SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

30 ta’ Jannar 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Saħħa pubblika – Informazzjoni u protezzjoni tal-konsumatur – Regolament (KE) Nru 1924/2006 – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/63/UE – Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa li jirrigwardaw il-prodotti tal-ikel – Artikolu 10(3) – Riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi – Kunċett ta’ ‘akkumpanjar’ ta’ indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa – Obbligu ta’ produzzjoni ta’ provi xjentifiċi – Portata”

Fil-Kawża C‑524/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Dr. Willmar Schwabe GmbH & Co. KG

vs

Queisser Pharma GmbH & Co. KG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb (Relatur), T. von Danwitz, C. Vajda, u A. Kumin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: M. Krausenböck, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Dr. Willmar Schwabe GmbH & Co. KG, minn C. Stallberg, Rechtsanwalt,

għal Queisser Pharma GmbH & Co. KG, minn A. Meisterernst, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herbout‑Borczak u C. Hödlmayr, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (ĠU 2006, L 404, p. 9, rettifika fil-ĠU 2007, L 12, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 107/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 (ĠU 2008, L 39, p. 8) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1924/2006”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Dr. Willmar Schwabe GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Schwabe”) u Queisser Pharma GmbH & Co. KG dwar in-natura allegatament qarrieqa tal-imballaġġ ta’ suppliment tal-ikel.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1924/2006

3

Skont il-premessi 1, 9, 14, 16, 17, 23 u 29 tar-Regolament Nru 1924/2006:

“(1)

Numru dejjem jikber ta’ ikel li qed jiġi ttikkettat u rriklamat fil-Komunità qed ikollu indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumaturi u biex tiġi ffaċilitata l-għażla tagħhom, il-prodotti li jitqiegħdu fis-suq inklużi dawk importati, għandhom ikunu siguri u ttikkettati b’mod xieraq. […]

[…]

(9)

Hemm firxa kbira ta’ nutrijenti u sustanzi oħrajn li jinkludu, iżda mhux limitati għal, vitamini, minerali li jinkludu oligo-elementi, aċidi amino, aċidi tax-xaħam essenzjali, fibra, pjanti diversi u estratti ta’ ħxejjex b’effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li jistgħu jkunu preżenti f’ikel u jkunu s-suġġett ta’ xi indikazzjoni. Għalhekk, għandhom jiġu stabbiliti prinċipji ġenerali li japplikaw għall-indikazzjonijiet kollha magħmula fuq l-ikel sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sabiex lill-konsumatur tingħatalu l-informazzjoni meħtieġa biex l-għażliet tiegħu jagħmilhom b’għarfien sħiħ tal-fatti, kif ukoll biex jinħolqu kondizzjonijiet indaqs għall-kompetizzjoni fl-industrija ta’ l-ikel.

[…]

(14)

Hemm varjetà kbira ta’ indikazzjonijiet li bħalissa qed jintużaw fl-ittikkettjar u fir-reklamar ta’ l-ikel f’xi Stati Membri relatati ma’ sustanzi li ma ġewx ippruvati li huma ta’ benefiċċju jew li bħalissa m’hemmx biżżejjed qbil xjentifiku dwarhom. Hu meħtieġ li jiġi żgurat li s-sustanzi li dwarhom issir indikazzjoni jkunu ġew ippruvati li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huwa ta’ benefiċċju.

[…]

(16)

Huwa importanti li l-indikazzjonijiet fuq l-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u huwa xieraq li-konsumaturi kollha jkunu mħarsa minn indikazzjonijiet qarrieqa. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [84/450/KEE tal-Kunsill tal‑10 ta’ Settembru 1984 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri dwar reklamar qarrieqi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 227)], il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, sabet li hu meħtieġ meta tkun qed tiġġudika każijiet dwar riklamar li teżamina l-effett fuq konsumatur konċettwali tipiku. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u sabiex tkun tista’ sseħħ l-applikazzjoni effettiva tal-protezzjoni kontenuta fih, dan ir-Regolament jieħu bħala standard il-konsumatur medju, li hu infurmat raġonevolment tajjeb u raġonevolment osservanti u attent, u meħud kont tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi, skond l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda fih disposizzjonijiet sabiex jipprevjeni l-esplojtazzjoni tal-konsumaturi li l-karatteristiċi tagħhom jagħmluhom partikolarment vulnerabbli għal indikazzjonijiet li jqarrqu. […]

(17)

L-evidenza xjentifika għandha tkun l-aspett ewlieni li jrid jitqies fl-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa u l-operaturi tan-negozju ta’ l-ikel li jużaw l-indikazzjonijiet għandhom jiġġustifikawhom. Indikazzjoni għandha tkun xjentifikament fondata billi tiġi kkunsidrata t-totalità tad-‘data’ xjentifika disponibbli, u billi titqies l-evidenza.

[…]

(23)

Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jiġu awtorizzati għall-użu fil-Komunità biss wara valutazzjoni xjentifika ta’ l-ogħla standard possibbli. […]

[…]

(29)

Sabiex jiġi żgurat li indikazzjonijiet dwar is-saħħa jkunu veri, ċari, affidabbli u utli għall-konsumatur fl-għażla ta’ dieta sana, il-kliem u l-preżentazzjoni ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, għandhom jiġu kkunsidrati fl-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel [(EFSA)] u fil-proċeduri sussegwenti.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament jarmonizza d-disposizzjonijiet stipulati b’liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa sabiex ikun żgurat il-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jkun provdut livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

5

L-Artikolu 2(2)(5) tal-imsemmi regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa” bħala “kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

6

Il-Kapitolu II ta’ dan l-istess regolament, dwar il-prinċipji ġenerali, jinkludi l-Artikoli 3 sa 7 tiegħu.

7

L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Prinċipji ġenerali għall-indikazzjonijiet kollha”, jipprevedi:

“Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa jistgħu jintużaw fit-tikketti, il-preżentazzjoni u r-reklamar ta’ ikel imqiegħed fis-suq fil-Komunità biss jekk ikunu konformi mad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Bla ħsara għad-[Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 Marzu 2000 fuq l-approsimazzjoni ta’ liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 75), u għad-Direttiva 84/450], indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa ma għandhomx:

(a)

ikun falz, ambigwu jew qarrieqi;

[…]”

8

L-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kondizzjonijiet ġenerali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu permessi biss jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti:

(a)

ikun muri li l-preżenza, in-nuqqas jew il-kontenut imnaqqas f’ikel jew f’kategorija ta’ ikel ta’ nutrijent jew sustanza oħra li fir-rigward tagħhom tkun saret l-indikazzjoni għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku ta’ benefiċċju, kif stabbilit minn evidenza xjentifika b’mod ġenerali;

[…]

2.   L-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandu jkun permess biss jekk il-konsumatur medju jista’ jkun mistenni li jifhem l-effetti ta’ benefiċċju kif espressi fl-indikazzjoni.”

9

L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Sostanzjament xjentifiku għall-indikazzjonijiet”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali.

2.   Operatur ta’ negozju ta’ l-ikel li jagħmel indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa għandu jiġġustifika l-użu ta’ l-indikazzjoni.”

10

Il-Kapitolu IV ta’ dan l-istess regolament, dwar l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, jinkludi l-Artikoli 10 sa 19 tiegħu.

11

L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, bit-titolu “Kondizzjonijiet speċifiċi”, jipprovdi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.   Indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom ikunu projbiti sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġijiet ġenerali tal-Kapitolu II u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ dan il-Kapitolu u jkunu awtorizzati skond dan ir-Regolament u inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 u 14.

[…]

3.   Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tan-nutrijent jew ikel għal saħħa tajba globali jew benesseri relatat mas-saħħa tista’ ssir biss jekk tkun akkumpanjata minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa mniżżla fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14.

4. Fejn ikun xieraq, linji gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 25(2) u, jekk ikun meħtieġ, f’konsultazzjoni ma’ partijiet interessati, b’mod partikolari operaturi tan-negozju ta’ ikel u gruppi tal-konsumaturi.”

12

L-Artikolu 13 ta’ dan ir-regolament jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Wara li tikkonsulta lill-[EFSA], il-Kummissjoni għandha tadotta, skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 25(3), lista Komunitarja, imfassla biex temenda elementi mhux essenzjali ta’ dan ir-Regolament billi tissupplimentah, ta’ indikazzjonijiet permessi kif imsemmi fil-paragrafu 1, u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għall-użu ta’ dawn l-indikazzjonijiet sa mhux aktar tard mill‑31 ta’ Jannar 2010.”

13

Skont l-Artikolu 17(5) tal-imsemmi regolament:

“Indikazzjonijiet dwar is-saħħa inklużi fil-listi previsti fl-Artikoli 13 u 14 jistgħu jintużaw, f’konfomità mal-kondizzjonijiet li japplikaw għalihom, minn kull operatur ta’ negozju ta’ l-ikel, jekk l-użu tagħhom ma jkunx ristrett skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 21.”

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/63/UE

14

Il-punt 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/63/UE tal‑24 ta’ Jannar 2013 li tadotta linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi għal indikazzjonijiet tas-saħħa stabbiliti fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 22, p. 25), bit-titolu “Referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tas-saħħa – l-Artikolu 10(3)”, huwa fformulat kif ġej:

“L-Artikolu 10(3) jippermetti l-użu ta’ dikjarazzjonijiet attraenti faċli, li jagħmlu referenza għal benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi ta’ ċertu ikel għal saħħa tajba kumplessiva jew benesseri relatat mas-saħħa, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, suġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. L-użu ta’ tali indikazzjonijiet jista’ jkun ta’ għajnuna għall-konsumaturi peress li jwassal messaġġi aktar ċari lill-konsumatur. Madankollu, dawn jistgħu jkunu interpretati ħażin u/jew ma jiftiehmux faċilment mill-konsumaturi u possibbilment iwasslu biex wieħed jifhem li jeżistubenefiċċji għas-saħħa oħrajn/aħjar ta’ ċertu ikel, minn dawk li jeżistu attwalment. Għal din ir-raġuni, meta wieħed jirreferi għal benefiċċji tas-saħħa ġenerali u mhux speċifiċi, huwa meħtieġ li dawn ir-referenzi jiġu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi fir-Reġistru tal-Unjoni. Għall-finijiet tar-Regolament, l-indikazzjoni tas-saħħa awtorizzata speċifika li takkumpanja l-istqarrija li tagħmel referenza għall-benefiċċji tas-saħħa ġenerali mhux speċifiċi, għandha ssir ‘biswit’ jew ‘wara’ t-tali stqarrija.

L-indikazzjonijiet speċifiċi misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi għandu jkollhom xi rilevanza għar-referenza ġenerali. […] biex jiġi evitat li l-konsumaturi jiġu mqarrqa, l-operaturi tan-negozju tal-ikel għandhom ir-responsabbiltà li juru r-rabta bejn ir-referenza għall-benefiċċji ġenerali u mhux speċifiċi tal-ikel u l-indikazzjoni speċifika permessa dwar is-saħħa li takkumpanjaha.

Xi indikazzjonijiet sottomessi għall-awtorizzazzjoni matul il-valutazzjoni xjentifika tagħhom kienu ġġudikati bħala ġenerali wisq jew mhux speċifiċi għal evalwazzjoni. Dawn l-indikazzjonijiet ma setgħux jiġu awtorizzati u għalhekk jistgħu jinstabu fil-lista ta’ indikazzjonijiet mhux awtorizzati fir-Reġistru tal-Unjoni ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutriment u s-saħħa. Dan ma jeskludix li dawk l-indikazzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 10(3) u għalhekk jistgħu jiġu użati legalment meta jkunu akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika misluta mil-lista ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi skont dak l-Artikolu.”

Id-dritt Ġermaniż

15

Skont l-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi dwar il-Kompetizzjoni Żleali, BGBl. 2010 I, p. 254), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UWG”):

“Prattiki kummerċjali żleali huma illegali meta dawn jistgħu jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tal-kompetituri, tal-konsumaturi jew ta’ operaturi oħra tas-suq”.

16

L-Artikolu 5 tal-UWG, bit-titolu “Prattiċi kummerċjali qarrieqa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull prattika kummerċjali qarrieqa tikkostitwixxi att ta’ kompetizzjoni żleali. Prattika kummerċjali tkun qarrieqa jekk tkun tinvolvi indikazzjonijiet impreċiżi, jew indikazzjonijiet qarrieqa oħra, rigward waħda jew iktar minn dawn li ġejjin:

(1)

il-karattertistiċi essenzjali tal-prodott jew tas-servizz, bħad-disponibbiltà tiegħu, in-natura tiegħu, il-prestazzjoni tiegħu, il-vantaġġi tiegħu, ir-riskji tiegħu, il-kompożizzjoni tiegħu, l-aċċessorji tiegħu, il-metodu u d-data tal-manifattura, tal-kunsinna jew tal-provvista tiegħu, l-utilità tiegħu, l-użu possibbli tiegħu, il-kwantità tiegħu, il-proprjetajiet tiegħu, is-servizz ta’ wara l-bejgħ u l-ipproċessar tal-ilmenti, l-oriġini ġeografika jew kummerċjali tiegħu, ir-riżultati mistennija mill-użu tiegħu, kif ukoll ir-riżultati u t-testijiet tal-karatteristiċi prinċipali mwettqa fuq il-prodott jew is-servizz;

[…]”

17

L-Artikolu 11 tal-Lebensmittel-, Bedarfsgegenstände- und Futtermittelgesetzbuch (il-Kodiċi dwar il-Prodotti tal-Ikel, il-Prodotti għall-Konsum ta’ Kuljum u l-Għalf, BGBl. 2013 I, p. 1426), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, bit-titolu “Dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni kontra l-qerq”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott tal-ikel taħt isem qarrieqi jew b’rappreżentazzjoni, jew indikazzjoni qarrieqa jew il-promozzjoni tiegħu b’mod ġenerali jew f’każ partikolari permezz ta’ preżentazzjonijiet jew stqarrijiet qarrieqa oħra huma pprojbiti. B’mod partikolari, jirriżulta qerq:

(1)

meta fir-rigward ta’ prodott tal-ikel jintużaw ismijiet, indikazzjonijiet, preżentazzjonijiet, deskrizzjonijiet jew stqarrijiet oħra li jistgħu jqarrqu fir-rigward tal-karatteristiċi tiegħu, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda t-tip, il-kwalità, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż-żmien li jżomm, l-oriġini, il-provenjenza jew il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni tiegħu.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Queisser Pharma tikkummerċjalizza suppliment tal-ikel imsejjaħ Doppelherz® aktiv Ginkgo + B‑Vitamine + Cholin, li huwa kompost minn tmien ingredjenti, fosthom, b’mod partikolari, iż-żingu kif ukoll il-vitamini B1 (l-anewrina), B2, B5 (l-aċidu pantoteniku) u B12.

19

In-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ ta’ dan is-suppliment tal-ikel tinkludi ċertu numru ta’ elementi ta’ daqsijiet, kuluri u karattri tipografiċi differenti, fosthom l-indikazzjoni sussegwenti, inkwistjoni fil-kawża prinċipali: “B–Vitamine und Zink für Gehirn, Nerven, Konzentration und Gedächtnis” (Vitamini B u żingu għall-moħħ, għan-nervituri, għall-konċentrazzjoni u għall-memorja).

20

Fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ hemm, minbarra indikazzjonijiet speċifiċi relatati mal-ginko u mal-kolin, l-indikazzjonijiet sussegwenti:

“L-istimulazzjoni intellettwali regolari kif ukoll dieta tajba huma importanti għall-memorja, għall-kapaċità ta’ konċentrazzjoni u sabiex jiġu affrontati l-kompiti ta’ kuljum. Il-metaboliżmu tal-moħħ u tan-nervituri jeħtieġ għalhekk konsum nutrittiv tajjeb.

Il-kapsuli tad-Doppelherz jinkludu 100 mg ta’ kolin, Vitamini B u traċċa ta’ element, iż-żingu. Dawn jinkludu wkoll 100 mg ta’ estratt tal-ginko.

Il-Vitamina B1 u l-Vitamina B12 jikkontribwixxu għal metaboliżmu enerġetiku normali u għal funzjoni normali tas-sistema nervuża kif ukoll għas-sosteniment ta’ kapaċità mentali normali.

Il-Vitamina B2, bħall-Vitamina B1, għandha rwol fil-metaboliżmu enerġetiku normali u fil-funzjoni normali tas-sistema nervuża. Barra minn hekk, il-Vitamina B2 tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċelloli kontra l-istress ossidattiv.

L-aċidu foliku jikkontribwixxi wkoll għas-sosteniment ta’ kapaċità mentali normali u għandu rwol fil-proċess ta’ diviżjoni ċellulari.

L-aċidu pantoteniku jikkontribwixxi għal prestazzjonijiet intellettwali normali u, bħall-aċidu foliku u l-Vitamina B12, jikkontribwixxi sabiex inaqqas l-għeja.

It-traċċa ta’ element żingu tikkontribwixxi għal funzjoni konjittiva normali u tipproteġi ċ-ċelloli kontra l-istress ossidattiv.

[…]”

21

Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, Schwabe tipproduċi u tikkummerċjalizza prodotti li jikkompetu ma’ dawk ta’ Queisser Pharma. Peress li kienet tqis li l-indikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, tikser il-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3, l-Artikolu 5(1)(a), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 kif ukoll l-Artikolu 5(1) tal-UWG u l-Artikolu 11(1) tal-Kodiċi dwar il-Prodotti tal-Ikel, il-Prodotti għall-Konsum ta’ Kuljum u l-Għalf, Schwabe ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), sabiex, b’mod partikolari, Queisser Pharma tiġi kkundannata, taħt piena ta’ pagamenti ta’ penalità, twaqqaf il-promozzjoni tas-suppliment tal-ikel sakemm l-indikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tkun tinsab fuq in-naħa ta’ quddiem tal-imballaġġ tiegħu.

22

Permezz ta’ sentenza tat‑28 ta’ Awwissu 2014, il-Landgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali ta’ Düsseldorf) ċaħdet dan ir-rikors.

23

L-appell minn dik is-sentenza ppreżentat minn Schwabe ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja) tat‑30 ta’ Ġunju 2016.

24

Schwabe ppreżentat rikors għal reviżjoni kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja).

25

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għandha dubji dwar il-portata tar-rekwiżit, previst fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, li jipprovdi li riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, għandu jkun akkumpanjat b’indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk din id-dispożizzjoni teħtieġx rabta diretta fir-rigward ta’ spazju bejn ir-riferiment u l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa. F’dan ir-rigward, hija tindika, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ta’ “akkumpanjar” jista’ jinftiehem fis-sens li jeħtieġ prossimità fir-rigward ta’ spazju, b’tali mod li l-konsumaturi jistgħu jipperċepixxu “immedjatament” l-indikazzjoni speċifika awtorizzata dwar is-saħħa. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża madankollu li, fil-fehma tagħha, jekk dan ir-rekwiżit ta’ prossimità diretta ma jkunx issodisfatt, riferiment għall-indikazzjoni permezz ta’ asterisk jista’ wkoll ikun biżżejjed. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi rekwiżit jista’ wkoll jiġi interpretat bil-mod kif irrakkomandat mill-qorti tal-appell, li abbażi tiegħu l-konsumatur medju, li d-deċiżjoni tiegħu li jixtri prodott hija ddeterminata mill-kompożizzjoni ta’ dan il-prodott, jaqra qabelxejn il-lista tal-ingredjenti ta’ dan il-prodott (sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne, C‑195/14, EU:C:2015:361). Peress li tali lista ta’ spiss tinsab fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġi, ma jkunx improbabbli li, quddiem prodotti bħalma huma s-suppliment tal-ikel inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tali konsumatur ikun jista’ għalhekk isir jaf dwar l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa li jinsabu fuq din in-naħa ta’ wara.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, referenza għall-benefiċċji ġenerali, mhux speċifiċi, għall-istat tas-saħħa hija diġà ‘akkumpanjata’ b’allegazzjonijiet ta’ saħħa speċifiċi, b’mod konformi mal-listi previsti fl-Artikolu 13 jew 14 tal-imsemmi regolament, meta din ir-referenza tkun tinsab fuq in-naħa ta’ quddiem ta’ imballaġġ u l-indikazzjonijiet awtorizzati jkunu jinsabu fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ u f’kundizzjonijiet li fihom ma hemmx dubju, f’għajnejn il-pubbliku, li l-kontenut ta’ dawn l-indikazzjonijiet jirrigwarda r-referenza, iżda fejn din tal-aħħar ma tkunx tinkludi marka ta’ riferiment ċara, bħal asterisk, għall-indikazzjonijiet li jinsabu fuq in-naħa ta’ wara tal-imballaġġ?

(2)

Għandu jkun hemm provi, fis-sens tal-Artikoli 5(1)(a), u 6(1) tar-Regolament Nru 1924/2006, ukoll f’dak li jikkonċerna r-referenzi għall-benefiċċji ġenerali, mhux speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

27

Skont Schwabe, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-indikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali msemmija fil-punt 19 ta’ din is-sentenza tikkostitwixxi riferiment għal effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, filwaqt li, fir-realtà, din hija indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest leġiżlattiv u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza (sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Federal Express Corporation Deutsche Niederlassung, C‑26/18, EU:C:2019:579, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza ma tistax tiġi kkonfutata bis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħhom u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, van der Weerd et, C‑222/05 sa C‑225/05, EU:C:2007:318, punt 23).

30

Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew tweġiba għal domandi addizzjonali msemmija mill-partijiet ikun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet kkonċernati (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, Welmory, C‑605/12, EU:C:2014:2298, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-risposta għad-domandi magħmula tingħata fuq il-bażi tal-premessa li fuqha tibbaża ruħha dik il-qorti, jiġifieri li l-indikazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi għas-saħħa, u li din taqa’, għaldaqstant, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li dan jipprevedi, li abbażi tiegħu kull riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għandu jkun akkumpanjat b’indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14 ta’ dan ir-regolament, huwa ssodisfatt fil-każ fejn l-imballaġġ ta’ suppliment tal-ikel ikun fih, fuq in-naħa ta’ quddiem tiegħu, riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għas-saħħa, filwaqt li l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa intiża li takkumpanja dan ir-riferiment tidher biss fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ u ma hemm ebda riferiment espliċitu, bħal asterisk, bejn it-tnejn.

33

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha din tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 44, u tat‑30 ta’ Jannar 2019, Planta Tabak, C‑220/17, EU:C:2019:76, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Skont, l-ewwel nett, il-formulazzjoni tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, kull riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għas-saħħa għandu jkun “akkumpanjat” b’indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa.

35

Fir-rigward, sussegwentement, tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1924/2006, għandu jitfakkar li dan ir-regolament huwa intiż, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, li jiggarantixxi l-funzjonament effettiv tas-suq intern filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Il-protezzjoni tas-saħħa hija inkluża fost l-għanijiet prinċipali tal-imsemmi regolament. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, hemm lok, b’mod partikolari, li l-konsumatur jingħata l-informazzjoni neċessarja sabiex huwa jkun jista’ jwettaq għażliet b’konoxxenza sħiħa (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Verband Sozialer Wettbewerb, C‑19/15, EU:C:2016:563, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li l-premessa 16 tar-Regolament Nru 1924/2006 tistabbilixxi li huwa importanti li l-indikazzjonijiet dwar il-prodotti tal-ikel ikunu jistgħu jinftiehmu mill-konsumatur u li hemm lok li l-konsumaturi kollha jiġu protetti kontra indikazzjonijiet qarrieqa, filwaqt li tippreċiża li dan ir-regolament jieħu, b’mod partikolari, bħala kriterju ta’ evalwazzjoni l-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi soċjali, kulturali u lingwistiċi.

36

Fir-rigward, fl-aħħar nett, tal-kuntest li taħtu jaqa’ l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, hemm lok li jiġi rrilevat qabel kollox li l-punt 5 tal-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “indikazzjoni dwar is-saħħa”, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, bħala “kull indikazzjoni li tiddikjara, tissuġġerixxi jew timplika li teżisti relazzjoni bejn kategorija ta’ ikel, xi ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa”.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006, inkluż fil-Kapitolu IV ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Indikazzjonijiet dwar is-saħħa”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti, ħlief jekk dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti ġenerali tal-Kapitolu II u mar-rekwiżiti speċifiċi tal-Kapitolu IV u jekk dawn ikunu awtorizzati skont dan l-istess regolament u jkunu inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikoli 13 jew 14 tiegħu. Għalhekk, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 jistabbilixxi projbizzjoni bħala prinċipju tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inklużi fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament.

38

Barra minn hekk, minn qari sistematiku tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1924/2006 jirriżulta li l-Artikolu 10(3) jistabbilixxi deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(1), b’tali mod li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rekwiżit ta’ akkumpanjar stabbilit fl-Artikolu 10(3) għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2017, AKM, C‑138/16, EU:C:2017:218, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament għalhekk jintroduċi distinzjoni bejn żewġ kategoriji ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa, jiġifieri, minn naħa, l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, inkluża fil-listi inkwistjoni skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament u, min-naħa l-oħra, l-indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa li tikkostitwixxi riferiment għal dawn l-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, li għandha tkun akkumpanjata b’indikazzjoni dwar is-saħħa inkluża f’dawn l-istess listi.

39

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/63, adottata mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-setgħat ta’ implimentazzjoni li ġew mogħtija lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni skont l-Artikolu 10(4) u l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1924/2006, tipprovdi, f’dan ir-rigward, fil-punt 3 tal-anness tagħha, li l-Artikolu 10(3) ta’ dan ir-regolament jippermetti l-użu, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, ta’ dikjarazzjonijiet sempliċi u attraenti li jirreferu għal tali effetti, liema effetti jistgħu jkunu mifhuma ħażin jew interpretati ħażin mill-konsumatur, raġuni li għaliha r-riferimenti għall-imsemmija effetti għandhom ikunu “akkumpanjati minn indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa misluta mil-listi ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi fir-Reġistru tal-Unjoni”. Dan l-istess punt jippreċiża li, għall-finijiet tal-imsemmi regolament, l-indikazzjoni awtorizzata dwar is-saħħa li takkumpanja d-dikjarazzjoni li tirreferi għall-imsemmija effetti għandha tidher “biswit” jew “wara” l-imsemmija dikjarazzjoni.

40

Minn dawn l-elementi jirriżulta li r-rekwiżit ta’ “akkumpanjar”, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jeħtieġ mhux biss li l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa tippreċiża l-kontenut tal-indikazzjoni dwar is-saħħa fformulata f’termini ġenerali, iżda wkoll li l-pożizzjoni ta’ dawn iż-żewġ indikazzjonijiet fuq l-imballaġġ tal-prodott ikkonċernat tippermetti lil konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat jifhem ir-rabta bejn l-imsemmija indikazzjonijiet. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-kunċett ta’ “akkumpanjar”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jinvolvi dimensjoni kemm materjali kif ukoll viżiva.

41

Għaldaqstant, minn naħa, meħud fid-dimensjoni materjali tiegħu, dan il-kunċett ta’ “akkumpanjar” jeħtieġ korrispondenza ta’ kontenut bejn l-indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa u l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, fatt li essenzjalment jimplika, li l-ewwel waħda tkun issostanzjata b’mod sħiħ mit-tieni waħda.

42

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li ssostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, ir-rekwiżit ta’ “akkumpanjar” previst fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 ma jistax jitqies bħala li huwa validament issodisfatt bis-sempliċi fatt li teżisti, fuq livell materjali, rabta manifesta ta’ kontenut bejn l-indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa u l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa intiża li tissostanzja lil din tal-aħħar, indipendentement mill-pożizzjoni rispettiva ta’ dawn l-indikazzjonijiet fuq l-imballaġġ ikkonċernat u, għaldaqstant, mid-dimensjoni viżiva ta’ dan ir-rekwiżit.

43

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 29 tar-Regolament Nru 1924/2006 tistabbilixxi li, sabiex jiġi żgurat li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa jkunu veri, ċari, affidabbli u utli għall-konsumatur fl-għażla ta’ dieta tajba, il-kliem u l-preżentazzjoni tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għalhekk, il-pożizzjoni, fuq livell viżiv, tad-diversi elementi mqegħda fuq l-imballaġġ ta’ prodott partikolari tikkostitwixxi fattur li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk ir-rekwiżit ta’ “akkumpanjar” jistax jitqies bħala ssodisfatt.

44

Barra minn hekk, mill-premessa 17 u mill-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-operatur tas-settur tal-ikel li jagħmel indikazzjoni dwar in-nutrizzjoni jew is-saħħa għandu jiġġustifika l-użu ta’ din l-indikazzjoni.

45

F’dan ir-rigward, il-punt 3 tal-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/63 jenfasizza li, sabiex jiġi evitat li l-konsumatur jiġi mqarraq, l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom ir-responsabbiltà li juru r-rabta bejn ir-riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali u mhux speċifiċi tal-prodott tal-ikel u l-indikazzjoni awtorizzata dwar is-saħħa li takkumpanjah.

46

Minn dawn l-elementi jirriżulta li l-operaturi tas-settur tal-ikel għandhom jippreżentaw, b’mod ċar u eżatt, l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa li jissostanzjaw ir-riferimenti għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, li huma jużaw.

47

Għaldaqstant, id-dimensjoni viżiva tar-rekwiżit ta’ “akkumpanjar”, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, għandha tinftiehem bħala li tirreferi għall-perċezzjoni immedjata, mill-konsumatur medju, normalment informat u raġonevolment attent, ta’ rabta viżiva diretta bejn ir-riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, għall-istat ta’ saħħa, u l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa, fatt li jirrikjedi, bħala prinċipju, prossimità fir-rigward ta’ spazju jew viċinanza immedjata bejn ir-riferiment u l-indikazzjoni.

48

Madankollu, fil-każ partikolari li fih l-indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa ma jistgħux jidhru fit-totalità tagħhom fuq l-istess naħa tal-imballaġġ bħal dik li fiha hemm ir-riferiment li dawn huma intiżi li jissostanzjaw, minħabba n-numru kbir tagħhom jew it-tul tagħhom, għandu jitqies li r-rekwiżit ta’ rabta viżiva diretta jista’ jiġi ssodisfatt, b’mod eċċezzjonali, permezz ta’ riferiment espliċitu, bħal asterisk, meta dan jiżgura, b’mod ċar u li jinftiehem perfettament fir-rigward tal-konsumatur, il-korrispondenza ta’ kontenut, fuq livell ta’ spazju, bejn l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa u r-riferiment.

49

Għaldaqstant, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jivverifikaw u jiddeterminaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, jekk ir-rekwiżit ta’ prossimità viżiva li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 huwiex issodisfatt permezz tal-użu ta’ asterisk ta’ konnessjoni.

50

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li dan jipprevedi, li abbażi tiegħu kull riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għandu jkun akkumpanjat b’indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex issodisfatt fil-każ fejn l-imballaġġ ta’ suppliment tal-ikel ikun fih, fuq in-naħa ta’ quddiem tiegħu, riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għas-saħħa, filwaqt li l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa intiża li takkumpanjah tidher biss fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ u ma hemm ebda riferiment espliċitu, bħal asterisk, bejn it-tnejn.

Fuq it-tieni domanda

51

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-riferimenti għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għall-istat ġenerali tas-saħħa u għall-benesseri relatat mas-saħħa, fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, għandhomx ikunu ġġustifikati minn provi xjentifiċi, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

52

F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi osservat li, hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-kliem tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, bid-differenza ta’ dak tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, ma jinkludix riferiment espliċitu għar-rekwiżiti ġenerali tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, li fih jinsabu l-Artikoli 5 u 6 tiegħu.

53

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni tal-imsemmija Artikoli 5 u 6 tindika, b’mod ċar, li kull indikazzjoni dwar is-saħħa, fis-sens ta’ dan ir-regolament, għandha tkun xjentifikament iġġustifikata.

54

Fil-fatt, skont l-Artikolu 5(1)(a) tar-Regolament Nru 1924/2006, l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa huwa awtorizzat biss jekk jiġi pprovat li l-preżenza, l-assenza jew il-kontenut imnaqqas fi prodott tal-ikel jew f’kategorija ta’ prodotti tal-ikel ta’ nutrijent jew ta’ sustanza oħra li jkunu s-suġġett tal-indikazzjoni jkunu ta’ benefiċċju nutrittiv jew fiżjoloġiku, kif stabbilit mill-provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati. L-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jinkludi wkoll dikjarazzjoni f’dan is-sens, billi jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]ndikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa għandhom ikunu bbażati u ssostanzjati minn evidenza xjentifika aċċettata b’mod ġenerali”.

55

Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1924/2006, li huwa intiż li jiggarantixxi b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-punt 35 ta’ din is-sentenza, il-protezzjoni tas-saħħa u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari kontra indikazzjonijiet qarrieqa. Barra minn hekk, il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tenfasizza n-neċessità li jiġi żgurat li s-sustanzi li huma s-suġġett ta’ indikazzjoni jkunu ġew ipprovati li għandhom effett nutrittiv jew fiżjoloġiku li huwa ta’ benefiċċju. Barra minn hekk, il-premessa 17 tal-imsemmi regolament tippreċiża li l-ġustifikazzjoni xjentifika għandha tkun l-aspett prinċipali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-użu ta’ indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa, filwaqt li l-premessa 23 ta’ dan l-istess regolament tipprovdi li l-użu, fl-Unjoni, ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa għandu jiġi awtorizzat biss wara evalwazzjoni xjentifika tal-ogħla livell possibbli.

56

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1924/2006 jipprevedi espressament li indikazzjoni dwar is-saħħa għandha tissodisfa r-rekwiżiti ġenerali tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li fih jinsabu l-Artikoli 5 u 6. Issa, hekk kif jirriżulta mill-punti 37 sa 39 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, sa fejn jippermetti li jsir riferiment għal indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa mhux inkluża fil-listi ta’ indikazzjonijiet awtorizzati previsti minn dan ir-regolament iżda li hija akkumpanjata b’indikazzjoni dwar is-saħħa li hija inkluża fihom, jistabbilixxi deroga mill-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, li abbażi tiegħu l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huma pprojbiti, bl-eċċezzjoni ta’ dawk inklużi f’tali listi. L-Artikolu 10(3) tal-imsemmi regolament għandu għalhekk jiġi interpretat b’mod strett.

57

Minn dan isegwi li din l-aħħar dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li indikazzjoni “ġenerali” dwar is-saħħa fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ prova meħtieġa minn dan ir-regolament.

58

Madankollu, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa biżżejjed, għal dan il-għan, li r-riferimenti għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għall-istat ġenerali tas-saħħa u għall-benesseri relatat mas-saħħa jkunu akkumpanjati b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa ssostanzjati minn provi xjentifiċi ġeneralment aċċettati li jkunu ġew ivverifikati u awtorizzati, sakemm dawn l-aħħar indikazzjonijiet huma inklużi fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 ta’ dan l-istess regolament.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għall-istat ġenerali tas-saħħa u għall-benesseri relatat mas-saħħa għandhom ikunu ġġustifikati minn provi xjentifiċi, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li dawn ir-riferimenti jkunu akkumpanjati b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa inklużi fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 107/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li dan jipprevedi, li abbażi tiegħu kull riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għandu jkun akkumpanjat b’indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa inkluża fil-listi previsti fl-Artikoli 13 jew 14 ta’ dan ir-regolament, ma huwiex issodisfatt fil-każ fejn l-imballaġġ ta’ suppliment tal-ikel ikun fih, fuq in-naħa ta’ quddiem tiegħu, riferiment għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għas-saħħa, filwaqt li l-indikazzjoni speċifika dwar is-saħħa intiża li takkumpanjah tidher biss fuq in-naħa ta’ wara ta’ dan l-imballaġġ u ma hemm ebda riferiment espliċitu, bħal asterisk, bejn it-tnejn.

 

2)

L-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 1924/2006, kif emendat bir-Regolament Nru 107/2008, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-riferimenti għall-effetti ta’ benefiċċju ġenerali, mhux speċifiċi, ta’ nutrijent jew ta’ prodott tal-ikel għall-istat ġenerali tas-saħħa u għall-benesseri relatat mas-saħħa għandhom ikunu ġġustifikati minn provi xjentifiċi, fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) u tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li dawn ir-riferimenti jkunu akkumpanjati b’indikazzjonijiet speċifiċi dwar is-saħħa inklużi fil-listi previsti fl-Artikolu 13 jew fl-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.