KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fis‑27 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18

A.K. (C‑585/18)

vs

Krajowa Rada Sądownictwa

u

CP (C‑624/18)

DO (C‑625/18)

vs

Sąd Najwyższy (C‑624/18 u C‑625/18)

fil-preżenza ta’:

Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 267 TFUE — Stat tad-dritt — Artikolu 2 TUE — Artikolu 19(1) TUE — Prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 47 u 51 — Miżuri nazzjonali li jistabbilixxu l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema — Miżuri nazzjonali li jibdlu l-mod ta’ ħatra ta’ membri ġudizzjarji tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura — Supremazija tad-dritt tal-Unjoni — Setgħa li twarrab leġiżlazzjoni nazzjonali li ma hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn il-kawżi, bħall-problemi li kkunsidrajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18) ( 2 ), jinsabu fil-kuntest tar-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka stabbilita mill-miżuri adottati fl‑2017, u li ġew suġġetti għal proposta motivata skont l-Artikolu 7(1) TUE dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja ( 3 ), flimkien ma’ kritika internazzjonali kunsiderevoli ( 4 ).

2.

Dawn jikkonċernaw rikorsi, ibbażati parzjalment fuq id-dritt tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati quddiem l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) minn imħallfin affettwati minn miżuri Pollakki li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-ġudikatura. Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn il-miżuri huma inkompatibbli mal-obbligi tal-Polinja taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li huma inkonsistenti mal-prinċipji ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin u ta’ indipendenza ġudizzjarja, it-tnejn li huma protetti taħt id-dritt tal-Unjoni.

3.

Minkejja li skont id-dritt nazzjonali, l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema li għadha kif inħolqot ingħatat il-kompitu sabiex tiddeċiedi dwar azzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Awla Dixxiplinari toffrix garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza skont id-dritt tal-Unjoni sabiex tisma’ tali talbiet. Dan fid-dawl tal-fatt li l-grupp ta’ mħallfin li jistgħu jiġu maħtura mill-President tar-Repubblika għall-Awla Dixxiplinari huma magħżula mill-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, iktar ’il quddiem il-“KNĠ”) li huwa l-korp inkarigat mis-salvagwardja tal-indipendenza ġudizzjarja fil-Polonja. Madankollu, l-indipendenza tal-KNĠ ġiet, min-naħa l-oħra, imqiegħda f’dubju mil-leġiżlazzjoni Pollakka li bidlet il-mod kif il-membri tal-ġudikatura tiegħu jiġu maħtura. Il-kompożizzjoni tiegħu issa hija primarjament iddeterminata mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi.

4.

Hemm ukoll dubji iktar speċifiċi dwar il-proċedura għall-għażla tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari impjegati mill-KNĠ.

5.

Id-domanda prinċipali li għandha tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, fil-kawżi preżenti hija jekk l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza skont id-dritt tal-Unjoni, fid-dawl tal-mod ta’ kif il-membri tal-KNĠ jiġu maħturin u l-modalitajiet għall-għażla tal-imħallfin għall-Awla Dixxiplinari.

6.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti, il-qorti tar-rinviju tixtieq ukoll tkun taf jekk, taħt id-dritt tal-Unjoni, hijiex intitolata li twarrab dispożizzjonijiet tad-dritt ta’ Stat Membru li jistgħu jiġu kkunsidrati li jipprekludu l-qorti tar-rinviju milli tiddikjara ġurisdizzjoni fil-kawżi prinċipali.

7.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment hija mistiedna, mill-qorti tar-rinviju, tiżviluppa l-ġurisprudenza tagħha dwar l-obbligi tal-Istati Membri li jiżguraw l-indipendenza ġudizzjarja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“Karta”) sabiex l-istat tad-dritt jiġi protett fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

8.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

9.

L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jgħidu:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.”

“Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]”

B.   Id-dritt Pollakk

1. Id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-Qorti Suprema

10.

L-Artikolu 30(1) tal-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat-23 ta’ Novembru 2002 (Dz. U. Nru 240 tal‑2002, pożizzjoni 2052, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2002 dwar il-Qorti Suprema”) stabbilixxiet l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema għal sebgħin sena, sakemm, mhux iktar minn sitt xhur qabel jagħlaq sebgħin sena, imħallef ma jkunx issottometta dikjarazzjoni lill-Ewwel President tal-Qorti Suprema li tindika x-xewqa tiegħu li jkompli fil-kariga tiegħu u jkun ippreżenta ċertifikat tal-istat tas-saħħa tiegħu. F’dan il-każ, skont l-Artikolu 30(5) ta’ din il-liġi, dan l-imħallef ikun jista’ awtomatikament iwettaq id-dmirijiet tiegħu sal-età ta’ tnejn u sebgħin sena.

11.

Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 5, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema”) li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

12.

Skont l-Artikolu 37(1) sa (4) tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema, l-imħallfin tal-Qorti Suprema għandhom fil-prinċipju jirtiraw fl-età ta’ ħamsa u sittin, sakemm fil-perijodu ta’ żmien speċifikat dawn ma jissottomettux dikjarazzjoni li huma jixtiequ jkomplu fil-karigi tagħhom, u ċertifikat ta’ saħħa tajba, u l-President tar-Repubblika jagħti l-kunsens biex ikomplu fil-karigi tagħhom. Skont il-proċedura stabbilita f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-President tar-Repubblika għandu, qabel ma jagħti l-kunsens, jikkonsulta l-KNĠ li min-naħa tiegħu dan jipprovdilu opinjoni. Skont l-Artikolu 111(1) ta’ din il-liġi, l-imħallfin tal-Qorti Suprema li jagħlqu l-età ta’ ħamsa u sittin sena sat‑3 ta’ Lulju 2018 kellhom jirtiraw fl‑4 ta’ Lulju 2018, sakemm ma ssottomettewx dawn id-dokumenti f’perijodu ta’ żmien partikolari u l-President tar-Repubblika ta l-kunsens skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 ta’ din il-liġi.

2. Id-dispożizzjonijiet dwar l-Awla Dixxiplinari

13.

Il-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema stabbilixxiet, inter alia, awla ġdida tal-Qorti Suprema msejħa l-Awla Dixxiplinari li ġiet stabbilita, skont l-Aritikolu 133 ta’ din il-liġi, mit‑3 ta’ April 2018.

14.

L-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“Fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari u l-imħallfin li jiġġudikaw fl-Awla Dixxiplinari, il-prerogattivi tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema kif iddefiniti:

(1)

fil-punti 1, 4 u 7 tal-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 31(1), fl-Artikolu 35(2), fl-Artikolu 36(6), fl-Artikolu 40(1) u (4), u fl-Artikolu 51(7) u (14), għandhom jiġu eżerċitati mill-President tal-Qorti Suprema li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari;

(2)

fil-punt 2 tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 55(3), għandhom jiġu eżerċitati mill-Ewwel President tal-Qorti Suprema bi qbil mal-President tal-Qorti Suprema li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari.”

15.

L-Artikolu 27 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema jgħid:

“1.   Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

(1)

proċeduri dixxiplinari;

(a)

li jinvolvu mħallfin tal-Qorti Suprema;

[…]

(2)

proċeduri fil-qasam tad-dritt industrijali u sigurtà soċjali li jinvolvu mħallfin tal-Qorti Suprema;

(3)

proċeduri li jikkonċernaw l-irtirar obbligatorju ta’ mħallef tal-Qorti Suprema.”

16.

L-Artikolu 29 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema jipprevedi:

“L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għall-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura.”

17.

L-Artikolu 79 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema jgħid:

“Il-każijiet tad-dritt industrijali u sigurtà soċjali li jikkonċernaw l-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-każijiet li jirrelataw mal-irtirar obbligatorju ta’ mħallef tal-Qorti Suprema għandhom jinstemgħu:

1)

fl-ewwel istanza, mill-Qorti Suprema fil-kompożizzjoni ta’ mħallef wieħed tal-Awla Dixxiplinari;

2)

fit-tieni istanza, mill-Qorti Suprema fil-kompożizzjoni ta’ tliet imħallfin tal-Awla Dixxiplinari.”

18.

L-Artikolu 131 tal-Liġi tal-2017 dwar il-Qorti Suprema, kif emendat bil-punt 14 tal-Artikolu 1 tal-Ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat-12 ta’ April 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 847) (iktar ’il quddiem l-“Ewwel Liġi ta’ Emenda tat‑12 ta’ April 2018”) ( 6 ), li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Mejju 2018, jistabbilixxi:

“Imħallfin li, fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jokkupaw karigi f’awli oħra tal-Qorti Suprema jistgħu jiġu ttrasferiti għal karigi fl-Awla Dixxiplinari. Mhux iktar tard mill-ġurnata li fiha l-imħallfin kollha tal-Qorti Suprema fl-Awla Dixxiplinari jkunu ġew maħtura għall-ewwel darba, l-imħallef li jokkupa kariga f’awla oħra tal-Qorti Suprema għandu jissottometti lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura talba għal trasferiment għal kariga fl-Awla Dixxiplinari, wara li jikseb il-qbil tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema u tal-President tal-Qorti Suprema li għandhom jidderieġu x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari u tal-Awla fejn l-imħallef li jagħmel it-talba għat-trasferiment ikollu kariga. Sal-jum li fih il-karigi fl-Awla Dixxiplinari jkunu mtlew kollha għall-ewwel darba, imħallef tal-Qorti Suprema fl-Awla Dixxiplinari għandu jinħatar mill-President tar-Repubblika tal-Polonja fuq proposta tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura”.

3. Id-dispożizzjonijiet dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura

19.

Skont l-Artikolu 186(1) tal-Kostituzzjoni Pollakka:

“Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura huwa l-gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin.”

20.

L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprevedi:

“1.   Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura għandu jkun kompost minn:

(1)

l-Ewwel President tal-Qorti Suprema, il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika;

(2)

ħmistax‑il membru eletti minn fost l-imħallfin tal-Qorti Suprema, tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari;

(3)

erba’ membri eletti mis-Sejm minn fost id-deputati tiegħu u żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

2.   Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura għandu jagħżel, minn fost il-membri tiegħu, president u żewġ viċi presidenti.

3.   Il-mandat tal-membri eletti tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura huwa ta’ erba’ snin.

4.   Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

21.

Il-KNĠ huwa rregolat mill-Ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126 tal‑2011, pożizzjoni 714, kif emendata u kkonsolidata, Dz. U. tal‑2019, pożizzjoni 84) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KNĠ”). Din il-liġi ġiet emendata, inter alia, mill-Ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-KNĠ u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 3, kif emendata) (iktar ’il quddiem il-“Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ”) li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018 ( 7 ).

22.

Bis-saħħa tal-punt 1 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ, din il-liġi daħħlet l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KNĠ li jipprevedi:

“1.   Is-Sejm għandu jeleġġi minn fost l-imħallfin tal-Qorti Suprema, tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari ħmistax‑il membru tal-Kunsill għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.   Fit-twettiq tal-elezzjoni li tissemma’ fil-paragrafu 1, is-Sejm għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentazzjoni fil-Kunsill ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.   Il-mandat konġunt ta’ membri ġodda tal-Kunsill eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-Kunsill maħtura għall-mandat preċedenti għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-ġurnata li fiha jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-Kunsill.”

23.

Bis-saħħa tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ, din il-liġi ħassret l-Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-KNĠ ( 8 ) u introduċiet l-Artikoli 11a sa 11e tal-Liġi dwar il-KNĠ rigward il-proċedura għall-elezzjoni tal‑ħmistax‑il membru ġudizzjarju tal-KNĠ.

24.

Skont l-Artikolu 11a(2) tal-Liġi dwar il-KNĠ:

“L-entitajiet intitolati li jipproponu kandidati għall-parteċipazzjoni fil-Kunsill għandhom jinkludu grupp ta’ mill-inqas: (1) elfejn ċittadin tar-Repubblika tal-Polonja li għandhom tmintax‑il sena jew iktar, li għandhom kapaċità legali sħiħa u li jgawdu mid-drittijiet pubbliċi b’mod sħiħ; (2) ħamsa u għoxrin imħallef, esklużi mħallfin irtirati.”

25.

L-Artikolu 11d tal-Liġi dwar il-KNĠ jipprevedi wkoll:

“1.   L-ispeaker tas-Sejm għandu jitlob li l-għaqdiet tad-deputati jinnominaw, fi żmien sebat ijiem, kandidati għall-parteċipazzjoni fil-Kunsill.

2.   Għaqda ta’ deputati għandha tinnomina massimu ta’ disa’ kandidati għall-parteċipazzjoni fil-Kunsill minn fost l-imħallfin li isimhom ikun ġie ppreżentat skont il-proċedura stabbilita bl-Artikolu 11a.

3.   Jekk in-numru totali ta’ kandidati proposti mill-għadiet tad-deputati jkun inqas minn ħmistax, il-Presidju tas-Sejm għandu jipproponi kandidati minn fost l-ismijiet ippreżentati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11a, b’tali mod li n-numru riżultanti ta’ kandidati jkun ta’ ħmistax.

4.   Il-kumitat kompetenti tas-Sejm għandu jiġbor il-lista ta’ kandidati billi jeleġġi, minn fost il-kandidati nominati skont il-paragrafi 2 u 3, ħmistax‑il kandidat għall-parteċipazzjoni fil-Kunsill, premess li l-lista tinkludi mill-inqas kandidat wieħed nominat minn kull għaqda tad-deputati li jiffunzjona fi żmien 60 ġurnata mill-ewwel sessjoni tas-Sejm waqt it-terminu parlamentari li fih tinżamm l-elezzjoni, sakemm dan il-kandidat ġie nnominat mill-għaqda skont il-proċedura ta’ nomina msemmija fil-paragrafu 2.

5.   Is-Sejm għandu jeleġġi membri tal-Kunsill għal mandat konġunt ta’ 4 snin fis-sessjoni segwenti tas-Sejm, b’maġġoranza ta’ tlieta minn ħamsa tal-voti mitfugħa fil-preżenza ta’ mill-inqas nofs in-numru legali ta’ deputati, li jivvutaw għal-lista ta’ kandidati msemmija fil-paragrafu 4.

6.   Jekk il-membri tal-Kunsill ma jiġux eletti skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5, is-Sejm għandu jeleġġi membri tal-Kunsill b’maġġoranza assoluta tal-voti mitfugħa fil-preżenza ta’ mill-inqas nofs in-numru legali ta’ deputati, li jivvutaw għal-lista ta’ kandidati msemmija fil-paragrafu 4. […]”

26.

Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ:

“Il-mandat tal-membri tal-[KNĠ] imsemmi fl-Artikolu 187(1)(2) tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, eletti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ sal-aħħar ġurnata qabel il-bidu tal-mandat tal-membri l-ġodda tal-[KNĠ], iżda mhux iktar minn 90 ġurnata mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm ma jkunx spiċċa preċedentement minħabba l-iskadenza tal-mandat.”

27.

L-Ustawa o zmianie ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 1443) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018”) żiedet il-paragrafu 3 mal-Artikolu 35 tal-Liġi dwar il-KNĠ li jipprevedi:

“1.   Jekk iktar minn kandidat wieħed applika għal pożizzjoni ta’ mħallef jew ta’ mħallef stagiaire, il-grupp għandu jiġbor lista ta’ kandidati rrakkomandati.

2.   Fl-istabbiliment tal-ordni tal-kandidati fil-lista, il-grupp l-ewwel għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-evalwazzjoni tal-kwalifiki tal-kandidati, kif ukoll:

(1)

l-esperjenza professjonali, inkluża l-esperjenza fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet legali, produzzjoni akkademika, opinjonijiet mogħtija minn persuni superjuri, rakkomandazzjonijiet, pubblikazzjonijiet u dokumenti oħra mehmuża mal-formola ta’ applikazzjoni;

(2)

l-opinjoni tal-kulleġġ tal-qorti kompetenti u l-evalwazzjoni tal-assemblea ġenerali kompetenti tal-imħallfin.

3.   L-assenza tad-dokumenti msemmija fil-paragrafu 2 ma għandhiex twaqqaf l-istabbiliment ta’ lista ta’ kandidati rrakkomandati.”

28.

Il-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ żiedet l-Artikolu 44(1a), u l-Liġi tal‑20 ta’ Lulju 2018 żiedet l-Artikolu 44(1b), mal-Artikolu 44 tal-Liġi dwar il-KNĠ, liema artikolu jipprevedi:

“1.   Parteċipant fil-proċeduri jista’ jappella lill-Qorti Suprema fuq il-bażi li r-riżoluzzjoni tal-Kunsill hija illegali, sakemm mhux previst mod ieħor f’dispożizzjonijiet separati. […]

1a.   F’każijiet individwali li jikkonċernaw ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema, appell jista’ jiġi ppreżentat quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema. F’dawn il-każijiet, ma huwiex possibbli li jiġi ppreżentat appell quddiem il-Qorti Suprema. Appell quddiem il-Qorti Amministrattiva Suprema ma jistax ikun ibbażat fuq l-allegazzjoni ta’ evalwazzjoni skorretta tal-issodisfar, mill-kandidati, tal-kriterji li jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjoni dwar il-preżentazzjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema.

1b.   Jekk mhux il-parteċipanti fil-proċeduri kollha kkontestaw ir-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 37(1), f’każijiet individwali li jikkonċernaw il-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema, ir-riżoluzzjoni għandha ssir finali, għall-parti li tinkludi d-deċiżjoni għas-sottomissjoni tal-proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-Qorti Suprema u għall-parti li tinkludi d-deċizjoni li ma tiġix sottomessa proposta għall-ħatra għall-kariga ta’ mħallef tal-istess qorti, fil-każ ta’ parteċipanti fil-proċeduri li ma ppreżentawx appell. […]”

4. Il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018

29.

Fis‑17 ta’ Diċembru 2018, il-President tar-Repubblika ffirma l-Ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tal‑21 ta’ Novembru 2018 (Dz. U. tal‑2018, pożizzjoni 2507) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018”) li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2019. Skont l-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, l-Artikolu 37(1a) sa (4) u l-Artikolu 111(1) tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema ġew imħassra, u l-Artikolu 37(1) ta’ din l-istess liġi huwa mibdul fis-sens li huma biss l-imħallfin tal-Qorti Suprema li daħlu fil-kariga bħala mħallfin ta’ din il-qorti wara l-ġurnata tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 għandhom jirtiraw fl-età ta’ 65, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tal-Liġi tal‑2002 dwar il-Qorti Suprema japplikaw għall-imħallfin tal-Qorti Suprema li daħlu fil-kariga qabel dik id-data.

30.

L-Artikolu 2(1) tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jipprevedi:

“Mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, kwalunkwe mħallef tal-Qorti Suprema jew imħallef tal-Qorti Amministrattiva Suprema li rtira skont l-Artikolu 37(1) sa (4) jew tal-Artikolu 111(1) jew (1a) tal-[Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema] huwa reintegrat fil-funzjonijiet li kien jeżerċita fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-[Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema]. It-twettiq tad-dmirijiet ta’ mħallef tal-Qorti Suprema jew ta’ mħallef tal-Qorti Amministrattiva Suprema għandhom jitqiesu li tkomplew mingħajr interruzzjoni.”

31.

L-Artikolu 4 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 jipprevedi wkoll:

“1.   Il-proċeduri li nbdew skont l-Artikoli 37(1) u 111(1) sa (1b) tal-[Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema] u l-proċeduri tal-appell pendenti f’dawn il-każijiet fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jingħalqu.

2.   Proċeduri għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg bħala mħallef tal-Qorti Suprema jew imħallef tal-Qorti Amministrattiva Suprema fuq servizz attiv, fir-rigward tal-imħallfin imsemmija fl-Artikolu 2(1), mibdija u pendenti fid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għandhom jingħalqu. […]”

III. Il-fatti, il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

32.

Il-Kawża C‑585/18 tikkonċerna appell ippreżentat minn A.K., imħallef fil-Qorti Amministrattiva Suprema, kontra l-KNĠ. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, A.K. kien għalaq l-età ta’ 65 sena sat‑3 ta’ Lulju 2018 u ssottometta dikjarazzjoni biex ikompli fil-kariga tiegħu skont l-Artikoli 37 u 111(1) tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema. Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li dawn il-miżuri huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) ( 9 ).

33.

Skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37 tal-Liġi tal-2017 dwar il-Qorti Suprema, il-KNĠ ħareġ riżoluzzjoni, li tesprimi opinjoni negattiva. A.K. ippreżenta appell kontra din ir-riżoluzzjoni, flimkien ma’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħha, quddiem l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali tal-Qorti Suprema. Insostenn għal dan l-appell, A.K. jallega, inter alia, ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol ( 10 ). Fil-kuntest ta’ din tal-aħħar, A.K. jargumenta li huwa ġie ddiskriminat abbażi tal-età.

34.

Il-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 jikkonċernaw rikorsi ppreżentati minn CP u DO, imħallfin tal-Qorti Suprema, kontra l-Qorti Suprema. Skont id-deċiżjonijiet tar-rinviju, dawn l-imħallfin kienu għalqu l-età ta’ 65 sena sat‑3 ta’ Lulju 2018, iżda ma ssottomettewx dikjarazzjonijiet biex ikomplu fil-karigi tagħhom skont l-Artikoli 37 u 111(1) tal‑Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema.

35.

Wara li ġew informati li l-President tar-Repubblika ddikjarahom irtirati mill‑4 ta’ Lulju 2018, CP u DO ppreżentaw rikorsi quddiem l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali tal-Qorti Suprema biex ifittxu dikjarazzjonijiet li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom bħala mħallfin f’servizz attiv ma ġietx mibdula minn dik id-data għal waħda ta’ mħallfin irtirati. Huma fittxew ukoll miżuri provviżorji. Insostenn għal dawn ir-rikorsi, CP u DO jallegaw, inter alia, ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni abbażi tal-età stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 11 ). Hawnhekk, ukoll, CP u DO qegħdin jikkontestaw miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzzja qieset li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) ( 12 ).

36.

L-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali tal-Qorti Suprema (iktar ’il quddiem l-“Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali”), li quddiemha A.K., CP u DO (flimkien, iktar ’il quddiem, ir-“rikorrenti”) ippreżentaw ir-rikorsi tagħhom, qiegħda tagħmel, inter alia, l-osservazzjonijiet segwenti.

37.

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema, l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali ( 13 ) kellha ġurisdizzjoni biex teżamina appelli kontra riżoluzzjonijiet tal-KNĠ, u tilwim li jirriżulta mir-relazzjoni ta’ impjieg tal-imħallfin tal-Qorti Suprema kienu jiġu deċiżi mill-qrati industrijali. Skont is-subparagrafi 2 u 3 tal-Artikolu 27(1) tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema, il-ġurisdizzjoni fuq dawn il-kawżi ġiet ittrasferita lill-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”) ( 14 ). Madankollu, fid-dati li fihom saru d-deċiżjonijiet tar-rinviju, l-ebda mħallef ma kien maħtur għall-Awla Dixxiplinari, jiġifieri fil-fatt ma kinitx teżisti.

38.

Għalhekk, fir-rigward tal-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fid-dawl tal-assenza tal-imħallfin maħtura għall-Awla Dixxiplinari, hija tistax twarrab dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu ġurisdizzjoni lill-Awla Dixxiplinari u tieħu l-ġurisdizzjoni hija stess, minħabba l-bżonn li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tal-litiganti skont id-dritt tal-Unjoni fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ( 15 ). Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li, minħabba li ma hemm l-ebda qorti li tista’ tipprovdi protezzjoni ġuridika fil-kawżi prinċipali, dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn jeskludu l-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali, għandhom jitqiesu bħala inkompatibbli mal-Artikolu 47 tal-Karta u mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78. Hija tindika wkoll li din il-kwistjoni tista’ ssir irrilevanti għaliex, waqt li għaddejja l-kawża prinċipali, bdew jimtlew il-karigi fl-awla li għadha kif ġiet stabbilita tal-Qorti Suprema.

39.

Fi kwalunkwe każ, il-qorti tar-rinviju għandha dubji rigward jekk il-proċedura għall-għażla tal-imħallfin għall-Awla Dixxiplinari toffrix garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza kif rikjest mid-dritt tal-Unjoni, ladarba l-imħallfin għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KNĠ ( 16 ). Hija tindika li l-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ introduċiet mekkaniżmu għall-għażla tal-membri ġudizzjarji tal-KNĠ, li permezz tiegħu dawn il-membri huma magħżula mis-Sejm (il-kamra inferjuri tal-Parlament Pollakk), u mhux iktar mill-imħallfin. Konsegwentement, l-imħallfin tal-Qorti Suprema huma magħżula fil-Polonja minn korp li l-kompożizzjoni tiegħu hija primarjament iddeterminata mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi.

40.

Il-qorti tar-rinviju tiddikjara wkoll li l-elezzjoni tal-membri attwali tal-KNĠ ma hijiex trasparenti, li l-membri ġudizzjarji tal-KNĠ ma humiex rappreżentattivi tal-komunità ġudizzjarja sħiħa, li l-attivitajiet tal-KNĠ juru l-assenza ta’ pożizzjonijiet meħuda favur il-protezzjoni tal-indipendenza tal-Qorti Suprema u l-imħallfin tagħha u, kif intwera mill-proċeduri fil-Kawża C‑585/18, il-prattika tal-KNĠ fit-teħid tad-deċiżjoni dwar talbiet tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li għalqu l-età ta’ 65 sena u li jixtiequ jkomplu bil-karigi tagħhom, tikkonsisti fl-għoti ta’ opinjonijiet negattivi li ma jagħtux raġunijiet suffiċjenti biex jippermettu lill-President tar-Repubblika jifforma opinjoni dwar il-kandidat inkwistjoni.

41.

Fir-rigward tal-proċedura tal-għażla tal-imħallfin maħtura għall-Awla Dixxiplinari, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Qorti Suprema hija eskluża milli tipparteċipa f’dik il-proċedeura u li sal-jum li fih il-karigi kollha fl-Awla Dixxiplinari jimtlew għall-ewwel darba, huma biss l-imħallfin tal-Qorti Suprema magħżula mill-President tar-Repubblika li jistgħu jpoġġu f’din l-awla. Hija ssemmi wkoll, inter alia, li t-termini tal-proċedura ġew mibdula. Skont l-Artikoli 35 u 44 tal-Liġi dwar il-KNĠ, rispettivament, ir-rekwiżit għall-kandidati li jissottomettu ċerti dokumenti li jirrigwardaw il-kwalifiki tagħhom bħala parti minn proċess ta’ stabbiliment ta’ lista ta’ kandidati rrakkomandati ġie abolit, u ġiet introdotta regola li jekk riżoluzzjoni f’każ partikolari li jikkonċerna l-ħatra ta’ mħallef fil-Qorti Suprema ma tiġix appellata mill-parteċipanti kollha fil-proċedura, il-parti tar-riżoluzzjoni li tikkonċerna d-deċiżjoni li titressaq mozzjoni għall-ħatra ta’ mħallef fil-Qorti Suprema ssir valida. Il-qorti tar-rinviju tiddikjara li dan, għaldaqstant, jipprekludi stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Iktar minn hekk, hija tqis li l-kandidati tal-KNĠ irrakkomandati għall-Awla Dixxiplinari jinkludu persuni konnessi mal-awtoritajiet politiċi.

42.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-indipendenza previsti fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk tistax twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekluduha milli jkollha ġurisdizzjoni fit-tilwim ( 17 ). Fir-rigward tal-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex tiżgura l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni ġenerali tal-Awla tad-Dritt Industrijali u Sigurtà Soċjali f’każijiet industrijali li jinvolvu diskriminazzjoni tintitolaha tisma’ r-rikorsi fil-kawżi prinċipali li jinvolvu talbiet abbażi ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età skont id-Direttiva 2000/78 ( 18 ).

43.

Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), fil-Kawża C‑585/18, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri, u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati (Krajowa Rada Sądownictwa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura) u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

(2)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-[Karta tad-Drittijiet Fundamentali], għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?”

44.

Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, ukoll iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri, u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“(1)

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), moqri flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-[Direttiva 2000/78/KE], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru tiġi adita b’appell (azzjoni) ibbażat fuq aggravju mislut mill-ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età fir-rigward ta’ mħallef ta’ din l-istess qorti, flimkien ma’ talba għal miżuri kawtelatorji, din il-qorti jkollha – sabiex tiżgura, billi tapplika miżura provviżorja prevista mid-dritt nazzjonali, il-protezzjoni tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni – tirrifjuta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-kompetenza, fil-kawża li fiha ġie ppreżentat l-appell, lil awla ta’ din il-qorti li ma tiffunzjonax minħabba n-nuqqas ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fiha?

(2)

Fil-każ ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fl-awla kompetenti, fid-dawl tad-dritt nazzjonali, sabiex tittieħed konjizzjoni tal-appell hekk ippreżentat, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati ([in-NKĠ]) u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

(3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

45.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza.

46.

Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Novembru 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ t-talbiet tal-qorti tar-rinviju sabiex tiġi segwita l-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“Istatut”) u l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ).

47.

Osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-domandi preliminari f’dawn il-kawżi ġew ippreżentati mill-Prokurator Generalny zastępowany przez Prokuraturę Krajową (il-Prosekutur Ġenerali rrappreżentat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Prosekutur, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“Prosekutur Ġenerali”), mir-Repubblika tal-Latvja, mir-Repubblika tal-Polonja, mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mill-Kummissjoni Ewropea.

48.

Bl-eċċezzjoni tar-Repubblika tal-Latvja, dawn il-partijiet, kif ukoll ir-rikorrenti, ippreżentaw argument orali fis-seduta li nżammet fid‑19 ta’ Marzu 2019 (iktar ’il quddiem l-“ewwel parti tas-seduta”).

49.

Fl-ewwel parti tas-seduta, il-Prosekutur Ġenerali talab ir-rikuża tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Imħallef Koen Lenaerts, minn dawn il-kawżi. B’deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja, ippresjeduta mill-Viċi President, ċaħdet din it-talba.

50.

Permezz ta’ ittra ddatata t‑28 ta’ Marzu 2019, il-KNĠ, li ma kienx ipparteċipa fl-ewwel parti tas-seduta, talab li tinżamm seduta oħra. Fl-10 ta’ April 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tkompli s-seduta fil-kawżi preżenti b’mod partikolari sabiex tippermetti lill-KNĠ jippreżenta l-argumenti orali tiegħu.

51.

Il-KNĠ u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), bħala partijiet fil-proċeduri, flimkien mar-rikorenti, il-Prosekutur Ġenerali, ir-Repubblika tal-Polonja, l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u l-Kummissjoni Ewropea, ippreżentaw argument orali fis-seduta li nżammet fl‑14 ta’ Mejju 2019 (iktar ’il quddiem “it-tieni parti seduta”) ( 20 ).

V. Sommarju tal-osservazzjonijiet tal-partijiet

A.   L-oġġezzjonijiet proċedurali

52.

Il-Prokurator Bożena Górecka u r-Repubblika tal-Polonja jargumentaw li d-domandi preliminari huma inammissibbli għaliex ma għadx għandhom skop minħabba l-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018. Permezz ta’ din il-liġi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk li jinsabu fil-qalba tat-tilwim fil-kawżi prinċipali ġew imħassra u dan it-tilwim waqaf jeżisti ( 21 ). Il-Polonja tenfasizza wkoll li l-proċeduri huma nulli skont id-dritt Pollakk, minħabba li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari skont l-Artikoli 27 u 79 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema.

53.

Il-Polonja u l-Kummissjoni jissottomettu wkoll li ma huwiex neċessarju għall-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għall-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, minħabba li l-imħallfin ġew maħtura għall-Awla Dixxiplinari u din l-awla issa qiegħda teżerċita funzjonijiet ġudizzjarji.

54.

Il-Prosekutur Ġenerali u l-Polonja wkoll isostnu li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali ma tikkonċernax id-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, il-Prosekutur Ġenerali jenfasizza li l-Artikolu 19(1) TUE ma jagħtix il-kompetenza lill-Unjoni rigward il-funzjonament ta’ kunsilli ġudizzjarji, u l-kawżi preżenti huma differenti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Associação Sindical dos Juízes Portugueses ( 22 ). Fil-fehma tal-Prosekutur Ġenerali, l-Artikolu 47 tal-Karta ma jistax jikkostitwixxi l-bażi għall-istandards vinkolanti fuq il-Polonja, minħabba li l-leġiżlazzjoni Pollakka inkwistjoni dwar il-Qorti Suprema u l-KNĠ ma tirriżultax f’inċidenza ta’ implimentazzjoni ta’ dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Skont il-Prosekutur Ġenerali, hemm ukoll kunflitt mal-Artikolu 1(1) tal-Protokoll (Nru 30) dwar l-Applikazzjoni tal-Karta dwar id-drittijiet fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea għall-Polonja u għar-Renju Unit ( 23 ).

55.

Ir-rikorrenti u s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jargumentaw li d-domandi preliminari baqgħu neċessarji, minħabba li l-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 ma tindirizzax il-kwistjonijiet li jridu jiġu deċiżi. Skont is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Artikolu 4 ta’ din il-liġi ma jirriżultax awtomatikament fit-twaqqif tat-tilwim, u l-qorti tar-rinviju hija l-awla kompetenti ratione materiae fil-kawżi prinċipali.

56.

Il-Kummissjoni ssostni li d-domandi preliminari, apparti mill-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, huma neċessarji għall-qorti tar-rinviju biex tiddeċiedi dwar kwistjoni preliminari (quaestio in limine litis) rigward id-determinazzjoni tal-awla kompetenti tal-Qorti Suprema biex tiġġudika t-tilwim. Fil-fehma tagħha, il-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 ma taffettwax ir-risposta għad-domandi preliminari, il-ġurisprudenza li invokat il-Polonja hija differenti minn dik ta’ dawn il-kawżi, u leġiżlatur nazzjonali ma jistax jinterferixxi mal-mekkaniżmu tad-domanda preliminari.

57.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali, li fiha r-rikorrenti qegħdin jitolbu d-drittijiet rigward diskriminazzjoni abbażi tal-età skont id-Direttiva 2000/78, taqa’ fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u l-Artikolu 47 tal-Karta huwa applikabbli wkoll fuq din il-bażi.

B.   Fuq il-mertu

1. L-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u l-assenza ta’ funzjonament fil-prattika tal-Awla Dixxiplinari

58.

Għall-Polonja din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva. Fil-fehma tagħha, id-drittijiet tar-rikorrenti ma ġewx miksura u d-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirriżervaw il-ġurisdizzjoni għall-Awla Dixxiplinari twassal għal sitwazzjoni fejn l-ebda waħda mill-awli tal-Qorti Suprema ma għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ t-tilwim. Hija ssostni wkoll, inter alia, li l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 ma jgħinux lir-rikorrenti f’aġir li jmur kontra l-liġi kostituzzjonali Pollakka.

59.

Il-Latvja u l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA jipproponu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprovdi risposta affermattiva għal din id-domanda. Skont l-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA, fejn qorti b’ġurisdizzjoni esklużiva dwar kwistjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE ma tkunx għadha tiffunzjona, de facto ma hemm l-ebda qorti biex tisma’ l-każ; dan jammonta għal rifjut tad-dritt għall-aċċess ġudizzjarju u l-qorti tar-rinviju hija obbligata skont id-dritt tal-Unjoni biex twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkonċernati u tiddikjara ġurisdizzjoni biex tiżgura li t-talbiet tal-Unjoni jiġu aġġudikati ( 24 ).

2. L-ewwel domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari

60.

Ir-rikorrenti jissottomettu li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax il-kriterji neċessarji biex tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u d-dritt għal tribunal indipendenti u imparzjali skont l-Artikolu 47 tal-Karta, minħabba li l-KNĠ ġie maħtur b’mod li jagħmlu dipendenti fuq l-awtoritajiet politiċi. Fil-fehma tagħhom, l-għażla tal-imħallfin mill-KNĠ tqajjem dubji serji dwar l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin li tikkomprometti l-fiduċja taċ-ċittadini fil-ġudikatura. Huma jikkunsidraw ukoll li l-kunċett ta’ indipendenza għandu jiġi interpretat skont il-kuntest tiegħu; madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza ta’ “qorti jew tribunal” skont l-Artikolu 267 TFUE ma hijiex ta’ importanza deċiżiva.

61.

B’mod paritkolari, ir-rikorrenti jidentifikaw tliet elementi li jagħtu l-impressjoni li l-KNĠ huwa dipendenti fuq l-awtoritajiet politiċi. L-ewwel nett, l-imħallfin eliġibbli sabiex jinħatru mill-President tar-Repubblika għall-Awla Dixxiplinari ġew magħżula mill-KNĠ wara t-terminazzjoni prematura tal-mandati tal-membri tal-KNĠ preċedenti li huma jgħidu li dan seħħ bi ksur tal-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka li jagħti mandat ta’ erba’ snin ( 25 ). It-tieni nett, huma jindikaw li l‑ħmistax‑il membru ġudizzjarju huma maħtura mis-Sejm, u mhux mill-imħallfin, kuntrarjament għal-linji gwida Ewropej ( 26 ), bir-riżultat li tlieta u għoxrin minn ħamsa u għoxrin membru tal-KNĠ ġejjin mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi. It-tielet nett, huma jenfasizzaw li r-riforma tal-KNĠ ġiet introdotta b’mod parallel ma’ riformi oħra tal-ġudikatura Pollakka li wasslu, inter alia, għall-bidu tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 7(1) TUE kontra l-Polonja ( 27 ) u s-sospensjoni tal-KNĠ min-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura ( 28 ). Huma jikkritikaw ukoll argumenti bbażati fuq soluzzjonijiet adottati fi Stati Membri oħra, għaliex is-sitwazzjoni fil-Polonja hija differenti meta wieħed jieħu dawn it-tliet elementi inkunsiderazzjoni.

62.

Il-KNĠ jargumenta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiġi ggwidata mill-fatti, mhux minn impressjonijiet, u li l-Awla Dixxiplinari tissodisfa l-kriterji, inkluża l-indipendenza, fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE. Fil-fehma tiegħu, il-KNĠ ma jinfluwenzax l-Awla Dixxiplinari, minħabba li kwalunkwe rabta bejn iż-żewġ korpi tispiċċa meta l-KNĠ jirrakkomanda kandidati speċifiċi. Huwa jasserixxi wkoll li l-leġiżlazzjoni Pollakka dwar il-KNĠ ittejjeb ir-rappreżentattività tal-membri ġudizzjarji u tippermetti lil gruppi ta’ mħallfin jissottomettu l-kandidaturi tagħhom.

63.

Il-Prosekutur Ġenerali jissottometti li t-tibdiliet fil-mod ta’ ħatra tal-membri tal-KNĠ u l-għażla tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari ma jipperikolawx l-indipendenza tal-ġudikatura Pollakka. Il-Prosekutur Ġenerali jenfasizza, inter alia, li l-ħatra, mis-Sejm, tal-membri ġudizzjarji tal-KNĠ tippromwovi diversi prinċipji kostituzzjonali, flimkien mal-leġittimità demokratika. Skont il-Prosekutur Ġenerali, il-KNĠ ma huwiex korp ġudizzjarju fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 173 tal-Kostituzzjoni Pollakka, u għalhekk il-leġiżlazzjoni Pollakka dwar il-KNĠ ma tiksirx l-indipendenza ġudizzjarja u, barra minn hekk, dik il‑leġiżlazzjoni tiggarantixxi l-imparzjalità tal-attivitajiet tal-KNĠ. B’mod partikolari, il-Prosekutur Ġenerali stqarr fl-ewwel parti tas-seduta li l-Artikolu 44(1b) tal-Liġi dwar il-KNĠ jistabbilixxi sistema effettiva li tippermetti lil kandidati ġudizzjarji li ġew miċħuda jappellaw, filwaqt li ma twaqqafx il-proċedura ta’ għażla għal karigi vakanti.

64.

Il-Prosekutur Ġenerali jissottometti wkoll li s-soluzzjonijiet adottati fil-Polonja huma simili għal dawk fi Stati Membri oħra, u li ma għandux ikun hemm żewġ piżijiet u żewġ miżuri fost Stati Membri. Il-Prosekutur Ġenerali jenfasizza li l-Awla Dixxiplinari għandha appoġġ wiesa’ fis-soċjetà Pollakka, u li hemm garanziji fid-dritt Pollakk biex l-indipendenza tagħha tiġi żgurata. Fl-ewwel parti tas-seduta l-Prosekutur Ġenerali indika wkoll, b’riferiment għall-Artikolu 131 tal-Liġi tal-2017 dwar il-Qorti Suprema, li l-President tar-Repubblika jaħtar l-imħallfin ġodda sabiex jimla l-karigi tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema għall-ewwel darba, peress li l-ħatra ta’ mħallef għall-Qorti Suprema hija marbuta ma’ pożizzjoni f’awla speċifika u għaldaqstant ma huwiex possibbli li jiġi maħtur imħallef li huwa membru f’awla oħra ta’ dik il-qorti, sakemm dak l-imħallef ma jirriżenjax.

65.

Il-Latvja hija tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti risposta fin-negattiv għal din id-domanda. Hija tenfasizza li l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin ma hijiex għan finali fih innifsu, iżda strument sabiex id-demokrazija u l-istat tad-dritt jiġu żgurati u msaħħa, kif ukoll kundizzjoni minn qabel għad-dritt għal smigħ ġust, kif rikonoxxut, inter alia, fil-liġi Latvjana ( 29 )

66.

Il-Polonja targumenta li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, l-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 2 TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati bħala li l-indipendenza ta’ mħallef ta’ qorti nazzjonali ma hija affettwata bl-ebda mod bil-ħatra tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura nazzjonali li tinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ kunsill ġudizzjarju, li l-istabbiliment tiegħu jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fehma tagħha, il-proċedura għall-għażla ta’ mħallfin għall-Qorti Suprema fil-Polonja, inkluża l-Awla Dixxiplinari, hija konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza skont l-Artikolu 267 TFUE ( 30 ). Kif hija enfasizzat fl-ewwel u fit-tieni partijiet tas-seduta, l-istandards tal-indipendenza skont l-Artikolu 267 TFUE ma għandhomx jiġu interpretati b’mod differenti minn dawk skont l-Artkolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, u minħabba li l-KNĠ ma huwiex qorti, ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja ma japplikawx għalih.

67.

Skont il-Polonja, l-imħallfin fil-Polonja, inklużi dawk tal-Awla Dixxiplinari, huma maħtura mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-KNĠ, għal żmien indefinit; fl-eżerċizzju tal-prerogattiva kostituzzjonali tiegħu li jaħtar l-imħallfin, il-President tar-Repubblika ma huwiex marbut mill-opinjoni tal-KNĠ, u jaġixxi skont il-Kostituzzjoni Pollakka ( 31 ). Din il-proċedura, fil-fehma tagħha, ma hijiex differenti minn dik fi Stati Membri oħra, flimkien mal-qrati tal-Unjoni, fejn il-parteċipazzjoni tar-rappreżentattivi ġudizzjarji hija limitata, u l-fatt li l-imħallfin huma magħżula mill-KNĠ li huwa kompost minn imħallfin u politiċi ma għandux jaffettwa l-indipendenza tal-imħallfin maħtura mill-President tar-Repubblika. Hija ssostni wkoll li l-indipendenza tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari tirriżulta minn sistema elaborata ta’ garanziji, marbuta b’mod partikolari mal-ħatra tagħhom għal żmien illimitat, l-irremovabbiltà, l-immunità, l-obbligi li jibqgħu apolitiċi u li jastjenu minn attivitajiet professjonali, u r-remunerazzjoni tagħhom.

68.

Il-Polonja targumenta wkoll, inter alia, li l-elezzjoni tal‑ħmistax‑il membru ġudizzjarju tal-KNĠ mis-Sejm issaħħaħ il-leġittimità demokratika u r-rappreżentattività tal-KNĠ, u s-sentenza tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) tal‑25 ta’ Marzu 2019 (K 12/18) eskludiet id-dubji dwar il-konformità tagħha mal-Kostituzzjoni Pollakka. Hija indikat ukoll fl-ewwel parti tas-seduta li l-mandati preċedenti tal-KNĠ ġew imqassra minħabba l-metodu l-ġdid ta’ għażla tal-membri ġudizzjarji u l-bżonn li l-mandati tagħhom jiġu unifikati, u fil-prattika, ħafna termini ġew imqassra b’ammont żgħir ta’ żmien.

69.

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA tissottometti li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE. B’mod partikolari hija tasserixxi li l-Istati għandhom jorganizzaw is-sistemi ġudizzjarji tagħhom f’konformità mad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE, u għandu jittieħed inkunsiderazzjoni prinċipju ta’ nuqqas ta’ rigressjoni tal-indipendenza ġudizzjarja, kif rifless fid-dritt tal-Unjoni u fil-linji gwida Ewropej ( 32 ). Fil-fehma tagħha, li tinbidel il-kompożizzjoni tal-korp inkarigat mill-għażla tal-imħallfin sabiex jiġi kompost minn maġġoranza ta’ membri appuntati mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi toħloq rabta ma’ dawn l-awtoritajiet li probabbilment tikkomprometti l-indipendenza tal-imħallfin maħtura skont din il-proċedura. Skont l-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA, dan huwa speċjalment il-każ meta l-bidla fil-membri tkun parti minn tibdil iktar wiesa’ li jdgħajjef l-indipendenza tal-ġudikatura, u s-sempliċi dehra ta’ suxxettibbiltà għal influwenza esterna riżultanti minn dawn iċ-ċirkustanzi tikkomprometti l-kunfidenza tal-pubbliku fil-qrati ( 33 ).

70.

Il-Kummissjoni ssostni li r-rekwiżiti tal-indipendenza u l-imparzjalità skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati bħala li korp ġudizzjarju bħall-Awla Dixxiplinari, li huwa stabbilit fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali u huwa kompetenti biex jaġġudika tilwim dwar l-istatus tal-imħallfin, ma jissodisfax dawn ir-rekwiżiti ( 34 ). Fil-fehma tagħha, l-Artikolu 267 TFUE ma huwiex rilevanti, minħabba li l-kwalifika ta’ korp bħala “qorti jew tribunal” ma hijiex inkwistjoni hawnhekk.

71.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li fil-prinċipju l-involviment ta’ korp politiku fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ma huwiex probabbli li fih innifsu jaffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-imħallfin maħtura ( 35 ). Madankollu, hija tindika li d-dehra tal-indipendenza u l-imparzjalità hija waħda mill-komponenti tal-indipendenza ġudizzjarja ( 36 ). F’dawn il-kawżi, hija tissottometti li diversi elementi kkunsidrati flimkien jipproduċu “ksur strutturali”, jiġifieri, nuqqas ta’ kontinwità strutturali riżultanti minn pluralità ta’ tibdiliet leġiżlattivi introdotti fl-istess ħin fil-Polonja, bir-riżultat li ma huwiex possibbli jitneħħa kwalunkwe dubju leġittimu fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari għal fatturi esterni u n-newtralità tagħha għal interessi kunfliġġenti.

72.

Skont il-Kummissjoni, dawn l-elementi jinkludu, l-ewwel nett, li l-Awla Dixxiplinari ġiet maħluqa ex nihilo bi status separat mill-awli l-oħra tal-Qorti Suprema; it-tieni nett, li sal-mument li fih il-karigi kollha fl-Awla Dixxiplinari jimtlew għall-ewwel darba, huma biss l-imħallfin maħtura mill-President tar-Repubblika li jistgħu jikkomponu l-Awla Dixxiplinari; it-tielet nett, li hija parti minn pakkett leġiżlattiv dwar ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja, u r-raba’ nett, li din l-awla hija kompetenti biex taġġudika tilwim li jikkonċerna l-istatus tal-imħallfin, inkluż l-irtirar tagħhom u d-deċiżjonijiet fi proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin, aspetti li ġew sostanzjalment emendati minn dan il-pakkett. Fil-fehma tagħha, it-tibdiliet fil-kompożizzjoni tal-KNĠ jikkontribwixxu għal dan il-ksur strutturali, u s-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2019 (K 12/18) tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) hija irrilevanti għall-evalwazzjoni tal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari skont id-dritt tal-Unjoni.

3. It-tieni domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni minħabba li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex qorti indipendenti

73.

Ir-rikorrenti jissottomettu li l-qorti tar-rinviju għandha tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod li jagħti lir-rikorrenti l-opportunità li jkollhom il-kawżi tagħhom eżaminati minn qorti kompetenti.

74.

L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA ssostni li huwa kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE li kwistjoni li tikkonċerna dan id-dritt titħalla biex tiġi deċiża minn qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza stabbiliti mill-Qrati Ewropej. Għalhekk, fil-fehma tagħha, anki jekk id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni f’sitwazzjoni fejn il-qorti kompetenti ma tikkwalifikax bħala qorti indipendenti skont id-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE tista’ tmur lil hinn mill-mili ta’ lakuna proċedurali, din tista’ tiġi ġġustifikata bħala soluzzjoni temporanja fejn hija imperattiva għall-protezzjoni tad-drittijiet mogħtija skont id-dritt tal-Unjoni u taż-ŻEE ( 37 ).

75.

Il-Kummissjoni targumenta li s-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ li d-dispożizzjonijiet nazzjonali, li jagħtu l-ġurisdizzjoni f’kawża li tinvolvi d-dritt tal-Unjoni lil qorti li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u imparzjalità skont l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta, jibqgħu inapplikabbli. Hija tikkunsidra li, fid-dawl tal-importanza tal-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja, il-qorti tar-rinviju għandha twarrab dispożizzjonijiet nazzjonali li hija tikkunsidra kuntrarji għal dan il-prinċipju ( 38 ).

VI. L-Analiżi

A.   Ħarsa ġenerali lejn l-approċċ

76.

Jiena wasalt għall-konklużjoni li r-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati bħala li awla ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, bħall-Awla Dixxiplinari, li hija stabbilita fiċ-ċirkustanzi prevalenti fil-kawżi prinċipali, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti. L-approċċ li ser nuża biex nasal għal din il-konklużjoni huwa s-segwenti.

77.

Kif spjegat hawn isfel fil-punt 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jiena wasalt għall-fehma li s-sitwazzjoni li tirriżulta mill-kawżi prinċipali hija waħda fejn Stat Membru qiegħed jimplimenta l-Artikolu 47 tal-Karta fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tiegħu. Għalhekk, strettament, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk kienx hemm ukoll ksur b’mod iktar wiesa’ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. B’dan premess, ser inwettaq evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE fit-Taqsima D.4 ta’ dawn il-konklużjonijiet, konxju mill-fatt li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-garanzija ta’ indipendenza ġudizzjarja inerenti għalih huma espressjoni konkreta tal-valur fundamentali tal-istat tad-dritt sanċit fl-Artikolu 2 TUE ( 39 ).

78.

Qiegħed nieħu dan l-approċċ għall-analiżi tiegħi għaliex, kif indikat fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18), bħala prinċipju “dgħufija strutturali li tinvolvi addizzjonalment l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għandha tkun iddeterminata miż-żewġ dispożizzjonijiet” ( 40 ).

79.

Fl-aħħar nett, analiżi tal-protezzjoni mogħtija mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE hija wkoll iġġustifikata mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae wiesa’ li l-Qorti tal-Ġustizzja tat lil din id-dispożizzjoni (ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet)..

80.

Ir-raġunament tiegħi ser jiġi ddettaljat iktar ’l isfel fit-Taqsimiet C, D u E ta’ dawn il-konklużjonijiet, iżda l-ewwel nett ser neżamina l-oġġezzjonijiet proċedurali mressqa mill-partijiet f’dawn il-kawżi fit-Taqsima B.

B.   Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

81.

Qiegħed nosserva li ġew imressqa żewġ oġġezzjonijiet proċedurali f’dawn il-kawżi, l-ewwel waħda essenzjalment tallega li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u t-tieni waħda tallega li d-domandi preliminari ma għadx għandhom skop. It-tnejn jidhru li jirrigwardaw il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li l-oġġezzjonijiet tressqu bħala marbuta mal-ammissibbiltà tar-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari ( 41 ).

1. Is-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

82.

Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni tal-kawżi prinċipali taqa’ b’mod ċar fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

83.

Ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali qegħdin jallegaw ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, kif protetta mid-Direttiva 2000/78. Sabiex ifittxu l-eżekuzzjoni ta’ din it-talba, huma intitolati jaċċessaw tribunal indipendenti skont l-Artikolu 47 tal-Karta ( 42 ).

84.

Dan huwa każ tipiku ta’ sitwazzjoni li hija “rregolata” mid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 43 ). Hemm rabta relatata mas-suġġett bejn is-sitwazzjoni riżultanti skont id-dritt tal-Istat Membru u l-miżura tal-Unjoni invokata ( 44 ). Minħabba li l-użu ta’ tribunal indipendenti qiegħed jiġi mfittex biex jiġi żgurat il-kuntest tal-eżekuzzjoni tad-Direttiva 2000/78, u b’mod iktar speċifiku d-dritt li persuna ma tiġix iddiskriminata abbażi tal-età li jinsab protett fiha, il-kawżi prinċipali jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha Stat Membru qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta ( 45 ) Konsegwentement, il-kawżi prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47 tal-Karta.

85.

Għaldaqstant, il-parti prinċipali tal-analiżi tiegħi ser inwettaqha abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta. Madankollu, kif spjegajt fil-punti 93 sa 101 tal-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18) ( 46 ), peress li l-Artikolu 47 tal-karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom sorsi legali komuni, u huma delimitati mill-ambjent iktar wiesa’ ta’ prinċipji ġenerali td-dritt tal-Unjoni, hemm “rabta kostituzzjonali” bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet, u l-ġurisprudenza li tikkonċernahom inevitabbilment tikkoinċidi ( 47 ). Huwa fuq din il-ġurisprudenza li tikkoinċidi li ser nibbaża ruħi fl-analiżi tiegħi.

86.

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

87.

Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) ( 48 ), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fir-rigweard tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dik id-dispożizzjoni tirreferi għall-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, irrispettivament minn jekk l-Istati Membri jkunux qegħdin jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant, ladarba korp, bħas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jista’ jintalab jiddeċiedi dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, bħala “qorti jew tribunal” iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, ikun jaqa’ fi ħdan is-sistema ġudizzjarja tal-Istat Membru fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat huwa obbligat, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jiżgura li tali korp jissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż ir-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja li huwa inerenti fil-kompitu tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u li jagħmel parti mill-“essenza” tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

88.

Finalment, kif stabbilit mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’N.S et ( 49 ), il-Protokoll Nru 30 ma jiddubitax l-applikabbiltà tal-Karta fil-Polonja, jiġifieri l-Artikolu 47 tagħha ma huwiex prekluż fil-kawżi prinċipali. Barra minn hekk, il-Protokoll Nru 30 jirrigwarda l-Karta u ma jinludix l-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn huwa applikabbli ( 50 ) Għaldaqstant, jiena neskludih mill-analiżi tiegħi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li jidher hawn isfel, fit-Taqsima D.4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

89.

Fid-dawl ta’ dan, l-oġġezzjoni proċedurali li tallega li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandha tiġi miċħuda.

2. Il-bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni

90.

Fil-fehma tiegħi, apparti l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u l-assenza ta’ funzjonament fil-prattika tal-Awla Dixxiplinari, id-domandi preliminari għad għandhom skop.

91.

Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mill-formulazzjoni kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-proċedura għal deċiżjoni preliminari tippreżupponi li effettivament ikun hemm tilwima pendenti quddiem il-qrati nazzjonali, li fil-kuntest tagħha l-qorti tar-rinviju tkun imsejħa tagħti deċiżjoni li tkun kapaċi tieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 51 ). Il-ġustifikazzjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari ma hijiex li dan jippermetti l-formulazzjoni ta’ opinjonijiet konsultattivi fuq domandi ġenerali jew ipotetiċi, iżda l-ħtieġa inerenti tiegħu għas-soluzzjoni effettiva ta’ kawża ( 52 ). Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja tibbaża kemm jista’ jkun fuq l-evalwazzjoni tal-qorti nazzjonali dwar il-portata tan-neċessità tad-domandi preliminari, hija għandha tkun kapaċi tagħmel kwalunkwe evalwazzjoni intrinsika għat-twettiq tal-obbligi tagħha stess, b’mod partikolari biex tiddetermina għandhiex ġurisdizzjoni ( 53 ).

92.

Konsegwentement, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li domanda preliminari ma jkunx għad għandha skop u għalhekk ma jibqax iktar bżonn li hija tagħti deċiżjoni ( 54 ) b’mod ġenerali fejn, waqt il-proċedura, ikun hemm qafas legali u/jew fattwali mibdul marbut mas-sustanza tad-domandi preliminari, bħal meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma tibqax tapplika jew fejn it-talbiet tar-rikorrent ikunu ġew deċiżi, bir-riżultat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi ma tibqax neċessarja biex tippermetti lill-qorti tar-rinviju tagħti sentenza fil-kawżi prinċipali ( 55 ).

93.

Minn dan isegwi li, f’dawn il-kawżi, jiena naqbel mal-Polonja u mal-Kummissjoni li l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 ma għadx għandha skop minħabba li l-qafas fattwali li jifforma l-bażi ta’ din id-domanda nbidel. Ma huwiex ikkontestat li, wara d-deċiżjonijiet tar-rinviju tal-qorti tar-rinviju, l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari ġew maħtura mill-President tar-Repubblika fl‑20 ta’ Settembru 2018, u l-Awla Dixxiplinari qiegħda tiffunzjona u qiegħda teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha. Qiegħed nindika wkoll li l-qorti tar-rinviju osservat li din id-domanda tista’ ssir irrilevanti fuq tali bażi (ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

94.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tikkonstata li ma huwiex iktar neċessarju li tirrispondi l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, minħabba li r-risposta tagħha għal dawn id-domandi hija superfluwa. Ser nenfasizza, madankollu, li dan bl-ebda mod ma jippreġudika l-awtorità tal-qorti tar-rinviju li tiddikjara ġurisdizzjoni fil-kawżi prinċipali fuq il-bażi tar-risposta tiegħi għat-tieni domanda fil-Kawża C‑585/18 u għat-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni li għandha neċessarjament issegwi għall-qorti tar-rinviju mill-konklużjoni tiegħi li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex tribunal indipendenti (ara t-Taqsima E ta’ dawn il-konklużjonijiet).

95.

Madankollu, id-domandi l-oħra magħmula mill-qorti tar-rinviju – l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 – għad għandhom skop.

96.

F’dan ir-rigward, b’deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, saret talba lill-qorti tar-rinviju, li permezz tagħha ġiet mistoqsija jekk fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 u s-sottomissjonijiet tal-Polonja li din il-liġi ser ikollha l-konsegwenza li ma jkunx hemm iktar bżonn għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dawn il-kawżi, hija kinitx tikkunsidra li r-risposta għad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dawn il-kawżi baqgħetx neċessarja sabiex tippermettilha tagħti s-sentenzi tagħha fil-kawżi prinċipali.

97.

Fir-risposta tagħha tal‑25 ta’ Jannar 2019 għal din it-talba, il-qorti tar-rinviju kkonfermat li risposta għad-domandi preliminari għadha neċessarja sabiex tippermettilha tagħti deċiżjoni. B’mod partikolari, hija indikat, l-ewwel nett, li dawn id-domandi jikkonċernaw problemi li ma humiex indirizzati bil-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, it-tieni nett li din il-liġi ma tirrevokax ex tunc id-dispożizzjonijiet nazzjonali kkontestati u l-effetti legali tagħhom, u t-tielet nett, li l-Artikolu 4 ta’ din l-istess liġi jirrestrinġi l-possibbiltà li jinkisbu risposti għad-domandi preliminari u ma jistax jintuża bħala bażi legali għall-għeluq tal-proċeduri.

98.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mfittxija mill-qorti tar-rinviju ma hijiex neċessarja sabiex tintlaħaq soluzzjoni għat-tilwim li għandha quddiemha. Kif ikkonfermat mir-risposta tal-qorti tar-rinviju, hemm tilwim ġenwin pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, li ma jistax jiġi ddubitat mill-partijiet fil-kawżi prinċipali ( 56 ), u r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja ser tgħin lill-qorti tar-rinviju tiddetermina l-qorti kompetenti għall-aġġudikazzjoni ta’ dan it-tilwim ( 57 ).

99.

Iktar minn hekk, qiegħed nindika li l-ġurisprudenza invokata mir-Repubblika tal-Polonja (ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet) tista’ tiġi distinta minn dawn il-kawżi. F’din il-ġurisprudenza, it-tibdil rilevanti affettwa s-sustanza tad-domandi preliminari ( 58 ). Hawnhekk, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma humiex riżolti mil-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018, għaliex din il-liġi ma tikkonċernax ir-regoli li jirregolaw l-Awla Dixxiplinari jew il-kompożizzjoni tal-KNĠ. Fi kliem ieħor, dawn ir-regoli għadhom fis-seħħ.

100.

Rigward l-effetti allegati tal-Artikoli 2 u 4 tal-Liġi tal‑21 ta’ Novembru 2018 dwar it-tilwim fil-kawżi prinċipali, għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddeċiedi dwar kwistjonijiet ta’ dritt nazzjonali, u lanqas ma għandha tiddetermina jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ttiħditx konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni tal-qrati u l-proċedura tagħhom ( 59 ). Il-qrati nazzjonali tal-aħħar istanza, bħal fil-każ tal-qorti tar-rinviju, huma fil-prinċipju marbuta skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE li jagħmlu domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u d-dispożizzjonijiet nazzjonali ma jistgħux ixekklu dan l-obbligu ( 60 ).

101.

Għar-raġunijiet preċedenti, hemm bżonn li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar l-ewwel u t-tieni domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tieni u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18, u l-oġġezzjoni proċedurali li tallega li dawn id-domandi ma għadx għandhom skop għandha tiġi miċħuda.

C.   L-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u l-assenza ta’ funzjonament fil-prattika tal-Awla Dixxiplinari

102.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma tadottax l-analiżi tiegħi li din id-domanda ma għadx għandha skop, l-osservazzjonijiet li jsegwu huma intiżi li jirrispondu fil-qosor u sussidjarjament din id-domanda.

103.

Din id-domanda essenzjalment tikkonċerna jekk id-dritt tal-Unjoni jagħtix lill-qorti tar-rinviju l-awtorità fil-kawżi prinċipali meta, fil-punt li r-rikorrenti fittxew li jeżegwixxu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont id-Direttiva 2000/78, il-qorti inkarigata biex teżegwixxi dawn id-drittijiet kienet għadha ma ġietx stabbilita fil-prattika.

104.

Ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv għar-raġunijiet segwenti.

105.

L-ewwel nett, fis-sentenza Unibet ( 61 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri huma obbligati biss li joħolqu rimedji legali skont id-dritt nazzjonali biex individwi jeżegwixxu d-drittijiet tad-dritt tal-Unjoni fejn dawn ma jeżistux. Ma jidhirx li huwa kkontestat li din kienet is-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali, minħabba li l-Awla Dixxiplinari ma kinitx qiegħda tiffunzjona minħabba l-fatt li l-imħallfin ma kinux għadhom ġew maħtura. Il-qorti tar-rinviju inkwadrat din il-problema b’riferiment għall-obbligu impost fuq il-qrati nazzjonali skont il-ġurisprudenza li jwarrbu dispożizzjonijiet nazzjonali li ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni sabiex jiżguraw l-effett utli sħiħ tiegħu ( 62 ). Biżżejjed jingħad li dan l-imperattiv iservi biex tiġi enfasizzata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Unibet.

106.

Iktar minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta, kif sostnut mill-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 ( 63 ), jiggarantixxi d-dritt ta’ aċċess għall-qrati ( 64 ). Billi tisma’ r-rikorsi ppreżentati mir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju qiegħda tiggarantixxi dan l-aċċess.

D.   L-ewwel domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tieni domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari

1. Funzjonament tal-Artikolu 47 tal-Karta

107.

Kif spjegajt hawn fuq, is-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali hija waħda fejn Stat Membru qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u għaldaqstant ser jiġi evalwat b’riferiment għall-Artikolu 47 tagħha. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, il-ġurisprudenza dwar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE inevitabbilment tikkoinċidi ma’ dik tal-Artikolu 47 tal-karta (ara l-punt 85 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Linji gwida maħruġa minn korpi Ewropej u internazzjonali, li jinkorporaw prinċipji komuni tal-Istati Membri rigward l-indipendenza ġudizzjarja wkoll jipprovdu punt ta’ riferiment utli ( 65 ). Dawn huma s-sorsi li sejjer ninvoka fid-deċiżjoni dwar jekk l-arranġamenti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali humiex konsistenti mar-rekwiżiti tal-indipendenza ġudizzjarja skont id-dritt tal-Unjoni.

108.

Peress li s-sitwazzjoni fil-kawżi prinċipali għandha tiġi ddeterminata b’riferiment għall-Artikolu 47 tal-Karta, huwa importanti li wieħed ifakkar id-dispożizzjonijiet tal-Karta li huma rilevanti għall-funzjonament tiegħu. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB dwar id-drit għal smigħ xieraq. Skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, it-tifsira u l-ambitu mogħtija lil dik id-dispożizzjoni tal-Karta għandhom ikunu l-istess bħal, jew iktar estensivi minn, dik id-dispożizzjoni tal-KEDB, kif stabbilit mit-test tal-KEDB u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB) ( 66 ). Minħabba l-Artikolu 52(3) tal-karta u l-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw l-Artikolu 47 tagħha, id-dritt tal-Unjoni għandu jipprovdi l-“limitu minimu ta’ protezzjoni” iggarantit mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB fir-rigward tad-dritt għal tribunal indipendenti u imparzjali skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB ( 67 ).

109.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argumenti tal-Polonja, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 267 TFUE ma tidhirx neċessarja għall-eżitu tat-tilwim fil-kawżi prinċipali, peress li ma hemm l-ebda domanda li teħtieġ id-determinazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar, b’mod partikolari, jekk korp jaqax fil-kunċett ta’ “qorti jew tribunal” għall-għanijiet tal-Artikolu 267 TFUE jew dwar id-dritt jew l-obbligu ta’ qorti nazzjonali biex tagħmel domandi preliminari skont din id-dispożizzjoni.

110.

Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja osservat reċentement fil-ġurisprudenza tagħha li “[l]-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li tinkorpora l-mekkaniżmu tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE”, u li dan il-mekkaniżmu “jista’ jiġi attivat biss minn istanza responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tirrispondi, b’mod partikolari, għal dan il-kriterju ta’ indipendenza” ( 68 ), il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma kienet qiegħda tissuġġerixxi li s-sorsi li jirregolaw l-indipendenza kellhom jinsabu esklużivament fil-ġurisprudenza elaborata skont l-Artikolu 267 TFUE.

111.

Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-kriterju ta’ indipendenza fid-determinazzjoni dwar jekk korp jissodisfax il-kriterji ta’ “qorti jew tribunal” biex jagħmel rinviju għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE huwa eżerċizzju kwalitattivament differenti mill-evalwazzjoni dwar jekk ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja ġewx issodisfatti skont l-Artikolu 47 tal-Karta kif ukoll skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 69 ).

112.

Fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ deċiżjoni preliminari tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda taħdem fuq domanda relatata mal-proċedura li tinsab quddiemha li tikkonċerna l-korpi intitolati li jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari u li hija marbuta mal-għanijiet li jinsabu fil-bażi tal-mekkaniżmu biex jiġi stabbilit djalogu bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali u biex tiġi żgurata l-interpretazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni ( 70 ).

113.

Fil-qafas tal-Artikolu 47 tal-Karta u kif ukoll tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, il-Qorti tal-Ġustizzja hija involuta f’evalwazzjoni sostantiva dwar jekk, b’mod partikolari, il-miżura inkwistjoni xxekkilx l-indipendenza ġudizzjarja skont ir-rekwiżiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

114.

Iktar importanti, u kif ġie osservat hawn fuq, minħabba l-artikolu 52(3) tal-Karta d-dritt tal-Unjoni jiggarantixxi indipendenza ġudizzjarja, tal-inqas tal-istandard stabbilit mill-Artikolu 6(1) KEDB (ara l-punt 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għaldaqstant, jekk il-ġurisprudenza żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kriterju ta’ indipendenza skont l-Artikolu 267 TFUE (fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ jekk korp partikolari jistax jagħmel rinviju għal deċiażjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja) kellu jkun inqas mil-“limitu minimu ta’ protezzjoni” iggarantit mill-Artikolu 6(1) KEDB ( 71 ), fi kwalunkwe każ ikollha tittella’ biex tilħaq dak l-istandard.

2. Il-kontenut tal-garanzija tal-indipendenza ġudizzjarja skont id-dritt tal-Unjoni

115.

Huwa siewi li wieħed ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Artikolu 47 tal-Karta jafferma mill-ġdid il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-KEDB ( 72 ),u li permezz tiegħu l-istat tad-dritt bħala valur tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE huwa protett ( 73 ). Il-kontenut tal-garanzija ta’ indipendenza ġudizzjarja skont id-drit tal-Unjoni huwa kif isegwi.

116.

L-ewwel nett, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-“garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-funzjonijiet kif ukoll tal-kawżi ta’ astensjoni, ta’ rikuża u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, f’moħħ l-individwi, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fir-rigward ta’ elementi esterni u fir-rigward tan-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi inkwistjoni” ( 74 ).

117.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li r-rekwiżit ta’ indipendenza ġudizzjarja jeżiġi wkoll li s-sistema dixxiplinari ta’ dawk li l-kompitu tagħhom huwa li jiddeċiedu jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju li tali sistema tintuża bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, l-ippromulgar ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari u kemm is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, regoli li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u regoli li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxu ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja ( 75 ).

118.

Fuq din il-bażi, miżuri rigward il-ħatra tal-imħallfin u s-sistema dixxiplinari li tirregola l-imħallfin huma aspetti importanti tal-garanziji ta’ indipendenza ġudizzjarja skont id-dritt tal-Unjoni, u l-eżistenza ta’ korp indipendenti fil-kuntest tas-sistema dixxiplinari hija parti minn dawn il-garanziji. Għaldaqstant għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li anki jekk korp inkarigat mill-għażla tal-imħallfin, bħall-KNĠ, ma għandux fih innifsu r-rwol ta’ qorti, ir-regoli rigward, inter alia, il-kompożizzjoni u l-funzjonament tiegħu sa fejn dawn jaffettwaw dawn l-aspetti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni ta’ jekk qorti nazzjonali li fiha huwa kellu rwol sostanzjali fl-għażla tal-membri tagħha toffrix garanziji suffiċjenti ta’ indipendenza skont l-Artikolu 47 tal-Karta.

119.

Il-Qorti EDB iddeċidiet b’mod konsistenti li, sabiex tiddetermina jekk tribunal jistax jiġi kkunsidrat “indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 6(1) KEDB, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, inter alia, il-mod tal-ħatra tal-membri tiegħu u l-mandat tagħhom, l-eżistenza ta’ garanziji kontra pressjonijiet esterni u l-kwistjoni jekk il-korp jagħtix dehra ta’ indipendenza ( 76 ).

120.

Kif osservajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) u Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18) ( 77 ), l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ mħallef skont l-Artikolu 6(1) KEDB testendi għal evalwazzjoni oġġettiva dwar jekk it-tribunal innifsu joffrix biżżejjed garanziji sabiex jeskludu kwalunkwe dubju leġittimu fir-rigward tal-imparzjalità tiegħu. Id-dehra hija ta’ ċertu importanza, sabiex “il-ġustizzja mhux biss issir imma għandha wkoll titqies li qed issir”. Dak li huwa fil-perikolu huwa l-kunfidenza li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fil-pubbliku. Iktar minn hekk, fid-deċiżjoni ta’ kawża partikolari dwar jekk hemmx raġuni leġittima biex wieħed jibża’ li d-dehra ta’ indipendenza oġġettiva ma ġietx issodisfatta, il-Qorti EDB iddeċidiet li dak li huwa deċiżiv huwa jekk dan il-biża’ huwiex iġġustifikat oġġettivament ( 78 ).

121.

Fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 6(1) KEDB, il-Qorti EDB ikkunsidrat il-mod ta’ kif il-membri ġudizzjarji jiġu maħtura għall-kunsilli ġudizzjarji jew korpi simili fl-evalwazzjoni dwar jekk korp partikolari huwiex indipendenti. Pereżempju, fis-sentenza Denisov vs L‑Ukraina ( 79 ), hija enfasizzat li, fid-dawl tal-importanza li titnaqqas l-influwenza tal-organi politiċi fuq il-kompożizzjoni tal-korp, huwa rilevanti li jiġi evalwat il-mod li bih l-imħallfin jiġu maħtura għal dak il-korp, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-awtoritajiet li ddelegawhom u r-rwol tal-komunità ġudizzjarja f’dan il-proċess. Fuq din il-bażi, hija ddeċidiet li l-kompożizzjoni tal-korp ikkonċernat esponiet numru ta’ nuqqasijiet strutturali li kkompromettew ir-rekwiżiti tal-indipendenza u l-imparzjalità skont l-Artikolu 6(1) KEDB.. B’mod partikolari, hija ħadet inkunsiderazzjoni li l-maġġoranza tal-korp kienet tikkonsisti minn membri mhux ġudizzjarji maħtura direttament mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi, li n-numru ta’ membri ġudizzjarji eletti mill-pari tagħhom kien limitat u li l-awtoritajiet eżekuttivi kienu inklużi bħala membri ex officio.

122.

Iktar minn hekk, fis-sentenza Ástráðsson vs L‑Islanda ( 80 ), il-Qorti EDB ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur flagranti tar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-ħatra tal-imħallfin fejn il-friegħi l-oħra, b’mod partikolari l-eżekuttiv, eżerċitaw diskrezzjoni indebita li kkompromettiet l-integrità tal-proċess ta’ ħatra bi ksur tal-Artikolu 6(1) KEDB. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-qafas leġiżlattiv domestiku kien intiż li jissalvagwardja l-indipendenza ġudizzjarja rigward il-fergħa eżekuttiva u li jimminimizza r-riskju ta’ interessi ta’ partiti politiċi li jinfluwenzaw indebitament dan il-proċess. Hija kkonkludiet li dan il-proċess kien ta’ detriment għall-kunfidenza li l-ġudikatura f’soċjetà demokratika għandha tispira fil-pubbliku u kisret dogma fundamentali tal-istat tad-dritt li tribunal għandu jkun stabbilit mid-dritt.

123.

Fuq din il-bażi, qiegħed nosserva li, anki jekk iċ-ċirkustanzi huma differenti minn dawn il-kawżi, il-ġurisprudenza msemmija hawn fuq tal-Qorti EDB dwar l-Artikolu 6(1) tal-KEDB tieħu inkunsiderazzjoni d-dehra tal-indipendenza u l-kompożizzjoni tal-kunsilli ġudizzjarji u korpi simili fl-evalwazzjoni tagħha tal-indipendenza skont din id-dispożizzjoni.

124.

Iktar minn hekk, kif ġie indikat minn studji reċenti ( 81 ), kunsilli ġudizzjarji u korpi simili għandhom rwol essenzjali fil-garanzija tal-indipendenza u l-awtonomija tal-ġudikatura f’ħafna Stati Membri, iżda mhux f’kollha. Minkejja li ma hemmx mudell uniformi għal kunsilli ġudizzjarji, huma kkunsidrati li għandhom xi attributi komuni relatati mal-missjoni tagħhom biex jissalvagwardjaw l-indipendenza ġudizzjarja u l-funzjonament tagħhom fis-sistemi ġuridiċi tal-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom biex iżommu r-rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.

125.

Skont gwidi Ewropej u internazzjonali, qiegħed nosserva li dawn l-attributi komuni jinkludu l-aspetti segwenti. L-ewwel nett, il-missjoni tal-kunsilli ġudizzjarji hija li jissalvagwardjaw l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, li jfisser li għandhom ikunu ħielsa minn kwalunkwe influwenza mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi ( 82 ).

126.

It-tieni nett, ma hemm l-ebda mudell uniku li ġurisdizzjoni hija marbuta li ssegwi fl-istabbiliment ta’ kunsill ġudizzjarju sakemm il-kompożizzjoni tiegħu tiggarantixxi l-indipendenza tiegħu u tippermettilu jiffunzjona b’mod effettiv ( 83 ). B’mod partikolari, kunsilli ġudizzjarji għandhom fil-prinċipju jkunu komposti minn tal-inqas maġġoranza ta’ mħallfin eletti mill-pari tagħhom sabiex ma jkunx hemm manipulazzjoni jew pressjoni indebita ( 84 ). Il-proċedura tal-għażla għandha ssir b’mod oġġettiv u trasparenti, fejn rappreżentanza wiesgħa tal-ġudikatura f’kull livell hija ggarantita, u fejn l-involviment tal-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi f’din il-proċedura ta’ għażla huwa skuraġġut ( 85 ).

127.

It-tielet nett, sabiex tiġi ggarantita l-kontinwità tal-funzjonijiet, il-mandati tal-membri tal-kunsilli ġudizzjarji ma għandhomx jiġu ssostitwiti fl-istess ħin jew jiġu mġedda wara l-elezzjonijiet parlamentari ( 86 ).

128.

Ir-raba’ nett, l-għażla, il-ħatra u/jew il-promozzjoni tal-imħallfin huma fost l-iktar funzjonijiet rikonoxxuti tal-kunsilli ġudizzjarji, u l-proċeduri għandhom jitwettqu minn kunsilli ġudizzjarji li huma indipendenti mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi ( 87 ).

129.

Konsegwentement, jista’ jiġi kkunsidrat li d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kompożizzjoni, il-mandati u l-funzjonijiet tal-kunsilli ġudizzjarji huma ggwidati mill-għan aħħari li jiżguraw ir-rwol tagħhom li jissalvagwardjaw l-indipendenza ġudizzjarja, u għalhekk jevitaw influwenza mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi marbuta ma’, b’mod partikolari, il-ħatra tal-membri tagħhom. Fil-fehma tiegħi, filwaqt li l-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jagħżlu jekk jistabbilixxux kunsill ġudizzjarju jew korp simili, jekk tali kunsill jiġi stabbilit, l-indipendenza tiegħu għandha tiġi ggarantita b’mod suffiċjenti, inter alia, permezz ta’ tali dispożizzjonijiet.

3. Applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi fil-kawżi prinċipali

130.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, jiena tal-fehma li l-Awla Dixxiplinari li tifforma s-suġġett tal-kawżi prinċipali ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta.

131.

Qiegħed nosserva li l-KNĠ huwa korp li l-missjoni tiegħu hija li jissalvagwardja l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin skont il-Kostituzzjoni Pollakka, u l-funzjonijiet tiegħu jinkludu l-għażla tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, inkluża l-Awla Dixxiplinari, għal ħatra mill-President tar-Repubblika (ara l-punti 16 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għalhekk, il-KNĠ għandu jkun ħieles mill-influwenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi sabiex jaqdi sewwa l-inkarigi tiegħu.

132.

Madankollu, il-mod tal-ħatra tal-membri tal-KNĠ fih innifsu jikxef defiċjenzi li jidhru li x’aktarx jikkompromettu l-indipendenza tiegħu mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi. L-ewwel nett, dan huwa fuq il-bażi tal-fatt li, skont l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KNĠ (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet), il‑ħmistax‑il membru ġudizzjarju tal-KNĠ ma għadhomx jinħatru mill-imħallfin, iżda għandhom jinħatru mis-Sejm. Dan ifisser li l-KNĠ huwa kompost minn maġġoranza ta’ tlieta u għoxrin mill‑ħamsa u għoxrin membru tiegħu li ġejjin mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi ( 88 ).

133.

Iktar minn hekk, skont l-Artikolu 11a(2) tal-Liġi dwar il-KNĠ, kandidati għal membri ġudizzjarji tal-KNĠ jistgħu jiġu proposti minn gruppi ta’ mill-inqas elfejn ċittadin Pollakk jew ħamsa u għoxrin imħallef Pollakk. Skont l-Artikolu 11d ta’ dik il-liġi, l-elezzjoni ta’ dawk il-membri għall-KNĠ għandha titwettaq mis-Sejm b’maġġoranza ta’ 3/5 tal-voti mitfugħa fil-preżenza ta’ mill-inqas nofs id-deputati intitolati jivvuaw (ara l-punti 24 u 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

134.

Għaldaqstant, jista’ jiġi kkunsidrat li l-mod ta’ ħatra tal-membri tal-KNĠ jinvolvi influwenza tal-awtoritajiet leġiżlattivi fuq il-KNĠ, u ma jistax jiġi injorat li s-Sejm jista’ jagħżel kandidati bi ftit jew bl-ebda appoġġ mill-imħallfin, bir-riżultat li l-opinjoni tal-komunità ġudizzjarja jista’ jkollha piż insuffiċjenti fil-proċess tal-elezzjoni tal-membri tal-KNĠ ( 89 ). Irrispettivament mill-allegati għanijiet tat-titjib tal-leġittimità demokratika u r-rappreżentattività tal-KNĠ, dan l-arranġament jista’ jaffettwa l-indipendenza tal-KNĠ ( 90 ).

135.

Għandu jitfakkar ukoll li t-tibdiliet fil-mod ta’ ħatra tal-membri ġudizzjarji tal-KNĠ kienu akkumpanjati mit-terminazzjoni prematura tal-mandati tal-membri tal-KNĠ. Ma ġiex ikkontestat li l-Liġi dwar il-KNĠ tipprevedi terminazzjoni kmieni tal-membri ġudizzjarji tal-KNĠ fil-mument tal-elezzjoni tal-membri l-ġodda (ara l-punti 22 u 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Minkejja l-għan allegat għall-unifikazzjoni tal-mandati tal-membri tal-KNĠ, it-tibdil immedjat tal-membri attwalment sedenti tal-KNĠ flimkien mas-sistema l-ġdida għall-ħatra tal-KNĠ jistgħu jiġu kkunsidrati li jkomplu jxekklu l-indipendenza tal-KNĠ mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi ( 91 ).

136.

Is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2019 tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) (K 12/18) ( 92 ) ma tinvalidax l-analiżi tiegħi. F’din is-sentenza, it-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) iddeċidiet, l-ewwel nett, li l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KNĠ (ara l-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li jikkonċerna l-mod tal-ħatra tal-membri ġudizzjarji mis-Sejm huwa konsistenti ma’ diversi dispożizzjonijiet tal-Kostituzzjoni Pollakka, u t-tieni nett, li l-Artikolu 44(1a) tal-Liġi dwar il-KNĠ (ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet) li jikkonċerna l-proċedura għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet individwali negattivi tal-KNĠ dwar l-għażla tal-imħallfin, ma huwiex konformi mal-Artikolu 184 tal-kostituzzjoni Pollakka. Din is-sentenza ma tinkludix materjal rilevanti għar-rekwiżiti tal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari skont id-dritt tal-Unjoni u, fi kwalunkwe każ, fiha nnifisha ma tneħħix iċ-ċirkustanzi kollha li jikkontribwixxu għat-tfixkil tal-indipendenza tal-KNĠ kif elaborat hawn fuq.

137.

Fuq din il-bażi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-kunsilli ġudizzjarji huma kruċjali għall-garanzija tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-ġurisdizzjonijiet fejn huma stabbiliti, u li huma għandhom ikunu indipendenti u ħielsa minn interferenza mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi fit-twettiq tal-inkarigi tagħhom, ir-rwol tal-KNĠ fl-għażla tal-imħallfin għall-Awla Dixxiplinari twassalni biex nikkunsidra li tali awla ma toffrix biżżejjed garanziji ta’ indipendenza skont l-Artikolu 47 tal-Karta. Jeżistu raġunijiet leġittimi sabiex wieħed jiddubita dwar l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari fid-dawl tar-rwol tal-awtoritajiet leġiżlattivi fl-elezzjoni tal-ħmistax membru ġudizzjarju tal-KNĠ u r-rwol ta’ dak il-korp fl-għażla tal-imħallfin li huma eliġibbli għal ħatra mill-President tar-Repubblika tal-Qorti Suprema. Dawn id-dubji ma jistgħux jixxejnu minn dak li, teknikament, jissejjaħ ir-rwol konsultattiv tal-KNĠ f’dan il-proċess.

138.

Iktar minn hekk, kif indikat mir-rikorrenti, mill-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA u mill-Kummissjoni, hemm numru ta’ kunsiderazzjonijiet rigward l-għażla tal-imħallfin għall-Awla Dixxiplinari li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni flimkien mat-tibdil tal-mod ta’ ħatra tal-membri tal-ġudikatura tal-KNĠ.

139.

B’mod partikolari, ma ġiex ikkontestat li, l-ewwel nett, sal-mument li fih il-karigi kollha fl-Awla Dixxiplinari jimtlew għall-ewwel darba, l-imħallfin ta’ dik l-awla għandhom jinħatru mill-President tar-Repubblika (ara punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet); it-tieni nett, l-Awla Dixxiplinari hija rregolata sa ċertu punt minn dispożizzjonijiet li jiddistingwuha mill-awli l-oħra tal-Qorti Suprema, bħall-Artikolu 20 tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema, li jistipula li l-funzjonijiet tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema għandhom jiġu eżerċitati mill-President tal-Awla Dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin sedenti f’dik l-awla (ara l-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet); it-tielet nett, l-arranġamenti rigward l-Awla Dixxiplinari ġew introdotti bħala parti mill-pakkett leġiżlattiv ta’ miżuri dwar ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka (ara l-punt 1 ta’ dawn il-konklużjonijiet); u r-raba’ nett, l-Awla Dixxiplinari għandha l-inkarigu li taġġudika kawżi li jinvolvu, b’mod partikolari, l-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u proċedimenti dixxiplinari kontra mħallfin, u dawn iż-żewġ aspetti huma t-tnejn li huma aspetti kkonċernati minn dan il-pakkett ta’ miżuri (ara l-punti 15 u 17 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ( 93 ). Tabilħaqq, il-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ daħlet fis-seħħ madwar tliet xhur qabel il-Liġi tal-2017 dwar il-Qorti Suprema (ara l-punti 11 u 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet), u b’hekk tat lill-KNĠ dan ir-rwol fl-għażla tal-imħallfin eliġibbli sabiex jiġu maħtura mill-President tar-Repubblika għall-Awla Dixxiplinari.

140.

F’dan ir-rigward, qiegħed ninnota li, fir-riżoluzzjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tagħha dwar dawn il-kawżi ( 94 ), l-Awla Dixxiplinari tenfasizza, inter alia, li l-ħatra ta’ mħallfin hija l-prerogattiva kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika imwettqa f’kooperazzjoni mal-KNĠ, u li l-Awla Dixxiplinari tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) KEDB, minħabba li hija stabbilita mid-dritt u d-dispożizzjonijiet dwar l-istatus, il-kompetenza u l-organizzazzjoni interna tagħha jiggarantixxu l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ din l-awla u l-imħallfin tagħha. Hija ssostni li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari huma żgurati, b’mod partikolari, bir-regoli dwar ir-rikuża tal-imħallfin, u għandhom jiġu evalwati fid-dawl ta’ sitwazzjoni fattwali konkreta.

141.

Irrispettivament mill-argumenti mressqa mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Polonja, flimkien mal-Awla Dixxiplinari, dwar il-prerogattiva kostituzzjonali tal-President tar-Repubblika li jaħtar l-imħallfin u l-garanziji formali tal-indipendenza applikabbli għall-Awla Dixxiplinari, dawn l-argumenti ma humiex suffiċjenti biex jeskludu l-impressjoni ta’ assenza ta’ indipendenza oġġettiva ta’ din l-awla meta kkunsidrata oġġettivament fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 132 sa 135 u 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

142.

Barra minn hekk, is-sitwazzjoni li hemm fil-kawżi prinċipali tiġġenera impressjoni amplifikata tan-nuqqas ta’ indipendenza, peress li r-rikorrenti qegħdin ifittxu li tribunal indipendenti u imparzjali jirrimedja għal allegat ksur tal-protezzjonijiet tal-irremovibbiltà u l-indipendenza tagħhom. Fir-rigward tar-rikorrent fil-Kawża C‑585/18, l-arranġamenti kif jinsabu bħalissa jidher li huma kkuntrarji għall-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet ( 95 ). Dan huwa l-każ għalih ir-rikorrent irċieva opinjoni negattiva mill-KNĠ, u fl-istess ħin il-KNĠ għandu rwol fil-kompożizzjoni tal-Awla Dixxiplinari, li hija l-qorti li quddiemha huwa offrut rimedju taħt id-dritt Pollakk. Dan jidher problematiku mill-perspettiva tal-opportunitajiet ugwali tal-partijiet fid-dawl tal-konklużjonijiet li jien wasalt għalihom fir-rigward tan-nuqqasijiet fir-rigward tal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari kkawżati mill-mod li bih jinħatru l-membri tal-KNĠ.

143.

Nixtieq nenfasizza, madankollu, li xejn minn dan ma jfisser li r-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja għandhom jiġu interpretati li jipprekludu l-Istati Membri milli jagħmlu riformi xierqa tas-sistemi tagħhom rigward, b’mod partikolari, l-għażla tal-imħallfin u l-kompożizzjoni tal-kunsilli ġudizzjarji tagħhom jew korpi simili, iżda pjuttost li l-Istati Membri għandhom iwettqu tali riformi konformement mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni li jinkludu l-obbligu li jżommu l-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin tagħhom konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta.

144.

Minkejja dan, argumenti mressqa mill-Prosekutur Ġenerali u mill-Polonja bbażati fuq similaritajiet allegati bejn is-soluzzjonijiet adottati fil-Polonja u dawk fi Stati Membri oħra ma jipperswadux. Kif indikat mir-rikorrenti, dawn il-kawżi jikkonċernaw is-sitwazzjoni fil-Polonja, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 132 sa 135 u 139 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 96 ). Possibbilment għandu jiġi enfasizzat ukoll li ma hemmx żewġ piżijiet u żewġ miżuri fost l-Istati Membri f’dan il-kuntest, għaliex kwalunkwe miżura ta’ Stat Membru li xxekkel l-indipendenza ġudizzjarja skont l-Artikolu 47 tal-Karta ma għandhiex tiġi ttollerata fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

4. Evalwazzjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

145.

Minbarra ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta, il-ksur tar-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali jammonta għal dgħufija strutturali jew ġeneralizzata, li tikkomprometti l-essenza tal-indipendenza ġudizzjarja għall-għanijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE ( 97 ) u b’hekk, b’mod iktar wiesa’, tikser l-istat tad-dritt kif protett mill-Artikolu 2 TUE ( 98 )?

146.

Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) ( 99 ), jiena kont tal-fehma li l-miżuri nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema mingħajr salvagwardji adegwati sabiex tiġi protetta r-regola kontra l-irremovibbiltà tagħhom u jissalvagwardjaw l-indipendenza tagħhom, kienu essenzjalment jammontaw għal tali dgħufija strutturali, li taffettwa, kif għamlet, is-saff sħiħ tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs l-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji) (C‑192/18) ( 100 ), wasalt għall-istess konklużjoni fir-rigward tal-miżuri nazzjonali li jnaqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, li taffettwa, kif għamlet, is-saff sħiħ tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. Iż-żewġ riformi affettwaw l-istruttura tal-ġudikatura Pollakka f’termini ġeneralizzati.

147.

Nosserva li, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) ( 101 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ma dehritx tindirizza l-gravità tal-ksur tar-regoli li jipproteġu l-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. F’dik is-sentenza ma sar l-ebda riferiment għal-ksur strutturali jew ġeneralizzat ta’ dawk ir-regoli ( 102 ).

148.

Wasalt għall-konklużjoni li, fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanzi fil-kawżi prinċipali jammontaw għal ksur tat-tieni subparagrafu tal-artikolu 19(1) TUE.

149.

Wasalt għal din il-konklużjoni primarjament għaliex il-leġiżlazzjoni Pollakka li tistabbilixxi awla ġdida fil-Qorti Suprema, fil-każ tagħna l-awla Dixxiplinari, li tisma’ lmenti tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li jkunu tneħħew milll-Qorti Suprema b’mod bikri u illegalment skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, hija marbuta mill-qrib mal-problemi li jiena kkunsidrajt ifil-Konklużjonijiet fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) u li affettwaw lill-imħallfin tal-Qorti Suprema b’mod ġenerali. Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019 f’dik il-kawża ( 103 ), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-miżuri kkonċernati kienu jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

150.

Il-KNĠ għandu rwol sinjifikattiv fil-ħatra tal-imħallfin tal-awla l-ġdida li, fuq analiżi mill-qrib, jidher li ma jaqbilx mal-linji gwida Ewropej u internazzjonali dwar l-indipendenza ta’ tali korpi mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi (ara l-punti 124 sa 135 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Dan jagħti lok għal livell għoli ta’ influwenza tal-awtoritajiet politiċi fuq il-ħatra tal-imħallfin tal-qorti Suprema li taffettwa l-istruttura tal-ġudikatura Pollakka f’termini ġeneralizzati.

151.

Barra minn hekk, hija din l-Awla Dixxiplinari li għadha kif inħalqet li ser tiddeċiedi fuq każijiet li jinvolvu mħallfin affteewati mill-miżuri li l-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddikjarat li jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kif għadu kif issemma (ara l-punt 149 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Meta wieħed iqis iż-żmien ta’ meta ġew adottati l-miżuri l-ġodda dwar l-elezzjoni tal-membri ġudizzjarji tal-KNĠ u r-rwol li l-KNĠ għandu fid-determinazzjoni ta’ min għandu jinħatar għall-Awla Dixxiplinari, dan potenzjalment jippreġudika l-prospettivi tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li jilħqu l-età tal-irtirar reċentement stabbilita li jingħataw smigħ xieraq minn tribunal indipendenti sabiex jikkontestaw il-miżuri a detriment tagħhom.

152.

B’hekk, meta wieħed iqis il-prossimità tal-probema fil-kawżi preżenti u dik li jienaqist fil-Konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18), din ukoll għandha titqies bħala strutturali u ġeneralizzata u għaldaqstant tolqot l-“essenza” tal-indipendenza ġudizzjarja ggarantita bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

E.   It-tieni domanda fil-Kawża C‑585/18 u t-tielet domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18 u d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni minħabba li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex tribunal indipendenti

153.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li awla ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, bħall-Awla Dixxiplinari fil-kawżi prinċipali, ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja previsti fid-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk qorti nazzjonali oħra, bħalha nnifisha, hijiex marbuta skont id-dritt tal-Unjoni biex twarrab id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li jipprekluduha milli jkollha ġurisdizzjoni fit-tilwim.

154.

Ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv għar-raġunijiet segwenti.

155.

Skont ġurisprudenza stabbilita, is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni teżiġi li l-qrati nazzjonali li, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħhom, jintalbu japplikaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, għandhom l-obbligu li jiżguraw l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi fejn ikun hemm bżonn ma japplikawx, minn jeddhom, kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali kuntrarja, inklużi dispożizzjonijiet proċedurali, u dan mingħajr ma jitolbu jew jistennew it-tħassir minn qabel ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali permezz ta’ leġiżlazzjoni jew permezz ta’ kwalunkwe proċedura kostituzzjonali oħra ( 104 ). Il-qrati nazzjonali huma b’mod partikolari marbuta li jiżguraw fil-ġurisdizzjoni tagħhom il-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta u li jiggarantixxu l-effettività sħiħa ta’ dan l-artikolu billi jwarrbu jekk hemm bżonn kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja tad-dritt nazzjonali ( 105 ).

156.

Isegwi li, f’dawn il-kawżi, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jagħtu l-ġurisdizzjoni biex tiġi deċiża tilwima li tinvolvi d-dritt tal-Unjoni lil awla ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta u/jew fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandhom jiġu mwarrba. Kif indikat mill-Kummissjoni, fid-dawl tal-importanza tal-indipendenza ġudizzjarja sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva għal individwi skont id-dritt tal-Unjoni, awla oħra ta’ qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, bħalma hija l-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali, għandha tkun tista’, mill-inizjattiva tagħha stess, twarrab dispożizzjonijiet nazzjonali li huma inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju. Il-qrati nazzjonali huma obbligati jipprovdu rimedju effettiv sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi implementat meta dan ma jkunx disponibbli taħt il-liġi nazzjonali ( 106 ).

VII. Konklużjoni

157.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) bil-mod segwenti:

(1)

Ma hemmx bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel domanda fil-Kawżi C‑624/18 u C‑625/18.

Sussidjarjament, l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, għandu jiġi interpretat bħala li, fejn jiġi ppreżentat appell quddiem qorti tal-aħħar istanza fi Stat Membru kontra ksur allegat tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fir-rigward ta’ mħallef ta’ din il-qorti, flimkien ma’ mozzjoni għall-għoti ta’ garanzija fir-rigward tal-ilment iddikjarat, din il-qorti – sabiex tipproteġi d-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni billi tordna miżura provviżorja prevista skont il-liġi nazzjonali – għandha twarrab id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jikkonferixxu l-ġurisdizzjoni, fil-kawża li fiha jkun ġie ppreżentat l-appell, lil awla ta’ din il-qorti li ma tiffunzjonax minħabba nuqqas ta’ ħatra tal-imħallfin li għandhom ikunu sedenti fiha.

(2)

Ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ġudizzjarja stabbiliti fl-Artikolu 47 tal-Karta għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li awla li għadha kif ġiet stabbilita ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni biex tisma’ kawża minn imħallef ta’ qorti nazzjonali u li hija magħmula esklużivament minn imħallfin magħżula minn korp nazzjonali inkarigat biex jissalvagwardja l-indipendenza tal-qrati, jiġifieri l-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja), li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-mudell sistemiku tal-mod li bih hija ffurmata u l-mod li bih tiffunzjona, ma hijiex iggarantita li tkun indipendenti mill-awtoritajiet leġiżlattivi u eżekuttivi, ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti.

L-istess huwa prekluż mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

(3)

Awla ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li ma jkollhiex ġurisdizzjoni fil-kawża iżda li tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjon għal qorti adita b’appell f’kawża tal-Unjoni hija marbuta mis-supremazija tad-dritt tal-Unjoni li twarrab id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jipprekluduha milli jkollha ġurisdizzjoni f’dik il-kawża.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Flimkien ma’ dawn il-kawżi, hemm diversi kawżi oħrajn li nġiebu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riforma tas-sistema ġudizzjarja Pollakka, inklużi talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Qorti Suprema Pollakka (C‑522/18, C‑537/18 u C‑668/18), u l-Qorti Amministrattiva Suprema Pollakka (C‑824/18) u l-qrati inferjuri Pollakki (C‑558/18, C‑563/18 u C‑623/18), flimkien ma’ żewġ azzjonjiet għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentati mill-Kummissjoni kontra l-Polonja (C‑619/18 u C‑192/18). Għall-finijiet ta’ ċarezza, ninnota li azzjonijiet ippreżentati mill-Qorti tal-Ġustizzja sa llum dwar ir-riforma tas-sisema ġudizzjarja Pollakka kkonċernaw dan li ġej: (1) it-tnaqqis taetà tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-għoti, lill-president tar-Repubblika, is-setgħa li jestendi mandat attiv tal-imħallfin tal-Qorti Suprema (ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev EU:C:2019:325); (2) allegata diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess minħabba li l-età tal-irtirar tal-imħallfin ordinarji, l-imħallfin tal-Qorti Suprema u l-prosekuturi tnaqqset għal età differenti għan-nisa milli għall-irġiel u l-għoti, lill-Ministru għall-Ġustizzja, tas-setgħa li jestendi l-mandat attiv ta’ imħallfin ordinarji (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:529), u (3) is-sistema dixxiplinari għall-imħallfin (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Miasto Łowicz et, C‑558/18 u C‑563/18, li ser jiġu ppreżentati fl-24 ta’ Settembru 2019).

( 3 ) COM(2017) 835 final, 20 ta’ Diċembru 2017 (iktar ’il quddiem il-“proposta motivata tal-Kummissjoni”). F’dik il-proposta motivata, il-Kummissjoni oġġezzjonati b’mod partikolari l-miżuri li ġejjin: (1) l-Ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Szkole Sądownictwa i Prokuratury, ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u tal-Prosekuturi Pubbliċi, il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tal-11 ta’ Mejju 2017 (Dz. U. tal-2017, pożizzjoni 1139, kif emendata); (2) l-Ustawa o zmianie ustawy - Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tat-12 ta’ Lulju 2017 (Dz. U. tal-2017, pożizzjoni 1452, kif emendata); (3) l-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5, kif emendata); u (4) l-Ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħrajn) tat-8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 3, kif emendata). Il-kawżi preżenti jirrigwardaw dawn l-aħħar żewġ miżuri.

( 4 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija bid-Dritt (Il-Kummissjoni ta’ Venezia), Opinjoni Nru 904/2017 tal-11 ta’ Diċembru 2017 dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Temenda l-Liġi tal-Qorti Suprema, proposta mill-President tal-Polonja, u dwar il-Liġi dwar is-Sistema tal-Qrati Ordinarji, CDL-AD(2017)031 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni Nru 904/2017 tal-Kummissjoni ta’ Venezia”); Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Report of the Special Rapporteur on the independence of judges and lawyers on his mission to Poland, tal-5 ta’ April 2018, A/HRC/38/38/Add.1 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tan-NU tal-2018 dwar il-Polonja”); Organizzazzjoni għas-Sikurezza u l-Kooperazzjoni fl-Ewropea (OSCE), L-Uffiċċju tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, Final Opinion on Draft Amendments to the Act on the National Council of the Judiciary and Certain Other Acts of Poland, tal-5 ta’ Mejju 2017, JUD-POL/305/2017-Final (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni Finali tal-OSCE dwar il-Polonja”) u Opinion on Certain Provisions of the Draft Act on the Supreme Court of Poland (as of 26 September 2017), tat-13 ta’ Novembru 2017, JUD-POL/315/2017.

( 5 ) EU:C:2019:531.

( 6 ) Il-verżjoni preċedenti tal-Artikolu 131 tal-Liġi tal-2017 dwar il-Qorti Suprema kienet tipprovdi: “Sakemm jimtlew il-karigi kollha ta’ mħallfin tal-Qorti Suprema fl-Awla Dixxiplinari, imħallef minn awla oħra ma għandux jiġi ttrasferit għal kariga f’dik l-awla”.

( 7 ) Skont l-Artikolu 10 tal-Liġi ta’ Emenda tal-2017 dwar il-KNĠ, ċerti dispożizzjonijiet, inkluż l-Artikolu 11a tal-Liġi dwar il-KNĠ, daħlu fis-seħħ fit‑3 ta’ Jannar 2018.

( 8 ) Skont l-ex Artikolu 11 tal-Liġi dwar il-KNĠ, il‑ħmistax‑il membru ġudizzjarju kienu eletti mill-imħallfin minn fost l-imħallfin tal-Qorti Suprema (żewġ membri), tal-qrati amministrattivi (żewġ membri), tal-qrati tal-appell (żewġ membri), tal-qrati reġjonali u distrettwali (tmien membri) u tal-qrati militari (membru wieħed).

( 9 ) EU:C:2019:531.

( 10 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79. L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/78 jistabbilixxi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, inklużi meta jitqies approprjat proċeduri ta’ konċiljazzjoni, għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi taħt din id-Direttiva, ikunu disponibbli għal-persuni kollha li jikkunsidraw ruħhom trattati ħażin minħabba nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ l-ugwaljanza fit-trattament, anke wara li r-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni tkun spiċċat.”

( 11 ) L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78 jgħid: “Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.” L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jagħmel riferiment, inter alia, għal diskriminazzjoni abbażi tal-età.

( 12 ) EU:C:2019:531.

( 13 ) Il-qorti tar-rinviju tinnota li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi tal‑2017 dwar il-Qorti Suprema, din l-awla kien jisimha l-Awla tad-Dritt Industrijali, ta’ Sigurtà Soċjali u tal-Affarijiet Pubbliċi.

( 14 ) Fir-rigward tal-Kawża C‑585/18, il-qorti tar-rinviju tindika li dan japplika għall-imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema.

( 15 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257), u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163).

( 16 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi b’mod partikolari s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (iktar ’il quddiem ASJP, C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

( 17 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), u tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257).

( 18 ) Il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għas-sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2003, Connect Austria (C‑462/99, EU:C:2003:297), u tat‑2 ta’ Ġunju 2005, Koppensteiner (C‑15/04, EU:C:2005:345).

( 19 ) A.K. et (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, EU:C:2018:977).

( 20 ) Fit-tieni parti tas-seduta, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddikjara li filwaqt li l-Awla Dixxiplinari ma tistax tipparteċipa fil-proċeduri fil-kawżi preżenti skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress lima hijiex waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, kif indikat fir-rinviji għal deċiżjoni preliminari rċevuti mingħand il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li taċċetta dokumenti ppreżentati fl-14 ta’ Mejju 2019 mill-KNĠ li joriġinaw mingħand l-Awla Dixxiplinari, inkluż b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni Nru 6 tal-Assemblea tal-Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema, tat-13 ta’ Mejju 2019, li fiha l-pożizzjoni ta’ dik l-Awla dwar il-kawżi preżenti, li jiena nindirizza fl-analiżi tiegħi iktar ’l isfel (ara l-punti 140 u 141 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 21 ) Ir-Repubblika tal-Polonja tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C‑241/09, EU:C:2010:753), u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:428); digriet tat‑3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, EU:C:2016:143).

( 22 ) Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, C‑64/16, EU:C:2018:117.

( 23 ) ĠU 2016, C 202, p. 312 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru 30”).

( 24 ) L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), u tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257).

( 25 ) F’dan ir-rigward ir-rikorrenti jirreferu għall-Qorti EDB tat-12 ta’ Marzu 2019, Ástráðsson v. Iceland, CE:ECHR:2019:0312JUD002637418

( 26 ) Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment b’mod partikolari għar-Rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2010) 12, Imħallfin: indipendenza, effiċjenza u responsabbiltajiet, tas‑17 ta’ Novembru 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Rakkomandazzjoni tal‑2010”).

( 27 ) Ara nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (NEKĠ), Position Paper of the Board of the ENCJ on the membership of the KRS of Poland, adottata fis-16 ta’ Awwissu 2018, disponibbli fuq http://www.encj.eu/. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 93 ta’ dawn il-Konklużjonijiet.

( 29 ) Il-Latvja tirreferi, b’mod partikolari, għas-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2010 mis-Satversmes tiesa (il-Qorti Kostituzzjonali), Nru 2009-11-01.

( 30 ) Il-Polonja tagħmel riferiment b’mod partikolari għas-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult (C‑54/96, EU:C:1997:413), tal‑21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C‑110/98 sa C‑147/98, EU:C:2000:145), tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Forposta u ABC Direct Contact (C‑465/11, EU:C:2012:801), u tal‑31 ta’ Jannar 2013, D u A (C‑175/11, EU:C:2013:45).

( 31 ) Il-Polonja tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Artikolu 179, ikkunsidrat flimkien mal-punt 17 tal-Artikolu 144(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka.

( 32 ) L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA tagħmel riferiment għall-Artikoli 2, 7 u 49 TUE, l-Artikolu 53 tal-Karta u l-Kunsill tal-Ewropa, il-Karta Ewropea dwar l-Istatut tal-Imħallfin, tat‑8 sal‑10 ta’ Lulju 1998 (iktar ’il quddiem il-“Karta Ewropea tal‑1998”), DAJ/DOC (98) 23, punt 1.1.

( 33 ) L-Awtorità ta’ Sorveljanza EFTA tirreferi b’mod partikolari għad-deċiżjoni tal-Qorti EFTA tal-14 ta’ Frar 2017, Pascal Nobile vs DAS Rechtsschutz-Versicherungs, E‑21/16, punt 16.

( 34 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117) u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586).

( 35 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għall-Qorti EDB, 25 ta’ Marzu 1992, fil-kawża Campbell u Fell vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:1992:0325JUD001359088).

( 36 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-Qorti EDB, 22 ta’ Ottubru 1984, fil-kawża Sramek vs L‑Awstrija (CE:ECHR:1984:1022JUD000879079); Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija bid-Dritt (Il-Kummissjoni ta’ Venezia), il-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt, Studju Nru 711/2013, tat‑18 ta’ Marzu 2016, CDL-AD(2016)007 (iktar’ il quddiem il-“Lista tal-2016 tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt”), punt 75; u r-Rakkomandazzjoni tal-2010, nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punti 46 u 47.

( 37 ) L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), u tad‑19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et (C‑213/89, EU:C:1990:257).

( 38 ) Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49), u tad‑19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, (C‑555/07, EU:C:2010:21).

( 39 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32, u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47.

( 40 ) EU:C:2019:529, punt 116.

( 41 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Gullotta u Farmaci di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punti 16 sa 25), u tal-Avukat Ġenerali Szpunar f’Rendón Marín u CS (C‑165/14 u C‑304/14, EU:C:2016:75, punt 48). Għal diskussjoni ġenerali ara Wahl, N. u Prete, L., “The Gatekeepers of Article 267 TFEU: On Jurisdiction and Admissibility of References for Preliminary Rulings”, (2018) 55 Common Market Law Review 511.

( 42 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑286/12, EU:C:2012:687.

( 43 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 45), u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola) (C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 63) u l-ġurisprudenza ċċitata. Għal sommarju tar-regoli legali għad-determinazzjoni ta’ meta Stati Membri jkunu qegħdin “jimplimentaw” id-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, ara d-digriet tas‑7 ta’ Settembru 2017, Demarchi Gino (C‑177/17 u C‑178/17, EU:C:2017:656, punti 19 sa 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 44 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ April 2018, Consorzio Italian Management u Catani Multiservizi (C‑152/17, EU:C:2018:264, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal diskussjoni ġenerali, ara Ward A., “Article 51 – Field of Application”, f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J. u Ward, A. (edituri), The EU Charter of Fundamental Rights: A Commentary, Hart, 2014, p. 1413 sa p. 1454.

( 45 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, DEB, C‑279/09, EU:C:2010:811.

( 46 ) EU:C:2019:529.

( 47 ) Dan huwa evidenti mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, b’mod partikolari l-punti 43, 46, 47, 55 u 57. Hemmhekk il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għas-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, fejn l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kienet qiegħda tiġi eżaminata, u tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, tilwima li tinvolvi l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-artikolu 47 tal-karta, insostenn tal-istess prinċipji legali.

( 48 ) EU:C:2019:531, b’mod partikolari l-punti 50, 51, 55 sa 59 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ninnota li Avukat Ġenerali partikolari kien tal-opinjoni li “kwalunke miżuri trażversali, orizzontali bħal dawn, li mid-definizzjoni tagħhom stess, ser jaffettwaw kwalunkwe u kull att tal-ġudikaturi nazzjonali huma kwistjoni tad-dritt tal-Unjoni’. Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Torubarov, C‑556/17, EU:C:2019:339, punt 55

( 49 ) Sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 119 u 120). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak f’N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:611, punti 167 sa 171), u tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Bonda (C‑489/10, EU:C:2011:845 punti 21 sa 23).

( 50 ) Ara s-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 53

( 51 ) Ara s-sentenza tad‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et (C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 52 ) Ara d-digriet tal‑10 ta’ Jannar 2019, Mahmood et (C‑169/18, EU:C:2019:5, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 53 ) Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2013, Stoilov i Ko (C‑180/12, EU:C:2013:693, punti 37 u 38).

( 54 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Garcia Blanco (C‑225/02, EU:C:2004:669, punti 35 sa 39).

( 55 ) Ara, pereżempju, id-digrieti tal‑10 ta’ Ġunju 2011, Imran (C‑155/11 PPU, EU:C:2011:387 u tal‑10 ta’ Jannar 2019, Mahmood et (C‑169/18, EU:C:2019:5).

( 56 ) Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Pohotovost’ (C‑470/12, EU:C:2014:101, punt 30).

( 57 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2011, Boxus et (C‑128/09, C‑134/09 u C‑135/09, EU:C:2011:667, punt 28).

( 58 ) Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Fluxys (C‑241/09, EU:C:2010:753, punti 32 sa 34), u tas‑27 ta’ Ġunju 2013, Di Donna (C‑492/11, EU:C:2013:428, punti 27 sa 32), id-digriet tat‑3 ta’ Marzu 2016, Euro Bank (C‑537/15, EU:C:2016:143, punti 27 sa 30, 34 sa 36).

( 59 ) Ara s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2016, Genentech (C‑567/14, EU:C:2016:526, punt 22).

( 60 ) Ara s-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, PFE (C‑689/13, EU:C:2016:199, punti 32 sa 34).

( 61 ) Sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2007, Unibet (C‑432/05, EU:C:2007:163, b’mod partikolari l-punti 40 u 41). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 103104.

( 62 ) Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (106/77, EU:C:1978:49).

( 63 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2019, Leitner (C‑396/17, EU:C:2019:375, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2016, Toma (C‑205/15, EU:C:2016:499, punt 42).

( 65 ) Ara l-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:325, punt 72).

( 66 ) Ara l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), Spjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 47, p. 30, u dwar l-Artikolu 52, p. 34.

( 67 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72. Inċidentalment nosserva li, fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), EU:C:2019:531, b’mod partikolari l-punti 76 u 79, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġettat il-prinċipju tal-irremovabbiltà tal-imħallfin għal test tal-proporzjonalità. Hawnhekk jiena ninnota li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, id-dritt tal-Unjoni jipproteġi l-prinċipji ta’ irremovabbiltà u ta’ indipendenza tal-imħallfin għal-limitu minimu ta’ protezzjoni mogħti skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB.

( 68 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 43), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 54).

( 69 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-4 ta’ Frar 1999, Köllensperger u Atzwanger, C‑103/97, EU:C:1999:52, punt 24, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl fil-kawża Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:265, punti 45 sa 54), u tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 81 sa 107).

( 70 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punti 22 u 23, u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal diskussjoni ġenerali, ara Broberg, M. u Fenger, N., Preliminary References to the European Court of Justice, it-tieni edizzjoni (Oxford University Press 2014), p. 60 sa 106.

( 71 ) Ara s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2019, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Użufrutt fuq art agrikola), C‑235/17, EU:C:2019:432, punt 72.

( 72 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 73 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjaraja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 48), u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 58.

( 74 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 66); Opinjoni 1/17 tat-30 ta’ April 2019, Ftehim CET UE-Kanada, EU:C:2019:341, punt 204. Enfasi miżjuda minni. Dawn il-garanziji ta’ indipendenza u imparzjalità huma marbuta mal-aspetti esterni u interni, rispettivament, ta’ indipendenza stabbilita fil-ġurisprudenza: ara, pereżempju, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 71 sa 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 75 ) Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 67); digriet tat‑12 ta’ Frar 2019, RH (C‑8/19 PPU, EU:C:2019:110, punt 47). Enfasi miżjuda minni.

( 76 ) Ara, pereżempju, il-Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Nunes De Carvalho vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 144 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 77 ) EU:C:2019:325, punt 71; EU:C:2019:529, punt 111 (li jiċċitaw is-sentenza tal-Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2018, Denisov vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2018:0925JUD007663911, punti 60 sa 64), Qorti EDB, 6 ta’ Novembru 2018, Nunes De Carvalho vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 144 sa 150). Ara wkoll Il-Prinċipji ta’ Bangalore dwar l-Imġiba Ġudizzjarja, 2002, b’mod partikolari l-punti 1.3, 1.6 u 3.2.

( 78 ) Ara s-sentenza tal-Qorti EDB, 6 ta’ Mejju 2003, Kleyn et vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2003:0506JUD003934398, punt 194 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 79 ) Il-Qorti EDB, 25 ta’ Settembru 2018, ECLI:CE:ECHR:2018:0925JUD007663911, punti 68 sa 70 li tikkwota s-sentenza tal-Qorti EDB, 9 ta’ Jannar 2013, Volkov vs L‑Ukraina, CE:ECHR:2013:0109JUD002172211, punti 109 sa 115).

( 80 ) Il-Qorti EDB, 12 ta’ Marzu 2019, CE:ECHR:2019:0312JUD002637418, b’mod partikolari punti 103, 121 sa 123.

( 81 ) Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, tat‑2 ta’ Mejju 2018 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tan-NU tal‑2018”), punti 7 sa 31 u ċ-ċitazzjonijiet fihom. Ara wkoll il-Kunsill tal-Ewropa, il-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej (iktar’il quddiem iċ-“CCJE”), Opinjoni Nru 10 (2007) dwar il-Kunsill għall-Ġudikatura fis-servizz tas-soċjetà, tat‑23 ta’ Novembru 2007 (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni taċ-CCJE tal‑2007”); Seibert-Fohr, A. (editriċi), Judicial Independence in Transition (Springer 2012); Kosař, D., (editur mistieden), Ħarġa Speċjali, “Judicial Self-Governance in Europe” (2018) 19, German Law Journal 1567.

( 82 ) Ara, pereżempju, ir-Rakkomandazzjoni tal‑2010, nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 26, tan-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli tal-Ġudikatura (iktar ’il quddiem in-“NEKĠ”), Rapport tal-Kunsilli tal-Ġudikatura tal‑2010 sal‑2011, Rakkomandazzjoni dwar il-Kunsilli tal-Ġudikatura, 2011 (iktar ’il quddiem ir-“Rapport tan-NEKĠ tal‑2011”, punt 3.2; Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Imħallfin, il-Karta Universali tal-Imħallef, reveduta fl‑14 ta’ Novembru 2017, l-Artikolu 2-3, Ir-Rapport tan-NU tal‑2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punti 32 u 37.

( 83 ) Ara, pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija bid-Dritt (Il-Kummissjoni ta’ Venezia), Opinjoni Nru 403/2006, Ħatriet Ġudizzjarji, tat‑22 ta’ Ġunju 2007, CDL‑AD(2007)028, punt 28, L-Opinjoni taċ-CCJE tal-2007, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 15; Ir-Rapport tan-NU tal‑2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 66.

( 84 ) Ara, pereżempju, il-Karta Ewropea tal‑1998, nota ta’ qiegħ il-paġna 32, l-espożizzjoni tal-motivi, punt 1.3, Opinjoni taċ-CCJE tal‑2007, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punti 17 sa 19, ir-Rakkomandazzjoni tal‑2010, nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 27; iċ-CCJE, il-Magna Carta tal-Imħallfin (Prinċipji Fundamentali), tas‑17 ta’ Novembru 2010, CCJE(2010) 3 Finali, punt 13; ir-Rapport tan-NEKĠ tal‑2011, nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punti 2.1 sa 2.3.

( 85 ) Ara, pereżempju, il-Karta Ewropea tal‑1998, nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 1.3; l-Opinjoni taċ-CCJE tal‑2007, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punti 25 sa 31; ir-Rapport tan-NEKĠ tal‑2011, nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 2.3; ir-Rapport tan-NU tal‑2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punti 75 u 76.

( 86 ) Ara, pereżempju, l-Opinjoni taċ-CCJE tal‑2007, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 35; ir-Rapport tan-NU tal‑2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 83. Ara wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-Ewropea dwar it-Tisħiħ tal-Indipendenza u l-Imparzjalità Ġudizzjarja, 13 ta’ April 2016, CM(2016)36 final, Nota ta’ Spjegazzjoni, Azzjoni 1.1, p. 20 (“Bdil fil-qafas legali għall-operazzjoni ta’ kunsilli ġudizzjarji ma għandux iwassal għat-terminazzjoni bikrija tal-mandati tal-persuni eletti taħt il-qafas preċedenti, ħlief meta l-bidla tal-qafas legali jkollu l-għan li jsaħħaħ l-indipendenza tal-kompożizzjoni tal-kunsill”).

( 87 ) Ara, pereżempju, il-Karta Ewropea tal‑1998, nota ta’ qiegħ il-paġna 32, punt 3.1, ir-Rapport tan-NEKĠ tal‑2011, nota ta’ qiegħ il-paġna 82, punt 3.3; il-Lista tal-Kriterji tal-Istat tad-Dritt tal-2016, nota ta’ qiegħ il-paġna 36, punt 81; ir-Rapport tan-NU tal‑2018, nota ta’ qiegħ il-paġna 81, punt 48.

( 88 ) Jiġifieri, wieħed u għoxrin membru tal-KNĠ huma maħtura mill-awtoritajiet leġiżlattivi (ħmistax‑il membru ġudizzjarju + erba’ membri maħtura mis-Sejm + żewġ membri maħtura mis-Senat, il-kamra superjuri tal-Parlament Pollakk); membru 1 huwa maħtur mill-President tar-Repubblika; u mit‑tliet membri ex officio, 1 huwa membru tal-awtorità eżekuttiva (il-Ministru għall-Ġustizzja) u 2 huma membri tal-ġudikatura (l-Ewwel President tal-Qorti Suprema u l-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema). Ara l-punt 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 89 ) Ara, inter alia, il-proposta motivata tal-Kummissjoni, nota ta’ qiegħ il-paġna 3, premessi 141 sa 143; Opinjoni Nru 904/2017 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 24 sa 26, ir-Rapport tan-NU tal-2018 dwar il-Polonja, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 67 sa 69.

( 90 ) Jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li jistgħu jittieħdu mezzi alternattivi biex dawn l-għanijiet jintlaħqu, kif indikat mill-Kummissjoni ta’ Venezia Opinjoni Nru 904/2017, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 27; il-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni (iktar ’il quddiem il-“GRECO”), l-Addendum għar-Rapport tar-Raba’ Evalwazzjoni dwar il-Polonja, tat‑22 ta’ Ġunju 2018, Greco-AdHocRep(2018)3, punti 28 u 29.

( 91 ) Ara, pereżempju, il-proposta motivata tal-Kummissjoni, nota ta’ qiegħ il-paġna 3, premessi 140, 144, 145 u 175; l-Opinjoni Nru 904/2017 tal-Kummissjoni ta’ Venezia, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 28 sa 31; u r-Rapport tan-NU tal-2018 dwar il-Polonja, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 70.

( 92 ) Għal sommarju, ara l-istqarrija għall-stampa tat-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali) wara s-seduta, K 12/18, disponibbli fuq http://trybunal.gov.pl/.

( 93 ) Għandu jiġi indikat li fl-Opinjoni tagħha Nru 904/2017, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, b’mod partikolari punti 89 sa 95, 128 sa 131, il-Kummissjoni ta’ Venezia kkunsidrat l-isforzi konġunti tal-leġiżlazzjoni Pollakka fuq il-KNĠ u l-Awla Dixxiplinari flimkien ma’ riformi oħra, bħala theddida gravi għall-indipendenza ġudizzjarja. Iktar minn hekk, fis‑17 ta’ Settembru 2018, in-NEKĠ issospenda l-isħubija tal-KNĠ minħabba t-tibdil fil-ħatra tal-membri ġudizzjarji tiegħu flimkien ma’ tlettax‑il ċirkustanza addizzjonali, inkluż li l-Liġi dwar il-KNĠ hija parti mir-riforma ġenerali biex issaħħaħ il-pożizzjoni tal-eżekuttiv u tikser l-indipendenza ġudizzjarja: ara t-Teħid ta’ Pożizzjoni tan-NEKĠ, nota ta’ qiegħ il-paġna 28, u l-Istqarrija għall-Istampa, “ECNJ Suspends Polish National Judicial Council – KRS”, disponibbli fuq http://www.encj.eu/.

( 94 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 20 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 95 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑543/14, EU:C:2016:605, punti 4041, u tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 96 ) Qiegħed ninnota li, skont it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, mill‑20 Stat Membru investigat, il-Polonja hija l-uniku Stat Membru fejn il-ħatra tal-membri ġudizzjarji tal-kunsill ġudizzjarju hija proposta mhux esklużivament mill-imħallfin u l-ħatriet isiru mill-Parlament. Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, it-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall‑2019, COM(2019) 198 finali, tas‑26 ta’ April 2019, figura 54, pp. 55 u 62. Ara wkoll l-Opinjoni Finali tal-OSKE tal-2017 dwar il-Polonja, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 43 sa 46.

( 97 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:529, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tanchev fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:325, punt 63, nota ta’ qiegħ il-paġna 41.

( 98 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 32, u tal-24 ta’ Ġunju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 47. Kif osservajt fil-punt 40 fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:517, “jista’ jkun hemm riskju ta’ ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fl-Istat Membru emittenti anki jekk dan ma jiksirx l-Istat tad-dritt”

( 99 ) EU:C:2019:325.

( 100 ) EU:C:2019:529.

( 101 ) EU:C:2019:531.

( 102 ) Qabbel is-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet fis-sistema ġudizzjarja), C 216/18 PPU, EU:C:2018:586, b’mod partikolari l-punti 60, 73 u 74.

( 103 ) Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531. Nosserva li, fil-punti 115 u 116 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-intervent tal-KNĠ fil-kuntest ta’ proċedura għall-estensjoni tal-perijodu li matulu mħallef iwettaq dmirijiet lil hinn mill-età tal-irtirar normali jista’ bħala prinċipju jikkontribwixxi sabiex il-proċedura ssir iktar oġġettiva, iżda “dan huwa l-każ biss sa fejn ikunu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet, u b’mod partikolari li din il-qorti hija stess tkun indipendenti mill-awtorità leġiżlattiva u mill-eżekuttiv u mill-awtorità li hija tiġi msejħa minnha sabiex tagħti opinjoni”.

( 104 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 2018, Minister for Justice and Equality u Commissioner of the Garda Siochána (C‑378/17, EU:C:2018:979, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 105 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger (C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 79).

( 106 ) Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C‑432/05, EU:C:2007:163, b’mod partikolari l-punti 40 u 41. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 103104.