SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 12(1) – Applikazzjoni ratione temporis – Libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-mod ta’ provvista ta’ servizzi – Limiti – Kuntratti pubbliċi li huma suġġetti għal għoti msejjaħ ‘in house’ – Operazzjoni interna – Sovrappożizzjoni ta’ kuntratt pubbliku u ta’ operazzjoni interna”

Fil-Kawża C‑285/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2018, fil-proċedura mressqa minn

Kauno miesto savivaldybė,

Kauno miesto savivaldybės administracija,

fil-preżenza ta’:

UAB “Irgita”,

UAB “Kauno švara”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby (Relatur), S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Kauno miesto savivaldybės administracija, inizjalment minn L. Ziferman, advokatė, M. Dobilas u A. Mikočiūnienė, advokato padėjėjai, sussegwentement minn K. Kačerauskas, V. Vaitkutė Pavan, advokatai, u A. Mikočiūnienė, advokato padėjėja,

għal UAB “Irgita”, minn D. Pakėnas, advokatas,

għal UAB “Kauno švara”, minn V. Masiulis, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, R. Butvydytė, J. Prasauskienė u R. Krasuckaitė, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda, P. Ondrůšek u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(a) u tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), tal-Artikoli 1, 12 u 18 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18 (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), tal-Artikoli 18, 49, 56 u 106 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża mressqa mill-Kauno miesto savivaldybė (il-muniċipalità tal-belt ta’ Kaunas, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“belt ta’ Kaunas”) u l-Kauno miesto savivaldybės administracija (l-Amministrazzjoni Muniċipali tal-belt ta’ Kaunas, il-Litwanja, iktar ’il quddiem l-“awtorità kontraenti”) dwar il-konklużjoni, bejn UAB “Kauno švara” u l-awtorità kontraenti, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 2, 5, 7, 31 u 32 tad-Direttiva 2014/24 jipprovdu:

“(1)

L-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn jew f’isem l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-Trattat [FUE], b’mod partikolari mal-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jingħataw servizzi, kif ukoll mal-prinċipji li jitnisslu minnhom, bħat-trattament ugwali, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza. Madankollu, għal kuntratti pubbliċi li jaqbżu ċertu valur, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri ta’ akkwist nazzjonali sabiex jiġi żgurat li dawk il-prinċipji jingħataw effett prattiku u li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni.

(2)

L-akkwist pubbliku għandu rwol ċentrali fl-istrateġija Ewropa 2020, stabbilita fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2010 intitolata ‘EWROPA 2020 Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv’ […], bħala wieħed mill-istrumenti bbażati fuq is-suq li għandu jintuża sabiex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv filwaqt li jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tal-fondi pubbliċi. Għal dak il-għan, ir-regoli dwar l-akkwist pubbliku adottati skont id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19)], u d-Direttiva [2004/18] għandhom jiġu riveduti u modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tan-nefqa pubblika, tiġi ffaċilitata b’mod partikolari l-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u medji (SMEs) fl-akkwist pubbliku u sabiex ix-xerrejja jkunu jistgħu jagħmlu użu aħjar mill-akkwist pubbliku b’appoġġ għall-għanijiet soċjali komuni. Hemm bżonn ukoll li jiġu ċċarati ideat u kunċetti bażiċi sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex jiġu inkorporati ċerti aspetti relatati ta’ każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja […].

[…]

(5)

Għandu jiġi mfakkar li xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva. […]

[…]

(7)

Fl-aħħar, għandu jiġi mfakkar li din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jiddefinixxu, f’konformità mad-Dritt tal-Unjoni, servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom u l-karatteristiċi tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, inkluż kwalunkwe kondizzjonijiet dwar il-kwalità tas-servizz, sabiex jiġu segwiti l-objettivi tal-politika pubblika tagħhom. Din id-Direttiva għandha tkun ukoll mingħajr preġudizzju għas-setgħa ta’ awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdu, servizzi ta’ kummissjoni u finanzi ta’ interess ekonomiku ġenerali f’konformità mal-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26 dwar Servizzi ta’ Interess Ġenerali anness għat-TFUE u għat-Trattat [UE]. Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tittrattax il-finanzjament tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew is-sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, skont ir-regoli tal-Unjoni [Ewropea] dwar il-kompetizzjoni.

[…]

(31)

Hemm inċertezza legali konsiderevoli dwar sa fejn il-kuntratti konklużi bejn entitajiet fis-settur pubbliku għandhom ikunu koperti bir-regoli dwar l-akkwist pubbliku. Il-każistika rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja] hija interpretata b’mod differenti bejn l-Istati Membri u anki bejn l-awtoritajiet kontraenti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ċċarat f’liema każijiet, il-kuntratti konklużi fi ħdan is-settur pubbliku mhumiex soġġetti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

Din il-kjarifika għandha tkun iggwidata mill-prinċipji stabbiliti fil-każistika rilevanti [Qorti tal-Ġustizzja]. Is-sempliċi fatt li ż-żewġ partijiet fi ftehim huma awtoritajiet pubbliċi huma stess, fih innifsu ma jeskludix l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-akkwist. Madankollu, l-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku ma għandhiex itellef [ittellef] il-libertà tal-awtoritajiet pubbliċi biex iwettqu l-kompiti pubbliċi ta’ servizzi kkonferiti lilhom billi jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom li tinkludi l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet pubbliċi oħrajn.

Għandu jiġi żgurat li kull kooperazzjoni eżentata bejn l-awtoritajiet pubbliċi ma tirriżultax f’distorsjoni fil-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati peress li hi tpoġġi lill-fornitur privat ta’ servizzi f’pożizzjoni ta’ vantaġġ vis-à-vis il-kompetituri tagħha.

(32)

Kuntratti pubbliċi mogħtija lil persuni ġuridiċi kkontrollati ma għandhomx ikunu soġġetti għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti f’din id-Direttiva jekk l-awtorità kontraenti twettaq kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata simili għal dak li twettaq fuq id-dipartimenti tagħha stess, dment li l-persuna legali kkontrollata twettaq aktar minn 80 % tal-attivitajiet tagħha fit-twettiq ta’ kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew minn persuni ġuridiċi oħrajn ikkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti, irrilevanti mill-benefiċjarju tat-twettiq tal-kuntratt.

[…]”

4

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, fil-paragrafu 4 tiegħu jipprovdi:

“Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma taffettwax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet pubbliċi jekk, kif u sa liema punt jixtiequ jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26.”

5

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda l-“[k]untratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi:

“Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali [li ma jikkontrollawx u ma jimblokkawx, meħtieġa mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali], f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Prinċipji tal-akkwist [Prinċipji tal-għoti ta’ kuntratti]”:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

7

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tagħha, id-Direttiva 2014/24 ħassret id-Direttiva 2004/18 b’effett mit-18 ta’ April 2016.

Id-dritt Litwan

8

Skont l-Artikolu 10(5) tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi Litwana dwar il-Kuntratti Pubbliċi, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-1 ta’ Lulju 2017, operazzjoni interna “[setgħet] tinbeda […] biss […] wara li tingħata awtorizzazzjoni tal-awtorità tal-kuntratti pubbliċi”.

9

Fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2017, l-Artikolu 10 tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi jipprovdi:

“1.   Ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi ma japplikawx għal operazzjonijiet interni konklużi minn awtorità kontraenti ma’ awtorità kontraenti oħra fil-każ li tkun issodisfatta li l-kundizzjonijiet segwenti kollha jkunu preżenti mingħajr eċċezzjoni:

1)

l-awtorità kontraenti għandha kontroll fuq l-awtorità kontraenti l-oħra identiku għal dak li hija għandha fuq is-servizzi jew id-diviżjoni strutturali tagħha stess, u tinfluwenza b’mod deċiżiv l-għanijiet strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinjifikattivi tagħha, inklużi d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-investiment fuq żmien twil, ċessjoni, kera, rahan u ipoteka; akkwist jew trasferiment ta’ ishma f’entitajiet ekonomiċi oħra; trasferiment tal-ġestjoni ta’ fergħa ta’ entità oħra. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

2)

matul it-tliet snin finanzjarji preċedenti, l-awtorità kontraenti kkontrollata wettqet iktar minn 80 % tad-dħul medju minn kuntratti konklużi mal-awtorità kontraenti li għandha l-kontroll jew ma’ persuni ġuridiċi kkontrollati minn din l-awtorità kontraenti u intiżi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħha/tagħhom u li jippermetti t-twettiq tal-funzjonijiet tagħha/tagħhom. Jekk l-awtorità kontraenti kkontrollata teżerċita l-attività tagħha għal inqas minn tliet snin, ir-riżultati tagħha għandhom ikunu stmati skont il-pjan ta’ attività tagħha.

3)

ma hemm ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fl-awtorità kontraenti kkontrollata.

2.   Operazzjoni interna tista’ tiġi konkluża biss f’każ eċċezzjonali, meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jiġu ssodisfatti u l-kontinwità, il-kwalità tajba u d-disponibbiltà tas-servizzi ma jistgħux jiġu żgurati jekk huma jinxtraw permezz ta’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi.

[…]

5.   Impriżi pubbliċi, kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, u kumpanniji privati b’responsabbiltà limitata li fihom l-Istat għandu ishma b’iktar minn nofs il-voti fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ma jistgħu jikkonkludu ebda operazzjoni interna.”

10

L-Artikolu 4 tal-Lietuvos Respublikos konkurencijos istatymas (il-Liġi Litwana dwar il-Kompetizzjoni) tat-23 ta’ Marzu 1999 (Žin., 1999, Nru 30–856, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kompetizzjoni”), jipprovdi:

“1.   Fit-twettiq tal-kompiti fdati lilha fir-rigward tar-regolazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi fir-Repubblika tal-Litwanja, entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika għandhom jiżguraw il-libertà tal-kompetizzjoni ġusta.

2.   Entitajiet tal-amministrazzjoni pubblika għandhom ikunu pprojbiti milli jadottaw atti ġuridiċi jew deċiżjonijiet oħra li jagħtu privileġġi lil, jew jiddiskriminaw kontra, kwalunkwe entità ekonomika individwali jew il-gruppi tagħha u li jirriżultaw, jew jistgħu jirriżultaw, f’differenzi fil-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni għal entitajiet ekonomiċi li jikkompetu f’suq rilevanti, ħlief fejn id-differenza fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ma tistax tiġi evitata biex tiġi żgurata konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Fis-7 ta’ Frar 2014, l-awtorità kontraenti ppubblikat avviż ta’ kuntratt dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ manutenzjoni u mmaniġġjar tal-pjantazzjonijiet, il-foresti u l-parks fil-belt ta’ Kaunas.

12

Dan il-kuntratt, kompost minn tliet partijiet, ġie attribwit fl-intier tiegħu lil Irgita u b’mod partikolari wassal għall-firma, fit-18 ta’ Marzu 2014, ta’ kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħsad għal perijodu ta’ tliet snin, jiġifieri sat-18 ta’ Marzu 2017.

13

Dan il-kuntratt kien jipprevedi l-volum massimu ta’ servizzi li setgħu jintalbu mingħand Irgita. Madankollu, l-awtorità kontraenti ma ntrabtitx li tordna s-servizzi kollha u lanqas il-volum kollu tas-servizzi previsti f’dan il-kuntratt. Barra minn hekk, l-awtorità kontraenti kellha tħallas lil Irgita biss għas-servizzi effettivament imwettqa skont it-tariffi previsti fl-istess kuntratt.

14

Fl-1 ta’ April 2016, l-awtorità kontraenti talbet l-awtorizzazzjoni tal-Viešųjų pirkimų tarnyba (l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Litwanja) sabiex tikkonkludi ma’ Kauno švara operazzjoni interna li tirrigwarda servizzi li huma essenzjalment analogi għal dawk li għalihom kienet ġiet inkarigata Irgita permezz tal-kuntratt tat-18 ta’ Marzu 2014.

15

Kauno švara, li għandha personalità ġuridika, hija kkontrollata mill-awtorità kontraenti li żżomm il-kapital tagħha kollu. Barra minn hekk, fl-2015 hija wettqet 90.07 % tad-dħul mill-bejgħ tagħha billi eżerċitat l-attività tagħha biss għall-benefiċċju tal-awtorità kontraenti.

16

Fl-20 ta’ April 2016, l-awtorità tal-kuntratti pubbliċi awtorizzat il-konklużjoni ta’ kuntratt bejn Kauno švara u l-awtorità kontraenti bil-għan tal-provvista tas-servizzi kkonċernati, filwaqt li imponiet fuq din tal-aħħar li, qabel ma tikkonkludi l-imsemmi kuntratt, tevalwa l-possibbiltà li takkwista dawn is-servizzi billi torganizza proċedura ta’ kuntratt pubbliku. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kontraenti kienet obbligata tikkonforma ruħha mal-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni.

17

Fit-3 ta’ Mejju 2016, il-belt ta’ Kaunas iddeċidiet li tikkonkludi kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi ta’ ħsad ma’ Kauno švara u ffissat it-tariffi tas-servizzi li għandhom jitwettqu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

18

Fid-19 ta’ Mejju 2016, l-awtorità kontraenti u Kauno švara kkonkludew l-imsemmi kuntratt (iktar ’il quddiem il-“kuntratt kontenzjuż”). Dan il-kuntratt, li t-tul tiegħu ġie ffissat għal ħames snin, jipprovdi b’mod partikolari li l-ordnijiet għal servizzi għandhom jiddependu mill-bżonnijiet tal-awtorità kontraenti, li s-servizzi jiġu remunerati skont it-tariffi previsti fil-kuntratt u li t-terminu tiegħu jista’ jiġi estiż.

19

Fl-20 ta’ Mejju 2016, Irgita, quddiem il-qorti Litwana tal-ewwel istanza kompetenti, ippreżentat azzjoni kontra d-deċiżjoni kontenzjuża u l-kuntratt kontenzjuż. Fil-kuntest ta’ din l-azzjoni, hija allegat li, fid-dawl tal-kuntratt tat-18 ta’ Marzu 2014 konkluż bejnha u l-awtorità kontraenti, din tal-aħħar ma setgħetx tikkonkludi l-kuntratt inkwistjoni.

20

Wara li dik l-azzjoni ġiet miċħuda fl-ewwel istanza, Irgita rebħet quddiem il-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) li, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża u ddikjarat null il-kuntratt kontenzjuż.

21

Din il-qorti rrilevat li d-dritt li tiġi konkluża operazzjoni interna, previst fl-Artikolu 10(5) tal-Liġi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Lulju 2014 sal-1 ta’ Lulju 2017, ma jistax jidderoga mill-projbizzjonijiet li tiġi ppreġudikata l-kompetizzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi, li jingħataw privileġġi lil wieħed minnhom u li l-oħrajn jiġu ddiskriminati, hekk kif huma stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni. Issa, il-kuntratt kontenzjuż huwa allegatament illegali, minħabba, b’mod partikolari, li huwa wassal għal tnaqqis fil-volum tal-ordnijiet ta’ servizzi mingħand Irgita u li, billi kkonkludiet operazzjoni interna, mingħajr bżonn oġġettiv, l-awtorità kontraenti allegatament tat lill-impriża mqiegħda taħt il-kontroll tagħha privileġġi li jistgħu joħolqu distorsjoni fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn operaturi ekonomiċi fis-suq tal-manutenzjoni taż-żoni li fihom is-siġar tal-belt ta’ Kaunas.

22

Fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni li hija adita bih mill-belt ta’ Kaunas u mill-awtorità kontraenti, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) tirrileva, minn naħa, li l-kuntratt kontenzjuż huwa b’mod ċar operazzjoni interna u, min-naħa l-oħra, li l-kawża prinċipali tqajjem il-kwistjoni ġenerali tar-relazzjoni bejn l-operazzjonijiet interni u l-osservanza tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni libera bejn operaturi indipendenti.

23

Barra minn hekk, hija tosserva li, mill-aħħar tas-sena 2011 sa nofs is-sena 2015, il-ġurisprudenza tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) kienet stabbilita fis-sens li l-operazzjonijiet interni konformi mal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), kienu legali. Madankollu, minn nofs is-sena 2015, fid-dawl b’mod partikolari ta’ żewġ digrieti tal-Lietuvos Respublikos Konstitucinis teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) issuġġettat il-legalità tal-operazzjonijiet interni għall-osservanza mhux biss tal-kriterji stabbiliti fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), iżda wkoll ta’ kriterji ta’ evalwazzjoni oħra li jirriżultaw b’mod partikolari mil-Liġi dwar il-Kompetizzjoni. Fost dawn il-kriterji hemm b’mod partikolari l-kontinwità, il-kwalità tajba u l-aċċessibbiltà tas-servizz kif ukoll l-effetti tal-operazzjoni interna prevista, minn naħa, fuq l-ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi l-oħra u, min-naħa l-oħra, fuq il-possibbiltà ta’ dawn tal-aħħar li jikkontribwixxu għall-provvista tas-servizzi kkonċernati.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunċett ta’ “operazzjoni interna” jikkostitwixxi kunċett awtonomu, li huwa speċifiku għad-dritt tal-Unjoni sa fejn, fid-dawl tas-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), jidher li jirriżulta mill-kunċett ġenerali ta’ “kuntratt pubbliku”. Issa, peress li d-definizzjoni ta’ dan il-kunċett ma tinkludix riferiment għad-dritt tal-Istati Membri, l-imsemmi kunċett jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, hekk kif jirriżulta mis-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31).

25

Barra minn hekk, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-premessi 2, 31 u 32 ta’ din id-direttiva, jirriżulta li l-legalità ta’ operazzjoni interna fis-sens ta’ dan l-artikolu tiddependi esklużivament mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), u dan jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi oħra u jissuġġerixxi li d-Direttiva 2014/24 twettaq armonizzazzjoni stretta tal-operazzjonijiet interni.

26

Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni. F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/24, din ma tippreġudikax il-libertà tal-Istati Membri li jiddefinixxu, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni, x’jikkunsidraw bħala “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali”, kif dawk is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu suġġetti għalihom. Bl-istess mod, din id-direttiva ma taffettwax id-dritt tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddeċiedu jekk u skont liema modalitajiet huma jixtiequ jwettqu ċerti funzjonijiet pubbliċi huma stess skont l-Artikolu 14 TFUE u l-Protokoll Nru 26. L-Artikolu 36 tal-Karta jipprevedi wkoll li l-Unjoni tirrikonoxxi u tosserva l-aċċess għas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali bħalma huwa previst mil-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, konformement mat-Trattati, sabiex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u territorjali tal-Unjoni.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissuġġettaw il-possibbiltà li wieħed jirrikorri għal operazzjoni interna għall-osservanza ta’ rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi b’mod partikolari, bil-kundizzjoni li dawn ir-rekwiżiti jkunu previsti b’mod ċar fil-leġiżlazzjoni tagħhom u li ma jirriżultawx biss mill-ġurisprudenza.

28

Barra minn hekk, anki fil-każ fejn il-qrati nazzjonali jkunu jistgħu jistabbilixxu restrizzjonijiet għat-twettiq ta’ operazzjonijiet interni, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubju dwar il-fondatezza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet. Fil-fatt, skont il-qorti tar-rinviju, ir-raġunament tal-Lietuvos apeliacinis teismas (il-Qorti tal-Appell tal-Litwanja) iwassal sabiex jitqiegħed inkwistjoni d-dritt tal-awtorità kontraenti li twettaq operazzjoni interna skont il-kriterji stabbiliti fis-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), peress li operaturi ekonomiċi oħra minbarra l-impriża kkontrollata huma f’pożizzjoni li jwettqu s-servizzi kkonċernati.

29

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, fejn il-proċedura, b’mod partikolari amministrattiva, għall-konklużjoni tal-operazzjoni interna (in house) kontenzjuża bdiet taħt id-Direttiva 2004/18, iżda fejn il-kuntratt innifsu ġie konkluż fid-19 ta’ Mejju 2016, wara [t-tħassir tal-imsemmija] direttiva […], din l-operazzjoni taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 jew taħt dak tad-Direttiva 2014/24?

2)

Fil-każ li l-operazzjoni interna kontenzjuża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18:

a)

l-Artikolu 1(2)(a) ta’ din id-direttiva (iżda mingħajr limitazzjoni għal din id-dispożizzjoni), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost l-oħrajn is-sentenz[i] tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), […] tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31) u […] tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, EU:C:2006:237), għandu jinftiehem u jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ operazzjoni interna jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u li l-kontenut u l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ma humiex affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, b’mod partikolari minn restrizzjonijiet fuq il-konklużjoni ta’ tali operazzjonijiet, pereżempju mill-obbligu li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jippermettix li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom?

b)

jekk ir-risposta għad-domanda [2(a)] tkun fin-negattiv, jiġifieri li l-kunċett ta’ operazzjoni interna jaqa’ b’mod sħiħ jew parzjalment taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/18 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jistabbilixxu restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet supplimentari għall-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni (meta mqabbla mad-dritt u mal-ġurisprudenza tal-Unjoni), iżda li din is-setgħa diskrezzjonali tista’ tiġi implimentata biss permezz ta’ regoli preċiżi u ċari tad-dritt pożittiv dwar il-kuntratti pubbliċi?

3)

Fil-każ li l-operazzjoni interna kontenzjuża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24:

a)

l-Artikolu 1(4) u l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 36 tal-Karta, flimkien jew separatament (iżda mingħajr limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet), fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fost l-oħrajn is-sentenz[i] tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562), […] tat-18 ta’ Jannar 2007, Auroux et (C‑220/05, EU:C:2007:31) u […] tas-6 ta’ April 2006, ANAV (C‑410/04, EU:C:2006:237), għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li l-kunċett ta’ operazzjoni interna jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u li l-kontenut u l-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ma humiex affettwati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, b’mod partikolari minn restrizzjonijiet fuq il-konklużjoni ta’ tali operazzjonijiet, pereżempju mill-obbligu li tiġi ssodisfatta l-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jippermettix li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi pprovduti, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom?

b)

jekk ir-risposta għad-domanda [3(a)] tkun fin-negattiv, jiġifieri li l-kunċett ta’ operazzjoni interna jaqa’ b’mod sħiħ jew parzjalment taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali sabiex jistabbilixxu restrizzjonijiet jew kundizzjonijiet supplimentari għall-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni (meta mqabbla mad-dritt u mal-ġurisprudenza tal-Unjoni), iżda li din is-setgħa diskrezzjonali tista’ tiġi implimentata biss permezz ta’ regoli preċiżi u ċari tad-dritt pożittiv dwar il-kuntratti pubbliċi?

4)

Indipendentement minn liema hija d-direttiva li taħtha taqa’ l-operazzjoni interna kontenzjuża, il-prinċipji ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u l-prinċipju ta’ trasparenza (Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18, Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/24), il-projbizzjoni ġenerali tad-diskriminazzjoni eżerċitata minħabba n-nazzjonalità (Artikolu 18 TFUE), id-dritt ta’ stabbiliment (Artikolu 49 TFUE) u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi (Artikolu 56 TFUE), il-possibbiltà li jingħataw drittijiet esklużivi (Artikolu 106 TFUE) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi [tat-18 ta’ Novembru 1999, Teckal, C‑107/98, EU:C:1999:562; tas-6 ta’ April 2006, ANAV, C‑410/04, EU:C:2006:237; tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532; tat-8 ta’ Diċembru 2016, Undis Servizi, C-553/15, EU:C:2016:935] u oħrajn), għandhom jinftiehmu u jiġu interpretati fis-sens li operazzjoni interna li awtorità kontraenti tikkonkludi ma’ entità ġuridikament distinta li fuqha hija teżerċita kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti proprji tagħha, fejn din l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha għall-awtorità kontraenti, hija legali minnha nnifisha u, b’mod partikolari, ma tippreġudikax id-dritt tal-operaturi ekonomiċi l-oħra għal kompetizzjoni leali, ma toħloqx diskriminazzjoni bejn dawn tal-aħħar u ma tagħtix privileġġi lill-entità kkontrollata li permezz tagħha titwettaq l-operazzjoni interna?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

30

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha kuntratt pubbliku jkun ingħata minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika li fuqha hija teżerċita kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija meta d-Direttiva 2004/18 kienet għadha fis-seħħ u li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt wara t-tħassir ta’ din id-direttiva, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/18 jew f’dak tad-Direttiva 2014/24.

31

Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, id-direttiva applikabbli għal kuntratt pubbliku hija, bħala prinċipju, dik fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u meta tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni jekk hijiex obbligata tagħmel sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-10 ta’ Lulju 2014, Impresa Pizzarotti, C‑213/13, EU:C:2014:2067, punt 31, u tas-7 ta’ April 2016, Partner Apelski Dariusz, C‑324/14, EU:C:2016:214, punt 83).

32

Peress li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24, id-Direttiva 2004/18 ġiet imħassra b’effett mit-18 ta’ April 2016, għandu jiġi eżaminat jekk, f’din id-data, l-awtorità kontraenti kinitx diġà ħadet, fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni definittiva li tirrikorri għal operazzjoni interna.

33

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fl-1 ta’ April 2016, l-awtorità kontraenti talbet lill-awtorità tal-kuntratti pubbliċi sabiex tagħtiha l-awtorizzazzjoni li tikkonkludi l-operazzjoni interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li din l-awtorizzazzjoni ngħatatilha fl-20 ta’ April 2016, jiġifieri wara t-tħassir tad-Direttiva 2004/18.

34

Għalhekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-awtorità tal-kuntratti pubbliċi ħarġet l-awtorizzazzjoni tagħha wara t-tħassir tad-Direttiva 2004/18, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali neċessarjament taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

35

Barra minn hekk, sa fejn din l-awtorizzazzjoni kienet suġġetta għall-evalwazzjoni, mill-awtorità kontraenti, tal-possibbiltà li tikseb is-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali permezz ta’ proċedura standard ta’ kuntratt pubbliku, l-awtorità kontraenti ma setgħetx kienet iddeċidiet b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk hija kinitx obbligata tagħmel sejħa għal offerti qabel l-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-data tat-tħassir tad-Direttiva 2004/18, jiġifieri t-18 ta’ April 2016.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt pubbliku jingħata minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika li fuqha hija teżerċita kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija meta d-Direttiva 2004/18 kienet għadha fis-seħħ u li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt wara t-tħassir ta’ din id-direttiva, jiġifieri fit-18 ta’ April 2016, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 meta l-awtorità kontraenti tkun iddeċidiet b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk hija kinitx obbligata tagħmel sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku wara din id-data.

Fuq it-tieni domanda

37

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq id-domanda 3(a)

38

Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li d-domanda 3(a) tirreferi, b’mod partikolari, għall-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/24 kif ukoll għall-Artikolu 36 tal-Karta, li jirrigwardaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali.

39

Madankollu, peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fiha ebda element ta’ natura li jiġġustifika li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali” hija rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, din ma hijiex tali li tqiegħed lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tirrispondi b’mod utli għad-domanda 3(a), sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 2014/24 u l-Artikolu 36 tal-Karta.

40

Għaldaqstant, id-domanda 3(a) għandha tiġi fformulata mill-ġdid u għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni, b’mod partikolari, għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom.

41

Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li d-Direttiva 2014/24 għandha l-għan, kif tiddikjara l-premessa 1 tagħha, li tikkoordina l-proċeduri nazzjonali tal-għoti ta’ kuntratti li jaqbżu ċertu valur.

42

Huwa fid-dawl ta’ din il-kunsiderazzjoni li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat, liema artikolu jistipula li “[k]untratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha [msemmija fil-punti a sa c ta’ dan il-paragrafu]”.

43

Din id-dispożizzjoni, li b’hekk kulma tagħmel huwa li tippreċiża l-kundizzjonijiet li awtorità kontraenti għandha tosserva meta tkun tixtieq tikkonkludi operazzjoni interna, għandha biss bħala effett li tawtorizza lill-Istati Membri jeskludu tali operazzjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

44

Għaldaqstant, hija ma tistax iċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jipprivileġġaw metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn. Fil-fatt, din il-libertà timplika għażla li ssir fi stadju qabel l-għoti ta’ kuntratt u li ma tistax, għaldaqstant, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

45

Il-libertà tal-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ provvista ta’ servizzi li permezz tiegħu l-awtoritajiet kontraenti jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom tirriżulta wkoll mill-premessa 5 tad-Direttiva 2014/24, li tistabbilixxi li “xejn f’din id-Direttiva ma jobbliga lill-Istati Membri li għandhom jagħtu b’kuntratt jew jesternalizzaw il-forniment ta’ servizzi li jixtiequ jipprovdu huma stess jew li jorganizzaw b’mezzi oħra minbarra l-kuntratti pubbliċi skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva”, li tirrifletti, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja preċedenti għall-imsemmija direttiva.

46

B’hekk, bħalma d-Direttiva 2014/24 ma tobbligax lill-Istati Membri jirrikorru għal proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, hija lanqas ma tista’ ġġegħelhom jirrikorru għal operazzjoni interna meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 12(1) ikunu ssodisfatti.

47

Barra minn hekk, il-libertà b’hekk mogħtija lill-Istati Membri hija ħafna iktar evidenti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u ĠU 2018, L 82, p. 17), li jipprovdi:

“Din id-Direttiva tirrikonoxxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni ħielsa mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali f’konformità mad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni. Dawk l-awtoritajiet huma ħielsa li jiddeċiedi kif l-aħjar imexxu l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet jew il-provvista ta’ servizzi, biex jiġu żgurati b’mod partikolari livell għoli ta’ kwalità, sikurezza u affordabbiltà, trattament ugwali u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u ta’ drittijiet tal-utent fis-servizzi pubbliċi.

Dawk l-awtoritajiet jistgħu jagħżlu li jwettqu l-kompiti ta’ interess pubbliku tagħhom bir-riżorsi proprji tagħhom, jew f’kooperazzjoni ma’ awtoritajiet oħra jew li jgħadduhom lil operaturi ekonomiċi.”

48

Il-libertà li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tal-għażla tal-metodu ta’ ġestjoni li huma jqisu l-iktar xieraq għall-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew għall-provvista ta’ servizzi ma tistax madankollu tkun illimitata. Għall-kuntrarju, hija għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tar-regoli fundamentali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari l-moviment liberu tal-merkanzija, il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif ukoll tal-prinċipji riżultanti bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament, in-nondiskriminazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku, il-proporzjonalità u t-trasparenza (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Lulju 1987, CEI u Bellini, 27/86 sa 29/86, EU:C:1987:355, punt 15; tas-7 ta’ Diċembru 2000, Telaustria u Telefonadress, C‑324/98, EU:C:2000:669, punt 60; kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2009, Sea, C‑573/07, EU:C:2009:532, punt 38).

49

F’dawn il-limiti, huwa possibbli li Stat Membru jimponi fuq awtorità kontraenti kundizzjonijiet, mhux previsti fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, sabiex tikkonkludi operazzjoni interna, b’mod partikolari sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità, il-kwalità tajba u l-aċċessibbiltà tas-servizz.

50

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 3(a) hija li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

Fuq id-domanda 3(b)

51

Permezz tad-domanda 3(b) tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regoli preċiżi u ċari tad-dritt pożittiv tal-kuntratti pubbliċi.

52

Kif ġie rrilevat fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2014/24 ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Istati Membri mil-libertà li jiffavorixxu, fi stadju qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti għad-detriment tal-oħrajn.

53

Minn dan isegwi li, meta Stat Membru jintroduċi regoli li bihom tali metodu ta’ provvista ta’ servizzi, ta’ eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet jew ta’ provvista ta’ oġġetti huwa pprivileġġat meta mqabbel ma’ oħrajn, kif sar, f’dan il-każ, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għalihom id-dritt Litwan jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, l-introduzzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tistax taqa’ taħt it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva.

54

Xorta jibqa’ l-fatt li, meta l-Istati Membri jiddeċiedu li jipproċedu b’dan il-mod, huma jibqgħu suġġetti, kif ġie enfasizzat fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, għall-osservanza ta’ diversi prinċipji, fosthom il-prinċipju ta’ trasparenza.

55

Il-prinċipju ta’ trasparenza jeħtieġ, bħall-prinċipju ta’ ċertezza legali, li l-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni jiġu stabbiliti permezz ta’ regoli suffiċjentement aċċessibbli, preċiżi u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk l-evoluzzjoni tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni magħmula mill-qrati supremi Litwani minn nofs is-sena 2015 immanifestatx ruħha b’ċarezza u bi preċiżjoni suffiċjenti u jekk hija kinitx is-suġġett ta’ pubbliċità suffiċjenti sabiex kemm l-awtoritajiet kontraenti kif ukoll l-operaturi ekonomiċi kkonċernati setgħu raġonevolment jiġu informati b’dan.

57

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda 3(b) għandha tkun li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regoli preċiżi u ċari tad-dritt pożittiv tal-kuntratti pubbliċi, li għandhom ikunu suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà, u dan għandu, f’dan il-każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq ir-raba’ domanda

58

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-konklużjoni ta’ operazzjoni interna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/24 hijiex, fiha nnifisha, konformi mad-dritt tal-Unjoni.

59

Mill-Artikolu 12(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku meta, l-ewwel nett, l-awtorità kontraenti teżerċita fuq din il-persuna ġuridika kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq l-attivitajiet tagħha stess; it-tieni nett, iktar minn 80 % tal-attivitajiet tal-imsemmija persuna ġuridika jiġu eżerċitati fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha jew permezz ta’ persuni ġuridiċi oħra li hija tikkontrolla; u, it-tielet nett, l-istess persuna ġuridika, fil-prinċipju, ma tinkludix parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat.

60

Madankollu, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24 u ma tistax tinftiehem fis-sens li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom kuntratt pubbliku għandu jingħata fil-kuntest ta’ operazzjoni interna.

61

Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, il-fatt li operazzjoni interna, fis-sens tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ma jistax jeħles lill-Istati Membri iżda wkoll lill-awtoritajiet kontraenti mill-osservanza, b’mod partikolari, tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

62

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-premessa 31 ta’ din id-direttiva tistabbilixxi, fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn entitajiet li jagħmlu parti mis-settur pubbliku, li għandu jiġi żgurat li ebda kooperazzjoni ta’ dan it-tip, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, ma twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-operaturi ekonomiċi privati.

63

F’dan il-każ, hija b’mod partikolari l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, billi kkonkludiet l-operazzjoni interna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-għan tagħha joħloq sovrappożizzjoni fuq dak ta’ kuntratt pubbliku li kien qiegħed jiġi eżegwit minn Irgita, fil-kwalità tagħha ta’ offerent rebbieħ, l-awtorità kontraenti kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha li jirriżultaw minn dan il-kuntratt, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza, jekk kellu jirriżulta li din tal-aħħar ma ddefinixxietx b’mod suffiċjentement ċar il-bżonnijiet tagħha, b’mod partikolari billi ma ggarantixxietx il-provvista ta’ volum minimu ta’ servizzi lill-offerent rebbieħ, jew inkella jekk l-imsemmija operazzjoni tikkostitwixxix bidla sostanzjali fl-istruttura ġenerali tal-kuntratt konkluż ma’ Irgita.

64

Għaldaqstant, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/24 ma hijiex fiha nnifisha konformi mad-dritt tal-Unjoni.

Fuq l-ispejjeż

65

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn kuntratt pubbliku jingħata minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika li fuqha hija teżerċita kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija meta d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kienet għadha fis-seħħ u li wasslet għall-konklużjoni ta’ kuntratt wara t-tħassir ta’ din id-direttiva, jiġifieri fit-18 ta’ April 2016, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18, meta l-awtorità kontraenti tkun iddeċidiet b’mod definittiv il-kwistjoni dwar jekk hija kinitx obbligata tagħmel sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku wara din id-data.

 

2)

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix regola nazzjonali li permezz tagħha Stat Membru jissuġġetta l-konklużjoni ta’ operazzjoni interna b’mod partikolari għall-kundizzjoni li l-għoti ta’ kuntratt pubbliku ma jkunx jippermetti li tiġi ggarantita l-kwalità tas-servizzi mwettqa, l-aċċessibbiltà tagħhom jew il-kontinwità tagħhom, sakemm l-għażla espressa favur metodu ta’ provvista ta’ servizzi b’mod partikolari, u mwettqa fi stadju preċedenti għal dak tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku, tkun tosserva l-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rikonoxximent reċiproku, ta’ proporzjonalità u ta’ trasparenza.

 

3)

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2014/24, moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ trasparenza, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundizzjonijiet li għalihom l-Istati Membri jissuġġettaw il-konklużjoni ta’ operazzjonijiet interni għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ regoli preċiżi u ċari tad-dritt pożittiv tal-kuntratti pubbliċi, li għandhom ikunu suffiċjentement aċċessibbli u prevedibbli fl-applikazzjoni tagħhom sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà, u dan għandu, f’dan il-każ, jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

4)

Il-konklużjoni ta’ operazzjoni interna li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(1)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/24 ma hijiex fiha nnifisha konformi mad-dritt tal-Unjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.