SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Provvista ta’ dokumenti addizzjonali insostenn tad-dejn – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Stħarriġ mill-qorti adita fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea”

Fil-Kawżi magħquda C‑453/18 u C‑494/18,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 11 de Vigo (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 11 ta’ Vigo, Spanja) u mill-Juzgado de Primera Instancia no 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-28 ta’ Ġunju u tas-17 ta’ Lulju 2018, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 u fis-27 ta’ Lulju 2018, fil-proċeduri

Bondora AS

vs

Carlos V. C. (C‑453/18),

XY (C‑494/18),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, M. Safjan, L. Bay Larsen, C. Toader (Relatur) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Spanjol, minn M. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina u V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Fehér u Z. Wagner, bħala aġenti,

għall-Parlament Ewropew, minn S. Alonso de León u T. Lukácsi, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn J. Monteiro kif ukoll minn S. Petrova Cerchia u H. Marcos Fraile, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García kif ukoll minn M. Heller, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-31 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), tal-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1), tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll il-validità tar-Regolament Nru 1896/2006.

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ proċeduri Ewropej għal ordnijiet ta’ ħlas bejn Bondora AS minn naħa u Carlos V. C., u XY, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-irkupru, minn din tal-ewwel, tad-djun li jirriżultaw minn kuntratti ta’ self.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13/KEE

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li japprossima l-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri relatati ma’ klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur.

2.   Il-klawżoli kuntrattwali li jirriflettu disposizzjonijiet mandatarji statutorji jew regolatorji u d-disposizzjonijiet jew il-prinċipji ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li għalihom ikunu parti l-Istati Membri jew il-Komunità, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport, m’għandhomx ikunu suġġetti għad-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.”

4

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva:

“Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.”

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jistipula:

“1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.

[…]”

6

L-Artikolu 7 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.

2.   Il-mezzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu disposizzjonijiet li bihom persuni jew organizzazzjonijiet, li jkollhom interess leġittimu skond il-liġi nazzjonali li jipproteġu lill-konsumaturi, ikunu jistgħu jieħdu azzjoni skond il-liġi nazzjonali kkonċernata quddiem il-qrati jew quddiem korpi amministrattivi kompetenti għal deċiżjoni dwar jekk il-klawżoli kuntrattwali ppreparati għal-użu ġenerali jkunux inġusti, biex ikunu jistgħu japplikaw mezzi xierqa u effettivi biex jipprevjenu li jkomplu jintużaw dawn il-klawżoli.

[…].”

Ir-Regolament Nru°1896/2006

7

Il-premessi 9, 13, 14 u 29 tar-Regolament Nru 1896/2006 huma fformulati kif ġej:

“(9)

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jissimplifika, jħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-litigazzjoni f’każijiet transkonfinali li jirrigwardjaw talbiet [djun] ta’ flus mhux ikkontestati billi joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, u li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunx hemm il-ħtieġa li jitressqu proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ l-infurzar qabel ir-rikonoxximent u l-infurzar.

[…]

(13)

Fl-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, il-pretendent għandu jkun obbligat li jipprovdi informazzjoni li hija suffiċjenti biex tidentifika u tappoġġa t-talba b’mod ċar sabiex tqiegħed lill-konvenut f’pożizzjoni li jagħmel għażla infurmata tajjeb jekk għandux jopponi jew ma jikkontestax it-talba.

(14)

F’dak il-kuntest, għandu jkun obbligatorju għall-pretendent li jinkludi deskrizzjoni tal-provi li jappoġġaw it-talba. Għal dak l-iskop il-formola ta’ applikazzjoni għandha tinkludi lista kemm jista’ jkun eżawrjenti ta’ tipi ta’ provi li huma ġeneralment prodotti biex jappoġġaw talbiet ta’ flus.

[…]

(29)

Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jinħalaq mekkaniżmu uniformi, effiċjenti u rapidu għall-irkuprar ta’ talbiet ta’ flus mhux ikkontestati fl-Unjoni Ewropea kollha, ma jistgħux jiġu milħuqa b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, permezz ta’ l-iskala u l-effetti ta’ dan ir-Regolament, jintlaħqu aħjar fuq livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.”

8

L-Artikolu 1(a) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet [djun] mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

9

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal.[…].”

10

Skont l-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, każ transkonfinali huwa wieħed fejn mill-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li mhuwiex l-Istat Membru fejn ikun sar rikors għall-qorti.”

11

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tifsiriet li ġejjin għandhom japplikaw:

[…]

3)

‘qorti’: tfisser kwalunkwe awtorità f’Stat Membru bil-kompetenza dwar ordnijiet ta’ ħlas Ewropea jew kwalunkwe kwistjonijiet relatati oħra;

4)

‘Qorti ta’ oriġini’: tfisser il-qorti li toħroġ ordni ta’ ħlas Ewropea.”

12

L-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness I.

2.   L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

b)

l-ammont tat-talba [dejn], inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

ċ)

jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta’ l-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b’mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

d)

il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

e)

deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

f)

ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

u

g)

in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3.

[…]”.

13

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006:

“Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. Dan l-eżami jista’ jsir permezz ta’ proċedura awtomatizzata.”

14

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux u sakemm it-talba ma tkunx kjarament bla bażi jew l-applikazzjoni kjarament inammissibbli, il-qorti għandha tagħti lill-pretendent l-opportunità biex ilesti jew jirrettifika l-applikazzjoni. Il-qorti għandha tuża l-formola standard B kif stabbilit fl-Anness II.

2.   Fejn il-qorti titlob lill-pretendent jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, hi għandha tispeċifika limitu ta’ żmien li tħoss li hu xieraq fiċ-ċirkostanzi. Il-qorti tista’ fid-diskrezzjoni tagħha testendi dak il-limitu ta’ żmien.”

15

L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea”, jipprevedi:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista’ jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.

Il-perijodu ta’ 30 jum m’għandux jinkludi ż-żmien meħud mill-pretendent biex jlesti, jirrettifika jew jimmodifika l-applikazzjoni.

2.   L-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola ta’ l-applikazzjoni. M’għandhiex tinkludi l-informazzjoni pprovduta mill-pretendent fl-Appendiċi 1 u 2 tal-formola A.

3.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.

4.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

a)

l-ordni nħarġet biss abbażi ta’ l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

b)

l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16;

ċ)

fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b’mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f’dak il-każ.

5.   Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.”

16

L-Artikolu 16 tal-istess regolament huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini bl-użu tal-formola standard F kif stabbilit fl-Anness VI, li għandha tiġi fornuta lilu flimkien ma’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea.

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba [dejn], mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.

[…].”

17

Skont il-punt 11 tal-formola standard A fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006, jekk ikun meħtieġ jistgħu jiżdiedu dikjarazzjonijiet addizzjonali u informazzjoni ulterjuri.

Id-dritt Spanjol

18

It-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-ley 1/2000, de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000, li tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas-7 ta’ Jannar 2000, (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 2000, p. 575) (iktar ’il quddiem il-“LEC”), li tintroduċi miżuri għall-finijiet tal-applikazzjoni fi Spanja tar-Regolament Nru 1896/2006, tistipula, fil-paragrafi 2 u 11 tagħha:

“2. L-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir permezz tal-formola standard A li tinstab fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 1896/2006, mingħajr ma huwa obbligatorju li jiġi prodott xi dokument li, jekk ikun il-każ, ikun inammissibbli.

[…]

11. Il-kwistjonijiet proċedurali mhux previsti mir-Regolament Nru 1896/2006 għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea huma rregolati mid-dispożizzjonijiet [tal-LEC] dwar l-ordni ta’ ħlas.”

19

L-Artikolu 815(4) tal-LEC jipprevedi:

“Jekk id-dejn mitlub huwa bbażata fuq kuntratt bejn kumpannija jew bejjiegħ jew fornitur, u konsumatur jew utent, il-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur) għandu jinnotifika b’dan lill-qorti qabel [il-ħruġ] tal-ordni ta’ ħlas sabiex din tkun tista’ tikkonstata l-eventwali natura inġusta ta’ kwalunkwe klawżola li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni jew li tiddetermina l-ammont eżiġibbli.

Il-qorti teżamina ex officio jekk waħda mill-klawżoli li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni jew li jiddeterminaw l-ammont dovut tistax tiġi meqjusa bħala klawżola inġusta. Jekk hija tqis li waħda mill-klawżoli tista’ titqies bħala tali, hija tistieden lill-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet fi żmien ħamest ijiem. Wara li tkun semgħet lill-partijiet, hija għandha tiddeċiedi permezz ta’ digriet fi żmien ħamest ijiem. Din il-proċedura ma timponix l-intervent ta’ avukat jew ta’ rappreżentant legali.

Jekk il-qorti tqis li waħda mill-klawżoli kuntrattwali hija inġusta, id-digriet maħruġ jiddetermina l-konsegwenzi ta’ din il-konstatazzjoni billi jiddikjara jew in-natura infondata tal-applikazzjoni jew it-tkomplija tal-proċedura mingħajr l-applikazzjoni tal-klawżoli meqjusa inġusti.

Jekk il-qorti tqis li ma hemmx klawżoli inġusti, hija tagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens u l-Letrado de la Administración de Justicia (ir-Reġistratur) jibgħat ordni lid-debitur fit-termini previsti fil-paragrafu 1.

Fi kwalunkwe każ, id-digriet mogħti jista’ jiġi kkontestat direttament”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑453/18

20

Bondora kkonkludiet kuntratt ta’ self għall-ammont ta’ EUR 755.27 ma konsumatur, V.C. Fil-21 ta’ Marzu 2018, din il-kumpannija ressqet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra V.C. quddiem il-qorti tar-rinviju.

21

Peress li qieset li d-dejn kien ibbażat fuq kuntratt ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, b’mod konformi mal-Artikolu 815(4) tal-LEC, il-qorti tar-rinviju talbet lil Bondora tipproduċi d-dokumenti insostenn tad-dejn li jikkorrispondu għall-mezzi ta’ prova msemmija fil-punt 10 tal-formola standard A, jiġifieri l-kuntratt ta’ self u d-determinazzjoni tal-ammont tad-dejn, sabiex tkun f’pożizzjoni li tivverifika l-eventwali natura inġusta tal-klawżoli kuntratwalli li jinstabu f’dan il-kuntratt.

22

Bondora rrifjutat li tipproduċi l-imsemmija dokumenti, filwaqt li sostniet li, l-ewwel nett, skont il-paragrafu (2) tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, fil-każ ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma huwiex meħtieġ li jiġu pprovduti d-dokumenti insostenn tad-dejn u li, it-tieni nett, l-Artikoli 8 u 12 tar-Regolament Nru 1896/2006 ma jagħmlu ebda riferiment għal produzzjoni ta’ dokumenti għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea.

23

Il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni, iċċitata fil-punt preċedenti, tista’ tqajjem diffikultajiet fil-każ fejn id-dejn li tiegħu qed jintalab il-ħlas ikun ibbażat fuq kuntratt kokluż mal-konsumaturi. Fil-fatt, il-kumpannija kreditriċi ma tannettix mal-applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea d-dokumenti neċessarji sabiex tiġi evalwata, b’mod konformi mal-Artikolu 815(4) tal-LEC, l-eventwali natura inġusta ta’ klawżola li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni jew li tiddetermina l-ammont dovut. Issa, dik il-qorti tenfasizza li l-Artikolu 815(4) tal-LEC, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti, ittraspona fid-dritt Spanjol il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-Direttiva 93/13 u, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C‑618/10, EU:C:2012:349) kif ukoll tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C‑377/14, EU:C:2016:283), sabiex il-qorti Spanjola tkun tista’ teżamina ex officio in-natura allegatament inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li minnu jirriżultaw il-krediti.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia no11 de Vigo (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 11 ta’ Vigo, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13] kif ukoll il-ġurisprudenza li tinterpretaha għandu jiġi interpretat fis-sens li [din id-dispożizzjoni tipprekludi] regola nazzjonali, [bħat-]tielet u għoxrin dispożizzjoni finali tal-[LEC], li tipprovdi li ma huwiex obbligatorju li jiġu pprovduti dokumenti fil-kuntest ta’ talba [applikazzjoni] għal ordni ta’ ħlas Ewropea u li, jekk ikun il-każ, dawn id-dokumenti jkunu inammissibbli?

2)

L-Artikolu 7(2)(e) tar-Regolament [1896/2006] għandu jiġi interpretat fis-sens li [din id-dispożizzjoni ma tipprojbixxix lill-qorti] milli titlob lill-entità kreditriċi tipproduċi d-dokumenti li fuqhom hija tibbaża l-ilment li jirriżulta minn self għall-konsum konkluż bejn kummerċjant [bejjiegħ jew fornitur] u konsumatur jekk il-qorti tqis li l-eżami ta’ dawn id-dokumenti huwa indispensabbli sabiex tiġi evalwata l-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti fil-kuntratt konkluż bejn il-partijiet, u b’dan il-mod tikkonforma ruħha mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [93/13] u l-ġurisprudenza li tinterpretaha?”

Il-Kawża C‑494/18

25

Bondora kkonkludiet kuntratt ta’ self għall-ammont ta’ EUR 1 818.66 ma XY. Fis-17 ta’ Mejju 2018, Bondora ressqet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea kontra dan il-konsumatur quddiem il-qorti tar-rinviju.

26

Fil-formola standard A li tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006, Bondora indikat li XY kien konsumatur u li hija kellha l-kuntratt ta’ self li fuqu hija bbażata tali applikazzjoni u d-determinazzjoni tal-ammont tad-dejn.

27

Ladarba ġie kkonstatata li waħda mill-partijiet għanda n-natura ta’ konsumatur, il-qorti tar-rinviju talbet lil Bondora tissodisfa l-punt 11 ta’ din il-formola standard A, intitolat “Dikjarazzjonijiet addizzjonali u informazzjoni ulterjuri”, billi tindika t-tqassim tad-dejn inkwistjoni kif ukoll il-klawżoli tal-kuntratt insostenn ta’ dan id-dejn.

28

Bondora rrifjutat li tipproduċi l-imsemmija informazzjonia, filwaqt li sostniet li, abbażi tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, hija ma kinitx obbligata tipproduċi iktar provi insostenn tad-dejn. Fil-fatt, konformement mal-paragrafu (2) tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, fil-każ ta’ applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, ma huwiex neċessarju li jiġu pprovduti dokumenti insostenn ta’ dan id-dejn. Din il-kumpannija sostniet li qrati oħra kienu diġà aċċettaw applikazzjonijiet oħra għal ħruġ ta’ ordni simili mingħajr ma talbuha tissodisfa rekwiżiti oħra.

29

Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1896/2006 fid-dawl tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-opinjoni tagħha, ordni ta’ ħlas Ewropea maħruġa mingħajr stħarriġ ex officio tal-eventwali eżistenza ta’ klawżoli inġusti tista’ tkun ta’ preġudizzju għar-rekwiżit vinkolanti ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, sanċit fl-Artikolu 38 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) TUE.

30

Barra minn hekk, skont l-imsemmija qorti, l-Artikolu 38 tal-Karta, l-Artikolu 6(1) TUE kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 ma jipprekludux dispożizzjoni nazzjonali, bħal ma huwa l-paragrafu (2) tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-LEC, sakemm din tippermetti li l-qorti tkun tista’ tieħu konjizzjoni tal-kontenut tal-klawżoli anċillari tal-kuntratt inkwistjoni sabiex tkun tista’ twettaq stħarriġ ex officio tal-klawżoli inġusti.

31

Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tagħha, jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 jiġi interpretat fis-sens li ma tista’ tintalab l-ebda speċifikazzjoni addizzjonali sabiex jiġi vverifikat jekk ġewx applikati klawżoli inġusti, dan ir-regolament ikun invalidu minħabba li jikser l-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 38 tal-Karta.

32

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Juzgado de Primera Instancia no 20 de Barcelona (il-Qorti tal-Ewwel Istanza Nru 20 ta’ Barcelona, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Dispożizzjoni nazzjonali bħall-paragrafu [2] tat-tlieta u għoxrin dispożizzjoni finali tal-[LEC], li ma tippermettix li jiġi prodott u lanqas li jintalab kuntratt u lanqas id-dettall tal-ammont tad-dejn, f’talba [għad-dejn] fejn il-persuna mitluba hija konsumatur u meta jkun hemm indizji li jista’ jkun li qegħdin jintalbu ammonti bbażati fuq klawżoli inġusti, hija kompatibbli mal-Artikolu 38 tal-[Karta], mal-Artikolu 6(1) [TUE], kif ukoll mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva [93/13]?

2)

Fil-kuntest ta’ talbiet diretti kontra konsumatur, il-fatt li l-persuna li tagħmel it-talba hija meħtieġa tispeċifika, fil-paragrafu 11 tal-Formola A [li tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006], id-dettall tal-ammont tad-dejn li huwa mitlub il-ħlas tiegħu huwa kompatibbli mal-Artikolu 7(2)(d) tar-Regolament [Nru 1896/2006]? Barra minn hekk, ir-rekwiżit li jiġi riprodott, f’dan l-istess paragrafu 11, il-kontenut tal-klawżoli tal-kuntratt li fuqhom huma bbażati t-talbiet diretti kontra konsumatur, lil hinn mis-suġġett prinċipali tal-kuntratt, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tagħhom, huwa konformi ma’ din id-dispożizzjoni?

3)

F’każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tippreċiża jekk huwiex possibbli, skont il-verżjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006, li jiġi vverifikat ex officio, qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, jekk kuntratt konkluż ma’ konsumatur jinkludix klawżoli inġusti u abbażi ta’ liema dispożizzjoni tista’ ssir din il-verifika?

4)

Fil-każ li fil-formulazzjoni attwali tar-Regolament Nru 1896/2006 ma huwiex possibbli li ssir il-verifika [stħarriġ] ex officio tal-eżistenza ta’ klawżoli inġusti qabel ma tingħata l-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hija mitluba tiddeċiedi dwar il-validità tal-imsemmi regolament fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta u tal-Artikolu 6(1) [TUE]?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

33

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2018 u tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ġunju 2019, il-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 ġew magħquda.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 kif ukoll fuq it-tielet domanda fil-Kawża C‑494/18

34

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħhom fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 kif ukoll tat-tielet domanda tagħha fil-Kawża C‑494/18, il-qrati tar-rinviju jistaqsu, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1896/2006 kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li “qorti”, fis-sens tal-imsemmi regolament, adita fil-kuntest ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, titlob mingħand il-kreditur informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt invokati insostenn tad-dejn inkwistjoni, sabiex twettaq l-istħarriġ ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, b’konsegwenza ta’ dan, li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddikjara inammissibbli dokumenti addizzjonali prodotti għal dan il-għan.

35

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, abbażi tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, dan tal-aħħar japplika għal tilwimiet transkonfinali. Skont kliem l-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, tilwima hija transkonfinali meta minn tal-inqas waħda mill-partijiet hija domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru tal-qorti adita. F’dan il-każ, bla ħsara għal verifiki li għandhom jitwettqu mill-qrati tar-rinviju, mill-atti tal-proċess imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Bondora hija kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha jinstab fl-Estonja. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru°1896/2006 huwa applikabbli.

36

Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-premessi 9 u 29 ta’ dan ir-regolament, li l-għan tiegħu huwa li jissimplifika, li jħaffef u li jnaqqas l-ispiża fit-tilwimiet transkonfinali li jirrigwardaw djun li jinvolvu flus mhux ikkontestati permezz tal-ħolqien ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas.

37

Huwa speċifikament sabiex jiġi ggarantit l-għan ta’ ħeffa u ta’ uniformità fl-imsemmija proċedura li l-applikazzjoni għal ordni titressaq permezz tal-formola standard A li tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006, b’mod konformi mal-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li l-paragrafu 2 tiegħu jelenka l-elementi li għandhom ikunu preżenti f’din l-applikazzjoni. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi li l-applikazzjoni għal ordni għandha tinkludi l-kawża tal-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi invokati bħala l-bażi tad-dejn u, jekk ikun il-każ, tal-interessi mitluba, kif ukoll deskriżżjoni tal-provi insostenn tad-dejn.

38

Abbażi tal-Artikolu 8 ta’ dan l-istess regolament, il-qorti adita bl-applikazzjoni għal ordni għandha teżamina, fl-iqsar żmien possibbli u billi tibbaża ruħha fuq l-imsemmija formola standard A, jekk ir-rekwiżiti mniżżla, b’mod partikolari, fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006 humiex issodisfatti u jekk jidhirx li l-applikazzjoni hija fondata. Jekk dan ikun il-każ, hija toħroġ l-ordni ta’ ħlas Ewropea b’mod konformi mal-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament. Jekk ir-rekwiżiti previsti fl-imsemmi Artikolu 7 ma jkunux issodisfatti, skont kliem l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, hija tqiegħed lill-applikant f’pożizzjoni li jikkompleta jew jirrettifika l-applikazzjoni, billi juża l-formola standard B li tinstab fl-Anness II.

39

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk, fil-kuntest ta’ tali proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, il-qorti adita bl-imsemmija applikazzjoni għal ordni hijiex suġġetta għar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata bid-Direttiva 93/13 hija msejjsa fuq l-idea li l-konsumatur jinstab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew fornitur fir-rigward kemm tas-setgħa ta’ negozjar kif ukoll tal-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li ġġiegħlu jaderixxi għall-kundizzjonijiet ifformulati minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita ebda influwenza fuq il-kontenut tagħhom (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, l-Artikolu 38 tal-Karta jipprovdi li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi għandu jiġi żgurat fil-politika tal-Unjoni. Dan l-obbligu jgħodd għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 93/13 (sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pohotovosť, C-470/12, EU:C:2014:101, punt 52).

41

It-tieni nett, skont kliem l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma għandhomx, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, jorbtu lill-konsumatur.

42

It-tielet nett, minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li tikkostitwixxi l-protezzjoni tal-konsumaturi, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-premessa 24 tagħha, l-obbligu li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, billi tagħmel dan, tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, bil-kundizzjoni li hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, EU:C:2009:350 punt 32 u tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali għal ordni ta’ ħlas, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni għal ħlas, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni għal ħlas ma għandhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir oppożizzjoni għal tali digriet ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 71, u d-digriet tat-28 ta’ Novembru 2018, PKO Bank Polski, C‑632/17, EU:C:2018:963, punt 49).

45

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti adita b’rikors għal ordni ta’ ħlas għandha tiddetermina jekk il-modalitajiet tal-proċedura ta’ oppożizzjoni li jipprevedi d-dritt nazzjonali jwasslux għal riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jagħmlux l-oppożizzjoni meħtieġa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Dawn ir-rekwiżiti japplikaw ukoll meta “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 1896/2006, tiġi adita b’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea, fis-sens tal-imsemmi regolament.

47

Għaldaqstant, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru°1896/2006 jippermettix li l-qorti adita b’applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea titlob mingħand il-kreditur, sabiex twettaq eżami ex officio tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt, b’mod konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6(1) u mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-klawżoli invokati insostenn tad-dejn tiegħu.

48

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jirregola b’mod eżawrjenti r-rekwiżiti li għandhom ikunu ssodisfatti minn applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea (sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Szyrocka, C‑215/11, EU:C:2012:794, punt 32), xorta jibqa l-fatt li l-applikant għandu juża wkoll il-formola standard A, li tinstab fl-Anness I ta’ dan ir-regolament, għall-finijiet tat-tressiq ta’ tali applikazzjoni għal ordni, b’mod konformi mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament. Issa, minn naħa, mill-punt 10 tal-formola standard A jirriżulta li l-applikant għandu l-possibbiltà li jindika u li jiddeskrivi t-tip ta’ provi disponibbli, inkluża prova dokumentali u, min-naħa l-oħra, mill-punt 11 ta’ din il-formula jirriżulta li informazzjoni addizzjonali tista’ tiżdied ma dik espliċitament rikjesta mill-punti preċedenti tal-imsemmija formola, b’tali mod li din tippermetti li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-klawżoli invokati insostenn tad-dejn, u li tikkonsisti, b’mod partikolari, fil-produzzjoni mill-ġdid tat-totalità tal-kuntratt jew fil-produzzjoni ta’ kopja ta’ dan tal-aħħar.

49

Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, jipprevedi li l-qorti adita bl-imsemmija applikazzjoni jkollha s-setgħa li titlob lill-kreditur jikkompleta jew jirrettifika l-informazzjoni pprovduta abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1896/2006, billi juża l-formola standard B li tinstab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament.

50

Minn dan isegwi li l-qorti adita għandha tkun tista’ titlob, abbażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1896/2006, informazzjoni addizzjonali lill-kreditur fir-rigward tal-klawżoli invokati insostenn tad-dejn tagħha, bħall-produzzjoni mill-ġdid tat-totalità tal-kuntratt jew il-produzzjoni ta’ kopja ta’ dan tal-aħħar, sabiex tkun tista’ teżamina n-natura eventwalment inġusta ta’ tali klawżoli, b’mod konformi mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2018, Catlin Europe, C‑21/17, EU:C:2018:675, punti 4450).

51

Interpretazzjoni differenti tal-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1896/2006 x’aktarx tkun tippermetti li l-kreditur jevita r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13 u mill-Artikolu 38 tal-Karta.

52

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-fatt li qorti nazzjonali teżiġi li r-rikorrent jipproduċi l-kontenut tad-dokument jew tad-dokumenti li jservu ta’ bażi għall-applikazzjoni tiegħu taqa’ sempliċement taħt il-kuntest probatorju tal-kawża, peress li tali talba hija intiża biss sabiex tiżgura l-bażi tar-rikors, b’tali mod li ma tiksirx il-prinċipju dispożittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 68).

53

Konsegwentement, l-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1896/2006, moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) u mal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tiddikjara inammissibbli dokumenti addizzjonali ppreżentati flimkien mal-formola standard A li tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 1896/2006, bħal kopja tal-kuntratt inkwistjoni.

54

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 kif ukoll għat-tielet domanda fil-Kawża C‑494/18, għandha tkun li l-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament Nru 1896/2006 kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li “qorti”, fis-sens tal-imsemmi regolament, adita fil-kuntest ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, titlob mingħand il-kreditur informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt invokati insostenn tad-dejn inkwistjoni, sabiex twettaq l-istħarriġ ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, b’konsegwenza ta’ dan, li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddikjara inammissibbli dokumenti addizzjonali prodotti għal dan il-għan.

Fuq ir-raba’ domanda fil-Kawża C‑494/18

55

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawżi C‑453/18 u C‑494/18 kif ukoll għat-tielet domanda fil-Kawża C‑494/18, ma hemmx lok li tingħata risposta għal din ir-raba’ domanda.

Fuq l-ispejjeż

56

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(2)(d) u (e) tar-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja u moqrija fid-dawl tal-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li “qorti”, fis-sens tal-imsemmi regolament, adita fil-kuntest ta’ proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas, titlob mingħand il-kreditur informazzjoni addizzjonali fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt invokati insostenn tad-dejn inkwistjoni, sabiex twettaq l-istħarriġ ex officio tan-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli u, b’konsegwenza ta’ dan, li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, li tiddikjara inammissibbli dokumenti addizzjonali prodotti għal dan il-għan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.