KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ-BORDONA

ippreżentati fit‑28 ta’ Novembru 2019 ( 1 )

Kawża C‑567/18

Coty Germany GmbH

vs

Amazon Services Europe Sàrl,

Amazon FC Graben GmbH,

Amazon Europe Core Sàrl,

Amazon EU Sàrl

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Rinviju għal domanda preliminari — Trade mark tal-Unjoni Ewropea — Effetti tat-trade mark — Drittijiet mogħtija mit-trade mark — Dritt ta’ projbizzjoni tal-ħażna tal-prodotti minn kwalunkwe parti terza sabiex toffrihom jew tqegħidhom fis-suq — Ħażna ta’ prodotti minn parti terza li tinjora l-ksur tad-dritt ta’ trade marks”

1. 

Fis-sentenza Coty Germany ( 2 ), il-Qorti tal-Ġustizzja affaċċjat waħda mill-problemi li jqajmu “il-pjattaformi terzi għall-bejgħ fuq l-internet tal-prodotti [ta’ lussu]”, fil-kuntest ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva. F’din il-kawża, dak li ġie deċiż kienet il-validità tal-projbizzjoni li wieħed jirrikorri għal dawn il-pjattaformi (jew għal impriżi terzi għall-bejgħ fuq l-internet), imposta fuq id-distributuri awtorizzati ta’ ċerti prodotti kożmetiċi, sabiex tinżamm id-dehra ta’ lussu tagħhom.

2. 

L-istess impriża li tat lok għal din it-tilwima (Coty Germany Gmbh) ippreżentat rikors quddiem il-qrati Ġermaniżi, li jaffettwa wkoll l-attività tal-pjattaformi ta’ kummerċ elettroniku, b’mod partikolari, ta’ waħda mill-iktar magħrufa, Amazon. Fl-opinjoni tagħha, ċerti impriżi tal-grupp Amazon kisru d-dritt tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni fir-rigward tal-projbizzjoni tal-użu tas-sinjal minn parti terza ( 3 ). Il-ksur allegatament twettaq meta dawn l-impriżi intervjenew, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, fil-bejgħ ta’ fwieħa protetta mit-trade mark, li Coty Germany hija l-entità li għandha l-liċenzja għaliha.

3. 

Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) li, finalment, għandha ssolvi t-tilwima wara s-sentenzi mogħtija minn qorti tal-ewwel istanza u minn qorti tal-appell, tqajjem id-dubji tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 ( 4 ), li jidentifika d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark tal-Unjoni ( 5 ).

I. Il-kuntest ġuridiku. Ir-Regolament (UE) 2017/1001 ( 6 )

4.

Ir-Regolament 2017/1001 ikkodifika u ssostitwixxa r-Regolament Nru 207/2009, li kien applikabbli fid-data tal-fatti tal-kawża. Il-qorti tar-rinviju tirreferi għaż-żewġ regolamenti, filwaqt li tenfasizza li, minħabba n-natura tar-rikors ippreżentat, għandu japplika dak li huwa fis-seħħ bħalissa. Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni rilevanti għal din il-kawża ( 7 ) ma sarilhiex tibdil sostanzjali fl-ebda wieħed miż-żewġ regolamenti.

5.

L-Artikolu 9 (“Drittijiet mogħtija minn trademark tal-UE”) jipprovdi li:

“1.   Ir-reġistrazzjoni tat-trademark tal-UE għandha tagħti drittijiet esklużivi lill-proprjetarju.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet ta’ proprjetarji li jkunu nkisbu qabel id-data tal-applikazzjoni jew id-data ta’ prijorità tat-trademark tal-UE, il-proprjetarju ta’ dik it-trademark tal-UE għandu jkollu d-dritt li jimpedixxi kull parti terza, li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu, li tuża, fil-proċess normali tan-negozju, marbut mal-oġġetti jew servizzi, kwalunkwe sinjal fejn:

(a)

is-sinjal ikun identiku għat-trademark tal-UE u jintuża b’rabta ma’ oġġetti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom tkun ġiet irreġistrata t-trademark tal-UE;

[…]

3.   Dawn li ġejjin, b’mod partikolari, jistgħu jiġu pprojbiti skont il-paragrafu 2:

[…]

(b)

l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]”.

II. Il-fatti tal-kawża, il-proċedura quddiem il-qrati nazzjonali u d-domanda preliminari

6.

Coty Germany, li tbigħ prodotti kożmetiċi fil-Ġermanja, hija proprjetarja ta’ liċenzja tat-trade mark tal-Unjoni “DAVIDOFF”, għal “fwieħa, żjut essenzjali u prodotti kożmetiċi”. Bħala entità liċenzjata, għandha s-setgħa (mogħtija mill-impriża proprjetarja tar-reġistru tat-trade mark) li teżerċita, proprju f’isimha, id-drittijiet li jirriżultaw minn dan is-sinjal.

7.

Amazon Services Europe S.a.r.l. (iktar ’il quddiem “Amazon Services”), b’sede fil-Lussemburgu, tagħti lil bejjiegħa terzi l-possibbiltà li jippubblikaw offerti tal-prodotti tagħhom fuq is-sit amazon.de. Il-kuntratti ta’ bejgħ tal-prodotti mqiegħda fis-suq b’dan il-mod jiġu konklużi bejn il-bejjiegħa terzi u x-xerrejja.

8.

Il-bejjiegħa jistgħu jipparteċipaw fil-programm “Mibgħut minn Amazon” ( 8 ), li jinkludi kemm il-ħażna tal-prodotti f’ċentri loġistiċi ta’ impriżi tal-grupp Amazon, kif ukoll il-bgħit tal-merkanzija lix-xerrej u servizzi addizzjonali oħrajn.

9.

Fit‑8 ta’ Mejju 2014, xerrej b’perijodu ta’ prova ta’ Coty Germany xtara, permezz tas-sit amazon.de, il-fwieħa “Davidoff Hot Water EdT 60 ml” li kienet qiegħda toffri s-Sinjura OE (iktar ’il quddiem il-“bejjiegħa”) bl-indikazzjoni “Versand durch Amazon” (“Mibgħut minn Amazon”), ladarba l-bejjiegħa kienet ibbenefikat minn dan il-programm.

10.

Amazon Services kienet inkarigat lil Amazon FC Graben GmbH (iktar ’il quddiem “Amazon FC”), impriża tal-istess grupp li tuża maħżen ta’ merkanzija, b’sede fi Graben, il-Ġermanja, mill-ħażna tal-prodotti tal-bejjiegħa.

11.

Konxja bil-bejgħ ta’ dawn il-prodotti, Coty Germany ordnat lill-bejjiegħa sabiex twaqqaf l-offerta tagħha, billi allegat li d-dritt ta’ trade mark tal-fwieħa ma kienx eżawrit. Bħala risposta, il-bejjiegħa ħarġet dikjarazzjoni ta’ waqfien, flimkien ma’ klawżola ta’ penalità għall-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

12.

Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2014, Coty Germany talbet lil Amazon Services tikkunsinnalha l-fwejjaħ “Davidoff Hot Water EdT 60 ml” kollha tal-bejjiegħa. Amazon Services bagħtitilha pakkett bi tletin fwieħa ta’ dan it-tip. Minħabba l-fatt li impriża oħra tal-grupp Amazon kienet ikkomunikat li ħdax minn dawn it-tletin unità kienu ġejjin mingħand bejjiegħ differenti, Coty Germany talbet lil Amazon Services tipprovdilha l-isem u l-indirizz ta’ dan il-bejjiegħ; żiedet li, mit-tletin fwieħa rċevuti, disgħa u għoxrin kienu jikkorrispondu għal prodotti li d-dritt ta’ trade mark tagħhom ma ġiex eżawrit. Amazon Services qalet li ma kienx possibbli tispeċifika dik l-impriża li l-ħdax-il fwieħa msemmija kienu ġejjin mill-inventarju tagħha.

13.

Coty Germany, billi qieset li l-aġir ta’ Amazon Services u ta’ Amazon FC kien jikser id-dritt ta’ trade mark tagħha, ippreżentat rikors sabiex iż-żewġ impriżi jiġu kkundannati li ma jibqgħux iżommu jew li jwaqqfu l-bgħit tal-fwieħa bit-trade mark “Davidoff Hot Water” sabiex titqiegħed fis-suq (eventwalment minn partijiet terzi) tal-kummerċ fil-Ġermanja.

14.

L-azzjoni ta’ inibizzjoni kienet tikkonċerna l-prodotti mhux imqiegħda fis-suq mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn partijiet terzi bil-kunsens ta’ dan, fit-territorju nazzjonali, kif ukoll fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni jew li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea ( 9 ). Din l-azzjoni kienet akkumpanjata mit-talba għall-kumpens għad-danni (il-kumpens mitlub kien ta’ EUR 1 973.90, flimkien mal-interessi tal‑5 % mill‑24 ta’ Ottubru 2014).

15.

Kemm is-sentenza tal-ewwel istanza, kif ukoll dik tal-appell ( 10 ), ċaħdu t-talbiet ta’ Coty Germany. Il-qorti tal-appell sostniet, b’mod partikolari, li:

Amazon FC ma kinitx użat it-trade mark inkwistjoni, lanqas ma kienet żammet il-fwejjaħ bil-għan li toffrihom jew tqegħidhom fis-suq, iżda sempliċement kienet ħażnithom għall-bejjiegħa. Konsegwentement, ma setgħetx titqies li wettqet ksur, lanqas ma setgħet tiġi obbligata twaqqaf l-aġir tagħha fir-rigward tal-fwejjaħ. Ladarba ma nstabx li kellha għarfien dwar dan in-nuqqas ta’ eżawriment tad-dritt ta’ trade mark fuq il-prodott, ma setgħetx titqies responsabbli koawtur ta’ jew bħala parteċipant fi ksur ta’ dan id-dritt.

Amazon Services ma kellhiex il-merkanzija tal-bejjiegħa fil-pussess tagħha, lanqas ma bagħtet il-prodotti inkwistjoni lix-xerrejja tagħhom, u għaldaqstant, a fortiori, ma għandhiex tinstab ħatja.

16.

Ladarba din is-sentenza mogħtija fl-appell (“Revision”) ġiet ikkontestata quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), din il-qorti sostniet li, billi Coty Germany bdiet azzjoni ta’ inibizzjoni, li tippreżupponi riskju ta’ repetizzjoni, ir-rikors huwa fondat biss jekk l-aġir tal-konvenuti jista’ jikkostitwixxi ksur kemm fil-mument meta ġie ppreżentat, kif ukoll meta tingħata deċiżjoni dwar l-appell.

17.

Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ċċarat jekk, fid-dawl tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001, persuna li taħżen prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark, mingħajr ma jkollha għarfien dwar dan il-ksur, iżżommx dawn il-prodotti bil-għan li toffrihom jew tqegħidhom fis-suq, meta ma tkunx hija stess, iżda parti terza, li tfittex li toffrihom jew tqegħidhom fis-suq.

18.

Skont il-qorti tar-rinviju, din id-domanda għandha tingħata risposta negattiva, minħabba li:

Skont il-ġurisprudenza proprja tagħha dwar il-privattivi, is-sempliċi żamma jew it-trasport ta’ prodotti bi ksur ta’ dritt dwar il-privattivi, imwettqa minn magazzinier, trasportatur jew burdnar, b’mod ġenerali, ma jitwettqux bil-għan li jiġu offruti jew imqiegħda fis-suq ( 11 ).

Ma huwiex iġġustifikat il-fatt li jiġu mminati l-limiti tar-responsabbiltà tal-possessur, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi Nazzjonali tal-Privattivi, permezz tal-attribuzzjoni tal-intenzjoni tal-possessur medjat lill-possessur dirett.

Din il-kunsiderazzjoni tista’ tapplika għad-dritt ta’ trade marks. Il-limiti tar-responsabbiltà tal-possessur jiġu estiżi eċċessivament, skont l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001, jekk, bis-sempliċi żamma tal-prodotti li jiksru d-dritt, din ir-responsabbiltà tiġi attribwita lill-magazzinier li ma għandux għarfien ta’ dan il-ksur.

19.

F’din iċ-ċirkustanza, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001:

“Persuna li, għan-nom ta’ terz taħżen prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark mingħajr ma jkollha għarfien ta’ dan il-ksur, iżżomm dawn il-prodotti sabiex toffrihom jew tqegħidhom fis-suq jekk ma tkunx hija stess iżda t-terz li, waħdu, jintendi joffri dawn il-prodotti jew iqegħidhom fis-suq?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.

Id-digriet tar-rinviju ġie rreġistrat fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑7 ta’ Settembru 2018, u Coty Germany, Amazon Services u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Kollha intervjenew fis-seduta, li saret fid‑19 ta’ Settembru 2019, fejn ipparteċipa wkoll il-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

IV. Analiżi

A.   Ammissibbiltà tad-domanda preliminari

21.

Coty Germany ssostni li d-digriet tar-rinviju ma jirriflettix kif xieraq is-sitwazzjoni tal-kawża, fatt li jwassal sabiex titqiegħed fid-dubju l-ammissibbiltà tad-domanda preliminari, minħabba n-natura ipotetika tagħha. Din issostni li l-attività tal-impriżi Amazon Services u Amazon FC ma tikkorrispondix għal dik ta’ sempliċi magazzinier jew trasportatur tal-merkanzija: l-intervent tagħhom fil-kuntratti dwar il-prodotti li jiġu offruti fil-pjattaforma u l-ġbir tal-prezz ta’ bejgħ jimplikaw, fost l-oħrajn, li huma informati fid-dettall dwar il-merkanzija maħżuna u rrilaxxata.

22.

Skont Coty Germany, dawn iż-żewġ impriżi ma humiex limitati għas-sempliċi disponibbiltà ta’ pjattaforma ta’ bejgħ elettroniku u għall-ħażna tal-merkanzija mibjugħa mill-klijenti tagħha, rispettivament, iżda joffru numru ta’ servizzi li jippreżupponu valur miżjud għad-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti (f’din il-kawża, prodotti li jiksru drittijiet ta’ trade mark). Barra minn hekk, il-bejjiegħ kien approvalhom iż-żamma effettiva tal-merkanzija.

23.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat repetutament li, skont il-proċedura tal-Artikolu 267 TFUE, hija la tista’ tevalwa l-aspetti li jikkostitwixxu kwistjonijiet ta’ fatt ( 12 ), u lanqas tivverifika l-eżattezza ta’ dawn l-istess fatti ( 13 ). Fil-kuntest tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, l-ewwel waħda għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi preliminari, kif iddefinit fid-deċiżjoni tar-rinviju ( 14 ).

24.

Il-fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża ma taqbilx mal-verżjoni tal-fatti ppreżentata mill-qorti tar-rinviju, jew tikkunsidraha insuffiċjenti, ma huwiex biżżejjed sabiex domanda preliminari tiġi miċħuda bħala inammissibbli. Ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ din il-verżjoni u għandha tipprevali l-preżunzjoni ta’ rilevanza li jgawdu minnha d-domandi preliminari ( 15 ). Dawn jiġu ddikjarati inammissibbli, fost raġunijiet oħrajn, meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima ( 16 ). Xejn minn dan ma jiġri f’dan ir-rinviju.

25.

Madankollu, huwa minnu li, għalkemm hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħmel sforz sabiex tagħtiha risposti utli ( 17 ). Xejn ma jwaqqaf lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tagħti lill-qorti nazzjonali indikazzjonijiet, ibbażati fuq il-proċess tal-kawża u fuq l-osservazzjonijiet sottomessi lilha, dwar aspetti li ma ġewx indirizzati fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, jekk tikkunsidrahom rilevanti sabiex ittejjeb il-kollaborazzjoni tagħha mal-qorti tar-rinviju ( 18 ).

26.

Fis-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lil Amazon Services u lil Amazon FC jispeċifikaw “il-firxa tas-servizzi offruti minn Amazon fil-kuntest tal-programm tagħha ‘Mibgħut minn Amazon’”. B’mod partikolari, talbithom sabiex “jieħdu pożizzjoni dwar id-deskrizzjoni pprovduta minn Coty Germany fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha […] dwar it-tranżazzjonijiet li Amazon twettaq fil-kawża prinċipali għan-nom tal-bejjiegħ terz”. Dawn id-domandi nnifishom jiżvelaw predispożizzjoni inizjali sabiex tiġi kompluta l-informazzjoni fattwali li, forsi b’mod konċiż, jipprovdi d-digriet tar-rinviju.

27.

Għalhekk, fid-dawl ta’ kif ġiet żviluppata din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ser nadotta approċċ doppju, ibbażat fuq viżjonijiet — iktar milli verżjonijiet — tal-fatti:

Minn naħa waħda, ser nillimita ruħi għall-espożizzjoni tal-fatti kif huma deskritti fid-digriet tar-rinviju. Fid-dawl ta’ din l-espożizzjoni, Amazon Services u Amazon FC, li t-tnejn li huma jifformaw parti minn pjattaforma ta’ kummerċ elettroniku, jaġixxu bħala l-operatur prinċipali ta’ din il-pjattaforma online (l-ewwel waħda) u bħala fornitur ta’, fost l-oħrajn, servizzi ta’ ħażna ta’ merkanzija (it-tieni waħda).

Min-naħa l-oħra, alternattivament, ser nikkunsidra l-isfumaturi li jirriżultaw mill-osservazzjonijiet tal-partijiet u mir-risposti tagħhom għal uħud mid-domandi magħmula fis-seduta. Għalhekk, ix-xenarju kkostitwit huwa iktar kumpless u jitlob li tingħata attenzjoni lill-mudell ta’ negozju integrat (għall-kuntrarju ta’ mudell awtonomu) tal-grupp Amazon, kif ukoll lid-dettalji tas-servizzi tagħhom lil bejjiegħa terzi, meta dawn jibbenefikaw mill-programm “Mibgħut minn Amazon”.

28.

Nirrepeti li l-ewwel approċċ jikkunsidra l-espożizzjoni li għamlet riferiment għaliha l-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja), li tikkoinċidi ma’ dik tas-sentenza tal-appell. Din il-qorti għandha tiddeċiedi, definittivament, jekk tibbażax ruħha biss fuq il-fatti kif jaslulha mill-qrati inferjuri (proprju tal-qorti tal-appell) jew jekk tistax tmur lil hinn u tevalwa l-effetti ta’ elementi oħrajn li hija stess ma inkludietx fir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

29.

Fi kwalunkwe każ, hemm żewġ elementi li ma jiġu kkontestati mill-ebda waħda mill-partijiet: a) sar użu kummerċjali tat-trade mark mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tagħha (jew tal-entità liċenzjata tagħha); b) dan l-użu kien jikser id-dritt marbut mat-trade mark, li ma kienx ġie eżawrit, fis-sens tal-Artikolu 15 tar-Regolament 2017/1001, minħabba li ma kinux “oġġetti li jkunu tqiegħdu fis-suq fiż-Żona Ekonomika Ewropea taħt dik it-trademark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu”.

B.   Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001

30.

Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni tagħti lill-proprjetarju tagħha d-dritt esklużiv li jipprojbixxi kull parti terza, mingħajr il-kunsens tiegħu, milli tuża, fil-kummerċ, sinjal identiku għal din it-trade mark, b’rabta ma’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark. Dan huwa stabbilit fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001.

31.

Huwa biss meta jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet (jiġifieri, dawk stabbiliti fl-imsemmi paragrafu 2) li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi “l-offerta ta’ oġġetti, it-tqegħid fis-suq, jew il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet taħt is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal” minn partijiet terzi. Dan huwa stabbilit fl-ittra (b) tal-paragrafu (3) tal-istess artikolu.

32.

Għalkemm il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix dwar ir-rekwiżiti ta’ dan il-paragrafu 2, nemmen li huwa xieraq li nindirizzah, minħabba l-effett li jista’ jkollu fuq ir-risposta għad-domanda preliminari. Barra minn hekk, il-problemi marbuta mal-użu jitfaċċjaw mill-ġdid meta jkun meħtieġ li tiġi eżaminata l-interpretazzjoni tal-paragrafu 3 tal-istess dispożizzjoni.

1. Osservazzjonijiet preliminari: fuq in-nuqqas eventwali ta’ użu tat-trade mark fil-kummerċ proprju

33.

Is-sentenza tal-appell iddikjarat li l-aġir ta’ Amazon FC ma kienx jimplika użu fis-sens tal-imsemmi paragrafu 2 ( 19 ), iżda ma żviluppatx din l-affermazzjoni, minħabba li solviet it-tilwima billi rrikorriet għan-nuqqas ta’ żamma tal-merkanzija bil-għan li tbigħha, u għan-nuqqas ta’ għarfien li dawn kienu prodotti li d-dritt ta’ trade mark tagħhom ma ġiex eżawrit.

34.

Fir-rigward tal-qorti tar-rinviju, tidher li tittratta, b’mod impliċitu, fl-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2017/1001, iċ-ċirkustanzi li fihom Amazon Services u Amazon FC jużaw it-trade mark inkwistjoni.

35.

Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li, probabbilment, l-impriżi tal-grupp Amazon ma kinux jużaw is-sinjal inkwistjoni bħala trade mark, b’tali mod li ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001. Ladarba l-paragrafu 2 huwa dispożizzjoni indispensabbli għall-applikazzjoni tal-paragrafu 3, jekk il-perspettiva tal-Kummissjoni tiġi aċċettata, tonqos il-ħtieġa li jiġi eżaminat dan tal-aħħar.

36.

Skont il-Kummissjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġi dedott li l-intermedjarji ( 20 ), kif ukoll min jaħżen il-merkanzija u t-trasportaturi, li joffru servizzi lil partijiet terzi, ma jitqisux responsabbli għall-ksur tad-drittijiet ta’ trade marks li jwettqu, minħabba li ma jużawx is-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tiegħu, u lanqas fit-tranżizzjoni ekonomika tagħhom ( 21 ).

37.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar kif il-Qorti tal-Ġustizzja affaċċjat domanda preliminari dwar l-aġir ta’ operatur ta’ suq elettroniku (eBay), li fuq is-sit internet tiegħu kienu jidhru reklami ta’ prodotti protetti bi trade marks tal-Unjoni, imqiegħda għall-bejgħ minn persuni li għal dan il-għan kienu rreġistraw u ħolqu kont ta’ bejjiegħ (filwaqt li eBay jiġbor perċentwali mit-tranżazzjonijiet li jsiru). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-operatur ma jużax it-trade mark bl-uniku għan li juriha fuq il-pjattaforma ta’ suq elettroniku tiegħu għall-benefiċċju tal-bejjiegħ ( 22 ).

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li:

Fir-rigward ta’ min jaħżen il-merkanzija, “[il-]provvista minn din tal-aħħar tas-servizz ta’ ħżin ta’ merkanzija li għandha t-trade mark ta’ ħaddieħor ma tikkostitwixxix użu tas-sinjal identiku għal din it-trade mark għal prodotti u servizzi identiċi jew simili għal dawk li għalihom l-imsemmija trade mark hija rreġistrata” ( 23 ).

Fir-rigward tal-operatur ta’ suq elettroniku, “l-eżistenza ta’ ‘użu’ ta’ sinjal identiku jew simili għat-trade mark tal-proprjetarju minn terza persuna, fis-sens tal-Artikoli 5 tad-Direttiva[89/104/KEE tal-Kunsill tal‑21 ta’ Diċembru 1988, L-ewwel Direttiva biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92)] u 9 tar-Regolament [tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta’ l‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)], timplika, tal-inqas, li din tal-aħħar tagħmel użu mis-sinjal fil-kuntest tal-komunikazzjoni kummerċjali tagħha stess. Issa, sa fejn din it-terza persuna tipprovdii servizz li jippremetti lil klijenti tagħha li juru, fil-kuntest tal-attivitajiet kummerċjali tagħhom bħall-offerti għall-bejgħ tagħhom, sinjali li jikkorrispondu għal trade marks fuq is-sit tagħha, hija nnifisha ma tkunx qiegħda tagħmel użu fuq l-imsemmi sit minn dawn is-sinjali fis-sens previst mill-imsemmija leġiżlazzjoni tal-Unjoni” ( 24 ).

39.

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi distinzjoni bejn operaturi sabiex tiddetermina jekk jeżistix użu minn parti terza ta’ sinjal identiku għat-trade mark. Dan l-użu ma jsirx, għall-finijiet tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament 2017/1001, meta l-parti terza sempliċement tipprovdi soluzzjoni teknika neċessarja għall-użu minn sinjal ( 25 ) jew meta twettaq aġir passiv, mingħajr maestrija diretta jew indiretta tal-att li jikkostitwixxi l-użu . ( 26 )

40.

Bl-istess għan li teżamina jekk hemmx użu tas-sinjal f’dan it-tip ta’ każijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa l-eżami tagħha tar-rabta bejn is-sinjal u s-servizz tal-fornitur ( 27 ). Fin-nuqqas ta’ din ir-rabta, ma jkunx hemm użu tat-trade mark min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

41.

Mill-perspettiva tal-fatti kif jiġu esposti fid-digriet tar-rinviju, jista’ jiġi dedott li Amazon Services u Amazon FC ma jużawx it-trade mark tal-fwieħa bħala proprja: dawn jillimitaw ruħhom sabiex jipprovdu, lill-bejjiegħa u lix-xerrejja, is-servizzi tipiċi ta’ intermedjazzjoni, mingħajr l-użu tas-sinjal Davidoff fil-komunikazzjoni kummerċjali tagħhom, u lanqas fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom.

42.

Madankollu, jekk wieħed jikkonforma mal-approċċ alternattiv tal-fatti, li diġà semmejt iktar ’il fuq, jista’ jiġi rrikonoxxut li l-impriżi tal-grupp Amazon kienu jużaw is-sinjal Davidoff, b’tali mod li ma kinux limitati sabiex jagħmlu l-mezzi tekniċi diġitali disponibbli għall-bejjiegħa, iżda kienu joffru servizz b’mod li ġiet stabbilita rabta bejn is-sinjal u s-servizz imsemmi.

43.

Għalhekk, jidhirli li hija adattata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li, wara li poġġiet f’dubju l-użu tat-trade mark jekk l-impriżi tal-grupp Amazon joħolqu biss il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-użu tagħhom minn partijiet terzi ( 28 ), tiftaħ il-bieb għal dawn l-istess impriżi sabiex jużaw it-trade mark fil-kummerċ. Għal dan il-għan, il-provvista tas-servizzi tagħhom għandhom jimplikaw imġiba attiva u maestrija, diretta jew indiretta, tal-att li jikkostitwixxi l-użu ( 29 ), li l-qorti tar-rinviju għandha tanalizza. Dan ser nittrattah sussegwentement.

2. Iż-żamma tal-oġġetti għall-offerta jew it-tqegħid fis-suq tagħhom

44.

Ladarba, għall-grazzja tal-argument, jiġi rrikonoxxut li jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament 2017/1001, sussegwentement għandha tiġi ddelimitata l-portata tal-ius prohibendi li hija rregolata mill-ittra (b) tal-paragrafu 3 tiegħu.

45.

Fost l-attivitajiet li l-proprjetarju tat-trade mark jista’ jipprojbixxi lill-partijiet terzi li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu, hemm “l-offerta ta’ oġġetti”, “it-tqegħid fis-suq [tagħhom]” jew “il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet”. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, b’mod partikolari, dwar it-tifsira tal-frażi “żamma […] għall-finijiet ta’ offerta jew ta’ tqegħid fis-suq” tal-merkanzija li tikser it-trade mark ( 30 ).

46.

It-terminu “żamma”, li l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf il-karatteristiċi tiegħu, ma jidhirx fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001. Dik Franċiża (“détenir”) u dik Ġermaniża (“besitzen”) li jirrikorru għal kliem li huma direttament marbuta mal-kunċett legali taż-żamma (possessio). Oħrajn, bħal dik Spanjola, Taljana, Portugiża, Ingliża u Svediża jippreferu verbi jew nomi li jindikaw l-attività ta’ ħżin tal-oġġetti ( 31 ).

47.

Madankollu, nemmen li fil-lingwi kollha tintwera biċ-ċar l-idea ta’ żamma għal finijiet kummerċjali, għalhekk mal-ħażna (jew, fil-verżjonijiet li jużaw dan it-terminu, maż-żamma) jiġi miżjud ir-rekwiżit li titwettaq din l-attività “għal dawk l-għanijiet”, jiġifieri, għall-offerta jew it-tqegħid fis-suq tal-oġġetti, mingħajr ma jiġu osservati d-diverġenzi lingwistiċi dwar din it-tieni parti tas-sentenza.

48.

Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan tal-aspett tal-ius prohibendi tal-proprjetarju tat-trade mark huma, għalhekk, tnejn, u t-tnejn li huma għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jitwettaq ksur ta’ dan id-dritt:

Element materjali, iż-żamma tal-merkanzija li tikser id-dritt dwar it-trade mark.

Element intenzjonali, in-natura volontarja taż-żamma għall-finijiet tal-introduzzjoni tal-prodott fis-suq, permezz ta’ kwalunkwe tranżazzjoni, inkluż l-offerta tiegħu.

a) Fuq l-element materjali: iż-żamma

49.

Fir-rigward taż-żamma, għandha ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjoni ta’ min jaħżen il-merkanzija u dik tal-operatur tas-suq elettroniku:

Fir-rigward tal-ewwel waħda, skont il-ġurisprudenza diġà msemmija ( 32 ), min jaħżen il-merkanzija, li sempliċement iżomm il-merkanzija għan-nom ta’ parti terza, fit-twettiq regolari tal-professjoni tiegħu, ma jissodisfax l-elementi neċessarji għall-ksur tad-dritt ta’ trade mark, minkejja li qiegħed iżomm l-oġġetti direttament, meta hija din il-parti terza, u mhux huwa stess, li tfittex li tilħaq il-finijiet kummerċjali permezz tal-prodotti. Għalhekk, l-aġir tagħha ma jidhirx li jimplika l-ħolqien ta’ rabta bejn is-sinjal tal-prodott u s-servizz ta’ ħażna ( 33 ).

Fir-rigward tas-sempliċi operaturi ta’ suq elettroniku, lanqas ma għandhom jiġu kkunsidrati bħala possessuri tal-merkanzija bi ksur ta’ trade mark, jekk l-intermedjazzjoni tagħhom tkun limitata għal waħda analoga għal dik eżaminata fis-sentenza L’Oréal.

50.

Meta japplikaw dawn il-kategoriji għall-fatti kif deskritti mill-qorti tar-rinviju, la Amazon Services u lanqas Amazon FC ma jkunu jżommu prodotti li jiksru t-trade mark bil-għan li jqegħduhom fis-suq jew joffruhom, fis-sens tal-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001. Għalhekk, naqbel mal-evalwazzjoni ta’ din il-qorti dwar l-inklużjoni tal-aġir ta’ dawn l-impriżi fid-dispożizzjoni msemmija.

51.

Madankollu, din l-evalwazzjoni tista’ tinbidel jekk jiġi adottat l-approċċ alternattiv tal-fatti, li għamilt riferiment għalih iktar ’il fuq. Minn din il-perspettiva, Amazon Services u Amazon FC, li t-tnejn huma parti minn mudell integrat ta’ negozju, iwettqu aġir attiv fil-proċess ta’ bejgħ, li ġustament huwa dak li r-regola turi meta tindika azzjonijiet bħal “l-offerta ta’ oġġetti”, “it-tqegħid fis-suq [tagħhom]” jew “il-ħżin tagħhom għal dawk l-għanijiet”. Dan l-aġir attiv għandu l-korollarju tiegħu fid-dehra ta’ kontroll totali tal-proċess ta’ bejgħ.

52.

Fl-attività tal-impriżi tal-grupp Amazon, analizzata f’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni bejn l-elementi esterni (dawk li jiġu nnotati minn konsumatur medju li jikseb prodott minn Amazon) u dawk interni (dawk li jirreferu għar-relazzjoni bejn il-bejjiegħ u Amazon, mingħajr ma jiġu nnotati esternament) ( 34 ).

53.

Ser niffoka fuq il-perspettiva ta’ konsumatur finali li jikseb oġġett mingħand parti terza permezz ta’ sit internet bħal amazon.de, u din it-tranżazzjoni tibbenefika mill-programm “Mibgħut minn Amazon”. Sa fejn ix-xerrej jista’ jinterpreta li hija Amazon Services li tqiegħed fis-suq il-prodotti, jiġifieri, li teżisti “rabta materjali fil-kummerċ bejn dawn il-prodotti u l-impriża ta’ oriġini tagħhom” ( 35 ), tista’ tiġi dedotta l-istess konsegwenza li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha, li tiffavorixxi l-osservazzjoni li jeżisti użu tat-trade mark.

54.

Ix-xerrej li jfittex prodott fuq is-sit internet ta’ Amazon jiġi ppreżentat b’offerti differenti ta’ dan l-istess prodott, li jistgħu jiġu kemm mingħand bejjiegħa li daħlu f’kuntratt ma’ Amazon għat-tqegħid fis-suq tal-oġġetti tagħhom permezz tas-suq elettroniku tagħha, kif ukoll ta’ Amazon innifisha, li tbigħhom għal rasha. Ma huwiex dejjem faċli, lanqas għal utent tal-internet normalment informat u raġonevolment attent, li jsir jaf jekk il-prodotti li qegħdin jiġu ppreżentati lilu joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża li għandha rabta ekonomika miegħu jew, għall-kuntrarju, minn parti terza ( 36 ). B’dan il-mod, tiġi ppreġudikata l-funzjoni essenzjali tat-trade mark, li hija dik ta’ indikazzjoni tal-oriġini tal-prodott.

55.

Permezz tal-programm “Mibgħut minn Amazon”, l-impriżi ta’ dan il-grupp, li jaġixxu f’koordinazzjoni, ma jiħdux ħsieb biss il-ħażna u t-trasport newtrali tal-prodotti, iżda firxa ta’ attivitajiet ħafna usa’.

56.

Fil-fatt, jekk jagħżel dan il-programm, il-bejjiegħ jibgħat lil Amazon il-prodotti magħżula mill-klijent, u huma l-impriżi tal-grupp Amazon li jirċevuhom, jaħżnuhom fiċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tagħhom, jippreparawhom (jistgħu anki jittikkettjawhom, jippakkjawhom b’mod xieraq jew igeżwruhom bħala rigal) u jikkunsinnawhom lix-xerrej. Amazon tista’ tieħu ħsieb anki l-pubbliċità ( 37 ) u t-tixrid tal-offerti fuq is-sit internet tagħha. Barra minn hekk, hija Amazon dik li tipprovdi s-servizz ta’ assistenza lill-klijent fir-rigward ta’ mistoqsijiet u ta’ ritorn ta’ prodotti, u tieħu ħsieb ir-rimborsi tal-prodotti difettużi ( 38 ). Hija Amazon ukoll dik li mingħand ix-xerrej tirċievi l-ħlas tal-merkanzija, li l-ammont tiegħu jidħol wara għand il-bejjiegħ fil-kont bankarju tiegħu ( 39 ).

57.

Dan l-involviment attiv u kkoordinat tal-impriżi ta’ Amazon fit-tqegħid fis-suq tal-merkanzija jimplika t-twettiq ta’ parti kbira tax-xogħol proprju tal-bejjiegħ, li minnu Amazon twettaq “ix-xogħol diffiċli”, kif jiġi enfasizzat fuq is-sit internet tagħha. Fuq din il-paġna, bħala inċentiv għall-bejjiegħ sabiex jibbenefika mill-programm “Mibgħut minn Amazon”, wieħed jista’ jaqra s-sentenza li ġejja: “Ibgħatilna l-prodotti tiegħek u aħna nieħdu ħsieb il-bqija”. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-impriżi ta’ Amazon ikollhom “aġir attiv u maestrija, diretta jew indiretta, tal-att li jikkostitwixxi l-użu [tat-trade mark]” ( 40 ).

58.

Jekk, fil-każ inkwistjoni, ġie kkonfermat li l-impriżi ta’ Amazon ipprovdew dawn is-servizzi (jew, tal-inqas, dawk l-iktar rilevanti) fil-programm “Mibgħut minn Amazon” ( 41 ), jista’ jiġi kkunsidrat li, jew bħala operatur tas-suq elettroniku, jew bħala min jaħżen il-merkanzija, għandhom xi funzjonijiet fit-tqegħid fis-suq tal-prodott, li jmorru lil hinn mis-sempliċi ħolqien tal-kundizzjonijiet tekniċi għall-użu tas-sinjal. Konsegwentement, fil-preżenza ta’ prodott li jikser id-drittijiet tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, ir-reazzjoni ta’ dan tal-aħħar tista’, b’mod leġittimu, tikkonsisti fil-projbizzjoni tal-użu tas-sinjal.

59.

Ir-rwol rilevanti tal-impriżi ta’ Amazon fil-proċess ta’ tqegħid fis-suq ma jistax jiddgħajjef billi tingħata attenzjoni separata lill-attività unika ta’ kull waħda minnhom. Jekk wieħed jittratta l-ħażna, l-immaniġġar tal-ordnijiet u s-servizzi l-oħrajn bl-istess mod bħal dawk ipprovduti minn sempliċi trasportatur jew minn min jaħżen il-merkanzija awtonomi, f’mudell ta’ negozju separat minn kwalunkwe tranżazzjoni oħra tal-katina ta’ distribuzzjoni, ikun qiegħed imur kontra r-realtà ekonomika u l-prinċipju ta’ ugwaljanza ( 42 ).

60.

Il-fatt li l-impriżi tal-grupp Amazon jaffermaw li jaġixxu bħala intermedjarji għan-nom tal-bejjiegħ lanqas ma huwa ostakolu għall-kunsiderazzjonijiet li saru sa issa. Minn naħa waħda, din l-intermedjazzjoni allegata għandha l-karatteristiċi ta’ involviment attiv fit-tqegħid fis-suq, li diġà ġew innotati. Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “huwa mingħajr rilevanza li dan l-użu jsir minn terza persuna fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti għan-nom ta’ operatur ieħor li għandu titolu biss fuq dawn il-prodotti” ( 43 ).

61.

Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti, għall-finijiet sinjifikattivi f’dan il-każ, li l-impriżi tal-grupp Amazon ma jiksbux “titolu [fuq il-prodotti] matul it-tranżazzjoni li fiha [jintervjenu]” ( 44 ).

62.

F’dan il-każ, minħabba li r-rwol tal-intermedjarju ma huwiex newtrali, l-eżenzjonijiet ta’ responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jiġu previsti fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, ma jirregolawx din il-kawża. Dawn l-eżenzjonijiet huma limitati għall-proċess tekniku ta’ użu u provvista tal-aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni, li permezz tiegħu l-informazzjoni pprovduta minn partijiet terzi hija trażmessa jew maħżuna temporanjament ( 45 ). Għalhekk, ma jistgħux japplikaw għal attività bħal dik tal-ħażna fiżika u l-kunsinna materjali tal-prodotti.

63.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31 japplika għall-operatur ta’ suq elettroniku li għandu rwol attiv, bħal dak ta’ provvista ta’ “assistenza maħsuba b’mod partikolari sabiex ittejjeb il-preżentazzjoni tal-offerti għall-bejgħ […] jew sabiex tippromwovi dawn tal-aħħar” ( 46 ).

b) Fuq l-element intenzjonali: l-għan ta’ offerta jew tqegħid fis-suq tal-prodotti maħżuna (jew miżmuma)

64.

L-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001 jitlob li ż-żamma tal-merkanzija li tikser id-dritt ta’ trade marks tkun marbuta mal-għanijiet li din tiġi offruta lill-pubbliku jew imqiegħda fis-suq.

65.

Amazon Services u Amazon FC jallegaw li ma għandhomx rabta diretta ma’ dawn l-għanijiet, minħabba li huma limitati sabiex jipprovdu s-servizzi tagħhom għall-bejjiegħa awtentiċi. Huma jwissu li, jekk ir-responsabbiltà għall-ksur ta’ dritt ta’ trade mark tkun estiża għan-negozjanti li jaħżnu l-merkanzija, iżda mingħajr l-ebda intenzjoni li jbigħuha (sitwazzjoni komuni għal kwalunkwe intermedjarju, għal kull min jaħżen il-merkanzija, għal kwalunkwe trasportatur jew burdnar), tinħoloq inċertezza legali kbira għall-kummerċ leġittimu.

66.

Jidher li l-qorti tar-rinviju taċċetta din it-teorija, għalhekk id-domanda tagħha tagħmel riferiment għal “[p]ersuna li, għan-nom ta’ terz taħżen prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark […] jekk ma tkunx hija stess iżda t-terz li, waħdu, jintendi joffri dawn il-prodotti jew iqegħidhom fis-suq”.

67.

Għalhekk, jista’ jiġi affermat li d-domanda magħmula f’dawn it-termini hija fiha nnifisha r-risposta: jekk hija biss il-parti terza (il-bejjiegħ) li tfittex jew għandha l-intenzjoni li toffri jew tqiegħed fis-suq il-prodotti, huwa eskluż li din l-intenzjoni tkun ukoll tal-impriżi tal-grupp Amazon. L-aġir ta’ dawn tal-aħħar, sempliċement, ma jiġix ittrattat fl-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001, għalhekk hemm nuqqas tal-element finali li titlob id-dispożizzjoni.

68.

Għal darba oħra, ir-risposta tista’ tkun differenti jekk tiġi adottata viżjoni tal-fatti li tagħmel enfasi fuq l-attività unika tal-impriżi ta’ Amazon, bħala involuti b’mod tassew evidenti fit-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti, fil-kuntest tal-programm “Mibgħut minn Amazon”.

69.

Minn din il-perspettiva, li tmur tassew lil hinn minn dik ta’ sempliċi assistent newtrali tal-bejjiegħ, huwa diffiċli li wieħed jiċħad li dawn l-impriżi għandhom, flimkien mal-bejjiegħ, l-għan li joffru jew iqiegħdu fis-suq il-prodotti inkwistjoni.

C.   Ir-responsabbiltà tal-impriżi li jaħżnu l-prodotti li jiksru d-drittijiet ta’ trade mark mingħajr għarfien ta’ dan il-ksur

70.

Il-qorti tar-rinviju inkludiet riferiment espliċitu għall-assenza ta’ għarfien tal-ksur mill-impriżi li jżommu l-prodotti (tippreżupponi li hija parti terza dik li tfittex li toffrihom jew tqegħidhom fis-suq), bħala fattur li jista’ jaffettwa r-responsabbiltà tal-impriżi. Naturalment, tagħmel riferiment għall-impriżi ta’ Amazon li huma konvenuti fil-kawża.

71.

Fid-dawl tal-Artikolu 17 tar-Regolament 2017/1001, il-ksur tat-trade marks tal-Unjoni jiġi rregolat mid-dritt nazzjonali dwar il-ksur ta’ trade marks nazzjonali (paragrafu 1). Ir-regolament innifsu “m’għandux jipprevjeni li jinfetħu kawżi dwar trademark tal-UE taħt il-liġi tal-Istati Membri, partikolarment fir-rigward tal-obbligazzjonijiet ċivili” (paragrafu 2). Fl-Artikolu 129(2), jiġi miżjud li “[d]war il-kwistjonijiet kollha relattivi għat-trademarks mhux koperti minn dan ir-Regolament, il-qorti rilevanti għat-trademark tal-UE għandha tapplika d-dritt nazzjonali”.

72.

Fid-dawl tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/48 ( 47 ), id-dritt nazzjonali applikabbli huwa, minn naħa waħda, dak li jirriżulta mit-traspożizzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-premessa 15 tagħha, id-Direttiva 2004/48 ma taffettwax lid-Direttiva 2000/31, għalhekk hija applikabbli anki l-leġiżlazzjoni nazzjonali li tinkludi din tal-aħħar.

73.

L-eżistenza jew l-assenza ta’ għarfien tal-ksur tad-dritt ta’ trade mark huma rilevanti fis-suq elettroniku: dan jidher fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31, dwar l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji, u l-interpretazzjoni tiegħu mill-Qorti tal-Ġustizzja.

74.

Is-sentenza L’Oréal, kif diġà sostnejt, eżentat lill-operatur li għandu rwol attiv, li permezz tiegħu jikseb għarfien ta’ informazzjoni dwar l-offerti ta’ bejgħ maħżuna fis-server tiegħu ( 48 ). Operatur newtrali lanqas ma jiġi eżentat jekk kellu għarfien effettiv li l-attività jew l-informazzjoni huma illegali u, fir-rigward tat-talba għad-danni, jekk kellu għarfien tal-fatti jew taċ-ċirkustanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti ( 49 ).

75.

Fir-rigward tad-danni, fil-kuntest tad-Direttiva 2004/48, l-għarfien (jew l-assenza tiegħu) tal-illegalità jistgħu jkunu rilevanti wkoll. Dan jirriżulta mill-Artikolu 13(1) b’rabta mal-ksur. Għall-intermedjarji, dan l-istess artikolu (paragrafu 2) iħalli f’idejn l-Istati Membri d-deċiżjoni dwar is-sistema applikabbli għal “[min] daħal f’attività li tikkontravjenu, u ma kiex jaf jew kien jaf imma kellu raġjunijiet validi”.

76.

Kwistjoni differenti minn dik tar-rilevanza tal-għarfien, għalkemm marbuta magħha, hija dik dwar id-diliġenza tal-intermedjarju sabiex jikseb dan l-għarfien. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2004/48 (dwar il-mandati kontra l-intermedjarji li s-servizzi tagħhom kienu użati minn partijiet terzi bi ksur ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali) toffri xi indikazzjoni ( 50 ).

77.

Fid-deċiżjoni L’Oréal, il-Qorti Ġenerali għamlet l-analiżi tal-miżuri li, fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, il-fornitur ta’ servizzi online jista’ jiġi mitlub li jadotta, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur futur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali ta’ parti terza. L-ewwel nett, fakkret l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31, li jeskludi obbligu ġenerali ta’ sorveljanza tal-fornituri ta’ servizzi. It-tieni nett, għamlet riferiment għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/48, fejn enfasizzat li l-miżuri sabiex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali għandhom jiġu applikati b’tali mod li jiġi evitat il-ħolqien ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu.

78.

F’dan il-kuntest, proposta xierqa sabiex jiġi żgurat il-bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tad-dritt ta’ trade mark u l-assenza ta’ ostakoli għall-kummerċ leġittimu tkun, fl-opinjoni tiegħi, dik li tagħmel distinzjoni bejn l-intermedjarji skont il-kwalità tas-servizzi pprovduti lill-awtur dirett tal-ksur tat-trade mark.

79.

B’dan il-mod, min sempliċement jaħżen il-merkanzija, responsabbli minn xogħlijiet esklużivament awżiljarji, jiġi eżentat mir-responsabbiltà jekk ma jkunx intervjena fl-attività ta’ ksur b’mod konxju jew kien jaf iżda kellux raġunijiet validi. Fi kliem ieħor, jekk dawn ma kellhomx, u ma setax ikollhom, għarfien tan-natura illegali tat-tqegħid fis-suq tal-prodott li bejjiegħ jintroduċi fis-suq, b’nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark.

80.

Mingħajr ħsara għal ċerti sfumaturi li f’dan ir-rigward ma huwiex indispensabbli li jiġu nnotati, min sempliċement jaħżen il-merkanzija ma jistax jiġi suġġett għal obbligu ta’ diliġenza speċjali sabiex tiġi żgurata, f’kull każ, il-konformità mad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark li jidentifika l-merkanzija li tiġi fdata lilu, ħlief jekk l-illegalità tal-ksur tkun evidenti. Dan ir-rekwiżit ġenerali jintaxxa b’mod eċċessiv il-kummerċ normali ta’ dawn l-impriżi, bħala fornituri ta’ servizzi awżiljarji għall-kummerċ ( 51 ).

81.

Ix-xenarju huwa differenti fir-rigward ta’ impriżi, bħall-konvenuti, li, filwaqt li jipprovdu s-servizzi tagħhom fil-kuntest tal-programm “Mibgħut minn Amazon”, jinvolvu ruħhom fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti bil-mod li ddeskrivejt iktar ’il fuq. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li dawn l-impriżi ma kellhomx għarfien li l-merkanzija kienet tikser id-dritt ta’ trade mark li Coty Germany kienet l-entità liċenzjata tagħha, iżda naħseb li dan in-nuqqas ta’ għarfien ma jeżentahomx neċessarjament mir-responsabbiltà.

82.

L-involviment enfasizzat ta’ dawn l-impriżi fit-tqegħid fis-suq tal-prodotti permezz ta’ dan il-programm jirriżulta fil-fatt li jistgħu jiġu mitluba jagħtu attenzjoni partikolari (diliġenza) fir-rigward tal-kontroll tal-legalità tal-oġġetti li jqiegħdu fis-suq. Preċiżament minħabba li huma konxji li, mingħajr dan il-kontroll ( 52 ), huwa faċli għalihom li jservu bħala mezz għall-bejgħ ta’ “prodotti illegali, kontrafatti, pirati, misruqa, jew b’modi illegali jew mingħajr etika oħrajn, li jiksru d-drittijiet ta’ proprjetà ta’ partijiet terzi” ( 53 ), ma jistgħux, sempliċement, jeħilsu mir-responsabbiltà tagħhom billi jgħadduha esklużivament lill-bejjiegħ.

83.

Fl-aħħar nett, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu d-deċiżjoni dwar ir-responsabbiltà ċivili tal-konvenuti, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ fatt li tikkunsidra li ġew ipprovati. Billi din l-aħħar parti tad-domanda preliminari tagħmel riferiment għall-effett li dan in-nuqqas ta’ għarfien dwar il-ksur tad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark, min-naħa tal-konvenuti, jista’ jkollu fuq din id-deċiżjoni, naħseb li din l-injoranza, fiha nnifisha, ma teżentahomx mir-responsabbiltà.

V. Konklużjoni

84.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

“L-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja, u l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

Persuna ma taħżinx, għan-nom ta’ parti terza (bejjiegħ), prodotti li jiksru dritt ta’ trade mark sabiex toffrihom jew tqegħidhom fis-suq jekk, mingħajr ma jkollha għarfien ta’ dan il-ksur, ma tkunx hija stess iżda l-parti terza li, waħidha, tfittex li toffri dawn il-prodotti jew tqegħidhom fis-suq.

Madankollu, jekk din il-persuna tkun involuta attivament fid-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti, fil-kuntest ta’ programm bil-karatteristiċi tal-imsejjaħ “Mibgħut minn Amazon”, li minnu jibbenefika l-bejjiegħ, wieħed jista’ jifhem li din il-persuna taħżen dawn il-prodotti sabiex toffrihom jew tqegħidhom fis-suq.

In-nuqqas ta’ għarfien, minn din il-persuna, li l-parti terza toffri jew tbigħ il-prodotti tagħha bi ksur tad-dritt tal-proprjetarju tat-trade mark, fil-kuntest ta’ programm bħal dak imsemmi, ma jeżentahiex mir-responsabbiltà meta setgħet tiġi mitluba, b’mod raġonevoli, li jkollha l-mezzi sabiex tiskopri dan il-ksur”.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.

( 2 ) Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2017 (C‑230/16, EU:C:2017:941).

( 3 ) Il-kuntest tad-domanda preliminari huwa d-dritt ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Anki jekk finalment jiġi meqjus li l-konvenuti ma kinux użaw it-trade mark, xorta waħda tista’ tiġi analizzata r-responsabbiltà tagħhom, kemm fuq il-bażi tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399), jekk jaġixxu bħala intermedjarji fil-kummerċ elettroniku; kif ukoll fuq il-bażi tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 4 ) Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).

( 5 ) Mit‑23 ta’ Marzu 2016, it-“trade marks Komunitarji” bdew jissejħu “trade marks tal-Unjoni Ewropea”, skont l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21, rettifiki fil-ĠU 2016, L 267, p. 1, fil-ĠU 2016, L 110, p. 4, u fil-ĠU 2016, L 71, p. 322).

( 6 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).

( 7 ) Jiġifieri l-Artikolu 9(2)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 u l-Artikolu 9(3)(b) tar-Regolament 2017/1001.

( 8 ) Fil-ħames siti ta’ Amazon fl-Unjoni Ewropea, il-programm jismu Versand durch Amazon (amazon.de); Logística de Amazon (amazon.es); Logistica di Amazon (amazon.it); Expedié par Amazon (amazon.fr); u Fulfilment by Amazon (amazon.co.uk).

( 9 ) Sussidjarjament, talbet l-istess kundanna fir-rigward tat-trade mark “Davidoff Hot Water EdT 60 ml” jew għal-lottijiet ta’ din il-fwieħa li kienet tipprovdi l-bejjiegħa.

( 10 ) Sentenza tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München, il-Ġermanja) tad‑29 ta’ Settembru 2017 (Az.: 29 U 745/16).

( 11 ) Għal dan il-għan, din tuża l-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 9 tal-Patentgesetz (il-Liġi tal-Privattivi) Ġermaniża.

( 12 ) Digriet tas‑7 ta’ Ottubru 2013, Società cooperativa Madonna dei miracoli (C‑82/13, EU:C:2013:655), punt 13.

( 13 ) Sentenza tas‑26 ta’ April 2012, Balkan and Sea Properties u Provadinvest (C‑621/10 u C‑129/11, EU:C:2012:248), punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 14 ) Sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2017, Argenta Spaarbank (C‑39/16, EU:C:2017:813), punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 15 ) Sentenza tat‑22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich (C‑113/15, EU:C:2016:718), punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 16 ) Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985), punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 17 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, I (C‑255/13, EU:C:2014:1291), punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata.

( 18 ) Dan jista’ jiġri, b’mod partikolari, meta l-Avukat Ġenerali jkun wettaq analiżi tad-domanda preliminari fuq il-bażi ta’ interpretazzjoni tal-fatti diverġenti mill-espożizzjoni tal-fatti tal-qorti tar-rinviju. Fi kwalunkwe każ (sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458), punti 16 sa 18), il-Qorti tal-Ġustizzja ppermettiet lill-qorti tar-rinviju tivverifika, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, jekk il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jawtorizzawx approċċ ieħor. F’din il-kawża, l-Avukat Ġenerali Alber kien qies li s-Sur Grzelczyk kien jissodisfa l-kundizzjonjiet sabiex jiġi kkunsidrat bħala ħaddiem, fis-sens tat-TFUE, u mhux sempliċement bħala student, kif kien ġie deskritt mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk, l-Avukat Ġenerali kien ippropona perspettiva kemxejn differenti minn dik tal-qorti tar-rinviju, iżda l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat lilha nnifisha strettament mal-fatti tad-digriet tar-rinviju. Ara l-konklużjonijiet tat‑28 ta’ Settembru 2000 ippreżentati f’din il-kawża (EU:C:2000:518), punti 65 sa 75.

( 19 ) Sentenza tal-Oberlandesgericht München (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ München), imsemmija, parti 2.a(B.)(I.)(1.)(a)(bb)(1).

( 20 ) Din tikklassifika liż-żewġ impriżi tal-grupp Amazon b’dan il-mod: fil-każ ta’ Amazon Services, fid-dawl tad-Direttiva 2000/31; fil-każ ta’ Amazon FC, tad-Direttiva 2004/48.

( 21 ) Il-Kummissjoni tinvoka, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics BV et (C‑379/14, EU:C:2015:497), punt 45.

( 22 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474; iktar ’il quddiem is-“sentenza L’Oreal”) punti 102 sa 104.

( 23 ) Sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, TOP Logistics et (C‑379/14, EU:C:2015:497), punt 45.

( 24 ) Sentenza L’Oréal, punti 102 u 103.

( 25 ) Sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2011, Frisdranken Industrie Winters (C‑119/10, EU:C:2011:837; iktar ’il quddiem is-“sentenza Frisdranken Industrie Winters”), punt 29.

( 26 ) Sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Daimler (C‑179/15, EU:C:2016:134; iktar ’il quddiem is-“sentenza Daimler”), punt 39.

( 27 ) Sentenzi Frisdranken Industrie Winters, punt 32; tat‑23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159; iktar ’il quddiem is-“sentenza Google France u Google”), punt 60; L’Oréal, punt 92; u d-Digriet tad‑19 ta’ Frar 2009, UDV North America (C‑62/08, EU:C:2009:111; iktar ’il quddiem id-“Digriet UDV North America”), punt 47.

( 28 ) Sentenzi Google France u Google, punt 57, u Frisdranken Industrie Winters, punt 29.

( 29 ) B’riferiment għas-sentenza Daimler, punti 39 u 41, u għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Mitsubishi Shoji Kaisha u Mitsubishi Caterpillar Forklift Europe (C‑129/17, EU:C:2018:594), punt 38.

( 30 ) Ma nqisx li huwa indispensabbli li nelabora dwar il-kunċetti ta’ “offerta” u ta’ “tqegħid fis-suq” skont it-tifsira komuni tagħhom fil-qasam kummerċjali. Fil-qosor, l-ewwel kunċett jinkludi l-abbiltà li jiġu kkunsinnati lil parti terza, individwu jew grupp, il-prodotti li jġorru t-trade mark, kemm jekk l-offerta hija legalment vinkolanti mill-bidu għal min jagħmilha, kif ukoll jekk tkun sempliċement invitatio ad offerendum. Fir-rigward tat-tieni kunċett, bi tqegħid fis-suq wieħed jifhem l-attività li twassal għad-dħul tal-merkanzija fil-kummerċ, fejn normalment id-dritt li wieħed jiddisponi mill-prodotti jiġi ttrasferit lil parti terza.

( 31 ) Rispettivament, “almacenarlos”“stoccaggio”, “armazená-los”, “stocking” u “lagra”.

( 32 ) Ara l-punti 35 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-noti f’qiegħ il-paġna li jakkumpanjawhom.

( 33 ) Għalhekk, is-sitwazzjoni tirriżulta komparabbli għal dik tal-impriża li kienet timla l-fliexken b’sinjali simili għal trade mark irreġistrata. Ara s-sentenza Frisdranken Industrie Winters, punti 33 u 34.

( 34 ) Fis-seduta, ir-rappreżentant ta’ Amazon Services irrisponda d-domandi tal-qorti billi għamel riferiment għar-relazzjonijiet interni tal-bejjiegħ ma’ Amazon, riflessi f’kuntratt standard u fil-ħolqien ta’ “kont ta’ bejjiegħ”, li permezz tiegħu jikkontrolla l-lista ta’ prodotti u jagħżel is-servizzi ta’ Amazon li jimmira għalihom.

( 35 ) Digriet UDV North America, punt 49, li jagħmel riferiment, min-naħa tiegħu, għall-punt 60 tas-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2004, Anheuser‑Busch (C‑245/02, EU:C:2004:717).

( 36 ) Sentenza L’Oréal, punt 94.

( 37 ) Din tipprovdi lill-bejjiegħa l-promozzjoni tal-prodotti tagħhom, li tippreżentahom f’parti preferenzjali fir-riżultati tal-paġna ta’ tfittix, taħt ċerti kundizzjonijiet.

( 38 ) Fis-seduta, ir-rappreżentant ta’ Amazon Services insista li jissepara l-attività ta’ Amazon tax-xiri‑bejgħ innifisha, billi argumenta li, minn perspettiva strettament legali, huwa l-bejjiegħ li jikseb l-oġġetti, jistabbilixxi l-prezz u jittrasferixxi l-oġġett; Amazon ma toffrix l-oġġetti, iżda sempliċement tippreżentahom. Madankollu, dan ma huwiex sinjifikattiv mill-perspettiva tal-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

( 39 ) A contrario sensu, sentenzi Google France u Google, punt 57; u Frisdranken Industrie Winters, punt 29.

( 40 ) Sentenza Daimler, punt 39.

( 41 ) Hija l-qorti tar-rinviju li, fejn applikabbli, għandha tivverifika dan, jekk ir-regoli proċedurali tagħha jippermettulha twettaq espożizzjoni tal-fatti li bl-ebda mod ma tikkoinċidi ma’ dik tal-qorti tal-appell (ara l-punt 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 42 ) Fis-seduta, ir-rappreżentant tal-Gvern tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja enfasizza l-ħtieġa li ssir distinzjoni bejn mudelli ta’ negozju differenti, u li tiġi rrifjutata, fil-każ ta’ struttura integrata (bħal dik ta’ Amazon), diviżjoni fittizja bejn id-diversi fażijiet tal-proċess ta’ tqegħid fis-suq.

( 43 ) Digriet UDV North America, punt 51.

( 44 ) Digriet UDV North America, punt 48.

( 45 ) Premessa 42.

( 46 ) Sentenzi L’Oréal, punt 116; u Google France u Google, punt 114.

( 47 ) “Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, it-terminu ‘diritijiet tal-proprjetà intellettwali’ jinkludi id-drittijiet tal-proprjetà industrijali”.

( 48 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Sentenza L’Oréal, punti 116 u 119.

( 50 ) Għalkemm għandha tagħmel dan b’attenzjoni, minħabba d-disparità ta’ sitwazzjonijiet, tista’ tkun ta’ influwenza anki l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230). F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-element suġġettiv (l-għarfien) fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”. B’mod partikolari, għamlet riferiment għal sitwazzjonijiet fejn dak li jqiegħed l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-pubbliku għandu jkun jaf li l-hyperlink ipprovdut minnu jagħti aċċess għal oġġett ippubblikat illegalment fuq l-internet. Fir-realtà, waslet sabiex tistabbilixxi preżunzjoni iuris tantum jekk il-hyperlink jiġi pprovdut bi skop ta’ lukru. Ara s-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C‑160/15, EU:C:2016:644).

( 51 ) B’mod loġiku, ma jistgħux jinvokaw in-nuqqas ta’ għarfien tagħhom jekk jiġi mwissija dwar il-ksur, kemm mill-proprjetarju tat-trade mark, kif ukoll minn dak li jaġixxi f’ismu.

( 52 ) Naturalment, dan il-kontroll jimplika li jistgħu jidentifikaw, f’kull mument, lil min bagħtilhom l-oġġetti li jibbenefikaw mill-programm “Mibgħut minn Amazon”. B’dan il-mod, jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dik fil-każ inkwistjoni, fejn Amazon Services ma kinitx kapaċi tispeċifika l-oriġini ta’ ħdax-il fwieħa “Davidoff Hot Water EdT 60 ml” (punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Fis-seduta, ir-rappreżentant ta’ Amazon sostna li din is-sitwazzjoni hija eċċezzjonali u saret minħabba żball uman.

( 53 ) Ir-rapport ta’ Amazon.Con Inc. għall-US Securities and Exchange Commission, li jikkorrispondi għas-sena 2018, fir-rigward tar-riskji meħuda, ġie fformulat b’dan il-mod: “We also may be unable to prevent sellers in our stores or through other stores from selling unlawful, counterfeit, pirated, or stolen goods, selling goods in an unlawful or unethical manner, violating the proprietary rights of others, or otherwise violating our policies […] To the extent any of this occurs, it could harm our business or damage our reputation and we could face civil or criminal liability for unlawful activities by our sellers”. Għandu jsir riferiment anki għas-seba’ klawżola tal-Amazon Services Europe Business Solutions Agreement, fl-aħħar verżjoni tiegħu (emendata f’Awwissu 2019), li minnu jiġi dedott li Amazon tassumi responsabbiltà diretta b’rabta ma’ partijiet terzi, li huma diġà proprjetarji ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew xerrejja ta’ prodotti, fit-termini magħżula mit-test. Fis-seduta sar riferiment għaż-żewġ dokumenti.