SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

27 ta’ Frar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 15(5) u Artikolu 16(5) –Assigurazzjoni ta’ ‘riskji kbar’ – Klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni konkluża bejn id-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-assiguratur – Applikazzjoni ta’ din il-klawżola kontra l-persuna assigurata”

Fil-Kawża C‑803/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2018, fil-proċedura

AAS Balta

vs

UAB Grifs AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn M. Safjan (Relatur), President tal-Awla, L. Bay Larsen u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal AAS Balta, minn S. Drazdauskas, advokatas,

għal UAB Grifs AG, minn J. Milašauskienė, A. Bosaitė, M. Inta, u G. Abromavičius, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis kif ukoll minn R. Butvydytė u G. Taluntytė, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(5), tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn AAS Balta, kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fil-Latvja, u UAB Grifs AG (iktar ’il quddiem “Grifs”), kumpannija ta’ sigurtà rreġistrata fil-Litwanja, dwar il-ħlas ta’ kumpens ta’ assigurazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1215/2012

3

Skont il-premessi 15, 18 u 19 tar-Regolament Nru 1215/2012:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. […]

[…]

(18)

B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.

(19)

L-awtonomija tal-partijiet f’kuntratt, apparti minn kuntratt ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur jew ta’ impjieg, fejn tiġi permessa biss awtonomija limitata sabiex jiġu determinati l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni, għandha tiġi rispettata skont ir-raġunijiet esklużivi ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament.”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5

Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fir-rigward tal-assigurazzjoni, li huma s-suġġett tal-Kapitolu II, Taqsima 3 tar-Regolament Nru 1215/2012, jissemmew fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan tal-aħħar.

7

L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7.”

8

L-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li l-assiguratur iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi mfittex fi Stat Membru ieħor, f’każ ta’ azzjonijiet imressqa mid-detentur tal-polza, l-assigurat jew benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat.

9

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Fir-rigward ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità jew assigurazzjoni fuq proprjetà immobbli, l-assiguratur jista’ jiġi mfittex ukoll fil-qrati tal-post fejn ikun seħħ l-avveniment dannuż. L-istess japplika jekk proprjetà mobbli u immobli taqa’ taħt l-istess polza ta’ assigurazzjoni u t-tnejn jiġu affettwati ħażin bl-istess kontinġenza.”

10

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima jistgħu jitwarrbu biss bi ftehim:

[…]

(3)

li jkun ġie konkluż bejn dak li jkollu l-polza tal-assigurazzjoni u dak li jassigura, li t-tnejn li huma filwaqt tal-konklużjoni tal-kuntratt ikunu domiċiljati jew abitwalment residenti fl-istess Stat Membru, u li jkollu l-effett li jagħti ġurisdizzjoni lill-qrati ta’ dak l-Istat Membru anki jekk l-inċident ta’ ħsara kellu jseħħ il-barra mill-Istat, dment li ftehim bħal dak ma jmurx kontra l-liġi ta’ dak l-Istat Membru;

(4)

li jiġi konkluż ma’ dak li jkollu polza ta’ assigurazzjoni li ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, ħlief sal-limitu li l-assigurazzjoni tkun obbligatorja jew relatata ma’ proprjetà immobbli fi Stat Membru; jew

(5)

li jkun relatat ma’ kuntratt ta’ assigurazzjoni sakemm ikopri wieħed jew aktar mir-riskji mniżżla fl-Artikolu 16.”

11

Skont l-Artikolu 16 tal-istess regolament:

“Dawn li ġejjin huma r-riskji msemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 15:

[…]

(5)

independentement mill-punti 1 sa 4, “ir-riskji kbar” kollha kif definiti Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) [(ĠU 2009, L 335, p. 1)].”

12

L-Artikolu 25(1) tar-Regolament (KE) Nru 1215/2012 huwa fformulat kif ġej:

“1)   Jekk il-partijiet, irrispettivament mid-domiċilju tagħhom, ikunu qablu li qorti jew qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex isolvu xi tilwimiet li jkunu qamu jew li jistgħu iqumu inkonnessjoni ma’ relazzjoni legali partikolari, dik il-qorti jew dawk il-qrati għandhom ikollhom ġurisdizzjoni, sakemm il-ftehim ma jkunx null u bla effett legali fil-validità sostantiva tiegħu skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru. Ġurisdizzjoni bħal din għandha tkun esklużiva sakemm il-partijiet ma jiftiehmux mod ieħor. Il-ftehim li jagħti ġurisdizzjoni għandu jkun jew:

a)

bil-kitba jew ikkonfermat bil-kitba;

b)

f’għamla li taqbel mal-prattiki li l-partijiet ikunu stabbilixxew bejniethom;

ċ)

f’negozju jew kummerċ internazzjonali, f’għamla li taqbel mal-użanza li dwarha l-partijiet huma jew li kellhom ikunu konxji u li f’dak in-negozju jew kummerċ tkun magħrufa sewwa, u regolarment osservata minn, partijiet għal kuntratti tat-tip involut f’dak in-negozju jew kummerċ partikolari kkonċernat.”

13

L-Artikolu 63(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, kumpannija jew persuna ġuridika oħra jew assoċjazzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi jkollha d-domiċilju fil-post fejn hi jkollha:

a)

is-sede statutorja;

b)

iċ-ċentru amministrattiv; jew

ċ)

il-post prinċipali tan-negozju tagħha.

[…]”

Id-Direttiva 2009/138

14

L-Artikolu 13(27) tad-Direttiva 2009/138, kif emendata bid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 341, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/138”) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “riskji kbar” għall-finijiet ta’ din tal-aħħar.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Grifs tipprovdi servizzi ta’ sigurtà. Il-kumpannija Grifs AG SIA, irreġistrata fil-Latvja, hija proprjetarja ta’ Grifs, li tagħha hija żżomm l-ishma kollha. Fil-31 ta’ Lulju 2012, Grifs AG u Balta kkonkludew kuntratt ta’ assigurazzjoni ġenerali għar-responsabbiltà ċivili (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ assigurazzjoni”), li jkopri wkoll ir-responsabbiltà ċivili ta’ Grifs.

16

Il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni jipprovdu li l-kwistjonijiet kollha relatati mal-imsemmi kuntratt għandhom jiġu riżolti permezz ta’ negozjati u li, jekk il-partijiet ma jaslux għal ftehim, it-tilwima tiġi deċiża mill-qorti Latvjana, konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fit-territorju tar-Repubblika tal-Latvja.

17

Fil-21 ta’ Awwissu 2012, seħħ serq ta’ ġojjelli u ta’ kontanti f’ġojjellerija li tappartjeni lill-kumpannija UAB “Jaunystės romantika” f’Alytus (il-Litwanja), li Grifs żgurat is-sigurtà tagħha skont kuntratt ta’ sigurtà. Wara li adixxew lill-qrati Litwani sabiex tikseb kumpens għad-dannu subit minħabba din it-titjira, Jaunystės romantika u l-assiguratur tagħha, jiġifieri ERGO Insurance SE, kisbu l-ħlas ta’ danni kif ukoll ir-rimbors tal-ispejjeż. Ġie konkluż li kien hemm negliġenza serja min-naħa ta’ Grifs u l-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn id-dannu li seħħ u n-nuqqas ta’ azzjoni ta’ din il-kumpannija.

18

Fi tmiem din il-proċedura għal kumpens, Grifs ippreżentat rikors quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja), intiż sabiex Balta tiġi kkundannata tħallas is-somma ta’ EUR 114 941.58 bħala kumpens tal-assigurazzjoni, flimkien mal-interessi, kif ukoll għall-ispejjeż, abbażi tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni. Permezz ta’ sentenza tal-21 ta’ Novembru 2017, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors, filwaqt li rrilevat li, skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, it-tilwimiet kollha li jikkonċernaw lil dan tal-aħħar kellhom jiġu deċiżi mill-qorti Latvjana, skont il-liġi Latvjana. Barra minn hekk, sa fejn il-kumpannija li kkonkludiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni, jiġifieri Grifs AG, hija proprjetarja ta’ Grifs, il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus) ikkunsidrat li, anki jekk dan kien ġie espress indirettament, il-kunsens ta’ Grifs għall-istipulazzjonijiet kollha tal-kuntratt, inklużi dawk dwar il-ġurisdizzjoni, ma kienx hemm dubju.

19

Peress li Grifs appellat minn din is-sentenza, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja), permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Marzu 2018, annullatha u rrinvijat il-kawża quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (il-Qorti Reġjonali ta’ Vilnjus) sabiex tiddeċiedi mill-ġdid dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn Grifs.

20

Fis-sentenza tagħha, il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) qieset li l-fatt li l-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni kienu ftiehmu li l-kawżi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt kellhom jiġu deċiżi mill-qorti Latvjana, skont il-liġijiet fis-seħħ fit-territorju Latvjan, ma kienx iġiegħel lil Grifs tippreżenta r-rikors tagħha esklużivament quddiem il-qrati Latvjani. Fil-fatt, din il-kumpannija għandha l-kwalità ta’ persuna assigurata skont kuntratt ta’ assigurazzjoni u għandha d-dritt, fuq din il-bażi, li tagħżel kap ieħor ta’ ġurisdizzjoni previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1215/2012.

21

Balta ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), mis-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2018 tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja).

22

Il-qorti tar-rinviju tiddubita li l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux (C‑112/03, EU:C:2005:280), dwar il-protezzjoni legali tal-persuni ekonomikament l-iktar dgħajfa, huma rilevanti fil-każ fejn l-assigurazzjoni tkopri “riskju kbir”, b’mod partikolari fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Assens Havn (C‑368/16, EU:C:2017:546).

23

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza, minn naħa, li, peress li l-attività assigurata tissodisfa l-kriterji ta’ “riskji kbar”, fis-sens tal-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, fil-prinċipju għandu jiġi preżunt li l-partijiet fir-relazzjoni tal-assigurazzjoni huma ekonomikament b’saħħithom u għandhom ikunu liberi li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet dwar il-ġurisdizzjoni li jinsabu fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, din il-qorti tqis li l-karatteristiċi speċifiċi tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni mhux dejjem jirriflettu s-sitwazzjoni u s-saħħa ekonomika tal-persuna assigurata. F’dan il-każ, jista’ għalhekk jirriżulta neċessarju li jiġi ggarantit l-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi tal-partijiet fir-relazzjoni ta’ assigurazzjoni. Madankollu, il-limitu bejn l-awtonomija kuntrattwali u n-neċessità li tiġi protetta l-parti l-iktar dgħajfa ma huwiex perfettament ċar.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-punt (5) tal-Artikolu 15 u l-punt 5 tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fir-rigward ta’ assigurazzjoni li tkopri “riskji kbar”, il-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni u li tinsab fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn id-detentur ta’ polza ta’ assigurazzjoni u l-assiguratur tista’ tiġi invokata kontra l-assigurat kopert minn dan il-kuntratt, li ma ssottoskriviex espressament l-imsemmija klawżola u li huwa ddomiċiljat fi Stat Membru differenti minn dak tad-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-assigurat?”

Fuq id-domanda preliminari

25

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni prevista f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, konkluż mill-persuna assigurata u mill-assiguratur, tistax tiġi invokata kontra l-persuna assigurata minn dan il-kuntratt, li ma hijiex professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, li ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal din il-klawżola u li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna assigurata u tal-assiguratur.

26

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sa fejn l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42) l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament tibqa’ valida għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tar-Regolament Nru 1215/2012 (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 36).

27

Huwa paċifiku li t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 tistabbilixxi regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni, intiżi sabiex jipproteġu lill-parti l-iktar dgħajfa fil-kuntratt permezz ta’ regoli iktar favorevoli għall-interessi tagħha mir-regoli ġenerali, kif tiddikjara l-premessa 18 tal-imsemmi regolament (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Għalhekk, minn naħa, l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi li l-assiguratur iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru jista’ jiġi mfittex fi Stat Membru ieħor li fit-territorju tiegħu r-rikorrent għandu d-domiċilju tiegħu, f’każ ta’ azzjonijiet mibdija mid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni, l-assigurat jew il-benefiċjarju. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, fil-każ ta’ assigurazzjoni ta’ responsabbiltà jew ta’ assigurazzjoni fir-rigward ta’ immobbli, l-assiguratur jista’ wkoll jitressaq quddiem il-qorti tal-post fejn l-avveniment dannuż ikun twettaq. Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw li l-parti l-iktar dgħajfa li jkollha l-intenzjoni li tressaq kawża kontra l-parti l-iktar b’saħħitha tkun tista’ tagħmel dan quddiem qorti ta’ Stat Membru faċilment aċċessibbli.

29

Madankollu, f’ċerti każijiet, ir-Regolament Nru 1215/2012 jipprevedi l-possibbiltà ta’ deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tal-assigurazzjoni permezz ta’ ftehimiet, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament, permezz ta’ konvenzjonijiet li jirrigwardaw kuntratt ta’ assigurazzjoni sa fejn dan ikopri wieħed jew iktar mir-riskji elenkati fl-Artikolu 16 tiegħu.

30

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ikopri “riskji kbar”, kif imsemmija fl-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jirreferi għad-Direttiva Nru 2009/138, li tiddefinixxi, fil-punt 27 tal-Artikolu 13 tagħha, il-kunċett ta’ “riskji kbar” u jistabbilixxi ċerti kategoriji ta’ riskji li jaqgħu taħt dan il-kunċett.

31

F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat jekk klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni stipulata f’tali kuntratt tistax torbot lit-terz assigurat, li ma jkunx parti f’dan il-kuntratt u li ma jkunx iffirma l-istipulazzjonijiet tal-imsemmi kuntratt.

32

Sabiex isir magħruf jekk l-assigurat jistax, bħala terz għal kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir”, ikun marbut minn klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li tistipula li għandhom ġurisdizzjoni biss il-qrati tad-domiċilju tal-kumpannija tal-assigurazzjoni, għandu jsir riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 15(5) tar-Regolament Nru 1215/2012, kif ukoll għall-istruttura tar-regoli li dan jipprevedi fil-qasam tal-assigurazzjoni, għall-oriġini tagħhom u għall-għanijiet li fuqhom huma bbażati.

33

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012, jista’ ċertament jiġi kkunsidrat, sa fejn dan il-punt isemmi biss il-ftehimiet li jikkonċernaw kuntratt ta’ assigurazzjoni u mhux, kuntrarjament għall-punti 3 u 4 tal-istess Artikolu 15, il-partijiet fil-ftehim, li, meta klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni valida tkun stipulata f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir”, din tista’ tiġi invokata, minn kull persuna li tixtieq teżerċita d-drittijiet tagħha skont l-imsemmi kuntratt, ukoll kontra terz assigurat.

34

Din id-differenza fil-formulazzjoni bejn il-punt 5 u punti oħra tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 1215/2012 hija spjegata madankollu mill-oriġini ta’ dan l-artikolu. Kif jirriżulta mill-punt 140 tar-rapport ta’ P. Schlosser dwar il-Konvenzjoni dwar l-Adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, kif ukoll mill-Protokoll dwar l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 1979, C 59, p. 71), bil-għan li tissupplimenta din l-aħħar konvenzjoni fil-mument tal-adeżjoni tar-Renju Unit, fl-1978, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiddefinixxi kriterju astratt u ġenerali ta’ delimitazzjoni tas-sitwazzjonijiet li għalihom il-klawżoli li jagħtu ġurisdizzjoni tkun ammessa, ġie deċiż li titfassal lista ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li l-eliġibiltà ta’ tali klawżoli għandha tiġi estiża. Madankollu, kif jirriżulta minn dan il-punt tal-imsemmi rapport, tali żieda bl-ebda mod ma kienet intiża sabiex tagħmel tali klawżoli li jattribwixxu ġurisdizzjoni vinkolanti kontra terzi.

35

It-tieni nett, fir-rigward tal-istruttura tad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 44/2001 estenda l-lista tal-persuni li jistgħu jħarrku l-assiguratur quddiem qorti billi inkluda wkoll lill-persuni assigurati fl-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan l-aħħar regolament, li sar l-Artikolu 11(1)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mingħajr ebda distinzjoni skont it-tip ta’ riskji assigurati. Il-protezzjoni mogħtija b’dan il-mod lill-persuni assigurati tkun madankollu ineffettiva jekk, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni dwar “riskji kbar”, il-qorti kompetenti tiġi ddeterminata abbażi ta’ klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni li l-assigurat ma jkunx issottoskriva għaliha.

36

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-għanijiet li fuqhom hija bbażata t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat li, fil-każ fejn kuntratt ta’ assigurazzjoni jiġi konkluż favur terz, klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni inkluża fih, li ma tkunx sottoskritta fih, tista’ tiġi invokata kontrih, fil-każ ta’ tilwima li toriġina mill-imsemmi kuntratt, biss jekk din ma tippreġudikax l-għan ta’ protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-iktar dgħajfa (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C‑112/03, EU:C:2005:280).

37

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, fil-qasam tal-assigurazzjoni, l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni tibqa’ strettament irregolata mill-għan ta’ protezzjoni tal-persuna ekonomikament l-iktar dgħajfa (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, Assens Havn, C‑368/16, EU:C:2017:546, punt 36).

38

Madankollu, għandu jiġi eżaminat jekk din il-kunsiderazzjoni tapplikax bl-istess mod fil-qasam tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru “riskju kbir”, li fih il-persuni assigurati jistgħu, bħal fil-każ tal-assiguraturi u tal-persuni assigurati, igawdu minn saħħa ekonomika sinjifikattiva.

39

F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tas-saħħa ekonomika tagħhom, awtorizza lid-detentur tal-polza ta’ assigurazzjoni u l-assiguratur jagħżlu l-qorti kompetenti, inkluż permezz ta’ deroga mir-regoli ta’ ġurisdizzjoni protettivi stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012. Kif jirriżulta mir-rapport ta’ P. Schlosser, imsemmi fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-fakultà mogħtija lill-partijiet li jidderogaw mir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-qafas ta’ kuntratti li saru, sussegwentement, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru “riskju kbir” kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, peress li l-kumpanniji kkonċernati kienu impriżi b’saħħithom, il-partijiet fil-kuntratt ta’ assigurazzjoni kienu fuq livell ugwali u protezzjoni supplimentari tal-parti l-iktar dgħajfa ma kinitx iġġustifikata.

40

Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn din il-konstatazzjoni li s-saħħa ekonomika tal-persuna assigurata u dik tal-assiguraturi u tal-persuni assigurati huma identiċi jew simili. Konsegwentement, il-kwistjoni dwar jekk terz għal kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir” jistax jitqies bħala l-persuna ekonomikament l-iktar dgħajfa ma tiddependix biss fuq il-fatt li l-kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż bejn il-partijiet jaqa’ taħt il-kategorija ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru “riskju kbir”.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-fakultà li ssir deroga mir-regoli ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fil-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru “riskju kbir” tapplika biss fir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti u ma tistax, bħala regola ġenerali, tiġi estiża għal terz assigurat.

42

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li evalwazzjoni każ b’każ tal-kwistjoni dwar jekk persuna tistax titqies li hija “parti iżgħar” toħloq riskju ta’ inċertezza legali u tmur kontra l-għan tar-Regolament Nru 1215/2012, stabbilit fil-premessa 15 tiegħu, li jipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD, C‑340/16, EU:C:2017:576, punt 34).

43

Din il-kunsiderazzjoni tapplika iktar u iktar fil-qasam tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni li jkopru “riskju kbir”. Fil-fatt, kif ġustament tirrileva l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 13(27) tad-Direttiva 2009/138 jipprevedi diversi kriterji li għandhom jiġu evalwati flimkien, u li l-applikazzjoni tagħhom ma hijiex dejjem sistematika. Din l-evalwazzjoni tista’ teħtieġ verifiki fil-fond u potenzjalment kumplessi, ħaġa li tmur kontra l-intenzjoni li jsiru prevedibbli r-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

44

Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-għan ta’ protezzjoni li fuqu hija bbażata t-Taqsima 3 tal-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1215/2012 jimplika li l-applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali li hija tipprevedi ma għandhiex tiġi estiża għal persuni li fir-rigward tagħhom din il-protezzjoni ma hijiex iġġustifikata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalkemm minn dan isegwi li l-ebda protezzjoni speċjali ma hija ġġustifikata fir-relazzjonijiet bejn professjonisti fis-settur tal-assigurazzjoni, li ħadd minnhom ma jista’ jiġi preżunt li jinsab f’pożizzjoni dgħajfa meta mqabbel mal-oħrajn (sentenza tal-31 ta’ Jannar 2018, Hofsoe, C‑106/17, EU:C:2018:50, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata), huwa paċifiku li, f’dan il-każ, it-terz assigurat, jiġifieri Grifs, ma huwiex professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni prevista f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, konkluż mill-persuna assigurata u mill-assiguratur, ma tistax tiġi invokata kontra l-persuna assigurata minn dan il-kuntratt, li ma hijiex professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, li ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal din il-klawżola u li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna assigurata u tal-assiguratur.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 15(5) u l-Artikolu 16(5) tar-Regolament Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-klawżola li tattribwixxi ġurisdizzjoni prevista f’kuntratt ta’ assigurazzjoni li jkopri “riskju kbir”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, konkluż mill-persuna assigurata u mill-assiguratur, ma tistax tiġi invokata kontra l-persuna assigurata minn dan il-kuntratt, li ma hijiex professjonist fis-settur tal-assigurazzjoni, li ma tkunx tat il-kunsens tagħha għal din il-klawżola u li hija ddomiċiljata fi Stat Membru ieħor minn dak tad-domiċilju tal-persuna assigurata u tal-assiguratur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.