KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl‑4 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C‑18/18

Eva Glawischnig-Piesczek

vs

Facebook Ireland Limited

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2000/31/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Responsabbiltà tal-fornituri intermedjarji – Obbligu ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ta’ siti internet (Facebook) li jħassar informazzjoni illegali – Portata”

I. Introduzzjonin

1.

Fuq l-internet wieħed ma jiktibx bil-lapes iżda bil-linka, jikkonstata personaġġ ta’ film Amerikan li ħareġ fl-2010. Hawnhekk qiegħed nirreferi, u dan mhux b’kumbinazzjoni, għall-film The Social Network.

2.

Fil-fatt, il-punt ċentrali ta’ din il-kawża jirrigwarda l-kwistjoni jekk fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali online jistax jiġi obbligat iħassar, permezz ta’ gomma tal-linka metaforika, ċertu kontenut mqiegħed online minn utenti ta’ din il-pjattaforma.

3.

B’mod iktar speċifiku, permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika l-portata ratione personae u l-portata ratione materiae tal-obbligi li jistgħu jiġu imposti fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, mingħajr ma dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, li huwa pprojbit skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE ( 2 ). Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk, fil-kuntest ta’ ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jistax jiġi obbligat ineħħi ċertu kontenut mhux biss għall-utenti tal-internet f’dan l-Istat Membru, iżda wkoll fuq livell dinji.

II. Il-kuntest ġuridiku

A. Id-dritt tal-Unjoni

4.

L-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2000/31 jinsabu fit-Taqsima 4, intitolata “Responsabbilità ta’ intermedjarji li jipprovdu servizz”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva.

5.

L-Artikolu 14(1) u (3) tad-Direttiva 2000/31, intitolat “Hosting”, jistabbilixxi:

“1.   Meta servizz għas-soċjetà ta’ l-informazzjoni jkun provdut li jikkonsisti fiż-żamma ta’ informazzjoni ipprovduta minn dak li jirċievi s-servizz, Stati Membri għandhom jassiguraw li dak li jipprovdi s-servizz ma jkunx responsabbli għall-informazzjoni miżmuma fuq it-talba ta’ dak li jirċievi s-servizz, bil-kundizzjoni li:

(a)

dak li jipprovdi attwalment ma jkollux tagħrif ta’ attività jew informazzjoni illegali u, fir-rigward ta’ ħsarat, ma jkunx konxju tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li minnhom l-attività jew l-informazzjoni illegali tkun apparenti;

jew

(b)

dak li jipprovdi, malli jakkwista t-tagħrif jew meta jsir konxju, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni.

[…]

3.   Dan l-Artikolu m’għandux jaffettwa l-possibiltà għal qorti jew awtorità amministrattiva, bi qbil mas-sistemi leġali ta’ Stati Membri, tal-ħtieġa li dak li jipprovdi s-servizz jittermina jew iwaqqaf ksur, l-anqas ma taffettwa l-possibiltà għal Stati Membri li jistabbilixxu proċeduri li jirregolaw it-tneħħija jew it-twaqqif ta’ aċċess għall-informazzjoni.”

6.

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, intitolat “L-ebda obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu, meta jipprovdu s-servizzi koperti mill-Artikoli 12, 13 u 14, li jagħmlu monitoraġġ ta’ l-informazzjoni li huma jittrasmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali.”

B. Id-dritt Awstrijak

7.

Skont l-Artikolu 18(1) tal-E-Commerce-Gesetz (il-Liġi dwar il-Kummerċ Elettroniku), li permezz tagħha l-leġiżlatur Awstrijak ittraspona d-Direttiva 2000/31, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting ma għandhomx obbligu ġenerali li jwettqu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jaħżnu, jittrażmettu jew jirrendu aċċessibbli, u lanqas li jfittxu huma stess fatti jew ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali.

8.

Skont l-Artikolu 1330(1) tal-Allgemeines Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili Ġenerali, iktar ’il quddiem l-“ABGB”), kull min ikun ġarrab dannu reali jew lucrum cessans minħabba dannu kkawżat għall-unur tiegħu huwa intitolat jitlob kumpens għal dan id-dannu. Skont l-Artikolu 1330(2) ta’ dan il-kodiċi, dan japplika wkoll meta persuna tirrapporta fatti li jikkawżaw dannu għar-reputazzjoni, għas-sitwazzjoni materjali u għall-prospetti futuri ta’ terz u li hija kienet taf jew messha kienet taf li humiex eżatti. F’dan il-każ, jistgħu jiġu rikjesti ċ-ċaħda tagħhom u l-pubblikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

9.

Skont l-Artikolu 78(1) tal-Urheberrechtsgesetz (il-Liġi dwar id-Drittijiet tal-Awtur, iktar ’il quddiem l-“UrhG”), immaġnijiet li jirrappreżentaw persuna ma għandhomx jintwerew pubblikament u lanqas ma għandhom jixxandru bi kwakunkwe mod ieħor li jirrendihom aċċessibbli għall-pubbliku, jekk dan jikkawża dannu għall-interessi leġittimi tal-persuna kkonċernata jew, jekk din tal-aħħar tmut mingħajr ma tkun awtorizzat jew ordnat il-pubblikazzjoni tagħhom, għall-interessi leġittimi ta’ qarib.

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali

10.

Eva Glawischnig-Piesczek kienet Membru tan-Nationalrat (il-Kunsill Nazzjonali Awstrijak), President tal-grupp parlamentari die Grünen (“il-Ħodor”) u kelliema federali ta’ dan il-partit.

11.

Facebook Ireland Limited, kumpannija rreġistrata fl-Irlanda li għandha s-sede tagħha f’Dublin, hija s-sussidjarja tal-kumpannija Amerikana Facebook Inc. Facebook Ireland topera, għall-utenti li jinsabu barra mill-Istati Uniti u mill-Kanada, pjattaforma ta’ netwerk soċjali online, li hija aċċessibbli fl-indirizz www.facebook.com. Din il-pjattaforma tippermetti lill-utenti joħolqu paġni ta’ profil u jippubblikaw kummenti.

12.

Fit-3 ta’ April 2016, utent tal-imsemmija pjattaforma kkondivida, fuq il-paġna personali tiegħu, artiklu mir-rivista ta’ aħbarijiet Awstrijaka online oe24.at intitolat “Il-Ħodor: favur iż-żamma ta’ dħul minimu għar-refuġjati”. Din il-pubblikazzjoni kellha l-effett li ħolqot fuq din il-pjattaforma “immaġni mċekkna” tas-sit oriġinali, li tinkludi t-titolu u sunt qasir ta’ dan l-artiklu, kif ukoll ritratt tar-rikorrenti. Barra minn hekk, dan l-utent ippubblika, fir-rigward ta’ dan l-artiklu, kumment ta’ akkumpanjament li kien degradanti fil-konfront tar-rikorrenti billi jakkużaha li hija “traditriċi viljakka tal-poplu”, “idjota korrotta” u membru ta’ “partit ta’ faxxisti”. Il-kontenut mqiegħed online minn dan l-utent seta’ jiġi kkonsultat minn kull utent tal-pjattaforma inkwistjoni.

13.

Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, talbet lil Facebook Ireland tħassar dan il-kumment.

14.

Peress li Facebook Ireland ma neħħietx il-kumment inkwistjoni, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija) u talbet lil dik il-qorti tagħti digriet għal miżuri provviżorji li jordna lil Facebook Ireland tieqaf tippubblika u/jew ixxandar allegazzjonijiet identiċi u/jew “kontenut ekwivalenti”, jiġifieri li r-rikorrenti kienet “traditriċi viljakka tal-poplu” u/jew “idjota korrotta” u/jew membru ta’ “partit ta’ faxxisti”.

15.

Fis-7 ta’ Diċembru 2016, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) tat id-digriet għal miżuri provviżorji mitlub.

16.

Sussegwentement, Facebook Ireland irrendiet l-aċċess għall-kontenut inizjalment ippubblikat impossibbli fl-Awstrija.

17.

Adita b’appell, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija) ikkonfermat id-digriet mogħti fl-ewwel istanza f’dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet identiċi. B’dan il-mod, dik il-qorti ma laqgħetx it-talba ta’ Facebook Ireland intiża li tillimita d-digriet għal miżuri provviżorji għar-Repubblika tal-Awstrija. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija qorti ddeċidiet li l-obbligu li jitwaqqaf ix-xandir ta’ allegazzjonijiet ta’ kontenut ekwivalenti kien jirrigwarda biss dawk li tressqu għall-konjizzjoni ta’ Facebook Ireland mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, minn terzi jew b’xi mod ieħor.

18.

Il-qrati tal-ewwel u tat-tieni istanzi bbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-Artikolu 78 tal-UrhG u l-Artikolu 1330 tal-ABGB, billi qiesu, b’mod partikolari, li l-kumment ippubblikat kien jinkludi dikjarazzjonijiet li kienu jikkawżaw dannu eċċessiv għall-unur tar-rikorrenti u kien jagħti x’jifhem li din tal-aħħar kienet wettqet aġir illegali, mingħajr ma pprovda l-iċken prova f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, skont dawk il-qrati, fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet ifformulati fil-konfront ta’ politiku, mingħajr rabta ma’ dibattitu politiku jew ta’ interess ġenerali, kwalunkwe riferiment għad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni jkun ukoll inammissibbli.

19.

Iż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali appellaw quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), li qieset li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni kienu intiżi li jikkawżaw dannu għar-reputazzjoni tar-rikorrenti, li jinsulentawha u li jiddefamawha.

20.

Il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk l-ordni ta’ waqfien, mogħtija fil-konfront ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera netwerk soċjali li għandu numru kbir ta’ utenti, tistax ukoll tiġi estiża, fuq livell dinji, għal dikjarazzjonijiet testwalment identiċi u/jew b’kontenut ekwivalenti li huwa ma jkunx jaf bihom.

21.

F’dan ir-rigward, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tindika li, skont il-ġurisprudenza tagħha, tali obbligu għandu jitqies li huwa proporzjonat meta l-fornitur ikun diġà sar jaf b’tal-inqas każ wieħed ta’ dannu għall-interessi tal-persuna kkonċernata kkawżat mill-kontribuzzjoni ta’ destinatarju tas-servizz u meta r-riskju li jitwettqu każijiet oħra ta’ ksur għalhekk ikun seħħ.

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal‑25 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Jannar 2018, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva [2000/31] jipprekludi, b’mod ġenerali, li wieħed mill-obbligi elenkati iktar ’il quddiem jiġi impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li ma rtirax fil-pront ċerta informazzjoni illegali, jiġifieri mhux biss din l-informazzjoni illegali fis-sens tal-Artikolu 14(1)(a) [ta’ din id-]direttiva, iżda wkoll informazzjoni oħra identika:

a)

fil-livell dinji?

b)

fl-Istat Membru kkonċernat?

c)

tal-persuna kkonċernata li tirċievi s-servizz fil-livell dinji?

d)

tal-persuna kkonċernata li tirċievi s-servizz fl-Istat Membru kkonċernat?

2.

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: dan japplika wkoll fir-rigward tal-informazzjoni b’kontenut ekwivalenti?

3.

Dan japplika wkoll fir-rigward tal-informazzjoni b’kontenut ekwivalenti mill-mument meta l-operatur isir jaf b’din iċ- ċirkustanza?”

23.

Ir-rikorrenti, Facebook Ireland, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. L-istess partijiet interessati, b’eċċezzjoni tal-Gvern Portugiż, kienu rrappreżentati fis-seduta li nżammet fit-13 ta’ Frar 2019.

V. Analiżi

A. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

24.

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina l-portata ratione materiae u l-portata ratione personae ta’ obbligu ta’ monitoraġġ li jista’ jiġi impost, fil-kuntest ta’ ordni, fuq il-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jikkonsisti fil-ħażna tal-informazzjoni pprovduta minn destinatarju ta’ dan is-servizz (fornitur ta’ servizzi ta’ hosting), mingħajr ma dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, li huwa pprojbit mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

25.

Huwa minnu li dawn l-ewwel żewġ domandi jirrigwardaw it-tneħħija tal-informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali online iktar milli l-monitoraġġ jew il-filtraġġ ta’ din l-informazzjoni. Madankollu, għandu jiġi osservat li l-pjattaformi ta’ netwerk soċjali jikkostitwixxu mezzi ta’ komunikazzjoni li l-kontenut tagħhom jiġi ġġenerat prinċipalment mhux mill-kumpanniji li jkunu stabbilixxewhom u li jamministrawhom iżda mill-utenti tagħhom. Barra minn hekk, dan il-kontenut, li fil-frattemp jiġi rriprodott u mmodifikat, huwa s-suġġett ta’ skambji kostanti bejn l-utenti.

26.

Sabiex fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun jista’ jneħħi informazzjoni mxandra permezz ta’ tali pjattaforma jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli, ikun min ikun l-awtur ta’ din l-informazzjoni u jkun xi jkun il-kontenut tagħha, huwa għandu l-ewwel jidentifika din l-informazzjoni fost dik maħżuna fuq is-servers tiegħu. Sabiex jagħmel dan, huwa għandu, b’xi mod jew ieħor, iwettaq monitoraġġ jew filtraġġ ta’ din l-informazzjoni. Issa, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, li għalih jirreferu d-domandi preliminari, Stat Membru ma jistax jimponi obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Dan kollu jimplika li, permezz tal-ewwel żewġ domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-portata ratione personae u l-portata ratione materiae ta’ tali obbligu, li huma konformi mar-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2000/31.

27.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja tispeċifika jekk fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jistax jiġi obbligat ineħħi, fuq livell dinji, informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali.

28.

Sabiex nirrispondi għal dawn iż-żewġ domandi, ser neżamina fl-ewwel lok, minn naħa, is-sistema tad-Direttiva 2000/31 applikabbli għal Facebook Ireland bħala fornitur ta’ servizzi ta’ hosting u, min-naħa l-oħra, l-implikazzjonijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala fornitur ta’ servizzi ta’ hosting f’dak li jirrigwarda l-ordnijiet indirizzati lil dan il-fornitur. Fit-tieni lok, ser nipproċedi b’analiżi tar-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-portata ratione materiae u tal-portata ratione personae ta’ obbligu li jsir monitoraġġ li jista’ jiġi impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fil-kuntest ta’ ordni, mingħajr ma dan iwassal għall-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali f’dan ir-rigward. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ser nindirizza l-kwistjoni tal-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija.

1.   L-ordnijiet indirizzati lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting fid-dawl tad-Direttiva 2000/31

29.

Għandu jitfakkar li, sabiex il-ħażna mwettqa mill-fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni taqa’ taħt l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31, l-aġir ta’ dan il-fornitur għandu jkun limitat għal dak ta’ “intermedjarju li jipprovdi servizz” fis-sens intiż mil-leġiżlatur fil-kuntest tat-Taqsima 4 ta’ din id-direttiva. Barra minn hekk, skont il-premessa 42 tal-imsemmija direttiva, l-aġir tiegħu huwa sempliċement tekniku, awtomatiku u passiv, li jimplika l-assenza ta’ tagħrif jew ta’ kontroll fuq id-data li huwa jaħżen u li r-rwol li huwa jwettaq għandu għalhekk ikun newtrali ( 3 ).

30.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tiċċara li operatur ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali li jaħżen fuq is-servers tiegħu informazzjoni pprovduta mill-utenti ta’ din il-pjattaforma, marbuta mal-profil tagħhom, huwa fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31 ( 4 ). Indipendentement mid-dubji li wieħed jista’ jkollu f’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, għall-qorti tar-rinviju, huwa paċifiku li Facebook Ireland hija fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li l-aġir tiegħu huwa limitat għal dak ta’ fornitur intermedjarju.

31.

Taħt id-Direttiva 2000/31, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li l-aġir tiegħu huwa limitat għal dak ta’ fornitur intermedjarju jgawdi immunità relattiva fir-rigward tar-responsabbiltà għall-informazzjoni li huwa jaħżen. Fil-fatt, din l-immunità tingħata biss jekk tali fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma kienx jaf bin-natura illegali tal-informazzjoni maħżuna jew bl-attività mwettqa permezz ta’ din l-informazzjoni u bil-kundizzjoni li, ladarba jkun sar jaf b’din l-illegalità, huwa jaġixxi mingħajr dewmien sabiex ineħħi l-informazzjoni inkwistjoni jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli. Min-naħa l-oħra, jekk dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jissodisfax dawn il-kundizzjonijiet, jiġifieri jekk kien jaf bl-illegalità tal-informazzjoni maħżuna iżda ma aġixxiex sabiex ineħħiha jew sabiex jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli, id-Direttiva 2000/31 ma tipprekludix li huwa jkun jista’ jinżamm indirettament responsabbli għal din l-informazzjoni ( 5 ).

32.

Barra minn hekk, mill-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li l-immunità mogħtija lil fornitur intermedjarju ma tostakolax lil qorti jew awtorità amministrattiva, konformement mas-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri, milli teżiġi li dan il-fornitur jittermina ksur jew jevita ksur. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li fornitur intermedjarju jista’ jkun id-destinatarju ta’ ordnijiet, minkejja li, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, dan il-fornitur ma jkunx huwa stess responsabbli għall-informazzjoni maħżuna fuq is-servers tiegħu ( 6 ).

33.

Il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ tali ordnijiet fil-konfront ta’ fornituri intermedjarji jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali ( 7 ). Madankollu, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri għandhom josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mid-Direttiva 2000/31.

34.

Dan kollu jirrifletti l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, permezz ta’ din id-direttiva, jibbilanċja l-interessi differenti tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li l-aġir tagħhom huwa limitat għal dak ta’ fornitur intermedjarju, tal-utenti tas-servizzi tagħhom u tal-persuni leżi minn kull ksur imwettaq fl-użu ta’ dawn is-servizzi. Konsegwentement, huma l-Istati Membri, meta jimplimentaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/31, li għandhom mhux biss josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-direttiva, iżda wkoll jiżguraw li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni li tidħol f’kunflitt mad-drittijiet fundamentali inkwistjoni jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità ( 8 ).

2.   Ir-rekwiżiti stabbiliti fir-rigward tal-portata ratione personae u tal-portata ratione materiae ta’ obbligu li jsir monitoraġġ

a)   Il-projbizzjoni ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ

35.

Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, b’mod partikolari fuq il-fornituri ta’ servizzi li l-attività tikkonsisti fil-ħażna tal-informazzjoni, obbligu ġenerali li jwettqu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jaħżnu jew obbligu ġenerali li jfittxu attivament il-fatti jew iċ-ċirkustanzi li jindikaw attivitajiet illegali. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li din id-dispożizzjoni tipprekludi, b’mod partikolari, li fornitur li l-aġir tiegħu huwa limitat għal dak ta’ fornitur intermedjarju jiġi obbligat iwettaq monitoraġġ tat-totalità ( 9 ) jew tal-kważi totalità ( 10 ) tad-data tal-utenti kollha tas-servizz tiegħu sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur futur.

36.

Li kieku, kuntrarjament għal dak li tipprevedi din id-dispożizzjoni, Stat Membru seta’ jimponi, fil-kuntest ta’ ordni, obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, ma huwiex eskluż li dan tal-aħħar jirriskja li jitlef il-kwalità ta’ fornitur intermedjarju u l-immunità li tiġi magħha. Fil-fatt, ir-rwol ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jwettaq monitoraġġ ġenerali ma jibqax newtrali. L-attività ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma żżommx in-natura teknika, awtomatika u passiva tagħha, ħaġa li timplika li l-imsemmi fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun jaf bl-informazzjoni maħżuna u jeżerċita kontroll fuqha.

37.

Barra minn hekk, anki li kieku ma kienx jeżisti tali riskju, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jwettaq monitoraġġ ġenerali jista’, bħala prinċipju, jinżamm responsabbli għal kull attività jew informazzjoni illegali, mingħajr ma l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 14(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva jkunu effettivament issodisfatti.

38.

Huwa minnu li l-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2000/31 jissuġġetta r-responsabbiltà ta’ fornitur intermedjarju għall-għarfien effettiv tal-attività jew tal-informazzjoni illegali. Madankollu, fid-dawl ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, in-natura illegali ta’ kull attività jew informazzjoni tista’ titqies li tressqet awtomatikament għall-konjizzjoni ta’ dan il-fornitur intermedjarju u dan tal-aħħar ikollu jneħħi din l-informazzjoni jew jirrendi l-aċċess għaliha impossibbli, mingħajr ma jkun intebaħ bil-kontenut illegali tagħha ( 11 ). Konsegwentement, il-loġika tal-immunità relattiva fir-rigward tar-responsabbiltà għall-informazzjoni maħżuna minn fornitur intermedjarju tinqaleb sistematikament ta’ taħt fuq, ħaġa li tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2000/31.

39.

Fil-qosor, ir-rwol ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jwettaq tali monitoraġġ ġenerali ma jibqax newtrali, sa fejn l-attività ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma żżommx in-natura teknika, awtomatika u passiva tagħha, ħaġa li timplika li l-imsemmi fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun jaf bl-informazzjoni maħżuna u jeżerċita kontroll fuqha. Konsegwentement, l-implimentazzjoni ta’ obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ, impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fil-kuntest ta’ ordni awtorizzata, a priori, skont l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31, tista’ tirrendi l-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva inapplikabbli fil-konfront ta’ dan il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting.

40.

Għaldaqstant, minn qari tal-Artikolu 14(3) flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 niddeduċi li obbligu impost fuq fornitur intermedjarju fil-kuntest ta’ ordni ma jistax iwassal sabiex, b’riferiment għat-totalità jew għall-kważi totalità tal-informazzjoni maħżuna, ir-rwol ta’ dan il-fornitur intermedjarju ma jibqax newtrali fis-sens deskritt fil-punt preċedenti.

b)   L-obbligu ta’ monitoraġġ applikabbli għal każ speċifiku

41.

Kif tiddikjara l-premessa 47 tad-Direttiva 2000/31, il-projbizzjoni li jiġu imposti obbligi ġenerali, prevista fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, ma tikkonċernax l-obbligi ta’ monitoraġġ applikabbli għal każ speċifiku. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ma jistax jiġi obbligat jevita ksur, ħaġa li timplika loġikament, kif issostni l-Kummissjoni, ċerta forma ta’ monitoraġġ fil-futur, mingħajr ma dan il-monitoraġġ jittrasforma ruħu f’obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali ( 12 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva jeżiġi li l-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonijiet ġudizzjarji disponibbli fid-dritt nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-attivitajiet tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni jippermettu l-adozzjoni rapida ta’ miżuri intiżi, b’mod partikolari, li jevitaw kwalunkwe dannu ġdid għall-interessi kkonċernati.

42.

Barra minn hekk, mis-sentenza L’Oréal et ( 13 ) jirriżulta li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat jieħu miżuri li jikkontribwixxu sabiex jiġi evitat li jseħħ ksur ġdid tal-istess natura min-naħa tal-istess destinatarju.

43.

F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma interpretatx biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31, iżda wkoll dawk tad-Direttiva 2004/48/KE ( 14 ). Issa, b’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefinixxiet obbligu li jsir monitoraġġ konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn dawn id-direttivi b’kuntrast mal-obbligu pprojbit fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31, jiġifieri dak ta’ monitoraġġ attiv tat-totalità – tal-kważi totalità tad-data sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur futur ( 15 ). Indipendentement mill-kuntest speċifiku tas-sentenza L’Oréal et ( 16 ) u mir-riferimenti għad-Direttiva 2004/48, il-kunsiderazzjonijiet ta’ dik is-sentenza dwar l-obbligi tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting konformi mad-dritt tal-Unjoni, skont jekk humiex ta’ natura ġenerali jew le, huma ta’ natura trażversali u, għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jistgħu jiġu trasposti għall-każ inkwistjoni.

44.

Konsegwentement, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ksur futur, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat, fil-kuntest ta’ ordni, ineħħi informazzjoni illegali li ma tkunx għadha xxandret fil-mument tal-adozzjoni ta’ din l-ordni, mingħajr ma x-xandir ta’ din l-informazzjoni jkun tressaq, mill-ġdid u b’mod separat mit-talba inizjali għal tneħħija, għall-konjizzjoni tiegħu.

45.

Madankollu, sabiex ma jirriżultax fl-impożizzjoni ta’ obbligu ġenerali, obbligu ta’ monitoraġġ għandu, kif jidher li jirriżulta mis-sentenza L’Oréal et ( 17 ), jissodisfa rekwiżiti addizzjonali, jiġifieri għandu jirrigwarda ksur tal-istess natura min-naħa tal-istess destinatarju fir-rigward tal-istess drittijiet, fil-każ inkwistjoni, id-drittijiet tat-trade marks.

46.

Għaldaqstant, minn dan niddeduċi li l-monitoraġġ attiv ma huwiex irrikonċiljabbli mad-Direttiva 2000/31, kuntrarjament għall-monitoraġġ attiv li s-suġġett tiegħu ma huwiex immirat lejn il-każ speċifiku ta’ ksur.

47.

Bl-istess loġika, fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mc Fadden ( 18 ), dwar fornitur ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2000/31, indikajt, billi ispirajt ruħi mix-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2000/31, li sabiex obbligu jkun jista’ jitqies li huwa applikabbli għal każ speċifiku, dan għandu b’mod partikolari jkun limitat fir-rigward tas-suġġett u tal-perijodu ta’ żmien tal-monitoraġġ.

48.

Jidhirli li dawn ir-rekwiżiti ġenerali fformulati b’mod astratt jistgħu jiġu trasposti għal ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, minkejja l-fatt li, meta l-kunsiderazzjonijiet dwar l-obbligu ta’ monitoraġġ relatati mal-fornituri ta’ aċċess għal netwerk ta’ komunikazzjoni bħall-internet jiġu applikati b’analoġija għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting bħal Facebook Ireland, ir-rwoli mwettqa minn dawn il-fornituri intermedjarji huma differenti. Pereżempju, jekk wieħed iqis fornitur ta’ servizzi ta’ hosting bħal Facebook Ireland, il-kontenut tal-pjattaforma tiegħu jidher li jikkostitwixxi t-totalità tad-data maħżuna, filwaqt li għal fornitur ta’ aċċess għall-internet dan il-kontenut jirrappreżenta biss parti żgħira ħafna tad-data trażmessa. Bil-maqlub, in-natura u l-intensità tal-involviment ta’ tali fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fl-ipproċessar tal-kontenut diġitali huma sostanzjalment differenti minn dawk ta’ fornitur ta’ aċċess għall-internet. Kif tosserva l-Kummissjoni, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting huwa f’pożizzjoni aħjar sabiex jieħu miżuri sabiex ifittex u jelimina informazzjoni illegali milli huwa fornitur ta’ aċċess.

49.

Barra minn hekk, ir-rekwiżit dwar il-limitazzjoni ratione temporis ta’ obbligu li jsir monitoraġġ jirrifletti diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ( 19 ). Għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-limitazzjoni ratione temporis ta’ obbligu stabbilit fil-kuntest ta’ ordni tirreferi iktar għall-problema tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ( 20 ), jidhirli li huwa diffiċli li obbligu ta’ monitoraġġ permanenti jiġi rrikonċiljat mal-kunċett ta’ obbligu applikabbli għal każ speċifiku fis-sens tal-premessa 47 tad-Direttiva 2000/31.

50.

Għaldaqstant, in-natura mmirata ta’ obbligu li jsir monitoraġġ għandha titqies billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ żmien ta’ dan il-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar in-natura tal-ksur inkwistjoni, l-awtur tiegħu u s-suġġett tiegħu. Dawn l-elementi kollha huma interdipendenti u marbuta ma’ xulxin. Għalhekk għandhom jiġu evalwati b’mod globali sabiex tingħata risposta għad-domanda jekk ordni tosservax jew le l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

c)   Konklużjonijiet intermedji

51.

Sabiex nirrikapitula din il-parti tal-analiżi tiegħi, fl-ewwel lok, minn qari tal-Artikolu 14(3) flimkien mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 jirriżulta li obbligu impost fuq fornitur intermedjarju fil-kuntest ta’ ordni ma jistax iwassal għas-sitwazzjoni li fiha, b’riferiment għat-totalità jew għall-kważi totalità tal-informazzjoni maħżuna, ir-rwol ta’ dan il-fornitur intermedjarju ma jibqax tekniku, awtomatiku u passiv, ħaġa li timplika li l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat ikun jaf b’din l-informazzjoni u jeżerċita kontroll fuqha ( 21 ).

52.

Fit-tieni lok, il-monitoraġġ attiv ma huwiex irrikonċiljabbli mad-Direttiva 2000/31, kuntrarjament għall-monitoraġġ attiv li s-suġġett tiegħu ma huwiex immirat lejn il-każ speċifiku ta’ ksur ( 22 ).

53.

Fit-tielet lok, in-natura mmirata ta’ obbligu li jsir monitoraġġ għandha titqies billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ żmien ta’ dan il-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar in-natura tal-ksur inkwistjoni, l-awtur tiegħu u s-suġġett tiegħu ( 23 ).

54.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu indirizzati l-portata ratione personae u l-portata ratione materiae ta’ obbligu ta’ twettiq ta’ monitoraġġ ta’ fornitur li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali. Dawn tal-aħħar jammontaw, fil-każ inkwistjoni, għat-tfittxija u għall-identifikazzjoni, fost il-kontenut maħżun, ta’ informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali mill-qorti adita kif ukoll għat-tfittxija ta’ informazzjoni ekwivalenti għaliha.

d)   Applikazzjoni fil-każ inkwistjoni

1) Informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali

55.

B’eċċezzjoni ta’ Facebook Ireland, il-partijiet interessati kollha jsostnu li għandu jkun possibbli li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi ordnat ineħħi jew jibblokka l-aċċess għal dikjarazzjonijiet identiċi għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali ppubblikati mill-istess utent. Ir-rikorrenti, il-Gvern Awstrijak u l-Gvern Latvjan kif ukoll il-Kummissjoni huma, essenzjalment, tal-fehma li dan japplika wkoll f’dak li jirrigwarda dikjarazzjonijiet ippubblikati minn utenti oħra.

56.

Mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tat-tieni istanza qieset li r-riferiment għal “informazzjoni […] identika” kien jirrigwarda l-pubblikazzjonijiet ta’ ritratti tar-rikorrenti akkumpanjati bl-istess test. Bl-istess loġika, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-dubji tagħha jirrigwardaw b’mod partikolari l-punt jekk l-ordni mogħtija fil-konfront ta’ Facebook Ireland tistax tiġi estiża għal dikjarazzjonijiet (messaġġi ta’ akkumpanjament) testwalment identiċi u għal dawk b’kontenut ekwivalenti. Għaldaqstant, nifhem dan ir-riferiment għal “informazzjoni […] identika” fis-sens li l-qorti tar-rinviju qegħda tirreferi għar-riproduzzjonijiet manwali u eżatti tal-informazzjoni tal-informazzjoni li hija kklassifikat bħala illegali u, kif jindika l-Gvern Awstrijak, ir-riproduzzjonijiet awtomatizzati, imwettqa permezz tal-funzjoni ta’ “kondiviżjoni”.

57.

F’dan ir-rigward, fil-fehma tiegħi, sabiex tiġi implimentata ordni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali jista’ jiġi obbligat ifittex u jidentifika kwalunkwe informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali minn dik il-qorti.

58.

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-analiżi tiegħi, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat jevita kwalunkwe ksur ġdid tal-istess tip u min-naħa tal-istess destinatarju ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni ( 24 ). Każ bħal dan ikun tabilħaqq każ speċifiku ta’ ksur identifikat konkretament, b’mod li l-obbligu li tiġi identifikata, fost l-informazzjoni li toriġina minn utent wieħed, l-informazzjoni identika għal dik ikklassifikata bħala illegali ma jikkostitwixxix obbligu ġenerali li jsir monitoraġġ.

59.

Fil-fehma tiegħi, l-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali ppubblikata minn utenti oħra. Jien konxju tal-fatt li dan ir-raġunament iwassal sabiex il-portata ratione personae ta’ obbligu li jsir monitoraġġ ikopri kull utent u, għaldaqstant, l-informazzjoni kollha mxandra permezz ta’ pjattaforma.

60.

Madankollu, obbligu li titfittex u li tiġi identifikata informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali mill-qorti adita huwa dejjem immirat lejn il-każ speċifiku ta’ ksur. Barra minn hekk, fil-każ inkwistjoni dan huwa obbligu impost fil-kuntest ta’ digriet għal miżuri provviżorji, li jipproduċi l-effetti tiegħu sal-għeluq definittiv tal-proċedura. Għaldaqstant, tali obbligu impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting huwa, min-natura tal-affarijiet, limitat ratione temporis.

61.

Barra minn hekk, jidhirli li r-riproduzzjoni tal-istess kontenut minn kwalunkwe utent ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali, bħala regola ġenerali, tista’ tinkixef bl-għajnuna ta’ għodod informatiċi, u dan mingħajr ma l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikun obbligat jagħmel użu minn filtraġġ attiv u mhux awtomatiku tal-informazzjoni kollha mxandra permezz tal-pjattaforma tiegħu.

62.

Barra minn hekk, l-impożizzjoni tal-obbligu li titfittex u li tiġi identifikata kull informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-drittijiet fundamentali inkwistjoni.

63.

Qabelxejn, it-tiftix u l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali minn qorti adita ma jeħtiġux mezzi tekniċi sofistikati, li jistgħu jirrappreżentaw piż straordinarju. Għaldaqstant, tali obbligu ma jidhirx li jinvolvi ksur eċċessiv tad-dritt għal-liberta ta’ intrapriża li jgawdi fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali bħal Facebook Ireland skont l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

64.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-faċilità li biha tiġi rriprodotta l-informazzjoni fl-ambjent tal-internet, jirriżulta li t-tiftix u l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali huma neċessarji sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-ħajja privata u tad-drittijiet tal-personalità.

65.

Fl-aħħar nett, tali obbligu jirrispetta d-dritt fundamentali tal-utenti tal-internet għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, iggarantit fl-Artikolu 11 tal-Karta, sa fejn il-protezzjoni ta’ din il-libertà ma għandhiex neċessarjament tiġi żgurata b’mod assolut iżda għandha tiġi bbilanċjata mal-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali oħra. F’dak li jirrigwarda l-informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali, din tikkostitwixxi, a priori u bħala regola ġenerali, repetizzjonijiet ta’ ksur ikklassifikat konkretament bħala illegali. Dawn ir-repetizzjonijiet għandhom ikunu s-suġġett ta’ klassifikazzjoni identika, liema klassifikazzjoni tista’ madankollu tingħata sfumatura skont, b’mod partikolari, il-kuntest ta’ dikjarazzjoni allegatament illegali. Inċidentalment, għandu jiġi rrilevat li terzi li jistgħu jkunu affettwati indirettament minn ordnijiet ma humiex partijiet fil-proċeduri li fil-kuntest tagħhom jingħataw dawn l-ordnijiet. Huwa b’mod partikolari għal din ir-raġuni li għandha tiġi żgurata l-possibbiltà għal dawn it-terzi li jikkontestaw, quddiem qorti, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting abbażi ta’ ordni ( 25 ), liema possibbiltà ma għandhiex tkun ikkundizzjonata mill-fatt li wieħed ikollu l-kwalità ta’ parti fi proċedura prinċipali ( 26 ).

2) Informazzjoni ekwivalenti

66.

F’dak li jirrigwarda l-portata ratione materiae ta’ obbligu li jsir monitoraġġ, ir-rikorrenti ssostni li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jkun suġġett għall-obbligu li jneħħi dikjarazzjonijiet b’kontenut ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali ppubblikati mill-istess utent. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Awstrijak u l-Kummissjoni jqisu li l-possibbiltà li tiġi imposta tali obbligazzjoni tiddependi mir-riżultat tal-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni. Hija biss ir-rikorrenti li tqis li huwa possibbli li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi ordnat ineħħi dikjarazzjonijiet b’kontenut ekwivalenti għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali ppubblikati minn utenti oħra.

67.

Ir-riferiment għal “informazzjoni ekwivalenti” jew għal informazzjoni “li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti” jagħti lok għal diffikultajiet ta’ interpretazzjoni sa fejn il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax it-tifsira ta’ dawn l-espressjonijiet. Madankollu, mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi dedott li r-riferiment għal informazzjoni “li l-kontenut tagħha huwa ekwivalenti” jirrigwarda informazzjoni li ftit li xejn tvarja mill-informazzjoni inizjali jew sitwazzjonijiet li fihom il-messaġġ jibqa’, essenzjalment, ma jinbidilx. Nifhem dawn l-indikazzjonijiet fis-sens li riproduzzjoni tal-informazzjoni li ġiet ikklassifikata bħala illegali li tinkludi żball tipografiku u dik li jkollha sintassi jew punteġġjatura xi ftit differenti, jikkostitwixxu “informazzjoni ekwivalenti”. Madankollu, ma huwiex evidenti li l-ekwivalenza li għaliha tirreferi t-tieni domanda ma tmurx lil hinn minn tali każijiet.

68.

Huwa minnu li mis-sentenza L’Oréal et ( 27 ) jirriżulta li fornitur ta’ servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni jista’ jiġi obbligat jieħu miżuri li jikkontribwixxu sabiex jiġi evitat ksur ġdid tal-istess natura fir-rigward tal-istess drittijiet.

69.

Madankollu, wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh il-kuntest fattwali li fih ġiet żviluppata l-ġurisprudenza rilevanti, jiġifieri dak tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali. Bħala regola ġenerali, tali ksur jikkonsisti fix-xandir tal-istess kontenut bħal dak protett jew, tal-inqas, ta’ kontenut li jixbah lil dak protett, filwaqt li l-eventwali tibdiliet għal dan il-kontenut, li kultant huwa diffiċli li jitwettqu, jeħtieġu intervent speċifiku.

70.

Min-naħa l-oħra, ma jiġrix ta’ spiss li att defamatorju jirriproduċi t-termini eżatti ta’ att tal-istess natura. Dan jirriżulta, parzjalment, min-natura personalizzata tal-mod kif jiġu espressi l-ideat. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, l-atti defamatorji sussegwenti għall-att defamatorju inizjali jirriproduċu l-fatt li jsiru kummenti li jikkawżaw dannu għall-unur ta’ persuna iktar milli l-forma tal-att inizjali. Għal din ir-raġuni, fir-rigward tad-defamazzjoni, is-sempliċi riferiment għal atti tal-istess natura ma jistax ikollu l-istess rwol bħal fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-proprjetà intellettwali.

71.

Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni mogħtija lir-riferiment għall-“informazzjoni ekwivalenti” tista’ taffettwa l-portata ta’ obbligu li jsir monitoraġġ u l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali inkwistjoni. Qorti li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ ordni, dwar it-tneħħija ta’ “informazzjoni ekwivalenti” għandha għalhekk tosserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali u tiggarantixxi li l-effetti ta’ din l-ordni jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli. Meta tagħmel dan, dik il-qorti għandha tibbilanċja d-drittijiet fundamentali inkwistjoni u tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

72.

Bla ħsara għal dawn il-kunsiderazzjonijiet, filwaqt li nispira ruħi mill-ġdid mis-sentenza L’Oréal et ( 28 ), jien tal-fehma li, a fortiori, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat jidentifika informazzjoni ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali li toriġina mill-istess utent. Inċidentalment, f’dan il-każ ukoll, għandu jiġi żgurat li dan l-utent ikollu l-possibbiltà li jikkontesta, quddiem qorti, il-miżuri ta’ eżekuzzjoni adottati minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting meta jimplimenta ordni.

73.

Min-naħa l-oħra, l-identifikazzjoni ta’ informazzjoni ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali li toriġina minn utenti oħra teħtieġ il-monitoraġġ tat-totalità tal-informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali. Issa, b’differenza minn informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali, informazzjoni ekwivalenti għal din tal-aħħar ma tistax tiġi identifikata mingħajr ma l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jagħmel użu minn soluzzjonijiet sofistikati. Konsegwentement, mhux biss ir-rwol ta’ fornitur li jwettaq monitoraġġ ġenerali ma jibqax newtrali, fis-sens li ma jkunx biss tekniku, awtomatiku u passiv, iżda dan il-fornitur, billi jwettaq forma ta’ ċensura, isir kontributur attiv ta’ din il-pjattaforma.

74.

Barra minn hekk, obbligu ta’ identifikazzjoni ta’ informazzjoni ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali li toriġina minn kwalunkwe utent ma jiżgurax bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-ħajja privata u d-drittijiet tal-personalità, il-protezzjoni tal-libertà ta’ intrapriża, kif ukoll il-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Minn naħa, it-tiftix u l-identifikazzjoni ta’ tali informazzjoni jeħtieġu soluzzjonijiet għaljin, li jkollhom jiġu żviluppati u introdotti minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting. Min-naħa l-oħra, l-implimentazzjoni ta’ dawn is-soluzzjonijiet twassal għal ċensura, b’mod li l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni tista’ tiġi sistematikament ristretta.

75.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li r-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda, sa fejn dawn jirrigwardaw il-portata ratione personae u l-portata ratione materiae ta’ obbligu ta’ monitoraġġ, għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali jiġi obbligat, fil-kuntest ta’ ordni, ifittex u jidentifika, fost l-informazzjoni kollha mxandra mill-utenti ta’ din il-pjattaforma, l-informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali minn qorti li tat din l-ordni. Fil-kuntest ta’ tali ordni, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat ifittex u jidentifika l-informazzjoni ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali biss fost l-informazzjoni mxandra mill-utent li xandar din l-informazzjoni. Qorti li tiddeċiedi dwar it-tneħħija ta’ tali informazzjoni ekwivalenti għandha tiggarantixxi li l-effetti tal-ordni tagħha jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli. Meta tagħmel dan, hija għandha tibbilanċja d-drittijiet fundamentali inkwistjoni u tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

3.   Fuq it-tneħħija fuq livell dinji

a)   Osservazzjonijiet preliminari

76.

Issa ser nindirizza d-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija. Dawn id-dubji jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni jekk fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jistax jiġi obbligat ineħħi kontenut li ġie kklassifikat bħala illegali skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru, mhux biss fuq il-livell ta’ dan l-Istat Membru, iżda wkoll fuq livell dinji.

77.

Preliminarjament, huwa minnu li Facebook Ireland, bħala sussidjarja ta’ Facebook, topera pjattaforma elettronika biss għall-utenti li jinsabu barra mill-Istati Uniti u mill-Kanada. Madankollu, ma jidhirx li din iċ-ċirkustanza hija ta’ natura li teskludi t-tneħħija fuq livell dinji tal-informazzjoni mxandra permezz ta’ din il-pjattaforma. Fil-fatt, Facebook Ireland ma tikkontestax il-fatt li hija f’pożizzjoni li tiżgura tali tneħħija fuq livell dinji.

78.

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax ir-regoli sostantivi dwar dannu għall-ħajja privata u għad-drittijiet tal-personalità, inkluża d-defamazzjoni ( 29 ). Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kunsens fuq il-livell tal-Unjoni ( 30 ), il-leġiżlatur tal-Unjoni ma armonizzax ir-regoli ta’ kunflitt f’dan il-qasam ( 31 ). Għaldaqstant, sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawżi għad-defamazzjoni, kull qorti tal-Unjoni tapplika l-liġi indikata bħala applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt.

79.

Is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, a priori, differenti minn dik li kienet tikkostitwixxi l-punt ta’ tluq tal-analiżi tiegħi dwar il-portata territorjali ta’ tħassir tar-riżultati ta’ mutur ta’ tfittxija fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) ( 32 ), imsemmija minn Facebook Ireland u mill-Gvern Latvjan. Dik il-kawża tirrigwarda d-Direttiva 95/46/KE ( 33 ), li tarmonizza, fuq il-livell tal-Unjoni, ċerti regoli sostantivi dwar il-protezzjoni tad-data. Huwa b’mod partikolari l-fatti li r-regoli f’dan il-qasam huma armonizzati li wassalni sabiex nikkonkludi li fornitur kellu jiġi obbligat ineħħi r-riżultati murija wara tfittxija mwettqa mhux biss minn Stat Membru wieħed iżda minn post li jinsab fl-Unjoni ( 34 ). Madankollu, fil-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati f’dik il-kawża, ma eskludejtx il-possibbiltà li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-interess tal-Unjoni jeħtieġ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva lil hinn mit-territorju tal-Unjoni ( 35 ).

80.

Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-ksur li jirriżulta minn atti defamatorji, l-impożizzjoni fi Stat Membru ta’ obbligu li jikkonsisti fit-tneħħija ta’ ċerta informazzjoni fuq livell dinji, għall-utenti kollha ta’ pjattaforma elettronika, minħabba l-illegalità ta’ din l-informazzjoni stabbilit abbażi ta’ liġi applikabbli twassal għall-fatt li l-konstatazzjoni tan-natura illegali tagħha tipproduċi effetti fi Stati oħra. Fi kliem ieħor, il-konstatazzjoni tan-natura illegali tal-informazzjoni inkwistjoni testendi għat-territorji ta’ dawn l-Istati l-oħra. Madankollu, ma huwiex eskluż li, skont il-liġijiet indikati bħala applikabbli skont ir-regoli nazzjonali ta’ kunflitt ta’ dawn l-Istati, din l-informazzjoni tista’ titqies li hija legali.

81.

Kif juri d-dibattitu bejn il-partijiet interessati, minn naħa, ir-riluttanza li jingħataw tali effetti extraterritorjali lil ordnijiet tirrifletti l-pożizzjoni ta’ Facebook Ireland u tal-Gvern Latvjan, tal-Gvern Portugiż u tal-Gvern Finlandiż. Min-naħa l-oħra, b’eċċezzjoni tal-Gvern Portugiż, jidher ukoll li dawn il-partijiet interessati għandhom dubji dwar il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru. Essenzjalment, jidher li l-imsemmija partijiet interessati jqisu li l-qorti ta’ Stat Membru ma tistax tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ ordni indirizzata lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, dwar it-tneħħija ta’ kontenut barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, għandhom jiġu analizzati dawn iż-żewġ kwistjonijiet, jiġifieri l-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija u l-portata tal-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru, filwaqt li għandha qabelxejn tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, li, bħala regola ġenerali, tippreċedi l-kwistjoni tal-mertu.

b)   Fuq il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni

82.

Id-Direttiva 2000/31 ma tirregolax il-ġurisdizzjoni sabiex jingħataw deċiżjonijiet dwar ordnijiet. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mis-sentenza eDate Advertising et ( 36 ), fil-każ ta’ allegat ksur tad-drittijiet tal-personalità permezz ta’ kontenut imqiegħed online fuq sit internet, persuna li tqis li ġiet leża għandha l-possibbiltà li tressaq kawża quddiem il-qrati tal-Istati Membri li għandhom ġurisdizzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 37 ). Fil-fatt, filwaqt li r-regoli ta’ kunflitt fil-qasam tad-defamazzjoni ma humiex armonizzati fuq il-livell tal-Unjoni, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda r-regoli ta’ ġurisdizzjoni.

83.

F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li r-regoli ta’ kunflitt tar-Regolament Nru 1215/2012 japplikaw ukoll għat-tilwimiet fil-qasam tat-tneħħija tal-kontenut defamatorju mqiegħed online ( 38 ). Barra minn hekk, huwa irrilevanti li, fil-każ inkwistjoni, tali talba hija indirizzata mhux kontra xandar iżda kontra fornitur ta’ servizzi ta’ hosting tal-kontenut imqiegħed online. Madankollu, ma jiniex ser nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tifformula d-domandi preliminari mill-ġdid, peress li huma biss il-partijiet interessati li għandhom dubji dwar il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni. Madankollu, nixtieq nifformula xi rimarki f’dan ir-rigward.

84.

Skont is-sentenza eDate Advertising et ( 39 ), persuna li tqis li ġiet leża tista’ tressaq kawża, b’mod partikolari, quddiem il-qrati tal-Istati Membru li fih jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha. Dawk il-qrati għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu dwar id-dannu kkawżat kollu kemm hu. Jidher li, fil-każ inkwistjoni, il-qorti adita mir-rikorrenti hija dik tal-post taċ-ċentru tal-interessi tagħha ( 40 ).

85.

Huwa minnu li, fis-sentenza eDate Advertising et ( 41 ), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li persuna li tqis li ġiet leża setgħet tressaq kawża, skont il-post li fih seħħ id-dannu kkawżat fl-Unjoni, quddiem forum fir-rigward ta’ dan id-dannu kollu kemm hu. Ċertament, dan jista’ jagħti x’jifhem li l-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni ta’ dan il-forum ma tkoprix il-fatti relatati mat-territorji ta’ Stati terzi. Madankollu, din il-kunsiderazzjoni pjuttost tirrifletti l-fatt li, sabiex ikollu ġurisdizzjoni skont ir-Regolament Nru 1215/2012, abbażi tal-post li fih seħħ id-dannu, forum għandu jkun qorti ta’ Stat Membru. Barra minn hekk, b’eċċezzjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat diversi drabi f’dik is-sentenza li dan il-forum kellu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar id-danni kollha li jirriżultaw mid-defamazzjoni ( 42 ).

86.

Minn dan niddeduċi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Facebook Ireland kif ukoll il-Gvern Latvjan u l-Gvern Finlandiż, il-qorti ta’ Stat Membru tista’, bħala prinċipju, tiddeċiedi dwar it-tneħħija ta’ kontenut barra mit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, billi l-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni tagħha hija ta’ natura universali ( 43 ). Qorti ta’ Stat Membru tista’ tkun prekluża milli tiddeċiedi dwar it-tneħħija fuq livell dinji mhux minħabba kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni iżda, eventwalment, minħabba kwistjoni ta’ mertu.

87.

Għandha issa tiġi analizzata l-kwistjoni tal-effetti extraterritorjali tal-ordnijiet indirizzati lill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li, fil-każ inkwistjoni, kif indikajt fil-punt 81 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tammonta għall-kwistjoni tal-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija.

c)   Fuq il-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija

88.

Qabelxejn, għandu jiġi osservat li, kif jammetti l-Gvern Finlandiż, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 ma jirregolax l-effetti territorjali tal-ordnijiet indirizzati lill-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni. Barra minn hekk, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2000/31, l-obbligi ta’ tneħħija imposti fuq dawn il-fornituri fil-kuntest tal-ordnijiet jaqgħu taħt id-dritt nazzjonali.

89.

Barra minn hekk, huwa diffiċli, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar dannu għall-ħajja privata u għad-drittijiet tal-personalità, li jiġu ġġustifikati l-effetti territorjali ta’ ordni billi tiġi invokata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-Artikoli 1, 7 u 8 tal-Karta. Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta jsegwi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u mhux bil-maqlub ( 44 ) u, fil-każ inkwistjoni, dwar il-mertu tiegħu, ir-rikors tar-rikorrenti ma huwiex ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni.

90.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li ma jidhirx li r-rikorrenti qiegħda tinvoka d-drittijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali u li ma hijiex qiegħda tallega li Facebook Ireland “wettqet” ipproċessar illegali ta’ din id-data, billi t-talba tagħha hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt ċivili. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ma tinvokax strumenti ġuridiċi tad-dritt tal-Unjoni li huma rilevanti f’dan il-qasam. Hija tinvoka biss id-Direttiva 2000/31. Issa, mill-Artikolu 1(5)(b) ta’ din id-direttiva jirriżulta li din tal-aħħar ma għandhiex tapplika għall-kwistjonijiet li jirrigwardaw servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, li huma koperti mid-direttivi dwar il-protezzjoni tad-data personali.

91.

Fl-aħħar nett, għalkemm mir-Regolament Nru 1215/2012 jista’ jinsilet tagħlim f’dak li jirrigwarda l-effetti prodotti minn ordnijiet fl-Istati Membri, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-effetti prodotti barra mill-Unjoni. Fil-fatt, dan ir-regolament ma jeħtieġx li ordni mogħtija mill-qorti ta’ Stat Membru tipproduċi effetti wkoll fi Stati terzi. Barra minn hekk, il-fatt li qorti jkollha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont regola ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jimplikax li, meta tagħmel dan, hija tapplika biss regoli sostantivi li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, tal-Karta.

92.

Għal dawn ir-raġunijiet, kemm il-kwistjoni tal-effetti extraterritorjali ta’ ordni li timponi obbligu ta’ tneħħija kif ukoll dik tal-portata territorjali ta’ tali obbligu għandhom ikunu s-suġġett ta’ analiżi mwettqa mhux fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni iżda, b’mod partikolari, fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku u privat li ma huwiex armonizzat fuq il-livell tal-Unjoni ( 45 ). Fil-fatt, xejn ma jindika li s-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali tista’ taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, għaldaqstant, tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jaffettwaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 46 ).

93.

Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fil-kuntest ta’ ordni, għandu jitqies li dan l-obbligu la huwa rregolat mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 u lanqas ma huwa rregolat minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi obbligat ineħħi informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali fuq livell dinji. Barra minn hekk, l-imsemmija portata territorjali lanqas ma hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni peress li, fil-każ inkwistjoni, ir-rikors tar-rikorrenti ma huwiex ibbażat fuq dan tal-aħħar.

94.

Madankollu, kemm għall-kompletezza kif ukoll fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssegwix il-proposta tiegħi, ser nifformula xi rimarki addizzjonali f’dak li jirrigwarda t-tneħħija tal-informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali fuq livell dinji.

95.

Skont id-dritt internazzjonali, ma huwiex eskluż li ordni tista’ tipproduċi effetti msejħa “extraterritorjali” ( 47 ). Issa, kif indikajt fil-punt 80 ta’ dawn il-konklużjonijiet, tali approċċ iwassal sabiex il-konstatazzjoni tan-natura illegali tal-informazzjoni kkonċernata testendi għat-territorji ta’ Stati Membri oħra, indipendentement min-natura legali jew le ta’ din l-informazzjoni skont il-liġi indikata bħala applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt ta’ dawn l-Istati Membri.

96.

Għaldaqstant, jista’ jiġi argumentat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat tali approċċ fis-sentenza Bolagsupplysningen u Ilsjan ( 48 ). Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja bl-ebda mod ma ddeċidiet dwar il-liġi applikabbli għal talba għat-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tan-natura ubikwitarja tal-kontenut imqiegħed online fuq sit internet u tal-fatt li l-portata tax-xandir tiegħu huwa bħala prinċipju universali, talba intiża b’mod partikolari għat-tneħħija ta’ tali kontenut għandha titressaq quddiem qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-totalità ta’ talba għall-kumpens għad-dannu. Meta tagħmel dan, fil-fehma tiegħi, dik il-qorti tapplika l-liġi jew il-liġijiet indikati bħala applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt tagħha ( 49 ). Ma għandux jiġi eskluż li qorti ta’ Stat Membru tapplika, f’dan il-kuntest, liġi waħda biss indikata bħala applikabbli.

97.

Madankollu, li kieku tali qorti ma setgħetx tiddeċiedi dwar it-tneħħija tal-kontenut imqiegħed online fuq livell dinji, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar liema qorti hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali tneħħija. Fil-fatt, kull qorti hija affaċċjata bl-inkonvenjenzi deskritti fil-punt preċedenti. Barra minn hekk, rikorrent għandu jintalab, minkejja dawn id-diffikultajiet prattiċi, jipprova li l-informazzjoni kklassifikata bħala illegali skont il-liġi indikata bħala applikabbli skont ir-regoli ta’ kunflitt tal-Istat Membru adit hija illegali skont il-liġijiet kollha li huma potenzjalment applikabbli?

98.

Anki li kieku kellu jiġi aċċettat li l-kunsiderazzjonijiet dwar in-natura territorjali tal-protezzjoni li tirriżulta mir-regoli sostantivi dwar dannu għall-ħajja privata u għad-drittijiet tal-personalità ma jostakolawx tali rekwiżit, ikollhom xorta waħda jittieħdu inkunsiderazzjoni d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti fuq skala dinjija.

99.

Fil-fatt, kif indikajt f’kuntest differenti, l-interess leġittimu tal-pubbliku li jaċċedi għal informazzjoni bilfors ser ivarja skont il-lokalizzazzjoni ġeografika tiegħu, minn Stat terz għal ieħor ( 50 ). Għaldaqstant, f’dak li jirrigwarda tneħħija fuq livell dinji, jeżisti periklu li l-implimentazzjoni tagħha timpedixxi lill-persuni stabbiliti fi Stati differenti minn dak tal-qorti adita milli jaċċedu għall-informazzjoni.

100.

Bħala konklużjoni, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-qorti ta’ Stat Membru tista’, fit-teorija, tiddeċiedi dwar it-tneħħija ta’ informazzjoni mxandra permezz tal-internet fuq livell dinji. Madankollu, minħabba d-differenzi li jeżistu bejn, minn naħa, il-liġijiet nazzjonali u, min-naħa l-oħra, il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-drittijiet tal-personalità previsti minn dawn il-liġijiet, u sabiex jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali ampjament irrikonoxxuti, tali qorti għandha pjuttost tadotta attitudni ta’ awtolimitazzjoni. Għaldaqstant, b’osservanza tal-korteżija internazzjonali (international comity) ( 51 ), li għaliha jirreferi l-Gvern Portugiż, dik il-qorti għandha, sa fejn ikun possibbli, tillimita l-effetti extraterritorjali tal-ordnijiet tagħha dwar dannu għall-ħajja privata u għad-drittijiet tal-personalità ( 52 ). L-implimentazzjoni ta’ obbligu ta’ tneħħija ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tinkiseb il-protezzjoni tal-persuna leża. Għaldaqstant, minflok ma tneħħi l-kontenut, dik il-qorti tista’, jekk ikun il-każ, tordna li jiġi reż impossibbli l-aċċess għal din l-informazzjoni bl-għajnuna tal-ibblokkar ġeografiku.

101.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jistgħux jitqiegħdu fid-dubju bl-argument tar-rikorrenti li l-ibblokkar ġeografiku tal-informazzjoni illegali jista’ faċilment jiġi evitat permezz ta’ proxy server jew b’mezzi oħra.

102.

Sabiex nirriproduċi riflessjoni fformulata fil-kuntest ta’ sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni: il-protezzjoni tal-ħajja privata u tad-drittijiet tal-personalità ma għandhiex neċessarjament tiġi żgurata b’mod assolut iżda għandha tiġi bbilanċjata mal-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali oħra ( 53 ). Għaldaqstant, għandhom jiġu evitati miżuri eżorbitanti li jinjoraw il-kompitu li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali ( 54 ).

103.

Bla ħsara għar-rimarki addizzjonali preċedenti, f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija, inżomm il-pożizzjoni li esponejt fil-punt 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

B. Fuq it-tielet domanda preliminari

104.

Permezz tat-tielet domanda, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf jekk l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/31 jipprekludix li tiġi indirizzata lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ordni li timponi fuqu l-obbligu li jneħħi mill-pjattaforma tiegħu informazzjoni ekwivalenti għal dik li ġie deċiż li hija illegali fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja wara li huwa sar jaf b’din l-informazzjoni.

105.

Ir-rikorrenti kif ukoll il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Latvjan, il-Gvern Portugiż u l-Gvern Finlandiż iqisu, essenzjalment, li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi ordnat ineħħi informazzjoni b’kontenut ekwivalenti għal dak li ġie deċiż li huwa illegali, meta huwa jkun sar jaf biha. Fid-dawl tal-analiżi tagħha tal-ewwel domanda, Facebook Ireland tqis li ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

106.

Naqbel mal-opinjoni kondiviża, essenzjalment, mir-rikorrenti u mill-gvernijiet kollha.

107.

Fil-fatt, peress li obbligu ta’ tneħħija ma jimplikax monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni maħżuna minn fornitur ta’ servizzi ta’ hosting, iżda huwa l-konsegwenza ta’ għarfien li jirriżulta mill-komunikazzjoni magħmula mill-persuna kkonċernata jew minn terz, ma hemmx ksur tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31.

108.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi obbligat ineħħi informazzjoni ekwivalenti għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali, peress li obbligu ta’ tneħħija ma jimplikax monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni maħżuna, u huwa l-konsegwenza ta’ għarfien li jirriżulta mill-komunikazzjoni magħmula mill-persuna kkonċernata, minn terz jew minn sors ieħor.

VI. Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għad-domandi preliminari magħmula mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija):

1)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting li jopera pjattaforma ta’ netwerk soċjali jiġi obbligat, fil-kuntest ta’ ordni, ifittex u jidentifika, fost l-informazzjoni kollha mxandra mill-utenti ta’ din il-pjattaforma, l-informazzjoni identika għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali minn qorti li tat din l-ordni. Fil-kuntest ta’ tali ordni, fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jista’ jiġi obbligat ifittex u jidentifika l-informazzjoni ekwivalenti għal dik ikklassifikata bħala illegali biss fost l-informazzjoni mxandra mill-utent li xandar din l-informazzjoni. Qorti li tiddeċiedi dwar it-tneħħija ta’ tali informazzjoni ekwivalenti għandha tiggarantixxi li l-effetti tal-ordni tagħha jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli. Meta tagħmel dan, hija għandha tibbilanċja d-drittijiet fundamentali inkwistjoni u tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2)

F’dak li jirrigwarda l-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija impost fuq fornitur ta’ servizzi ta’ hosting fil-kuntest ta’ ordni, għandu jitqies li dan l-obbligu la huwa rregolat mill-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 u lanqas ma huwa rregolat minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva u, għaldaqstant, li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi obbligat ineħħi informazzjoni mxandra permezz ta’ pjattaforma ta’ netwerk soċjali fuq livell dinji. Barra minn hekk, l-imsemmija portata territorjali lanqas ma hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni peress li, fil-każ inkwistjoni, ir-rikors tar-rikorrenti ma huwiex ibbażat fuq dan tal-aħħar.

3)

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2000/31 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiġi obbligat ineħħi informazzjoni ekwivalenti għal dik li ġiet ikklassifikata bħala illegali, peress li obbligu ta’ tneħħija ma jimplikax monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni maħżuna, u huwa l-konsegwenza ta’ għarfien li jirriżulta mill-komunikazzjoni magħmula mill-persuna kkonċernata, minn terz jew minn sors ieħor.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta’ l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 25, p. 399).

( 3 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (C‑236/08 sa C‑238/08, EU:C:2010:159, punti 112113).

( 4 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 27).

( 5 ) Ara l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2000/31. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punti 6768).

( 6 ) Ara s-sentenza tas-7 ta’ Awwissu 2018, SNB-REACT (C‑521/17, EU:C:2018:639, punt 51). Ara wkoll, f’dan is-sens, Lodder, A. R., Polter, P., “ISP blocking and filtering: on the shallow justifications in case law regarding effectiveness of measures”, European Journal of Law and Technology, 2017, Vol. 8, Nru 2, p. 5.

( 7 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Mc Fadden (C‑484/14, EU:C:2016:170). Ara wkoll Husovec, M., Injunctions Against Intermediaries in the European Union. Accountable But Not Liable?, Cambridge University Press, Cambridge, 2017, p. 57 u 58.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-sentenza tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 68).

( 9 ) Ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 139144), u tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punti 3640).

( 10 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punti 3738).

( 11 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punt 143).

( 12 ) Ara wkoll, f’dan is-sens, Rosati, E., Copyright and the Court of Justice of the European Union, Oxford University Press, Oxford, 2019, p. 158.

( 13 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 144).

( 14 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).

( 15 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 139144).

( 16 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).

( 17 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punti 141144).

( 18 ) C‑484/14, EU:C:2016:170, punt 132.

( 19 ) B’mod iktar preċiż, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2011:474, punt 140), li l-ordni intiża li tevita eventwali ksur ta’ trade marks fil-kuntest tas-servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni, jiġifieri suq online, ma jistax ikollha bħala l-għan jew l-effett tagħha l-istabbiliment ta’ projbizzjoni ġenerali u permanenti tal-offerta għall-bejgħ ta’ prodotti protetti minn dawn it-trade marks. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fis-sentenza tas‑16 ta’ Frar 2012, SABAM (C‑360/10, EU:C:2012:85, punt 45), li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi b’mod partikolari li obbligu ta’ monitoraġġ, stabbilit fil-kuntest ta’ ordni indirizzata lil fornitur, ikun illimitat fiż-żmien.

( 20 ) Dan huwa l-approċċ li ġie adottat mill-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża L’Oréal et (C‑324/09, EU:C:2010:757, punt 181), liema konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, ispiraw ferm il-formulazzjoni tas-siltiet inkwistjoni tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża.

( 21 ) Ara l-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Ara l-punt 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 23 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 24 ) Ara l-punti 42 u 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 57).

( 26 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punti 4950), u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Biuro podróży Partner (C‑119/15, EU:C:2016:987, punt 40). Dwar il-problema tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fir-rigward ta’ terzi, ara wkoll Kalėda, S. L., “The Role of the Principle of Effective Judicial Protection in Relation to Website Blocking Injunctions”, Journal of Intellectual Property, Information Technology and E-Commerce Law, 2017, p. 222 u 223.

( 27 ) Sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).

( 28 ) Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C‑324/09, EU:C:2011:474).

( 29 ) Ara Savin, A., EU Internet law, Elgar European Law, Cheltenham – Northampton, 2017, p. 130.

( 30 ) Ara Van Calster, G., European Private International Law, Hart Publishing, Oxford, Portland, 2016, p. 248 sa 251.

( 31 ) Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

( 32 ) Hawnhekk qiegħed nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15).

( 33 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 34 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punti 47, 55, 7677).

( 35 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punt 62).

( 36 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 4344).

( 37 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 35, p. 1)

( 38 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 44).

( 39 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 48).

( 40 ) Konsegwentement, minkejja l-fatt li l-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar digriet għal miżuri provviżorji, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-implikazzjonijiet tal-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012 dwar il-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni u dwar il-portata territorjali ta’ obbligu ta’ tneħħija impost fil-kuntest ta’ ordni.

( 41 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011 (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punt 48).

( 42 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2011, eDate Advertising et (C‑509/09 u C‑161/10, EU:C:2011:685, punti 48, 5152). Ara wkoll is-sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017, Bolagsupplysningen u Ilsjan (C‑194/16, EU:C:2017:766, punti 3847). Barra minn hekk, skont l-interpretazzjonijiet magħmula fil-kummentarji dwar dik is-sentenza, il-forum tal-post taċ-ċentru tal-interessi jista’ jiddeċiedi dwar id-danni kkawżati fid-dinja kollha. Ara Mankowski, P., f’Magnus, U., u Mankowski, P. (taħt id-direzzjoni ta’), Brussels I bis Regulation – Commentary, Otto Schmidt, Köln, 2016, Artikolu 7, punt 364. L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-portata territorjali tal-ġurisdizzjoni ġenerali tal-forum tal-konvenut. Fis-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120, punt 26), il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Konvenzjoni ta’ Brussell (Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ta’ natura ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32)) tista’ tapplika meta r-rikorrent u l-konvenut ikunu ddomiċiljati fi Stat Membru, filwaqt li l-fatti kontenzjużi jkunu jinsabu fi Stat terz. Minn dan niddeduċi li, f’każ bħal dan, il-forum tad-debitur għandu ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar tali fatti kontenzjużi. Ara wkoll Van Calster, G., Luks, Ch., Extraterritoriality and private international law, Recht in beweging - 19de VRG Alumnidag 2012, MAKLU, Antwerpen – Apeldoorn, 2012, p. 132.

( 43 ) Dan huwa l-każ hawnhekk ta’ ġurisdizzjoni msejħa “globali” jew “ġenerali”. Ara Larsen, T.B., “The extent of jurisdiction under the forum delicti rule in European trademark litigation”, Journal of Private International Law, 2018, Vol. 14, Nru 3, p. 550 u 551.

( 44 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punt 55).

( 45 ) F’dak li jirrigwarda l-effetti extraterritorjali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kultant huwa diffiċli li tinqata’ linja bejn id-dritt internazzjonali pubbliku u privat. Ara Maier, H.G, “Extraterritorial Jurisdiction at a Crossroads: An Intersection between Public and Private International Law”, The American Journal of International Law, Vol. 76, Nru 2, p. 280, u Svantesson, D.J.B., Solving the Internet Jurisdiction Puzzle, Oxford University Press, Oxford, 2017, p. 40.

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑12 ta’ Lulju 2012, Currà et (C‑466/11, EU:C:2012:465, punt 19).

( 47 ) Ara Douglas, M., “Extraterritorial injunctions affecting the internet”, Journal of Equity, 2018, Vol. 12, p. 48; Riordan, J., The Liability of Internet Intermediaries, Oxford University Press, Oxford, 2011, p. 418.

( 48 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2017 (C‑194/16, EU:C:2017:766, punt 44).

( 49 ) Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet ta’ din is-sentenza, Lundstedt, L., “Putting Right Holders in the Centre: Bolagsupplysningen and Ilsjan (C‑194/16): What Does It Mean for International Jurisdiction over Transborder Intellectual Property Infringement Disputes?”, International Review of Intellectual Property and Competition Law, 2018, Vol. 49, Nru 9, p. 1030, u Svantesson, D.J.B., “European Union Claims of Jurisdiction over the Internet – an Analysis of Three Recent Key Developments”, Journal of Intellectual Property, Information Technology and E-Commerce Law, 2018, Vol. 9, Nru 2, p. 122, punt 59.

( 50 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Google (Portata territorjali tat-tħassir) (C‑507/17, EU:C:2019:15, punt 60).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, dwar l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ din il-korteżija internazzjonali, Maier, H.G, op. cit., p. 283.

( 52 ) Ara l-kummentarju ċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47. Ara wkoll, f’kuntesti tabilħaqq differenti minn dak ta’ din il-kawża, Scott, J., “The New EU ‘Extraterritoriality’”, Common Market Law Review, 2014, Vol. 51, Nru 5, p. 1378.

( 53 ) Ara, b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-ibbilanċjar tad-dritt tal-proprjetà intellettwali u tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe (C‑149/17, EU:C:2018:841, punti 44 sa 47). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bastei Lübbe (C‑149/17, EU:C:2018:400, punti 37 sa 39).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, f’dak li jirrigwarda l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, is-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punti 58 sa 63). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2013:781, punti 99 sa 101), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Stichting Brein (C‑610/15, EU:C:2017:99, punti 69 sa 72).