KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fil-21 ta’ Jannar 2020 ( 1 )

Kawża C‑746/18

H. K.

vs

Prokuratuur

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis‑settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi – Kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data dwar it-traffiku u tad-data dwar il-lokalizzazzjoni – Investigazzjonijiet kriminali – Aċċess tal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għad‑data miżmuma għal perijodi minn jum sa sena – Awtorizzazzjoni mogħtija mill‑Uffiċċju tal-Prosekutur – Użu ta’ data fil-kuntest tal‑proċess kriminali bħala provi – Direttiva 2002/58/CE – Artikolu 1(3), Artikolu 3 u Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll l‑Artikolu 52(1)”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l‑ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika) ( 2 ), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 ( 3 ), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea ( 4 ).

2.

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali kontra H. K., minħabba l-fatt li din tal-aħħar wettqet diversi serqiet, użat kard bankarja ta’ ħaddieħor u wettqet atti ta’ vjolenza fil-konfront ta’ persuna li hija parti fi proċedura ġudizzjarja.

3.

Il-proċessi verbali li fuqhom hi bbażata l-konstatazzjoni ta’ dawn ir-reati ġew ippreparati b’mod partikolari abbażi ta’ data ta’ natura personali ġġenerata fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Ir-Riigikohus (il‑Qorti Suprema, l-Estonja) tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà mad‑dritt tal-Unjoni taċ-ċirkustanzi li fihom is-servizzi ta’ investigazzjoni kellhom aċċess għal din id-data.

4.

Dawn id-dubji jikkonċernaw, fl-ewwel lok, il-kwistjoni dwar jekk it-tul tal-perijodu li fih is-servizzi ta’ investigazzjoni kellhom aċċess għad-data jikkostitwixxix kriterju li jippermetti li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil li jikkostitwixxi dan l-aċċess fil-konfront tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati.

5.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk il-Prokuratuur (l-Uffiċċju tal-Prosekutur, l-Estonja), fid-dawl tad-doveri differenti fdati lilu bil-leġiżlazzjoni Estonjana, jikkostitwixxix awtorità amministrattiva “indipendenti” fis-sens tas‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et ( 5 ).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-Direttiva 2002/58

6.

Skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, din “ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il‑benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali”.

7.

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, jipprevedi li “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l‑kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l‑Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id‑Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l‑prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46/KE [ ( 6 )]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għarr-raġunijiet stabbiliti f’dan il-paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea”.

B.   Id-dritt Estonjan

1. Il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

8.

L-elektroonilise side seadus (il-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi) ( 7 ), tat-8 ta’ Diċembru 2004, fil-verżjoni tagħha applikabbli fil‑kawża prinċipali, tistipula, fl-Artikolu 1111 tagħha, intitolat “Obbligu li żżomm id-data”:

“[…]

(2)   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ta’ telefonija ċellulari kif ukoll ta’ network ta’ servizzi ta’ telefonija fissa u ta’ telefonija ċellulari huma obbligati jżommu d-data segwenti:

1)

in-numru ta’ min jagħmel it-telefonata kif ukoll l-isem u l-indirizz tal‑abbonat;

2)

in-numru ta’ min jirċievi t-telefonata kif ukoll l-isem u l-indirizz tal‑abbonat;

3)

f’każ ta’ servizzi kumplimentari, bħar-rinviju jew it-trasferiment ta’ telefonata, in-numru użat kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-abbonat;

4)

id-data kif ukoll il-ħin li fih inbdiet u ntemmet it-telefonata;

5)

is-servizz ta’ telefonija fissa jew ċellulari użat;

6)

l-identità internazzjonali tal-abbonat ċellulari (International Mobile Subscriber Identity – IMSI) ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha;

7)

l-identità internazzjonali tal-apparat ċellulari (International Mobile Equipment Identity – IMEI) ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha;

8)

l-identifikatur ċellulari fil-mument li fih bdiet it-telefonata;

9)

id-data li tidentifika l-lokalizzazzjoni ġeografika taċ-ċellola fil‑konfront tal-identifikatur ċellulari matul il-perijodu li fih tinżamm id-data;

10)

f’każ ta’ servizzi ta’ telefonija ċellulari anonimi bi ħlas minn qabel, id-data u l-ħin tal-ewwel attivazzjoni tas-servizz kif ukoll l-identità ta’ lokalizzazzjoni minn fejn is-servizz ġie attivat.

[…]

(4)   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu għandha tinżamm għal perijodu ta’ sena mid-data tal-komunikazzjoni, jekk din ġiet iġġenerata jew ipproċessata waqt il-provvista tas-servizz ta’ komunikazzjoni […]

[…]

(11)   Id-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu għandha tiġi ttrasferita:

1)

skont il-kriminaalmenetluse seadustik [il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali ( 8 )], lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, lill‑awtorità inkarigata sabiex tadotta miżuri ta’ sorveljanza, lill‑Uffiċċju tal-Prosekutur, lill-qorti;

[…]”

2. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali

9.

L-Artikolu 17 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali, intitolat “Partijiet fi proċeduri ġudizzjarji”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Huma partijiet fil-proċeduri: l-Uffiċċju tal-Prosekutur […]”

10.

Skont l-Artikolu 30 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “L-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-proċeduri kriminali”:

“(1)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jmexxi l-investigazzjoni preliminari, billi jiżgura l-legalità u l-effettività tagħha, u għandu jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt il-proċess.

(2)   Il-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-kuntest tal-proċeduri kriminali huma eżerċitati f’ismu minn prosekutur li jaġixxi b’mod indipendenti u li huwa suġġett biss għal-liġi.”

11.

L-Artikolu 901 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “Talba għal data mill-impriżi ta’ komunikazzjoni”, jistipula, fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“(2)   L-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni tista’, fuq awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur matul investigazzjoni preliminari jew fuq awtorizzazzjoni tal-qorti matul proċess quddiemha, titlob lil impriża ta’ komunikazzjoni elettronika sabiex tforni d-data elenkata fl-Artikolu 1111(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li ma hijiex iċċitata fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu. Din l‑awtorizzazzjoni għandha tindika b’mod preċiż id-dati relatati mal‑perijodu li dwaru tista’ tintalab id-data.

(3)   It-talbiet għall-provvista ta’ data fis-sens ta’ dan l-artikolu ma jistgħux isiru ħlief jekk huma assolutament neċessarji sabiex jintlaħaq l‑għan tal-proċeduri kriminali.”

12.

L-Artikolu 211 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, intitolat “Għan tal-investigazzjoni preliminari”, huwa redatt kif ġej:

“(1)   L-għan tal-investigazzjoni preliminari huwa l-ġbir tal-provi u l‑ħolqien ta’ kundizzjonijiet oħra neċessarji sabiex isir proċess.

(2)   Matul l-investigazzjoni preliminari, l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni u l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom jivverifikaw il‑provi inkriminanti u skaġunanti miġbura kontra l-persuna ssuspettata jew il-persuna akkużata.”

3. Il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur

13.

Il-prokuratuuriseadus (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur) ( 9 ), tat-22 ta’ April 1998, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, tistipula, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “L-Uffiċċju tal‑Prosekutur”:

“(1)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa awtorità governattiva li taqa’ taħt il-Justiitsministeeriumi [il-Ministeru tal-Ġustizzja, l-Estonja], li jipparteċipa fl-ippjanar tal-miżuri ta’ sorveljanza neċessarji fil-ġlieda u fl‑iskoperta ta’ reati kriminali, imexxi l-investigazzjoni preliminari kriminali, filwaqt li jiżgura l-legalità u l-effettività tagħha, jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni matul il-proċess u jaqdi d-doveri l-oħra li jaqgħu fuq l‑Uffiċċju tal-Prosekutur skont il-liġi.

(11)   L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jaqdi b’mod indipendenti d-doveri li huma mogħtija lilu skont il-liġi u għandu jaġixxi billi jibbaża ruħu fuq din il-liġi, fuq liġijiet oħra u fuq l-atti adottati bis-saħħa tagħhom.

[…]”

14.

L-Artikolu 2 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur, intitolat “Il‑Prosekutur”, jistipula, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Il-Prosekutur għandu jaqdi d-doveri tiegħu b’mod indipendenti u għandu jaġixxi biss skont il-liġi u skont il-konvinzjoni tiegħu.”

III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15.

Permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ April 2017, H. K. ġiet ikkundannata, mill-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru, l-Estonja), għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn talli wettqet, matul il‑perijodu ta’ bejn l-4 ta’ Awwissu 2015 u l-1 ta’ Frar 2016, tmien serqiet ta’ prodotti tal-ikel u ta’ oġġetti oħra materjali ta’ valur ta’ bejn EUR 3 u EUR 40 kif ukoll somom ta’ flus f’ammonti bejn EUR 5.20 u EUR 2100, talli użat il-kard bankarja ta’ persuna oħra sabiex tiġbed flus minn distributur awtomatiku, u kkawżat lil din il-persuna dannu ta’ EUR 3 941.82 u talli wettqet atti ta’ vjolenza fil-konfront ta’ persuna li kienet parti fi proċeduri ġudizzjarji ( 10 ).

16.

Sabiex tikkundanna lil H. K. għal dawn ir-reati, il-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru) kienet, fost l-oħrajn, ibbażat ruħha fuq diversi proċessi verbali ppreparati abbażi ta’ data relatata ma’ komunikazzjonijiet elettroniċi, imsemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, li l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni kienet ġabret mingħand fornitur ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni matul l-investigazzjoni preliminari, wara li kisbet, bis-saħħa tal-Artikolu 901(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, awtorizzazzjonijiet mogħtija minn prosekutur tal-Viru Ringkonnaprokuratuur (prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad‑distrett ta’ Viru, l-Estonja).

17.

B’hekk, fit-2 ta’ Novembru 2015, prosekutur tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur tad-distrett ta’ Viru awtorizza lill-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni titlob lill‑impriża ta’ telekomunikazzjonijiet sabiex tagħti d-data msemmija fl‑Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, sabiex tistabbilixxi, permezz ta’ żewġ numri ta’ telefon ċellulari ta’ H. K., it-trażmissjoni ta’ komunikazzjonijiet u ta’ messaġġi, it-tul tagħhom u l‑mod kif saret it-trażmissjoni, kif ukoll id-data personali u l‑lokalizzazzjoni tal-persuna li għamlet jew bagħtet it-telefonata u tal‑persuna li rċeviet/id-destinatarja tat-telefonata fil-21 ta’ Settembru 2015.

18.

Fl-4 ta’ Novembru 2015, l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni ppreparat proċess verbal dwar id-data miksuba mill‑impriża ta’ telekomunikazzjoni bis-saħħa ta’ din l-awtorizzazzjoni, li fih kien hemm indikati l-arbli tax-xandir li fir-raġġ tagħhom in-numru tal-abbonat użat minn H. K. kien intuża fil-21 ta’ Settembru 2015 wara s‑7 ta’ filgħaxija. L-Uffiċċju tal-Prosekutur ried, bis-saħħa ta’ dan il-proċess verbal u provi oħra, juri lill-qorti li H. K. kienet wettqet is-serq li seħħ fil-21 ta’ Settembru 2015.

19.

Fil-25 ta’ Frar 2016, prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad‑distrett ta’ Viru awtorizza lill‑awtorità inkarigata mill-investigazzjoni titlob lill-impriża ta’ telekomunikazzjonijiet sabiex tagħti, fid-dawl tal-investigazzjoni dwar reat imsemmi fl-Artikolu 303(1) tal-Karistusseadustik (Il-Kodiċi Kriminali) ( 11 ), id-data msemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il‑Komunikazzjonijiet Elettroniċi dwar is-seba’ numri ta’ abbonat użati minn H. K. matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Marzu 2015 u d‑19 ta’ Frar 2016.

20.

Fil-15 ta’ Marzu 2016, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni ppreparat proċess verbal dwar id-data miksuba mill-impriża ta’ telekomunikazzjonijiet bis-saħħa ta’ din l-awtorizzazzjoni, li fih jinsabu d-dati li fihom H. K. ċemplet lill-koakkużati tagħha u rċeviet telefonati mingħandhom, kif ukoll id-dati li fihom H. K. bagħtet messaġġi lill‑koakkużati tagħha u rċeviet messaġġi mingħandhom. L-Uffiċċju tal‑Prosekutur ried, bis-saħħa ta’ dan proċess verbal u provi oħra, juri lill‑qorti li H. K. kienet, sa mir-rebbiegħa tas-sena 2015, heddet b’mod irrepetut lill-koakkużati tagħha bit-telefon.

21.

Fl-20 ta’ April u fis-6 ta’ Mejju 2016, l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni reġgħet ippreparat proċessi verbali dwar id-data miksuba mill-impriża ta’ telekomunikazzjoni bis-saħħa tal-istess awtorizzazzjoni. Dawn il-proċessi verbali jindikaw l-istazzjonijiet ta’ bażi li fir-raġġ tagħhom saru u ġew irċevuti telefonati fl-4, fis-27 u fil‑31 ta’ Awwissu 2015 kif ukoll mill-1 sat-3 ta’ Settembru 2015 permezz ta’ sitt numri ta’ abbonat użati minn H. K. Bis-saħħa ta’ dawn il-proċessi verbali u flimkien ma’ provi oħra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ried jipprova lill‑qorti li s-sitt serqiet li saru fil-ġranet indikati kienu twettqu minn H. K.

22.

Fl-20 ta’ April 2016, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni ppreparat proċess verbal dwar id-data relatata ma’ żewġ numri ta’ abbonat użati minn H. K. B’mod iktar preċiż, dan il-proċess verbal jindika l-istazzjonijiet ta’ bażi li fir-raġġ tagħhom saru u ġew irċevuti telefonati bejn is-16 u d-19 ta’ Jannar 2015 permezz ta’ dawn in-numri ta’ abbonat. Bis-saħħa ta’ dan il-proċess verbal u ta’ provi oħra, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ried jipprova li kienet H. K. li, mis‑17 sad-19 ta’ Jannar 2015, kienet ġibdet flus mid-distributur awtomatiku billi użat il‑kard bankarja tal-vittma.

23.

Id-data li minnha oriġina dan il-proċess verbal inkisbet mingħand l‑impriża ta’ telekomunikazzjonijiet bis-saħħa tal-awtorizzazzjonijiet li prosekutur tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tad-distrett ta’ Viru kien ta f’kawża kriminali oħra fit-28 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2015. Din il-kawża kienet tirrigwarda reati msemmija fil-punti 7, 8 u 9 tal-Artikolu 200(2) tal-Kodiċi Kriminali, jiġifieri żewġ serqiet bi vjolenza, mwettqa fit-23 u fis-27 ta’ Jannar 2015 minn grupp bl-użu ta’ arma u bi żgass. Bis-saħħa ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet, l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni setgħet titlob lill-impriża tat-telekomunikazzjonijiet tagħti, għall‑perijodu bejn l-1 ta’ Jannar u t-2 ta’ Frar 2015, id-data msemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi dwar iż-żewġ numri ta’ abbonat u l-identitajiet internazzjonali ta’ apparat ċellulari (IMEI) differenti ta’ H. K.

24.

Minn din id-deskrizzjoni tal-fatti tal-proċedura fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-Uffiċċju tal-Prosekutur, skont l-Artikolu 901(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, awtorizza lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni sabiex tindirizza t-talbiet ta’ provvista ta’ data lill‑impriża ta’ telekomunikazzjonijiet fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari. L-awtorizzazzjonijiet li jikkonċernaw id-data tan-numri ta’ abbonat tal-persuna akkużata ngħataw fid-dawl ta’ investigazzjoni dwar reati kriminali differenti għal perijodu ta’ ġurnata, ta’ madwar xahar u ta’ madwar sena, rispettivament.

25.

H. K. appellat mid-deċiżjoni tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal‑Ewwel Istanza ta’ Viru) quddiem it-Tartu Ringkonnakohus (il-Qorti tal-Appell ta’ Tartu, Estonja), li ċaħdet dan l-appell permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Novembru 2017. Sussegwentement H. K. ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema), billi talbet l‑annullament tad-deċiżjonijiet tal-ewwel u tat-tieni istanzi, it-tmiem tal‑proċeduri kriminali kontra tagħha kif ukoll il-ħelsien mill-arrest tagħha.

26.

H. K. issostni li l-proċessi verbali li fihom data miksuba mill‑impriża ta’ telekomunikazzjonijiet ma humiex provi ammissibbli u li l‑kundanna tagħha abbażi ta’ dawn il-proċessi verbali ma hijiex fondata. Skont is-sentenza Tele2 Sverige u Watson et, ir-regoli tal-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi li jistipulaw l-obbligu ta’ dawn il-fornituri ta’ servizzi sabiex iżommu data relatata mal‑komunikazzjonijiet kif ukoll l-użu ta’ din id-data għall-finijiet tal-kundanna tagħha huma kuntrarji għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

27.

Skont il-qorti tar-rinviju, b’hekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il‑proċessi verbali inkwistjoni, li l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni ppreparat abbażi ta’ din id-data, imsemmija fl‑Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, mitluba mingħand l-impriża ta’ telekomunikazzjonijiet bl‑awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, jistgħux jitqiesu bħala provi ammissibbli.

28.

Id-data li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom iżommu għal perijodu ta’ sena tinkludi, fost l-oħrajn, in‑numru tal-persuna li għamlet it-telefonata u tal-persuna li rċevietha, l‑isem u l-indirizz tal-abbonat, id-data u l-ħin tal-bidu u tat-tmiem tat-telefonata, is-servizz tat-telefonija fissa jew ċellulari użat, l-identità internazzjonali tal-abbonat ċellulari (IMSI) u l-identità internazzjonali tal-apparat ċellulari (IMEI) ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċeviha, kif ukoll l-identifikatur ċellulari fil-mument tal-bidu tat-telefonata u d-data li tidentifika l-lokalizzazzjoni ġeografika taċ-ċellola. Il-qorti tar-rinviju tirrileva li din hija data li hija marbuta mal-eżistenza ta’ trasferiment ta’ komunikazzjoni u ta’ messaġġi permezz ta’ telefon fiss jew ċellulari, kif ukoll mal-lokalizzazzjoni tal-użu tal-apparat ta’ komunikazzjoni ċellulari iżda li din id-data ma tagħtix informazzjoni dwar il-kontenut tal‑komunikazzjonijiet.

29.

Kif jirriżulta mis-sentenzi Tele2 Sverige u Watson et kif ukoll tat‑2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal ( 12 ), regola nazzjonali li tirregola ż-żamma ta’ data relatata mat-traffiku u ma’ data ta’ lokalizzazzjoni kif ukoll mal-aċċess għal din id-data fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, bħall-Artikolu 1111(2) u (4) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u l-Artikolu 901(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

30.

L-ammissibbiltà tal-provi tiddependi mill-osservanza tar-regoli ta’ proċedura li jirregolaw il-ġbir tagħhom. B’hekk, waqt l-evalwazzjoni tal‑ammissibbiltà tal-proċessi verbali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala provi, għandha tiġi eżaminata wkoll il-kwistjoni dwar sa fejn il‑ġbir ta’ data mingħand l-impriża ta’ telekomunikazzjonijiet, li fuqhom huma bbażati dawn il-proċessi verbali, kien konformi mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal‑Karta.

31.

Fid-dawl tas-sentenzi Tele2 Sverige u Watson et ( 13 ) u tal‑Ministerio Fiscal ( 14 ), il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal data li tippermetti li jiġu stabbiliti l-oriġini u d-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni telefonika minn telefon fiss jew ċellulari tas-suspettat, li jiġu stabbiliti d-data, is-siegħa, it-tul u n-natura tagħha, li jiġi identifikat l-għamla tas-servizz ta’ komunikazzjoni użat, kif ukoll li jiġi lokalizzat l-użu tat-terminal mobbli użat, jikkostitwixxi indħil daqstant gravi fid-drittijiet fundamentali protetti minn dawn l‑artikoli tal-Karta li dan l-aċċess għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra l-kriminalità serja, indipendentement mill-perijodu li matulu l‑awtoritajiet nazzjonali talbu l-aċċess għad-data miżmuma.

32.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-perijodu li matulu d-data inkwistjoni ntalbet jikkostitwixxi element essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi l-aċċess għad-data inkwistjoni. Għalhekk huwa possibbli li dan l-indħil ma għandux jitqies bħala gravi, peress li d-data mitluba tirrigwarda biss perijodu qasir ferm, bħal jum wieħed. F’dan il‑każ, ma huwiex possibbli, b’mod ġenerali, li minn din id-data jiġu misluta konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuna kkonċernata, b’tali mod li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għall‑imsemmija data jista’ jkun iġġustifikat bil-għan ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali.

33.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-aċċess għal data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistax, fid-dawl tat‑tagħlimiet li jirriżultaw mis-sentenza Ministerio Fiscal ( 15 ), jiġi ġġustifikat b’dan l-istess għan, meta l-kwantità ta’ data li l‑awtoritajiet għandhom aċċess għaliha hija mnaqqsa u meta l-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni ma huwiex għalhekk gravi. Fir-rigward tal‑kwantità ta’ data, huwa essenzjali li jitqies it-tip ta’ data (bħal dik relatata mad-destinazzjoni ta’ komunikazzjoni jew mal‑lokalizzazzjoni tat-terminal) u tat-tul tal-perijodu kkonċernat (pereżempju, jum, xahar jew sena). Skont din il-qorti, iktar ma r‑reat ikun gravi, iktar l-indħil awtorizzat fid-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-proċeduri jista’ jkun gravi, li jfisser li l-kwantità ta’ data li għaliha l-awtoritajiet nazzjonali jista’ jkollhom aċċess tkun daqstant ikbar.

34.

Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jistax jitqies bħala awtorità amministrattiva “indipendenti” fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson et ( 16 ). Din tirrileva li, fl-Estonja, huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur li jmexxi l‑investigazzjoni preliminari li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, il‑ġbir ta’ provi. Hija tenfasizza wkoll li l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni u l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom jivverifikaw il-provi inkriminanti u skaġunanti li jikkonċernaw il-persuna ssuspettata. Finalment hija tinnota li l-kompetenzi tal-Uffiċċju tal-Prosekutur huma eżerċitati f’ismu minn prosekutur li jaqdi d-doveri tiegħu b’mod indipendenti, kif jirriżulta mill‑Artikolu 30(1) u (2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u mill‑Artikolu 1(1) u (11) kif ukoll mill-Artikolu 2(2) tal‑Liġi dwar l-Uffiċċju tal‑Prosekutur.

35.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dubji tagħha dwar l-indipendenza mitluba mid-dritt tal-Unjoni huma prinċipalment dovuti għall-fatt li, wara l-investigazzjoni preliminari, jekk l‑Uffiċċju tal‑Prosekutur ikun konvint li l-provi kollha neċessarji ġew miġbura u jekk ikun hemm lok, huwa jippreżenta l-akkużi tiegħu kontra l-persuna inkwistjoni. Din il-qorti tirrileva li, f’dan il-każ, huwa l‑Uffiċċju tal-Prosekutur li jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni matul il‑proċess u li għalhekk huwa wkoll parti fil-proċedura. Il-qorti tar-rinviju tirrileva wkoll li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà aċċettat li, f’ċerti kundizzjonijiet, atti ta’ sorveljanza jistgħu jiġu awtorizzati fin‑nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju minn qabel, bil-kundizzjoni li jkun hemm stħarriġ ġudizzjarju a posteriori ( 17 ).

36.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Riigikohus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58], fid-dawl tal-Artikoli 7, 8, 11 u 52(1) tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali għal data li tippermetti li jiġu stabbiliti l-oriġini u d-destinazzjoni, id-data, is‑siegħa, it-tul u n-natura, l-għamla ta’ servizz ta’ komunikazzjoni, it-terminal użat u l-lokalizzazzjoni tal-użu tat-terminal mobbli fir‑rigward ta’ komunikazzjoni telefonika minn telefon fiss jew minn ċellulari tal-persuna suġġetta għal prosekuzzjoni kriminali, jikkostitwixxi interferenza tant kbira fid-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-imsemmija artikoli tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li tali aċċess fil-qasam tal-prevenzjoni, tar-riċerka, tad-detezzjoni u tal-prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali, għandu jkun limitat għall-ġlieda kontra reati kriminali serji, indipendentement mill-perijodu li matul tiegħu l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom aċċess għall-informazzjoni maħżuna?

2)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ifformulat fil-punti 55 sa 57 tas-sentenza [Ministerio Fiscal], għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk l‑ammont ta’ data msemmija fl-ewwel domanda, li għandhom aċċess għalih l-awtoritajiet nazzjonali, ma huwiex kbir (kemm f’termini tan-natura tad-data kif ukoll f’termini tal-portata temporali), l-interferenza fid-drittijiet fundamentali tista’ tkun iġġustifikata b’mod ġenerali bl-għan ta’ prevenzjoni, ta’ riċerka, ta’ detezzjoni u ta’ prosekuzzjoni ta’ ksur kriminali u li, iktar ma jkun kbir l-ammont ta’ data li għandhom aċċess għaliha l-awtoritajiet nazzjonali iktar għandhom ikunu serji r-reati kriminali li huma intiżi li jiġu miġġielda permezz tal-interferenza?

3)

Ir-rekwiżit imsemmi fit-tieni parti tad-dispożittiv tas-sentenza [Tele2 Sverige u Watson et] li jipprovdi li l-aċċess għad-data mill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkun suġġett għal kontroll preliminari minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti, ifisser li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2002/58] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċċju tal-prosekutur li jmexxi l-investigazzjoni preliminari, u li skont il-liġi huwa marbut jaġixxi indipendentement, u li huwa suġġett għal-liġi, u li, fil-kuntest tal‑investigazzjoni preliminari, għandu jeżamina kemm iċ‑ċirkustanzi inkriminanti kif ukoll dawk skaġunanti tal-akkużat, iżda li sussegwentement jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni fil‑proċeduri ġudizzjarji, jista’ jitqies bħala awtorità amministrattiva indipendenti?”

IV. Analiżi

37.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li, fost il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi l‑aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal data ta’ natura personali li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati jżommu bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, hemm il‑kategoriji ta’ data kkonċernati kif ukoll it-tul tal-perijodu li matulu huwa mitlub l-aċċess.

38.

Qabel nirrispondi din id-domanda, ser nagħmel żewġ sensiliet ta’ osservazzjonijiet preliminari li ser jippermettuli nirrispondi, minn naħa, għall-argumenti mqajma minn ċerti Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58 u, min-naħa l‑oħra, għas-suġġeriment tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi eżaminata, fil‑kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-leġiżlazzjoni Estonjana, inkwantu timponi fuq il‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li jżommu diversi kategoriji ta’ data personali ġġenerati fil-kuntest ta’ dawn is‑servizzi.

A.   Osservazzjonijiet preliminari

1. Fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58

39.

Il-Gvern Irlandiż, dak Ungeriż u dak Pollakk jistaqsu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58.

40.

Il-Gvern Irlandiż jidher li jqis li leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-aċċess tal-awtoritajiet kompetenti fil-qasam kriminali għal data miżmuma hija, skont l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, eskluża mill‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

41.

Dan l-argument ma għandux jiġi aċċettat skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenzi Tele2 Sverige u Watson et kif ukoll Ministerio Fiscal.

42.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 “jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑direttiva, anki jekk dawn ikunu marbuta ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet Statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi, u anki jekk l-għanijiet li tali miżuri għandhom jissodisfaw jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet segwiti mill-attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58” ( 18 ). Fil‑fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva [j]ippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha. Barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jirregolaw, għall-finijiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni, l-attività tal‑fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 19 ).

43.

Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li “l-imsemmi Artikolu 15(1), moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, mhux biss miżura leġiżlattiva li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, iżda wkoll miżura leġiżlattiva li tikkonċerna l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali għad-data miżmuma minn dawn il-fornituri” ( 20 ).

44.

Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-protezzjoni tal‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data dwar it‑traffiku marbuta ma’ dawn il-komunikazzjonijiet, iggarantita fl‑Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58, tapplika għall-miżuri meħuda minn kwalunkwe persuna oħra li ma tkunx l-utent, kemm jekk din tkun persuna jew entità privata u kemm jekk tkun entità Statali. Kif tikkonferma l-premessa 21 ta’ din id-direttiva, din hija intiża li tipprekludi “[kull] aċċess” mhux awtorizzat għall-komunikazzjonijiet, inkluż għal “kull data relatata ma’ din il-komunikazzjoni”, bil-għan li tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi” ( 21 ).

45.

Ma’ dawn l-argumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “miżuri leġiżlattivi li jobbligaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jżommu data personali jew jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għal din id-data, jimplikaw neċessarjament ipproċessar, minn dawn il-fornituri, tal-imsemmija data […]. Tali miżuri, sa fejn jirregolaw l-attivitajiet tal-imsemmija fornitur, ma jistgħux għalhekk jiġu assimilati ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati, imsemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58” ( 22 ).

46.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Ministerio Fiscal ( 23 ), minn dawn l-argumenti għandu jiġi dedott li talba għal aċċess ta’ data ta’ natura personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, imressqa fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad‑Direttiva 2002/58.

47.

Barra minn hekk, il-Gvern Ungeriż u dak Pollakk jinvokaw l‑argument li jgħid li d-dritt tal-Unjoni ma jirregolax il-kwistjoni tal‑ammissibbiltà tal-provi fil-proċeduri kriminali.

48.

Għalkemm huwa minnu li dan id-dritt ma jirregolax, fl-istat attwali tal‑iżvilupp tiegħu, ir-regoli dwar l-ammissibbiltà tal-provi fi proċeduri kriminali, madankollu il-qorti tar-rinviju enfasizzat b’mod ċar li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li hija titlob hija neċessarja sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tal-provi. Fil-fatt, din tiddependi mill‑osservanza tar-rekwiżiti u tar-regoli ta’ proċedura dwar il-ġbir ta’ dawn il-provi. B’hekk, waqt l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tal‑proċessi verbali inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala provi, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-kwistjoni preċedenti li tistaqsi dwar sa fejn il-ġbir tad-data mingħand l-impriża ta’ telekomunikazzjonijiet, li fuqha dawn il-proċessi verbali huma bbażati, kienet konformi mal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta. Issa, din id-domanda preliminari tirrigwarda aspett li, kif enfasizzajt qabel, huwa rregolat mid-dritt tal‑Unjoni. Fuq dan l-aspett, ir-regoli nazzjonali applikabbli fil-qasam ta’ amministrazzjoni tal-provi għandhom għalhekk josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali protetti mid-dritt tal-Unjoni ( 24 ). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument imqajjem mill-Gvern Ungeriż u dak Pollakk, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex rilevanti.

2. Dwar iż-żamma ta’ data relatata mat-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni

49.

Anki jekk id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju jirrigwardaw il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għad-data, il-Kummissjoni tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, anki fuq il-kwistjoni taż-żamma ta’ data. F’dan ir‑rigward, hija tosserva, essenzjalment, li aċċess legali għad-data miżmuma jirrikjedi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ż-żamma tad-data ġġenerata fil‑kuntest ta’ dawn is-servizzi tissodisfa r-rekwiżiti mitluba mill‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Karta, jew li d-data inkwistjoni tkun inżammet minn dawn il-fornituri fuq inizjattiva tagħhom stess, b’mod partikolari, għal finijiet kummerċjali, b’konformità ma’ din l-istess direttiva.

50.

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Kummissjoni tosserva li d‑data li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni kellha aċċess għaliha ġiet miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi mhux fuq inizjattiva tagħhom stess għal finijiet kummerċjali, iżda minħabba l-obbligu li jżommuha impost fuqhom bl-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Din tirrileva wkoll li H. K. tikkontesta l-legalità tar-regoli nazzjonali kemm dwar l-aċċess għad-data kif ukoll għaż-żamma tagħha ( 25 ).

51.

Minkejja dan, nirrileva li, bħalma kien il-każ fil-kuntest tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari li wassal għas-sentenza Ministerio Fiscal ( 26 ), id‑domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest ta’ din il-kawża ma humiex intiżi sabiex jistabbilixxu jekk id-data ta’ natura personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġietx miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta. Dawn id-domandi jirrigwardaw biss il-kompatibbiltà ma’ dawn id-dispożizzjonijiet tal-kundizzjonijiet li fihom l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ investigazzjoni għal tali data hija awtorizzata skont il-leġiżlazzjoni Estonjana. Huwa għalhekk li t-trattazzjoni li saret quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tirrigwarda kważi b’mod esklużiv dawn il-kundizzjonijiet ta’ aċċess.

52.

Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju tista’ tibbaża ruħha fuq il‑ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et jekk tqis neċessarju, sabiex tirriżolvi l-kawża prinċipali, li tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-Artikolu 1111 tal-Liġi dwar il‑Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

53.

F’dan ir-rigward, ser nillimita ruħi sabiex infakkar li, skont il‑Qorti tal-Ġustizzja, “l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid‑dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi, għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità, żamma ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni tad-data kollha dwar it-traffiku u tad-data kollha dwar il-lokalizzazzjoni tal-abbonati u tal-utenti rreġistrati kollha fir‑rigward tal-mezzi kollha ta’ komunikazzjoni elettronika” ( 27 ).

54.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, jekk il-leġiżlazzjoni Estonjana timponix fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi obbligu ta’ żamma ta’ data li għandha tali natura ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni, u li tislet minnha l‑konsegwenzi sabiex issolvi l-kawża prinċipali. Jekk is-sistema ta’ żamma ta’ data implimentata mir-Repubblika tal-Estonja kellha titqies bħala mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni, għaliex sproporzjonata fir-rigward tal-għan imfittex, l-aċċess għad‑data hekk miżmuma lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat minn dan l‑istess għan.

55.

Huwa biss jekk dan l-obbligu ta’ żamma jkun akkumpanjat minn limitazzjonijiet xierqa, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kategoriji ta’ data kkonċernata u l-perijodu ta’ żamma, skont sistema li tiddependi mill-għan imfittex u dak li huwa strettament neċessarju biex jintlaħaq dan l-għan, li jista’ jiġi ssodisfatt it-test ta’ proporzjonalità.

56.

Mhux ser niżviluppa iktar fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet il‑kunċett ta’ “żamma limitata ta’ data” li huwa eżaminat fid‑dettall mill‑Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil‑konklużjonijiet li ppreżenta fil-15 ta’ Jannar 2020 fil-kuntest tal-kawża Ordre des barreaux francophones et germanophone et ( 28 ).

B.   Fuq l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma

1. It-tagħlimiet misluta mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tifhem il-kwistjoni dwar l-aċċess tal‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma “indipendentement mill-portata tal-obbligu ta’ żamma ta’ data li huwa impost fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi” u, b’mod partikolari, indipendentement min-natura ġġeneralizzata jew immirata ta’ żamma ta’ data ( 29 ). Din il-konstatazzjoni hija marbuta mal‑fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis iż-żamma tad-data u l-aċċess għaliha bħala żewġ tipi ta’ ndħil differenti fid-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta.

58.

L-aċċess għad-data miżmuma “għandu effettivament u strettament jissodisfa wieħed mi[l]l-għanijiet” li jidhru fl-ewwel sentenza tal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. Għandu jkun hemm ukoll rabta bejn il-gravità tal-indħil u l-għan imfittex. Jekk l-indħil huwa kklassifikat bħala “gravi”, jista’ jiġi ġġustifikat biss bil-ġlieda kontra l-kriminalità gravi ( 30 ).

59.

L-istess bħal dak li japplika għaż-żamma ta’ data, l-aċċess għaliha mill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jistax jiġi awtorizzat ħlief fil‑limiti ta’ dak li jkun strettament neċessarju ( 31 ). Barra minn hekk, il‑miżuri leġiżlattivi għandhom “[j]ippreved[u] regoli ċari u preċiżi li jindikaw f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom jagħtu lill‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti aċċess għad-data. Bl-istess mod, miżura ta’ din in-natura għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern” ( 32 ). B’mod iktar speċifiku, il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali għandhom “[j]ippreved[u] wkoll il-kundizzjonijiet materjali u proċedurali li jirregolaw l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma” ( 33 ).

60.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi dedott li “aċċess ġenerali għad-data miżmuma kollha, indipendentement minn kwalunkwe rabta, minn tal-inqas indiretta, mal-għan segwit, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju” ( 34 ).

61.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data tal‑abbonati jew tal-utenti rreġistrati. F’dan ir-rigward, inkonnessjoni mal-għan tal-ġlieda kontra l-kriminalità, bħala prinċipju jista’ jingħata biss aċċess għad-data ta’ persuni ssuspettati li qegħdin jippjanaw, li qegħdin iwettqu jew li wettqu reat gravi jew inkella li huma implikati b’xi mod jew ieħor f’tali reat” ( 35 ).

62.

Fi kliem ieħor, il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-aċċess għad-data miżmuma għandu jkollha portata suffiċjentement delimitata sabiex tipprekludi li tali aċċess ikun jista’ jaffettwa numru sinjifikattiv ta’ persuni, jiġifieri l-persuni kollha u l‑mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi kollha kif ukoll id-data miżmuma kollha. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ressqet il-kriterju tar‑rabta bejn il-persuni kkonċernati u l-għan imfittex.

63.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet il‑kundizzjonijiet li għandu jissodisfa kull aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma.

64.

Qabel kollox, dan l-aċċess għandu, “bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, [ikun] suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti” ( 36 ). Id-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità għandha tingħata “fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali” ( 37 ).

65.

Imbagħad, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi li “l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jingħataw aċċess għad-data miżmuma jinformaw b’dan lill-persuni kkonċernati, fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali applikabbli, hekk kif din il-komunikazzjoni ma tkunx ta’ natura li tista’ tikkomprometti l-investigazzjonijiet imwettqa minn dawn l-awtoritajiet” ( 38 ).

66.

Finalment, l-Istati Membri għandhom jadottaw regoli dwar is‑sigurtà u l-protezzjoni tad-data miżmuma mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, sabiex jiġu evitati l-abbużi kif ukoll kull aċċess illegali għad-data ( 39 ).

2. It-tagħlimiet misluta mis-sentenza Ministerio Fiscal

67.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet adita mill-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ta’ regola nazzjonali li tistipula l‑aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bħall-pulizija ġudizzjarja, għal data relatata mal-identità ċivili ta’ proprjetarji ta’ wħud mill-kards SIM.

68.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li, fir-rigward tal-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, il-formulazzjoni tal-ewwel sentenza tal‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 ma tillimitax dan l-għan għall‑ġlieda kontra reati serji, iżda ssemmi r-“reati kriminali” b’mod ġenerali ( 40 ).

69.

Ir-raġunament żviluppat mill-Qorti tal-Ġustizzja jikkjarifika l-fatt li, fir-rigward tal-aċċess għad-data mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, jeħtieġ li l-gravità tal-indħil tikkorrispondi mal-gravità tar‑reati inkwistjoni.

70.

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar, filwaqt li tirreferi għall‑punt 99 tas-sentenza tagħha Tele2 Sverige u Watson et, li hija qieset li, “fir-rigward tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal-iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, hija biss il-ġlieda kontra l‑kriminalità serja li tista’ tiġġustifika l-aċċess tal-awtoritajiet pubbliċi għal data personali miżmuma minn fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet li, meħuda fl-intier tagħha, tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data” ( 41 ).

71.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li hija “mmotivat din l‑interpretazzjoni abbażi tal-fatt li l-għan segwit minn leġiżlazzjoni li tirregola dan l-aċċess għandu jkun marbut mal-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali inkwistjoni li jimplika dan l-aċċess” ( 42 ).

72.

Fil-fatt, “skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, indħil serju jista’ jiġi ġġustifikat biss, fil-qasam tal-prevenzjoni, tal-investigazzjoni, tal‑iskoperta u tal-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, permezz tal-għan tal‑ġlieda kontra l-kriminalità li għandha tiġi kklassifikata wkoll bħala ‘serja’” ( 43 ).

73.

Min-naħa l-oħra, “meta l-indħil li jinvolvi tali aċċess ma jkunx serju, l-imsemmi aċċess jista’ jiġi ġġustifikat minn għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ “reati kriminali” b’mod ġenerali” ( 44 ).

74.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet kienu jirreferu għalhekk għal evalwazzjoni dwar jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, l-indħil fid-drittijiet fundamentali protetti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta li jkun ġab miegħu l-aċċess mill-pulizija ġudizzjarja għad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandux jitqies jew le bħala “gravi”.

75.

Bid-differenza ta’ dak li kien il-każ fis-sentenza tagħha Tele2 Sverige u Watson et, l-indħil fid-drittijiet protetti bl-Artikoli 7 u 8 tal‑Karta, permezz tal-aċċess għad-data inkwistjoni, ma huwiex ikklassifikat bħala “gravi” mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 45 ). Fil-fatt, it-talba għal aċċess kienet “intiża biss sabiex jiġu identifikati l-proprjetarji tal-kards tas-SIM attivati, matul perijodu ta’ tnax‑il jum, bil-kodiċi [ta’ identità internazzjonali ta’ apparat ċellulari] tat-telefon ċellulari misruq” ( 46 ). Fil-fatt, it-talba għal aċċess kienet intiża “unikament għan-numri tat-telefon li jikkorrispondu għal dawn il-kards tas-SIM kif ukoll għal data dwar l-identità ċivili tal-proprjetarji tal-imsemmija kards, bħal pereżempju kunjomhom, isimhom u, jekk ikun il-każ, l-indirizz tagħhom. Min-naħa l-oħra, din id-data ma tirrigwardax […] il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tat-telefon ċellulari misruq u lanqas il-lokalizzazzjoni tiegħu” ( 47 ).

76.

Minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li “id-data msemmija fit‑talba għal aċċess inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti biss li jsir konnessjoni, matul perijodu ddeterminat, bejn il-kards tas-SIM attivati permezz tat-telefon ċellulari misruq u l-identità ċivili tal‑proprjetarji ta’ tali kards tas-SIM. Mingħajr kontroverifika mad-data dwar il-komunikazzjonijiet imwettqa permezz ta’ tali kards tas-SIM u mad-data dwar il-lokalizzazzjoni, din id-data ma tippermettix li jsiru magħrufa la d-data, il-ħin, it-tul u d-destinatarju tal-komunikazzjonijiet imwettqa permezz tal-kards tas-SIM inkwistjoni u lanqas il-post jew il-frekwenza tagħhom ma’ ċerti persuni matul perijodu speċifiku. Għalhekk, l-imsemmija data ma tippermettix li jinsiltu konklużjonijiet preċiżi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati b’din id-data” ( 48 ).

77.

Ladarba ma ġietx aċċettata l-klassifikazzjoni ta’ “ksur gravi”, il‑Qorti tal-Ġustizzja setgħet tqis li l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali b’mod ġenerali, anki mhux gravi, seta’ jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-indħil inkwistjoni ( 49 ).

78.

Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li l-qorti tar-rinviju tagħmel l-ewwel u t-tieni domandi preliminari tagħha, bil-għan li tevalwa l-gravità tal-indħil bl-aċċess għad-data fil-kuntest tal-proċeduri kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Din tistaqsi, b’mod iktar speċifiku, jekk il-kategoriji ta’ data kkonċernati kif ukoll it-tul tal-perijodu li fih l-aċċess għal din id-data huwa mitlub jikkostitwixxux, f’din il-perspettiva, kriterji rilevanti.

3. Fuq il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil

79.

Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iktar ma jkunu numerużi l-kategoriji ta’ data li għalihom jintalab l-aċċess, iktar l‑indħil jista’ jiġi kklassifikat bħala “gravi”.

80.

Minkejja dan, l-ewwel u t-tieni domandi li tagħmel il-qorti tar‑rinviju jwasslu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika jekk, minbarra l-kategoriji ta’ data inkwistjoni, il-portata tal-perijodu kkonċernat minn dan l-aċċess għandux ukoll rwol sabiex tiġi stabbilita l‑gravità tal-indħil.

81.

Fl-opinjoni tiegħi, ir-risposta għandha tkun fl-affermattiv. Barra minn hekk, nirrileva li, fis-sentenza tagħha Ministerio Fiscal, il-Qorti tal‑Ġustizzja kkunsidrat ukoll it-tul tal-perijodu kkonċernat bl-aċċess fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tagħha, jiġifieri tnax‑il jum f’dan il-każ ( 50 ).

82.

Hija n-natura tad-data kkonċernata flimkien mat-tul tal-perijodu li jirrigwarda l-aċċess li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil. Dawn iż-żewġ aspetti jippermettu, fil-fatt, li jiġi vverifikat jekk il-kriterju li jistabbilixxi l-gravità tal-indħil huwiex issodisfatt, jiġifieri jekk l-aċċess għad-data inkwistjoni huwiex tali li jippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jisiltu konklużjonijiet speċifiċi dwar il-ħajja privata ta’ persuni li d-data dwarhom hija affettwata minn dan l-aċċess. Issa, biex tagħti stampa ċara ta’ persuna, huwa neċessarju mhux biss li l‑aċċess jirrigwarda diversi kategoriji ta’ data, bħad-data ta’ identifikazzjoni, ta’ traffiku u d-data ta’ lokalizzazzjoni, iżda wkoll li dan l-aċċess ikun fuq perijodu suffiċjentement twil sabiex ikunu jistgħu jiġu żvelati b’mod suffiċjentement preċiż il-karatteristiċi prinċipali tal-ħajja ta’ persuna.

83.

Bħan-numru ta’ kategoriji kkonċernati, it-tul tal-perijodu li għalih tintalab id-data bis-saħħa ta’ awtorizzazzjoni għal aċċess jikkostitwixxi għalhekk element essenzjali sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-indħil fid‑drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati. Kif tindika l‑Kummissjoni, il-fatt li jkunu saru diversi talbiet għal aċċess relatati mal‑istess persuna għandu jitqies ukoll, anki jekk dawn jirrigwardaw perijodi qosra.

84.

Hekk kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-data li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni kellha aċċess għaliha hija dik imsemmija fl-Artikolu 1111(2) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi. Din id-data tippermetti li jinstabu u li jiġu stabbiliti l-oriġini u d‑destinazzjoni ta’ sessjoni ta’ komunikazzjoni telefonika kemm jekk minn telefon fiss jew ċellulari ta’ persuna, li tiġi stabbilita d-data, il-ħin, it-tul u n-natura tagħha, li jiġi identifikat l-għamla ta’ servizz ta’ komunikazzjoni użat kif ukoll li jiġi lokalizzat is-servizz ta’ komunikazzjoni ċellulari użat. Din id-data ntbagħtet lill-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni għal perijodi ta’ jum, ta’ xahar u ta’ kważi sena.

85.

L-evalwazzjoni tal-grad tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jġib miegħu l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data ta’ natura personali miżmuma tirriżulta minn eżami konkret taċ-ċirkustanzi applikabbli għal kull każ. F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk id-data li għaliha l-aċċess kien ġie awtorizzat huwiex tali li jippermetti, skont in-natura tagħha u t-tul tal-perijodu kkonċernat minn dan l-aċċess, li jiġu misluta konklużjonijiet speċifiċi dwar il-ħajja privata tal-persuni kkonċernati.

86.

Jekk dan huwa l-każ, il-ksur għandu jiġi kklassifikat bħala “gravi” fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ma jistax għalhekk jiġi ġġustifikat, fil-qasam ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, ħlief minn għan ta’ ġlieda kontra l-kriminalità li għandha tkun ikklassifikata wkoll bħala “gravi” ( 51 ).

4. Fuq il-konkordanza bejn il-gravità tal-indħil u l-għan li għandu jintlaħaq

87.

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li indħil fid‑drittijiet fundamentali li huwa kklassifikat bħala “gravi” jimplika rekwiżit ta’ ġustifikazzjoni msaħħa.

88.

F’dak li jirrigwarda l-gravità tar-reati kriminali allegati li fil‑konfront tiegħu ngħata l-aċċess għad-data, il-Kummissjoni tosserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tawtorizza b’mod partikolari l-aċċess għall-ġlieda kontra r-reati kriminali b’mod ġenerali ( 52 ).

89.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk l-aċċess għal data bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfax b’mod effettiv u ristrett wieħed mill-għanijiet imsemmija fl‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni ma tillimitax l-għan ta’ prevenzjoni, ta’ investigazzjoni, ta’ skoperta u ta’ prosekuzzjoni ta’ reati kriminali għall‑ġlieda kontra reati serji biss, iżda ssemmi r-‘reati kriminali’ b’mod ġenerali ( 53 ).

90.

Jekk il-qorti tar-rinviju tasal għal konklużjoni li l-indħil għandu jiġi kklassifikat bħala “gravi”, hija għandha tevalwa jekk ir-reat inkwistjoni jistax ukoll jiġi kklassifikat bħala “gravi” skont id-dritt kriminali nazzjonali.

91.

F’dan ir-rigward, inqis li d-definizzjoni ta’ dak li jista’ jiġi kklassifikat bħala “reat gravi” għandha tiġi evalwata mill-Istati Membri.

92.

Fil-fatt, skont is-sistemi ġuridiċi nazzjonali, l-istess reat jista’ jiġi kkundannat fi gradi ta’ severità differenti. Anki d-definizzjoni taċ‑ċirkustanzi aggravanti tista’ tvarja skont l-Istati Membri.

93.

Kif jirrileva korrettament il-Gvern Estonjan, sabiex tiġi stabbilita l-gravità tar-reati, il-piena applikabbli ma hijiex l-uniku kriterju. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tar-reati, il-ħsara li jikkawżaw lis-soċjetà, id-dannu għall-interessi ġuridiċi u l-effetti globali li għandhom fuq l-ordinament ġuridiku nazzjonali kif ukoll fuq il-valuri ta’ soċjetà demokratika. Il-kuntest storiku, ekonomiku u soċjali speċifiku għal kull Stat Membru għandu wkoll rwol f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fir-rigward taċ-ċirkustanzi aggravanti, għandu jiġi mistoqsi jekk ir‑reati kriminali twettqux, pereżempju, jew b’mod irrepetut, jew fir-rigward ta’ persuni vulnerabbli.

94.

Sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-aċċess, għandu jitqies ukoll li, skont l-Artikolu 901(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, “[i]t-talbiet għall-provvista ta’ data [] ma jistgħux isiru ħlief jekk huma assolutament neċessarji sabiex jintlaħaq l-għan tal-proċeduri kriminali”. Kif jindika l-Gvern Estonjan, il-kriterju tan-neċessità assoluta ( 54 ) jobbliga kemm lill-investigaturi kif ukoll lill-persuni inkarigati mill-għoti tal-awtorizzazzjoni sabiex iqisu u jevalwaw liema data hija neċessarja sabiex il-proċeduri kriminali jintemmu b’suċċess u li mingħajrha ma jkunx possibbli, fil-kuntest ta’ kawża partikolari, li tinħareġ il-verità jew li jinqabad allegat delinkwent jew kriminal allegat.

95.

Inżid li, kif enfasizza korrettament il-Gvern Franċiż, il-grad ta’ gravità ta’ reat, jiġifieri l-klassifikazzjoni ġuridika eżatta tiegħu, ma tistax dejjem tiġi stabbilita b’mod preċiż meta l-awtorizzazzjoni għal aċċess għal data miżmuma ssir fi stadju bikri tal-investigazzjoni, b’tali mod li jista’ jidher prematur f’dak l-istadju li dan ir-reat jiġi kklassifikat fil‑kategorija ta’ reat kriminali gravi jew f’dik ta’ reat kriminali ġenerali. Din l-inċertezza, li hija inerenti għall-investigazzjonijiet kriminali li l‑għan tagħhom huwa li jgħinu sabiex toħroġ il-verità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti tar-rinviju fl-evalwazzjoni tagħha dwar in-natura proporzjonata tal-aċċess.

96.

Minkejja dan, l-inċertezza li tista’ b’hekk teżisti fil-bidu tal‑investigazzjoni kriminali fuq dawn l-aspetti ma għandhiex telimina r‑rekwiżit li jgħid li kull talba għal aċċess għandha tkun motivata min‑neċessità li jinstabu l-provi relatati ma’ aġir delittwali jew kriminali speċifiku, abbażi ta’ suspett sostnut minn elementi oġġettivi. B’hekk, talba għal aċċess ma għandhiex ikollha l-għan li teżamina, fuq perijodu partikolari, il-fatti u l-atti kollha ta’ persuna, sabiex jinstabu eventwali reati. Barra minn hekk, jekk jiġu żvelati fatti ġodda matul l‑investigazzjoni, l-aċċess għad-data sabiex jiġu pprovati dawn tal-aħħar għandu jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni għal aċċess ġdida.

97.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi l‑aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal data ta’ natura personali li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati jżommu bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, hemm il‑kategoriji ta’ data kkonċernati kif ukoll it-tul tal-perijodu li għalih jintalab dan l‑aċċess. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-gravità tal‑indħil, jekk l-imsemmi aċċess kienx strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex jiżgura l-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l‑iskoperta u l‑prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

C.   Kontroll minn qabel imwettaq minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti

98.

Sabiex tiżgura li l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma jkun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien essenzjali li tali aċċess “jkun, bħala prinċipju, ħlief f’każijiet urġenti debitament iġġustifikati, suġġett għal kontroll minn qabel imwettaq jew minn qorti jew minn entità amministrattiva indipendenti, u li d-deċiżjoni ta’ din il-qorti jew ta’ din l-entità tingħata fuq talba motivata minn dawn l-awtoritajiet imressqa, b’mod partikolari, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ prevenzjoni, ta’ skoperta jew ta’ prosekuzzjoni kriminali” ( 55 ).

99.

Permezz tat-tielet domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispjega l-kriterji li għandha tissodisfa awtorità amministrattiva sabiex tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala “indipendenti”, fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson et. B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur jistax jitqies bħala awtorità amministrattiva indipendenti, fid-dawl tal‑fatt li jmexxi l-investigazzjoni preliminari u li jirrappreżenta lill‑prosekuzzjoni matul il-proċess.

100.

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, jidhirli li jkun utli li jittieħdu inkunsiderazzjoni żewġ partijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġifieri, minn naħa, il-ġurisprudenza relatata mal-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ kontroll tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali u, min‑naħa l-oħra, il-ġurisprudenza relatata mal-indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

101.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-indipendenza tikkostitwixxi karatteristika essenzjali, stabbilita b’mod partikolari fl-Artikolu 8(3) tal‑Karta, tal-awtoritajiet inkarigati mis-superviżjoni tal-osservanza tar‑regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data ta’ natura personali, sabiex tiżgura l-effiċjenza u l‑affidabbiltà ta’ din is-superviżjoni u sabiex issaħħaħ il-protezzjoni tal‑persuni li huma kkonċernati mid-deċiżjonijiet ta’ dan l-awtoritajiet ( 56 ).

102.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, li “l-awtoritajiet ta’ sorveljanza kompetenti għas-sorveljanza tal-ipproċessar tad-data personali għandhom igawdu minn indipendenza li tippermettilhom li jeżerċitaw il-missjonijiet tagħhom mingħajr ma jkunu suġġetti għal influwenza esterna. Din l-indipendenza teskludi b’mod partikolari kull ordni jew kull influwenza esterna oħra fi kwalunkwe forma, indipendentement minn jekk din tkunx diretta jew indiretta, li jkunu jistgħu jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li jkunu jistgħu jmorru kontra l-kisba, minn dawn l-awtoritajiet, tal-kompitu tagħhom li jikkonsisti f’li jiġi stabbilit ekwilibriju ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata u l-moviment liberu tad-data personali” ( 57 ).

103.

Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat ukoll ir-rekwiżit li, fid-dawl tar‑rwol tagħhom ta’ gwardjani tad-dritt għall-ħajja privata, dawn l‑awtoritajiet ta’ kontroll għandhom ikunu “’il fuq minn kull suspett ta’ parzjalità” ( 58 ).

104.

Sa fejn it-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda lill-Uffiċċju tal-Prosekutur, huwa wkoll rilevanti li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji mfassla mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha dwar l‑indipendenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti fil-kuntest tal-mandat ta’ arrest Ewropew. B’hekk, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kontroll imwettaq waqt l-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest “għandu jiġi eżerċitat b’mod oġġettiv, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, kif ukoll b’mod indipendenti, li jippreżupponi l-eżistenza ta’ regoli statutorji u organizzattivi adatti sabiex jiġi eskluż kull riskju li l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li jinħareġ tali mandat ta’ arrest tkun suġġetta għal struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari min-naħa tal-poter eżekuttiv” ( 59 ). Madankollu, għandu jitfakkar li l-evalwazzjoni konkreta mill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull każ, tal-punt jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur jissodisfax dawn il-kriterji jew le ( 60 ), issir fil-kuntest speċifiku tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u b’hekk ma tistax tiġi trasposta awtomatikament f’oqsma oħra, bħal dak relattiv għall-protezzjoni tad-data ta’ natura personali.

105.

Wara din il-preċiżazzjoni, iż-żewġ sezzjonijiet tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jerġgħu jingħaqdu billi jenfasizzaw, f’kull qasam ikkonċernat, li l-awtorità nazzjonali kompetenti li tivverifika l-osservanza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni għandha tkun indipendenti, u dan ikopri żewġ rekwiżiti ( 61 ). Minn naħa, din l-awtorità ma għandhiex tkun suġġetta għal struzzjonijiet jew għal pressjonijiet esterni li jistgħu jinfluwenzaw id‑deċiżjonijiet tagħha. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtorità għandha, bis-saħħa tal-istatut u tad-doveri li ngħataw lilha, tissodisfa rekwiżit ta’ oġġettività fil-kontroll li twettaq, jiġifieri li hija għandha toffri garanziji ta’ imparzjalità. B’mod iktar partikolari, l-evalwazzjoni minn awtorità amministrattiva tan-natura proporzjonata tal-aċċess għad-data miżmuma tirrikjedi li jkun hemm bilanċ ġust bejn l-interessi marbuta mal‑effettività tal-investigazzjoni fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-kriminalità u dawk li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali tal‑persuni kkonċernati bl-aċċess. Taħt dan l-aħħar aspett, ir-rekwiżit ta’ imparzjalità huwa għalhekk marbut mal-kunċett ta’ “awtorità amministrattiva indipendenti” stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza tagħha Tele2 Sverige u Watson et.

106.

Għandu jiġi vverifikat jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur, fid-dawl tad‑doveri differenti mogħtija lilu bil-leġiżlazzjoni Estonjana, jissodisfax dan il-kriterju ta’ indipendenza, fiż-żewġ dimensjonijiet tiegħu, meta jintalab jikkontrolla n-natura strettament neċessarja tal-aċċess għad-data. B’hekk, il-kunċett ta’ “indipendenza” li għandu jkollha l‑awtorità amministrattiva inkarigata minn tali kontroll għandu dimensjoni funzjonali, fis-sens li huwa fir-rigward tal-għan speċifiku ta’ dan il-kontroll li għandu jiġi evalwat jekk din l-awtorità tistax taġixxi mingħajr interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tagħha, kif ukoll fl‑osservanza tal‑oġġettività u tal-applikazzjoni stretta tar-regola tad-dritt. Fil-qosor, il‑kunċett ta’ “awtorità amministrattiva indipendenti” fis-sens tas‑sentenza Tele2 Sverige u Watson et huwa intiż sabiex jiżgura l‑oġġettività, l-affidabbiltà u l-effettività ta’ dan il-kontroll.

107.

Dan jimplika li għandu jiġi eżaminat jekk il-leġiżlazzjoni Estonjana li tistipula l-istatut u d-doveri tal-Uffiċċju tal-Prosekutur hijiex tali li toħloq dubji leġittimi, f’moħħ il-persuni kkonċernati, dwar l‑impermeabbiltà tal-proċeduri fir-rigward ta’ elementi esterni u tan‑newtralità tagħhom meta mqabbla mal-interessi li bihom ikunu kkonfrontati, meta jitwettqu sabiex jiġi żgurat kontroll minn qabel tan‑natura proporzjonata tal‑aċċess għad-data.

108.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu rwol essenzjali fit-tmexxija ta’ proċeduri kriminali, peress li jmexxi l-investigazzjoni preliminari u għandu b’mod partikolari kompetenza għal finijiet ta’ prosekuzzjoni kontra persuna ssuspettata li tkun wettqet reat kriminali sabiex din titressaq quddiem qorti. F’dan ir-rigward, dan għandu jitqies bħala awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ( 62 ).

109.

Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward tal-Procura della Repubblica (Prosekutur tar-Repubblika, l-Italja) u skont formula li fl‑opinjoni tiegħi tista’ tiġi trasposta fil-kuntest ta’ din il-kawża, ir-rwol tal‑Prosekutur “ma huwiex li jiddeċiedi kawża b’mod indipendenti, iżda li jissottometti dik il-kwistjoni, jekk ikun il-każ, lill-qorti kompetenti, bħala prosekutur fil-proċeduri kriminali” ( 63 ).

110.

Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur ikollu għalhekk, fl-istatut tiegħu, fl‑organizzazzjoni tiegħu u fid-doveri tiegħu, karatteristiċi partikolari li jiddistingwuh minn qorti u li jiġġustifikaw li jiġi kklassifikat bħala “awtorità li tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl‑Istati Membri”, xorta jibqa’ l-fatt li, mill-perspettiva funzjonali, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li l-awtorità li teżerċita l-kontroll minn qabel tal-proporzjonalità tal-aċċess mitluba mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et huwa l-Uffiċċju tal-Prosekutur, dan tal-aħħar għandu, minn dan l-aspett, juri grad ta’ indipendenza bħal dak ta’ qorti. Fil-fatt, l‑eżerċizzju ta’ din il-funzjoni minn awtorità amministrattiva iktar milli minn qorti ma għandhiex taffettwa l-oġġettività, l-affidabbiltà u l-effettività ta’ dan il-kontroll.

111.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 901(2) tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-awtorità inkarigata mill‑investigazzjoni tista’, fuq awtorizzazzjoni tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur matul l-investigazzjoni preliminari jew fuq awtorizzazzjoni tal-qorti matul il-proċess quddiemha, titlob lil impriża ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tagħti d-data elenkata fl-Artikolu 1111(2) u (3) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

112.

Barra minn hekk, mil-leġiżlazzjoni Estonjana jirriżulta li l‑Uffiċċju tal-Prosekutur, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, imexxi l‑investigazzjoni preliminari, li l-għan tagħha hija l-ġbir ta’ provi u l‑ħolqien ta’ kundizzjonijiet oħra neċessarji sabiex isir proċess. Barra minn hekk, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni u l-Uffiċċju tal‑Prosekutur jivverifikaw, matul l-investigazzjoni preliminari, il-provi inkriminanti u skaġunanti miġbura kontra l-persuna ssuspettata jew il‑persuna akkużata. Jekk l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa konvint li l‑provi kollha neċessarji ġew miġbura u jekk ikun hemm bżonn, dan għandu jippreżenta l-akkużi tiegħu kontra l-persuna u, f’dan il-każ, ikun hu li jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt il-proċess.

113.

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, anki jekk, fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu, fir-rigward tal‑miżuri li jikkostitwixxu l-indħil l-iktar gravi fid-drittijiet fundamentali, jitlob awtorizzazzjoni lil maġistrat inkwirenti (pereżempju għall-maġġoranza tal-miżuri ta’ sorveljanza u għad-detenzjoni), l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu wkoll kompetenza jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ atti ta’ proċedura li jikkostitwixxu indħil serju f’diversi drittijiet fundamentali ( 64 ).

114.

Id-dubji li l-qorti tar-rinviju kellha sabiex tikklassifika lill-Uffiċċju tal-Prosekutur bħala “awtorità amministrattiva indipendenti” fis-sens tas‑sentenza Tele2 Sverige u Watson et huma prinċipalment dovuti għall‑fatt li, wara l-investigazzjoni preliminari, jekk l-Uffiċċju tal‑Prosekutur ikun konvint li, fil-kawża kriminali, ġew miġbura l-provi kollha neċessarji u jekk ikun hemm bżonn, ikun hu li jippreżenta l-akkużi tiegħu kontra l-persuna inkwistjoni. F’dan il-każ, huwa l-Uffiċċju tal‑Prosekutur li jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt il-proċess u għalhekk huwa wkoll parti fil-proċedura. B’hekk, huwa prinċipalment minħabba l‑kwalità tiegħu ta’ prosekutur li l-klassifikazzjoni tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur bħala “awtorità amministrattiva indipendenti” fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson et hija kkontestata mill-qorti tar-rinviju.

115.

Espressi b’dan il-mod, id-dubji tal-qorti tar-rinviju jikkonċernaw għalhekk b’mod iktar partikolari l-imparzjalità tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur fil-kontroll ta’ proporzjonalità tal-aċċess għad-data mis‑servizzi ta’ investigazzjoni li huwa għandu jwettaq qabel ma jawtorizza tali aċċess.

116.

Qabel ma nittratta dan l-aspett relatat mal-imparzjalità, nirrileva li l-Artikolu 1(11) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur jistipula li dan tal‑aħħar “jaqdi b’mod indipendenti d-doveri li huma mogħtija lilu skont il-liġi”. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess liġi, “[i]l‑Prosekutur għandu jaqdi d-doveri tiegħu b’mod indipendenti u għandu jaġixxi biss skont il-liġi u skont il-konvinzjoni” ( 65 ).

117.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Estonjan jindika li, għalkemm l-Uffiċċju tal‑Prosekutur huwa awtorità li taqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, il‑leġiżlazzjoni Estonjana madankollu ma tħallix lil dan tal-aħħar iwettaq b’xi mod evalwazzjoni ta’ proċedura speċifika jew jintervjeni fi proċedura kriminali pendenti. Dan il-Gvern jispjega li jekk l-Uffiċċju tal‑Prosekutur ma jibqax indipendenti, dan ikun jikkostitwixxi reat kundannabbli b’sanzjoni.

118.

Għalhekk, jekk ma hemmx lok ta’ dubju dwar l-indipendenza tal‑Uffiċċju tal-Prosekutur fil-kuntest tad-doveri li huwa għandu skont il‑leġiżlazzjoni Estonjana, madankollu dan jidhirli li jista’ jqajjem dubji leġittimi dwar il-kapaċità tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jeżerċita kontroll newtrali u oġġettiv minn qabel dwar in-natura proporzjonata tal-aċċess għad-data meta jista’ jkun, fil-kuntest ta’ kawża partikolari, mitlub iwettaq fl-istess ħin doveri li jikkonsistu fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali, jiddeċiedi dwar il-bidu ta’ proċeduri kriminali u jirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt il-proċess.

119.

Huwa veru li diversi elementi li jinsabu fil-leġiżlazzjoni Estonjana jikkostitwixxu garanziji li l-Uffiċċju tal-Prosekutur jaġixxi, fil-kuntest tad-doveri li jassumi, b’osservanza tar-rekwiżit ta’ imparzjalità.

120.

B’hekk, skont l-Artikolu 211(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa obbligat jivverifika l-provi inkriminanti u skaġunanti miġbura kontra l-persuna ssuspettata jew akkużata.

121.

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar l‑Uffiċċju tal-Prosekutur, dan tal-aħħar huwa obbligat jiżgura l-legalità tal-investigazzjoni kriminali preliminari li huwa għandu d-dover li jmexxi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(11) u l-Artikolu 2(2) ta’ din l-istess liġi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jeżerċita d-doveri tiegħu bl‑osservanza tal-liġijiet. Dan jippreżumi li, meta jmexxi l-proċedura ta’ investigazzjoni preliminari kriminali, l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jkollu l-għan li mhux biss jiżgura l-effettività ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll li jiżgura li din il-proċedura ma titwettaqx bi preġudizzju sproporzjonat għad-dritt għall-ħajja privata tal-persuni kkonċernati. Fil-fatt, jista’ jitqies li l-awtorizzazzjoni għal aċċess għad-data miżmuma hija parti integrali mid-dover iktar ġenerali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur, li jikkonsisti fil-kontroll tal-legalità tal-mezzi użati mis-servizzi ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità tal-atti ta’ investigazzjoni fir-rigward tan-natura u tal-gravità tal-fatti.

122.

Jista’ għalhekk isir l-argument li huwa preċiżament għaliex imexxi l-investigazzjoni preliminari li l-Uffiċċju tal-Prosekutur għandu jevalwa wkoll jekk, fir-rigward tal-karatteristiċi ta’ kull kawża, aċċess għal data miżmuma mill-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet huwiex strettament neċessarju, fin-nuqqas ta’ provi alternattivi, sabiex l-investigazzjoni fuq allegat reat tavvanza.

123.

Xorta jibqa’ l-fatt li, mill-perspettiva tal-persuni kkonċernati mit‑talba għal aċċess għad-data, il-fatt li l-awtorità amministrattiva li hija inkarigata tivverifika jekk dan l-aċċess huwiex strettament neċessarju fil‑kuntest tal-investigazzjoni hija fl-istess ħin dik li tista’ tipproċedi kontrihom, imbagħad li tirrappreżenta lill-prosekuzzjoni waqt eventwali proċess ulterjuri, jista’, fl-opinjoni tiegħi, ikun tali li jdgħajjef il-garanziji ta’ imparzjalità previsti mil-leġiżlazzjoni Estonjana. Minn din il‑perspettiva, jista’ jkun hemm kunflitt potenzjali bejn dawn id-doveri tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur, minn naħa, u r-rekwiżit ta’ newtralità u ta’ oġġettività tal-kontroll minn qabel tan-natura proporzjonata tal‑aċċess għad-data, min-naħa l-oħra.

124.

Fil-fatt, fil-kuntest tad-doveri tiegħu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa obbligat jiġbor il-provi, jevalwa r-rilevanza tagħhom u jislet konklużjonijiet dwar il-ħtija tal-persuna inkwistjoni. Hija din l-awtorità tal-Istat li għandha tippreżenta u ssostni l-att tal-akkuża fil‑kuntest tal-kawża li hija inkarigata tirrappreżenta bħala prosekuzzjoni waqt il-proċess, u b’hekk hija parti fil-proċedura. Minħabba dawn id-doveri, l-Uffiċċju tal-Prosekutur huwa suġġett għal rekwiżit probatorju, li, mill-perspettiva tal-persuni ssuspettati li wettqu reat, jista’ jidher bħala inkompatibbli mal-kapaċità ta’ din l-istess awtorità li twettaq, b’mod newtrali u oġġettiv, kontroll minn qabel tan-natura proporzjonata tal‑aċċess għad-data.

125.

Kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-riskju jista’ jkun li, minħabba l‑kumulu tad-doveri li għandu, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jista’ jiġi pperċepit mill-persuni kkonċernati bħala li għandu interess li jagħti aċċess wiesa’ għad-data tagħhom, kemm jekk hija inkriminanti u kemm jekk hija skaġunanti. Barra minn hekk, il-persuni ssuspettati li wettqu reat jista’ jkollhom dubji leġittimi dwar l-imparzjalità tal-Uffiċċju tal‑Prosekutur meta jawtorizza l-aċċess għad-data tagħhom, peress li jista’ jaġixxi kontra tagħhom fi proċedura ulterjuri bħala prosekutur. Inqis li r-rekwiżit ta’ imparzjalità tal-awtorità amministrattiva li hija inkarigata tagħmel il-kontroll minn qabel meħtieġ mis-sentenza Tele2 Sverige u Watson et tippreżumi ċertu distanza u newtralità meta mqabbel mal-interessi li jista’ jkun hemm fil-kuntest tal-investigazzjoni preliminari, jiġifieri, minn naħa, l-effettività ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tad-data ta’ natura personali tal-persuni kkonċernati. Skont il-Kummissjoni, is-sitwazzjoni setgħet tkun differenti jekk l-organizzazzjoni amministrattiva interna tal-Uffiċċju tal-Prosekutur kienet tali li l-prosekutur li għandu jiddeċiedi dwar it-talba għal aċċess ma kellu l-ebda rwol fl-investigazzjoni preliminari u l-istadji ulterjuri tal-proċedura, inkluż il-kawża mressqa mill-prosekuzzjoni.

126.

Sa fejn, kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, il-prosekutur jifforma parti minn ġerarkija fi ħdan ir-Repubblika tal-Estonja, ma iniex ċert li dan is-suġġeriment tal-Kummissjoni jista’ jirrimedja l-inkonvenjenzi li jirriżultaw mill‑kumulu tad-doveri li l-leġiżlazzjoni Estonjana tagħti lill‑Uffiċċju tal-Prosekutur. Fi kwalunkwe każ, xorta tibqa’ rilevanti l‑idea li fuqha huwa bbażat dan is-suġġeriment, jiġifieri li l-kontroll minn qabel tan-natura proporzjonata tal-aċċess għad-data għandu jsir minn awtorità amministrattiva li, minn naħa, ma hijiex direttament implikata fit-tmexxija tal-investigazzjoni kriminali inkwistjoni u, min‑naħa l-oħra, għandha pożizzjoni ta’ newtralità fil-konfront tal‑partijiet fil-proċedura kriminali. Tali awtorità, mingħajr interessi marbuta mal-investigazzjoni u mal-kawża mmexxija mill-prosekuzzjoni fil-proċeduri inkwistjoni, ma tistax tiġi kkritikata li tagħti preferenza lill‑interessi tal-investigazzjoni bi preġudizzju għal dawk relatati mal‑protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati. L-imsemmija awtorità tkun għalhekk tista’ tadotta, b’imparzjalità sħiħa, deċiżjoni li tillimita l‑aċċess għad-data miżmuma għal dak li huwa strettament neċessarju sabiex tilħaq l-għan li għandu jintlaħaq, skont kif jitlob l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et ( 66 ) u Tele2 Sverige u Watson et. Fl-istess ħin, jiena konxju li l-istituzzjoni li tkun estranea għall‑interessi marbuta mal-proċeduri inkwistjoni ma għandiex issir akkost ta’ tnaqqis tal-effettività tal-investigazzjoni, tal-prosekuzzjoni u tar-repressjoni tar-reati kriminali.

127.

Sabiex tiġi osservata l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinvolvi ruħha iktar fl‑organizzazzjoni ġenerali tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri, u lanqas f’dik tal-organizzazzjoni interna tal-prosekuturi. Huma l-Istati Membri li għandhom jimplimentaw il-mezzi xierqa sabiex jiżguraw li l-kontroll minn qabel tal-aċċess għad-data miżmuma tiżgura ekwilibriju ġust bejn l-interessi marbuta mal-effettività tal-investigazzjoni kriminali u d-dritt għall-protezzjoni tad-data ta’ persuni kkonċernati minn dan l-aċċess.

128.

Ser nagħlaq billi nispjega li, fil-fehma tiegħi, in-nuqqas ta’ kontroll minn qabel imwettaq minn awtorità amministrattiva “indipendenti” fis-sens tas-sentenza Tele2 Sverige u Watson et ma jistax jiġi kkumpensat bl-eżistenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju li jista’ jsir wara li jiġi awtorizzat l-aċċess ( 67 ). Għall-kuntrarju, ir-rekwiżit ta’ kontroll minn qabel jitlef l-importanza tiegħu, li huwa li ma jitħalliex li jiġi awtorizzat aċċess għad-data miżmuma li huwa sproporzjonat meta mqabbel mal‑għan ta’ investigazzjoni, prosekuzzjoni u kundanna tar-reati kriminali.

129.

Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi għat-tielet domanda preliminari li l‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r‑rekwiżit li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma għandu jkun suġġett għal kontroll preliminari minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti ma huwiex issodisfatt meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li tali kontroll isir mill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur li għandu d-dover li jmexxi investigazzjoni preliminari filwaqt li jista’ jirrappreżenta lill‑prosekuzzjoni waqt il-proċess.

V. Konklużjoni

130.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mir-Riigikohus (il-Qorti Suprema, l-Estonja) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika), kif emendata bid‑Direttiva 2009/136/KE tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad‑Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fost il-kriterji li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxi l-aċċess mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal data ta’ natura personali li l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi huma obbligati jżommu bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, hemm il-kategoriji ta’ data kkonċernati kif ukoll it-tul tal-perijodu li għalih jintalab dan l‑aċċess. Hija l‑qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-gravità tal-indħil, jekk l-imsemmi aċċess kienx strettament neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan intiż sabiex jiżgura l-prevenzjoni, l‑investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali.

2)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, kif emendata bid‑Direttiva 2009/136, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal‑Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit li l-aċċess tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għad-data miżmuma għandu jkun suġġett għal kontroll preliminari minn qorti jew minn awtorità amministrattiva indipendenti ma huwiex issodisfatt meta leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li tali kontroll isir mill‑Uffiċċju tal‑Prosekutur li għandu d-dover li jmexxi investigazzjoni preliminari filwaqt li jista’ jirrappreżenta lill‑prosekuzzjoni waqt il-proċess.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514.

( 3 ) ĠU 2009, L 337, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”.

( 4 ) Iktar ’il quddiem il-“Karta”.

( 5 ) C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Tele2 Sverige u Watson et, EU:C:2016:970 (punt 120 u l-punt 2 tad-dispożittiv).

( 6 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il‑protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il‑moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 7 ) RT I 2004, 87, 593.

( 8 ) RT I 2003, 27, 166.

( 9 ) RT I 1998, 41, 625.

( 10 ) Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, wara li din il-piena ġiet konfuża mal-piena ta’ priġunerija ta’ erba’ snin u seba’ xhur li għaliha H. K. ġiet ikkundannata b’deċiżjoni tat-22 ta’ Marzu 2016 tal-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru), H. K. ġiet ikkundannata għal piena ta’ priġunerija totali ta’ ħames snin u xahar.

( 11 ) Dan kien reat li kien jikkonsisti fl-eżerċizzju ta’ influwenza fuq il-qorti. Nirrileva li l-fatti li bihom ġiet akkużata H. K. kienu ġew, minn dan l-aspett, ikkwalifikati mill‑ġdid mill-Viru Maakohus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Viru), skont l-Artikolu 323(1) tal-Kodiċi Kriminali, bi vjolenza fir-rigward ta’ persuna li kienet parti minn proċedura ġudizzjarja.

( 12 ) C‑207/16, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ministerio Fiscal, EU:C:2018:788.

( 13 ) Il-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

( 14 ) Punti 53 u 57 ta’ din is-sentenza.

( 15 ) Punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza.

( 16 ) Punt 120 u l-punt 2 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza.

( 17 ) Il-qorti tar-rinviju tiċċita, dwar dan is-suġġett, is-sentenzi tal-Qorti EDB tat-2 ta’ Settembru 2010, Uzun vs Il-Ġermanja (CE:ECHR:2010:0902JUD003562305, punti 71 sa 74), u tat-12 ta’ Jannar 2016, Szabó u Vissy vs L-Ungerija (CE:ECHR:2016:0112JUD003713814, punt 77).

( 18 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) Idem.

( 20 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 22 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 23 ) Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punti 38 u 39).

( 24 ) Ara b’mod partikolari, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Steffensen (C‑276/01, EU:C:2003:228, punt 71). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tittratta wkoll din il-kwistjoni mill-perspettiva tal-prinċipju ta’ effettività bħala limitazzjoni għall-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri (punti 66 sa 68 tas-sentenza msemmija).

( 25 ) Il-Kummissjoni tenfasizza, f’dan il-kuntest, li din il-kawża hija differenti minn dik li wasslet għas-sentenza Ministerio Fiscal.

( 26 ) Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punti 49 u 50).

( 27 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 112).

( 28 ) C‑520/18, EU:C:2020:7. Ara, b’mod partikolari, il-punti 72 sa 107 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 29 ) Ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 113).

( 30 ) Ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 115).

( 31 ) Ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 116).

( 32 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 117).

( 33 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 118).

( 34 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 119).

( 35 ) Idem.

( 36 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 120).

( 37 ) Idem.

( 38 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 121).

( 39 ) Ara s-sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 122).

( 40 ) Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punt 53).

( 41 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 54).

( 42 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 55).

( 43 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 56).

( 44 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 57).

( 45 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 61).

( 46 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 59).

( 47 ) Idem.

( 48 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 60).

( 49 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 62).

( 50 ) Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punt 59). Ara, fl-istess sens, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-kawża Ministerio Fiscal (C-207/16, EU:C:2018:300), li josserva li t-talba tal-awtoritajiet tal-pulizija tirrigwarda “perijodu ddefinit b’mod ċar u ristrett fiż-żmien, jiġifieri tnax-il ġurnata” (punt 33 kif ukoll il-punt 84).

( 51 ) Sentenza Ministerio Fiscal (punt 56).

( 52 ) Artikolu 1111(11) tal-Liġi dwar il-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u l-Artikolu 901 tal‑Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 53 ) Ara s-sentenza Ministerio Fiscal (punt 53).

( 54 ) Ikklassifikat ukoll bħala “prinċipju tal-ultima ratio”.

( 55 ) Sentenza Tele2 Sverige u Watson et (punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata), korsiv miżjud minni. Ara, fl-istess sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas‑26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punti 202208).

( 56 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punti 4041 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Ara, ukoll, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR UE-Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017 (EU:C:2017:592, punt 229).

( 57 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 58 ) Sentenza tat-8 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑288/12, EU:C:2014:237, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 59 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 60 ) Ara, fl-aħħar lok, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2019, JR u YC (Parquet général du Grand-Duché de Luxembourg u Openbaar Ministerie (Prosekuturi ta’ Lyon u ta’ Tours)) (C‑566/19 PPU u C‑626/19 PPU, EU:C:2019:1077), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, b’mod partikolari, li l-provi ppreżentati quddiemha kienu biżżejjed biex juru li, “fi Franza, il-Prosekuturi għandhom is-setgħa li jevalwaw b’mod indipendenti, b’mod partikolari meta mqabbla mal-poter eżekuttiv, il-ħtieġa u n-natura proporzjonata tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u jeżerċitaw din is-setgħa b’mod oġġettiv, billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha inkriminanti u li jiskaġunaw” (punt 55 ta’ din is-sentenza).

( 61 ) Fuq iż-żewġ aspetti tar-rekwiżit ta’ indipendenza, ara, b’analoġija, fir-rigward tal‑qrati nazzjonali li huma mitluba jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal‑interpretazzjoni u mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18, EU:C:2019:924, punti 108 sa 110 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, PF (Prosekutur ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:457, punti 3940).

( 63 ) Sentenza tat-12 ta’ Diċembru 1996, X (C‑74/95 u C‑129/95, EU:C:1996:491, punt 19).

( 64 ) Pereżempju, l-Uffiċċju tal-Prosekutur jagħti awtorizzazzjoni għal sorveljanza diskreta ta’ persuna, ta’ oġġett jew ta’ post, kif ukoll, f’diversi każijiet, bil-għan ta’ tfittxija.

( 65 ) Ara wkoll, fl-istess sens, l-Artikolu 30(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali.

( 66 ) C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238.

( 67 ) Skont il-punti mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, fid-dritt Estonjan, dan l-istħarriġ ġudizzjarju jista’ jsir fi tmiem l-investigazzjoni preliminari, meta persuna suspettata, wara li tkun irċeviet l-akkuża, tiddeċiedi li tikkontesta att ta’ din il-proċedura, jew inkella waqt il-proċess.