201805250751897302018/C 200/562122018TC20020180611MT01MTINFO_JUDICIAL20180326434421

Kawża T-212/18: Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2018 – Romańska vs Frontex


C2002018MT4310120180326MT0056431442

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Marzu 2018 – Romańska vs Frontex

(Kawża T-212/18)

2018/C 200/56Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Karolina Romańska (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentant: A. Tetkowska, avukat)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni mogħtija fl-14 ta’ Ġunju 2017 mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja, li xxolji l-kuntratt ta’ Karolina Romańska skont l-Artikolu 47 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea;

tikkonstata l-fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni implimentata mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għad-dannu ta’ Karolina Romańska;

tordna lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta ttemm id-diskriminazzjoni u l-fastidju psikoloġiku kontra Karolina Romańska u tistabbilixxi politika ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-fastidju psikoloġiku fi ħdan l-Aġenzija;

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tħallas lil Karolina Romańska d-danni, stabbiliti ex aequo et bono għal EUR 100000, bħala kumpens għad-dannu sostnut;

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-ħlas lil Karolina Romańska tas-somma ta’ PLN 4402 bħala kumpens għad-dannu kkawżat;

tikkundanna lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni li r-rikorrenti ġiet suġġetta għalihom fi ħdan l-Aġenzija. Matul il-perijodu ta’ impjieg tagħha mal-Aġenzija, ir-rikorrenti kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku u ta’ umiljazzjoni u ġiet attribwita żbalji mwettqa minn terzi, hija ġiet umiljata pubblikament u kienet is-suġġett ta’ aġir abbużiv ieħor fis-settur tagħha, bl-għarfien tas-superjuri tagħha, li baqgħu ma ħadux azzjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ problemi ta’ saħħa li rriżultaw mill-fastidju psikoloġiku li r-rikorrenti ġiet suġġetta għalih fi ħdan l-Aġenzija. F’April 2016, ir-rikorrenti sofriet problemi ta’ saħħa serji u f’daqqa, u dan ġie kkonfermat minn dokumenti mediċi. Ir-rikorrenti qiegħda tkompli ssegwi trattament. It-tobba ddikjaraw li l-problemi ta’ saħħa tagħha huma ta’ oriġini nervuża, fid-dawl b’mod partikolari tal-fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol tagħha u l-burn out li hija kellha. Ir-rikorrenti nkorriet spejjeż mediċi li jirriżultaw mill-fajl mediku anness mar-rikors.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ assistenza fir-rigward tal-fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni sostnuti mir-rikorrenti fi ħdan l-Aġenzija. Ir-rikorrenti ressqet quddiem il-konvenuta talba għal assistenza fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal minħabba l-fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni li hija kienet vittma tagħhom fi ħdan l-Aġenzija. Ir-rikorrenti ppreżentat lill-konvenuta ċertu numru ta’ soluzzjonijiet aċċettabbli għas-sitwazzjoni. Il-konvenuta injorat il-problemi ta’ saħħa tar-rikorrenti u baqgħet ma ħaditx azzjoni, u b’hekk aċċettat is-sitwazzjoni ta’ dannu għar-rikorrenti u ppermettiet li din is-sitwazzjoni tkompli.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, in-nazzjonalità u l-appartenenza sindakali li r-rikorrenti kienet suġġetta għaliha min-naħa tal-konvenuta. Ir-rikorrenti ppreżentat diversi drabi l-kandidatura tagħha għal pożizzjonijiet ogħla fi ħdan l-Aġenzija. Minkejja t-taħriġ komplet tagħha, l-għarfien tagħha ta’ diversi lingwi barranin, l-evalwazzjonijiet annwali eċċellenti tagħha u t-titjib kostanti tal-kwalifiki tagħha, hija qatt ma ġiet promossa. Il-motivi ta’ dan l-istat ta’ fatt huma ta’ natura diskriminatorja. Wara kuntatti ripetuti bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta rigward il-fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni eżerċitati kontriha, il-konvenuta pproponiet lir-rikorrenti missjoni li għaliha din tal-aħħar wettqet il-preparamenti kollha, inkluż it-tagħlim ta’ lingwa barranija minn livell bażiku sal-livell li jippermetti li tiġi żgurata l-komunikazzjoni; il-konvenuta, sussegwentement, annullat il-missjoni erbat ijiem qabel it-tluq. Il-konvenuta mmotivat l-annullament tal-missjoni bil-fatt li r-rikorrenti kienet daħlet f’kuntatt ma’ sindakat.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ix-xoljiment mhux ġustifikat tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti. Dan ix-xoljiment ma kienx ġustifikat u ma ġiex immotivat fuq il-mertu. Ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tar-rikorrenti jirriżulta mir-rifjut tagħha li taċċetta s-sitwazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku u d-diskriminazzjoni li hija kienet suġġetta għalihom fi ħdan l-Aġenzija.