24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/59


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2017 – Help – Hilfe zur Selbsthilfe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-335/17)

(2017/C 239/71)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Help – Hilfe zur Selbsthilfe e.V. (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: V. Jungkind u P. Cramer, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (Ares(2017) 1515573), tal-21 ta’ Marzu 2017, li permezz tagħha kellu jiġi rrimborsat ammont parzjali ta’ EUR 643 627,72 relatat mal-proġett ta’ għanununa Food Security Promotion for very food insecure farming households in Zimbabwe (ECHO/ZWE/BUD/2009/02002) u n-nota ta’ debitu maħruġa fis-7 ta’ April 2017 (Nru 3241705513), li permezz tagħha l-konvenuta talbet il-ħlas tal-ewwel pagament ta’ EUR 321 813,86, kif ukoll

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv: l-approċċ allegat mill-konvenuta ma jikkostitwixxix ksur tad-dritt sostantiv

L-approċċ tar-rikorrenti, kif allegat mill-Kummissjoni, dwar il-konklużjoni ta’ żewġ kuntratti għall-provvista ta’ prodotti agrikoli, ma jiksirx id-dispożizzjonijiet sostantivi għall-implementazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti fil-qasam ta’ proġetti umanitarji. B’mod partikolari, il-proċedura hija konformi mal-prinċipji tal-għoti tal-kuntratti stabbiliti fl-Artikolu 184(1) tar-Regoli ta’ Implementazzjoni dwar ir-Regolament Finanzjaru tal-UE 2009 u fl-Artikolu 2(3) tar-Regoli u Proċeduri stabbiliti fl-Anness IV tal-Ftehim qafas ta’ partenarjat dwar il-kooperazzjoni tal-UE ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-qasam tal-għajnuna umanitarja mill-2008.

Barra minn hekk, l-allegata proċedura ma tmurx kontra d-dritt li tiġi pprovduta dokumentazzjoni skont l-Artikolu 23(4) tad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Anness III tal-Ftehim qafas ta’ partenarjat.

2.

It-tieni motiv: assenza ta’ raġunijiet oħra għar-rimbors

Ma hemmx raġunijiet oħra għar-rimbors tal-għajnuna finanzjarja. B’mod partikolari, il-prodotti ordnati ġew ikkunsinnati mill-kumpannija magħżula mir-rikorrenti fil-ħin, in extenso u bi kwalità tajba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti wettqet b’suċċess il-proġett ta’ għajnuna, kif ġie kkonfermat minn erba’ kontrolli indipendenti mwettqa minn terzi.

Ma kienx hemm aġir illegali min-naħa tal-impjegati tar-rikorrenti. L-iStaatanwaltaschaft Bonn (uffiċċju tal-prosekutur ta’ Bonn) ma tax bidu għal proċedura ta’ investigazzjoni minħabba nuqqas ta’ suspett ta’ reat kriminali.

3.

It-tielet motiv (sussidjarjament): nuqqas li tiġi eżerċitata setgħa diskrezzjonali u sproporzjonalità

Il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni li titlob ir-rimbors tal-għajnuna finanzjarja li ngħatat abbażi tal-assunzjoni żbaljata li kienet suġġetta għal rakkomandazzjoni vinkolanti tal-Uffiċċju Ewropew ta’ kontra l-Frodi (OLAF) għar-rimbors tal-ħlas. Dan jikkostitwixxi nuqqas li tiġi eżerċita diskrezzjoni mill-konvenuta, li jimplika li t-talba għal rimbors hija illegali.

Barra minn hekk, ir-rimbors tal-ammont parzjali kollu ta’ EUR 643 627,27 huwa illegali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 5(4) TFUE. Dan imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jipproteġi l-baġit, u fid-dawl tat-twettiq b’suċċess tal-proġett ta’ għajnuna, ma huwiex proporzjonat mal-piż impost fuq ir-rikorrenti.