SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

30 ta’ April 2020 ( *1 )

“Appell – Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) – Spejjeż esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea – Infiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika – Regolament (KE)Nru 1782/2003 – Regolament (KE)Nru 796/2004 – Regolament (KE)Nru 1120/2009 – Regolament (UE) Nru 1306/2013 – Skema ta’ għajnuna skont is-superfiċje – Kunċett ta’ ‘mergħat permanenti’ – Korrezzjonijiet finanzjarji fissi – Regolament (KE) Nru 1698/2005 – Evalwazzjoni tal-eliġibbiltà tal-infiq – Awtorità ta’ Ġestjoni – Regolament (KE) Nru 1290/2005 – Infiq kopert mit-terminu ta’ erbgħa u għoxrin xahar – Regolament (KE) Nru 817/2004 – Sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi – Metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni”

Fil-Kawża C‑797/18 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis‑17 ta’ Diċembru 2018,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn G. Kanellopoulos, E. Leftheriotou u A. Vasilopoulou, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Konstantinidis, D. Triantafyllou u J. Aquilina, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, D. Šváby (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑272/16, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-sentenza appellata, EU:T:2018:651), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417 tas-17 ta’ Marzu 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2016, L 75, p. 16, rettifika fil-ĠU 2016, L 95, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament (KE) Nru 2988/95

2

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2988/1995”) jinkludi Titolu II intitolat “Il-miżuri amministrattivi u l-penali”, li fih jinsab l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi:

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[…]

ċ)

it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

d)

l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003

3

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad‑29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71, u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1782/2003”) kien jinkludi Titolu III, intitolat “Skema ta’ pagament uniku”, li fih kien hemm il-Kapitolu 3 dwar id-“[d]rittijiet ta’ pagament”. It-Taqsima 1 ta’ dan il-kapitolu, dwar id-“[d]rittijiet għall-pagament ibbażati fuq iż-żoni”, kienet tinkludi l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament li jirrigwarda “[d]eterminazzjoni tad-drittijet għall-pagament”. Dan l-artikolu kien jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 48, bidwi għandu jirċievi dritt ġħall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.

In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.

[…]

2.   In-numru ta’ ettari msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi wkoll:

[…]

b)

iż-żona kollha għall-għalf fil-perjodu ta’ referenza.

3.   Għall-iskop tal-paragrafu 2(b) ta’ dan l-Artikolu, ‘żona għall-għalf’ tfisser iż-żona ta’ l-azjenda li matul is-sena kalendarja hi disponibbli, skond l-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 [tal-11 ta’ Diċembru 2001 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 (ĠU L 327, tat-12.12.2001, p. 11)], għat-trobbija ta’ l-annimali inklużi żoni użati għal iktar minn skop wieħed u żoni li kienu suġġetti għall-kultivazzjoni mħallta. Iż-żona għall-għalf m’għandhix tinkludi:

bini, imsaġar, għadajjar, mogħdijiet,

[…]”

4

L-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 1782/2003, dwar l-“[u]żu ta’ drittijet għall-pagament”, kien jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“‘Ettaru eliġibbli’ ifisser kull żona agrikola ta’ l-azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli.”

Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004

5

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità, tal-modulazzjoni u tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u ta’ verifika li dwarhom hemm dispożizzjoni fir-Regolamenti tal-Kunsill Nru 1782/2003 u (KE) Nru 73/2009, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-kundizzjonalità li dwarha hemm dispożizzjoni fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nu 380/2009 (ĠU 2009, L 116, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 796/2004”) kien ifformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom jgħoddu:

[…]

1a)

‘pakkett agrikolu’: tfisser żona kontinwa ta’ art li fiha jiġi kkultivat grupp wieħed ta’ uċuħ tar-raba’ minn bidwi wieħed; madankollu, fejn fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament tkun meħtieġa dikjarazzjoni separata dwar l-użu ta’ l-art fi ħdan grupp ta’ uċuħ tar-raba’, dak l-użu speċifiku għandu jillimita iżjed il-pakkett agrikolu;

[…]

2)

‘Mergħat permanenti’: għandha tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix b’mod naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuh tar-raba’ tal-azjenda għal ħames snin jew aktar, minbarra art li taqa’ fi ħdan l-iskemi għas-serħan tal-artijiet skont l-Artikolu 107(6) tar-Regolament (KE) [Nru 1782/2003], żoni mserrħin skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 [tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU 1992, L 215, p. 85)], żoni mserrħin skont l-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 [tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391)] u żoni mserrħin skont l-Artikolu 39 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 [tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26)];

2a)

‘ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew’: għandha tfisser il-pjanti kollha erbaċej li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew li normalment ikunu inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għall-mergħat jew meded ta’ art miżrugħa fl-Istat Membru (kemm jekk użati jew le għall-annimali li jirgħu). L-Istati Membri jistgħu jinkludu għelejjel elenkati fl-Anness IX għar-Regolament (KE) [Nru 1782/2003].”

6

F’dan ir-rigward, il-premessa 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005 tal-11 ta’ Frar 2005 (ĠU 2008, L 348M p. 61, rettifika fil-ĠU 2009, L 84M, p. 41), li emenda r-Regolament Nru 796/2004 fil-verżjoni inizjali tiegħu, kienet tipprovdi:

“L-Artikolu 2 tar-Regolament […] Nru 796/2004 jinkludi bosta definizzjonijiet li jeħtieġu kjarifika. B’mod partikolari, id-definizzjoni “mergħa permanenti” fil-punt 2 ta’ dak l-Artikolu teħtieġ kjarifika u jinħtieġ li tkun introdotta definizzjoni tat-terminu ‘ħxejjex jew foraġġ ieħor erbaċew’. Madankollu, f’dak il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat li l-Istati Membri jeħtieġu ċerta flessibilità sabiex ikunu jistgħu jqisu l-kondizzjonijiet agronomiċi lokali.”

7

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 796/2004, intitolat “Prinċipji ġenerali fir-rigward ta’ pakketti agrikoli” kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr ħsara għall-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 [tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-‘Regolament Nru 73/2009’)], medda agrikola li jkun fiha s-siġar għandha titqies bħala żona eliġibbli għall-għanijiet tal-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona, dejjem jekk l-attivitajiet agrikoli, jew, fejn applikabbli, il-produzzjoni maħsuba, ikunu jistgħu jitwettqu b’mod simili għal dawk fil-meded fl-istess żona li ma jkunx fihomx siġar.”

8

It-Titolu III tar-Regolament Nru 796/2004, marbut mal-“[k]ontrolli”, kien jinkludi l-Artikolu 30 tiegħu, intitolat “Stabbiliment ta’ żoni”. Il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu kien jipprovdi:

“L-erja totali tal-ħabel agrikolu tista’ titqies sakemm hi tintuża b’mod sħiħ skont l-istandards tas-soltu tal-Istat Membru jew tar-reġjun ikkonċernat. [traduzzjoni mhux uffiċjali] F’każi oħra għandu jingħata kont taż-żona attwalment utilizzata.

[F]ir-rigward tar-reġjuni fejn ċerti fatturi, b’mod partikolari sisien tal-ħaxix, ħniedaq u ħitan huma tradizzjonalment parti mill-prattiċi ta’ agrikoltura tajba għall-uċuh tar-raba jew utilizzazzjoni, l-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li ż-żona li tikkorrispondi għandhom jitqiesu bħala parti miż-żona utilizzata kollha kemm hi bil-kondizzjoni li ma jisbqux wisa’ totali li għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun in kwistjoni u ma għandhiex tisboq iż-żewġ metri. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun in kwistjoni u ma għandhiex tisboq iż-żewġ metri.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

9

Taħt it-Titolu IV, intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet u monitoraġġ mill-kummissjoni”, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola (ĠU 2005, L 209, p. 1), kien hemm inkluż l-Artikolu 31 ta’ dan tal-aħħar, anki dan intitolat “Approvazzjoni tal-konformità”. Il-paragrafi (2) u (4) ta’ dan l-artikolu kienu fformulati kif ġej:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Komunità.

3.   Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.

4.   Il-finanzjament ma jistax jiġi rifjutat għal:

a)

l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) li jitwettaq aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjoni tagħha;

b)

l-infiq dwar il-miżuri pluriennali li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) jew fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi kif indikat fl-Artikolu 4, meta l-obbligu finali fuq min jirċievi jseħħ aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-miktub dwar ir-riżultati tal-ispezzjonijiet tagħha;

c)

l-infiq fuq miżuri fil-programmi, kif indikat fl-Artikolu 4, għajr dawk imsemmija fil-punt (b), li jitwettaq il-ħlas għalihom, jew skont il-każ, il-ħlas tal-bilanċ mill-aġenzija tal-ħlas, aktar minn erbgħa u għoxrin xahar qabel ma l-Kummissjoni tinnotifika lill-Istat Membru bil-kitba dwar ir-riżultati tal-kontroll tagħha.”

Ir-Regolament (KE) Nru 817/2004

10

L-Artikolu 73 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 817/2004 tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3 Vol. 46, p. 87), kien jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxi r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jassiguraw li dawn ikunu mplementati. Il-penali li hemm provvediment dwarhom għandhom ikunu effettivi, propozjonati u disswassivi.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005

11

Il-premessi 61 u 64 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU 2010, L 286M, p. 26) (iktar’ il quddiem ir-“Regolament Nru 1698/2005”), kienu jipprovdu:

“(61)

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u soġġett għal eċċezzjonijiet, għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbilità tal-ispejjeż.

[…]

(64)

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiggarantixxu l-funzjonament tajjeb tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll. Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-prinċipji ġenerali u l-funzjonijiet bażiċi li kwalunkwe sistema ta’ ġestjoni u kontroll għandha tiżgura. Għalhekk jeħtieġ li tinżamm l-għażla ta’ Awtorità ta’ Ġestjoni unika u li jiġu speċifikati r-responsabbiltajiet tagħha.”

12

Dan ir-regolament kien jinkludi Titolu V, intitolat “Kontribut tal-FAEŻR”, li fih kien hemm l-Artikolu 71 ta’ dan ir-regolament, dwar l-“[e]liġibbiltà tan-nefqa”. Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu kienu jipprevedu:

“2.   Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribut tal-[Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)] unikament meta magħmula għal operazzjonijiet deċiżi mill-Awtorità ta’ Ġestjoni tal-programm inkwistjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, f’konformità mal-kriterji ta’ selezzjoni stabbiliti mill-korp kompetenti.

3.   Ir-regoli dwar l-eliġibbilità tan-nefqa għandhom jiġu stabbiliti fuq livell nazzjonali, soġġett għall-kondizzjonijiet speċjali stabbiliti minn dan ir-Regolament għal ċerti miżuri għall-iżvilupp rurali.

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006

13

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 (ĠU 2008, L 322M, p. 305), kien jinkludi Kapitolu III, intitolat “Miżuri g]all-iżvilupp rurali”, li fih kien hemm it-Taqsima 2 dwar id-“[d] ispożizzjonijiet komuni għal diversi miżuri”. L-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament kien jinsab f’din it-taqsima u kien jipprovdi:

“Għall-miżuri ta’ investiment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-appoġġ hu mmirat għall-objettivi definiti u ċari li jirriflettu l-ħtiġijiet identifikati strutturali u territorjali u l-iżvantaġġi strutturali.”

14

Taħt it-titolu “Il-karattru verifikabbli u kontrollabbli tal-miżuri u r-regoli ta’ eliġibbiltà”, it-Taqsima 1 tal-Kapitolu IV, li hija intitolata “Eliġibbiltà u dispożizzjonijiet amministrattivi”, ta’ dan ir-regolament kienet tinkludi l-Artikolu 48 tiegħu, li jipprovdi:

“1.   Għall-iskop ta’ l-Artikolu 74(1) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri kollha għall-iżvilupp rurali li huma beħsiebhom jimplimentaw huma verifikabbli u kontrollabbli. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-arranġamenti ta’ kontroll li jagħtuhom l-assigurazzjoni raġonevoli li l-kriterji ta’ l-eliġibbiltà u impenji oħra huma rispettati.

2.   Sabiex tkun issostanzjata u kkonfermata s-suffiċjenza u l-eżattezza tal-kalkoli tal-pagamenti taħt l-Artikoli 31, 38, 39, 40 u 43 sa 47 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kompetenzi xierqa huma provduti minn korpi jew servizzi bl-ebda konnessjoni ta’ ġerarkija mal-korpi jew is-servizzi responsabbli biex jistabbilixxu dawn il-kalkoli. Għandha tintwera dispożizzjoni ta’ tali kompetenza fil-programm għall-iżvilupp rurali.”

Ir-Regolament (KE) Nru 73/2009

15

Il-Kapitolu 1, dwar l-“[i]mplimentazzjoni ġenerali”, tat-Titolu III, intitolat “Skema ta’ pagament uniku”, tar-Regolament Nru 73/2009 kien jinkludi l-Artikolu 34 dwar l-“[a]ttivazzjoni ta’ drittijiet għal pagament għal kull ettaru eliġibbli”. Skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu:

“L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.”

16

L-Artikolu 36 tal-imsemmi regolament, intitolat “Modifika tad-drittijiet għal pagament”, kien jinsab ukoll f’dan il-kapitolu u kien jipprovdi:

“Id-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma għandhomx jiġu mmodifikati, ħlief jekk previst f’dan ir-Regolament.

Skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2), il-Kummissjoni għandha tistipula regoli dettaljati għall-modifika, mill-2010, tad-drittijiet għal pagament, b’mod partikolari fil-każ ta’ frazzjonijiet tad-drittijiet.”

17

L-Artikolu 137 tal-istess regolament, intitolat “Konferma tad-drittijiet għal pagamenti” kien jinsab taħt it-Titolu VII tiegħu, dwar “[d]ispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni, transitorji u finali”. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu kien ifformulat kif ġej:

“Id-drittijiet għal pagamenti allokati lill-bdiewa qabel l-1 ta’ Jannar 2009 għandhom jitqiesu bħala legali u regolari sa mill-1 ta’ Jannar 2010.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1120/2009

18

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1120/2009 tad-29 ta’ Ottubru 2009 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku li hemm provvediment dwarha fit-Titolu III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2009, L 316, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1120/2009”):

“Għall-finijiet tat-Titolu III tar-Regolament [Nru 73/2009] u ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

c)

‘mergħat permanenti’ tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, minbarra art imserrħa skont ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 [tat-30 ta’ Ġunju 1992 dwar metodi ta’ produzzjoni agrikola kompatibbli mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent u taż-żamma tal-kampanja (ĠU 1992, L 215, p. 85)], art imserrħa skont l-Artikoli 22, 23 u 24 tar-Regolament [Nru 1257/1999] u art imserrħa skont l-Artikolu 39 tar-Regolament [Nru 1698/2005]; u għal dan l-iskop, “ħaxix jew għalf ieħor fil-forma ta’ ħaxix naturali” tfisser il-pjanti erbaċej kollha li tradizzjonalment jinsabu f’mergħat naturali jew huma normalment inklużi f’taħlitiet ta’ żrieragħ għal mergħat jew imraġ fl-Istat Membru (kemm jekk jintużaw biex jirgħu l-annimali jew le). L-Istati Membri jistgħu jinkludu uċuħ ta’ raba’ li jinħarat elenkati fl-Anness I;

[…]”

Ir-Regolament (KE) Nru 1122/2009

19

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1122/2009”) kien fih l-Artikolu 34 dwar id-“[d]eterminazzjoni tal-erjas”. Dan l-artikolu, li kien jinsab taħt it-Titolu III “Kontrolli” ta’ dan ir-regolament, kien jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 4 tiegħu:

“2.   L-erja totali tal-ħabel agrikolu tista’ titqies sakemm hi tintuża b’mod sħiħ skont l-istandards tas-soltu tal-Istat Membru jew tar-reġjun konċernat. F’każijiet oħra għandha titqies l-erja attwalment utilizzata.

Fir-rigward tar-reġjuni fejn ċerti karatteristiċi, partikolarment is-sisien tal-ħaxix, il-fosos u l-ħitan, huma tradizzjonalment parti mill-prattiki għal kultivazzjoni jew utilizzazzjoni agrikola tajbin, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-erja korrispondenti għandha titqies bħala parti mill-erja utilizzata b’mod sħiħ bil-kundizzjoni li ma taqbiżx il-wisa’ totali li għandha tiġi ddeterminata mill-Istati Membri. Dik il-wisa’ għandha tikkorrispondi mal-wisa’ tradizzjonali fir-reġjun konċernat u ma għandhiex taqbeż 2 metri.

Madankollu, meta l-Istati Membri jkunu nnotifikaw lill-Kummissjoni, b’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004, qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, wisa’ aktar minn 2 metri, din il-wisa’ xorta tista’ tiġi applikata.

[…]

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34(2) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ħabel agrikolu li jkun fih is-siġar għandu jitqies bħala erja eliġibbli għall-finijiet tal-iskemi ta’ għajnuna relatati mal-erja, dejjem jekk l-attivitajiet agrikoli jew, fejn applikabbli, il-produzzjoni prevista tkun tista’ titwettaq b’mod simili għal dawk il-ħbula fl-istess erja li ma fihomx siġar.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013

20

L-Artikolu 52 dwar l-“[a]pprovazzjoni tal-konformità” tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83), jinsab taħt it-Taqsima II intitolat “Approvazzjoni”, tal-Kapitolu IV, huwa stess intitolat “Approvazzjoni tal-kontijiet”. Dan l-artikolu jipprovdi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li għandhom jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tqis kif xieraq in-natura tal-ksur u tal-ħsara finanzjarja kkawżata lill-Unjoni. Hija għandha tibbaża l-esklużjoni fuq l-identifikazzjoni tal-ammonti minfuqin bla bżonn u, meta dawn ma jkunux jistgħu jiġu identifikati bi sforz proporzjonat, tista’ tapplika korrezzjonijiet estrapolati jew b’rata fissa. Korrezzjonijiet b’rata fissa għandhom jiġu applikati biss meta minħabba n-natura tal-każ jew minħabba li l-Istat Membru ma jkunx ipprovda l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, ma jkunx possibbli bi sforz proporzjonat li tiġi identifikata b’mod aktar preċiż il-ħsara finanzjarja magħmula lill-Unjoni.

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut tal-finanzjament, is-sejbiet mill-ispezzjoni tal-Kummissjoni u t-tweġibiet tal-Istat Membru għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan iż-żewġ partijiet għandhom jippruvaw jilħqu ftehim dwar l-azzjoni li jkollha tittieħed. F’dak il-punt tal-proċedura għandha tingħata l-opportunità lill-Istati Membri biex juru li l-gravità reali tan-nonkonformità hija inqas mill-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

Jekk ma jintlaħaqx ftehim, l-Istat Membru jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedura bil-għan li tiġi rrikonċiljata, fi żmien perijodu ta’ erba’ xhur, il-pożizzjoni ta’ kull parti. Għandu jiġi ppreżentat rapport dwar ir-riżultat tal-proċedura lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għal finanzjament u għandha tagħti raġunijiet jekk tiddeċiedi li ma ssegwix dawk ir-rakkomandazzjonijiet.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013

21

L-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608), fil-verżjoni inizjali tiegħu, (iktar’ il quddiem ir-“Regolamenti Nru 1307/2013”), kien jistabbilixxi d-definizzjoni li ġejja:

“‘bwar permanenti u mergħat permanenti’, (flimkien imsemmija ‘bwar permanenti’) tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew iktar; tista’ tinkludi speċi oħra, bħal arbuxelli u/jew siġar li jista’ jsir ir-ragħa fuqhom dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti kif ukoll, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, art li tista’ tintuża għar-ragħa u li hija parti minn prattiki lokali stabbiliti, fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor mhumiex tradizzjonalment predominanti f’erjas tar-ragħa”.

22

Din id-dispożizzjoni, kif emendata bir-Regolament (UE) Nru 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15), hija fformulata kif ġej:

“bur permanenti u mergħat permanenti” (flimkien imsemmija “bur permanenti”) tfisser art li tintuża sabiex jitkabbar il-ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor naturali (li jitla’ waħdu) jew permezz ta’ kultivazzjoni (li jkun inżera’) u li ma ġietx inkluża fin-newba tal-uċuħ tar-raba’ tal-impriża għal ħames snin jew aktar, kif ukoll, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, li ma tkunx inħartet għal ħames snin jew aktar; tista’ tinkludi speċijiet oħra bħal arbuxelli u/jew siġar tajbin għar-ragħa u, fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, speċijiet oħra bħal arbuxelli u/jew siġar li jipproduċu għalf tal-annimali, dment li l-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor jibqgħu predominanti. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jikkunsidraw bħala bur permanenti:

i)

art li tista’ tintuża għar-ragħa u li tifforma parti minn prattiki lokali stabbiliti fejn ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor huma tradizzjonalment mhux predominanti fiż-żoni tar-ragħa; u/jew

ii)

art li tista’ tintuża għar-ragħa fejn il-ħaxix u foraġġ erbaċew ieħor mhumiex predominanti jew huma assenti f’żoni tar-ragħa”.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 809/2014

23

Taħt it-titolu “Irtirar parzjali jew totali tal-appoġġ u pieni amministrattivi”, l-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 227, p. 69), (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 809/2014”) jipprevedi:

“1.   Il-pagamenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-ammonti li jinstabu li huma eliġibbli waqt il-verifiki amministrattivi msemmija fl-Artikolu 48.

L-awtorità kompetenti għandha teżamina t-talba għall-ħlas li tkun irċeviet mingħand il-benefiċjarju, u tistabbilixxi l-ammonti li huma eliġibbli għall-appoġġ. Hija għandha tistabbilixxi:

a)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju abbażi tat-talba għall-ħlas u tad-deċiżjoni dwar l-għotja;

b)

l-ammont li għandu jitħallas lill-benefiċjarju wara li tiġi eżaminata l-eliġibbiltà tan-nefqa mniżżla fit-talba għall-ħlas.

Jekk l-ammont stabbilit skont il-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu jaqbeż l-ammont stabbilit skont il-punt (b) ta’ dak is-sottoparagrafu b’aktar minn 10 %, għandha tiġi applikata piena amministrattiva fuq l-ammont stabbilit skont dak il-punt (b). L-ammont tal-piena għandu jkun id-differenza bejn dawk iż-żewġ ammonti, iżda ma għandux jaqbeż l-irtirar sħiħ tal-appoġġ.

Madankollu, l-ebda piena ma għandha tiġi applikata jekk il-benefiċjarju jkun jista’ juri, b’mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti, li mhux tort tiegħu li ġie inkluż l-ammont li mhuwiex eliġibbli, jew jekk l-awtorità kompetenti tkun issodisfata mod ieħor li l-benefiċjarju kkonċernat ma għandux tort.

2.   Il-piena amministrattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi applikata mutatis mutandis għan-nefqa mhux eliġibbli identifikata waqt il-verifiki fuq il-post imsemmija fl-Artikolu 49. F’dak il-każ in-nefqa eżaminata għandha tkun in-nefqa kumulattiva magħmula għall-operazzjoni kkonċernata. Dan huwa mingħajr ħsara għar-riżultati tal-verifiki fuq il-post tal-operazzjonijiet ikkonċernati li jkunu saru qabel.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 908/2014

24

L-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 908/2014 tas-6 ta’ Awwissu 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni ta’ kontijiet, ir-regoli dwar kontrolli, garanziji u trasparenza (ĠU 2014, L 255, p. 59, rettifika fil-ĠU 2015, L 114, p. 25) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 908/2014”), jipprevedi, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2.   Fejn, minħabba kwalunkwe stħarriġ, il-Kummissjoni tqis li l-infiq ma sarx skont ir-regoli tal-Unjoni, hija għandha tikkomunika s-sejbiet tagħha lill-Istat Membru kkonċernat, fejn tispeċifika l-miżuri korrettivi meħtieġa biex tkun żgurata l-konformità ma’ dawk ir-regoli fil-futur, u tindika l-livell provviżorju ta’ korrezzjoni finanzjarja li f’dak l-istadju tal-proċedura tikkunsidra li jikkorrispondi mas-sejbiet tagħha. Dik il-komunikazzjoni għandha wkoll tiskeda laqgħa bilaterali fi żmien erba’ xhur wara li jiskadi l-perjodu għar-risposta mill-Istat Membru. Il-komunikazzjoni għandha tagħmel riferenza għal dan l-Artikolu.

L-Istat Membru għandu jwieġeb fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-komunikazzjoni. Fit-tweġiba tiegħu l-Istat Membru għandu jkollu l-opportunità, b’mod partikolari, li:

a)

juri lill-Kummissjoni li l-livell attwali ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ riskju għall-[FAEŻR jew għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG)] huwa anqas minn dak li kien ġie indikat mill-Kummissjoni;

b)

jinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri korrettivi li jkun ħa biex jiżgura l-konformità mar-regoli tal-Unjoni u bid-data effettiva tal-implimentazzjoni tagħhom.

F’każijiet iġġustifikati, l-Kummissjoni, fuq talba raġunata tal-Istat Membru, tista’ tawtorizza estensjoni tal-perjodu ta’ xahrejn b’massimu ta’ xahrejn. It-talba għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni qabel ma jiskadi dak il-perjodu.

Jekk l-Istat Membru jikkunsidra li laqgħa bilaterali mhix meħtieġa, għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan fit-tweġiba tagħha għall-komunikazzjoni msemmija hawn fuq.

3.   Fil-laqgħa bilaterali, ż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jilħqu ftehim dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu kif ukoll dwar l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-baġit tal-Unjoni.

[…]”

Id-Dokument Nru VI/5330/97

25

Il-linji gwida fil-qasam tal-korrezzjonijiet b’rata fissa kienu ġew iddefiniti fid-Dokument Nru VI/5330/97 tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“Dokument Nru VI/5330/97”). Meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tippermettix li jiġi evalwat it-telf imġarrab mill-Komunità, permezz ta’ estrapolazzjoni ta’ dan it-telf, bi statistiċi jew b’riferiment għal data oħra li tista’ tiġi vverifikata, korrezzjoni b’rata fissa setgħet tiġi kkunsidrata. Ir-rata ta’ korrezzjoni applikata kienet tiddependi mill-importanza tan-nuqqasijiet ikkonstatati fit-twettiq tal-kontrolli. Dan id-dokument kien jispeċifika:

“Meta ma jiġux imwettqa wieħed jew iktar mill-kontrolli prinċipali jew jiġu mwettqa ħażin jew tant isiru rarament li ma jkunux effettivi sabiex jiddeterminaw l-eliġibbiltà ta’ talba jew sabiex jipprevjenu l-irregolaritajiet, għandha tiġi applikata korrezzjoni ta’ 10 %, peress li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li hemm riskju għoli ta’ telf kbir għall-[Fond Agrikolu Ewropew ta’ Gwida u Garanzija (FAEGG)].

[…]

Madankollu, meta l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll minn Stat Membru tkun kompletament nieqsa jew ikun hemm nuqqasijiet serji u meta jkun hemm indikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari jew frawdolenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 25 % peress li l-fatt li t-talbiet inammissibbli jistgħu jiġu sottomessi mingħajr ma tiġi imposta penali, jista’ raġonevolment jiġi meqjus bħala li jinvolvi telf estremament għoli għall-FAEGG.

[…]

[Ir-rati fissi ta’ korrezzjoni] huma applikati fir-rigward tal-ispejjeż wara t-tnaqqis tal-ammonti esklużi li jikkonċernaw fajls individwali jew b’applikazzjoni tar-Regolament Nru 296/96 […] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

26

Il-fatti li wasslu għall-kawża ġew imsemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 1 sa 22 tas-sentenza appellata u jistgħu jiġu mqassra kif ġej.

27

Fix-xahar ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni wettqet investigazzjoni dwar l-infiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika skont il-miżuri ta’ żvilupp rurali FAEŻR (2007–2013) għas-snin finanzjarji 2010 sa 2013. F’Novembru 2013, din l-istituzzjoni sussegwentement wettqet investigazzjoni dwar l-infiq imwettaq mir-Repubblika Ellenika bħala għajnuna skont is-superfiċje għas-snin ta’ talba 2012 u 2013.

28

F’dak li jirrigwarda l-għajnuna skont is-superfiċje wara ittra tal-15 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika. Ir-Repubblika Ellenika wieġbet għaliha fis-17 ta’ Marzu 2014 u sussegwentement il-Kummissjoni reġgħet bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika fit-28 ta’ Mejju 2014.

29

Saret laqgħa bilaterali fit-23 ta’ Ġunju 2014 u sussegwentement għaliha r-Repubblika Ellenika bagħtet ittra fit-18 ta’ Settembru 2014.

30

Sussegwentement, il-Kummissjoni pproponiet li r-Repubblika Ellenika tkun ordnata tħallas ammont totali, fiss u ta’ darba, ta’ EUR 167399 260.04 minħabba l-fatt li, skont din l-istituzzjoni, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ għoti tal-għajnuna diretta skont is-superfiċje fil-Greċja ma kinitx konformi mar-regoli tal-Unjoni Ewropea għas-snin ta’ talba 2012 u 2013.

31

Inbdiet proċedura ta’ konċiljazzjoni u ngħatat opinjoni tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni fit-13 ta’ Lulju 2015.

32

Fit-23 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat il-pożizzjoni finali tagħha, billi żammet il-pożizzjoni inizjali tagħha u billi pproponiet li teskludi mill-finanzjament l-ammont finali gross tal-korrezzjoni imposta fuq ir-Repubblika Ellenika fil-qasam tal-għajnuna diretta, li kien jammonta għal EUR 167399 260.04.

33

Fir-rigward tal-miżuri ta’ żvilupp rurali, wara ittra tad-9 ta’ Jannar 2013, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha lir-Repubblika Ellenika. Ir-Repubblika Ellenika weġbithom fis-6 ta’ Marzu 2013.

34

Saret laqgħa bilaterali fil-5 ta’ Settembru 2013, li sussegwentement għaliha r-Repubblika Ellenika bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha fis-27 ta’ Diċembru 2013.

35

Fis-27 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ellenika bl-intenzjoni tagħha li teskludi l-ammont ta’ EUR 4106 349.91 mill-finanzjament tal-Unjoni. Din l-istituzzjoni qieset fil-fatt li kienu ġew ikkonstatati nuqqasijiet fl-applikazzjoni, fil-Greċja, tal-iskema ta’ miżuri li jidħlu fil-kuntest tal-programm għall-iżvilupp rurali tal-FAEŻR (2007–2013) matul is-snin finanzjarji 2010 sa 2013.

36

Wara t-talba għal konċiljazzjoni mressqa mir-Repubblika Ellenika fl-1 ta’ Lulju 2014, il-Korp ta’ Konċiljazzjoni ħareġ l-opinjoni tiegħu f’rapport finali tat-28 ta’ Jannar 2015.

37

Fid-29 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni fformulat il-pożizzjoni finali tagħha billi llimitat il-korrezzjoni proposta għal EUR 3880 460.50, jiġifieri EUR 3107 504.18 abbażi tal-Miżura 125 li tagħmel parti mill-programm ta’ żvilupp rurali tal-FAEŻR imsemmi fil-punt 35 ta’ din is-sentenza (iktar ’il quddiem il-“Miżura 125”), li magħhom żdiedu EUR 772 956.32 skont il-Miżura 121 ta’ dan l-istess programm (iktar ’il quddiem il-“Miżura 121”).

38

Fis-17 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża li permezz tagħha hija indikat l-ammonti tal-infiq sostnut mill-Istati Membri skont il-FAEG u skont il-FAEŻR esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. Fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni applikat korrezzjonijiet b’rata fissa u ta’ darba fir-rigward tas-snin finanzjarji 2010 sa 2013 fl-oqsma rilevanti għal din il-kawża, jiġifieri l-għajnuna diretta diżakkoppjata u l-iżvilupp rurali tal-FAEŻR. Fir-rigward tal-għajnuna diretta, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni ta’ ammont globali ta’ EUR 167399 260.04 nett, li minnhom l-ammont ta’ EUR 166797 866.22 nett kien jikkonċerna b’mod partikolari nuqqasijiet fid-definizzjoni ta’ mergħat permanenti eliġibbli, żbalji manifesti u nuqqasijiet fil-kontrolli fuq il-post permezz ta’ telerilevament. Fir-rigward tal-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni imponiet korrezzjoni fl-ammont ta’ EUR 3880 460.50 nett.

39

Fir-rapport ta’ sinteżi mehmuż mad-deċiżjoni kontenzjuża, imsemmi fil-punti 16 sa 22 tas-sentenza appellata (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ sinteżi”), il-Kummissjoni ġġustifikat l-impożizzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa u ta’ darba inkwistjoni permezz tal-motivi li ġejjin.

40

Fir-rigward tal-għajnuna diretta diżakkoppjata, il-Kummissjoni kkonstatat li, matul is-snin ta’ talba 2012 u 2013, ir-Repubblika Ellenika kienet qieset bħala eliġibbli għall-pagament tal-mergħat permanenti li ma kinux jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 73/2009 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, peress li l-veġetazzjoni fuq dawn is-superfiċji ma setgħetx titqies bħala “ħaxix jew għalf fil-forma ta’ ħaxix”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Din il-klassifikazzjoni żbaljata min-naħa tal-awtoritajiet Griegi ntużat ukoll għall-kontroverifiki skont ir-Regolament Nru 1122/2009.

41

Għas-sena ta’ talba 2012, l-awtoritajiet Griegi kienu evalwaw il-konsegwenzi tal-iżball għal ammont ta’ EUR 40113 184.84. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li dan l-ammont kien inkiseb bl-applikazzjoni tar-rati ta’ eliġibbiltà ddefiniti fix-xahar ta’ Ottubru 2013, li ma kinux jieħdu inkunsiderazzjoni l-finalizzazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni rrevedut fix-xahar ta’ April 2014. Hija kkunsidrat ukoll li l-ammont ikkalkolat mill-awtoritajiet Griegi ma kienx ħa inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet li kellhom jiġu imposti għall-każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda. Fir-rigward tas-sena ta’ talba 2013, din l-istituzzjoni kkonstatat li l-ammont ikkalkolat mill-awtoritajiet Griegi ma kienx ħa inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet li kellhom jiġu imposti għall-każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda dwar l-ammonti li ma kinux tħallsu. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ dawn is-sentejn ta’ talba, il-Kummissjoni qieset ukoll li dawn l-ammonti kienu nkisbu mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt finanzjarju tal-emendi tal-fatturi pro rata li jikkonċernaw il-mergħat permanenti, kif kienu tlestew fit-30 ta’ April 2014.

42

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li nuqqasijiet kienu jikkaratterizzaw il-kontrolli fuq il-post li l-konklużjonijiet tagħhom kienu, f’ċerti każijiet, fundamentalment differenti minn dawk tat-telerilevament, li kien wassal għal eżami mill-ġdid ta’ 9 470-il pakkett agrikolu għas-sena ta’ talba 2013 (iżda mhux għas-sena ta’ talba 2012). Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset li, f’ċerti każijiet u b’applikazzjoni estensiva tal-prassi rilevanti, l-awtoritajiet Griegi kienu kkunsidraw li kien jeżisti “żball manifest”, sabiex jiġi kkoreġut l-ammont tal-pagamenti, mingħajr madankollu ma applikaw is-sanzjonijiet previsti.

43

Fl-4 ta’ Diċembru 2014, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Griegi lill-Kummissjoni indikat li dawn ipproponew korrezzjoni li tammonta għal EUR 52225 465.79 għas-sena ta’ talba 2012 u għal ammont ta’ EUR 37133 161.78 għas-sena ta’ talba 2013. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn il-korrezzjonijiet kienu insuffiċjenti, minħabba r-rata għolja ta’ żbalji kkonstatati waqt il-kontrolli, li kienu jindikaw irregolaritajiet mifruxa u li kienu għadhom ma ġewx suffiċjentement miġġielda.

44

Fir-rigward tas-sena ta’ talba 2012, il-Kummissjoni għalhekk applikat korrezzjoni ta’ 25 % għall-popolazzjoni f’riskju. Fid-dawl tat-titjib tas-sitwazzjoni, hija naqqset il-korrezzjoni għal 10 % għas-sena ta’ talba 2013, fuq bażi hija stess imnaqqsa ta’ EUR 37163 161.78 li l-awtoritajiet Griegi kienu ddikjaraw bħala żball magħruf.

45

Fir-rigward tal-iżvilupp rurali, u b’mod iktar partikolari tal-Miżura 125, prinċipalment relatata ma’ infrastrutturi ta’ tisqija, il-Kummissjoni qieset li l-għażla tal-proġetti eliġibbli ma kinitx tikkorrispondi għar-rekwiżiti tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1698/2005. Fil-fatt, l-investigazzjoni kienet żvelat li din is-selezzjoni kienet tinkludi t-tieni stadju ta’ preselezzjoni problematika min-naħa tad-Direttorat għall-Istudji u l-Kostruzzjonijiet Tekniċi tal-Ministeru għall-Iżvilupp Rurali Grieg (iktar ’il quddiem id-“DTEC”). Matul din il-fażi ta’ preselezzjoni, kienu għalhekk ikkontrollati mhux biss il-maturità tal-proġetti, iżda wkoll l-adegwatezza tagħhom fir-rigward tal-prijoritajiet, abbażi ta’ kriterji magħrufa biss minn dan id-direttorat. Ġew introdotti kriterji ta’ selezzjoni li ma kinux dawk stabbiliti mill-awtorità amministrattiva kompetenti (OPEKEPE). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 3107 504.18.

46

F’dak li jirrigwarda l-Miżura 121, essenzjalment iddedikata għall-modernizzazzjoni ta’ impriżi, l-investigazzjoni kienet żvelat li, f’ċerti każijiet ta’ dikjarazzjoni ta’ nfiq ineliġibbli, it-talbiet tal-benefiċjarji kienu tnaqqsu mingħajr ma ġiet imposta fuqhom ebda sanzjoni. Issa, l-impunità tista’, skont il-Kummissjoni, tinkoraġġixxi lill-benefiċjarji jiddikjaraw spejjeż mhux eliġibbli, peress li, fl-agħar każ, huma jiġu sempliċement irrifjutati l-ħlas tal-ammont korrispondenti. Għalhekk hija qieset li din il-prattika kienet toħloq riskju għall-fond ikkonċernat u ddeċidiet li tapplika, abbażi ta’ applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, korrezzjoni li tikkorrispondi għal ammont ta’ EUR 772 956.32.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

47

B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Mejju 2016, ir-Repubblika Ellenika ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża billi invokat, essenzjalment, tmien motivi insostenn tiegħu.

48

L-ewwel motiv kien jirrigwarda l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % għas-sena ta’ talba 2012, il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % għas-sena ta’ talba 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ EUR 37163 161.78, applikata minħabba nuqqasijiet ikkonstatati fid-definizzjoni tal-mergħat permanenti eliġibbli. Dan il-motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009.

49

It-tieni motiv kien ibbażat fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-Dokument Nru VI/5330/97 fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % għas-sena ta’ talba 2012.

50

It-tielet motiv kien jirrigwarda l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % u l-korrezzjoni ta’ darba applikata għan-nuqqasijiet u għall-iżbalji fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli għas-sena ta’ talba 2013 u kien ibbażat fuq in-natura illegali u abbużiva tagħhom, il-motivi kontradittorji tagħhom, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tad-Dokument Nru VI/5330/97 fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet għall-impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ proporzjonalità, ta’ ne bis in idem u tad-drittijiet tad-difiża.

51

Ir-raba’ u l-ħames motiv kienu jikkonċernaw id-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din tipprevedi korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % għal nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ selezzjoni tal-proġetti tal-Miżura 125. Ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali u ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq żball ta’ fatt fir-rigward ta’ din il-korrezzjoni b’rata fissa applikata għas-snin finanzjarji 2010 sa 2013 filwaqt li l-ħames motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005.

52

Is-sitt u s-seba’ motiv kienu jirrigwardaw korrezzjoni ta’ darba applikata għas-snin finanzjarji 2011 sa 2013 minħabba nuqqasijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni tal-politika ta’ sanzjoni fir-rigward tal-Miżura 121. Is-sitt motiv kien ibbażat fuq l-illegalità tal-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni li jwassal għal riżultati sproporzjonati fid-dawl tan-nuqqasijiet ikkonstatati, filwaqt li s-seba’ motiv kien ibbażat fuq in-nuqqas ta’ bażi legali u ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kif ukoll fuq il-ksur tad-Dokument Nru VI/5330/97.

53

Ir-Repubblika Ellenika rrinunzjat għat-tmien motiv fil-mori tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

54

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors.

It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

55

Ir-Repubblika Ellenika titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56

Il-Kummissjoni titlob li dan l-appell jiġi miċħud bħala infondat. Hija titlob ukoll li r-Repubblika Ellenika tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

57

Insostenn tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tqajjem sitt aggravji. L-ewwel aggravju jikkonċerna d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn tapplika korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’ 10 % għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll korrezzjoni ta’ darba ta’ EUR 37163 161.78 għas-sena ta’ talba 2013. Dan l-aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tad-Dokument Nru VI/5330/97 fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 25 % applikata għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-sena ta’ talba 2012. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u tal-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014, kif indikati mid-Dokument Nru VI/5330/97, tal-prinċipju ta’ ne bis in idem u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba l-kumulu tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 10 % applikata għall-għajnuna skont is-superfiċji għall-mergħat għas-sena ta’ applikazzjoni 2013 u ta’ korrezzjoni ta’ darba. Ir-raba’ u l-ħames aggravju jirrigwardaw l-evalwazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tal-korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % applikata lir-Repubblika Ellenika għal nuqqasijiet fl-applikazzjoni tal-kriterji ta’ għażla tal-proġetti tal-Miżura 125 għas-snin finanzjarji 2010 sa 2013. Filwaqt li r-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 71(2) u (3) tar-Regolament Nru 1698/2005 kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza appellata, il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll fuq motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja ta’ din is-sentenza. Is-sitt aggravju jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-korrezzjoni ta’ darba applikata għar-Repubblika Ellenika għas-snin finanzjarji 2011 sa 2013 minħabba nuqqasijiet ikkonstatati fl-applikazzjoni tal-politika ta’ sanzjoni fir-rigward tal-Miżura 121. Dan il-motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004 u tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014.

Fuq l-ewwel aggravju

L-argumenti tal-partijiet

58

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat, fil-punti 35 sa 66 tas-sentenza appellata, il-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kif ukoll l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, li jistabbilixxu d-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti”.

59

Ir-Repubblika Ellenika tikkritika lill-Qorti Ġenerali li adottat, fil-punti 39, 40, 49 u 56 tas-sentenza appellata, kriterju żbaljat marbut mat-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċji meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina jekk dawn is-superfiċji kinux jikkostitwixxu “mergħat permanenti”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali limitat il-klassifikazzjoni ta’ “mergħat permanenti” biss għas-superfiċji miksija b’ħaxix jew foraġġ erbaċew ieħor, bl-esklużjoni tas-superfiċji miksija b’arbuxxelli u bi pjanti għudin, karatteristiċi tal-mergħat imsejħa “tat-tip Mediterranju”. Issa, skont ir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali kellha tadotta kriterju ieħor li permezz tiegħu jikkostitwixxu “mergħat permanenti” superfiċji li jaqgħu taħt prattiki lokali stabbiliti, li tradizzjonalment jintużaw għall-mergħa u li fuqhom il-ħaxix u l-foraġġ erbaċew ma jippredominawx. Barra minn hekk, il-predominanza fuq is-superfiċji inkwistjoni ta’ veġetazzjoni tat-tip għudin ma tistax isservi bħala indikatur ta’ abbandun ta’ attivitajiet agrikoli.

60

Skont ir-Repubblika Ellenika, din l-interpretazzjoni hija awtorizzata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1120/2009, kif ukoll mill-kuntest u mill-għanijiet segwiti minn dawn ir-regolamenti. Għalhekk hija tenfasizza li din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” tirriżulta mill-gwida intiża sabiex tipprovdi lill-Istati Membri regoli dwar l-aħjar metodi ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ dwar il-politika agrikola komuni (PAK), ippubblikata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ April 2008, kif ukoll mill-pjan ta’ azzjoni, imfassal fix-xahar ta’ Ottubru 2012, mill-awtoritajiet Elleniċi b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li jinkludi l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal-mergħat permezz ta’ interpretazzjoni abbażi ta’ ritratt ta’ immaġni bis-satellita fil-livell tal-pakkett ta’ riferiment (unità) u l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kalkolu proporzjonali (pro rata) fil-każijiet fejn ikunu hemm ħafna arbuxelli (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ azzjoni tal-2012”). Barra minn hekk, l-imsemmija interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” hija kkonfermata wkoll mill-formulazzjoni kemm tal-Artikolu 4(1)(h) tar-Regolament Nru 1307/2013, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kif ukoll minn dak li jirriżulta mill-emenda ta’ din id-dispożizzjoni permezz tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2017/2393.

61

Il-Kummissjoni tipproponi li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat. Din l-istituzzjoni hija tal-opinjoni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod korrett il-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, li jinsab fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 kif ukoll fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li l-kriterju marbut man-natura tal-veġetazzjoni li tkopri s-superfiċje agrikola kkonċernata huwa determinanti. Barra minn hekk, la l-orjentazzjonijiet previsti fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, la l-pjan ta’ azzjoni tal-2012, u lanqas ir-Regolament Nru 1307/2013, applikabbli sa mill-1 ta’ Jannar 2015, u li fih id-definizzjoni estiża tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” ma huma rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt applikabbli fil-mument tal-fatti tal-kawża kif ukoll għall-evalwazzjoni tal-korrezzjoni finanzjarja deċiża mill-Kummissjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

62

Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, kif ukoll tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, billi kkonstatat, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li jaqgħu taħt dan il-kunċett biss is-superfiċji miksija b’ħaxix jew foraġġ erbaċew, bl-esklużjoni tas-superfiċji miksija b’arbuxxelli u bi pjanti għudin, karatteristiċi tal-mergħat imsejħa “tat-tip Mediterranju”. Fil-fatt, skont ir-Repubblika Ellenika, il-kriterju relatat man-natura tal-veġetazzjoni li tkopri s-superfiċje agrikola kkonċernata ma huwiex determinanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-“mergħat permanenti”.

63

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009 jinkludi definizzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” f’termini simili ħafna għal dawk użati fil-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004. Għall-kuntrarju, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju determinanti fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti” ma huwiex it-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri s-superfiċje agrikola, iżda l-użu effettiv tal-imsemmija superfiċje għal attività agrikola tipika għall-finijiet ta’ “mergħat permanenti”. Konsegwentement, il-preżenza ta’ pjanti għudin jew arbuxxelli ma tistax, bħala tali, tostakola l-klassifikazzjoni ta’ superfiċje bħala “mergħat permanenti”, sakemm din il-preżenza ma tippreġudikax l-użu effettiv tal-imsemmija superfiċje għal attività agrikola (sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2019, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑341/17 P, EU:C:2019:409, punt 54, u tat-13 ta’ Frar 2020, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑252/18 P, EU:C:2020:95, punt 50).

64

Għaldaqstant, billi ddeċidiet fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li l-kriterju rilevanti kien it-tip ta’ veġetazzjoni preżenti fuq is-superfiċje inkwistjoni u billi sussegwentement wettqet l-eżami tagħha fid-dawl ta’ dan il-kriterju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti”, kif jirriżulta mill-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u mill-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009. Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li skontha r-Repubblika Ellenika tibqa’ ma turix l-ineżattezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni, hija żbaljata.

65

Konsegwentement, l-ewwel aggravju tar-Repubblika Ellenika għandu jintlaqa’. Minn dan isegwi li hemm lok li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika dwar il-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’10 % applikati għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ EUR 37163 161.78 għas-sena ta’ talba 2013, imposti minħabba nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli għas-snin ta’ talba 2012 u 2013.

Fuq it-tieni aggravju

L-argumenti tal-partijiet

66

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat, fil-punti 78, 93, 96, 101, 104, 106 u 107 tas-sentenza appellata, id-Dokument Nru VI/5330/97 fir-rigward tal-issodisfar tal-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni ta’ 25 % għas-sena ta’ talba 2012. Dan l-aggravju jinkludi disa’ partijiet.

67

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-pagamenti definittivi għas-sena ta’ talba 2012 saru fit-30 ta’ Ġunju 2013 wara eżami mill-ġdid tat-talbiet abbażi tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012, kif kien implimentat f’din id-data. Għaldaqstant, dan l-eżami mill-ġdid jeskludi riskju ta’ telf partikolarment għoli li jiġġustifika rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % u jikkontradixxi l-eżistenza ta’ nuqqas rikorrenti, ta’ negliġenza jew ta’ reċidiva mwettqa mir-Repubblika Ellenika. Għaldaqstant, il-punti 78, 93, 96, 101, 104, 106 u 107 tas-sentenza appellata huma legalment infondati.

68

It-tieni aggravju, fit-tieni parti tiegħu, huwa bbażat fuq żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-kontenut tar-rapport ta’ sinteżi u ta’ bidla tas-suġġett tat-tilwima, sa fejn hija ddeċidiet, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, li l-limiti tal-pakketti ta’ referenza u s-superfiċji massima ammissibbli tagħhom għall-għajnuna għandhom jiġu ddefiniti b’mod eżatt. Issa, is-suġġett tal-kawża ma huwiex id-delimitazzjoni preċiża tal-pakketti, iżda jirrigwarda l-ammissibbiltà ta’ dawn tal-aħħar fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “mergħat permanenti”.

69

It-tielet parti tat-tieni aggravju tar-Repubblika Ellenika hija bbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi, sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li, minkejja implimentazzjoni progressiva tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012, ir-riskju għall-FAEG żdied u li t-telf estremament għoli kien probabbli, li jiġġustifika r-rata ta’ 25 %.

70

Permezz tar-raba’ parti insostenn tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-Dokument Nru VI/5330/97 billi eżiġiet, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, li, sabiex titnaqqas ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja, huwa neċessarju li l-Istat Membru kkonċernat ikun neħħa kull riskju għall-FAEG.

71

Permezz tal-ħames parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-punt 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikoli 34 u 36 tar-Regolament Nru 73/2009 kif ukoll l-Artikoli 43 u 44 tar-Regolament Nru 1782/2003 billi qieset li l-iżball li bih huwa ikkritikat dan l-Istat Membru dwar l-eliġibbiltà tal-mergħat kien affettwa l-kalkolu tad-drittijiet għall-pagament tal-bdiewa, u għaldaqstant, in-numru ta’ dawn id-drittijiet, li joħloq riskju għoli ħafna għall-FAEG. Barra minn hekk, tali evalwazzjoni hija vvizzjata b’illegalità għaliex hija tapplika retroattivament l-Artikoli 2 tar-Regolamenti Nri 796/2004 u 73/2009 għall-perijodu ta’ referenza għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pagament (2000–2002).

72

Permezz tas-sitt parti tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tar-rapport finali tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni msemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza meta ddeċidiet, fil-punt 92 tas-sentenza appellata, li parti mis-superfiċji li għalihom ingħatat l-għajnuna ma kinitx eliġibbli għaliha. Issa, minn dan ir-rapport jirriżulta li, wara l-pjan ta’ azzjoni tal-2012, superfiċje ta’ 1.6 miljun ettaru ta’ mergħat baqgħet eliġibbli għall-għajnuna.

73

Permezz tas-seba’ parti ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(3) tar-Regolament Nru 1306/2013, billi llimitat ruħha li tikkonstata li l-Kummissjoni ma hijiex marbuta bir-rapporti tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni mingħajr ma vverifikat jekk dan tal-aħħar kienx immotiva d-deċiżjoni tiegħu li jitbiegħed mill-konklużjonijiet tal-imsemmija rapporti.

74

It-tmien parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq kontradizzjoni bejn il-motivi li jinsabu rispettivament fil-punti 85 u 104 tas-sentenza appellata, sa fejn il-kundizzjonijiet li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “ċirkustanza eċċezzjonali”, fis-sens tad-Dokument Nru VI/5330/97, ma humiex issodisfatti.

75

Permezz tad-disa’ parti insostenn tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-punti 114 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-linji gwida li jinsabu fid-Dokument Nru VI/5330/97, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-implimentazzjoni retroattiva tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012. Din tal-aħħar irrevokat in-nuqqasijiet relatati mal-identifikazzjoni żbaljata tas-superfiċji ta’ mergħat fis-sistema ta’ identifikazzjoni tal-pakketti agrikoli (iktar ’il quddiem is-“SIPA”), b’tali mod li, jekk jiġi preżunt li tista’ tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa, ir-rata ta’ korrezzjoni ta’ 25 % ma hijiex iġġustifikata.

76

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala infondat, peress li ebda wieħed mill-ilmenti mressqa mir-Repubblika Ellenika insostenn tiegħu ma jista’ jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar il-legalità tal-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %.

77

Għalhekk, b’risposta għall-ewwel parti tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni tirribatti li, fil-kuntest tal-appell tagħha, ir-Repubblika Ellenika tiżola l-element tal-eżami mill-ġdid tat-talbiet abbażi tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012 u ma ssemmix id-diversi irregolaritajiet u nuqqasijiet serji oħra tas-sistema ta’ kontroll li l-Qorti Ġenerali fakkret fil-punt 77 tas-sentenza appellata u li ġġustifikaw, meħuda flimkien, l-eżistenza ta’ riskju ta’ telf estremament għoli għall-FAEG.

78

B’risposta għat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret id-diversi nuqqasijiet serji tas-sistema ta’ kontroll li jiġġustifikaw il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %. Il-kwistjoni tad-delimitazzjoni tal-pakketti, imsemmija fil-punt 79 tas-sentenza appellata, tikkostitwixxi biss element ta’ motivazzjoni ġenerali li tiżdied mal-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali u li hija intiża li tenfasizza l-importanza ta’ sistema effettiva ta’ kontroll.

79

Fir-rigward tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, ibbażata fuq kontradizzjoni ta’ motivi, il-Kummissjoni twieġeb li, fil-punt 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tikkonstata li l-implimentazzjoni progressiva tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012 kienet tinkludi miżuri li ma kinux kollha intiżi sabiex jipproduċu effetti immedjati, b’tali mod li l-implimentazzjoni progressiva ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni kienet insuffiċjenti sabiex telimina r-riskju għas-sena ta’ talba 2012.

80

Bi tweġiba għar-raba’ parti tal-istess aggravju, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 88 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma ssuġġettatx it-tnaqqis tal-korrezzjoni b’rata fissa għall-prova tal-assenza ta’ riskju, iżda sempliċement ikkonstatat li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012 ma kellha ebda effett konkret fuq ir-riskju sostnut mill-FAEG fl-2012.

81

Il-Kummissjoni targumenta li t-tieni aggravju, fil-ħames parti tiegħu, intiż kontra l-punt 89 tas-sentenza appellata, huwa ineffettiv, sa fejn l-aggravju, f’din il-parti, jirrigwarda motivazzjoni sussidjarja. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika ma tikkonfutax b’mod utli l-konstatazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, li l-iżball ta’ kalkolu fir-rigward tal-ettari disponibbli huwa l-kawża ta’ riskju għoli ħafna għall-FAEG.

82

B’risposta għas-sitt parti ta’ dan l-aggravju, li jirrigwarda l-punt 92 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax il-fatt li diversi superfiċji li għalihom ingħatat l-għajnuna ma kinux, b’mod ġenerali, eliġibbli għall-imsemmija għajnuna peress li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jitqiesu bħala mergħat permanenti.

83

Fir-rigward tas-seba’ parti tal-imsemmi aggravju, li tirrigwarda l-punt 100 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża minħabba l-fatt li, permezz ta’ din tal-aħħar, il-Kummissjoni injorat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Korp ta’ Konċiljazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wieġbet b’mod suffiċjenti fid-dritt l-allegazzjonijiet tar-Repubblika Ellenika.

84

B’risposta għat-tmien parti tal-istess aggravju, intiża kontra l-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni tirribatti li, permezz ta’ dawn il-motivi superfluwi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li anki jekk l-istabbiliment ta’ “ċirkustanza eċċezzjonali” kien neċessarju sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 %, tali ċirkustanza hija stabbilita f’dan il-każ.

85

Fl-aħħar nett, fir-rigward tad-disa’ parti tat-tieni aggravju, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-2012 u li jirrigwardaw il-punti 114 sa 116 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni ttenni l-pożizzjoni tagħha li dan il-pjan ta’ azzjoni huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-portata finanzjarja tal-irregolarità tistax tiġi stabbilita bi preċiżjoni jew jekk għandhiex tiġi imposta korrezzjoni finanzjarja.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

86

Mid-Dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % hija ġġustifikata meta l-kundizzjonijiet kumulattivi li dan jistabbilixxi jkunu ssodisfatti, jiġifieri meta l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll minn Stat Membru tkun kompletament nieqsa jew ikun hemm nuqqasijiet serji u meta jkun hemm indikazzjonijiet ta’ irregolaritajiet frekwenti ħafna u ta’ negliġenza fil-ġlieda kontra l-prattiċi irregolari jew frawdolenti, sa fejn jista’ jiġi raġonevolment ikkunsidrat li l-libertà ta’ sottomissjoni ta’ talbiet inammissibbli mingħajr ma tiġi imposta penali tikkawża telf estremament għoli għall-FAEGG.

87

Issa, fil-punti 78 sa 82 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet korretta meta kkunsidrat li, f’dan il-każ, ir-Repubblika Ellenika setgħet tiġi kkritikata b’implimentazzjoni serjament difettuża tas-sistema ta’ kontroll fid-dawl ta’ irregolaritajiet rikorrenti li fosthom kien hemm, kif huwa spjegat fil-punt 77 tas-sentenza appellata, in-nuqqasijiet relatati mad-definizzjoni ta’ mergħat permanenti eliġibbli li wasslu għal applikazzjoni żbaljata, minn dan l-Istat Membru, tal-kontroverifiki u tal-kontrolli fuq il-post.

88

Peress li, minn naħa, l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tan-nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti hija bbażata, mid-definizzjoni tagħha stess, fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” u, min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali adottat interpretazzjoni żbaljata ta’ dan il-kunċett, dan l-iżball neċessarjament jaffettwa l-evalwazzjoni tagħha, magħmula fil-punt 78 tas-sentenza appellata, tal-kundizzjoni dwar l-implimentazzjoni serjament defiċjenti tas-sistema ta’ kontroll fid-dawl ta’ irregolaritajiet rikorrenti.

89

Konsegwentement, fid-dawl tal-fatt li l-ilmenti mqajma mir-Repubblika Ellenika fir-rigward tal-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli kollha jirrigwardaw l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “mergħat permanenti” adottata mill-Qorti Ġenerali, it-tieni motiv għandu jintlaqa’ kollu kemm hu.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li, fil-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, l-Artikolu 34 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 908/2014 kif ukoll id-Dokument Nru VI/5330/97 fir-rigward tal-metodu ta’ kalkolu tal-korrezzjoni b’rata fissa għas-sena ta’ talba 2013, b’tali mod li kkunsidrat bħala legali, konformi mal-prinċipju ta’ ne bis in idem u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-kumulu ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % u ta’ korrezzjoni ta’ darba għall-istess irregolaritajiet. Issa, skont ir-Repubblika Ellenika, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumulu ta’ korrezzjoni b’rata fissa u ta’ korrezzjoni ta’ darba huwa possibbli biss fil-każ ta’ konstatazzjonijiet multipli.

91

Il-Kummissjoni titlob li l-ewwel aggravju jiġi miċħud bħala infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

92

Għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005 kif ukoll l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 ma jipprekludux lill-Kummissjoni milli takkumula korrezzjoni ta’ darba u korrezzjoni b’rata fissa.

93

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat il-possibbiltà li jiġu akkumulati korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa u korrezzjonijiet oħra. Jekk jirriżulta li r-riskju sostnut mill-FAEG ma jistax ikun kopert biss minn korrezzjonijiet ta’ darba, korrezzjonijiet oħra b’rata fissa għandhom ikunu possibbli. Fil-fatt, ikun kontra s-sistema ta’ finanzjament tal-FAEG li, jekk jeżistu raġunijiet sabiex issir korrezzjoni ta’ darba, danni jew riskji oħra, li ma jistgħux jiġu ddeterminati b’mod daqshekk ċar, jibqgħu r-responsabbiltà tal-FAEG. L-ebda raġuni ta’ prinċipju ma tipprekludi, konsegwentement, il-kumulu ta’ korrezzjoni ta’ darba u ta’ korrezzjoni b’rata fissa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑253/97, EU:C:1999:527, punti 72 sa 74, u tal-15 ta’ Ġunju 2017, Spanja vs Il-Kummissjoni, C‑279/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:461, punt 72).

94

Min-naħa l-oħra, mid-Dokument Nru VI/5330/97 jirriżulta li l-kumulu ta’ korrezzjoni ta’ darba u ta’ korrezzjoni b’rata fissa huwa possibbli, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fil-punt 136 tas-sentenza appellata, sa fejn dan id-dokument jipprevedi li r-rati fissi huma applikabbli għan-nefqa rimanenti wara t-tnaqqis tal-ammonti esklużi li jikkonċernaw il-fajls individwali.

95

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, insostenn tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika sempliċement tikkritika lill-Qorti Ġenerali dwar il-fatt li, fil-punti 138 sa 141 tas-sentenza appellata, kisret l-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, kif ukoll id-Dokument Nru VI/5330/97 billi ċaħdet l-argument tagħha bbażat fuq il-korrezzjoni doppja għall-istess irregolaritajiet u għall-istess sena ta’ talba 2013.

96

Issa, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 120 sa 125 u 131 tas-sentenza appellata, li fihom hija tidentifika b’mod ċar il-motivi li wasslu lill-Kummissjoni sabiex timponi l-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % u l-korrezzjoni ta’ darba.

97

Għalhekk, mill-punt 123 tas-sentenza appellata jirriżulta li r-rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % imposta għas-sena ta’ talba 2013 kienet iġġustifikata fid-dawl, minn naħa, ta’ kumulu ta’ żbalji rrilevati mill-Kummissjoni dwar l-elementi relatati mal-eliġibbiltà tal-mergħat u mas-sistema ta’ kontroll implimentata mir-Repubblika Ellenika u, min-naħa l-oħra, tat-titjib tas-sitwazzjoni meta mqabbla mas-sena ta’ talba 2012. Fil-punt 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-kalkolu tar-riskju għall-FAEG ta’ ammont ta’ EUR 37163 161.78, imwettaq mill-awtoritajiet Griegi abbażi ta’ data ġdida li tirriżulta mill-attwalizzazzjoni tas-SIPA, ma kienx jippermetti li jiġi ddeterminat l-ammont totali tar-riskju li għalih dan il-fond kien ġie espost b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sanzjonijiet li kellhom jiġu applikati u minħabba l-fatt li missjoni ta’ kontroll imwettqa fix-xahar ta’ Novembru 2014 kienet żvelat il-persistenza ta’ żbalji li jikkonċernaw is-SIPA. Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, li, fid-dawl ta’ dawn l-aħħar nuqqasijiet, il-Kummissjoni kienet tpoġġiet f’sitwazzjoni ta’ inkapaċità li tiddetermina b’eżattezza l-ammont totali tar-riskju sostnut mill-imsemmi fond, b’tali mod li, minn naħa, l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa kienet iġġustifikata u, min-naħa l-oħra, il-kalkoli mwettqa mill-awtoritajiet Griegi dwar is-superfiċji li kienu ġew ikkontrollati ma kinux jippermettu li jiġi ddeterminat l-ammont totali tar-riskju li għalih kien ġie espost l-istess fond.

98

Minn dan jirriżulta li kien permezz ta’ applikazzjoni eżatta tal-Artikolu 31(2) tar-Regolament Nru 1290/2005, tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 kif ukoll tad-Dokument Nru VI/5330/97 li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li, billi naqqset l-ammont ikkalkolat mill-awtoritajiet Griegi tal-ammont li abbażi tiegħu l-Kummissjoni kkalkolat il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, din l-istituzzjoni kienet żgurat ruħha li ma timponix korrezzjoni doppja fuq il-benefiċjarji partikolari li kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-ammont ikkalkolat mill-awtoritajiet Griegi. Fil-fatt, il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % ma kinitx tkopri s-superfiċji li kienu s-suġġett ta’ kontrolli mill-awtoritajiet Griegi u li abbażi tagħhom dawn l-awtoritajiet tal-aħħar kienu kkalkolaw l-ammont ta’ EUR 37163 161.78.

99

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 138 u 141 tas-sentenza appellata, li l-metodu ta’ kalkolu adottat mill-Kummissjoni ma kienx iwassal għal korrezzjoni doppja għall-istess irregolaritajiet u għall-istess sena ta’ talba.

100

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

L-argumenti tal-partijiet

101

Ir-raba’ aggravju mqajjem mir-Repubblika Ellenika huwa bbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 71(2) u (3) tar-Regolament Nru 1698/2005, kif ukoll fuq diversi nuqqasijiet tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

102

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, intiża kontra l-punti 158 sa 160 tas-sentenza appellata, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 71(2) u (3) tar-Regolament Nru 1698/2005 billi lmentat lir-Repubblika Ellenika dwar il-fatt li, qabel l-għażla mwettqa mill-awtorità amministrattiva, id-DTEC ipproċediet għal preselezzjoni ta’ proġetti fuq il-bażi ta’ kriterji speċifiċi għal dan l-organu nazzjonali, u għalhekk ma kinitx tagħmel sempliċi evalwazzjoni formali tal-proġetti, iżda evalwazzjoni fuq il-mertu, minkejja li skont dawn l-artikoli, hija biss l-Awtorità ta’ Ġestjoni li hija awtorizzata tevalwa l-eliġibbiltà tal-proġetti li jistgħu jkunu koperti mill-Miżura 125. Skont ir-Repubblika Ellenika, l-Artikolu 71(3) tar-Regolament Nru 1698/2005 jagħti lill-Istati Membri l-kompetenza ta’ prinċipju sabiex jistabbilixxu r-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq sabiex tiġi ggarantita allokazzjoni iktar effettiva tar-riżorsi tal-FAEŻR u, għaldaqstant, ma jipprojbixxilhomx milli jipprevedu l-intervent ta’ organu nazzjonali bħad-DTEC li japplika l-kriterji ta’ eliġibbiltà tal-proġetti li jistgħu jkunu koperti mill-Miżura 125, fil-limiti tal-għanijiet fil-programm tal-iżvilupp rurali vvalidat mill-Kummissjoni.

103

It-tieni parti ta’ dan l-aggravju tar-Repubblika Ellenika hija bbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn, fil-punt 158 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-DTEC wettaq evalwazzjoni vera fuq il-mertu tal-proġetti sottomessi lilu abbażi ta’ tliet kriterji speċifiċi għalih. Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx liema kienu dawn il-kriterji.

104

Permezz tat-tielet parti tal-imsemmi aggravju, dan l-Istat Membru jsostni li, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkompletat il-kontenut tar-rapport ta’ sinteżi u, għaldaqstant, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża billi kkunsidrat li, wara l-kontroll minn qabel imwettaq mid-DTEC, ċertu numru ta’ proġetti ma kinux trażmessi lill-Awtorità ta’ Ġestjoni.

105

Ir-raba’ parti tal-istess aggravju hija bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli twieġeb għall-argument tar-Repubblika Ellenika dwar il-fatt li l-kontroll minn qabel imwettaq mid-DTEC kien stabbilit għal għexieren ta’ snin mingħajr ma l-Kummissjoni qatt ifformulat osservazzjonijiet dwar dan is-suġġett u lanqas li dan l-intervent seta’ jikkawża kwalunkwe irregolarità.

106

Permezz tal-ħames parti tar-raba’ aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli twieġeb għall-argument li l-attivitajiet kollha li kienu jaqgħu fil-kuntest tal-Miżura 125 kienu jikkonċernaw xogħlijiet pubbliċi kbar ta’ infrastruttura u li, f’dan il-kuntest, id-DTEC kien intervjena biss matul attivitajiet preparatorji li ma kellhom ebda effett fuq is-selezzjoni stess.

107

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

Fir-rigward tal-ewwel parti, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1698/2005, li jirrigwarda l-punti 158 sa 160 tas-sentenza appellata, għandu jiġi nnotat li mill-formulazzjoni tal-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, moqri fid-dawl tal-premessa 61 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li, fil-kuntest tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, ir-regoli dwar l-eliġibbiltà tal-infiq huma bħala prinċipju stabbiliti fil-livell nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Občina Gorje (C‑111/15, EU:C:2016:532, punti 37 u 47).

109

Madankollu, l-istabbiliment mill-Istati Membri ta’ dawn ir-regoli ta’ eliġibbiltà tal-ispejjeż ma jfissirx li dawn tal-aħħar jistgħu jafdaw is-setgħa ta’ għażla tal-proġetti lil entità distinta mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm jew lil entità li ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar.

110

Fil-fatt, l-Artikolu 71(3) tal-imsemmi regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 64 tiegħu, jagħti din is-setgħa deċiżjonali biss lill-awtorità ta’ ġestjoni jew lil entità li topera taħt ir-responsabbiltà tagħha, abbażi tal-kriterji ta’ għażla stabbiliti mill-korp kompetenti.

111

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 158 sa 160 tas-sentenza appellata, li l-kontroll ta’ preselezzjoni mwettaq mid-DTEC tal-proġetti li jistgħu jaqgħu taħt il-Miżura 125 kien jikser l-Artikolu 71 tal-imsemmi regolament sa fejn kien jikkostitwixxi stħarriġ fil-mertu tal-eliġibbiltà tal-proġetti fid-dawl ta’ kriterji speċifiċi għaliha u li ma kinux stabbiliti mill-korp kompetenti.

112

Minn dan jirriżulta li din il-parti tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Ellenika għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

113

Fir-rigward tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ppreċiżatx, fil-punt 158 ta’ din is-sentenza, il-kriterji li d-DTEC kien jevalwa fil-kuntest tal-eżami tiegħu fuq il-mertu tal-proġetti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-aggravju, f’din il-parti, huwa bbażat fuq qari żbaljat tal-imsemmija sentenza, sa fejn, f’dan il-punt tagħha, il-Qorti Ġenerali ssemmi tliet kriterji u koeffiċjenti ta’ kunsiderazzjoni li kienu speċifiċi għad-DTEC u li kienu differenti minn dawk applikati mill-awtorità ta’ ġestjoni

114

Minn dan isegwi li, fit-tieni parti tiegħu, ir-raba’ aggravju tar-Repubblika Ellenika huwa infondat.

115

Fir-rigward tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali, sa fejn din ikkompletat il-motivazzjoni tar-rapport ta’ sinteżi billi ddeċidiet, fil-punt 160 tas-sentenza appellata, li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji kienet wasslet għan-nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ ċertu numru ta’ proġetti lill-awtorità ta’ ġestjoni, għalkemm huwa minnu li tali evalwazzjoni ma tinsabx espressament fir-rapport ta’ sinteżi, madankollu din tikkostitwixxi biss deduzzjoni loġika tal-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ preselezzjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-Qorti Ġenerali naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

116

Minn dan isegwi li t-tielet parti tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Ellenika hija infondata.

117

Fir-rigward tar-raba’ parti tal-imsemmi aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ tweġiba tal-Qorti Ġenerali għall-argument tar-Repubblika Ellenika dwar il-fatt li l-istħarriġ minn qabel imwettaq mid-DTEC kien ilu stabbilit għal għexieren ta’ snin, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punt 161 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-argument bħala irrilevanti għall-proċedura inkwistjoni.

118

Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali wieġbet għal dan l-argument billi ċaħditu u, għaldaqstant, ma naqsitx mid-dmir ta’ motivazzjoni tagħha.

119

Minn dan isegwi li r-raba’ parti tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Ellenika hija infondata.

120

Fir-rigward tal-ħames parti tal-istess aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ tweġiba, mill-Qorti Ġenerali, għall-argument tar-Repubblika Ellenika li l-attivitajiet li jaqgħu taħt il-Miżura 125 kienu jikkonċernaw xogħlijiet kbar ta’ infrastruttura, għandu jiġi rrilevat li dan l-argument ma tqajjimx fl-ewwel istanza.

121

Fil-fatt, il-punt 69 tar-rikors fl-ewwel istanza, li għalih tirreferi r-Repubblika Ellenika fil-kuntest tar-rikors tal-appell tagħha, huwa purament deskrittiv u sempliċement jenfasizza l-fatt li l-attivitajiet li jaqgħu fil-kuntest tal-Miżura 125 kienu jikkonċernaw xogħlijiet pubbliċi kbar ta’ infrastruttura u kienu jirrappreżentaw investimenti pubbliċi importanti għall-ekonomija nazzjonali, mingħajr ma r-Repubblika Ellenika tislet ebda konsegwenza legali minn din id-dikjarazzjoni ġenerali.

122

Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba n-natura ġdida tiegħu fl-istadju tal-appell. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, fil-kuntest ta’ appell, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa limitat għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti diskussi quddiem l-ewwel istanza, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja argument li hija ma invokatx quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, ABB vs Il-Kummissjoni, C‑593/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:1027, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

123

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq il-ħames aggravju

L-argumenti tal-partijiet

124

Il-ħames aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

125

Permezz tal-ewwel parti tal-ħames aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika tikkritika li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif ukoll li adottat motivazzjoni żbaljata u kontradittorja fil-punti 83, 185, 186, 189 u 193 tas-sentenza appellata.

126

B’mod partikolari, hija tikkontesta l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament, mogħtija mill-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti tas-sentenza appellata, li abbażi tagħha, fir-rigward tal-miżuri relatati mal-programmi għall-iżvilupp rurali, meta l-ħlas tal-bilanċ tal-għajnuna jkun ippreċedut minn ħlasijiet interim u provviżorji, huwa biss il-ħlas definittiv ta’ dan il-bilanċ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-terminu ta’ 24 xahar previst f’dan l-artikolu sabiex jiġi eskluż mill-finanzjament l-infiq kollu tal-programmi għall-iżvilupp rurali kkonċernati. Minn naħa, din l-interpretazzjoni hija kontradetta mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(4)(c) tal-imsemmi regolament, li jipprovdi li dan it-terminu ta’ 24 xahar ikopri, mingħajr distinzjoni, kemm il-ħlasijiet definittivi tal-bilanċ kif ukoll il-pagamenti intermedji jew pagamenti bil-quddiem. F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza msemmija mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-interpretazzjoni tagħha ma hijiex rilevanti peress li tikkonċerna pagamenti proviżorji suġġetti għall-kostituzzjoni ta’ garanziji fil-qasam tal-FAEGG. Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika Ellenika hija kkorroborata mill-għan li jiġi stabbilit limitu temporali għall-kompetenza tal-Kummissjoni li tirrifjuta l-finanzjament ta’ ċertu nfiq.

127

Permezz tat-tieni parti tal-ħames aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-Qorti Ġenerali adottat motivazzjoni żbaljata u kontradittorja fil-punt 189 tas-sentenza appellata billi ma vverifikatx jekk il-pagament tal-bilanċ għall-proġetti inkwistjoni li jaqa’ taħt il-Miżura 125 kienx sar matul dan il-perijodu ta’ 24 xahar.

128

Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud kollu kemm hu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

129

Fir-rigward tal-ewwel parti tal-ħames motiv, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005 jirriżulta li rifjut ta’ finanzjament ma jistax jirrigwarda l-infiq relatat mal-miżuri previsti fil-programmi msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 31(4)(b) tiegħu, li għalih il-pagament jew il-pagament tal-bilanċ mill-organu tal-ħlas ikun sar iktar minn 24-il xahar qabel ma l-Kummissjoni tkun innotifikat bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat bir-riżultat tal-verifiki tagħha.

130

Għalhekk jirriżulta espressament mill-formulazzjoni tal-Artikolu 31(4)(c) tal-imsemmi regolament li l-perijodu ta’ 24 xahar qabel in-notifika bil-miktub tar-riżultati tal-verifiki tal-Kummissjoni huwa kkalkolat mid-data tal-pagament jew tal-pagament tal-bilanċ, jiġifieri tal-pagament definittiv.

131

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, fil-punti 183, 185 u 186 tas-sentenza appellata, li meta jsiru pagamenti intermedjarji u proviżorji segwiti minn pagament tal-bilanċ, huwa biss dan tal-aħħar li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan it-terminu ta’ 24 xahar.

132

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ħames aggravju, ibbażata fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Qorti Ġenerali naqset milli teżamina jekk il-pagament tal-bilanċ għall-proġetti inkwistjoni kienx seħħ matul l-imsemmi terminu, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 189 sa 191 tas-sentenza appellata, li huma parzjalment mhux ikkontestati mir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali mmotivat fid-dettall l-evalwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni.

133

Fil-fatt, fil-punt 189 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-korrezzjoni finanzjarja abbażi tal-Miżura 125 kienet ġiet applikata għall-infiq kollu magħmul għas-snin 2010 sa 2013 peress li, f’dak iż-żmien, l-ebda wieħed minn dawn il-proġetti ma kien tlesta u l-ebda wieħed mill-pagamenti mwettqa għas-sena finanzjarja 2010 ma kien jikkostitwixxi pagament finali.

134

Barra minn hekk, fil-punti 190 u 191 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali identifikat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni fattwali tagħha ta’ tabella ġenerali tal-infiq għas-sena 2010 et seq. imħallas abbażi tal-Miżura 125 fil-kuntest tal-programm ta’ żvilupp rurali 2007–2013, li, minn naħa, għall-proġett bir-referenza 109464, il-pagamenti mwettqa matul is-sena 2010 ma tkomplewx wara s-sena 2012, mingħajr ma r-Repubblika Ellenika tistabbilixxi li dawn il-pagamenti ma jistgħux jitqiesu bħala finali, fis-sens tal-Artikolu 31(4)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005. Min-naħa l-oħra, għall-proġetti l-oħra msemmija f’din it-tabella, li għalihom saru pagamenti għas-snin 2010 sa 2013, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ipproduċiet provi li juru li dawn il-proġetti kienu għadhom ma tlestewx u li ma kien sar ebda pagament finali.

135

Minn dan isegwi li t-tieni parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala infondat.

Fuq is-sitt aggravju

L-argumenti tal-partijiet

136

Is-sitt motiv imqajjem mir-Repubblika Ellenika jinqasam f’żewġ partijiet.

137

Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li tinkludi tliet ilmenti, ir-Repubblika Ellenika tikkontesta, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali li dan l-Istat Membru ma kellux sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004.

138

Permezz tal-ewwel ilment, ir-Repubblika Ellenika tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 207 sa 209 tas-sentenza appellata, billi ma kkunsidratx il-miżuri ta’ tnaqqis tal-ammont tal-għajnuna u ta’ esklużjoni mill-benefiċċju tal-għajnuna bħala li jikkostitwixxu “sanzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004, bl-istess mod bħall-miżura ta’ esklużjoni ta’ kull appoġġ tal-FAEŻR għal perijodu ta’ sentejn. Skont ir-Repubblika Ellenika, kemm mill-Artikolu 5(1)(c) u (d) tar-Regolament Nru 2988/95 kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċ-ċaħda totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll l-esklużjoni jew l-irtirar tal-benefiċċju ta’ dan il-vantaġġ għal perijodu sussegwenti għal dak tal-irregolarità jikkostitwixxu sanzjonijiet amministrattivi. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ rimbors fil-każ ta’ irregolarità kkonstatata, jew permezz ta’ tnaqqis, jew permezz ta’ esklużjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, jikkostitwixxi fih innifsu sanzjoni. Billi ddeċidiet il-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

139

Permezz tat-tieni lment, ir-Repubblika Ellenika tallega li l-punt 208 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li hija biss miżura ta’ esklużjoni ta’ proġett minħabba irregolarità relatata ma’ kundizzjoni ta’ eliġibbiltà ta’ dan tal-aħħar li tista’ titqies bħala sanzjoni. Issa, skont ir-Repubblika Ellenika, il-kunċett ta’ irregolarità huwa usa’ u jkopri kull ksur ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 817/2004.

140

Permezz tat-tielet ilment, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat ir-rapport ta’ sinteżi. F’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fil-fatt issemmi żewġ konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula mill-Kummissjoni, minkejja li dawn ma jinsabux fir-rapport ta’ sinteżi u l-Kummissjoni kienet espressament irtirat waħda minn dawn il-konstatazzjonijiet matul il-proċedura amministrattiva.

141

Permezz tat-tieni parti tas-sitt aggravju tagħha, ir-Repubblika Ellenika ssostni, essenzjalment, li l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, li d-dħul fis-seħħ tiegħu seħħ wara l-fatti tal-kawża, għall-finijiet tal-kalkolu, mill-Kummissjoni, tal-korrezzjoni finanzjarja li għandha tiġi applikata, tikkostitwixxi żball ta’ liġi u hija nieqsa minn motivazzjoni. B’mod partikolari, sabiex tiġġustifika l-impożizzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja fl-ammont ta’ EUR 772 956.32, inqas minn dik li kellha tiġi imposta b’applikazzjoni tar-regoli applikabbli ratione temporis, il-Qorti Ġenerali rreferiet, fil-punti 224 sa 229 tas-sentenza appellata, għal ġurisprudenza dwar l-applikazzjoni retroattiva tal-piena l-iktar żgħira u rreferiet għar-Regolament Nru 2988/95 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet. Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex relatati mad-determinazzjoni tal-bażi tal-korrezzjoni finanzjarja applikata skont l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013. Skont ir-Repubblika Ellenika, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ilment li permezz tiegħu hija kkontestat l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 abbażi tal-imsemmija kunsiderazzjonijiet għandu jiġi assimilat ma’ assenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata fuq dan il-punt.

142

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi u miċħuda bħala infondata. B’risposta għat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, hija tqis, prinċipalment, li din għandha tiġi miċħuda peress li hija bbażata fuq argument ineffettiv u, sussidjarjament, li din għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

143

Fir-rigward tal-ewwel ilment insostenn tal-ewwel parti tas-sitt aggravju, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004 jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament u li dawn is-sanzjonijiet ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

144

Minn dan isegwi li, għalkemm dan l-artikolu ma jidentifikax preċiżament is-sistema ta’ sanzjonijiet li għandu jistabbilixxi Stat Membru, huwa madankollu jeżiġi li dan jipprevedi sensiela ta’ miżuri li għandhom natura suffiċjentement effettiva, proporzjonata u dissważiva sabiex jiġi evitat kull ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

145

Issa, billi kkunsidrat, fil-punti 207 u 208 tas-sentenza appellata, li l-azzjonijiet ta’ verifika tal-eliġibbiltà tat-talbiet għal pagament u tal-infiq, l-assenza ta’ tolleranza fil-każ ta’ qbiż tal-infiq eliġibbli, ir-rimbors mitlub mill-irregolaritajiet eventwalment ikkonstatati jew ukoll l-irkupru ta’ ammonti indebitament imħallsa ma humiex simili għal sanzjonijiet, iżda huma proċedura neċessarja ta’ kontroll tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà tal-proġetti għall-għoti ta’ għajnuna, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi. Fil-fatt, tali miżuri ma humiex ta’ natura dissważiva, iżda sempliċement jiżguraw il-legalità tat-talba għal finanzjament u jeskludu mill-appoġġ tal-FAEŻR l-infiq parzjalment jew totalment ineliġibbli, jew, fi kliem ieħor, jipprevjenu kull vantaġġ indebitu.

146

Fi tmiem l-analiżi tagħha tal-miżuri li r-Repubblika Ellenika tqis li jikkostitwixxu sistema ta’ sanzjonijiet, fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004, il-Qorti Ġenerali identifikat biss, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-miżura ta’ esklużjoni ta’ sentejn minn kull appoġġ mill-FAEŻR bħala sanzjoni reali.

147

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 207 sa 214 tas-sentenza appellata, li l-grupp ta’ miżuri previsti mil-leġiżlazzjoni Griega ma jistax jikkostitwixxi sistema ta’ sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, fis-sens tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004. Fil-fatt, għalkemm tali miżura ta’ esklużjoni temporanja tista’ titqies bħala sanzjoni, fid-dawl tan-natura punittiva u dissważiva adegwata tagħha, hija insuffiċjenti waħedha sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ sistema ta’ sanzjoni konformi mal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 817/2004.

148

Għaldaqstant, l-ewwel ilment insostenn tal-ewwel parti tas-sitt aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

149

Fir-rigward tat-tieni lment ta’ din il-parti, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argument espost mir-Repubblika Ellenika jirriżulta minn qari żbaljat tal-punt 208 tas-sentenza appellata.

150

Fil-fatt, f’dan il-punt tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma talbitx li irregolarità tkun neċessarjament tirrigwarda kundizzjoni relatata mal-eliġibbiltà, iżda llimitat ruħha sabiex twieġeb għall-argument tar-Repubblika Ellenika bbażat fuq il-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru kienu adottaw miżuri ta’ esklużjoni sabiex jiġu ssanzjonati proġetti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.

151

Għaldaqstant, it-tieni lment imressaq insostenn ta’ din il-parti għandu jiġi miċħud.

152

F’dak li jirrigwarda t-tielet ilment, ibbażat fuq allegat żnaturament tar-rapport ta’ sinteżi, jidher eżatt li l-Qorti Ġenerali ssemmi, fil-punt 206 tas-sentenza appellata, żewġ każijiet ta’ tnaqqis tal-għajnuna li ma jissemmewx f’dan ir-rapport. Madankollu, dawn il-każijiet huma invokati f’dan il-punt tas-sentenza appellata biss bħala eżempju, sabiex juru l-implimentazzjoni tal-“politika ta’ sanzjonijiet” tar-Repubblika Ellenika, mingħajr ma din tal-aħħar tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li dan l-Istat wettaq biss tnaqqis tal-għajnuna mingħajr ma applika l-ebda sanzjoni.

153

Fir-rigward tat-tieni parti tas-sitt aggravju, ibbażata, essenzjalment, fuq l-applikazzjoni retroattiva u b’analoġija tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014 u li tirrigwarda l-punti 224 sa 229 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 216 sa 221 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabelxejn, li, konformement mad-Dokument Nru VI/5330/97, l-assenza ta’ sanzjoni fil-kuntest tal-Miżura 121 kellha tiġi ttrattata b’mod analogu għal insuffiċjenza li tirrigwarda kontroll ewlieni, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ mill-inqas 5 %.

154

Sussegwentement, fil-punt 222 tas-sentenza appellata, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Repubblika Ellenika, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat espressament li din il-korrezzjoni kellha bħala bażi legali l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013, li ssostitwixxa l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005.

155

Fl-aħħar nett, huwa biss fil-punti 223 sa 229 tas-sentenza appellata li l-Qorti Ġenerali approvat l-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 63 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 809/2014, sa fejn din id-dispożizzjoni sussegwenti iktar favorevoli għar-Repubblika Ellenika wasslet lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas l-ammont tal-imsemmija korrezzjoni.

156

Għaldaqstant, l-argument imressaq mir-Repubblika Ellenika jirriżulta minn qari żbaljat tas-sentenza appellata. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni dan l-Istat Membru, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 224 sa 229 tas-sentenza appellata, ma bbażatx ir-raġunament tagħha fuq bażi legali mhux applikabbli f’dan il-każ.

157

Barra minn hekk, ma jistax jitqies li, billi semmiet, minn naħa, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ retroattività tal-piena l-iktar ħarxa, u, min-naħa l-oħra, fil-punt 226 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 2988/95, il-Qorti Ġenerali ssostitwixxiet dan il-prinċipju jew dan ir-regolament bl-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 bħala bażi legali tal-korrezzjoni finanzjarja. Għall-kuntrarju, dawn ir-riferimenti huma konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li, bħala prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi prinċipju huwa intiż li japplika għas-sanzjonijiet amministrattivi iktar favorevoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2004, Gerken, C‑295/02, EU:C:2004:400, punti 56 u 57; tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C‑45/06, EU:C:2007:154, punti 32, 33 u 60, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, EU:C:2008:152, punti 59 u 60).

158

Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-motivazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali fil-punti 224 sa 229 tas-sentenza appellata la hija insuffiċjenti u lanqas żbaljata.

159

Għaldaqstant, is-sitt aggravju tal-appell għandu jiġi miċħud bħala infondat fl-intier tiegħu.

160

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, peress li jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravju għandhom jintlaqgħu, minn naħa, għandu jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika li jirrigwarda l-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’ 10 % applikati għall-għajnuna skont is-superfiċji għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ EUR 37163 161.78 għas-sena ta’ talba 2013, imposti mid-deċiżjoni kontenzjuża minħabba nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli u, min-naħa l-oħra, il-kumplament tal-appell għandu jiġi miċħud.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

161

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din il-qorti tista’, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċidiha, jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

162

F’dan il-każ, hemm lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi definittivament il-kawża, li hija fi stat li tiġi deċiża.

163

Kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-superfiċje kkonċernata għandhiex tiġi kklassifikata bħala “mergħat permanenti”, fis-sens tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, il-kriterju determinanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ma huwiex it-tip ta’ veġetazzjoni li tkopri din is-superfiċje, iżda l-użu effettiv tagħha għal attività agrikola tipika ta’ “mergħat permanenti”.

164

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-għajnuna skont is-superfiċje għas-sena ta’ talba 2012, il-Kummissjoni ġġustifikat, fir-rapport ta’ sinteżi, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % fid-dawl ta’ numru ta’ irregolaritajiet li jirrigwardaw id-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti, li, meħuda flimkien, ippermettewlha tikkonkludi li l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ kontroll li kellha tiggarantixxi l-eżattezza tal-infiq kienet serjament defiċjenti u probabbilment kienet ikkawżat telf estremament għoli għall-FAEG.

165

Sa fejn, minn naħa, il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 25 % kienet ibbażata fuq diversi irregolaritajiet, li waħda minnhom madankollu hija interpretazzjoni żbaljata tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, u, min-naħa l-oħra, li din l-interpretazzjoni żbaljata seta’ kellha effett fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet l-oħra kkonstatati minnha, hija, f’dan il-kuntest, din l-istituzzjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali ġdida sabiex tivverifika li din ir-rata tibqa’ ġġustifikata.

166

Fir-rigward tal-għajnuna skont is-superfiċje għas-sena ta’ talba 2013, il-Kummissjoni ġġustifikat, fir-rapport ta’ sinteżi, minn naħa, l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni ta’ darba ta’ ammont ta’ EUR 37163 161.78 fid-dawl ta’ numru ta’ irregolaritajiet, fosthom nuqqasijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ mergħat permanenti u, min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 % minħabba diversi irregolaritajiet simili, fosthom inkluż ukoll id-definizzjoni tal-mergħat permanenti. Fir-rigward ta’ din l-aħħar korrezzjoni b’rata fissa, il-Kummissjoni madankollu qieset li r-rata ta’ 10 % kienet xierqa fid-dawl tal-irregolaritajiet ikkonstatati għas-sena ta’ talba 2013 kif ukoll tal-isforzi magħmula mir-Repubblika Ellenika matul din is-sena ta’ talba sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni.

167

Hemm lok ukoll li jiġi kkunsidrat li, sa fejn, minn naħa, il-korrezzjonijiet għas-sena ta’ talba 2013 kienu bbażati fuq numru ta’ irregolaritajiet, fejn waħda minnhom tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-punt 2 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1120/2009, u, min-naħa l-oħra, li din l-interpretazzjoni żbaljata seta’ kellha effett fuq l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-nuqqasijiet l-oħra kkonstatati minnha, f’dan il-kuntest, hija din l-istituzzjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali ġdida sabiex tivverifika li r-rata ta’ korrezzjoni fissa ta’ 10 % tibqa’ ġġustifikata.

168

Minn dan isegwi li hemm lok li jintlaqa’ l-ewwel motiv tar-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali mir-Repubblika Ellenika u, konsegwentement, li tiġi annullata d-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn timponi l-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’ 10 % applikati għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ ammont ta’ EUR 37163 161.78 applikata għas-sena ta’ talba 2013, minħabba nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli.

Fuq l-ispejjeż

169

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

170

Skont l-Artikolu 138(3) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell abbażi tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament wieħed jew iktar mill-kapijiet, kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

171

Peress li li r-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni tilfu f’waħda jew iktar mill-kapijiet tat-talba tagħhom, huma għandhom ibatu l-ispejjeż proprji tagħhom marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza jew tal-appell.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑272/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:651), hija annullata sa fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Ellenika dwar il-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’ 10 % applikati għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ ammont ta’ EUR 37163 161.78 għas-sena ta’ talba 2013, imposta abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/417 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), minħabba nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli.

 

2)

Il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑272/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:651) hija annullata sa fejn tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

 

3)

Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 

4)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2016/417 hija annullata sa fejn timponi fuq ir-Repubblika Ellenika l-korrezzjonijiet b’rata fissa ta’ 25 % u ta’ 10 % applikati għall-għajnuna skont is-superfiċje għall-mergħat għas-snin ta’ talba 2012 u 2013 kif ukoll il-korrezzjoni ta’ darba ta’ ammont ta’ EUR 37163 161.78 applikata għas-sena ta’ talba 2013, minħabba nuqqasijiet fid-definizzjoni u l-kontroll tal-mergħat permanenti eliġibbli.

 

5)

Ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom marbuta mal-proċedura tal-ewwel istanza u mal-appell.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.