SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Suq intern tal-elettriku – Regoli komuni – Direttiva 2003/54/KE – Artikolu 3(2) – Direttiva 2009/72 – Artikolu 3(2) – Obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett – Leġiżlazzjoni nazzjonali – Finanzjament tal-programmi ta’ effiċjenza tal-enerġija – Indikazzjoni ta’ produtturi tal-enerġija elettrika – Kontribuzzjoni obbligatorja”

Fil-Kawża C‑523/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Awwissu 2018, fil-proċedura

Engie Cartagena SL

vs

Ministerio para la Transición Ecológica, li kien il-Ministerio de Industria, Energía y Turismo,

fil-preżenza ta’:

Endesa Generación SA,

EDP España SAU,

Bizkaia Energía, SL,

Iberdrola Generación SAU,

Tarragona Power SL,

Bahia de Bizkaia Electricidad SL,

Viesgo Generación SL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, I. Jarukaitis (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Engie Cartagena SL, minn G. Martínez-Villaseñor u G. Rubio Hernández-Sampelayo, abogados, u A. Cano Lantero, procuradora,

għal Endesa Generación SA, minn J. J. Lavilla Rubira, abogado,

għal EDP España SAU, minn J. Expósito Blanco, abogada,

għal Bizkaia Energía SL, minn J. Abril Martínez, abogado, u J. Briones Méndez, procurador,

għal Iberdrola Generación SAU u Tarragona Power SL, minn J. Giménez Cervantes u F. Löwhagen, abogados,

għal Bahia de Bizkaia Electricidad SL, minn F. González Ruiz, abogada kif ukoll minn J. García Sanz u D. Sarmiento Ramírez-Escudero, abogados,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn O. Beynet, I. Galindo Martín u E. Sanfrutos Cano, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam ta’ l-elettriku u li tħassar id-Direttiva 96/92/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 211) u l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Engie Cartagena SL u l-Ministerio para la Transición Ecológica, li kien il-Ministerio de Industria, Energía y Turismo (il-Ministeru għat-Tranżizzjoni Ekoloġika, li kien il-Ministeru għall-Industrija, għall-Enerġija u għat-Turiżmu, Spanja) dwar il-legalità tal-kontribuzzjoni li l-impriżi li jipproduċu l-enerġija elettrika għandhom iħallsu għall-finijiet tal-finanzjament tal-programm nazzjonali ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija (iktar ’il quddiem il-“kontribuzzjoni obbligatorja”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69

3

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kien jipprovdi li, permezz ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, “tfisser obbligi li l-impriża tat-trasport partikolari, jekk ikollha tqis l-interessi kummerċjali tagħha biss, ma tinkarigax ruħha minnhom jew ma tinkarigax ruħha bl-istess mod jew taħt l-istess kondizzjonijiet.”

Ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92

4

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), jipprevedi fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

4)

“obbligazzjonijiet ta’ servizz pubbliku” tfisser obbligazzjonijiet li l-proprjetarju ta’ vapur tal-[Unjoni Ewropea] f’dak il-każ, jekk ikun qiegħed jikkonsidra l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess grad jew taħt l-istess kundizzjonijiet;

[…]”

Id-direttivi dwar is-suq intern fil-qasam tal-elettriku

5

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54 jipprevedi:

“F’kunsiderazzjoni sħiħa lejn id-disposizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 miġjub fih, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur ta’ l-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, inklużi l-effiċjenza ta’ l-enerġija u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku Komunitarji għall-konsumaturi nazzjonali. B’rabta mas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza ta’ l-enerġija/amministrazzjoni ta’ xiri u bejgħ u għat-twettiq ta’ l-għanijiet ambjentali, kif hemm imfisser f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal żmien twil, waqt li tkun kunsidrata l-possibilità li terzi partijiet jistgħu jitolbu li jkollhom aċċess għas-sistema.”

6

Id-Direttiva 2009/72 ħassret id-Direttiva 2003/54 b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011.

7

Skont il-premessa 50 tad-Direttiva 2009/72:

“Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku, inkluż fir-rigward tas-servizz universali, u l-istandards komuni minimi li jitnisslu minnhom, jeħtieġ li jissaħħu aktar biex jiġi żgurat li l-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-kompetizzjoni u minn prezzijiet ġusti. Ir-rekwiżiti tas-servizz pubbliku għandhom jiġu definiti fuq bażi nazzjonali, filwaqt li jkunu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi nazzjonali; Il-liġi tal-[Unjoni] għandha, madanakollu, tkun rispettata mill-Istati Membri. Iċ-ċittadini tal-UE u, fejn l-Istati Membri jqisu xieraq, l-impriżi ż-żgħar, għandhom ikunu jistgħu igawdu l-obbligi tas-servizz pubbliku, b’mod partikulari fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista u fir-rigward ta’ prezzijiet raġonevoli. […]”

8

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li essenzjalment jirriproduċi l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54, huwa fformulat kif ġej:

“B’konsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet relevanti tat-Trattat, b’mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali, inklużi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, ill-enerġija minn sorsi li jiġġeddu u l-protezzjoni tal-klima. Tali obbligi għandhom ikunu definiti b’mod ċar, trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali. Fir-rigward tas-sigurtà tal-provvista, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija/il-ġestjoni tad-domanda kif ukoll il-kisba tal-għanijiet ambjentali u tal-għanijiet fir-rigward tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu, kif imsemmi f’dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-implimentazzjoni ta’ ppjanar għal perjodu fit-tul, meta titqies il-possibilità li terzi persuni jitolbu aċċess għas-sistema.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

9

L-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1), jipprevedi b’mod partikolari fil-paragrfu 1 tiegħu:

“L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi [tal-Unjoni], l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.”

10

Taħt it-titolu “Definizzjonijiet”, l-Artikolu 2(e) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

e)

“obbligu ta’ servizz”, tfisser rekwiżit definit jew determinat minn awtorità kompetenti sabiex jiġu żgurati servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġġieri fl-interess ġenerali li operatur, li kieku kellu jqis l-interessi kummerċjali tiegħu, ma jassumix jew ma jassumix sa l-istess punt jew taħt l-istess kondizzjonijiet mingħajr kumpens.”

Ir-Regolament (UE) 2017/352

11

L-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU 2017, L 57, p. 1), jiddefinixxi l-“obbligi ta’ servizz pubbliku” għall-finijiet ta’ dan ir-regolament bħala “rekwiżit definit jew determinat sabiex tiġi ggarantita l-provvista ta’ servizzi tal-portijiet jew ta’ attivitajiet ta’ interess ġenerali li operatur, jekk jikkunsidra l-interess kummerċjali tiegħu, ma jiżgurax jew ma jiżgurax, bl-istess mod, jew taħt l-istess kundizzjonijiet.”

Id-dritt Spanjol

Id-Digriet-Liġi 14/2010

12

Ir-raba’ premessa tar-Real Decreto-ley 14/2010, por el que se establecen medidas urgentes para la corrección del déficit tarifario del sector eléctrico (id-Digriet-Liġi Rjali 14/2010 li jistabbilixxi Miżuri Urġenti għall-Korrezzjoni tad-Defiċit Tariffarju fis-Settur tal-Elettriku) tat-23 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi 14/2010”) (BOE Nru 312, tal-24 ta’ Diċembru 2010, p. 106386), jipprevedi:

“It-tieni nett, sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż attribwibbli lit-tariffa, l-impriżi produttriċi taħt is-sistema ordinarja għandhom jiffinanzjaw il-pjan ta’ azzjoni 2008-2012, adottat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005 li timplimenta l-miżuri previsti mid-dokument ‘Strateġija ta’ ekonomija u effiċjenza tal-enerġija fi Spanja għall-perijodu 2004-2012’. Barra minn hekk, il-perċentwali tal-kontribuzzjoni minn kull waħda mill-impriżi għall-finanzjamanet tiegħu huma fissi, bil-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet tal-Ley de Presupuestos Generales del Estado de 2011 (l-Att dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat għas-sena 2011) kellhom jiġu emendati.”

13

Skont it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi Rjali 14/2010 intitolata “Finanzjament ta’ programmi tal-ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija għas-snin 2011, 2012 u 2013”:

“1.

L-ammonti pagabbli mis-sistema elettrika maħsuba għall-finanzjament tal-pjan ta’ azzjoni 2008-2012, adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005, li timplimenta l-miżuri previsti mid-dokument ‘Strateġija ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika fi Spanja għall-perijodu 2004–2012’ adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta’ Novembru 2003, li jammontaw rispettivament għal EUR 270 miljun u għal EUR 250 miljun għas-snin 2011 u 2012, huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn kull waħda mill-impriżi produttriċi, skont il-perċentwali stabbiliti fit-tabella li ġejja:

Kumpannija

Perċentwali

Endesa Generación, SA

34.66

Iberdrola Generación, SA

32.71

GAS Natural SDG, SA

16.37

Hidroeléctrica del Cantábrico, SA

4.38

E.ON Generación, SL

2.96

AES Cartagena, SRL

2.07

Bizkaia Energía, SL

1.42

Castelnou Energía, SL

1.58

Nueva Generadora del Sur, SA

1.62

Bahía de Bizkaia Electricidad, SL

1.42

Tarragona Power, SL

0.81

Total

100.00

2.

L-ammonti pagabbli mis-sistema elettrika maħsuba għall-pjan approvat bid-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri, fuq il-bażi msemmija fil-paragrafu 1, huma ffinanzjati fl-2013 permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-impriżi produttriċi, skont il-perċentwali stabbiliti fil-paragrafu 1, li ma jistgħux jaqbżu l-ammont ta’ EUR 150 milljun.”

Il-pjan ta’ azzjoni 2008–2012

14

Is-sinteżi tal-pjan ta’ azzjoni 2008–2012, adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005, jipprevedi:

“[I]l-politiki ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija huma vejikolu ta’ progress tal-kumpannija, peress li:huma jikkontribwixxu għall-benesseri soċjali; huma jikkostitwixxu element ta’ responsabbiltà soċjali; għandhom jorjentaw l-attivitajiet umani lejn żvilupp sostenibbli; jistabbilixxu qafas ġdid għall-iżvilupp tal-kompetittività tal-impriżi; u, fil-qosor, jissodisfaw il-prinċipju ta’ solidarjetà bejn iċ-ċittadini u l-popli.

Dawn il-prinċipji gwida għandhom jiġu tradotti fi pjani, bħal dak espost f’dan id-dokument, li l-linji gwida tagħhom għandhom ikunu intiżi li jilħqu l-għanijiet strateġiċi li ġejjin:

1.

Li l-ekonomija u l-effiċjenza tal-enerġija jiġu kkunsidrati bħala strument ta’ tkabbir ekonomiku u ta’ benesseri soċjali.

2.

Jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet adegwati sabiex il-konoxxenzi fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija jiġu estiżi u jiżviluppaw ruħhom fis-soċjetà.

3.

Jiġu inklużi l-ekonomija u l-effiċjenza tal-enerġija fl-istrateġiji nazzjonali kollha, b’mod partikolari fl-istrateġija Spanjola għal tibdil fil-klima.

4.

Tiġi inkoraġġita l-kompetizzjoni fis-suq skont il-prinċipju ewlieni tal-ekonomija u l-effiċjenza tal-enerġija.

5.

Tiġi kkonsolidata l-pożizzjoni li tinsab fi Spanja fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija.”

15

Minn din is-sinteżi jirriżulta li, parallellament ma’ dawn l-istrateġiji nazzjonali, “l-[Unjoni] stabbilixxiet politiki li jmorru fl-istess direzzjoni. Dan huwa konformi mad-Direttiva [2006/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE (ĠU 2006, L 114, p. 64)]”.

16

F’din is-sinteżi hemm indikat ukoll li, mill-aspett ekonomiku, il-pjan ta’ azzjoni 2008–2012 jeħtieġ riżorsi finanzjarji kbar ħafna sabiex l-inċentivazzjoni għall-ekonomija u għall-effiċjenza tal-enerġija tipproduċi effett veru ta’ imbuttatura tal-investimenti privati, li jirriżultaw li huma ekonomikament vijabbli fil-parti l-kbira tal-każijiet, iżda li jeżiġu deċiżjoni ta’ investiment ta’ fondi li d-disponibbiltà tagħhom hija dejjem limitata. Il-fondi pubbliċi neċessarji għall-implimentazzjoni tal-pjan għandhom oriġini tripla: (i) il-fondi allokati għal pjan mill-amministrazzjoni Spanjola, permezz tal-Instituto para la Diversificación y Ahorro de la Energía (IDAE) (l-Istitut tad-diversifikazzjoni u tal-ekonomiji tal-enerġija), li ssuċċeda lis-Centro de Estudios de la Energía (iċ-Ċentru ta’ Studji dwar l-Enerġija) u korpi ekwivalenti tal-komunitajiet awtonomi; (ii) ir-riżorsi li ġejjin mill-fondi strutturali bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), u (iii) il-fondi investiti mill-ġdid tas-setturi tal-elettriku u tal-gass “bil-għan li jiffavorixxu t-titjib fl-effiċjenza f’dawn is-setturi.”

Id-Digriet ikkontestat u l-IDAE

17

Skont it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet Liġi Nru 14/2010, il-leġiżlatur nazzjonali adotta l-Orden IET/75/2014, por la que se regulan las transferencias de fondos, con cargo a las empresas productoras de energía eléctrica, de la cuenta específica de la Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia al Instituto para la Diversificación y Ahorro de la Energía, en el año 2013, para la ejecución de las medidas del Plan de Acción de Ahorro y Eficiencia Energética 2011-2020, y los criterios para la ejecución de las medidas contempladas en dicho plan (id-Digriet IET/75/2014, li jirregola t-trasferimenti ta’ fondi, pagabbli mill-impriżi li jiġġeneraw l-elettriku, mill-kont speċifiku tal-Kummissjoni Nazzjonali tas-Swieq u tal-Kompetizzjoni tal-Istitut għad-Diversifikazzjoni u għall-Iffrankar tal-Enerġija għall-2013 għall-implimentazzjoni tal-miżuri skont il-pjan ta’ azzjoni 2011-2020 ta’ ekonomija u effiċjenza tal-enerġija, u l-kriterji għall-implimentazzjoni tal-miżuri stabbiliti f’dan il-pjan) tas-27 ta’ Jannar 2014 (BOE Nru 25 tad-29 ta’ Jannar 2014, p. 5875) (iktar ’il quddiem id-“Digriet ikkontestat”).

18

L-Artikolu 1(1) tad-digriet kontenzjuż jippreċiża li dan għandu bħala għan li jiddefinixxi l-proċedura ta’ trasferiment bejn il-kont speċifiku tal-Comisión Nacional de los Mercados y la Competencia (il-Kummissjoni Nazzjonali tas-swieq u tal-kompetizzjoni) u l-IDAE f’dak li jirrigwarda l-fondi koperti mit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010.

19

L-IDAE huwa ffinanzjat b’mod partikolari mill-kontribuzzjonijiet ekonomiċi magħmula mill-impriżi suġġetti għal din l-aħħar dispożizzjoni, u huwa fil-kuntest ta’ dan l-istitut li huma parzjalment implimentati l-pjani ta’ azzjoni u ta’ effikaċja adottati mill-Gvern. L-IDAE ġie stabbilit permezz tal-wieħed u għoxrin dispożizzjoni addizzjonali tal-Ley 46/1985, de Presupuestos Generales del Estado para 1986 (il-Liġi 46/1985, dwar il-Baġit Ġenerali tal-Istat) tas-27 ta’ Diċembru 1985 (BOE Nru 311, tat-28 ta’ Diċembru 1985, p. 40637), bħala entità rregolata mid-dritt pubbliku, għall-finijiet tal-ġestjoni u l-iżvilupp tal-politika ta’ ekonomija, ta’ konservazzjoni u ta’ diversifikazzjoni tal-enerġija.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

20

Fil-31 ta’ Jannar 2014, GDF Suez Cartagena Energía SL, li saret Engie Cartagena, ippreżentat rikors quddiem l-Audiencia nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) intiż għall-annullament tad-digriet kontenzjuż, minħabba illegalità, u għall-għoti ta’ kumpens li jikkorrispondi għas-somom imħallsa abbażi ta’ dan id-digriet. Engie Cartagena tikkontesta, b’mod partikolari, is-somma li hija għandha tieħu fil-konfront tagħha fil-kuntest tal-finanzjament tal-pjan ta’ azzjoni 2008–2012 iddeterminat abbażi tad-Digriet-Liġi 14/2010.

21

Engie Cartagena ssostni, b’mod partikolari, li l-kriterji u l-prinċipji stabbiliti permezz tas-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205) kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637), li għandhom jirregolaw l-implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku, ma humiex issodisfatti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni.

22

L-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tirrileva li, bl-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni obbligatorja prevista fit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, li permezz tagħha ġiet adottata d-Digriet ikkontestat, il-leġiżlatur nazzjonali xtaq inaqqas id-defiċit tat-tariffi tas-settur tal-elettriku, billi jevita li l-finanzjament ta’ din l-ispiża jiġi imputat fuq is-sistema elettrika kollha. Fil-fatt, skont il-premessi tiegħu, “l-għan ta’ dan id-digriet leġiżlattiv huwa li jirrimedja, b’mod urġenti, id-defiċit tariffarju fis-settur tal-elettriku.” Mil-lat fattwali, id-Digriet-Liġi 14/2010 u, b’mod iktar partikolari, din it-tielet dispożizzjoni addizzjonali, kienu fost diversi dispożizzjonijiet li l-leġiżlatur nazzjonali adotta fil-qasam tal-korrezzjoni tad-defiċit tariffarju fis-settur tal-elettriku.

23

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ din il-kontribuzzjoni obbligatorja mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, u tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni jekk l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku impost mill-Istat b’mod trasparenti u nondiskriminatorju u li jiggarantixxi aċċess ugwali għall-konsumaturi.

24

Skont l-imsemmija qorti, minn dan l-Artikolu 3(2) jirriżulta li, fl-interess ekonomiku ġenerali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu, b’mod partikolari, jirrigwardaw il-protezzjoni tal-ambjent, inkluża l-effiċjenza tal-enerġija, l-enerġija prodotta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli u l-protezzjoni tal-klima, skont id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 fuq il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (ĠU 2004, L 52, p. 50) kif ukoll id-Direttiva 2006/32, li fil-kuntest tagħhom ġew adottati l-pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza tal-enerġija għas-snin 2011 sa 2013 kif ukoll id-Digriet-Liġi 14/2010.

25

Fi Spanja, dawn il-miżuri jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni 2011–2020 fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza enerġetika, li l-ġestjoni tiegħu hija ċċentralizzata mill-IDAE, li huwa korp pubbliku. Għall-finijiet ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni, qegħdin jiġu stabbiliti l-għoti u t-trasferiment ekonomiku previsti mit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, mar-rekwiżit ta’ benefiċċju patrimonjali li huwa bbażat fuq il-ħdax‑il impriża msemmija mil-liġi li stabbilixxiet il-kontribuzzjoni obbligatorja. Dan it-trasferiment ekonomiku għandu l-għan li jissodisfa l-għanijiet tal-IDAE.

26

Din il-qorti tindika li t-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010 timponi li l-finanzjament huwa bbażat, issa, fuq ċerti impriżi tas-settur, minflok ma jipprevedi tqassim ġenerali fuq is-sistema jew finanzjament permezz tal-baġit, li jimplika li l-Istat Membru kkonċernat jeżiġi u jimponi fuq dawn l-impriżi obbligu ta’ servizz pubbliku, skont id-Direttivi 2003/54 u 2009/72. Għalhekk, f’għajnejn l-imsemmija qorti, meta l-finanzjament tal-pjani ta’ effikaċja jgħaddi minn finanzjament ġenerali għas-spejjeż tas-sistema, għall-finanzjament ta’ produtturi ta’ enerġija ddeterminati, impost b’mod vinkolanti minn liġi, dan ir-rekwiżit ta’ finanzjament jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, sa fejn jirrigwarda deċiżjoni ta’ natura ekonomika u finanzjarja, li l-għan u l-finalità diretta tagħha huma, madankollu, it-teħid ta’ miżuri li huma kollha marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent, inkluż mal-effiċjenza tal-enerġija u mal-protezzjoni tal-klima.

27

Issa, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali) tqis li, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, id-Digriet-Liġi 14/2010 ma jagħmel ebda preċiżazzjoni la dwar il-kriterju applikat għall-iffissar tal-ammonti tal-kontribuzzjoni obbligatorja, u lanqas fuq il-motivazzjoni tat-tqassim tal-perċentwali, u lanqas fuq il-kwistjoni jekk il-volum u l-importanza ta’ dawn l-impriżi fis-settur kinux determinanti u, fl-affermattiv, dwar in-natura tal-kriterji użati sabiex tiġi ddeterminata din l-importanza.

28

B’hekk, it-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010 tistabbilixxi obbligu ta’ servizz pubbliku mingħajr ma tagħti ebda indikazzjoni jew ġustifikazzjoni oħra għajr dik relatata mat-tnaqqis leġittimu tad-defiċit tariffarju, li jista’ jirriżulta kuntrarju għall-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttivi 2003/54 u 2009/72 f’dak li jirrigwarda r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-elettriku. Għaldaqstant, jekk din il-miżura tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, hija tista’, kif tkun ġiet introdotta, timplika diskriminazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tagħhom, li ma hijiex iġġustifikata b’mod suffiċjenti u li, barra minn hekk, ma tirrispettax il-prinċipji li japplikaw għal dan it-tip ta’ obbligi fis-settur tal-elettriku.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Audiencia Nacional (il-Qorti Nazzjonali, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

1)

Tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttivi 2003/54/KE u 2009/72/KE t-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi Rjali 14/2010: “[…] L-ammonti pagabbli mis-sistema elettrika maħsuba għall-finanzjament tal-pjan ta’ azzjoni 2008-2012, addottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-8 ta’ Lulju 2005, li timplimenta l-miżuri previsti mid-dokument ‘Strateġija ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika fi Spanja għall-perijodu 2004–2012’ adottat b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri tat-28 ta’ Novembru 2003, li jammontaw rispettivament għal EUR 270 miljun u għal EUR 250 miljun għas-snin 2011 u 2012, huma ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn kull waħda mill-impriżi produttriċi, skont il-perċentwali stabbiliti fit-tabella li ġejja:

Impriża Perċentwal

[…]

[Engie] Cartagena 2.07

[…]”?

2)

Jekk din id-dispożizzjoni effettivament tikkostiwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, dan l-obbligu huwa ddefinit b’mod ċar, transparenti, mhux diskriminatorju u verifikabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandux jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja, imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika, tikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

31

B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat l-ewwel nett, li, fil-kuntest ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi wkoll għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2003/54. Dan premess, sa fejn, minn naħa, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fid-data tar-rikors ippreżentat minn Engie Cartagena quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-Digriet ikkontestat, id-Direttiva 2009/72 kienet applikabbli u li, min-naħa l-oħra, din id-dispożizzjoni ma kinitx suġġetta għal tibdil sostanzjali wara l-adozzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal din id-domanda tirrigwarda biss l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

32

Fit-tieni lok, fid-dawl tad-dibattiti li seħħew waqt is-seduta dwar in-natura eventwalment fiskali tal-kontribuzzjoni obbligatorja, għandu jiġi rrilevat li l-elementi li jinsabu fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jippermettux lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina b’ċertezza jekk din il-kontribuzzjoni obbligatorja għandhiex tali natura. Madankollu, għandu jitfakkar li, għalkemm il-qorti tar-rinviju qieset, fid-dawl tal-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli, li dan huwa effettivament il-każ, id-Direttiva 2009/72, inkluż l-Artikolu 3(2) tagħha, ma tapplikax għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, UNESA et, C‑80/18 sa C‑83/18, EU:C:2019:934, punt 56).

33

Wara li saru dawn ir-rimarki preliminari, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jipprovdi li b’kunsiderazzjoni sħiħa għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE, b’mod partikolari tal-Artikolu 86 [li sar l-Artikolu 106 TFUE], l-Istati Membri jistgħu jimponu fuq impriżi li jkunu qegħdin jaħdmu fis-settur tal-elettriku, u fl-interess ekonomiku ġenerali, l-obbligi tas-servizz pubbliku li jistgħu jkunu marbuta mas-sigurtà, inkluża s-sigurtà tal-provvista, ir-regolarità, il-kwalità u l-prezz tal-provvisti u l-protezzjoni ambjentali. Dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, ikunu trasparenti, mhux diskriminatorji, verifikabbli u għandhom jiggarantixxu l-ugwaljanza tal-aċċess lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni għall-konsumaturi nazzjonali.

34

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 ma jagħmel ebda riferiment għad-drittijiet nazzjonali għal dak li jirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata lil dan il-kunċett, din id-dispożizzjoni għandha titqies, għall-finijiet ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bħala li fiha kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Tele2 Telecommunication, C‑426/05, EU:C:2008:103, punt 26, u tat-9 ta’ Novembru 2016, Wathelet, C‑149/15, EU:C:2016:840, punt 29).

35

Ċertament, skont il-premessa 50 tad-Direttiva 2009/72 jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu ddefiniti fil-livell nazzjonali, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi nazzjonali, bid-dritt tal-Unjoni li għandu, madankollu, jiġi rrispettat mill-Istati Membri. Madankollu, dawn it-termini jirreferu biss għall-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jiddeċiedu, abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom, li jimponu jew le obbligi ta’ servizz pubbliku lil ċerti impriżi, kif ukoll li jiddeterminaw il-kontenut ta’ dawn l-obbligi, dment li dawn ikunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

36

Għalhekk, ir-riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri, li jinsab fl-imsemmija premessa, jikkonċerna biss l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”.

37

Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi kunċett, għandu, fl-ewwel lok, jiġi rrilevat li għalkemm, la l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jinkludux definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, huwa possibbli, madankollu, li mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jiġu estratti elementi li jikkostitwixxu dan il-kunċett, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

38

Fil-fatt, minn naħa, jista’ jiġi dedott mill-fatt li, skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, l-Istati Membri jistgħu jimponu, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku “għall-impriżi li jkunu qed jaħdmu fis-settur tal-elettriku”, li dawn l-obbligi għandhom ikunu tali li jwasslu lil dawn l-impriżi stess jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali ddeterminat mill-Istat Membru kkonċernat.

39

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 jagħmel riferiment espliċitu għall-Artikolu 86 KE (li sar l-Artikolu 106 TFUE), fis-sens li l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ din id-dispożizzjoni tat-Trattat meta dawn jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2009/72.

40

Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 106(2) TFUE ifittex li jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi bħala strument ta’ politika ekonomika jew soċjali mal-interess tal-Unjoni għall-osservanza tar-regoli dwar il-kompetizzjoni u għall-ħarsien tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Albany, C‑67/96, EU:C:1999:430 punt 103, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE, C‑121/15, EU:C:2016:637, punt 43).

41

Din il-ġurisprudenza tikkostitwixxi għalhekk konferma tal-fatt li l-impriżi kkonċernati għandhom ikunu fl-obbligu li jaġixxu huma stess sabiex jilħqu l-għan ta’ interess ekonomiku ġenerali mfittex.

42

Barra minn hekk, mir-riferiment għall-Artikolu 106 TFUE, magħmul fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, jirriżulta li l-obbligi ta’ servizz pubbliku, li din id-dispożizzjoni tal-aħħar tawtorizza, jidderogaw mir-regoli tal-kompetizzjoni. Jidher għalhekk li, kif tindika l-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jikkostitwixxi intervent pubbliku fil-funzjonament tas-suq, sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jobbliga lill-impriżi fis-settur tal-elettriku li jaġixxu fis-suq abbażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi.

43

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “obbligu ta’ servizz pubbliku” hija kkorroborata mid-definizzjonijiet ta’ dan il-kunċett li jinsabu f’atti oħra tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, fl-assenza ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fid-Direttiva 2009/72, u peress li dan huwa kunċett użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’diversi atti tad-dritt sekondarju, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-oqsma ta’ kompetenza msemmija fl-Artikolu 4 TFUE, bħall-enerġija jew it-trasport, tali atti, minbarra d-Direttiva 2009/72, jikkostitwixxu referenzi utli għall-finijiet ta’ interpretazzjoni tal-istess kunċett, fis-sens ta’ din id-direttiva.

44

Issa, f’dan ir-rigward, hekk kif fakkar l-Avukat Ġenerali, fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2(e) tar-Regolament Nru 1370/2007, li ħassar ir-Regolament Nru 1191/69, u mill-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 3577/92, dwar il-qasam tat-trasport, kif ukoll tal-Artikolu 2(14) tar-Regolament 2017/352, dwar il-provvista ta’ servizzi tal-portijiet, li l-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti huwa intiż, essenzjalment, għall-obbligi imposti mill-awtoritajiet pubbliċi fuq operatur li ma jassumix dawn l-obbligi jew li ma jassumihomx fl-istess miżura jew taħt l-istess kundizzjonijiet li kieku ħa inkunsiderazzjoni biss l-interess kummerċjali tiegħu.

45

Minn dan isegwi li, fir-rigward kemm tal-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 kif ukoll tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” kif inhi mogħtija b’mod konverġenti fil-kuntest ta’ dawn l-atti adottati mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’oqsma differenti minn dak tas-suq tal-elettriku, dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, jikkorrispondi għal miżuri ta’ intervent pubbliku fil-funzjonament ta’ dan is-suq, li jimponu fuq impriżi tas-settur tal-elettriku, għall-finijiet tat-tfittxija ta’ interess ekonomiku ġenerali, li jaġixxi fuq l-imsemmi suq fuq il-bażi ta’ kriterji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi. Il-libertà ta’ dawn l-impriżi li jaġixxu fis-suq tal-elettriku hija b’hekk limitata, fis-sens li, fid-dawl tal-interess kummerċjali tagħhom biss, dawn l-impriżi ma pprovdewx ċerti beni jew servizzi, jew ma kinux ipprovdiethom bl-istess mod jew taħt l-istess kundizzjonijiet.

46

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li din id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku” taqbel mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2009/72.

47

Fil-fatt, mill-istruttura ġenerali tagħha jirriżulta li din id-direttiva għandha l-għan li twettaq suq intern tal-gass naturali kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv fejn il-konsumaturi kollha jistgħu jagħżlu liberament il-fornituri tagħhom u fejn il-fornituri kollha jistgħu jipprovdu liberament il-prodotti tagħhom lill-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Novembru 2018, Solvay Chimica Italia et, C‑262/17, C‑263/17 u C‑273/17, EU:C:2018:961, punti 3655, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2019, Elektrorazpredelenie Yug, C‑31/18, EU:C:2019:868, punt 39).

48

Madankollu, f’dan il-kuntest, id-Direttiva 2009/72 tippermetti lill-Istati Membri, bla ħsara għall-kundizzjonijiet li hija tindika, li jimponu, fl-interess ekonomiku ġenerali, obbligi ta’ servizz pubbliku, li jippreġudikaw il-libertà tal-operaturi kkonċernati li jaġixxu fis-suq inkwistjoni u b’hekk jaffettwaw il-proċess kompetittiv miftuħ f’dan is-suq. Huwa preċiżament minħabba li l-obbligi ta’ servizz pubbliku huma ta’ natura li jikkostitwixxu restrizzjonijiet għat-twettiq ta’ suq intern tal-elettriku kompletament u effettivament miftuħ u kompetittiv, li l-leġiżlatur tal-Unjoni impona fuq l-Istati Membri kundizzjonijiet li dawn tal-aħħar għandhom josservaw meta jissuġġettaw dawn l-operaturi għal tali obbligi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva, l-obbligi inkwistjoni għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, trasparenti, nondiskriminatorji u verifikabbli u għandhom jiggarantixxu lill-impriżi tal-elettriku tal-Unjoni aċċess ugwali għall-konsumaturi nazzjonali.

49

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-kontribuzzjoni obbligatorja taqax taħt il-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72.

50

F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, li skont il-qorti tar-rinviju, bl-introduzzjoni tal-kontribuzzjoni obbligatorja prevista fit-tielet dispożizzjoni addizzjonali tad-Digriet-Liġi 14/2010, li permezz tagħha ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-leġiżlatur nazzjonali xtaq inaqqas id-defiċit tat-tariffi tas-settur tal-elettriku, billi jevita li l-finanzjament ta’ din l-ispiża jiġi imputat fuq is-sistema elettrika kollha u għaldaqstant fuq il-konsumaturi. Din il-qorti tippreċiża li d-dħul li jirriżulta minn din il-kontribuzzjoni huwa użat għall-finanzjament tal-programmi ta’ azzjoni amministrati mill-IDAE, li, fil-fehma ta’ Engie Cartagena u tal-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali, jikkonferma li l-għan segwit mill-kontribuzzjoni obbligatorja huwa l-protezzjoni tal-ambjent u l-ksib ta’ ffrankar tal-enerġija.

51

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, peress li l-imsemmija kontribuzzjoni obbligatorja ma timponi ebda rekwiżit fuq l-impriżi kkonċernati li jillimita l-libertà tagħhom li jaġixxu fis-suq tal-elettriku, tali kontribuzzjoni ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “obbligi ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72. B’mod partikolari, permezz tal-impożizzjoni ta’ din il-kontribuzzjoni, dawn l-impriżi bl-ebda mod ma huma mitluba jipprovdu ċerti beni jew servizzi li huma ma kinux jipprovdu, jew li huma ma kinux ipprovdew fl-istess miżura jew fl-istess kundizzjonijiet, jekk huma kienu ħadu inkunsiderazzjoni biss l-interess kummerċjali tagħhom.

52

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li s-sempliċi fatt li d-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja jiġi ttrasferit lil fond amministrat mill-IDAE, li huwa responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri tal-programm ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija, ma jimplikax madankollu li l-operaturi suġġetti għall-obbligu ta’ ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni jiġu inkarigati minn “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

53

Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza tikkonċerna biss id-destinazzjoni finali tad-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja, li ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-ħlas ta’ din il-kontribuzzjoni jikkostitwixxi obbligu ta’ servizz pubbliku, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, kif iddefinit fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Il-fatt li l-IDAE għandu, eventwalment, għan ta’ interess ekonomiku ġenerali ma huwiex fih innifsu rilevanti, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk obbligu ta’ servizz pubbliku huwa impost, mhux fuq dan l-istitut, iżda, għall-kuntrarju, fuq impriżi li jipproduċu enerġija elettrika.

54

Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tal-pożizzjoni sostnuta minn Engie Cartagena u l-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali tippreżupponi li kull obbligu ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, previst minn leġiżlazzjoni nazzjonali, impost fuq operaturi fis-suq tal-elettriku jikkostitwixxi, fir-rigward mis-sempliċi destinazzjoni tal-prodott finali ta’ din il-kontribuzzjoni, “obbligu ta’ servizz pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72, li jmur manifestament lil hinn mill-portata ta’ dan il-kunċett kif ġie użat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni.

55

Bl-istess mod, iċ-ċirkustanza, irrilevata mill-qorti tar-rinviju, li l-programmi ta’ azzjoni fil-qasam tal-ekonomija u tal-effiċjenza tal-enerġija kienu iffinanzjati qabel filwaqt li jitqiesu li huma spiża fuq is-sistema elettrika kollha u għalhekk, fl-aħħar lok, fuq il-konsumaturi finali, u mhux fuq ċerti produtturi tal-enerġija elettrika, kif ukoll f’dan il-każ, ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni li tinsab fil-punt 51 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, din iċ-ċirkustanza tikkonċerna l-persuni suġġetti għal obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ dawn il-programmi, li, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma jidhirx, bħala prinċipju, li jista’ jaffettwa n-natura tal-imsemmi obbligu.

56

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ Engie Cartagena u tal-kumpanniji intervenjenti fil-kawża prinċipali, il-kontribuzzjoni obbligatorja hija differenti mill-obbligi nazzjonali inkwistjoni fil-kawżi li wasslu għas-sentenzi tal-20 ta’ April 2010, Federutility et (C‑265/08, EU:C:2010:205), tal-21 ta’ Diċembru 2011, ENEL (C‑242/10, EU:C:2011:861), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2016, ANODE (C‑121/15, EU:C:2016:637). Fil-fatt, il-kawżi li wasslu għal dawn is-sentenzi kienu jikkonċernaw miżuri nazzjonali li jimponu, rispettivament, rekwiżiti fuq il-“prezzijiet ta’ referenza” għall-provvista tal-gass naturali, fuq il-formulazzjoni ta’ offerti ta’ provvista ta’ elettriku u fuq it-tariffi rregolati ta’ bejgħ ta’ gass naturali. Dawn il-miżuri kollha jiddeterminaw għalhekk modalitajiet ta’ provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi mill-impriżi kkonċernati.

57

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72 għandu jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika ma tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

58

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li kontribuzzjoni finanzjarja imposta fuq ċerti impriżi li jipproduċu enerġija elettrika għall-finijiet tal-finanzjament ta’ pjani ta’ ekonomija u ta’ effiċjenza enerġetika ġestita minn awtorità pubblika ma tikkostitwixxix obbligu ta’ servizz pubbliku li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.