SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

26 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqalqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri – Direttiva 2004/38/KE – Membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni – Artikolu 2(2)(ċ) – Kunċett ta’ ‘dixxendent dirett’ – Wild taħt tutela legali permanenti skont is-sistema tal-kafala (għoti ta’ kura) Alġerina – Artikolu 3(2)(a) – Membri oħra tal-familja – Artikolu 7 u Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ħajja tal-familja – L-aħjar interessi tal-wild”

Fil-Kawża C‑129/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Frar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Frar 2018, fil-proċedura

SM

vs

Entry Clearance Officer, UK Visa Sezzjoni,

fil-preżenza ta’:

Coram Children’s Legal Centre (CCLC),

AIRE Centre,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras u K. Jürimäe (Relatur), Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Juhász, M. Ilešič, D. Šváby, C. G. Fernlund, N. Piçarra u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-4 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal MS, minn T. Muman u R. de Mello, barristers, kif ukoll minn L. Tang, solicitor,

għal Coram Children’s Legal Centre (CCLC), minn M. S. Gill, QC, kif ukoll minn N. Acharya u S. Freeman, solicitors,

għal AIRE Centre, minn A. O’Neill, QC, D. Chirico u C. Robinson, barristers, A. Lidbetter, M. Evans, L. Nassif, C. Hall, C. Iacono, A. Thornton, M. Papadouli u A. Tidona, solicitors, L. Van den Hende, advocaat, kif ukoll minn N. Mole, SC,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn B. Kennelly, QC,

għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti, assistiti minn E. Derriks, avocate,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. M. Hoogveld kif ukoll minn M. K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti kif ukoll minn M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(ċ) kif ukoll tal-Artikoli 27 u 35 tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn SM, ċittadina Alġerina, u l-Entry Clearance Officer, UK Visa Section (l-aġent inkarigat milli jeżamina talbiet għal permess ta’ dħul, taqsima tal-viżi, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem l-“aġent kompetenti fil-qasam ta’ permessi ta’ dħul”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħti lil SM permess ta’ dħul fit-territorju tar-Renju Unit bħala wild adottat ta’ ċittadin taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1993

3

Il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u l-Kooperazzjoni rigward l-Adozzjoni bejn il-Pajjiżi, konkluża f’Den Haag fid-29 ta’ Mejju 1993 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1993”), ġiet irratifikata jew ġiet aderita mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea.

4

Skont l-Artikolu 1(a) u (b) tagħha, din il-konvenzjoni għandha l-għan, b’mod partikolari, li tistabbilixxi garanziji sabiex l-adozzjonijiet internazzjonali jseħħu fl-aħjar interessi tal-wild u fl-osservanza tad-drittijiet fundamentali li huma rrikonoxxuti lilhom fid-dritt internazzjonali kif ukoll li tiġi stabbilita sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati kontraenti sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dawn il-garanziji u l-prevenzjoni tal-ħtif, tal-bejgħ jew tat-traffikar tat-tfal.

5

Skont l-Artikolu 2(2) tagħha, l-imsemmija konvenzjoni “tikkonċerna biss l-adozzjonijiet stabbiliti permezz ta’ rabta ta’ filjazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

Il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996

6

Il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-Rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, konkluża f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996) ġiet irratifikata jew ġiet aderita mill-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

7

Din il-konvenzjoni tipprovdi regoli intiżi sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tat-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ natura internazzjonali u sabiex jiġu evitati kunflitti bejn is-sistemi legali tal-Istati firmatarji dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal.

8

Skont l-Artikolu 3(e) ta’ din il-konvenzjoni, il-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal jistgħu b’mod partikolari jikkonċernaw it-“[t]-tqegħid tat-tifel ġo familja foster jew f’kura istituzzjonjonali, jew l-proviżjoni ta’ kura minn ‘kafala’ jew istituzzjoni simili”.

9

L-Artikolu 4(b) ta’ din l-istess konvenzjoni jeskludi mill-qasam tagħha “deċiżjonijiet fuq l-adozzjoni, miżuri preparatorji għall-adozzjoni, jew l-annullament jew revoka ta’ adozzjoni”.

10

L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 jipprovdi l-proċedura li għandha tiġi segwita, kemm fl-Istat ta’ oriġini kif ukoll fl-Istat ospitanti ta’ wild, għall-finijiet ta’ tqegħid f’kustodja internazzjonali tiegħu, inkluż fil-każ ta’ “proviżjoni ta’ kura minn ‘kafala’”.

Id-dritt tal-Unjoni

11

Il-premessi 5, 6 u 31 tad-Direttiva 2004/38 huma fformulati kif ġej:

“(5)

Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]

(6)

Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

[…]

(31)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fondamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea […]”

12

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, fil-paragrafu 2(ċ) tiegħu jipprovdi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2)

‘membru tal-familja’ tfisser:

[…]

ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b)”.

13

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Benefiċjarji”, jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru [dak li għandhom in-nazzjonalità tiegħu], u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.

2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:

a)

kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, irrispettivament miċ-ċittadinanza, li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni tal-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza, jew meta raġunijiet serji ta’ saħħa strettament jeħtieġu l-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni;

[…]

L-Istat Membru ospitanti għandu jaffettwa eżami estensiv taċ-ċirkostanzi personali u għandu jiġġustifika kwalunkwe tiċħid ta’ dħul jew ta’ residenza lil dawn in-nies.”

14

L-Artikolu 7(2) tal-istess direttiva jipprevedi:

“Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 (a), (b) jew (ċ).”

15

L-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali relatati mal-limitazzjoni tad-dritt ta’ dħul u tad-dritt ta’ residenza għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.

16

L-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva, intitolat “Abbuż tad-drittijiet”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw il-miżuri neċessarji biex jirrifjutaw, itemmu jew jirrevokaw kwalunkwe dritt mogħti b’din id-Direttiva f’każ ta’ abbuż jew frodi, bħal żwiġijiet ta’ konvenjenza. Kwalunkwe miżura bħal din għandha tkun proporzjonata u bla ħsara għall-garanziji proċedurali previsti fl-Artikoli 30 u 31.”

Id-dritt tar-Renju Unit

Ir-Regoli dwar l-Immigrazzjoni

17

L-Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (ir-Regolament tal-2006 dwar l-Immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea)), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-2006”), ittraspona d-Direttiva 2004/38 fid-dritt tar-Renju Unit.

18

L-Artikolu 7 tar-Regolament tal-2006 jistabbilixxi:

“(1)   Bla ħsara għall-paragrafu (2), għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, il-persuni segwenti għandhom jitqiesu bħala membri tal-familja ta’ persuna oħra:

[…]

(b)

id-dixxendenti diretti tagħha u dawk tal-konjuġi tagħha jew tas-sieħeb ċivili tagħha li:

(i)

ikollhom inqas minn wieħed u għoxrin; jew

(ii)

ikunu dipendenti fuqha jew dipendenti fuq il-konjuġi tagħha, jew fuq is-sieħeb ċivili tagħha […]”

19

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-2006 jiddefinixxi “membri tal-familja estiża” kif ġej:

“(1)   Għall-finijiet tar-regolament preżenti, ‘membru tal-familja estiża’ jfisser kull persuna li ma tkunx membru tal-familja ta’ ċittadin taż-ŻEE skont l-Artikolu 7(1)(a), (b), jew (c) u li tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi (2), (3), (4) jew (5).

(2)   Persuna tissodisfa l-kundizzjoni prevista f’dan il-paragrafu jekk tkun ġenitur ta’ ċittadin taż-ŻEE, tal-konjuġi tiegħu, jew tas-sieħba ċivili tiegħu u:

(a)

jekk tirrisjedi fi [pajjiż ieħor barra r-Renju Unit] fejn jirrisjedi wkoll iċ-ċittadin taż-ŻEE u jekk din tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru;

(b)

jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt (a) u takkumpanja ċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit jew tixtieq tingħaqad miegħu; jew

(c)

jekk din kienet tissodisfa l-kundizzjoni prevista fil-punt (a), ingħaqdet maċ-ċittadin taż-ŻEE fir-Renju Unit u tibqa’ tkun dipendenti fuqu jew tgħix f’daru.

[…]

(6)

Għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, ‘ċittadin ikkonċernat taż-ŻEE’ ifisser, fir-rigward ta’ membru tal-familja estiża, iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun, jew li l-konjuġi jew sieħba ċivili tiegħu hija l-ġenitur tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tal-paragrafi (2), (3), jew (4), jew iċ-ċittadin taż-ŻEE li jkun is-sieħeb tal-membru tal-familja estiża għall-finijiet tal-paragrafu 5.”

20

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament tal-2006, l-aġent kompetenti fil-qasam ta’ permessi ta’ dħul għandu joħroġ “permess tal-familja ŻEE” għal “membru tal-familja”, meta jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. Skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan ir-regolament, dan l-istess aġent jista’ joħroġ tali permess lil “membru tal-familja estiża”, jekk ċerti kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti, jew, fi kwalunkwe każ, jekk jidhirlu li huwa xieraq li jinħareġ tali permess.

Ir-regoli fil-qasam tal-adozzjoni

21

Skont it-Taqsima 83 tal-Adoption and Children Act 2002 (il-Liġi tal-2002 dwar l-Adozzjoni u t-Tfal), huwa punibbli, ħlief jekk l-Adoption with a Foreign Element Regulations 2005 (ir-Regolament tal-2005 dwar l-Adozzjoni li Tinkludi Element Barrani) ikun ġie osservat, il-fatt li jiddaħħal wild fir-Renju Unit, fid-dawl tal-adozzjoni tiegħu f’dan il-pajjiż, u l-fatt li jiddaħħal wild li kien diġà ġie suġġett għal adozzjoni f’pajjiż ieħor. Dan ir-regolament jeħtieġ, b’mod partikolari, li aġenzija ta’ adozzjoni tar-Renju Unit tevalwa l-kapaċità tal-persuni sabiex jadottaw. Dan ir-rekwiżit ma japplikax, madankollu, għall-adozzjonijiet li jaqgħu taħt il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1993, implimentata fid-dritt tar-Renju Unit permezz tal-Adozzjoni (Intercountry Aspects) Act 1999 (il-Liġi tal-1999 dwar l-Adozzjoni (Aspetti Internazzjonali)).

22

It-Taqsima 66(1) tal-Liġi tal-2002 dwar l-Adozzjoni u t-Tfal telenka l-lista tal-adozzjonijiet irrikonoxxuti mid-dritt tal-Ingilterra u Wales bħala li tagħti lill-wild il-kwalità ta’wild adottat. Il-kafala (għoti ta’ kura) ma hijiex inkluża f’din il-lista.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

Is-Sur M. u s-Sinjura M. huma żewġ ċittadini Franċiżi li żżewġu fir-Renju Unit fl-2001. Huma żaru l-Alġerija, matul is-sena 2009, sabiex, fil-kuntest tas-sistema Alġerina tal-kafala, il-kapaċità tagħhom sabiex isiru tuturi ta’ wild tiġi evalwata. Fi tmiem din l-evalwazzjoni, dawn tqiesu bħala “adattati” li jżommu għandhom wild taħt din is-sistema.

24

SM, imwielda fl-Alġerija fis-27 ta’ Ġunju 2010, ġiet abbandunata mill-ġenituri bijoloġiċi tagħha sa mit-twelid tagħha.

25

Il-konjuġi M. talbu sabiex isiru t-tuturi ta’ SM konformement mas-sistema Alġerina tal-kafala.

26

Wara din it-talba, inbeda terminu ta’ stennija ta’ tliet xhur, li matulu l-ġenituri bijoloġiċi ta’ SM setgħu jibdlu d-deċiżjoni ta’ abbandun tagħhom, ħaġa li ma għamlux.

27

B’att tal-President tat-tribunal de Boufarik (il-Qorti ta’ Boufarik, l-Alġerija), tat-22 ta’ Marzu 2011, MS tqiegħdet taħt it-tutela tal-konjuġi M., li lilhom ġie ddelegat l-eżerċizzju tal-awtorità tal-ġenituri skont id-dritt Alġerin. Skont dan l-att, il-konjuġi M. impenjaw ruħhom “li jagħtu edukazzjoni Iżlamika lill-wild […], li jżommuha fis-saħħa fiżika u morali tajba, billi jissodisfaw il-bżonnijiet tagħha, billi jieħdu ħsieb l-istruzzjoni tagħha, billi jitrattawha bl-istess mod bħallikieku jagħmlu ġenituri bijoloġiċi, li jipproteġuha, li jiddefenduha quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji u li jieħdu r-responsabbiltà ċivili ta’ atti dannużi”. Dan l-att jawtorizza lill-konjuġi M. li jiksbu allowances tal-familja, sussidji u kumpensi, li jiffirmaw kull dokument amministrattiv u tal-ivvjaġġar kif ukoll li jivvjaġġaw ma’ SM barra l-Alġerija.

28

Permezz ta’ deċiżjoni tat-tribunal de Tizi Ouzou (il-Qorti ta’ Tizi Ouzou, l-Alġerija) tat-3 ta’ Mejju 2011, il-kunjom ta’ SM, kif kien imniżżel fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha, ġie emendat sabiex isir dak tal-konjuġi M.

29

F’Ottubru 2011, is-Sur M. irritorna fir-Renju Unit, fejn igawdi minn dritt ta’ residenza permanenti, għal raġunijiet professjonali. Fir-rigward tas-Sinjura M., hija baqgħet l-Alġerija ma’ SM.

30

F’Mejju 2012, SM ippreżentat applikazzjoni għal permess ta’ dħul fir-Renju Unit bħala wild adottat ta’ ċittadin taż-ŻEE. L-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda mill-aġent kompetenti fil-qasam ta’ permessi ta’ dħul minħabba li t-tutela taħt is-sistema tal-kafala Alġerina ma kinitx irrikonoxxuta bħala adozzjoni fis-sens tad-dritt tar-Renju Unit u li l-ebda applikazzjoni għal adozzjoni internazzjonali ma kienet ġiet ifformulata.

31

SM ippreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit), Dan ir-rikors ġie miċħud b’sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2013. Skont din il-qorti, SM ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet sabiex titqies bħala wild adottat skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fil-qasam tal-immigrazzjoni jew bħala membru tal-familja, membru tal-familja estiża jew bħala wild adottat minn ċittadin taż-ŻEE fis-sens tar-Regolament tal-2006.

32

Barra minn hekk, l-imsemmija qorti qieset li l-konjuġi M. kienu bdew passi, fl-Alġerija, sabiex jiksbu l-kustodja ta’ wild taħt is-sistema tal-kafala, wara li saru jafu li kien iktar faċli li tinkiseb il-kustodja ta’ wild f’dan il-pajjiż milli fir-Renju Unit. Din l-istess qorti osservat ukoll li l-proċess ta’ evalwazzjoni tal-kapaċità tagħhom li jsiru tuturi, li fi tmiemu huma tqiesu bħala “adattati” li jżommu għandhom wild taħt is-sistema tal-kafala Alġerina, kien “limitat”.

33

SM ippreżentat rikors kontra din is-sentenza quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla tal-Immigrazzjoni u tal-Ażil), ir-Renju Unit). Permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Mejju 2014, din tal-aħħar iddeċidiet favur tagħha, billi qieset li, għalkemm hija ma setgħetx titqies bħala “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-2006, hija kienet, min-naħa l-oħra, “membru tal-familja estiża” ta’ dan iċ-ċittadin, fis-sens tal-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

34

L-aġent kompetenti fil-qasam ta’ permessi ta’ dħul appella din is-sentenza tal-aħħar quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit). Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Novembru 2015, din tal-aħħar laqgħet l-appell billi qieset, b’mod partikolari, li SM ma kinitx “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, peress li ma kinitx ġiet adottata taħt forma rikonoxxuta mid-dritt tar-Renju Unit. Din il-qorti, barra minn hekk, qieset li SM lanqas ma setgħet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva inkwantu “membru ieħor tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni.

35

SM ġiet awtorizzata tadixxi quddiem il-qorti tar-rinviju, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit).

36

Skont il-qorti tar-rinviju, SM għandha, tal-inqas, titqies bħala “membru ieħor tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. Fil-fatt, dan il-kunċett huwa suffiċjentement wiesgħa sabiex ikopri wild li fir-rigward tiegħu ċittadin tal-Unjoni huwa detentur tal-awtorità tal-ġenituri skont il-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tal-wild, u dan minkejja li ma teżisti ebda rabta bijoloġika u lanqas adottiva bejn il-wild u dan iċ-ċittadin. SM hija dipendenti tal-ħajja tad-dar komposta mill-konjuġi M., li minnha tagħmel parti, u dan fl-Alġerija.

37

Madankollu, din il-qorti hija tal-fehma li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva japplika biss jekk SM ma għandhiex dritt ta’ dħul fir-Renju Unit bħala “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva.

38

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk wild imqiegħed taħt sistema ta’ tutela, bħal dik tal-kafala Alġerina, jaqax taħt il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

39

Skont il-qorti tar-rinviju, risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tista’ tirriżulta mill-punt 2.1.2 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38 ((KUMM (2009) 313 finali), li jinkludi fil-kunċett ta’ “dixxendent dirett” il-“minuri li jkunu fil-kustodja ta’ gwardjan legali permanenti”.

40

Tali tweġiba tista’ tibbaża wkoll fuq il-fatt li, fl-assenza ta’ kwalunkwe riferiment, fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu, uniformi u konformi mal-għanijiet ta’ din id-direttiva. Issa, il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jiġi ostakolat kieku l-Istati Membri kienu liberi li jirrikonoxxu t-tfal imqiegħda taħt is-sistema kafala Alġerina bħala dixxendenti diretti.

41

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li interpretazzjoni awtonoma ta’ dan il-kunċett ma għandhiex neċessarjament tkun wiesgħa u li interpretazzjoni li tgħid li wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina huwa kkunsidrat bħala “dixxendent dirett” tista’ twassal sabiex it-tfal jitqiegħdu fi djar li, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti, ma jkunux ikkunsidrati adattati sabiex iżommu għandhom tfal. Interpretazzjoni bħal din tista’ wkoll toħloq riskju ta’ sfruttament, ta’ abbuż u ta’ traffikar tat-tfal li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1993 hija intiża li tipprevjeni u li tiddisswadi.

42

Għalhekk il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-punt jekk id-dritt ta’ dħul, fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin tal-Unjoni, ta’ wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina jistax ikun limitat skont l-Artikoli 27 u 35 tad-Direttiva 2004/38 meta l-wild ikun vittma ta’ sfruttament, ta’ abbuż jew ta’ traffikar jew meta jeżisti riskju li jista’ jkun il-vittma ta’ dawn. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(2)(ċ) ta’ din id-direttiva, Stat Membru jistax jivverifika li l-aħjar interessi tal-wild ikunu ttieħdu inkunsiderazzjoni meta jitqiegħed taħt tutela.

43

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court of the United Kingdom (il-Qorti Suprema tar-Renju Unit) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Tifel jew tifla li tinsab taħt tutela legali permanenti ta’ ċittadin jew ċittadini tal-Unjoni, taħt kefalah [kafala] jew xi tip ta’ arranġament ekwivalwnti previst mil-liġi tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha, hija ‘dixxendent dirett’ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(c) tad-Direttiva 2004/38?

2)

Dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 35, jistgħu jiġu interpretati fis-sens li jiġi miċħud id-dħul [fit-territorju] lil tali tfal jekk ikunu vittmi ta’ sfruttament, abbuż jew traffikar jew jekk ikun hemm ir-riskju li jiġrilhom hekk?

3)

Stat Membru għandu dritt jinvestiga, qabel ma jirrikonoxxi lil tifel jew tifla li ma hijiex dixxendent b’konsangwinità taċ-[ċittadin tal-Unjoni], bħala dixxendent dirett taħt l-Artikolu 2(2)(c), jekk il-proċeduri għat-tqegħid tat-tifel jew tat-tifla fit-tutela jew fil-kustodja ta’ dan [iċ-ċittadin tal-Unjoni] kinux tali li jieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi ta’ dak it-tifel jew tifla?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

44

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li jinkludi wild li jkun tqiegħed taħt it-tutela legali permanenti ta’ ċittadin jew ta’ ċittadini tal-Unjoni skont il-kafala Alġerina.

45

L-ewwel nett, mill-atti tal-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 sa 38 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kafala tikkostitwixxi, skont id-dritt Alġerin, l-impenn ta’ adult, minn naħa, li jieħu inkarigu tal-manteniment, tal-edukazzjoni u tal-protezzjoni ta’ wild, l-istess bħal ma jagħmel ġenitur għall-wild tiegħu, u, min-naħa l-oħra, li jeżerċita t-tutela legali fuq dan il-wild. B’differenza ta’ adozzjoni, li hija pprojbita mid-dritt Alġerin, it-tqegħid ta’ wild taħt kafala ma jagħtix lill-wild l-istatus ta’ werriet tat-tutur. Barra minn hekk, kafala tieqaf meta l-wild jilħaq l-età legali u tista’ tiġi rtirata fuq talba tal-ġenituri bijoloġiċi jew tat-tutur.

46

Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub isostnu li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 jeħtieġ l-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni, kemm jekk bijoloġika jew adottiva, bejn il-wild u ċ-ċittadin tal-Unjoni. Skont dawn il-gvernijiet, dan il-kunċett ma jistax, minħabba dan il-fatt, jinkludi lil wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina, peress li din is-sistema ta’ tutela ma toħloqx tali rabta bejn il-wild u t-tutur tiegħu.

47

Min-naħa l-oħra, SM, Coram Children’s Legal Centre (CCLC), AIRE Centre u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett” jista’ jinkludi wild li ċittadin tal-Unjoni jeżerċita tutela legali permanenti fuqu, bħall-kafala Alġerina. Din l-interpretazzjoni timponi, essenzjalment, li tinżamm, fl-aħjar interessi tal-wild, il-ħajja tal-familja li dan ikollu mat-tutur tiegħu.

48

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 3(1) tagħha, id-Direttiva 2004/38 tapplika għal kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq jew li jirrisjedi fi Stat Membru għajr dak li għandu n-nazzjonalità tiegħu, kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu, kif iddefiniti fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, li jakkumpanjawh jew li jingħaqdu miegħu.

49

Fost dawn il-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni hemm, b’mod partikolari, skont l-Artikolu2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, id-“dixxendenti diretti” tiegħu li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti tiegħu.

50

Din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda riferiment speċifiku għad-drittijiet tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s-sens u l-portata tal-kunċett ta’ “dixxendent dirett”. F’dawn il-kundizzjonijiet, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ din id-dispożizzjoni għandhom normalment jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Ziolkowski u Szeja, C‑424/10 u C‑425/10, EU:C:2011:866, punt 32).

51

Barra minn hekk, id-Direttiva 2004/38 ma tinkludi ebda definizzjoni tal-kunċett ta’ “dixxendent dirett”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti (sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Lassal, C‑162/09, EU:C:2010:592, punt 49).

52

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett” jirreferi komunement għall-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni, f’linja diretta, li tgħaqqad il-persuna kkonċernata ma’ persuna oħra. Fl-assenza ta’ kwalunkwe rabta ta’ filjazzjoni bejn iċ-ċittadin tal-Unjoni u l-wild ikkonċernat, dan tal-aħħar ma jistax jiġi kklassifikat bħala “dixxendent dirett” tal-ewwel, fis-sens tad-Direttiva 2004/38.

53

Għalkemm dan il-kunċett primarjament jiffoka fuq l-eżistenza ta’ rabta ta’ filjazzjoni bijoloġika, għandu madankollu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2004/38 għandha bħala għan li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali ta’ moviment u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri, dritt mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li b’mod partikolari għandha bħala għan li ssaħħaħ dan id-dritt (sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 35, kif ukoll tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 18). Fir-rigward ta’ dawn l-għanijiet, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, sa fejn jinkludu l-Artikolu 2(2) tagħha, għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Jannar 2014, C‑423/12, EU:C:2014:16, punt 23, u tal-10 ta’ Lulju 2014, Ogieriakhi, C‑244/13, EU:C:2014:2068, punt 40).

54

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “rabta ta’ filjazzjoni” imsemmi fil-punt 52 ta’ din is-sentenza, għandu jinftiehem b’mod wiesa’, b’mod li jkopri kull rabta ta’ filjazzjoni, kemm jekk tkun ta’ natura bijoloġika jew legali. Isegwi li l-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, għandu jinftiehem bħala li jkopri kemm il-wildi bijoloġiku kif ukoll il-wild adottat ta’ tali ċittadin, peress li huwa stabbilit li l-adozzjoni toħloq rabta ta’ filjazzjoni legali bejn il-wild u ċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernati.

55

Min-naħa l-oħra, dan l-istess rekwiżit ta’ interpretazzjoni wiesgħa ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni, bħal dik li tirriżulta mill-punt 2.1.2 tal-Komunikazzjoni KUMM (2009) 313 finali, li tgħid li wild imqiegħed taħt it-tutela legali ta’ ċittadin tal-Unjoni jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “dixxendent dirett”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

56

Peress li t-tqegħid ta’ wild taħt is-sistema kafala Alġerina ma joħloqx rabta ta’ filjazzjoni bejn il-wild u t-tutur tiegħu, wild, bħal SM, imqiegħed taħt it-tutela legali ta’ ċittadini tal-Unjoni skont din is-sistema ma jistax jitqies bħala “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38.

57

Madankollu, tali wild, kif enfasizzat il-qorti tar-rinviju, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru ieħor tal-familja” previst fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

58

Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri jiffaċilitaw, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, id-dħul u r-residenza ta’ “membri oħrajn tal-familja, […] li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza”.

59

It-termini użati f’din id-dispożizzjoni huma għalhekk ta’ natura li jkopru s-sitwazzjoni ta’ wild li jkun tqiegħed, ma’ ċittadini tal-Unjoni, taħt is-sistema ta’ tutela legali bħall-kafala Alġerina, u li ċ-ċittadini tagħha jiżguraw il-manteniment, l-edukazzjoni u l-protezzjoni, skont impenn meħud abbażi tad-dritt tal-pajjiż ta’ oriġini tal-wild.

60

L-għan tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, li “tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa” billi jiġu vantaġġati d-dħul u r-residenza ta’ persuni li ma humiex inklużi fid-definizzjoni ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, iżda li madankollu ma’ ċittadin tal-Unjoni jkollhom rabtiet tal-familja mill-qrib u stabbli minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi, bħal dipendenza ekonomika, appartenenza fil-ħajja tad-dar jew minħabba raġunijiet ta’ saħħa serji (sentenza tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 32).

61

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lill-applikazzjonijiet ippreżentati minn ċittadini ta’ Stati terzi previsti f’dan l-artikolu meta mqabbla mal-applikazzjonijiet ta’ dħul u ta’ residenza ta ċittadini oħra ta’ Stati terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 21, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger, C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 31).

62

Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, jipprevedu l-possibbiltà għall-persuni previsti f’din id-dispożizzjoni li jiksbu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tagħhom li tkun fondata fuq eżami fil-fond tas-sitwazzjoni personali tagħhom, b’kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti differenti, u li, f’każ ta’ rifjut, tkun immotivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punti 2223, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger, C‑89/17, EU:C:2018:570, punti 3839).

63

Ċertament, kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sa fejn il-leġiżlazzjoni tagħhom tinkludi kriterji li jkunu konformi mas-sens abitwali tal-kelma “jiffaċilita” li tinsab fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, u li ma jċaħħdux din id-dispożizzjoni mill-effett utli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 24, u tat-12 ta’ Lulju 2018, Banger, C‑89/17, EU:C:2018:570, punt 40).

64

Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu, fir-rigward tal-premessa 31 tad-Direttiva 2004/38, jiġi eżerċitat fid-dawl u fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 7980 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

65

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 7 tal-Karta jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Hekk kif jirriżulta mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tagħha għandhom l-istess sens u l-istess portata bħal dawk iggarantiti fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 53, u tal-5 ta’ Ġunju 2018, Coman et, C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 49).

66

Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li r-relazzjonijiet effettivi li wild li jitqiegħed taħt sistema ta’ kafala jżomm mat-tutur tiegħu jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett tal-ħajja tal-familja, fir-rigward taż-żmien li jkunu għexu flimkien, il-kwalità tar-relazzjonijiet kif ukoll ir-rwol meħud mill-adult lejn il-wild (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 2014, Chbihi Loudoudi et vs Il-Belġju, CE:ECHR:2014:1216JUD005226510, punt 78). Skont din il-ġurisprudenza, l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali jipproteġi lill-individwu kontra l-indħil arbitrarju mill-awtoritajiet pubbliċi u jimponi fuq dawn tal-aħħar, fejn l-eżistenza ta’ rabta tal-familja hija stabbilita, li din ir-rabta tkun tista’ tiżviluppa u li tingħata protezzjoni legali li tagħmel possibbli l-integrazzjoni tal-wild mal-familja tiegħu (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 4 ta’ Ottubru 2012, Harroudj vs Franza, CE:ECHR:2012:1004JUD004363109, punti 40 u 41, kif ukoll Qorti EDB, 16 ta’ Diċembru 2014, Chbihi Loudoudi et vs Il‑Belġju, CE:ECHR:2014:1216JUD005226510, punti 88 u 89).

67

Barra minn hekk, l-Artikolu 7 tal-Karta għandu jinqara flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, irrikonoxxuti fl-Artikolu 24(2) tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill, C‑540/03, EU:C:2006:429, punt 58; tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 54, kif ukoll tal-10 ta’ Mejju 2017, Chavez-Vilchez et, C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 70).

68

Sabiex dawn id-dispożizzjonijiet jiġu osservati fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, huma għalhekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, waqt l-implimentazzjoni tal-obbligu li jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza tal-membri l-oħra tal-familja, previst fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, li għandhom iwettqu evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha tal-każ, b’kunsiderazzjoni tal-interessi involuti kollha u, b’mod partikolari, tal-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, O et, C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 81; tat-13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín, C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 85, kif ukoll tat-13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 41).

69

Din l-evalwazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-età li fiha l-wild tpoġġa taħt is-sistema tal-kafala Alġerina, l-eżistenza ta’ ħajja komuni li l-wild ikollu mat-tuturi tiegħu mat-tqegħid tiegħu taħt din is-sistema, il-livell tar-relazzjonijiet affettivi li ngħaqdu bejn il-wild u t-tuturi tiegħu kif ukoll il-livell ta’ dipendenza tal-wild fir-rigward tat-tuturi tiegħu, sa fejn dawn jieħdu l-awtorità tal-ġenituri, u l-piż legali u finanzjarju tal-wild.

70

Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni, hemm lok ukoll li jitqiesu eventwali riskji konkreti u individwalizzati li l-wild ikkonċernat ikun vittma ta’ abbuż, ta’ sfruttament jew ta’ traffikar. Riskji bħal dawn, madankollu, ma jistgħux jiġu preżunti fir-rigward tal-fatt li l-proċedura ta’ tqegħid taħt is-sistema tal-kafala Alġerina hija bbażata fuq evalwazzjoni tal-kapaċità tal-adult u tal-interessi tal-wild li hija inqas fil-fond mill-proċedura mwettqa, fl-Istat Membru ospitanti, għall-bżonnijiet ta’ adozzjoni jew ta’ tqegħid f’kustodja ta’ wild jew mill-fatt li l-proċedura prevista fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 ma ġietx applikata fl-assenza ta’ ratifika ta’ din il-konvenzjoni mill-Istat terz ikkonċernat. Tali ċirkustanzi għandhom, għall-kuntrarju, jiġu bbilanċjati mal-punti ta’ fatt rilevanti oħra, bħal dawk esposti fil-punt preċedenti.

71

Fil-każ li jiġi stabbilit, fi tmiem l-evalwazzjoni tal-elementi msemmija fil-punti 69 u 70 ta’ din is-sentenza, li l-wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina u t-tuturi tiegħu, ċittadini tal-Unjoni, huma intiżi sabiex ikollhom ħajja tal-familja effettiva u li dan il-wild jiddependi mit-tuturi tiegħu, ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, jeħtieġu, bħala prinċipju, l-għoti ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza lill-imsemmi wild bħala membru ieħor tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, bil-għan li l-wild ikun jista’ tgħix mat-tuturi tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ta’ dawn tal-aħħar.

72

Din il-konklużjoni tapplika a fortiori meta, minħabba r-rifjut li jingħata lill-wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tat-tuturi tagħha, ċittadini tal-Unjoni, dawn it-tuturi jiġu mċaħħda, fil-fatt, li jgħixu ħajja komuni f’dan l-Istat Membru, peress li wieħed minnhom jinsab imġiegħel li jibqa’, mal-wild, fl-Istat terz ta’ oriġini tal-wild sabiex jieħu ħsiebu.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata r-risposta kif ġej:

il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix wild li jkun tqiegħed taħt it-tutela legali permanenti ta’ ċittadin tal-Unjoni skont il-kafala Alġerina, peress li dan it-tqegħid ma joħloq ebda rabta ta’ filjazzjoni bejniethom;

madankollu huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ tali wild inkwantu membru ieħor tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta, billi titwettaq evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha tal-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti differenti u, b’mod partikolari, l-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat. Fil-każ li jiġi stabbilit, fit-tmiem din l-evalwazzjoni, li l-wild u t-tutur tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, huma intiżi sabiex ikollhom ħajja tal-familja effettiva u li dan il-wild jiddependi mit-tutur tiegħu, ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, jeħtieġu, bħala prinċipju, l-għoti, lil dan il-wild, ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza sabiex ikun jista’ jgħix mat-tutur tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan tal-aħħar.

Fuq it-tieni domanda

74

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 27 u 35 tad-Direttiva 2004/38 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, f’każ ta’ riskju għal wild imqiegħed taħt is-sistema tal-kafala Alġerina li jkun is-suġġett ta’ abbuż, ta’ sfruttament jew ta’ traffikar, id-dritt tiegħu ta’ dħul jew ta’ residenza inkwantu membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan tal-aħħar jista’ jiġi rrifjutat.

75

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari f’din il-kawża jirriżulta li din id-domanda hija magħmula fl-ipoteżi fejn wild, bħal SM, imqiegħed taħt it-tutela legali ta’ ċittadin tal-Unjoni skont il-kafala Alġerina, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ dan iċ-ċittadin, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38, li fil-prinċipju jiftaħlu dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan iċ-ċittadin, konformement mal-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva. Issa, mir-risposta għall-ewwel domanda jirriżulta li dan il-wild ma jistax jaqa’ taħt dan il-kunċett.

76

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tielet domanda

77

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

78

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-kunċett ta’ “dixxendent dirett” ta’ ċittadin tal-Unjoni li jinsab fl-Artikolu 2(2)(ċ) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix wild li jkun tqiegħed taħt it-tutela legali permanenti ta’ ċittadin tal-Unjoni skont il-kafala Alġerina, peress li dan it-tqegħid ma joħloq ebda rabta ta’ filjazzjoni bejniethom.

 

Madankollu huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza ta’ tali wild inkwantu membru ieħor tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi titwettaq evalwazzjoni ekwilibrata u raġonevoli taċ-ċirkustanzi attwali u rilevanti kollha tal-każ, li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi involuti differenti u, b’mod partikolari, l-aħjar interessi tal-wild ikkonċernat. Fil-każ li jiġi stabbilit, fit-tmiem din l-evalwazzjoni, li l-wild u t-tutur tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, huma intiżi sabiex ikollhom ħajja tal-familja effettiva u li l-wild jiddependi mit-tutur tiegħu, ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għar-rispett tal-ħajja tal-familja, flimkien mal-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aħjar interessi tal-wild, jeħtieġu, bħala prinċipju, l-għoti, lil dan il-wild, ta’ dritt ta’ dħul u ta’ residenza sabiex ikun jista’ jgħix mat-tutur tiegħu fl-Istat Membru ospitanti ta’ dan tal-aħħar.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.