SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Ġunju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18, 21 u 165 TFUE – Regolament ta’ assoċjazzjoni sportiva – Parteċipazzjoni f’kampjonat nazzjonali ta’ Stat Membru minn atleta dilettant ta’ nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor – Trattament differenti minħabba n-nazzjonalità – Restrizzjoni għall-moviment liberu”

Fil-Kawża C-22/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Darmstadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

TopFit eV,

Daniele Biffi

vs

Deutscher Leichtathletikverband eV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TopFit eV u D. Biffi, minn G. Kornisch, Rechtsanwalt,

għal Deutscher Leichtathletikverband eV, minn G. Engelbrecht, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Kellerbauer u I. Rubene, bħala aġenti,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu tas-7 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwada l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn TopFit eV u D. Biffi u Deutscher Leichtathletikverband eV (l-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Atletika, iktar ’il quddiem id-“DLV”), dwar il-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra f’kampjonati nazzjonali ta’ sport tad-dilettanti fil-kategorija senior.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 165 TFUE, taħt it-Titolu XII tat-trattat FUE, intitolat “Edukazzjoni, Formazzjoni Vokazzjonali, Żgħażagħ u Sport”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   […]

L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għat-tmexxija l-quddiem tal-kwistjonijiet Ewropej ta’ l-Isports, waqt li tieħu in kunsiderazzjoni n-natura speċifika tiegħu, l-istrutturi tiegħu ibbażati fuq il-volontarjat u l-funzjoni soċjali u edukattiva tiegħu.

2.   L-azzjoni ta’ l-Unjoni għandha timmira:

[…]

l-iżvilupp tad-dimensjoni Ewropea fl-isport, billi tkun promossa l-ġustizzja u t-trasparenza fil-kompetizzjonijiet sportivi u l-koperazzjoni bejn il-korpi responsabbli mill-isport, u billi tkun protetta l-integrità fiżika u morali ta’ l-isportivi, speċjalment ta’ dawk l-aktar żgħażagħ fosthom.”

Ir-regoli tad-DLV

4

L-Artikolu 5.2.1 tad-Deutsche Leichtathletikordnung (ir-Regoli tal-Atletika Ġermaniża, iktar ’il quddiem ir-“Regoli tal-Atletika”), dwar id-dritt għall-parteċipazzjoni f’kampjonati Ġermaniżi, jipprovdu, fil-verżjoni tagħhom tas-17 ta’ Ġunju 2016:

“Bħala regola ġenerali l-kampjonati kollha għandhom ikunu miftuħa għall-atleti kollha li għandhom nazzjonalità Ġermaniża u dritt inizjali validu minn assoċjazzjoni jew komunità tal-atletika Ġermaniża.”

5

Dawn ir-regoli preċedentement kienu jinkludu l-Artikolu 5.2.2, li abbażi tiegħu ċ-ċittadini tal-Unjoni kellhom id-dritt li jipparteċipaw f’kampjonati Ġermaniżi jekk kellhom dritt ta’ parteċipazzjoni minn assoċjazzjoni jew komunità tal-atletika Ġermaniża u li dan id-dritt kien ilu jeżisti tal-inqas sena. Dan l-artikolu tħassar fis-17 ta’ Ġunju 2016 u ma ġiex issostitwit.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

D. Biffi huwa ċittadin Taljan, imwieled fl-1972, li ilu jgħix fil-Ġermanja mill‑2003. Huwa jipprattika, bħala dilettant, il-ġiri f’kompetizzjoni fuq distanzi ta’ 60 metru, ta’ 100 metru, ta’ 200 metru u ta’ 400 metru, fil-kategorija senior (iktar minn 35 sena). D. Biffi huwa membru ta’ TopFit, assoċjazzjoni sportiva li għandha sede f’Berlin (il-Ġermanja) u hija membru tal-Berliner Leichtathletik-Verband (l-Assoċjazzjoni tal-Atletika ta’ Berlin, il-Ġermanja), li hija, hi stess, membru tad-DLV.

7

Id-DLV tiġbor flimkien l-assoċjazzjonijiet kollha tal-atletika eżistenti fil-livell tal-Länder. Hija torganizza kampjonati nazzjonali tal-atletika għal tliet kategoriji ta’ atleti, jiġifieri ż-żgħar ta’ inqas minn 20 sena, iż-żgħażagħ fil-kategorija “elite” u s-seniors.

8

Sa mill-2012, D. Biffi, li ma għadux affiljat mal-Assoċjazzjoni nazzjonali tal-atletika Taljana, ipparteċipa fil-Ġermanja għal kampjonati nazzjonali seniors.

9

Sas-17 ta’ Ġunju 2016, l-Artikolu 5.2.2 tar-Regoli tal-Atletika kien jipprovdi li l-parteċipazzjoni għall-kampjonati Ġermaniżi kienet miftuħa għaċ-ċittadini tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità Ġermaniża jekk ikollhom dritt ta’ parteċipazzjoni minn assoċjazzjoni jew komunità ta’ atleti Ġermaniża u li dan id-dritt kien ikun ilu jeżisti għal iktar minn sena.

10

F’din id-data, id-DLV bidlet dawn ir-regoli billi ħassret din id-dispożizzjoni. L-Artikolu 5.2 tal-imsemmija regoli sar isemmi biss liċ-ċittadini nazzjonali u, skont il-Linji Gwida tad-DLV, jingħataw prijorità l-atleti ta’ nazzjonalità Ġermaniża li jiġu magħżula sabiex jipparteċipaw fil-kampjonati nazzjonali.

11

Il-qorti tar-rinviju tesponi li d-DLV iġġustifikat din il-bidla billi sostniet li r-rebbieħ tal-Ġermanja għandu jkun unikament atleta ta’ nazzjonalità Ġermaniża li jkun jista’ jipparteċipa fil-kampjonati bl-abbrevjazzjoni “GER”, li tirreferi għall-kelma “Germany”, jiġifieri għall-Ġermanja. Ma huwiex possibbli li jsiru derogi għas-seniors meta mqabbla mar-regoli applikabbli għall-kategoriji sportivi l-oħra, jiġifieri għaż-żgħar ta’ inqas minn 20 sena u għall-kategorija “elite”.

12

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-DLV tagħmel preċiżazzjonijiet dwar ir-regoli billi tispjega li barranin li għandhom dritt ta’ parteċipazzjoni minn klabb jew komunità ta’ atleti fuq it-territorju tad-DLV jew minn assoċjazzjoni nazzjonali oħra jistgħu, f’każijiet immotivati, jingħataw dritt ta’ parteċipazzjoni mingħajr klassifikazzjoni, meta jiksbu awtorizzazzjoni għal dan il-għan qabel id-data tal-għeluq tar-reġistrazzjoni għall-manifestazzjoni sportiva inkwistjoni. F’dan il-każ, jistgħu jipparteċipaw biss għall-ewwel stadju ta’ kompetizzjoni tal-ġiri jew għall-ewwel tliet provi ta’ kompetizzjoni teknika.

13

TopFit irreġistrat lil D. Biffi fil-kampjonat tal-Ġermanja għas-seniors, ġewwa, fid-dixxiplini tas-60 m, tal-200 m u tal-400 m li nżamm f’Erfurt fl-4 u fil-5 ta’ Marzu 2017. Din ir-reġistrazzjoni madankollu ġiet miċħuda mid-DLV, b’tali mod li D. Biffi ġie kompletament eskluż minn dan il-kampjonat meta kien jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha biex jipparteċipa fih ħlief dik tan-nazzjonalità. TopFit u D. Biffi inutilment ressqu lment kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-kummissjoni legali tal-assoċjazzjoni.

14

Kampjonat Ġermaniż għas-seniors ġie organizzat mid-DLV, mit-30 ta’ Ġunju sat‑2 ta’ Lulju 2017, f’Zittau, li għalih D. Biffi kien issodisfa r-riżultati minimi li jippermettu l-parteċipazzjoni għat-tlielaq tal-100 m, il-200 metru u l-400 metru. Madankollu, peress li D. Biffi ngħata d-dritt li jipparteċipa biss “barra mill-klassifikazzjoni” jew “mingħajr klassifikazzjoni”, huwa, flimkien ma’ TopFit, ressaq talba għal miżuri provviżorji quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jiżgura l-parteċipazzjoni sħiħa tiegħu f’dan il-kampjonat. Din it-talba ġiet miċħuda.

15

D. Biffi ġie awtorizzat jipparteċipa għal dawn it-tlielaq, iżda b’mod parzjali, jiġifieri mingħajr ma jiġi kklassifikat, kemm fit-tlielaq tal-ħin jew f’dawk li jinkludu finali, bħal dik tal-100 m, li fil-kuntest ta’ din tħalla jipparteċipa biss fl-istadju tal-kwalifikazzjonijiet mingħajr aċċess għall-finali.

16

Konsegwentement, D. Biffi u TopFit ressqu talba quddiem il-qorti tar-rinviju intiża sabiex jitħalla jipparteċipa fil-kampjonati Ġermaniżi futuri għas-seniors u sabiex ikun jista’ jikseb klassifikazzjoni f’dawn il-kampjonati. Huma jsostnu li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mid-DLV, b’mod partikolari fil-qasam ta’ rendiment, ħlief għal dik relatata mal-pussess tan-nazzjonalità Ġermaniża.

17

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk tali kundizzjoni ta’ nazzjonalità tikkostitwixxix diskriminazzjoni illegali, kuntrarja għar-regoli tat-Trattat FUE.

18

Hija tesponi li, skont id-DLV, ir-regoli tal-atletika ma humiex kuntrarji għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE, peress li l-prattika sportiva inkwistjoni ma tikkostitwixxix attività ekonomika u, għaldaqstant, ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

19

Filwaqt li tenfasizza li D. Biffi huwa sportiv senior li, minkejja rendiment kunsiderevoli, jibqa’ sportiv dilettant li ma jeżèrċita ebda attività ekonomika meta jipparteċipa fil-kampjonati, din il-qorti tistaqsi jekk l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-isport hijiex dejjem suġġetta għall-eżerċizzju ta’ tali attività. Hija ssemmi, f’dan ir-rigward, li d-dritt tal-Unjoni issa jirreferi b’mod espress għall-isport fl-Artikolu 165 TFUE u li d-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li joqogħdu fi Stat Membru ieħor mingħajr diskriminazzjoni, kif jirriżulta mill-Artikoli 18, 20 u 21 TFUE, ma jiddependix mill-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.

20

Filwaqt li għandha dubju dwar dan is-suġġett, l-imsemmija qorti tqis li l-parteċipazzjoni għall-kampjonati sportivi ta’ Stat Membru ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra għandha fil-prinċipju tiġi permessa. Jistgħu japplikaw xi eċċezzjonijiet, b’mod partikolari meta tkun kwistjoni ta’ titoli u ta’ kampjonati nazzjonali, iżda r-restrizzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa assolutament neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-kompetizzjoni sportiva.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Darmstadt (il-Qorti Distrettwali ta’ Darmstadt, il-Ġermanja), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni tar-regolament ta’ atletika ta’ federazzjoni ta’ Stat Membru, li tagħmel il-parteċipazzjoni fil-kampjonati nazzjonali suġġetta għall-kundizzjoni ta’ nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, tikkostitwixxi diskriminazzjoni illegali?

2)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, meta tippermettilhom ċertament li jipparteċipaw fi kampjonati nazzjonali, iżda huwa unikament ‘barra minn klassifikazzjoni’ jew ‘mingħajr klassifikazzjoni’ li tippermettilhom jipparteċipaw fi tlielaq jew provi finali?

3)

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li federazzjoni [sportiva] ta’ Stat Membru twettaq diskriminazzjoni illegali fil-konfront ta’ sportivi dilettanti li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, billi teskludihom mill-għoti ta’ titoli nazzjonali jew ta’ pożizzjoni?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22

Wara li ngħataw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, id-DLV, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Marzu 2019, talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura minħabba li dawn il-konklużjonijiet huma bbażati prinċipalment fuq l-Artikolu 49 TFUE, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw biss l-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE u li l-partijiet ma kellhomx l-okkażjoni li jesprimu ruħhom dwar il-possibbli effett ta’ dan l-Artikolu 49 TFUE fuq ir-riżultat tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

23

F’dan ir-rigward, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet.

24

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula lilha u li l-kawża ma għandhiex tiġi deċiża abbażi ta’ argument ibbażat fuq l-Artikolu 49 TFUE li ma ġiex dibattut mill-partijiet.

25

Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

26

Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħhom ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li ilu jirrisjedi għal diversi snin fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-assoċjazzjoni fejn huwa jipprattika l-ġiri bħala dilettant fil-kategorija senior ma jistax jipparteċipa għall-kampjonati nazzjonali f’dawn id-dixxiplini bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali fis-sens li, anki jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa ħlief dik tan-nazzjonalità, huwa jista’ jipparteċipa f’dawn il-kampjonati biss “barra mill-klassifikazzjoni” jew “mingħajr klassifikazzjoni”, mingħajr ma jkollu aċċess għall-finali u mingħajr ma jkun jista’ jikseb it-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali u li ma jista’ lanqas biss jitħalla jipparteċipa għal dawn il-kampjonati.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li ċittadin tal-Unjoni, bħal D. Biffi, ċittadin Taljan li ċċaqlaq lejn il-Ġermanja fejn ilu jirrisjedi għal 15-il sena, eżèrċita d-dritt għal moviment liberu, fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE.

28

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri u b’hekk jippermetti lil dawk fosthom li jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni jiksbu, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet espressament previsti f’dan ir-rigward, l-istess trattament ġuridiku (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31).

29

Kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni li uża l-libertà ta’ moviment tiegħu taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 TFUE, li jikkonferma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C-247/17, EU:C:2018:898, punt 27).

30

Dan l-artikolu japplika għal ċittadin tal-Unjoni li, bħal D. Biffi, jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu, fejn huwa għandu l-intenzjoni li jipparteċipa f’kompetizzjonijiet sportivi bħala dilettant.

31

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi lil kull ċittadin ta’ Stat Membru kemm il-libertà li jmur fi Stat Membru ieħor sabiex jeżèrċita fih attività bħala impjegat jew bħala indipendenti kif ukoll dik li jirrisjedi fih wara li jkun eżèrċita fih tali attività u li l-aċċess għall-attivitajiet ta’ mogħdija taż-żmien offruti f’dan l-Istat jikkostitwixxi l-konsegwenza tal-libertà ta’ moviment (sentenza tas-7 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/94, EU:C:1996:90, punt 21).

32

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet ukoll li d-drittijiet mogħtija lil ċittadin tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE, huma intiżi, b’mod partikolari, li jiffavorixxu l-integrazzjoni progressiva taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C-165/16, EU:C:2017:862, punt 56).

33

Barra minn hekk, l-Artikolu 165 TFUE jirrifletti dwar l-importanza soċjali kunsiderevoli tal-isport fl-Unjoni, b’mod partikolari tal-isport tad-dilettanti, kif kien ġie enfasizzat fid-dikjarazzjoni Nru 29 dwar l-isport li tinsab fl-Anness fl-att finali tal-konferenza li ddeċidiet it-test tat-Trattat ta’ Amsterdam (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 106, kif ukoll tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, EU:C:2000:201, punt 33) u r-rwol tal-isport bħala fattur ta’ integrazzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

34

Għalhekk mill-qari flimkien tal-Artikoli 21(1) TFUE u fl-Artikolu 165 TFUE jirriżulta li l-prattika ta’ sport tad-dilettanti, b’mod partikolari fi ħdan klabb sportiv, tippermetti liċ-ċittadin tal-Unjoni li jirrisjedi fi Stat Membru differenti minn dak tan-nazzjonalità tiegħu li joħloq rabtiet mas-soċjetà tal-Istat li ċċaqlaq fih u fejn jirrisjedi jew li jikkonsolida dawn ir-rabtiet. Dan jgħodd ukoll f’dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet sportivi ta’ kull livell.

35

Minn dan isegwi li ċittadin tal-Unjoni, bħal D. Biffi, jista’ leġittimament jibbaża ruħu fuq l-Artikoli 18 u 21 TFUE fil-kuntest tal-prattikar tiegħu ta’ sport bħala dilettant f’kompetizzjoni fis-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti.

36

Il-kwistjoni tqum madankollu dwar jekk ir-regoli tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali sportivi humiex suġġetti għar-regoli tat-trattat bl-istess mod bħar-regoli li joriġinaw mill-Istat.

37

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza tal-libertajiet fundamentali u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità previsti mit-Trattat tapplika wkoll għar-regoli ta’ natura mhux pubblika li jkunu intiżi sabiex jirregolaw b’mod kollettiv l-impjieg u l-provvista ta’ servizzi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 17; tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 82; tat-18 ta’ Diċembru 2007, Laval un Partneri, C‑341/05, EU:C:2007:809, punt 98, kif ukoll tas-16 ta’ Marzu 2010, Olympique Lyonnais, C‑325/08, EU:C:2010:143, punt 30).

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-tħassir bejn l-Istati Membri tal-ostakoli għall-moviment liberu tal-persuni u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, għan fundamentali tal-Komunità Ewropea, stabbilit fl-Artikolu 3(c) tat-Trattat KEE (abrogat bit-Trattat ta’ Lisbona), issostitwit essenzjalment bl-Artikoli 3 sa 6 TFUE, ikun kompromess jekk it-tħassir tal-barrieri ta’ natura statika jkun jista’ jiġi nnewtralizzat minn ostakoli li jirriżultaw mill-eżerċizzju tal-awtonomija ġuridika tagħhom minn assoċjazzjonijiet jew korpi li ma jaqgħux taħt id-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, EU:C:1974:140, punt 18).

39

Il-prinċipju stabbilit minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja japplika wkoll meta grupp jew organizzazzjoni jeżèrċitaw ċertu poter fuq l-individwi u huma f’pożizzjoni li jimponulhom kundizzjonijiet li jippreġudikaw l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 50).

40

Minn dan jirriżulta li r-regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jirregolaw l-aċċess taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-kompetizzjonijiet sportivi, huma suġġetti għar-regoli tat-trattat, b’mod partikolari għall-Artikoli 18 u 21 TFUE.

41

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk tali regoli humiex konformi ma’ dawn l-artikoli.

42

Il-qorti tar-rinviju tesponi, f’dan ir-rigward, li ċittadin tal-Unjoni bħal D. Biffi huwa ttrattat b’mod differenti minn ċittadin nazzjonali sa minn mindu sar il-bdil fir-regoli tal-atletika introdott mid-DLV fis-17 ta’ Ġunju 2016.

43

Skont din il-qorti, tali ċittadin, anki jekk jissodisfa l-kundizzjonijiet relatati mar-rendiment sportiv meħtieġa u jekk għandu dritt ta’ parteċipazzjoni għad-dixxiplini sportivi minn klabb affiljat mal-assoċjazzjoni ta’ atletika nazzjonali għal iktar minn sena, jista’, minħabba n-nazzjonalità tiegħu, jiġi rrifjutat il-parteċipazzjoni f’kampjonat nazzjonali tad-dilettanti tal-ġiri fuq distanzi qosra fil-kategorija senior jew jitħalla jipparteċipa biss b’mod parzjali.

44

Għandu jiġi rrilevat li tali differenza fit-trattament tista’ toħloq restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C‑247/17, EU:C:2018:898, punt 28).

45

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li sportiv dilettant bħal D. Biffi ma għandux aċċess għall-kampjonati nazzjonali organizzati mid-DLV fil-kategorija senior fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini Ġermaniżi, minkejja li dawn il-kampjonati jagħmlu parti mill-kompetizzjonijiet l-iktar importanti fuq l-iskala nazzjonali. Meta huwa jiġi awtorizzat jipparteċipa f’dawn il-kampjonati, issa huwa jista’ jieħu sehem biss fl-istadju tal-kwalifikazzjonijiet mingħajr klassifikazzjoni u għalhekk mingħajr aċċess għall-finali jew fit-tlielaq bil-ħin, iżda mingħajr klassifikazzjoni.

46

Regoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu wkoll iwasslu, kif jesponu TopFit u D. Biffi fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, sabiex l-atleti ċittadini ta’ Stat Membru differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jingħataw inqas appoġġ mill-klabbs sportivi li huma marbuta magħhom meta mqabbla mal-atleti nazzjonali, għaliex dawn il-klabbs ikollhom inqas interess li jinvestu f’atleta li ma jistax jipparteċipa fil-kampjonati nazzjonali. F’dan il-każ, l-atleti ċittadini ta’ Stati Membri oħra, bħal D. Biffi, jistgħu ma jintegrawx sewwa fil-klabb sportiv li huma marbutin miegħu u, konsegwentement, fis-soċjetà tal-Istati Membru ta’ residenza tagħhom.

47

Għandu jiġi kkonstatat li tali effetti jistgħu jrendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-isport tad-dilettanti miċ-ċittadini tal-Unjoni u jikkostitwixxu, għaldaqstant, restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment ta’ dawn tal-aħħar fis-sens tal-Artikolu 21 TFUE.

48

Issa, restrizzjoni għal-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini tal-Unjoni tista’ tkun iġġustifikata biss jekk tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi u tkun proporzjonata għall-għan leġittimament intiż mir-regoli inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2018, Raugevicius, C-247/17, EU:C:2018:898, punt 31).

49

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fil-qasam tal-isport, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-libertà ta’ moviment tal-persuni u tas-servizzi ma jipprekludux regoli jew prattiki ġġustifikati minn motivi relatati man-natura jew mal-kuntest speċifiċi ta’ ċerti avvenimenti sportivi, bħal logħob bejn timijiet nazzjonali ta’ pajjiżi differenti. Madankollu, din ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni għandha tibqa’ limitata għall-għan proprju tagħha u ma għandhiex tiġi invokata sabiex tiġi eskluża kull attività sportiva mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C 415/93, EU:C:1995:463, punti 76 u 127).

50

Issa, peress li, prima facie, l-attribuzzjoni tat-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali f’ċertu dixxiplina sportiva ma tkoprix il-kompetizzjonijiet kollha li jsiru fil-livell nazzjonali f’din id-dixxiplina, din l-attribuzzjoni għandha effett limitat fuq il-prattika u d-dixxiplina sportiva inkwistjoni. Barra minn hekk, bħalma ġie deċiż dwar il-kompożizzjoni tat-timijiet nazzjonali, jidher leġittimu li l-attribuzzjoni tat-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali f’ċertu dixxiplina sportiva tiġi rriżervata għal ċittadin nazzjonali, peress li l-element nazzjonali jista’ jiġi kkunsidrat bħala karatteristika stess tat-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali. Madankollu, huwa importanti li r-restrizzjonijiet li jirriżultaw mit-tfittxija tal-imsemmi għan ikunu konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

51

F’dan il-każ, id-DLV tqis, b’mod ġenerali, li, bħala assoċjazzjoni sportiva, hija tgawdi minn awtonomija fl-istabbiliment tar-regoli tagħha u li l-pubbliku jistenna li r-rebbieħ nazzjonali ta’ Stat ikun ċittadin ta’ dan l-Istat. Din l-assoċjazzjoni tipprovdi, fil-fatt, żewġ spjegazzjonijiet speċifiċi intiżi sabiex jiġġustifikaw ir-regoli tagħha. L-ewwel nett, il-ħatra tar-rebbieħ nazzjonali u tat-tieni u t-tielet l-aħjar atleti nazzjonali sservi sabiex jintagħżlu l-atleti li jirrappreżentaw il-pajjiżhom fil-kampjonati internazzjonali bħall-kampjonati tal-Ewropa, f’dan il-każ bl-abbrevjazzjoni “GER” li tfisser “Germany”, jiġifieri il-Ġermanja. It-tieni nett, id-DLV tindika li ma huwiex possibbli li ssir distinzjoni skont il-kategoriji ta’ età u li tiġi prevista deroga għas-seniors meta mqabbla maż-żgħar ta’ inqas minn 20 sena u l-kategorija “elite”.

52

Fir-rigward, qabel xejn, tal-affermazzjoni li l-assoċjazzjonijiet sportivi huma liberi li jistabbilixxu r-regoli tagħhom, għandu jitfakkar, kif diġà ntqal fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li l-awtonomija li għandhom dawn l-assoċjazzjonijiet privati li jadottaw regoli sportivi ma tistax tawtorizzahom jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mit-trattat lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, EU:C:1995:463, punt 81).

53

Għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li regola tkun purament sportiva ma jimplikax li din tkun dritt eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2006, Meca-Medina u Majcen vs Il-Kummissjoni, C‑519/04 P, EU:C:2006:492, punt 33).

54

Konsegwentement, l-argument li l-pubbliku jistenna li r-rebbieħ nazzjonali ta’ pajjiż ikollu n-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż ma jiġġustifikax kwalunkwe restrizzjoni għall-parteċipazzjoni ta’ atleti mhux ċittadini nazzjonali fil-kampjonati nazzjonali.

55

Għalhekk, għal darb’oħra, għandhom jiġu eżaminati l-ġustifikazzjonijiet speċifiċi invokati mid-DLV.

56

Fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-ġustifikazzjonijiet, jiġifieri l-ħatra ta’ rebbieħ nazzjonali li jirrappreżenta lil pajjiżu fil-kampjonati internazzjonali, mis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-DLV ma tagħżilx hija stess il-parteċipanti għal kampjonati internazzjonali tal-kategorija senior, iżda li l-atleti li jappartjenu għal klabb affiljat mad-DLV u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ rendiment jistgħu, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, jipparteċipaw għal dawn il-kampjonati u jirreġistraw għalihom huma stess. Għalhekk, ċittadin ta’ Stat Membru differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja jista’ jsir rebbieħ tal-Ewropa senior fil-ġiri billi jipparteċipa għall-Ġermanja. Skont l-indikazzjonijiet tad-DLV stess, din tagħżel l-aħjar atleti nazzjonali sabiex jipparteċipaw għall-kampjonati internazzjonali fil-kategorija “elite” biss.

57

F’dak li jikkonċerna t-tieni ġustifikazzjoni invokata mid-DLV, jiġifieri l-ħtieġa li jiġu adottati l-istess regoli għall-kategoriji kollha ta’ età, mill-punt preċedenti jirriżulta li din ma hijiex sostnuta mid-dikjarazzjonijiet tad-DLV dwar il-mekkaniżmu ta’ għażla tal-atleti fil-livell internazzjonali, minn fejn jirriżulta li dan jikkonċerna biss il-kategorija “elite”.

58

Għalhekk, l-ebda waħda miż-żewġ ġustifikazzjonijiet mressqa mid-DLV ma jidhru bbażati fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi.

59

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk jeżistux ġustifikazzjonijiet oħra tar-regoli dwar in-nuqqas ta’ ammissjoni parzjali ta’ dawn li ma humiex ċittadini nazzjonali għall-kampjonati nazzjonali.

60

F’dan ir-rigward, għandu jerġa’ jitfakkar li, għalkemm huma l-entitajiet ikkonċernati li għandhom, bħall-organizzaturi tal-kampjonati jew l-assoċjazzjonijiet sportivi, jiddeċiedu r-regoli xierqa sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-kompetizzjonijiet (sentenza tal-11 ta’ April 2000, Deliège, C‑51/96 u C‑191/97, EU:C:2000:199, punt 67), dawn ir-regoli ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż (sentenza tat-13 ta’ April 2000, Lehtonen u Castors Braine, C-176/96, EU:C:2000:201, punt 56).

61

F’dak li jikkonċerna l-argumenti li dan huwa sport individwali b’eliminazzjoni progressiva, f’dan il-każ il-ġiri fuq distanzi qosra li jinġrew f’dan il-każ fuq tmien korsiji, għandu jiġi kkonstatat li l-preżenza ta’ persuna jew persuni li ma humiex ċittadini nazzjonali fit-tellieqa finali tista’ tfixkel ċittadin nazzjonali milli jirbaħ il-kampjonat u li joħloq ostaklu għall-ħatra tal-aħjar ċittadini nazzjonali.

62

Madankollu, anki fil-kuntest ta’ tali sport, in-nuqqas ta’ ammissjoni ta’ persuni li ma humiex ċittadini nazzjonali fit-tellieqa finali ma jistax imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li fl-Istat Membru inkwistjoni f’din il-kawża, din l-esklużjoni ma kinitx teżisti għal ħafna snin fil-kategorija senior.

63

Hija l-qorti nazzjonali mitluba teżamina l-eżistenza ta’ possibbli ġustifikazzjonijiet oħra li għandha tagħmel dan l-eżami billi tieħu inkunsiderazzjoni l-għan li jirriżulta minn qari kkombinat tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) TFUE u tal-Artikolu 165 TFUE li jinfetħu iżjed il-kompetizzjonijiet u tal-importanza li jiġu integrati r-residenti, b’mod speċjali dawk li ilhom fl-Istat Membru ospitanti bħal D. Biffi fil-każ inkwistjoni.

64

Fir-rigward, sussegwentement, tan-nuqqas ta’ ammissjoni totali għall-kampjonati nazzjonali, id-DLV tikkunsidra li din ma tqumx f’din il-kawża, peress li D. Biffi għandu jista’ jkompli jipparteċipa f’dawn il-kampjonati. Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li D. Biffi ma tħalliex jipparteċipa f’kampjonat nazzjonali fl-2017. Barra minn hekk, skont il-preċiżazzjonijiet dwar il-qafas regolatorju li saru minn DLV fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, peress li l-parteċipazzjoni ta’ ċittadini mhux nazzjonali, membri ta’ klabb affiljat mad-DLV, hija suġġetta għal awtorizzazzjoni, tali esklużjoni tibqa’ possibbli.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex sistema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tkun iġġustifikata fid-dawl tal-Artikoli 18 u 21 TFUE, din għandha, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, li ma jkunux diskriminatorji u li jkunu magħrufa minn qabel, b’tali mod li l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tad-DLV ikun limitat sabiex din ma tintużax b’mod arbitrarju (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2001, Analir et, C-205/99, EU:C:2001:107, punt 38).

66

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, peress li jeżisti mekkaniżmu relatat mal-parteċipazzjoni ta’ atleta mhux ċittadin nazzjonali għal kampjonat nazzjonali, tal-inqas fl-istadju ta’ kwalifikazzjonijiet u/jew mingħajr klassifikazzjoni, in-nuqqas ta’ ammissjoni totali ta’ tali atleta għal dawn il-kampjonati minħabba n-nazzjonalità tiegħu jidher, fi kwalunkwe każ, sproporzjonat.

67

Konsegwentement, ir-risposta għaż-żewġ domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħhom ċittadin tal-Unjoni, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li ilu jirrisjedi għal diversi snin fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-assoċjazzjoni fejn huwa jipprattika l-ġiri bħala dilettant fil-kategorija senior, ma jistax jipparteċipa għall-kampjonati nazzjonali f’dawn id-dixxiplini bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali jew li jista’ jipparteċipa f’dawn il-kampjonati biss “barra mill-klassifikazzjoni” jew “mingħajr klassifikazzjoni”, mingħajr ma jkollu aċċess għall-finali u mingħajr ma jkun jista’ jikseb it-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali, sakemm dawn ir-regoli ma jkunux iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament imfittex, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 18, 21 u 165 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regoli ta’ assoċjazzjoni sportiva nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħhom ċittadin tal-Unjoni Ewropea, ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, li ilu jirrisjedi għal diversi snin fuq it-territorju tal-Istat Membru fejn hija stabbilita din l-assoċjazzjoni fejn huwa jipprattika l-ġiri bħala dilettant fil-kategorija senior, ma jistax jipparteċipa għall-kampjonati nazzjonali f’dawn id-dixxiplini bl-istess mod bħaċ-ċittadini nazzjonali jew li jista’ jipparteċipa f’dawn il-kampjonati biss “barra mill-klassifikazzjoni” jew “mingħajr klassifikazzjoni”, mingħajr ma jkollu aċċess għall-finali u mingħajr ma jkun jista’ jikseb it-titolu ta’ rebbieħ nazzjonali, sakemm dawn ir-regoli ma jkunux iġġustifikati minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi u proporzjonati għall-għan leġittimament imfittex, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.