11.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 54/6


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-718/18)

(2019/C 54/09)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Noll-Ehlers, O. Beynet, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.

tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (1), u d-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (2), peress li

il-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE u l-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE;

l-Artikolu 19(3) flimkien mal-Artikolu 19(8) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE;

l-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE;

l-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72/KE, u l-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73/KE;

ma ġewx trasposti korrettament minnha;

2.

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikors jikkonċerna n-nuqqas tat-traspożizzjoni tad-Direttivi 2009/72 u 2009/73 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u tal-gass naturali fil-Ġermanja permezz tal-Energiewirtschaftsgesetz (EnWG) (il-Liġi dwar l-industrija tal-enerġija). Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-implimentazzjoni permezz tal-EnWG hija insuffiċjenti f’erba’ aspetti. L-ewwel nett, id-definizzjoni ta’ impriża integrata vertikalment, li tiddetermina liema impriżi jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tad-direttivi dwar is-separazzjoni, ġiet implimentata biss parzjalment fid-dritt Ġermaniż. It-tieni nett, ir-regoli li jirregolaw il-bidla tal-kariga fi ħdan l-impriża integrata vertikalment ma kinux ġew implimentati bis-sħiħ. It-tielet nett, ir-regoli li jipprojbixxu ċerti interessi jew benefiċċji finanzjarji minn impriżi integrati vertikalment kienu wkoll biss implimentati parzjalment. Fl-aħħar nett, it-tqassim tal-kompetenzi fl-EnWG tikser is-setgħat esklużivi tal-awtorità regolatorja nazzjonali, hekk kif previst fid-direttivi.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, dan huwa ksur tal-punt 21 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/72/KE u tal-punt 20 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/73/KE, kif ukoll tal-Artikolu 19(3) flimkien mal-Artikolu 19(8) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE, tal-Artikolu 19(5) tad-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE u tal-Artikolu 37(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/72/KE, u tal-Artikolu 41(1)(a) u (6)(a) u (b) tad-Direttiva 2009/73/KE.


(1)  ĠU 2009, L 211, p. 55.

(2)  ĠU 2009, L 211, p. 94.