22.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 381/3


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia Vigo (Spanja) fil-11 ta’ Lulju 2018 – Bondora AS vs Carlos V. C.

(Kawża C-453/18)

(2018/C 381/04)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de Primera Instancia Vigo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bondora AS

Konvenut: Carlos V. C.

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1) kif ukoll il-ġurisprudenza li tinterpretaha għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu tad-Direttiva jipprekludi regola nazzjonali, bħall-[punt 2] tat-tielet u għoxrin dispożizzjoni finali tal-Ley 1/2000, de 7 de enero, de Enjuiciamiento Civil [il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili 1/2000, tas-7 ta’ Jannar], li tipprovdi li ma huwiex obbligatorju li jiġu pprovduti dokumenti fil-kuntest ta’ talba għal ordni ta’ ħlas Ewropea u li, jekk ikun il-każ, dawn id-dokumenti jkunu inammissibbli?

2)

L-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 (2) li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan l-artikolu ma jipprojbixxix [lill-qorti] milli titlob lill-entità kreditriċi tipproduċi d-dokumenti li fuqhom hija tibbaża l-ilment li jirriżulta minn self għall-konsum konkluż bejn kummerċjant u konsumatur jekk il-qorti tqis li l-eżami ta’ dawn id-dokumenti huwa indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, u b’dan il-mod tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur u l-ġurisprudenza li tinterpretaha?


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.

(2)  Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).