KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2020 ( 1 )

Kawża C‑594/18 P

Ir-Repubblika tal-Awstrija

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna ppjanata mir-Renju Unit favur l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C — Kuntratt għad-Differenza, Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u Garanzija ta’ Kreditu — Deċiżjoni li tiddikkjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Għan ta’ interess pubbliku — Għajnuna għall-investiment — Għajnuna għall-funzjonament —Artikolu 107(3)(c) TFUE — Artikolu 194(2) TFUE — Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom —Promozzjoni tal-enerġija nukleari — Avviż dwar il-Garanziji”

I. Introduzzjoni

1.

Din il-kawża tista’ tiġi deskritta bħala n-naħa legali ta’ kwistjoni bejn l-Istati Membri li huma favur l-enerġija nukleari u dawk li ma humiex. Iż-żewġ naħat isostnu li qegħdin jaġixxu bil-għan li jipproteġu l-ambjent ( 2 ). Fil-qalba tal-kwistjoni tinsab id-domanda fundamentali dwar jekk il-kostruzzjoni ta’ impjant nukleari tistax tkun is-suġġett ta’ għajnuna mill-Istat approvata mill-Kummissjoni Ewropea għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Dik hija forsi l-iktar domanda importanti magħmula f’dan l-appell minn deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali mogħtija fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-kawża L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni ( 3 ) (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).

2.

F’dik id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-proċeduri għal annullament imressqa mir-Repubblika tal-Awstrija li jikkontestaw il-validità tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/658 tat-8 ta’ Ottubru 2014 ( 4 ) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”). Dik id-deċiżjoni tikkonċerna l-provvista ta’ appoġġ finanzjarju mir-Renju Unit fir-rigward tal-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C fuq il-kosta ta-Lbiċ tal-Ingilterra. Bħal ma jista’ jiġi mistenni, id-dettalji kemm tad-deċiżjoni inkwistjoni u tas-sentenza appellata huma kumplessi: il-fatt innifsu li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali titla sa xi 736 punti jitkellem waħdu.

3.

Però kif diġà indikajt, fil-vera qalba ta’ dan l-appell imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija tinstab il-kontenzjoni tagħha li minħabba li hi (u, f’dak il-każ, diversi Stati Membri oħra) hija assolutament opposta għall-kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari, l-għoti ta’ għajnuna għal tali proġetti minn Stati Membri oħra li jappoġġjaw l-enerġija nukleari hija espressament jew impliċitament prekluża mit-Trattati varji li jirregolaw l-Unjoni Ewropea (inkluż it-Trattat Euratom). Min-naħa tiegħu, ir-Renju Unit (li intervjena sabiex jappoġġja d-deċiżjoni inkwistjoni) saħaq li huwa intitolat jagħżel il-politika tal-enerġija tiegħu, inkluż id-dritt li jagħżel “bejn riżorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu” bil-mod rikonoxxut mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE.

4.

Din il-Qorti tal-Ġustizzja rari kellha l-okkażjoni li tippronunzja ruħha fuq l-applikazzjoni korretta tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, dispożizzjoni li fuqha l-Qorti Ġenerali żviluppat il-ġurisprudenza tagħha matul is-snin. Fost id-domandi mqajma f’dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi dwar jekk l-għajnuna mill-Istat għandhiex tissodisfa objettivi speċifiċi sabiex tkun kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE u jekk iva, dawk x’inhuma. Ser ikollha wkoll l-okkażjoni li tikkunsidra jekk, f’evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għal attività koperta mit-Trattat Euratom, għanijiet oħra tal-Unjoni kif iddikjarat fit-TUE u t-TFUE – fil-każ inkwistjoni, il-protezzjoni tal-ambjent – għandhomx jiġu meqjusa jew le.

II. Il-kuntest ġuridiku

5.

L-Artikoli 107(3)(c), 192(2)(c) u 194(2) TFEU u l-Artikoli 1, 2, 106a(3) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jifformaw l-isfond legali ta’ dan l-appell.

6.

L-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) jinkludi d-definizzjoni li ġejja:

“‘għajnuna ġdida’ tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li ma jkunux għajnuna eżistenti, inkluż tibdil fl-għajnuna eżistenti”.

7.

L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 ( 6 ) jinqara kif ġej:

“1.   Għall-għanijiet ta’ l-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, alterazzjoni għal għajnuna eżistenti tfisser xi bidla, minbarra modifikazzjonijiet ta’ natura purament formali jew amministrattiva li ma jistux jeffettwaw l-evalwazzjoni tal-kompatibilità tal-miżura ta’ l-għajnuna mas-suq komuni. Iżda żieda fl-estimi oriġinali ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna sa 20% m’għandhiex titqies bħala alterazzjoni għall-għajnuna eżistenti.

2.   L-alterazzjonijiet li ġejjin għall-għajnuna eżistenti għandhom jiġu notifikati fuq il-formola simplifikata ta’ notifikazzjoni preskritta fl-Anness II:

(a)

żieda fl-estimi ta’ skema awtorizzata għall-għajnuna li teċċedi l-20 %;

(b)

it-tiġdid ta’ skema eżistenti awtorizzata sa massimu ta’ sitt snin, b’żieda fl-estimi jew mingħajra;

(ċ)

l-issikkar ta’ ċerti kriterji għall-applikazzjoni ta’ skema awtorizzata ta’ għajnuna, tnaqqis fl-intensità ta’ l-għajnuna jew tnaqqis fl-ispejjeż eliġibbli; […]

3.   Il-proċedura ta’ notifikazzjoni simplifikata m’għandhiex tintuża biex jiġu notifikati alterazzjonijiet għal skemi ta’ għajnuna li fir-rigward tagħhom l-Istati Membri ma jkunux bagħtu rapporti annwali […]”

8.

Il-punt 3.2 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji ( 7 ) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Garanziji”) jinqara bil-mod segwenti:

“Fir-rigward ta’ garanzija individwali mill-Istat, il-Kummissjoni tikkunsidra li biex tiġi eskluża l-preżenza ta’ għajnuna mill-Istat ikun biżżejjed li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Min jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja […]

(b)

Il-limitu tal-garanzija jista’ jitkejjel sewwa meta jingħata. Dan ifisser li l-garanzija għandha tkun marbuta ma’ tranżazzjoni finanzjarja speċifika, għal ammont massimu fiss u limitata fiż-żmien.

(c)

Il-garanzija ma tkoprix aktar minn 80% tas-self jew ta’ l-obbligu finanzjarju ieħor dovut; dan il-limitu ma japplikax għal garanziji li jkopru titoli ta’ dejn […]

(d)

Jitħallas għall-garanzija prezz orjentat għas-suq.

[…]”

9.

Punti 5.1 u 5.2 tal-Avviż dwar il-Garanziji jipprovdi kif ġej:

“5.1 Ġenerali

Garanziji mill-Istat li jaqgħu fl-ambitu ta’ l-Artikolu 87(1) [KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE] għandhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni bl-għan li jiġi determinat jekk humiex kompatibbli mas-suq komuni. Qabel ma tkun tista’ ssir din l-evalwazzjoni ta’ kompatibbiltà, għandu jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ l-għajnuna.

5.2 Evalwazzjoni

Il-kwistjoni jekk din l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni tiġi eżaminata mill-Kummissjoni skond l-istess regoli kif applikati għall-miżuri ta’ l-għajnuna li jieħdu forom oħra […]”

III. Il-fatti li wasslu għall-kawża

10.

Fit-22 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq innotifika miżuri ta’ appoġġ għal impjant tal-enerġija nukleari ġdid li għandu jsir f’Hinkley Point C, ħdejn żewġ impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti magħrufa bħala Hinkley Point A u Hinkley Point B (iktar ’il quddiem “Hinkley Point C”). Il-benefiċjarja tal-miżuri nnotifikati hija l-kumpannija NNB Generation Company Limited (iktar ’il quddiem “NNBG”), li hija sussidjarja ta’ EDF Energy plc (iktar ’il quddiem “EDF”).

11.

Il-miżuri li ġew innotifikati u li huma deskritti fid-dettall fil-punt 2 tad-deċiżjoni inkwistjoni, huma s-segwenti:

Ftehim kuntrattwali intiz li jiggarantixxi stabbiltà fil-prezzijiet għall-bejgħ ta’ elettriku prodott f’Hinkley Point C. Il-kunċett bażiku tal-kuntratt huwa kif isegwi: NNBG ser tkun qiegħda tirċievi jew ikollha tħallas id-differenza bejn il-prezz tal-eżerċitar predeterminat, ikkalkolat abbażi tal-ispejjeż ta’ NNBG tal-kostruzzjoni u tal-operat ipproġettati u li jinkludi profitt raġonevoli ( 8 ), u l-prezz ta’ referenza stabbilit mir-Renju Unit għall-operaturi kollha li jipprovdu l-enerġija fl-istess segment ( 9 ) li huma appoġġjati minn tali miżura (iktar ’il quddiem il-“Kuntratt għad-Differenza”). Il-kuntratt jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ “kondiviżjoni tal-profitt”. Huwa kuntrattat bejn NNBG u Low Carbon Contracts Ltd, entità li għandha tkun iffinanzjata permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligu statutorju li jorbot lill-fornituri tal-elettriku liċenzjati kollha.

Barra minn hekk, NNBG ser tkun protetta u tista’ tirkupra l-ispejjeż ta’ ċerti bidliet leġiżlattivi u l-NNBG u l-investituri tagħha għandhom jirċievu kumpens fil-każ ta’ għeluq antiċipat għal raġunijiet politiċi ( 10 ) jew għal raġunijiet konnessi man-nuqqas ta’ dispożizzjoni ta’ assigurazzjoni għar-responsabbiltà nukleari ta’ parti terza. F’tali -każijiet l-NNBG tista’ tiġi ttrasferita lill-Gvern tar-Renju Unit.

Id-dritt imsemmi iktar ’il fuq tal-investituri ta’ NNBG li jirċievu kumpens fil-każ ta’ għeluq antiċipat għal raġunijiet politiċi huwa akkumpanjat minn ftehim ta’ garanzija li għandu jiġi konkluż bejn is-Segretarju tal-Istat għall-Enerġija u għat-Tibdil fil-Klima tar-Renju Unit u l-investituri ta’ NNBG, skont liema s-Segretarju tal-Istat iħallas il-kumpens miftiehem fil-każ li Low Carbon Contracts Company Ltd ma tkunx tista’ tagħmel dan (iktar ’il quddiem il-“Ftehim tas-Segretarju tal-Istat”).

Ir-Renju Unit ser jiggarantixxi bonds li għandhom jinħarġu minn NNBG sabiex jiġi ffinanzjat l-investiment. Il-garanzija tkopri l-ħlas f’waqtu tas-somma kapitali u tal-interessi tad-dejn kwalifikabbli u li tista’ tammonta għal 17-il biljun lira sterlina (GBP) (iktar ’il quddiem il-“Garanzija ta’ Kreditu”).

12.

Bid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Diċembru 2013 ( 11 ), il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar il-miżuri nnotifikati.

13.

Dik il-proċedura wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni mill-Kummissjoni fit-8 ta’ Ottubru 2014. F’dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri nnotifikati kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat iżda li dawk il-miżuri kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

14.

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni inkwistjoni jipprovdi kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna lil Hinkley Point C fil-forma ta’ Kuntratt għad-Differenza, il-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat u Garanzija tal-Kreditu, kif ukoll l-elementi kollha relatati, li r-Renju Unit qiegħed jippjana li jimplimenta, hija kompatibbli mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija awtorizzata skont dan. […]”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15.

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika tal-Awstrija ressqet azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Awla tat-18 ta’ Diċembru 2015, il-Gran Dukat ta’ Lussemburgu ġie awtorizzat jintervjeni insostenn tar-Repubblika tal-Astrija. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-President tal-Awla tad-9 ta’ Diċembru 2015, tas-6 ta’ Jannar 2016 u tal-11 ta’ Jannar 2016, ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Slovakka u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervjenu insostenn tal-Kummissjoni.

16.

Insostenn tal-azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Awstrija qajmet għaxar motivi.

17.

Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu. Ikkundannat lir-Repubblika tal-Awstrija tbati l-ispejjeż tagħha u tħallas dawk inkorsi mill-Kummissjoni Ewropea. L-intervenjenti ġew ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom.

V. L-appell

A. It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.

Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob lil l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;

tilqa’, fl-intier tiegħu, ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza intiż għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

19.

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu jappoġġja t-talbiet magħmula mir-Repubblika tal-Awstrija.

20.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

21.

Ir-Repubblika Ċeka u r-Repubblika Slovakka jappoġġjaw it-talbiet magħmula mill-Kummissjoni fl-intier tagħhom. Ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Polonja u r-Renju Unit jappoġġjaw it-talba li jiġi miċħud l-appell magħmula mill-Kummissjoni.

22.

Osservazzjonijiet bil-miktub fuq l-appell ġew sottomessi mill-partijiet kollha li intervjenew fl-ewwel istanza, minbarra r-Rumanija. Ir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Franċiża, l-Ungerija, ir-Repubblika tal-Awstrija u r-Renju Unit flimkien mal-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-smigħ tat‑28 ta’ Jannar 2020.

B. L-Effett tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u l-Euratom

23.

Ir-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni f’nofsillejl (CET) tal-31 ta’ Jannar 2020. Peress li l-proċeduri tal-każ preżenti ma ġewx miġjuba kontra r-Renju Unit, dan ma jaffettwa, effettivament, il-proċedimenti bl-ebda mod. Jiġi nnotat, madankollu, li skont l-Artikolu 89 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ( 12 ), id-deċiżjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikompli jkollha saħħa vinkolanti fl-intier tagħha fuq u fir-Renju Unit, jekk tingħata qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

24.

Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tal-Awstrija hija manifestament intitolata li tfittex l-anullament tad-deċiżjoni appellata.

C. Analiżi tal-appell

25.

L-appell quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja tqassar għal ħames aggravji separati, minkejja li dawn jirreplikaw il-motivi varji li kienu tressqu quddiem il-Qorti Ġenerali. Jista’ jiġi nnutat, madankollu, li ċerti motivi li jikkontestaw id-deċiżjoni inkwistjoni mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija quddiem il-Qorti Ġenerali ma għadhomx qegħdin jiġu segwiti.

26.

Permezz tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija tisħaq li l-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari ġdid mhux objettiv leġittimu fl-interess tal-Unjoni li jista’ jiġi segwit mill-għajnuna mill-Istat. Għal dan l-għan, tikkontesta l-punt 79 et seq., il-punt 97, u l-punt 517 tas-sentenza appellata. Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tisħaq li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta kkunsidrat fil-punti 105, 139, 140, 144, 151 u 240 tas-sentenza appellata, li l-miżuri inkwistjoni huma kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li l-attività ekonomika kkonċernata ma ġietx iddefinita korrettement u naqset milli tirrikonoxxi li nuqqas fis-suq huwa rekwiżit biex l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern. Permezz tat-tielet aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punti 405, 413, 470, 499, 506, 507, 515 et seq. tas-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali kkunsidrat il-miżuri ta’ għajnuna bħala proporzjonati. Permezz tar-raba’ aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija tisħaq li l-għajnuna tikkostitwixxi għajnuna għall-funzjonament li hija kuntrarja għar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, u għaldaqstant tikkontesta l-punti 612 u 613 tas-sentenza appellata. Permezz tal-ħames aggravju tagħha r-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra minn naħa li d-deċiżjoni inkwistjoni ma ddeterminatx biżżejjed l-elementi ta’ għajnuna li jippermetti li jiġi applikat it-test ta’ proporzjonalità u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bi ksur tal-Avviż dwar il-Garanziji. F’dan ir-rigward, tikkontesta l-punti 251 et seq., 279 u 361 tas-sentenza appellata fejn il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-applikazzjoni tal-linji gwida u regolamenti li ma humiex direttament applikabbli bl-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u nondiskriminazzjoni kif ukoll il-punti 309 u 338 tas-sentenza appellata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-Garanziji.

27.

Nipproponi issa li nitratta d-diversi aggravji wieħed wieħed.

1.   L-ewwel aggravju: il-kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija nukleari ma huwiex objettiv leġittimu fl-interess tal-Unjoni

a)   Sommarju tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija

28.

L-ewwel aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 79 et seq. tas-sentenza appellata, assumiet b’mod żbaljat li, għall-kwistjoni dwar jekk l-appoġġ tal-enerġija nukleari huwiex interess li jista’ jiġi segwit mill-għajnuna mill-Istat, il-kriterju rilevanti huwa jekk l-interess imfittex jikkostitwixxix “interess pubbliku” minflok jekk jikkostitwixxix “interess komuni”. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta qieset l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern sempliċement għax isservi interess pubbliku.

29.

F’dik l-evalwazzjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali ddevjat mill-prassi tal-Kummissjoni kif ukoll mill-ġurisprudenza stabbilita skont liem l-għajnuna mill-Istati kollha għandha ssegwi “interess komuni” tal-Unjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija tkompli tisħaq li interess komuni tal-Unjoni huwa interess li huwa komuni għall-Istati Membri kollha.

30.

Fit-tieni parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta sabet, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom jista’ jiġi invokat biex jiġġustifika l-għajnuna mill-Istat għal investiment fil-qasam tal-enerġija nukleari. Il-formulazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni ma tinkludix il-ħolqien ta’ kapaċità ġdida ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari iżda sempliċement timmira li “tiffaċilita l-investiment u tassigura […] il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ l-enerġija nukleari fil-Komunità”. Lanqas il-Kapitolu IV tat-Trattat Euratom (“Investiment”) ma jsemmi l-għajnuna mill-Istat bħala miżura prevista sabiex tilħaq dan l-għan.

31.

Fit-tielet parti tal-ewwel aggravju, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkritika li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq l-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom meta applikat l-Artikolu 107 TFUE fuq il-bażi li t-Trattat Euratom ma jinkludi l-ebda regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Peress li l-Qorti Ġenerali applikat l-Artikolu 107(3)(c) għal sitwazzjoni rregolata mit-Trattat Euratom, kellha tieħu wkoll inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni barra t-Trattat Euratom. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma dawk fuq il-protezzjoni tal-ambjent – li jinkludu l-protezzjoni tas-saħħa – jiġifieri l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u l-Artikolu 11 TFUE u, iktar speċifiku, “[f]il-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’ kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent…[il-promozzjoni ta’] l-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar fl-użu ta’ l-enerġija kif ukoll l-iżvilupp ta’ forom ta’ enerġija ġodda u rinnovabbli” kif speċifikament identifikati bħala għanjiet tal-politika tal-Unjoni dwar l-enerġija fl-Artikolu 194(1)(c) TFUE. Hija ssemmi wkoll il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx dawk l-objettivi, xi ħaġa li fl-opinjoni tagħha tmur kontra l-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-prinċipju ta’ sostenibbilità. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta l-punt 516 tas-sentenza appellata.

b)   Evalwazzjoni

32.

Jista’ jkun konvenjenti li l-ewwel jiġi meqjus il-punt preliminari rigward ir-relazzjoni ġenerali bejn it-Trattat Euratom u t-TFUE li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat li huma inkwistjoni hawnhekk, peress li dan il-punt huwa rilevanti għal diversi argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija. Billi nagħmel dan, ser nitratta parzjalment it-tielet parti tal-ewwel motiv.

1) Ir-relazzjoni bejn it-Trattat Euratom u d-dispożizzjonijiet tat‑TUE u t‑TFUE

33.

Kif nipproponi li nuri preżentement, minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-installazzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda ma hijiex koperta mill-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, ma jidhirx li qiegħda tissuġġerixxi li t-Trattat Euratom ma għandux rwol fil-każ preżenti. Hija ssostni li, peress li t-Trattat Euratom ma jittrattax l-għajnuna mill-Istat għas-settur tal-enerġija nukelari, dak is-settur ma għandux – u forsi jkun iktar minnu li jingħad li ma jistax – ikun appoġġjat bl-għajnuna mill-Istat. Dan jistieden ħarsa iktar mill-qrib lejn ir-relazzjoni bejn it-Trattat Euratom u t-TUE kif ukoll it-TFUE u, b’mod partikolari, l-iskop u s-sinjifikat tal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE.

34.

Il-formulazzjoni tal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom jagħmilha ċara li t-Trattat Euratom qiegħed fuq livell ugwali mat-TUE u t-TFUE, bħala dritt primarju ( 13 ). Huwa jgħid li d-dispożizzjonijiet tat‑TUE u t-TFUE ma jistgħux jiġu applikati fl-isfera tat-Trattat Euratom sakemm dawk id-dispożizzjonijiet jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom ( 14 ). Bħalma qalet il-Qorti Ġenerali: “Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom jikkostitwixxu regoli speċjali fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u għalhekk jidderogaw minn dawn tal-aħħar fil-każ ta’ kunflitt” ( 15 ).

35.

Dan ifisser li jekk kwistjoni partikolari ġiet trattata speċifikament permezz ta’ dispożizzjoni tat-Trattat Euratom, mela ma hemmx lok għall-applikazzjoni tat-TUE jew it-TFUE sa fejn huma jipprovdu għall-kuntrarju.

36.

Id-domanda ta’ x’jiġri jekk kwistjoni ma tkunx ittrattata fit-Trattat Euratom hija, forsi, mhux daqstant sempliċi. Kif innota l-Avukat Ġenerali Szpunar fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Kernkraftwerke Lippe-Ems ( 16 ), hemm żewġ modi kif wieħed iħares lejn ir-relazzjonijiet bjen dawk it-trattati. Wieħed jew jieħu l-fehma li t-Trattat Euratom jitrattat b’mod eżawrjenti l-kwistjonijiet dwar il-qasam tal-enerġija nukleari u ma jħalli l-ebda lok għall-applikazzjoni tat-TUE jew it-TFUE. L-approċċ l-ieħor huwa li wieħed jgħid li t-TUE u t-TFUE japplikaw fis-setturi kollha koperti mid-dritt tal-Unjoni li ma humiex trattati fit-Trattat Euratom.

37.

Peress li t-Trattat Euratom huwa biss trattat settorjali mmirat li javvanza r-riċerka, l-iżvilupp u l-investiment fl-industrija nukleari ( 17 ) filwaqt li t-TUE u t-TFUE għandhom għanijiet iktar mifruxa u peress li l-Unjoni għandha kompetenzi estensivi f’oqsma u setturi vasti, jidher iktar xieraq li jiġu applikati ir-regoli tat-TFUE kull meta t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli iktar speċifiċi. Ikun stramb kieku, pereżempju, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 157(1) TFUE relatati mal-paga ugwali ma kellhomx japplikaw għal impjegati li jaħdmu fis-settur tal-enerġija nukleari. Dan, fi kwalunkwe każ, huwa l-approċċ li huwa wkoll rifless fil-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ( 18 ).

38.

Isegwi, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom għandhom jiġu kkunsidrati bħala leges speciales fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE li ma jeskludux l-applikazzjoniji tad-dispożizzjonijiet tat-TFUE jekk it-Trattat Euratom ma jkollu l-ebda regoli speċjali jew speċifiċi f’dak il-qasam. Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun effettivament tfisser li l-produzzjoni tal-enerġija nukleari ma kinitx irregolata mill-ebda regoli ġenerali li jirregolaw is-suq intern. Fil-każ preżenti huwa ċar li t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli speċjali dwar l-għajnuna mill-Istat. Isegwi, għaldaqstant, li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri fil-qasam tal-enerġija nukleari.

39.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tidher li taċċettah dan. Tisħaq, madankollu, li jekk wieħed jaċċetta r-regola tal-għajnuna mill-Istat – li jsegwu l-objettiv tat-TFUE li tintlaħaq/tinżamm kompetizzjoni mhux distorta – tista’ tiġi applikata fil-qasam tal-enerġija nukleari, mela objettivi oħra tat-Trattat, bħall-protezzjoni tal-ambjent, il-prinċipju ta’ “min iniġġes” iħallas u l-Artikolu 37 tal-Karta (relatat mal-protezzjoni tal-ambjent) għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni.

40.

Min-naħa tiegħi, madankollu, ma nistax naċċetta dak l-argument. Essenzjalment, dan jammonta għal li wieħed jgħid li l-enerġija nukleari hija per se inkonsistenti mal-objettivi ambjentali tat-TFUE u li, għaldaqstant, l-għajnuna mill-Istat ta’ kwalunkwe forma sabiex tassisti l-kostruzzjoni u operazzjoni ta’ tali impjanti ma għandhiex tiġi permessa.

41.

Huwa minnu, dażgur, li fuq livell politiku l-merti (jew, kif jista’ jkun il-każ, in-nuqqas ta’ merti) tal-enerġija nukleari huma dibattuti b’mod imqanqal f’ħafna Stati Membri u hija kwistjoni rigward liem ma hemm l-ebda qbil preżentement. Uħud jistgħu jaħsbu li d-dell tat-Three Mile Island, Fukushima u, speċjalment, Chernobyl, huwa mitfugħ fuq il-kostruzzjoni u l-iżvilupp ta’ kull impjant tal-enerġija nukleari u li dik l-esperjenza hija biżżejjed li tindika l-eżistenza ta’ riskju ambjentali gravi li l-eliminazzjoni tiegħu huwa sempliċiment impossibbli. Oħrajn jistgħu jaħsbu li peress li l-enerġija nukleari tipprovvdi sors sostenibbli ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, għandha għaldaqstant tkun parti minn taħlita ta’ provvista ta’ enerġija jekk id-dipendenza fuq il-karburant fossili għandha tiġi mitmuma u l-miri tat-tibdil fil-klima jiġu ssodisfatti.

42.

Din il-Qorti tal-Ġustizzja ovvjament la għandha l-kompetenza u lanqas, b’mod ugwalment importanti, il-leġittimità demokratika biex tiddeċiedi fuq tali kwistjonijiet. Huwa, naħseb, suffiċjenti li jingħad li jekk l-iżvilupp tal-enerġija nukleari huwa, kif rifless fit-Trattat Euratom, objettiv iddefinit b’mod ċar tad-dritt primarju tal-Unjoni, dak l-objettiv ma jistax bħala kwistjoni ta’ dritt ikun issubordinat f’dan ir-rigward għal objettivi oħra – u, minn perspettiva waħda, possibbilment konfliġġenti – tat-TFUE. B’żieda ma’ dan, il-kliem ċar tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jagħti d-dritt lil kull Stat Membru jagħżel “bejn riżorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu” u dak id-dritt għandu jestendi, jekk Stat Membru jqisu xieraq, għad-dritt li jiżviluppa l-enerġija nukleari u l-impjanti tal-enerġija nukleari bħala parti mir-riżorsi tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

43.

Kwalunkwe konklużjoni oħra tkun tfisser li l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jkunu mċaħħda mill-effet utile u jkunu bla sustanza.

2) Jekk l-ewwel aggravju huwiex kif suppost quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

44.

Huwa sussegwentement neċessarju li jiġi trattat l-argument tal-Kummissjoni li l-ewwel aggravju huwa ineffettiv. Biex issostni dak l-argument hi tinvoka l-punt 85 tas-sentenza appellata u l-fatt li dik il-parti tas-sentenza ma ġietx attakkata mir-Repubblika tal-Awstrija ( 19 ). Il-Kummisjoni tallega li l-kwistjoni ta’ jekk “interess komuni” jew “interess pubbliku” għandux ikun moqdi b’miżura tal-għajnuna hija immaterjali għax il-Qorti Ġenerali qalet f’dak il-paragrafu li huwa meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li ssir distinzjoni bejn l-objettiv imfittex minn Stat Membru u l-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat ma għandhiex tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Il-Kummissjoni targumenta billi tistrieħ fuq dak il-punt li l-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li l-għajnuna, sabiex tkun ammissibbli skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kellha ssegwi l-interess pubbliku. Għalhekk, jekk ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li l-kriterju korrett kellu jkun test ta’ “interess komuni” pjuttost milli ta’ “interess pubbliku”, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali ma applikat l-ebda wieħed minnhom fis-sentenza tagħha.

45.

Min-naħa tiegħi, ma naqbilx ma’ dik l-evalwazzjoni. Fil-punt 87 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali sostniet “[…] minn dan ma jistax jiġi dedott li l-għanijiet ta’ interess pubbliku li Stat Membru jista’ jfittex li jilħaq huma limitati għal dawk li huma komuni għall-Istati Membri kollha jew għall-maġġoranza tagħhom” ( 20 ). Hi għalhekk timplika li qiegħda tikkunsidra l-għan ta’ miżura tal-għajnuna, li, fl-opinjoni tagħha, għandha tkun biex issegwi interess pubbliku. Il-Qorti Ġenerali lanqas ma kien ikollha “terġa tikkwalifika” it-terminu “interess komuni” użat fis-sentenza tagħha fil-kawża Mediaset vs Il‑Kummissjoni ( 21 ) biex tfisser “interess pubbliku”, b’differenza ta’ “interess privat” ( 22 ), kieku ma kinitx tikkunsidra rilevanti dak il-kriterju ( 23 ).

46.

Lanqas ma nista’ naqbel mal-allegazzjoni tal-Kummissjoni li l-Qorti Ġenerali ma bbażatx ruħha fuq kriterju separat li jipprovdi li l-għajnuna inkwistjoni għandha ssegwi “interess pubbliku” minħabba l-faċilità tal-iżvilupp ta’ “ċerti attivitajiet […] ekonomiċi” – ir-rekwiżit li huwa stabbilit direttament fil-formulazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE – per se jikkostitwixxi dan l-“interess pubbliku” jew, fil-fatt, li t-termini “interess komuni” u “interess pubbliku” huma sinonimi. Biex nagħti sempliċement tliet eżempji: l-ewwel, fil-punt 48 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li “sabiex tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, għajnuna għandha tkun intiża għall-iżvilupp ta’ attività li tikkostitwixxi għan ta’ interess pubbliku” ( 24 ). It-tieni, fil-punt li jmiss, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li huwa xieraq li l-ewwel jiġi eżaminat l-għan ta’ interess pubbliku invokat mir-Renju Unit.

47.

It-tielet, fir-riferiment tagħha għall-kawża Mediaset vs Il‑Kummissjoni ( 25 ), il-Qorti Ġenerali għamlet ċar li hija kienet qiegħda tinvoka dan ir-rekwiżit, jekk biss biex teskludi “interessi privati” ( 26 ). Fil-punti 79 sa 128 tas-sentenza appellata, intitolati “Fuq l-argumenti li jfittxu li jqiegħdu fid-dubju l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari tikkostitwixxi għan ta’ interess ‘komuni’ biss, it-terminu “għan ta’ interess pubbliku” intuża sittax-il darba u dan saħansitra meta tirreferi għad-deċiżjoni inkwistjoni fejn il-Kummissjoni tirreferi għal “objettiv ta’ interess komuni” ( 27 ). F’dawk ir-riferimenti, il-Qorti Ġenerali trattat il-kwistjoni ta’ jekk il-promozzjoni tal-enerġija nukleari ssegwix l-għan tal-interess pubbliku għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u mhux jekk dan jistax ikun interess privat iktar milli pubbliku. Filwaqt li l-Kummissjoni tista’ tkun korretta li tgħid li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jistipulax li għajnuna għandha sservi interess pubbliku sabiex tkun kompatibbli mas-suq intern, dik il-propożizzjoni ma kinitx espressament approvata mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

48.

Isegwi li jien ma nikkunsidrax l-ewwel aggravju ineffettiv fuq din il-bażi. Minflok huwa aggravju ma’ liem il-Qorti tal-Ġustizzja għandha titratta sew.

3) “Interess pubbliku” jew “interess komuni” bħala rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE

49.

Ir-Repubblika tal-Awstrija bażikament targumenta li, sabiex japplika l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, miżura ta’ għajnuna għandha ssegwi “interess komuni” u li dak jista’ biss jiġi meqjus li huwa l-każ jekk l-Istati Membri kollha jappoġġjaw dak l-interess. Il-Qorti Ġenerali ħadet il-fehma opposta fil-punt 79 et seq. tas-sentenza appellata. Hemm żewġ aspetti għal din il-kwistjoni. L-ewwel, jekk l-Artikolu 107(3)(c) TFUE għandux rekwiżit addizzjonali li mhux inkluż fil-formulazzjoni tiegħu, jiġifieri, li l-għajnuna għandha ssegwi “interess komuni” u, jekk dan huwa l-każ, x’jikkostitwixxi tali “interess komuni”. It-tieni, jekk l-eżistenza ta’ tali rekwiżit addizzjonali jista’ jiġi stabbilit, hemm id-domanda ulterjuri ta’ jekk dan l-“interess komuni” jistax jiġi kkunsidrat mill-perspettiva tal-Istati Membri kollha.

50.

Fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet, għandu jitfakkar li din il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement saħqet li l-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward ta’ kwalunkwe eżaminazzjoni skont l-Artikolu 107(3)(c) TFEU fir-rigward ta’ jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni hijiex kompatibbli mas-suq intern. Kwalunkwe eżerċizzju simili li jinvolvi evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali għandu bilfors isir f’kuntest Komunitarju ( 28 ). Konsegwentement, l-istħarriġ ġudizzjarju applikat għall-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u tal-motivazzjoni, kif ukoll għall-ivverifikar tal-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati u tal-assenza ta’ żball ta’ dritt, żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti jew użu ħażin ta’ poter ( 29 ).

51.

Fir-rigward ta’ din id-diskrezzjoni wiesgħa, nixtieq nitratta l-ewwel l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li, billi tirrikjedi biss li l-miżuri appoġġjati mill-għajnuna mill-Istat jsegwu “interess pubbliku” iktar milli “interess komuni”, il-Qorti Ġenerali tbiegħdet mill-prattika tal-Kummissjoni kif ukoll mill-maġġoranza tal-ġurisprudenza. Biex issostni l-ewwel sottomissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija tiċċita numru ta’ strumenti legali mhux vinkolanti, li l-ebda wieħed minnhom ma huwa, madankollu, applikabbli għall-każ preżenti ( 30 ). Tkompli tirreferi għad-deċiżjoni inkwistjoni li tittratta l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna ssegwix “interess komuni” fil-Kapitolu 9.2 tagħha ( 31 ). Insostenn tat-tieni sottomissjoni hija tiċċita s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni ( 32 ), Deufil vs Il-Kummissjoni ( 33 ) u Spanja vs Il‑Kummissjoni ( 34 ).

52.

Peress li l-Kummissjoni ma għandhiex kompetenza biex tilleġiżla fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ovvjament isegwi li kwalunkwe avviż, linji gwida u oqsfa ma jistgħux ikunu vinkolanti fihom innifishom. Kieku l-avviżi u l-linji gwida li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Awstrija huma applikabbli għaċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, mela huma jistgħu jimponu limitu fuq l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni ( 35 ). Madankollu, anki jekk ikun il-każ, il-Kummissjoni hija marbuta biss sal-punt li dawk it-testi ma jitbiegħdux mill-applikazzjoni propja tar-regoli fit-TFUE, peress li linji gwida u avviżi mill-Kummissjoni ma jistgħux ovvjament jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat ( 36 ).

53.

Dan kollu jfisser li anki pożizzjoni konsistenti tal-Kummissjoni fuq il-kwistjoni dwar x’jikkostitwixxi objettiv ta’ “interess komuni” ma jistax jipprekludi lill-Qorti Ġenerali (jew, skont kif ikun il-każ, din il-Qorti tal-Ġustizzja) milli tiddeċiedi li dan ma huwiex rekwiżit neċessarju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata mir-Repubblika tal-Awstrija, nipproponi li neżamina l-kwistjoni dwar jekk kwalunkwe rekwiżit li l-għajnuna għandha sservi objettiv ta’ “interess komuni” jikkostitwixxix tluq minn ġurisprudenza ta’ qabel flimkien mad-domanda jekk, sabiex interess jiġi meqjus bħala “interess komuni”, l-Istati Membri kollha għandhom jaqblu dwarha fi kwalunkwe mument ( 37 ).

54.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tajba tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, dik id-dispożizzjoni tgħid li għajnuna mill-Istat tista’ tkun kompatibbli mas-suq komuni jekk (i) tiffaċilità ċerti attivitajiet ekonomiċi u (ii) tali għajnuna ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE nnifsu ma jagħtix indikazzjoni fir-rigward ta’ xi rekwiżiti ulterjuri ma liem għandhom jikkonformaw ruħhom dawn l’“attivitajiet ekonomiċi”. Din id-dispożizzjoni tinsab f’kuntrast ovvju mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE peress li d-dispożizzjoni tal-aħħar tikkwalifika biċ-ċar l-għajnuna bħala li “tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew” ( 38 ).

55.

Il-Qorti Ġenerali xorta waħda sostniet f’kawżi varji, fuq liem qiegħda tistrieħ ir-Repubblika tal-Awstrija, li “[s]abiex tkun kompatibbli mas‑suq komuni fis-sens [tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE], għajnuna għandu jkollha għan ta’ interess komuni u tkun meħtieġa u proporzjonali għal dan l-għan” ( 39 ). Fir-rigward tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni tagħha li tinbeda l-investigazzjoni, hija ddedikat 31 punt għall-kunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna kellhiex objettiv komuni u fid-deċiżjoni inkwistjoni, it-Taqsima 9.2 ittrattat il-kwistjoni u spiċċat b’evalwazzjoni li “l-miżuri ta’ għajnuna mmirati sabiex jippromwovu l-enerġija nukleari, isegwu objettiv ta’ interess komuni […]” ( 40 ).

56.

L-Artikolu 107(3)(c) TFUE jinsab fil-Kapitolu 1 tat-Titolu VII ta’ dak it-Trattat intitolat “Regoli li jirregolaw il-kompetizzjoni”. Bħala parti mill-kapitolu dwar il-kompetizzjoni, l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effetti negattivi fuq il-kummerċ. Il-pożizzjoni tagħha fit-Trattat ma tindikax l-għan li tagħti kompetenzi addizzjonali lill-Kummissjoni permezz, pereżempju, ta’ poter ta’ kważi verifika sabiex tiżgura li l-Istati Membri jonfqu flejjes pubbliċi b’mod effikaċi u kosteffettiv.

57.

Isegwi, għalhekk, li ma hemm l-ebda rekwiżit li l-għajnuna trid tissodisfa kwalunkwe għan lil hinn minn dawk speċifikament stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Skont il-formulazzjoni tagħha u l-pożizzjoni tad-dispożizzjoni fit-TFUE, għajnuna ta’ dak it-tip, sabiex tkun kompatibbli mat-Trattat, la għandha ssegwi “għan ta’ interess komuni” lanqas “għan ta’ interess pubbliku”. Għandha biss “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet […] ekonomiċi” u ma “tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. L-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi meta sostniet li l-għajnuna għandha sservi biss interess “pubbliku” u mhux “komuni” ma jistax jintlaqa’ peress li, fil-fehma tiegħi u kontra l-fehmiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ kriterji ma għandu jiġi ssodisfatt.

58.

Hawnhekk, forsi, huwa meħtieġ biss li nżid li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali f’numru ta’ ġurisprudenza minn kawżi bħal Mediaset vs Il‑Kummissjoni ( 41 ) ’il quddiem li tipprovdi li kwalunkwe għajnuna approvata skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE għandha sservi objettiv ta’ “interess komuni” huma, bir-rispett, mhux korrett fil-liġi. Kif għadni kif indikajt, it-test propju tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jinkludix tali rekwiżit, minkejja li l-Artikolu 107(3)(b) TFEU (“għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew […]”) jinkludih.

59.

B’kuntrast, kull ma jirrikjedi l-Artikolu 107(3)(c) TFUE huwa li l-għajnuna “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet […] ekonomiċi”. Huwa minnu li t-terminu “interess komuni” huwa wkoll inkluż fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Dik id-dispożizzjoni tinkudi wkoll kundizzjoni negattiva, jiġifieri, li l-għajnuna ma “tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Hemmhekk, it-terminu “interess komuni” huwa użat f’kuntest differenti. Din il-kundizzjoni negattiva sservi sabiex timporta rekwiżiti bħal proporzjonalità u neċessità fir-reġim tal-approvazzjoni tal-għajnuna: huwa ċar mill-formulazzjoni u l-istruttura tal-paragrafu kollu li dan ma jfissirx li għall-għanijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU l-objettiv tal-għajnuna nnifisha għandu jservi interess komuni. Kieku dan kien intiż, il-leġiżlaturi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE setgħu faċilment qalu dan, bħal ma għamlu fil-każ tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

60.

Jekk din il-Qorti tal-Ġusitzzja ma taqbilx mal-konklużjoni li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma jinkludix tali rekwiżit ulterjuri, naħseb li fi kwalunkwe każ huwa ċar li kwalunkwe rekwiżit possibbli li l-għajnuna għall-proġett Hinkley Point C għandha sservi objettiv ta’ “interess komuni” ġie fil-fatt issodisfatt. Dan huwa l-każ, irrispettivament minn jekk dak il-kriterju jiġix interpretat bħala li jfisser li għandu jkun għan segwit mill-Istati Membri kollha jew le.

61.

Hawn għandu jitfakkar l-ewwel li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni aċċettaw ukoll u huma marbuta mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom. Minkejja li l-Istati Membri jistgħu preżentement ma jaqblux fuq is-suġġett tal-enerġija nukleari, u għal dik ir-raġuni preċiża, seta’ kien impossibbli biex il-Euratom tiġi integrat fl-Unjoni ( 42 ), il-fatt jibqa’ li t-Trattat Euratom huwa virtwalment l-istess minn meta daħal fis-seħħ filwaqt li t-Trattati li jirregolaw il-Komunità Ewropea u l-Unjoni Ewropea għaddew minn bidliet fundamentali.

62.

Kif indikajt banda oħra f’dawn il-konklużjonijiet ( 43 ), l-iżvilupp tal-impjanti tal-enerġija nukleari – kemm issa u kemm fiż-żmien tal-promulgazzjoni tat-Trattat Euratom – huwa tassew objettiv ewlieni tat-Trattat Euratom li, dażgur, jibqa’ parti mid-dritt primarju tal-Unjoni, Isegwi li objettiv ta’ Trattat iddikjarat b’mod ċar, irrispettivament minn liema wieħed mit-Trattati fundaturi għandu jkun, kważi mid-definizzjoni stess, kapaċi jikkostitwixxi għan ta’ interess komuni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

63.

Meta ngħid dan ma nkunx qiegħed ninjora l-argument magħmul mir-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li li kieku kienet fehmet li l-iżvilupp kontemproanju tal-impjanti tal-enerġija nukleari jista’ jiġi assistit permezz tal-għajnuna mill-Istat hija qatt ma kienet taċċetta t-Trattat Euratom. Madankollu din is-sottomissjoni hija, bir-rispett, kemxejn mhux realistika, peress li, fi kwalunkwe każ, huwa diffiċli li jiġi interpretat jew l-Artikolu 1 jew l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom (dispożizzjonijiet li ser nikkunsidra iktar fid-dettall preżentement) meta jinqara flimkien mal-Artikolu 106a(3) tal-istess Trattat bħala li jfisser xi ħaġa oħra.

64.

Huwa, dażgur, minnu li kull Stat Membru ma huwiex obbligat li jippermetti l-operat tal-impjanti tal-enerġija nukleari jew li jipprovdi appoġġ finanzjarju lil tali impjanti jekk diġà jeżistu fit-territorju tagħhom. Dan, madankollu, ma huwiex il-punt. Jekk Stat Membru jieħu passi lejn l-“istabbiliment […] u t-tkabbir ta’ l-industriji nukleari” ( 44 ) billi jibni impjanti tal-enerġija nukleari, huwa qiegħed jaġixxi skont dispożizzjoni espressi (l-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom) tad-dritt primarju tal-Unjoni li, ukoll kważi mid-definizzjoni stess, jammonta neċessarjament għal kwistjoni ta’ “interess komuni” għall-għanijiet tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni, madankollu, li l-ġurisprudenza li tirrigwarda l-Artikolu 107(3)(c) TFUE tistrieħ fuq interess komuni u kollettiv tal-Istati membri jew l-Unjoni rispettivament li hija tgħid huwa neċessarjament assenti minħabba l-oppożizzjoni tagħha stess għall-iżvilupp kontemporanju tal-enerġija nukleari. Għal dan il-fini tistrieħ fuq tlett deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li hija tgħid li jappoġġjaw dik il-pożizzjoni. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tistrieħ fuq l-istess siltiet tal-istess deċiżjonijiet għall-affermazzjoni tagħha li kieku jikkostitwixxi tluq mill-ġurisprudenza ta’ qabel jekk din il-Qorti tal-Ġustizzja ma tapplikatx il-kriterju li l-għajnuna għandha sservi interess komuni, ser nitratta dik il-kwistjoni fl-istess ħin.

65.

Sa fejn jikkonċerna l-ewwel waħda minn dawk id-deċiżjonijiet, il-kawża Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni ( 45 ), ir-Repubblika tal-Awstrija tibbaża ruħha fuq is-silta li ġejja (f’punti 24 sa 26 ta’ dik is-sentenza):

“Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju […]

[…] L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata, mill-parti l-kbira, fuq il-konklużjoni li ż-żieda fil-produzzjoni tas-sigaretti prevista tkun esportata lill-Istati Membri l-oħra […] u dan ma ppermettiex il-fehma li l-kundizzjonijiet tal-kummerċ kienu jibqgħu mhux affettwati minn din l-għajnuna sa ċertu punt li jmur kuntrarju għall-interess komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

66.

Din is-silta tikkonċerna l-applikazzjoni tal-kundizzjoni negattiva tal-Artikolu 92(3)(c) KEE (li sar l-Artikolu 107(3)(c) TFUE). Id-domanda ppreżentata hawn hija jekk l-għajnuna inkwistjoni tfixkilx il-kummerċ sa grad inaċċettabbli u f’dak il-kuntest l-impatt fuq is-suq uniku kumplessivament għandu naturalment jiġi kkunsidrat. Id-domanda li din il-Qorti tal-Ġustizzja teħtieġ tikkunsidra f’dan il-każ – jiġifieri, jekk l-għajnuna għandhiex isservi objettiv ta’ interess komuni – hija, madankollu, naturalment anterjuri għal dik id-domanda partikolari. Anki jekk wieħed kellu jassumi differenti, fid-determinazzjoni tal-kwistjoni tal-interess komuni, ma hemm xejn f’dik is-sentenza li tissuġġerixxi li huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati l-objettivi tal-politika individwali ta’ kull Stat Membru.

67.

L-istess jista’ jingħad għat-tieni deċiżjoni invokata għal dan l-għan, il-kawża Deufil vs Il-Kummissjoni ( 46 ). F’dik il-kawża l-Kummissjoni kienet ċaħdet proposta għall-għajnuna reġjonali għall-iżvilupp ta’ settur ekonomiku partikolari fil-Ġermanja. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel reġgħet tenniet (fil-punt 18 ta’ dik is-sentenza) id-dikjarazzjoni magħmula fil-punt 24 tas-sentenza Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni ( 47 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad kompliet biex tgħid:

“Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma eċċediet il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta kkunsidrat li l-għoti tal-għajnuna għal investiment li jżid il-kapaċità produttiva f’settur li fih hemm diġà produzzjoni kunsiderevolment żejda huwa kontra l-interess komuni […]” ( 48 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]]

68.

Dawk is-siltiet, madankollu, ma jistgħux jiġu kkontestati sa fejn ir-repetizzjoni tal-formula użata fil-kawża Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni ( 49 ) tikkonċerna wkoll l-applikazzjoni tal-kundizzjoni negattiva tal-Artikolu 92(3)(c) KEE (li sar l-Artikolu 107(3)(c) TFUE), kif distint mill-kwistjoni separata tal-“interess komuni” li hija kundizzjoni pożittiva li tittratta l-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna sservix għan ta’ interess komuni. għall-għanijiet tal-ewwel parti tas-sentenza ta’ dik id-dispożizzjoni. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-għajnuna “hija kuntrarja għall-interess komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali], dik, madankollu, għandha tiġi meqjusa fil-kuntest speċifiku ta’ kriterju ieħor speċifiku li jinsab fl-Artikolu 92(3)(c) KEE (li sar l-Artikolu 107(3)(c) TFUE). Fi kliem ieħor, l-għajnuna mill-Istat proposta inkwistjoni diġà falliet it-test rilevanti għax għajnuna għal settur li fih diġà hemm produzzjoni żejda ma jistax jingħad li “[j]iffaċilita l-iżvilupp ta’ […] ċerti reġjuni ekonomiċi”. Fi kwalunkwe każ, ma hemm xejn f’dik is-silta li jissuġġerixxi li interess komuni għandu jkun maqsum mill-Istati Membri l-oħra kollha.

69.

It-tielet deċiżjoni, il-kawża Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni ( 50 ), kienet tikkonċerna skema Spanjola tal-għajnuna għall-bdiewa misjuba fil-komunità awtonoma ta’ Extremadura. Ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka b’mod partikolari l-punt 67 ta’ dik is-sentenza li għal darba oħra jerġa jtenni l-punt 24 tas-sentenza Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni ( 51 ). Is-silta rilevanti mis-sentenza Ir-Renju ta’ Spanja vs Il-Kummissjoni ( 52 ) hija s-segwenti:

“Madankollu, id-differenza fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 87(3)(a) KE u l-Artikolu 87(3)(ċ) KE ma tistax twassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma għandhiex tikkunsidra l-interess tal-Kommunità meta tapplika l-Artikolu 87(3)(a), u li għandha tillimita ruħha biex tivverifika l-impatt reġjonali speċifiku tal-miżuri involuti, mingħajr ma tevalwa l-impatt tagħhom fuq is-suq rilevanti jew is-swieq Komunitarji komplessivament. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha mhux biss tivverifika li dawn il-miżuri huma tali li jikkontribwixxu effettivament għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni kkonċernati, iżda wkoll tevalwa l-impatt ta’ din l-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, tevalwa r-riperkussjonijiet settorjali li dawn jistgħu joħlqu fil-livell tal-Unjoni. Bħalma diġà sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 87(3) KE jagħti lill-Kummissjoni setgħa diskrezzjonali li l-eżerċizzju tagħha jimplika evalwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, li għandhom isiru f’kuntest Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

70.

Iżda huwa ċar li dik is-silta, għal darba oħra tirrigwarda l-kwistjoni separata li tqum mill-kundizzjoni negattiva li tinsab fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE (li kien l-Artikolu 87(3)(ċ) KE), jiġifieri, li ma għandux ikun hemm impatt tal-għajnuna inkwistjoni fuq is-suq rilevanti jew swieq Komunitarji (issa l-Unjoni) komplessivament sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Dak, madankollu, ma għandu l-ebda impatt fuq il-kwistjoni distinta dwar jekk l-għajnuna għandhiex isservi objettiv ta’ interess komuni jew li tkunx appoġġjata mill-Istati Membri kollha qabel tista’ tikkwalifika bħala oġġett ta’ interess komuni.

71.

Isegwi li l-ebda waħda minn dawk it-tliet sentenza ma hija bażi għall-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija li huwa rekwiżit meħtieġ għall-għanijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE li l-għajnuna jkollha objettiv ta’ interess komuni. Lanqas ma jgħidu li interess komuni huwa interess maqsum mal-Istati Membri kollha.

72.

Għandu jitfakkar li l-Istati Membri kollha ffirmaw, irrattifikaw u aderixxew għat-Trattat Euratom. Isegwi li l-Istati Membri kollha jitqiesu, bħala kwistjoni ta’ liġi, li taw il-kunsens ġenerali tagħhom għall-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda. Huwa minnu li hemm Stati membri – bħar-Repubblika tal-Awstrija – li ddeċidew li ma humiex ser jiffaċilitaw jew saħansitra jippermettu l-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ġodda fit-territorju tagħhom. Madankollu, bl-aċċettazzjoni tal-objettivi ta’ dak it-Trattat huma urew l-aċċettazzjoni mingħajr riżerva – fil-prinċipju, għalinqas – tad-dritt ta’ Stati Membri oħra li jiżviluppaw impjanti tal-enerġija nukleari fit-territorji tagħhom stess jekk huma jixtiequ jagħmlu dan.

73.

Isegwi, għalhekk, fuq kwalnukwe kunsiderazzjoni legali involuta, li l-iżvilupp ta’ impjanti tal-enerġija nukleari huwa objettiv fl-interess komuni għall-għanijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE għal liem, l-Istati Membri kollha kienu – anki jekk biss minħabba l-aċċettanza tagħhom tat-Trattat Euratom – taw kunsens. Għalhekk, anki fuq l-assunzjoni (kuntrarju għal fehma tiegħi) li l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jista’ biss jiġi applikat jekk l-għajnuna mill-Istat ikollha objettiv ta’ interess komuni, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi. Inżid ngħid ukoll – anki jekk għas-saħħa ta’ kompletezza – li l-iżvilupp tal-impjanti tal-enerġija nukleari jikkostitwixxi wkoll objettiv ta’ interess pubbliku, kuntrarju għal wieħed ta’ interess privat.

c)   Il-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari ma hijiex promozzjoni ta’ enerġija nukleari koperta mit-Trattat Euratom

74.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tkompli tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 97 tas-sentenza appellata li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, ir-Renju Unit kien intitolat li joħloq inċentivi għall-kreazzjoni ta’ kapaċitajiet ġodda tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija nukleari. B’kuntrast, ir-Repubblika tal-Awstrija tallega, billi tinvoka l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom, li dak it-Trattat ma jkoprix il-promozzjoni tal-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari oħra jew is-sostituzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari eżistenti b’teknoloġiji iktar moderni, diġà żviluppati. F’dan il-kuntest jista’ jiġi osservat l-ewwel li l-Artikolu 1 tat-Trattat Euratom jiddikjara li l-objettiv ewlieni tat-Trattat huwa li joħloq “kondizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment ta’ malajr u t-tkabbir ta’ l-industriji nukleari”. L-Artikolu 2(ċ) imbagħad jipprovdi li sabiex “twettaq il-kompiti tagħha” Euratom għandha “tiffaċilita l-investiment u tassigura, partikolarment billi tinkoraġixxi l-impriża kummerċjali, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ l-enerġija nukleari fil-Komunità.” Barra minn hekk, l-Artikoli 40 u 41 tat-Trattat Euratom meta moqrija flimkien mal-punt 11 tal-Anness II ta’ dak it-Trattat jissottolineaw il-fatt li l-investiment f’reatturi nukleari huwa previst minn dak it-Trattat. Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 192 tat-Trattat Euratom, l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-kisba tal-miri Kommunitarji.

75.

Forsi l-ewwel ħaġa li trid tingħad dwar dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali hija li jippreżupponu l-eżistenza ta’ impjanti tal-enerġija nukleari f’mill-inqas uħud mill-Istati Membri, għax mingħajr impjanti tal-enerġija nukleari, ma jista’ jkun hemm l-ebda enerġija nukleari u, mingħajr enerġija nukleari jkun hemm ftit raġuni li jkun hemm Euratom jew, bl-istess mod, it-Trattat Euratom.

76.

It-tieni, l-Istati Membri ovvjament riedu li t-Trattat Euratom ikun dokument ħaj, kapaċi li jiżviluppa b’mod organiku u li jadatta għal ċirkustanzi kontemporanji fi ħdan, dażgur, l-erba’ kantunieri tat-Trattat. Dak fih innifsu huwa, naħseb, biżżejjed biex jiġu eliminati l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Awstrija dwar li dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom la jkopru l-kostruzzjoni ta’ iktar impjanti tal-enerġija nukleari oħra u lanqas is-sostituzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari li qegħdin jeqdiemu b’teknoloġiji iktar moderni, diġà żviluppati.

77.

Kieku dak l-argument kien korrett, ikun ifisser, pereżempju, li t-Trattat Euratom kien japplika biss waqt l-ewwel fażi tal-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari matul is-sittinijiet u s-sebgħajnijiet. Isegwi wkoll li t-Trattat ma kien ikollu l-ebda applikazzjoni għal-ċirkustanzi moderni peress li dak l-ewwel grupp ta’ impjanti nukleari kellu gradwalment jieqaf jopera, jiġi mmodernizzat u ssostitwit. Madankollu l-leġiżlaturi tat-Trattat Euratom ovvjament kellhom l-intenzjoni li jkollu applikazzjoni indefinita. Ma hemm l-ebda indikazzajoni li kien suppost ikollu ambitu ta’ applikazzjoni definit, essenzjalment, għall-ewwel grupp ta’ kostruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari.

78.

It-tielet, fi kwalunkwe każ, dak l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija ma huwiex appoġġjat mil-lingwa attwali tat-Trattat Euratom innifsu. Wara kollox, l-Artikolu 1 jiddikjara li wieħed mill-objettivi tat-Trattat huwa li joħloq il-kundizzjonijiet meħtieġa “għall-istabbiliment ta’ malajr u t-tkabbir ta’ l-industriji nukleari”. Bl-istess mod, l-Artikolu 2(ċ) ta’ dak it-Trattat jiddikjara li wieħed mill-kompiti ta’ Euratom huwa li jiżgura, “partikolarment billi tinkoraġixxi l-impriża kummerċjali, il-kostruzzjoni ta’ faċilitajiet bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ l-enerġija nukleari fil-Komunità”. Dawk id-dispożizzjonijiet b’mod ovvju jikkontemplaw it-tkabbir u l-iżvilupp tal-industrija nukleari, inkluż – kif jagħmilha ċara l-Artikolu 2(ċ) – permezz tal-involviment ta’ impriżi privati għal dan l-għan. L-argument għall-kuntrarju mressaq mir-Repubblika tal-Awstrija waqt is-smigħ tat-28 ta’ Jannar 2020 li l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom ma kellux dik it-tifsira affattu, iżda minflok kien ikkonċernat mill-iżvilupp possibbli ta’ teknoloġiji ġodda huwa, bir-rispett, kemxejn mhux realistiku.

79.

Fl-aħħar, huwa wkoll għall-darba oħra meħtieġ li jiġi indikat l-Artikolu 194(2) TFUE f’dan il-kuntest. Dik id-dispożizzjoni għandha, dażgur, tinqara flimkien mat-Trattat Euratom. Kif indikajt diġà, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jipprovdi li l-kompetenza ġenerali tal-Unjoni fil-qasam tal-enerġija ma hijiex ser tippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru: “li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-isfruttament tar-riżorsi ta’ enerġija tiegħu, l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu”.

80.

Huwa perfettament ċar minn dik id-dispożizzjoni li d-dritt fil-prinċipju ta’ kull Stat Membru li jagħżel it-taħlita tal-enerġija tiegħu stess – jekk hux karburanti fossili, sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bħall-enerġija solari u enerġija eolika jew, bħal f’dan il-każ, enerġija nukleari – huwa għal kull effett mhux mimsus. Bħalma argumenta r-Renju Unit fis-sottomissjonijiet tiegħu, huwa għażel li jappoġġja l-enerġija nukleari bħala “element affidabbli, b’livell baxx ta’ karbonju fi ħdan it-taħlita tal-enerġija tiegħu.”

81.

Dan kollu jsaħħaħ il-konklużjoni li s-suġġetti u l-kompetenzi tat-Trattat Euratom jistgħu ġustament jiġu interpretati bħala li jestendu għall-kostruzzjoni ta’ impjanti tal-enerġija nukleari moderni mill-Istati Membri, u mhux sempliċement dawk l-impjanti li kienu previsti jew ipproġettati fiż-żmien meta t-Trattat Euratom ġie ppromulgat. Il-kontenut ġenerali u l-approċċ tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata huwa perfettament konsistenti ma’ din l-interpretazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

d)   Meta ddeterminat jekk il-miżuri tal-għajnuna jippromwovux objettiv ta’ interess komuni, il-Qorti Ġenerali missha wkoll ikkunsidrat l-objettivi l-oħra tat-TFUEt

82.

Fil-punt 517 tas-sentenza appellata li hija kkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti Ġenerali sostniet li, irrispettivament minn jekk dawk il-prinċipji kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, kieku jkun inkonsistenti mal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-ambjent, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas” u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà jiġu interpretati b’tali mod li jiġi prekluż l-għoti tal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-kostruzzjoni jew operat ta’ impjant tal-enerġija nukleari.

83.

Ir-Repubblika tal-Awstrija, min-naħa l-oħra, targumenta li, jekk - minkejja l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom – wieħed japplika l-Artikolu 107 TFUE għall-enerġija nukleari, wieħed għandu japplika wkoll prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħar-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent, li jinkludu l-protezzjoni tas-saħħa, imsemmija fl-Artikolu 37 tal-Karta u l-Artikolu 11 TFUE. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom ma għandux jiġi invokat sabiex jiġġustifika l-għajnuna mill-Istat għax dik id-dispożizzjoni titratta primarjament il-kunflitti rigward il-bażi legali għall-azzjoni leġiżlattiva, kunflitt li ma jeżistix fil-każ preżenti. Dawk l-argumenti jistiednu r-risposta li ġejja.

84.

L-ewwel nett, kontra ta’ dak li huwa l-każ għall-qasam tal-għajnuna mill-Istat, it-Trattat Euratom jitratta l-kwistjonijiet ambjentali fil-Kapitolu 3 tat-Titolu II intitolat Protezzjoni tas-Saħħa ( 53 ). Dawk id-dispożizzjonijiet jieħdu preċedenza skont l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom u ma jħallux lok għall-applikazzjoni ta’ prinċipji oħra tad-dritt tal-Unjoni f’dak il-qasam ( 54 ).

85.

It-tieni nett, il-fatt li dispożizzjoni setgħet kienet primarjament maħsuba biex tindirizza kunflitti rigward il-bażi legali għal miżuri ma jeskludix l-applikazzjoni tagħha għal kwistjonijiet oħra. Dan huwa minnu partikolarment, għaliex la l-kliem tal-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom, u lanqas il-kuntest tagħha – ġiet imċaqalqa mis-Sitt Parti tat-Trattat KE li titratta mad-dispożizzjonijiet ġenerali u finali tal-kapitolu fit-Trattat Euratom msemmi “Applikazzjonijiet ta’ ċerti dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea” – ma jappoġġjaw tali limitazzjoni fl-applikazzjoni tagħha.

86.

It-tielet nett, l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom ma huwiex l-unika dispożizzjoni li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni f’dak li huwa l-provvista tal-enerġija tal-Istati Membri. Kieku l-Kummissjoni kellha tingħata kompetenza iktar wiesgħa sabiex tevalwa d-deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat meħuda mill-Istati Membri skont prinċipji minbarra dawk stabbiliti fl-Artikolu 107 TFUE, dan kieku jillimita l-awtonomija tal-Istati Membri f’dak il-qasam. Id-domanda mbagħad tkun jekk it-Trattati tabilħaqq jippermettux dan. Il-qasam tal-“Enerġija” hija trattata fit-Titolu XXI tat-TFUE. Skont l-Artikolu 4(2)(i) TFUE, dan huwa qasam ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri. L-Artikolu 194(1) TFUE u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 194(2) TFUE jobbligaw il-Parlamentaw Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa biex jilħqu ċerti għanijiet relatati mas-settur tal-enerġija “[f]il-kuntest ta’ l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u b’kont meħud tal-ħtieġa ta’ preservazzjoni u titjib ta’ l-ambjent”. Kif diġà indikajt, l-Artikolu 194(2) TFUE jgħid biċ-ċar ukoll li “[d]awn [il-miżuri] m’għandhomx jolqtu d-dritt ta’ Stat Membru li jiddetermina […] l-għażla tiegħu bejn riżorsi differenti ta’ enerġija […]” ( 55 ).

87.

Li jirriżulta minn dan huwa li l-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-provvista tal-enerġija tagħhom għandu jiġi ppreservat u rrikonoxxut. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 194(2) TFUE jirrappreżenta bilanċ mill-ġdid important tal-irwol tal-Istati Membri individwali fil-konfront tal-Unjoni fil-qasam tal-politika tal-enerġija. Għalhekk, għal dawk ir-raġunijiet biss ma jidhirx xieraq li l-Kummissjoni tiġi permessa li tikkunsidra l-objettivi tal-Unjoni lil hinn mill-protezzjoni tas-suq komuni speċifikament imqajma fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE fl-evalwazzjoni tagħha tal-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-enerġija ( 56 ).

88.

Lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali, anki f’oqsma barra s-settur tal-enerġija, ma jirrikjedu jew jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tagħmel dan.

89.

Il-prinċipji speċifiċi mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija, li skontha, kellhom diġà jittieħdu inkunsiderazzjoni fi żmien l-evalwazzjoni dwar jekk objettiv ta’ interess komuni kienx qiegħed jiġi segwit mill-miżuri tal-għajnuna, huma l-protezzjoni tal-ambjent, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas” u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà. Madankollu, kif il-Qorti Ġenerali indikat korrettement fil-punt 515 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kien ikollha tieħu dawn il-prinċipji inkunsiderazzjoni biss kieku huma kienu segwiti mir-Renju Unit bil-miżura tal-għajnuna tiegħu ( 57 ). F’dak il-każ, huma setgħu jiġu eżaminati mill-Kummissjoni b’riferiment għal jekk il-miżuri kinux adegwati biex jintlaħaq dak l-għan ( 58 ). F’dan il-każ, madankollu, l-għan imfittex kien li tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tal-enerġija nukleari u l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE kellha biss tevalwa jekk il-miżura tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni ( 59 ).

90.

Lanqas is-segwenti ġurisprudenza ma tbiddel dik il-konklużjoni: il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li, meta l-Kummissjoni tapplika l-proċedura tal-għajnuna mill-Istat, din hija meħtieġa, skont l-iskema ġenerali tat-Trattat, li tiżgura li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat huma applikati b’mod konsistenti mad-dispożizzjonijiet speċifici barra minn dawk relatati mal-għajnuna mill-Istat u, għaldaqstant tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni ma’ dawk id-dispożizzjonijiet speċifiċi, fejn l-aspetti tal-għajnuna jkunu inseparabbilment marbuta mal-oġġett tal-għajnuna li jkun impossibbli li jiġu evalwati separatament ( 60 ). Fil-każ preżenti, l-eżistenza ta’ tali rabta inseparabbli ma kinitx, kif tindika l-Kummissjoni, mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija; u lanqas ma teżisti. Il-prinċipji mqajma mir-Repubblika tal-Awstrija, jiġifieri, il-protezzjoni tal-ambjent, il-prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas” u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà jistgħu jiġu evalwati separatament u, jekk ikun meħtieġ, fi proċedimenti oħra ( 61 ). Ta’ min isemmi li, skont il-punt 150 tat-tweġiba tal-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma attakkatx id-deċiżjoni ulterjuri fuq il-metodoloġija tal-ipprezzar għall-kuntratti ta’ skart nukleari li kienu wkoll meqjusa bħala għajnuna mill-Istat u ddikjarati kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ( 62 ).

91.

Il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta sabet li ma kellhiex għalfejn tikkunsidra objettivi oħra tat-Trattat biex tiddetermina jekk il-miżuri tal-għajnuna jippromwovux objettiv ta’ interess komuni.

2.   It-tieni aggravju: l-Artikolu 107(3)(c) TFUE ġie applikat inkorrettement għax is-settur rilevanti tal-ekonomija ma ġiex iddefinit korrettement u r-rekwiżit tan-nuqqas fis-suq ma ġiex applikat

a)   Sommarju tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija

92.

Fil-punti 105, 139 u 140 u 144 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-promozzjoni tal-enerġija nukleari kienet tikkostitwixxi l-attività ekonomika rilevanti għall-għanijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU u li l-iżvilupp ta’ Hinkley Point C kien jikkostitwixxi tali promozzjoni ta’ enerġija nukleari. Fil-punti 151 u 240 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali sostniet li l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq tista’ tkun fattur rilevanti sabiex l-għajnuna mill-Istat tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, iżda li l-assenza ta’ nuqqas fis-suq ma’ jfissirx neċessarjament li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE ma humiex issodisfatti u li, anki kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas fis-suq, l-intervent tar-Renju Unit kien fil-fatt meħtieġ sabiex jintlaħaq l-iżviluipp ta’ Hinkley Point C.

93.

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi fi tliet aspetti. L-ewwel, jingħad li hija naqset milli tirrikonoxxi li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tidentifikax, għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, l-attività ekonomika inkwistjoni. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali ma ssodisfatx l-obbligi tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE sabiex tgħid b’mod adegwat ir-raġunijiet fattwali u legali rigward l-attività ekonomika li hija promossa bl-għajnuna għal Hinkley Point C. It-tieni, tgħid li l-Qorti Ġenerali identifikat b’mod żbaljat l-attività ekonomika rilevanti, peress li l-attività ekonomika xierqa hija l-produzzjoni ta’ enerġija u mhux il-produzzjoni tal-enerġija nukleari. It-tielet, issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li n-nuqqas fis-suq huwa prerekwiżit legali ta’ kwalunkwe konstatazzjoni ta’ neċessità skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

b)   Evalwazzjoni

94.

Sa fejn il-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-attività ekonomika mfittxa mill-għajnuna hija kkonċernata, il-Qorti Ġenerali mhux biss ċaħdet l-argument li kien hemm motivazzjoni inadegwata ( 63 ), iżda d-deċiżjoni sħiħa inkwistjoni tipproċedi fuq il-bażi li l-kwistjoni hija l-ġenerazzjoni ta’ elettriku permezz tal-użu tal-enerġija nukleari u hija mimlija b’riferimenti ta’ dak it-tip. Ħafna eżempji jistgħu jiġu ċċitati għal dan l-għan, iżda huwa probabbilment suffiċjenti li tiġi indikata l-premessa 358 tad-deċiżjoni inkwistjoni li tgħid, “il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-[Kuntratt għad-Differenza] għal [Hinkley Point] jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tal-attività ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku bl-użu tat-teknoloġija nukleari […]”

95.

Fil-fehma tiegħi, għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda żball ta’ liġi meta qalet fil-punt 139 tas-sentenza appellata li “l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma speċifikatx liema attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE kienet intiża li tiġi promossa bil-miżuri inkwistjoni għandu jiġi miċħud”. F’dak il-punt, il-Qorti Ġenerali invokat fuq il-premessa 392 tad-deċiżjoni inkwistjoni li tikkostitwixxi eżempju ieħor ta’ fejn l-attività ekonomika ġiet identifikata b’mod ċar. Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tqajjem dan l-argument bil-għan li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni terġa’ tiġi eżaminata, dan ovvjament ma huwiex ammissibbli ( 64 ).

96.

Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali lanqas ma kienet suffiċjenti. L-ewwel għandu jiġi nnutat li l-invokazzjoni mill-applikant tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE huwa żbaljat. Skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 53 moqri flimkien mal-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 117(m) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, biex tagħti l-motivi ma jirrikjedix li l-Qorti Ġenerali tipprovdi rendikont li jsegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. Il-motivazzjoni tal-Qorti Ġenerali tista’ għaldaqstant tkun impliċita sakemm din tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali ma laqgħetx l-argumenti tagħhom u lill-Qorti tal-Ġustizzja jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha ( 65 ).

97.

Fil-punti 155 u 156 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret ir-raġunijiet li l-Kummissjoni tat għall-evalwazzjoni tagħha u li juru n-natura speċifika tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari bħala attività ekonomika. Il-Qorti Ġenerali għalhekk issodisfat biċ-ċar l-istandard stabbilit hawn fuq.

98.

Bit-tieni punt tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha tiddetermina li l-attività ekonomika rilevanti kienet il-produzzjoni tal-elettriku u mhux il-produzzjoni tal-enerġija nukleari. Din il-parti ssostni li, għal għanijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Għajnuna mill-Istat, huwa l-prodott aħħari – jiġifieri l-elettriku – li jgħodd.

99.

Ma nistax naċċetta dan. L-eżerċizzju kollhu involut fl-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat huwa li tiġi ddefinita l-attività ekonomika rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk l-għajnuna inkwistjoni hijiex meħtieġa biex tassisti l-iżvilupp ekonomiku. Wieħed għaldaqstant għandu jistaqsi jekk l-għajnuna mill-Istat hux ser tassisti fir-rigward l-iżvilupp tal-enerġija nukleari, bħala distint mill-produzzjoni tal-elettriku inġenerali. Kien hemm evidenza abbondanti quddiem il-Kummissjoni – kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali ( 66 ) – li s-suq jew ma riedx – jew saħansitra kien inkapaċi li jiffinanzja – il-proġett ta’ Hinkley Point C fin-nuqqas tal-garanziji u tipi oħra ta’ għajnuna pprovvduta mir-Renju Unit. Huwa irrilevanti għall-għanijiet preżenti li jista’ ma jkunx hemm nuqqas fis-suq fir-rigward ta’ forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku. Hawnhekk, għal darba oħra, id-dritt ta’ kull Stat Membru li jagħżel it-taħlita ta’ enerġija tiegħu stess skont l-Artikolu 194(2) TFUE għandu wkoll jinżamm f’amment.

100.

Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka l-punti 54 et seq. tad-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-kawża Greenpeace Energy et vs Il-Kummissjoni ( 67 ), għandu jiġi nnutat li f’dak il-każ il-Qorti Ġenerali trattat id-dritt tal-partijiet li jġibu azzjoni skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE li għandu jiġi kkunsidrat skont il-kriterji stabbiliti fil-kawża Plaumann vs Il-Kummisjoni ( 68 ). Għal dak l-għan, il-Qorti Ġenerali trattat il-kwistjoni dwar jekk hemmx sitwazzjoni ta’ suq kompetittiv bejn ir-reċipjenti tal-għajnuna u r-rikorrenti. Dik l-evalwazzjoni timmira li tiddetermina jekk ir-rikorrenti ġewx affettwati mill-għajnuna. Din, madankollu, hija kwistjoni kemxejn differenti mid-determinazzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “attività ekonomika” għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU. L-attività ekonomika hija ddeterminata sabiex tistabbilixxi punt ta’ referenza għal test ta’ proporzjonalità, fejn il-ħtieġa tal-għajnuna għall-iffaċilitar tal-attività ekonomika hija aċċertata, u, jekk dik l-għajnuna tkun neċessarja, jekk ikollhiex l-effett ta’ inċentiv għal dak l-għan. Is-sitwazzjoni tas-suq kompetittiv, min-naħa l-oħra, isir rilevanti biss meta wieħed iħares lejn il-kriterju ulterjuri tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ta’ jekk l-għajnuna tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa’ grad li huwa kuntrarju għall-interess komuni ( 69 ). Għal dak l-għan, il-Qorti Ġenerali fil-fatt straħet fuq is-suq kollu tal-elettriku milli fuq is-sempliċi “attività ekonomika” li hija l-ġenerazzjoni ta’ elettriku permezz tal-użu tal-enerġija nukleari ( 70 ).

101.

Għal dawk ir-raġunijiet il-Qorti Ġenerali ma’ żbaljatx fil-liġi meta kkunsidrat il-produzzjoni tal-enerġija nukleari bħala l-attività ekonomika rilevanti għall-finijiet tal-kriterju pożittiv tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, jiġifieri jekk l-għajnuna tiffaċilitax l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi.

102.

It-tielet argument taħt din l-intestatura huwa li l-Qorti Ġenerali missha kkunsidrat in-nuqqas fis-suq bħala kriterju rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għall-kontra ta’ dak li l-Qorti Ġenerali stabbilixxiet fid-deċiżjoni tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Kummissjoni kienet identifikat nuqqas fis-suq, għalkemm, skont din il-parti tal-aħħar, minħabba d-definizzjoni ħażina tas-suq, dik il-konstatazzjoni kienet żbaljata.

103.

Għal darba oħra, ma nistax naċċetta dan l-argument. L-ewwel nett, il-Kummissjoni sabet li kien hemm nuqqas fis-suq minħabba li pproċediet fuq il-premessa li swieq tal-kapital li jaħdmu b’mod ordinarju ma humiex ser jiffinanzjaw il-konstruzzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari ġodda minħabba l-iskedi taż-żmien estremament twal involuti u r-riskju politiku pperċepit assoċjat ma’ tali proġett ( 71 ).

104.

Imbagħad, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali sal-lum – korrettement, fil-fehma tiegħi – ċaħdet is-suġġeriment li l-identifikazzjoni ta’ nuqqas fis-suq huwa element vitali fl-evalwazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE ( 72 ). Ma nixtieqx niġi miftiehem ħażin fuq dan il-punt: l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq tista’, dażgur, tipprovdi l-iktar evidenza konvinċenti tal-ħtieġa għall-għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU. Li huwa, madankollu, meħtieġ għal din l-analiżi ma huwiex l-eżistenza ta’ nuqqas fis-suq fih innifsu ( 73 ), iżda jekk l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni kieku tiffaċilitax ċerti attivitajiet ekonomiċi ( 74 ).

3.   It-tielet aggravju: jekk l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali tal-applikazzjoni tat-test tal-proporzjonalità kienx żbaljat

a)   Sommarju tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija

105.

Fil-punti 405 u 413 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali evalwat l-effetti tal-miżura tal-għajnuna, jiġifieri, li Hinkley Point C tista’ tinbena, flimkien mal-implikazzjonijiet ta’ dan fuq il-provvista bażika tal-elettriku fir-Renju Unit. Hija kkonstatat ukoll li l-kapaċità meħtieġa realistikament ma tistax tiġi pprovvduta mill-enerġija mir-riħ. Fil-punt 507 tal-istess sentenza hija kkonstatat li r-Renju Unit għandu d-dritt iżomm l-enerġija nukleari bħala parti mit-taħlita tal-enerġija tiegħu. Fil-punt 506, il-Qorti Ġenerali ma sabet l-ebda raġuni biex tiddubita l-kostatazzjoni tal-Kummissjoni li r-riskji ta’distorsjoni tal-kompetizzjoni kienu limitati. Fil-punti 470 u 499 dik il-qorti sostniet li l-miżuri tal-għajnuna ma jiddiskriminawx eċċessivament kontra teknoloġiji oħra. Fl-aħħar nett, fil-punt 515 et seq. il-Qorti Ġenerali rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipji msemmija fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dawn il-kostatazzjonijiet huma kkontestati mir-Reppublika tal-Awstrija.

106.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-mod kif ġiet evalwata l-proporzjonalità tal-miżura. Hija ssostni, speċifikament li, l-ewwel, il-Qorti Ġenerali kien missha evalwat il-proporzjonalità ta’ din il-miżura b’riferiment għas-suq tal-elettriku komplessivament. It-tieni, il-Qorti Ġenerali kien missha rrikonoxxiet li l-proċeduri preżenti inkludew dak li fis-sustanza kien każ ta’ referenza li jikkonċerna l-proporzjonalità ta’ proġetti ġodda inġenerali. Kwalunkwe possibilità ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni għaldaqstant, kien missha ġiet evalwata b’riferiment għal dik il-kunsiderazzjoni. It-tielet, konsegwenza tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali ser tkun li tagħti vantaġġ kontinwu lill-produtturi nukleari għad-detriment ta’ produtturi ta’ enerġija oħra. Ir-raba’, il-Qorti Ġenerali naqset milli tibbilanċja l-effetti negattivi tal-enerġija nukleari (inkluż l-ispejjeż fuq żmien twil assoċjati mar-rimi tal-iskart) kontra l-benefiċċji potenzjali tagħha.

b)   Evalwazzjoni

107.

Dan l-aggravju jirreferi għat-test ta’ proporzjonalità li huwa l-kundizzjoni negattiva li tinsab fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE skont liem miżura tal-għajnuna ma għandhiex biss tkun meħtieġa biex tiffaċilità l-iżvilupp ta’ attività ekonomika, għandha tagħmel dan mingħajr ma tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

108.

Sa fejn l-argument tal-proporzjonalità fir-rigward is-suq tal-elettriku b’mod komplessiv huwa kkonċernat, dan fil-verità jidher li huwa varjant tat-tieni parti tat-tieni aggravju, jiġifieri, li s-suq rilevanti huwa s-suq tal-elettriku iktar wiesa’ b’distinzjoni mis-suq tal-produzzjoni tal-enerġija nukleari. Fdan il-kuntest, madankollu, huwa irrilevanti li l-elettriku seta’ ġie prodott b’mezzi oħrajn.

109.

Dan iwassal lura għall-punt fundamentali li skont l-Artikolu 194(2) TFUE r-Renju Unit kien intitolat jagħżel is-sorsi varji ta’ enerġija tiegħu u li għażel li jkollu l-enerġija nukleari bħala parti minn dik it-taħlita ta’ enerġija. Il-Kummissjoni kienet għaldaqstant obbligata minħabba l-Artikolu 194(2) TFUE li tqis il-proporzjonalità tal-miżura inkwistjoni mfassla biex tagħti effett għal din l-għażla ta’ politika, jiġifieri, il-produzzjoni ta’ enerġija nukleari f’Hinkley Point C. Ma jistax jingħad, għaldaqstant, li l-evalwazzjoni ta’ proporzjonalità tal-Kummissjoni kienet limitata b’mod inammissibbli jew li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi f’dak ir-rigward.

110.

Sa fejn jikkonċerna l-argument tal-każ ta’ referenza, ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka t-Taqsima 6 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ( 75 ). Nammetti li ninsab perpless b’din ir-referenza kemxejn għax ma hemm xejn fit-Taqsima 6 (jew, bl-istess mod, x’imkien ieħor) tal-Avviż tal-Kummissjoni li jitratta l-kunċett ta’ każijiet ta’ referenza. L-Avviż tal-Kummissjoni jirrigwarda biss il-kwistjoni dwar jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFEU. Skont il-premessa 2 “[d]an ma jikkonċernax il-kompatibiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, u l-Artikolu 106(2) tat-Trattat, li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tivvalutaha”. Għaldaqstant, l-Avviż tal-Kummissjoni huwa kompletament irrilevanti sa fejn kwalunkwe evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU hija kkonċernata. Konsegwentement, ma jistax jingħat li l-Avviż jagħti gwida xierqa dwar il-prinċipji li għandhom jiġu applikati fir-rigward ta’ tali evalwazzjoni.

111.

Bl-istess mod ma iniex konvint mill-invokazzjoni mir-Repubblika tal-Awstrija tad-deċiżjoni ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża ( 76 ). Dak il-każ kien jikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk deċiżjoni regolatorja li tippermetti ċerti vetturi ta’ trasport pubbliku involuti fil-ġarr tal-passiġġieri biex jużaw mogħdija għall-karozzi tal-linja fit-toroq ta’ Londra filwaqt li jiġu esklużi oħrajn setgħetx tammonta għal forma ta’ għajnuna mill-Istat. Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li għal dan l-għan “hemm lok mhux li jiġi stabbilit effett reali tal-għajnuna fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni, iżda biss li jiġi eżaminat jekk din l-għajnuna tistax taffettwa lil dan il-kummerċ u twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni” ( 77 ).

112.

Ma nistax ma nħossx li qiegħed jingħata wisq ħsieb lil din id-deċiżjoni ċertament verament importanti li titratta l-impatt potenzjali tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni. Speċifikament, ma hemm xejn f’ dik is-sentenza li jissuġġerixxi li l-evalwazzjoni dwar jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern għandha ssir b’mod ieħor milli b’riferiment għall-għajnuna individwali involuta fil-miżura kkontestata inkwistjoni. Dan ifisser li ma hemm xejn fis-sentenza Eventech ( 78 ) biex jappoġġja l-argument iktar wiesa’ li l-Kummissjoni kien missha tat każ il-kwistjoni dwar jekk l-għoti tal-għajnuna ta’ dan it-tip setax jikkawża distorsjoni fil-kompetizzjoni inġenerali.

113.

Lanqas ma nista’ naċċetta l-argument li l-effett ta’ din id-deċiżjoni ser ikun li tiffavorixxi l-operaturi tal-enerġija nukleari b’detriment ta’ forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku ( 79 ). Għandu jitfakkar li kull notifika għall-għoti ta’ għajnuna jew għall-bidla fl-għajnuna għandha tiġi ġġudikata fuq il-merti individwali tagħha b’riferiment għall-Artikolu 107 TFUE.

114.

Fi kwalunkwe każ, huwa perfettament ovvju li l-ostakoli għad-dħul fis-suq tal-enerġija nukleari huma ferm differenti minn dawk ta’ forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku: dawk l-ostakoli speċifiċi jinkludu r-riskju politiku assoċjat mal-oppożizzjoni għall-enerġija nukleari, l-ispejjeż kapitali enormi involuti fil-kostruzzjoni ta’ dawk l-impjanti u l-ispejjeż partikolari assoċjati mal-ħażna sikura ta’ fjuwil nukleari użat. Kif diġà nnutajt, il-miżura tal-għajnuna kkontestata fil-każ preżenti tfittex biex tindirizza dawn id-diffikultajiet partikolari billi, pereżempju, ikollha arranġamenti speċjali mfassla biex jitrattaw ir-riskji politiċi partikolari u speċifiċi assoċjati mal-proġett. Preċiżament minħabba li dawk id-dispożizzjonijiet huma mmirati biex jindirizzaw dawn ir-riskji partikolari, li s-suġġeriment li d-deċiżjoni inkwistjoni b’xi mod tinvolvi forma ta’ diskriminazzzjoni kontra forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku huwa, bir-rispett, kemm sfurzat kif ukoll mhux realistiku.

115.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta kkonstatat li ma kellhiex għalfejn tieħu inkunsiderazzjoni l-punt sa fejn il-miżuri inkwistjoni kienu ta’ detriment għal prinċipji ambjentali ewliena, bħal prinċipju ta’ prekawzjoni, il-prinċipju ta’ “min iniġġeż iħallas” u l-prinċipju ta’ sostenibbiltà ( 80 ). Minbarra l-fatt li r-Repubblika tal-Awstrija ma marritx lil hinn mil-livell ta’ affermazzjoni sa fejn id-dannu ambjentali allegat huwa kkonċernat, wieħed għandu josserva wkoll li l-Artikolu 107 TFUE jinsab fi ħdan it-Titolu VII dwar ir-Regoli Komuni fuq il-Kompetizzjoni, fuq it-Tassazzjoni u l-Approssimazzjoni tal-Liġijiet. Il-kompitu tal-Kummissjoni, għaldaqstant, huwa, bħalma jagħmluh ċar l-Artikoli 107(2) u l-Artikolu 107(3) TFUE, sempliċement biex tevalwaw jekk il-miżura tal-Istat inkwistjoni “[t]ist[ax] [t]kun kunsidrat[a] bħala kompatibbli mas-suq intern”.

116.

Is-suq intern innifsu huwa ddefinit mill-Artikolu 26(2) TFUE bħala qasam “bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta’ merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattati”. Filwaqt li huwa minnu li kif osservat il-Qorti Ġenerali fil-kawża Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni ( 81 ) il-politika ambjentali għandha tiġi integrata fid-definizzjoni u implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni, il-fatt jibqa’ li kif osservat ukoll dik il-Qorti tal-Ġustizzja f’dak is-sentenza “[i]l-protezzjoni tal-ambjent ma tikkostitwixxix, minnha nnifisha, […] wieħed mill-komponenti ta’ dan is-suq intern”.

117.

Huwa għaldaqstant ċar li l-kompitu previst għall-Kummissjoni mill-Artikolu 107 TFUE huwa wieħed iktar limitat minn dak mitlub mir-Repubblika tal-Awstrija. Dak il-kompitu huwa essenzjalment biex tiġi evalwata l-kumpatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mar-regoli tal-kompetizzjoni u s-suq intern. Madankollu, il-Kummissjoni ma hijiex mogħtija l-kompitu li tagħmel evalwazzjoni fil-kuntest ta’ jekk il-miżura tal-għajnuna speċifika hijiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni inġenerali, lil hinn mir-rekwiżiti speċifiċi tas-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni.

118.

Dan huwa forsi iktar minnu speċjalment fil-kuntest tal-kwistjonijiet bħal konformità mar-regoli ambjentali, peress li dak huwa kompitu li, għalinqas fl-ewwel istanza, huwa allokat lill-awtoritajiet rilelvanti f’kull wieħed mill-Istati Membri li r-responsabbiltà ta’ liem hija li jiddeċiedu dwar jekk il-proġett inkwistjoni għandux jirċievi l-permess adatt minn perspettiva tal-ippjanar u ambjentali. F’dan ir-rigward, naqbel mad-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali meta qalet fil-kawża BUPA et vs Il-Kummissjoni ( 82 ), li l-Kummissjoni “għandha twettaq evalwazzjoni fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti li ma jirriżultawx strettament mid-dritt dwar l-għajnuna biss meta ċerti aspetti ta’ l-għajnuna inkwistjoni jkunu daqshekk strettament marbuta mas-suġġett tagħha li n-nuqqas eventwali tagħhom ta’ konformità ma’ l-imsemmija dispożizzjonijiet jaffettwa neċessarjament il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni”.

119.

Isegwi, għaldaqstant, li l-Qorti Ġenerali ma żbaljatx fil-evalwazzjoni tagħha li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tikkunsidra l-impatt ambjentali potenzjali ta’ Hinkley Point C fil-kunsiderazzjoni tagħha dwar jekk l-għajnuna kinitx kompatibbli mas-suq intern għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

4.   Fuq ir-raba’ aggravju: jekk l-għajnuna tikkostitwixxix għajnuna għall-funzjonament u jekk tali għajnuna għall-funzjonament hijiex inammissibbli.

a)   Sommarju tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija

120.

Fil-punti 612 u 613 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qalet li f’każ li fih il-Linji Gwida tal-Kommunità dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Protezzjoni Ambjentali ( 83 ) kienu applikabbli, kien hemm rekwiżit li l-għajnuna inkwistjoni tiġi kklassifikata fir-rigward ta’ jekk kinitx għajnuna għall-investiment jew għajnuna għall-funzjonament. Hija madankollu sostniet li dan ma kienx meħtieġ fiċ-ċirkustanzi.

121.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tikkontesta dawk il-konklużjonijiet u tissottometti li partijiet tal-miżuri tal-għajnuna jikkostitwixxu għajnuna għall-funzjonament li ma hijiex imfassla biex tinċentiva investiment fl-impjant, iżda kienet iktar forma ta’ għajnuna, imfassla essenzjalment biex tissussidja l-operat tal-impjant. Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza li, fuq suq ta’ prodotti li jiffunzjona u li jipprovvdi l-prodott “elettriku” fil-kwantitajiet meħtieġa, l-għajnuna għall-funzjonament hija inammissibbli għax tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni.

122.

Il-Qorti Ġenerali madankollu taqbel mal-Kummissjoni li l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi meqjusa bħala ekwivalenti għall-għajnuna għall-investiment, peress li ppermettiet lil NNBG biex twettaq investiment fil-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C. Sepċifikament, ikkonkludiet li, mill-aspett ta’ mudell finanzjarju, il-valur nett preżenti tal-pagamenti tal-“prezz tal-eżerċitar” jista’ jiġi meqjus bħala l-ekwivalenti għal ħlas ta’ somma f’daqqa li kieku tippermetti lil NNBG tkopri l-ispejjeż tal-kostruzzjoni.

b)   Evalwazzjoni

123.

L-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali, fejn dik il-Qorti tosserva fil-punt 583 tas-sentenza appellata:

“[…] Fil-fatt, xejn ma jipprekludi li miżura ta’ għajnuna li tfittex li tilħaq għan ta’ interess pubbliku, li tkun xierqa u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan, li ma tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni u li għalhekk tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-kwistjoni jekk għandhiex tiġi kklassifikata bħala għajnuna għall-investiment jew bħala għajnuna għall-funzjonament. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li anki għajnuna għall-funzjonament tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il-Kummissjoni, T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punti 116117).”

124.

Minkejja l-fatt li din id-dikjarazzjoni ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika tal-Awstrija, li tista’ tirrendi dan l-aggravju ineffettiv, ir-raba’ aggravju huwa wkoll infondat. Il-Kummissjoni kienet sabet ukoll li l-miżuri jsegwu għan ta’ interess pubbliku, jiġifieri, il-ħolqien ta’ kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari, li ma setax jintlaħaq f’waqtu mingħajr intervent mill-Istat. F’dawk iċ-ċirkustanzi l-Qorti Ġenerali sabet li dawk il-miżuri “ma jistgħux jitqiesu li huma għajnuna li hija limitata li żżomm status quo” u li għall-kuntrarju, “skont il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, fl-assenza tagħhom, ebda investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari ma jitwettaq f’waqtu” ( 84 ). Il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll – korrettement, fil-fehma tiegħi – li l-Kuntratti għad-Differenza kienu, essenzjalment, mekkaniżmu għall-istabbiliment tal-prezzijiet imfassal sabiex “ifittex li jiggarantixxi dħul stabbli fuq perijodu suffiċjentement twil sabiex l-impriża kkonċernata jkollha inċentiv li tinvesti l-fondi neċessarji għall-kostruzzjoni ta’ tali kapaċitajiet ġodda”. Ma kienx, madankollu, kumparabbli mal-forma tal-għajnuna tradizzjonali li kienet topera bħala sussidju mhux rimborsabbli. Għall-kuntrarju, fittex li jinċentiva investimenti billi jiggarantixxi prezz affidabbli u stabbli ( 85 ).

125.

Wieħed jista’ jżid jgħid li l-proċedura tal-Kuntratt għad-Differenza hija propozjonata minnha nnifisha sa fejn tipprovvdi għal dak li jista’ jissejjaħ mekkaniżmu ta’ “rimbors” (clawback) li jippermetti r-“rimbors” tal-fondi jekk il-prezz ta’ referenza jeċċedi l-prezz tal-eżerċitar. Dan kollu jsaħħaħ il-punt li l-Kuntratt għad-Differenza għandu jitfassal biex jiżgura prezz ta’ dħul stabbli għall-investituri. Dan il-prezz huwa magħmul fuq livell li jiżgura iktar kunfidenza għall-investituri li jistgħu jiksbu r-rendiment maħsuba fuq l-investiment tagħhom maż-żmien. Filwaqt li l-prezz tal-eżerċitar huwa mfassal biex jippermetti marġini ġust favur dawk l-investituri, il-mekkaniżmu ta’ rimbors jiżgura wkoll li investituri ma jirċievu l-ebda gwadann mhux previst fil-każ li l-prezz ta’ referenza jeċċedi l-prezz tal-eżerċitar.

126.

Il-Qorti Ġenerali sostniet ukoll – għal darba oħra, fil-fehma tiegħi korrettement – li l-Kummissjoni kienet, fiċ-ċirkustanzi, intitolata li tqis il-fatt li l-prezz tal-eżerċitar ħa inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż tal-kostruzzjoni fir-rigward ta’ Hinkley Point C, iżda wkoll l-ispejjeż tal-operat. Il-Qorti Ġenerali adottat il-fehma – għal darba oħra, naħseb, korrettement – li dawk l-ispejjeż influwenzaw “il-profittabbiltà tal-proġett u għalhekk [kellhom] impatt fuq l-ammont li għandu jilħaq il-prezz tal-eżerċitar sabiex tiġi skattata d-deċiżjoni ta’ investiment f’kapaċitajiet ġodda ta’ produzzjoni ta’ enerġija nukleari” ( 86 ).

127.

Kif għadni kemm indikajt, min-naħa tiegħi nista’ biss naqbel ma’ din l-analiżi. Minkejja r-riskju ta’ repetizzjoni: il-punt ewlieni fir-rigward il-kompatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna mas-suq intern għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE huwa, fundamentalment, jekk tali għajnuna twassalx għall-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi li kieku inkella ma kinux iseħħu. Ma jistax, naħseb, ikun hemm distinsjoni ex ante bejn għajnuna għall-investiment min-naħa u, għajnuna għall-funzjonament, minn oħra. Tali distinsjoni mhux biss ma hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjoni tat-test attwali tal-Artikolu 107 TFUE nnifsu, iżda, fi kwalunkwe każ, tali distinsjoni kieku tkun simplistika u sservi sempliċement ta’ evażjoni bl-użu ta’ tekniki tal-kontabbiltà artifiċjali.

128.

Naturalment wieħed jista’ jaqbel li l-fatt li miżura kkontestata tammonta għal għajnuna għall-funzjonament jista’, f’ċertu ċirkustanzi, ikun indikattiv tal-fatt li l-għajnuna hija sempliċiment imfassla biex issaħħaħ l-istatus quo. Bħalma l-Qorti Ġenerali stess qalet, għajnuna ta’ dak it-tip ma tistax, dażgur, “tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE” peress li tali għajnuna ma “tiffaċilita[x] l-iżvilupp fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni” ( 87 ).

129.

Madankollu s-sitwazzjoni f’dan il-każ hija kompletament differenti u – jista’ jkun iktar preċiż li jingħad – li, f’ċerti aspetti, eċċezzjonali. Huwa minnu li, kif osservat ir-Repubblika tal-Awstrija, ċertu elementi tal-prezz tal-eżerċitar ma humiex limitati purament għall-ispejjeż ta’ kostruzzjoni per se, iżda jinkludu wkoll spejjeż speċifiċi marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija nukleari, inkluż l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-fjuwil użat. Dawk l-ispejjeż huma madankollu spejjeż tal-investimenti, liem NNBG bilfors trid iġġarrab jekk l-impjant għandu jkun operattiv.

130.

Lanqas ma tinbidel is-sitwazzjoni bil-fatt li l-mekkaniżmu tal-prezz tal-eżerċitar jipprovvdi għall-ftuħ mill-ġdid tal-kalkoli rilevanti wara perijodi ta’ 15 u 25 sena rispettivament. Għandu jiftakkar li – kif osservat il-Qorti Ġenerali – l-ispejjeż operattivi fuq liem kien ikkalkolat oriġinarjament il-prezz tal-eżerċitar kienu meħtieġa li jiġu stimati ex ante u, skont id-definizzjoni, il-ħajja operattiva ta’ Hinkley Point C ser tkun verament twila – forsi anki sa 60 sena ( 88 ). Il-mekkaniżmu tal-ftuħ mill-ġdid huwa għalhekk intenzjonat biex itaffi r-riskji inerenti f’tali kuntratt fit-tul għaż-żewġ partijiet fil-każ li jkun hemm differenza materjali (fi kwalunkwe direzzjoni) bejn il-prezz ta’ eżerċitar u l-prezz ta’ referenza. Xejn minn dan ma jista’ jaffettwa l-fatt li dan il-mekkaniżmu tal-ipprezzar huwa marbut minnu nnifsu mad-deċiżjoni tal-investiment fir-rigward ta’ Hinkley Point C innifsu.

131.

Bara minn hekk, ma hemm xejn fid-deċiżjonijiet ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja la fil-kawża L-Italja vs Il-Kummissjoni ( 89 ) jew saħansitra, fil-kawża Freistaat Sachsen und Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni ( 90 ) li jappoġġja l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija. Il-kawża preċedenti kienet tikkonċerna għajnuna għall-ċertu produtturi li kienet biex tassisti fil-fortifikazzjoni tas-saħħa tal-alkool f’ċertu nbejjed. Il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement laqgħet id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kienet ikkunsidrat li ma kien hemm l-ebda għan ta’ interess pubbliku biex jappoġġja l-għoti tal-għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE.

132.

L-istess huwa minnu fil-kawża Freistaat Sachsen und Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni ( 91 ) fejn l-għajnuna inkwistjoni kienet imfassla biex tippromwovi t-taħriġ tal-impjegati f’ċentru ġdid ta’ kunsinna b’messaġier fl-ajruport ta’ Leipzig-Halle. F’dik il-kawża, il-Kummissjoni kienet sabet li l-istħarriġ kien isir fi kwalunkwe każ, għalhekk l-għajnuna ma kinitx vitali biex tappoġġja l-qasam ekonomiku kkonċernat. Bilkemm huwa sorprendenti li din id-deċiżjoni finalment kienet milqugħa mill-Qorti tal-Ġustizzja.

133.

Il-Qorti Ġenerali għaldaqstant ikkonkludiet fis-sentenza appellata li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tapprova l-għajnuna inkwistjoni fuq il-bażi li hija tappoġġja l-investiment f’proġett tal-enerġija nukleari li kieku ma setax iseħħ kienet taqa’ fil-marġini tad-diskrezzjoni tagħha għall-finijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE. Waslet għal dik il-konklużjoni minkejja li xi ftit mill-għajnuna kienet relatata mal-ispejjeż operattivi, anki jekk iċ-ċertezza tal-prezz fir-rigward ta’ dawk l-ispejjeż operattivi kienu wkoll misjuba mill-Kummissjoni li kienu parti ewlenija tal-inċentivi għall-investiment fil-proġett. Min-naħa tiegħi, huwa biżżejjed li ngħid li mir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ dan il-motiv ma jirriżulta l-ebda żball legali.

5.   Fuq il-ħames aggravju: jekk kienx hemm determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi tal-għajnuna u l-ksur tal-Avviż dwar il-Garanziji

a)   Sommarju tal-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija

134.

Fil-punt 251 et seq. tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali qieset li ma jistax jiġi dedott mill-premessi 23 u 25 u l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 651/2014 li l-miżuri tal-għajnuna biss li l-ekwivalenti tagħhom f’sussidju ġie kkwantifikat jistgħu jiġu ddikjarati kompatibbli mas-suq intern. Lanqas ma jista’ jiġi dedott minn dritt sekondarju ieħor li l-miżuri tal-għajnuna għandhom jikkwantifikaw l-ammont eżatt tal-ekwivalenti għal sussidju li joriġina minnhom. Il-Qorti Ġenerali kompliet tikkunsidra fil-punt 309 ta’ dik is-sentenza li, irrispettivament minn jekk l-Avviż dwar il-Garanziji kienx applikat, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija dwar it-tul tal-garanzija ma jistgħux jintlaqgħu. Hija kkunsidrat fil-punt 338 ta’ dik is-sentenza li l-evidenza sottomessa ma wrietx li EDF kienet qiegħda tesperjenza diffikultà finanzjarja.

135.

Taħt din l-intestatura, ir-Repubblika tal-Awstrija straħet fuq żewġ punti. L-ewwel nett, issostni li l-elementi tal-għajnuna ma kinux “suffiċjentement determinati” fid-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Awstrija targumenta li dak in-nuqqas jammonta għal ksur tal-linji gwida u regolamenti tal-Kummissjoni dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat li misshom ġew applikati f’dan il-każ skont il-prinċipji ta’ trattament ugwali u nondiskriminazzjoni. Ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li d-determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi tal-għajnuna fi kwalnukwe każ tirrendiha impossibbli biex isir l-evalwazzjoni tajba ta’ proporzjonalità u li l-għajnuna fil-każ ta’ għeluq dejjem ser twassal għal kumpens żejjed ladarba jeċċedu ammont imħallas fil-każ ta’ esproprjazzjoni.

136.

F’dan il-kuntest hija tavvanza argument ġenerali ieħor relatat mal-applikabbiltá tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 2015/1589 flimkien mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004. Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet titlob li l-baġit oriġinali tal-għajnuna jkun jista’ jiġi ddeterminat għax notifika skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004 tiddependi fuq jekk il-baġit oriġinali huwiex miżjud b’iktar minn 20 %, kalkolu li ma huwiex possibbli jekk il-baġit oriġinali ma jkunx iddeterminat.

137.

Fit-tieni nett, ir-Repubblika tal-Awstrija tikkunsidra li l-Kummissjoni missha applikat l-Avviż dwar il-Garanziji. Dak in-nuqqas, skont ir-Repubblika tal-Awstrija ma huwiex ammissibbli peress li l-Kummissjoni hija marbuta mil-linji gwida u avviżi tagħha stess u missha għamlet id-determinazzjonijiet kollha skont dak l-avviż. Ir-Repubblika tal-Awstrija tenfasizza dak li qiegħda tallega hija d-determinazzjoni insuffiċjenti tat-tul tal-garanzija u targumenta, f’dan il-kuntest, li l-Qorti Ġenerali kisret il-punt 4.2 tal-Avviż tal-Garanzija billi ma kkalkolatx l-“ekwivalenti fi flus” tal-garanziji.

138.

Skont il-punti 3.2.a u 4.1.a ta’ dak l-avviż, il-Kummissjoni kien missha vverifikat ukoll – fuq inizjattiva tagħha stess – jekk min issellef kienx f’diffikultà finanzjarja. Dan huwa ta’ importanza għax l-għajnuna mill-Istat lill-kumpanniji f’diffikultà hija ġeneralment inammissibbli. Skont ir-Repubblika tal-Awstrija, il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma rrikonoxxietx dan l-iżball jikkostitwixxi żball ieħor ta’ liġi.

b)   Evalwazzjoni

139.

Fir-rigward l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-elementi tal-għajnuna ma ġewx determinati sew u li dak jikostitwixxi ksur ta’ serje ta’ linji gwida u regolamenti dwar ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat li misshom ġew applikati fil-każ preżenti skont il-prinċipji ta’ trattament ugwali u nondiskriminazzjoni, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet ir-rekwiżiti tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU fil-punti 248 u 249 tas-sentenza appellata. Peress li l-Kummisjoni setgħet tevalwa l-għajnuna skont dawn ir-rekwiżiti mingħajr ma tiddetermina iktar elementi tal-għajnuna l-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball u lanqas il-Qorti Ġenerali meta aċċettat dan ( 92 ). Kif isir ċar mill-analiżi dettaljati tal-Qorti Ġenerali fil-punti 251 sa 255 tas-sentenza appellata hemm raġunijiet speċifiċi għal-linji gwida u regolamenti msemmija għaliex l-ammonti tal-għajnuna għandhom ikunu kkwantifikati. F’ħafna każi dan huwa minħabba approċċ standardizzat li la huwa xieraq u lanqas neċessarju meta l-Artikolu 107(3)(c) TFEU huwa applikat direttament.

140.

Sa fejn li r-Repubblika tal-Awstrija tallega li minħabba n-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-elementi tal-għajnuna, it-test ta’ proporzjonalità ma setax jiġi eżegwit korrettement, ir-Repubblika tal-Awstrija bażikament tipprova terġa’ tintroduċi l-argumenti tagħha diġà mressqa taħt ir-raba’ parti tat-tielet motiv tagħha. Kif diġà osservajt, it-test ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jservi biss biex jiddetermina jekk l-għajnuna tfixkilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni. Ir-Repubblika tal-Awstrija lanqas biss ma targumenta li l-elementi tal-għajnuna li hija tikkunsidra indeterminati, bħal l-ispejjeż tar-rimi tal-iskart u l-kapaċità ta’ ħżin jew it-termini eżatti tal-Ftehim tas-Segretarju tal-Istat, għandhom tali effett. Għal dik ir-raġuni, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija f’dan ir-rigward ma jistax jintlaqa’.

141.

Għal dak li jirrigwarda l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija rigward il-problemi potenzjali biex jiġu applikati l-Artikolu 1(c) tar-Regolament Nru 2015/1589 flimkien mal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 794/2004, ma huwiex ċar liema parti tas-sentenza appellata qiegħda tiġi kkontestata ( 93 ). Minkejja dak l-iżball, ma jservi bl-ebda mod lill-argument tar-Repubblika tal-Awstrija. Ir-Repubblika tal-Awstrija tallega li ma tistax tifhem kif il-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ jistgħu jiġu rrikonċiljati mad-dispożizzjonijiet hawn fuq imsemmija. Fil-fatt, ma għadhomx għalfejn ikunu. L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 794/2004 jitratta biss mal-eċċezzjonijiet/simplifikazzjonijiet għall-proċedura ta’ notifika. Jekk dawk ir-rekwiżiti — pereżempju li ż-żieda fil-baġit ta’ skema tal-għajnuna awtorizzata ma’ teċċedix l-20 % — ma jistgħux jintwerew, il-miżura tiġi sempliċement ikkunsidrata bħala “għajnuna ġdida” u jkollha tiġi nnotifikata bil-formola ta’ notifika standard, milli b’formola ta’ notifika ssimplifikata, skont l-Artikolu 2 tal-Anness I tar-Regolament Nru 2015/1589 ( 94 ). Għall-kuntrarju ta’ dak li tallega r-Repubblika tal-Awstrija, anki jekk in-nuqqas ta’ determinazzjoni tal-baġit inizjali jista’ jżomm lir-Renju Unit milli jinnotifika żieda b’formola simplifikata, hu ċertament la jeżenta u lanqas iwaqqaf lir-Renju Unit milli jinnotifika “żieda fil-baġit” bħala “għajnuna ġdida”.

142.

Il-fatt li kwalunkwe emenda sussegwenti għall-miżuri għandha tiġi nnotifikata huwa rifless ukoll fil-punt 266 tas-sentenza appellata. Hemm, il-Qorti Ġeneral tenfasizza li d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni tkopri biss il-proġett li ġie nnotifikat lilha. Dik il-konklużjoni ma ġietx attakkata mir-Repubblika tal-Awstrija. Bħala riżultat, l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija ma jistgħux jintlaqgħu.

143.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ewwel parti tal-ħames aggravju tar-Repubblika tal-Awstrija għandha tiġi miċħuda.

144.

Sa fejn l-Avviż dwar il-Garanziji huwa kkonċernat, għandu jiġi nnutat, kif intqal korrettement mir-Repubblika ta’ Franza, li l-Avviż dwar il-Garanziji jitratta l-kwistjoni jekk garanzija tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, iktar milli l-evalwazzjoni tal-kumpatibbiltà mas-suq komuni. Il-punt 5 tal-Avviż dwar il-Garanziji jagħmel dan ċar. Dan ifisser li l-applikazzjoni tiegħu ma għandha l-ebda impatt fuq jekk il-Garanzija ta’ Kreditu hijiex kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Skont il-punt 3.2(d) tal-Avviż dwar il-Garanziji l-fatt li għandu “[j]itħallas għall-garanzija prezz orjentat għas-suq” huwa wieħed mill-erba’ kritjerji li għandhom jiġu ssodisfatti b’mod kumulattiv sabiex il-preżenza tal-għajnuna mill-Istat tiġi eskluża fil-każ ta’ garanziji tal-Istat individwali. F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-ebda waħda mill-partijiet ma targumenta li l-Garanzija ta’ Kreditu tammonta għall-għajnuna mill-Istat preċiżament minħabba li l-prezz imħallas minn NNBG fir-rigward ta’ dik il-garanzija ma setax jitqies li huwa prezz tas-suq. Huwa ma setax jitqies hekk minħabba s-sempliċi raġuni li l-ebda faċilità bħal din ma kienet disponibbli fis-swieq tal-kapital rilevanti ( 95 ). Għaldaqstant, il-Garanzija ta’ Kreditu bla dubju ma ssodisfatx il-kriterji sabiex tiġi esklużai bħala għajnuna mill-Istat skont l-Avviż dwar il-Garanziji. Għall-istess raġuni, il-Qorti Ġenerali ma kelliex għalfejn tidħol iktar fid-dettall fil-kwistjoni jekk “[m]in jissellef ma jkunx f’diffikultà finanzjarja”. Dan huwa wieħed mill-erba’ kriterji stabbiliti għal dak l-għan ( 96 ).

145.

Lanqas l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li, fi kwalunkwe każ, skont il-punt 4.2 tal-Avviż tal-Garanzija ekwivalenti fi flus tal-garanzija ma għandux għalfejn ikun ikkalkolat, ma huwa tajjeb. Peress li l-Garanzija ta’ Kreditu, flimkien mal-miżuri l-oħra tal-għajnuna, kienet – bla dubju – ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, ma kien hemm l-ebda raġuni għal investigazzjoni ulterjuri.

146.

Għal dawn ir-raġunijiet, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li jistrieħ fuq l-Avviż dwar il-Garanziji huwa, fi kwalunkwe każ, ineffettiv u l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

147.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet esprimiet tħassib li t-tariffa oriġinali li ġiet issuġġerita mir-Renju Unit fir-rigward tal-Garanzija ta’ Kreditu kienet issottovalutat ir-riskju rilevanti. Ir-Renju Unit konsegwentement kien irranġa r-rata tat-tariffa tal-garanzija għal 295 punti bażi (li jirriflettu, bejn wieħed u ieħor, riskju ta’ kreditu BB) u l-Kummissjoni kkonnkludiet li r-rata tat-tariffa aġġustata kienet approssimazzjoni ta’ rata tas-suq ipotetika għal faċilità li ma kinitx, fil-fatt, offruta mis-suq ( 97 ). Din il-bidla fl-istruttura tal-aġġustament tat-tariffa indirizzat ukoll tħassib li l-Kummissjoni kienet esprimiet dwar l-iskadenza eċċezzjonalment twila tal-bonds li kellhom jinħarġu ( 98 ).

148.

Il-kwistjoni għaldaqstant tirriduċi ruħha għal dan: jista’ jingħad li hemm kwalunkwe inċertezza reali rigward it-tul tal-garanzija, l-ammont tas-self jew il-manjiera li biha r-rata tat-tariffa ġiet ikkalkolata? Min-naħa tiegħi, nista’ biss naqbel mal-approċċ tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet dawn l-allegazzjonijiet ( 99 ).

149.

Huwa forsi biżżejjed hawnhekk li jingħad li l-Kummissjoni kellha quddiemha evidenza mil-liem setgħet tikkonkludi sew li l-garanzija ma kinitx għal żmien bla limitu, iżda titratta l-ħlas fil-ħin tas-somma kapitali u l-interessi, fejn il-bonds kellhom skadenza medja ta’ 27.4 sena ( 100 ). Jista’ bl-istess mod jingħad li l-Kummissjoni kellha quddiemha bażi raġjonevoli li tiġġustifika l-konklużjoni tagħha li r-rata tat-tariffa aġġustata fir-rigward tal-Garanzija ta’ Kreditu għandha tkun 295 punti bażi, li għaldaqstant tirrifletti kemm rata ta’ kreditu BB u l-iskadenza eċċezzjonalment twila tal-bonds inkwistjoni ( 101 ).

150.

F’dawn iċ-ċirkstanzi, ninsab obbligat nosserva li l-argumenti tar-Repubblika tal-Awstrija rigward l-allegati inċertezzi fil-konfront tal-limitu tal-għajnuna huma sempliċement infondati.

VI. Sommarju

151.

Fil-qosor, għaldaqstant, il-konklużjonijiet prinċipali tiegħi huma kif ġej:

(1)

L-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom jagħmilha ċara li t-Trattat Euratom għandu l-istess pożizzjoni bħat-TUE u t-TFUE sa fejn jikkonċerna d-dritt primarju tal-Unjoni.

(2)

L-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom ikompli jipprovdi li la t-TUE u lanqas it-TFUE ma jistgħu jiġu applikati fl-isfera tat-Trattat Euratom sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom innifsu. Jekk, għaldaqstant, kwistjoni partikolari kienet ittrattata b’mod eżawrjenti jew speċifiku mit-Trattat Euratom, mela ma hemm l-ebda lok għall-applikazzjoni tat-TUE jew it-TFUE. B’kuntrast, it-TUE u t-TFUE japplikaw f’kull qasam tad-dritt tal-Unjoni li ma kinux ittrattati mit-Trattat Euratom.

(3)

Ma hemm xejn fit-Trattat Euratom li jitrattat l-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat. Minħabba l-fatt li t-Trattat Euratom huwa, min-naħa waħda, sempliċement Trattat speċifiku li jitratta settur partikolari u peress li, min-naħa l-oħra, it-TUE u t-TFUE għandhom għanijiet iktar estensivi (partikolarment l-operat tas-suq intern), jidher xieraq li r-regoli inklużi fit-TFUE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat għandhom japplikaw għas-settur tal-enerġija nukleari meta t-Trattat Euratom ma jinkludix regoli speċifiċi. Huwa għal dawk ir-raġunijiet li l-Artikolu 107 TFUE japplika għall-miżura tal-għajnuna mill-Istat inkwistjoni.

(4)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 2(ċ) tat-Trattat Euratom jipprevedu neċessarjament l-iżvilupp tal-impjanti tal-enerġija nukleari. L-Istati Membri riedu biċ-ċar li t-Trattat Euratom ikun intiż bħala dokument ħaj, kapaċi li jiżviluppa b’mod organiku u jadatta għaċ-ċirkustanzi kontemporanji. Isegwi li l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li dawk id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom la jkopru l-kostruzzjoni ta’ iktar impjanti tal-enerġija nukleari u lanqas is-sostituzzjoni u l-modernizzazzjoni tal-impjanti tal-enerġija nukleari li qegħdin jeqdiemu b’teknoloġiji iktar moderni li huma diġà żviluppati ma jistax jiġi aċċettat.

(5)

Filwaqt li huwa minnu li l-merti tal-enerġija nukleari huma kontroversjali f’ħafna Stati Membri, din il-Qorti tal-Ġustizzja la għandha l-kompetenza u lanqas il-leġittimità demokratika li tiddeċiedi fuq tali kwistjonijiet. Madankollu, peress li huwa ċar li l-iżvilupp tal-enerġija nukleari huwa, kif rifless fit-Trattat Euratom, objettiv iddefinit b’mod ċar tad-dritt tal-Unjoni, dan l-objettiv ma jistax jiġi ssubordinat għal objettivi oħra (u, min-naħa, possibbiliment konfliġġenti) tad-dritt tal-Unjoni, bħall-protezzjoni tal-ambjent li tinsab fil-Kapitolu XX tat-TFUE. B’żieda ma’ dan, il-kliem ċar tal-Artikolu 194(2) TFUE jirrikonoxxi biċ-ċar id-dritt ta’ kull Stat Membru li jagħżel bejn is-sorsi differenti ta’ enerġija u “l-istruttura ġenerali tal-provvista ta’ enerġija tiegħu” u dak id-dritt jestendi għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiżviluppa l-enerġija nukleari bħala parti mis-sorsi tal-provvista tal-enerġija tiegħu.

(6)

Għall-kuntrarju tal-fehma li l-Qorti Ġenerali adottat f’serje ta’ każijiet mill-kawża Mediaset vs Il-Kummissjoni ( 102 ) ’il quddiem li kwalunkwe għajnuna mill-Istat approvata skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE għandha sservi “interess komuni”, dan ir-rekwiżit ma huwiex speċifikat fit-test attwali tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE nnifsu, anki jekk l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (“[…] proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew […]”) jispeċifika dan.

(7)

Isewgi, għaldaqstant, li ma hemm l-ebda rekwiżit li l-għajnuna għandha tissodisfa kwalunkwe għanijiet lil hinn minn dawk speċifikament stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Skont il-formulazzjoni tiegħu u l-pożizzjoni tad-dispożizzjoni fit-TFUE, għajnuna, sabiex tkun kompatibbli mat-Trattat, la għandha ssegwi “għan ta’ interess komuni” u lanqas “għan ta’ interess pubbliku”. Għandha biss “tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet […] ekonomiċi” u ma għandhiex “tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni”. Għaldaqstant, l-argument tar-Repubblika tal-Awstrija li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fil-liġi meta kkonkludiet li l-għajnuna għandha sservi biss interess “pubbliku” u mhux “komuni” ma jistax jintlaqa’, għaliex, fil-fehma tiegħi u kuntrarju għal fehmiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, l-ebda wieħed minn dawk iż-żewġ kriterji ma għandhom għalfejn jiġu ssodisfatti.

(8)

Fi kwalunkwe każ, anki jekk din l-evalwazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE hija żbaljata, il-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C isservi “interess komuni” (u, jekk tippermettuli, “skop pubbliku”) f’dan is-sens, minħabba li l-iżvilupp tal-impjanti tal-enerġija nukleari jibqa’ objettiv ewlieni tat-trattat Euratom, anki jekk il-kunċett tal-enerġija nukleari jiġi oppost minn Stati Membri individwali bħar-Repubblika tal-Awstrija. Bl-aċċettazzjoni tal-objettivi tat-Trattat Euratom l-Istati Membri kollha wrew biċ-ċar l-aċċettazzjoni mhux kwalifikata fil-prinċipju tad-dritt ta’ Stati Membri oħra li jiżviluppaw impjanti tal-enerġija nukleari fit-territorji tagħhom stess jekk jixtiequ jagħmlu dan. Objettiv tat-Trattat iddikjarat b’mod ċar ta’ dan it-tip għandu, kważi mid-definizzjoni, ikun kapaċi li jikkostitwixxi għan ta’ interess komuni għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(9)

Il-Qorti Ġenerali kienet intitolata bi sħiħ li tikkonstata li kien hemm evidenza abbondanti quddiem il-Kummissjoni li s-suq jew ma riedx jew saħansitra kien inkapaċi li jiffinanzja lil Hinkley Point C mingħajr il-garanziji u forom oħra ta’ għajnuna pprovvduti mir-Renju Unit. Huwa irrilevanti għall-għanijiet preżenti li jista’ ma jkunx hemm nuqqas fis-suq fir-rigward ta’ forom oħra ta’ produzzjoni tal-elettriku. Il-Qorti Ġenerali ma’ żbaljatx meta kkonkludiet li l-produzzjoni ta’ enerġija nukleari kienet l-attività ekonomika rilevanti għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

(10)

Il-kompitu tal-Kummissjoni fil-każijiet tal-għajnuna mill-Istat huwa, kif l-Artikoli 107(2) u 107(3) TFUE jagħmlu ċar, sempliċement li tevalwa jekk il-miżura tal-Istat inkwistjoni tistax tkun ikkunsidrata “ bħala kompatibbli mas-suq intern”. Dak il-kompitu huwa essenzjalment biex tikkunsidra l-kompatibilià tal-għajnuna inkwistjoni mar-regoli dwar il-kompetizzjoni u s-suq intern u mhux, ir-regoli relatati mal-ambjent. B’kuntrast, kwalunkwe deċiżjoni dwar jekk proġett partikolari għandux jirċievi l-permess xieraq minn perspettiva ta’ pjanar u ta’ ambjent hija, fil-prinċipju, kwistjoni għall-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri u mhux, tal-Kummissjoni fil-kors tal-applikazzjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat.

(11)

Il-punt ewlieni fir-rigward l-eżaminazzjoni tal-kumpatibbiltà ta’ kwalunkwe għajnuna mas-suq intern għall-finijiet tal-Artikolu 107(3) TFUE huwa jekk tali għajnuna twassalx għal jew tinkoraġġixxix investiment fl-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi li kieku ma jsirux. Ma hemm l-ebda distinzjoni ex ante bejn l-għajnuna għall-investiment min-naħa u l-għajnuna għall-funzjonament. Mhux biss tali distinsjoni ma hijiex iġġustifikata minn kunsiderazzjoni tat-test attwali tal-Artikolu 107 TFUE nnifsu, iżda kwalunkwe distinzjoni simili kieku tkun simplistika u sservi sempliċement ta’ evażjoni bl-użu ta’ tekniki ta’ kontabbiltà artifiċjali.

(12)

Il-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni hawnhekk ma humiex limitati purament għall-ispejjeż tal-kostruzzjoni per se, iżda anki jinkludu ċertu spejjeż speċifiċi assoċjati mall-provvista tal-enerġija nukleari, inkluż l-ispejjeż għall-ġestjoni ta’ fjuwil użat. Dawn l-ispejjeż huma madankollu spejjeż ta’ investiment li għandhom neċessarjament jiġu inkorsi jekk l-impjant għandu jopera.

(13)

Il-Qorti Ġenerali kienet intitolata, fiċ-ċirkustanzi, li tiċħad il-kontestazzjoni għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni mir-Renju Unit fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ Hinkley Point C.

VII. Konklużjonijiet

152.

F’dawn iċ-ċirkustanzi nipproponi, għalhekk, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell miġjub mir-Repubblika tal-Awstrija fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara wkoll id-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2017, Greenpeace Energy vs Il-Kummissjoni (C‑640/16 P, mhux ippubblikat, EU:C:2017:752), u l-Komunikazzjoni ACCC/C/2015/128 quddiem il-Kumitat għall-Konformità mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji biex jiġu kkontestati atti u ommissjonijiet minn persuni privati u awtoritajiet pubbliċi li jiksru dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tagħha relatati mal-ambjent (Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għat-Tagħrif, il-Parteċipazzjoni Pubblika fil-Proċess Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja f’Materji Ambjentali li saret f’Aarhus, id-Danimarka, fil-25 ta’ Ġunju 1998). Dawk iż-żewġ proċeduri t-tnejn jitrattaw l-għajnuna mill-Istat għall-proġett ta’ Hinkley Point C u kull wieħed bil-mod tagħhom huwa xhud tal-oppożizzjoni qalila li qiegħed jaffaċċja l-proġett.

( 3 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018 (T‑356/15, EU:T:2018:439).

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-miżura ta’ għajnuna SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) li r-Renju Unit qed jippjana li jimplimenta bħala Appoġġ għall-Impjant tal-Enerġija Nukleari Hinkley Point C (ĠU 2015, L 109,p. 44).

( 5 ) ĠU 2015, L 248, p. 9. Qabel kien ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

( 6 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 4, p. 3, u rettifika fil-ĠU 2015, L 72, p. 89.

( 7 ) ĠU 2008, C 155, p. 10.

( 8 ) Dan ser ikun indiċjat skont l-Indiċi tal-Prezzijiet għall-Konsumatur u ser ikun miftuħ għal korrezzjoni 15-il sena wara l-ġurnata tal-bidu tal-ewwel reattur kif ukoll 25 sena wara l-ġurnata tal-bidu tal-ewwel reattur fuq il-bażi tal-ispejjeż attwali magħrufa u l-previżjonijiet riveduti tal-ispejjeż futuri.

( 9 ) Hawnhekk, is-segment bażiku.

( 10 ) Jiġifieri raġunijiet li ma humiex marbuta mas-saħħa, sikurezza nukleari, sigurtà, ambjent, transport nukleari jew salvagwardji nukleari.

( 11 ) Għajnuna mill-Istat SA.34947 (2013/C) (ex 2013/N) Kuntratt ta’ investiment (Kuntratt għad-differenza preliminari) għall-impjant tal-enerġija nukleari ġdid Hinkley Point C — Stedina biex jitressqu kummenti skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, C 69, p. 60, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni”).

( 12 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/274 tal-11 ta’ Jannar 2019 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2019, LI 47, p. 1) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/48 tal-21 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ĠU 2020, LI 16, p. 1).

( 13 ) Dan ġie kkonfermat mit-Trattat ta’ Lisbona li ma biddel kważi xejn mit-Trattat Euratom; ara l-premessi tal-Protokoll Nru 2 li jemenda t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta’ l-Energija Atomika (ĠU 2007 C 306, p. 199). Dan huwa kkonfermat mid-Dikjarazzjoni Nru 54 ta’ diversi Stati Membri annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernementali, li adottat it-Trattat ta’ Lisbona (ĠU 2010 C 83, p. 356).

( 14 ) L-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom jagħmel ċertu dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-TFUE direttament applikabbli għat-Trattat Euratom filwaqt li l-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom jikkjarifika li d-dispożizzjonijiet tat-TUE u t-TFUE ma għandhomx jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom. Dispożizzjonijiet simili kienu jeżistu qabel it-Trattat ta’ Lisbona. L-ekwivalenti għall-Artikolu 106a(3) tat-Trattat Euratom kien inkluż fit-Trattat KE, jiġifieri fl-Artikolu 305(2) tiegħu.

( 15 ) Punt 72 tas-sentenza appellata.

( 16 ) C‑5/14, EU:C:2015:51, punti 31 sa 34.

( 17 ) Ara l-preambolu u l-Artikolu 2 tat-Trattat Euratom.

( 18 ) Ara, b’implikazzjoni, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2019:622). Ara wkoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Inter-Environnement Wallonie u Bond Beter Leefmilieu Vlaanderen (C‑411/17, EU:C:2018:972, punt 42) kif ukoll is-sentenzi msemmija mill-Qorti Ġenerali fil-punt 73 tas-sentenza appellata, jiġifieri, is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill (C‑62/88, EU:C:1990:153, punt 17), u tat-12 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑61/03, EU:C:2005:210, punt 44), kif ukoll l-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim tal-WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994 (EU:C:1994:384, punt 24).

( 19 ) Peress li r-Repubblika tal-Awstrija rreferiet għall-punti 79 et seq. bħala l-punti fil-motivi tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li huma kkontestati, jibqa’ kemxejn mhux ċar jekk dik il-parti tas-sentenza ġietx ikkontestata jew le.

( 20 ) Enfasi miżjuda minni.

( 21 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010 (EU:T:2010:233, punt 125).

( 22 ) Punt 86 tas-sentenza appellata.

( 23 ) Quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika tal-Awstrija invokat dik is-sentenza biex issostni l-propożizzjoni li l-miżura tal-għajnuna għandha ssegwi objettiv ta’ interess komuni ddefinit b’mod ċar.

( 24 ) Enfasi miżjuda minni.

( 25 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010 (T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 125).

( 26 ) Punt 86 tas-sentenza appellata.

( 27 ) Punt 108 tas-sentenza appellata b’riferiment għal premessa 374 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 28 ) Sentenzi tas-17 ta’ Settembru 1980, Philip Morris Holland vs Il-Kummissjoni (730/79, EU:C:1980:209, punt 24) u tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni (310/85, EU:C:1987:96, punt 18).

( 29 ) Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑351/98, EU:C:2002:530, punt 74), u tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 59).

( 30 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija tirreferi għall-prinċipji li sar riferiment għalihom għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, msemmija fil-Kapitolu 3 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‑ Qafas għall-għajnuna mill-Istat għar-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni (ĠU 2014 C 198, p. 1, punt 35); fil-Kapitolu 3.1 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‑ Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU 2014 C 200, p. 1, punti 26 et seq.); u fil-punt 33 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ‑ Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU 2013 C 25, p. 1); kif ukoll fil-punt 26 tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014 - 2020 (ĠU 2013 C 209, p. 1) li kollha jelenkaw il-kontribuzzjoni lejn il-kisba ta’ “objettiv ta’ interess komuni” bħala kriterju tal-evalwazzjoni.

( 31 ) Premessi 366 sa 374 tad-deċiżjoni inkwistjoni. Id-deċiżjoni li tinbeda l-investigazzjoni (ĠU 2014, C 69, p. 60, punti 237 sa 267) kienet iktar iddettaljata dwar din il-kwistjoni.

( 32 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 (730/79, EU:C:1980:209, punt 26).

( 33 ) Sentenza tal-24 ta’ Frar 1987 (310/85, EU:C:1987:96, punt 18).

( 34 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002 (C‑113/00, EU:C:2002:507, punt 67).

( 35 ) Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 60) u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenzi tat-30 ta’ Settembru 2003, Freistaat Sachsen et vs Il-Kummissjoni (C‑57/00 P u C‑61/00 P, EU:C:2003:510, punt 53) u tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni (C‑459/10 P, mhux ippublikata, EU:C:2011:515, punt 38).

( 36 ) Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Il-Ġermanja et vs Kronofrance (C‑75/05 P u C‑80/05 P, EU:C:2008:482, punt 65) u tal-21 ta’ Lulju 2011, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni (C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515, punt 38) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tgħid biċ-ċar li huwa biss fil-kuntest tal-eċċezzjoni li tinsab fit-Trattat (hawnhekk l-Artikolu 107(3)(c) TFUE) li l-validità tad-deċiżjoni inkwistjoni għandha tiġi eżaminata, mhux b’referenza għal prattika allegata preċedenti.

( 37 ) Punti 65 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 38 ) Enfasi miżjuda minni.

( 39 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010, Mediaset vs Il-Kummissjoni (T‑177/07, EU:T:2010:233, punt 125), enfasi miżjuda minni. Fis-sentenzi tal-14 ta’ Jannar 2009, Kronoply vs Il‑Kummissjoni (T‑162/06, EU:T:2009:2, punt 74), u tal‑11 ta’ Diċembru 2014, L-Awstrija vs Il‑Kummissjoni (T‑251/11, EU:T:2014:1060, punt 208), li rreferiet għalihom ir-Repubblika tal-Awstrija, il-Qorti tal-Ewwel Istanza u l-Qorti Ġenerali, rispettivament, approvaw id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li evalwaw jekk l-għajnuna kellhiex objettiv ta’ interess komuni jew ikkontribwixxiet għal objettiv ta’ interess komuni mingħajr ma kellha għalfejn titratta l-kwistjoni jekk l-għajnuna fil-każ speċifiku kinitx isservi interess komuni.

( 40 ) Punti 237 sa 267.

( 41 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010 (T‑177/07, EU:T:2010:233).

( 42 ) Ara Kahl, W., ‘Die Kompetenzen der EU in der Energiepolitik nach Lissabon’, Europarecht, No 5, 2009, p. 601‑621. Kahl jgħid li l-Laqgħa tal-Kunsill Ewropew f’Laeken fl-2001 kienet diġà iddeċidiet konta l-integrazzjoni tal-Euratom fl-Unjoni minħabba differenzi politiċi li setgħu jiġu mistennija. Dan wassal għall-inklużjoni ta’ paragrafu wieħed biss fit-taqsima “Deċiżjonijiet Mixxellanji” li jsemmi l-importanza tas-sigurtà fis-settur nukleari fil-laqgħa tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ġewwa Laeken fl-14 u 15 ta’ Diċembru 2001, CONV 621/03 p. 1. Ara wkoll il-paragrafu 11 tat-Taqsima III, tal-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ Brussell tat-8/9 Marzu 2007, 7224/1/07 REV 1 li huwa xhieda ta’ fehmiet kunfliġġenti.

( 43 ) Punt 42.

( 44 ) Ara l-Artikolu 1 tat-Trattat Euratom.

( 45 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 (730/79, EU:C:1980:209).

( 46 ) Sentenza tal-24 ta’ Frar 1987 (310/85, EU:C:1987:96).

( 47 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 (730/79, EU:C:1980:209).

( 48 ) Sentenza tal-24 ta’ Frar 1987, Deufil vs Il-Kummissjoni (C‑310/85, EU:C:1987:96, punt 18).

( 49 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 (730/79, EU:C:1980:209, punt 24).

( 50 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002 (C‑113/00, EU:C:2002:507).

( 51 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 1980 (730/79, EU:C:1980:209).

( 52 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2002, (C‑113/00, EU:C:2002:507, punt 67).

( 53 ) Ara wkoll il-preambolu “ANZJUŻI li jistabbilixxu kondizzjonijiet ta’ sigurtà li jeliminaw il-periklu għall-ħajja u s-saħħa tal-poplu” kif ukoll l-Artikolu 2(b) tat-Trattat Euratom.

( 54 ) Il-fatti ta’ dan il-każ huma kemmxejn differenti minn dawk tas-sentenza tat-12 ta’ April 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑61/03, EU:C:2005:210) fejn il-Kummissjoni riedet tinvoka dispożizzjoni tat-Trattat Euratom fil-qasam tal-enerġija nukleari għall-għanijiet militari li huma barra mill-ambitu tat-Trattat Euratom. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, f’dan il-kuntest, fil-punt 44 li “[s]afejn [it-Trattat Euratom] ma jipprovdix lill-Komunità strument speċifiku sabiex jintlaħaq dan l-iskop [tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-ambjent kontra l-perikoli relatati mal-użu tal-enerġija nukleari, inkluż għall-għanijiet militari], ma jistax jiġi eskluż li miżuri adatti jistgħu jiġu adottati abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat KE”. Il-fatti ta’ din il-kawża huma wkoll pjuttost differenti minn dawk fil-kawża tas-27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ (C‑115/08, EU:C:2009:660) li kienet titratta l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, fuq liem it-Trattat Euratom ma jinkludi l-ebda regoli espliċiti (ara l-punti 87 sa 91 ta’ dik is-sentenza) u li l-applikazzjoni ta’ liem – kif tinnota r-Repubblika Slovakka f’dan il-każ – ma jwassalx għal riżultat li jmur kontra l-objettivi tat-Trattat Euratom.

( 55 ) Ara wkoll ir-regola proċedurali li tinsab fl-Artikolu 192(2)(c) TFUE fil-każ li l-Unjoni hija attiva fil-qasam kif ukoll id-Dikjarazzjoni Nru 35 annessa mal-att finali tal-konferenza intergovernattiva li adattat it-Trattat ta’ Lisbona, iffirmat fit-13 ta’ Diċembru 2017.

( 56 ) Għal dawk ir-raġunijiet, l-Awstrija lanqas ma tista’ tistrieħ fuq każijiet barra mill-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

( 57 ) Ara s-sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni (T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 189).

( 58 ) Minkejja r-Repubblika tal-Awstrija targumenta li dawk il-prinċipji kellhom jiġu kkunsidrati diġà meta kien qed jiġi deċiż jekk il-miżuri tal-għajnuna kinitx issegwi objettiv ta’ interess komuni, hi tikkontesta l-punt 517 tas-sentenza appellata, li jitratta l-kwistjoni ta’ proporzjonalità tal-miżura skont il-kundizzjoni negattiva li tinsab fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali f’dik il-parti tas-sentenza appellata jitrattaw il-kwistjoni ta’ proporzjonalità.

( 59 ) Fir-rigward ta’ dik l-evalwazzjoni, ara l-punt 115 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1993, Matra vs Il-Kummissjoni (C‑225/91, EU:C:1993:239, punt 41). Ara wkoll l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-sentenza tat-13 ta’ Jannar 2004, Thermenhotel Stoiser Franz et vs Il-Kummissjoni (T‑158/99, EU:T:2004:2, punt 159); tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 315); u tat-3 ta’ Diċembru 2014, Castelnou Energía vs Il-Kummissjoni (T‑57/11, EU:T:2014:1021, punti 185190).

( 61 ) Għalhekk, pereżempju, il-kostruzzjoni u l-operat tal-impjanti nukleari fir-Renju Unit jirrikjedu numri ta’ awtorizzazzjonijiet, liċenzji u permessi li bihom il-kwistjonijiet ambjentali rilevanti jistgħu jiġu indirizzati. L-għoti ta’ tali awtorizzazzjonijiet, liċenzji u permessi jista’ jiġi kkuntestat fi proċeduri ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Il-Kummissjoni hija wkoll informata, pereżempju, fir-rigward ta’ kwalunkwe pjanijiet għar-rimi ta’ skart radjoattiv skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom u tieħu opinjoni fuq tali pjanijiet. Ara, pereżempju, l-Opinjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2012 dwar il-pjan għar-rimi ta’ skart radjoattiv li ġej miż-żewġ reatturi EPR fl-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Hinkley Point C, li jinsab f’Somerset, ir-Renju Unit (ĠU 2012 C 33, p. 1).

( 62 ) Punt 359 tas-sentenza appellata, fir-rigward tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2015 fil-Każ SA.34962, Kuntratt ta’ Skart għall-Impjanti tal-Enerġija Nukleari (ĠU 2016 C 161, p. 1).

( 63 ) Ara punti 155 sa 157 kif ukoll il-punt 405 tas-sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali ttrattat il-partikolaritajiet tal-enerġija nukleari (partikolarment fir-rigward tal-iffinanzjar tal-impjanti tal-enerġija nukleari).

( 64 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea hemm azzjonijiet biss kontra l-iżbalji tad-dritt tal-Unjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali.

( 65 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI (C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 64) u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 66 ) Ara, pereżempju, il-punti 165, 168, 171 u 174 tas-sentenza appellata.

( 67 ) Digriet tas-26 ta’ Settembru 2016 (T‑382/15, mhux ippublikat, EU:T:2016:589). F’dawk il-proċeduri Greenpeace Energy eG u kumpaniji oħra attivi fil-ġenerazzjoni u l-provvista tal-enerġija minn sorsi rinovabbli ppruvaw jikkontestaw id-deċiżjoni inkwistjoni, ara nota ta’ qiegħ il-paġna 2. Hemm, il-Qorti Ġenerali saħqet fil-punt 55 et seq, li n-natura tal-elettriku hija tali li, ladarba jkun ġie permess jidħol fis-sistema ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni, jkun diffiċli li jiġi ddeterminat l-oriġini u b’mod partikolari s-sors ta’ enerġija minn fejn ikun ġie prodott u għal dik ir-raġuni, is-swieq differenti skont is-sors ta’ enerġija ma jkunux jistgħu jiġu ddefiniti.

( 68 ) Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963 (25/62, EU:C:1963:17).

( 69 ) Indikata bħala “il-kundizzjoni negattiva” tal-Artikolu 107(3)(c) TFEU. Ara l-punt 59 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Punti 231 u 232 tas-sentenza appellata.

( 71 ) Premessi 382 sa 385 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 72 ) Punti 150 u 151 tas-sentenza appellata u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 73 ) Nuqqas fis-suq jiddeskrivi sitwazzjoni fejn is-suq ma jkunx jista’ jissodisfa d-domanda. Madankollu, Stati Membri huma intitolati jsegwu għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(2) u (3) TFEU anki jekk ikun hemm domanda insuffiċjenti għalihom fis-suq.

( 74 ) Sa fejn ir-Repubblika tal-Awstrija tinvoka s-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Magic Mountain Kletterhallen et vs Il-Kummissjoni (T‑162/13, mhux ippubblikata, EU:T:2016:341, punt 81) għall-argument tagħha li l-Qorti Ġenerali xortawaħda bbażat ruħha fuq in-nuqqas fis-suq, huwa ċar li l-Qorti Ġenerali rreferiet għal din is-sentenza biss bħala argument addizzjonali f’dak il-każ partikolari iżda dan ma llimitax il-konklużjoni tagħha li n-nuqqas fis-suq ma huwa bl-ebda mod kriterju neċessarju.

( 75 ) ĠU 2016 C 262, p. 1.

( 76 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015 (C‑518/13, EU:C:2015:9).

( 77 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 65).

( 78 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015 (C‑518/13, EU:C:2015:9).

( 79 ) Għandu jiġi nnutat li l-Kuntratti għad-Differenza qegħdin jiġu offruti wkoll għal sorsi ta’ enerġija rinovabbli, b’dispożizzjonijiet speċifiċi li huma orjentati lejn dawk l-industriji.

( 80 ) Ara l-punt 516 tas-sentenza appellata.

( 81 ) Sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2014 (T‑57/11, EU:T:2014:1021, punt 189)

( 82 ) Sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 314).

( 83 ) ĠU 1994 C 72, p. 3.

( 84 ) Punt 584 tas-sentenza appellata.

( 85 ) Punt 589 tas-sentenza appellata.

( 86 ) Punt 593 tas-sentenza appellata.

( 87 ) Punt 580 tas-sentenza appellata.

( 88 ) Punti 424 u 594 tas-sentenza appellata.

( 89 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 1990 (C‑86/89, EU:C:1990:373).

( 90 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011 (C‑459/10 P, mhux ippubblikata, EU:C:2011:515).

( 91 ) Ibid.

( 92 ) Fil-punti 72 ssa 74 tal-appell isir ċar li, minkejja li r-Repubblika tal-Awstrija tiċħad dan fil-punt 70 tal-appell, bir-riferiment tagħha għad-determinazzjoni insuffiċjenti tal-elementi tal-għajnuna, hija tfisser fil-verità li l-għajnuna ma kinitx ikkwantifikata.

( 93 ) Dan ma huwiex sorprendenti; il-Qorti Ġenerali ma ttrattatx il-kwistjoni peress li ma kinitx tressqet mir-Repubblika tal-Awstrija.

( 94 ) Ir-Repubblika tal-Awstrija saħansitra taqbel ma’ dan fil-punt 73 tal-appell tagħha.

( 95 ) Premessi 336 sa 339 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 96 ) Punt 3.2(a) tal-Avviż ta’ Garanzija.

( 97 ) Premessi 463 sa 477 tad-deċiżjoni inkwistjoni; punti 304 u 305 tas-sentenza appellata.

( 98 ) Premessa 472 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 99 ) Ara, b’mod ġenerali, il-punti 302 sa 322 tas-sentenza appellata.

( 100 ) Premessa 432 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 101 ) Premessa 472 tad-deċiżjoni inkwistjoni.

( 102 ) Sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2010 (T‑177/07, EU:T:2010:233).