29.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza) fit-3 ta’ Awwissu 2018 – La Quadrature du Net, French Data Network, Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Igwan.net vs Premier ministre, Garde des Sceaux, Ministre de la Justice, Ministre de l’Intérieur, Ministre des Armées

(Kawża C-511/18)

(2018/C 392/10)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Conseil d’État

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: La Quadrature du Net, French Data Network, Fédération des fournisseurs d’accès à Internet associatifs, Igwan.net

Konvenuti: Premier ministre, Garde des Sceaux, Ministre de la Justice, Ministre de l’Intérieur, Ministre des Armées

Domandi preliminari

1)

L-obbligu ġeneralizzat u mingħajr distinzjoni ta’ żamma, impost fuq il-fornituri abbażi tad-dispożizzjonijiet permissivi tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58/KE] tat-12 ta’ Lulju 2002 (1), għandu jitqies, f’kuntest ikkaratterizzat minn theddid gravi u persistenti għas-sigurtà nazzjonali, u b’mod partikolari mir-risku ta’ terroriżmu, bħala indħil iġġustifikat abbażi tad-dritt għas-siġurtà iggarantit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u abbażi tar-rekwiżiti ta’ sigurtà nazzjonali li jaqgħu esklużivament taħt il-kompetenza tal-Istati Membri abbażi tal-Artikolu 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea?

2)

Id-Direttiva tat-12 ta’ Lulju 2002, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza miżuri leġiżlattivi, bħal miżuri ta’ ġbir f’ħin reali tad-data dwar it-traffiku u dwar il-lokalizzazzjoni ta’ individwi speċifiċi, li, filwaqt li jaffettwaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ fornituri ta’ servizz ta’ telekomunikazzjonijiet elettroniċi, ma jimponulhomx, madankollu, obbligu speċifiku ta’ żamma tad-data tagħhom?

3)

Id-Direttiva tat-12 ta’ Lulju 2002, moqrija fid-dawl tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tissuġġetta, f’kull każ, ir-regolarità tal-proċeduri ta’ ġbir ta’ data ta’ konnessjoni għar-rekwiżit li l-persuni kkonċernati jiġu informati meta tali informazzjoni ma tkunx iktar ta’ natura li tikkomprometti l-investigazzjonijiet immexxija mill-awtoritajiet kompetenti, jew inkella tali proċeduri jistgħu jitqiesu li huma regolari fid-dawl tal-garanziji proċedurali l-oħra kollha li jeżistu, peress li dawn tal-aħħar jiggarantixxu l-effettività ta’ dritt għal rimedju?


(1)  Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514)