SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

13 ta’ Novembru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika Agrikola Komuni – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħalib u prodotti mill-ħalib – Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Artikolu 148(4) – Kuntratt ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat – Negozjar liberu tal-prezz – Ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali – Projbizzjoni ta’ pagament ta’ prezzijiet differenti lill-produtturi ta’ ħalib mhux ipproċessat li jagħmlu parti minn grupp ikkostitwit skont il-kwantità mibjugħa kuljum u ta’ tnaqqis fil-prezz mingħajr ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C‑2/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė,

fil-preżenza ta’:

Lietuvos Respublikos Seimas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, P. G. Xuereb u T. von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal-Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė, minn G. Kaminskas, advokatas,

għall-Gvern Litwan, minn R. Dzikovič, M. Važnevičius u V. Voinilko, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn T. Henze u S. Eisenberg, sussegwentement minn S. Eisenberg, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn S. Horrenberger, D. Colas, A.‑L. Desjonquères u C. Mosser, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn J. Langer, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Lewis u A. Steiblytė, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Marzu 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671, rettifika fil-ĠU 2014, L 189, p. 261), kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 (ĠU 2017, L 350, p. 15) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1308/2013”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ stħarriġ tal-kostituzzjonalità tal-Lietuvos Respublikos Ūkio subjektų, perkančių-parduodančių žalią pieną ir prekiaujančių pieno gaminiais, nesąžiningų veiksmų draudimo įstatymas Nr. XII‑1907 (il-Liġi Nru XII‑1907 tar-Repubblika tal-Litwanja li Tipprojbixxi Prattiki Żleali min-naħa ta’ Operaturi Ekonomiċi meta Jixtru u Jbigħu Ħalib mhux Ipproċessat u meta Jikkummerċjalizzaw Prodotti tal-Ħalib), tal-25 ta’ Ġunju 2015 (TAR, 2015, Nru 2015‑11209), kif emendata permezz tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2015 (TAR, 2015, Nru 2015‑20903) (iktar ’il quddiem il-“Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali”), b’mod partikolari tal-Artikoli 3 u 5 tagħha, imressqa mil-Lietuvos Respublikos Seimo narių grupė (grupp ta’ membri tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 127, 128 u 138 tar-Regolament Nru 1308/2013 jgħidu:

“(127)

Fin-nuqqas ta’ liġi tal-Unjoni dwar kuntratti bil-miktub, formalizzati, l-Istati Membri jistgħu taħt il-liġi nazzjonali kuntrattwali tagħhom, jiddeċiedu li jagħmlu użu minn kuntratti obbligatorji bħal dawn, sakemm, meta jagħmlu dan, il-liġi tal-Unjoni tiġi osservata u b’ mod partikolari jiġi osservat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l’organisme commun de marché. Fid-dawl tas-sitwazzjonijiet diversi eżistenti fl-Unjoni kollha, fl-interess tas-sussidjarjetà, deċiżjoni bħal din għandha tibqa’ tittieħed mill-Istati Membri. Madankollu, fis-settur tal-ħalib u prodotti tal-ħalib, biex jiġu żgurati standards minimi adatti għal kuntratti bħal dawn u l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l’organisme commun de marché, għandhom jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet bażiċi għall-użu ta’ kuntratti bħal dawn fil-livell tal-Unjoni. Dawn il-kundizzjonijiet bażiċi kollha għandhom jiġu nnegozjati bil-libertà. Minħabba li xi kooperattivi tal-ħalib jista’ jkun li jkollhom regoli b’effett simili fl-istatuti tagħhom, huma għandhom, għall-fini tas-sempliċità jiġu eżenti mir-rekwiżit li jidħlu f’kuntratt. Sabiex tissaħħaħ l-effettività ta’ tali sistema ta’ kuntratti, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk dawn għandhomx japplikaw ukoll meta partijiet intermedji jiġbru l-ħalib mingħand il-bdiewa biex iwassluh lill-proċessuri.

(128)

Biex jiġi żgurat l-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni u b’riżultat ta’ hekk, livell tal-għajxien ġust għall-bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, il-qawwa ta’ negozjar li għandhom il-bdiewa vis-à-vis dik ta’ proċessuri għandha tissaħħaħ, u din għandha twassal għal distribuzzjoni aktar ġusta ta’ valur miżjud tul il-katina tal-provvista. Sabiex jinkisbu dawk l-objettivi tal-PAK, għandha tiġi adottata dispożizzjoni skont l-Artikolu 42 u l-Artikolu 43(2) TFUE biex l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi kostitwiti minn bdiewa fil-qasam tal-ħalib u l-prodotti tiegħu jew mill-assoċjazzjonijiet tagħhom jitħallew jinnegozjaw b’mod konġunt ma’ min jipproċessa l-ħalib, it-termini ta’ kuntratti, inkluż il-prezz, għal parti mill-produzzjoni jew għall-produzzjoni kollha ta’ ħalib mhux ipproċessat tal-membri tagħhom. Sabiex tinżamm kompetizzjoni effikaċi fis-suq tal-ħalib u l-prodotti tiegħu, din il-possibbiltà għandha tkun soġġetta għal limiti kwantitattivi adatti. Sabiex ma jiddgħajjifx il-funzjonament effikaċi tal-kooperattivi u fl-interess taċ-ċarezza, għandu jiġi speċifikat li meta sħubija ta’ raħħal f’kooperattiva tinvolvi obbligu, fir-rigward tal-produzzjoni tal-ħalib kollha tar-raħħal jew parti minnha, li jiġi kkunsinnjat ħalib mhux ipproċessat, li l-kundizzjonijiet tiegħu huma stipulati fl-istatuti tal-kooperattiva jew fir-regoli u deċiżjonijiet ibbażati fuqhom, dawk il-kundizzjonijiet m’għandhomx ikunu is-suġġett ta’ negozjar min-naħa ta’ organizzazzjoni tal-produtturi.

[…]

(138)

Filwaqt li l-użu ta’ kuntratti bil-miktub formalizzati fis-settur tal-ħalib huwa kopert minn dispożizzjonijiet separati, l-użu ta’ tali kuntratti jista’ jgħin ukoll biex tiġi rinfurzata r-responsabbiltà tal-operaturi f’setturi oħrajn u jiżdied l-għarfien tagħhom tal-ħtieġa li jitqiesu aħjar is-sinjali tas-suq, li tittejjeb it-trażmissjoni tal-prezzijiet u li tiġi adattata l-provvista għad-domanda, kif ukoll jgħin li jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali inġusti. Fin-nuqqas ta’ liġi tal-Unjoni dwar tali kuntratti, l-Istati Membri jistgħu, taħt il-liġi nazzjonali kuntrattwali tagħhom, jiddeċiedu li jagħmlu użu minn dawn il-kuntratti obbligatorju sakemm jagħmlu dan f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari jiġi rispettat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-organizzazzjoni tas-suq komuni.”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli, li tfisser il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I għat-Trattati […].

2.   Il-prodotti agrikoli kif iddefiniti fil-paragrafu 1 għandhom jinqasmu fis-setturi li ġejjin kif elenkati fil-partijiet rispettivi tal-Anness I:

[…]

p)

ħalib u prodotti tal-ħalib, Parti XVI;

[…]”

5

L-Artikolu 148 tal-imsemmi regolament, intitolat “Relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib”, jipprevedi:

“1.   Fejn Stat Membru jiddeċiedi li kull konsenja ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tiegħu minn bidwi lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat għandha tiġi koperta minn kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, u/jew jiddeċiedi li l-ewwel xerrejja għandhom jagħmlu offerta bil-miktub għal kuntratt għall-konsenja, mill-bdiewa, ta’ ħalib mhux ipproċessat, tali kuntratt u/jew tali offerta ta’ kuntratt għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2.

Fejn Stat Membru jiddeċiedi li l-konsenji ta’ ħalib mhux ipproċessat mingħand ir-raħħal lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat iridu jkunu koperti minn kuntratt miktub bejn il-partijiet, huwa għandu wkoll jiddeċiedi liema stadju jew stadji tal-konsenja għandha/għandhom jiġu koperti minn tali kuntratt jekk il-konsenja tal-ħalib mhux ipproċessat issir permezz ta’ kollettur wieħed jew aktar.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ‘kollettur’ tfisser intrapriża li tittrasporta l-ħalib mhux ipproċessat minn bidwi jew kollettur ieħor lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat jew kollettur ieħor, fejn il-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat tiġi trasferita f’kull każ.

[…]

2.   Il-kuntratt u/jew l-offerta għal kuntratt imsemmija fil-paragrafi 1 […] għandhom:

a)

issir qabel ma ssir il-konsenja;

b)

issir bil-miktub, u

c)

tinkludi, b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin:

i)

il-prezz pagabbli għall-konsenja, li għandu:

ikun statiku u stabbilit fil-kuntratt, u/jew

jiġi kkalkulat billi jiġu kkumbinati diversi fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi tas-suq li jirriflettu l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, il-volum ikkunsinnjat u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnjat;

ii)

il-volum tal-ħalib mhux ipproċessat li jista’ u/jew għandu jiġi kkonsenjat u l-ħin ta’ konsenji bħal dawn;

iii)

it-tul ta’ żmien tal-kuntratt, li jista’ jinkludi tul ta’ żmien definit jew indefinit bi klawsoli ta’ terminazzjoni;

iv)

id-dettalji rigward il-perijodi u l-proċeduri ta’ pagament,

v)

l-arranġamenti għall-ġbir jew il-konsenja tal-ħalib mhux ipproċessat, u

vi)

ir-regoli applikabbli f’każ ta’ force majeure.

[…]

4.   L-elementi kollha tal-kuntratti għall-konsenja ta’ ħalib mhux ipproċessat konkluż mir-raħħala, il-kolletturi jew il-proċessuri tal-ħalib mhux ipproċessat, inkluż l-elementi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2, għandhom jiġu nnegozjati liberament bejn il-partijiet.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, għandhom japplikaw waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

a)

fejn Stat Membru jiddeċiedi li jagħmel kuntratt bil-miktub għall-konsenja ta’ ħalib mhux ipproċessat obbligatorju f’konformità mal-paragrafu 1, huwa jista’ jistabbilixxi:

i)

l-obbligu għall-partijiet li jaqblu dwar relazzjoni bejn ċerta kwantità konsenjata u l-prezz pagabbli għal dik il-konsenja;

ii)

tul ta’ żmien minimu, applikabbli biss għal kuntratti bil-miktub bejn bidwi u l-ewwel xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat; tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur, u ma għandux ixekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern;

b)

meta Stat Membru jiddeċiedi li l-ewwel xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat għandu jagħmel offerta bil-miktub għal kuntratt lill-bidwi f’konformità mal-paragrafu 1, huwa jista’ jipprevedi li l-offerta għandha tinkludi tul ta’ żmien minimu tal-kuntratt, stabbilit mil-liġi nazzjonali għal dan il-għan; tali tul ta’ żmien minimu għandu jkun ta’ mill-anqas sitt xhur, u ma għandux ixekkel il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

It-tieni subparagrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-bidwi li jirrifjuta tali tul ta’ żmien minimu dment li jagħmel dan bil-miktub. F’dan il-każ il-partijiet għandhom ikunu liberi li jinnegozjaw l-elementi kollha tal-kuntratt, inklużi l-elementi msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 2.

[…]”

6

Skont l-Artikolu 149 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Negozjati kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib”:

“1.   Organizzazzjoni tal-produtturi fis-settur tal-ħalib u l-prodotti tal-ħalib li tkun rikonoxxuta taħt l-Artikolu 161(1) tista’ tinnegozja f’isem il-bdiewa membri tagħha, fir-rigward ta’ parti mill-produzzjoni konġunta tagħhom jew fir-rigward ta’ kollha kemm hi, kuntratti għall-konsenja ta’ ħalib mhux ipproċessat minn bidwi lil proċessur tal-ħalib mhux ipproċessat, jew lil kollettur fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 148(1).

2.   In-negozjati mill-organizzazzjoni ta’ produtturi jistgħu jsiru:

a)

kemm jekk ikun hemm trasferiment jew le tal-proprjetà tal-ħalib mhux ipproċessat mingħand il-bdiewa lill-organizzazzjoni ta’ produtturi;

b)

kemm jekk il-prezz innegozjat ikunx l-istess jew le fir-rigward tal-produzzjoni konġunta ta’ xi wħud mill-bdiewa membri jew minnhom kollha;

[…]”

7

L-Artikolu 152 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Organizzazzjonijiet tal-produtturi”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu fuq talba jirrikonoxxu, meta jintalbu, organizzazzjonijiet ta’ produtturi, li:

a)

ikunu magħmulin u kkontrollati f’konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 153(2), minn produtturi f’settur speċifiku elenkat fl-Artikolu 1(2);

[…]”

8

Il-premessa 50 tar-Regolament 2017/2393 tgħid:

“L-użu ta’ kuntratti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib jista’ jgħin biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi u tiżdied il-kuxjenza tagħhom dwar il-bżonn li jittieħed kont aħjar tas-sinjali tas-suq, biex titjieb it-trasmissjoni tal-prezzijiet u biex jadattaw il-provvista mad-domanda, kif ukoll jgħin biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali mhux ġusti. Sabiex jingħata inċentiv għall-użu ta’ dawn il-kuntratti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib kif ukoll f’setturi oħrajn, il-produtturi, l-organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-assoċjazzjoni ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi jenħtieġ li jkollhom id-dritt li jitolbu kuntratt bil-miktub, anki jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel l-użu ta’ tali kuntratti obbligatorju.”

9

Skont il-premessa 8 tar-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib (ĠU 2012, L 94, p. 38), peress li dan ir-regolament imsemmi l-aħħar tħassar permezz tar-Regolament Nru 1308/2013:

“L-użu ta’ kuntratti formalizzati u bil-miktub li jinkludu elementi bażiċi konklużi qabel il-kunsinja mhuwiex mifrux. Madankollu, tali kuntratti jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi fil-katina tal-prodotti tal-ħalib u sabiex iżidu l-kuxjenza dwar il-bżonn li jittieħed kont aħjar tas-sinjali tas-suq, biex titjieb it-trażmissjoni tal-prezzijiet u biex jaddattaw il-provvista mad-domanda, kif ukoll biex jgħinu biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali mhux ġusti.”

10

L-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU 2019, L 111, p. 59), intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-1 ta’ Mejju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mhux aktar tard mill-1 ta’ Novembru 2021.

[…]”

11

Skont l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-ħames jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

Id-dritt Litwan

12

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni Litwana, l-ekonomija Litwana hija bbażata fuq il-proprjetà privata, l-eżerċizzju liberu u l-inizjattiva libera tal-attivitajiet ekonomiċi individwali.

13

Skont l-Artikolu 2(5) tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, il-bejjiegħa ta’ ħalib mhux ipproċessat huma mqassma f’għaxar gruppi, skont il-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat b’kontenut ta’ xaħam naturali mibjugħ kuljum, espress f’kilogrammi (kg). Din il-kwantità hija ekwivalenti għal 100 kg jew inqas fir-rigward tal-ewwel grupp, iktar minn 100 kg u ekwivalenti għal 200 kg jew inqas fir-rigward tat-tieni grupp, iktar minn 200 kg u ekwivalenti għal 300 kg jew inqas fir-rigward tat-tielet grupp, iktar minn 300 kg u ekwivalenti għal 500 kg jew inqas fir-rigward tar-raba’ grupp, iktar minn 500 kg u ekwivalenti għal 1000 kg jew inqas għall-ħames grupp, iktar minn 1000 kg u ekwivalenti għal 2000 kg jew inqas fir-rigward tas-sitt grupp, iktar minn 2000 kg u ekwivalenti għal 4000 kg jew inqas fir-rigward tas-seba’ grupp, iktar minn 4000 kg u ekwivalenti għal 10000 kg jew inqas fir-rigward tat-tmien grupp, iktar minn 10000 kg u ekwivalenti għal 20000 kg jew inqas fir-rigward tad-disa’ grupp, u iktar minn 20000 kg għall-għaxar grupp.

14

L-Artikolu 2(7) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-prezz ta’ xiri tal-ħalib mhux ipproċessat bħala l-ammont miftiehem bejn ix-xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat u l-bejjiegħ, li jitħallas għall-ħalib mhux ipproċessat li jissodisfa l-indikaturi ta’ bażi tal-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru Litwan għall-Agrikoltura, li ma jinkludix iż-żidiet, il-primjums u t-tnaqqis.

15

L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi, intitolat “Projbizzjoni ta’ prattiki żleali min-naħa ta’ operaturi ekonomiċi”, jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu:

“Xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat huwa pprojbit milli jwettaq il-prattiki żleali li ġejjin:

1)

jiffissa prezzijiet differenti ta’ xiri ta’ ħalib mhux ipproċessat f’kuntratti għall-bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat, meta jixtri ħalib mhux ipproċessat li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ kwalità, stabbiliti b’digriet tal-Ministru Litwan għall-Agrikoltura, mill-istess grupp ta’ bejjiegħa tal-ħalib mhux ipproċessat u meta jiġi kkunsinnat lix-xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat bl-istess metodu (ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnat f’post tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat, ħalib mhux ipproċessat akkwistat direttament minn razzett, ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnat direttament lil kumpannija li tipproċessa l-ħalib mhux ipproċessat), bl-eċċezzjoni tal-każ fejn il-ħalib mhux ipproċessat jinxtara minn bejjiegħa tal-ħalib mhux ipproċessat li qegħdin ibigħu l-ħalib li huma stess ipproduċew u li jappartjenu għal organizzazzjoni ta’ produtturi tal-ħalib irrikonoxxuta skont ir-regoli stabbiliti b’digriet tal-Ministru Litwan għall-Agrikoltura. Madankollu, fil-każ tal-aħħar, il-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat applikat ma jistax ikun inqas mill-prezz li kien jiġi stabbilit skont il-grupp ta’ bejjiegħa tal-ħalib mhux ipproċessat.

[…]

3)

inaqqas il-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat mingħajr ġustifikazzjoni.”

16

L-Artikolu 5 ta’ din l-istess liġi, intitolat “Obbligu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat”, jipprevedi:

“1.   Jekk ix-xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat inaqqas il-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat stabbilit fil-kuntratt għax-xiri u l-bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat b’iktar minn 3 %, huwa għandu jipprovdi raġunijiet li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-prezz u għandu jissottometti dawn ir-raġunijiet lill-Aġenzija għar-Regolamentazzjoni tas-Suq.

2.   L-Aġenzija għar-Regolamentazzjoni tas-Suq, skont il-linji gwida adottati b’digriet tal-Ministru Litwan għall-Agrikoltura, wara li teżamina, fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol, ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat mix-xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandha tiddeċiedi, fi żmien tlett ijiem tax-xogħol, jekk it-tnaqqis tal-prezz, b’iktar minn 3 %, tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat kienx iġġustifikat.

3.   Jekk, skont il-linji gwida msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-Aġenzija għar-Regolamentazzjoni tas-Suq tiddeċiedi li t-tnaqqis tal-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat b’iktar minn 3 % ma kienx iġġustifikat, ix-xerrej tal-ħalib mhux ipproċessat għandu jkun ipprojbit milli jnaqqas il-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat stabbilit fil-kuntratt ta’ xiri u bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat.”

Il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Fit-28 ta’ Ġunju 2016, grupp ta’ membri tal-Parlament tar-Repubblika tal-Litwanja ressaq quddiem il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) talba intiża sabiex tiġi eżaminata l-konformità, b’mod partikolari, tal-Artikoli 3 u 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni tal-Litwanja.

18

Insostenn tat-talba tiegħu, dan il-grupp sostna li din il-liġi kienet tirrestrinġi s-setgħa tal-partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ ta’ ħalib mhux ipproċessat li jiddefinixxu l-elementi bażiċi ta’ dan il-kuntratt, bħalma huma l-prezz jew il-kwantità, u ma kinitx tiżgura, minħabba f’hekk, il-libertà kuntrattwali stabbilita permezz tal-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46.

19

Il-Parlament Litwan, min-naħa tiegħu, sostna li din il-libertà ma kinitx assoluta u setgħet tiġi ristretta kemm biex jiġi protett l-interess pubbliku kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-ekwità u l-ġustizzja. Huwa sostna li, fil-Litwanja, is-setgħa ta’ negozjar li għandhom, minn naħa, il-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat u, min-naħa l-oħra, il-proċessuri jew ix-xerrejja, hija żbilanċjata favur it-tieni fost dawn u li r-regoli imperattivi stabbiliti fl-Artikoli 3 u 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali huma intiżi sabiex jiddefendu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-parti fil-kuntratt meqjusa bħala l-iktar dgħajfa, jiġifieri l-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat.

20

L-Europos teisės departamentas prie Lietuvos Respublikos teisingumo ministerijos (id-Dipartiment tad-Dritt Ewropew fil-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja) u l-Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba (il-Kunsill tal-Kompetizzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja), li ssottomettew huma wkoll osservazzjonijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, sostnew, min-naħa tagħhom, li l-Artikoli 3 u 5 ta’ din il-liġi jiksru l-prinċipju ta’ negozjar liberu stabbilit fl-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iffissar tal-prezz tal-ħalib mhux ipproċessat.

21

Il-qorti tar-rinviju tesponi li, peress li s-suq intern u l-agrikoltura jaqgħu taħt l-oqsma ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali rigward dawn l-oqsma, inkluża l-Kostituzzjoni Litwana u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tagħha, għandha tiġi interpretata b’mod konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni marbuta mal-imsemmija oqsma. Għaldaqstant, hija titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar il-konformità tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 3(3) kif ukoll tal-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 46 tal-Kostituzzjoni.

22

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-leġiżlazzjoni Litwana timponi fuq l-operaturi kkonċernati l-obbligu li jistabbilixxu kuntratt bil-miktub meta huma jixtru ħalib mhux ipproċessat. Din il-qorti żżid li, skont in-noti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw l-abbozz ta’ liġi li tipprojbixxi prattiki żleali, din il-liġi hija intiża, minn naħa, sabiex tiggarantixxi l-bilanċ bejn l-interessi leġittimi tax-xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat u dawk tal-bejjiegħa u, min-naħa l-oħra, sabiex tirrestrinġi l-eżerċizzju tas-setgħa tas-suq tagħhom mill-proċessuri tal-ħalib f’pożizzjoni ta’ saħħa f’dan is-suq kif ukoll il-profitt miksub b’mod żleali minn operaturi li jeżerċitaw l-attività tagħhom ta’ kummerċ ta’ prodotti mill-ħalib billi jnaqqsu l-prezzijiet bl-ingrossa ta’ dawn il-prodotti.

23

Il-qorti tar-rinviju tindika wkoll li mill-fajl li hija għandha għad-dispożizzjoni tagħha jirriżulta li s-settur tal-ħalib huwa wieħed mill-fergħat l-iktar importanti tal-produzzjoni agrikola fil-Litwanja, u dan is-settur jiġġenera madwar 2 % tal-prodott domestiku gross totali tal-pajjiż. Madankollu, is-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi hija estremament limitata minħabba d-daqs żgħir tagħhom, meta titqabbel ma’ dik tal-proċessuri. Hija tispeċifika, f’dan ir-rigward, li, skont iċ-ċifri kkomunikati għas-sena 2015, 74 % tal-produtturi Litwani tal-ħalib mhux ipproċessat għandhom minn baqra waħda sa ħames baqriet, filwaqt li sitt impriżi jipproċessaw 97 % ta’ dan il-ħalib. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn dawn il-produtturi storikament ma tantx hija żviluppata, minkejja l-isforzi li saru sabiex tiġi inkoraġġuta u biss 15 % minnhom jipparteċipaw f’kooperazzjoni ġenwina, li jipprovdu biss 18 % mill-kwantità totali tal-ħalib mhux ipproċessat mixtri fil-Litwanja. Ma teżisti l-ebda organizzazzjoni ta’ produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat li hija rrikonoxxuta skont l-Artikoli 152 et seq. tar-Regolament Nru 1308/2013. Il-prezz medju tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat fil-Litwanja huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea kollha.

24

Barra minn hekk, din il-qorti tgħid li qabel l-adozzjoni tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, ix-xerrejja kienu sempliċement jinformaw lill-produtturi tal-ħalib bil-prezz li bih kienu jixtru l-ħalib mhux ipproċessat, mingħajr ma dan il-prezz ikun is-suġġett ta’ negozjar minn qabel.

25

Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jagħtix b’mod espliċitu lill-Istati Membri, li ddeċidew li jagħmlu l-użu ta’ kuntratti bil-miktub obbligatorju għal kull kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat fit-territorju tagħhom, is-setgħa li jirrestrinġu, fid-dritt nazzjonali, il-prinċipju ta’ negozjar liberu. Madankollu, hija tistaqsi jekk dan il-prinċipju jistax jiġi ristrett sabiex tissaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tal-agrikolturi fis-settur tal-ħalib fil-konfront tax-xerrejja tal-ħalib u sabiex jiġu preklużi l-prattiki kummerċjali żleali, fid-dawl ta’ ċirkustanzi bħalma huma l-karatteristiċi strutturali speċifiċi għas-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, l-assenza ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi jew l-evoluzzjoni tas-suq tal-ħalib.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Respublikos Konstitucinis Teismas (il-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa possibbli li l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jiġi interpretat fis-sens li, għal skopijiet ta’ tisħiħ tas-setgħa ta’ negozjazzjoni tal-produtturi ta’ ħalib mhux ipproċessat u ta’ prevenzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali, u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti partikolaritajiet strutturali tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll tal-evoluzzjoni tas-suq tal-ħalib, ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tillimita l-libertà tal-partijiet f’kuntratt li jinnegozjaw il-prezz tax-xiri ta’ ħalib mhux ipproċessat sa fejn ix-xerrej jiġi pprojbit milli jħallas lill-bejjiegħa li għandhom jiġu kklassifikati fl-istess grupp fir-rigward tal-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat mibjugħ u li ma jappartjenu għal ebda organizzazzjoni rrikonoxxuta ta’ produtturi tal-ħalib, prezzijiet ta’ xiri differenti għal ħalib mhux ipproċessat li għandu kompożizzjoni u kwalità identiċi u li jiġi kkunsinnat lix-xerrej skont metodi identiċi, u li l-partijiet b’hekk ma jistgħux jiftehmu fuq prezz ta’ xiri differenti skont fatturi oħra, ikunu xi jkunu?

2)

Huwa possibbli li l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jiġi interpretat fis-sens li, għal skopijiet ta’ tisħiħ tas-setgħa ta’ negozjazzjoni tal-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat u ta’ prevenzjoni tal-prattiki kummerċjali żleali u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti partikolaritajiet strutturali tas-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib tal-Istat Membru kkonċernat kif ukoll tal-evoluzzjoni tas-suq tal-ħalib, ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-effett li tillimita l-libertà tal-partijiet f’kuntratt li jinnegozjaw il-prezz tax-xiri ta’ ħalib mhux ipproċessat sa fejn ix-xerrej jiġi pprojbit milli jbaxxi l-prezz tax-xiri mingħajr ġustifikazzjoni u sa fejn ikun possibbli li dan il-prezz jitbaxxa b’iktar minn 3 % biss jekk l-awtorità kompetenti tal-Istat tkun iddikjarat it-tnaqqis bħala ġġustifikat?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

27

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 3(3) tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, li tipprojbixxi lix-xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat milli jħallsu prezz tax-xiri differenti lil produtturi li għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess grupp ibbażat fuq il-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat mibjugħ kuljum, li jkun ta’ kompożizzjoni u ta’ kwalità identiċi u li jiġi kkunsinnat skont l-istess metodi.

28

B’mod preliminari, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-politika agrikola komuni li taqa’, skont l-Artikolu 4(2)(d) TFUE, taħt kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom setgħa leġiżlattiva li tippermettilhom, kif jirriżulta mill-Artikolu 2(2) TFUE, jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom sal-punt fejn l-Unjoni ma tkunx eżerċitat il-kompetenza tagħha (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 26).

29

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-preżenza ta’ regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq f’settur speċifiku, l-Istati Membri għandhom jastjenu minn kull miżura li hija tali li tidderoga mill-imsemmi regolament jew li tmur kontrih. Huma wkoll inkompatibbli ma’ organizzazzjoni komuni tas-swieq il-liġijiet li jostakolaw il-funzjonament tajjeb tagħha, anki jekk il-materja inkwistjoni ma tkunx ġiet irregolata b’mod eżawrjenti minn din l-organizzazzjoni (sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kuipers, C‑283/03, EU:C:2005:314, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Madankollu, l-istabbiliment ta’ organizzazzjoni komuni tas-swieq ma jipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali li jsegwu għan ta’ interess ġenerali differenti minn dawk koperti minn din l-organizzazzjoni komuni tas-swieq, anki jekk dawn ir-regoli għandhom mnejn ikollhom effett fuq il-funzjonament tas-suq intern fis-settur ikkonċernat (sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31

F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2)(p) tiegħu, ir-Regolament Nru 1308/2013 jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli kollha elenkati fl-Anness I tat-Trattati UE u FUE, li jinkludu s-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib.

32

L-Artikolu 148(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, meta Stat Membru jiddeċiedi li l-kunsinni ta’ ħalib mhux ipproċessat minn bidwi lil proċessur ta’ ħalib mhux ipproċessat għandhom ikunu s-suġġett ta’ kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, dan il-kuntratt għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu. Skont l-Artikolu 148(2)(c) tal-imsemmi regolament, l-imsemmi kuntratt għandu jinkludi, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-punt i) ta’ din id-dispożizzjoni, il-prezz li għandu jitħallas għall-kunsinna, li huwa fiss u indikat fil-kuntratt, u/jew ikkalkolat permezz ta’ kombinazzjoni ta’ fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu indikaturi tas-suq li jirriflettu l-evoluzzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq, il-volum ikkunsinnat, u l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnat u, kif indikat fil-punt ii) tal-imsemmija dispożizzjoni, il-volum ta’ ħalib mhux ipproċessat li jista’ u/jew għandu jiġi kkunsinnat.

33

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 148(4) ta’ dan l-istess regolament jipprevedi li l-elementi kollha tal-kuntratti ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat konklużi minn agrikolturi, minn kolletturi jew minn proċessuri tal-ħalib mhux ipproċessat, inklużi l-elementi msemmiija fil-paragrafu 2(c), għandhom jiġu nnegozjati b’mod liberu bejn il-partijiet.

34

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013, Stat Membru jista’ jipprevedi obbligu għall-partijiet li jiftiehmu dwar ir-relazzjoni bejn ċerta kwantità kkunsinnata u l-prezz li għandu jitħallas għal tali kunsinna u jista’ jiddetermina tul ta’ żmien minimu applikabbli biss għall-kuntratti bil-miktub bejn l-agrikolturi u l-ewwel xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat.

35

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jistabbilixxi regola li tgħid li l-elementi kollha tal-kuntratti ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat, inklużi l-prezzijiet, għandhom jiġu nnegozjati b’mod liberu, filwaqt li t-tieni subparagrafu tal-imsemmi paragrafu 4 jipprevedi eċċezzjonijiet minn din ir-regola.

36

Għaldaqstant il-partijiet għandu jkollhom il-possibbiltà li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ tal-ħalib mhux ipproċessat wara negozjar liberu bejniethom u, b’mod partikolari, wara tqabbil bejn l-offerta u d-domanda fuq is-suq inkwistjoni.

37

Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet, id-determinazzjoni libera tal-prezzijiet tal-bejgħ abbażi tal-kompetizzjoni libera hija komponent tar-Regolament Nru 1308/2013 u tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 20).

38

F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Litwan jirriżulta li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni effettiva ma humiex issodisfatti fis-suq Litwan tal-ħalib mhux ipproċessat minħabba prattiki kummerċjali żleali tax-xerrejja li l-livell ta’ konċentrazzjoni tagħhom huwa għoli, għaliex sitt impriżi jipproċessaw 97 % tal-ħalib mhux ipproċessat li ġej minn iktar minn 20000 produttur ta’ daqs żgħir ħafna. Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, ix-xerrejja tal-ħalib mhux ipproċessat kienu sempliċement jinformaw lill-produtturi bil-prezz tax-xiri ta’ dan il-ħalib, mingħajr negozjar minn qabel u mingħajr possibbiltà oħra għal dawn tal-aħħar ħlief li jaċċettaw il-kundizzjonijiet imposti. Din il-pressjoni eżerċitata fuq il-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat Litwani u l-iżvilupp dgħajjef tal-kooperazzjoni bejn dawn tal-aħħar jispjegaw għalfejn il-prezz medju tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat fil-Litwanja huwa wieħed mill-iktar baxxi fl-Unjoni u għalfejn is-settur tal-produzzjoni tal-ħalib huwa mhedded b’falliment. Din is-sitwazzjoni, ikkaratterizzata minn żbilanċ, f’dak li jirrigwarda s-setgħa ta’ negozjar, bejn il-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat u l-proċessuri, wasslet lil-leġiżlatur nazzjonali sabiex jadotta l-imsemmija liġi, li hija intiża sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-parti fil-kuntratt li hija l-iktar dgħajfa, jiġifieri tal-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat, billi tipprojbixxi lill-operaturi milli jużaw prattiki żleali u billi tistabbilixxi numru speċifiku ta’ rekwiżiti li huma marbuta ma’ dan.

39

Il-Gvern Litwan iżid li l-imsemmija liġi tippermetti n-negozjar liberu tal-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat mill-partijiet kif ukoll l-istabbiliment mill-ġdid ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq.

40

Skont l-indikazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju u kkonfermati minn dan il-gvern, jidher, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 2(7) tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali jiddefinixxi l-prezz tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat bħala l-ammont miftiehem bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ, li jitħallas għall-ħalib mhux ipproċessat li jissodisfa l-indikaturi bażiċi tal-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat stabbiliti permezz ta’ digriet tal-Ministru għall-Agrikoltura.

41

Għaldaqstant, minkejja li dan il-prezz bażiku huwa ffissat għall-produtturi kollha tal-istess grupp ikkostitwit skont il-kwantità ta’ kuljum ta’ ħalib mhux ipproċessat li jinbiegħ, skont il-punt 1 tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 2(5) tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, il-prezz finali li għandu jitħallas jiġi kkalkolat skont żidiet, primjums, tnaqqis jew metodi ta’ kunsinna nnegozjati b’mod liberu u individwali f’dan l-istadju.

42

Għandu jiġi eżaminat jekk, billi adottat ir-Regolament Nru 1308/2013 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 148 ta’ dan, l-Unjoni eżerċitatx il-kompetenza tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat u, b’mod iktar preċiż, fir-rigward tal-proċess ta’ negozjar ta’ dan il-kuntratt, b’mod eżawrjenti.

43

Qabel kollox, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 148(1) tar-Regolament Nru 1308/2013, b’mod partikolari mill-kliem “[f]ejn Stat Membru jiddeċiedi” li kull kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat għandha tkun is-suġġett ta’ kuntratt bil-miktub bejn il-partijiet, jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jistabbilixxi l-obbligu li jiġi konkluż kuntratt bil-miktub tikkostitwixxi sempliċi fakultà għal dan. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-premessa 127 ta’ dan ir-regolament, li tgħid li l-Istati Membri “jistgħu” jiddeċiedu li jirrendu obbligatorja l-konklużjoni ta’ kuntratti bil-miktub u fformalizzati u li “deċiżjoni bħal din għandha tibqa’ tittieħed mill-Istati Membri”.

44

Din il-premessa tgħid li, “biex jiġu żgurati standards minimi adatti għal kuntratti bħal dawn […], għandhom jiġu stabbiliti xi kundizzjonijiet bażiċi għall-użu ta’ kuntratti bħal dawn fil-livell tal-Unjoni”. L-Artikolu 148 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-imsemmija premessa, huwa intiż sabiex jistabbilixxi regoli minimi applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni, mingħajr ma jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jipprevedu oħrajn, u dan huwa kkonfermat mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari l-kliem “il-kuntratt […] [jinkludi] b’mod partikolari, l-elementi li ġejjin” li jinsab fil-paragrafu 2(c) tal-imsemmi artikolu.

45

Minn dawn l-elementi jirriżulta li, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 1308/2013 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 148 ta’ dan ir-regolament, l-Unjoni ma eżerċitatx il-kompetenza tagħha fil-qasam tar-relazzjonijiet kuntrattwali bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat b’mod eżawrjenti, b’tali mod li l-imsemmi regolament ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi lill-Istati Membri, bħala prinċipju, milli jadottaw kwalunkwe miżura f’dan il-qasam.

46

F’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din hija intiża, prinċipalment, sabiex tiġġieled kontra l-prattiki kummerċjali żleali tax-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat fir-rigward tal-parti meqjusa bħala l-parti l-iktar dgħajfa, jiġifieri l-produtturi tal-ħalib. B’mod partikolari, il-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali għandha l-għan li tipprojbixxi lill-bejjiegħa u lix-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jużaw tali prattiki fil-bejgħ jew fix-xiri ta’ ħalib mhux ipproċessat, li tissuġġetta l-kummerċjalizzazzjoni fil-Litwanja ta’ prodotti mill-ħalib għal ċerti rekwiżiti, li tiddetermina l-awtoritajiet inkarigati li jaraw li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi jiġu osservati u li tipprevedi r-responsabbiltà fil-każ ta’ ksur.

47

In-noti ta’ spjegazzjoni li jakkumpanjaw l-abbozz ta’ liġi li tipprojbixxi prattiki żleali jindikaw, b’dan il-mod, li din il-liġi hija intiża sabiex tiggarantixxi l-bilanċ bejn l-interessi leġittimi tax-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat u dawk tal-bejjiegħa, u sabiex tirrestrinġi s-setgħa tas-suq tal-proċessuri tal-ħalib f’pożizzjoni ta’ saħħa f’dan is-suq kif ukoll il-profitt miksub b’mod żleali minn operaturi li jeżerċitaw l-attività tagħhom ta’ kummerċ ta’ prodotti mill-ħalib billi jnaqqsu l-prezzijiet bl-ingrossa ta’ dawn il-prodotti.

48

Huwa minnu li mill-premessa 138 tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li, filwaqt li l-użu minn kuntratti bil-miktub u fformalizzati fis-settur tal-ħalib huwa kopert minn dispożizzjonijiet separati, il-konklużjoni ta’ dawn il-kuntratti tista’ tgħin ukoll sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà tal-operaturi f’setturi oħra kif ukoll, fost l-oħrajn, sabiex jiġu evitati “ċerti prattiki kummerċjali [żleali]”. Għandu jiġi osservat, barra minn hekk, li r-Regolament Nru 261/2012, li introduċa fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dispożizzjoni li tikkorrispondi għal dak li issa huwa l-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013, kien jindika, bl-istess mod, fil-premessa 8 tiegħu, li dawn il-kuntratti “[jistgħu] […] jgħinu biex jiġu evitati ċerti prattiki kummerċjali [żleali]”. Din il-formulazzjoni tinsab, minbarra dan, fil-premessa 50 tar-Regolament 2017/2393, li emenda r-Regolament Nru 1308/2013 fil-verżjoni preċedenti tiegħu, li tgħid li l-użu minn kuntratti fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib jista’ jgħin, b’mod partikolari, sabiex jiġu evitati “ċerti prattiki […] [żleali]”.

49

Madankollu, dawn ir-riferimenti għal ċerti prattiki żleali ma jippermettux li jiġi stabbilit li l-għan ta’ ġlieda kontra l-prattiki żleali li huwa segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kopert mir-Regolament Nru 1308/2013, iktar u iktar għaliex ma hemmx riferiment għal dawn il-prattiki fl-intier tagħhom, u lanqas ma huma rregolati jew identifikati f’dan ir-regolament.

50

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-premessa 128 tal-imsemmi regolament, dan tal-aħħar isegwi l-għan li jiġi żgurat żvilupp vijabbli tal-produzzjoni u li jiġu ggarantiti b’dan il-mod kundizzjonijiet tal-għajxien ġusti għall-produtturi tal-ħalib, b’mod konformi mal-għanijiet tal-politika agrikola komuni, kif huma stabbiliti fl-Artikolu 39(1) TFUE. Issa, interpretazzjoni tal-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013 fis-sens li huwa jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jadottaw kwalunkwe miżura intiża għall-ġlieda kontra l-prattiki żleali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib tkun tmur kontra dan l-għan, kif ukoll kontra dak li tiġi żgurata ż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq tal-prodotti agrikoli, li jagħmel ukoll parti mill-għanijiet tal-politika agrikola komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Panellinios Syndesmos Viomichanion Metapoiisis Kapnou, C‑373/11, EU:C:2013:567, punt 37).

51

Għandu, barra minn hekk, jiġi osservat li, fil-qasam irregolat mill-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-ħalib u tal-prodotti mill-ħalib, l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu, fil-prinċipju, kompetenti sabiex japplikaw id-dritt nazzjonali tagħhom tal-kompetizzjoni għal kooperattiva ta’ produtturi tal-ħalib li għandha pożizzjoni b’saħħitha fis-suq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Settembru 2003, Milk Marque u National Farmers’ Union, C‑137/00, EU:C:2003:429, punt 67).

52

L-adozzjoni reċenti tad-Direttiva 2019/633, li daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 14 tagħha, fit-30 ta’ April 2019, tikkorrobora l-assenza ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti tal-qasam tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta’ provvista agrikola u tal-ikel, fiż-żmien li fih ġew adottati d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53

Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, għandu jitqies li l-Istati Membri kellhom kompetenza residwa sabiex jadottaw miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, li għandhom bħala effett li jirrestrinġu l-proċess ta’ negozjar liberu tal-prezzijiet, anki jekk dawn il-miżuri jkollhom effett fuq il-prinċipju ta’ negozjar liberu tal-prezz li għandu jitħallas għall-kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat li jirriżulta mill-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013 u, b’dan il-mod, fuq il-funzjonament tas-suq intern fis-settur ikkonċernat.

54

L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2019/633 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux iktar tard mill-1 ta’ Mejju 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-direttiva, u japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mhux iktar tard mill-1 ta’ Novembru 2021. Peress li l-qorti tar-rinviju ssottomettiet it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, għandu jiġi kkonstatat li ma sarux domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din.

55

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, matul il-perijodu għat-traspożizzjoni ta’ direttiva, l-Istati Membri destinatarji ta’ din għandhom jibqgħu lura milli jadottaw dispożizzjonijiet tali li jikkompromettu serjament il-ksib tar-riżultat stabbilit minn din id-direttiva (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter‑Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 45; tat-22 ta’ Novembru 2005, Mangold, C‑144/04, EU:C:2005:709, punt 67; kif ukoll tat-23 ta’ April 2009, VTB‑VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 38). Minkejja li, f’dan il-każ, il-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali ġiet adottata qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2019/633, l-awtoritajiet kif ukoll il-qrati nazzjonali għandhom kemm jista’ jkun jastjenu ruħhom milli jinterpretaw din il-liġi b’mod li jkollu mnejn jikkomprometti serjament, wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, il-ksib tal-għan segwit minn din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2016, Milev, C‑439/16 PPU, EU:C:2016:818, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li hemm riferiment għaliha fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, għandha, madankollu, tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit il-ksib tal-għan segwit u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 2015, Berlington Hungary et, C‑98/14, EU:C:2015:386, punt 64, kif ukoll tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 28).

57

Dan l-eżami tal-proporzjonalità għandu jsir b’teħid inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-suq, u dan jeżiġi bbilanċjar bejn dawn l-għanijiet u dak segwit permezz tal-imsemmija leġiżlazzjoni li huwa dak tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Scotch Whisky Association et, C‑333/14, EU:C:2015:845, punt 28).

58

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni hijiex xierqa sabiex jiġi ggarantit il-ksib tal-għan li hija ssegwi, għandu jiġi osservat li l-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali taqsam, fl-Artikolu 2(5) tagħha, il-produtturi tal-ħalib mhux ipproċessat f’għaxar gruppi skont il-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat mibjugħ kuljum, u din il-kwantità hija inqas minn 100 kg għall-ewwel grupp u iktar minn 20000 kg għall-aħħar grupp. Il-punt 1 tal-Artikolu 3(3) ta’ din il-liġi jipprojbixxi lix-xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat li jikkonforma ma’ rekwiżiti ta’ kwalità milli japplika prezz bażiku differenti għall-produtturi li jagħmlu parti mill-istess grupp, meta l-metodi ta’ kunsinna jkunu l-istess.

59

Din id-dispożizzjoni għandha għalhekk bħala effett li tiggarantixxi li x-xerrej joffri prezz bażiku identiku lill-produtturi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli fir-rigward ta’ kriterju oġġettiv ikkostitwit mill-kwantità ta’ ħalib mibjugħ kuljum. Tali kriterju huwa, barra minn hekk, ammess mill-punt a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013, li jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu obbligu għall-partijiet fil-kuntratt li jiftiehmu fuq ir-relazzjoni bejn kwantità speċifika kkunsinnata u l-prezz.

60

Kif jirriżulta mill-fajl li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha għad-dispożizzjoni tagħha, il-punt 1 tal-Artikolu 3(3) tal-imsemmija liġi jippermetti li jiġi żgurat li l-produtturi tal-ħalib li ma jappartjenux għal organizzazzjoni ta’ produtturi tal-ħalib irrikonoxxuta ma jiġux imġiegħla, minħabba żbilanċ bejn is-setgħat ta’ negozjar, li jaqblu mal-kundizzjonijiet tax-xiri tal-ħalib mhux ipproċessat li jimponulhom il-proċessuri u li jaċċettaw prezzijiet baxxi ħafna filwaqt li produtturi oħrajn, li madankollu huma tal-istess daqs, jibbenefikaw minn prezzijiet ogħla li jirriżultaw minn negozjar iktar ibbilanċjat. Din id-dispożizzjoni tippermettilhom, barra minn hekk, li ma jitqegħdux f’sitwazzjoni sfavorevoli ħafna fis-suq meta mqabbla ma’ dawn il-produtturi l-oħrajn. L-imsemmija dispożizzjoni hija wkoll tali li ssaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi ta’ daqs żgħir, li għaldaqstant jagħmlu parti minn grupp, tinkoraġġihom jikkollaboraw iktar kif ukoll tistabbilixxi mill-ġdid il-bilanċ bejn is-setgħat ta’ negozjar opposti.

61

Kif jirriżulta mill-premessa 128 tar-Regolament Nru 1308/2013, huwa wkoll bl-għan li tissaħħaħ is-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi tal-ħalib li l-Artikolu 149 ta’ dan ir-regolament jippermetti lill-organizzazzjonijiet u lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi li jinnegozjaw b’mod kollettiv il-klawżoli tal-kuntratti, inkluż il-prezz, għal parti jew għat-totalità tal-produzzjoni ta’ ħalib mhux ipproċessat tal-membri tagħhom.

62

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija xierqa sabiex tipprevjeni r-riskju li l-parti fil-kuntratt meqjusa bħala l-iktar dgħajfa tiġi mġiegħla taċċetta tnaqqis fil-prezz mhux iġġustifikat u, b’hekk, sabiex tiġġieled kontra eventwali prattiki kummerċjali żleali, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

63

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, minn naħa, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-settur tal-ħalib kif ukoll tas-suq Litwan tal-ħalib mhux ipproċessat, imfakkra fil-punti 22 sa 24 u 38 ta’ din is-sentenza. Dawn l-aspetti speċifiċi jirrigwardaw l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq Litwan tal-ħalib mhux ipproċessat minħabba prattiki kummerċjali żleali, u n-natura tal-ħalib mhux ipproċessat, li huwa prodott li jmur malajr, li fil-prattika ma jippermettix lill-produtturi jipposponu bejgħ fil-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali, u lanqas li jidħlu f’kunflitt ma’ dawn ix-xerrejja minħabba r-riskju li jikkompromettu r-relazzjoni kummerċjali, kif ukoll l-assenza ta’ kooperazzjoni suffiċjenti bejn il-produtturi tal-ħalib fl-imsemmi suq. Kif osservat il-qorti tar-rinviju, qabel l-adozzjoni tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, ix-xerrejja kienu jinformaw lill-produtturi bil-prezz li bih huma kienu jixtru l-ħalib mhux ipproċessat, mingħajr ma kien hemm il-possibbiltà ta’ negozjar minn qabel.

64

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li, minkejja l-isforzi magħmula sabiex tiġi inkoraġġuta, b’diversi mezzi, il-kooperazzjoni bejn il-produtturi tal-ħalib, dawn tal-aħħar ma humiex numerużi biżżejjed sabiex jikkooperaw, b’tali mod li l-ebda organizzazzjoni ta’ produtturi ta’ ħalib mhux ipproċessat fis-sens tar-Regolament Nru 1308/2013 ma setgħet tiġi fformata.

65

Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ħalib mhux ipproċessat, sabiex ikun jista’ jinbiegħ, għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti ta’ kwalità stabbiliti permezz ta’ digriet ministerjali, marbuta mal-kontenut ta’ xaħam u ta’ proteini tiegħu kif ukoll ma’ indikaturi tal-kwalità tiegħu, bħalma huma l-kulur, ir-riħa, it-temperatura, it-togħma, l-aċidità, il-purità, id-densità u s-sustanzi ta’ newtralizzazzjoni u ta’ inibizzjoni.

66

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti f’din id-deċiżjoni, jekk il-ħalib ma jissodisfax l-indikaturi l-oħra ta’ kwalità tal-ħalib, bħalma huma l-għadd ta’ batterji, il-kontenut ta’ ċelloli somatiċi u ta’ sustanzi ta’ inibizzjoni kif ukoll il-punt ta’ ffriżar, jiġi applikat tnaqqis fl-ammont previst mill-imsemmija regoli. Barra minn hekk, primjums jew żidiet jistgħu jiġu previsti għal ħalib ta’ kwalità għolja, mingħajr limitu skont il-Gvern Litwan.

67

Minn dan jirriżulta, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, li l-prezz tax-xiri mħallas lil produttur tal-ħalib mhux ipproċessat speċifiku, li ma jappartjenix għal organizzazzjoni ta’ produtturi tal-ħalib irrikonoxxuta, jista’ jiddependi mill-grupp ta’ produtturi li huwa kklassifikat fih fir-rigward tal-kwantità ta’ ħalib mibjugħ, tal-metodi ta’ kunsinna ta’ dan, kif ukoll tal-kompożizzjoni u tal-kwalità ta’ dan il-prodott.

68

F’dan ir-rigward, kif huwa indikat fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, mill-Artikolu 148(2)(c)(i) tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriżulta li l-prezz jista’ jiġi kkalkolat permezz ta’ kombinazzjoni ta’ fatturi stabbiliti fil-kuntratt, li jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-kwalità jew il-kompożizzjoni tal-ħalib mhux ipproċessat ikkunsinnat.

69

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet tal-politika agrikola komuni kif ukoll tal-funzjonament tajjeb tal-organizzazzjoni komuni tas-suq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet li hija ssegwi. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju, li hija l-unika li għandha għarfien dirett tat-tilwima sottomessa quddiemha, li għandha tivverifika jekk il-miżuri adottati għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali billi jsaħħu s-setgħa ta’ negozjar tal-produtturi tal-ħalib li ma jappartjenux għal organizzazzjoni ta’ produtturi tal-ħalib irrikonoxxuta u, għaldaqstant, sabiex jgħinu fl-iżvilupp vijabbli tal-produzzjoni billi jiggarantixxu kundizzjonijiet ġusti lill-produtturi tal-ħalib, b’restrizzjonijiet tal-prinċipju ta’ negozjar liberu, imorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ.

70

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 3(3) tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, tipprojbixxi lix-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jħallsu prezz tax-xiri differenti lil produtturi li għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess grupp fir-rigward tal-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat mibjugħ kuljum, li jkun ta’ kompożizzjoni u ta’ kwalità identiċi kif ukoll ikkunsinnat skont l-istess metodi, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Fuq it-tieni domanda

71

Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, li tipprojbixxi lix-xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jnaqqas, mingħajr ġustifikazzjoni, il-prezz miftiehem mal-produttur u li tissuġġetta kull tnaqqis fil-prezz b’iktar minn 3 % għal awtorizzazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

72

Fl-ewwel lok, kif jirriżulta mill-punti 43 sa 45 u 48 sa 54 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013 ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw miżuri fil-qasam tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, li għandhom bħala effett li jirrestrinġu l-proċess ta’ negozjar liberu tal-prezzijiet, anki jekk dawn il-miżuri jkollhom effett fuq il-prinċipju ta’ negozjar liberu tal-prezz li għandu jitħallas għall-kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat u, b’dan il-mod, fuq il-funzjonament tas-suq intern fis-settur ikkonċernat.

73

Tali leġiżlazzjoni għandha, madankollu, kif ġie osservat fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, tkun xierqa sabiex jiġi ggarantit il-ksib tal-għan segwit u ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.

74

F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża prinċipalment, kif ġie kkonstatat fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, għall-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali tax-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat fil-konfront tal-parti meqjusa bħala l-iktar dgħajfa, jiġifieri l-produtturi tal-ħalib.

75

F’dan ir-rigward, il-Gvern Litwan speċifika li l-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali kienu intiżi sabiex jistabbilixxu garanziji li, ladarba jkun ġie konkluż il-kuntratt bejn ix-xerrej u l-bejjiegħ ta’ ħalib mhux ipproċessat u ladarba l-prezz li jkun ġie miftiehem bejniethom ikun ġie kkonstatat f’dan il-kuntratt, ma jibqax possibbli li dan il-prezz jitnaqqas mingħajr raġunijiet oġġettivi, b’mod żleali.

76

Fit-tieni lok, kif osservaw dan il-gvern kif ukoll il-Gvern Ġermaniż, dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li għandhom effett fuq il-prinċipju ta’ negozjar liberu tal-prezz li jirriżulta mill-Artikolu 148 tar-Regolament Nru 1308/2013. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet jidhru li jirrigwardaw mhux in-negozjar innifsu ta’ dan il-prezz u lanqas elementi oħra tal-kuntratt, iżda pjuttost il-modifika tal-imsemmi prezz minn waħda mill-partijiet wara l-konklużjoni ta’ dan il-kuntratt, b’mod unilaterali u fl-assenza ta’ kwalunkwe konsultazzjoni kif ukoll fl-assenza ta’ kwalunkwe klawżola kuntrattwali, waqt l-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

77

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija dispożizzjonijiet humiex xierqa sabiex jiggarantixxu l-ksib tal-għan segwit mingħajr ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan, għandu jiġi osservat li l-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali huma tali li jiggarantixxu l-osservanza, mix-xerrej, tal-prezz innegozjat mal-produttur fin-nuqqas ta’ element oġġettiv li jiġġustifika tnaqqis f’dan il-prezz. Dawn id-dispożizzjonijiet jgħinu, barra minn hekk, fil-prevenzjoni ta’ tentattivi ta’ pressjoni eżerċitata mix-xerrejja fuq il-produtturi tal-ħalib sabiex jitnaqqas dan il-prezz kif ukoll sabiex dawn tal-aħħar jiġu protetti mill-impożizzjoni ta’ modifiki arbitrarji fl-imsemmi prezz. L-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom ukoll bħala effett li jikkontribwixxu, konsegwentement, sabiex tiġi żgurata l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt bil-miktub konkluż mill-partijiet, flimkien ma’ ċerta stabbiltà fil-prezzijiet tal-ħalib mhux ipproċessat.

78

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidher li hija xierqa sabiex jintlaħaq l-għan segwit.

79

F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-punt dwar jekk din il-leġiżlazzjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-punt 63 ta’ din is-sentenza, l-aspetti speċifiċi tas-settur tal-ħalib kif ukoll tas-suq Litwan tal-ħalib mhux ipproċessat, rigward b’mod partikolari l-assenza ta’ kompetizzjoni effettiva f’dan is-suq, u n-natura tal-ħalib mhux ipproċessat, li huwa prodott li jmur malajr, li fil-prattika ma jippermettix lill-produtturi jipposponu kunsinna fil-preżenza ta’ prattiki kummerċjali żleali, u lanqas li jidħlu f’kunflitt ma’ dawn ix-xerrejja minħabba r-riskju li jikkompromettu r-relazzjoni kummerċjali.

80

Għandu jiġi osservat ukoll li l-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u l-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali ma jipprojbixxux kull tnaqqis fil-prezz miftiehem, iżda sempliċement jipprevedu li tali tnaqqis għandu jiġi ġġustifikat b’mod oġġettiv, wara awtorizzazzjoni tal-awtorità amministrattiva kompetenti fil-każ ta’ tnaqqis iktar importanti. Minbarra dan, dawn id-dispożizzjonijiet ma jidhrux li huma tali li jipprekludu lill-partijiet milli jinkludu fil-kuntratt klawżoli li jippermettu tnaqqis fil-prezz iffissat fil-każ li jqumu elementi oġġettivi ġodda miftiehma bejniethom.

81

Minbarra dan, għandu jiġi osservat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 jawtorizza lill-Istati Membri, b’eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ negozjar liberu tal-elementi kollha tal-kuntratti ta’ kunsinna ta’ ħalib mhux ipproċessat, inklużi l-prezzijiet, li jiddeterminaw tul ta’ żmien minimu ta’ mill-inqas sitt xhur applikabbli għall-kuntratti bil-miktub bejn bidwi u l-ewwel xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat.

82

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 5 tal-Liġi li Tipprojbixxi Prattiki Żleali, li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, tipprojbixxi lix-xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jnaqqas, mingħajr ġustifikazzjoni, il-prezz miftiehem mal-produttur u li tissuġġetta kull tnaqqis fil-prezz b’iktar minn 3 % għal awtorizzazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 148(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, kif emendat permezz tar-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 1 tal-Artikolu 3(3) tal-Lietuvos Respublikos Ūkio subjektų, perkančių-parduodančių žalią pieną ir prekiaujančių pieno gaminiais, nesąžiningų veiksmų draudimo įstatymas Nr. XII‑1907 (il-Liġi Nru XII‑1907 tar-Repubblika tal-Litwanja, li Tipprojbixxi Prattiki Żleali min-naħa ta’ Operaturi Ekonomiċi meta Jixtru u Jbigħu Ħalib mhux Ipproċessat u meta Jikkummerċjalizzaw Prodotti tal-Ħalib), tal-25 ta’ Ġunju 2015, kif emendata permezz tal-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2015, li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, tipprojbixxi lix-xerrejja ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jħallsu prezz tax-xiri differenti lil produtturi li għandhom jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess grupp fir-rigward tal-kwantità ta’ ħalib mhux ipproċessat mibjugħ kuljum, li jkun ta’ kompożizzjoni u ta’ kwalità identiċi kif ukoll ikkunsinnat skont l-istess metodi, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni tkun xierqa sabiex tiggarantixxi l-ksib tal-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan, u dan għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 

2)

L-Artikolu 148(4) tar-Regolament Nru 1308/2013, kif emendat permezz tar-Regolament 2017/2393, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fil-punt 3 tal-Artikolu 3(3) u fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru XII‑1907 tar-Repubblika tal-Litwanja li Tipprojbixxi Prattiki Żleali min-naħa ta’ Operaturi Ekonomiċi meta Jixtru u Jbigħu Ħalib mhux Ipproċessat u meta Jikkummerċjalizzaw Prodotti tal-Ħalib, tal-25 ta’ Ġunju 2015, kif emendata permezz tal-Liġi tat-22 ta’ Diċembru 2015, li, bl-għan tal-ġlieda kontra l-prattiki kummerċjali żleali, tipprojbixxi lix-xerrej ta’ ħalib mhux ipproċessat milli jnaqqas, mingħajr ġustifikazzjoni, il-prezz miftiehem mal-produttur u li tissuġġetta kull tnaqqis fil-prezz b’iktar minn 3 % għal awtorizzazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.