SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

9 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi –Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self ipotekarju – Klawżola ta’ limitazzjoni tal-varjabbiltà tar-rata ta’ interessi (klawżola ‘ta’ rata minima’) – Kuntratt ta’ novazzjoni – Rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji kontra l-klawżoli ta’ kuntratt – Assenza ta’ natura obbligatorja”

Fil-Kawża C‑452/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

XZ

vs

Ibercaja Banco SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin (Relatur), D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: L. Carrasco-Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal XZ, inizjalment minn D. J. Fernández Yubero, sussegwentement minn J de la Torre García, R. Lόpez Garbayo u M. Pradel Gonzalo, abogados,

għal Ibercaja Banco, SA, minn J. M. Rodríguez Cárcamo u A. M. Rodríguez Conde, abogados,

għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Baquero Cruz u N. Ruiz García Napoleόn, kif ukoll minn C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 3 sa 6 tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn XZ u Ibercaja Banco SA, dwar klawżoli stipulati f’kuntratt ta’ self ipotekarju li dawn ikkonkludew.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13 jistabbilixxi:

“1.   Klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ buona fede, tkun tikkawża żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

2.   Klawżola għandha dejjem tiġi kkunsidrata li ma tkunx ġiet innegozjat individwalment meta din tkun ġiet abbozzata minn qabel u l-konsumatur b’hekk ma jkunx seta’ jinfluwenza s-sustanza tal-klawżola, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel.

Il-fatt li ċerti aspetti ta’ klawżola jew klawżola speċifika waħda tkun ġiet innegozjata individwalment m’għandux jeskludi l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu għall-bqija ta’ kuntratt jekk stima globali tal-kuntratt tindika li dan ikun madankollu kuntratt standard ippreparat minn qabel.

Jekk xi bejjiegħ jew fornitur jippretendi li klawżola standard ikun ġie nnegozjat b’mod individwali, il-piż tal-prova f’dan ir-rigward għandu jaqa’ fuqu.

3.   L-Anness għandu jkun fih lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu kkunsidrati inġusti.”

4

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,

2.   L-istima tan-natura inġusta tal-klawżoli la għandha tirrelata mad-definizzjoni tal-kwistjoni prinċipali tas-suġġett tal-kuntratt [tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt] u lanqas mas-suffiċjenza tal-prezz u r-remunerazzjoni, fuq naħa waħda, kontra s-servizzi jew il-merkanzija provduti bi tpartit, fuq in-naħa l-oħra, safejn dawn il-klawżoli jkunu f’lingwaġġ sempliċi u ċar.”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Fil-każ ta’ kuntratti fejn ċerti klawżoli jew il-klawżoli kollha offruti lill-konsumatur ikunu bil-miktub, dawn il-klawżoli għandhom ikunu abbozzati b’lingwaġġ sempliċi u ċar. Fejn ikun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ kondizzjoni, għandha tirbaħ l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli għall-konsumatur. Din ir-regola dwar l-interpretazzjoni m’għandhiex tgħodd fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 7(2).”

6

L-Artikolu 6(1) tal-istess direttiva jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

7

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu, fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, dispożizzjonijiet aktar stretti kompatibbli mat-Trattat, sabiex jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

8

Il-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, li jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti tal-klawżoli li jistgħu jiġu ddikkjarati inġusti, huwa fformulat kif ġej:

“Klawżoli li għandhom l-għan jew l-effett li:

[…]

q)

jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor […]”

Id-dritt Spanjol

Id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007

9

Id-Direttiva 93/13 ġiet trasposta fid-dritt Spanjol, essenzjalment, permezz tal-Ley 7/1998 sobre condiciones generales de la contratación (il-Liġi 7/1998 dwar il-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Kuntratti), tat-13 ta’ April 1998 (BOE no 89, tal-14 ta’ April 1998, p. 12304), li ġiet irriformulata, flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra li jittrasponu diversi direttivi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/2007 por el que se aprueba el texto refundido de la Ley General para la Defensa de los Consumidores y Usuarios y otras leyes complementarias (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 li Jirriformula l-Liġi Ġenerali dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi u tal-Utenti u Liġijiet Supplimentari Oħra), tas-16 ta’ Novembru 2007 (BOE no 287, tat-30 ta’ Novembru 2007, p. 49181).

10

L-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 1/2007 jipprovdi:

“Ir-rinunzja minn qabel għad-drittijiet li din il-leġiżlazzjoni tagħti lill-konsumaturi u lill-utenti hija nulla, bħalma huma l-atti mwettqa b’evażjoni tal-liġi, konformement mal-Artikolu 6 tal-Kodiċi Ċivili”.

11

L-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007 jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li “[i]l-klawżoli inġusti huma nulli ipso jure u jitqiesu li huma ineżistenti”.

Il-Kodiċi Ċivili

12

Skont l-Artikolu 1208 tal-Kodiċi Ċivili Spanjol:

“In-novazzjoni hija nulla jekk l-ewwel obbligu kien ukoll null, sakemm il-kawża ta’ nullità ma tkunx tista’ tiġi invokata biss mid-debitur jew ir-ratifika tivvalida l-atti nulli sa mill-oriġini tagħhom”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

Permezz ta’ att awtentiku tat-23 ta’ Diċembru 2011, XZ akkwistat proprjetà immobbli mingħand żviluppatur għall-ammont ta’ EUR 148 813.04 u, b’hekk, ġiet issurrogata għall-imsemmi żviluppatur inkwantu debitur tas-self ipotekarju relatat ma’ din il-proprjetà immobbli mogħti mill-istabbiliment ta’ kreditu Caja de Ahorros de la Inmaculada de Aragón, li sar Ibercaja Banco. XZ aċċettat b’hekk il-ftehim u l-kundizzjonijiet kollha relatati ma’ dan is-self ipotekarju (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ self ipotekarju”) kif kienu ġew definiti bejn id-debitur inizjali u l-istabbiliment ta’ kreditu.

14

Il-kuntratt ta’ self ipotekarju kien jinkludi klawsola relatata mar-rata ta’ interessi massima u minima applikabbli għal dan is-self, jiġifieri fejn tiġi stabbilita rata annwali msejħa “massima” ta’ 9.75 % u rata annwali msejħa “minima” ta’ 3.25 %

15

Dan il-kuntratt ta’ self ipotekarju ġie suġġett għal att ta’ modifika tal-4 ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ta’ novazzjoni”), relatat b’mod partikolari mar-rata stipulata fil-klawżola “minima”, fejn din tbaxxiet għar-rata normali ta’ 2.35 %. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ novazzjoni kien jinkludi klawżola redatta kif ġej: “Il-partijiet jikkonfermaw il-validità u l-applikazzjoni tas-self, iqisu l-kundizzjonijiet tiegħu adegwati u, konsegwentement, jirrinunzjaw espressament u b’mod reċiproku milli jeżerċitaw kwalunkwe azzjoni kontra l-parti l-oħra f’dak li jirrigwarda l-kuntratt konkluż u l-klawżoli tiegħu, kif ukoll il-ħlasijiet u l-pagamenti mwettqa sal-lum, li huma jirrikonoxxu n-natura konformi tagħhom”. Permezz ta’ stqarrija miktuba bl-idejn, XZ indikat barra minn hekk li hija kienet konxja u li kienet tifhem li “r-rata ta’ interessi tas-self qatt ma hija ser tinżel taħt ir-rata nominali annwali ta’ 2.35 %.”

16

XZ ippreżenatat quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel), rikors intiż sabiex jiġi kkonstatat li l-klawżola “ta’ rata minima” li tinsab fil-kuntratt ta’ self ipotekarju kienet inġusta, kif ukoll sabiex l-istabbiliment ta’ kreditu jiġi kkundannat iħassar din il-klawżola u jirrimbosalha s-somom imħallsa indebitament abbażi tal-imsemmija klawżola sa mit-teħid ta’ dan is-self.

17

Peress li Ibercaja Banco opponiet għat-talbiet ta’ XZ billi invokat il-klawżoli tal-kuntratt ta’ novazzjoni, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbet ukoll lill-qorti tar-rinviju tippreċiża sa fejn l-atti ġuridiċi li jimmodifikaw kuntratt, b’mod partikolari waħda mill-klawżoli ta’ dan li n-natura inġusta tagħha hija invokata, huma wkoll “ikkontaminati” minn din il-klawżola u, għaldaqstant, imneżżgħin min-natura vinkolanti tagħhom, skont l-Artikolu 83 tad-Digriet Leġiżlattiv Irjali 1/2007.

18

Il-qorti tar-rinviju tosserva li huwa wara s-sentenza 241/2013 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja), tad-9 ta’ Mejju 2013, li ddikkjarat in-nullità tal-klawżoli “ta’ rata minima” li jinsabu fil-kuntratti ipotekarji minħabba li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ trasparenza, li Ibercaja Banco bdiet proċess ta’ negozzjazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-klawżoli fil-kuntratt ta’ self ipotekarju li hija kienet ikkonsentiet għalihom. Dan premess, din il-qorti għandha dubji dwar jekk in-negozzjazzjoni mill-ġdid ta’ klawżola inġusta hijiex kompatibbli mal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, skont liema l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi.

19

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirreleva li l-kuntratt ta’ novazzjoni jista’ huwa stess ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tat-“test ta’ trasparenza” stabbilit mit-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema). Din il-qorti tenfasizza b’mod partikolari fit-tilwima inkwistjoni fil-kawża prinċipali d-disekwilibriju sinjifikattiv li jeżisti bejn id-drittijiet u l-obbligi stipulati għad-detriment tal-persuna li tissellef, l-assenza ta’ informazzjoni rigward it-telf li dan tal-aħħar seta’ jsostni minħabba l-applikazzjoni tal-klawżola ġdida “ta’ rata minima” u l-impossibbiltà għall-persuna li tissellef li tirkupra t-telf hekk sostnut wara r-rinunzja għal kull azzjoni ġuridika kontra l-istabbiliment ta’ kreditu kreditur.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de Primera Instancia e Instrucción no 3 de Teruel (il-Qorti tal-Ewwel Istanza u Istruttorja Nru 3 ta’ Teruel) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-prinċipju tal-assenza ta’ natura restrittiva [vinkolanti] tal-klawżoli nulli (Artikolu 6 tad-[Direttiva 93/13]) għandu jiġi applikat ukoll għall-kuntratti u arranġamenti ġuridiċi sussegwenti dwar dawn il-klawżoli, bħalma huwa l-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’]?

Peress li n-nullità assoluta timplika li l-klawżola kkonċernata qatt ma tkun eżistiet fil-ħajja ġuridika u ekonomika tal-kuntratt, jista’ jiġi konkluż li l-atti ġuridiċi sussegwenti u l-effetti tagħhom fuq dik il-klawżola, jiġifieri, il-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’], ukoll jisparixxu mir-realtà ġuridika, fejn ikollhom jitqiesu bħala ineżistenti u mingħajr ebda effett?

2)

Id-dokumenti li jemendaw jew li jintroduċu tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ klawżoli mhux innegozjati li jistgħu ma jgħaddux mill-verifiki ta’ assenza ta’ natura inġusta u ta’ trasparenza jistgħu jitqiesu li n-natura tagħhom tagħmel parti mill-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, b’tali mod li jkunu suġġetti għall-istess raġunijiet ta’ nullità bħad-dokumenti oriġinali li kienu suġġetti għal novazzjoni jew għal tranżazzjoni?

3)

Ir-rinunzja għal azzjonijiet ġudizzjarji li tinsab fil-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] għandha tkun nulla wkoll, sa fejn il-kuntratti li kienu jiffirmaw il-klijenti ma kinux jinformawhom dwar in-nullità tal-klawżola u lanqas dwar il-flus jew id-dħul ekonomiku li huma kellhom dritt jirċievu bħala rimbors tal-interessi mħallsa minħabba l-impożizzjoni inizjali tal-‘cláusulas suelo’ (klawżoli ta’ rata minima)?

Għalhekk, qed jiġi indikat li l-klijent iffirma rinunzja għall-jedd li jippreżenta azzjoni ġudizzjarja mingħajr ma ġie informat mill-bank dwar x’kien qiegħed jirrinunzja [jew dwar i]s-somma flus li kien qiegħed jirrinunzja.

4)

Fl-analiżi tal-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Artikoli 3(1) u 4(2) tad-Direttiva 93/13, il-klawżola ta’ rata minima l-ġdida inkluża fl-imsemmi kuntratt hija vvizzjata mill-ġdid minn nuqqas ta’ trasparenza, inkwantu l-bank mill-ġdid ma jissodisfax il-kriterji ta’ trasparenza ffissati mis-sentenza tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) tad-9 ta’ Mejju 2013 u ma jinformax lill-klijent dwar il-vera spiża ekonomika ta’ din il-klawżola fl-ipoteka tiegħu, b’tali mod li jkun jista’ jkun jaf ir-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li tiġi applikata l-klawżola ta’ rata minima l-ġdida u r-rata ta’ interessi (u l-kwota ta’ ħlas riżultanti) li jkollu jħallas fil-każ li ma tiġi applikata ebda klawżola ta’ rata minima u tiġi applikata r-rata ta’ interessi miftiehma fis-self ipotekarju mingħajr applikazzjoni ta’ limitu minimu?

Fi kliem ieħor, billi jimponi d-dokument hekk imsejjaħ bħala ‘dokument ta’ novazzjoni’ fuq il-‘klawżoli ta’ rata minima’, l-istabbiliment finanzjarju għandu jkun wettaq il-verifiki ta’ trasparenza stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 u għandu jinforma lill-konsumatur dwar l-ammont tas-somom li fir-rigward tagħhom ġarrab preġudizzju minħabba l-applikazzjoni tal-‘klawżoli ta’ rata minima’ kif ukoll ir-rata ta’ interessi li għandha tiġi applikata li kieku dawn il-klawżoli ma kellhomx jeżistu u, sa fejn dan ma jkunx għamel hekk, dawn id-dokumenti huma wkoll ivvizzjati b’kawża ta’ nullità?

5)

Il-klawżoli relatati mal-azzjonijiet ġudizzjarji inklużi fil-kundizzjonijiet kuntrattwali ġenerali tal-[‘kuntratt ta’ novazzjoni li jemenda s-self’] jistgħu jitqiesu bħala inġusti minħabba l-kontenut tagħhom fid-dawl tal-Artikolu 3(1) [tad-Direttiva 93/13], flimkien mal-anness tat-test dwar il-klawżoli inġusti u, b’mod speċifiku, il-punt 1(q) ta’ dan l-anness […], inkwantu jillimitaw id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw drittijiet li jistgħu jinħolqu jew jirriżultaw wara l-iffirmar tal-kuntratt, hekk kif irriżulta bil-possibbiltà li jintalab ir-rimbors sħiħ tal-interessi mħallsa (konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] tal-21 ta’ Diċembru 2016)?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur, li n-natura inġusta tagħha tista’ tiġi kkonstatata minn qorti, tista’ effettivament tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ novazzjoni bejn dan il-bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, li permezz tiegħu dan tal-aħħar jirrinunzja għall-effetti li twassal għalihom id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

22

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 53).

23

Għalhekk, klawżola kuntrattwali ddikjarata inġusta għandha titqies, bħala prinċipju, li qatt ma eżistiet, b’tali mod illi hija ma jistax ikollha effetti fil-konfront tal-konsumatur (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 61).

24

Konsegwentement, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, hija l-qorti nazzjonali li għandha twarrab l-applikazzjoni ta’ klawżoli inġusti sabiex huma ma jipproduċux effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur, sakemm il-konsumatur ma jopponix dan (sentenza tas-26 ta’ Marzu 2019, Abanca Corporación Bancaria u Bankia, C‑70/17 u C‑179/17, EU:C:2019:250, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-dritt għal protezzjoni effettiva tal-konsumatur jinkludi l-possibbiltà tiegħu li jirrinunzja li jsostni d-drittijiet tiegħu, b’tali mod li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tar-rieda espressa mill-konsumatur meta, filwaqt li jkun konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, dan tal-aħħar jindika xorta waħda li huwa ma jaqbilx li din tiġi mwarrba, sabiex b’hekk jagħti l-kunsens liberu u informat tiegħu għall-klawżola inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sales Sinués u Drame Ba, C‑381/14 u C‑385/14, EU:C:2016:252, punt 25).

26

Fil-fatt, id-Direttiva 93/13 ma twassalx sabiex trendi vinkolanti s-sistema ta’ protezzjoni kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti mill-bejjiegħa jew fornituri li hija stabbilixxiet għall-benefiċċju tal-konsumaturi. Konsegwentement, meta konsumatur ikun jippreferi ma jgawdix minn din is-sistema ta’ protezzjoni, din ma tiġix applikata (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Dziubak, C‑260/18, EU:C:2019:819, punt 54).

27

Hija għalhekk il-qorti nazzjonali li għandha tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, tar-rieda espressa mill-konsumatur meta, konxju min-natura mhux vinkolanti ta’ klawżola inġusta, jindika madankollu li jopponi li din tiġi mwarrba, u għalhekk jagħti kunsens liberu u informat għal din il-klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 35).

28

Għaldaqstant, għandu jiġi ammess, b’mod analogu, u kif irreleva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 39 sa 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, li konsumatur jista’ jirrinunzja li jibbenefika min-natura inġusta ta’ klawżola fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ novazzjoni li permezz tiegħu l-konsumatur jirrinunzja għall-effetti li jwasslu għalihom id-dikjarazzjoni ta’ natura inġusta ta’ tali klawżola, taħt ir-riżerva li din ir-rinunzja ssir b’kunsens liberu u informat.

29

Madankollu, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, ir-rinunzja tal-konsumatur milli jibbenefika min-nullità ta’ klawżola inġusta tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss jekk, meta tkun seħħet din ir-rinunzja, dan il-konsumatur kien konxju tan-natura mhux vinkolanti ta’ din il-klawżola u tal-konsegwenzi li jirriżultaw minnha. Huwa biss f’din l-ipoteżi li jista’ jiġi kkunsidrat li l-adeżjoni tiegħu għan-novazzjoni ta’ tali klawżola ssir b’kunsens liberu u informat, fl-osservanza tar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

30

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li n-natura inġusta tagħha tista’ tiġi kkonstatata minn qorti, tista’ effettivament tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ novazzjoni bejn dan il-bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, li permezz tiegħu l-konsumatur jirrinunzja għall-effetti li twassal għalihom id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, bil-kundizzjoni li din ir-rinunzja ssir b’kunsens liberu u informat tal-konsumatur, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur bil-għan li tiġi modifikata klawżola potenzjalment inġusta ta’ kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn jew li tirregola l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola l-oħra tista’ hi stess tiġi kkunsidrata li ma hijiex negozzjata individwalment u, jekk ikun il-każ, tiġi ddikkjarata inġusta.

32

Għandu jitfakkar li, abbażi tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13, l-istħarriġ tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jirrigwarda l-klawżoli li ma ġewx innegozzjati individwalment.

33

L-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li klawżola dejjem titqies li ma tkunx ġiet innegozjata individwalment meta tkun ġiet redatta minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur, mingħajr ma l-konsumatur ikun seta’ influwenza l-kontenut tagħha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ kuntratt standard imfassal minn qabel. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tikkostitwixxi klawżola li ma ġietx redatta individwalment dik li tiġi abbozzata b’intenzjoni ta’ użu ġenerali (sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, Šiba, C‑537/13, EU:C:2015:14, punt 31).

34

Issa, dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jiġu ssodisfatti wkoll fir-rigward ta’ klawżola intiża li timmodifika klawżola potenzjalment inġusta ta’ kuntratt preċedenti konkluż bejn l-istess partijiet, jew sabiex tirregola l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola l-oħra. Il-fatt li l-klawżola l-ġdida tkun intiża li timmodifika klawżola preċedenti li ma tkunx ġiet innegozzjata individwalment ma teħlisx waħidha lill-qorti nazzjonali mill-obbligu li tivverifika li l-konsumatur ma setax effettivament jinfluwenza, fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13, il-kontenut ta’ din il-klawżola l-ġdida.

35

Fit-tilwima inkunsiderazzjoni fil-kawża prinċipali, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom ġiet ippreżentata tali klawżola lill-konsumatur sabiex jiġi ddeterminat jekk dan tal-aħħar setax jinfluwenza l-kontenut tagħha.

36

F’dan il-każ, il-fatt li l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ novazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-politika ġenerali ta’ negozzjazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli u li jinkludu klawżola “ta’ rata minima”, mibdija minn Ibercaja Banco wara s-sentenza Nru 241/2013 tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema), tad-9 ta’ Mejju 2013, jista’ jikkostitwixxi indizzju li XZ ma setgħetx teżerċita influwenza fuq il-kontentut tal-klawżola “ta’ rata minima” l-ġdida.

37

L-istess japplika għall-fatt li, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, l-istabbiliment bankarju ma pprovdiex lil XZ kopja tal-kuntratt u ma ppermettilhiex li tieħdu magħha sabiex tieħu konjizzjoni tiegħu.

38

Fi kwalunkwe każ, il-fatt li XZ qabel iffirmat il-kuntratt ta’ novazzjoni żiedet il-frażi miktuba bl-idejn fejn indikat li kienet fehmet il-mekkaniżmu tal-klawżola “ta’ rata minima” ma jippermettix waħdu li jiġi konkluż li din il-klawżola ġiet innegozzjata individwalment u li l-konsumatur seta’ effettivament jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tal-imsemmija klawżola.

39

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur bil-għan li tiġi modifikata klawżola potenzjalment inġusta ta’ kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn jew li tirregola l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola l-oħra tista’ hi stess tiġi kkunsidrata li ma hijiex negozzjata individwalment u, jekk ikun il-każ, tiġi ddikkjarata inġusta.

Fuq ir-raba’ domanda

40

Permezz tar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu fornitur jew bejjiegħ abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jimplikax li meta dan jikkonkludi ma’ konsumatur kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli, li jistabbilixxi klawżola “ta’ rata minima”, huwa għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni neċessarja sabiex jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għal dan tal-aħħar, fil-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, mill-mekkaniżmu stabbilit minn din il-klawżola “ta’ rata’ minima”.

41

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 93/13 klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet negozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, minkejja r-rekwiżit ta’ bona fides, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikanti fid-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

42

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli ta’ tali kuntratt la għandha tirrelata mad-definizzjoni tas-suġġett prinċipali tal-kuntratt u lanqas mal-adegwatezza tal-prezz u r-remunerazzjoni, minn naħa, u s-servizzi jew l-oġġetti li għandhom jiġu pprovduti bħala korrispettiv, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn il-klawżoli jkunu redatti b’mod “ċar u li jinftiehem”.

43

L-Artikolu 5 tal-imsemmija direttiva jipprovdi barra minn hekk li, meta wħud mill-klawżoli jew il-klawżoli kollha tal-imsemmi kuntratt proposti lill-konsumatur ikunu redatti mill-miktub, dawn il-klawżoli għandhom jkunu redatti b’mod “ċar u li jinftiehem”.

44

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 4(2) u mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 ma jistax jiġi ridott għan-natura komprensibbli fuq il-pjanijiet formali u grammatikali tal-klawżola kkonċernata. Peress li s-sistema ta’ protezzjoni implimentata mill-imsemmija direttiva hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-fornitur jew bejjiegħ f’dak li jikkonċerna, b’mod partikolari, il-livell ta’ informazzjoni, dan ir-rekwiżit ta’ redazzjoni ċara u li tinftiehem tal-klawżoli kuntrattwali u, għaldaqstant, ta’ trasparenza, impost mill-istess direttiva, għandu jinftiehem b’mod estensiv (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 50).

45

Għaldaqstant, ir-rekwiżit li klawżola kuntrattwali għandha tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem għandu jinftiehem fis-sens li jeżiġi wkoll li l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu li għalih tagħmel riferiment il-klawżola kkonċernata kif ukoll, fejn applikabbli, ir-relazzjoni bejn dan il-mekkaniżmu u dak stabbilit minn klawżoli oħra, b’tali mod li dan il-konsumatur jitqiegħed f’pożizzjoni li jkun jista’ jevalwa, abbażi ta’ kriterji preċiżi u li jinftiehmu, il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih minn dan il-kuntratt (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 45).

46

Fir-rigward ta’ kuntratt ta’ self ipotekarju, hija l-qorti nazzjonali li għandha twettaq il-verifiki neċessarji f’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-elementi fattwali kollha rilevanti, li fosthom jinsabu l-pubbliċità u l-informazzjoni pprovduta minn min isellef fil-kuntest ta’ negozzjazzjoni ta’ kuntratt. B’mod iktar partikolari, hija l-qorti nazzjonali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, li tivverifika li jkunu ġew ikkomunikati lill-konsumatur l-elementi kollha li jistgħu jinċidu fuq il-portata tal-obbligi tiegħu li jkunu jippermettulu li jevalwa, b’mod partikolari, l-ispiża totali tas-self tiegħu. F’din l-evalwazzjoni għandhom rwol deċiżiv, minn naħa, il-kwistjoni dwar jekk il-klawżoli jkunux redatti b’mod ċar u li jinftiehem b’tali mod li konsumatur medju jkun f’pożizzjoni li jevalwa tali spiża u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza marbuta mal-assenza ta’ riferiment, fil-kuntratt ta’ kreditu, għal informazzjoni kkunsidrata, fid-dawl tan-natura tal-beni jew tas-servizzi li jkunu s-suġġett ta’ dan il-kuntratt, bħala essenzjali (sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 52).

47

B’mod partikolari, il-provvista, qabel il-konklużjoni ta’ tali kuntratt, tal-informazzjoni relatata mal-kundizzjonijiet kuntrattwali u l-konsegwenzi ta’ din il-konklużjoni hija, għal konsumatur, ta’ importanza fundamentali. Huwa, b’mod partikolari, abbażi ta’ din l-informazzjoni li dan tal-aħħar jiddeċiedi jekk jixtieqx jintrabat bil-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew fornitur (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 50 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ikkonċernat, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li l-bejjiegħ jew fornitur seta’ jkun jaf bihom fl-imsemmi mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2017, Andriciuc et, C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 54).

49

Madankollu, l-osservanza minn bejjiegħ jew fornitur tar-rekwiżit ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 4(2) u fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandha tiġi evalwata f’relazzjoni mal-elementi li dan il-bejjiegħ jew fornitur kellu għad-dispożizzjoni tiegħu fil-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt li kkonkluda mal-konsumatur.

50

Fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ klawżola “ta’ rata minima” stipulata f’kuntratt ta’ self b’rata ta’ interess varjabbli, għandu jiġi rrilevat li r-riperkussjonijiet finanzjarji ta’ mekkaniżmu ta’ limitazzjoni l-isfel fil-varjazzjonijiet tar-rata ta’ interessi tiddependi neċessarjament mill-evoluzzjoni tal-indiċi ta’ riferiment li abbażi tagħha hija kkalkolata tali rata.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-konsumatur ikkonċernat għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li ser jirriżultaw minn dan il-kuntratt f’dak li jikkonċernah (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2019, GT, C‑38/17, EU:C:2019:461, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Madankollu, fir-rigward ta’ klawżola li tikkonsisti f’li jiġu llimitati l-fluttwazzjonijiet l-isfel ta’ rata varjabbli kkalkolata abbażi ta’ indiċi, il-valur eżatt ta’ dawn ir-rati ma jistax ċertament jiġi ddeterminat f’kuntratt ta’ self għat-tul kollu tiegħu. Għalhekk ma jistax jiġi meħtieġ minn bejjiegħ jew fornitur li jagħti informazzjoni preċiża fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji marbuta mal-varjazzjonijiet tar-rata ta’ interessi li jkunu għaddejjin matul il-kuntratt, peress li dawn il-varjazzjonijiet jiddependu minn avvenimenti futuri mhux prevedibbli u indipendenti mill-volontà ta’ dan il-bejjiegħ jew fornitur. B’mod partikolari, l-applikazzjoni ta’ rata ta’ interess varjabbli twassal għat-tmiem, min-natura tagħha stess, ta’ fluttwazzjoni tal-ammonti tal-iskadenzi li jkun imiss, b’tali mod li l-imsemmi bejjiegħ jew fornitur ma jistax ikun f’pożizzjoni li jippreċiża l-impatt eżatt tal-applikazzjoni ta’ klawżola “ta’ rata minima” fuq dawn l-iskadenzi.

53

Xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward ta’ self ipotekarju b’rata vajabbli, l-għoti ta’ informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni fil-passat tal-indiċi li abbażi tiegħu tiġi kkalkolata r-rata applikabbli jikkostitwixxi element partikolarment relevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2020, Gómez del Moral Guasch, C‑125/18, EU:C:2020:138, punt 56).

54

Fil-fatt, minn tali informazzjoni, il-konsumatur jista’ jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem, fid-dawl tal-fluttwazzjonijiet tal-passat, l-eventwalità li ma jkunx jista’ japprofitta minn rata inferjuri għar-rata’ minima li hija proposta lilu.

55

Għal dak li jirrigwarda l-ammonti li l-konsumatur jirrinunzja għalihom billi jaderixxi għal klawżola “ta’ rata minima ġdida” u li tikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammonti mħallsa mill-konsumatur b’applikazzjoni tal-klawżola “ta’ rata’ minima” inizjali u dawn li l-ħlas tagħhom kien ikun dovut fl-assenza ta’ klawżola “ta’ rata minima”, għandu jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, dawn l-ammonti jistgħu faċilment jiġu ddeterminati minn konsumatur medju normalment informat u raġonevolment avżat, peress li seta’ kellu l-informazzjoni kollha meħtieġa mingħand il-bejjiegħ jew fornitur, f’dan il-każ mill-istabbiliment bankarju, li huwa l-espert u għandu l-konoxxenzi neċessarji f’dan ir-rigward.

56

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2), u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu fornitur jew bejjiegħ abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika li, meta dan jikkonkludi kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli, li jistabbilixxi klawżola “ta’ rata minima”, il-konsumatur għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih mill-mekkaniżmu stabbilit minn din il-klawżola “ta’ rata’ minima”, b’mod partikolari, grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni fil-passat tal-indiċi li abbażi tiegħu hija kkalkolata r-rata ta’ interessi.

Fuq it-tielet u l-ħames domanda

57

Permezz tat-tielet u tal-ħames domanda tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li klawżola ta’ kuntratt ta’ novazzjoni li temenda klawżola ta’ kuntratt preċedenti u li permezz tagħha bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jirrinunzjaw reċiprokament li jieħdu azzjoni ġudizzjarja sabiex isostnu talbiet relatati, b’mod partikolari, kemm mal-klawżola inizjali modifikata b’dan il-kuntratt ta’ novazzjoni kif ukoll mal-klawżola ta’ novazzjoni għandha tiġi kkwalifikata bħala “inġusta”.

58

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tal-kuntratt ta’ novazzjoni, Ibercaja Banco u XZ qablu dwar tnaqqis tar-rata tal-klawżola “ta’ rata minima” li kienet applikabbli abbażi tal-kuntratt ta’ self ipotekarju kif ukoll dwar rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġuridiċi relatati mal-klawżoli preċedenti u ġodda “ta’ rata minima”.

59

Peress li tali klawżola ta’ rinunzja hija stipulata fil-kuntest ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, in-natura inġusta ta’ din il-klawżola tista’ tiġi kkonstatata mill-qorti nazzjonali abbażi tat-termini tal-eżami previst fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 93/13, fuq il-kundizzjoni li l-imsemmija klawżola ma tiġix innegozzjata individwalment u taħt ir-riżerva tal-limiti previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

60

Skont l-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, klawżola ta’ kuntratt li ma tiġix innegozjata individwalment għandha titqies inġusta jekk, kontra l-ħtieġa ta’ bona fides, tkun tikkawża żbilanċ sinjifikattiv bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet li joħorġu mill-kuntratt, bi ħsara għall-konsumatur.

61

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk il-klawżoli kuntrattwali li tressqu quddiemha għandhomx jiġu kkwalifikati bħala inġusti, filwaqt li, fil-prinċipju, skont l-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva, jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Banco Santander u Escobedo Cortés, C‑96/16 u C‑94/17, EU:C:2018:643, punt 66).

62

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi proprji tal-każ inkwistjoni, klawżola tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ bona fides, ta’ bilanċ u ta’ trasparenza. Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għandha ġurisdizzjoni sabiex tislet mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li din il-qorti tista’ jew għandha tapplika meta twettaq tali evalwazzjoni (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation, C‑191/15, EU:C:2016:612, punt 65).

63

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13 jirriżulta li l-anness ta’ din id-direttiva jinkludi lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ klawżoli li jistgħu jiġu ddikjarati inġusti. Il-punt 1(q) ta’ dan l-anness jirreferi għal, inkwantu klawżoli suxxettibbli li jiġu kkunsidrati bħala tali, dawk li għandhom bħala għan jew effett li “jeskludu jew ifixklu d-dritt tal-konsumatur li jieħu azzjon legali jew jeżerċita kull rimedju legali ieħor”.

64

Barra minn hekk, il-fatt li bejjiegħ jew fornitur u konsumatur jirrinunzjaw reċiprokament għall-azzjonijiet ġuridiċi relatati ma’ klawżola ta’ kuntratt ma jostakolax li qorti nazzjonali teżamina n-natura inġusta ta’ tali klawżola, peress li din il-klawżola hija suxxettibbli li tipproduċi effetti vinkolanti fil-konfront tal-konsumatur.

65

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tal-kuntratt ta’ novazzjoni, Ibercaja Banco u XZ qablu, minn naħa, għal tnaqqis tar-rata tal-klawżola “ta’ rata minima” li kienet applikabbli abbażi tal-kuntratt ta’ self ipotekarju, u, min-naħa l-oħra, għar-rinunzja reċiproka għall-azzjonijiet ġuridiċi relatati mal-klawżola preċedenti u dik ġdida “ta’ rata minima”.

66

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tar-rinunzja minn XZ li ssostni quddiem il-qorti nazzjonali t-talbiet tagħha relatati mal-klawżola “ta’ rata minima” inizjali, għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-punti 25 sa 28 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 93/13 ma tipprekludix minnha nfisha li konsumatur jirrinunzja kuntrattwalment għall-benefiċċju li jista’ jikseb mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola ta’ kuntratt, peress li din ir-rinunzja tirriżulta minn kunsens liberu u informat.

67

Barra minn hekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 73 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandha ssir distinzjoni bejn ir-rinunzja għall-azzjonijiet ġudizzjarji meta din tkun stipulata fi ftehim, bħal tranżazzjoni, li s-suġġett stess tagħha huwa li tiġi rregolata tilwima bejn fornitur jew bejjiegħ u konsumatur, u r-rinunzja minn qabel għal kull azzjoni ġuridika inkluż f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur, kif huwa msemmi fil-punti 75 u 76 ta’ din is-sentenza.

68

Madankollu, fi klawżola li tipprevedi rinunzja reċiproka għal kull azzjoni ġudizzjarja fil-kuntest ta’ ftehim intiż għar-riżoluzzjoni ta’ tilwima bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, rigward il-validità tal-klawżola ta’ kuntratt li jorbot lil dawn iż-żewġ partijiet, hija suxxettibbli li taqa’ taħt is-suġġett prinċipali ta’ dan il-ftehim, fis-sens tal-Artikolu 4(2), tad-Direttiva 93/13, u, konsegwentement, li taħrab mill-evalwazzjoni ta’ eventwali natura inġusta, minkejja li tkun redatta b’mod ċar u li jinftiehem, fejn tali eżami għandu jsir mill-qorti nazzjonali.

69

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li XZ ma kisbitx biżżejjed informazzjoni rigward in-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” inizjali u rigward l-ammonti li hija kellha d-dritt li tikseb ir-rimbors tagħhom bħala somom li ħallset indebitament abbażi ta’ din il-klawżola.

70

Kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, l-evalwazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur għandha ssir b’riferiment għall-mument tal-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, b’kont meħud taċ-ċirkustanzi kollha li dan il-bejjiegħ jew fornitur seta’ jkun jaf bihom f’dan il-mument u li kienu ta’ natura li jinfluwenzaw l-eżekuzzjoni ulterjuri tal-imsemmi kuntratt, peress li klawżola kuntrattwali tista’ twassal għal żbilanċ bejn il-partijiet ta’ kuntratt li jimmanifesta ruħu biss matul l-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

71

Issa, għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina liema kienet l-informazzjoni li kellha Ibercaja Banco fil-ġurnata tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ novazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont l-informazzjoni mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kuntratt ġie konkluż fl-4 ta’ Marzu 2014. Permezz tas-sentenza tagħha 241/2013 tad-9 ta’ Mejju 2013, it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) ddeċidiet, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn assoċjazzjonijiet tal-konsumatur, li l-klawżoli “ta’ rata minima” stipulati fil-kuntratt ta’ self ipotekarju ma jissodisfawx fil-prinċipju r-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ trasparenza u kienu tali, għaldaqstant, li jistgħu jiġu ddikkjarati inġusti. B’hekk it-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema) illimitat l-effetti tad-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ tali klawżoli għall-futur. Madankollu huwa biss permezz tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Gutiérrez Naranjo et (C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980), li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprekludi tali limitu.

72

Konsegwentement, minn naħa, għalkemm in-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” inizjali li kienet torbot lil XZ ma’ Ibercaja Banco kienet possibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ novazzjoni, jidher li dan ma huwiex fatt ċert, peress li din in-natura ma kinitx ġiet ikkonstatata bejn il-partijiet għal dan il-kuntratt fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

73

Min-naħa l-oħra, l-istat ta’ dritt fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ novazzjoni ma jidhirx li jippermetti lil Ibercaja Banco li tkun taf li l-eżistenza ta’ klawżola “ta’ rata minima” inġusta kienet tagħti dritt għal rimbors integrali tas-somom indebitament imħallsa minħabba din il-klawżola.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa l-livell ta’ ċertezza li kienet teżisti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ novazzjoni f’dak li jikkonċerna n-natura inġusta tal-klawżola “ta’ rata minima” inizjali, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-informazzjoni li Ibercaja Banco kellha tipprovdi lil XZ abbażi tar-rekwiżit ta’ trasparenza li hija għandha fil-preżentazzjoni tal-klawżola ta’ rinunzja għall-azzjonijiet legali, kif ukoll li XZ kienet f’pożizzjoni li tifhem il-konsegwenzi ġuridiċi li kienu jirriżultaw minnha għaliha.

75

Fir-rigward, fit-tieni lok, tar-rinunzja tal-partijiet fil-kawża prinċipali li jsostnu t-talbiet tagħhom relatati mal-klawżola l-ġdida “ta’ rata minima” quddiem il-qorti nazzjonali, għandu jiġi enfasizzat li, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, konsumatur ma jistax validament jintrabat li jirrinunzja għall-futur għall-protezzjoni ġudizzjarja u għad-drittijiet li jirriżultaw mid-Direttiva 93/13. Fil-fatt, ma jistax b’definizzjoni jkun jaf il-konsegwenzi tal-adeżjoni tiegħu għal tali klawżoli peress li huma tilwim li jistgħu jqumu fil-futur.

76

Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, li skont it-termini tiegħu l-Istati Membri jipprevedu li l-klawżoli inġusti li jinsabu f’kuntratt konkluż ma’ konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumaturi, fil-kundizzjonijiet stabbiliti mid-drittijiet nazzjonali tagħhom, huwa ta’ natura vinkolanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016,Gutiérrez Naranjo et, C‑154/15, C‑307/15 u C‑308/15, EU:C:2016:980, punt 55). Issa, li tiġi rikonoxxuta l-possibbiltà ta’ rinunzja minn qabel tal-konsumatur għad-drittijiet li huwa għandu abbażi mis-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn din id-direttiva jmur kontra n-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni u jpoġġi f’periklu l-effettività tas-sistema.

77

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet u għall-ħames domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-klawżola stipulata f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur sabiex tiġi riżolta tilwima eżistenti, li permezz tagħha dan il-konsumatur jirrinunzja sabiex isostni quddiem qorti nazzjonali t-talbiet li seta’ jsostni fl-assenza ta’ din il-klawżola, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “inġusta”, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija konsumatur ma setax ikollu informazzjoni rilevanti li jippermettulu li jifhem il-konsegwenzi legali li kienu jirriżultaw minnha għalih;

il-klawżola li permezz tagħha l-istess konsumatur jirrinunzja, f’dak li jikkonċerna tilwim futuri, għall-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq id-drittijiet li għandu abbażi tad-Direttiva 93/13 ma jorbtux lill-konsumatur.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li n-natura inġusta tagħha tista’ tiġi kkonstatata minn qorti, tista’ effettivament tkun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ novazzjoni bejn dan il-bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, li permezz tiegħu l-konsumatur jirrinunzja għall-effetti li twassal għalihom id-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola, bil-kundizzjoni li din ir-rinunzja ssir b’kunsens liberu u informat tal-konsumatur, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.

 

2)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur bil-għan li tiġi modifikata klawżola potenzjalment inġusta ta’ kuntratt preċedenti konkluż bejn dawn jew li tirregola l-konsegwenzi tan-natura inġusta ta’ din il-klawżola l-oħra tista’ hi stess tiġi kkunsidrata li ma hijiex negozzjata individwalment u, jekk ikun il-każ, tiġi ddikkjarata inġusta.

 

3)

L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rekwiżit ta’ trasparenza li għandu fornitur jew bejjiegħ abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jimplika li, meta dan jikkonkludi kuntratt ta’ self ipotekarju b’rata varjabbli, li jistabbilixxi klawżola “ta’ rata minima”, il-konsumatur għandu jitqiegħed f’pożizzjoni li jifhem il-konsegwenzi ekonomiċi li jirriżultaw għalih mill-mekkaniżmu stabbilit minn din il-klawżola “ta’ rata’ minima”, grazzi għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-evoluzzjoni fil-passat tal-indiċi li abbażi tiegħu hija kkalkolata r-rata ta’ interessi.

 

4)

L-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-klawżola stipulata f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur sabiex tiġi riżolta tilwima eżistenti, li permezz tagħha dan il-konsumatur jirrinunzja sabiex isostni quddiem qorti nazzjonali t-talbiet li seta’ jsostni fl-assenza ta’ din il-klawżola, tista’ tiġi kkwalifikata bħala “inġusta”, b’mod partikolari, jekk l-imsemmija konsumatur ma setax ikollu informazzjoni rilevanti li jippermettulu li jifhem il-konsegwenzi legali li kienu jirriżultaw minnha għalih;

il-klawżola li permezz tagħha l-istess konsumatur jirrinunzja, f’dak li jikkonċerna tilwim futuri, għall-azzjonijiet ġudizzjarji bbażati fuq id-drittijiet li għandu abbażi tad-Direttiva 93/13, ma jorbtux lill-konsumatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.