SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Direttiva 2002/21/KE – Artikolu 2(c) – Kunċett ta’ ‘servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ – Trażmissjoni ta’ sinjali – Servizz ta’ posta elettronika fuq l-internet – Servizz Gmail”

Fil-Kawża C-193/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Google LLC

vs

Bundesrepublik Deutschland,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, K. Jürimäe, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: C. Strömholm, administratrice,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Google LLC, minn H. Neumann, B. Tavakoli u M. Wortmann, Rechtsanwälte,

għal Bundesrepublik Deutschland, minn C. Mögelin u minn V. Janßen, bħala aġenti

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér u G. Koós, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun u L. Nicolae, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol, 29, p. 349), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009 L 337, p. 37 u rettifika ĠU 2013, L 241, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva Qafas”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Google LLC u l-Bundesrepublik Deutschland (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) fuq id-deċiżjoni tal-Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (l-Aġenzija federali tan-netwerks għall-elettriku, il-gass, it-telekomunikazzjonijiet, il-posta u l-ferroviji, il-Ġermanja) (iktar ’il qudddiem il-“BnetzA”) li tikkonstata li s-servizz tal-posta elettronika Gmail ta’ Google jikkostitwixxi servizz ta’ telekomunikazzjonijiet u li konsegwentement tordnalha, taħt piena ta’ multa, li tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha ta’ dikjarazzjoni.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 10 tad-Direttiva Qafas tistabbilixxi:

“It-tifsira ta’ ‘servizz tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni’ f’Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tippreskrivi proċedura għall-provista ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-i standards tekniċi u regolamenti u tar-regoli tas-servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337) kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8)] tkopri firxa wiesa’ ta’ attivitajiet elettroniċi li jseħħu on-line. Il-parti l-kbira ta’ dawn l-attivitajiet m’humiex koperti bl-iskop ta’ din id-Direttiva għaliex ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom, fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. It-telefonija bil-leħen u s-servizzi ta’ twassil ta’ posta elettronika huma koperti b’din id-Direttiva. L-istess impriża, per eżempju provditur ta’ servizzi bl-Internet, jista joffri kemm servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bħal l-aċċess għall-Internet, u servizzi mhux koperti taħt din id-Direttiva, bħal provista ta’ kontenut web-based.”

4

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

c)

‘sevizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ tfisser servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir, iżda esklużi servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi; ma jinkludix servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-[Direttiva 98/34], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

5

L-Artikolu 8 tad-Direttiva-Qafas, intitolat “Miri politiċi u prinċipji regolatorji”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jassiguraw li fit-twettieq tax-xogħlijiet regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali regolatorji jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma mmirati lejn il-ksib tal-miri stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4. Dawk il-miżuri għandhom ikunu proporzjonati ma’ dawk il-miri.

Sakemm mhuwiex ipprovdut mod ieħor fl-Artikolu 9 dwar il-frekwenzi tar-radju, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont sħiħ tal-fatt li huwa mixtieq li r-regolamenti li jsiru jkunu newtrali teknoloġikament u għandhom jiżguraw meta jwettqu l-kompiti regolatorji speċifikati f’din id-Direttiva u fid-Direttivi Speċifiċi, b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiżguraw il-kompetizzjoni effettiva, li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jagħmlu l-istess.

[…]

2.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-kompetizzjoni fil-provista tan-networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati u servizzi billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

b)

jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda distorsjoni jew restrizzjoni fil-kompetizzjoni tas-settur tal-komunikazzjoni elettronika, anke fit-trażmissjoni tal-kontenut”;

[…]

4.   L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jippromwovu l-interessi taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea billi fost ħwejjeġ oħra:

[…]

b)

jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni ta’ konsumaturi meta jittrattaw mal-provdituri, b’mod partikolari billi jassiguraw id-disponibilità ta’ proċeduri sempliċi u mhux għaljin fir-riżoluzzjoni ta’ tilwim mwettqa minn korp li jkun indipendenti mill-partijiet involuti;

ċ)

jikkontribwixxu billi jassiguraw livell għoli ta’ protezzjoni tta-tagħrif personali u l-privatezza;

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

6

L-Artikolu 3 tat-Telekommunikationsgesetz (il-liġi dwar it-telekomunikazzjonijiet), tat-22 ta’ Ġunju 2004 (BGBl. 2004 I, p. 1190), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża priniċpali (iktar ’il quddiem it-“TKG”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din il-liġi:

[…]

17a

‘servizzi tat-telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku’ tfisser is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet li huma għad-dispożizzjoni tal-pubbliku;

[…]

22.

‘telekomunikazzjoni’ tfisser l-att tekniku tal-ħruġ, tat-trażmissjoni u tar-riċezzjoni tas-sinjali permezz ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjoni;

23.

‘tagħmir tat-telekomunikazzjonijiet’ tfisser l-installazzjonijiet u sistemi tekniċi li jistgħu jibagħtu, jittrasferixxu, jittrażmettu, jirċievu, jiddirieġu u jikkontrollaw sinjali elettromanjetiċi jew ottiċi identifikabbli bħala messaġġi;

24.

‘servizzi tat-telekomunikazzjonijiet’ tfisser is-servizzi normalment ipprovduti bi ħlas li jikkonsistu kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom, fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ telekomunikazzjonijiet, inklużi s-servizzi ta’ trażmissjoni fuq in-netwerks użati għar-radju;

[…]

27.

‘netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet’ tfisser is-sistemi kollha ta’ trażmissjoni u, fejn xieraq, it-tagħmir ta’ qlib jew ta’ routing u riżorsi oħra, inklużi l-elementi tan-netwerk li ma humiex attivi, li jippermettu t-twassil tas-sinjali permezz tal-kajbil, tal-antenna, b’mezzi ottiċi jew mezzi oħra elettromanjetiċi, inklużi n-netwerks satellitali, in-netwerks terrestri fissi, bi qlib ta’ ċirkwiti jew ta’ pakketti, inkluż l-Internet, u t-telefins mobbli, is-sistemi li jużaw in-netwerk elettriku, sa fejn dawn iservu għat-trażmissjoni ta’ sinjali, in-netwerks użati għax-xandir tal-ħoss u televiżiv u n-netwerks bil-kajbil tat-televiżjoni, tkun xi tkun it-tip ta’ informazzjoni trażmessa;

[…]”.

7

L-Artikolu 6(1) tat-TKG jipprovdi:

“Kull min juża kummerċjalment in-netwerks pubbliċi ta’ telekomunikazzjonijiet jew ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet aċċessibbli għall-pubbliku huwa obbligat jiddikjara bla dewmien lill-awtorità regolatorja il-bidu, it-tibdil jew it-twaqqif tal-attività tiegħu, kif ukoll it-tibdil marbut mal-kumpannija tiegħu. Id-dikjarazzjoni għandha ssir bil-miktub.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8

Google hija kumpannija, li s-sede tagħha tinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika, li tipprovdi b’mod partikolari, minbarra magna tat-tiftix fuq l-Internet, li għandha l-istess isem, servizz ta’ posta elettronika li tiffunzjona permezz tal-Internet, imsejjaħ Gmail, li huwa operat temporanjament taħt l-isem GoogleMail fil-Ġermanja.

9

Google tuża wkoll, fil-Ġermanja, l-infrastruttura tagħha, konnessa mal-Internet, u b’mod partikolari xi konnessjonijiet broadband li jikkollegaw żoni metropolitani.

10

Gmail huwa servizz imsejjaħ “oltre l-offerta tal-fornitur ta’ aċċess għall-Internet” (“oltre l-offerta FAI”), jiġifieri servizz disponibbli fuq l-Internet mingħajr il-parteċipazzjoni ta’ operatur ta’ komunikazzjonijiet tradizzjonali.

11

Gmail jipprovdi lill-utenti tiegħu servizz li jippermettilhom, b’mod partikolari, li jibagħtu u li jirċievu ittri elettroniċi kif ukoll data fuq l-Internet. Sabiex jibbenefika minn dan is-servizz, l-utent għandu qabel xejn jiftaħ kont tal-email, li jippermettilu li jkollu indirizz li jidentifikah bħala mittent jew destinatarju ta’ ittri elettroniċi. L-utent jista’ jaċċedi għall-imsemmi servizz billi jidħol fil-kont tiegħu, jew direttament fuq is-sit tal-Internet użat minn Google (https://mail.google.com), jew billi juża browser li jagħtih aċċess għal interfaċċja li tippermettilu li juża l-funzjonijiet ta’ trażmissjoni u ta’ riċezzjoni ta’ ittri, iżda wkoll il-funzjonjiet ta’ tibdil, ta’ reġistrazzjoni jew anki ta’ klassifikar ta’ ittri elettroniċi, jew inkella permezz ta’ programm ta’ posta elettronika installata fuq it-tagħmir terminali tiegħu (e-Mail client).

12

Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-kuntest tas-servizz Gmail, il-kontenut tal-ittri u tad-data jiġi mhux emendat, iżda maqsum f’diversi pakketti ta’ data distinti li jiġu trażmessi lid-destinatarju permezz ta’ protokolli ta’ komunikazzjonijiet standardizzati għall-finijiet tas-servizzi ta’ posta elettronika, bħat-Transmission Control Protocol – Internet Protocol (protokoll ta’ kontroll tat-trażmissjoni – protokoll Internet, TCP-IP) u is-Simple Mail Transfer Protocol (protokoll tat-trasferiment ta’ ittri sempliċi SMTP). Teknikament, kemm fil-browser tiegħu jew fis-softwer e-Mail client tiegħu, l-utent jiżviluppa l-kontenut tal-ittra elettronika jiddetermina id-destinatarju jew id-destinatarji, u mbagħad jittrażmettiha lil Google billi jiskatta l-proċedura ta’ trażmissjoni.

13

Sabiex twassal l-imsemmija posta lid-destinatarju, Google tuża servers ta’ posta elettronika, li jużaw il-proċessi tal-informatika neċessarji sabiex jiġi identifikat is-server ta’ destinazzjoni, permezz tad-Domain Name System (sistema ta’ isem tad-domain, DNS), u jipproċedu bit-trażmissjoni tal-pakketti ta’ data. L-itinerarju segwit minn dawn il-pakketti permezz ta’ diversi netwerks parzjali tal-Internet, użati minn terzi, huwa wieħed dinamiku u jista’ jiġi mibdul kontinwament, u dan mingħajr ma jkun jaf bih u mingħajr ma jista’ jikkontrollah l-utent trażmettenti. Mal-wasla, is-server ta’ destinazzjoni jirreġistra l-ittra elettronika u jikkonservaha f’kaxxa tal-ittri elettronika li d-destinatarju jista’ jaċċedi għaliha b’diversi mezzi. Il-vjaġġ magħmul mill-ittri elettroniċi fuq l-Internet jista’ jkun iqsar meta jitwasslu bejn utenti tal-istess fornitur ta’ servizzi.

14

Il-BNetzA tqis li Gmail jikkostitwixxi “servizz ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tat-TKG, moqri flimkien mal-punt 24 tal-Artikolu 3 tat-TKG, u għalhekk huwa suġġett għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni quddiemha.

15

Għaldaqstant, b’deċiżjoni tat-2 ta’ Lulju 2012, il-BNetzA, abbażi tal-Artikolu 126 tat-TKG, ikkonstatat formalment li, permezz ta’ Gmail, Google kienet tipprovdi servizz ta’ telekomunikazzjonijiet u ordnatilha, taħt piena ta’ multa, li tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha ta’ dikjarazzjoni previst mit-TKG. L-ilment imressaq minn Google kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud bħala fondat, permezz tad-deċiżjoni tal-BNetzA tat-22 ta’ Diċembru 2014.

16

Fit-23 ta’ Jannar 2015, Google ressqet rikors quddiem il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amminstrattiva ta’ Cologne, il-Ġermanja), intiż għall-annullament ta’ din l-aħħar imsemmija deċiżjoni, li ġie miċħud b’sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015.

17

F’din l-okkażjoni, din il-qorti qieset li Gmail kien jikkostitwixxi “servizz ta’ telekomunikazzjonijiet”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tat-TKG, moqri flimkien mal-punt 24 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, jiġifieri servizz normalment ipprovdut bi ħlas, li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu, fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Skont din il-qorti, il-kriterju ċentrali ta’ din id-definizzjoni, jiġifieri it-“trażmissjoni ta’ sinjali”, jippreżenta rabta mill-qrib mal-kunċett ta’ “telekomunikazzjoni” iddefinit fil-punt 22 tal-Artikolu 3 tat-TKG bħala proċess tekniku ta’ ħruġ, ta’ trażmissjoni u ta’ riċezzjoni ta’ sinjali permezz ta’ tagħmir ta’ telekomunikazzjonijiet, premess li l-imsemmi tagħmir huwa ddefinit, skont il-punt 23 tal-Artikolu 3 tat-TKG, bħala installazzjonijiet u sistemi tekniċi li jistgħu jibagħtu, jittrasferixxu, jittrażmettu, jirċievu, jiddirieġu jew jikkontrollaw sinjali elettromanjetiċi jew ottiċi identifikabbli bħala messaġġi.

18

Fil-fatt, skont il-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln), Google tippermetti lill-utenti tas-servizz Gmail li jikkomunikaw b’posta elettronika permezz tal-Internet permezz ta’ interfaċċja fuq l-Internet jew permezz tas-softwer “e-Mail client” installat fuq it-tagħmir terminali tiegħu konness mal-Internet. Il-fatt li t-trażmissjoni ta’ sinjali ssir essenzjalment permezz tal-Internet miftuħ li huma għalhekk il-fornituri ta’ aċċess għall-Internet (iktar ’il quddiem il-“FAI”) li jittrażmettuhom u mhux Google stess ma jipprekludix il-klassifikazzjoni ta’ Gmail fost is-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet. Is-servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali ta’ FAI huwa attribwit lil Google peress li fil-verità tinqeda b’dan is-servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha u, b’mod partikolari, peress li hija tikkontribwixxi b’mod essenzjali għall-funzjonament tal-proċess ta’ telekomunikazzjoni permezz tas-servizzi tagħha ta’ pproċessar tal-informatika. Din il-qorti tqis li ma hemmx lok li ssir analiżi purament teknika sabiex tingħata risposta għall-mistoqsija dwar jekk servizz jikkonsistix kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-trażmissjoni ta’ sinjali. Is-servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali kien jikkostitwixxi l-element prinċipali ta’ Gmail. Fil-kuntest ta’ evalwazzjoni kwalitattiva, il-komunikazzjoni minkejja l-ispazju ma’ utenti oħra u, għaldaqstant, il-proċess ta’ telekomunikazzjoni stess kienu jinsabu fl-ewwel grad, filwaqt li l-komponenti l-oħra marbuta mal-kontenut tas-servizz ma kienu ta’ ebda importanza.

19

L-imsemmija qorti tqis ukoll li r-responsabbiltà ċivili ta’ Google fir-rigward tal-utenti għas-servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali mill-FAI ma hijiex determinanti u tirrileva li s-servizz Gmail huwa offrut bi ħlas. Fil-fatt, minkejja li s-servizzi ta’ posta elettronika huma proposti mingħajr ħlas lill-utent, għallinqas fil-verżjoni bażika tiegħu, madankollu dawn huma abitwalment iffinanzjati mir-reklamar jew minn dħul indirett ieħor.

20

Google appellat mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht Köln (il-Qorti Amministrattiva ta’ Köln) quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja).

21

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Google issostni li Gmail ma huwiex servizz ta’ telekomunikazzjonijiet sa fejn dan is-servizz ma jittrażmettix sinjali. Ċertament, bħala servizz ta’ posta elettronika, Gmail kien jinvolvi, bl-istess mod bħal servizzi oħra oltre l-offerta FAI bħal, pereżempju, it-tranżazzjonijiet bankarji online, it-trażmissjoni ta’ sinjali. Ma kinitx Google stess iżda l-FAI li kienu jipproċedu bit-trażmissjoni tas-sinjali, sa fejn huma kkonċernati kemm it-trażmissjoni ta’ data bejn l-utenti ta’ Gmail u s-servers ta’ posta elettronika ta’ Google, kif ukoll it-trażmissjoni ta’ data bejn is-servers ta’ posta elettronika ta’ Google u s-servers ta’ posta elettronika ta’ servizzi oħra ta’ posta elettronika. Is-servizz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali lanqas ma jista’ jiġi attribwit lilha, peress li din it-trażmissjoni fuq l-Internet miftuħ issir skont il-prinċipju msejjaħ tal-“best effort” (“bl-aħjar sforzi”). Għaldaqstant hija ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita kontroll, effettiv jew legali, fuq il-proċess ta’ trażmissjoni tas-sinjali.

22

Google issostni wkoll li ċ-ċirkustanza li hija topera hija stess l-infrastruttura tagħha ta’ netwerk bħala parti mill-Internet ma hijiex rilevanti f’dan ir-rigward, la fil-fatt u lanqas fid-dritt. Din l-infrastruttura ġiet essenzjalment implementata sabiex tipprovdi servizzi “b’konsum għoli” ta’ data bħat “tiftixa Google” u “YouTube”, iżda ma hijiex neċessarja għall-operat ta’ Gmail, anki jekk din tintuża wkoll għal dan l-għan. Fl-aħħar, hija tenfasizza li Gmail, bħala regola ġenerali, ma hijiex offruta bi ħlas, iżda pprovduta għad-dispożizzjoni tal-utenti mingħajr ħlas u li hija ffinanzjata biss għal parti żgħira minn reklami murija fuq is-sit tal-Internet ta’ Gmail.

23

Il-BNetzA ssostni li, sabiex jikklassifika bħala servizz ta’ telekomunikazzjonijiet, is-servizz ipprovdut għandu prinċipalment, fil-funzjoni teknika tiegħu, ikollu bħala l-għan tiegħu t-trażmissjoni ta’ sinjali. Dan huwa l-każ ta’ Gmail peress li trażmissjoni ta’ ittri elettroniċi mill-mittenti lid-destinatarju hija possibbli biss permezz ta’ trażmissjoni ta’ sinjali. Ma huwiex neċessarju li l-fornitur tas-servizz iwettaq hu stess it-trażmissjoni tas-sinjali jew li jeżerċita tal-inqas kontroll fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali mwettqa minn terzi. Hija determinanti biss l-eżistenza stess ta’ trażmissjoni ta’ sinjali bħala element tekniku.

24

Hija żżid li, anki li kieku kien rikjest kontroll fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali mwettqa minn terz, din il-kundizzjoni tkun issodisfatta bil-fatt li Google tuża is-servers proprji tagħha ta’ posta elettronika. Fil-fatt, peress li s-servers ta’ posta elettronika kienu jattribwixxu l-indirizzi Internet Protocol (IP) [protokoll tal-Internet (IP)] fiżiċi lill-indirizzi tal-posta elettronika, Google kienet tawtentifika l-mittenti u, fejn applikabli, anki lid-destinatarju tal-posta elettronika, bl-għanjuna tal-password, tal-indirizz tal-ittra elettronika u tan-numru ta’ identifikazzjoni tal-utent, u kienet tidderieġi t-trażmissjoni tas-sinjali permezz ta’ protokolli tal-Internet użati sa fejn huwa suffiċjenti sabiex isir kontroll. Fl-aħħar, Google kienet hija stess tuża l-infrastruttura proprja tagħha konness mal-Internet, li hija użata wkoll għall-finijiet tat-trażmissjoni ta’ sinjali għal Gmail.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberverwaltungsgericht für das Land Nordrhein-Westfalen (il-Qorti Amministrattiva Superjuri tal-Land ta’ Nordrhein-Westfalen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kunċett ta’ ‘servizzi li jikkonsistu kompletament jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi’ li jinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva Qafas] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi jew jista’ jinkludi s-servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet li huma disponibbli permezz tal-internet miftuħ mingħajr madankollu ma jinkludu aċċess għall-internet?

a)

B’mod partikolari, il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prestazzjoni ta’ pproċessar informatiku li l-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika jipprovdi permezz tas-server tal-posta elettronika tiegħu bl-attribuzzjoni tal-indirizzi IP tat-terminali fiżiċi involuti lill-indirizzi ta’ posta elettronika u billi jintroduċi – jew, bil-kuntrarju, billi jirċievi – fl-internet miftuħ, permezz ta’ diversi protokolli tal-familja tal-protokolli tal-internet, il-messaġġi elettroniċi diviżi f’pakketti ta’ data, hija biżżejjed sabiex tikkostitwixxi “trażmissjoni ta’ sinjali”, jew ikun hemm biss tali trażmissjoni meta dawn il-pakketti ta’ dati jitwasslu mill-[FAI]?

b)

B’mod partikolari, il-kunċett għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twassil permezz tal-internet miftuħ, mill-fornituri (ta’ aċċess) tal-internet, ta’ messaġġi elettroniċi diviżi f’pakketti ta’ data jista’ jiġi attribwit lill-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika, b’tali mod li dan b’hekk jipprovdi wkoll servizz li jikkonsisti fit-“trażmissjoni ta’ sinjali”?

c)

Fil-każ li l-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta elettronika jittrażmetti huwa stess sinjali jew fil-każ li, fi kwalunkwe każ, din il-prestazzjoni ta’ trażmissjoni ta’ sinjali mwettqa mill-[FAI] tista’ tiġi attribwita lilu: il-kunċett għandu, b’mod partikolari, jiġi interpretat fis-sens li, irrispettivament minn eventwali funzjonijiet addizzjonali bħalma huma l-editjar, iż-żamma u l-klassifikazzjoni ta’ messaġġi elettroniċi jew l-amministrazzjoni ta’ dettalji, u irrispettivament mill-isforzi tekniċi mwettqa mill-fornitur fir-rigward tad-diversi funzjonijiet, tali servizz ta’ posta elettronika jikkonsisti wkoll “kompletament jew prinċipalment” fi trażmissjoni ta’ sinjali minħabba li, fil-kuntest ta’ approċċ funzjonali mill-perspettiva tal-utent, hija l-funzjoni ta’ komunikazzjoni tas-servizz li hija l-funzjoni ewlenija?

2)

Fil-każ li l-kunċett imsemmi fl-ewwel domanda għandu jiġi interpretat fis-sens li bħala prinċipju ma jinkludix is-servizzi ta’ posta elettronika fuq l-internet li huma disponibbli fuq l-internet miftuħ mingħajr madankollu ma jinkludu aċċess għall-internet: il-kunċett jista’ madankollu jkopri, b’mod eċċezzjonali, is-sitwazzjoni fejn il-fornitur ta’ tali servizz jopera fl-istess ħin in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tiegħu stess li jkunu konnessi mal-internet u li, fi kwalunkwe każ, jistgħu jintużaw għall-finijiet tas-servizz ta’ posta elettronika? Jekk ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet dan huwa possibbli?

3)

Kif għandu jiġi interpretat il-kriterju “normalment ipprovdut bi ħlas” li jinsab fl-Artikolu 2(ċ) tad-[Direttiva Qafas]?

a)

B’mod partikolari, il-kriterju jeħtieġ il-pagament ta’ somma flus mill-utenti jew il-ħlas jista’ jikkonsisti fl-għoti, mill-utenti, ta’ korrispettiv ieħor li jkun ta’ interess ekonomiku għall-fornitur tas-servizz, sa fejn l-utenti, pereżempju, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-fornitur, b’mod attiv, data personali jew data oħra jew sa fejn din id-data tinġabar b’xi mod ieħor mill-fornitur tas-servizz meta jintuża s-servizz?

b)

B’mod partikolari, il-kriterju jeħtieġ li l-ħlas joriġina neċessarjament minn dak li jibbenefika wkoll mill-prestazzjoni tas-servizz jew finanzjament parzjali jew integrali tas-servizz minn terzi, pereżempju permezz ta’ reklamar muri fuq is-sit tal-internet tal-fornitur tas-servizz, jista’ jkun biżżejjed?

c)

B’mod partikolari, il-kelma “normalment” tikkonċerna, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanzi li fihom il-fornitur ta’ servizz partikolari jipprovdi dan is-servizz, jew iċ-ċirkustanzi li fihom huma ġeneralment ipprovduti servizzi identiċi jew komparabbli?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

26

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li jeħtieġ li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ posta elettronika fuq l-Internet li ma jinkludix aċċess għall-Internet, bħas-servizz Gmail ipprovdut minn Google, jikkostitwixxi servizz li jikkonsisti b’mod sħiħ jew prinċipalment fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, fid-dawl tal-ippoċessar tal-informatika li l-fornitur tal-imsemmi servizz jipprovdi permezz tas-servers tiegħu ta’ posta elettronika, minn naħa, billi jattribwixxi l-indirizzi IP tat-tagħmir terminali korrispondeneti għall-indirizzi ta’ posta elettronika u, min-naħa l-oħra, billi jintroduċi fi jew billi jirċievi mill-Internet miftuħ pakketti tad-data marbuta mal-ittri elettroniċi. F’każ ta’ risposta negattiva, hija tistaqsi wkoll jekk, u jekk xieraq, taħt liema kundizzjoni, il-fornitur ta’ tali servizz ta’ posta fuq l-Internet jista’ madankollu jitqies bħala li jopera jew bħala li jista’ jiġi imputat bit-trażmissjoni ta’ sinjali, peress li, barra minn hekk, juża n-netwerks proprji tiegħu ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi konnessi mal-Internet, li jistgħu jintużaw għall-finijiet tal-imsemmi servizz.

27

Qabel xejn, jeħtieġ jitfakkar li l-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” huwa ddefinit, f’termini pożittivi u negattivi, fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas u li din id-definizzjoni hija riprodotta, f’termini ekwivalenti, fil-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/77/KE tas-16 ta’ Settembru 2002 dwar kompetizzjoni fis-swieq tan-networks u s-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 178) (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C-518/11, EU:C:2013:709, punti 3637).

28

Fil-fatt, l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas jiddefinixxi, fl-ewwel lok, is-servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala “servizz normalment provdut bi ħlas li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu fit-twassil ta’ sinjali fuq networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, inklużi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet u servizzi ta’ trasmissjoni f’servizzi wżati għax-xandir”.

29

Din l-istess dispożizzjoni tispeċifika, fit-tieni lok, li l-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” jeskludi, minn naħa, “servizzi li jipprovdu, b’eżerċizzu ta’ kontroll editorjali fuq, kontenut trasmess bl-użu ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u servizzi” u ma jinkludux, min-naħa l-oħra, “servizzi tas-soċjeta ta’ l-informazzjoni, kif definiti f’Artikolu 1 tad-[Direttiva 98/34], li ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom għat-twassil ta’ sinjali b’networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

30

Il-premessa 5 tad-Direttiva Qafas tindika, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, li l-konverġenza tas-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, tal-media u tat-teknoloġiji tal-informazzjoni tfisser li n-networks kollha ta’ trasmissjoni u s-servizzi assoċjati għandhom ikunu koperti mill-istess qafas regolatorju wieħed u li, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ dan il-qafas huwa meħtieġ li ssir separazzjoni bejn ir-regolament tat-trażmissjoni u r-regolament tal-kontenut.

31

Kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttivi differenti li jikkomponu il-qafas regolatorju l-ġdid applikabbli għas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, b’mod partikolari id-Direttiva-Qafas u d-Direttiva 2002/77, jistabbilixxu distinzjoni ċara bejn il-produzzjoni tal-kontenut, li timplika responsabbiltà editorjali, u t-twassil tal-kontenut, mingħajr l-ebda responsabbiltà editorjali, billi l-kontenuti u t-trażmissjoni tagħhom jaqgħu taħt leġiżlazzjonijiet separati li jsegwu għanijiet li huma proprji għalihom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C-518/11, EU:C:2013:709, punt 41, u tat-30 ta’ April 2014, UPC DTH, C-475/12, EU:C:2014:285, punt 36).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, servizz kellu jinkludi t-trażmissjoni ta’ sinjali, filwaqt li huwa speċifikat li l-fatt li t-trażmissjoni tas-sinjali seħħet permezz ta’ infrastruttura li ma tappartjenix lill-fornitur tas-servizz huwa irrilevanti għall-klassifikazzjoni tan-natura tas-servizz, peress li f’dan ir-rigward huwa biss rilevanti l-fatt li dan il-fornitur huwa responsabbli lejn l-utenti finali tat-trażmissjoni tas-sinjal li tiżgura li dawn tal-aħħar jirċievu s-servizz li abbonaw ruħhom għalih (sentenza tat-30 ta’ April 2014, UPC DTH, C-475/12, EU:C:2014:285, punt 43).

33

Fil-każ odjern, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonjiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li Google toffri, fost servizzi oħra, servizz ta’ posta elettronika (Gmail), li jippermetti lill-persuna li jkollha kont ta’ posta Gmail li tibgħat u li tirċievi ittri elettroniċi jew permezz ta’ softwer ta’ navigazzjoni fuq l-Internet, billi tuża l-interfaċċja fis-sit tal-Internet ipprovduta għad-dispożizzjoni tiegħu minn Google, jew permezz ta’ softwer “e-Mail client”. Madankollu huwa biss is-servizz ta’ posta fuq l-Internet li huwa mistħarreġ fil-kawża prinċipali.

34

Huwa stabbilit li l-fornitur ta’ servizz ta’ posta fuq l-Internet, bħal Gmail, iwettaq trażmissjoni ta’ sinjali. B’hekk, Google ikkonfermat, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-kuntest tal-provvista tas-servizz tagħha ta’ posta, hija tipproċedi, permezz tas-servers tagħha ta’ posta, bl-introduzzjoni fi u bir-riċezzjoni mill-Internet miftuħ ta’ pakketti ta’ data marbuta ma’ ittri elettroniċi rispettivament mibgħuta jew riċevuti mill-persuni li jkollhom kont ta’ posta Google.

35

Madankollu minn dan ma jistax jiġi konkluż li l-operazzjonijiet imwettqa minn Google sabiex tiżgura l-funzjonament tas-servizz tagħha ta’ posta fuq l-Internet jikkostitwixxu “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas, peress li dan is-servizz ma jikkonsistix “kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu” fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

36

Fil-fatt, kif sostniet b’mod partikolari, il-Kummissjoni Ewropea, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, huma, minn naħa, il-FAI tal-mettenti u tad-destinatarji ta’ ittri kif ukoll, fejn applikabbli, il-fornituri ta’ servizzi ta’ posta fuq l-Internet u, min-naħa l-oħra, l-operaturi ta’ netwerks differenti li jikkostitwixxu l-Internet miftuħ li essenzjalment jiżguraw it-trażmissjoni ta’ sinjali neċessarji għall-funzjonament ta’ kull servizz ta’ posta fuq l-Internet u li jassumu r-responsabbiltà fis-sens tas-sentenza tat-30 ta’ April 2014, UPC DTH (C-475/12, EU:C:2014:285, punt 43).

37

Il-fatt li l-fornitur ta’ servizz ta’ posta fuq l-Internet jintervjeni attivament fl-operazzjonijiet ta’ trażmissjoni u ta’ riċezzjoni ta’ messaġġi, kemm jekk dan isir bl-attribuzzjoni tal-indirizzi tal-IP tat-tagħmir terminali korrispondenti għall-indirizzi tal-posta elettronika jew bid-diviżjoni tal-imsemmija messaġġi f’pakketti ta’ data u bl-introduzzjoni tagħhom fl-Internet miftuħ, jew bir-riċezzjoni tagħhom fl-Internet miftuħ, bil-ħsieb li jitwasslu għand id-destinatarji tagħhom, ma jidhirx li huwa suffiċjenti sabiex l-imsemmi servizz ikun jista’, fuq il-pjan tekniku, jitqies bħala li jikkonsisti kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu, fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq in-netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas.

38

Għaldaqstant, is-servizz ta’ posta elettronika Gmail ma jistax, fl-assenza ta’ kull element ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Google fir-rigward tal-persuni li għandhom kont Gmail fit-trażmissjoni tas-sinjali neċessarji għall-funzjonament tiegħu, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jiġi kklassifikat bħala “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”, fis-sens tal-Artikolu 2(c), tad-Direttiva-Qafas.

39

Fl-aħħar, iċ-ċirkustanza li Google tuża, barra minn hekk, in-netwerks tagħha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fil-Ġermanja ma hijiex ta’ natura tpoġġi f’dubju din il-konklużjoni.

40

Fil-fatt, il-fatt li Google għandha titqies bħala fornitur tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi bħala operatur tan-netwerks proprji tagħha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u tista’, bħala tali, tkun suġġetta għall-obbligu ta’ dikjarazzjoni previst fl-Artikolu 3(2) u (3) tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337), hekk kif immodifikat bid-Direttiva 2009/140, ma jistax jimplika li s-servizzi kollha li hija tipprovdi fuq l-Internet għandhom ukoll jitqiesu bħala tali, anki jekk dawn ma jikkonsistux kollha kemm huma jew fil-parti l-kbira tagħhom, fit-trażmissjoni ta’ sinjali.

41

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda li l-Artikolu 2(c) tad-Direttiva-Qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ posta elettronika fuq l-Internet li ma jinkludix aċċess għall-Internet, bħas-servizz Gmail ipprovdut minn Google, ma jikkonsistix kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu, fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant ma jikkostitwixxix servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet domanda

42

Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel żewġ domandi, ma hemmx lok li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

43

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru [qafas] regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru [Qafas]), kif emendata bid-Direttiva 2009/140/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Novembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li servizz ta’ posta elettronika fuq l-Internet li ma jinkludix aċċess għall-Internet, bħas-servizz Gmail ipprovdut minn Google, ma jikkonsistix kollu kemm hu jew fil-parti l-kbira tiegħu, fit-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u għaldaqstant ma jikkostitwixxix “servizz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.