SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu – Direttiva (UE) 2015/849 – Assenza ta’ traspożizzjoni u/jew ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni – Artikolu 260(3) TFUE – Talba għal kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa”

Fil-Kawża C‑549/18,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE u l-Artikolu 260(3) TFUE, ippreżentat fis‑27 ta’ Awwissu 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Scharf, L. Flynn, G. von Rintelen, L. Nicolae u L. Radu Bouyon, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Rumanija, inizjalment irrappreżentata minn C.‑R. Canţăr, E. Gane, L. Liţu u R. I. Haţieganu, sussegwentement minn dawn l-aħħar tlieta, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn N. Grünberg, bħala aġent,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.‑L. Desjonquères, B. Fodda u J.‑L. Carré, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, L. S. Rossi u I. Jarukaitis, Presidenti ta’ Awla, M. Ilešič, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, F. Biltgen (Relatur), A. Kumin, N. Jääskinen u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Diċembru 2019,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li billi sa mhux iktar tard mis-26 ta’ Ġunju 2017 ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU 2015, L 141, p. 73), jew, fi kwalunkwe każ, billi naqset milli tikkomunika dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi imposti fuqha skont l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849;

timponi fuq dan l-Istat Membru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ EUR 21 974.40 għal kull jum ta’ dewmien mid-data tal-għoti ta’ din is-sentenza, għal nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva;

timponi fuq l-imsemmi Stat Membru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-ħlas ta’ somma f’daqqa, abbażi ta’ somma ta’ kuljum ta’ EUR 6 016.80 immultiplikata bin-numru ta’ jiem li jkunu għaddew bejn il-jum ta’ wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni stabbilit fl-imsemmija direttiva u l-jum tar-regolarizzazzjoni tal-ksur mill-istess Stat Membru, jew, fin-nuqqas ta’ regolarizzazzjoni, il-jum tal-għoti ta’ din is-sentenza, bil-kundizzjoni li tinqabeż is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1887000; u

tikkundanna lir-Rumanija għall-ispejjeż.

Il-kuntest ġuridiku

2

Skont l-Artikolu 1(1) u (2) tad-Direttiva 2015/849:

“1.   Din id-Direttiva timmira għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jkunu projbiti.”

3

L-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-26 ta’ Ġunju 2017. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif għandha issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

4

Peress li ma rċeviet mingħand ir-Rumanija ebda informazzjoni dwar l-adozzjoni u l-pubblikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2015/849 sal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni previst fl-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva, jiġifieri s-26 ta’ Ġunju 2017, fid‑19 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru.

5

Ir-risposta tar-Rumanija, tad‑19 ta’ Settembru 2017, uriet li f’din id-data, il-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva kienu għadhom qegħdin jitħejjew. Għaldaqstant, fit‑8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lil dan l-Istat Membru, u talbitu jadotta l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonforma ruħu mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2015/849 f’terminu ta’ xahrejn minn meta jirċievi din l-opinjoni.

6

Peress li t-talbiet tagħha għal proroga tat-terminu biex tirrispondi għal din l-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017 ġew miċħuda, ir-Rumanija wieġbet għal din l-opinjoni permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Frar 2018, fejn informat lill-Kummissjoni li l-abbozz ta’ liġi li jinkludi l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 kien ser jiġi adottat mill-Parlament f’Mejju 2018.

7

Peress li kkunsidrat li r-Rumanija ma kinitx adottat il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva u lanqas ma kkomunikat dawn il-miżuri, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat u timponi fuq dan l-Istat Membru l-ħlas mhux biss ta’ somma f’daqqa, iżda wkoll ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum.

8

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet qiegħda tirrinunzja parzjalment għar-rikors tagħha sa fejn hija ma kinitx għadha titlob l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum, peress li din it-talba ma kienx fadlilha skop wara t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt Rumen, b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2019. Fl-istess ħin, hija ppreċiżat li l-ammont tas-somma f’daqqa li tagħha hija kienet qiegħda titlob il-kundanna għall-ħlas f’dan il-każ kien jammonta għal EUR 4536 667.20 u kien ikopri l-perijodu mis-27 ta’ Ġunju 2017 sal-20 ta’ Lulju 2019, jiġifieri 754 jum b’rata ta’ EU 6 016.80 kuljum.

9

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5, tal-31 u tas‑27 ta’ Diċembru 2018, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja ġew ammessi jintervjenu insostenn tar-Rumanija, rispettivament.

Fuq ir-rikors

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE

L-argumenti tal-partijiet

10

Skont il-Kummissjoni, billi ma adottatx, sa mhux iktar tard mis‑26 ta’ Ġunju 2017, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji kollha sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2015/849 jew, fi kwalunkwe każ, billi ma kkomunikatilhiex dawn id-dispożizzjonijiet, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva.

11

Il-Kummissjoni tfakkar b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implimentati b’mod li jkollhom saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, u li l-Istati Membri ma jistgħux jeċċepixxu sitwazzjonijiet interni jew diffikultajiet prattiċi sabiex jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva fit-terminu stabbilit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. Konsegwentement kull Stat Membru huwa obbligat jieħu l-passi neċessarji sabiex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni meħtieġa li jkunu jirriżultaw mill-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġi żgurat li t-traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni tkun tista’ titwettaq fit-terminu stabbilit.

12

F’dan il-każ, il-Kummissjoni tirrileva, qabelxejn, fir-rigward tal-miżuri nazzjonali nnotifikati wara l-preżentata tar-rikors, fix-xahar ta’ Ottubru 2018, u li skont ir-Rumanija għandhom jitqiesu bħala traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849, li dan l-Istat Membru ma pprovda ebda tabella ta’ korrispondenza li turi r-rilevanza tal-miżuri nnotifikati u li tispjega r-rabta bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u dawn il-miżuri. Issa, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jittrażmettu tali dokument ta’ spjegazzjoni.

13

Sussegwentement, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm, kif tagħmel id-Direttiva 2015/849 fl-Artikolu 67 tagħha, direttiva tkun tipprevedi espressament li d-dispożizzjonijiet li jittrasponuha għandhom jinkludu referenza għaliha jew għandhom jinkludu tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa fi kwalunkwe każ neċessarju li jiġi adottat att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, f’dan il-każ, l-ebda waħda mill-40 miżura nnotifikata mir-Rumanija f’Ottubru 2018 ma tagħmel referenza għad-Direttiva 2015/849. Barra minn hekk, 37 minn dawn il-miżuri ttieħdu saħansitra qabel l-adozzjoni ta’ din id-direttiva.

14

Fl-aħħar nett, ma jistax jiġi sostnut, kif tagħmel ir-Rumanija, li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni ta’ l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-money laundering u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU 2005, L 309, p. 15, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 102), u tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE tal-1 ta’ Awwissu 2006 li tistabbilixxi miżuri implimentattivi għad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni ta’ persuni esposti politikament u l-kriterji tekniċi għal proċeduri ssimplifikati tad-diliġenza dovuta mal-klijent u għal eżenzjoni għal raġunijiet ta’ attività finanzjarja mwettqa fuq bażi okkażjonali jew limitata ħafna (ĠU 2008, L 322M, p. 247), hija suffiċjenti sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, peress li din tal-aħħar tintroduċi diversi elementi ġodda li jvarjaw b’mod sinjifikattiv minn dawk previsti fl-ewwel żewġ direttivi. Peress li l-miżuri nnotifikati mir-Rumanija f’Ottubru 2018 ma jittrasponux id-Direttiva 2015/849, iżda d-Direttivi 2005/60 u 2006/70, dawn ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tar-Rumanija dwar it-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849 huma infondati.

15

Ir-Rumanija tikkunsidra li r-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud parzjalment, billi tinvoka t-traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849 żgurata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ qabel l-iskadenza tat-terminu indikat fl-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva. Dan l-Istat Membru jenfasizza li, sa mill-bidu tal-proċedura prekontenzjuża, huwa għamel sforzi kontinwi sabiex jasal għal riżoluzzjoni ta’ din il-kawża u ddiskutiet b’mod attiv mal-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2015/849, li finalment daħlu fis-seħħ fil‑21 ta’ Lulju 2019.

16

Ir-Rumanija tippreċiża li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, hija nnotifikat lil din l-istituzzjoni, f’Ottubru 2018, 40 miżura nazzjonali bħala miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 li kienu diġà jeżistu fl-ordinament ġuridiku nazzjonali. Peress li dawn l-40 miżura żguraw it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttivi 2005/60 u 2006/70, li ġew, fil-parti l-kbira tagħhom, inkorporati fid-Direttiva 2015/849 li ħassrithom, huma għandhom jiġu kkunsidrati bħala traspożizzjoni parzjali ta’ din l-aħħar direttiva. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kif ukoll il-karatteristiċi partikolari tal-każ u tal-aġir tar-Rumanija.

17

Il-fatt li l-40 miżura inkwistjoni ġew innotifikati lill-Kummissjoni biss wara l-preżentata tar-rikors u mhux matul il-proċedura prekontenzjuża ma għandu l-ebda effett fuq il-fatt li din l-istituzzjoni kienet taf dwar l-eżistenza ta’ dawn il-miżuri saħansitra qabel ma beda jgħaddi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849, peress li l-imsemmija miżuri kienu ġew innotifikati bħala atti ta’ traspożizzjoni tad-Direttivi 2005/60 u 2006/70. Barra minn hekk, it-tabella ta’ korrispondenza annessa mar-risposta tindika b’mod ċar u konċiż id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 ikkunsidrati li huma trasposti kif ukoll id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Il-fatt li dawn l-istess miżuri ma jinkludux referenza għal din id-direttiva ma jipprekludix li dawn ikunu miżuri ta’ traspożizzjoni, peress li dawn jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet segwiti mill-imsemmija direttiva.

18

Peress li s-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa l-assenza totali ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt Rumen, l-argument tal-Kummissjoni li l-miżuri indikati fit-tabella ta’ korrispondenza ma jistgħux, fid-dawl tal-bidliet introdotti mid-Direttiva 2015/849, jikkostitwixxu traspożizzjoni tagħha, għandu jkun is-suġġett ta’ rikors ieħor.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

19

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, b’tali mod li l-bidliet li seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑103/00, EU:C:2002:60, punt 23; tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Il-Kummissjoni vs Ir-Rumanija, C‑301/17, mhux ippubblikata, EU:C:2018:846, punt 42; u tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 23).

20

Il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk iddeċidiet repetutament li għalkemm direttiva tkun tipprevedi espliċitament l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li d-dispożizzjonijiet neċessarji għall-implimentazzjoni tagħha jkunu jinkludu referenza għal din id-direttiva jew ikunu jinkludu tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom, huwa, fi kwalunkwe każ, neċessarju li l-Istati Membri jadottaw att pożittiv ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Novembru 1997, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑137/96, EU:C:1997:566, punt 8; tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑360/95, EU:C:1997:624, punt 13; u tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja, C‑29/14, EU:C:2015:379, punt 49).

21

F’dan il-każ, il-Kummissjoni bagħtet l-opinjoni motivata tagħha lir-Rumanija fit‑8 ta’ Diċembru 2017, b’tali mod li t-terminu ta’ xahrejn li kien stabbilit fiha kien jiskadi fit‑8 ta’ Frar 2018. Għaldaqstant, huwa fid-dawl tal-istat tal-leġiżlazzjoni interna fis-seħħ f’din id-data li jeħtieġ li tiġi evalwata l-eżistenza jew le tan-nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

F’dan ir-rigward, minn naħa, ma huwiex ikkontestat li l-40 miżura nazzjonali, li r-Rumanija ssostni li jiżguraw traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849, ġew innotifikati bħala miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri matul ix-xahar ta’ Ottubru 2018.

23

Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 35 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa paċifiku li, kuntrarjament għal dak li jistabbilixxi l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849, dawn l-40 miżura ma jinkludu l-ebda referenza għaliha.

24

Minn dan isegwi li l-miżuri inkwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu att pożittiv ta’ traspożizzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza.

25

Għalhekk, għandu jiġi konkluż li, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ir-Rumanija la kienet adottat il-miżuri neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 u lanqas, għaldaqstant, ikkomunikat dawn il-miżuri lill-Kummissjoni.

26

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, billi ma adottatx, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017, id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 2015/849 u, għaldaqstant, billi ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 67 ta’ din id-direttiva.

Fuq in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 260(3) TFUE

Fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE

– L-argumenti tal-partijiet

27

Skont il-Kummissjoni, l-Artikolu 260(3) TFUE ġie introdott bit-Trattat ta’ Lisbona bil-għan li jsaħħaħ id-dispożittiv ta’ sanzjoni preċedentement stabbilit bit-Trattat ta’ Maastricht. Fid-dawl tan-natura ġdida ta’ din id-dispożizzjoni u tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati t-trasparenza u ċ-ċertezza legali, din l-istituzzjoni adottat il-komunikazzjoni intitolata “Implimentazzjoni tal-Artikolu 260(3) tat-TFUE” (ĠU 2011, C 12, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2011”).

28

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ b’mod iktar qawwi lill-Istati Membri sabiex jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u sabiex jiżguraw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

29

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika kemm fil-każ ta’ assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva kif ukoll fil-każ ta’ komunikazzjoni parzjali ta’ dawn il-miżuri.

30

Barra minn hekk, din l-istituzzjoni tqis li, peress li l-Artikolu 260(3) TFUE jsemmi n-nuqqas ta’ Stat Membru mit-twettiq tal-obbligu tiegħu li jikkomunika “miżuri li jittrasponu direttiva”, din id-dispożizzjoni ma tapplikax biss fil-każ ta’ assenza ta’ notifika tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, iżda tapplika wkoll fil-każ ta’ nuqqas ta’ adozzjoni ta’ tali miżuri. Interpretazzjoni purament formalista tal-imsemmija dispożizzjoni, li abbażi tagħha din tal-aħħar hija intiża biss sabiex tiżgura n-notifika effettiva tal-miżuri nazzjonali, ma tiggarantixxix traspożizzjoni rilevanti tad-dispożizzjonijiet kollha tad-direttiva inkwistjoni u ċċaħħad l-obbligu ta’ traspożizzjoni tad-direttivi fid-dritt nazzjonali minn kull effett utli.

31

F’dan il-każ, qiegħed jiġi ssanzjonat speċifikament in-nuqqas ta’ adozzjoni u ta’ pubblikazzjoni, kif ukoll, għaldaqstant, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-Kummissjoni, mir-Rumanija, tad-dispożizzjonijiet legali kollha neċessarji sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt nazzjonali.

32

Bi tweġiba għall-argumenti mressqa mir-Rumanija sabiex tikkontesta l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għal dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni tagħha li titlob sistematikament l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma tistax tinftiehem bħala ommissjoni min-naħa tagħha li teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha. Fil-fatt, fil-punt 16 tal-Komunikazzjoni tal‑2011, hija espliċitament ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tagħtiha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, analoga għas-setgħa diskrezzjonali li tagħti bidu jew le għal proċedura ta’ ksur skont l-Artikolu 258 TFUE. Għalhekk, id-deċiżjoni politika li jintuża, bħala prinċipju, l-istrument previst fl-Artikolu 260(3) TFUE fil-kawżi kollha li jikkonċernaw in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu msemmija f’din id-dispożizzjoni ġiet adottata fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. Għalkemm il-Kummissjoni ma teskludix li jistgħu jinqalgħu każijiet partikolari fejn talba għal sanzjoni skont l-imsemmija dispożizzjoni jidhrilha li ma hijiex xierqa, hija tippreċiża li dan ma huwiex il-każ hawnhekk.

33

Fir-rigward tal-argument tar-Rumanija li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ma kinux osservaw it-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, il-Kummissjoni tammetti li, fid-data tal-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha, jiġifieri fis‑26 ta’ Ġunju 2017, tmien Stati Membri biss kienu kkomunikawlha miżuri ta’ traspożizzjoni sħiħa ta’ din id-direttiva. Xorta jibqa’ l-fatt li, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fis‑27 ta’ Awwissu 2018, ir-Rumanija kienet l-uniku Stat Membru li ma kien ikkomunika l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

34

Ir-Rumanija titlob li r-rikors tal-Kummissjoni jiġi miċħud sa fejn dan huwa intiż sabiex jiġu imposti fuqha sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE, billi ssostni li, peress li d-dritt Rumen kien jiżgura, fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, traspożizzjoni parzjali tad-Direttiva 2015/849, dan iwassal, prinċipalment, għall-inapplikabbiltà tas-sistema ta’ sanzjonijiet prevista f’din id-dispożizzjoni. Sussidjarjament, dan l-Istat Membru jinvoka n-neċessità li s-sanzjonijiet pekunjarji proposti mill-Kummissjoni jiġu adattati għal din is-sitwazzjoni.

35

Għalkemm ir-Rumanija ma tikkontestax ir-regolarità tal-proċedura tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 258 TFUE u lanqas it-tkomplija ta’ din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija tqis għall-kuntrarju li, f’dan il-każ, l-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex applikabbli peress li din id-dispożizzjoni, li hija intiża għall-applikazzjoni mħaffa ta’ skema ta’ sanzjonijiet marbuta ma’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq l-Artikolu 258 TFUE, għandha tiġi interpretata b’mod strett. L-għan tal-imsemmija dispożizzjoni huwa fil-fatt li tissanzjona, fi stadju iktar bikri, nuqqas manifest ta’ twettiq ta’ obbligu li l-metodu ta’ eżekuzzjoni tiegħu huwa inkontestabbli, jiġifieri l-komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi. L-Artikolu 260(3) TFUE għalhekk jirrigwarda ksur evidenti li fid-dawl tiegħu l-kisba minn qabel ta’ sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tikkostitwixxi biss proċedura formali. L-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tkun limitata għas-sitwazzjonijiet deskritti b’mod eżawrjenti fil-formulazzjoni tagħha, jiġifieri n-nuqqas ta’ twettiq tal-“obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu direttiva”.

36

Skont ir-Rumanija, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE, l-istħarriġ imwettaq mill-Kummissjoni ma għandux jiġi limitat għas-sempliċi konstatazzjoni formali tal-eżistenza tal-komunikazzjoni ta’ miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni. Evidentement, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi globali tal-miżuri nazzjonali kkomunikati u tivverifika jekk dawn jirrigwardawx il-qasam irregolat minn din id-direttiva, it-terminu li fih jidħlu fis-seħħ jew jekk dawn japplikawx fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, meta l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ traspożizzjoni jew, bħal f’dan il-każ, jipprovaw l-eżistenza ta’ tali miżuri, anki jekk parzjali, l-istabbiliment ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun jeħtieġ, bħala regola ġenerali, dibattitu kontradittorju bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat, li ma jistax jiġi assimilat ma’ proċedura formali.

37

Ir-Rumanija ssostni li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE hija konformi max-xogħlijiet preparatorji li wasslu għall-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u tirriżulta barra minn hekk mill-interpretazzjoni letterali tagħha. Barra minn hekk, din hija l-unika waħda li tippermetti li jiġu osservati kemm il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li tistabbilixxi separazzjoni ċara bejn, minn naħa, il-każijiet ta’ assenza totali ta’ miżuri ta’ traspożizzjoni u ta’ notifika tagħhom kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-każijiet fejn il-miżuri ta’ traspożizzjoni u n-notifika tagħhom ikunu biss parzjali.

38

Fir-rigward tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, ir-Rumanija tirrileva, minn naħa, li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ tali sanzjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, il-prassi tal-Kummissjoni li tikkonsisti fit-talba awtomatika sabiex jiġu applikati sanzjonijiet pekunjarji skont l-Artikolu 260(3) TFUE fil-kuntest tar-rikorsi għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li jiġu kkomunikati l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva hija żbaljata u tikser l-għanijiet imfittxija minn din id-dispożizzjoni. Għalhekk, mill-formulazzjoni stess tagħha jirriżulta li l-Kummissjoni “tista’, meta jidhrilha xieraq, tispeċifika l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali” li għandu jitħallas mill-Istat Membru kkonċernat, b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji hija għażla miftuħa għall-Kummissjoni, li għandha tanalizza kull sitwazzjoni individwalment. Għaldaqstant, hija din l-istituzzjoni li għandha tanalizza ċ-ċirkustanzi fattwali u legali kollha ta’ dan il-każ kif ukoll li timmotiva, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tagħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tapplika sanzjonijiet pekunjarji. L-osservanza ta’ dan l-obbligu huwa iktar u iktar importanti peress li mill-Artikolu 260(3) TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi sanzjoni biss sal-limitu tal-ammont indikat mill-Kummissjoni, b’tali mod li, fl-assenza ta’ proposta, min-naħa tal-Kummissjoni, ta’ tali ammont, il-Qorti tal-Ġustizzja hija prekluża milli timponi sanzjoni finanzjarja. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u b’teħid kont taċ-ċirkustanzi fattwali u legali kollha ta’ din il-kawża kif ukoll tal-fatt li l-Kummissjoni ma mmotivatx id-deċiżjoni tagħha li titlob l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji, ir-Rumanija ssostni li l-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet ma hijiex possibbli f’dan il-każ.

39

Dan l-Istat Membru jsostni, min-naħa l-oħra, li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tikkostitwixxi eċċezzjoni, li tapplika biss meta mill-karatteristiċi tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, mill-aġir tal-Istat Membru kkonċernat u mill-evalwazzjoni tal-grad ta’ preġudizzju għall-interessi pubbliċi u privati jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ma hijiex suffiċjenti fir-rigward tal-għan li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jintemm fl-iqsar żmien possibbli u li jiġi żgurat li dan l-Istat Membru mhux ser jippersisti f’tali aġir. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE kif ukoll tal-għan tiegħu, il-kundanna għal somma f’daqqa ma għandhiex ikollha n-natura awtomatika li tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Issa, f’dan il-każ, qabel kollox, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li r-Rumanija, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, adottat il-miżuri kollha neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 2015/849. Sussegwentement, anki qabel id-dħul fis-seħħ, fil‑21 ta’ Lulju 2019, tal-Legea nr. 129/2019 pentru prevenirea și Combaterea spălălării banilor și finanțării terorismului, precum și pentru modificarea și completarea unor acte normative (il-Liġi Nru 129/2019 dwar il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontra dawn l-attivitajiet, u li temenda u tikkompleta ċerti atti leġiżlattivi), tal‑11 ta’ Lulju 2019 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 589 tat‑18 ta’ Lulju 2019), id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2015/849 relatati mal-effetti fuq l-atturi privati u pubbliċi diġà ġew trasposti permezz ta’ atti normattivi nazzjonali fis-seħħ. Barra minn hekk, għal uħud mill-obbligi previsti f’din id-direttiva, it-terminu għat-traspożizzjoni għadu ma skadiex. Fl-aħħar nett, ir-Rumanija tinsab fil-medja tal-Istati Membri f’dak li jirrigwarda n-numru ta’ rikorsi intiżi sabiex jiġi kkonstatat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu li tikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttivi u għadha qatt ma ġiet ikkundannata mill-Qorti tal-Ġustizzja minħabba nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ traspożizzjoni fit-termini ta’ direttiva. Barra minn hekk, it-tul medju tal-proċeduri prekontenzjużi li jinvolvu lir-Rumanija huwa l-iqsar mill-Istati Membri kollha u, f’dan il-każ, għadda inqas minn sena bejn il-bidu tal-fażi prekontenzjuża u t-tressiq tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, it-talba tal-Kummissjoni li jiġi impost il-ħlas ta’ somma f’daqqa mhux biss ma hijiex iġġustifikata, iżda wkoll sproporzjonata fid-dawl tal-fatti tal-każ u tal-għan ewlieni ta’ dan it-tip ta’ sanzjoni pekunjarja.

40

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika Franċiża jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika biss meta Stat Membru jibqa’ totalment inattiv fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-dritt nazzjonali u li għalhekk naqas, fit-terminu mogħti, milli jieħu miżuri sabiex jittrasponi din id-direttiva u milli jikkomunikahom lill-Kummissjoni. Fl-ebda każ il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jkopri l-ipoteżi li fiha Stat Membru jkun ikkomunika lill-Kummissjoni miżuri ta’ traspożizzjoni, iżda li fiha din tal-aħħar tallega traspożizzjoni skorretta jew traspożizzjoni parzjali min-naħa tiegħu tad-direttiva inkwistjoni.

41

F’dan ir-rigward, dawn l-Istati Membri jsostnu, b’mod partikolari, li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE li huma jissuġġerixxu tirriżulta mill-formulazzjoni, mill-oriġini u mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni, peress li din hija preżunta li tapplika biss fil-każijiet l-iktar gravi u manifesti ta’ ksur tal-obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva u li dawn jiġu kkomunikati. Barra minn hekk, din hija kkorroborata mill-istruttura interna tal-Artikolu 260 TFUE u hija l-unika waħda li ma tpoġġix lill-Istati Membri f’sitwazzjoni estremament diffiċli, peress li, jekk jiġi segwit l-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni, l-Istati Membri qatt ma jistgħu jkunu ċerti li din l-istituzzjoni ma għandhiex l-intenzjoni li timponi fuqhom sanzjoni pekunjarja.

42

Ma’ dan kollu jiżdied il-fatt li l-interpretazzjoni hekk sostnuta tippermetti li jiġi żgurat li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE jiġi osservat b’mod sħiħ u li din hija l-unika waħda li hija kompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità. Konsegwentement, hija għandha l-effett li, fil-każ li, matul il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru jkun ittraspona direttiva u kkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kollha ta’ traspożizzjoni tagħha, din l-istituzzjoni jkollha tirrinunzja milli titlob il-kundanna ta’ dan l-Istat Membru għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità jew somma f’daqqa. Barra minn hekk, din twassal biss għal riskju marġinali li l-Istati Membri jippruvaw jevitaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE billi jikkomunikaw miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni li ma jikkorrispondux għar-realtà.

43

Minbarra dan, l-Istati Membri intervenjenti kollha msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja jqisu li, f’dan il-każ, l-Artikolu 260(3) TFUE ma jistax japplika peress li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod iddettaljat id-deċiżjoni tagħha li titlob l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet finanzjarji. Fil-fatt, tali deċiżjoni għandha tkun speċifikament iġġustifikata fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, peress li l-impożizzjoni tal-ħlas ta’ somma f’daqqa ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tkun awtomatika. Il-Kummissjoni ma tistax tillimita ruħha li tirrikorri, bħala prinċipju, għall-istrument previst fl-Artikolu 260(3) TFUE mingħajr ma tikser din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, analiżi ddettaljata tal-elementi ta’ kull każ mill-Kummissjoni hija xierqa peress li dawn l-elementi huma neċessarji sabiex tiġi ddeterminata n-natura tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta sabiex l-Istat Membru kkonċernat itemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni u sabiex jiġi stabbilit ammont li jkun xieraq għaċ-ċirkustanzi tal-każ, kif teżiġi l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarju li l-ħlas ta’ somma f’daqqa u dak ta’ pagamenti ta’ penalità jiġu akkumulati. Fi kwalunkwe każ, l-approċċ tal-Kummissjoni jista’ jwassal għal diskriminazzjonijiet bejn l-Istati Membri.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jipprevedi li, meta l-Kummissjoni tressaq rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE abbażi tal-kunsiderazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat naqas milli jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika miżuri li jittrasponu direttiva adottata skont il-proċedura leġiżlattiva, din tista’, meta jidhrilha xieraq, tindika l-ammont ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità li għandu jħallas dan l-Istat Membru, li hija tikkunsidra xieraq fiċ-ċirkustanzi. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 260(3) TFUE, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, hija tista’ timponi fuq l-Istat Membru kkonċernat il-ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penalità sakemm ma jinqabiżx l-ammont indikat mill-Kummissjoni, u l-obbligu ta’ ħlas għandu jidħol fis-seħħ fid-data stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha.

45

Fir-rigward tal-portata tal-Artikolu 260(3) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għandha tiġi adottata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li, minn naħa, tippermetti kemm li jiġu żgurati l-prerogattivi miżmuma mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni u li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-pożizzjoni proċedurali li jibbenefikaw minnha l-Istati Membri skont l-applikazzjoni konġunta tal-Artikolu 258 u tal-Artikolu 260(2) TFUE, u, min-naħa l-oħra, tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tkun tista’ teżerċita l-funzjoni ġudizzjarja tagħha li tikkonsisti fl-evalwazzjoni tagħha, fil-kuntest ta’ proċedura waħda, ta’ jekk l-Istat Membru kkonċernat issodisfax l-obbligi tiegħu fil-qasam ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-direttiva inkwistjoni u, fejn xieraq, li tevalwa l-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat u li timponi s-sanzjoni pekunjarja li jidhrilha li hija l-iktar xierqa għaċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 58).

46

F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat il-kliem “obbligi tiegħu li jinnotifika miżuri li jittrasponu”, li jinsabu fl-Artikolu 260(3) TFUE, fis-sens li dawn jikkonċernaw l-obbligu tal-Istati Membri li jittrażmettu informazzjoni suffiċjentement ċara u preċiża dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva. Sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ ċertezza legali u jiżguraw it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva fit-territorju kollu kkonċernat, l-Istati Membri huma obbligati jindikaw, għal kull dispożizzjoni tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Ladarba ssir din il-komunikazzjoni, fejn xieraq akkumpanjata minn tabella ta’ korrispondenza, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, bil-ħsieb li titlob l-impożizzjoni fuq l-Istat Membru kkonċernat ta’ sanzjoni pekunjarja prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE, li ċerti miżuri ta’ traspożizzjoni huma manifestament assenti jew ma jkoprux it-territorju sħiħ tal-Istat Membru kkonċernat, billi ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, li teżamina jekk il-miżuri nazzjonali kkomunikati lill-Kummissjoni jiżgurawx traspożizzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva inkwistjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 59).

47

Peress li, kif jirriżulta mill-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza, huwa stabbilit li, sal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017, ir-Rumanija ma kienet ikkomunikat lill-Kummissjoni ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fis-sens tal-Artikolu 260(3) TFUE, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hekk ikkonstatat jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

48

Fir-rigward tal-punt dwar jekk, kif isostnu r-Rumanija u l-Istati Membri intervenjenti insostenn tagħha, il-Kummissjoni għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE jew jekk din l-istituzzjoni tistax tagħmel dan mingħajr motivazzjoni, fil-każijiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha, bħala gwardjan tat-Trattati skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) TUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tadotta tali deċiżjoni.

49

Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma tistax tiġi kkunsidrata b’mod iżolat, iżda għandha tkun marbuta mal-introduzzjoni ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE. Issa, sa fejn it-talba għal kundanna għal sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE tikkostitwixxi biss modalità aċċessorja tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li hija għandha tiżgura l-effettività tagħha, u sa fejn il-Kummissjoni għandha, f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tinbeda tali proċedura, setgħa diskrezzjonali li fir-rigward tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax teżerċita stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1989, Star Fruit vs Il-Kummissjoni, 247/87, EU:C:1989:58, punt 11; tas‑6 ta’ Lulju 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑236/99, EU:C:2000:374, punt 28, u tas‑26 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑70/99, EU:C:2001:355, punt 17), il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma jistgħux ikunu iktar restrittivi minn dawk li jirregolaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 260(3) TFUE, hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha ġurisdizzjoni sabiex timponi sanzjoni pekunjarja fuq Stat Membru. Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tadotta tali deċiżjoni wara dibattitu kontradittorju, hija għandha timmotiva tali deċiżjoni. Għaldaqstant, l-assenza ta’ motivazzjoni mill-Kummissjoni tal-għażla tagħha li titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja l-applikazzjoni tal-Artikolu 260(3) TFUE ma taffettwax il-garanziji proċedurali tal-Istat Membru inkwistjoni.

51

Għandu jingħad ukoll li l-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex timmotiva każ b’każ id-deċiżjoni tagħha li titlob sanzjoni pekunjarja skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma jeżentax lil din l-istituzzjoni mill-obbligu li timmotiva n-natura u l-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba, billi tieħu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward il-linji gwida li hija adottat, bħal dawk inklużi fil-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni, li, filwaqt li ma jorbtux lill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkontribwixxu sabiex jiġu ggarantiti t-trasparenza, il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza legali tal-azzjoni mibdija mill-Kummissjoni (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2013, Il‑Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑270/11, EU:C:2013:339, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Dan ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni tan-natura u tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja mitluba huwa iktar u iktar importanti peress li, b’differenza minn dak li huwa previst fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 260 TFUE, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi li, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha biss setgħa diskrezzjonali limitata, peress li f’każ li din tal-aħħar tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-proposti tal-Kummissjoni jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tan-natura tas-sanzjoni pekunjarja li hija tista’ timponi u fir-rigward tal-ammont massimu tas-sanzjoni li hija tista’ timponi.

53

Fil-fatt, l-awturi tal-Artikolu 260(3) TFUE mhux biss ipprevedew li hija l-Kummissjoni li għandha tindika “l-ammont ta’ ħlas ta’ somma f’daqqa jew ta’ pagamenti ta’ penali li għandu jħallas” l-Istat Membru inkwistjoni, iżda ppreċiżaw ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ timponi l-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja biss jekk “ma tkunx taqbeż l-ammont speċifikat” mill-Kummissjoni. Għalhekk huma stabbilixxew korrelazzjoni diretta bejn is-sanzjoni meħtieġa mill-Kummissjoni u dik li tista’ tiġi deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

54

L-argument li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma għandhiex, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2008, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑121/07, EU:C:2008:695, punt 63), tkun awtomatika lanqas ma huwa ta’ natura li taffettwa s-setgħa tal-Kummissjoni li tibda proċedura skont l-Artikolu 260(3) TFUE fil-każijiet kollha fejn hija tikkunsidra li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ rikors tal-Kummissjoni intiż għal “kundanna” għall-ħlas ta’ sanzjoni pekunjarja mill-Qorti tal-Ġustizzja u mhux il-possibbiltà li tippreżenta tali rikors.

55

Fir-rigward tal-argument tar-Rumanija bbażat fuq il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-Istati Membri l-oħra f’dak li jirrigwarda t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, it-tul medju tal-proċeduri prekontenzjużi li jikkonċernawha jew it-tul tal-proċedura prekontenzjuża f’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li dan l-argument ma huwiex relatat mal-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħal dak inkwistjoni, iżda jikkonċerna l-fondatezza tar-rikors intiż għall-ħlas ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ, li l-evalwazzjoni tiegħu ser tiġi indirizzata fi stadju ulterjuri ta’ din is-sentenza. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, il-kunsiderazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tibda din il-proċedura kontra r-Rumanija, u sabiex tagħmel dan fid-data li hija għażlet, ma jistgħux jippreġudikaw l-applikabbiltà tal-Artikolu 260(3) TFUE jew l-ammissibbiltà tal-azzjoni mibdija skont din id-dispożizzjoni.

56

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 260(3) TFUE japplika f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ.

Fuq l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa f’dan il-każ

– L-argumenti tal-partijiet

57

Fir-rigward tal-ammont tas-sanzjoni pekunjarja li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni tikkunsidra, konformement mal-pożizzjoni riflessa fil-punt 23 tal-Komunikazzjoni tal‑2011, li, sa fejn nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva ma huwiex inqas gravi minn nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jista’ jkun is-suġġett tas-sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 260(2) TFUE, il-modalitajiet ta’ kalkolu tas-sanzjonijiet indikati fl-Artikolu 260(3) TFUE għandhom ikunu l-istess bħal dawk applikati fil-kuntest tal-proċedura ddefinita fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

58

F’dan il-każ, il-Kummissjoni titlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha huwa kkalkolat skont il-linji gwida li jinsabu fil-komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Diċembru 2005, intitolata “Implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 260 [TFUE]” (SEG(2005) 1658), kif aġġornata bil-Komunikazzjoni tat‑13 ta’ Diċembru 2017, intitolata “Aġġornament tad-dejta użata biex jiġu kkalkolati l-ħlasijiet ta’ somma f’daqqa u ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-proċedimenti ta’ ksur” (C(2017) 8720), u li l-ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa tagħha għar-Rumanija huwa ta’ EUR 1887000. Madankollu, dan l-ammont minimu fil-forma ta’ somma f’daqqa ma japplikax f’dan il-każ peress li huwa inqas mill-ammont li jirriżulta mill-kalkolu tas-somma f’daqqa skont dawn il-komunikazzjonijiet. Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont ta’ kuljum li jservi bħala bażi għal dan il-kalkolu, għandha tiġi mmultiplikata s-somma b’rata fissa bażika uniformi, jiġifieri EUR 230, bil-koeffiċjent ta’ gravità, li f’dan il-każ huwa ta’ 8 fuq skala minn 1 sa 20, u bil-fattur “n”, li huwa ta’ 3.27 għar-Rumanija. L-ammont ta’ kuljum jammonta għalhekk għal EUR 6 016.80 kuljum u għandu jiġi mmultiplikat bin-numru ta’ jiem li għaddew bejn is-27 ta’ Ġunju 2017, jiġifieri l-għada tad-data ta’ traspożizzjoni prevista mid-Direttiva 2015/849, u l-20 ta’ Lulju 2019, il-ġurnata ta’ qabel id-data li fiha t-traspożizzjoni sħiħa tagħha ġiet żgurata, jiġifieri 754 jum. Għalhekk, is-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta tammonta għal EUR 4536 667.20.

59

Il-Kummissjoni tikkontesta, barra minn hekk, li l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa tikkostitwixxi eċċezzjoni u tapplika biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali. Fil-fatt, it-traspożizzjoni tardiva tad-direttivi tippreġudika mhux biss is-salvagwardja tal-interessi ġenerali mfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li ma tista’ tittollera ebda dewmien, iżda wkoll u fuq kollox il-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej li jiksbu drittijiet suġġettivi minn din il-leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, il-kredibbiltà tad-dritt tal-Unjoni fl-intier tiegħu tkun mhedda jekk atti leġiżlattivi jieħdu snin twal sabiex jipproduċu l-effetti legali tagħhom fl-Istati Membri. Konsegwentement, id-dewmien fit-traspożizzjoni tad-direttivi jikkostitwixxi ċirkustanza partikolari suffiċjentement gravi sabiex jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa.

60

Ir-Rumanija tikkontesta l-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti skont l-Artikolu 260(3) TFUE skont l-istess kriterji u regoli bħal dawk adottati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 260(2) TFUE. Tali approċċ ikun fil-fatt żbaljat u sproporzjonat fid-dawl tal-karatteristiċi differenti tat-tip ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni skont waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet.

61

F’dan il-każ, il-koeffiċjent ta’ gravità adottat mill-Kummissjoni huwa eċċessiv, peress li ma hemmx sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-ewwel sentenza ta’ konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li ma hemmx sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 fid-dritt nazzjonali, u peress li r-Rumanija kkooperat matul il-proċedura kollha. Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ tul, ir-Rumanija tikkunsidra li ma huwiex xieraq li jintuża tali koeffiċjent peress li l-kunċett ta’ “tul tal-ksur” huwa fundamentalment dipendenti fuq id-data tal-konstatazzjoni tal-ksur inkwistjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Issa, fil-kuntest tal-Artikolu 260(3) TFUE, din id-data hija preċiżament id-data tal-għoti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 258 TFUE. Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix dan l-approċċ, ir-Rumanija tqis li, sabiex jiġi ddeterminat it-tul tal-ksur, għandha tittieħed id-data ffissata fl-opinjoni motivata bħala data ta’ referenza u dan konformement mal-prassi tal-Qorti tal-Ġustizzja fin-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

62

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tar-rikors ippreżentat mill-Kummissjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 258 u tal-Artikolu 260(3) TFUE, ir-Rumanija tikkunsidra barra minn hekk li jkun iktar xieraq li jiġi stabbilit ammont minimu u ammont massimu ta’ somma f’daqqa li jvarjaw skont il-gravità tal-ksur imwettaq mill-Istat Membru inkwistjoni. Sabiex jiġu stabbiliti dawn l-ammonti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Għalhekk, minn naħa, għandha tiġi ffissata somma f’daqqa minima, ħafna inqas mill-proposta attwali tal-Kummissjoni, li tkun applikabbli fil-preżenza ta’ attitudni kostruttiva u kooperattiva tal-Istat Membru inkwistjoni kif ukoll ta’ ksur inqas gravi. Min-naħa l-oħra, is-somma f’daqqa massima għandha tirrifletti attitudni opposta tal-Istat Membru inkwistjoni u ksur iktar gravi. F’dan il-każ, is-somma f’daqqa minima ta’ EUR 1887000 proposta mill-Kummissjoni hija sproporzjonata fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, tal-attitudni u tal-aġir tar-Rumanija kif ukoll tas-somma f’daqqa minima ġdida ta’ EUR 1651000 proposta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Settembru 2019, intitolata “L-aġġornament tad-data użata biex jiġu kkalkolati s-somma f’daqqa u l-pagament ta’ penali li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja fi proċedimenti ta’ ksur” (ĠU 2019, C 309, p. 1). Għalhekk, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja timponi somma f’daqqa, l-ammont tagħha għandu jitnaqqas b’mod kunsiderevoli u jirrifletti, barra minn hekk, il-fatt li, għalkemm il-Liġi Nru 129/2019 tal‑11 ta’ Lulju 2019 daħlet fis-seħħ biss fil‑21 ta’ Lulju 2019, id-Direttiva 2015/849 kienet diġà ġiet trasposta parzjalment saħansitra qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ssegwi l-approċċ issuġġerit mill-Kummissjoni, l-ammont tas-somma f’daqqa għandu jitnaqqas billi jittieħed inkunsiderazzjoni biss in-numru ta’ jiem li għaddew bejn it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri t‑8 ta’ Frar 2018, u, skont il-każ, id-data tar-regolarizzazzjoni tal-ksur inkwistjoni jew dik tal-għoti ta’ din is-sentenza.

63

L-Istati Membri intervenjenti insostenn tar-Rumanija jsostnu, b’mod partikolari, li l-ammont tas-sanzjonijiet pekunjarji imposti skont l-Artikolu 260(3) TFUE għandu jiġi ffissat f’livell inferjuri għal dak tas-sanzjonijiet imposti skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, peress li dan huwa ksur inqas gravi minn dak ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, l-ammont tas-somma f’daqqa proposta mill-Kummissjoni għandu jitnaqqas.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

64

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument li huwa sproporzjonat li tiġi imposta somma f’daqqa peress li, fil-mori tal-kawża, ir-Rumanija temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, għandu jitfakkar li, minn naħa, in-nuqqas ta’ Stat Membru li jwettaq l-obbligu tiegħu li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva, kemm jekk permezz ta’ assenza totali jew parzjali ta’ informazzjoni jew permezz ta’ informazzjoni insuffiċjentement ċara u preċiża, jista’ jiġġustifika, waħdu, il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE intiża għall-konstatazzjoni ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 51). Min-naħa l-oħra, l-għan segwit mill-introduzzjoni tal-mekkaniżmu li jinsab fl-Artikolu 260(3) TFUE ma huwiex biss li jħeġġeġ lill-Istati Membri jtemmu, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, għandu tendenza jippersisti, iżda wkoll li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-proċedura għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet pekunjarji li jikkonċernaw in-nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligu relatati mal-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva adottata konformement mal-proċedura leġiżlattiva, filwaqt li huwa speċifikat li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali mekkaniżmu, l-impożizzjoni ta’ sanzjoni finanzjarja fuq l-Istati Membri li ma kinux ikkonformaw ruħhom fit-termini stabbiliti ma’ sentenza preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ma osservawx l-obbligu tagħhom ta’ traspożizzjoni setgħet issir biss diversi snin wara din l-aħħar sentenza (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 52).

65

Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-awturi tal-Artikolu 260(3) TFUE, sabiex jilħqu l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, ipprevedew żewġ tipi ta’ sanzjonijiet pekunjarji, jiġifieri s-somma f’daqqa u l-pagamenti ta’ penalità.

66

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-applikazzjoni ta’ waħda jew l-oħra minn dawn iż-żewġ miżuri tiddependi mill-kapaċità ta’ kull waħda minnhom li tissodisfa l-għan segwit skont iċ-ċirkustanzi tal-każ. Minkejja li l-impożizzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità tidher partikolarment xierqa sabiex tħeġġeġ Stat Membru jtemm, fl-iqsar żmien possibbli, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, fl-assenza ta’ tali miżura, x’aktarx jibqa’ jippersisti, il-kundanna għall-ħlas ta’ somma f’daqqa hija bbażata iktar fuq l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi tal-Istat Membru kkonċernat fuq l-interessi privati u pubbliċi, b’mod partikolari meta n-nuqqas ta’ twettiq ikun baqa’ għaddej għal żmien twil (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 81).

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors li, bħal f’dan il-każ, jitlob l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa ma jistax jiġi miċħud bħala sproporzjonat għas-sempliċi raġuni li għandu bħala suġġett nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li, filwaqt li baqa’ għaddej matul iż-żmien, intemm fil-mument tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja.

68

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-possibbiltà li tiġi imposta sanzjoni pekunjarja f’dan il-każ, għandu jitfakkar li hija l-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull kawża u skont iċ-ċirkustanzi tal-każ li għandha quddiemha kif ukoll skont il-livell ta’ persważjoni u ta’ dissważjoni li jidhrilha li huwa meħtieġ, li għandha tiddeċiedi s-sanzjonijiet pekunjarji xierqa, b’mod partikolari sabiex tiġi evitata r-repetizzjoni ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 78).

69

F’din il-kawża, għandu jiġi kkunsidrat li, minkejja l-fatt li r-Rumanija kkooperat mad-dipartimenti tal-Kummissjoni matul il-proċedura prekontenzjuża kollha u li hija wettqet sforzi li ppermettewlha, fil-mori tal-kawża, li ttemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, l-elementi legali u fattwali kollha relatati man-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, jiġifieri l-assenza totali ta’ komunikazzjoni tal-miżuri neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849 mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u anki fid-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jikkostitwixxu indikatur tal-fatt li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili tad-dritt tal-Unjoni hija tali li tirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżura dissważiva bħall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa (ara f’dan is-sens, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 142, u tal‑4 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs L-Isvezja, C‑243/13, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2413, punt 63).

70

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kunsill espost fil-punt 55 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, minn naħa, kif tfakkar f’dan il-punt, hija l-Kummissjoni, b’mod partikolari, li għandha tevalwa l-opportunità li taġixxi kontra Stat Membru u li tagħżel il-mument meta tibda l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fil-konfront tiegħu. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-proċedura prekontenzjuża, jiġifieri li l-Istat Membru kkonċernat jingħata l-opportunità jikkonforma ruħu mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni u li jsostni b’mod utli l-motivi ta’ difiża tiegħu kontra l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2017, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (Taxxa ta’ reġistrazzjoni), C‑552/15, EU:C:2017:698, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata), jimponu fuq din tal-aħħar li tħalli terminu raġonevoli lill-Istati Membri sabiex iwieġbu għall-ittra ta’ intimazzjoni u sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ opinjoni motivata jew, jekk ikun il-każ, sabiex jippreparaw id-difiża tagħhom. Sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli tat-terminu stabbilit, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-każ. Għalhekk, termini qosra ħafna jistgħu jiġu ġġustifikati f’sitwazzjonijiet partikolari, b’mod partikolari meta jkun hemm urġenza sabiex jiġi rrimedjat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jew meta l-Istat Membru kkonċernat ikollu għarfien sħiħ tal-perspettiva tal-Kummissjoni ferm qabel il-bidu tal-proċedura (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑1/00, EU:C:2001:687, punt 65).

71

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, ma huwiex allegat li t-termini għal risposta li ġew stabbiliti fl-ittra ta’ intimazzjoni u fl-opinjoni motivata kienu partikolarment qosra jew irraġonevoli. Barra minn hekk, mill-fatti mhux ikkontestati li jinsabu fil-punti 4 u 5 ta’ din is-sentenza jirriżulta li r-Rumanija għandha titqies li kellha, tal-inqas mis‑27 ta’ Ġunju 2017, għarfien sħiħ tal-fatt li hija kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849.

72

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kalkolu tas-somma f’daqqa li huwa xieraq li jiġi impost f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam kif indikat fil-proposti tal-Kummissjoni, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa li Stat Membru jista’ jiġi kkundannat għall-ħlas tagħha skont l-Artikolu 260(3) TFUE b’tali mod li din tkun, minn naħa, adattata għaċ-ċirkustanzi u, min-naħa l-oħra, proporzjonata għall-ksur imwettaq. Fost il-fatturi rilevanti f’dan ir-rigward hemm, b’mod partikolari, elementi bħall-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kkonstatat, il-perijodu li matulu dan ippersista kif ukoll il-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-gravità tal-ksur, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ adozzjoni tal-miżuri nazzjonali sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni sħiħa ta’ direttiva u l-obbligu ta’ komunikazzjoni ta’ dawn il-miżuri lill-Kummissjoni jikkostitwixxu obbligi essenzjali tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni u li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ dawn l-obbligi għandu, għaldaqstant, jitqies bħala ta’ gravità ċerta (sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE) – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 85). Ma’ dan jiżdied li d-Direttiva 2015/849 hija strument importanti sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni kontra t-theddid magħmul mill-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. L-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ tali protezzjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala partikolarment gravi fid-dawl tal-konsegwenzi tagħhom għall-interessi pubbliċi u privati fl-Unjoni.

74

Għalkemm ir-Rumanija, fil-mori tal-kawża, temmet in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, xorta jibqa’ l-fatt li dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kien jeżisti sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat‑8 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri fit‑8 ta’ Frar 2018, b’tali mod li l-effettività tad-dritt tal-Unjoni ma kinitx żgurata f’kull ħin.

75

Il-gravità ta’ dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu hija barra minn hekk imsaħħa mill-fatt li, f’din id-data, ir-Rumanija ma kienet għadha adottat l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849.

76

L-argument imressaq mir-Rumanija sabiex tispjega d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, l-proċess leġiżlattiv laborjuż li wassal għall-adozzjoni tagħha u r-rieda li tiżgura traspożizzjoni korretta tal-imsemmija direttiva, ma huwiex ta’ natura li jinfluwenza l-gravità tal-ksur inkwistjoni peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, prattiki jew sitwazzjonijiet tal-ordinament intern ta’ Stat Membru ma jistgħux jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi u tat-termini li jirriżultaw mid-direttivi tal-Unjoni u lanqas, għaldaqstant, it-traspożizzjoni tardiva jew inkompleta tagħhom. Bl-istess mod, ma huwiex importanti li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ta’ Stat Membru jirriżulta minn diffikultajiet tekniċi li kellu jaffaċċja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑7 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑364/00, EU:C:2002:282, punt 10 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

F’dak li jikkonċerna, it-tieni nett, it-tul tal-ksur, għandu jitfakkar li dan għandu, bħala prinċipju, jiġi evalwat b’teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tevalwa l-fatti u mhux dik meta din tal-aħħar tiġi adita mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 87). Din l-evalwazzjoni tal-fatti għandha tiġi kkunsidrata li seħħet fid-data tal-għeluq tal-proċedura.

78

F’dan il-każ, huwa paċifiku li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni ntemm fil‑21 ta’ Lulju 2019, jiġifieri f’data qabel l-għeluq tal-proċedura.

79

Fir-rigward tal-bidu tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għandu jiġi speċifikat li, b’differenza għal dak deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 88 tas-sentenza tagħha tat‑8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Netwerks b’veloċità għolja) (C‑543/17, EU:C:2019:573), dwar id-determinazzjoni ta’ pagamenti ta’ penalità ta’ kuljum li għandhom jiġu imposti, id-data li għandha tiġi kkunsidrata għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni għall-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 260(3) TFUE ma hijiex dik tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, iżda d-data li fiha jiskadi t-terminu ta’ traspożizzjoni previst mid-direttiva inkwistjoni.

80

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu d-direttivi fit-termini stabbiliti mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għalhekk, għalkemm l-element li jagħti lok għall-implimentazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 260(2) TFUE jinsab fil-fatt li Stat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn sentenza li tikkonstata nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dak li fuqu hija bbażata l-proċedura prevista fl-Artikolu 260(3) TFUE huwa l-fatt li Stat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jadotta u li jikkomunika l-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva sa mhux iktar tard mid-data stabbilita minnha.

81

Kwalunkwe soluzzjoni oħra twassal, barra minn hekk, sabiex jiġi kkontestat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-direttivi li jistabbilixxu d-data li fiha l-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom għandhom jidħlu fis-seħħ. Fil-fatt, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ ittra ta’ intimazzjoni, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, jippreżupponi, minn qabel, li nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu impost fuq l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiġi validament allegat mill-Kummissjoni (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Spanja (Pjan għall-immaniġġar tal-iskart), C‑642/18, EU:C:2019:1051, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), minħabba li l-Istati Membri ma wettqux it-traspożizzjoni ta’ direttiva fid-data stabbilita minnha, ikunu jistgħu jibbenefikaw f’dan il-każ, fi kwalunkwe każ, minn terminu ta’ traspożizzjoni addizzjonali, li t-tul tiegħu jvarja, barra minn hekk, skont il-ħeffa li biha l-Kummissjoni tibda l-proċedura prekontenzjuża, mingħajr ma jkun jista’, madankollu, jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dan it-terminu għall-evalwazzjoni tat-tul tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni. Issa, huwa paċifiku li d-data li minnha għandha tiġi żgurata l-effettività sħiħa ta’ direttiva hija d-data ta’ traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva stess u mhux id-data ta’ skadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata.

82

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-Rumanija, dan l-approċċ ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-effett utli tal-proċedura prekontenzjuża prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’dan il-każ, l-Istat Membru inkwistjoni ma jistax validament isostni li huwa ma kienx jaf li, mid-data għat-traspożizzjoni stabbilita fid-direttiva inkwistjoni, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont din id-direttiva. Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-Istat Membru inkwistjoni ggarantita mill-proċedura prekontenzjuża ma jistax ikollha l-konsegwenza li tipproteġi lil dan l-Istat Membru minn kull konsegwenza pekunjarja li tirriżulta minn dan in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għall-perijodu qabel l-iskadenza stabbilita fl-opinjoni motivata.

83

Għaldaqstant, sabiex tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni, fl-evalwazzjoni tat-tul tal-ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont tas-somma f’daqqa li għandha tiġi imposta skont l-Artikolu 260(3) TFUE, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ traspożizzjoni prevista mid-direttiva inkwistjoni stess.

84

F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li, fid-data ta’ traspożizzjoni prevista fl-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849, jiġifieri s‑26 ta’ Ġunju 2017, ir-Rumanija ma kinitx adottat id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tiżgura t-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, ma kinitx ikkomunikat il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħha lill-Kummissjoni. Minn dan isegwi li n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu inkwistjoni, li ntemm biss fil‑21 ta’ Lulju 2019, baqa’ għaddej għal ftit iktar minn sentejn.

85

Fit-tielet lok, għal dak li jikkonċerna l-kapaċità ta’ ħlas tal-Istat Membru inkwistjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-evoluzzjoni reċenti tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dan l-Istat Membru, kif tkun fid-data tal-eżami tal-fatti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’analoġija mal-Artikolu 260(2) TFUE, is-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs L-Irlanda (Qasam ta’ mtieħen tar-riħ ta’ Derrybrien), C‑261/18, EU:C:2019:955, punt 124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha ta’ din il-kawża u fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali rrikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja fl-Artikolu 260(3) TFUE, li jipprevedi li din ma tistax, fir-rigward tas-somma f’daqqa li hija timponi l-ħlas tagħha, taqbeż l-ammont indikat mill-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li l-prevenzjoni effettiva tar-repetizzjoni futura ta’ ksur simili għal dak tal-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849 u li taffettwa l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni hija ta’ natura li tirrikjedi l-impożizzjoni ta’ somma f’daqqa li l-ammont tagħha għandu jkun stabbilit għal EUR 3000000.

87

Konsegwentement, ir-Rumanija għandha tiġi kkundannata tħallas lill-Kummissjoni somma f’daqqa li tammonta għal EUR 3000000.

Fuq l-ispejjeż

88

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Rumanija tilfet, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

89

Skont l-Artikolu 140(1) ta’ dawn ir-regoli, li jipprovdi li Stati Membri intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom, ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi, sal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata tat-8 ta’ Diċembru 2017, ma adottatx id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE, u, għaldaqstant, peress li ma kkomunikatx dawn id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni, ir-Rumanija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2015/849.

 

2)

Ir-Rumanija hija kkundannata tħallas lill-Kummissjoni Ewropea somma f’daqqa ta’ EUR 3000000.

 

3)

Ir-Rumanija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

4)

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Franċiża u r-Repubblika tal-Polonja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.