SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Diċembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tas-sigurtà soċjali – Artikolu 4(1) u (2) – Artikolu 7(1) – Kalkolu tal-benefiċċji – Direttiva 2006/54/KE – Ugwaljanza fit-trattament bejn irġiel u nisa fil-qasam tal-impjieg u x-xogħol – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jirċievu pensjoni kontributorja ta’ inkapaċità permanenti – Nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ dan id-dritt lill-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika – Sitwazzjoni paragunabbli – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Derogi – Assenza”

Fil-Kawża C‑450/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social Nru 3 de Gerona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’Gerona, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

WA

vs

Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot (President tal-Awla), R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, M. Safjan (Relatur), L. Bay Larsen u C. Toader Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2019,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati,

għal WA, minn F. Casas Corominas, abogado,

għall-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS), inizjalment minn A. R. Trillo García u L. Martínez-Sicluna Sepúlveda kif ukoll minn P. García Perea, sussegwentement minn L. Martínez-Sicluna Sepúlveda u P. García Perea, letrados,

għall-Gvern Spanjol, minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn N. Ruiz García kif ukoll minn C. Valero u I. Galindo Martín, sussegwentement minn N. Ruiz García u C. Valero, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 157 TFUE u tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn WA, missier ta’ żewġ ulied, u l-Instituto Nacional de la Seguridad Social (INSS) (l-Istitut Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, Spanja) dwar ir-rifjut li jingħatalu suppliment għall-pensjoni li jibbenefikaw minnu n-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 79/7/KEE

3

Skont it-tieni u t-tielet premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215):

“Billi l-prinċipju tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi implimentat l-ewwelnett fl-iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra l-perikli ta’ mard, invalidità, anzjanità, disgrazzji fuq ix-xogħol, mard ikkawżat mit-tip ta’ xogħol u qgħad, u fl-assistenza soċjali sakemm hija ntenzjonata li żżid ma’ jew tieħu l-post ta’ l-iskemi msemmija aktar ’il fuq;

Billi l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali ma tippreġudikax id-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità; billi dwar dan l-Istati Membri jistgħu jadottaw disposizzjonijiet speċifiċi għan-nisa biex jitneħħew każijiet eżistenti ta’ trattament li m’huwiex ugwali.”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa l-implimentazzjoni progressiva, fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-elementi l-oħra ta’ protezzjoni soċjali pprovduti fl-Artikolu 3, tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, minn issa ’il quddiem imsejjaħ ‘Il-prinċipju tat-trattament ugwali’.”

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tgħodd għall-populazzjoni li taħdem - inklużi dawk li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tieqaf għal xi żmien minħabba mard, disgrazzja jew qgħad involontarju u persuni li qed ifittxu x-xoghol - lill-ħaddiema irtirati jew invalidi u persuni li jaħdmu għal rashom.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika għal:

l-

iskemi statutorji li jipprovdu protezzjoni kontra r-riskji li ġejjin:

mard,

invalidità,

anzjanità;

disgrazzji fuq ix-xogħol u mard li ġej mix-xogħol,

qgħad;

[…]”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7 huwa redatt kif ġej:

“1.   Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żidiet rigward konjuġi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.

2.   Il-prinċipju tat-trattament ugwali għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rigward il-protezzjoni tan-nisa minħabba l-maternità.”

8

L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

[…]

(b)

il-vantaġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ skemi tal-pensjoni tax-xjuħ mogħtija lill dawk il-persuni li rabbew t-tfal; il-ksib ta’ drittijiet għal benefiċċji wara perjodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba it-trobbija tat-tfal;

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom minn żmien għall-ieħor jeżaminaw il-kwistjonijiet li tħallew barra skond il-paragrafu 1 u jaċċertaw, fid-dawl ta’ l-iżviluppi soċjali fil-kwistjoni kkonċernata, jekk hemmx ġustifikazzjoni biex jinżammu l-eskluzjonijiet kkonċernati.”

Id-Direttiva 2006/54

9

Id-Direttiva 2006/54 abrogat id-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187), kif emendata mid-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 255).

10

Skont il-premessa 13 tad-Direttiva 2006/54:

“Fis-sentenza tagħha tas-17 ta’ Mejju 1990[, Barber (C-262/88, EU:C:1990:209)], il-Qorti tal-Ġustizzja ddeterminat li l-forom kollha ta’ pensjoni tax-xogħol jikkostitwixxu element ta’ paga li jaqgħa fit-tifsira ta’ l-Artikolu 141 tat-Trattat [KE].”

11

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

[…]

(b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

[…]”

12

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(f)

‘skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali’: skemi li mhumiex regolati mid-Direttiva [79/7] li l-għan tagħhom huwa li jipprovdu lill-ħaddiema, kemm jekk impjegati u kemm jekk jaħdmu għal rashom, f’impriża jew fi grupp ta’ impriżi, f’qasam ta’ attività ekonomika, settur jew grupp ta’ setturi tax-xogħol b’benefiċċji maħsuba biex iżidu l-benefiċċji pprovduti minn skemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jew biex jissostitwixxuhom, kemm jekk is-sħubija fi skemi ta’ din ix-xorta tkun obbligatorja u kemm jekk tkun b’għażla.”

Id-dritt Spanjol

13

Skont l-Artikolu 7(1) tal-Ley General de la Seguridad Social (il-Liġi Ġenerali dwar is-Sigurtà Soċjali), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha approvata permezz tar-Real Decreto Legislativo 8/2015 (id-Digriet Irjali Leġiżlattiv 8/2015), tat-30 ta’ Ottubru 2015 (BOE Nru 261, tal-31 ta’ Ottubru 2015, p. 103291) (iktar ’il quddiem il-“LGSS”):

“Indipendentement mis-sess tagħhom, mill-istat ċivili tagħhom u mill-professjoni tagħhom, iċ-ċittadini Spanjoli residenti fi Spanja u l-barranin li jirrisjedu jew li jinsabu legalment fit-territorju Spanjol jaqgħu taħt is-sistema ta’ sigurtà soċjali għall-finijiet tal-benefiċċji tat-tip kontributorju, bil-kundizzjoni li, fiż-żewġ każijiet, ikunu jeżerċitaw attività fit-territorju nazzjonali u jaqgħu taħt waħda mis-subparagrafi li ġejjin:

a)

il-ħaddiema li jipprovdu s-servizzi tagħhom għan-nom ta’ ħaddieħor fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1(1) tat-test ta’ riformulazzjoni tal-Estatuto de los Trabajadores [l-Istatut tal-Ħaddiema], fid-diversi fergħat tal-attività ekonomika, jew il-ħaddiema assimilati għal dawn tal-aħħar, indipendentement minn jekk ikunu ħaddiema temporanji, staġonali, permanenti, anki ‘fijos discontinuos’, inklużi teleħaddiema u, f’kull każ, indipendentement mill-kategorija professjonali tal-ħaddiem, mill-għamla u mill-ammont tar-remunerazzjoni li jirċievi, u min-natura ġenerali tar-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu;

b)

ħaddiema li jaħdmu għal rashom, kemm jekk ikunu proprjetarji ta’ impriżi individwali jew familjari, li jkollhom iktar minn 18-il sena, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha espressament stabbiliti minn din il-liġi jew mil-leġiżlazzjoni adottata għall-applikazzjoni tagħha;

c)

il-ħaddiema membri tal-kooperattivi tax-xogħol assoċjat;

d)

l-istudenti

e)

l-uffiċjali pubbliċi, ċivili u militari.”

14

L-Artikolu 60(1) tal-LGSS jipprovdi:

“Fid-dawl tal-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali, għandu jingħata suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ rtirar, ta’ rmulija jew ta’ inkapaċità permanenti skont kwalunkwe sistema ta’ sigurtà soċjali.

L-ammont ta’ dan is-suppliment, li jippreżenta fl-aspetti kollha n-natura ġuridika ta’ pensjoni pubblika kontributorja, jirriżulta mill-applikazzjoni għall-ammont inizjali tal-imsemmija pensjonijiet ta’ perċentwali ddeterminat, li jiddependi min-numru ta’ wlied, skont l-iskala li ġejja:

a)

fil-każ ta’ żewġ ulied: 5 fil-mija

b)

fil-każ ta’ tliet ulied: 10 fil-mija

c)

fil-każ ta’ erba’ wlied jew iktar: 15 fil-mija

Sabiex jiġi stabbilit id-dritt għall-suppliment kif ukoll l-ammont tiegħu, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ulied imwielda jew adottati qabel il-fatt li ta lok għall-pensjoni inkwistjoni.”

15

L-Artikolu 196(3) tal-LGSS jipprovdi:

“Il-benefiċċju finanzjarju li jikkorrispondi mal-inkapaċità permanenti assoluta jikkonsisti f’vitalizju.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

16

B’deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017, WA ngħata pensjoni mingħand l-INSS minħabba inkapaċità ta’ xogħol permanenti assoluta, ta’ 100 % tal-bażi ta’ kalkolu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017”). Din il-pensjoni kienet tammonta għal EUR 1 603.43 fix-xahar, miżjuda b’rivalutazzjonijiet.

17

WA ppreżenta lment amministrattiv imressaq qabel kontra din id-deċiżjoni, billi sostna li, peress li huwa missier ta’ żewġt ibniet, huwa għandu, abbażi tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS, jibbenefika mid-dritt li jirċievi s-suppliment għall-pensjoni previst f’din id-dispożizzjoni (iktar ’il quddiem is-“suppliment għall-pensjoni inkwistjoni”), li jirrappreżenta 5 % tal-ammont inizjali tal-pensjoni tiegħu, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tan-nisa li huma ommijiet ta’ żewġ ulied u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji permanenti skont sistema tas-sigurtà soċjali Spanjola.

18

B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2017, l-INSS ċaħad l-ilment amministrattiv imressaq qabel ta’ WA u kkonferma d-deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017. F’dan ir-rigward, l-INSS indika li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jingħata esklużivament lin-nisa benefiċjarji ta’ pensjoni kontributorja tas-sigurtà soċjali Spanjola, ommijiet ta’ mill-inqas żewġ ulied, abbażi tal-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali.

19

Fil-frattemp, fit-23 ta’ Mejju 2017, WA ppreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-25 ta’ Jannar 2017 quddiem il-Juzgado de lo Social Nru 3 de Gerona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Gerona, Spanja), fejn talab li jiġi rrikonoxxut id-dritt li jibbenefika mis-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

20

Fit-18 ta’ Mejju 2018, il-Juzgado de lo Social Nru 3 de Gerona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Gerona) ġiet informata bil-mewt ta’ WA, li seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2017. DC, il-mara tiegħu, issuċċediet lill-mejjet bħala rikorrenti fil-kawża prinċipali. Il-qorti tar-rinviju tindika li, għaldaqstant, il-ħlas eventwali tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni kien japplika sad-data tal-mewt ta’ WA.

21

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 60(1) tal-LGSS jagħti d-dritt għas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni lin-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati, minħabba l-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma jibbenefikawx minn dan id-dritt. Din il-qorti tesprimi dubji dwar il-konformità ta’ tali dispożizzjoni mad-dritt tal-Unjoni.

22

Fil-fatt, il-kunċett ta’ “kontribuzzjoni demografika għas-sigurtà soċjali”, previst fl-Artikolu 60(1) tal-LGSS, jista’ japplika kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel, peress li l-prokreazzjoni u r-responsabbiltà fir-rigward tal-kura, tal-ikel u tal-edukazzjoni tal-ulied, kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lilhom, japplikaw għal kull persuna li jkollha l-kundizzjoni ta’ omm jew ta’ missier. Konsegwentement, l-interruzzjoni tax-xogħol minħabba t-twelid, l-adozzjoni jew il-kura mogħtija lil dawn l-ulied tista’ tippreġudika b’mod identiku lin-nisa u lill-irġiel, indipendentement mill-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS jistabbilixxi differenza fit-trattament inġustifikata favur in-nisa, għad-detriment tal-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika.

23

Il-prokreazzjoni timplika madankollu sagrifiċċju ikbar għan-nisa fuq livell personali u professjonali. Fil-fatt, huma għandhom jaffaċċjaw perijodu ta’ tqala kif ukoll il-ħlas, li għandhom implikazzjonijiet bijoloġiċi u fiżjoloġiċi manifesti, bl-effett li dan jimplika fuq il-livell fiżiku kif ukoll fir-rigward tax-xogħol u tal-aspettattivi leġittimi ta’ promozzjoni fil-kuntest professjonali. Mill-perspettiva bijoloġika, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS jistgħu għalhekk jiġu ġġustifikati sa fejn huma intiżi li jipproteġu lin-nisa mill-konsegwenzi tat-tqala u tal-maternità.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no3 de Gerona (il-Qorti Industrijali Nru 3 ta’ Cuenca, Spanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Leġiżlazzjoni nazzjonali (b’mod speċifiku l-Artikolu 60(1) tal-[LGSS]) li tirrikonoxxi d-dritt għal pensjoni addizzjonali, minħabba l-kontribut demografiku għas-sigurtà soċjali, lin-nisa li kellhom ulied bioloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ rtirar, ta’ rmulija, jew ta’ inkapaċità permanenti taħt xi tip ta’ skema fi ħdan is-sigurtà soċjali, u li, min-naħa l-oħra, ma tirrikonoxxix dan id-dritt lill-irġiel f’sitwazzjoni identika, tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li jipprekludi kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, irrikonoxxut mill-Artikolu 157 [TFUE] u mid-Direttiva [76/207], mid-Direttiva [2002/73] li temendaha, imfassla mill-ġdid permezz tad-Direttiva [2006/54]?”

Fuq id-domanda preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

25

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li trid tagħti lill-qorti tar-rinviju risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. Fil-fatt, il-funzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija dik li tinterpreta d-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni li l-qrati nazzjonali jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawżi li jkollhom quddiemhom, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet ma jkunux espressament imsemmija fid-domandi li jsirulha minn dawn il-qrati (sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Wiedemann u Funk, C‑329/06 u C‑343/06, EU:C:2008:366, punt 45, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 42).

26

F’din il-kawża, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domanda tagħha għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 157 TFUE u tad-Direttiva 2006/54 biss, tali fatt ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk ma tkunx għamlet dan. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tislet, mill-informazzjoni kollha ppreżentata mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tal-imsemmi dritt li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2010, Wolf, C‑229/08, EU:C:2010:3, punt 32, u tat-8 ta’ Mejju 2019, PI, C‑230/18, EU:C:2019:383, punt 43).

27

Fil-każ ineżami, WA, missier ta’ żewġ ulied, talab, abbażi tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS, l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, li jiżdied mal-pensjoni kontributorja tiegħu għal inkapaċità permanenti assoluta.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157(2) TFUE, ikopri l-pensjonijiet li jiddependu mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn il-ħaddiem u l-persuna li timpjegah, bl-esklużjoni ta’ dawk li jirriżultaw minn skema legali ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet min-naħa tal-ħaddiema, ta’ min iħaddem u, eventwalment, tal-awtoritajiet pubbliċi b’tali mod li huwa ddeterminat inqas minn tali relazzjoni ta’ impjieg milli minn kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali. Għalhekk, ma jistgħux jiġu inklużi taħt dan il-kunċett is-sistemi jew il-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali, bħall-pensjonijiet tal-irtirar, irregolati direttament mil-liġi, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element ta’ ftehim fi ħdan l-impriża jew it-taqsima professjonali kkonċernata u applikabbli b’mod vinkolanti għal kategoriji ġenerali ta’ ħaddiema (sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Issa, pensjoni kontributorja għall-inkapaċità permanenti bħal dik li bbenefika minnha WA, li abbażi tagħha huwa kkalkolat is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, tidher li hija pensjoni li tiddependi inqas mir-relazzjoni ta’ impjieg bejn ħaddiem u persuna li timpjega, milli minn kunsiderazzjonijiet ta’ natura soċjali, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

30

Barra minn hekk, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS jippreċiża li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni f’kull aspett għandu f’kull aspett in-natura legali ta’ pensjoni pubblika kontributorja.

31

Huwa minnu li kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni tal-Istat, ta’ etika jew anki l-preokkupazzjonijiet ta’ natura baġitarja li kellhom jew li seta’ kellhom irwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali ma jistgħux jieħdu preċedenza jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk tkun direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz mogħti u jekk l-ammont tagħha jkun ikkalkolat abbażi tal-aħħar remunerazzjoni (sentenzi tat-28 ta’ Settembru 1994, Beune, C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 45, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 23).

32

F’dan ir-rigward, kif tevoka l-INSS, l-ewwel waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tidhirx li ġiet issodisfatta peress li l-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirrileva ebda indikazzjoni li pensjoni kontributorja ta’ inkapaċità permanenti, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun ta’ interess biss għal kategorija speċifika ta’ ħaddiema.

33

Għaldaqstant, tali pensjoni kontributorja ta’ inkapaċità permanenti la taqa’ taħt il-kunċett ta’ “remunerazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 157(1) u (2) TFUE u lanqas taħt id-Direttiva 2006/54 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 14; tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 25, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2016, Ornano, C‑335/15, EU:C:2016:564, punt 38).

34

Barra minn hekk, mill-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54, moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(f) tagħha, jirriżulta li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-iskemi legali rregolati mid-Direttiva 79/7.

35

Kuntrarjament, is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jaqa’ taħt din l-aħħar direttiva peress li jagħmel parti minn sistema legali ta’ protezzjoni kontra wieħed mir-riskji elenkati fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 79/7, jiġifieri l-invalidità, u huwa direttament u effettivament marbut mal-protezzjoni kontra dan ir-riskju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1999, Taylor, C‑382/98, EU:C:1999:623, punt 14, u tat-22 ta’ Novembru 2012, Elbal Moreno, C‑385/11, EU:C:2012:746, punt 26).

36

Fil-fatt, dan is-suppliment ta’ pensjoni huwa intiż li jipproteġi lin-nisa li għandhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjoni tal-invalidità, billi jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiddisponu mill-mezzi neċessarji fir-rigward, b’mod partikolari, tal-bżonnijiet tagħhom.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li d-domanda magħmula tinftiehem fis-sens li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi stabbilit jekk id-Direttiva 79/7 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, minħabba l-kontribuzzjoni demografika tan-nisa għas-sigurtà soċjali, tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni għal dawk li għandhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ inkapaċità permanenti skont sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma jkollhomx id-dritt għal tali suppliment għall-pensjoni.

Fuq il-mertu

38

Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jimplika n-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, kemm direttament, kif ukoll indirettament, b’riferiment, b’mod partikolari, għall-istat matrimonjali jew familjari, fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċji.

39

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-kalkolu tal-ammont totali tal-pensjoni għall-inkapaċità permanenti ta’ raġel li kellu żewġt itfal, fejn dan talab li jibbenefika mis-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

40

Skont l-Artikolu 60(1) tal-LGSS, fid-dawl tal-kontribuzzjoni demografika tan-nisa għas-sigurtà soċjali, is-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni jingħata lil dawn tal-aħħar meta huma kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u meta jibbenefikaw b’mod partikolari minn pensjonijiet kontributorji ta’ inkapaċità permanenti skont sistema ta’ sigurtà soċjali. Min-naħa l-oħra, l-irġiel, meta jkunu jinsabu f’sitwazzjoni identika, ma jibbenefikawx minn dan is-suppliment għall-pensjoni.

41

Għaldaqstant, jidher li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti trattament inqas favorevoli lill-irġiel li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati. Trattament inqas favorevoli bħal dan ibbażat fuq is-sess jista’ jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, diskriminazzjoni tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew anki fl-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Gillespie et, C‑342/93, EU:C:1996:46, punt 16, kif ukoll tat-8 ta’ Mejju 2019, Praxair MRC, C‑486/18, EU:C:2019:379, punt 73).

43

Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk id-differenza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkonċernax kategoriji ta’ persuni li jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

44

F’dan ir-rigward, ir-rekwiżit relatat man-natura paragunabbli tas-sitwazzjonijiet ma jirrikjedix li s-sitwazzjonijiet ikunu identiċi, iżda biss li jkunu simili (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

In-natura komparabbli tas-sitwazzjonijiet għandha tiġi evalwata mhux b’mod globali u astratt, iżda b’mod speċifiku u konkret b’teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi kollha li jikkaratterizzawhom, fid-dawl b’mod partikolari tal-għan u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni kif ukoll, fejn xieraq, tal-prinċipji u tal-għanijiet tal-qasam li minnu tagħmel parti din il-leġiżlazzjoni nazzjonali (sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Fir-rigward tal-għan tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS, jiġifieri l-kumpens tal-kontribuzzjoni demografika tan-nisa għas-sigurtà soċjali, għandu jiġi kkonstatat li l-kontribuzzjoni tal-irġiel għad-demografija hija daqstant neċessarja daqs dik tan-nisa.

47

Għalhekk, ir-raġuni biss tal-kontribuzzjoni demografika għas-sigurtà soċjali ma tistax tiġġustifika li l-irġiel u n-nisa ma jkunux f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tal-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

48

Madankollu, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Spanjol enfasizza li l-għan ta’ dan is-suppliment għall-pensjoni ma jikkonsistix biss fil-kumpens lin-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied għall-kontribuzzjoni demografika tagħhom għas-sigurtà soċjali. L-imsemmi suppliment kien ukoll maħsub bħala miżura intiża li tnaqqas id-differenza bejn l-ammonti ta’ pensjoni tal-irġiel u dawk tan-nisa, li tirriżulta mid-differenzi tal-perkorsi professjonali. L-għan jikkonsisti fil-garanzija tal-għoti ta’ pensjonijiet adegwati lin-nisa li l-kapaċità kontributorja tagħhom u, għaldaqstant, l-ammont tal-pensjoni, tnaqqsu meta l-karrieri professjonali tagħhom ġew interrotti jew imqassra, minħabba l-fatt li kellhom mill-inqas żewġ ulied.

49

Barra minn hekk, l-INSS, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, isostni li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni huwa ġġustifikat minn motivi ta’ politika soċjali. Għal dan il-għan, l-INSS jipprovdi diversi statistiċi li juru differenza bejn l-ammonti ta’ pensjoni tal-irġiel u dawk tan-nisa, kif ukoll, minn naħa, bejn l-ammonti ta’ pensjoni tan-nisa mingħajr wild jew li kellhom wild u, min-naħa l-oħra, dawk tan-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied.

50

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-għan li titnaqqas id-differenza bejn l-ammonti tal-pensjoni tan-nisa u dawk tal-irġiel bl-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 60(1) tal-LGSS huwa intiż, mill-inqas parzjalment, għall-protezzjoni tan-nisa fil-kwalità tagħhom ta’ ġenitur.

51

Madankollu, minn naħa, hija kwistjoni ta’ kwalità li jista’ jkollhom kemm l-irġiel kif ukoll in-nisa u, min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni ta’ missier u dik ta’ omm jistgħu jkunu paragunabbli fir-rigward tal-edukazzjoni tal-ulied (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 56, u tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑559/07, mhux ippublikata, EU:C:2009:198, punt 69).

52

B’mod partikolari, il-fatt li n-nisa huma iktar suġġetti għall-iżvantaġġi professjonali li jirriżultaw mill-edukazzjoni tal-ulied peress li huma n-nisa li ġeneralment ikunu responsabbli minn din l-edukazzjoni ma jistax jeskludi l-paragunabbiltà tagħhom mas-sitwazzjoni ta’ raġel li kien responsabbli għall-edukazzjoni ta’ wliedu u, minħabba dan, kien suġġett għall-istess żvantaġġi professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 56).

53

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 66 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ data statistika li tistabbilixxi differenzi strutturali bejn l-ammonti ta’ pensjoni tan-nisa u dawk tal-irġiel ma hijiex biżżejjed sabiex tippermetti li twassal għall-konklużjoni li, fir-rigward tal-pensjoni inkwistjoni, in-nisa u l-irġiel ma jitqiegħdux f’sitwazzjoni paragunabbli bħala ġenitur.

54

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, deroga mill-projbizzjoni, stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7, ta’ kull diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess hija possibbli biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti fid-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2014, X, C‑318/13, EU:C:2014:2133, punti 34 u 35, kif ukoll tas-26 ta’ Ġunju 2018, MB (Bidla fil-ġeneru u pensjoni tal-irtirar), C‑451/16, EU:C:2018:492, punt 50).

55

Fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet għal deroga, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-mara minħabba l-maternità.

56

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, billi jħalli lill-Istati Membri d-dritt li jżommu jew li jintroduċu dispożizzjonijiet intiżi sabiex jiżguraw din il-protezzjoni, l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7 jirrikonoxxi l-leġittimità, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn is-sessi, minn naħa, tal-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tal-mara waqt it-tqala u s-segwitu tagħha, u min-naħa l-oħra, tal-protezzjoni tar-relazzjonijiet partikolari bejn il-mara u l-wild tagħha matul il-perijodu li jsegwi l-ħlas (ara, f’dan is-sens, fir-rigward tad-Direttiva 76/207, is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 1984, Hofmann, 184/83, EU:C:1984:273, punt 25, u tad-19 ta’ Settembru 2013, Betriu Montull, C‑5/12, EU:C:2013:571, punt 62).

57

Madankollu, fil-każ ineżami, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS ma jinkludi ebda element li jistabbilixxi rabta bejn l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni u t-teħid ta’ leave tal-maternità jew l-iżvantaġġi li ġġarrab mara fil-karriera tagħha minħabba l-assenza tagħha mis-servizz matul il-perijodu li jsegwi l-ħlas.

58

B’mod partikolari, l-imsemmi suppliment jingħata lin-nisa li adottaw tfal, li jindika li l-leġiżlatur nazzjonali ma kellux l-intenzjoni li jillimita l-applikazzjoni tal-Artikolu 60(1) tal-LGSS għall-protezzjoni tal-kundizzjoni bijoloġika tan-nisa li jkunu welldu.

59

Barra minn hekk, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-dispożizzjoni ma teżiġix li n-nisa jkunu effettivament iddeċidew li jieqfu mix-xogħol meta kellhom uliedhom, peress li ma hemmx il-kundizzjoni relatata mat-teħid ta’ leave tal-maternità. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta mara tkun welldet qabel id-dħul fis-suq tax-xogħol.

60

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li suppliment għall-pensjoni bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga mill-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet prevista fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/7.

61

Fit-tieni lok, skont l-Artikolu 7(1)(b) ta’ din id-direttiva, din ma tostakolax il-possibbiltà li għandhom l-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-vantaġġi mogħtija fil-qasam tal-assigurazzjoni għax-xjuħija lill-persuni li rabbew it-tfal u l-akkwist ta’ drittijiet għall-benefiċċji wara perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba l-edukazzjoni tat-tfal.

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 60(1) tal-LGSS ma jissuġġettax l-għoti tas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni għall-edukazzjoni tat-tfal jew għall-eżistenza ta’ perijodi ta’ waqfien mix-xogħol minħabba l-edukazzjoni tat-tfal, iżda biss għall-fatt li n-nisa benefiċjarji kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u jirċievu pensjoni kontributorja ta’ rtirar, ta’ rmulija jew ta’ inkapaċità permanenti skont sistema ta’ sigurtà soċjali.

63

Konsegwentement, l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 79/7 ma huwiex applikabbli għal benefiċċju bħas-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni.

64

Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li, skont l-Artikolu 157(4) TFUE, sabiex tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludix l-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri li jipprovdu vantaġġi speċifiċi intiżi li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ attività professjonali mis-sess sottorappreżentat jew intiżi li jipprekludu jew jikkumpensaw żvantaġġi fil-karriera professjonali.

65

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika għal dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 60(1) tal-LGSS, peress li s-suppliment għall-pensjoni inkwistjoni huwa limitat li jagħti lin-nisa ammont addizzjonali mal-għoti ta’ pensjoni, b’mod partikolari, fil-każ ta’ invalidità permanenti, mingħajr ma jirrimedja problemi li jistgħu jaffaċċjaw matul il-karriera professjonali tagħhom u peress li tali suppliment ma jidhirx li huwa ta’ natura li jikkumpensa l-iżvantaġġi li jkunu esposti għalihom in-nisa billi jgħinhom fil-karriera tagħhom u, għalhekk, jiżgura ugwaljanza sħiħa bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja professjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 65, u tas-17 ta’ Lulju 2014, Leone, C‑173/13, EU:C:2014:2090, punt 101).

66

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess u, għalhekk, hija pprojbita mid-Direttiva 79/7.

67

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 79/7 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ inkapaċità permanenti skont sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma jkollhomx dritt għal tali suppliment għall-pensjoni.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi d-dritt għal suppliment għall-pensjoni lin-nisa li kellhom mill-inqas żewġ ulied bijoloġiċi jew adottati u li jibbenefikaw minn pensjonijiet kontributorji ta’ inkapaċità permanenti skont sistema ta’ sigurtà soċjali nazzjonali, filwaqt li l-irġiel li jinsabu f’sitwazzjoni identika ma jkollhomx dritt għal tali suppliment għall-pensjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.