SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Marzu 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trattament ta’ data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/58/KE – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet – Limitazzjonijiet – Artikolu 15(1) – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Leġiżlazzjoni li tipprovdi għaż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data relattiva għat-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma għal finijiet ta’ investigazzjoni – Ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali – Awtorizzazzjoni mogħtija mill-Uffiċċju tal-Prosekutur – Użu tad-data fil-kuntest tal-proċeduri kriminali bħala provi – Ammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑746/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura kriminali kontra

H. K.,

fil-preżenza ta’:

Prokuratuur,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz (Relatur), M. Safjan, K. Jürimäe, C. Lycourgos u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: C. Strömholm, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal H. K., minn S. Reinsaar, vandeadvokaat,

għall-Prokuratuur, minn T. Pern u M. Voogma, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren u S. Wolff, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn M. Browne, G. Hodge u J. Quaney kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, barrister,

għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn D. Dubois u D. Colas kif ukoll minn E. de Moustier u A.-L. Desjonquères, sussegwentement minn D. Dubois kif ukoll minn E. de Moustier u A.-L. Desjonquères, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn V. Kalniņa u I. Kucina, sussegwentement minn V. Soņeca u V. Kalniņa bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u A. Pokoraczki, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes kif ukoll minn P. Barros da Costa, L. Medeiros u I. Oliveira, bħala aġenti,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u Z. Lavery, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna, QC, u minn C. Knight, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Kranenborg u M. Wasmeier kif ukoll minn P. Costa de Oliveira u K. Toomus, sussegwentement minn H. Kranenborg u M. Wasmeier kif ukoll minn E. Randvere, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali mibdija kontra H. K. fuq akkużi ta’ serq, ta’ użu tal-karta bankarja ta’ terz u ta’ vjolenza fir-rigward ta’ persuni li jipparteċipaw fi proċeduri ġudizzjarji.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 2 u 11 tad-Direttiva 2002/58 jipprovdu:

“(2)

Din id-Direttiva tfittex li tirrispetta d-drittijiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 [tagħha].

[…]

(11)

Bħad-Direttiva [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru, 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355)], din id-Direttiva ma tittrattax kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fondamentali relatati ma’ l-attivitajiet li mhumiex regolati mil-liġi [tal-Unjoni]. Għaldaqstant ma tbiddilx il-bilanċ eżistenti bejn id-dritt ta’ l-individwu għall-privatezza u l-possibbiltà għall-Istati Membri li jieħdu l-miżuri msemmijin fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-Direttiva, neċessarji għall-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, difiża, sigurta ta’ l-Istat (li tinkludi il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet huma ta’ materja ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-infurzar tal-liġi kriminali. Konsegwenetement, din id-Direttiva ma taffetwax l-abbiltà ta’ l-Istati Membri li jwettqu l-interċezzjoni legali ta’ komunikazzjoni elettronika, jew li jieħdu miżuri oħra, jekk neċessarji għal kwalunkwe wieħed minn dawn l-iskopijiet u skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950], hekk kif interpretati mid-deċi[ż]jonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn il-miżuri għandhom jkunu xierqa, strettament proporzjonali għall-iskop maħsub kif ukoll neċessarji fi ħdan soċjetà demokratika u għandhom ikunu suġġetti għal salvagwardji adegwati skond il-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali.”

4

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid-Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349].

Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘utent’: tfisser kull persuna naturali li tuża servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, għal skopijiet privati jew ta’ negozju, mingħajr ma tkun neċessarjament abbonat għal dan is-servizz;

(b)

‘Data dwar it-traffiku’ tfisser data pproċessata għall-iskopijiet li titntbagħat komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettonika jew biex isir il-kont għaliha;

(ċ)

‘data dwar is-sit’ tfisser data pproċessata f’network ta’ komunikazzjoni elettronika jew minn servizz ta’ komunikazzjoni elettronika, li tindika il-pożizzjoni ġeografika tat-tagħmir terminali ta’ utent ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament;;

(d)

‘komunikazzjoni’ tfisser informazzjoni skambjata jew mibgħuta bejn numru finit ta’ partijiet permezz ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament. Dan ma jinkludix informazzjoni mibgħuta bħala parti minn servizz ta’ xandir lill-pubbliku fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, ħlief sa fejn l-informazzjoni tista’ tkun relatata ma’ l-abbonat jew utent identifikabbli li jirċievi l-informazzjoni;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet”:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal-kunfidenzjalità.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu ta’ network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi biex jaħżnu informazzjoni jew ikollhom aċċess għall-informazzjoni maħżuna fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huwa biss permess b’kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernat jingħata informazzjoni ċara u komprensiva skond id-Direttiva 95/46/KE, inter alia, dwar l-iskopijiet ta’l-ipproċessar, u jiġi offrut id-dritt li jiċħad tali proċessar mill-kontrollur tad-data. Dan m’għandux jipprevjeni ħażna teknika jew l-aċċess għall-iskop uniku li titwettaq jew tiġi ffaċiliata t-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjoni elettronika, jew kif strettament meħtieġ sabiex jiġi provdut servizz ta’ soċjetà ta’ l-informazzjoni espliċitament mitlub mill-abbonat jew utent.”

6

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jipprovdi:

“1.   Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l-Artikolu u l-Artikolu 15(1).

2.   Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit.

3.   Għall-iskopijiet ta’ marketing ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-provditur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew marketing, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih jirrelataw id-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il-possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar ta’ -data dwar it-traffiku f kull ħin.

[…]

5.   L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it-traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall-iskop ta’ dawn l-attivitajiet.

[…]”

7

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“1.   Fejn id-data dwar [il-lokalizzazzjoni] li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil-kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall-provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkunprovdut servizz bil-valur miżjud. […]”

8

L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id- Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l-prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

Id-dritt Estonjan

Il-liġi dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi

9

L-Artikolu 1111 tal-elektroonilise side seadus (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, RT I 2004, 87, 593; RT I, 22.05.2018, 3), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi”), intitolat “Obbligu li tinżamm id-data”, jipprevedi:

“[…]

(2)   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ta’ telefonija ċellulari kif ukoll netwerk ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ta’ telefonija ċellulari huma obbligati jżommu d-data segwenti:

1)

in-numru ta’ min jagħmel it-telefonata kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-abbonat;

2)

in-numru ta’ min jirċievi t-telefonata kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-abbonat;

3)

f’każ ta’ servizzi kumplimentari, bħar-rinviju jew it-trasferiment ta’ telefonata, in-numru użat kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-abbonat;

4)

id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tat-telefonata;

5)

is-servizz ta’ telefonija fissa jew ċellulari użat;

6)

l-identità internazzjonali tal-abbonat ċellulari (International Mobile Subscriber Identity – IMSI) ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha;

7)

l-identità internazzjonali tal-apparat ċellulari (International Mobile Equipment Identity – IMEI) ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha;

8)

l-identifikatur ċellulari fil-mument li fih tibda t-telefonata;

9)

id-data li tidentifika l-lokalizzazzjoni ġeografika taċ-ċellola fil-konfront tal-identifikatur ċellulari matul il-perijodu li fih tinżamm id-data;

10)

f’każ ta’ servizzi ta’ telefonija ċellulari anonimi bi ħlas minn qabel, id-data u l-ħin tal-ewwel attivazzjoni tas-servizz kif ukoll l-identità ta’ lokalizzazzjoni minn fejn is-servizz ġie attivat.

[…]

(4)   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu għandha tinżamm għal perijodu ta’ sena mid-data tal-komunikazzjoni, jekk din tkun ġiet iġġenerata jew ipproċessata waqt il-provvista tas-servizz ta’ komunikazzjoni […]

[…]

(11)   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu għandha tiġi ttrasferita:

1)

skont il-kriminaalmenetluse seadustik [(il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali)], lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, lill-awtorità inkarigata sabiex tadotta miżuri ta’ sorveljanza, lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, lill-qorti;

[…]”

Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali

10

L-Artikolu 17 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali (kriminaalmenetluse seadustik, RT I 2003, 27, 166; RT I, 31.05.2018, 22), jipprevedi:

“(1)   Huma partijiet fil-proċeduri: l-Uffiċċju tal-Prosekutur, […].

[…]”

11

L-Artikolu 30 ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“(1)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jmexxi l-investigazzjoni preliminari, filwaqt li jiżgura l-legalità u l-effettività tagħha, u għandu jirrappreżenta l-prosekuzzjoni waqt il-proċess.

(2)   Il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-kuntest tal-proċeduri kriminali għandhom jiġu eżerċitati f’ismu minn prosekutur li jaġixxi b’mod indipendenti u li huwa suġġett biss għal-liġi.”

12

L-Artikolu 901 tal-imsemmi kodiċi jipprevedi:

“[…]

(2)   L-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni tista’, fuq awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur matul investigazzjoni preliminari jew fuq awtorizzazzjoni tal-qorti matul proċess quddiemha, titlob lil impriża ta’ komunikazzjoni elettronika sabiex tippreżenta d-data elenkata fl-Artikolu 1111(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li ma humiex iċċitati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Din l-awtorizzazzjoni għandha tindika b’mod preċiż id-dati relatati mal-perijodu li dwaru tista’ tintalab id-data.

(3)   It-talbiet għall-provvista ta’ data fis-sens ta’ dan l-artikolu ma jistgħux isiru ħlief jekk huma assolutament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċeduri kriminali.”

13

L-Artikolu 211 tal-istess kodiċi jipprovdi li:

“(1)   L-għan tal-investigazzjoni preliminari huwa l-ġbir tal-provi u l-ħolqien ta’ kundizzjonijiet oħra neċessarji sabiex isir proċess.

(2)   Matul l-investigazzjoni preliminari, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni u l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom jivverifikaw il-provi inkriminanti u skaġunanti miġbura kontra l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata.”

Il-liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur

14

L-Artikolu 1 tal-prokuratuuriseadus (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, RT I 1998, 41, 625; RT I, 06.07.2018, 20), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, jipprevedi:

“(1)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorità governattiva li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, li jipparteċipa fl-ippjanar tal-miżuri ta’ sorveljanza neċessarji fil-ġlieda u fl-iskoperta ta’ reati kriminali, imexxi investigazzjoni preliminari kriminali, filwaqt li jiżgura l-legalità u l-effettività tagħha, jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni matul il-proċess u jaqdi d-doveri l-oħra li jaqgħu fuq l-Uffiċċju tal-Prosekutur skont il-liġi.

(11)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jaqdi b’mod indipendenti d-doveri li huma mogħtija lilu skont il-liġi u għandu jaġixxi billi jibbaża ruħu fuq din il-liġi, fuq liġijiet oħra u fuq l-atti adottati bis-saħħa tagħhom.

[…]”

15

L-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-Prosekutur għandu jaqdi d-doveri tiegħu b’mod indipendenti u għandu jaġixxi biss skont il-liġi u skont il-konvinzjoni tiegħu.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2017, H. K. ġiet ikkundannata mill-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Viru, l-Estonja), għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn talli wettqet, bejn is-17 ta’ Jannar 2015 u l-1 ta’ Frar 2016, diversi serqiet ta’ oġġetti (b’valur minn EUR 3 sa EUR 40) u ta’ somom ta’ flus (f’ammonti bejn EUR 5.20 u EUR 2100), talli użat il-kard bankarja ta’ terza persuna, u kkawżat lil din il-persuna dannu ta’ EUR 3 941.82, u talli wettqet atti ta’ vjolenza fir-rigward ta’ persuni li kienu parti fi proċeduri ġudizzjarji fil-konfront tagħha.

17

Sabiex tikkundanna lil H. K. għal dawn ir-reati, il-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Viru) ibbażat ruħha, fost l-oħrajn, fuq diversi proċessi verbali ppreparati abbażi ta’ data relatata mal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fis-sens tal-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni kienet ġabret mingħand fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni matul l-investigazzjoni preliminari, wara li kisbet, abbażi tal-Artikolu 901 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, diversi awtorizzazzjonijiet mogħtija f’dan ir-rigward mill-Viru Ringkonnaprokuratuur (l-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-distrett ta’ Viru, l-Estonja). Dawn l-awtorizzazzjonijiet, mogħtija fit-28 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2015, fit-2 ta’ Novembru 2015 kif ukoll fil-25 ta’ Frar 2016, kienu jirrigwardaw id-data dwar diversi numri tat-telefon ta’ H. K. u identitajiet internazzjonali differenti ta’ tagħmir mobbli tagħha, għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-2 ta’ Frar 2015, tal-21 ta’ Settembru 2015, kif ukoll għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2015 sad-19 ta’ Frar 2016.

18

H. K. appellat mid-deċiżjoni tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Viru) quddiem it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, l-Estonja), li ċaħdet dan l-appell permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2017.

19

H. K. appellat fil-kassazzjoni minn din l-aħħar deċiżjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja), fejn ikkontestat, fost oħrajn, l-ammissibbiltà tal-proċessi verbali stabbiliti minn data miksuba mingħand il-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Skontha, mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2, EU:C:2016:970), jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li jistipulaw l-obbligu ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi li jżommu data relatata mal-komunikazzjonijiet kif ukoll l-użu ta’ din id-data għall-finijiet tal-kundanna tagħha huma kuntrarji għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

20

Skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk il-proċessi verbali mfassla abbażi tad-data msemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jistgħux jitqiesu li jikkostitwixxu provi ammissibbli. Din il-qorti tosserva li l-ammissibbiltà tal-proċessi verbali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala provi tiddependi mill-kwistjoni dwar sa fejn il-ġbir ta’ data li fuqhom huma bbażati dawn il-proċessi verbali kien konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

21

Il-qorti msemmija tqis li r-risposta għal din id-domanda timplika li jiġi stabbilit jekk dan l-Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal data li tippermetti li jiġu stabbiliti l-oriġini u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni telefonika minn telefon fiss jew ċellulari ta’ suspettat, li jiġu stabbiliti d-data, is-siegħa, it-tul u n-natura ta’ din il-komunikazzjoni, li jiġi identifikat il-materjal ta’ komunikazzjoni użat, kif ukoll li jiġi lokalizzat il-materjal ta’ komunikazzjoni ċellulari użat, jikkostitwixxi indħil daqstant gravi fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni li dan l-aċċess għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja, indipendentement mill-perijodu li matulu l-awtoritajiet nazzjonali talbu l-aċċess għad-data miżmuma.

22

Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li t-tul ta’ dan il-perijodu huwa element essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil li jikkonsisti fl-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni. Għalhekk, meta l-imsemmi perijodu jkun qasir ħafna jew meta l-kwantità ta’ data miġbura tkun limitata ħafna, għandu jiġi mistoqsi jekk l-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, u mhux biss tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi, jistax jiġġustifika tali ndħil.

23

Finalment, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Estonjan jitqies bħala awtorità amministrattiva indipendenti, fis-sens tal-punt 120 tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), li tista’ tawtorizza l-aċċess tal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għal data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi bħal dik imsemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

24

L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jmexxi l-investigazzjoni preliminari, filwaqt li jiggarantixxi l-legalità u l-effettività tagħha. Peress li l-għan ta’ din il-proċedura huwa, b’mod partikolari, il-ġbir ta’ provi, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni u l-Uffiċċju tal-Prosekutur jivverifikaw l-elementi inkriminanti u l-provi li jiskaġunaw miġbura kontra kull persuna suspettata jew akkużata. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikun konvint li nġabru l-provi kollha neċessarji, dan għandu jeżerċita l-azzjoni pubblika kontra l-akkużat. Il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur huma eżerċitati f’ismu minn prosekutur li jaqdi d-doveri tiegħu b’mod indipendenti, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 30(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali kif ukoll mill-Artikoli 1 u 2 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur.

25

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-dubji tagħha dwar l-indipendenza meħtieġa mid-dritt tal-Unjoni huma prinċipalment dovuti għall-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur mhux biss imexxi l-investigazzjoni preliminari, iżda jirrappreżenta wkoll l-azzjoni pubblika waqt il-proċess, peress li din l-awtorità hija, skont id-dritt nazzjonali, parti fil-proċedura kriminali.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal data li tippermetti li jiġu stabbiliti l-oriġini u d-destinazzjoni, id-data, is-siegħa, it-tul u n-natura, l-għamla ta’ servizz ta’ komunikazzjoni, it-terminal użat u l-lokalizzazzjoni tal-użu tat-terminal mobbli fir-rigward ta’ komunikazzjoni telefonika minn telefon fiss jew minn ċellulari tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali, jikkostitwixxi interferenza tant kbira fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-[Karta], li tali aċċess fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-detezzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali, għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra reati kriminali serji, indipendentement mill-perijodu li matul tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess għall-informazzjoni maħżuna?

2)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ifformolat fil-punti 55 sa 57 [tas-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal (C‑207/16, EU:C:2018:788)], għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l-ammont ta’ data msemmija fl-ewwel domanda, li għandhom aċċess għalih l-awtoritajiet nazzjonali, ma huwiex kbir (kemm f’termini tan-natura tad-data kif ukoll f’termini tal-portata temporali), l-interferenza fid-drittijiet fundamentali [li tirriżulta minnu] tista’ tkun iġġustifikata b’mod ġenerali bl-għan ta’ prevenzjoni, ta’ riċerka, ta’ detezzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali u li, iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ data li għandhom aċċess għaliha l-awtoritajiet nazzjonali iktar għandhom ikunu serji r-reati kriminali li huma intiżi li jiġu miġġielda permezz tal-interferenza?

3)

Ir-rekwiżit imsemmi fit-tieni parti tad-dispożittiv tas-[sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970)], li jipprovdi li l-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkun suġġett għal kontroll preliminari minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, ifisser li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċċju tal-prosekutur li jmexxi l-investigazzjoni preliminari, u li skont il-liġi huwa marbut jaġixxi indipendentement, u li huwa suġġett għal-liġi, u li, fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, għandu jeżamina kemm iċ-ċirkustanzi inkriminanti kif ukoll dawk skaġunanti tal-akkużat, iżda li sussegwentement jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni fil-proċeduri ġudizzjarji, jista’ jitqies bħala awtorità amministrattiva indipendenti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

27

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess minn awtoritajiet pubbliċi għal firxa ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-terminal użat minnu, u li tippermetti li jinġibdu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ riċerka, ta’ detezzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr ma dan l-aċċess ikun limitat għal proċeduri intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja, u dan indipendentement mit-tul tal-perijodu li għalih huwa mitlub l-aċċess għad-data mitluba, mill-kwantità kif ukoll min-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu.

28

F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, kif ikkonferma l-Gvern Estonjan waqt is-seduta, id-data li kellha aċċess għaliha l-awtorità nazzjonali inkarigata mill-investigazzjoni fil-kawża prinċipali hija dik miżmuma skont l-Artikolu 1111(2) u (4) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu li jżommu b’mod ġenerali u mingħajr distinzjoni d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni fir-rigward tat-telefonija fissa u mobbli, matul sena. Din id-data tippermetti, b’mod partikolari, li jinstabu u jiġu identifikati s-sors u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni mit-telefon fiss jew ċellulari ta’ persuna, li tiġi ddeterminata d-data, il-ħin, it-tul u n-natura ta’ din il-komunikazzjoni, li jiġi identifikat il-materjal ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll li jiġi llokalizzat it-telefon ċellulari mingħajr ma tkun neċessarjament segwita komunikazzjoni. Barra minn hekk, din toffri l-possibbiltà li tiġi stabbilita l-frekwenza tal-komunikazzjonijiet tal-utent ma’ ċerti persuni matul perijodu partikolari. Barra minn hekk, kif ikkonferma l-Gvern Estonjan waqt is-seduta, l-aċċess għad-data msemmija jista’, fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità, jintalab għal kull tip ta’ reat kriminali.

29

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, jingħata lil-awtoritajiet pubbliċi, b’applikazzjoni ta’ miżura meħuda skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali aċċess jista’ jingħata biss sakemm din id-data tkun inżammet minn dawn il-fornituri b’mod konformi mal-imsemmi Artikolu 15(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 167).

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jipprekludi miżuri leġiżlattivi li jipprevedu, għal tali finijiet, b’mod preventiv, iż-żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 168).

31

Fir-rigward tal-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi b’applikazzjoni ta’ miżura konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, minn naħa, li tali aċċess jista’ jiġi ġġustifikat biss mill-għan ta’ interess ġenerali li għalih din iż-żamma ġiet imposta fuq dawn il-fornituri ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 166).

32

Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà għall-Istati Membri li jiġġustifikaw limitazzjoni għad-drittijiet u għall-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 għandha tkun evalwata billi titqies il-gravità tal-indħil li tali limitazzjoni ġġib magħha u billi jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn din il-limitazzjoni hija proporzjonata ma’ din il-gravità (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 131 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33

Fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, hija biss il-ġlieda kontra l-kriminalità serja u l-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika li jistgħu jiġġustifikaw indħil serju fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, bħal dawk li timplika ż-żamma ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, kemm jekk tkun iġġeneralizzata, mingħajr distinzjoni jew immirata. Għaldaqstant, huwa biss indħil fl-imsemmija drittijiet fundamentali li ma humiex ta’ natura serja li jistgħu jiġu ġġustifikati mill-għan, imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali inġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 140 kif ukoll 146).

34

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari ġie deċiż li l-miżuri leġiżlattivi li jirrigwardaw l-ipproċessar ta’ data dwar l-identità ċivili tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika bħala tali, b’mod partikolari ż-żamma tagħha u l-aċċess għaliha, sempliċement sabiex jiġi identifikat l-utent ikkonċernat, u mingħajr ma l-imsemmija data tkun tista’ tiġi assoċjata ma’ informazzjoni relatata mal-komunikazzjonijiet magħmula, jistgħu jkunu ġġustifikati mill-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, li għalih tirreferi l-ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, din id-data la tippermetti, fiha nnifisha, li jsiru magħrufa d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarji tal-komunikazzjonijiet imwettqa, u lanqas il-post fejn seħħew dawn il-komunikazzjonijiet jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku, b’tali mod li din ma tipprovdi, apparti d-dettalji tal-utenti tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika, bħall-indirizz tagħhom, ebda informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet speċifiċi u, konsegwentement, dwar il-ħajja privata tagħhom. B’hekk, l-indħil li jirriżulta minn miżura li tikkonċerna din id-data ma għandux, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat bħala serju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 157158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma biss l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità gravi jew ta’ prevenzjoni ta’ theddid serju għas-sigurtà pubblika li huma ta’ natura li jiġġustifikaw l-aċċess mill-awtoritajiet pubbliċi għal firxa ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 54), mingħajr ma fatturi oħra relatati mal-proporzjonalità ta’ talba għal aċċess, bħat-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess huwa mitlub għal tali data, jista’ jkollhom bħala effett li l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali jkun jista’ jiġġustifika tali aċċess.

36

Għandu jiġi rrilevat li l-aċċess għal firxa ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, bħal dik miżmuma skont l-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, jista’ effettivament jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi, jew preċiżi ħafna, dwar il-ħajja privata tal-persuni li d-data tagħhom tkun inżammet, bħalma huma d-drawwiet tal-ħajja ta’ kuljum, il-postijiet ta’ soġġorn permanenti jew temporanji, iċ-ċaqliq ta’ kuljum jew oħrajn, l-attivitajiet eżerċitati, ir-relazzjonijiet soċjali ta’ dawn il-persuni u l-ambjenti soċjali ffrekwentati minnhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 117).

37

Ċertament, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, itwal ma jkun il-perijodu li għalih ikun intalab l-aċċess, iktar tkun kbira, bħala prinċipju, il-kwantità ta’ data li tista’ tinżamm mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet elettroniċi li saru, tal-postijiet ta’ soġġorn iffrekwentati kif ukoll taċ-ċaqliq iwettaq mill-utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika, li jippermetti għalhekk li jinġibdu, mid-data kkonsultata, numru ikbar ta’ konklużjonijiet dwar il-ħajja privata ta’ dan l-utent. Konstatazzjoni simili tista’ tiġi dedotta f’dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ data mitluba.

38

Huwa għalhekk sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità, li skontu d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom isiru fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 130 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiżguraw, f’kull każ, li kemm il-kategorija jew il-kategoriji ta’ data msemmija kif ukoll it-tul li għalih jintalab l-aċċess għaliha jkunu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, limitati għal dak li huwa strettament neċessarju għall-finijiet tal-investigazzjoni inkwistjoni.

39

Madankollu, l-indħil fid-drittijiet fundamentali stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jinvolvi l-aċċess, minn awtorità pubblika, għal ġabra ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali li huwa juża, jippreżenta fi kwalunkwe każ natura serja irrispettivament mit-tul tal-perijodu li għalih l-aċċess għall-imsemmija data huwa mitlub u mill-kwantità jew min-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu, meta, bħal fil-każ fil-kawża prinċipali, din il-ġabra ta’ data tista’ tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna jew tal-persuni kkonċernati.

40

F’dan ir-rigward, anki l-aċċess għal kwantità limitata ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni jew l-aċċess għal data għal perijodu qasir jista’ jipprovdi informazzjoni preċiża dwar il-ħajja privata ta’ utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika. Barra minn hekk, il-kwantità tad-data disponibbli u l-informazzjoni konkreta dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata li tirriżulta minnha huma ċirkustanzi li jistgħu jiġu evalwati biss wara l-konsultazzjoni tal-imsemmija data. Issa, l-awtorizzazzjoni ta’ aċċess mogħtija mill-qorti jew mill-awtorità indipendenti kompetenti sseħħ neċessarjament qabel ma d-data u l-informazzjoni li tirriżulta minnha jkunu jistgħu jiġu kkonsultati. B’hekk, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil li jikkostitwixxi l-aċċess issir neċessarjament skont ir-riskju ġeneralment relatat mal-kategorija ta’ data mitluba għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma huwa meħtieġ, barra minn hekk, li jsir magħruf jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata li tirriżulta minnha għandhiex jew le, konkretament, natura sensittiva.

41

Finalment, fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju hija adita b’talba li tinvoka l-inammissibbiltà tal-proċessi verbali stabbiliti abbażi tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni, minħabba li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi jmorru kontra l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 kemm f’dak li jirrigwarda ż-żamma tad-data kif ukoll l-aċċess għaliha, għandu jitfakkar li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, huwa, bħala prinċipju, biss id-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina r-regoli dwar l-ammissibbiltà u dwar l-evalwazzjoni, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti kriminali, ta’ informazzjoni u ta’ provi li nkisbu permezz ta’ konservazzjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ din id-data, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 222), jew inkella permezz ta’ aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data msemmija, kuntrarju għal dan id-dritt.

42

Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, li għandu jistabbilixxi r-regoli proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jagħmlux prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 223 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li r-regoli nazzjonali relatati mal-ammissibbiltà u mal-użu tal-informazzjoni u tal-provi għandhom l-għan, skont l-għażliet magħmula mid-dritt nazzjonali, li jevitaw li informazzjoni u provi li nkisbu b’mod illegali jikkawżaw preġudizzju lil persuna ssuspettata li wettqet reati kriminali. Dan l-għan jista’, skont id-dritt nazzjonali, jintlaħaq mhux biss bi projbizzjoni ta’ użu ta’ tali informazzjoni u ta’ tali provi, iżda wkoll b’regoli u prattiki nazzjonali li jirregolaw l-evalwazzjoni u l-bilanċ ta’ informazzjoni u ta’ provi, jew billi waqt id-determinazzjoni tal-piena tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura illegali tagħhom (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 225).

44

Il-ħtieġa li jitwarrbu informazzjoni u provi miksuba bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl, b’mod partikolari, tar-riskju li l-ammissibbiltà ta’ tali informazzjoni u provi jista’ jinvolvi għall-osservanza tal-prinċipju tal-kontradittorju u, għalhekk, għad-dritt għal smigħ xieraq. Jekk qorti tqis li parti ma hijiex f’pożizzjoni li tikkummenta b’mod effettiv fuq prova li tirriżulta minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti, hija għandha tikkonstata ksur tad-dritt għal smigħ xieraq u teskludi din il-prova sabiex tevita tali ksur. Għalhekk, il-prinċipju ta’ effettività jitlob li l-qorti kriminali nazzjonali twarrab informazzjoni u provi li jkunu nkisbu permezz ta’ żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni jew permezz ta’ aċċess mill-awtorità kompetenti għal din id-data bi ksur ta’ dan id-dritt, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali miftuħa kontra persuni ssuspettati b’atti kriminali, jekk dawn il-persuni ma jkunux f’pożizzjoni li jikkummentaw b’mod effettiv dwar dik l-informazzjoni u dwar dawk il-provi, li jkunu ġejjin minn qasam li dwaru l-imħallfin ma għandhomx informazzjoni u li jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinjifikattiv l-evalwazzjoni tal-fatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punti 226227 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess ta’ awtoritajiet pubbliċi għal grupp ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparat terminali użat minnu u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr ma dan l-aċċess ikun limitat għal proċeduri intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew għall-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, u dan indipendentement mit-tul tal-perijodu li għalih ikun intalab l-aċċess għad-data msemmija u mill-kwantità jew min-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu.

Fuq it-tielet domanda

46

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-prosekutur pubbliku, li l-kompitu tiegħu huwa li jmexxi l-investigazzjoni preliminari kriminali u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika matul proċedura sussegwenti, sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it-traffiku u għad-data ta’ lokalizzazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali.

47

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża f’dan ir-rigward li, għalkemm l-Uffiċċju tal-Prosekutur Estonjan huwa, konformement mad-dritt nazzjonali, marbut li jaġixxi b’mod indipendenti, huwa suġġett biss għal-liġi u għandu jeżamina l-elementi inkriminanti u li jiskaġunaw matul l-investigazzjoni preliminari, l-għan ta’ din il-proċedura xorta jibqa’ l-ġbir ta’ provi kif ukoll li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħra neċessarji għaż-żamma ta’ proċedura. Hija din l-istess awtorità li tirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt il-proċess u għalhekk hija wkoll parti fil-proċedura. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, kif ikkonfermaw ukoll il-Gvern Estonjan u l-Prokuratuur waqt is-seduta, li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Estonjan huwa organizzat b’mod ġerarkiku u li t-talbiet għal aċċess għad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni ma humiex suġġetti għal rekwiżit ta’ forma partikolari u jistgħu jiġu ppreżentati mill-prosekutur innifsu. Finalment, il-persuni li jista’ jingħata aċċess għad-data tagħhom ma humiex biss dawk issuspettati li jkunu involuti f’reat kriminali.

48

Huwa minnu, kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li huwa d-dritt nazzjonali li għandu jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data li huma għandhom. Madankollu, sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, tali leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu rekwiżiti minimi, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data jkollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 117118; tas-6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 68; kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49

B’mod partikolari, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti għal data dwar it-traffiku u għal data dwar il-lokalizzazzjoni miżmuma, adottata skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, ma tistax tillimita ruħha li teżiġi li l-aċċess mill-awtoritajiet għad-data jissodisfa l-għan imfittex minn din il-leġiżlazzjoni, iżda hija għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punt 77, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 176 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

B’hekk, u peress li aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan imfittex, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data inkwistjoni. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju jista’ jingħata biss tali aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat. Madankollu, f’sitwazzjonijiet partikolari, bħalma huma dawk li fihom interessi essenzjali tas-sigurtà nazzjonali, tad-difiża jew tas-sigurtà pubblika jkunu mhedda minn attivitajiet ta’ terroriżmu, l-aċċess għad-data ta’ persuni oħra jista’ jingħata wkoll meta jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jitqies li din id-data tista’, f’każ partikolari, tagħti kontribuzzjoni effettiva għall-ġlieda kontra tali attivitajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 188).

51

Sabiex tiġi ggarantita, fil-prattika, l-osservanza sħiħa ta’ dawn il-kundizzjonijiet, huwa essenzjali li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali. F’każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, il-kontroll għandu jsir f’terminu qasir (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, EU:C:2020:791, punt 189 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52

Dan il-kontroll minn qabel jeħtieġ fost l-oħrajn, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-qorti jew l-entità inkarigata li twettaq l-imsemmi kontroll minn qabel ikollha s-setgħat kollha u tippreżenta l-garanziji kollha neċessarji sabiex tiżgura konċiljazzjoni tal-interessi u tad-drittijiet differenti inkwistjoni. Fir-rigward b’mod iktar partikolari ta’ investigazzjoni kriminali, tali kontroll jeżiġi li din il-qorti jew din l-entità tkun f’pożizzjoni li tiżgura bilanċ ġust bejn, minn naħa, l-interessi marbuta mal-bżonnijiet tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali tal-persuni li d-data tagħhom hija kkonċernata mill-aċċess.

53

Meta dan il-kontroll isir mhux minn qorti, iżda minn entità amministrattiva indipendenti, din għandha tgawdi minn status li jippermettilha taġixxi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha b’mod oġġettiv u imparzjali u għandha tkun, għal dan il-għan, ħielsa minn kull influwenza esterna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑518/07, EU:C:2010:125, punt 25, kif ukoll l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 229230).

54

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rekwiżit ta’ indipendenza li għandha tissodisfa l-awtorità inkarigata li teżerċita l-kontroll minn qabel imfakkar fil-punt 51 ta’ din is-sentenza jimponi li din l-awtorità jkollha l-kwalità ta’ terz meta mqabbel ma’ dik li titlob l-aċċess għad-data, b’tali mod li tal-ewwel tkun f’pożizzjoni li teżerċita dan il-kontroll b’mod oġġettiv u imparzjali maqtugħa minn kull influwenza esterna. B’mod partikolari, fil-qasam kriminali, ir-rekwiżit ta’ indipendenza jimplika, kif irrileva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-awtorità inkarigata minn dan il-kontroll minn qabel, minn naħa, ma tkunx involuta fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jkollha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal-partijiet fil-proċedura kriminali.

55

Dan ma huwiex il-każ ta’ prosekutur pubbliku li jmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika. Fil-fatt, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma għandux il-kompitu li jiddeċiedi tilwima b’indipendenza sħiħa, iżda li jressaqha, jekk ikun il-każ, quddiem il-qorti kompetenti, bħala parti fil-kawża li teżerċita l-azzjoni kriminali.

56

Il-fatt li l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa, skont ir-regoli li jirregolaw il-kompetenzi u l-istatut tiegħu, marbut li jivverifika l-provi inkriminanti u li jiskaġunaw, li jiggarantixxi l-legalità tal-investigazzjoni preliminari u li jaġixxi biss skont il-liġi u l-konvinzjoni tiegħu ma huwiex biżżejjed sabiex jagħtih l-istatus ta’ terz fir-rigward tal-interessi inkwistjoni fis-sens deskritt fil-punt 52 ta’ din is-sentenza.

57

Minn dan isegwi li l-Uffiċċju tal-Prosekutur ma huwiex f’pożizzjoni li jwettaq il-kontroll minn qabel imsemmi fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

58

Peress li l-qorti tar-rinviju qajmet, barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk hija tistax tkun sostitut fl-assenza ta’ kontroll imwettaq minn awtorità indipendenti permezz ta’ stħarriġ ulterjuri eżerċitat minn qorti tal-legalità tal-aċċess minn awtorità nazzjonali għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-kontroll indipendenti għandu jsir, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, qabel kull aċċess, ħlief fil-każ ta’ urġenza debitament iġġustifikata, f’liema każ l-istħarriġ għandu jsir f’termini qosra. Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali stħarriġ ulterjuri ma jippermettix li jintlaħaq l-għan ta’ kontroll minn qabel, li jikkonsisti f’li jiġi prekluż li jiġi awtorizzat aċċess għad-data inkwistjoni li jaqbeż il-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

59

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li l-kompitu tiegħu huwa li jmexxi l-investigazzjoni preliminari kriminali u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika matul proċedura sussegwenti, sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Lulju 2002, dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-aċċess ta’ awtoritajiet pubbliċi għal grupp ta’ data dwar it-traffiku jew ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, li tista’ tipprovdi informazzjoni dwar il-komunikazzjonijiet magħmula minn utent ta’ mezz ta’ komunikazzjoni elettronika jew dwar il-lokalizzazzjoni tal-apparat terminali użat minnu u li tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tiegħu, għall-finijiet ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, mingħajr ma dan l-aċċess ikun limitat għal proċeduri intiżi għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja jew għall-prevenzjoni ta’ theddid serju kontra s-sigurtà pubblika, u dan indipendentement mit-tul tal-perijodu li għalih ikun intalab l-aċċess għad-data msemmija u mill-kwantità jew min-natura tad-data disponibbli għal tali perijodu.

 

2)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti kompetenza lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, li l-kompitu tiegħu huwa li jmexxi l-investigazzjoni preliminari kriminali u li jeżerċita, jekk ikun il-każ, l-azzjoni pubblika matul proċedura sussegwenti, sabiex jawtorizza l-aċċess ta’ awtorità pubblika għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet ta’ investigazzjoni kriminali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.