27.3.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/21


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Jannar 2017 – Austrian Power Grid vs ACER

(Kawża T-53/17)

(2017/C 095/30)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Austrian Power Grid AG (Vjenna, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Kristoferitsch u S. Huber, avukati)

Konvenuta: Agency for the Cooperation of Energy Regulators

Talbiet

tannulla s-segwenti partijiet tad-Deċiżjoni tal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija Nru 06/2016, tas-17 ta’ Novembru 2016, dwar il-proposta tal-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku għad-determinazzjoni tar-reġjuni bil-kapaċità kkalkolata:

L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni flimkien mal-

Anness I, Artikolu 1(1)(ċ);

Il-kelma “ukoll” u l-frażi “għall-finijiet tal-allokazzjoni tal-kapaċità fuq il-konfini affettwat taż-żona tal-offerta sakemm jiġu ssodisfatti ir-rekwiżiti deskritti fl-Artikolu 5(3) ta’ dan id-dokument” fl-Anness I, Artikolu 2(2)(e);

Anness I, Artikolu 5(1)(s);

Anness I, Artikolu 5(3);

Anness I, Mappa Nru 3;

Artikolu 2 tad-deċiżjoni;

Anness IV;

Anness V;

ACER għandha tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv jallega li ACER ma hijiex komptenti sabiex tintroduċi konfini ġodda taż-żona tal-offerta u allokazzjoni tal-kapaċità ġdida.

Ir-rikorrenti ssostni li ACER ma hijiex kompetenti sabiex tintroduċi konfini ġodda taż-żona tal-offerta jew allokazzjoni tal-kapaċità ġdida fil-proċedura għad-determinazzjoni tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata (CCR) kif speċifikat fl-Artikolu 15 tar-Regolament CACM (1), rispettivament fid-deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(1) tar-Regolament ACER (2). Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-indikazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi riveduta kif indikat fl-Artikolu 2 tagħha (li hija fiha nnifisha illegali u appellata) ma tistax tagħmel tajjeb għal din in-nuqqas ta’ kompetenza.

2.

It-tieni motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser ir-Regolament (KE) Nru 714/2009 u r-Regolament CACM Regulation minn diversi lati.

Ir-rikorrenti ssostni li ACER applikat b’mod żbaljat id-definizzjoni legali ta’ konġestjoni u li l-interkonnettur DE-AT ma huwiex konġestit u għalhekk ma jistax ikun suġġett għal allokazzjoni tal-kapaċità.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-diviżjoni tas-suq komuni tal-elettriku tal-Ġermanja u l-Awstrija hija dijametrikament opposta għall-għanijiet segwiti mir-Regolament (KE) Nru 714/2009 (3) u tikser il-prinċipju li l-konġestjonijiet interni ma jistgħux jiġu ttrasferiti lejn il-konfini nazzjonali.

Finalment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni hija fattwalment skorretta u tapplika b’mod żbaljat, il-kriterju statutorju għall-ħolqien ta’ konfini ġdid taż-żona tal-offerta, b’mod partikolari peress li l-konfini DE-AT ma huwiex strutturalment konġestit, li ACER ma tikkunsidrax konfini alternattivi taż-żona tal-offerta, li kienu jkunu disponibbli miżuri tekniċi inqas invażivi, li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux inkunsiderazzjoni żviluppi futuri, li d-deċiżjoni tikser l-ispeċifikazzjoni li ż-żoni tal-offerta ma għandhomx ikunu ta’ natura permanenti u li ACER tinterpreta b’mod żbaljat in-natura ta’ loop flows.

3.

It-tielet motiv jallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità peress li ma ġewx ikkunsidrati u adottati miżuri li huma inqas invażivi iżda li huma ugwalment adatti.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-libertajiet fundamentali, peress li s-separazzjoni artifiċjali tas-suq konġunt tal-elettriku Awstrijaku-Ġermaniż tagħti lok għal restrizzjonijiet kwantitattivi fuq il-kummerċ tal-elettriku bejn iż-żewġ Stati Membri. F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-moviment liberu tal-oġġetti sanċit fl-Artikoli 34 u 35 TFUE. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-limitazzjonijiet fuq il-kapaċità ta’ trasferiment naxxenti mill-introduzzjoni ta’ konfini taż-żona tal-offerta u mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità jimponu b’mod mhux iġġustifikat restrizzjonijiet fuq il-libertà tar-rikorrenti li tipprovdi servizzi (Artikolu 56 TFUE).

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE peress li s-separazzjoni tas-suq konġunt tal-elettriku Awstrijaku-Ġermaniż bl-introduzzjoni ta’ konfini taż-żona tal-offerta u mekkaniżmu tal-allokazzjoni tal-kapaċità (CAM) tammonta għal diviżjoni tas-suq, li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv jallega li bl-adozzjoni tad-deċiżjoni, ACER kisret diversi rekwiżiti proċedurali.

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li billi bbażat id-deċiżjoni tagħha b’mod żbaljat fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament CACM, l-ACER konsegwentement segwit il-proċedura żbaljata għall-ħolqien ta’ konfini taż-żona tal-offerta u għall-introduzzjoni ta’ allokazzjonijiet tal-kapaċità.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-applikazzjoni sottomessa mir-regolatur Awstrijak, E-Control, li titlob li l-abbozz tas-CCR tat-TSO’s għandu jiġu emendat ma ġietx ipproċessata b’mod konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 9(12) tar-Regolament CACM.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-ACER teċċedi l-kompetenza tagħha billi tiddikjara li l-Opinjoni mhux vinkolanti 09/2015 li nħarġet f’Settembu 2015 għandha effett vinkolanti. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, peress li l-opinjoni li ġiet iddikjarata vinkolanti ma kinitx tifforma parti mill-proċedura ta’ konsultazzjoni, id-drittijiet proċedurali tr-rikorrenti ġew miksura b’mod fundamenti.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-fajl tal-ACER għall-preparazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma jinkludix studji tekniċi, analiżi u evalwazzjonijiet iddettaljati. Ir-rikorrenti tqis li jew l-Aġenzija pprovdiet lir-rikorrenti b’informazzjoni li b’mod sinfikattiv ma kintix kompluta u, b’dan, kisret id-dritt tar-rikorrenti għall-aċċess sħiħ għall-fajl tal-każ skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jew li l-Aġenzija ma ppreparat xejn u/jew ma kkonsultatx il-perizja teknika u l-analiżi sabiex issejjes id-deċiżjoni kkontestata fuq bażi fattwalment fondata (fatt li jkun jammonta wkoll għal żball proċedurali gravi).

Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq fatti l ima ġewx iċċarati b’mod suffiċjenti peress li l-Aġenzija naqset b’mod partikolari – iżda mhux b’mod limitattiv – li tipprovdi osservazzjonijiet dwar fejn teżisti konġestjoni strutturali fiż-żona tas-suq konġunt Awstrijaka-Ġermaniża u fejn din tista’ tiġi ġestita bl-iktar mod effiċjenti; dwar sa liema punt ikun hemm loop flows u sa fejn dawn jaffettwaw il-konfini Awstrijaku-Ġermaniż; dwar x’effetti għandhom il-miżuri viġenti u pendenti marbuta mal-espansjoni tan-netwerk u t-titjib tan-netwerk tas-sigurtà; dwar kif ħafna mill-elettriku li jgħaddi lejn l-Awstrija permezz ta’ Stati Membri oħra sussegwentement ikompli għaddej minn hemm lejn il-Ġermanja.

5.

Il-ħames motiv jallega nuqqas ta’ motivazzjoni.


(1)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222, tal-24 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU L 197, p. 24).

(2)  Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nru 714/2009, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU L 211, p. 15).