SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

2 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Effiċjenza enerġetika – Direttiva 2012/27/UE – Artikolu 11(1) – Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar kejl tal-konsum u fatturi għall-elettriku – Dritt tal-klijenti finali li jirċievu l-fatturi u l-informazzjoni kollha dwar il-fatturazzjoni għall-konsum tal-enerġija mingħajr ħlas – Spejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku – Tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku mogħtija minn impriża ta’ bejgħ tal-enerġija elettrika lill-klijenti li għażlu l-fattura elettronika”

Fil-Kawża C‑294/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ April 2018, fil-proċedura mibdija minn

Oulun Sähkönmyynti Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Energiavirasto, minn P. Malén, lakimies,

għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. G. Marrone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u minn K. Talabér‑Ritz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU 2012, L 315, p. 1)

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Oulun Sähkönmyynti Oy, kumpannija tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku, dwar deċiżjoni tal-Energiavirasto (l-Aġenzija għall-Enerġija, il-Finlandja) relatata ma’ tnaqqis ta’ kull xahar fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku lil klijenti finali li għażlu fattura elettronika.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 32 u 33 tad-Direttiva 2012/27 jistabbilixxu:

“32)

L-impatt tad-dispożizzjonijiet dwar is-sistemi tal-arloġġi u tal-kontjiet fid-Direttivi 2006/32/KE Direttiva 2006/32/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 5 ta’ April 2006 dwar effiċjenza fl-użu finali ta’ l-enerġija u dwar servizzi ta’ enerġija u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/76/KEE(ĠU 2006, L 114, p. 64)], [2009/72/KE Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55)] u 2009/73/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (ĠU 2009, L 211, p. 94)], kien limitat. F’ħafna partijiet tal-Unjoni, dawn id-dispożizzjonijiet ma wasslux biex il-klijenti jirċievu informazzjoni aġġornata dwar il-konsum tal-enerġija tagħhom, lanqas kontijiet ibbażati fuq il-konsum attwali fi frekwenza li l-istudji juru li huma meħtieġa biex jippermettu lill-klijenti jirregolaw l-użu enerġetiku tagħhom. Fis-setturi tat-tisħin tal-ispazju u l-ilma sħun f’bini b’diversi appartamenti, in-nuqqas ta’ ċarezza ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ukoll wassal għal bosta lmenti miċ-ċittadini.

33)

Sabiex tisaħħaħ il-pożizzjoni tal-klijenti aħħarin fir-rigward tal-aċċess għall-informazzjoni mill-arloġġi u l-kontijiet għall-konsum tal-enerġija individwali tagħhom, waqt li jitqiesu l-opportuniajiet assoċjati mal-proċess tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti u l-introduzzjoni ta’ arloġġi intelliġenti fl-Istati Membri, huwa importanti li r-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni jiġu ċċarati. Dan għandu jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti mgħammra b’funzjonijiet li jtejbu l-iffrankar tal-enerġija u li jappoġġaw l-iżvilupp ta’ swieq għas-servizzi tal-enerġija u ġestjoni tal-provvista. L-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ arloġġi intelliġenti tippermetti kontijiet frekwenti abbażi ta’ konsum attwali. Madankollu, hemm anke l-ħtieġa li jiġu kkjarifikati r-rekwiżiti għall-aċċess għall-informazzjoni u l-kontijiet ġusti u preċiżi bbażati fuq il-konsum attwali f’każijiet fejn il-arloġġi intelliġenti ma jkunux disponibbli sal-2020, inkluż f’rabta mal-arloġġi u l-kontijiet ta’ konsum individwali ta’ tisħin, tkessiħ u ilma sħun f’bini b’diversi appartamenti pprovduti mis-sistema distrettwali tat-tisħin/tkessiħ jew is-sistema ta’ tisħin komuni proprja installata f’dan it-tip ta’ bini.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/27, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li sal-2020 tintlaħaq il-mira ewlenija għall-effiċjenza fl-enerġija ta’ 20 % u sabiex titwitta t-triq għal iktar titjib fl-effiċjenza fl-enerġija lil hinn minn dik id-data.

[…]

2.   Ir-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva huma rekwiżiti minimi u ma għandhom jipprevjenu lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri iktar stretti. Tali miżuri għandhom ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni. Fejn il-leġislazzjoni nazzjonali tipprevedi miżuri aktar stretti, l-Istati Membru għandu jinnotifika tali leġislazzjoni lill-Kummissjoni.”

5

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, intitolat “Informazzjoni dwar il-kontijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Indipendentement minn jekk l-arloġġi intelliġenti jkunux ġew installati jew le, l-Istati Membri:

[…]

b)

għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikunu offruti l-għażla ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi u li jirċievu, fuq talba, spjegazzjoni ċara u li tiftiehem ta’ kif il-kont tagħhom ġie dderivat, speċjalment fejn il-kontijiet ma jkunux ibbażati fuq il-konsum attwali;

[…]”

6

L-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Spiża tal-aċċess għal informazzjoni dwar arloġġi u kontijiet”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet u informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għal konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarinukoll ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b’mod adegwat u mingħajr ħlas.”

7

L-Anness VII tad-Direttiva 2012/27, intitolat “Rekwiżiti minimi għal kontijiet u informazzjoni fil-kontijiet ibbażata fuq il-konsum proprju”, jippreċiża, fil-punt 1.1 tiegħu, li jirrigwarda “[k]ontijiet ibbażati fuq il-konsum proprju”, dan li ġej:

“Biex il-klijenti aħħarin ikunu jistgħu jirregolaw il-konsum tagħhom tal-enerġija, il-kontijiet għandhom isiru fuq il-bażi tal-konsum proprju tal-inqas darba fis-sena, u l-informazzjoni fil-kontijiet għandha tkun disponibbli tal-inqas kull tliet xhur, fuq talba jew fejn il-konsumaturi jkunu għażlu li jirċievu fattura elettronika jew inkella darbtejn fis-sena. Il-gass li jintuża biss għal skopijiet ta’ tisjir jista’ jkun eżentat minn dan ir-rekwiżit.”

Id-dritt tal-Finlandja

8

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 ġie traspost fl-ordinament ġuridiku Finlandiż fl-Artikolu 69 tas-sähkömarkkinalaki (588/2013) (il-Liġi Nru 588/2013 dwar is-Suq tal-Elettriku). Dan l-artikolu, intitolat “Fatturazzjoni mill-impriża ta’ bejgħ bl-imnut”, jipprevedi, fil-ħames paragrafu tiegħu, li “[i]l-fatturi u l-informazzjoni dwar il-prezzijiet u l-konsum imsemmija [fl-imsemmi] artikolu għandhom jiġu pprovduti lill-konsumatur finali mingħajr ħlas u b’mod xieraq” u li “[i]l‑konsumatur finali jista’, jekk jixtieq, jirċievi l-fatturi u l-informazzjoni dwar il-konsum f’forma elettronika”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

Il-prezz tal-elettriku mibjugħ mill-Oulun Sähkönmyynti jikkonsisti f’tariffa fissa ta’ kull xahar bħala spejjeż ta’ aċċess għan-netwerk u fi prezz tal-enerġija bbażat fuq il-konsum tal-elettriku. L-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk normalment jitilgħu għal EUR 2.50 fix-xahar. Mill‑1 ta’ Jannar 2016, l-Oulun Sähkönmyynti tat tnaqqis ta’ kull xahar ta’ EUR 1 fuq l-ispejjeż għall-aċċess għan-netwerk lill-klijenti li għażlu l-fattura elettronika, u mhux lil dawk li għażlu mezzi oħra, bħal fattura fuq karta, il-ġbir dirett u, għall-klijenti li huma impriżi, il-fattura onlajn.

10

B’deċiżjoni tal-20 ta’ Ġunju 2017, l-Aġenzija tal-Enerġija qieset li dan it-tnaqqis kien ekwiparabbli għal ħlas mill-klijenti li ma għażlux il-fattura elettronika ta’ ammont ta’ EUR 1 għall-fatturi tagħhom stess. Għalhekk, hija ordnat lill-Oulun Sähkönmyynti li tbiddel il-prattika tagħha ta’ fatturazzjoni u li tiżgura d-dritt tal-klijenti tagħha li jirċievu l-fatturi tagħhom mingħajr ħlas. Barra minn hekk, permezz tal-istess deċiżjoni, hija talbet lill-Oulun Sähkönmyynti tirrimborża l-ammont tal-ispejjeż li, mill‑1 ta’ Jannar 2016, kienu ġew imposti indebitament fuq klijenti li ma għażlux il-fattura elettronika.

11

L-Oulun Sähkönmyynti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), il-qorti tar-rinviju.

12

Insostenn ta’ dan ir-rikors, l-Oulun Sähkönmyynti ssostni li l-klijenti kollha tagħha jirċievu l-fatturi tal-elettriku tagħhom mingħajr ħlas, irrispettivament mit-tip ta’ fatturazzjoni li jkunu għażlu. Madankollu, skont din il-kumpannija, ir-rekwiżit li l-fattura tiġi pprovduta bla ħlas ma jfissirx li din il-kumpannija hija prekluża milli tagħti tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku lill-klijenti li jkunu għażlu l-fattura elettronika. Barra minn hekk, it-tnaqqis mogħti lil dawn il-klijenti ma huwiex ibbażat fuq it-tnaqqis tal-ispejjeż reali, iżda fuq l-istima tal-effetti ta’ dan it-tnaqqis. Il-frekwenza ta’ fatturazzjoni la taffettwa l-ammont tal-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk u lanqas l-ammont tat-tnaqqis, u l-klijenti jistgħu wkoll jagħżlu bejn erba’, sitt jew tnax-il fattura fis-sena. Barra minn hekk, il-fatturazzjoni elettronika tista’ tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi.

13

L-Aġenzija għall-Enerġija ssostni li t-tnaqqis inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa ekwiparabbli għal evitar tar-regola li tgħid li l-klijenti kollha jirċievu l-fatturi tal-elettriku tagħhom mingħajr ħlas. Mill-perspettiva ta’ klijent finali, ftit huwa rilevanti li jkun magħruf jekk pagament speċifiku huwiex mitlub għall-fattura jew jekk l-ispejjeż tan-netwerk humiex ogħla minħabba li dan il-klijent għażel fatturazzjoni mhux elettronika. Skont l-Aġenzija għall-Enerġija, il-fattur importanti huwa d-differenza fil-prezz bejn it-tipi differenti ta’ fatturazzjoni. L-Aġenzija għall-Enerġija żżid li hija biss l-interpretazzjoni li hija tiddefendi li tista’ tiżgura li l-klijenti finali li ma għandhomx aċċess għas-servizzi elettroniċi, u li huma ta’ spiss ukoll vulnerabbli, jirċievu l-fatturi tal-elettriku tagħhom mingħajr spejjeż.

14

Il-qorti tar-rinviju tesponi li kemm l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 kif ukoll il-ħames paragrafu tal-Artikolu 69 tal-Liġi Nru 588/2013 dwar is-Suq tal-Elettriku, jipprevedu li l-fatturi u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni jridu jiġu pprovduti lill-konsumatur finali mingħajr ħlas u b’mod xieraq. Madankollu, skont in-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva 2012/27 (SWD/2013/0448 final), ir-rekwiżit ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-fattura u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni ma jipprekludix li impriża ta’ bejgħ bl-imnut tal-elettriku tagħti tnaqqis jew bonus lil klijenti finali meta jagħżlu fatturazzjoni elettronika.

15

Din il-qorti tosserva, minn naħa, li, anki jekk dan id-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni ma jikkostitwixxix sors tad-dritt vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE u ma jibdilx l-effetti legali tad-Direttiva 2012/27, dan l-istess dokument juri li huwa possibbli li tinterpreta l-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva kif stabbilit mill-Oulun Sähkönmyynti, jiġifieri li jiġi rrilevat biss in-nuqqas ta’ ħlas tal-fattura. Madankollu, u min-naħa l-oħra, kif tissuġġerixxi l-Aġenzija għall-Enerġija, is-sitwazzjoni li fiha l-klijent finali, li ma jkunx għażel fattura elettronika, jintalbu minnu spejjeż għall-aċċess għan-netwerk ogħla, tista’ titqies bħala sitwazzjoni li fiha qed jintalab ħlas speċifiku bħala korrispettiv għal fattura fuq karta.

16

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li ma jirriżultax mill-provi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li r-Repubblika tal-Finlandja adottat miżuri nazzjonali li huma iktar stretti minn dawk previsti fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27.

17

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li tnaqqis tal-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku huwa mogħti lil klijent finali minħabba l-mod ta’ fatturazzjoni li huwa għażel ifisser li l-fattura u l-informazzjoni relatata mal-fattura ma humiex ipprovduti mingħajr ħlas lill-klijenti finali li ma bbenefikawx minn tnaqqis?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda preliminari hija fin-negattiv u l-għoti tat-tnaqqis hawn fuq imsemmi jista’ jkun awtorizzat, mid-Direttiva 2012/27 jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tan-natura awtorizzata tat-tnaqqis, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kundizzjonijiet supplimentari partikolari, bħal pereżempju, il-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis kienx jikkorrispondi għal tnaqqis tal-ispejjeż minħabba l-mod ta’ fatturazzjoni magħżul, il-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis isirx kull darba li jkun hemm fatturazzjoni jew il-kwistjoni ta’ jekk it-tnaqqis jistax jipprevedi l-kategorija ta’ klijenti finali li, bl-għażla tagħhom tal-mod ta’ fatturazzjoni, ipprovokaw tnaqqis tal-ispejjeż?

3)

Fil-każ li l-fatt li jingħata t-tnaqqis previst fl-ewwel domanda preliminari jfisser li l-klijenti finali li ma jkunux għażlu mod ta’ fatturazzjoni partikolari jistgħu jitolbu lura ħlasijiet kuntrarji għall-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27, mid-dritt tal-Unjoni jirriżultaw rekwiżiti partikolari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni dwar ir-rimbors ta’ dawn il-ħlasijiet?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

18

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jipprekludix tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku mogħti minn impriża tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti finali li jkunu għażlu fattura elettronika.

19

Kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tqajjem dawn il-kwistjonijiet peress li, fil-fehma tagħha, l-għoti ta’ tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku lil klijenti finali li għażlu l-fattura elettronika jista’ jimplika li l-klijenti l-oħra ma jirċevux il-fatturi tagħhom mingħajr ħlas.

20

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin jirċievu l-kontijiet u informazzjoni kollha dwar il-kontijiet għal konsum tal-enerġija mingħajr ħlas u li l-klijenti aħħarinukoll ikollhom aċċess għad-data dwar il-konsum tagħhom b’mod adegwat u mingħajr ħlas”.

21

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti [sentenzi tat-2 ta’ Settembru 2015, Surmačs, C‑127/14, EU:C:2015:522, punt 28, u tas-16 ta’ Novembru 2016, DHL Express (Austria), C‑2/15, EU:C:2016:880, punt 19).

22

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 jirriżulta li din id-dispożizzjoni sempliċement tistabbilixxi obbligu fuq l-Istati Membri li jipprevedu li l-kumpanniji tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku għandhom jiżguraw li l-klijenti finali tagħhom jirċievu mingħajr ħlas il-fatturi tagħhom u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni għall-konsum tal-enerġija tagħhom, u ma timponi l-ebda rekwiżit addizzjonali dwar dan l-obbligu. Għalhekk, peress li l-fatturi u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni jiġu trażmessi mingħajr ħlas lill-klijenti finali, l-imsemmija dispożizzjoni ma tipprekludix li jingħata tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk lill-klijent ikkonċernat.

23

Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 hija sostnuta mill-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni u mill-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

24

Fil-fatt, id-Direttiva 2012/27 għandha biss l-għan li tistabbilixxi, skont l-Artikolu 1 tagħha, qafas komuni ta’ miżuri għall-promozzjoni tal-effiċjenza enerġetika fi ħdan l-Unjoni sabiex ikun żgurat li tintlaħaq il-mira tal-Unjoni għal żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika sal-2020 u sabiex titwitta t-triq għal iktar effiċjenza enerġetika wara din id-data (sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, Saras Energía, C‑561/16, EU:C:2018:633, punt 24).

25

B’mod konkret, mill-premessi 32 u 33 ta’ din id-direttiva jirriżulta li din id-direttiva, b’mod partikolari, tiffoka essenzjalment, fuq in-neċessità li jingħataw iktar mezzi lill-klijent finali biex jaċċedi għall-informazzjoni li tirriżulta mill-miżura u mill-fatturazzjoni tal-konsum individwali tal-enerġija, fuq l-implimentazzjoni ta’ sistemi intelliġenti ta’ kejl, fuq fatturazzjoni frekwenti bbażata fuq il-konsum attwali, fuq l-aċċess għall-informazzjoni u fuq fatturazzjoni ekwa u eżatta.

26

Barra minn hekk, mill-Artikolu 10(3)(b) tal-imsemmija direttiva, skont liema l-Istati Membri “għandhom jiżguraw li l-klijenti aħħarin ikunu offruti l-għażla ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u kontijiet elettroniċi”, tirriżulta rieda għall-promozzjoni ta’ fatturi elettroniċi.

27

B’hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-possibbiltà mogħtija permezz tal-fattura elettronika sabiex trendi l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni u l-konsum individwali tal-enerġija iktar aċċessibbli u iktar frekwenti tista’ tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2012/27 f’termini ta’ effiċjenza enerġetika.

28

Konsegwentement, il-fatt li tagħti tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku, filwaqt li jiġi osservat ir-rekwiżit tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27, li jgħid li l-fatturi u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni għandhom jintbagħtu mingħajr ħlas lill-klijenti finali, ma jikkontradixxix l-għanijiet segwiti minn din tal-aħħar.

29

Fl-aħħar nett, it-tnaqqis mogħti lill-klijenti li jagħżlu l-fattura elettronika għandu l-għan, b’mod partikolari, li jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi tal-impriża tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku. Issa, sabiex jiġu rrazzjonalizzati l-ispejjeż amministrattivi, din l-impriża għandu jkollha mezzi li jinċentivaw lill-klijenti finali sabiex jaċċettaw iktar faċilment il-bidliet fl-użanzi tagħhom ta’ fatturazzjoni, fatt li jista’ jwassal, jekk ikun il-każ, għall-adozzjoni ta’ fattura elettronika. Interpretazzjoni tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 bħala li jipprekludi lill-impriża tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku li tagħti tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk lill-klijenti finali li jagħżlu il-fattura elettronika ċċaħħad lil tali impriża minn din il-possibbiltà.

30

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Finlandiż, il-fatt li tagħti tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk lill-klijenti finali li għażlu l-fattura elettronika ma jistax jitqies li jikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, evitar tar-regola tal-gratuwità tal-fatturi u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni, imposta fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27.

31

Fil-fatt, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li huwa fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk eżistenti li l-Oulun Sähkönmyynti tat tnaqqis lil klijenti finali li għażlu l-fattura elettronika u li, qabel l-introduzzjoni ta’ tali tnaqqis, qatt ma ġie lmentat lill-Oulun Sähkönmyynti talli ma osservatx dan l-obbligu ta’ gratuwità tal-fatturi u tal-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni. Barra minn hekk, wara l-introduzzjoni ta’ tali tnaqqis, il-klijenti finali li jkunu għażlu metodu ta’ fatturazzjoni li ma huwiex il-fattura elettronika komplew jirċievu, mingħajr ħlas, il-fatturi u l-informazzjoni kollha dwar il-fatturazzjoni għall-konsum tal-enerġija, kif ukoll iħallsu l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku fl-istess ammont. Jidher ukoll li l-klijenti jħallsu l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk, irrispettivament minn jekk jixtiqux jirċievu l-fattura u l-informazzjoni dwar il-fatturazzjoni erba’, sitt jew tnax-il darba fis-sena. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-tnaqqis fuq l-ispejjeż għall-aċċess għan-netwerk tal-elettriku lill-klijenti finali li għażlu l-fattura elettronika ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ħlas effettiv impost fuq klijenti finali oħra u, konsegwentement, bħala li huwa evitar tal-obbligu impost fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li hemm lok li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda tkun li l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa ma jipprekludix tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku mogħtija minn impriża tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti finali li jkunu għażlu fattura elettronika.

Fuq it-tielet domanda

33

It-tielet domanda hija magħmula fl-ipoteżi ta’ risposta affermattiva mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-ewwel domanda. Peress li din ir-risposta kienet fin-negattiv, kif jirriżulta mill-punti 18 sa 32 ta’ din is-sentenza, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

34

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, huwa ma jipprekludix tnaqqis fuq l-ispejjeż ta’ aċċess għan-netwerk tal-elettriku mogħtija minn impriża tal-bejgħ bl-imnut tal-elettriku lill-klijenti finali li jkunu għażlu fattura elettronika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.