SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

5 ta’ Settembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat‑trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro – Regolament (UE) Nru 260/2012 – Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA) – Pagamenti permezz ta’ debitu dirett – Artikolu 9(2) – Aċċessibbiltà tal-pagamenti – Rekwiżit ta’ residenza”

Fil-Kawża C‑28/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Verein für Konsumenteninformation

vs

Deutsche Bahn AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan (Relatur), President tal-Awla, C. Lycourgos, E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Verein für Konsumenteninformation, minn S. Langer, Rechtsanwalt,

għal Deutsche Bahn AG, minn C. Pöchhacker u L. Riede, Rechtsanwälte,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa‑Lacombe u T. Scharf, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU 2012, L 94, p. 22).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Verein für Konsumenteninformation (Assoċjazzjoni għall-Informazzjoni tal-Konsumaturi, iktar ’il quddiem “VKI”) u Deutsche Bahn AG fir-rigward tal-impossibbiltà li l-vjaġġaturi li ma għandhomx residenza fil-Ġermanja jħallsu l-biljetti rriżervati fuq is-sit internet ta’ din il-kumpannija permezz ta’ debitu dirett iddenominat fl-euro mwettaq permezz tal-iskema ta’ debiti diretti stabbilita fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“debitu dirett SEPA”).

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1, 6, 9, 10 u 32 tar-Regolament Nru 260/2012 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Il-ħolqien ta’ suq integrat għall-pagamenti elettroniċi bl-euro, mingħajr l-ebda distinzjoni bejn pagamenti nazzjonali u transkonfinali hu meħtieġ għall-funzjonament xieraq tas-Suq Intern. Għal dak il-għan, il-proġett taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (“is-SEPA”) għandu l-għan li jiżviluppa servizzi ta’ pagamenti komuni għall-Unjoni kollha biex jieħdu post is-servizzi attwali ta’ pagament nazzjonali. B’konsegwenza tal-introduzzjoni ta’ standards, regoli u prassi komuni u miftuħa tal-pagamenti, u permezz tal-ipproċessar integrat tal-pagamenti, is-SEPA għandha tipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lin-negozji b’servizzi ta’ pagament bl-euro sikuri, bi prezzijiet kompetittivi, faċli jintużaw u affidabbli. Dan għandu japplika għall-pagamenti SEPA fi ħdan u bejn il-fruntieri nazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bażiċi u skont l-istess drittijiet u obbligi, jkunu fejn ikunu fl-Unjoni. […]

[…]

(6)

Hija biss migrazzjoni rapida u komprensiva lejn it-trasferimenti tal-krediti u d-debiti diretti fl-Unjoni kollha li se tiġġenera l-benefiċċji sħaħ ta’ suq tal-pagamenti integrat, sabiex l-ispejjeż għolja tat-tħaddim b’mod parallel tal-prodotti “li ilhom jintużaw” kif ukoll tas-SEPA jkunu jistgħu jiġu eliminati. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli sabiex ikopru t-twettiq tat-trasferimenti tal-krediti kollha u t-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti denominati fl-euro fl-Unjoni. […]

[…]

(9)

Għat-twettiq ta’ trasferiment tal-kreditu, il-kont ta’ pagament tal-benefiċjarju għandu jkun aċċessibbli. Għaldaqstant, sabiex tiġi inkoraġġita l-adozzjoni b’suċċess madwar l-Unjoni kollha ta’ servizzi ta’ trasferiment ta’ kreditu u ta’ debitu dirett, għandu jiġi stabbilit obbligu tal-aċċessibbiltà fl-Unjoni kollha. Sabiex titjieb it-trasparenza, huwa wkoll xieraq li jiġu kkonsolidati f’att uniku dak l-obbligu u l-obbligu tal-aċċessibbiltà għad-debiti diretti li diġà huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 924/2009 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 (ĠU 2009, L 266, p. 11)]. Il-kontijet ta’ pagament tal-benefiċjarju kollha aċċessibbli għal trasferiment ta’ kreditu nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz ta’ skema ta’ trasferiment ta’ kreditu applikabbli fl-Unjoni kollha. Il-kontijiet kollha ta’ pagament ta’ min iħallas aċċessibbli għal trasferiment ta’ debitu dirett nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli wkoll permezz ta’ skema ta’ debitu dirett applikabbli fl-Unjoni kollha. Dan għandu japplika ukoll jekk il-PSP jiddeċidi li jipparteċipa jew le għal skema partikulari ta’ trasferiment ta’ kreditu jew ta’ debitu dirett.

(10)

L-interoperabilità teknika hi prerekwiżit għall-kompetizzjoni. Sabiex jinħoloq suq integrat għas-sistemi ta’ pagament elettroniċi bl-euro, hu essenzjali li l-ipproċessar tat-trasferimenti tal-kreditu u d-debiti diretti ma jkunx imfixkel minn regoli tan-negozju jew ostakli tekniċi bħall-adeżjoni obbligatorja għal iktar minn sistema waħda għas-saldu ta’ pagamenti transkonfinali. Trasferiment ta’ kreditu u debiti diretti għandhom jitwettqu skont skema li r-regoli bażiċi tagħha għandhom jiġu addottati mill-PSPs li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-PSPs fil-maġġoranza tal-Istati Membri u jikkostitwixxu il-maġġoranza tal-PSPs fl-Unjoni u li jkunu l-istess għat-trasferimenti tal-krediti u għat-tranżazzjonijiet tad-debiti diretti, kemm transkonfinali kif ukoll purament nazzjonali. […]

[…]

(32)

Sabiex jiġi żgurat appoġġ pubbliku wiesa’ għas-SEPA, huwa essenzjali li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni għal min iħallas, b’mod partikolari għal tranżazzjonijiet ta’ debitu dirett. L-unika skema ta’ debitu dirett għall-konsumaturi pan-Ewropea kurrenti żviluppata mill-EPC tipprovdi għal dritt ta’ rifużjoni “mingħajr mistoqsijiet”, bla kundizzjonijiet għall-pagamenti awtorizzati f’perijodu ta’ tmien ġimgħat mid-data li fiha l-fondi kienu debitati, waqt li dak id-dritt ta’ rifużjoni huwa suġġett għal diversi kondizzjonijiet skont l-Artikoli 62 u 63 tad-Direttiva 2007/64/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU 2007, L 319, p. 1)]. Fid-dawl tas-sitwazzjoni prevalenti tas-suq u tal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-impatt ta’ dawk id-dispożizzjonijiet għandu jkun evalwat fir-rapport li, skont l-Artikolu 87 tad-Direttiva 2007/64/KE, il-Kummissjoni għandha, sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2012, tressaq quddiem il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-[Bank Ċentrali Ewropew] akkumpanjat, fejn ikun xieraq, minn proposta għar-reviżjoni tiegħu.”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 260/2012, intitolat “Suġġett u ambitu [kamp ta’ applikazzjoni]”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ debiti diretti denominati fl-euro fi ħdan l-Unjoni meta kemm il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ min iħallas kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew fejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament uniku (PSP) involut fit-tranżazzjoni tal-pagament ikun jinsab fl-Unjoni.”

5

Skont l-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(2)

“debitu dirett” tfisser servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas;

(3)

“min iħallas” tfisser pesuna fiżika jew ġuridika li jkollha kont ta’ pagament u tippermetti ordni ta’ pagament minn dak il-kont ta’ pagament, jew, kont ta’ pagament fejn ma jkun hemm l-ebda kont ta’ pagament ta’ min iħallas, tkun persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel ordni ta’ pagament għall-kont ta’ pagament ta’ benefiċjarju;

(4)

“benefiċjarju” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li għandha kont tal-pagament u li tkun ir-reċipjent intiż tal-fondi li kienu s-suġġett tat-tranżazzjoni ta’ pagamenti;

(5)

“kont ta’ pagament” tfisser kont miżmum f’isem ta’ utent wieħed jew iżjed tas-servizz ta’ pagament li jintuża għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet ta’ pagamenti;

[…]

(21)

“mandat” tfisser l-espressjoni ta’ kunsens u awtorizzazzjoni mogħtija minn min iħallas lill-benefiċjarju u (direttament jew indirettament permezz tal-benefiċjarju) lill-PSP ta’ min iħallas biex jippermetti lill-benefiċjarju jibda jiġbor id-debitu tal-kont tal-pagament speċifikat ta’ min iħallas u biex il-PSP ta’ min iħallas ikun jista’ jikkonforma ma’ tali istruzzjonijiet;

[…]

(26)

“tranżazzjoni ta’ pagament transkonfinali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fi Stati Membri differenti;

(27)

“tranżazzjoni ta’ pagament nazzjonali” tfisser tranżazzjoni ta’ pagament mibdija minn min se jħallas jew minn benefiċjarju, fejn il-PSP ta’ min se jħallas u l-PSP tal-benefiċjarju jinsabu fl-istess Stat Membru;

[…].”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Aċċessibbiltà”, jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-PSP tal-benefiċjarju li huwa aċċessibbli għal trasferiment taħt skema ta’ pagament għandu jkun aċċessibbli, skont ir-regoli tal-iskema ta’ pagament applikabbli madwar l-Unjoni kollha, għat-trasferimenti tal-krediti mibdija minn min iħallas permezz ta’ PSP li jinsab fi kwalunkwe Stat Membru.”

7

L-Artikolu 9 tal-istess regolament, intitolat “Aċċessibbiltà tal-pagamenti”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Benefiċjarju li jaċċetta trasferimenti ta’ kreditu jew juża’ debitu dirett biex jiġbor il-fondi minn min irid iħallas li għandu kont ta’ pagament fl-Unjoni ma għandhux jispeċifika l-Istat Membru li fih dak il-kont ta’ pagament għandu jinstab, sakemm dak il-kont ta’ pagament ikun aċċessibbli skont l-Artikolu 3.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

VKI għandha, skont il-leġiżlazzjoni Awstrijaka, locus standi in judicio għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi.

9

Deutsche Bahn hija impriża ta’ trasport ferrovjarju li s-sede tagħha hija stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja). Hija tippermetti li l-konsumaturi jirriżervaw vjaġġi ferrovjarji internazzjonali fuq is-sit internet tagħha. Għal dan il-għan, hija tikkonkludi, abbażi tal-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport tagħha, kuntratti ma’ dawn tal-aħħar.

10

Skont waħda mill-klawżoli inklużi f’dawn il-kundizzjonijiet ġenerali ta’ trasport, il-biljetti rriżervati fuq is-sit internet ta’ Deutsche Bahn jistgħu jitħallsu permezz ta’ karta ta’ kreditu, permezz ta’ PayPal, permezz ta’ trasferiment bankarju instantanju jew permezz ta’ debitu dirett SEPA. Skont din il-klawżola, dan l-aħħar metodu ta’ ħlas huwa madankollu aċċettat biss suġġett għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet, jiġifieri li min iħallas għandu residenza fil-Ġermanja, li jagħti l-kunsens għad-debitu dirett fuq kont f’bank jew f’bank ta’ tfaddil li għandu s-sede tiegħu fi Stat li jipparteċipa fis-SEPA, li huwa jordna lill-bank jew lill-bank ta’ tfaddil jonora d-debitu dirett u li huwa jirreġistra ruħu fuq is-sit internet ta’ Deutsche Bahn. Barra minn hekk, l-attivazzjoni tad-debitu dirett SEPA teħtieġ li min iħallas jagħti l-kunsens tiegħu għal analiżi ta’ solvenza.

11

VKI adixxiet lill-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) b’rikors għal inġunzjoni sabiex Deutsche Bahn tiġi kkundannata tieqaf tuża l-imsemmija klawżola fil-kuntratti tagħha mal-konsumaturi. Insostenn ta’ dan ir-rikors, VKI sostniet li l-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tgħid li min iħallas għandu, b’mod partikolari, ikollu, sabiex iwettaq ħlas permezz ta’ debitu dirett SEPA, residenza fil-Ġermanja, tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, peress li, minn naħa, il-kont ta’ ħlas ta’ konsumatur jinsab, bħala regola ġenerali, fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu u li, min-naħa l-oħra, din il-klawżola timponi xkiel saħansitra iktar sinjifikattiv minn kundizzjoni li teħtieġ il-ftuħ, minn min iħallas, ta’ kont ta’ ħlas fil-Ġermanja.

12

Deutsche Bahn sostniet, min-naħa tagħha, li r-Regolament Nru 260/2012, peress li huwa indirizzat għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, huwa intiż li jipproteġi l-ħlasijiet u mhux lil min iħallas. Dan ir-regolament ma jimponix fuq il-benefiċjarji tal-pagamenti li jipproponu d-debitu dirett SEPA lill-konsumaturi kollha fl-Unjoni kollha. Barra minn hekk, il-konsumaturi għandhom metodi alternattivi ta’ ħlas għax-xiri ta’ biljetti fuq is-sit internet tagħha. Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni dwar ir-residenza tal-konsumatur hija ġġustifikata. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ skema ta’ debitu dirett, il-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas, bil-kontra ta’ dak li huwa l-każ għal skemi oħra ta’ ħlas, ma jipprovdi ebda garanzija ta’ ħlas lill-benefiċjarju.

13

Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2016, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) laqgħet it-talba ta’ VKI għall-konsumaturi li għandhom ir-residenza tagħhom fl-Awstrija, wara li osservat li l-imsemmija klawżola kienet tmur kontra l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

14

Fl-appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ sentenza tal-14 ta’ Marzu 2017, annullat din is-sentenza u ċaħdet it-talba ta’ VKI, għar-raġuni li, għalkemm l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jiggarantixxi lil min iħallas kif ukoll lill-benefiċjarji li huma għandu jkollhom biss kont wieħed ta’ ħlas sabiex ikunu jistgħu jwettqu pagamenti nazzjonali u transkonfinali permezz ta’ debiti diretti, dan ir-regolament ma jobbligax lill-benefiċjarji jaċċettaw, fil-każijiet kollha, strumenti ta’ ħlas speċifiċi għall-ħlas tat-tranżazzjonijiet kummerċjali ma’ konsumaturi.

15

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), adita fl-appell minn VKI, tqis li, billi jipprojbixxi lil min iħallas u lill-benefiċjarji milli jispeċifikaw l-Istat Membru li fih għandu jkun jinsab il-kont tal-parti l-oħra, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 ma huwiex indirizzat għall-fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas, iżda japplika għar-relazzjonijiet bejn il-benefiċjarji u min iħallas u, għaldaqstant, huwa intiż li jipproteġi lil dawn tal-aħħar. Issa, għalkemm huwa minnu li, interpretata letteralment, din id-dispożizzjoni sempliċement tipprojbixxi l-iffissar ta’ kriterju ta’ lokalizzazzjoni ġeografika tal-kont tal-ħlas, xorta jibqa’ l-fatt li klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi d-debitu dirett SEPA meta min iħallas ma għandux ir-residenza tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu, tista’ tkun tmur kontra l-imsemmija dispożizzjoni, peress li l-kont tal-ħlas ta’ min iħallas jinstab, bħala regola ġenerali, fl-Istat Membru li fih dan għandu r-residenza tiegħu.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 9(2) tar-[Regolament Nru 260/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-benefiċjarju huwa pprojbit milli jissuġġetta l-aċċettazzjoni ta’ pagamenti permezz ta’ debitu dirett SEPA għall-kundizzjoni li l-persuna li tħallas ikollha d-domċilju tagħha fl-Istat Membru li fih l-benefiċjarju għandu wkoll ir-residenza jew id-domiċilju tiegħu, meta mezzi oħra ta’ pagament, bħal pereżempju permezz ta’ karta ta’ kreditu, ikunu aċċettati wkoll?”

Fuq id-domanda preliminari

17

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-ħlas permezz ta’ debitu dirett SEPA meta min iħallas ma għandux ir-residenza tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu.

18

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, ir-Regolament Nru 260/2012 ġie adottat fil-kuntest tal-proġett ta’ ħolqien tas-SEPA, intiża sabiex jiġu stabbiliti, għall-pagamenti ddenominati f’euro, servizzi ta’ ħlas komuni għall-Unjoni kollha billi jiġu ssostitwiti s-servizzi ta’ ħlas nazzjonali.

19

Skont l-Artikolu 1 tiegħu, l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jistabbilixxi r-regoli għat-tranżazzjonijiet ta’ trasferiment tal-kreditu u ta’ debiti diretti ddenominati fl-euro fi ħdan l-Unjoni meta kemm il-fornitur tas-servizz ta’ pagament ta’ min iħallas kif ukoll il-fornitur tas-servizz ta’ pagament tal-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, jew fejn il-fornitur tas-servizz ta’ pagament uniku involut fit-tranżazzjoni tal-pagament ikun jinsab fl-Unjoni.

20

Kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 1 u 6 tal-imsemmi regolament, ir-rekwiżiti tekniċi u kummerċjali previsti minnu japplikaw għall-pagamenti nazzjonali u transkonfinali mwettqa fil-kuntest tas-SEPA skont l-istess kundizzjonijiet bażiċi u skont l-istess drittijiet u obbligi, indipendentement mil-lokalizzazzjoni fl-Unjoni, u dan sabiex tiġi żgurata migrazzjoni kompleta lejn it-trasferimenti u d-debiti diretti stabbiliti fuq il-livell tal-Unjoni u b’dan il-mod jiġi stabbilit suq integrat għall-ħlasijiet elettroniċi f’euro, li fih ma teżisti ebda differenza bejn pagamenti nazzjonali u pagamenti transkonfinali.

21

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 jipprevedi li benefiċjarju li juża debitu dirett sabiex jirċievi fondi li joriġinaw minn min iħallas li għandu kont ta’ ħlas fi ħdan l-Unjoni ma għandux “jippreċiża” l-Istat Membru li fih dan il-kont tal-ħlas għandu jkun jinsab, sakemm il-kont ta’ ħlas huwa aċċessibbli skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, peress li għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ “debitu dirett” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament bħala li jirrigwarda servizz ta’ pagament nazzjonali jew transkonfinali għad-debitu ta’ kont ta’ pagament ta’ min iħallas, meta tranżazzjoni ta’ pagament tinbeda mill-benefiċjarju abbażi tal-kunsens ta’ min iħallas.

22

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 260/2012, fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ min iħallas li huwa aċċessibbli sabiex iwettaq debitu dirett nazzjonali, konformement ma’ skema ta’ ħlas, għandu jkun aċċessibbli, bl-istess mod, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 9 ta’ dan ir-regolament, sabiex iwettaq id-debiti diretti mibdija minn benefiċjarju, skont ir-regoli ta’ skema ta’ ħlas fuq il-livell tal-Unjoni, permezz ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsab fi Stat Membru ieħor.

23

Għalhekk, minn kliem l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) tiegħu, jirriżulta li benefiċjarju ta’ debitu dirett huwa pprojbit milli jimponi li l-kont ta’ min iħallas ikun jinsab fi Stat Membru partikolari, meta dan il-kont huwa aċċessibbli għal debitu dirett nazzjonali.

24

F’dan il-każ, huwa paċifiku li, għalkemm il-klawżola inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi fuq min iħallas l-obbligu li jkollu r-residenza tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu, jiġifieri l-Ġermanja, hija ma teżiġix, min-naħa l-oħra, li min iħallas ikollu kont ta’ ħlas fi Stat Membru speċifiku. Għaldaqstant, tali klawżola ma hijiex imsemmija espliċitament minn kliem l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

25

Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha tifforma parti (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Günter Hartmann Tabakvertrieb, C‑425/17, EU:C:2018:830, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan ir-rigward, huwa minnu li l-għan essenzjali tar-Regolament Nru 260/2012, kif imfakkar fil-punti 18 sa 20 ta’ din is-sentenza, huwa li jiġu stabbiliti rekwiżiti tekniċi u kummerċjali, b’mod partikolari fir-rigward tad-debiti diretti, sabiex jiġu stabbiliti servizzi ta’ ħlas komuni fl-Unjoni.

27

Dan espost, l-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn jikkonċerna espressament ir-relazzjoni speċifika bejn min iħallas u l-benefiċjarju, jikkontribwixxi wkoll għat-twettiq tal-għan li jikkonsisti f’li jintlaħaq il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi neċessarju sabiex tiġi żgurata, kif jirriżulta mill-premessa 32 tal-imsemmi regolament, l-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mas-SEPA.

28

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tippermetti l-użu, għall-finijiet ta’ ħlas permezz ta’ debitu dirett, ta’ kont wieħed u uniku ta’ ħlas għal kull tranżazzjoni fi ħdan l-Unjoni, u b’dan il-mod tevita l-ispejjeż marbuta maż-żamma ta’ diversi kontijiet ta’ ħlas, u dan billi tagħmel mod, kif jirriżulta mill-premessa 10 tar-Regolament Nru 260/2012, li l-effett tar-regoli kummerċjali ma jkunx li jostakolaw il-possibbiltà li l-konsumaturi jwettqu, fil-kuntest ta’ suq integrat għall-pagamenti elettroniċi f’euro, kull ħlas lejn kontijiet miżmuma minn benefiċjarji ma’ fornituri ta’ servizzi li jinsabu fi Stati Membri oħra.

29

Issa, għandu jiġi kkonstatat li hemm ir-riskju li klawżola, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi distinzjoni bbażata fuq il-kriterju tar-residenza ta’ min iħallas, tkun prinċipalment ta’ detriment għall-konsumaturi li ma għandhomx kont ta’ ħlas fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-konsumaturi għandhom ħafna drabi kont ta’ ħlas fl-Istat Membru li fih huma għandhom ir-residenza tagħhom.

30

Tali klawżola għalhekk indirettament tammonta għal indikazzjoni tal-Istat Membru li fih għandu jkun jinsab il-kont tal-ħlas, u b’dan il-mod toħloq effetti komparabbli għal dawk li jirriżultaw minn tali indikazzjoni ta’ Stat Membru speċifiku.

31

Fil-fatt, fil-parti l-kbira tal-każijiet, din il-kundizzjoni ta’ residenza tirrestrinġi l-aċċessibbiltà għall-ħlas permezz ta’ debitu dirett SEPA biss għal min iħallas li għandu kont ta’ ħlas fl-Istat Membru li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu u, għaldaqstant, teskludi minn dan il-metodu ta’ ħlas lil min iħallas li jkollu kont ta’ ħlas fi Stati Membri oħra.

32

Minħabba f’hekk, din il-klawżola tirriżerva dan il-metodu ta’ ħlas essenzjalment għat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas nazzjonali, fis-sens tal-Artikolu 2(27) tar-Regolament Nru 260/2012, jiġifieri għal dawk imwettqa bejn min iħallas u benefiċjarju li kull wieħed minnhom għandu kont ta’ ħlas ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsabu fl-istess Stat Membru, u dan bl-esklużjoni, konsegwentement, tal-parti l-kbira tat-tranżazzjonijiet ta’ ħlas transkonfinali, li jimplikaw, skont l-Artikolu 2(26) ta’ dan ir-regolament, fornituri ta’ servizzi ta’ ħlas li jinsabu fi Stati Membri differenti.

33

Minn dan isegwi li klawżola bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija tali li tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, peress li din iċċaħħad lil min iħallas mill-possibbiltà li jwettaq debitu dirett minn kont li jinsab fl-Istat Membru tal-għażla tiegħu. Din il-klawżola għalhekk ixxejjen l-għan imfittex minn din id-dispożizzjoni, li jikkonsisti, hekk kif imfakkar fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, f’li jiġi prekluż li regoli kummerċjali jippreġudikaw l-implimentazzjoni ta’ suq integrat għall-ħlasijiet elettroniċi f’euro, imsemmi fil-premessa 1 ta’ dan ir-regolament.

34

F’dan ir-rigward, il-fatt li l-konsumatur jista’ juża metodi ta’ ħlas alternattivi huwa irrilevanti. Fil-fatt, għalkemm il-benefiċjarji ta’ ħlasijiet jibqgħu liberi li joffru jew li ma joffrux lil min iħallas il-possibbiltà li jwettaq ħlas permezz ta’ debiti diretti SEPA, min-naħa l-oħra, bil-kontra ta’ dak li ssostni Deutsche Bahn, fil-każ li dawn joffru tali possibbiltà, dawn il-benefiċjarji ma jistgħux jissuġġettaw l-użu ta’ dan il-metodu ta’ ħlas għal kundizzjonijiet li jippreġudikaw l-effett utli tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012.

35

Skont Deutsche Bahn, mir-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 60 I, p. 1; rettifika fil-ĠU 2018, L 66, p. 1) jista’ madankollu jiġi dedott li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 ma jirrigwardax kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

36

Madankollu, minbarra l-fatt li mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jeskludi s-servizzi fil-qasam tat-trasport, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u l-fatt li sar applikabbli biss mit-3 ta’ Diċembru 2018, jiġifieri wara l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-Regolament 2018/302, li jikkonċerna speċifikament l-imblukkar ġeografiku, huwa nieqes minn kull effett fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-assenza ta’ rabta stabbilita mil-leġiżlatur tal-Unjoni bejn dawn iż-żewġ regolamenti.

37

Deutsche Bahn issostni wkoll li kundizzjoni ta’ residenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija ġġustifikata min-neċessità li tiġi kkontrollata s-solvenza ta’ min iħallas, peress li r-riskju ta’ abbuż u ta’ nuqqas ta’ ħlas huwa partikolarment għoli meta, bħal fil-kawża prinċipali, id-debitu dirett isegwi mandat mogħti direttament minn min iħallas lill-benefiċjarju mingħajr intervent tal-fornitur ta’ servizzi ta’ ħlas ta’ xi wieħed jew ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-benefiċjarju jkollu, huwa nnifsu, jevalwa r-riskju ta’ nuqqas ta’ ħlas tal-klijent.

38

Madankollu, għandu jiġi osservat li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 u 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, la l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra tiegħu ma jipprevedu eċċezzjoni għall-obbligu previst f’din id-dispożizzjoni, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa suffiċjentement inkunsiderazzjoni d-diversi interessi involuti bejn min iħallas u benefiċjarji fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

39

Fi kwalunkwe każ, xejn ma jipprekludi lil benefiċjarju milli jnaqqas ir-riskji ta’ abbuż jew ta’ nuqqas ta’ ħlas, hekk kif indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, billi jipprovdi, pereżempju, li l-kunsinna jew l-istampar tal-biljetti jkunu possibbli biss wara li dan il-benefiċjarju jkun irċieva l-konferma li l-pagament effettivament sar.

40

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Nru 260/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-ħlas permezz ta’ debitu dirett SEPA meta min iħallas ma għandux ir-residenza tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi klawżola kuntrattwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi l-ħlas permezz ta’ debitu dirett iddenominat fl-euro mwettaq permezz tal-iskema ta’ debiti diretti stabbilita fuq il-livell tal-Unjoni Ewropea (debitu dirett SEPA) meta min iħallas ma għandux ir-residenza tiegħu fl-istess Stat Membru bħal dak li fih il-benefiċjarju stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet tiegħu.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.