KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fl-4 ta’ Marzu 2020 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑807/18 u C‑39/19

Telenor Magyarország Zrt.

vs

Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Domanda preliminari – Telekomunikazzjonijiet – Regolament (UE) 2015/2120 – Artikolu 3 – Drittijiet tal-utenti finali – Aċċess għal internet miftuħ – Newtralità – Ftehimiet jew prattiki kummerċjali li jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet – Tariffa żero – Trattament privileġġat ta’ ċerti applikazzjonijiet – Ibblokkar jew tnaqqis fil-veloċità tat-traffiku”

1.

Bir-Regolament (UE) 2015/2120 ( 2 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni ħa d-deċiżjoni politika li jistabbilixxi regoli komuni li jiżguraw l-“aċċessibbiltà tal-Internet” ( 3 ) fl-Istati Membri kollha, billi evita, fost oħrajn, li l-utenti finali “jiġu affettwati mill-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku li jimblukkaw jew inaqqsu r-rapidità ta’ applikazzjonijiet speċifiċi jew servizzi” ( 4 ).

2.

Fl-Ungerija, fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet joffri lill-klijenti tiegħu pakketti ta’ aċċess preferenzjali (imsejħa b’“tariffa żero”), li l-karatteristika tagħhom hija li t-tniżżil ta’ data ta’ ċerti servizzi u applikazzjonijiet ma jitteħidx inkunsiderazzjoni fil-konsum tad-data taħt kuntratt mill-utent finali.

3.

L-amministrazzjoni Ungeriża qieset li din l-offerta, li ser nirreferi għaliha sussegwentement, tikser l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120. Billi d-deċiżjoni tagħha ġiet appellata quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), din il-qorti tqajjem id-dubji tagħha dwar dan quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn offritilha l-possibbiltà li tagħti deċiżjoni għall-ewwel darba dwar l-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament 2015/2120

4.

Skont il-premessi 1, 3, 6, 7, 8, 9 u 11:

“(1)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jistabbilixxi regoli komuni għas-salvagwardja tat-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet relatati tal-utenti aħħarin. Huwa għandu l-għan li jipproteġi lill-utenti aħħarin u fl-istess waqt li jiżgura kontinwità fil-funzjonament tal-ekosistema tal-Internet bħala mutur ta’ innovazzjoni. Ir-riformi fil-qasam tar-roaming għandhom jagħtu lill-utenti aħħarin il-fiduċja li jibqgħu konnessi meta jivvjaġġaw fl-Unjoni, u maż-żmien għandhom jixprunaw kondizzjonijiet konverġenti dwar l-ipprezzar u kondizzjonijiet oħrajn fl-Unjoni.

[…]

(3)

Matul l-aħħar deċennji l-Internet żviluppa bħala pjattaforma miftuħa għall-innovazzjoni bi ftit xkiel għall-aċċess għall-utenti aħħarin, għall-fornituri tal-kontenut, tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi u għall-fornituri tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet. Il-qafas regolatorju eżistenti għandu l-għan li jippromwovi l-kapaċità tal-utenti aħħarin li jiksbu aċċess għall-informazzjoni u jiddistribwixxuha jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma. Madankollu, hemm numru sinifikanti ta’ utenti aħħarin li jiġu affettwati mill-prattiki tal-ġestjoni tat-traffiku li jimblukkaw jew inaqqsu r-rapidità ta’ applikazzjonijiet speċifiċi jew servizzi. Dawk it-tendenzi jeħtieġu regoli komuni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-Internet u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern li tirriżulta minn miżuri adottati minn Stati Membri individwali.

[…]

(6)

L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess u d-distribuzzjoni tal-informazzjoni u l-kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi mingħajr diskriminazzjoni, permezz tas-servizz tagħhom ta’ aċċess għall-Internet. L-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi nazzjonali li tkun konformi mal-liġi tal-Unjoni, rigward il-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi. Dan ir-Regolament ma għandux l-għan li jirregola l-legalitàtal–kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi, u lanqas ma għandu l-għan li jirregola l-proċeduri, ir-rekwiżiti u s-salvagwardji relatati magħhom. Dawk il-kwistjonijiet għalhekk jibqgħu soġġetti għal-liġi tal-Unjoni, jew il-liġi nazzjonali li hi konformi mal-liġi tal-Unjoni.

(7)

Sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, u biex jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi tal-għażla tagħhom, l-utenti aħħarin għandhom ikunu liberi li jiftiehmu ma’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet fuq tariffi għal volumi u veloċitajiet speċifiċi tad-data tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet. Tali ftehimiet, kif ukoll kwalunkwe prattiki kummerċjali ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u b’hekk jiġu evitati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar is-salvagwardja tal-aċċess għal Internet miftuħ. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħra għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu kontra ftehimiet jew prattiki kummerċjali li, minħabba l-iskala tagħhom, iwasslu għal sitwazzjonijiet fejn l-għażla tal-utenti aħħarin, fil-prattika, titnaqqas b’mod materjali. Għal dan il-għan, il-valutazzjoni tal-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali għandha, fost l-oħrajn, tieħu kont tal-pożizzjonijiet rispettivi fis-suq ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, li huma involuti. L-awtoritajiet kompetenti regolatorji nazzjonali u awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom, bħala parti mill-funzjoni tagħhom ta’ monitoraġġ u infurzar, jiġu meħtieġa jintervjenu meta l-ftehimiet jew il-prattiki kummerċjali jwasslu biex l-essenza tad-drittijiet tal-utenti aħħarin tiddgħajjef.

(8)

Meta jiġu pprovduti servizzi ta’ aċċess għall-Internet, il-fornituri ta’ dawk is-servizzi għandhom jittrattaw it-traffiku kollu b’mod indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal. Skont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika stabbilita, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b’mod oġġettiv.

(9)

L-objettiv ta’ ġestjoni raġonevoli tat-traffiku hu li jsir kontribut għal użu effiċjenti ta’ riżorsi tan-netwerk u għal ottimizzazzjoni tal-kwalità globali tat-trasmissjoni b’reazzjoni għar-rekwiżiti tal-kwalità teknika oġġettivament differenti tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi ta’ traffiku, u għaldaqstant tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi trasmessi. Il-miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiġu applikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu bbażati fuq konsiderazzjonijiet kummerċjali. Ir-rekwiżit li l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku jkunu nondiskriminatorji ma jeskludix li, bil-għan li tiġi ottimizzata l-kwalità globali tat-trasmissjoni, il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet jimplimentaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jagħmlu differenza bejn kategoriji oġġettivament differenti ta’ traffiku. Bil-għan li jiġu ottimizzati l-kwalità globali u l-esperjenza tal-utent, kwalunkwe differenzjazzjoni ta’ dan it-tip għandha tiġi permessa biss abbażi ta’ rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz (pereżempju, f’termini ta’ latenza, jitter, telfien ta’ pakketti, u wisa’ tal-band) tal-kategoriji speċifiċi tat-traffiku, u mhux abbażi ta’ konsiderazzjonijiet kummerċjali. Tali miżuri ta’ differenzjazzjoni għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-għan ta’ ottimizzazzjoni tal-kwalità globali u għandhom jittrattaw it-traffiku ekwivalenti bl-istess mod. Tali miżuri m’għandhomx jinżammu aktar fit-tul minn dak li jkun meħtieġ.

[…]

(11)

Kwalunkwe prattika ta’ ġestjoni tat-traffiku li tmur lil hinn minn tali miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku, billi timblokka, tnaqqas il-veloċità, tibdel, tirrestrinġi, tinterferixxi fi, tiddegrada jew tiddiskrimina bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi, għandha tkun ipprojbita, soġġett għall-eċċezzjonijiet ġustifikati u definiti stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dawk l-eċċezzjonijiet għandhom jiġu soġġetti għal interpretazzjoni stretta u rekwiżiti ta’ proporzjonalità. L-applikazzjonijiet u s-servizzi speċifiċi, kif ukoll il-kategoriji speċifiċi tagħhom għandhom jiġu protetti minħabba l-impatt negattiv fuq l-għażla tal-utent aħħari u l-innovazzjoni tal-imblukkar, jew ta’ miżuri restrittivi oħrajn li ma jaqgħux taħt l-eċċezzjonijiet ġustifikati. Ir-regoli kontra tibdil fil-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi jirreferu għal modifika fil-kontenut tal-komunikazzjoni, iżda ma jipprojbixxux it-tekniki ta’ kompressjoni ta’ data nondiskriminatorja li jnaqqsu d-daqs ta’ fajl ta’ data mingħajr ebda modifika fil-kontenut. Tali kompressjoni tippermetti użu aktar effiċjenti ta’ riżorsi skarsi u tissodisfa l-interessi tal-utenti aħħarin billi jitnaqqsu l-volumi tad-data, tiżdied il-veloċità u titjieb l-esperjenza tal-użu tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew s-servizzi kkonċernati.”

5.

Skont l-Artikolu 1(1) (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”):

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin”.

6.

Konformement mal-Artikolu 2 tiegħu (“Definizzjonijiet”), “[g]ħall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21/KE” ( 5 ).

7.

L-Artikolu 3 (“Salvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ”) jipprovdi:

“1.   L-utenti aħħarin għandu jkollhom id-dritt li jaċċessaw u jxerrdu informazzjoni u kontenut, jużaw u jipprovdu applikazzjonijiet u servizzi u jużaw tagħmir terminali tal-għażla tagħhom, irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz permezz tas-servizz ta’ aċċess għall-Internet tagħhom.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, marbuta mal-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi.

2.   Ftehimiet bejn fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u utenti aħħarin dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet bħall-prezz, il-volumi jew il-veloċità tad-data, u kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, ma għandhomx jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-utenti aħħarin stipulati fil-paragrafu 1.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet għandhom jittrattaw it-traffiku kollu bl-istess mod, meta jipprovdu servizzi ta’ aċċess għall-Internet, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat.

L-ewwel subparagrafu ma għandux jipprevjeni lill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet milli jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku. Sabiex jitqiesu raġonevoli, dawn il-miżuri għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku. Miżuri bħal dawn m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku u ma għandhomx jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet ma għandhomx iwettqu miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jmorru lil hinn minn dawk imniżżla fit-tieni subparagrafu, u b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi ta’ dawn, ħlief kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex:

a)

ikun hemm konformità mal-atti leġislattivi tal-Unjoni, jew il-leġislazzjoni nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, li għaliha l-fornitur tas-servizzi tal-aċċess għall-Internet huwa soġġett, jew ma’ miżuri li huma konformi mal-liġi tal-Unjoni li jagħmlu effettivi tali atti leġislattivi tal-Unjoni jew leġislazzjoni nazzjonali, inklużi ordnijiet minn qrati jew awtoritajiet pubbliċi li jkunu ngħataw is-setgħat rilevanti;

b)

jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin;

c)

tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod.

[…]

5.   Il-fornituri tal-komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u l-fornituri ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi għandhom ikunu liberi li joffru servizzi għajr servizzi ta’ aċċess għall-Internet li jitħaddmu bl-aħjar mod għal kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew taħlita tagħhom, meta t-tħaddim bl-aħjar mod ikun meħtieġ sabiex jitħarsu r-rekwiżiti tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi għal livell speċifiku ta’ kwalità.

Il-fornituri ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet, jistgħu joffru jew jiffaċilitaw servizzi bħal dawn biss jekk il-kapaċità tan-netwerk tkun biżżejjed biex jiġu pprovduti flimkien ma’ kwalunkwe servizz ta’ aċċess għall-Internet ipprovdut. Servizzi bħal dawn ma għandhomx ikunu jistgħu jintużaw jew jiġu offruti bħala sostitut għal servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u ma għandhomx ikunu jagħmlu ħsara lid-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin”.

8.

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(1) (“Sorveljanza u infurzar”) jindika:

“L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jissorveljaw mill-qrib u jiżguraw konformità mal-Artikoli 3 u 4, u għandhom jippromwovu d-disponibbiltà kontinwa ta’ aċċess nondiskriminatorju għall-Internet f’livelli ta’ kwalità li jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija. Għal dawk il-finijiet l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jimponu rekwiżiti dwar karatteristiċi tekniċi, rekwiżiti minimi għall-kwalità tas-servizz u miżuri oħrajn xierqa u meħtieġa fuq fornitur wieħed jew aktar ta’ komunikazzjoni elettronika lill-pubbliku, inklużi fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet.”

B.   Id-Direttiva 2002/21

9.

L-Artikolu 2 jinkludi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“h)

‘utent’ tfisser entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi;

i)

‘konsumatur’ tfisser kull persuna naturali li tuża jew titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal għanijiet li huma barra n-negozju tiegħu jew tagħha, kummerċ jew professjoni;

[…]

n)

‘utent finali’ tfisser utent li ma jipprovdix networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jew servizzi pubbliċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.

[…]”

II. Il-fatti u d-domandi preliminari

A.   Il-Kawża C‑807/18

10.

Telenor Magyarország Zrt. (iktar ’il quddiem “Telenor”) hija waħda mill-fornituri ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Ungerija. Hija toffri, fost oħrajn, il-pakkett ta’ servizzi MyChat, li permezz tiegħu:

l-abbonat jibbenefika, bi ħlas, minn 1 GB ta’ data li tista’ tintuża skont kif jixtieq. Wara l-eżawriment ta’ dan il-volum ta’ data, l-aċċess għall-internet fil-parti l-kbira jonqos fil-veloċità ( 6 ).

l-abbonat jista’ madankollu jaċċedi f’kull ħin, mingħajr limitu u mingħajr restrizzjonijiet ta’ veloċità, għal ċerti applikazzjonijiet prinċipali ta’ netwerks soċjali jew ta’ messaġġi ( 7 ), mingħajr ma dan it-traffiku ta’ data jittieħed inkunsiderazzjoni għal-limitu ta’ 1 GB.

11.

B’hekk, bil-pakkett My chat, meta l-abbonat ikun ikkonsma 1 Gb ta’ data, it-traffiku sussegwenti ta’ data li tikkorrispondi għall-applikazzjonijiet mhux ipprivileġġati jkollu aċċessibbiltà limitata, b’veloċità bil-mod ħafna, li ma huwiex il-każ fir-rigward tal-applikazzjonijiet ipprivileġġati (dawk relatati man-netwerks soċjali msemmija iktar ’il fuq).

12.

In-Nemzeti Médiauro- és Hírközlési Hatóság Hivatala (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Midja u tal-Komunikazzjonijiet, l-Ungerija; iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) ( 8 ) ikkunsidra li l-pakkett MyChat seta’ jiġi kklassifikat bħala miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku, fil-forma ta’ prattika kummerċjali, li tagħti lill-abbonati użu illimitat u ta’ kwalità uniformi ta’ ċerti applikazzjonijiet magħżula, filwaqt li tnaqqas il-veloċità tal-aċċess għall-bqija tal-kontenut l-ieħor tal-internet.

13.

Għall-Uffiċċju, din il-miżura tmur kontra r-rekwiżiti ta’ trattament ekwu u ta’ nondiskriminazzjoni, imposti mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2015/2120, mingħajr ma tkun tista’ taqa’ taħt ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-istess dispożizzjoni. Konsegwentement, dan ordna lil Telenor sabiex teliminaha.

14.

Telenor ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija).

B.   Il-Kawża C‑39/19

15.

Telenor toffri wkoll il-pakkett ta’ servizzi komplementari MyMusic, taħt sistema ta’ ħlas bil-quddiem u abbonament ta’ kull xahar. Dan il-pakkett huwa disponibbli fi tliet forom (Start, Nonstop u Deezer) li permezz tagħhom jiġi ggarantit traffiku ta’ data iktar favorevoli għar-riċezzjoni ta’ kontenut mużikali u tar-radju.

16.

Skont il-kwota mensili magħżula ( 9 ), Telenor toffri lil min jabbona ruħu ma’ dawn l-offerti konsum ta’ data limitata (sa 500 MB fix-xahar, fil-MyMusic Start) jew illimitata (fiż-żewġ formoli l-oħra) sabiex persuna taċċedi għal erba’ pjattaformi ta’ mużika ( 10 ) b’mod kontinwu jew permezz ta’ streaming kif ukoll għal ċerti stazzjonijiet tar-radju online.

17.

It-traffiku ġġenerat fil-kuntest ta’ dawn il-pakketti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-volum ta’ data taħt kuntratt mill-abbonati. L-applikazzjonijiet mużikali jibqgħu jkunu aċċessibbli għal dawn tal-aħħar mingħajr restrizzjonijiet ta’ veloċità u lanqas imblokkar tal-broadband, inkluż wara li jkunu użaw il-volum ta’ data taħt kuntratt. Għall-kuntrarju, il-bqija tal-kontenut tal-internet mhux inkluż fl-applikazzjonijiet ipprivileġġati jiġġenera traffiku ta’ data li huwa suġġett għal ħlas u d-disponibbiltà tiegħu hija limitata.

18.

Fir-rigward ta’ dawn il-pakketti l-Uffiċċju adotta deċiżjoni simili għal dik meħuda għall-offerta MyChat (Kawża C‑807/19). Telenor ikkontestatha quddiem il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest).

19.

Fiż-żewġ kawżi, din il-qorti għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Ftehim kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ aċċess għall-internet u utent finali, li permezz tiegħu l-fornitur ta’ aċċess għall-internet japplika, fir-rigward tal-utent finali, għal dak li jikkonċerna ċerti applikazzjonijiet, tariffa żero (fi kliem ieħor, it-traffiku ġġenerat mill-applikazzjoni speċifika ma jingħaddx mal-konsum ta’ data eventwali, u lanqas ma jonqos fil-veloċità meta dan il-qafas ta’ data jintuża), u fejn id-distinzjoni tiġi stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim konkluż mal-utent finali, fil-qafas ta’ dan il-ftehim u biss lejn dan [l-utent] finali, u mhux lejn l-utenti finali li ma jkunux parti f’dan il-ftehim, għandu jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 2015/2120 […]?

2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl ukoll tal-premessa 7 tiegħu, huwa neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur, li jiġi eżaminat, fuq il-bażi tal-impatt u tas-suq, jekk il-miżuri tal-fornitur ta’ aċċess għall-internet effettivament ħolqux restrizzjoni, u sa liema portata, fuq id-drittijiet tal-utenti finali msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament?

3)

Indipendentement mid-domandi 1 u 2, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li l-projbizzjoni inkluża fih hija ta’ natura ( 11 ) ġenerali u oġġettiva, fis-sens li, fuq din il-bażi, huma pprojbiti l-miżuri kollha ta’ ġestjoni tat-traffiku li jistabbilixxu distinzjoni bejn il-kontenuti differenti tal-internet, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fornitur ta’ aċċess għall-internet ikun barra minn hekk għamel dan permezz ta’ ftehim, ta’ prattika kummerċjali jew ta’ aġir ieħor?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda, jista’ jiġi konkluż ukoll mingħajr ma jsiru valutazzjonijiet oħra tas-suq u tal-impatt, billi wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt tad-diskriminazzjoni nnifisha, li jeżisti ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament u għal din ir-raġuni l-eżami tal-konformità li jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament huwa ineffettiv f’każ bħal dan?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Id-domandi preliminari ġew irreġistrati fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Diċembru 2018 (Kawża C‑807/18) u fit-23 ta’ Jannar 2019 (Kawża C‑39/19).

21.

Telenor, l-Uffiċċju, il-Gvern Ungeriż, Ġermaniż, Awstrijak, Ċek, Sloven, Finlandiż, Olandiż u Rumen kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ressqu osservazzjonijiet bil-miktub.

22.

Waqt is-seduta tal‑14 ta’ Jannar 2020 intervjenew Telenor, l-Uffiċċju, il-Gvern Ungeriż, Ġermaniż, Olandiż u Sloven kif ukoll il-Kummissjoni.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

23.

It-tariffi inkwistjoni f’dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari jippermettu lill-klijenti abbonati magħhom jaċċedu għal ċerti applikazzjonijiet mingħajr ma t-traffiku tad-data ġġenerat mill-użu tagħhom jitnaqqas mill-volum ta’ data taħt kuntratt, li fir-rigward tiegħu tittieħed inkunsiderazzjoni biss id-data li tikkorrispondi mal-użu ta’ applikazzjonijiet oħra.

24.

It-“tariffa zero” twassal għal tnaqqis fil-veloċità tat-tniżżil tas-servizzi u tal-applikazzjonijiet mhux inklużi fl-offerta malli l-volum taħt kuntratt skont it-tariffa ġenerali jkun ġie eżawrit. Filwaqt li l-eżawriment tad-data taħt kuntratt ma jaffettwax l-aċċess għall-applikazzjonijiet ipprivileġġati u lanqas il-veloċità tal-użu tagħhom, l-applikazzjonijiet l-oħra jiġu bblokkati jew il-veloċità tonqos minn dan il-mument.

25.

Għall-Uffiċċju, dawn l-offerti jimplikaw miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jiksru l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120. Mitluba tistħarreġ din l-evalwazzjoni, il-qorti tar-rinviju tqajjem erba’ domandi preliminari li jistgħu jinġabru fi tnejn:

Minn naħa, fid-dawl ta’ liema paragrafu (2 jew 3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament 2015/2120 għandhom jiġu eżaminati t-tariffi (l-ewwel u t-tieni domanda).

Min-naħa l-oħra, fl-ipoteżi fejn l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 ikun applikabbli, jekk din id-dispożizzjoni timponix projbizzjoni ta’ natura ġenerali, oġġettiva u inkundizzjonata (it-tielet domanda) u, fl-affermattiv, jekk hijiex eskluża l-ħtieġa li ssir evalwazzjoni fattwali sabiex jiġi stabbilit jekk id-drittijiet tal-utenti finali (it-tieni u r-raba’ domanda) ġewx miksura.

1. L-għanijiet tar-Regolament 2015/2120

26.

Sabiex jiġu indirizzati dawn id-domandi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-Regolament 2015/2120 u, b’mod partikolari, l-istruttura tal-Artikolu 3 tiegħu.

27.

Ir-Regolament 2015/2120 jissodisfa l-għan doppju li jiġi ggarantit l-aċċess għal internet miftuħ u li jiġu protetti l-utenti finali. Fil-fehma tiegħi, it-tnejn li huma ma għandhomx l-istess piż speċifiku fl-istruttura tar-Regolament, li mid-dispożizzjonijiet tiegħu jirriżulta li l-ewwel wieħed (il-garanzija ta’ internet miftuħ) għandu prijorità.

28.

It-titolu stess tar-Regolament 2015/2120 jagħtih l-għażla ewlenija li jistabbilixxi “miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ” u, sussegwentement, dik li jemenda d-Direttiva 2002/22 “dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 12 ).

29.

Il-premessa 1 u l-Artikolu 1(1) tar-Regolament 2015/2120 isegwu l-istess linja, fejn dan tal-aħħar “jistabbilixxi regoli komuni biex jiġi salvagwardjat it-trattament indaqs u nondiskriminatorju tat-traffiku fil-forniment ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet u tad-drittijiet marbutin tal-utenti aħħarin” ( 13 ).

30.

Il-bqija tal-artikoli tar-Regolament 2015/2120 għandhom il-kompitu prinċipali li jiżguraw l-aċċess għal internet miftuħ ( 14 ). Dan iseħħ, b’mod partikolari, peremzz tal-Artikolu 3, li l-interpretazzjoni tiegħu hija s-suġġett tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari, li għandu bħala għan li jipprovdi, permezz tat-titolu tiegħu is-“[s]alvagwardja ta’ aċċess għal Internet miftuħ”. Dispożizzjonijiet oħrajn jirreferu għall-istess aċċess ( 15 ).

2. Id-drittijiet tal-utenti finali

31.

Taħt din l-intestatura, l-Artikolu 3(1) jelenka d-drittijiet tal-hekk imsejħa “utenti finali”. Sabiex jiġi identifikat min huma dawn l-“utenti finali”, għandu jsir riferiment, kif speċifikament stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/2120, għad-“definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/21”.

32.

L-Artikolu 2(n) tad-Direttiva 2002/21 jiddefinixxi l-“utent finali” bħala “utent li ma jipprovdix networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet jew servizzi pubbliċi ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”.

33.

Għaldaqstant, l-“utent finali” ma huwiex biss l-“utent” (kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 2002/21, bħala “entità legali jew persuna naturali li tuża jew li titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”) u lanqas il-“konsumatur” (li l-Artikolu 2(i) tal-istess direttiva jiddefinixxi bħala “kull persuna naturali li tuża jew titlob servizz pubblikament disponibbli ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għal għanijiet li huma barra n-negozju tiegħu jew tagħha, kummerċ jew professjoni”), iżda huwa, sabiex dan jiġi mifhum, kemm il-konsumatur li jaċċedi l-internet kif ukoll il-fornitur ta’ kontenut u ta’ applikazzjonijiet.

34.

Anki jekk it-terminoloġija tista’ tidher ekwivoka ( 16 ), il-persuna li tagħmel konnessjoni mal-internet permezz tal-apparat tagħha, fiss jew mobbli, u min jipprovdi l-kontenut u l-applikazzjonijiet jitqiesu bħala “utenti finali”, fis-sens tad-Direttiva 2002/21 (u, bħala riżultat, tar-Regolament 2015/2120) peress li huma wkoll jaċċedu għall-internet: kemm sabiex jiksbu informazzjoni u kontenut ipprovduti minn diversi fornituri, kif ukoll, fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, sabiex l-applikazzjonijiet, servizzi u kontenut tagħhom jirriżultaw aċċessibbli għall-pubbliku.

35.

Id-drittijiet tal-utent finali rrikonoxxuti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120 huma:

id-dritt ta’ aċċess għall-informazzjoni u għall-kontenut disponibbli fl-internet, kif ukoll it-tqassim tagħhom;

id-dritt li jintużaw u jiġu pprovduti applikazzjonijiet u servizzi;

id-dritt li jintuża t-tagħmir tat-terminals tal-għażla tiegħu stess.

36.

Dawn id-drittijiet jingħataw “irrispettivament mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur, jew il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz” ( 17 ). Minbarra dan, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) “huwa mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Unjoni jew il-liġi nazzjonali li hija konformi mal-liġi tal-Unjoni, marbuta mal-legalità tal-kontenut, l-applikazzjonijiet jew is-servizzi”.

37.

Fil-qosor, id-drittijiet tal-paragrafu 1 jiggarantixxu l-aċċess għal internet miftuħ fis-sens li l-utenti finali jistgħu jaċċedu għall-kontenut, għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi kollha kif ukoll li jipprovduhom u jqassmuhom mingħajr restrizzjonijiet fid-dawl tan-natura legali tagħhom.

3. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120

38.

Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2015/2120.

39.

Il-paragrafu 2 jistabbilixxi garanzija speċifika għad-drittijiet tal-paragrafu 1, b’tali mod li l-għan tiegħu huwa, kif diġà ntqal, il-protezzjoni tan-natura miftuħa tal-internet. F’din il-linja, il-paragrafu 2 jindika li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet ma jistax ikun limitat: a) għal ftehimiet bejn il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u għall-utenti finali li jirreferu għal “kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet” u b) għal “kwalunkwe prattika kummerċjali mwettqa mill-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet”.

40.

Id-differenza bejn il-“ftehimiet” u l-“prattiki kummerċjali” tirrigwarda, fil-fehma tiegħi, in-natura espliċita jew impliċita tal-kunsens tal-utenti finali fir-rigward tal-kundizzjonijiet kummerċjali u tekniċi, kif ukoll il-karatteristiċi tas-servizzi ta’ aċċess:

Għal dak li jirrigwarda l-ftehimiet l-utent finali kien espressament ta l-kunsens tiegħu għal dawn il-kundizzjonijiet meta nnegozjahom mal-fornitur.

Fir-rigward tal-prattiki kummerċjali l-kunsens jirriżulta mill-aċċettazzjoni impliċita, mill-parti l-oħra, tal-kundizzjonijiet stabbiliti unilateralment mill-fornituri ( 18 ).

41.

Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 jidentifika li “kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi u l-karatteristiċi ta’ servizzi ta’ aċċess għall-Internet” ma jistgħux jillimitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet irrikonoxxuti lill-utenti finali fil-paragrafu 1: dawk dwar il-“prezz, il-volumi jew il-veloċità”. Għalkemm din il-lista ma hijiex eżawrjenti, madankollu, fir-rigward ta dak li huwa rilevanti, dawn it-tliet elementi huma dawk l-iktar rilevanti.

4. L-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120

42.

Għalkemm l-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 jistabbilixxi garanzija speċifika għad-drittijiet tal-paragrafu 1, li hija intiża, għalhekk, li tissalvagwardja n-natura miftuħa tal-internet, il-paragrafu 3 jimponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet obbligu ta’ ġestjoni tat-traffiku tan-netwerk li għandu l-għan li jiżgura t-trattament ekwu u nondiskriminatorju tat-traffiku tal-internet ( 19 ).

43.

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 2015/2120, il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet huma obbligati, meta jipprovdu dawn is-servizzi, li jitrattaw “it-traffiku kollu bl-istess mod […], mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, u irrispettivament minn min jibgħat u min jirċievi, mill-kontenut aċċessat jew imxerred, mill-applikazzjonijiet jew is-servizzi użati jew ipprovduti, jew mit-tagħmir terminali użat” ( 20 ).

44.

Madankollu, tali mandat ma huwiex assolut. Il-paragrafu 3 jippermetti li l-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet “jimplimentaw miżuri raġonevoli ta’ ġestjoni tat-traffiku”. Dawn il-miżuri “għandhom ikunu trasparenti, nondiskriminatorji u proporzjonati, u ma għandhomx ikunu msejsa fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali iżda fuq rekwiżiti oġġettivament differenti għall-kwalità teknika tas-servizz ta’ kategoriji speċifiċi tat-traffiku”, u “m’għandhomx jissorveljaw il-kontenut speċifiku [u lanqas] jinżammu għal aktar żmien milli jkun meħtieġ”.

45.

Għalhekk huwa ammess trattament differenzjat (iżda mhux diskriminatorju) tat-traffiku meta dan ikun meħtieġ mill-ġestjoni teknikament effikaċi tiegħu.

46.

L-ekwilibriju delikat bejn l-obbligu li jingħata l-istess trattament lil kwalunkwe mezz ta’ aċċess għall-internet, minn naħa, u li dan it-traffiku jitmexxa b’mod effettiv, min-naħa l-oħra, iwassal għall-enumerazzjoni tal-aġir, permess jew ipprojbit, li jinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

47.

Skont din id-dispożizzjoni:

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet ma jistgħux jieħdu miżuri ta’ ġestjoni li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fit-tieni subparagrafu, filwaqt li “b’mod partikolari ma għandhomx jimblokkaw, inaqqsu l-veloċità ta’, ibiddlu, jirrestrinġu, jinterferixxu fi, jiddegradaw jew jiddiskriminaw bejn kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi speċifiċi, jew kategoriji speċifiċi […]”.

Madankollu, din il-projbizzjoni ma tirregolax “kif meħtieġ, u biss għal kemm ikun meħtieġ, sabiex” ċerti għanijiet, li fosthom għandhom jiġu enfasizzati dawk intiżi sabiex “jitħarsu l-integrità u s-sigurtà tan-netwerk, tas-servizzi pprovduti permezz ta’ dak in-netwerk, u tat-tagħmir tat-terminal tal-utenti aħħarin; [u] tiġi pprevenuta konġestjoni imminenti tan-netwerk u jittaffew l-effetti ta’ konġestjoni eċċezzjonali jew temporanja tan-netwerk, sakemm il-kategoriji ekwivalenti tat-traffiku jiġu trattati bl-istess mod” ( 21 ).

48.

Għalkemm il-Gvern Finlandiż isostni li r-regoli tal-Artikolu 3(3) jifformaw “ġabra awtonoma” meta mqabbla ma’ dawk tal-paragrafu 1 u 2 tal-istess dispożizzjoni ( 22 ), jiena pjuttost naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Ungeriż u tal-Kummissjoni, fis-sens li l-paragrafu 3 għandu wkoll bħala għan, l-istess bħall-paragrafu 2, il-garanzija tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-paragrafu 1 ( 23 ).

49.

Il-garanzija tal-ġestjoni ekwa u nondiskriminatorja tat-traffiku tal-internet hija kundizzjoni neċessarja sabiex in-netwerk ikun realment miftuħ għall-utenti finali. Dan il-ftuħ jippreżupponi l-possibbiltà li jkun hemm aċċess għall-kontenut, għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi disponibbli kif ukoll li jiġu pprovduti u mqassma mingħajr restrizzjonijiet ibbażati fuq kwalunkwe wieħed mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 3(1): “mill-post fejn jinsab l-utent aħħari jew il-fornitur [u] il-post, l-oriġini jew id-destinazzjoni [l]-informazzjoni, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz” aċċessibbli permezz tal-internet.

50.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2015/2120 jistabbilixxi diversi garanziji tad-drittijiet irrikonoxxuti fil-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni ( 24 ).

51.

Huwa fuq il-bażi ta’ dawn il-premessi li ser nanalizza d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

B.   Fuq id-dispożizzjoni rilevanti sabiex tiġi evalwata l-legalità tat-tariffa kkontestata (l-ewwel u t-tieni domanda)

52.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-deċiżjonijiet suġġetti għall-istħarriġ tagħha għandhomx jiġu eżaminati fid-dawl tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 (l-ewwel domanda) jew jekk, għall-kuntrarju, il-paragrafu 3 ta’ din l-istess dispożizzjoni huwiex applikabbli għaliha (it-tieni domanda).

53.

Għall-qorti tar-rinviju, hemm “[f]tehim kummerċjali konkluż bejn fornitur ta’ aċċess għall-internet [Telenor] u utent finali, li bis-saħħa tiegħu [Telenor], fil-konfront tal-utent finali, japplika, fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet, tariffa żero (fi kliem ieħor, it-traffiku ġġenerat mill-applikazzjoni partikolari ma jingħaddx fil-konsum ta’ data eventwali, u l-veloċità tiegħu lanqas ma hija mnaqqsa meta dan il-pakkett ta’ data jispiċċa), u d-differenzazzjoni hija stabbilita [minn Telenor] biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali konkluż mal-utent finali u biss kontra l-utent finali li huwa parti minn dan il-ftehim, u mhux kontra l-utent finali li ma humiex parti minnu” ( 25 ).

54.

Kif enfasizza l-Gvern Ġermaniż, skont dan il-ftehim, il-fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet japplika miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku. Dan jikkonstata, fil-fatt, fid-digrieti tar-rinviju, li Telenor ma tiċħadx li […] tiġi prodotta ġestjoni ta’ traffiku differenti skont jekk ikunux applikazzjonijiet magħżula jew kontenut ieħor tal-internet. B’mod partikolari, din il-ġestjoni tissarraf fit-tnaqqis fil-veloċità tal-aċċess għal dan il-kontenut tal-aħħar.

55.

Jekk din hija s-sitwazzjoni, il-fornituri tal-applikazzjonijiet mhux magħżula jingħataw, bħala “utenti finali”, trattament diskriminatorju meta pparagunati mal-fornituri tal-applikazzjonijiet ipprivileġġati mill-ftehim kummerċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, dawk tal-ewwel ikunu l-iktar ippreġudikati direttament minn dan il-ftehim. Huwa minnu li l-abbonati li jissottoskrivu għall-ftehim u li, għaldaqstant, huma wkoll “utenti finali”, ma jsofrux tali diskriminazzjoni diretta. Madankollu, mhux għal din ir-raġuni ser jieqfu milli jsofru indirettament il-konsegwenzi tat-trattament mogħti lill-fornituri mhux ipprivileġġati peress li, fl-aħħar mill-aħħar, jitnaqqsu l-possibbiltajiet tagħhom ta’ aċċess għall-kontenut disponibbli, fin-netwerk, iggarantit mid-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament 2015/2120.

56.

Fil-fehma tiegħi, din il-miżura ta’ tnaqqis fil-veloċità tat-trażmissjoni, oġġettiva u ta’ konstatazzjoni faċli, tikkorrispondi naturalment mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, li jiċċita t-“tnaqqis” bħala wieħed mill-modalitajiet ta’ ġestjoni tat-traffiku li bħala prinċipju huma pprojbiti (bla ħsara għall-każijiet eċċezzjonali previsti sussegwentement mil-leġiżlatur) ( 26 ).

57.

It-tnaqqis tal-aċċess għall-applikazzjonijiet u kontenut distinti minn dawk ipprivileġġati ġie nnegozjat permezz tal-ftehim bejn Telenor u l-abbonati tagħha. Għalhekk jista’ jsir riferiment għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120, li jipprojbixxi l-ftehimiet“dwar kondizzjonijiet kummerċjali u tekniċi” ( 27 ).

58.

Il-kwistjoni li ġejja hija liema miż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 għandu jiġi applikat meta, bħalma huwa l-każ hawnhekk, miżura ta’ tnaqqis ta’ veloċità tat-traffiku kienet ġiet inkluża fi ftehim bejn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u l-abbonati tiegħu.

59.

Fir-realtà, il-kwistjoni ma hijiex rilevanti mill-pespettiva tal-effetti finali: ikun liema jkun il-paragrafu applikabbli, il-korollarju jirriżulta l-istess (jiġfieri, in-natura illeċita tal-miżura kkontestata u, għaldaqstant, tal-ftehim li jistabbilixxiha). Madankollu, dan jista’ jservi sabiex jiġi ppreċiżat minn liema sitwazzjoni din l-illegalità tirriżulta:

Sabiex jikkonformaw ruħhom mal-Artikolu 3(2), kif jirriżulta mill-premessa 7 tar-Regolament 2015/2120, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati li jirreferu għall-“iskala” tal-ftehim billi jibbilanċjaw, “fost l-oħrajn, [il-]pożizzjonijiet rispettivi fis-suq ta’ dawk il-fornituri tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet, u tal-fornituri tal-kontenut, l-applikazzjonijiet u s-servizzi, li huma” involuti, u li għandhom jintervjenu meta l-ftehim ikun ta’ natura li “l-essenza tad-drittijiet […] aħħarin tiddgħajjef” fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-internet miftuħ ( 28 ).

Min-naħa l-oħra, sabiex ikun hemm konformità mal-Artikolu 3(3), kull kunsiderazzjoni ċirkostanzjali hija eskluża peress li l-obbligu ta’ trattament ekwu huwa meħtieġ “indipendentement minn min jibgħat jew minn min jirċievi, il-kontenut, l-applikazzjoni jew is-servizz, jew it-tagħmir tat-terminal” ( 29 ).

60.

F’dan il-kuntest, naqbel mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandha tingħata preferenza lill-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

61.

Fil-fatt, peress li t-trattament ekwu u nondiskriminatorju huwa prerekwiżit u neċessarju għas-salvagwardja tal-aċċess għall-internet miftuħ ( 30 ), huwa biss meta dan l-aċċess jiġi ggarantit teknikament li għandu jiġi evitat li jiġi limitat b’mod ieħor, kemm jekk b’mod kuntrattwali jew skont prattiki kummerċjali ( 31 ).

62.

Għalhekk inqis li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 jinkludi dispożizzjoni ġenerali li konformement magħha għandhom jiġu analizzati, minn qabel, il-ftehimiet u l-prattiki kummerċjali kollha. Ladarba skartati l-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li ma jkunux konformi mal-kundizzjonijiet previsti f’dan il-paragrafu 3, sussegwentement tista’ tiġi eżaminata l-legalità ta’ dawn il-ftehimiet u prattiki fid-dawl tal-paragrafu 2. Huwa tassew ċar li, bħal ma josserva l-Gvern Rumen, ma huwiex possibbli li permezz ta’ kuntratt issir eċċezzjoni għall-projbizzjoni tat-trattament diskriminatorju li tinsab fil-paragrafu 3.

63.

Id-distinzjoni li ssir bejn l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2015/2120 ma jikkonċernax id-distinzjoni bejn ftehimiet (paragrafu 2), minn naħa, u miżuri unilaterali (paragrafu 3), min-naħa l-oħra, bħal ma ssostni Telenor. Lanqas ma tikkonċerna d-differenza bejn kundizzjonijiet kummerċjali (paragrafu 2) u l-kundizzjonijiet tekniċi (paragrafu 3) peress li l-paragrafu 2 jirreferi għal waħda u għall-oħra.

64.

Fil-fehma tiegħi, id-distinzjoni rilevanti hija dik relatata mal-ksur immedjat tad-drittijiet tal-utenti finali stabbiliti mill-paragrafu 1, minn naħa, u l-ksur indirett ta’ dawn id-drittijiet, permezz ta’ miżuri diskriminatorji ta’ ġestjoni tat-traffiku, min-naħa l-oħra:

F’dan it-tieni każ, il-miżura diskriminatorja tal-ġestjoni tat-traffiku hija illegali minħabba ksur tal-paragrafu 3, peress li permezz tagħha jkun inkiser obbligu ta’ trattament ekwu, kundizzjoni obbligatorja sabiex jiġu applikati d-drittijiet tal-paragrafu 1.

Fl-ewwel każ, għalkemm il-mandat tal-paragrafu 3 ġie osservat, dawn id-drittijiet setgħu ġew miksura jekk, minkejja l-ġestjoni ekwa tat-traffiku, il-konsumatur jiġi inċentivat b’xi mod sabiex juża prinċipalment jew esklużivament ċerti applikazzjonijiet ( 32 ).

C.   Fuq in-natura tal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120 (it-tieni, it-tielet u r-raba’ domanda)

65.

Permezz tal-argumenti preċedenti huma kkontestati, essenzjalment, id-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-projbizzjoni kkontemplata fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120.

66.

Niddeduċi li din il-projbizzjoni għandha natura ġenerali, inkundizzjonata u oġġettiva, billi tipprekludi kull miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku li ma tkunx raġonevoli (fis-sens ta’ dan il-paragrafu 3) u ma tikkontribwixxix għat-trattament ekwu u nondiskriminatorju tal-imsemmi traffiku.

67.

Naqbel mal-Kummissjoni dwar il-fatt li, ladarba jiġi kkonstatat ksur tal-Artikolu 3(3), ma huwiex indispensabbli li jiġi stabbilit jekk, barra minn hekk, inkisirx il-paragrafu 2 tal-istess artikolu (li jwassal għal evalwazzjoni ddettaljata tas-suq u tal-impatt tal-miżura inkwistjoni), bla ħsara li d-dritt proċedurali tal-Istati Membri jista’ jirreferi għal xi ħaġa oħra.

V. Konklużjoni

68.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kif ġej:

“L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

Ftehim kummerċjali bejn fornitur ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet u abbonat, li fir-rigward tiegħu tiġi applikata tariffa ta’ spejjeż żero fir-rigward ta’ ċerti applikazzjonijiet u li titnaqqas il-veloċità tal-aċċess għal oħrajn, ladarba l-volum ta’ data taħt kuntratt jiġi kkonsmat, jinkludi miżura ta’ ġestjoni tat-traffiku li tikser ir-rekwiżit ta’ trattament ekwu u nondiskriminatorju tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, ħlief jekk ikun jista’ jsir riferiment għall-eċċezzjonijiet inklużi f’dan il-paragrafu, liema kwistjoni għandha tiġi kkjarifikata mill-qorti tar-rinviju.

Ladarba dan il-ksur jiġi kkonstatat, ma huwiex neċessarju li jiġi speċifikat jekk inkisrux ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament 2015/2120 u lanqas li ssir evalwazzjoni ddettaljata tas-suq u tal-impatt tal-miżura”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2015, L 310, p. 1).

( 3 ) It-terminu komunement użat fid-diskussjoni politika, ekonomika, teknoloġika u akkademika huwa dak ta’ “newtralità tan-netwerk”. Madankollu, ir-Regolament 2015/2120 juża dan it-terminu biss meta jiddikjara, fil-premessa 2, li d-dispożizzjonijiet tiegħu “jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, jiġifieri li la jimponu u lanqas jiddiskriminaw favur l-użu ta’ tip partikolari ta’ teknoloġija”. Għalhekk din hija denominazzjoni użata bi profili speċifiċi ħafna. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3(3) tar-Regolament jirreferi, b’mod iktar wiesa’, għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tat-traffiku tal-internet kollu kemm hu, fejn jirreferi, naturalment, għan-“newtralità teknoloġika”, iżda wkoll għal dik li tirriżulta mit-trattament nondiskriminatorju ta’ min jibgħat, min jirċievi, il-kontenut, applikazzjonijiet jew servizzi.

( 4 ) Premessa 3 tar-Regolament 2015/2120.

( 5 ) Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 8).

( 6 ) B’mod konkret, is-sistema tnaqqas għal massimu ta’ 32 kbit/s il-veloċità ta’ tlugħ u ta’ tniżżil.

( 7 ) Facebook, Facebook Messenger, Whatsapp, Instagram, Twitter u Viber.

( 8 ) Id-deċiżjoni inizjali tal-Uffiċċju ġiet ikkonfermata min-Nemzeti Média- és Hírközlési Hatóság Elnöke (il-President ta’ dan l-uffiċċju).

( 9 ) It-tariffa tal-pakketti MyMusic hija b’mod partikolari inferjuri għal dik tal-pakketti ta’ 500 Mb jew tal-volum illimitat disponibbli bl-istess abbonamenti.

( 10 ) Deezer, Apple Music, Tidal u Spotify.

( 11 ) Id-domanda tal-Kawża C‑39/19 tinkludi l-aġġettiv “inkundizzjonata”.

( 12 ) It-tielet għan tar-Regolament 2015/2120, li ma huwiex ta’ interess f’dan il-każ, huwa l-emenda tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2012, L 172, p. 10).

( 13 ) Korsiv miżjud. Din il-klawżola tikkwalifika, biex jingħad hekk, id-drittijiet tal-utenti finali, li huma intiżi fir-rigward tal-ħarsien tat-trattament mogħti għat-traffiku fil-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet.

( 14 ) L-aċċess għal internet miftuħ ma għandux skop ieħor, fl-aħħar mill-aħħar, ħlief li jiggarantixxi l-“funzjonament tal-ekosistema tal-Internet bħala mutur ta’ innovazzjoni” (premessa 3). Dan kollu huwa favur l-interess ġenerali, u għaldaqsant, permezz ta’ diversi drittijiet individwali, fost oħrajn, id-dritt għall-informazzjoni jew il-libertà tal-espressjoni, Madankollu, id-drittjiet li r-Regolament 2015/2120 jirrikonoxxi immedjatament lill-utenti finali huma dawk marbuta strettament mal-aċċess għal internet miftuħ u għalhekk relatati mal-modalitajiet u mal-kundizzjonijiet ta’ dan l-aċċess.

( 15 ) L-Artikolu 4 tar-Regolament 2015/2120 jirreferi għall-[m]iżuri ta’ trasparenza biex jiġi żgurat aċċess għal Internet miftuħ”. L-Artikoli 5 u 6 jirrikonoxxu, rispettivament, “[s]orveljanza u infurzar” u “[p]enali” fir-rigward tal-konformità mal-Artikoli 3, 4 u 5.

( 16 ) It-terminu “utenti finali” ma huwiex dak ideali, sa fejn ma jiħux inkunsiderazzjoni l-identifikazzjoni tal-fornituri bħala suġġetti inklużi fil-kategorija mfassla minn din l-espressjoni. Il-Gvern Ġermaniż, dak Awstrijak u dak Sloven insistew li l-fornituri ta’ kontenut huma wkoll “utenti finali”, skont ir-Regolament 2015/2120. Il-Kummissjoni kkorroborat dan billi rreferiet għaċ-ċitazzjoni tas-silta korrispondenti tal-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni mir-regolaturi nazzjonali tar-regoli dwar in-newtralità tan-netwerk (BoR (16) 127), approvati mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC)

( 17 ) Id-dispożizzjoni ssemmi separatament lill-“utenti finali” u lill-“fornitur”. Fil-fehma tiegħi, bi żball, minħabba d-definizzjoni tal-ewwel kunċett, li jinsab fl-Artikolu 2(n) tad-Direttiva 2002/21. Il-leġiżlatur tar-Regolament 2015/2120 jidher li kien vittma tan-nuqqas ta’ preċiżjoni kunċettwali tal-espressjoni “utenti finali”, li għadni kemm irreferejt għaliha fin-nota ta’ qiegħ il-paġna preċedenti.

( 18 ) Anki jekk id-delimitazzjoni kunċettwali bejn il-“ftehimiet” u l-“prattiki” ma hijiex deċiżiva, għandu jiġi osservat li fil-punt 33 (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 10) tal-Linji Gwida dwar l-implimentazzjoni mir-regolaturi nazzjonali tar-regoli dwar in-newtralità tan-netwerk (BoR (16) 127), il-BEREC jirreferi għall-possibbilttà li, sa ċertu limitu, tintuża d-definizzjoni ta’ “prattiki kummerċjali” tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU 2005, L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86). L-unilateralità hija waħda mill-elementi determinanti tal-kunċett: “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”,

( 19 ) Sabiex tiġi evitata konfużjoni, minkejja li jintuża minn diversi partijiet f’dawn il-proċeduri, kont nevita t-terminu “newtralità” (ara n-nota’ ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u kont nuża unikament l-espressjoni “prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament”. Dwar din id-diskussjoni dottrinali rigward in-newtralità tal-internet, ara, Robles Carrillo, Margarita: “El modelo de neutralidad de la red en la Unión Europea: Alcance y contenido”, f’Revista de Derecho Comunitario Europeo, 63 (2019), p. 449 sa 488.

( 20 ) Ir-riferiment għat-“tagħmir terminali użat” jifformalizza l-prinċipju ta’ “newtralità teknoloġika” imsemmi fil-premessa 2 ta’ dan ir-regolament. Il-bqija tad-dispożizzjoni tistabbilixxi obbligu tipiku ta’ trattament nondiskriminatorju. Dan huwa kkorroborat mill-premessa 8 tar-Regolament, li, filwaqt li jirriproduċi sostanzjalment it-test tal-Artikolu 3(3), iżid li, “[s]kont il-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni u l-każistika stabbilita, sitwazzjonijiet komparabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod dment li dan it-trattament ma jiġix ġustifikat b’mod oġġettiv”.

( 21 ) Ma’ dawn il-kundizzjonijiet jiżdiedu oħrajn li ma jinteressawniex issa. Għalhekk, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament 2015/2120 jistipula li l-miżuri li jimplikaw l-ipproċessar ta’ data personali ser ikunu ammissibbli biss jekk dan it-trattament ikun neċessarju u proporzjonali sabiex jitwettqu l-għanijiet tal-paragrafu 3 u jitwettqu mar-regola tal-Unjoni fil-qasam ta’ protezzjoni ta’ data. L-Artikolu 3(5) jippermetti li jiġu offruti servizzi biex jiżdied l-aċċess għall-internet, dejjem jekk, fost kundizzjonijiet oħra, ma jkunux “jagħmlu ħsara lid-disponibbiltà jew il-kwalità ġenerali tas-servizzi ta’ aċċess għall-Internet għall-utenti aħħarin”.

( 22 ) Paragrafu 15 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Finlandiż.

( 23 ) F’din l-istess linja, il-Gvern Awstrijak javża li l-ksur tal-Artikolu 3(3) jinkludi l-ksur tad-drittijiet tal-paragrafu 1 tal-istess artikolu, biex b’hekk ma jiħux inkunsiderazzjoni l-awtonomija bejn iż-żewġ paragrafi.

( 24 ) Bħal ma kelli l-okkażjoni li niddiskuti waqt is-seduta, jeżisti ċertu paralleliżmu bejn iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 4(1). F’dan tal-aħħar, meta tiġi ppreċiżata l-informazzjoni li għandha tiġi kkonstatata fi kwalunkwe kuntratt ta’ servizzi ta’ aċċess għall-internet, isir riferiment għall-effetti prattiċi kemm tal-miżuri possibbli tal-ġestjoni tat-traffiku (li għalihom jirreferi l-Artikolu 3(3)), kif ukoll il-parametri ta’ kwalità tas-servizz miftiehma bejn il-partijiet (il-kundizzjonijiet kuntrattwali li huma s-suġġett tal-Artikolu 3(2)). Fiż-żewġ każijiet inkwistjoni, b’mod definittiv, għandha tingħata informazzjoni dwar il-garanziji li permezz tagħhom iż-żewġ paragrafi tal-Artikolu 3 huma intiżi li jipproteġu d-drittijiet rikonoxxuti fil-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni.

( 25 ) Kif diġà intwera (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), konformement mar-Regolament 2015/2120, il-konsumatur huwa wieħed mill-utenti finali u f’din l-istess kategorija huma inklużi wkoll il-fornituri ta’ kontenut u ta’ applikazzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi mifhum li l-ftehim li huwa s-suġġett tal-kawża jwassal sabiex “distinzjoni tiġi stabbilita biss skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim kummerċjali konkluż mal-konsumatur u li taffettwa unikament lil dan l-istess konsumatur”. Fi kliem ieħor, il-kundizzjonijiet stipulati (fost oħrajn, il-miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku li jnaqqsu l-aċċess għal ċerti applikazzjonijiet) jistgħu jiġu applikati biss lill-konsumatur li jkun issottoskriva għall-kuntratt. Bħala konsegwenza, ma jitnaqqasx b’mod ġenerali u għall-utenti finali kollha t-traffiku tal-applikazzjonijiet kollha disponibbli fuq l-internet, iżda t-traffiku bejn l-utenti finali (abbonat) li ssottoskriva l-ftehim u l-utenti finali (fornitur) li jiffaċilita l-applikazzjonijiet esklużi.

( 26 ) F’din il-linja nsibu l-linji gwida tal-BEREC, li dwar il-valur interpretattiv ġenerali tagħhom, sakemm ma jkunx vinkolanti, qablu dwaru l-partijiet waqt is-seduta.

( 27 ) Korsiv miżjud.

( 28 ) Ġie diskuss waqt is-seduta l-eventwali effett tad-distinzjoni magħmula fil-premessa 7 fil-każijiet fejn l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali “għandu jkollhom is-setgħa li jintervjenu kontra ftehimiet jew prattiki kummerċjali” u dawk il-każijiet fejn dawn l-awtoritajiet “għandhom […] jiġu meħtieġa jintervjenu”. Fil-fehma tiegħi, l-ewwel każ jirrigwarda sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali jippermetti l-intervent ta’ dawk l-awtoritajiet kontra l-ftehimiet u prattiki kummerċjali. Fit-tieni każ, ladarba awtorizzati, l-awtoritajiet regolatorji jintervjenu obbligatorjament meta jikkonstataw l-eżistenza ta’ ftehimiet u prattiki miftiehma li jmorru kontra r-Regolament 2015/2120.

( 29 ) Premessa 8 tar-Regolament 2015/2120.

( 30 ) Ara iktar ’il fuq, punt 50.

( 31 ) F’dan ir-rigward, ara l-punt 28 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi.

( 32 ) Il-Kummissjoni tirreferi għall-ipoteżi ta’ offerti ta’ tariffa żero flimkien ma’ limitu ta’ traffiku baxx ħafna fir-rigward tat-traffiku ta’ data preċiż bl-użu medju tal-kontenut tal-internet, liema fatt iħeġġeġ lill-konsumatur juża unikament il-kontenut ta’ tariffa żero (punt 51 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha). Fi kwalunkwe każ, bħal ma ntqal diġà, il-ftehim inkwistjoni jinkludi miżura teknika ta’ ġestjoni li tmur kontra l-Artikolu 3(3) tar-Regolament 2015/2120, suffiċjenti sabiex tikklassifikah bħala illegali fil-każ fejn kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra dwar l-eventwali ksur tal-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni tirriżulta ipotetika u, fl-aħħar mill-aħħar, dispensabbli għall-eżitu tat-tilwima a quo.