SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Soċjetà tal-informazzjoni – Moviment liberu tas-servizzi – Direttiva 2000/31/KE – Responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji – Artikolu 14(1) u (3) – Fornitur ta’ servizzi ta’ hosting – Possibbiltà li l-fornitur jiġi mitlub itemm ksur jew li jipprevjeni ksur – Artikolu 18(1) – Limiti personali, materjali u territorjali għall-portata ta’ ordni – Artikolu 15(1) – Assenza ta’ obbligu ġenerali fil-qasam tal-monitoraġġ”

Fil-Kawża C‑18/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Eva Glawischnig-Piesczek

vs

Facebook Ireland Limited,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, F. Biltgen, J. Malenovský (Relatur), C. G. Fernlund u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Frar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. Glawischnig-Piesczek, minn M. Windhager u W. Niklfeld, Rechtsanwälte,

għal Facebook Ireland Limited, minn G. Kresbach, K. Struckmann u A. Tauchen, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, G. Kunnert, u minn A. Jurgutyte-Ruez, bħala aġenti,

għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina, E. Petrocka-Petrovska u V. Soņeca, bħala aġenti,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo, bħala aġenti, assistiti minn T. Rendas, konsulent ġuridiku,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braun, F. Wilman, S. L. Kalėda, u minn P. Costa de Oliveira, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn E. Glawischnig-Piesczek u Facebook Ireland Limited, li s-sede tagħha jinsab fl-Irlanda, dwar pubblikazzjoni, fuq il-paġna ta’ utent li tinsab fuq is-sit tan-netwerk soċjali Facebook, ta’ messaġġ li fih dikjarazzjonijiet li jikkawżaw dannu għall-unur ta’ E. Glawischnig-Piesczek.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 6, 7, 9, 10, 40, 41, 45 sa 48, 52, 58 u 60 tad-Direttiva 2000/31 jipprovdu li:

“(6)

[…] billi jkunu ttrattati biss ċerti materji speċifiċi li jagħtu bidu għal problemi għas-suq intern, din id-Direttiva hija konsistenti għal kollox mal-ħtieġa li jkun irrispettat il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat.

(7)

Sabiex tkun assigurata ċ-ċertezza legali u l-fiduċja tal-konsumatur, din id-Direttiva għandha tesiġi qafas ċar u ġenerali biex ikopri ċerti aspetti legali tal-kummerċ elettroniku fis-suq intern.

[…]

(9)

Il-moviment liberu ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jista’ f’ħafna każi jkun rifless speċifiku fil-liġi tal-Komunità ta’ prinċipju aktar ġenerali, jiġifieri il-libertà ta’ espressjoni li hija assigurata fl-Artikolu 10(1) tal-Konvenzjoni [Ewropea] tal-Protezzjoni tad-Drittijiet Umani u Libertajiet Fundamentali, [iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950,] li kienet ġiet ratifikata mill-Istati Membri kollha; għal din ir-raġuni, direttivi li jkopru biss il-fornitura ta’ servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni għandhom jassiguraw li din l-attività tista’ tkun segwita b’libertà biss fid-dawl ta’ dak l-Artikolu, suġġett għar-restrizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu u fl-Artikolu 46(1) tat-Trattat; din id-Direttiva mhix intenzjonata li taffettwa ir-regoli nazzjonali fundamentali u prinċipji li jirrelataw mal-libertà ta’ espressjoni.

(10)

Bi qbil mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-miżuri li hemm disposizzjoni dwarhom f’din id-Direttiva huma strettament limitati għal minumu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan ta’ funzjonament xieraq tas-suq intern; meta azzjoni fil-livell tal-Komunità tkun meħtieġa, sabiex tiggarantixxi żona li tassew hija mingħajr fruntieri safejn il-kummerċ elettroniku huwa konċernat, id-Direttiva għandha tassigura livell għoli ta’ protezzjoni ta’ għanijiet ta’ interess ġenerali, u partikolarment il-protezzjoni ta’ minuri u d-dinjità umana, protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tas-saħħa pubblika; […]

[…]

(40)

Iż-żewġ differenzi eżistenti u emerġenti fil-leġislazzjoni ta’ Stati Membri u deċiżjonijiet tal-qrati li jikkonċernaw ir-responsabilità ta’ dawk li jipprovdu servizz li jaġixxu bħala intermedjarji ifixklu l-funzjonament mingħajr intoppi tas-suq intern, partikolarment billi jnaqqsu l-iżvilupp ta’ servizzi minn fruntiera għall-oħra u jipproduċu tgħawwiġ ta’ kompetizzjoni; dawk li jipprovdu servizz għandhom id-dover li jaġixxu, skond ċerti ċirkostanzi, bil-għan li ma jħallux jew li jwaqqfu attivitajiet illegali; din id-Direttiva għandha tikkostitwixxi l-bażi xierqa għall-iżvilupp ta’ proċeduri mħaffa u ta’ min jorbot fuqhom għat-tneħħija u ż-żamma ta’ aċċess għal informazzjoni illegali; […]

(41)

Din id-Direttiva toħloq bilanċ bejn l-interessi differenti nvoluti u tistabbilixxi prinċipji li fuqhom ftehim u normi industrijali jkunu jistgħu jiġu ibbażati.

[…]

(45)

Il-limitazzjonijiet tar-responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz kif inhuma stabbiliti f’din id-Direttiva ma jaffettwawx il-possibilità ta’ inġunzjonijiet ta’ diversi tipi; inġunzjonijiet bħal dawn jistgħu partikolarment jikkonsistu f’ordnijiet mill-qrati jew awtoritajiet ta’ amministrazzjoni li jkunu jinħtieġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta’ xi ksur, inkluża t-tneħħija ta’ informazzjoni illegali jew tat-twaqqif ta’ aċċess għaliha.

(46)

Sabiex jibbenefika mill-limitazzjoni ta’ responsabbilità, dak li jipprovdi servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni, li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni, malli jakkwista’ t-tagħrif attwali jew isir konxju ta’ l-attivitajiet illegali għandu jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata; it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għandu jseħħ fl-osservanza tal-prinċipji ta’ libertà ta’ l-espressjoni u tal-proċeduri stabbiliti għal dan l-iskop f’livell nazzjonali; din id-Direttiva ma taffettwax il-possibilità ta’ Stati Membri milli jistabbilixxu ħtiġijiet speċifiċi li għandhom ikunu mwettqa mingħajr dewmien qabel it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ l-informazzjoni.

(47)

L-Istati Membri ma jistgħux jimponu obbligu ta’ monitoraġġ fuq dawk li jipprovdu servizz biss fir-rigward ta’ obbligi ta’ natura ġenerali; dan ma jikkonċernax l-obbligu ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku u, partikolarment, ma jaffettwax ordnijiet minn awtoritajiet nazzjonali bi qbil ma’ leġislazzjoni nazzjonali.

(48)

Din id-Direttiva ma taffetwax il-possibilità għall-Istati Membri li jkunu jinħtieġu li dawk li jipprovdu servizz, li jilqgħu informazzjoni provduta minn dawk li jirċievu s-servizz tagħhom, li japplikaw il-prekawzjonijiet li jistgħu raġonevolment ikunu mistennija minnhom u li huma speċifikati minn liġi nazzjonali, sabiex jintebħu bi u ma jħallux ċerti tipi ta’ attavitajiet illegali.

[…]

(52)

L-eżerċizzju effettiv tal-libertajiet tas-suq intern huwa meħtieġ li jiggarantixxi lill-vittmi aċċess effettiv għal mezzi ta’ risoluzzjoni ta’ kwistjonijiet; ħsara li tista’ tinħoloq b’konnessjoni ma’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni hi karatterizzata kemm mill-ħeffa kif ukoll mill-medda ġeografika tagħha; b’dan il-għan il-karattru speċifiku u l-ħtieġa li tkun assigurata li l-awtoritajiet nazzjonali ma jipperikolawx il-fiduċja reċiproka li huma għandhom ikollhom f’xulxin, din id-Direttiva titlob lill-Istati Membri biex jassiguraw li azzjonijiet xierqa mill-qrati jkunu disponibbli; Stati Membri għandhom jeżaminaw il-ħtieġa li jipprovdu aċċess għal proċeduri ġudizzjarji b’mezzi elettroniċi xierqa.

[…]

(58)

Din id-Direttiva m’għandhiex tkun applikabbli għal servizzi fornuti minn dawk li jipprovdu servizz li jkunu stabbiliti f’pajjiż terz; in vista tad-dimensjoni globali tal-kummerċ elettroniku, huwa, b’dana kollu, xieraq li jkun assigurat li r-regoli tal-Komunità jkunu konsistenti ma’ regoli internazzjonali; din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-riżultati ta’ diskussjonijiet fl-organizzazzjonijiet internazzjonali (fost oħrajn, WTO, OECD, Uncitral) dwar kwistjonijiet legali.

[…]

(60)

Sabiex jitħalla mingħajr tfixkil l-iżvilupp ta’ kummerċ elettroniku, il-qafas legali għandu jkun ċar u sempliċi, li jista’ jkun previst u konsistenti mar-regoli applikabbli fil-livell internazzjonali hekk li ma jaffettwax ħażin il-kompetittività ta’ l-industrija Ewropea jew li jfixkel l-innovazzjoni f’dak is-settur.”

4

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting”, jipprovdi:

“1.   Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)

dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti; jew

jew

(b)

dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

[…]

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

5

Skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

6

L-Artikolu 18(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli permezz ta’ liġi nazzjonali li tikkonċerna l-attivitajiet ta’ servizz minn soċjetà ta’ l-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inklużi miżuri interim, intiżi biex iwaqqfu [kwalunkwe] ksur allegat u ma jħallux aktar xkiel [jipprevjenu kwalunkwe dannu ulterjuri] għall-interessi involuti.”

Id-dritt Awstrijak

7

Skont l-Artikolu 1330(1) tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili), kull min ikun ġarrab dannu reali jew lucrum cessans minħabba dannu kkawżat għall-unur tiegħu huwa intitolat jitlob kumpens għal dan id-dannu. Skont l-Artikolu 1330(2) ta’ dan il-kodiċi, dan japplika wkoll meta persuna tirrapporta fatti li jikkawżaw dannu għar-reputazzjoni, għas-sitwazzjoni materjali u għall-prospetti futuri ta’ terz u li hija kienet taf jew messha kienet taf li humiex eżatti. F’dan il-każ, jistgħu jiġu rikjesti ċ-ċaħda tagħhom u l-pubblikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

8

Skont l-Artikolu 78(1) tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur), immaġnijiet li jirrappreżentaw persuna ma għandhomx jintwerew pubblikament u lanqas ma għandhom jixxandru bi kwakunkwe mod ieħor li jirrendihom aċċessibbli għall-pubbliku, jekk dan jikkawża dannu għall-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata jew, jekk din tal-aħħar tmut mingħajr ma tkun awtorizzat jew ordnat il-pubblikazzjoni tagħhom, għall-interessi leġittimi ta’ qarib.

9

Skont l-Artikolu 18(1) tal-E-Commerce-Gesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku), il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ma għandhomx obbligu ġenerali li jwettqu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jaħżnu, jittrażmettu jew jirrendu aċċessibbli, u lanqas li jfittxu huma stess fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10

E. Glawischnig-Piesczek kienet Membru tan-Nationalrat (il-Kunsill Nazzjonali, l- Awstrija), President tal-grupp parlamentari “die Grünen” (Il-Ħodor) u kelliema federali ta’ dan il-partit politiku.

11

Facebook Ireland topera pjattaforma mondjali ta’ midja soċjali (iktar ’il quddiem “Facebook Service”) għall-utenti li jinsabu barra mill-Istati Uniti u mill-Kanada.

12

Fit-3 ta’ April 2016, utent tal-Facebook Service ikkondivida, fuq il-paġna personali tiegħu, artiklu mir-rivista ta’ aħbarijiet Awstrijaka online oe24.at intitolat “Il-Ħodor: favur iż-żamma ta’ dħul minimu għar-refuġjati” u din il-pubblikazzjoni kellha l-effett li ħolqot fuq din il-paġna “immaġni mċekkna” tas-sit oriġinali, li tinkludi t-titolu u sunt qasir ta’ dan l-artiklu, kif ukoll ritratt ta’ E. Glawischnig-Piesczek. Barra minn hekk, dan l-utent ippubblika, fir-rigward ta’ dan l-artiklu, kumment ifformulat fi kliem li l-qorti tar-rinviju kkonstatat li kien ta’ natura li jikkawża dannu għall-unur tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jinsulentaha u li jiddefamaha. Din il-kontribuzzjoni setgħet tiġi kkonsultata minn kull utenti ta’ Facebook Service.

13

Permezz ta’ ittra tas-7 ta’ Lulju 2016, E. Glawischnig-Piesczek, b’mod partikolari, talbet lil Facebook Ireland tħassar dan il-kumment.

14

Peress li Facebook Ireland ma neħħietx il-kumment inkwistjoni, E. Glawischnig-Piesczek ippreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) li, permezz ta’ digriet għal miżuri provviżorji tas-7 ta’ Diċembru 2016, ordnat lil Facebook Ireland sabiex itemm immedjatament u sat-tmiem definittiv tal-proċeduri relatati mal-azzjoni għal inġunzjoni, il-pubblikazzjoni u/jew ix-xandir ta’ ritratti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, ladarba l-messaġġ ta’ akkumpanjament jinkludi l-istess allegazzjonijiet jew allegazzjonijiet b’kontenut ekwivalenti għal dak tal-kumment msemmi fil-punt 12 tas-sentenza preżenti.

15

Facebook Ireland waqqfet l-aċċess għall-kontenut inizjalment ippubblikat fl-Awstrija.

16

Adita b’appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat id-digriet mogħti fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda allegazzjonijiet identiċi. Min-naħa l-oħra, hija ddeċidiet li x-xandir ta’ allegazzjonijiet ta’ kontenut ekwivalenti kellu jintemm biss għal dak li jirrigwarda dawk li tressqu għall-konjizzjoni ta’ Facebook Ireland mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn terzi jew b’xi mod ieħor.

17

Il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) u l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) ibbażaw id-deċiżjoni tagħhom fuq l-Artikolu 78 tal-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur u l-Artikolu 1330 tal-Kodiċi Ċivili, għar-raġuni, fost oħrajn, li l-kumment ippubblikat kien fih dikjarazzjonijiet li kienu jikkawżaw dannu eċċessiv għall-unur ta’ E. Glawischnig-Piesczek u kien jagħti x’jinftiehem, barra minn hekk, li din kienet wettqet aġir illegali, mingħajr ma ġiet ipprovduta l-iċken prova f’dan ir-rigward.

18

Kull waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors għal reviżjoni quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija).

19

Mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-ordni ta’ waqfien, mogħtija lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera netwerk soċjali li għandu numru kbir ta’ utenti, tistax ukoll tiġi estiża għal dikjarazzjonijiet testwalment identiċi u/jew b’kontenut ekwivalenti li huwa ma jkunx jaf bihom, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) indikat li, skont il-ġurisprudenza tagħha stess, tali obbligu għandu jitqies li huwa proporzjonat meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun diġà sar jaf b’tal-inqas każ wieħed ta’ dannu għall-interessi tal-persuna kkonċernata kkawżat mill-kontribuzzjoni ta’ utent u meta r-riskju li jitwettqu każijiet oħra ta’ ksur għalhekk ikun seħħ.

20

Peress li madankollu hija qieset li s-soluzzjoni tal-kawża pendenti quddiemha tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja id-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-[Direttiva 2000/31] jipprekludi, b’mod ġenerali, li wieħed mill-obbligi elenkati iktar ’il quddiem jiġi impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma rtirax fil-pront ċerta informazzjoni illegali, jiġifieri mhux biss din l-informazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) [ta’ din id-]direttiva, iżda wkoll informazzjoni oħra identika:

fil-livell dinji;

fl-Istat Membru kkonċernat;

tal-persuna kkonċernata li tirċievi s-servizz fil-livell dinji;

tal-persuna kkonċernata li tirċievi s-servizz fl-Istat Membru kkonċernat?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: dan japplika wkoll fir-rigward tal-informazzjoni b’kontenut ekwivalenti?

3)

Dan japplika wkoll fir-rigward tal-informazzjoni b’kontenut ekwivalenti mill-mument meta l-operatur isir jaf b’din iċ- ċirkustanza?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

21

Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 2000/31, b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li qorti ta’ Stat Membru tkun tista’:

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak ta’ informazzjoni ddikjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, ikun min ikun dak li jitlob li din l-informazzjoni tinħażen;

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ informazzjoni ddikjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, u

testendi l-effetti ta’ tali ordni għal livell dinji.

22

Preliminarjament, huwa paċifiku li Facebook Ireland tipprovdi s-servizzi ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, huwa maħsub biex jeżonera mir-responsabbiltà tiegħu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting meta jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri li ma jkollux għarfien tal-attività jew tal-informazzjoni illegali, jew li jaġixxi mingħajr dewmien sabiex ineħħi din l-informazzjoni jew iwaqqaf l-aċċess għaliha hekk kif isir jaf biha.

24

Barra minn hekk, mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, moqri fid-dawl tal-premessa 45 tagħha, jirriżulta li din l-eżenzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà tal-qrati jew tal-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali li jeżiġu li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat itemm il-ksur jew li jipprevjeni ksur, inkluż billi jneħħi l-informazzjoni illegali jew iwaqqaf l-aċċess għaliha.

25

Minn dan isegwi, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu, li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jkun id-destinatarju ta’ ordnijiet adottati abbażi tad-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, anki jekk huwa jissodisfa waħda mill-kundizzjonijiet alternattivi msemmija fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, jiġifieri anki fil-każ li huwa ma jkunx meqjus bħala responsabbli.

26

Barra minn hekk, l-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/31, li jagħmel parti mill-Kapitolu III tagħha, intitolat, “Implimentazzjoni”, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli fid-dritt nazzjonali dwar l-attivitajiet ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri, inkluż permez ta’ miżuri provviżorji, intiżi biex iwaqqfu kwalunkwe ksur allegat u jipprevjenu kwalunkwe dannu ulterjuri għall-interessi involuti.

27

Fil-każ ineżami, hekk kif jirriżulta mill-punt 13 tas-sentenza preżenti u mill-istess kliem tad-domandi magħmula, Facebook Ireland, l-ewwel nett kienet taf bl-informazzjoni illegali inkwistjoni. Imbagħad, din il-kumpannija ma aġixxietx mingħajr dewmien sabiex tneħħiha jew sabiex twaqqaf l-aċċess għaliha kif jipprevedi l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali adixxiet qorti nazzjonali sabiex tagħti ordni kif imsemmi fl-Artikolu 18.

28

Il-premessa 52 ta’ din id-direttiva tippreċiża li l-partikolarità li tirriżulta mill-fatt li d-danni li jistgħu jinħolqu fil-kuntest ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni huma kkaratterizzati mill-ħeffa tagħhom u mill-medda ġeografika tagħhom kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali ma jipperikolawx il-fiduċja reċiproka li huma għandhom ikollhom f’xulxin, wasslu lil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonijiet ġudizzjarji xierqa jkunu disponibbli.

29

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2000/31, l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali partikolarment kbira fir-rigward tal-azzjonijiet u tal-proċeduri li jippermettu l-adozzjoni ta’ miżuri neċessarji.

30

Barra minn hekk, peress li dawn il-miżuri tal-aħħar huma, skont diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, il-verżjoni bl-Ispanjol, bl-Ingliż u bil-Franċiż, meħtieġa espressament li jtemmu “[kwalunkwe]” ksur allegat jew li jipprevjenu “[kwalunkwe]” dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, l-ebda limitazzjoni tal-portata tagħhom ma tista’ tiġi, bħala prinċipju, preżunta għall-finijiet tal-implimentazzjoni tagħhom. Din l-interpretazzjoni ma hijiex imminata mill-fatt li verżjonijiet lingwistiċi oħrajn tal-imsemmija dispożizzjoni,b’mod partikolari dik bil-Ġermaniż, jipprevedu li l-imsemmija miżuri huma intiżi sabiex itemmu “ksur allegat” u sabiex jipprevjenu “aktar xkiel [dannu ulterjuri] għall-interessi involuti”.

31

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jippreċiża, min-naħa tiegħu, li l-Istati Membri ma għandhomx jimponu fuq il-fornituri, għall-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Artikoli 12, 13 u 14, obbligu ġenerali li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu jew obbligu ġenerali li jfittxu b’mod attiv fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali.

32

Huwa b’teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet kollha li għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

33

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix li qorti ta’ Stat Membru tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi jew jibblokka l-aċċess għall-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak ta’ informazzjoni ddikjarata illegali preċedentement.

34

F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ hostings, obbligu ġenerali li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu, jew obbligu ġenerali li jfittxu b’mod attiv fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali, kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-imsemmija direttiva, tali projbizzjoni ma tikkonċernax l-obbligi ta’ monitoraġġ “f’każ speċifiku”.

35

Tali każ speċifiku jista’ fost oħrajn joriġina, bħal fil-kawża prinċipali, minn informazzjoni preċiża, maħżuna mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat fuq talba ta’ ċertu utent tan-newterk soċjali tiegħu, li l-kontenut tagħha jkun ġie analizza u evalwat minn qorti kompetenti tal-Istat Membru li, wara li jkun analizzaha, jiddikjaraha illegali.

36

Peress li netwerk soċjali jiffaċilita t-trażmissjoni rapida tal-informazzjoni maħżuna mill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting bejn id-diversi utenti tiegħu, jeżisti riskju reali li informazzjoni li tkun ġiet ikklassifikata bħala illegali tiġi sussegwentement riprodotta u kondiviża minn utent ieħor ta’ dan in-netwerk.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex ikun jista’ jinkiseb li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipprevjeni “kwalunkwe” dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati, huwa leġittimu li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżiġi minn dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jibblokka l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna, li l-kontenut tagħha huwa identitku għal dak iddikkjarat illegali preċedentement, jew li jneħħi din l-informazzjoni, ikun min ikun dak li jitlob li din l-informazzjoni tinħażen. Madankollu, fid-dawl, b’mod partikolari, ta’ din l-identiċità tal-kontenut tal-informazzjoni kkonċernata, l-ordni maħruġa għal dan il-għan ma tistax titqies li tistabbilixxi, fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, obbligu li jagħmel monitoraġġ, b’mod ġenerali, tal-informazzjoni li huwa jaħżen, u lanqas obbligu ġenerali li jfittex b’mod attiv fatti u ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

38

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix li qorti ta’ Stat Membru tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak tal-informazzjoni ddikjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha.

39

Mill-indikazzjonijiet li fiha d-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li permezz tal-kelmiet “informazzjoni b’kontenut ekwivalenti”, il-qorti tar-rinviju trid tkopri l-informazzjoni li fiha messaġġ li l-kontenut tiegħu jibqa, essenzjalment, l-istess u għaldaqstant ftit li xejn imur lil hinn minn dak li wassal għal konstatazzjoni ta’ illegalità.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-illegalità tal-kontenut ta’ informazzjoni ma jirriżultax fih innifsu mill-użu ta’ ċertu kliem, ikkombinat b’ċertu mod, iżda mill-fatt li l-messaġġ mogħti minn dan il-kontenut huwa kklassifikat bħala illegali, għal dak li jirrigwarda, bħal fil-każ ineżami, atti defamatorji li jimmiraw persuna preċiża.

41

Minn dan jirriżulta li, sabiex ordni intiża li ttemm att illegali u sabiex tipprevjeni r-repetizzjoni tiegħu kif ukoll kwalunkwe dannu ulterjuri għall-interessi kkonċernati tkun tista’ effettivament tilħaq dawn l-għanijiet, l-imsemmija ordni għandha tkun tista’ tiġi estiża għall-informazzjoni li l-kontenut tagħha, filwaqt li essenzjalment ikun fih l-istess messaġġ, ikun ifformulat b’mod kemxejn differenti, minħabba l-kliem użat jew il-kombinazzjoni tal-kliem użat, meta mqabbla mal-informazzjoni li l-kontenut tagħha jkun ġie ddikkjarat illegali. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan u hekk kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, l-effetti relatati ma tali ordni jistgħu jiġi evitati b’mod faċli billi jinħażnu messaġġi li bil-kemm ikunu differenti minn dawk li kienu ġew iddikkjarati illegali preċedentement, u dan jista’ jwassal sabiex il-persuna kkonċernata jkollha timmultiplika l-proċeduri biex tikseb tmiem l-aġir li tiegħu tkun vittma.

42

Madankollu, għandu wkoll jitfakkar, f’dan il-kuntest, li hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 u kif tfakkar fil-punt 34 tas-sentenza preżenti, qorti ta’ Stat Membru ma tistax, minn naħa, tagħti ordni lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li timponilu li jagħmel monitoraġġ, b’mod ġenerali, tal-informazzjoni li huwa jaħżen u lanqas, min-naħa l-oħra, tobbligah ifittex b’mod attiv fatti u ċirkustanzi sottostanti għall-kontenut illegali.

43

F’dan ir-rigward, għandu b’mod partikolari jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 41 tad-Direttiva 2000/31, bl-adozzjoni ta’ din tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi bilanċ bejn id-diversi interessi kkonċernati.

44

Għaldaqstant, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jimplika li l-għan ta’ ordni, bħal dik imsemmija fl-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, moqri fid-dawl tal-premessa 41 tagħha, li jikkonsisti b’mod partikolari f’li jiġu protetti b’mod effettiv ir-reputazzjoni u l-unur ta’ persuna, ma jistax jintlaħaq permezz ta’ obbligu eċċessiv impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, huwa importanti li l-informazzjoni ekwivalenti għal dik li għaliha jirreferi l-punt 41 tas-sentenza preżenti jkun fiha elementi speċifiċi debitament identifikati mill-awtur ta’ ordni, bħal isem il-persuna kkonċernata, iċ-ċirkustanzi li fiha dan il-ksur ġie kkonstatat kif ukoll kontenut ekwivalenti għal dak iddikjarat illegali. Differenzi fil-formulazzjoni ta’ dan il-kontenut ekwivalenti, meta mqabbel mal-kontenut iddikjarat illegali ma għandhomx, fi kwalunkwe każ, ikunu tali li jobbligaw lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat jagħmel evalwazzjoni awtonoma tal-imsemmi kontenut.

46

F’dawn iċ-ċirkustanzi, obbligu bħal dak deskritt fil-punti 41 u 45 tas-sentenza preżenti, minn naħa, sa fejn huwa jestendi wkoll għall-informazzjoni ta’ kontenut ekwivalenti, jidher mhux effettiv biżżejjed sabiex jiżgura protezzjoni tal-persuna mmirata minn atti defamatorji. Min-naħa l-oħra, din il-protezzjoni ma hijiex żgurata permezz ta’ obbligu eċċessiv impost fuq il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, sa fejn il-monitoraġġ u t-tfittix li huwa jeħtieġ huma limitati għall-informazzjoni li fiha l-elementi speċifikati fl-ordni u sa fejn il-kontenut defamatorju tagħha jkun ta’ natura ekwivalenti ma jobbligax lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipproċedi għal evalwazzjoni awtonoma, billi dan tal-aħħar jista’ għaldaqstant, jirrikori għal tekniki u għal mezzi ta’ tfittix awtomatizzati.

47

Għaldaqstant, b’mod partikolari, ordni bħal din ma hijiex tali li timponi lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting obbligu li jagħmel monitoraġġ, b’mod ġenerali, tal-informazzjoni li huwa jaħżen, jew obbligu ġenerali li jfittex b’mod attiv fatti u ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

48

Fit-tielet lok, minkejja li l-qorti tar-rinviju ma tipprovdix spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-formulazzjoni tad-domandi li hija indirizzat lill-Qorti tal-Ġustizzja jissuġġerixxu li d-dubji tagħha jirrigwardaw ukoll il-punt dwar jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 huwiex tali li jipprekludi li ordnijiet bħal dawk imsemmija fil-punti 37 u 46 tas-sentenza preżenti jkunu jistgħu jipproduċu effetti li jestendu għal livell dinji.

49

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jitfakkar li, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 18(1) tagħha, id-Direttiva 2000/31 ma tipprevedi, f’dan ir-rigward, ebda limitazzjoni, b’mod partikolari territorjali, għall-portata tal-miżuri li l-Istati Membri għandhom dritt jadottaw konformement ma’ din id-direttiva.

50

Konsegwentement, u fid-dawl tal-punti 29 u 30 tas-sentenza preżenti wkoll, id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix li l-imsemmija miżuri ta’ inibizzjoni jipproduċu effetti fuq il-livell dinji.

51

Madankollu, mill-premessi 58 u 60 ta’ din id-direttiva jirriżulta li, b’teħid inkunsiderazzjoni tad-dimenzjoni mondjali tas-servizz elettroniku, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien neċessarju li tiġi żgurata l-koerenza tar-regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam mar-regoli applikabbli fil-livell internazzjonali.

52

Hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiżguraw li l-miżuri li jadottaw u li jipproduċu effetti fuq livell dinji jieħdu debitament kont ta’ dawn ir-regoli tal-aħħar.

53

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li d-Direttiva 2000/31, b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li qorti ta’ Stat Membru tkun tista’:

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak ta’ informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, ikun min ikun dak li jitlob li din l-informazzjoni tinħażen;

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, sakemm il-monitoraġġ u t-tfittix tal-informazzjoni kkonċernata minn tali ordni jkunu limitati għal informazzjoni li fiha messaġġ li l-kontenut tiegħu jibqa’ essenzjalment l-istess meta mqabbel ma’ dak li wassal għal konstatazzjoni ta’ illegalità u li fih elementi speċifikati fl-ordni u sakemm id-differenzi fil-formulazzjoni ta’ dan il-kontenut ekwivalenti meta mqabbel ma’ dik li tikkaratterizza l-informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement ma humiex tali li jobbligaw lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipproċedi għal evalwazzjoni awtonoma ta’ dan il-kontenut, u

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni koperta mill-ordni jew jibblokka l-aċċess għaliha fuq il-livell dinji, fil-kuntest tad-dritt internazzjonali rilevanti.

Fuq it-tielet domanda

54

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq l-ispejjeż

55

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku), b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix li qorti ta’ Stat Membru tkun tista’:

 

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa identiku għal dak ta’ informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, ikun min ikun dak li jitlob li din l-informazzjoni tinħażen;

 

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi informazzjoni li huwa jaħżen u li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti għal dak ta’ informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement jew li jibblokka l-aċċess għaliha, sakemm il-monitoraġġ u t-tfittix tal-informazzjoni kkonċernata minn tali ordni jkunu limitati għal informazzjoni li fiha messaġġ li l-kontenut tiegħu jibqa’ essenzjalment l-istess meta mqabbel ma’ dak li wassal għal konstatazzjoni ta’ illegalità u li fih elementi speċifikati fl-ordni u sakemm id-differenzi fil-formulazzjoni ta’ dan il-kontenut ekwivalenti meta mqabbel ma’ dik li tikkaratterizza l-informazzjoni ddikkjarata illegali preċedentement ma humiex tali li jobbligaw lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jipproċedi għal evalwazzjoni awtonoma ta’ dan il-kontenut, u

 

tordna lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi l-informazzjoni koperta mill-ordni jew jibblokka l-aċċess għaliha fuq il-livell dinji, fil-kuntest tad-dritt internazzjonali rilevanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.