumenti ( 75 ).

135.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, inħossni fi dmiri nosserva li l-mod kif tmexxiet il-proċedura amministrattiva ma juri xejn li seta’ kiser id-drittijiet tad-difiża ta’ K. Pinxten.

6.   Konklużjoni dwar ir-regoli proċedurali u diversi drittijiet invokati minn K. Pinxten

136.

Isegwi minn dan ta’ hawn fuq li l-motivi kollha mressqa fid-difiża ta’ K. Pinxten li huma relatati ma’ kwistjonijiet proċedurali u ma’ konformità ma’ diversi drittijiet, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, għandhom jiġu miċħuda.

137.

Sabiex inkun komplet, inżid li, għalkemm il-QEA tistrieħ ħafna fuq ir-rapport finali tal-OLAF sabiex turi li l-allegazzjonijiet tagħha huma msejsa sewwa, jibqa’ l-fatt li t-talba tagħha tinftiehem b’mod indipendenti minn dan ir-rapport u l-annessi tiegħu. Minbarra dan, ir-rikors juri wkoll evalwazzjoni personali tal-fatti mill-QEA, li f’xi aspetti tbiegħdet mill-konklużjonijiet tal-OLAF.

C. Jekk kienx hemm ksur tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 286 TFUE

1.   Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 286(6) TFUE

138.

Qabel ma neżamina jekk K. Pinxten kisirx wieħed jew iktar mill-obbligi tiegħu bħala Membru tal-QEA, jista’ jkun utli ntenni tliet osservazzjonijiet li diġà għamilt f’dawn il-konklużjonijiet.

139.

L-ewwel nett, wieħed jista’ jiddeduċi mill-kliem tal-Artikolu 286 TFUE li huwa d-dmir tal-Membri tal-QEA li jiżguraw li l-interess ġenerali tal-Unjoni jiġi dejjem qabel, mhux biss interessi nazzjonali, iżda wkoll interessi personali ( 76 ). It-tieni nett, Membri tal-QEA għandhom, mhux biss iħarsu l-obbligi ta’ indipendenza, integrità u diskrezzjoni kif stabbilit fl-Artikoli 285 u 286 TFUE, iżda wkoll l-ogħla standard ta’ imparzjalità u żvestiment ta’ interessi. Dan neċessarjament jimplika responsabbiltà sħiħa fil-mod li bih huma jonfqu fondi pubbliċi ( 77 ). It-tielet nett, it-Trattat ma jgħid xejn dwar ix-xorta jew il-frekwenza ta’ ksur li jista’ jwassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 286(6) TFUE. L-unika kundizzjoni hija li l-Membru tal-QEA involut ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa jew iħares l-obbligi li jirriżultaw mill-kariga tiegħu.

140.

Minħabba li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat għall-Membri tal-Kummissjoni u għall-Membri tal-QEA jixtiebhu, huwa ċar li l-imġiba ta’ dawn tal-aħħar jeħtiġilha wkoll tkun tali li ma tistax tiġi mċanfra. Madankollu, il-ksur ta’ obbligi għandu jilħaq ċertu grad ta’ gravità qabel ma jkun jista’ jiġi ġġustifikat rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE ( 78 ). Dan ir-rekwiżit ta’ gravità faċli jkun spjegat mis-severità tal-piena possibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi fuq l-okkupant tal-kariga (jew, bħal f’dan il-każ, l-ex okkupant tal-kariga) jekk ikunu pprovati l-allegazzjonijiet ta’ irregolarità. Min-naħa l-oħra, jista’ jkun dedott mill-formulazzjoni ġenerali tal-Artikolu 286(6) TFUE, flimkien mal-funzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest istituzzjonali tal-Unjoni, li n-nuqqas inkwistjoni jista’ jirriżulta minn att wieħed iżda serju, kif ukoll minn repetizzjoni ta’ atti individwalment inqas serji li r-repetizzjoni tagħhom tirrifletti biċ-ċar nuqqas ta’ ħarsien tar-regoli fis-seħħ.

141.

Isegwi minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li, fil-kuntest tal-Artikolu 286(6) TFUE, ikun biżżejjed – iżda madankollu meħtieġ – li jkun stabbilit ksur ta’ ċertu grad ta’ gravità sabiex rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE jkun iddikjarat fondat. Dan il-ksur serju għandu jirriżulta jew minn att serju uniku jew mir-repetizzjoni tal-istess atti inqas serji li, kull wieħed minnhom, ma jitqiesx minnu nnifsu biżżejjed serju. Min-naħa l-oħra, il-gravità tal-att jew ir-repetizzjoni tiegħu, jew anki l-akkumulazzjoni ta’ diversi atti, jista’ jkollhom effett fuq il-portata tat-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni jew benefiċċji oħra minflokha ( 79 ).

2.   L-eżami tal-ilmenti fil-kawża ta’ K. Pinxten

142.

Il-QEA tibbaża ruħha fuq ħames ilmenti sabiex issostni r-rikors tagħha, li huma relatati ma’ mill-inqas 332 fatt fir-rigward tal-ewwel motiv biss. Madankollu, kif għadni kif spjegajt, mhux in-nuqqasijiet kollha li hija tibbaża ruħha fuqhom insostenn ta’ dawn l-ilmenti huma essenzjali sabiex ikun stabbilit in-nuqqas imsemmi fl-Artikolu 286(6) TFUE. Għalhekk, ser nillimita l-analiżi tiegħi, fir-rigward ta’ kull ilment, għall-fatti li nqis li l-iktar probabbli jindikaw nuqqas inkontestabbli ta’ twettiq tal-obbligi li għandu Membru tal-QEA, bla ħsara għall-veraċità tal-fatti l-oħra.

a)   Fuq l-ewwel motiv: użu ħażin tar-riżorsi tal-QEA sabiex ikunu ffinanzjati attivitajiet mhux relatati jew inkompatibbli mad-dmirijiet ta’ Membru tal-QEA

143.

Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2290/77, Membru tal-QEA li “waqt il-qadi ta’ dmirijietu jkun meħtieġ jivvjaġġa ’l hinn mi[s-sede tal-QEA] għandu jkun intitolat għal rimborż ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar [u] ta’ l-ispejjeż tal-lukanda [u għal] allowance ta’ sussistenza”. Sabiex jinkisbu dawn ir-rimborsi u allowances, isegwi mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni li l-attività li tkun qiegħda tagħti lok għan-nefqa għandha tkun relatata mal-qadi tad-dmirijiet ta’ Membru tal-QEA.

144.

F’dan ir-rigward, wara eżami mill-ġdid tal-provi essenzjalment mhux ikkontestati, jidher diffiċli li tkun evitata l-konklużjoni li K. Pinxten abbuża mis-sistema billi ppreżenta ċerti attivitajiet b’mod inadegwat sabiex jibbenefika mir-rimbors permess mir-Regolament Nru 2290/77. Jiddispjaċini ngħid li hemm provi biżżejjed ta’ dan bil-mawriet tiegħu fi Crans Montana (l-Isvizzera) u f’Kuba u bil-parteċipazzjoni tiegħu f’ċerti attivitajiet tal-kaċċa f’Chambord (Franza) u f’Ciergnon (il-Belġju).

1) Il-mawra fi Crans Montana

145.

F’nota tal‑11 ta’ Lulju 2013 indirizzata lill-President tal-QEA, K. Pinxten spjega li “bħala Dekan tal-Awla III tal-Qorti tal-Awdituri, [huwa kien] ġie mistieden mill-Forum ta’ Crans Montana sabiex jattendi s-sessjoni tas-sajf tal-Forum mit‑22 sal‑25 ta’ Awwissu 2013” ( 80 ). Skont din in-nota, “Rappreżentanti ewlenin minn Gvernijiet, Diplomazija, Organizzazzjonijiet Internazzjonali, Partiti Politiċi u Parlamenti mid-dinja kollha jiltaqgħu fi Crans Montana sabiex jiddiskutu kwistjonijiet ta’ politika internazzjonali kurrenti”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, minħabba li “[kien ġie] mistieden bħala Membru tal-[QEA], [huwa] jixtieq jitlob il-ħlas tal-akkomodazzjoni u kontribuzzjoni finanzjarja ([EUR 3 570.00]) mingħand il-Qorti”.

146.

Għalkemm din il-missjoni kienet ġiet aċċettata u l-QEA ħallset is-somma mitluba, jidher mill-fajl li t-tliet biċċiet ta’ informazzjoni li K. Pinxten ta fin-nota tiegħu – il-fatt li kien ġie mistieden, l-iskop tal-avveniment u n-nefqa – ma kinux strettament korretti.

147.

L-ewwel nett, jidher li K. Pinxten ma kienx mistieden għal dan l-avveniment, la bħala Dekan tal-Awla III tal-QEA u lanqas bħala Membru tal-istituzzjoni. Għall-kuntrarju, filwaqt li l-assistenta tiegħu kienet bagħtet posta elettronika fid‑29 ta’ Mejju 2013 lil “info@cmf.ch” li tindika li K. Pinxten ikun interessat jattendi għall-avveniment, huwa rċieva tweġiba fl-istess jum li kienet tgħid li s-“sessjoni tas-sajf tal-Forum ta’ Crans Montana hija avveniment ristrett fejn għadd limitat ħafna ta’ persuni (40 persuna) jiltaqgħu f’dan il-kumpless fil-muntanji esklussiv”. Kien biss wara l-intervent u fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ ex Ministru Belġjan li xi ħmistax wara K. Pinxten irċieva t-tieni posta elettronika mingħand l-organizzaturi li tindika li huwa kien milqugħ jattendi l-avveniment, mingħajr, madankollu, ebda riferiment għall-funzjoni tiegħu jew għat-titolu tiegħu ( 81 ).

148.

It-tieni nett, l-ewwel posta elettronika tal-Uffiċċju Eżekuttiv ta’ Crans Montana tad‑29 ta’ Mejju 2013 indikat li ma kienx hemm programm speċifiku għal dik li kienet tissejjaħ is-“sessjoni speċjali tas-sajf”. Dan huwa kkonfermat mill-formola ta’ preżentazzjoni tal-avveniment annwali u mill-programm ikkomunikat iktar tard. Dan id-dokument indika li “s-sessjoni tas-sajf hija ristretta għal massimu ta’ 60 ħabib tal-Forum [li] jiġu u jaqsmu kuntest ipprivileġġat ħafna ta’ rilassament u ħbiberija f’dan il-kumpless eċċezzjonali” ( 82 ). Il-programm sħiħ tal-mawra wera wkoll li ma kienx hemm sessjonijiet ta’ xogħol jew imqar ħin għal diskussjoni formali. L-għodwiet u l-waranofsinharijiet kollha kienu ddedikati għal mixjiet, eskursjonijiet u opportunitajiet ta’ xiri. Tabilħaqq, il-programm b’mod pjuttost diżarmanti ddikjara li “huwa tmiem il-ġimgħa fil-muntanja! Ma tenħtieġx eleganza jew ilbies speċjali”. Kulħadd kien mistieden “jaħseb li qiegħed fuq btala u jiġi kif jixtieq” ( 83 ).

149.

It-tielet nett, filwaqt li K. Pinxten talab ħlas għall-akkomodazzjoni u għall-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 3 570.00, jidher mill-formola ta’ reġistrazzjoni u mill-fattura li l-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa mill-Forum kienet biss ta’ EUR 2 950.00 għal K. Pinxten ( 84 ). Id-differenza – EUR 620 – kienet tikkorrispondi għall-ispiża addizzjonali taż-żewġt iljieli l-oħra li K. Pinxten u martu qagħdu l-jum ta’ qabel u l-jum ta’ wara l-avveniment, filwaqt li l-ewwel attività kienet skedata għas‑19.00 tat‑22 ta’ Awwissu 2013 u xejn ma kien propost fil‑25 ta’ Awwissu wara l-kolazzjon ta’ filgħodu fid‑9.30. Anki jekk wieħed jinkludi l-fatt tal-ivvjaġġar bil-karozza mil-Lussemburgu, dawk iż-żewġt iljieli, għalhekk, ma kinux meħtieġa għall-parteċipazzjoni fl-avveniment ( 85 ).

150.

Minħabba li l-programm tal-avveniment ma kienx wieħed impenjattiv, wieħed għandu jidħollu dubju dwar jekk il-QEA setgħetx tikseb xi benefiċċju mill-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten. Jidher, minflok, li kienet biss opportunità għal rikreazzjoni u ħin liberu f’lukanda ta’ lussu f’post pjaċevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attività kien imissha tqieset fil-verità bħala mawra privata.

151.

Meta ngħid dan, mhux qiegħed ninjora l-fatt li forsi setgħet ingħatat iktar attenzjoni għall-kontenut tal-programm u setgħu saru xi ftit ta’ mistoqsijiet oħra fuq in-natura vera tal-avveniment tal-Forum qabel ma kienet approvata l-parteċipazzjoni ta’ K. Pinxten. Minkejja dan, ma naħsibx li jkun ġust li tiġi kkritikata l-QEA f’dan ir-rigward. Il-QEA kienet intitolata tistenna standards għoljin mill-Membri tagħha u, speċifikament, jekk il-Membru attenda avveniment li fil-fatt kien mhux iktar minn opportunità għal serħan u rilassament, dan kellu jitħallas mill-fondi tiegħu stess u mhux għall-ispiża aħħarija tal-persuna taxxabbli Ewropea.

2) Il-mawra f’Kuba

152.

Mit‑30 ta’ Marzu 2015 sal‑14 ta’ April 2015 K. Pinxten u martu marru Kuba. K. Pinxten ippreżenta dan il-vjaġġ bħala missjoni uffiċjali għall-QEA u, b’hekk, irċieva rimbors ta’ EUR 10 042.71 għal spejjeż tal-missjoni u allowances ta’ kuljum.

153.

F’nota lill-President tal-QEA tal‑24 ta’ Marzu 2015, K. Pinxten ippreżenta l-missjoni f’Kuba b’dan il-kliem: “[din] għandha tagħti iktar ħjiel dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u Kuba fid-dawl ta’ sitwazzjoni li tista’ tiżviluppa malajr fil-pajjiż. Dan jista’ jwassal sabiex Kuba tiġi inkluża f’wieħed mill-programmi ta’ xogħol prospettivi tal-Awla III, li hija responsabbli għall-awditu tal-Azzjonijiet Esterni tal-Unjoni. Il-missjoni tikkonċentra fuq kuntatti ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (NGOs, akkademiċi, ġurnalisti…) u żjajjar fuq il-post lil proġetti tal-UE‑UNDP. Minkejja t-tħejjijiet kollha tal-missjoni mil-Lussemburgu u Brussell, minħabba l-istruttura statali “awtoritarja”, ħafna mill-kuntatti u ż-żjajjar fuq il-post ikollhom jiġu rranġati wara l-wasla f’Ħavana” ( 86 ).

154.

Minkejja din il-preżentazzjoni, huwa ċar mill-fajl mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-QEA li dan il-vjaġġ kien maħsub mill-bidu nett bħala vjaġġ privat. Tabilħaqq, fl-ewwel posta elettronika mibgħuta mill-assistenta ta’ K. Pinxten lill-Ambaxxatur tal-Unjoni għal Kuba, kien spjegat li K. Pinxten u martu kienu qegħdin jippjanaw vjaġġ privat lejn Kuba minħabba li kienu għadhom ma marrux u daru dan il-pajjiż ( 87 ). Permezz ta’ din il-posta elettronika, K. Pinxten kien qiegħed isaqsi għal suġġerimenti dwar lukandi, bliet u gżejjer sabiex iżuruhom u għal kull informazzjoni siewja oħra. L-għada, intbagħtet it-tieni posta elettronika li kienet telenka l-ibliet li K. Pinxten kien ħaseb dwarhom u li fl-aħħar mill-aħħar jikkorrispondu għall-ibliet li K. Pinxten u martu żaru ( 88 ).

155.

Huwa minnu li, madwar 10 ijiem qabel it-tluq, K. Pinxten wera x-xewqa li jiltaqa’ ma’ ġurnalisti, rappreżentanti minn NGOs, ir-rappreżentanti ta’ benefiċjarji u/jew partijiet kontraenti ta’ finanzjament mill-Unjoni u wkoll li jżur ċerti proġetti ( 89 ). Għalhekk, l-uffiċċju ta’ K. Pinxten kien identifika l-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) bħala l-parti kontraenti l-iktar importanti u kien bagħat posta elettronika lill-UNDP sabiex jiġi vverifikat jekk kinitx possibbli żjara tal-proġetti mwettqa minn dan tal-aħħar fiż-żmien meta K. Pinxten u martu kienu ser ikunu fir-reġjun ikkonċernat ( 90 ).

156.

It-tweġibiet għal din it-talba kienu, madankollu, unanimi u ċari. B’hekk, l-Ambaxxatur tal-Unjoni għal Kuba wieġeb li “dan jista’ jqajjem għadd ta’ kwistjonijiet f’Kuba […] Bħala regola ġenerali, [huwa] diffiċli f’Kuba li wieħed jgħaqqad it-turiżmu ma’ attivitajiet uffiċjali” ( 91 ). Ir-Rappreżentant Residenti tal-UNDP għal Kuba kkonferma li “l-UNDP Kuba jaqbel għalkollox ma’ [din] l-evalwazzjoni” ( 92 ). Barra minn dan, l-Ambaxxatur Belġjan għal Kuba kiteb li huwa kien jaqbel perfettament mal-evalwazzjoni li kien għamel l-Ambaxxatur tal-Unjoni, u żied li “laqgħa uffiċjali [kienet] wisq improbabbli [u li] l-istess huwa minnu għal laqgħa informali [minħabba li, b]’mod ġenerali, uffiċjali Kubani ma jaċċettawx stediniet għal din ix-xorta ta’ laqgħa [u dan] huwa ċertament il-każ għal laqgħat ma’ uffiċjali barranin li jkollhom pożizzjoni għolja f’pajjiżhom jew fl-organizzazzjoni tagħhom” ( 93 ).

157.

Għalkemm l-assistenta tiegħu bagħtitlu l-ewwel żewġ posta elettroniċi fit‑18 ta’ Marzu 2015 ( 94 ) – biex hekk huwa bilfors kien jaf bil-fatt li l-awtoritajiet Kubani stkerrhu l-ħsieb li kwalunkwe aspett ta’ negozju jingħaqad ma’ vjaġġ maħsub l-iktar għal għanijiet turistiċi – K. Pinxten kiteb espressament fil-memorandum tiegħu lill-President tal-QEA tal‑24 ta’ Marzu 2015 li “l-missjoni tikkonċentra fuq kuntatti ma’ rappreżentanti tas-soċjetà ċivili (NGOs, akkademiċi, ġurnalisti…) u żjajjar fuq il-post lil proġetti tal-UE‑UNDP”. Żied jgħid li “ħafna mill-kuntatti u ż-żjajjar fuq il-post ikollhom jiġu rranġati wara l-wasla f’Ħavana”.

158.

Diffiċli temmen li K. Pinxten seta’ ħaseb li laqgħat u żjajjar bħal dawk setgħu jsiru meta huwa kien imwissi bosta drabi li kull żjara fuq il-post jew laqgħa ma’ awtoritajiet lokali kien jeħtiġilha visa tax-xogħol u, minkejja dan, huwa ddeċieda li jivvjaġġa lejn Kuba fuq visa turistika ( 95 ). F’kull każ, jidher mill-programm ta’ K. Pinxten li l-uniċi laqgħat li seħħew f’Kuba kienu limitati għal laqgħa informali mal-Ambaxxatur tal-Unjoni fil‑31 ta’ Marzu 2015, jiġifieri, fl-ewwel jum wara li huwa wasal f’Kuba, flimkien ma’ laqgħa mhux skedata ta’ xi sagħtejn ma’ membru tad-delegazzjoni tal-Unjoni għal Kuba l-għada ( 96 ).

159.

Mill-bqija, K. Pinxten u martu kienu biss mistiedna mill-Ambaxxatur tal-Unjoni fit‑2 ta’ April 2015 għal pranzu informali ta’ merħba fir-residenza tiegħu, fil-preżenza tal-Ambaxxatur Belġjan u ta’ martu, tar-Rappreżentant Permanenti tal-UNDP u ta’ rappreżentant tal-Unjoni ta’ Kittieba u Artisti ta’ Kuba. In-natura informali ta’ dan il-pranzu kienet ikkonfermata matul l-investigazzjoni tal-OLAF mill-Ambaxxatur tal-Unjoni nnifsu ( 97 ) u mill-membru tad-delegazzjoni tal-Unjoni f’Kuba li kien iltaqa’ ma’ K. Pinxten il-jum ta’ qabel ( 98 ). Dan tal-aħħar kien diġà nnota n-natura purament informali ta’ dan il-pranzu f’sunt qasir dwar iż-żjara ta’ K. Pinxten miktuba in tempore non suspecto ( 99 ). Dan is-sunt jikkonferma wkoll li l-laqgħa tal‑1 ta’ April 2015 kienet “skambju ħafif ta’ ħbiberija […] iktar ta’ interess u perspettiva politika pjuttost milli teknika”. Fl-aħħar nett, jista’ jkun osservat ukoll li, filwaqt li l-bqija tal-mawra fil-pajjiż ma hijiex ikkontestata, ma kinux seħħew żjajjar jew laqgħat oħra ta’ natura uffiċjali jew anki kważi uffiċjali.

160.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa tassew ovvju li l-vjaġġ kien ġeneralment wieħed privat. F’kull każ, huwa ċar li żewġ laqgħat u pranzu wieħed organizzati tul tlett ijiem f’Ħavana ma kinux jiġġustifikaw vjaġġ ta’ 14‑il jum mal-pajjiż kollu. Madankollu, minflok ma rrikonoxxa li l-għanijiet ippreżentati fin-nota tiegħu lill-QEA tal‑24 ta’ Marzu 2015 ma kinux intlaħqu, K. Pinxten sostna fir-rapport ta’ missjoni tiegħu li “[huwa kien] irnexxielu jiltaqa’ ma’ għadd ta’ nies interessanti ħafna u mgħarrfa tajjeb” ( 100 ). L-iktar li jista’ jingħad huwa li, hekk kif ir-rappreżentant tal-QEA kkonferma fis-seduta għas-sottomissjonijiet orali, tnejn mill-jiem setgħu tqiesu li kienu ddedikati għal xogħol uffiċjali.

3) Kaċeċ f’Chambord (Franza) u f’Ciergnon (il-Belġju)

161.

Huwa ċar mill-fajl tal-QEA u mill-investigazzjoni tal-OLAF li K. Pinxten jidher li kien kaċċatur regolari. Mill-bejn wieħed u ieħor 40 kaċċa msemmija fir-rapport finali tal-OLAF, huwa pparteċipa f’xi wħud minnhom daqslikieku kienu parti minn missjoni uffiċjali u, bħala tali, irċieva rimbors ta’ spejjeż tal-missjoni u allowances ta’ kuljum. Dan japplika għal mill-inqas tliet kaċeċ f’Chambord (Franza) u tnejn f’Ciergnon (il-Belġju).

162.

Fir-rigward tal-kaċeċ f’Chambord fil‑25 ta’ Jannar 2013, fit‑13 ta’ Frar 2015 u fit‑12 ta’ Frar 2016, K. Pinxten iġġustifika dawn il-missjonijiet bil-fatt li huwa kien mistieden bħala Membru tal-QEA, flimkien ma’ personalitajiet ewlenin oħra Ewropej u Franċiżi, għal dak li huwa sejjaħ “Jiem Ewropej”. Madankollu, minkejja stqarrija dwar dan mid-Direttur Ġenerali tal-Patrimonju Nazzjonali ta’ Chambord – magħmula fuq talba ta’ K. Pinxten fil-kuntest tal-investigazzjoni tal-OLAF ( 101 ) – l-uniku riferiment ieħor għal “Kaċċa Ewropea” (“une battue européenne”) kien sar f’posta elettronika mid-Direttur tal-Kaċċa u tal-Forestrija ta’ Chambord li tistieden lil K. Pinxten għall-kaċċa fit‑13 ta’ Frar 2015. Din il-posta elettronika kienet immarkata għall-attenzjoni tal-Ministru Pinxten fis‑7 ta’ Diċembru 2014 (u mhux bħala membru tal-QEA) ( 102 ).

163.

Barra minn dan, jidher li K. Pinxten kien mistieden għal dawn il-kaċeċ wara inizjattiva personali u wara l-intervent ta’ ħabib personali ( 103 ). Fuq kollox, ma hemmx indikazzjoni ta’ “Jum Ewropew” jew “Kaċċa Ewropea” f’xi waħda mill-posta elettroniċi l-oħra skambjati dwar Chambord jew f’xi waħda mit-tliet stediniet uffiċjali li huwa rċieva. Għall-kuntrarju, l-istediniet jew il-karti ta’ tweġiba semmew biss “kaċċa ta’ regolazzjoni tal-ħanżir salvaġġ” ( 104 ) jew “tbeżżigħ taċ-ċriev u l-ħnieżer selvaġġi permezz tal-ħbit ta’ bsaten lejn żona ta’ qtil jew ta’ qbid” ( 105 ) jew anki sempliċement “kaċċa ta’ regolazzjoni” ( 106 ).

164.

Min-naħa l-oħra, filwaqt li huwa minnu li missjonijiet uffiċjali jistgħu wkoll jingħaqdu ma’ attivitajiet soċjali jew laqgħat informali, għandu jiġi nnotat li jsegwi mill-programmi għall-kaċċa f’Chambord li fihom ipparteċipa K. Pinxten fl‑2013, fl‑2015 u fl‑2016 li l-jiem kollha tqattgħu għal attivitajiet tal-kaċċa, minn filgħodu sal-ikliet ta’ filgħaxija ( 107 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa diffiċli wieħed jara rabta bejn dawn l-avvenimenti u r-rwol ta’ K. Pinxten fil-QEA.

165.

Dwar il-kaċċa f’Ciergnon huwa, jekk xejn, anki iktar diffiċli li wieħed jaċċetta li seta’ kien hemm rabta max-xogħol jew mar-responsabbiltajiet ta’ K. Pinxten fil-QEA. Tabilħaqq, kuntrarjament għal dak li kien allegat fis-seduta tad‑29 ta’ Settembru 2020, l-istediniet kienu ntbagħtu fl-indirizz privat tiegħu fil-Belġju mill-Kap tal-Protokoll tal-Palazz tar-Re tal-Belġjani. Dawn l-istediniet ma kellhom l-ebda riferiment għall-QEA jew għal xi “Jum Ewropew” ( 108 ). Minbarra dan, skont it-tabella mehmuża mar-rapport tal-OLAF, allowances u/jew spejjeż tal-lukanda kienu tħallsu lil K. Pinxten b’rabta ma’ dawn il-kaċeċ fl‑2014 u fl‑2015 ( 109 ).

b)   Fuq it-tieni motiv: użu ħażin u illegali ta’ privileġġi fiskali

166.

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-QEA tissottometti li K. Pinxten kiser l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE ( 110 ) u dispożizzjonijiet tar-regolament tal-Lussemburgu tas‑7 ta’ Frar 2013 dwar l-allowances u l-eżenzjonijiet mogħtija lil missjonijiet diplomatiċi. Speċifikament, K. Pinxten allegatament għamel użu ħażin u illegali mill-karti tal-fjuwil għad-dispożizzjoni tiegħu billi ppermetta lil ċerti persuni jibbenefikaw indebitament mill-ħelsien mill-VAT u d-dazji tas-sisa mogħti lil diplomatiċi fil-Lussemburgu.

167.

Bħal Membri oħra tal-QEA, K. Pinxten kellu żewġ karti tal-fjuwil għal mhux iktar minn żewġ karozzi privati rreġistrati fil-Lussemburgu. Huwa uża waħda minnhom għall-karozza personali tiegħu, misjuqa minn martu, u l-oħra għat-tieni karozza personali tiegħu, misjuqa minn ibnu. Il-fatt li l-użu tal-karti tal-fjuwil kien ifisser benefiċċju mit-tnaqqis fil-prezz u mill-eżenzjoni mill-VAT kien espressament iddikjarat fil-posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2009 invokata minn K. Pinxten innifsu fid-difiża tiegħu ( 111 ). Barra minn dan, kien ukoll magħmul ċar f’nota għall-attenzjoni tal-President u tal-Membri tal-QEA u tas-Segretarju Ġenerali tat‑3 ta’ Novembru 2010 li l-karti kellhom kodiċi kunfidenzjali, parzjalment assoċjat mal-QEA u parzjalment mal-utent innifsu, li kien jagħmilha possibbli li jintgħaraf l-awtur ta’ kull tranżazzjoni. Żdied jingħad li “kull karta [hija] speċifika għal karozza waħda u b’hekk għandha tibqa’ fil-vettura” ( 112 ).

168.

Ma hemmx ħtieġa għal dawn il-finijiet li nitkellem dwar il-fatt li wieħed mis-subien ta’ K. Pinxten ma kienx għadu dipendenti fuq il-ġenituri tiegħu (u, għalhekk, ma kienx għadu awtorizzat juża waħda mill-karti tal-fjuwil). Tabilħaqq, irrispettivament minn din il-kwistjoni, huwa ċar, madankollu, li l-użu tal-karti tal-fjuwil ma sarx skont ir-regoli mfakkra iktar ’il fuq.

169.

Tabilħaqq, iż-żewġ karozzi assoċjati mal-karti addizzjonali tal-fjuwil kienu jaħdmu bid-diesel. Madankollu, eżami tal-użu tal-karti wera diversi anomaliji. L-ewwel, jidher mill-fatturi ta’ fornituri tal-fjuwil li waħda mill-karti tal-fjuwil kienet użata regolarment sabiex jinxtara l-petrol (għall-inqas 11‑il darba tul perijodu ta’ 17‑il xahar) ( 113 ). Minbarra dan, dawn il-fatturi juru wkoll li waħda mill-karti tal-fjuwil kienet intużat sabiex jinxtara d-diesel, filwaqt li l-karta l-oħra tal-fjuwil kienet intużat fl-istess jum sabiex jinxtara l-petrol għal dik li suppost kienet, bħala prinċipju, l-istess karozza ( 114 ). Hemm anki jiem li fihom il-karta ntużat fl-istess stazzjon ta’ pompi tal-petrol, darba għall-petrol u darba għad-diesel, f’intervalli ta’ żewġ jew erba’ minuti biss minn xulxin ( 115 ), li ovvjament huwa impossibbli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iskuża ta’ vettura ta’ sostituzzjoni, għalhekk, ma treġix. Għall-kuntrarju, dawn il-fatturi juru abbuż ċar fl-użu tal-karti addizzjonali tal-fjuwil bi ksur tar-regoli msemmija b’mod ċar f’diversi dokumenti indirizzati lil K. Pinxten. Fil-fatt, is-sempliċi użu fl-istess ħin ta’ żewġ fjuwils differenti – li wieħed minnhom ma kienx jaqbel mal-vettura li magħha l-karta kienet assoċjata – juri li K. Pinxten kien għadda l-karti tal-fjuwil u l-vantaġġi fiskali assoċjati magħhom lil terzi mhux awtorizzati.

c)   Fuq it-tielet motiv: dikjarazzjonijiet foloz ta’ assigurazzjoni

170.

Fit-tielet ilment, K. Pinxten huwa akkużat li għamel stqarrija falza ta’ talbiet f’żewġ inċidenti li kienu jinvolvu l-vettura uffiċjali mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu u li għalihom huwa kien irċieva żewġ ħlasijiet ta’ kumpens li ma kinux dovuti. L-ewwel ħlas kien relatat ma’ inċident li seħħ fl‑14 ta’ Jannar 2010, li fih ix-xufier ta’ M. Pinxten saq fuq bagalja li kien fiha flixkun inbid u diversi biċċiet ta’ ħwejjeġ. Il-ħlas l-ieħor kien relatat ma’ inċident fis‑17 ta’ Jannar 2011 bejn il-karozza privata tiegħu misjuqa minn ibnu, u l-karozza uffiċjali, misjuqa mix-xufier tiegħu. Madankollu, jidher mix-xhieda tax-xufier mogħtija matul l-investigazzjoni tal-OLAF li l-ewwel inċident ma kienx wassal għall-konsegwenzi ddikjarati u li x-xufier ma kienx involut fit-tieni inċident.

171.

Fir-rigward tal-ewwel inċident, jidher li K. Pinxten irċieva rimbors għal diversi biċċiet ta’ ħwejjeġ, magħduda żewġt ilbiesi tal-irġiel, abbażi ta’ dikjarazzjoni ta’ inċident iffirmata mix-xufier tiegħu ( 116 ) u ta’ stqarrija formali ffirmata minn K. Pinxten innifsu ( 117 ). Madankollu, meqjusa x-xhieda tax-xufier ta’ K. Pinxten matul l-investigazzjoni tal-OLAF, iċ-ċirkustanzi li fihom dan seħħ ma humiex ċari ħafna. Barra minn dan, skont l-istess xhieda, il-bagalja li fiha nkiser flixkun inbid kienet wisq żgħira sabiex fiha jiddaħħlu żewġt ilbiesi tal-irġiel, kif iddikjara K. Pinxten lill-kumpannija tal-assigurazzjoni ( 118 ). Fl-istess waqt, il-kumpannija tal-assigurazzjoni jidher li ħallset kumpens mingħajr kontestazzjoni.

172.

B’rabta mat-tieni inċident, ir-rwol ta’ K. Pinxten ma huwiex ċar. L-inċident kien għall-bidu rrapportat minn K. Pinxten innifsu. Il-kumpannija tal-assigurazzjoni rrifjutat li tħallas minħabba li l-inċident kien seħħ bejn żewġ membri tal-istess familja. Dan huwa kkonfermat mhux biss minn posta elettronika tat‑28 ta’ Jannar 2011 mibgħuta minn impjegat tal-kumpannija tal-assigurazzjoni lill-maniġer ġenerali tal-kumpannija ta’ lokazzjoni ta’ karozzi inkarigata mill-karrozzi tal-QEA, jiġifieri, inqas minn ġimagħtejn wara li kien seħħ l-inċident ( 119 ), iżda wkoll minn K. Pinxten innifsu f’ittra tal‑11 ta’ Jannar 2012 indirizzata lid-direttur tal-kumpannija tal-assigurazzjoni ( 120 ). F’din l-ittra, K. Pinxten jgħid espressament li l-fatti seħħew kif huwa kien stqarr qabel u li huwa jqis li d-deċiżjoni tal-kumpannija tal-assigurazzjoni kienet inġusta meta l-unika raġuni għar-rifjut li tintervjeni kienet dik li żewġ persuni mill-istess familja ma jistgħux ikunu involuti u jidhru fuq ir-rapport tal-inċident. L-ispjegazzjonijiet mogħtija minn K. Pinxten lis-Segretarju Ġenerali tal-QEA f’memorandum tal‑1 ta’ Settembru 2016, li skontu “din l-ittra tista’ tagħti impressjoni differenti lil xi ħadd li ma rax l-istqarrija tal-fatti u ma jafx li S.G. kien ix-xufier uffiċjali tiegħ[u], [iżda] bl-ebda mod [huwa] ma ppretenda li kien saq il-karrozza tas-servizz [tiegħu] [huwa] stess” ( 121 ) ma humiex konvinċenti. Minn naħa, dan id-dokument tħejja fi żmien meta kienu saru l-ewwel allegazzjonijiet mill-QEA. Min-naħa l-oħra, huwa diffiċli temmen li K. Pinxten kien ser juża pronom personali bħal “jiena” jew “aħna” (b’riferiment għal K. Pinxten innifsu u għal ibnu) meta l-persuna involuta hija terz.

173.

Għandu jkun innotat, madankollu, li l-formola tar-rapport tal-inċident mibgħuta lill-kumpannija tal-assigurazzjoni kienet iffirmata minn iben K. Pinxten u mix-xufier ta’ K. Pinxten. Bla dubju, ma jistax ikun eskluż, mill-qari tal-fajl, li l-fatt li r-rapport tal-inċident kien fl-aħħar mill-aħħar iffirmat mix-xufier ta’ K. Pinxten kien inizjattiva tal-persuna inkarigata mix-xufiera tal-QEA ( 122 ) jew ta’ K. Pinxten innifsu b’reazzjoni għar-rifjut tal-assiguratur li jintervjeni ( 123 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi nnotat li ma hemmx xhieda mhux ambigwa li K. Pinxten kien involut u li huwa fil-fatt kien jaf dwar l-allegata frodi li tat lok għar-rimbors.

174.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma naħsibx li t-tielet ilment ġie stabbilit.

d)   Fuq ir-raba’ lment: il-pożizzjoni mhux iddikjarata u illegali ta’ maniġer ta’ kumpannija kummerċjali u ta’ attività politika qawwija

175.

Fir-rigward tar-raba’ lment, K. Pinxten essenzjalment huwa akkużat b’żewġ affarijiet. L-ewwel, huwa allegat li K. Pinxten aġixxa bħala maniġer ta’ kumpannija kummerċjali sa mill‑2016, meta huwa xtara proprjetà f’Bourgogne li tikkonsisti f’dar u vinja. It-tieni, huwa allegat li K. Pinxten kien imdaħħal f’attività politika qawwija fi ħdan partit politiku fiż-żmien meta kellu l-kariga fil-QEA.

176.

Dwar l-attività f’kumpannija kummerċjali, K. Pinxten jissottometti li l-attività ma kinitx kummerċjali jew professjonali. Skont K. Pinxten, huwa kien azzjonist – flimkien ma’ martu u t-tfal – f’“société civile immobilière”. L-attività ta’ maniġer ma kinitx professjonali. Il-kumpannija kienet biss tirċievi l-kera għall-kiri tal-proprjetà.

177.

Irrispettivament minn dan l-aspett finanzjarju, jidher mill-fajl li K. Pinxten ma kienx iddikjara din is-sitwazzjoni f’waqtha u, a fortiori, li din ma kinitx approvata. Dan sar magħruf biss meta K. Pinxten għarraf lill-QEA f’Settembru 2018, wara li l-kariga tiegħu kienet intemmet f’April 2018, li huwa kien inħatar xahrejn qabel bħala “gérant” (maniġer amministrattiv) tal-vinja f’Chambolle Musigny (Franza), wara li kienet biddlet il-kostituzzjoni legali tagħha għal “Groupement foncier agricole” ( 124 ). Madankollu, l-Artikolu 6 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA jeħtieġ lill-Membri tal-QEA jiddikjaraw l-attivitajiet barranin kollha tagħhom, u l-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA jgħid li “[k]ull proprjetà posseduta jew direttament jew permezz ta’ kumpanija ta’ proprjetà immobbli għandha tiġi ddikjarata”, bl-eċċezzjoni biss ta’ djar li jkunu għall-użu esklużiv tas-sid jew ta’ familtu. Għaldaqstant, K. Pinxten naqas milli jissodisfa dan l-obbligu matul iż-żmien tal-kariga tiegħu.

178.

Fir-rigward ta’ attivitajiet politiċi, ir-regoli tal-QEA huma partikolarment ċari. L-ewwel nett, l-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA jgħid li huma għandhom jiddedikaw lilhom innifishom għat-twettiq tal-mandat tagħhom u li “[huma] ma jistgħu jwettqu ebda kariga politika”. It-tieni nett, il-punt 3.2. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA jipprovdi li l-Membri tal-QEA għandhom iwettqu l-inkarigi tagħhom mingħajr ebda influwenza politika, nazzjonali jew xorta oħra barranija. It-tielet nett, sabiex ineħħi kull dell ta’ dubju, il-punt 3.3. ta’ dawn il-Linji gwida dwar l-Etika jindika li Membri tal-QEA għandhom “[j]evitaw kull kunflitt ta’ interess, kemm jekk attwali jew apparenti [li] jista’ jkun il-każ, pereżempju, b’konnessjoni ma’ sħubija f’organizzazzjonijiet politiċi, pożizzjonijiet politiċi […]” ( 125 ).

179.

Ma hemmx dubju li K. Pinxten kien jaf b’dawn ir-regoli. Tabilħaqq, kmieni sa minn Mejju 2006, K. Pinxten kien talab li jżomm il-mandat tiegħu ta’ sindku tal-belt ta’ Overpelt (il-Belġju). Madankollu, din it-talba ma ntlaqgħetx abbażi tal-Artikolu 286 TFUE u tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA msemmi iktar ’il fuq, anki jekk K. Pinxten kien fil-fatt iddelega dmirijietu kollha bħala sindku u fittex li jżomm biss it-titolu marbut ma’ din il-funzjoni politika ( 126 ).

180.

Ix-xhieda tistabbilixxi madankollu – tal-għaġeb kif jidher – li bejn l‑2006 u l‑2017 K. Pinxten issokta jkun membru tal-bord ta’ partit politiku fil-Belġju. Fid-difiża tiegħu K. Pinxten jissottometti li, minn Novembru 2008, huwa kien biss membru tal-“bord estiż”, jiġifieri, mingħajr dritt għal vot. Dan l-argument ma tantx għandu piż u l-fatt li wara kollox sar minnu nnifsu jitkellem il-volumi dwar l-approċċ ġenerali ta’ K. Pinxten fir-rigward tal-obbligi ta’ oġġettività sħiħa u indipendenza minn attività politika li għandhom ikunu mistennija minn Membru tal-QEA.

181.

Bilkemm huwa meħtieġ inżid li n-nuqqas ta’ dritt għal vot ma jżommx lil persuna milli tesprimi l-fehma tagħha dwar kwistjonijiet diskussi u, għalhekk, milli tinfluwenza r-riżultat ta’ kull vot jew, għall-kuntrarju, milli tkun influwenzata mid-diskussjoni. F’kull każ, li huwa oġġezzjonabbli huwa l-fatt fih innifsu li K. Pinxten baqa’ membru attiv ta’ partit politiku nazzjonali.

182.

Huwa ċar li Pinxten kellu l-intenzjoni soda li jibqa’ membru influwenti tal-partit politiku tiegħu u, għalhekk, li jkun attiv fuq il-bord politiku. Għalhekk, pereżempju, K. Pinxten kien ta parir personali lill-President tal-partit tiegħu dwar l-aħjar strateġija tal-midja għall-partit dwar kwistjoni ekonomika ( 127 ). Huwa insista wkoll li jiltaqa’ mal-President tal-partit meta ma setax jattendi l-bord tal-partit, għaliex ried jitkellem dwar kwistjoni ta’ interess għaliha u għall-partit ( 128 ). Min-naħa l-oħra, hemm ukoll provi li K. Pinxten kien wieħed li pparteċipa regolarment fuq il-bord politiku. Pereżempju, minn 57 laqgħa bejn Frar 2009 u April 2010, K. Pinxten attenda 30 laqgħa, xi drabi anki darbtejn fl-istess ġimgħa. Anki iktar mill-attendenza tiegħu f’laqgħat, il-minuti tal-laqgħat juru li s-suġġetti diskussi kienu b’mod ċar aktarx jinfluwenzaw ix-xogħol ta’ K. Pinxten jew l-indipendenza tiegħu bħala Membru tal-QEA. Dawn is-suġġetti li inkludew kwistjonijiet bħall-kampanji elettorali reġjonali u Ewropej u d-deċiżjoni li kellha tkun adottata minn azzjonisti fir-rigward ta’ inkorporazzjoni bejn żewġ banek ewlenin fil-Belġju ( 129 ), il-konsegwenzi tal-elezzjonijiet nazzjonali fuq is-sistema istituzzjonali futura tal-Belġju ( 130 ), jew anki l-pjan multiannwali li kellu jiġi sottomess lill-Kummissjoni ( 131 ), l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-baġit tal-Belġju ( 132 ), il-possibbiltà li l-ewwel President tal-Kunsill Ewropew ikun Belġjan u s-suċċessjoni tal-Prim Ministru ( 133 ), il-ħatra tal-Prim Ministru l-ġdid ( 134 ) jew il-prijorità tal-partit għall-presidenza Belġjana tal-Unjoni ( 135 ) kienu diskussi fil-preżenza ta’ K. Pinxten, li dak iż-żmien kien Membru tal-QEA u l-partit tiegħu kien membru tal-Gvern Belġjan.

183.

Madankollu, it-Trattat innifsu huwa partikolarment ċar dwar din il-kwistjoni: ma għandu jkun hemm ebda dubju dwar l-indipendenza tal-Membri tal-QEA (Artikolu 286(1) TFUE) u, fit-twettiq ta’ dmirijiethom, huma ma jistgħu jieħdu istruzzjonijiet minn ebda gvern jew minn ebda korp ieħor (Artikolu 286(3) TFUE). Dan ifisser li attività politika attiva partiġjana ta’ din ix-xorta hija għalkollox inkonsistenti ma’ sħubija fil-QEA. Dan kollu għandu jitqies bħala elementari minn kull membru tal-QEA u ma nistax noqgħod lura milli nosserva li l-kondotta ta’ K. Pinxten f’dan ir-rigward sempliċement ma tistax tkun skużata.

e)   Fuq il-ħames ilment: il-kunflitt ta’ interess maħluq fil-kuntest ta’ offerta għall-kiri ta’ appartament privat lill-kap ta’ entità awditjata

184.

Permezz tal-ħames ilment tagħha, il-QEA tallega li K. Pinxten ħoloq kunflitt ta’ interess billi offra appartament privat għall-kiri lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (is-Sinjura Mogherini), meta dik l-entità kienet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Awla tal-QEA li tagħha huwa kien id-dekan.

185.

Jidher mill-fajl li fil-fatt kienet intbagħtet offerta minn K. Pinxten lis-Sinjura Mogherini fl‑20 ta’ Novembru 2014 mingħajr ebda riferiment għall-kariga tiegħu fil-QEA, ħlief l-indikazzjoni tal-indirizz elettroniku tiegħu taħt il-firma tiegħu ( 136 ). Din l-inizjattiva ċertament ma kinitx flokha, meqjusa l-pożizzjoni li kellu K. Pinxten, u fetħet it-triq għal kunflitt ta’ interess ċar.

3.   L-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 285 u 286 TFUE

186.

Wara li analizzajt l-argumenti tal-partijiet u l-fajls tagħhom, nikkonkludi li ħafna mill-fatti ewlenin li jagħtu fid-dettall dak li K. Pinxten huwa akkużat bih fl-ewwel, fit-tieni u fir-raba’ lment ċertament ġew stabbiliti. Dawn jikkostitwixxu evitar tar-regoli applikabbli, jiġifieri, mill-inqas, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2290/77, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118, ir-regolament tal-Lussemburgu tas‑7 ta’ Frar 2013 dwar l-allowances u l-eżenzjonijiet mogħtija lil missjonijiet diplomatiċi, l-Artikolu 4(1) tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA u l-punti 2.2., 3.2. u 3.3. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA. L-allegata mġiba fil-ħames ilment, jiġifieri, l-offerta ta’ appartament privat għall-kiri, kienet ukoll ċertament mhux flokha u, sa dak il-punt, mhux xierqa.

187.

Filwaqt li xi wħud mill-fatti stabbiliti huma minnhom innifishom ksur ta’ ċertu grad ta’ gravità, huwa f’kull każ ċar li, kollox ma’ kollox, huma juru nuqqas sħiħ ta’ ħarsien tar-regoli fis-seħħ. Dawn id-diversi atti huma sintomatiċi ta’ attitudni bażika li turi li K. Pinxten kien lest, waqt li kien fil-kariga bħala Membru tal-QEA, juża din il-kariga sabiex jestendi l-benefiċċji tiegħu bi ħsara għall-baġit tal-Unjoni ( 137 ).

188.

Il-fajl jistabbilixxi li K. Pinxten b’mod ċar mhux biss kellu definittivament diffikultà li jifhem ir-rekwiżiti tal-kariga tiegħu iżda wkoll li jiddetermina liema spejjeż kienu koperti minn fondi pubbliċi u liema kellhom jiġu sostnuti personalment. Il-fajl, għalhekk, juri, minn naħa, użu ħażin repetut – jekk mhux persistenti – u kkaratterizzat tal-vantaġġi u tal-privileġġi relatati mal-funzjoni tiegħu fil-QEA, b’mod partikolari sabiex ma jkollux għalfejn iħallas għal spejjeż privati jew għal attivitajiet rikreattivi mhux relatati mal-funzjoni tiegħu fil-QEA u, min-naħa l-oħra, inkapaċità li jħalli l-karriera politika preċedenti tiegħu u l-influwenza li kellu qabel fuq il-politika Belġjana.

189.

Din l-imġiba bla dubju tikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji fundamentali li jiddefinixxu d-dmirijiet ta’ Membru tal-QEA u li huma stabbiliti fl-impenn solenni li K. Pinxten ħalef li jħares fil-bidu taż-żmien tal-kariga tiegħu: id-dmirijiet ta’ integrità, diskrezzjoni u indipendenza.

190.

Xi wħud mill-avvenimenti li jifformaw il-bażi ta’ dawn l-ilmenti, bħall-mawriet fi Crans Montana jew f’Kuba, il-kaċċa f’Chambord u f’Ciergnon jew il-mod mid-dehra każwali li bih huwa uża l-karti tal-fjuwil huma wisq iktar inaċċettabbli fid-dawl tar-rwol tal-QEA li għandha tkun “il-kuxjenza finanzjarja” tal-Unjoni Ewropea. Tabilħaqq, wieħed jista’ jistaqsi kif jista’ jingħata krettu lil awditu tal-QEA jekk l-awtur tiegħu stess ma jħarisx ir-regoli meta juża fondi pubbliċi. Il-fatti lmentati huma wisq iktar gravi minħabba li K. Pinxten kien il-persuna li de facto fittex li jikseb l-istediniet imsemmija sabiex isostni l-ispejjeż tiegħu, filwaqt li d-dmir tal-Membri tal-QEA huwa li jiżguraw li l-interess ġenerali tal-Unjoni f’kull waqt jiġi qabel interessi personali ( 138 ).

191.

K. Pinxten jargumenta bħala ġustifikazzjoni li r-regoli ma kinux ċari jew li huwa kien, f’kull każ, ikkonforma mar-regoli interni tal-QEA kif kienu japplikaw meta seħħew il-fatti; huwa dejjem irċieva l-approvazzjoni tal-President tal-QEA u li Membri oħra tal-QEA kienu qegħdin jagħmlu l-istess. Anki jekk dan huwa minnu – u, sabiex inkunu ġusti, xejn minn dan, bl-eċċezzjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-President, ma kien qatt stabbilit – xejn minn dan ma jista’ jiskuża l-imġiba tiegħu.

192.

L-ewwel nett, fir-rigward ta’ jekk ir-regoli applikabbli kinux ċari, urejt li r-regoli ewlenin li K. Pinxten kiser – ir-regoli relatati ma’ missjonijiet uffiċjali, l-użu tal-karti tal-fjuwil jew il-projbizzjoni ta’ attivitajiet politiċi – mhux biss kienu ċari, iżda K. Pinxten kien jaf bihom perfettament. Sussegwentement, jidhirli li huwa wkoll evidenti li l-prinċipji ta’ integrità, diskrezzjoni u indipendenza, li huma wkoll fil-bażi tal-ksur ta’ K. Pinxten, ma jeħtiġilhomx ikunu żviluppati f’regolamenti sekondarji sabiex wieħed jifhem il-qofol veru tagħhom. Bl-istess mod, naqbel mal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson li “ma huwiex għalkollox possibbli, lanqas ma huwa utli li wieħed jipprova jistabbilixxi b’mod ezawrjenti standards għal kondotta xierqa f’kariga pubblika. Dejjem ikun hemm sitwazzjoni li fiha wieħed ma jkunx jista’ jidentifika liema standard ikun inkiser, iżda li jkun jista’ jikkonkludi li l-kondotta, madankollu, hija kuntrarja għall-interess ġenerali” ( 139 ). Dwar dan, wieħed jista’ josserva li l-kategoriji ta’ kondotta ħażina possibbli għall-finijiet tal-Artikolu 286 TFUE qatt ma huma limitati.

193.

It-tieni nett, fir-rigward tal-fatt li t-talbiet ta’ K. Pinxten kienu ġew approvati mill-President tal-QEA, għandu jitfakkar, kif il-Qorti tal-Ġustizzja, barra minn dan, iddeċidiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson, li K. Pinxten ma jistax jeħles lilu nnifsu mir-responsabbiltà tiegħu billi jistkenn wara l-awtorizzazzjoni ta’ xi ħadd ieħor ( 140 ). Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-awtorizzazzjonijiet li kienu ngħataw kienu msejsa fuq informazzjoni li sikwit ma kinitx sħiħa jew ukoll mhux korretta. F’dan ir-rigward, in-nuqqas li tintalab iktar informazzjoni f’każijiet ta’ dubju ma jistax jeħel bih il-President tal-QEA. Tabilħaqq, ir-relazzjoni bejn il-President u l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri ma hijiex waħda ġerarkika iżda pjuttost relazzjoni bejn ugwali, ibbażata fuq il-bona fide u l-fiduċja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ċertament ma kinitx kwistjoni li l-President tal-QEA ssuspetta li K. Pinxten kien qiegħed jigdeb, iżda pjuttost li K. Pinxten kien qiegħed ikun onest.

194.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, “l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati”. Madankollu, l-Unjoni ma hijiex kunċett teoretiku. Hija realtà li tingħata forma konkreta mill-poplu li jikkostitwixxiha, magħduda l-Membri tal-istituzzjonijiet fl-ogħla livell. F’kull każ, anki jekk ir-regoli interni tal-QEA relatati mal-informazzjoni li għandha tingħata insostenn ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni sabiex titwettaq missjoni setgħu forsi ma kinux eżiġenti ħafna fiż-żmien rilevanti u kellhom jitqiesu bħala li kienu tħarsu f’dan il-każ, madankollu huwa minnu li l-kondotta koperta minn dawn l-applikazzjonijiet kienet b’mod ċar kuntrarja għall-prinċipji fundamentali li huma l-bażi tal-ġurament li kien ħa K. Pinxten.

195.

It-tielet nett, fir-rigward tal-kondotta tal-Membri l-oħra tal-QEA, anki kieku kellu jintwera li xi wħud minnhom ġabu ruħhom b’mod simili – u, sabiex intenni, ma ġiet prodotta ebda tali prova għal dan il-għan – għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju ta’ legalità, ebda persuna ma tista’ tinvoka, sabiex issostni t-talba tagħha, att illegali mwettaq favur ħaddieħor ( 141 ).

196.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, jiena obbligat nikkonkludi li l-kondotta ta’ K. Pinxten waqgħet lil hinn sostanzjalment mill-obbligi etiċi u regolatorji imposti fuq Membri tal-QEA. Billi għamel dan, huwa sar responsabbli għal ksur serju tal-obbligi etiċi tiegħu li huwa ta’ ċertu grad ta’ gravità.

D. Sanzjoni

197.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja osservat fis-sentenza tagħha tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455), fir-rigward ta’ Membri tal-Kummissjoni skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 245 TFUE, il-ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-QEA jitlob, bħala regola ġenerali, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni skont l-Artikolu 286(6) TFUE ( 142 ). Għalkemm il-QEA tħalli fid-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddetermina n-natura u d-daqs ta’ tali sanzjoni, il-QEA tissottometti li sanzjoni imposta, tkun liema tkun, għandha tqis il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1.   Ġurisprudenza u prinċipji applikabbli

198.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ sanzjonijiet huwa ovvjament iggarantit fil-livell kostituzzjonali mill-Artikolu 49(3) tal-Karta. Din id-dispożizzjoni teħtieġ li sanzjoni ma għandhiex tkun ħarxa b’mod sproporzjonat mar-reat kriminali li jkun twettaq ( 143 ). Filwaqt li dawn il-proċeduri ċertament ma jinvolvu ebda ġudizzju dwar jekk K. Pinxten kienx ħati ta’ reat kriminali, madankollu, huwa ċar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet ikunu xi jkunu l-oqsma tad-dritt tal-Unjoni kkonċernati ( 144 ).

199.

Minbarra dan, ir-rekwiżit tal-proporzjonalità ta’ sanzjonijiet jinsab ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti EDB. B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) jgħid li “[k]ull persuna naturali jew persuna morali għandha dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha”.

200.

Sabiex tistabbilixxi jekk hemmx ksur ta’ dan id-dritt, il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB turi li hija tevalwa jekk sanzjonijiet ta’ natura pekunjarja, magħduda t-tnaqqis jew it-telf ta’ pensjoni tal-irtirar, humiex proporzjonati. Dan jinvolvi evalwazzjoni ta’ jekk jintlaħaqx bilanċ ġust bejn l-eżiġenzi tal-interess ġenerali tal-komunità u r-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-individwu ( 145 ). Skont din il-ġurisprudenza, il-bilanċ meħtieġ ma jkunx intlaħaq jekk il-persuna kkonċernata jkollha ssostni piż individwali u eċċessiv ( 146 ).

201.

Fil-kuntest partikolari ta’ tnaqqis jew ta’ telf ta’ pensjoni tal-irtirar, għandu wkoll jiġi nnotat li l-Qorti EDB indikat li hija ma tqishiex inerentement mhux raġonevoli li ssir dispożizzjoni għat-tnaqqis jew anki għat-telf għalkollox ta’ pensjonijiet f’każ adatt ( 147 ). Min-naħa l-oħra, il-fatt dwar jekk ikunx intlaħaq il-bilanċ tajjeb jew le jkun jiddependi ħafna miċ-ċirkustanzi u mill-fatturi partikolari ta’ każ partikolari li jistgħu jxaqilbu l-keffa tal-miżien lejn naħa jew oħra ( 148 ).

202.

Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-iskop ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-KEDB. Dan ifisser li, peress li l-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprovdi wkoll li “[k]ull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt”, ir-rekwiżiti tal-Qorti EDB li għadni kif semmejt fil-qosor iktar ’il fuq għandhom neċessarjament jitqiesu fl-interpretazzjoni tal-limitu minimu ta’ protezzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 17 tal-Karta ( 149 ).

203.

Sabiex ikun evalwat jekk is-sanzjoni hijiex konsistenti mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-ġurisprudenza tissuġġerixxi li għandhom jitqiesu, inter alia, il-kondotta tal-persuna kkonċernata ( 150 ), in-natura u l-grad ta’ gravità tal-ksur li s-sanzjoni tfittex li tissanzjona ( 151 ), it-tul tal-ksur tar-regoli inkwistjoni ( 152 ), iżda wkoll id-dannu li jkun sar lill-QEA bħala istituzzjoni ( 153 ). Fl-aħħar nett, il-fatt li t-telf ta’ pensjoni tal-irtirar ma jħallix lill-persuna kkonċernata mingħajr ebda mezz ta’ għajxien, jew, b’mod ġenerali, li ma jkollux impatt deċiżiv fuq il-qagħda finanzjarja ġenerali tal-persuna, jista’ wkoll ikun fattur rilevanti sa fejn hija kkonċernata l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tas-sanzjoni ( 154 ).

204.

Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-QEA, jista’ jingħad li okkupanti ta’ kariga bħal K. Pinxten huma mistennija jżommu l-ogħla standards ta’ probità u integrità personali. Huwa importanti li wieħed ikun ċar dwar dan. Il-bnedmin huma, min-natura tagħhom, kreaturi dgħajfa u fallibbli u anki dawk l-iktar ta’ kuxjenza u ta’ ġieħ itendu li jiżbaljaw u jagħmlu ġudizzju ħażin. Kull evalwazzjoni ta’ analiżi tal-proporzjonalità għandha, għaldaqstant, tħalli spazju għall-kundizzjoni umana, u jekk kandidati għal kariga għolja jeħtiġilhom ikunu perfetti, ħadd ma sewwasew ikun jista’ jissejjaħ sabiex jaqdi.

205.

Madankollu, hawnhekk hawn element inerenti ta’ proporzjonalità, sabiex nibdew, b’rabta ma’ rikors skont l-Artikolu 286(6) TFUE, minħabba li, kif diġà osservajt, nuqqasijiet serji biss min-naħa tal-Membru kkonċernat jistgħu jiġġustifikaw il-preżentazzjoni ta’ tali rikors. Iżda, kif diġà wkoll għadni kif għidt, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandha tqis ukoll id-dannu li l-kondotta tal-Membru tkun għamlet jew ser tagħmel lill-istituzzjoni kkonċernata. Dawk li jaċċettaw kariga għolja għandhom dmir speċjali li ma jġibux ruħhom b’mod li jimmina l-għanijiet innifishom tal-istituzzjoni li huma jaqdu. Il-QEA hija mfassla fundamentalment sabiex tiżgura li d-dħul pubbliku tal-Unjoni jintefaq b’mod legali u effiċjenti, u dawn l-għanijiet ma jinqdewx b’mod tajjeb meta Membru tal-QEA jġib ruħu b’mod li manifestament imur kontra dawn l-għanijiet u li jimmina l-fiduċja tal-pubbliku fil-ħila jew anki fir-rieda tal-QEA li twettaq il-mandat tagħha.

206.

Flimkien ma’ dawn il-prinċipji, wieħed għandu jiftakar li, sa fejn hija kkonċernata s-sanzjoni stess, l-uniku veru preċedent huwa dak stabbilit fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson innifisha. F’dik il-kawża, l-ex Kummissarju kienet instabet ħatja li kienet uriet favoritiżmu meta appuntat ħabib personali f’pożizzjoni partikolari ta’ responsabbiltà li għaliha ma kienx ikkwalifikat. Filwaqt li fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Geelhoed ikkonkluda li l-kondotta kienet serja biżżejjed sabiex tiġġustifika li E. Cresson titneħħiela l-pensjoni sħiħa tagħha, huwa qies li kien hemm biżżejjed fatturi mitiganti sabiex jiġi ġġustifikat li dak it-tnaqqis jitnaqqas għal 50 % ( 155 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja, min-naħa l-oħra, ma marritx daqshekk ’il bogħod, u kkuntentat lilha nnifisha billi qalet li l-fatt stess tal-konstatazzjoni kien fih innifsu sanzjoni biżżejjed. Hija ma ordnatx tnaqqis fil-pensjoni ta’ E. Cresson.

207.

Meqjus dan il-preċedent u l-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni ta’ sanzjoni skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, x’għandha, għaldaqstant, tkun is-sanzjoni f’dan il-każ?

2.   L-applikazzjoni ta’ ġurisprudenza u prinċipji għal fatti f’din il-kawża

208.

L-ewwel nett għandu jitfakkar li s-sentenza fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson kienet minnha nnifisha innovattiva. Madankollu kemm il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kif ukoll is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxew l-istandards meħtieġa li okkupanti ta’ kariga għolja bħal K. Pinxten għandhom ikunu preżunti li kienu jafu bihom. F’dan ir-rigward, għandu jkun ammess li n-nuqqas inkwistjoni jirriżulta mhux biss minn għadd ta’ atti individwali u serji, iżda wkoll minn atti li l-issoktar tagħhom b’dispjaċir jirrifletti nuqqas ċar ta’ osservanza ta’ dawn l-istandards.

209.

Fi kliem ieħor, il-kondotta stabbilita f’din il-kawża turi nuqqas persistenti u bla mistħija ta’ osservanza ta’ regoli ordinarji ta’ mġiba li jikkostitwixxi ksur serju tal-prinċipji fundamentali li huma l-bażi tal-impenn tal-Membri tal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni: integrità, diskrezzjoni u indipendenza kif stipulat, għall-QEA, fl-Artikoli 285 u 286 TFUE.

210.

Wara dan, filwaqt li l-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson kienet tinvolvi att uniku ta’ bla dubju favoritiżmu grossolan, il-kondotta ta’ K. Pinxten uriet li huwa kien repetutament u għal perijodu ta’ żmien tul diversi snin lest li jabbuża mill-kariga tiegħu għal atti ta’ arrikkiment personali jew sabiex isegwi l-interessi personali tiegħu. F’dan ir-rigward, l-involviment persistenti ta’ K. Pinxten fil-politika partiġjana Belġjana ma huwiex skużabbli u l-imġiba tiegħu fir-rigward tat-talbiet għal diversi spejjeż bħall-mawra kollha kemm hija f’Kuba, iż-żjara fi Crans Montana u d-diversi spedizzjonijiet tal-kaċċa hija daqstant ħażina. K. Pinxten b’mod ċar abbuża mill-iskema tal-karta tal-fjuwil għall-finijiet privati tiegħu, u l-ispjegazzjoni l-iktar ħanina għall-offerta ta’ kiri tal-appartament tiegħu lis-Sinjura Mogherini f’ċirkustanzi ta’ kunflitt manifest ta’ interess min-naħa tiegħu kienet li din uriet ġudizzju straordinarjament fqir.

211.

Minbarra dan, filwaqt li xi wħud minn dawn l-atti kellhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni, kollha kemm huma wkoll kellhom konsegwenzi fuq il-kredibbiltà u d-dehra pubblika tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tal-QEA. Dan huwa ferm iktar serju għal istituzzjoni bħall-QEA, li l-leġittimità tagħha tinsab fl-indipendenza tagħha u fl-importanza tar-rwol tagħha li trawwem governanza tajba u fiduċja fil-mod li bih jintefaq id-dħul pubbliku tal‑Unjoni. Jekk Membru tal-QEA ma jistax ikun fdat li jsegwi standards għolja b’rabta ma’ materji finanzjarji, dan jimmina s-sistema kollha kemm hija ta’ superviżjoni finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u jikkawża dannu lill-istituzzjoni nnifisha li tagħha huwa kien Membru.

212.

Fl-aħħar nett, ftit hemm x’jista’ jingħad b’mod ta’ attenwazzjoni barra l-fatt li K. Pinxten serva għal 12‑il sena u, lest naċċetta, wettaq xi xogħol tajjeb matul dan il-perijodu. Madankollu, l-ewwel, kif diġà wrejt, ir-regoli ewlenin li nkisru kienu ċari u persuna f’pożizzjoni bħal K. Pinxten kienet tafhom u tifhimhom perfettament. It-tieni, għalkemm K. Pinxten irċieva awtorizzazzjonijiet għal ċerti missjonijiet jew infiq, dawn l-awtorizzazzjonijiet kienu bbażati fuq informazzjoni li sikwit ma kinitx sħiħa jew anki ma kinitx korretta. It-tielet, anki jekk jintwera, quod non, li ċerti Membri oħra tal-QEA aġixxew b’mod simili għal K. Pinxten, tali kondotta ma ttaffix il-gravità intrinsika tagħha. Ir-raba’, inżid, barra minn dan, li, anki jekk it-tneħħija tad-dritt għall-pensjoni tiegħu jista’ jkollha impatt finanzjarju veru fuq K. Pinxten – iżda dan ma huwiex ukoll l-għan tal-Artikolu 286(6) TFUE? – wieħed għandu jiftakar li t-tneħħija inkwistjoni hija marbuta biss ma’ parti mill-attività professjonali ta’ K. Pinxten, li, minkejja żewġ perijodi ta’ kariga, hija pjuttost qasira fir-rigward tal-karriera tiegħu kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalhekk, ma naħsibx li tneħħija tad-dritt għall-pensjoni bħala Membru tal-QEA – anki tneħħija sħiħa – tista’ tħalli lil K. Pinxten mingħajr ebda mezz ta’ għajxien.

213.

Dan kollu jirrendi l-kondotta ta’ K. Pinxten denja ta’ ċensura stretta. Dan huwa għaliex fl-opinjoni tiegħi l-ksur, kif deskritt u stabbilit iktar ’il fuq, huwa biżżejjed serju li jiġġustifika t-tneħħija tad-dritt għal parti sostanzjali tal-pensjoni tiegħu u għal benefiċċji oħra relatati. Filwaqt li, kif għidt, lest naċċetta li K. Pinxten għamel xi xogħol tajjeb matul iż-żminijiet tal-kariga tiegħu – u dan il-fattur għandu jkun minnu nnifsu rilevanti għall-analiżi tal-proporzjonalità – wieħed ukoll ma jistax jaħrab mill-fatt li d-dannu istituzzjonali huwa kunsiderevoli.

214.

Dan kollu juri l-ħtieġa li tiġi imposta sanzjoni ħarxa fuq K. Pinxten għall-imġiba tiegħu. Għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha, abbażi tal-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 286(6) TFUE, tneħħi fir-rigward ta’ K. Pinxten żewġ terzi mid-drittijiet għall-pensjoni tiegħu.

VIII. It-talbiet ta’ K. Pinxten u l-ispejjeż

215.

L-ewwel nett, K. Pinxten jitlob li jiġi prodott ir-rapport dwar l-awditu intern, għall-perijodu mill‑2012 sal‑2018, tal-ispejjeż tal-missjoni tal-Membri tal-QEA u tal-użu ta’ vetturi uffiċjali minn dawn il-membri kollha. Din it-talba jidhirli li għandha tiġi miċħuda minħabba li ma hijiex utli sabiex tkun iġġudikata l-imġiba personali tiegħu.

216.

It-tieni nett, dwar it-talba ta’ K. Pinxten għad-danni, naħseb li din it-talba hija inammissibbli fil-kuntest tal-proċeduri previsti mill-Artikolu 286(6) TFUE. F’kull każ, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi l-analiżi tiegħi, din it-talba tkun infondata.

217.

B’rabta mal-ispejjeż, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu mill-parti li tirbaħ il-kawża. Minħabba li l-QEA talbet li K. Pinxten jiġi kkundannat għall-ispejjeż u d-difiża tiegħu ma kinitx waħda ta’ suċċess, huwa għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

IX. Konklużjoni

218.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nirrakkomanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tiddikjara ammissibbli r-rikors ippreżentat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

tiddeċiedi li K. Pinxten aġixxa bi ksur tal-obbligi li jirriżultaw mill-kariga ta’ Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri skont it-tifsira tal-Artikoli 285 u 286 TFUE;

tneħħi fir-rigward ta’ K. Pinxten żewġ terzi mid-drittijiet għall-pensjoni tiegħu u benefiċċju relatat mid-data tas-sentenza f’din il-kawża;

tiddikjara inammissibbli jew, f’kull każ, infondata, it-talba ta’ K. Pinxten għad-danni;

tikkundanna lil K. Pinxten għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 87.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 119.

( 4 ) ĠU 2013, L 248, p. 1.

( 5 ) Kawża T‑386/19.

( 6 ) L-Artikoli 2 u 7 tar-Regolament Nru 2290/77; l-Artikoli 33 u 74 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014 u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 60, p. 36); l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 38/2016 tal-QEA li tistabbilixxi r-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikoli 1, 2, 4 u 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA; il-punti 1.2., 2.2., 3.2., 3.3. u 3.7. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA; l-Artikoli 20, 21 u 25 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-INTOSAI; l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004 tal-QEA dwar l-ispejjeż ta’ rappreżentanza u ospitalità tal-Membri tagħha; l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni Nru 33‑2004 tal-QEA dwar l-immaniġġar u l-użu tal-flotta ta’ karozzi fil-QEA.

( 7 ) L-Artikolu 33 tar-Regolament 2018/1046; l-Artikolu 5 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA; il-punti 1.2. u 2.2. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA; l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Nru 7‑2004.

( 8 ) L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri (ĠU 2010, L 103, p. 1); L-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA; il-punti 1.2. u 2.2. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA.

( 9 ) L-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikoli 5 u 6 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikoli 1 sa 4 u l-Artikolu 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA; il-punti 1.2., 2.2., 3.3. u 3.7. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA.

( 10 ) L-Artikolu 61 tar-Regolament 2018/1046; l-Artikolu 3 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikolu 5 tar-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Awdituri; l-Artikoli 1, 2 u 7 tal-Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-QEA; il-punti 1.2., 2.2., 3.1., 3.3., 3.4. u 3.7. tal-Linji gwida dwar l-Etika għall-QEA; l-Artikolu 25 tal-Kodiċi ta’ Etika tal-INTOSAI.

( 11 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 118).

( 12 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455).

( 13 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 93 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 94 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra). Enfasi miżjuda.

( 14 ) Ara https://www.eca.europa.eu/mt/Pages/MissionAndRole.aspx.

( 15 ) Ara l-Qorti tal-Awdituri (1995), Auditing the Finances of the European Union, il-Lussemburgu, ktejjeb tal-Qorti tal-Awdituri, b’mod partikolari pp. 7 u 13.

( 16 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2011, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑539/09, EU:C:2011:733, punt 56), u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Il‑Kunsill vs Il‑Kummissjoni (C-660/13, EU:C:2016:616, punt 31).

( 17 ) Ara, dwar dan, Vardabasso, V., “La cendrillon de l’histoire: la cour des comptes européenne et la démocratisation des institutions européennes”, Journal of European Integration History, Vol. 17(2), 2011, pp. 285‑302, b’mod partikolari p. 286.

( 18 ) Ara, dwar dan, Vardabasso, V., op. cit., b’mod partikolari p. 300.

( 19 ) Ara, dwar dan, Laffan, B., “Auditing and accountability in the European Union”, Journal of European Public Policy, Vol. 10, Taylor u Francis, 2003, pp. 762‑777, b’mod partikolari p. 762.

( 20 ) Ara, dwar dan, Laffan, B., op. cit., l-iktar pp. 762 u 763.

( 21 ) Montesquieu, The Spirit of Law, Ktieb XI, Kapitolu 4 (traduzzjoni ta’ Stewart P., Société Montesquieu, Unité Mixte de Recherche 5037, CNRS, 2018, disponibbli fi http://montesquieu.ens-lyon.fr/spip.php?article2728). Fil-verżjoni oriġinali bil-Franċiż: “Pour qu’on ne puisse abuser du pouvoir, il faut que, par la disposition des choses, le pouvoir arrête le pouvoir” (De l’Esprit des lois, Garnier Frères, Pariġi, 1961, pp. 162‑163).

( 22 ) Ara, dwar dan, Hourquebie, F., “De la séparation des pouvoirs aux contre-pouvoirs: ‘l’esprit’ de la théorie de Montesquieu”, fi Vrabie, G. (editur), L’évolution des concepts de la doctrine classique de droit constitutionnel, Institutul European, 2008, Iasi, ir-Rumanija, pp. 59‑67, b’mod partikolari p. 60.

( 23 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 61 tal-Liġi Bażika Ġermaniża (li tipprovdi għat-tressiq tal-President Federali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża “għal ksur volontarju ta’ din il-Liġi Bażika jew ta’ Liġi Federali oħra”) u l-Artikolu 12.3.1 tal-Kostituzzjoni tal-Irlanda (tneħħija tal-President tal-Irlanda minħabba inkapaċità permanenti “meta tali inkapaċità tiġi stabbilita għas-sodisfazzjoni tal-Qorti Suprema magħmula minn mhux inqas minn ħames imħallfin”).

( 24 ) Ara l-Artikolu 16(4) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

( 25 ) Ara, dwar dan, De Bernardinis, C., “Vers un modèle européen de régime disciplinaire des fonctionnaires”, f’Potvin‑Solis, L. (editur), Vers un modèle européen de la fonction publique, Bruylant, Brussell, 2011, pp. 349‑372, b’mod partikolari p. 352.

( 26 ) Ara, dwar dan, Pilorge‑Vrancken, J., Le droit de la fonction publique de l’Union européenne, Bruylant, Brussell, 2017, p. 364.

( 27 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 72).

( 28 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 67 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 68 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 29 ) Enfasi miżjuda.

( 30 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 70).

( 31 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 7071). Enfasi miżjuda.

( 32 ) Ara, dwar dan, Vogiatzis, N., “The independence of the European Court of Auditors”, Common Market Law Review, Vol. 56, 2019, pp. 667‑772, b’mod partikolari p. 669.

( 33 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 97 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 98 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 34 ) Ara, dwar dan, b’rabta mal-proċedura skont l-Artikolu 245 TFUE, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 121).

( 35 ) Anki jekk ikun hemm liberazzjoni. Din is-sitwazzjoni kienet analizzata espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Nikolaou vs Il‑Qorti tal-Awdituri (C‑220/13 P). Ara, b’mod partikolari, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot (EU:C:2014:176, punti 7173), u s-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014 (C‑220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 40).

( 36 ) Sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 112).

( 37 ) Ara, dwar dan, b’rabta mal-Artikolu 267 TFUE, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2012, Pringle (C‑370/12, EU:C:2012:756, punt 33).

( 38 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 93 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 94 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 39 ) Sabiex wieħed jiftakar, id-dispożizzjonijiet imsemmija hawnhekk huma dawk applikabbli fiż-żmien meta kienu ttieħdu d-deċiżjonijiet ikkontestati, jiġifieri dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA adottati fil‑11 ta’ Marzu 2010 u dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 38/2016 tal-QEA li tistabbilixxi r-Regoli għall-Implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-QEA.

( 40 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża L‑Unjoni Ewropea vs Kendrion (C‑150/17 P, EU:C:2018:612, punt 29).

( 41 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53), u tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2019:982, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni (C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punti 154 u 155), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marzuiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 70). Ara wkoll, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa kontra Stat Membru, is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Spanja vs Il‑Kunsill (C‑521/15, EU:C:2017:982, punti 88, 9091).

( 43 ) DEC 16/15 FINAL (Anness B.26 tal-fajl ta’ K. Pinxten).

( 44 ) Sentenza tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marzuiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 99).

( 45 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat‑28 ta’ Frar 2013, Eżami mill-ġdid ta’ Arango Jaramillo et vs BEI (C‑334/12 RX‑II, EU:C:2013:134, punti 2930), u tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marzuiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punt 100).

( 46 ) ĠU 2012, L 298, p. 1.

( 47 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marzuiani vs Il‑Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 104105).

( 48 ) Bħal tnejn mit-tliet kaċeċ f’Chambord (Franza) (l-ewwel ilment), il-mawra f’Kuba (l-ewwel ilment), it-twaqqif ta’ kumpannija privata u r-rwol ta’ K. Pinxten bħala maniġer ta’ din il-kumpannija (ir-raba’ lment) u l-offerta ta’ appartament privat għall-kiri lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (il-ħames ilment).

( 49 ) Bħall-użu ħażin u illegali tal-karti tal-fjuwil li kienu għad-dispożizzjoni tiegħu (it-tieni lment) jew il-parteċipazzjoni fil-bord ta’ tmexxija ta’ partit politiku (l-ewwel u r-raba’ lment).

( 50 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, it‑22 ta’ Ġunju 2000, Coëme et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2000:0622JUD003249296, punt 146.

( 51 ) Ara, dwar dan, Franchimont, M., Jacobs, A. u Masset, A., Manuel de procédure pénale, Larcier, Coll. de la Faculté de droit de l’Université de Liège, 2012, Brussell, p. 123. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, “ikun hemm ‘akkuża kriminali’ mill-mument li fih persuna tiġi nnotifikata uffiċjalment mill-awtorità kompetenti dwar allegazzjoni li hija wettqet reat kriminali, jew mill-punt li fih is-sitwazzjoni tagħha tkun intlaqtet sostanzjalment minn azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet bħala riżultat ta’ suspett kontriha” (il-Qorti EDB, il‑5 ta’ Ottubru 2017, Kalēja vs il-Latvja, CE:ECHR:2017:1005JUD002205908, punt 36).

( 52 ) Ara, dwar dan, fir-rigward tad-dritt Belġjan, Beernaert, M.‑A., Bosly, H. D. u Vandermeersch, D., Droit de la procédure pénale, La Charte, Bruges, 2014, p. 189.

( 53 ) Ittra tal-OLAF lil K. Pinxten tat‑22 ta’ Settembru 2017 (fajl tal-QEA, Anness A.32, p. 252).

( 54 ) Ittra tal-OLAF lis-Sinjura Levi tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (fajl tal-QEA, Anness A.34, p. 255).

( 55 ) Punt 108 tad-difiża ta’ K. Pinxten.

( 56 ) Enfasi miżjuda.

( 57 ) Ara, dwar dan, Inghelram, J.F.H., Legal and Institutional Aspects of the European Anti-Fraud Office (OLAF), Europa Law Publishing, Amsterdam, 2011, b’mod partikolari p. 137.

( 58 ) Sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2019, fil-kawża Dalli vs Il‑Kummissjoni (T‑399/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:384, punt 86).

( 59 ) Ittra tal-OLAF lis-Sinjura Levi tal‑15 ta’ Diċembru 2017 (fajl tal-QEA, Anness A.34, p. 255).

( 60 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI (C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 65).

( 61 ) Ara, dwar dan, Inghelram, J.F.H., Legal and Institutional Aspects of the European Anti-Fraud Office (OLAF), Europa Law Publishing, Amsterdam, 2011, b’mod partikolari p. 91.

( 62 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2015, Taricco et (C‑105/14, EU:C:2015:555, punt 50).

( 63 ) Enfasi miżjuda.

( 64 ) Fajl ta’ K. Pinxten, Anness B 25.

( 65 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punti 2127), u tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni (C-550/07 P, EU:C:2010:512, punt 70).

( 66 ) Fajl ta’ K. Pinxten, Anness B 25.

( 67 ) Punt 104.

( 68 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 105).

( 69 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.72.

( 70 ) Fajl tal-QEA, Anness A.34.

( 71 ) Fajl ta’ K. Pinxten, Anness B.20, p. 136.

( 72 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.73.

( 73 ) Fajl tal-QEA, Annessi B.37.41 u B.37.88.

( 74 ) Fajl tal-QEA, Anness A.40.

( 75 ) Fajl tal-QEA, Anness A.41.

( 76 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punti 7071).

( 77 ) Ara l-punti 70 sa 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 72).

( 79 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 73).

( 80 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.27, p. 3859.

( 81 ) Dan huwa bbażat fuq il-posta elettronika mibgħuta mill-assistenta ta’ K. Pinxten fid‑29 ta’ Mejju 2013 (fajl tal-QEA, Anness A.37.27, p. 3858) u fuq posta elettroniċi mibgħuta mill-Uffiċċju Eżekuttiv tal-Forum ta’ Crans Montana fid‑29 ta’ Mejju 2013 u fit‑12 ta’ Ġunju 2013 (fajl tal-QEA, Anness A.37.27, pp. 3857 u 3875).

( 82 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.27, p. 3881.

( 83 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.27, pp. 3862 sa 3865.

( 84 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.27, pp. 3860 (fattura) u 3861 (formola ta’ iskrizzjoni).

( 85 ) Skont ir-rotta magħżula, il-vjaġġ bejn il-Lussemburgu (sede tal-QEA) u Crans Montana (l-Isvizzera) ivarja bejn 600 u 650 km, jiġifieri bejn 6 u 6.5 sigħat.

( 86 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3553.

( 87 ) Posta elettronika tat‑28 ta’ Jannar 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3509).

( 88 ) Posta elettronika tad‑29 ta’ Jannar 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3516).

( 89 ) Posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2015 lill-UNDP (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3737) u posta elettronika tad‑19 ta’ Marzu 2015 lid-Delegazzjoni tal-Unjoni għal Kuba (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3504).

( 90 ) Posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3737).

( 91 ) Posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, pp. 3736 u 3737).

( 92 ) Posta elettronika tal‑20 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3737).

( 93 ) Posta elettronika tat‑18 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3765).

( 94 ) Posta elettronika tal‑20 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3736).

( 95 ) Posta elettronika tal-Kap tat-Taqsima ta’ Kooperazzjoni tad-Delegazzjoni tal-Unjoni għal Kuba lill-assistent ta’ K. Pinxten tat‑18 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3768) u posta elettronika tal-Ambaxxatur tal-Unjoni għal Kuba tat‑18 ta’ Marzu 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3764).

( 96 ) Fajl tal-QEA, Anness B.37.26, pp. 3500 u 3501 u pp. 3522 sa 3528.

( 97 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3751 (bl-Olandiż).

( 98 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.26, pp. 3752 sa 3756.

( 99 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.26, p. 3761 (sunt tal‑21 ta’ April 2015 bl-Ispanjol), u pp. 3758 u 3759 (sunt tal‑5 u tas‑6 ta’ Mejju 2015 bl-Ingliż).

( 100 ) Nota ta’ K. Pinxten għall-President tal-QEA tas‑16 ta’ April 2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.26, pp. 3555 u 3556).

( 101 ) Posta elettronika tad-Direttur Ġenerali tal-Patrimonju Nazzjonali ta’ Chambord tal‑4 ta’ Diċembru 2018 (fajl ta’ K. Pinxten, Anness B.29).

( 102 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1635.

( 103 ) F’posta elettronika tal‑1 ta’ Frar 2012 mibgħuta minn K. Pinxten lil impjegat f’Chambord, K. Pinxten b’mod ċar jirreferi għal kuntatt personali li permezz tiegħu d-Direttur Ġenerali tal-Patrimonju Nazzjonali ta’ Chambord kellu l-korteżija jistiednu “dans le cadre d’une battue de régulation” (bħala parti minn kaċċa ta’ regolazzjoni) fl-istaġun 2011/2012. Jekk huwa ma setax jipparteċipa minħabba l-iskeda tiegħu, K. Pinxten espressament iddikjara li jekk id-Direttur ikollu l-korteżija jistiednu darba oħra għall-kaċċa fil-Patrimonju Nazzjonali ta’ Chambord, huwa kien jaċċetta bil-ferħa l-istedina tiegħu (fajl tal-QEA, Anness A.37.9, pp. 1056 u 1686).

( 104 ) “Une battue de régulation de sangliers”. Ara l-istedina għall‑2013 (fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1647); stedina u karta ta’ tweġiba għall‑2015 (fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1619).

( 105 ) Posta elettronika fir-rigward tal-kaċċa tat‑12 ta’ Frar 2016 (fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1595).

( 106 ) “Une battue de régulation”. Ara l-istedina għall‑2016 (fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1603).

( 107 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.9, p. 1647 (2013), p. 1621 (2015) u p. 1603 (2016).

( 108 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.9, pp. 1508 u 1509.

( 109 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.9, pp. 1886 u 1887.

( 110 ) ĠU 2009, L 9, p. 12.

( 111 ) Posta elettronika mingħand “Service Gestion administrative” tat‑18 ta’ Marzu 2009 (fajl ta’ K. Pinxten, Anness B.34).

( 112 ) Fajl tal-QEA, Anness B.37.30, p. 4093.

( 113 ) Għall-Karta 0027 3 *** fir-rigward tal-karozza bin-numru ta’ reġistrazzjoni CD‑7572, ara l-fajl tal-QEA, Anness 37.30, pp. 4133, 4140, 4147, 4159, 4163, 4165, 4170, 4172, 4184 u 4188.

( 114 ) Pereżempju, fil‑11 ta’ April 2017, il-karta 0027 3 *** kienet intużat għad-diesel u l-karta 0029 5 *** għall-petrol, it-tnejn għall-karozza bin-numru ta’ reġistrazzjoni CD‑7572 (fajl tal-QEA, Anness 37.30, p. 4163); fit‑28 ta’ Lulju 2017, il-karta 0027 3 *** kienet intużat għad-diesel u l-karta 0029 5 *** għall-petrol u d-diesel, it-tnejn għall-karozza bin-numru ta’ reġistrazzjoni CD‑7572 (fajl tal-QEA, Anness 37.30, p. 4172).

( 115 ) Pereżempju, fl‑4 ta’ Mejju 2017, il-karta 0029 5 *** kienet intużat għad-diesel fil‑17.56 u għall-petrol fis‑18.00, it-tnejn għall-karozza bin-numru ta’ reġistrazzjoni CD‑7572 (fajl tal-QEA, Anness 37.30, p. 4165); fit‑28 ta’ Lulju 2017, il-karta 0029 5 *** kienet intużat għall-petrol fit‑15.03 u għad-diesel fit‑15.05, it-tnejn għall-karozza bin-numru ta’ reġistrazzjoni CD‑7572 (fajl tal-QEA, Anness 37.30, p. 4172).

( 116 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4324.

( 117 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4325.

( 118 ) Smigħ tax-xhieda tax-xufier ta’ K. Pinxten tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (mistoqsijiet 1, 2, 3 u 6) (fajl tal-QEA, Anness A.37.31, pp. 4331 u 4332).

( 119 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4198.

( 120 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4246.

( 121 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4244.

( 122 ) Ara, dwar dan, it-tweġibiet tal-impjegat tal-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-kwestjonarju tal-OLAF (punt 2) (fajl tal-QEA, Anness B.37.31, pp. 4218 u 4219); is-smigħ tax-xhieda tal-membru tal-persunal tal-QEA inkarigat mix-xufiera tas‑7 ta’ Diċembru 2017 (tweġiba għall-mistoqsija 13) (fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4302).

( 123 ) Ara, dwar dan, mingħajr ċertezza, is-smigħ tax-xhieda tax-xufier ta’ K. Pinxten tas‑16 ta’ Ottubru 2017 (tweġiba għall-mistoqsija 2) (fajl tal-QEA, Anness A.37.31, p. 4280).

( 124 ) Posta elettronika ta’ K. Pinxten tat‑18 ta’ Settembru 2018 lill-President tal-QEA (fajl tal-QEA, Anness A.16, p. 149).

( 125 ) Enfasi miżjuda.

( 126 ) DEC‑C 25/06 tad‑29 ta’ Mejju 2006 (fajl tal-QEA, Anness A.14).

( 127 ) Posta elettronika ta’ K. Pinxten lill-President tal-Open Vld tat‑23 ta’ Frar 2010 (fajl tal-QEA, Anness A.37.8, p. 694).

( 128 ) Posta elettronika ta’ K. Pinxten tal‑4 ta’ Jannar 2016 (fajl tal-QEA, Anness A.37.8, p. 971).

( 129 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tas‑27 ta’ April 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 777).

( 130 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tat‑8 ta’ Ġunju 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 784).

( 131 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tal‑14 ta’ Settembru 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 809).

( 132 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tas‑16 ta’ Novembru 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 848).

( 133 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tas‑16 ta’ Novembru 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 847).

( 134 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tat‑23 ta’ Novembru 2009 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 875).

( 135 ) Minuti tal-bord tal-Open Vld tat‑22 ta’ Marzu 2010 (fajl tal-QEA, Anness 37.8, p. 942).

( 136 ) Fajl tal-QEA, Anness A.37.37, p. 4722.

( 137 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 118 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 119 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 138 ) Ara, dwar dan, il-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet u s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 71).

( 139 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 77 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 78 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 140 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2006, Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:455, punt 145).

( 141 ) Ara, dwar dan, is-sentenzi tal‑4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri (134/84, EU:C:1985:297, punt 14); tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni (C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, EU:C:1993:120, punt 197); u tas‑16 ta’ Ġunju 2016, Evonik Degussa u AlzChem vs Kummissjoni (C‑155/14 P, EU:C:2016:446, punt 58).

( 142 ) Punt 149.

( 143 ) Fir-rigward tal-evalwazzjoni dwar jekk proċeduri u sanzjonijiet ikunux kriminali minnhom innifishom, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – f’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, huma rilevanti tliet kriterji. L-ewwel kriterju huwa l-klassifikazzjoni legali tar-reat skont il-liġi nazzjonali; it-tieni huwa n-natura intrinsika tar-reat u t-tielet huwa l-grad ta’ ħruxija tas-sanzjoni li l-persuna kkonċernata tista’ ġġarrab (ara, dwar dan, is-sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2018, Garlsson Real Estate et, C‑537/16, EU:C:2018:193, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 144 ) Jekk wieħed jaħseb minnufih dwar l-evalwazzjoni tal-ammont ta’ multa skont id-dritt tal-kompetizzjoni (ara, għal eżempju tal-importanza ta’ proporzjonalità f’dik il-kwistjoni, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il‑Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 207), l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità b’rabta ma’ sanzjonijiet tista’ tinstab f’diversi oqsma oħra bħad-dazji, il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema jew l-immigrazzjoni illegali. Ara, dwar dawn l-eżempji, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Link Logistik N&N (C‑384/17, EU:C:2018:494, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata fin-noti ta’ qiegħ il-paġna).

( 145 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2005, Banfield vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2005:1018DEC000622304, u l-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2006, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punti 65 u 66.

( 146 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2006, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punt 61.

( 147 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ottubru 2005, Banfield vs Ir‑Renju Unit, CE:ECHR:2005:1018DEC000622304, u l-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2006, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punt 68.

( 148 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2006, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punt 68.

( 149 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72).

( 150 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ġunju 2013, S.C. Complex Herta Import Export S.R.L. Lipova vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2013:0618JUD001711804, punt 35.

( 151 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tat‑13 ta’ Novembru 2014, Reindl (C‑443/13, EU:C:2014:2370, punt 40).

( 152 ) Ara, dwar dan, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 89).

( 153 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punt 122 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż) iżda punt 123 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).

( 154 ) Ara, dwar dan, il-Qorti EDB, 18 ta’ Ġunju 2013, S.C. Complex Herta Import Export S.R.L. Lipova vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2013:0618JUD001711804, punt 38, u l-Qorti EDB, 14 ta’ Ġunju 2006, Philippou vs Ċipru, CE:ECHR:2016:0614JUD007114810, punt 72. Dwar l-istess, ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2002, Onidi vs Il‑Kummissjoni (T‑197/00, EU:T:2002:135, punt 152).

( 155 ) Ara, dwar dan, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Cresson (C‑432/04, EU:C:2006:140, punti 123 sa 125 fil-verżjoni oriġinali (l-Ingliż), iżda punti 124 sa 126 fil-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra).