KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit‑23 ta’ April 2020 ( 1 )

Kawża C‑743/18

Elme Messer Metalurgs

vs

Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rēzeknes tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Rēzekne, il-Latvja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Fondi strutturali — Regolament (KE) Nru 1083/2006 — Artikoli 98, 57 u 2(7) — Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) — Obbligu li jitwettqu korrezzjonijiet finanzjarji b’rabta ma’ irregolaritajiet — Durabbiltà tal-operazzjonijiet — Tifsira ta’ “irregolarità” — Att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku — Insolvenza tal-uniku soċju kummerċjali tal-benefiċjarju”

1. 

L-impriżi tan-negozju kollha jinvolvu element ta’ riskju. Anki l-iktar impriżi siguri jistgħu ġieli jbatu, jintilfu fl-istaġnar tar-ritmu ekonomiku jew jiġu mgħarrqa mill-isfortuni ta’ soċju jew klijent vitali. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba teżamina sitwazzjoni li fiha proġett, kofinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (iktar ’il quddiem il-“FEŻR”), naqas milli jissodisfa ċerti għanijiet minħabba li l-uniku soċju tal-benefiċjarju sar insolventi. F’sitwazzjoni bħal din, il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ iħallas lura l-finanzjament mogħti mill-FEŻR, anki jekk in-nuqqas tiegħu li jissodisfa dawn l-għanijiet kien ir-riżultat ta’ ċirkustanzi lil hinn mill-kontroll tiegħu?

2. 

B’mod iktar speċifiku, id-domanda magħmula mir-Rēzeknes tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Rēzekne, il-Latvja) f’din il-kawża tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tiċċara l-portata tal-kunċett ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-proċedura prinċipali tikkostitwixxix “irregolarità” fis-sens ta’ dan ir-regolament, li fir-rigward tagħha Stat Membru għandu jwettaq korrezzjoni finanzjarja u jirkupra l-finanzjament ikkonċernat kollu jew parti minnu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 2988/95

3.

Ir-Regolament Nru 2988/95 ( 3 ) jistabbilixxi regoli ġenerali għal sorveljanza u penali bl-għan li jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-Komunità li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali tal-Komunità jew il-budget mmexxi minnhom, jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom tal-Komunità, jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

Ir-Regolament Nru 1080/2006

4.

Ir-Regolament Nru 1080/2006 ( 4 ), li jistabbilixxi l-inkarigi tal-FEŻR, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assistenza tiegħu fir-rigward tal-għanijiet iddefiniti fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 u r-regoli dwar l-eliġibbiltà għal assistenza, jistabbilixxi, fl-Artikolu 2 tiegħu:

“Skond l-Artikolu 160 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 1083/2006, il-FEŻR għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ l-għajnuna li timmira għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika u soċjali billi jiġu rimedjati l-iżbilanċi reġjonali prinċipali permezz ta’ sostenn għall-iżvilupp u l-aġġustament strutturali ta’ l-ekonomiji reġjonali, inklużi l-konversjoni ta’ reġjuni industrijali fi stat ta’ deklin u reġjuni li baqgħu lura, u sostenn għall-koperazzjoni trans-konfinali, transnazzjonali u inter-reġjonali.

Waqt li jagħmel dan, il-FEŻR għandu jagħti effett lill-prijoritajiet tal-Komunità, u b’mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħu l-kompetittività u l-innovazzjoni, li jinħolqu u jiġu salvagwardjati impjiegi sostenibbli, u li jiġi żgurat żvilupp sostenibbli.”

Ir-Regolament Nru 1083/2006

5.

Ir-Regolament Nru 1083/2006 stabbilixxa r-regoli ġenerali li jirregolaw il-FEŻR, kif ukoll il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (flimkien, iktar ’il quddiem, il-“Fondi”), għall-perijodu 2007‑2013. Dan jistabbilixxi, inter alia, il-prinċipji u r-regoli dwar ġestjoni finanzjarja, sorveljanza u kontroll fuq il-bażi ta’ responsabbiltajiet maqsuma bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea.

6.

Il-premessi 22, 28, 60, u 61 tar-Regolament Nru 1083/2006 jispjegaw li:

“(22)

L-attivitajiet tal-Fondi u l-operazzjonijiet li huma jgħinu jiffinanzjaw għandhom ikunu koerenti mal-linji politiċi l-oħra tal-Komunità u jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni Komunitarja.

[…]

(28)

Taħt l-Artikolu 274 tat-Trattat, fil-kuntest ta’ tmexxija kondiviża, il-kondizzjonijiet li jippermettu lill-Kummissjoni twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha għall-implementazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej għandhom jiġu speċifikati u r-responsabbiltajiet ta’ koperazzjoni mill-Istati Membri jiġu ċċarati. Bl-applikazzjoni ta’ dawn il-kondizzjonijiet il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tiżgura li l-Istati Membri jużaw il-Fondi b’mod legali u regolari u skond il-prinċipju ta’ tmexxija finanzjarja tajba fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.

[…]

(60)

Skond il-prinċipju ta’ sussidjarjetà u suġġett għall-eċċezzjonijiet previsti fir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 […] fir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 [ ( 5 )] u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006 [ ( 6 )], għandu jkun hemm regoli nazzjonali dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq.

(61)

Sabiex ikunu żgurati l-effikaċja, il-ġustizzja u l-impatt sostenibbli ta’ l-intervent tal-Fondi, għandu jkun hemm dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li l-investmenti fin-negozji jdumu fit-tul u li jimpedixxu l-użu ta’ dawn il-Fondi għal skopijiet ta’ vantaġġ mhux dovut. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-investmenti li jgawdu minn għajnuna mogħtija taħt il-Fondi jistgħu jitħassru matul perjodu twil biżżejjed.”

7.

L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 jiddefinixxi “irregolarità” (f’termini mhux dissimili għal dawk tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95) bħala “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi Komunitarja li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali.”

8.

Skont l-Artikolu 3(1), azzjoni meħuda mill-Unjoni skont dak li issa huwa l-Artikolu 174 TFUE għandha tkun imfassla sabiex issaħħaħ il-koeżjoni ekonomika u soċjali tal-Unjoni mkabbra sabiex jitmexxa ’l quddiem l-iżvilupp armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tal-Unjoni. Din l-azzjoni għandha tkun immirata sabiex tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali li żviluppaw b’mod partikolari f’pajjiżi u reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura u b’rabta mar-ristrutturazzjoni ekonomika u soċjali u max-xjuħija tal-popolazzjoni ( 7 ).

9.

Skont l-Artikolu 9(2), il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-assistenza mill-Fondi tkun konsistenti mal-attivitajiet, politiki u prijoritajiet tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 9(5), operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi għandhom josservaw id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tal-atti adotatti skontu.

10.

L-Artikolu 56 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Eliġibbiltà tan-nefqa”, jipprovdi:

“1.   Infiq, inkluż għal proġetti kbar, għandu jkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi jekk ġie verament imħallas bejn id-data tal-preżentazzjoni tal-programmi operattivi lill-Kummissjoni jew mill‑1 ta’ Jannar 2007, skond liema data tiġi l-ewwel, u l‑31 ta’ Diċembru 2015. L-operazzjonijiet m’għandhomx ikunu tlestew qabel id-data tal-bidu għall-eliġibbiltà.

[…]

3.   Nefqa għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-Fondi fil-każ biss fejn kellha titħallas għal operazzjonijiet deċiżi mill-awtorità ta’ ġestjoni tal-programm operattiv konċernat jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, skond il-kriterji stabbiliti mill-kumitat ta’ sorveljanza.

[…]

4.   Ir-regoli dwar l-eliġibbiltà ta’ l-infiq għandhom ikunu stabbiliti fil-livell nazzjonali suġġett għall-eċċezzjoni prevista fir-Regolamenti speċifiċi għal kull Fond. Huma għandhom ikopru n-nefqa pubblika kollha ddikjarata taħt il-programm operattiv.

[…]”

11.

Skont l-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “It-tul ta’ żmien ta’ l-operazzjonijiet”:

“1.   L-Istat Membru jew l-awtorità ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjoni li tinkludi investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv tibqa’ żżomm il-kontribuzzjoni mill-Fondi biss jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin qabel it-tlestija tagħha, ma ġġarrabx modifika sostanzjali kkawżat minn bidla fid-dritt ta’ proprjetà ta’ xi element ta’ infrastruttura jew mill-waqfien ta’ xi attività produttiva u li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet tal-implimentazzjoni tal-operazzjoni jew tagħti lil xi kumpannija jew korp pubbliku xi vantaġġ mhux dovut.

[…]”

12.

Konformement mal-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 1083/2006:

“L-awtorità ta’ ġestjoni għandha tkun responsabbli għall-ġestjoni u l-implementazzjoni tal-programm operattiv skond il-prinċipju ta’ amministrazzjoni finanzjarja tajba u b’mod partikolari sabiex:

(a)

tiżgura li l-operazzjonijiet jiġu magħżula għall-finanzjament skond il-kriterji applikabbli għall-programm operattiv u li jikkonformaw mar-regoli Komunitarji u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom;

(b)

tivverifika li l-prodotti u s-servizzi ko-finanzjati ġew konsenjati u li n-nefqa ddikjarata mill-benefiċjarji għall-operazzjonijiet tkunu saret tassew u tkun konformi mar-regoli Komunitarji u nazzjonali; […]”

13.

L-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 1083/2006, intitolat “Ġestjoni u kontroll”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

(a)

li jiżguraw li s-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll għall-programmi operattivi huma stabbiliti skond l-Artikoli 58 sa 62 u jaħdmu b’mod effettiv;

(b)

li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.   Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.

[…]”

14.

L-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprovdi, inter alia, li, għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, “operazzjoni tkun meqjusa lesta fejn l-attivitajiet li jaqgħu taħtha jkunu saru tassew u li l-infiq kollu mill-benefiċjarji u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti jkunu tħallsu.”

15.

Skont l-Artikolu 98(1) ta’ dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom l-ewwel jerfgħu r-responsabbiltà sabiex jinvestigaw irregolaritajiet, waqt li jaġixxu fuq il-provi ta’ kull bidla maġġuri li taffettwa n-natura ta’ jew il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni jew il-kontroll ta’ operazzjonijiet jew programmi operattivi u jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa ( 8 ). Skont l-Artikolu 98(2), l-Istat Membru għandu jagħmel il-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa rigward l-irregolaritajiet individwali jew sistematiċi li jiġu individwati f’operazzjonijiet jew programmi operattivi. Dawn il-korrezzjonijiet jinkludu l-kanċellament tal-kontribuzzjoni pubblika kollha jew parti minnha għall-programm operattiv, b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fondi.

Ir-Regolament Nru 1828/2006

16.

Ir-Regolament Nru 1828/2006 ( 9 ) jistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 u tar-Regolament Nru 1080/2006 fir-rigward, inter alia, ta’ sistemi ta’ ġestjoni u kontroll u irregolaritajiet.

17.

Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1828/2006, intitolat “Awtorità ta’ ġestjoni u kontrolluri”:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ l-għażla u ta’ l-approvazzjoni ta’ l-operazzjonijiet taħt l-Artikolu 60(a) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura ruħha li l-benefiċjarji jkunu informati dwar il-kondizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu fornuti taħt l-operazzjoni, il-pjan ta’ finanzjament, il-limitu ta’ żmien għall-eżekuzzjoni, u l-informazzjoni finanzjarja u informazzjoni oħra li għandha tinżamm u tiġi kkomunikata.

Għandha tkun żgura li l-benefiċjarju jkollu l-kapaċità li jissodisfa dawn il-kondizzjonijiet qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ l-approvazzjoni.”

18.

L-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1828/2006, fit-Taqsima 4 tiegħu, intitolata “L-irregolaritajiet”, jiddefinixxi “operatur ekonomiku” bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew legali jew entità oħra li tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ għajnuna mill-Fondi, ħlief għal Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika”.

19.

L-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1828/2006 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kwalunkwe irregolaritajiet li kienu s-suġġett ta’ sejba amministrattiva jew ġudizzjarja primarja, bl-ispeċifikazzjoni, inter alia, tad-dispożizzjoni li ġiet miksura, il-prattiki użati fit-twettiq tal-irregolaritajiet u, fejn applikabbli, jekk il-prattika tirriżultax f’suspett ta’ frodi.

Id-dritt nazzjonali

20.

Punt 16.1 tar-Regolament tal-Kabinett Nru 200, li jikkonċerna l-ewwel stadju ta’ selezzjoni ta’ proposti għal proġetti relatati mal-attività “Investimenti ta’ valur miżjud għoli” fl-Anness 2.1.2.4 tal-programm operazzjonali “Intrapriżi u Innovazzjonijiet”, jipprovdi li “investimenti fit-tul għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jintużaw fil-post tal-eżekuzzjoni tal-proġett imsemmi fl-applikazzjoni u fil-kuntest tal-attività ekonomika tal-benefiċjarju”.

21.

Punt 17.1 ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “fil-kuntest tal-attività, l-infiq segwenti jitqies infiq eliġibbli: infiq relatat max-xiri ta’ apparat (u impjant) ġdid li huwa direttament marbut mal-proċess ta’ produzzjoni jew il-provvista ta’ servizzi fis-settur li fih il-proġett għandu jiġi implimentat […]”

22.

Punt 2.1 tar-Regolament tal-Kabinett Nru 740 dwar il-“Proċeduri għar-rappurtar ta’ irregolaritajiet individwati fl-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u l-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea, għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-użu tal-finanzjament mogħti u l-irkupru ta’ nfiq irregolari” jipprovdi li “irregolarità għandha tiġi interpretata bħala kwalunkwe att li jikser kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt Latvjan jew tal-Unjoni”.

23.

L-Artikolu 1774 tal-Kodiċi Ċivili Latvjan jipprovdi li “mhux meħtieġ li telf aċċidentali jiġi kkumpensat minn xi ħadd. Għaldaqstant, jekk ostakolu mhux previst jipprevjeni persuna milli twettaq obbligu li hija tkun assumiet, din il-persuna għandha titqies li wettqet l-obbligu, sakemm hija ma tkunx aċċettat f’kuntratt ir-riskju ta’ telf aċċidentali.”

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

24.

Fis‑7 ta’ April 2010, ir-rikorrenti fil-proċedura prinċipali, SIA “Elme Messer Metalurgs” (iktar ’il quddiem “EMM”), ikkonkludiet kuntratt mal-“Latvijas Investīciju un attīstības aģentūra” (l-Aġenzija tal-Latvja għall-Investiment u l-Iżvilupp, iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”) li skontu EMM ingħatat kofinanzjament mill-FEŻR għal proġett intiż sabiex joħloq faċilità ġdida għall-produzzjoni ta’ ċerti gassijiet industrijali (iktar ’il quddiem il-“kuntratt”). Kien previst li din il-faċilità tifforma parti mill-operazzjoni tal-impjant metallurġiku ta’ AS “Liepājas Metalurgs” (iktar ’il quddiem “LM”), li wkoll kienet parti fil-kuntratt ( 10 ).

25.

L-implimentazzjoni tal-proġett bdiet dakinhar stess u kellha titlesta sas‑6 ta’ Diċembru 2012. L-apparat neċessarju nxtara u ġie installat, l-esperti ġew irreklutati u mħarrġa, u l-faċilità tal-produzzjoni bdiet topera. Sabiex tikseb dan, EMM investiet EUR 12283 579.00 mill-fondi tagħha stess, kif ukoll l-assistenza finanzjarja tal-FEŻR mogħtija lilha permezz ta’ pagamenti provviżorji, li ammontaw għal EUR 2212 511.14.

26.

Fit‑3 ta’ Jannar 2013, EMM issottomettiet rapport finali ta’ eżekuzzjoni dwar il-proġett lill-Aġenzija, li ssupplimentatu fis‑7 ta’ Frar 2013, b’talba sabiex il-pagament finali ta’ EUR 737 488.86 permezz ta’ assistenza tal-FEŻR jiġi ttrasferit lilha skont il-kuntratt.

27.

Fil-bidu tal‑2013, LM beda jkollha problemi ta’ likwidità. Minħabba li l-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ EMM stabbiliti fil-pjan kummerċjali tagħha kien direttament dipendenti fuq l-attività kummerċjali ta’ LM, l-Aġenzija esprimiet tħassib li EMM tista’ tkun inkapaċi li twettaq l-obbligi tagħha skont il-kuntratt u li tissodisfa dawn l-obbligi – jiġifieri li żżomm produzzjoni ta’ mhux inqas minn madwar 50.5 miljun m3 kull sena, u li tiżgura żieda medja fil-volum ta’ dħul mill-bejgħ ta’ almenu 20 % matul l-ewwel sentejn wara t-twettiq tal-proġett. L-Aġenzija għaldaqstant issospendiet il-pagament tal-assistenza finanzjarja.

28.

Fit‑12 ta’ Novembru 2013, tħabbar li nbdew proċeduri ta’ insolvenza kontra LM.

29.

Permezz ta’ ittra ddatata t‑28 ta’ Lulju 2014 l-Aġenzija talbet li EMM tipprovdi dokumenti li jinkludu informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-proġett, bl-indikazzjoni li hija tista’ tittermina l-kuntratt.

30.

L-impjant metallurġiku ta’ LM ġie akkwistat f’xi punt minn KVV “Liepājas Metalurgs”. Bħala konsegwenza, EMM ma setgħetx tkompli l-attività ekonomika tagħha. Hija informat lill-Aġenzija dwar dan u pproponiet għażliet ta’ ristrutturazzjoni kummerċjali.

31.

Fil‑31 ta’ Marzu 2016, l-Aġenzija kitbet lil EMM. Wara li identifikat ċerti problemi bl-impjant metallurġiku Liepājas Metalurgs, hija nnotifikat lil EMM li kienet qiegħda tittermina l-kuntratt unilateralment. L-Aġenzija ġġustifikat din it-terminazzjoni minħabba li, waqt l-implimentazzjoni tal-proġett, EMM wettqet ksur serju, speċifikament billi naqset sostanzjalment mill-obbligi stabbiliti fil-pjan kummerċjali ta’ EMM.

32.

EMM ippreżentat rikors kontra l-Aġenzija fil-qorti tar-rinviju, fejn talbet li l-avviż li ttermina l-kuntratt jiġi ddikjarat invalidu. Hija ddikjarat li, bit-terminazzjoni unilaterali tal-kuntratt, l-Aġenzija kisret il-prinċipju ta’ bona fide, minħabba li EMM ma kisritx l-obbligi kuntrattwali tagħha u huwa paċifiku li hija użat l-assistenza finanzjarja mogħtija lilha għal inkarigi assoċjati mal-implimentazzjoni tal-proġett.

33.

L-Aġenzija tissottometti li l-problemi finanzjarji ta’ LM u l-interruzzjoni tal-attività ekonomika tagħha ma għandhomx jitqiesu bħala ostakolu mhux prevedibbli fis-sens tal-Artikolu 1774 tal-Kodiċi Ċivili Latvjan. Minflok, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-proċedura prinċipali għandha titqies bħala “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 u Punt 2.1 tar-Regolament tal-Kabinett Nru 740. Bħala konsegwenza, l-Aġenzija kienet intitolata tirkupra l-finanzjament diġà mogħti skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament tal-Kabinett Nru 740.

34.

L-Aġenzija għaldaqstant ressqet kontrotalba kontra EMM, li permezz tagħha hija qiegħda tfittex li tirkupra t-totalità tal-assistenza finanzjarja diġà mħallsa lil din tal-aħħar – jiġifieri, EUR 2212 511.14 – kif ukoll l-interessi moratorji miżjuda matul il-perijodu mit‑18 ta’ April 2016 sal‑14 ta’ Frar 2017, li jammontaw għal EUR 670 390.53.

35.

EMM issostni li r-Regolament Nru 1083/2006, li jistabbilixxi li irregolarità hija “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku”, ma jistax jiġi applikat f’din il-kawża. Is-sitwazzjoni li fiha EMM ma setgħetx tuża l-faċilità ta’ produzzjoni bħala parti mill-attività ekonomika tagħha ma seħħitx b’riżultat ta’ att jew ommissjoni attribwibbli lil EMM, iżda minħabba li l-impjant “Liepājas Metalurgs” waqaf jopera.

36.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-konklużjoni tal-proċedura prinċipali tiddependi ħafna fuq jekk seħħitx “irregolarità” jew le fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006. Fil-fehma tagħha, huwa biss jekk tiġi stabbilita irregolarità bħal din li l-Aġenzija tkun intitolata tirrifjuta li tkompli l-finanzjament u tirkupra l-finanzjament diġà mogħti.

37.

F’dawn iċ-ċirkustanzi r-Rēzeknes tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Rēzekne) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“L-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li sitwazzjoni li fiha l-benefiċjarju tal-finanzjament ma jkunx fil-pożizzjoni li jilħaq il-livell ta’ volum ta’ dħul mill-bejgħ previst matul il-perijodu rilevanti, minħabba li matul dan il-perijodu seħħ il-waqfien tal-attività kummerċjali jew l-insolvenza tal-uniku soċju tiegħu, għandha tiġi kkunsidrata bħala att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku (benefiċjarju tal-finanzjament) li għandu, jew jista’ jkollu bħala konsegwenza li jiġi ppreġudikat il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea?”

38.

Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn EMM, l-Aġenzija, il-Gvern Estonjan u l-Gvern Latvjan, u l-Kummissjoni Ewropea. Fis-seduta li nżammet fil‑11 ta’ Diċembru 2019, dawn il-partijiet, kif ukoll il-Gvern Ċek, għamlu sottomissjonijiet orali u wieġbu għad-domandi magħmula lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Ammissibbiltà

39.

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Estonjan issottomettew li ċerti elementi tal-kuntest fattwali u legali tal-proċedura prinċipali ma jistgħux jiġu inferiti mid-deċiżjoni tar-rinviju. Dan iqajjem il-mistoqsija jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli.

40.

Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tosserva bir-reqqa r-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kontenut ta’ talba għal deċiżjoni preliminari u li jissemmew b’mod espliċitu fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun ta’ użu għall-qorti nazzjonali u sabiex tippermetti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ( 11 ). F’dan il-kuntest, peress li t-talba għal deċiżjoni preliminari sservi ta’ bażi għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa indispensabbli li l-qorti nazzjonali tispjega, f’din it-talba, inter alia, il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tat-tilwima fil-proċedura prinċipali ( 12 ).

41.

Madankollu, minħabba l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li jeżisti fir-relazzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, l-assenza ta’ ċerti konstatazzjonijiet magħmula minn qabel mill-qorti tar-rinviju ma twassalx neċessarjament għall-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari jekk, minkejja dawn in-nuqqasijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess, jidhrilha li tkun f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju ( 13 ).

42.

Huwa veru li l-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjoni tar-rinviju hija inqas minn eżawrjenti f’ċerti aspetti, partikolarment fir-rigward tal-kontenut preċiż u n-natura tal-obbligi ta’ EMM skont il-kuntratt. Minkejja dan, nikkunsidra li d-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi materjal fattwali u legali suffiċjenti li jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi risposta li tkun ta’ użu għall-qorti tar-rinviju fis-soluzzjoni tat-tilwima quddiemha. B’mod partikolari, huwa ċar mill-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-konklużjoni tat-tilwima fil-proċedura prinċipali fil-fatt tiddependi fuq jekk seħħitx “irregolarità” jew le. Interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, hija għaldaqstant essenzjali sabiex tippermetti lill-qorti tar-rinviju ssolvi t-tilwima quddiemha.

Evalwazzjoni

43.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk sitwazzjoni bħal dik fil-proċedura prinċipali – li fiha benefiċjarju ta’ assistenza finanzjarja mill-FEŻR ma jkunx jista’ jilħaq ċerti għanijiet tal-operazzjoni inkwistjoni minħabba li l-uniku soċju kummerċjali jew klijent tiegħu waqqaf l-attività ekonomika tiegħu jew sar insolventi – tikkostitwixxix irregolarità fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

44.

Irregolarità, kif iddefinita minn din id-dispożizzjoni, tinkludi tliet elementi. Għandu jkun hemm (i) ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, (ii) li jirriżulta minn att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, (iii) li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni billi tiġi addebitata nefqa mhux iġġustifikata lil dan il-baġit.

45.

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ irregolarità fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, huwa għaldaqstant neċessarju li jiġi ddeterminat jekk kull waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet (kumulattivi) ġietx issodisfatta.

Ksur ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni

46.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni]” għandu jiġi interpretat li jkopri mhux biss ksur tad-dritt tal-Unjoni iżda wkoll ksur ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi ( 14 ).

47.

Din l-interpretazzjoni hija sostnuta kemm mill-kuntest leġiżlattiv kif ukoll mill-għanijiet tar-Regolament Nru 1083/2006. B’mod partikolari, l-Artikolu 60(a) tar-Regolament Nru 1083/2006 jeħtieġ li l-awtoritajiet ta’ ġestjoni jiżguraw li operazzjonijiet magħżula għall-finanzjament “jikkonformaw mar-regoli [tal-Unjoni] u nazzjonali applikabbli għall-perjodu sħiħ ta’ l-implementazzjoni tagħhom” (enfasi miżjuda minni). Jekk ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, li jikkontribwixxu sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni rigward il-ġestjoni ta’ proġetti ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni jiġi applikat b’mod xieraq, ma setax jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, dan jista’ jipperikola għan prinċipali mfittex mil-leġiżlatur tal-Unjoni f’dan il-qasam, jiġifieri li jiġi żgurat li fondi tal-Unjoni jintużaw b’mod xieraq u effettiv sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ( 15 ).

48.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha taċċerta jekk seħħx ksur tad- tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rigward l-applikazzjoni tal-finanzjament tal-FEŻR f’din il-kawża. B’mod partikolari, hija din il-qorti li għandha tiddetermina jekk, kif l-Aġenzija tissottometti fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, EMM kisritx il-kuntratt u dispożizzjonijiet varji tad-dritt nazzjonali ( 16 ) billi naqset milli twettaq attività ekonomika bl-apparat akkwistat fil-kuntest tal-operazzjoni inkwistjoni u billi naqset milli tilħaq l-għanijiet ta’ din l-operazzjoni.

49.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li s-sistema ta’ sussidji żviluppata fir-regoli tal-Unjoni hija bbażata, inter alia, fuq it-twettiq mill-benefiċjarju ta’ serje ta’ obbligi li jagħtuh dritt għall-ġbir tal-għajnuna finanzjarja prevista. Jekk il-benefiċjarju ma jwettaqx dawn l-obbligi kollha li għalihom ġie suġġett l-għoti ta’ assistenza, huwa ma jistax jibbaża ruħu fuq il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u tad-drittijiet miksuba bil-għan li jikseb il-pagament tal-bqija tal-ammont totali tal-għajnuna inizjalment mogħtija ( 17 ).

50.

Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk l-elementi tal-kuntratt li EMM allegatament kisret kinux fil-fatt (i) termini formali tal-kuntratt, minflok dikjarazzjonijiet ta’ xewqa, u (ii) (jekk iva) termini essenzjali tiegħu, mill-perspettiva li jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintużaw b’mod xieraq u effettivament sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Huwa biss meta ż-żewġ kundizzjonijiet jiġu ssodisfatti li tista’ tkun twettqet irregolarità ( 18 ).

51.

Il-qorti nazzjonali għandha tivverifika wkoll jekk il-benefiċjarju kienx suffiċjentement informat mill-Aġenzija dwar l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-operazzjoni inkwistjoni. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1828/2006, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li l-benefiċjarji jkunu informati, inter alia, dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi rigward il-prodotti jew servizzi li għandhom jiġu pprovduti skont l-operazzjoni u t-terminu għall-eżekuzzjoni. Iktar minn hekk, fejn benefiċjarju ta’ assistenza finanzjarja mill-Fondi ma huwiex f’pożizzjoni li jaċċerta b’mod inekwivoku x’inhuma d-drittijiet u l-obbligi tiegħu u li jieħu passi xierqa, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi invokazzjoni ta’ dawn l-obbligi kontra l-benefiċjarju, sakemm huwa possibbli li tiġi stabbilita l-bona fide tal-benefiċjarju ( 19 ).

52.

L-Aġenzija tiddikjara wkoll li EMM kisret ir-rekwiżit ta’ durabbiltà stabbilit fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 u għaldaqstant kisret id-dritt tal-Unjoni kif ukoll id-dritt nazzjonali. Skont il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirlix li din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata hawnhekk.

53.

Kif il-premessa 61 tar-Regolament 1083/2006 tagħmilha ċara, ir-rekwiżit ta’ durabbiltà stabbilit fl-Artikolu 57(1) ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura li l-investimenti mill-Fondi jkollhom impatt fit-tul fuq ir-reġjuni inkwistjoni u ma jintużawx sabiex jiġi introdott vantaġġ mhux dovut.

54.

L-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 għaldaqstant jipprevedi li l-Istat Membru jew awtorità ta’ ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjonijiet li jinkludu investiment fl-infrastruttura jew investiment produttiv iżommu l-kontribut mill-Fondi biss jekk dawn l-operazzjonijiet ma jwettqux modifika sostanzjali, filwaqt li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni, fi żmien ħames snin mit-twettiq tagħhom. L-Artikolu 57(1) għaldaqstant jiskatta biss meta operazzjoni legalment tkun “lesta”.

55.

L-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprevedi li, għall-għanijiet ta’ dan ir-regolament, operazzjoni titqies lesta “fejn l-attivitajiet li jaqgħu taħtha jkunu saru tassew u li l-infiq kollu mill-benefiċjarji u l-kontribuzzjoni pubblika korrispondenti jkunu tħallsu”.

56.

Għaldaqstant, operazzjoni ma titqiesx “lesta” għall-għanijiet tar-Regolament Nru 1083/2006 jekk tkun meħtieġa iktar attività sabiex tlesti l-operazzjoni jew ikun għad fadal iktar pagamenti xi jsiru lill-benefiċjarju ( 20 ).

57.

Kif il-Kummissjoni indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma huwiex ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju jekk EMM effettivament wettqitx l-attivitajiet skont l-operazzjoni inkwistjoni. Din hija kwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi u jiena bl-ebda mod ma jien ser nagħti ġudizzju fuqha. Li huwa ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huwa li l-kontribuzzjoni pubblika ma ġietx imħallsa bis-sħiħ. Kif l-Aġenzija indikat fl-osservazzjonijeit bil-miktub tagħha, hija ma ttrasferixxietx lil EMM il-pagament finali previst skont il-kuntratt, li jammonta għal EUR 737 488.86.

58.

Minħabba li l-kontribuzzjoni pubblika ma ġietx imħallsa bis-sħiħ, isegwi li l-operazzjoni ma tlestietx fis-sens tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 1083/2006. L-Artikolu 57(1) ta’ dan ir-regolament għaldaqstant ma ġiex skattat, minħabba li r-rekwiżit ta’ durabbiltà li dan jistabbilixxi japplika għall-perijodu “fi żmien ħames snin mid-data tat-tlestija ta’ l-operazzjoni” ( 21 ).

59.

Jiena nżid li, apparti li jmur kontra t-testi applikabbli, jidhrili li jkun ukoll irraġonevoli, fil-fehma tiegħi, li jiġi impost tali rekwiżit fuq benefiċjarju li għadu ma rċeviex il-kontribuzzjoni pubblika sħiħa li tikkorrispondi għall-infiq eliġibbli li huwa wettaq fir-rigward tal-operazzjoni inkwistjoni. Mingħajr aċċess għall-miżura sħiħa ta’ din l-assistenza finanzjarja l-benefiċjarju jista’ ma jkollux il-mezzi sabiex jiżgura d-durabbiltà fit-tul ta’ din l-operazzjoni.

Att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku

60.

It-tieni kundizzjoni kumulattiva stabbilita fid-definizzjoni ta’ “irregolarità” fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 hija li l-ksur għandu jirriżulta minn “att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku” ( 22 ).

61.

Sitwazzjoni li fiha benefiċjarju ta’ assistenza mill-Fondi jikser dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni jew dispożizzjoni rilevanti ta’ dritt nazzjonali minħabba li l-uniku soċju jew klijent tiegħu jwaqqaf attività jew isir insolventi, tikkostitwixxi “att jew ommissjoni minn [dan l-]operatur ekonomiku”?

62.

Kuntrarjament għall-fehma sostnuta minn EMM fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-kunċett ta’ “att jew ommissjoni” fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 ma huwiex limitat għal atti intenzjonalment frawdolenti. Il-leġiżlazzjoni f’dan il-qasam tagħmel distinzjoni ċara bejn il-kategorija wiesgħa ta’ irregolaritajiet, li sempliċement jinvolvu miżura amministrattiva li tirtira l-vantaġġ miksub indebitament, u s-subkategorija iktar dejqa ta’ irregolaritajiet intenzjonali jew dawk ikkawżati b’negliġenza, li tista’ tattira penali amministrattivi jew – fil-każ ta’ irregolaritajiet frawdolenti – tirriżulta fi proċeduri kriminali ( 23 ). B’mod partikolari, kif l-Aġenzija indikat tajjeb fis-seduta, ir-rekwiżit ta’ rappurtar fl-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1828/2006 jirrikjedi li l-Istat Membru kkonċernat jispeċifika lill-Kummissjoni jekk irregolarità partikolari tinvolvix suspett ta’ frodi ( 24 ). Dan ma jkunx neċessarju jekk il-frodi kienu element essenzjali ta’ irregolarità. Għaldaqstant, irregolarità tista’ tiġi stabbilita anki jekk l-att jew l-ommissjoni inkwistjoni jkunu nieqsa minn kwalunkwe intenzjoni frawdolenti ( 25 ).

63.

Madankollu, bl-inklużjoni tal-kliem “li jirriżulta minn att jew ommissjoni minn operatur ekonomiku” fid-definizzjoni ta’ irregolarità, il-leġiżlatur impona kundizzjoni li l-ksur inkwistjoni għandu jkun attribwibbli għal att jew ommissjoni mill-operatur innifsu. Fi kliem ieħor, għandu jkun hemm rabta adegwata ta’ kawżalità bejn il-ksur u l-att jew ommissjoni imputabbli lill-operatur ( 26 ). Għaldaqstant, f’Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sitwazzjoni fejn rifużjoni fuq l-esportazzjoni tkun tħallset indebitament lil operatur minħabba żball tal-awtoritajiet nazzjonali, ma tikkostitwixxix “irregolarità” fis-sens tar-Regolament Nru 2988/95, minħabba li l-ħlas żejjed indebitu ma rriżultax minn att jew ommissjoni ta’ dan l-esportatur ( 27 ).

64.

Għaldaqstant, ma jidhirlix li jista’ jingħad li ksur jirriżulta minn att jew ommissjoni imputabbli lill-operatur meta l-kawża aħħarija ta’ dan tkun tibsab f’ċirkustanzi esterni li huma lil hinn mill-kontroll tal-operatur, bħall-insolvenza tal-uniku sieħeb kummerċjali tiegħu. Ikun mod ieħor biss jekk, minkejja l-eżistenza ta’ dawn iċ-ċirkustanzi esterni, il-ksur jista’ madankollu jkun attribwit b’mod xieraq għall-imġiba tal-operatur – fejn, pereżempju, naqas milli jeżerċita l-attenzjoni kollha xierqa sabiex jevita l-konsegwenzi ta’ dawn iċ-ċirkustanzi. F’sitwazzjoni bħal din, il-ksur fil-fatt jirriżulta mill-imġiba tal-operatur (l-att jew l-ommissjoni tiegħu) iktar milli miċ-ċirkustanzi esterni bħala tali.

65.

Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-għan ġenerali tal-Fondi, u tal-FEŻR b’mod partikolari. L-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1083/2006 jindika li dan huwa t-tnaqqis tad-disparitajiet li rriżultaw partikolarment f’pajjiżi u reġjuni li l-iżvilupp tagħhom għadu lura permezz, inter alia, tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjieg f’dawn il-pajjiżi u r-reġjuni. Wieħed mill-metodi li bih jintlaħaq dan l-għan huwa billi jiġu sostnuti l-intrapriżi u l-innovazzjoni f’dawn l-oqsma. Fil-fatt, il-programm operazzjonali li skontu ngħatat l-assistenza għall-operazzjoni inkwistjoni kien intitolat “Intrapriżi u Innovazzjonijiet”.

66.

Ikun imur kontra dan l-għan ta’ promozzjoni tat-tkabbir u l-impjieg, u b’mod partikolari li jiġu sostnuti l-intrapriżi u l-innovazzjoni, jekk il-kunċett ta’ “att jew ommissjoni” fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 jiġi interpretat bħala li jkopri sitwazzjoni li fiha benefiċjarju ta’ assistenza finanzjarja mill-Fondi huwa meħtieġ iħallas lura din l-assistenza jekk, b’riżultat ta’ ċirkustanzi esterni lil hinn mill-kontroll tiegħu u minkejja li jeżerċita l-attenzjoni xierqa kollha, huwa ma jkunx jista’ jilħaq l-għanijiet kollha tal-operazzjoni. Ir-riskju huwa element inerenti ta’ kull impriża kummerċjali u s-suċċess fit-tul tal-maġġoranza tal-proġetti ma jistax ikun iggarantit. Imprendituri u innovaturi jistgħu għaldaqstant raġonevolment joqogħdu lura milli jfittxu assistenza mill-Fondi jekk jistgħu jiġu meħtieġa jħallsu lura l-assistenza kollha rċevuta f’każ li ċirkustanzi esterni lil hinn mill-kontroll tagħhom għamluhom inkapaċi li jilħqu l-għanijiet stabbiliti tagħhom minkejja li jkunu eżerċitaw l-attenzjoni xierqa kollha. Din l-interpretazzjoni ta’ “att jew ommissjoni” jista’ għaldaqstant ikollha effett tal-biża’ fuq it-tkabbir u l-impjieg fil-pajjiżi u r-reġjuni inkwistjoni.

67.

L-għan tal-promozzjoni tat-tkabbir u impjieg reġjonali għandu, madankollu, jiġi bbilanċjat mal-għan li jiġi żgurat li l-fondi tal-Unjoni jintużaw tajjeb u effettivament sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Dan l-għan tal-aħħar jiġi mminat jekk operatur ikun jista’ jiġġustifika, minħabba ċirkustanzi esterni, ksur li fil-fatt kien ir-riżultat tan-negliġenza jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu.

68.

Għaldaqstant, fejn iseħħ ksur b’riżultat ta’ ċirkustanzi esterni lil hinn mill-kontroll tal-operatur inkwistjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika jekk il-ksur jistax madankollu jiġi attribwit b’mod xieraq għal att jew ommissjoni tal-operatur minħabba li b’mod negliġenti jkun ippermetta li tirriżulta din is-sitwazzjoni, jew minħabba li jkun naqas milli jieħu miżuri xierqa u raġonevoli sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni. B’mod partikolari, dan ikun il-każ meta l-operatur ikun naqas milli jeżerċita l-attenzjoni xierqa kollha, fikun naqas milli jipprevedi din is-sitwazzjoni u jieħu miżuri sabiex itaffi l-konsegwenzi tagħha jew, wara li rriżultat is-sitwazzjoni, ikun naqas milli jieħu miżuri xierqa u raġonevoli sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni u jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-operazzjoni inkwistjoni.

69.

Analoġija utli tista’ forsi ssir mas-sitwazzjoni fejn, skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 ( 28 ), linji tal-ajru huma eżenti mill-obbligu tagħhom li jħallsu kumpens fejn il-kanċellazzjoni ta’ titjira tkun minħabba ċirkustanzi straordinarji li ma setgħux jiġu previsti anki jekk kull miżura raġonevoli tkun ittieħdet. Fis-sentenza tagħha f’Wallentin‑Hermann, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li, sabiex tingħata eżenzjoni, għandu jiġi stabbilit li ċ-ċirkustanzi straordinarji inkwistjoni ma setgħux jiġu evitati permezz ta’ “miżuri adatta għas-sitwazzjoni, jiġifieri permezz ta’ dawk il-miżuri li, meta seħħew dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, kienu jissodisfaw b’mod partikolari kundizzjonijiet teknikament u ekonomikament sostenibbli għat-trasportatur tal-ajru kkonċernat” ( 29 ). B’mod simili, meta kkonfrontat b’ċirkustanzi esterni lil hinn mill-kontroll tiegħu li jheddu l-abbiltà tiegħu li jissodisfa l-obbligi tiegħu b’rabta mal-operazzjoni inkwistjoni, benefiċjarju ta’ assistenza mill-Fondi għandu, fil-fehma tiegħi, jieħu l-miżuri raġonevoli kollha xierqa għas-sitwazzjoni fil-mument li dawn iċ-ċirkustanzi jqumu sabiex jissodisfa dawn l-obbligi u jevita ksur. Nuqqas milli jagħmel dan jikkostitwixxi ommissjoni min-naħa tiegħu u jkun ġie stabbilit ksur fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006.

70.

L-Aġenzija ssostni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li EMM naqset milli tissodisfa l-għanijiet tal-proġett inkwistjoni hawnhekk mhux minħabba l-insolvenza ta’ LM iżda b’riżultat ta’ att intenzjonali u ommissjoni sussegwenti min-naħa tagħha. Hija tissottometti, l-ewwel nett, li EMM għażlet b’mod liberu li tibbaża l-mudell kummerċjali tagħha fuq il-manifattura ta’ prodotti f’forma waħda u adattata għal klijent wieħed (LM), mingħajr ma evalwat ir-riskji kummerċjali marbuta mal-possibbiltà li dan il-klijent jidħol f’diffikultajiet finanzjarji. L-Aġenzija tallega wkoll li EMM qarrqet biha meta stqarret li, fil-futur, bl-akkwist ta’ installazzjoni addizzjonali, hija tkun tista’ tipproduċi prodotti ta’ gass illikwifikat u tbigħ il-produzzjoni tagħha lil klijent ieħor, f’każ li tonqos it-talba minn LM. It-tieni nett, l-Aġenzija tissottometti li EMM naqset milli tirristruttura l-kummerċ tagħha, tfassal pjan ta’ azzjoni u tibda tbigħ prodotti lil konsumaturi oħra, minkejja t-talbiet irrepetuti tal-Aġenzija sabiex hija tagħmel dan.

71.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina dawn l-argumenti fid-dettall u taċċerta jekk il-ksur allegat fil-proċedura prinċipali jistax finalment jiġi attribwit għal att jew ommissjoni ta’ EMM. B’mod partikolari, dik il-qorti nazzjonali għandha tiddetermina jekk EMM naqsitx milli teżerċita l-attenzjoni xierqa kollha fl-għażla li tibbaża fuq LM bħala l-uniku klijent tagħha jew milli tipprevedi l-insolvenza ta’ LM jew jekk, wara li l-problemi finanzjarji ta’ LM saru ċari, EMM naqsitx milli tieħu l-miżuri raġonevoli kollha xierqa għas-sitwazzjoni sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha u tevita ksur.

72.

Madankollu, ma jidhirlix li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, EMM neċessarjament uriet nuqqas ta’ diliġenza billi bbażat il-mudell kummerċjali tagħha fuq il-provvista ta’ prodotti tal-gass lil LM, bħala l-uniku klijent tagħha, b’mod li l-allegat ksur jista’ jiġi attribwit għal din l-għażla. L-ibbażar fuq klijent wieħed huwa bla dubju assoċjat ma’ ċerti riskji kummerċjali. Dan mhux neċessarjament juri nuqqas ta’ diliġenza madankollu, partikolarment f’industriji fejn in-numru ta’ klijenti potenzjali huwa limitat jew fejn il-metodu ta’ produzzjoni u provvista jiddetta rabta b’saħħitha ma’ klijent wieħed. F’dan ir-rigward, EMM spjegat fis-seduta li prodotti tal-gass bħal dawk li forniet lil LM la jistgħu jiġu maħżuna u lanqas ittrasportati. Għal din ir-raġuni, faċilitajiet ta’ produzzjoni normalment jiġu installati viċin klijenti kbar. Iktar minn hekk, kif ġie nnotat fid-deċiżjoni tar-rinviju, fl‑2008 l-Istat Latvjan iggarantixxa self ta’ madwar EUR 160000000 lil LM, wara evalwazzjoni intensiva mill-Ministeru Latvjan għall-Finanzi u t-Teżor tal-Istat. F’dan l-isfond, ma jidhirlix li huwa evidenti – minkejja li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika – li EMM naqset milli teżerċita l-attenzjoni xierqa kollha meta bbażat fuq LM bħala l-uniku klijent tagħha jew li setgħet raġonevolment tipprevedi, fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt, li l-istat finanzjarju ta’ LM kien se jiddeterjora sal-punt ta’ insolvenza.

73.

Infakkar ukoll li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1828/2006 jeħtieġ li l-awtorità ta’ ġestjoni tkun żgurat ruħha, qabel ma tapprova operazzjoni proposta, li l-benefiċjarju għandu l-kapaċità jissodisfa l-kundizzjonijiet speċifiċi dwar, inter alia, il-prodotti jew is-servizzi li għandhom jiġu fornuti skont l-operazzjoni u t-terminu għall-eżekuzzjoni. Jidhirli li d-dipendenza qawwija tal-mudell kummerċjali ta’ EMM, fuq il-provvista ta’ prodotti tal-gass f’forma waħda lil klijent wieħed, kellu jkun evidenti fil-proposta li hija ssottomettiet lill-Aġenzija. B’mod partikolari huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-faċilità ta’ produzzjoni prevista kellha tifforma parti mill-operazzjoni tal-impjant metallurġiku ta’ Liepājas Metalurgs u kienet ser tforni, permezz ta’ pajp dirett, il-gassijiet neċessarji għall-operazzjoni ta’ dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma narax kif l-Aġenzija setgħet tkun f’xi dubju, meta hija approvat l-operazzjoni, li s-suċċess tal-operazzjoni ta’ EMM kien marbut b’mod inerenti mal-operazzjoni kontinwa tal-impjant ta’ Liepājas Metalurgs. Bl-approvazzjoni tal-operazzjoni proposta, l-Aġenzija għaldaqstant kellha tkun żgura li EMM kienet kapaċi, bl-użu ta’ dan il-mudell kummerċjali, tissodisfa l-għanijiet tal-operazzjoni.

74.

L-Aġenzija ma tistax sussegwentement tiddikjara li EMM naqset milli tevalwa r-riskji kummerċjali ta’ dan il-mudell kummerċjali, mingħajr ma timplika li l-aġenzija naqset milli tevalwa dawk ir-riskji fl-approvazzjoni tal-operazzjoni.

75.

F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li, kif tissottometti l-Aġenzija, EMM emendat il-proposta inizjali tagħha sabiex tiċċara li ma tistax tibqa’ tipproduċi gass illikwifikat bl-apparat li kellu jiġi akkwistat. Peress li l-Aġenzija approvat il-proposta emendata, hija kellha tkun żgura li, anki b’dawn it-tibdiliet meħuda inkunsiderazzjoni, EMM xorta kienet ser tkun tista’ tissodisfa l-għanijiet tal-operazzjoni.

76.

Indur għall-argument tal-Aġenzija li l-allegat ksur jista’ jiġi attribwit għal ommissjoni ta’ EMM, fejn, ikkonfrontata bid-diffikultajiet finanzjarji ta’ LM, hija naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura li tkun tista’ tkompli tissodisfa l-għanijiet tal-operazzjoni.

77.

F’sitwazzjoni fejn l-uniku soċju kummerċjali jew klijent ta’ operatur isir insolventi, jew l-insolvenza tiegħu tkun raġonevolment prevedibbli, nuqqas minn dan l-operatur li jieħu l-miżuri xierqa u raġonevoli kollha sabiex jirrimedja s-sitwazjoni u jevita ksur ċertament ikun jikkostitwixxi “ommissjoni” għall-għan tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006. Finalment hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk, f’din il-kawża, kienx hemm miżuri xierqa u raġonevoli li EMM setgħet tadotta sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni.

78.

Skont il-materjal quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex evidenti għalija li EMM naqset milli tieħu l-miżuri kollha xierqa u raġonevoli, meta kkonfrontata bl-insolvenza ta’ LM, sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni u tissodisfa l-obbligi skont il-kuntratt. B’mod partikolari, ma huwiex evidenti li l-miżuri li l-Aġenzija ssostni li EMM kellha tieħu, jiġifieri li tirristruttura l-kummerċ tagħha sabiex tipproduċi gass illikwifikat li jista’ jinbiegħ lil klijenti oħra, kienu miżuri xierqa u raġonevoli li kienu ser jippermettu lil EMM tissodisfa l-għanijiet tal-operazzjoni. Il-faċilità ta’ produzzjoni ta’ EMM kienet biswit u kienet tifforma parti mill-operazzjoni tal-impjant ta’ Liepājas Metalurgs. EMM iddikjarat, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Agenzija, li l-faċilità ta’ produzzjoni tagħha hija konnessa ma’ din tal-aħħar permezz ta’ sistema fissa ta’ pajpijiet. Jekk EMM setgħet raġonevolment tistenna li dan l-impjant jerġa’ jibda l-operazzjonijiet, ma huwiex evidenti li l-bidu ta’ ristrutturazzjoni radikali u għalja tal-kummerċ tagħha kien raġjonevoli jew xieraq.

79.

Fid-dawl ta’ dan, nikkonkludi li sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju tal-assistenza finanzjarja mill-FEŻR ma jkunx fil-pożizzjoni li jilħaq il-livell ta’ volum ta’ dħul mill-bejgħ previst matul il-perijodu rilevanti, minħabba li, matul dan il-perijodu, twaqqfet l-attività kummerċjali tal-uniku soċju tiegħu jew dan is-soċju sar insolventi, ma tikkostitwixxix att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, fejn

din is-sitwazzjoni ma kinitx raġonevolment prevedibbli mill-benefiċjarju fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li jagħti l-finanzjament;

il-benefiċjarju ma aġixxiex b’mod negliġenti meta ppermetta s-sitwazzjoni tirriżulta; u

il-benefiċjarju ma setgħax jirrimedja s-sitwazzjoni u jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ din l-assistenza minkejja li ħa l-miżuri raġjonevoli u xierqa kollha.

Preġudizzju, jew preġudizzju potenzjali, għall-baġit ġenerali tal-Unjoni

80.

It-tielet element ta’ irregolarità, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006, huwa li l-ksur inkwistjoni għandu jkun tali li “għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea billi tiġi addebitata nefqa mhux ġustifikata lill-baġit ġenerali”.

81.

F’dan ir-rigward, ma huwiex neċessarju li tintwera l-eżistenza ta’ impatt finanzjarju speċifiku; il-ksur għandu sempliċement ikun kapaċi, bħala tali, ikollu impatt fuq il-baġit ( 30 ).

82.

Kif diġà spjegajt, għandi dubji jekk il-ksur allegat fil-proċedura prinċipali jistax jiġi attribwit għal att jew ommissjoni ta’ EMM. Jekk il-qorti tar-rinviju madankollu tikkonkludi li l-ksur inkwistjoni ġie stabbilit, u li jista’ jiġi attribwit għal att jew ommissjoni ta’ EMM, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddetermina jekk dawk l-istanzi ta’ ksur jistgħux ikollhom impatt fuq il-baġit tal-Unjoni.

83.

Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, EMM issostni li, sabiex tissodisfa r-rekwiżit li jkun hemm preġudizzju, jew preġudizzju potenzjali għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, in-nefqa imposta fuq il-baġit tal-Unjoni minħabba l-għoti tal-finanzjament inkwistjoni għandha tkun mhux ġustifikata mill-bidu (jiġifieri mill-punt li l-finanzjament ingħata). Għaldaqstant, minħabba li l-finanzjament mogħti lil EMM fl‑2010 ngħata debitament, u fil-fatt intuża debitament sal‑2013, meta LM waqqfet l-attività ekonomika tagħha, l-ebda nfiq mhux ġustifikat ma seta’ jiġi impost fuq il-baġit tal-Unjoni ( 31 ).

84.

Jiena ma naqbilx.

85.

Fil-fehma tiegħi, infiq mhux ġustifikat jista’ jiġi impost fuq il-baġit tal-Unjoni anki jekk finanzjament, minkejja li mogħti debitament, u anki inizjalment użat debitament, sussegwentement jintuża b’mod li ma jaqbilx mal-għan li għalih ikun ingħata dak il-finanzjament. B’mod partikolari, ikun hemm preġudizzju għall-baġit tal-Unjoni jekk ikollha ssostni nfiq marbut ma’ proġett li ma jiġix implimentat bis-sħiħ jew li, jekk jitlesta, ma jirrispettax ir-rekwiżit ta’ durabbiltà stabbilit fl-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 1083/2006.

86.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk it-tliet elementi ta’ irregolarità humiex stabbiliti fil-kawża inkwistjoni fil-proċedura prinċipali. Minħabba li dawn l-elementi huma kumulattivi, huwa biss jekk it-tlieta li huma jiġu stabbiliti li korrezzjoni finanzjarja tista’ titwettaq fuq il-bażi tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006.

Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-ammont ta’ korrezzjoni finanzjarja

87.

Il-qorti tar-rinviju ma tirreferixxix espressament fid-domanda preliminari tagħha għall-kwistjoni dwar kif kwalunkwe korrezzjoni finanzjarja għandha tiġi kkalkolata f’każ li tiġi stabbilita irregolarità. F’din il-kawża, l-Aġenzija qiegħda tfittex li tapplika korrezzjoni ta’ 100 %, li tirkupra l-finanzjament kollu mogħti lil EMM għall-operazzjoni inkwistjoni. Il-kwistjoni għaldaqstant timmerita eżami.

88.

Skont l-Artikolu 98(2) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa b’rabta mal-irregolaritajiet identifikati fl-operazzjonijiet ( 32 ). Fil-kalkolu ta’ tali korrezzjoni finanzjarja, huma għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni tliet kriterji, jiġifieri (i) in-natura tal-irregolaritajiet, (ii) il-gravità tagħhom u (iii) it-telf finanzjarju għall-Fondi. Fejn irregolarità speċifika, u mhux sistematika, tkun inkwistjoni, dan ir-rekwiżit neċessarjament jinvolvi eżami każ b’każ, “billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti kollha li huma rilevanti fid-dawl [ta’ dawn il-kriterji]” ( 33 ).

89.

Iktar minn hekk, korrezzjonijiet finanzjarji għandhom josservaw il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan huwa espliċitu fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li jeħtieġ li verifiki amministrattivi, miżuri u penali jiġu introdotti “biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-[Unjoni]” u biex “ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jipprovdu protezzjoni adekwata għall-interessi finanzjarji tal-[Unjoni]”. Għalhekk, korrezzjonijiet finanzjarji ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa effettivament meħtieġ fid-dawl tan-natura u l-gravità tal-ksur ( 34 ) ( 35 ).

90.

Finalment, filwaqt li l-korrezzjoni applikata ma għandhiex għalfejn tikkorrispondi preċiżament mal-impatt finanzjarju fuq il-baġit, dan l-impatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, partikolarment jekk hemm sempliċi riskju dgħajjef ta’ impatt ( 36 ).

91.

Jekk tiġi stabbilita irregolarità fil-proċedura prinċipali u tkun meħtieġa korrezzjoni finanzjarja, fil-kalkolu ta’ din il-korrezzjoni għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha tal-kawża li huma rilevanti fid-dawl tal-kriterji tan-natura u l-gravità tal-irregolaritajiet u t-telf finanzjarju għall-Fondi, kif ukoll tal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-fatturi rilevanti f’tali evalwazzjoni hawnhekk ikunu jinkludu l-portata tar-responsabbiltà tal-benefiċjarju għall-irregolarità u kwalunkwe responsabbiltà tal-awtorità ta’ ġestjoni, l-impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni (attwali jew potenzjali), u sa liema punt l-irregolarità invalidat l-operazzjoni, (pereżempju jekk l-operazzjoni ġietx implimentata korrettement u inizjalment kellhiex suċċess u jekk intlaħqux xi għanijiet jew l-għanijiet kollha tal-proġett).

92.

Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa, jekk neċessarju, jekk il-korrezzjoni finanzjarja inkwistjoni fil-proċedura prinċipali, jiġifieri korrezzjoni ta’ 100 %, hijiex xierqa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet.

Konklużjoni

93.

Jiena għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda magħmula mir-Rēzeknes tiesa (il-Qorti Distrettwali ta’ Rēzekne, il-Latvja) bil-mod segwenti:

Sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju tal-assistenza finanzjarja mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ma jkunx fil-pożizzjoni li jilħaq il-livell ta’ volum ta’ dħul mill-bejgħ previst matul il-perijodu rilevanti minħabba li, matul dan il-perijodu, twaqqfet l-attività kummerċjali tal-uniku soċju tiegħu jew dan is-soċju sar insolventi ma tikkostitwixxix att jew ommissjoni ta’ operatur ekonomiku li għandu, jew li kieku jkollu, l-effett li jippreġudika l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea, fis-sens tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Ġunju 2010, fejn

din is-sitwazzjoni ma kinitx raġonevolment prevedibbli mill-benefiċjarju fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt li jagħti l-finanzjament;

il-benefiċjarju ma aġixxiex b’mod negliġenti meta ppermetta s-sitwazzjoni tirriżulta; u

il-benefiċjarju ma setgħax jirrimedja s-sitwazzjoni u jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward ta’ din l-assistenza minkejja li ħa l-miżuri raġjonevoli u xierqa kollha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25, rettifiki fil-ĠU 2006, L 239, p. 248, fil-ĠU 2007, L 145, p. 38, fil-ĠU 2007, L 164, p. 36, u fil-ĠU 2008, L 301, p. 40), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Ġunju 2010 (ĠU 2010, L 158, p. 1). Ir-Regolament Nru 1083/2006 ġie rrevokat, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, bir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320, rettifiki fil-ĠU 2016, L 200, p. 140, u fil-ĠU 2019, L 66, p. 6). L-Artikolu 152 tar-Regolament Nru 1303/2013, intitolat “Dispożizzjonijiet tranżizzjonali”, jipprovdi li “[d]an ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006, jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil‑31 ta’ Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom”. Għaldaqstant, huma d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006 li jirregolaw dawn il-proċeduri.

( 3 ) Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat‑18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340).

( 4 ) Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1783/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 1).

( 5 ) Regolament (KE) Nru 1081/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1784/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 12).

( 6 ) Regolament (KE) Nru 1084/2006 tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1164/94 (ĠU 2006, L 210, p. 79).

( 7 ) Ara wkoll il-premessa 1.

( 8 ) Ara wkoll il-premessa 65.

( 9 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1828/2006 tat‑8 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU 2006, L 371, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 45, p. 3).

( 10 ) L-obbligi ta’ LM skont il-kuntratt kienu limitati għall-kiri ta’ proprjetà.

( 11 ) Sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Audace et (C‑114/15, EU:C:2016:813, punti 3536 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy (C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Digriet tat‑8 ta’ Settembru 2016, Google Ireland u Google Italy (C‑322/15, EU:C:2016:672, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț (C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 43), u l-konklużjonijet tal-Avukat Ġenerali Bot f’dawn il-kawżi (EU:C:2016:7), punti 7374.

( 15 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț (C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punti 38 sa 43). Id-definizzjoni ta’ “irregolarità” fl-Artikolu 2(36) tar-Regolament Nru 1303/2013 issa tirreferi espressament għal “kwalunkwe ksur tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ liġi nazzjonali relatata mal-applikazzjoni tagħha” (enfasi miżjuda minni).

( 16 ) F’dan ir-rigward, l-Aġenzija tiċċita, inter alia, l-Artikolu 15(2)(1) tal-Eiropas Savienības struktūrfondu un Kohēzijas fondu vadības likums (il-Liġi Latvjana dwar il-Ġestjoni tal-Fondi Strutturali u tal-Fond ta’ Koeżjoni tal-Unjoni Ewropea), li skontu l-benefiċjarju ta’ sussidju huwa meħtieġ li jiżgura li l-proġett iffinanzjat minn fond tal-Unjoni jitwettaq skont it-termini ta’ kuntratt ta’ dritt ċivili. Għaldaqstant, skont l-Aġenzija, EMM awtomatikament kisret din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali billi naqset milli tosserva t-termini tal-kuntratt.

( 17 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et (C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punt 56).

( 18 ) Għaldaqstant, pereżempju, ksur ta’ terminu li ż-żoni ta’ reception kollha ta’ bini għandhom jitpenġew bl-abjad billi għall-kuntrarju jitpenġew magnolja jaf ma jissodisfax il-kundizzjoni (i) u ċertament ma jissodisfax il-kundizzjoni (ii).

( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2007, ROM‑projecten (C‑158/06, EU:C:2007:370, punti 24 sa 2629 sa 31).

( 20 ) Ara wkoll in-nota ta’ gwida tal-Kummissjoni tal‑21 ta’ April 2010 relatata ma’ għeluq parzjali (skont l-Artikolu 88 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006) (COCOF 08/0043/03), p. 3.

( 21 ) Ir-rabta bejn ir-rekwiżit tad-durabbiltà u l-pagament tal-kontribuzzjoni pubblika hija iktar espliċita fir-Regolament Nru 1303/2013, li l-Artikolu 71(1) tiegħu jipprovdi li r-rekwiżit dwar id-durabbiltà tal-operazzjonijiet għandu japplika għall-perijodu “fi żmien ħames snin mill-pagament finali lill-benefiċjarju” (enfasi miżjud).

( 22 ) Il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huwiex iddefinit fir-Regolament Nru 1083/2006. Madankollu, l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1828/2006, li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006, jiddefinixxi “operatur ekonomiku” bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew legali jew entità oħra li tieħu sehem fl-implimentazzjoni ta’ għajnuna mill-Fondi, ħlief għal Stat Membru li jeżerċita l-prerogattivi tiegħu bħala awtorità pubblika”.

( 23 ) Ara l-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament Nru 2988/95, dwar irregolaritajiet inġenerali u irregolaritajiet intenzjonali jew dawk ikkawżati b’negliġenza, rispettivament. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat f’Județul Neamț, peress li “r-Regolamenti Nru 2988/95 u Nru 1083/2006 jagħmlu parti mill-istess dispożittiv, li jiżgura l-ġestjoni tajba tal-fondi tal-Unjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar, il-kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 2988/95 u tal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1083/2006, jitlob interpretazzjoni uniformi” (sentenza tas‑26 ta’ Mejju 2016, Județul Neamț, C‑260/14 u C‑261/14, EU:C:2016:360, punt 34).

( 24 ) “[F]rodi suspettat” huwa ddefinit fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1828/2006 bħala “irregolarità li tagħti lok għall-bidu ta’ proċedimenti amministrattivi jew ġudizzjarji fuq livell nazzjonali sabiex tiġi stabbilita l-preżenza ta’ mġiba intenzjonata, fi frodi partikolari, kif jissemma fil-punt (a) ta’ l-Artikolu 1 (1) tal-Konvenzjoni mfassla a bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej”.

( 25 ) Ara Justyna Łacny, Lech Paprzycki u Eleonora Zielińska, “The System of Vertical Cooperation in Administrative Investigations Cases”, Toward a Prosecutor for the European Union, Volume 1: A Comparative Analysis, Hart Publishing, 2013, pp. 805‑807.

( 26 ) Il-verżjonijiet ta’ lingwi varji tar-Regolament Nru 1083/2006 jużaw “resulting from”, “résultant de”, “als Folge”, “derivante da”, u “correspondiente a” fil-verżjoni Ingliża, Franċiża, Ġermaniża, Taljana u Spanjola rispettivament, li kollha jikkonfermaw li rabta kawżali hija meħtieġa bejn il-ksur u l-att jew ommissjoni inkwistjoni.

( 27 ) Sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2009, Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank (C‑281/07, EU:C:2009:6, punti 2021). Fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, jiena esplorajt jekk l-esportatur setax madankollu wettaq irregolarità permezz ta’ ommissjoni billi jonqos milli jivverifika l-ammont imħallas lilu u li jindika l-iżball lill-awtoritajiet nazzjonali (konklużjonijiet f’Bayerische Hypotheken- und Vereinsbank, C‑281/07, EU:C:2008:522, puni 35 u 36). Il-konsegwenza li ma jiġix ikkonstatat li twettqet irregolarità kienet li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ erba’ snin applikabbli għal irregolaritajiet ma intervjeniex sabiex jipproteġi lill-esportatur mill-irkupru tardiv tar-rifużjoni fuq l-esportazzjoni mħallsa indebitament.

( 28 ) Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

( 29 ) Sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin‑Hermann (C‑549/07, EU:C:2008:771, punti 26, 2740).

( 30 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017, Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere (C‑408/16, EU:C:2017:940, punt 60).

( 31 ) Għaldaqstant issir ħsara lill-baġit tal-Unjoni jekk jingħataw fondi għall-bini ta’ skola li qatt ma titlesta, minkejja li l-pedamenti jkunu tpoġġew u l-qafas ikun ittella’.

( 32 ) L-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006 jikkostitwixxi minnu nnifsu bażi legali suffiċjenti għal Stati Membri sabiex iwettqu l-korrezzjonijiet finanzjarji meħtieġa f’każ ta’ irregolaritajiet, mingħajr ma hemm bżonn għal awtorità separata sabiex jagħmlu dan skont id-dritt nazzjonali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2008, Vereniging Nationaal Overlegorgaan Sociale Werkvoorziening et, C‑383/06 sa C‑385/06, EU:C:2008:165, punti 35 sa 40).

( 33 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Wrocław – Miasto na prawach powiatu (C‑406/14, EU:C:2016:562, punti 4851).

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Wrocław – Miasto na prawach powiatu (C‑406/14, EU:C:2015:761, punt 60). Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tar-Regolament Nru 1083/2006 taqbel mal-preċiżazzjonijiet introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fir-Regolament Nru 1303/2013, li espressament jeħtieġu lill-Istati Membri japplikaw korrezzjonijiet finanzjarji li huma “proporzjonati”.

( 35 ) Il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar korrezzjonijiet finanzjarji maħruġa skont ir-Regolament Nru 1083/2006 jenfasizzaw ukoll il-bżonn li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-proporzjonalità. Huma jirrakkomandaw li l-Istati Membri japplikaw ukoll il-kriterji u r-rati stabbiliti f’dawn il-linji gwida fil-korrezzjoni ta’ irregolaritajiet identifikati mis-servizzi tagħhom stess, “sakemm ma jixtiqux japplikaw regoli iktar iddettaljati, li jirrispettaw dawn il-linji gwida u l-prinċipju tal-proporzjonalità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Dawn il-linji gwida jirrakkomandaw korrezzjoni b’rata fissa ta’ 100 % biss fil-każ ta’ irregolarità li hija serja tant li tikkostitwixxi falliment totali ta’ osservanza tar-regoli, tant li tagħmel il-pagamenti rilevanti kollha irregolari (ara t-Taqsima 2.3 ta’ dawk il-linji gwida). Dwar il-valur legali ta’ tali linji gwida, ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2014, Baltlanta, C-410/13, EU:C:2014:2134, paragrafu 64 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 36 ) Sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Wrocław – Miasto na prawach powiatu (C‑406/14, EU:C:2016:562, punt 50).