SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

1 ta’ Ġunju 2022 ( *1 )

“Unjoni ekonomika u monetarja – Unjoni bankarja – Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti impriżi ta’ investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Adozzjoni mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español – Delega ta’ poter – Dritt għal smigħ – Dritt għall-proprjetà – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikoli 14, 18 u 20 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014”

Fil-Kawża T‑628/17,

Aeris Invest Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu), irrappreżentata minn M. Roca Junyent, R. Vallina Hoset, G. Serrano Fenollosa, E. Galán Burgos u M. Varela Suárez, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn u A. Steiblytė, bħala aġenti,

u

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. King u M. Fernández Rupérez, bħala aġenti, assistiti minn B. Meyring, S. Schelo, F. Fernández de Trocóniz Robles, T. Klupsch u S. Ianc, avukati,

konvenuti,

sostnuti minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn L. Aguilera Ruiz u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn P. López-Carceller, M. Martínez Iglesias, L. Visaggio, J. Etienne, M. Menegatti u M. Sammut, bħala aġenti,

minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. de Gregorio Merino, J. Bauerschmidt, H. Marcos Fraile u A. Westerhof Löfflerová, bħala aġenti,

u minn

Banco Santander, SA, stabbilita f’Santander (Spanja), irrappreżentata minn J. Rodríguez Cárcamo, A. Rodríguez Conde, D. Sarmiento Ramírez-Escudero u J. Remón Peñalver, avukati,

partijiet intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB tas‑7 ta’ Ġunju 2017 dwar l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular Español, SA u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246 tas‑7 ta’ Ġunju 2017 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español (ĠU 2017, L 178, p. 15),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, M. Jaeger, V. Kreuschitz, G. De Baere (Relatur) u G. Steinfatt, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I. Il‑kuntest ġuridiku

1

Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, ġie deċiż li tinħoloq unjoni bankarja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, ibbażata fuq ġabra unika ta’ regoli, sħiħa u ddettaljata għas-servizzi finanzjarji, valida għas-suq intern kollu u li tinkludi fiha mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni, u oqfsa ġodda għall-garanzija tad-depożiti u r-riżoluzzjoni tal-fallimenti bankarji.

2

L-ewwel pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta’ mekkaniżmu uniku ta’ superviżjoni (SSM) bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63). Skont il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament, SSM għandu jiżgura li l-politika tal-Unjoni relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tiġi implimentata b’mod koerenti u effikaċi, li l-ġabra unika ta’ regoli għas-servizzi finanzjarji tiġi applikata bl-istess mod għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu fl-Istati Membri kollha kkonċernati, u li dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jkunu suġġetti għal superviżjoni tal-ogħla kwalità, li ma tkunx ristretta minn kunsiderazzjonijiet oħra mhux prudenzjali. Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 1024/2013 jagħti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) kompiti speċifiċi relatati mal-politiki dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex jikkontribwixxi għas-sigurtà u s-sodezza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi ħdan l-Unjoni u f’kull Stat Membru.

3

Sussegwentement, id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190), ġiet adottata. Fil-premessa 1 hija tindika dan li ġej:

“Il-kriżi finanzjarja wriet li hemm nuqqas sinifikanti ta’ għodod adegwati fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu ttrattati b’mod effettiv l-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment […] mhux sodi jew li qed ifallu. Dawn l-għodod huma meħtieġa, b’mod partikolari, sabiex jipprevjenu l-insolvenza jew sabiex meta sseħħ insolvenza jimminimizzaw ir-riperkussjonijiet negattivi billi jippreżervaw il-funzjonijiet sistemikament importanti tal-istituzzjoni kkonċernata. Matul il-kriżi, dawn l-isfidi kienu fattur ewlieni li ġiegħel lill-Istati Membri sabiex isalvaw l-istituzzjonijiet ta’ kreditu billi jużaw il-flus tal-kontribwenti. L-għan ta’ qafas ta’ rkupru u ta’ riżoluzzjoni kredibbli huwa li jbiegħed il-ħtieġa ta’ azzjoni bħal din kemm jista’ jkun.”

4

L-għan tad-Direttiva 2014/59 huwa li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-armonizzazzjoni minima tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni tal-banek fl-Unjoni u tipprovdi għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni dwar il-fallimenti ta’ banek transkonfinali. F’dan ir-rigward, id-Direttiva 2014/59 tipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 3(1) tagħha li kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità tar-riżoluzzjoni waħda jew, eċċezzjonalment, diversi awtoritajiet tar-riżoluzzjoni li jkollhom is-setgħa li japplikaw l-għodod tar-riżoluzzjoni u li jeżerċitaw is-setgħat tar-riżoluzzjoni.

5

Madankollu, fid-dawl tal-fatt, minn naħa, li d-Direttiva 2014/59 ma wasslitx għaċ-ċentralizzazzjoni tal-proċess deċiżjonali fil-qasam tar-riżoluzzjoni, li essenzjalment ipprovdiet għodod ta’ riżoluzzjoni komuni u setgħat ta’ riżoluzzjoni komuni disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru u li ħalliet marġni ta’ diskrezzjoni għall-użu ta’ dawn l-għodod u l-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament nazzjonali għar-riżoluzzjoni, u, min-naħa l-oħra, li din id-direttiva ma kinitx tipprekludi kompletament it-teħid ta’ deċiżjonijiet separati u potenzjalment diverġenti dwar ir-riżoluzzjoni ta’ gruppi transkonfinali mill-Istati Membri, ġie deċiż li jitwaqqaf mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni (SRM).

6

B’hekk, it-tieni pass lejn il-ħolqien tal-unjoni bankarja kien jikkonsisti fl-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

7

Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 806/2014 tiddikjara:

“L-iżgurar ta’ deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni effettivi għall-banek li qed ifallu fl-Unjoni, inkluż dwar l-użu ta’ finanzjament miġbur fil-livell tal-Unjoni, huwa essenzjali għat-tlestija tas-suq intern fis-servizzi finanzjarji. Fis-suq intern, il-falliment tal-banek fi Stat Membru wieħed jista’ jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni kollha kemm hi. L-iżgurar ta’ finanzjament fl-Istati Membri kollha huwa fl-aħjar interessi mhux biss tal-Istati Membri fejn joperaw il-banek, iżda wkoll tal-Istati Membri kollha inġenerali bħala mezz sabiex jiżguraw kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u biex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern. Is-sistemi bankarji fis-suq intern huma interkonnessi ħafna, il-gruppi bankarji huma internazzjonali u l-banek għandhom perċentwali kbir ta’ assi barranin. Fin-nuqqas tas-SRM, il-kriżijiet bankarji fl-Istati Membri li qed jieħdu sehem fs-SSM jkollhom impatt sistemiku negattiv aktar b’saħħtu anki fi Stati Membri mhux parteċipanti. L-istabbiliment tas-SRM se jiżgura approċċ newtrali fit-trattament ma’ banek li qed ifallu u għalhekk iżid l-istabbiltà tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti u jevita li l-kriżijiet jinxterdu fl-Istati Membri mhux parteċipanti u għalhekk se jiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern kollu. Il-mekkaniżmi għall-kooperazzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet stabbiliti kemm fl-Istati Membri parteċipanti kif ukoll f’dawk mhux parteċipanti għandhom ikunu ċari, u l-ebda Stat Membru jew grupp ta’ Stati Membri ma għandu jkun diskriminat, direttament jew indirettament, bħala post għas-servizzi finanzjarji.”

8

Ir-Regolament Nru 806/2014, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1, għandu l-għan li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-entitajiet iddefiniti fl-Artikolu 2 li huma stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, jiġifieri, l-banek li l-awtorità superviżorja tagħhom fil-pajjiż tal-oriġini hija l-BĊE jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jew fi Stati Membri li l-munita tagħhom ma hijiex l-euro li stabbilixxew kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1024/2013 (ara l-premessa 15 tar-Regolament Nru 806/2014).

9

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li dawn ir-regoli uniformi u din il-proċedura uniformi għandhom jiġu applikati mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), stabbilit mill-Artikolu 42 ta’ dan l-istess regolament, flimkien mal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, fil-kuntest tas-SRM maħluq minn dan l-istess regolament. Huwa wkoll previst li s-SRM ser jiddependi fuq Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF).

10

Skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiddeċiedi dwar miżura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni finanzjarja stabbilita fi Stat Membru parteċipanti meta jiġu ssodisfatti t-tliet kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 18(1) tal-istess regolament.

11

L-ewwel kundizzjoni teħtieġ li l-falliment tal-entità jkun seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. L-evalutazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE, wara konsultazzjoni mas-SRB, jew mis-SRB, u għandha titqies bħala ssodisfatta jekk l-entità tkun f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

12

It-tieni kundizzjoni tassumi li ma teżisti ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tal-entità fi żmien raġonevoli.

13

It-tielet kundizzjoni timplika li miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku, jiġifieri li din hija neċessarja sabiex jintlaħaq għan wieħed jew iktar tar-riżoluzzjoni, filwaqt li likwidazzjoni tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza ma tippermettix dan bl-istess mod.

14

L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tar-riżoluzzjoni bħala dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti kif ukoll l-investituri u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

15

L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li, qabel jiddeċiedi dwar azzjoni ta’ riżoluzzjoni jew l-eżerċizzju tas-setgħa li jagħmel żvalutazzjoni jew li jikkonverti strumenti ta’ fondi proprji rilevanti, is-SRB għandu jiżgura li titwettaq valutazzjoni ġusta, prudenti u realistika tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità kkonċernata minn persuna indipendenti minn kwalunkwe awtorità pubblika, inkluż is-SRB u l-awtorità ta’ riżoluzzjoni nazzjonali, u mill-entità kkonċernata.

16

Skont l-Artikolu 20(15) tar-Regolament Nru 806/2014, il-valutazzjoni għandha tkun parti integrali tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni ta’ għodda tar-riżoluzzjoni jew dwar l-eżerċizzju ta’ setgħa ta’ riżoluzzjoni jew id-deċiżjoni dwar l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

17

Meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni.

18

Meta jaġixxu fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont ċerti prinċipji elenkati fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, u fosthom hemm il-prinċipju li l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf kif ukoll il-prinċipju li l-ebda kreditur ma huwa ser iġarrab telf li huwa ikbar milli kien iġarrab kieku l-entità suġġetta għall-miżura ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi stralċjata skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

19

Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB għandu jiddetermina l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni. L-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jelenka d-diversi għodod ta’ riżoluzzjoni disponibbli, jiġifieri l-bejgħ ta’ operat, ir-rikors għal istituzzjoni tranżitorja, u s-separazzjoni tal-assi u ta’ rikapitalizzazzjoni interna.

20

Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ wkoll jeżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjoni jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni tista’ tinvolvi wkoll l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew ir-rikors għas-SRF.

21

Skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, immedjatament wara l-adozzjoni tiegħu, is-SRB għandu jittrażmetti l-iskema ta’ riżoluzzjoni lill-Kummissjoni. Fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni jew toġġezzjona fuq l-aspetti diskrezzjonali tagħha, minbarra dawk previsti fit-tielet subparagrafu, jiġifieri l-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku jew bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF. Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar aspetti diskrezzjonali, fi żmien tnax-il siegħa mit-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, il-Kummissjoni tista’ tipproponi lill-Kunsill sabiex joħroġ oġġezzjonijiet għall-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB peress li ma tissodisfax il-kriterju tal-interess pubbliku jew li japprova jew jirrifjuta bidla sinjifikattiva fl-ammont tas-SRF previst fl-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB. L-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni fi żmien erba’ u għoxrin siegħa wara t-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

22

L-Artikolu 18(9) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li s-SRB għandu jiżgura li jiġu adottati l-miżuri ta’ riżoluzzjoni meħtieġa sabiex tiġi applikata l-iskema ta’ riżoluzzjoni mill-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nazzjonali rilevanti. Dawn tal-aħħar huma d-destinatarji tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tagħtihom istruzzjoni sabiex jadottaw il-miżuri neċessarji kollha sabiex jimplimentawha b’konformità mal-Artikolu 29 tal-istess regolament, billi jeżerċitaw is-setgħat ta’ riżoluzzjoni.

23

Wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jiżgura li ssir valutazzjoni minn persuna indipendenti, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet għaddiet minn proċedimenti normali ta’ insolvenza. Din il-valutazzjoni tista’ twassal, skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014, għal kumpens lill-azzjonisti jew lill-kredituri jekk ikunu ġarrbu iktar telf fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kieku kienu jġarrbu fi stralċ skont proċeduri normali ta’ insolvenza.

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

24

Ir-rikorrenti, Aeris Invest Sàrl, hija persuna ġuridika stabbilita taħt id-dritt Lussemburgiż, li kienet azzjonista ta’ Banco Popular Español, SA (iktar ’il quddiem “Banco Popular”) qabel l-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

A. Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

25

Il-grupp Banco Popular, li l-kumpannija omm tiegħu kienet Banco Popular, fid-data tar-riżoluzzjoni, kien is-sitt grupp bankarju Spanjol.

26

Fl-2016, Banco Popular żied il-kapital b’EUR 2.5 biljun.

27

Fil‑5 ta’ Diċembru 2016, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat pjan ta’ riżoluzzjoni tal-grupp Banco Popular (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016”). L-għodda ta’ riżoluzzjoni ppreferuta fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kienet l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna prevista fl-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 806/2014.

28

Fit‑3 ta’ Frar 2017, Banco Popular ippubblika r-rapport annwali tiegħu tal-2016, li fih ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid.

29

Fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS Ratings Limited (DBRS) (li saret DBRS Morningstar) baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular, bi prospetti negattivi, fid-dawl tal-pożizzjoni mdgħajfa tal-kapital ta’ Banco Popular bħala riżultat ta’ telf nett ikbar minn dak previst fir-rapport annwali tiegħu, imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, kif ukoll tal-isforzi minn Banco Popular sabiex inaqqas l-istokk tiegħu li kien għadu għoli ta’ assi li ma jrendux.

30

Fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular ħabbar ir-riżultati tal-awditi interni li jindikaw li jistgħu jkunu meħtieġa korrezzjonijiet għar-rapport annwali tal-2016. Dawn l-aġġustamenti twettqu fir-rapport finanzjarju ta’ Banco Popular għall-ewwel tliet xhur tal-2017.

31

Fl‑10 ta’ April 2017, fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti ta’ Banco Popular, il-President tal-Bord tad-Diretturi ħabbar li l-bank kien qiegħed jikkunsidra jew żieda fil-kapital, jew tranżazzjoni ta’ negozju minħabba s-sitwazzjoni tal-grupp f’termini ta’ fondi proprji u l-livell tiegħu ta’ assi li ma jrendux. Il-President-Direttur Ġenerali ta’ Banco Popular ġie ssostitwit inqas minn sena wara li beda l-mandat tiegħu.

32

Wara t-tħabbira tat‑3 ta’ April 2017 dwar il-ħtieġa li jiġu aġġustati r-riżultati finanzjarji tal-2016, DBRS, fis-6 ta’ April, baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular filwaqt li żammet il-perspettiva negattiva tagħha. Standard & Poor’s, fis‑7 ta’ April, u Moody’s Investors service (iktar ’il quddiem “Moody’s”), fil-21 ta’ April 2017, ukoll baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular b’perspettiva negattiva.

33

F’April 2017, Banco Popular beda proċedura ta’ bejgħ privat bil-għan li jinbiegħ lil kompetitur b’saħħtu, li kellu jwassal sabiex jirrestawra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu. Id-data ta’ skadenza għall-akkwirenti potenzjali interessati fl-akkwist ta’ Banco Popular sabiex jissottomettu l-offerta tagħhom kienet l‑10 ta’ Ġunju 2017, u sussegwentement ġiet estiża sal-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 2017.

34

Fil‑5 ta’ Mejju 2017, Banco Popular ippreżenta r-rapport finanzjarju tiegħu għall-ewwel tliet xhur tal-2017, fejn ħabbar it-telf tal-ammont ta’ EUR 137 miljun.

35

Fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità (Liquidity Coverage Requirement) ta’ Banco Popular waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit fl-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU 2013, L 176, p. 1).

36

Permezz ta’ ittra tas‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Santander, SA infurmat lil Banco Popular li ma kinitx f’pożizzjoni li tippreżenta offerta definittiva fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

37

Fis‑16 ta’ Mejju 2017, Banco Popular, f’komunikazzjoni ta’ fatt rilevanti għall-Comisión nacional del mercado de valores (CNMV, Il-Kummissjoni Nazzjonali tas-Suq tat-Titoli, Spanja), iddikjarat li akkwirenti potenzjali kienu esprimew l-interess tagħhom fil-proċedura ta’ bejgħ privat, iżda li ma kienet ġiet riċevuta l-ebda offerta definittiva.

38

Fid‑19 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija FITCH baxxiet il-klassifikazzjoni fit-tul ta’ Banco Popular.

39

Fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-Presidenta tas-SRB, Elke König, tat intervista lill-istazzjon televiżiv Bloomberg, li matulha ġiet mistoqsija, b’mod partikolari, dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular.

40

Matul ix-xahar ta’ Mejju 2017, diversi artikli mill-istampa rrappurtaw id-diffikultajiet ta’ Banco Popular. Pereżempju, għandu jissemma artiklu tal‑11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, intitolat “Saracho jordna l-bejgħ urġenti ta’ Popular lil JP Morgan u Lazard minħabba r-riskju ta’ falliment” (Saracho encarga la venta urgente del Popular a JP Morgan y Lazard por riesgo de quiebra). F’dan l-artikolu, huwa ddikjarat li l-President tal-bank kien ikkummissjona lil JP Morgan u Lazard sabiex jorganizzaw il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment, dovuta għall-ħarba massiva ta’ depożiti minn klijenti individwali u istituzzjonali u li kien iqis li l-uniku mod sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-bank kien il-bejgħ sħiħ u imminenti tal-grupp kollu. L-artiklu jgħid li, “minħabba l-persistenza tal-ħruġ ta’ depożiti u l-għeluq ta’ sorsi esterni ta’ finanzjament, il-bank huwa f’riskju serju ta’ falliment, u li [il-President tiegħu] għalhekk kien kostrett jattiva l-iktar miżura drastika u li progressivament jastjeni milli jbiegħ l-assi tiegħu sabiex itejjeb il-proporzjonijiet tal-fondi proprji u jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE”.

41

Fil‑15 ta’ Mejju 2017, artiklu ppubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, bit-titolu “Il-BĊE jispezzjona lil Banco Popular għal xahrejn f’nofs il-proċess sħiħ tal-bejgħ” (El BCE inspecciona a Banco Popular durante dos meses en pleno proceso de venta), jirrapporta li l-pjan tal-bejgħ ta’ Banco Popular, implimentat mill-President tiegħu, sar wara l-ispezzjoni tal-BĊE, li kien ikkonferma id-defiċit ta’ provvedimenti. Skont dan l-artiklu, l-ispetturi tal-BĊE kienu kkonkludew li d-diffikultajiet ta’ Banco Popular huma marbuta mad-defiċit ta’ provvedimenti tiegħu sabiex ikopri l-espożizzjoni immobbli tiegħu, u li kien meħtieġ li jiġi evitat il-ħruġ okkażjonali ta’ depożiti. Dawn l-ispetturi esprimew ukoll it-tħassib tagħhom dwar il-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-2016.

42

Fil‑31 ta’ Mejju 2017, l-aġenzija Reuters ippubblikat artiklu bit-titolu “L-UE, imwissija bir-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (La UE, advertida de riesgo de una resolución ordenada en Banco Popular). B’mod partikolari dan l-artiklu jsemmi li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jkunx jista’ jsib akkwirent. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet reċentement ħarġet “twissija bikrija,” u ddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (ta’ Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli.

43

Fl-istess jum, is-SRB ippubblika stqarrija għall-istampa intiża sabiex tikkontesta l-kontenut ta’ dan l-artiklu.

44

Fl-ewwel jiem ta’ Ġunju tal-2017, Banco Popular affaċċja ġbid massiv ta’ likwidità.

45

Fil‑5 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular ippreżenta, filgħodu, l-ewwel talba għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco de España (il-Bank ta’ Spanja), sussegwentement, it-tieni talba, waranofsinhar, li kien fiha estensjoni tal-ammont mitlub, minħabba movimenti kbar ta’ likwidità. Fuq il-bażi ta’ talba mill-Bank ta’ Spanja u wara l-evalwazzjoni tal-BĊE fl-istess jum tat-talba ta’ Banco Popular għall-għoti urġenti ta’ likwidità, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-għoti urġenti ta’ likwidità lil Banco Popular għall-perijodu sat‑8 ta’ Ġunju 2017. Banco Popular irċieva parti minn dan l-għoti urġenti ta’ likwidità, u sussegwentement il-Bank ta’ Spanja indika li ma kienx f’pożizzjoni jipprovdi għoti urġenti ta’ likwidità supplementari lil Banco Popular.

46

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

B. Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

47

Fit‑23 ta’ Mejju 2017, is-SRB inkariga lil Deloitte, bħala espert indipendenti, sabiex twettaq il-valutazzjoni ta’ Banco Popular skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.

48

Fl‑24 ta’ Mejju 2017, is-SRB talab mingħand Banco Popular, abbażi tal-Artikolu 34 tar-Regolament Nru 806/2014, l-informazzjoni meħtieġa bil-ħsieb li titwettaq il-valutazzjoni tiegħu. Fit‑2 ta’ Ġunju 2017, huwa talab ukoll lil Banco Popular sabiex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess tal-bejgħ privat u sabiex jipprovdi aċċess għall-kamra virtwali sikura tad-data li dan tal-aħħar kien stabbilixxa fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

49

Fit‑3 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/06, indirizzata lill-Fondo de Reestructuración Ordenada Bancaria (FROB, Fond ta’ ristrutturazzjoni ordnata tal-istituzzjonijiet bankarji, Spanja), dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ Banco Popular (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni”). Is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil dan tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Is-SRB indika b’mod partikolari li l-FROB kellu jikkuntattja lill-ħames akkwirenti potenzjali li kienu mistiedna jissottomettu offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

50

Fost il-ħames akkwirenti potenzjali, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali.

51

Fl‑4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u Banco Bilbao Vizcaya Argentaria, SA (BBVA), iffirmaw ftehim ta’ nuqqas ta’ żvelar u, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data.

52

Fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-ewwel valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 1”) skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

53

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta lis-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

54

F’din il-valutazzjoni, il-BĊE indika li, matul ix-xhur preċedenti, Banco Popular kien ġarrab deterjorament sinjifikattiv fis-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu, dovut prinċipalment għal eżawriment sinjifikattiv tal-bażi tad-depożiti tiegħu. Banco Popular esperjenza ħruġ sinjifikattiv ta’ likwidità fis-segmenti kollha tal-klijentela tiegħu. Il-BĊE elenka l-avvenimenti li wasslu għall-problemi ta’ likwidità li kellu jaffaċċja Banco Popular.

55

F’dan ir-rigward, huwa rrileva li, fi Frar tal-2017, matul il-preżentazzjoni tal-kontijiet annwali tagħha, Banco Popular kien żvela ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li wasslu għal telf ta’ EUR 3.485 biljun fl-2016, kif ukoll is-sostituzzjoni tal-President tiegħu li kien ilu għal żmien twil, li wettaq reviżjoni tal-istrateġija tal-bank. It-tħabbira ta’ provvedimenti addizzjonali u ta’ telf fi tmiem is-sena finanzjarja kienet wasslet għal tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn DBRS fl‑10 ta’ Frar 2017 u kienet qajmet tħassib serju min-naħa tal-klijenti ta’ Banco Popular, li rriżulta fi ġbid kbir u mhux mistenni ta’ depożiti u fi frekwenza għolja ta’ żjarat tal-klijenti fil-fergħat tal-banek.

56

Il-BĊE ddikjara wkoll li l-pubblikazzjoni minn Banco Popular, fit‑3 ta’ April 2017, ta’ dikjarazzjoni pubblika ad hoc li tħabbar l-eżitu ta’ diversi awditi interni li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-istati finanzjarji tal-istituzzjoni kif ukoll il-konferma li l-President-Direttur Ġenerali tal-istituzzjoni kien ser jiġi ssostitwit inqas minn sena wara d-dħul fil-kariga tiegħu, kienu wasslu għal mewġa oħra ta’ ġbid ta’ depożiti. Il-BĊE rrileva li din il-mewġa ta’ ġbid ta’ depożiti kienet ukoll xprunata minn:

tnaqqis fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Standard & Poor’s fis‑7 ta’ April 2017;

it-tħabbira minn Banco Popular, fl‑10 ta’ April 2017, li ma kinitx ser tħallas dividendi u li żieda fil-kapital jew tranżazzjoni korporattiva tista’ tkun meħtieġa minħabba s-sitwazzjoni ristretta fil-kapital tagħha u l-allinjament meħtieġ fuq il-pari tagħha tal-kopertura ta’ assi li ma jrendux;

tnaqqis fil-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular minn Moody’s fil‑21 ta’ April 2017;

l-iżvelar tar-riżultati tal-ewwel tliet xhur tal-2017 li kienu agħar minn dawk previsti;

il-kopertura negattiva u kontinwa tal-media, bħall-artikli tal‑11 u tal‑15 ta’ Mejju 2017 imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq, jissuġġerixxu li l-President ta’ Banco Popular kien ordna bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju imminenti ta’ falliment jew nuqqas ta’ likwidità, u li l-bank kellu jaffaċċja ħtieġa addizzjonali sinjifikattiva għal provvedimenti li jirriżultaw minn spezzjoni fuq il-post mis-superviżur.

57

Il-BĊE kkonstata wkoll li d-depożiti li ntilfu mill‑31 ta’ Mejju 2017 kienu partikolarment rilevanti, wara l-iżvelar fil-media li l-bank seta’ jiġi stralċjat jekk il-proċess ta’ bejgħ kurrenti ma jirnexxix fi żmien qasir ħafna.

58

Barra minn hekk, il-BĊE rrileva li, għalkemm Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali fil-ġimgħat preċedenti u beda jimplimentahom, id-daqs tal-influssi mwettqai u li kienu għadhom mistennija ma kienx biżżejjed sabiex jirrimedja l-eżawriment tal-pożizzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular fid-data tal-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista urġenti ta’ likwidità li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma kienx qajjem oġġezzjonijiet fil‑5 ta’ Ġunju 2017, is-sitwazzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx biżżejjed sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li jissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis‑7 ta’ Ġunju 2017.

59

Il-BĊE qies li l-miżuri diġà adottati minn Banco Popular ma kinux suffiċjentement effettivi sabiex ireġġgħu lura d-deterjorament tal-pożizzjoni tal-likwidità tiegħu. Il-Kummissjoni tinnota li, bħala miżura alternattiva sabiex jiżgura l-kapaċità tiegħu li jissodisfa l-impenji tiegħu li kienu waslu biex jimmaturaw, il-Banco Popular kien qiegħed jipprova jimplimenta tranżazzjoni ta’ negozju, jiġifieri l-bejgħ tiegħu lil kompetitur iktar b’saħħtu. Madankollu, il-BĊE qies li, fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular, l-assenza ta’ prova tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jreġġa’ lura s-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu fil-futur qrib u tal-fatt li n-negozjati sa dak iż-żmien ma wasslux għal riżultat pożittiv, il-konferma ta’ tranżazzjoni privata bħal din ma kinitx prevedibbli f’terminu ta’ żmien li kien jippermetti lil Banco Popular li jkun jista’ jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

60

Il-BĊE kkonstata li, fl-istess ħin, ma kienet teżisti l-ebda miżura ta’ sorveljanza jew ta’ intervent bikri disponibbli li tippermetti li tiġi rrestawrata b’mod immedjat is-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular u li tiżguralu żmien biżżejjed sabiex jimplimenta tranżazzjoni kummerċjali jew soluzzjoni oħra. Il-miżuri għad-dispożizzjoni tal-BĊE bħala awtorità kompetenti, bis-saħħa tat-traspożizzjoni nazzjonali tal-Artikolu 104 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU 2013, L 176, p. 338), u l-Artikoli 27 sa 29 tad-Direttiva 2014/59 jew l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 1024/2013, ma setgħux jiżguraw li Banco Popular ikun f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew impenji oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, minħabba l-portata u r-ritmu tad-deterjorament fil-likwidità osservata.

61

Bħala konklużjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, qies li kien hemm elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni fil-futur qarib, li jħallas id-djun tiegħu jew l-impenji l-oħra tagħha meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

62

Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

63

Fl-istess jum, il-FROB adotta ittra li tinkludi l-informazzjoni dwar il-proċedura ta’ bejgħ (iktar ’il quddiem l-“ittra ta’ proċedura”) u li tiffissa t-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti f’nofsillejl tas‑6 ta’ Ġunju 2017.

64

Fl-istess jum, il-BBVA, wieħed miż-żewġ akkwirenti potenzjali ta’ Banco Popular, infurmat lill-FROB li ma kienx ser jagħmel offerta.

65

Ukoll fis‑6 ta’ Ġunju 2017, Deloitte bagħtet lis-SRB it-tieni valutazzjoni (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 2”), redatta skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 2 kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedura normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB li jiddetermina l-kundizzjonijiet kummerċjali tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat. B’mod partikolari, din il-valutazzjoni stmat il-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fl-ammont ta’ EUR 1.3 biljun fl-aħjar xenarju, tal-anqas EUR 8.2 biljun fl-agħar xenarju possibbli, u tal-anqas EUR 2 biljun fl-aħjar stima.

66

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, Banco Santander issottometta offerta definittiva.

67

Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB li Banco Santander kien issottometta offerta fis‑7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB iddikjara li l-bord ta’ tmexxija tiegħu għażel lil Banco Santander bħala l-offerent rebbieħ fil-proċedura ta’ bejgħ kompetittiv ta’ Banco Popular u ddeċieda li jipproponi lis-SRB li jaħtar lil Banco Santander bħala l-akkwirent fid-deċiżjoni tas-SRB dwar l-adozzjoni ta’ dispożittiv ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular.

C. Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

68

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-Sessjoni Eżekuttiva tas-SRB adottat id-Deċiżjoni SRB/EES/2017/08 dwar skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular abbażi (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ riżoluzzjoni”), abbażi tar-Regolament Nru 806/2014.

69

Skont l-Artikolu 1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, billi kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, iddeċieda li jissottometti lil Banco Popular għal proċedura ta’ riżoluzzjoni mid-data tar-riżoluzzjoni.

70

Għalhekk, is-SRB qies, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien qiegeħd f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kinux jeżistu miżuri oħra li setgħu jipprekludu l-falliment ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ ta’ operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jintlaħqu żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

71

Fl-Artikolu 5.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda kif ġej:

“L-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata għal Banco Popular ser tikkonsisti f’bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bit-trasferiment tal-azzjonijiet lil akkwirent. L-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ser jitwettqu immedjatament qabel l-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ ta’ operat.”

72

L-Artikolu 6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jikkonċerna l-iżvalutazzjoni tal-fondi proprji u l-għodda tal-bejgħ ta’ operat. Fl-Artikolu 6.1, is-SRB indika l-miżuri li kien adotta b’applikazzjoni tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014.

73

Għalhekk, fl-Artikolu 6.1 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iddeċieda:

qabelxejn, li jiżvaluta l-ammont nominali tal-kapital azzjonarju ta’ Banco Popular bl-ammont ta’ EUR 2098429046, fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular;

sussegwentement, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-kategorija 1 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda I”;

sussegwentement, li jiżvaluta għal żero l-valur nominali tal-“azzjonijiet ġodda I” fatt li wassal għall-annullament ta’ 100 % ta’ dawn l-“azzjonijiet ġodda I”;

fl-aħħar, li jikkonverti l-ammont prinċipali kollu tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 maħruġa minn Banco Popular u fiċ-ċirkulazzjoni fid-data tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni f’azzjonijiet ġodda maħruġa minn Banco Popular, l-“azzjonijiet ġodda II”.

74

L-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jipprovdi li dawn il-miżuri ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni huma bbażati fuq il-valutazzjoni 2, ikkorroborati mir-riżultati ta’ proċess ta’ bejgħ trasparenti u miftuħ imwettaq mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni Spanjola, il-FROB.

75

Fl-Artikolu 6.5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li huwa kien qiegħed jeżerċita s-setgħat mogħtija lilu mill-Artikolu 24(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar l-għodda ta’ bejgħ tal-operat u li kien qiegħed jordna li l-“azzjonijiet ġodda II” jiġu ttrasferiti lil Banco Santander, liberi u mingħajr ebda dritt jew privileġġ favur terz, inkambju għall-ħlas ta’ prezz tax-xiri ta’ EUR 1. Ġie ppreċiżat li l-akkwirent kien diġà ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment.

76

Is-SRB indika wkoll li t-trasferiment tal-“azzjonijiet ġodda II” kellu jsir abbażi tal-offerta vinkolanti tal-akkwirent tas-7 ta’ Ġunju 2017 u kellu jiġi implimentat mill-FROB b’applikazzjoni tal-Ley 11/2015 de recuperación y resolución de entidades de credito y empresas de servicios de inversión (il-Liġi 11/2015 dwar l-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-impriżi tas-servizzi ta’ investiment) tat‑18 ta’ Ġunju 2015 (BOE Nru 146, tad‑19 ta’ Ġunju 2015, p. 50797, iktar ’il quddiem “il-Liġi 11/2015”).

77

L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fil-5:13 a.m.

78

Fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fis-6.30 a.m., il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2017/1246 li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular (ĠU 2017, L 178, p. 15), u nnotifikatha lis-SRB. Konsegwentement, il-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni daħal fis-seħħ fl-istess ġurnata.

79

Mill-premessa 4 tad-Deċiżjoni 2017/1246 jirriżulta dan li ġej:

“Il-Kummissjoni taqbel mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. B’mod partikulari taqbel mar-raġunijiet mogħtija mill-SRB li minħabba fihom hi neċessarja r-riżoluzzjoni fl-interess pubbliku skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.”

80

Fl-istess jum, il-FROB adotta l-miżuri neċessarji sabiex jimplimenta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 806/2014. F’dan il-kuntest, il-FROB ta l-kunsens tiegħu għat-trasferiment tal-azzjonijiet ġodda ta’ Banco Popular li rriżultaw mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-kategorija 2 (l-“azzjonijiet ġodda II”) lil Banco Santander.

D. Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

81

Fl‑14 ta’ Ġunju 2018, Deloitte bagħtet lis-SRB il-valutazzjoni tad-differenza fit-trattament prevista fl-Artikolu 20(16) sa (18) tar-Regolament Nru 806/2014, imwettqa sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-Banco Popular kien ġie suġġett għal proċedura normali ta’ insolvenza (iktar ’il quddiem il-“valutazzjoni 3”). Fil31 ta’ Lulju 2018, Deloitte bagħtet addendum lis-SRB għal din il-valutazzjoni li tikkoreġi ċerti żbalji formali.

82

Fit-‑28 ta’ Settembru 2018, wara fużjoni permezz ta’ akkwiżizzjoni, Banco Santander sar is-suċċessur b’titolu universali ta’ Banco Popular.

83

Fis‑17 ta’ Marzu 2020, is-SRB adotta d-Deċiżjoni SRB/EES/2020/52 intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk kellux jingħata kumpens għad-danni lill-azzjonisti u lill-kredituri kkonċernati mill-miżuri ta’ riżoluzzjoni mwettqa fir-rigward ta’ Banco Popular. Avviż dwar din id-deċiżjoni ġie ppubblikat fl‑20 ta’ Marzu 2020 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2020, C 91, p. 2). F’din id-deċiżjoni, is-SRB qies li l-azzjonisti u l-kredituri li kienu ġew affettwati mir-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular ma kellhomx id-dritt għal kumpens għad-danni mis-SRF skont l-Artikolu 76(1)(e) tar-Regolament Nru 806/2014.

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

84

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

85

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru fil‑15 ta’ Novembru 2017, is-SRB talab lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tordna miżuri istruttorji dwar il-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti elenkati fl-anness. B’deċiżjoni tat‑30 ta’ Novembru 2017, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma tilqax din it-talba għal miżuri istruttorji f’dan l-istadju tal-proċedura.

86

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis‑6 u fit‑30 ta’ Novembru 2017 u fil‑5 u fit‑13 ta’ Diċembru 2017 rispettivament, Banco Santander, il-Kunsill, ir-Renju ta’ Spanja u l-Parlament Ewropew talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tas-SRB u tal-Kummissjoni. Permezz tad-deċiżjonijiet tas-6 ta’ Awwissu 2018, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ l-interventi tar-Renju ta’ Spanja, tal-Parlament u tal-Kunsill u, b’digriet tat‑12 ta’ April 2019, laqa’ l-intervent ta’ Banco Santander. Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander ressqu s-sottomissjonijiet tagħhom u r-rikorrenti u s-SRB ressqu l-osservazzjonijiet tagħhom dwarhom fit-termini stabbiliti.

87

Fis‑16 ta’ Frar 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lis-SRB jippreżenta l-aħħar verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2, ippubblikata fuq is-sit internet tagħha. Is-SRB ippreżenta d-dokumenti fit-terminu stabbilit.

88

Fis‑6 ta’ Lulju 2018, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet prinċipali wieġbu fit-terminu stabbilit.

89

Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, skont l-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur ġie assenjat it-Tielet Awla, u din il-kawża, konsegwentement, ġiet assenjata lilha.

90

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-21 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ppreżentat proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini stabbiliti.

91

Fuq proposta tat-Tielet Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

92

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

93

Fis‑16 ta’ Marzu 2021, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lis-SRB sabiex jipproduċi diversi dokumenti. Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2021, is-SRB wieġeb li d-dokumenti mitluba kienu parzjalment kunfidenzjali u setgħu jiġu prodotti jekk il-Qorti Ġenerali tadotta miżura istruttorja.

94

Permezz ta’ ittra ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

95

B’digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB, fuq il-bażi, minn naħa, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 91(b) tal-Artikolu 92(3), kif ukoll tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2, tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017 dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017. Il-Qorti Ġenerali ordnat wkoll lis-SRB jipproduċi l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-ittra mill-Banco Popular lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, inkluż l-anness tagħha, u tal-ittra mill-BĊE lil Banco Popular tat‑18 ta’ Mejju 2017.

96

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat talba għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament, il-Kunsill u Banco Santander issottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

97

B’digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat mill-fajl il-verżjonijiet kunfidenzjali tad-dokumenti prodotti mis-SRB skont id-digriet tat‑12 ta’ Mejju 2021 u bagħtet lir-rikorrenti kif ukoll lir-Renju ta’ Spanja, lill-Parlament u lill-Kunsill u lil Banco Santander l-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017 minn Banco Popular lill-BĊE mingħajr l-anness tagħha.

98

Minħabba impediment ta’ żewġ membri tat-Tielet Awla, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar żewġ imħallfin oħra sabiex jikkompletaw l-awla.

99

Instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet orali magħmulin mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tas‑17 ta’ Ġunju 2021.

100

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ressqet talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113(2)(c) tar-Regoli tal-Proċedura. B’deċiżjoni tas‑27 ta’ Awwissu 2021, il-President tat-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba, billi f’dan il-każ ma ġiet issodisfatta l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura peress li l-elementi li fuqhom ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura ma kienx probabbli li jkollhom influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali.

101

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-iskema ta’ riżoluzzjoni u d-Deċiżjoni 2017/1246 (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”);

tikkundanna lis-SRB għall-ispejjeż.

102

Il-Kummissjoni u s-SRB jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

103

Ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u Banco Santander jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

104

Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors sa fejn dan huwa bbażat fuq l-eċċezzjonijiet tal-illegalità tar-Regolament Nru 806/2014;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

IV. Id-dritt

A. Fuq il-proposta ta’ provi ġodda tad‑19 ta’ April 2021

105

Permezz ta’ att ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ April 2021, ir-rikorrenti ppreżentat proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-prova tikkonċerna talba għal aċċess għal dokumenti mibgħuta mir-rikorrenti lis-SRB, fl‑4 ta’ Mejju 2018, intiża sabiex tinkiseb il-valutazzjoni definittiva ex post ta’ Banco Popular u t-tweġiba tas-SRB tad‑19 ta’ Ġunju 2018.

106

Il-Kummissjoni, is-SRB u Banco Santander isostnu li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti għal din il-kawża.

107

Skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f’każijiet eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

108

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-proposta ta’ provi ġodda ppreżentata mir-rikorrenti tikkonċerna skambju ta’ posta bejnha u s-SRB, dwar talba għal aċċess għal dokumenti, li tmur lura għal Mejju u Ġunju 2018. Konsegwentement, dawn id-dokumenti ma jistgħux ipoġġu f’dubju l-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati peress li fil-parti l-kbira jippreċedu l-adozzjoni tagħhom.

110

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax liema informazzjoni li tinsab f’dan l-iskambju ta’ ittri hija rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima u ma tidentifikax liema argument imqajjem fir-rikors jew fir-replika dan l-iskambju huwa intiż li jsostni.

111

Għalhekk għandu jitqies li l-proposta ta’ provi ġodda ppreżentata mir-rikorrenti fid-19 ta’ April 2021 ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ġġustifikatx il-produzzjoni tardiva ta’ dawk id-dokumenti li, fid-dawl tad-data tagħhom, kienu diġà għad-dispożizzjoni tagħha qabel il-preżentazzjoni tar-replika.

B. Fuq il-mertu

112

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, sanċiti fl-Artikoli 15 u 296 tat-TFUE u fl-Artikoli 42 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans u tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014. It-tielet motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità, sa fejn l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji tad-delega tas-setgħa. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) TUE. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta. It-tmien motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE. Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE. L-għaxar motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE.

113

Fir-replika, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi ġodda. Il-ħdax-il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(14) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 20(11) u (15) tal-istess regolament, kif ukoll fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. It-tnax‑il motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 20(3) u (5) tal-istess regolament.

114

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ddemarkat il-portata tal-istħarriġ eżerċitat mill-Qorti Ġenerali kemm f’sitwazzjonijiet fejn l-att ikkontestat huwa bbażat fuq evalwazzjoni ta’ elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessi ħafna kif ukoll f’każijiet ta’ evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi.

115

Minn naħa, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li fihom l-awtoritajiet tal-Unjoni jiddisponu minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika kumplessa ħafna sabiex jistabbilixxu n-natura u l-portata tal-miżuri li huma jadottaw, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni għandu jkun limitat għal eżami dwar jekk l-eżerċizzju ta’ tali setgħa huwiex ivvizzjat minn żball manifest jew minn użu ħażin ta’ poter jew jekk dawn l-awtoritajiet ikunux eċċedew b’mod manifest il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. F’tali kuntest, il-qorti tal-Unjoni ma tistax fil-fatt tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-elementi fattwali ta’ natura xjentifika u teknika għal dik tal-awtoritajiet tal-Unjoni li lilhom biss it-Trattat FUE ta dan il-kompitu (is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Etimine, C‑15/10, EU:C:2011:504, punt 60, u tas‑7 ta’ Marzu 2013, Bilbaína de Alquitranes et vs ECHA, T‑93/10, EU:T:2013:106, punt 76; ara, ukoll, is-sentenza tal‑11 ta’ Mejju 2017, Deza vs ECHA, T‑115/15, EU:T:2017:329, punt 163 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l‑evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-awtoritajiet tal-Unjoni, dan huwa stħarriġ limitat li neċessarjament huwa limitat għal verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-preċiżjoni materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ użu ħażin ta’ poter. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, għalhekk lanqas ma huwa l-kompitu tal-imħallef tal-Unjoni li għandu jissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tiegħu għal dik tal-awtorità kompetenti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il‑Kummissjoni, 42/84, EU:C:1985:327, punt 34); tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑16 ta’ Jannar 2020, Iberpotash vs Il‑Kummissjoni, T‑257/18, EU:T:2020:1, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117

Peress li d-deċiżjonijiet li s-SRB huwa meħtieġ li jadotta fil-kuntest ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni huma bbażati fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi ħafna, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-prinċipji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 115 u 116 iktar ’il fuq japplikaw għall-istħarriġ li l-qorti hija mitluba li teżerċita.

118

Madankollu, għalkemm huwa rrikonoxxut li s-SRB għandu marġni ta’ diskrezzjoni fil-qasam ekonomiku u tekniku, dan ma jfissirx li l-qorti tal-Unjoni għandha tastjeni milli tistħarreġ l-interpretazzjoni, imwettqa mis-SRB, ta’ data ta’ natura ekonomika li sservi bħala bażi għad-deċiżjoni tiegħu. Fil-fatt, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, anki fil-każ ta’ evalwazzjonijiet kumplessi, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika mhux biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn il-provi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom (ara s-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2007, Spanja vs Lenzing, C‑525/04 P, EU:C:2007:698, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑26 ta’ Marzu 2019, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑621/16 P, EU:C:2019:251, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑10 ta’ Diċembru 2020, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, C‑160/19 P, EU:C:2020:1012, punt 115 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119

F’dan ir-rigward, sabiex jiġi stabbilit li s-SRB wettaq żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex irendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti mwettqa f’din l-iskema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Lubrizol France vs Il‑Kunsill, C‑223/17 P, mhux ippubblikati, EU:C:2018:442, punt 39; tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Comune di Milano vs Il‑Kummissjoni, T‑167/13, EU:T:2018:940, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

120

Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel jiġu eżaminati l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma fit-tielet, fir-raba’ u fil-ħames motiv, imbagħad it-tmien motiv u, fl-aħħar nett, il-motivi l-oħra.

1.   Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħa

121

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji stabbiliti mis-sentenzi tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), u tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), dwar id-delega tas-setgħat mill-istituzzjonijiet. Id-delega lis-SRB tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji, prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, u tas-setgħa ta’ bejgħ tal-operat, prevista fl-Artikolu 24 tal-istess regolament, ma josservawx it-tliet kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk is-sentenzi, jiġifieri l-għanijiet ma humiex stabbiliti b’mod preċiż, peress li ċ-ċirkustanzi u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu eżerċitati dawn is-setgħat ma humiex iddelimitati u l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità ma hijiex iggarantita.

122

Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill essenzjalment isostnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma ddelegax setgħat diskrezzjonali lis-SRB, sa fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB tipproduċi effetti legali vinkolanti biss jekk tiġi approvata mill-Kummissjoni jew mill-Kunsill. Is-setgħat previsti fl-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jeħtieġu l-approvazzjoni mill-Kummissjoni skont is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Peress li s-setgħa deċiżjonali dwar kwistjonijiet li jimplikaw evalwazzjonijiet diskrezzjonali hija rriżervata għall-Kummissjoni jew għall-Kunsill, dawn tal-aħħar b’hekk jassumu r-responsabbiltà legali u politika għad-determinazzjoni tal-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni.

123

Għandu jiġi rrilevat li t-Trattati ma fihom l-ebda dispożizzjoni li tipprovdi għall-għoti ta’ kompetenzi lil korp jew lil aġenzija tal-Unjoni. Għaldaqstant, la l-Artikolu 290 TFUE, li jipprevedi d-delega tas-setgħat regolatorji lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-atti leġislattivi, u lanqas l-Artikolu 291 TFUE, li jagħti l-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u, f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi, lill-Kunsill, ma jsemmu l-aġenziji (il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2013:562, punt 75).

124

Għaldaqstant hija l-ġurisprudenza, u b’mod partikolari s-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li stabbilixxiet il-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat. Sussegwentement, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), applikat dawk il-prinċipji f’każijiet fejn setgħat awtonomi ġew konferiti lil aġenzija mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

125

Fil-punt 41 tas-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), hija enfasizzat, essenzjalment, li l-konsegwenzi li jirriżultaw minn delega ta’ setgħat huma differenti ħafna skont jekk din tal-aħħar tirrigwardax, minn naħa, setgħat ta’ eżekuzzjoni ddelimitati b’mod ċar u li l-użu tagħhom, għalhekk, jista’ jkun suġġett għal kontroll rigoruż fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi stabbiliti mill-awtorità li tiddelega, jew, min-naħa l-oħra, “setgħa diskrezzjonali, li timplika libertà ta’ diskrezzjoni wiesgħa, li tista’ tirriżulta skont l-użu li jsir minnha, f’politika ekonomika reali”.

126

Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li kienet indikat ukoll, fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7), li delega tal-ewwel tip ma tistax tbiddel b’mod sinjifikattiv il-konsegwenzi li jwassal għalihom l-eżerċizzju tas-setgħat li hija taffettwa, filwaqt li delega tat-tieni tip, billi tissostitwixxi l-għażliet tal-awtorità ddelegata flok dawk tal-awtorità li tiddelega, topera “spostament reali ta’ responsabbiltà” (is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 42).

127

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni introdotti mil-leġiżlatur fir-Regolament Nru 806/2014 segwiet l-osservazzjonijiet magħmula mis-servizz legali tal-Kunsill f’opinjoni tas‑7 ta’ Ottubru 2013, dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament, li l-għan tagħha kien li tevalwa l-kompatibbiltà tal-proċedura inizjalment prevista fil-proposta għal regolament mal-prinċipji dwar id-delega tas-setgħat, kif interpretati fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

128

Oriġinarjament, fil-proposta għal regolament eżaminata f’din l-opinjoni, it-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u s-SRB kien differenti minn dak adottat finalment fir-Regolament Nru 806/2014. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tissuġġetta entità għal riżoluzzjoni, li tistabbilixxi qafas għall-użu tal-istrumenti ta’ riżoluzzjoni u li tiddeċiedi jekk għandhomx jintużaw u kif għandhom jintużaw is-setgħat ta’ żvalutazzjoni u konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji u s-SRB, skont il-qafas stabbilit mill-Kummissjoni, kienet kompetenti sabiex tadotta deċiżjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tar-riżoluzzjoni.

129

Fl-opinjoni tiegħu, is-servizz legali tal-Kunsill innota li xi miżuri li s-SRB jista’ jinkludi f’deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma kinux iddefiniti bi preċiżjoni suffiċjenti. Is-servizz legali tal-Kunsill qies li l-istruttura ġenerali u l-istruttura tal-proposta għal regolament, li fihom il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni bażika ta’ riżoluzzjoni u s-SRB huwa meħtieġ jaġixxu fil-kuntest ta’ kriterji stabbiliti mill-Kummissjoni, kienu konformi mad-dritt tal-Unjoni kif interpretata fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7). Madankollu, huwa qies li s-setgħat tas-SRB sabiex jimplimenta l-għodod ta’ riżoluzzjoni u d-deċiżjonijiet kien jidhru, sa ċertu punt, li kienu ta’ natura diskrezzjonali u li jmorru lil hinn mill-eżerċizzju ta’ setgħat purament tekniċi. Huwa kkonkluda li, għaldaqstant, jista’ jkun neċessarju jew li fir-Regolament jiġu inklużi dispożizzjonijiet oħra sabiex tiġi rregolata kif xieraq l-applikazzjoni tal-għodod ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, jew li fl-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat tiġi implikata istituzzjoni tal-Unjoni b’kompetenzi ta’ eżekuzzjoni.

130

Il-leġiżlatur tal-Unjoni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni din l-opinjoni tas-servizz legali tal-Kunsill, immodifika l-mekkaniżmu għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ riżoluzzjoni. Peress li l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni timplika marġni ta’ diskrezzjoni, il-leġiżlatur irriżerva din il-kompetenza lil istituzzjoni u mhux lis-SRB.

131

Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 24 u 26 tar-Regolament Nru 806/2014 li jipprovdu:

“(24)

Billi huma biss l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jistgħu jistabbilixxu l-politika ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni u billi jibqa’ marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni ta’ kull skema ta’ riżoluzzjoni speċifika, huwa neċessarju li jiġi previst l-involviment adegwat tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, bħala l-istituzzjonijiet li jistgħu jeżerċitaw setgħat ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE […]. Il-valutazzjoni tal-aspetti diskrezzjonarji tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni meħuda mill-Bord għandha tkun eżerċitata mill-Kummissjoni. Fid-dawl tal-impatt konsiderevoli tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri u fuq l-Unjoni bħala tali, kif ukoll fuq is-sovranità fiskali tal-Istati Membri, huwa importanti li l-Kunsill jingħata s-setgħa ta’ implimentazzjoni li jieħu ċerti deċiżjonijiet relatati mar-riżoluzzjoni. Għaldaqstant għandu jkun il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, li jeżerċita kontroll effettiv fuq il-valutazzjoni mill-Bord tal-eżistenza ta’ interess pubbliku u li jivvaluta kwalunkwe bidla materjali tal-ammont tal-Fond li għandu jintuża f’azzjoni speċifika ta’ riżoluzzjoni. […]

(26)

Il-Bord, jekk iqis li l-kriterji kollha relatati mal-iskattar tar-riżoluzzjonijiet huma ssodisfati, għandu jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-proċedura relatata mal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li tippreżumi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, issaħħaħ l-indipendenza operattiva neċessarja tas-SRB filwaqt li tirrispetta l-prinċipju ta’ delega ta’ setgħat lill-aġenziji kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea […]. Għaldaqstant, dan ir-Regolament jiddisponi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB tidħol fis-seħħ biss jekk il-Kunsill jew il-Kummissjoni, fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, ma jesprimu l-ebda oġġezzjoni jew jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni tkun approvata mill-Kummissjoni. Ir-raġunijiet li abbażi tagħhom il-Kunsill huwa permess li joġġezzjona, fuq proposta tal-Kummissjoni, fil-konfront tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Bord għandhom ikunu limitati strettament għall-eżistenza ta’ interess pubbliku u għal modifiki materjali min-naħa tal-Kummissjoni tal-ammont tal-użu tal-Fond kif propost mill-Bord. […] Fil-kwalità tagħha ta’ osservatur fil-laqgħat tal-Bord, il-Kummissjoni għandha, fuq bażi regolari, tivverifika li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord hija konformi totalment ma’ dan ir-Regolament, tibbilanċja b’mod xieraq id-diversi objettivi u interessi involuti, tirrispetta l-interess pubbliku u tippreserva dik l-integrità tas-suq intern. Fid-dawl tal-fatt li l-miżura ta’ riżoluzzjoni teħtieġ proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet rapidu ħafna, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkooperaw mill-qrib u l-Kunsill ma għandux jirriproduċi x-xogħol preparatorju li jkun diġà sar mill-Kummissjoni. […]”

132

B’hekk, fir-rigward tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-Kummissjoni jew tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni, jew inkella toġġezzjona għall-aspetti diskrezzjonali tagħha u li skema ta’ riżoluzzjoni tista’ tidħol fis-seħħ biss jekk il-Kunsill jew il-Kummissjoni ma jkunux oġġezzjonaw fi żmien 24 siegħa mit-trażmissjoni tagħha mis-SRB.

133

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa meħtieġ li istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni jew il-Kunsill, tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-aspetti diskrezzjonali tagħha sabiex din tal-aħħar tipproduċi effetti legali. Il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk inkariga lil istituzzjoni b’responsabbiltà legali u politika sabiex tiddetermina l-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riżoluzzjoni, sabiex b’hekk jevita “spostament reali ta’ responsabbiltà” fis-sens tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

134

Kif isostnu l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, il-leġiżlatur Ewropew, billi jistabbilixxi l-proċedura għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni prevista fir-Regolament Nru 806/2014 u billi espressament jirriżerva d-deċiżjoni dwar l-aspetti diskrezzjonali ta’ tali miżura għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, ma ddelegax setgħa awtonoma lis-SRB.

135

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, jeħtieġ li jiġu eżaminati l-kompetenzi mogħtija lis-SRB mill-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 dwar is-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji u mill-Artikolu 24 tal-istess regolament dwar l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, imsemmija fl-eċċezzjoni ta’ illegalità invokata mir-rikorrenti.

136

Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni jimplikaw li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 huma ssodisfatti. B’mod partikolari, huma jimplikaw li l-miżura ta’ riżoluzzjoni hija meħtieġa fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

137

Madankollu, skont il-punt (a) tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, il-Kummissjoni, wara t-trażmissjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni mis-SRB, tista’ tipproponi lill-Kunsill joġġezzjona għall-iskema ta’ riżoluzzjoni fuq il-bażi li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB ma tissodisfax il-kriterju ta’ interess pubbliku msemmi fil-paragrafu 1(c) ta’ dak l-artikolu.

138

L-osservanza tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 tikkundizzjona d-deċiżjoni li istituzzjoni tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni u l-kontroll tan-neċessità tal-miżura fid-dawl tal-interess pubbliku timplika l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali li timplika marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’. Għal din ir-raġuni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonferixxa espressament lill-Kummissjoni, u possibbilment lill-Kunsill, u mhux lis-SRB, il-kontroll tal-osservanza ta’ din il-kundizzjoni.

139

Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014 “[g]ħall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt”.

140

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, u l-Kummissjoni u fejn rilevanti l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, skont ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kont tal-objettivi ta’ riżoluzzjoni, u jagħżlu l-għodod ta’ riżoluzzjoni u s-setgħat ta’ riżoluzzjoni li, fil-fehma tagħhom, jilħqu l-aħjar l-objettivi ta’ riżoluzzjoni li huma rilevanti fiċ-ċirkostanzi tal-każ”.

141

Minn dan jirriżulta li huwa l-kompitu tal-Kummissjoni, fil-kuntest tal-valutazzjoni tagħha tal-osservanza tal-kriterju tal-interess pubbliku, li tevalwa jekk l-għażla tal-għodda ta’ riżoluzzjoni u jekk l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji humiex adatti u proporzjonati għall-għanijiet tar-riżoluzzjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni għandha tevalwa jekk l-iskema ta’ riżoluzzjoni prevista mis-SRB hijiex xierqa għaċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-entità kkonċernata, b’mod partikolari fid-dawl tar-raġunijiet li fuqhom din tal-aħħar tqieset li tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

142

Għalhekk, minn naħa, hemm lok li jitqies li l-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat prevista fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 bħala għodda ta’ riżoluzzjoni tgħin il-proporzjonalità tal-miżura fid-dawl tal-kriterju ta’ interess pubbliku u li r-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament li hija l-Kummissjoni li għandha jew tapprovaha jew tqajjem oġġezzjonijiet għaliha. Għalhekk għandu jitqies li dan l-artikolu ma jagħtix setgħa diskrezzjonali lis-SRB.

143

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-artikolu jagħmel diversi riferimenti għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tal-istess regolament, b’mod partikolari għall-Artikolu 21(9), li jipprevedi li “[f]ejn kondizzjoni waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 1 jiġu sodisfatti u l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) jiġu wkoll sodisfatti, għandha tapplika l-proċedura stipulata fl-Artikolu 18(6), (7) u (8)”. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità kkonċernata hija suġġetta għall-proċedura ta’ adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 u, b’mod partikolari, għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

144

Barra minn hekk, is-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali tifforma parti mis-setgħat ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-użu tagħhom għandu jkun proporzjonat fid-dawl tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li huma suġġetti għall-evalutazzjoni mill-Kummissjoni tal-konformità mal-kriterju tal-interess pubbliku. Għalhekk għandu jitqies li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jagħti l-ebda setgħa diskrezzjonali lis-SRB.

145

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-għażla tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti kapitali, bħala elementi essenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tipproduċi effetti legali biss jekk istituzzjoni tal-Unjoni, jiġifieri l-Kummissjoni jew il-Kunsill tkun approvathom.

146

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 ma fihom l-ebda delega ta’ setgħat awtonomi lis-SRB fis-sens tas-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7).

147

Permezz tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-delega tas-setgħat mogħtija lis-SRB permezz tal-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tosservax il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), imsemmija fil-punt 121 iktar ’il fuq.

148

Madankollu, sa fejn ġie kkonstatat li l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jwasslux għal delega ta’ setgħat lis-SRB, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill (C‑270/12, EU:C:2014:18), maħsuba sabiex jiġi evalwat jekk delega tas-setgħat awtonomi mogħtija lil aġenzija kinitx konformi mal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità għolja (9/56, EU:C:1958:7), ma humiex applikabbli f’dan il-każ. Konsegwentement, l-argumenti tar-rikorrenti, intiżi li jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dik is-sentenza ma ġewx issodisfatti, ma humiex rilevanti.

149

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha tiġi miċħuda.

2.   Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE

150

Ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014. Hija ssostni, essenzjalment, li dawn id-dispożizzjonijiet, sa fejn jobbligaw lill-azzjonisti jkunu l-ewwel li jsostnu t-telf fiċ-ċirkustanzi kollha, jiksru, minn naħa, id-dritt għal proprjetà iggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta, mingħajr ma tali restrizzjoni tkun tista’ titqies iġġustifikata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, u, min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif iggarantit mill-Artikolu 5(4) TUE.

151

Ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jirrestrinġu d-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti minħabba li dawn huma meħtieġa jsostnu t-telf li jirriżulta mir-riżoluzzjoni. Dawn l-artikoli jipprekludu t-tfittxija għal soluzzjonijiet inqas restrittivi u għalhekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta. F’dan ir-rigward, hija ssostni li ma huwiex possibbli li tiġi stabbilita preżunzjoni ġenerali li hemm interess pubbliku li t-telf jiġi sostnut primarjament mill-azzjonisti, mingħajr il-possibbiltà li jiġu eżaminati miżuri oħra. Ir-rikorrenti tqis li l-awtorità pubblika għandha tkun tista’ tevalwa l-interess pubbliku li ma tużax fondi pubbliċi jew li ma tużax is-SRF f’kull każ konkret, fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-finanzi pubbliċi, tas-sitwazzjoni tas-suq, tal-kuntest ekonomiku u tas-solvenza tal-istituzzjoni.

152

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità ggarantit mill-Artikolu 5(4) TUE, sa fejn is-SRB għandu jkun jista’ jivverifika fuq bażi ta’ każ b’każ jekk jeżistix interess pubbliku fit-telf li jiġi sostnut mill-azzjonisti jew jekk id-dritt għall-proprjetà għandux jipprevali fiċ-ċirkustanzi ta’ kull każ. Dawk l-artikoli jaħmlu distinzjoni wkoll bejn il-kategoriji differenti ta’ kredituri, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 27(3) tar-Regolament Nru 806/2014.

153

Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet li r-rikorrenti tikkontesta l-legalità tagħhom fihom prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni jew l-għodda ta’ riżoluzzjoni.

154

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Meta jaġixxu skont il-proċedura ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18, il-Bord, il-Kunsill, l-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtortitajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tittieħed skont il-prinċipji li ġejjin:

a)

l-azzjonisti tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu l-ewwel telf;

[…]”

155

L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi:

“Fejn il-Bord jiddeċiedi li japplika għodda ta’ riżoluzzjoni fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(2) jew fuq entità jew grupp imsemmija fl-Artikolu 7(4)(b) u (5) fejn il-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi huma sodisfatti u dik l-azzjoni ta’ riżoluzzjoni tirriżulta f’telf li jiġġarrab mill-kredituri jew il-pretensjonijiet tagħhom jiġu kkonvertiti, il-Bord għandu jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni biex jeżerċita s-setgħa biex jagħmel valwazzjoni negattiva u jikkonverti l-istrumenti kapitali rilevanti skont l-Artikolu 21 immedjatament qabel jew flimkien mal-applikazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni.”

156

Hemm lok li jitqies li l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu applikazzjoni tal-prinċipju li l-azzjonisti huma l-ewwel li jġarrbu telf previst fl-Artikolu 15 ta’ dak ir-regolament.

157

L-Artikolu 17(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull persuna għandha d-dritt li tgawdi mill-proprjetà tal-beni tagħha li tkun akkwistat legalment, li tużahom, li tiddisponi minnhom u li tħallihom bħala wirt. L-ebda persuna ma tista’ tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha, ħlief fl-interess pubbliku u fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi, bi ħlas ta’ kumpens xieraq fi żmien utli għal dak li tkun tilfet. L-użu tal-proprjetà jista’ jiġi rregolat bil-liġi sa fejn ikun meħtieġ għall-interess pubbliku.”

158

L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprevedi:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

159

Madankollu għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita d-dritt għall-proprjetà ggarantit mill-Artikolu 17(1) tal-Karta ma huwiex assolut u li l-eżerċizzju tiegħu jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet iġġustifikati minn għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Unjoni. Konsegwentement, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà jista’ jkun suġġett għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti u ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan segwit, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt hekk iggarantit (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punti 6970 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2020, Adusbef et, C‑686/18, EU:C:2020:567, punt 85, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, Steinhoff et vs BĊE, T‑107/17, EU:T:2019:353, punt 100).

160

Minn dan jirriżulta li d-dritt għall-proprjetà ma huwiex dritt assolut, iżda jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet jekk dawn ikunu previsti mit-testi applikabbli, meħtieġa għall-kisba ta’ għan ġenerali u proporzjonati għal dak l-għan.

161

Fl-ewwel lok, mil-ġurisprudenza jirriżulta li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni. Il-banek u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma sors essenzjali ta’ finanzjament għal impriżi attivi fid-diversi swieq. Barra minn hekk, il-banek ħafna drabi jkunu interkonnessi u wħud minnhom jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fuq livell internazzjonali. Huwa għalhekk li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jirriskja li jkollu effetti fi żmien qasir fuq il-banek l-oħra fl-Istat Membru kkonċernat jew fi Stati Membri oħra. Dan min-naħa tiegħu jirriskja li jipproduċi effetti sekondarji negattivi f’setturi oħra tal-ekonomija (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 50; tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 72, u tal‑25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

162

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u jiġu mminimizzati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxi interess pubbliku prevalenti ta’ din ix-xorta (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 69).

163

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fid-dawl tal-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema bankarja fiż-żona tal-euro, u fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih id-depożitanti mal-banek ikkonċernati kienu jkunu esposti fil-każ ta’ falliment ta’ dawn tal-aħħar, ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà jistgħu jiġu ġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2016, Ledra Advertising et vs Il‑Kummissjoni u BĊE, C‑8/15 P sa C‑10/15 P, EU:C:2016:701, punt 74).

164

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti ta’ investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja (sentenzi tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 91, u tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 54).

165

F’dan ir-rigward, il-premessa 61 tar-Regolament Nru 806/2014 tipprovdi li r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-azzjonisti u l-kredituri għandhom ikunu konformi mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta u li l-istrumenti tar-riżoluzzjoni għandhom għalhekk japplikaw biss għal entitajiet li l-falliment tagħhom ikun li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u biss fejn dan ikun meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan ta’ stabbiltà finanzjarja fl-interess ġenerali.

166

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Artikolu 15(1) u l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdu espressament li dawn għandhom jiġu implimentati fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li jimplika li dawn jirrispondu għall-għanijiet ta’ riżoluzzjoni.

167

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jipprovdi li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni huma dawn li ġejjin: li tiġi żgurata l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi; li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju; li jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja; li jiġu protetti d-depożitanti u li jiġu protetti l-fondi u l-assi tal-klijenti.

168

Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-għan segwit minn miżura ta’ riżoluzzjoni intiża li tiżgura l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja għandu jitqies bħala għan ta’ interess ġenerali li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 162 sa 164 iktar ’il fuq, jista’ jiġġustifika ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà. Il-limitazzjonijiet fuq id-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jistgħu jinvolvu jissodisfaw l-istess għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni u għalhekk jistgħu jiġu ġġustifikati, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

169

Fit-tieni lok, hemm lok li jitfakkar li l-applikazzjoni tal-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 tippresupponi li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni huma ssodisfatti.

170

Fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-entità koperta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li ma għandu jkun hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra ser jimpedixxu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u li l-miżura għandha tkun meħtieġa fl-interess pubbliku.

171

Jeħtieġ li jiġi rrilevat ukoll, kif jidher b’mod partikolari mill-Artikolu 18(8) tar-Regolament Nru 806/2014, li miżura ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi soluzzjoni alternattiva għal proċedura normali ta’ insolvenza.

172

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-azzjonisti ta’ banek, li, skont ir-regoli ġenerali applikabbli għall-istatus tal-azzjonisti ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, dawn tal-aħħar jassumu totalment ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 73).

173

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, li, peress li l-azzjonisti huma responsabbli għad-djun tal-bank sal-ammont tal-kapital azzjonarju ta’ dan tal-aħħar, il-fatt li l-punti 40 sa 46 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-komunikazzjoni dwar il-banek”) (ĠU 2013, C 216, p. 1) jirrikjedu li, sabiex jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ kapital ta’ bank, qabel l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat, dawn l-azzjonisti għandhom jikkontribwixxu sabiex jiġi assorbit it-telf subit minn dan il-bank bl-istess mod bħal fl-assenza ta’ tali għajnuna mill-Istat, ma jistax jitqies li jaffettwa d-dritt tagħhom għall-proprjetà (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 74).

174

B’mod analogu, għandu jitqies li, fil-każ ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju li l-azzjonisti huma l-ewwel li jġarrbu telf, kif previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, u l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji, kif previst fl-Artikolu 22 tal-istess regolament, huma l-konsegwenza tal-fatt li l-azzjonisti ta’ entità għandhom iġarrbu r-riskji inerenti fl-investimenti tagħhom u tal-fatt li, peress li din l-entità hija suġġetta għal riżoluzzjoni minħabba l-falliment tagħha, huma għandhom iġorru l-konsegwenzi ekonomiċi.

175

Ir-rikorrenti tqajjem diversi argumenti intiżi sabiex issostni li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi ma jippermettux analiżi każ b’każ jew l-eżami ta’ soluzzjonijiet alternattivi.

176

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju jitfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, kif ukoll fl-Artikolu 1 tal-Protokoll dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjeta’ u ta’ proporzjonalità’, anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

177

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 japplikaw fiċ-ċirkustanzi kollha, mingħajr ma jitqiesu ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari.

178

Ċertament, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014 fih prinċipju li għandu jiggwida kwalunkwe miżura ta’ riżoluzzjoni, sa fejn l-azzjonisti għandhom jassumu r-riskji assoċjati mal-investimenti tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 173 iktar ’il fuq, il-kontribuzzjoni tal-azzjonisti għat-telf tal-bank ma tistax tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tagħhom.

179

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li r-rikorrenti tidher li qiegħda ssostni, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ma twassalx awtomatikament għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji, previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014, f’kull każ fejn entità tkun suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni.

180

B’hekk, fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom tiġi eżerċitata s-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji.

181

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jimponix l-applikazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni speċifika. Huma s-SRB u l-Kummissjoni li għandhom jiddeċiedu, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, liema għodda ta’ riżoluzzjoni hija l-iktar xierqa.

182

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprekludu li jiġu mfittxija soluzzjonijiet inqas restrittivi, bħall-użu tas-SRF, il-fondi pubbliċi jew is-self, skont iċ-ċirkustanzi. Hemm lok li dan l-argument jitqies li huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

183

Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni u għalhekk l-eżerċizzju, f’dan il-kuntest, tas-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji jippresupponi n-nuqqas ta’ soluzzjoni alternattiva ta’ natura privata jew prudenzjali.

184

Is-soluzzjonijiet inqas restrittivi previsti mir-rikorrenti ma jistgħux għalhekk jitqiesu bħala miżuri alternattivi għall-parteċipazzjoni tal-azzjonisti u tal-kredituri fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

185

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tidher li tinjora l-fatt li l-miżura ta’ riżoluzzjoni tikkostitwixxi alternattiva għal sitwazzjoni ta’ stralċ tal-entità fi proċedimenti normali ta’ insolvenza. Jekk id-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom bank ikunu jistgħu jiġu solvuti permezz ta’ self, kemm jekk pubbliku kif ukoll jekk privat, ma tkunx tista’ tinbeda proċedura ta’ riżoluzzjoni, peress li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 ma tkunx issodisfatta.

186

Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew għajnuna mis-SRB ma hijiex eskluża fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni skont l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 806/2014. Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, is-SRB u l-Kummissjoni jistgħu jiddeċiedu li jawtorizzaw l-użu ta’ fondi pubbliċi jew tas-SRF.

187

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti żżid, fir-replika, li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jippermettux rikors għal soluzzjonijiet iktar flessibbli, b’mod partikolari fil-każ ta’ kriżi ta’ likwidità, li ma tikkostitwixxix l-iktar problema serja li bank jista’ jiltaqa’ magħha, bħal self minn awtoritajiet pubbliċi jew assistenza ta’ likwidità mill-BĊE.

188

B’dan l-argument, ir-rikorrenti jidher li tikkritika lil-leġiżlatur talli ma ppreveda l-ebda alternattiva fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 għal miżura ta’ riżoluzzjoni sabiex isolvi d-diffikultajiet li bank jista’ jiltaqa’ magħhom. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa ineffettiv, sa fejn, jekk bank ma jkunx f’sitwazzjoni li jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex ikun suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni, dan ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 806/2014.

189

Fi kwalunkwe każ, għall-kuntrarju ta’ dak li qiegħda ssostni r-rikorrenti, kriżi ta’ likwidità tista’ twassal lil bank għal sitwazzjoni li fiha ma jkunx f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, jew li fiha jkun hemm elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qrib, li hija waħda mill-ipoteżijiet previsti fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li fihom entità titqies li tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

190

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru wkoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jiddiskriminaw bejn il-kategoriji differenti ta’ kredituri u billi jagħtu trattament preferenzjali mhux iġġustifikat lid-detenturi tad-depożiti.

191

Jeħtieġ jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, sanċit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C‑406/15, EU:C:2017:198, punt 55; tas‑16 ta’ Diċembru 2020, Il‑Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 191 u tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18 P, EU:C:2021:426, punt 98).

192

F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat, min-naħa, li l-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li “il-kredituri tal-istituzzjoni taħt riżoluzzjoni jġarrbu t-telf wara l-azzjonisti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 17, ħlief fejn previst espressament mod ieħor f’dan ir-Regolament”. L-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-kredituri tal-istess kategorija għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali.

193

Barra minn hekk, l-Artikolu 21(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddikjara wkoll li “[i]l-Bord għandu jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jeżerċitaw is-setgħat ta’ valwazzjoni negattiva jew konverżjoni mingħajr dewmien, f’konformità mal-prijorità tat-talbiet skont l-Artikolu 17”. Din id-dispożizzjoni tipprovdi ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet u tiddistingwi, f’dan ir-rigward, bejn kategoriji differenti ta’ kredituri, jiġifieri, id-detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji bażiċi tal-Grad 1, id-detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji addizzjonali tal-Grad 1 u d-detenturi ta’ strumenti ta’ fondi proprji tal-Grad 2.

194

L-azzjonisti u l-kredituri li għandhom strumenti subordinati, skont l-appartenenza tagħhom għal waħda minn dawn il-kategoriji, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli u jistgħu jirċievu trattament differenti skont l-ordni ta’ prijorità tal-pretensjonijiet tagħhom. Barra minn hekk, l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn il-kredituri hija ggarantita mill-Artikolu 15(1)(f) tar-Regolament Nru 806/2014.

195

Min-naħa l-oħra, l-azzjonisti ta’ bank ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli mad-depożitanti. Għall-kuntrarju tal-azzjonisti, id-depożitanti ma jistgħux jitqiesu bħala investituri li jridu jassumu r-riskji ekonomiċi ta’ investiment fl-istokk kapitali tal-bank.

196

Barra minn hekk, il-protezzjoni tad-depożitanti tifforma parti mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 14(2)(d) tar-Regolament Nru 806/2014 u hija mfakkra fl-Artikolu 15(1)(h) tal-istess regolament. Ir-Regolament Nru 806/2014 għalhekk jiżgura l-konformità ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU 2014, L 173, p. 149).

197

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 iwasslu għal restrizzjoni sproporzjonata tad-dritt għall-proprjetà.

198

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, għandu jittieħed kont tal-fatt li r-Regolament Nru 806/2014 ippreveda mekkaniżmu intiż li jiżgura li l-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti, li jista’ jirriżulta mill-miżura ta’ riżoluzzjoni, ma jkunx sproporzjonat.

199

F’dan ir-rigward, il-premessa 62 tar-Regolament Nru 806/2014 tipprovdi li l-ksur tad-drittijiet għall-proprjetà ma għandux ikun sproporzjonat u għalhekk l-azzjonisti u l-kredituri affettwati ma għandhomx iġarrbu telf ikbar minn dak li kienu jġarrbu kieku l-entità kienet ġiet stralċjata fil-mument meta ġiet deċiża r-riżoluzzjoni.

200

Fost il-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-riżoluzzjoni, l-Artikolu 15(1)(g) tar-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi l-prinċipju li l-ebda kreditur ma jiġi ttrattat iktar ħażin, jiġifieri:

“l-ebda kreditur ma għandu jġarrab telf akbar milli kien iġarrab li kieku entità msemmija fl-Artikolu 2 tkun ġiet stralċjata skont proċedimenti normali ta’ insolvenza skont is-salvagwardji previsti fl-Artikolu 29.”

201

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku l-entità kkonċernata kienet ġiet suġġetta għal proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li valutazzjoni titwettaq wara r-riżoluzzjoni. Skont l-Artikolu 20(17) tar-Regolament Nru 806/2014, din il-valutazzjoni tistabbilixxi jekk hemmx differenza bejn it-trattament li l kienu jibbenefikaw minnu l-azzjonisti u l-kredituri kieku l-istituzzjoni kienet suġġetta għal proċedimenti normali ta’ insolvenza fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar il-miżura ta’ riżoluzzjoni u t-trattament attwali li kienu suġġetti għalih bħala parti mir-riżoluzzjoni.

202

Jekk, bħala riżultat ta’ tali valutazzjoni, jiġi stabbilit li l-azzjonisti jew il-kredituri sofrew telf ikbar fil-kuntest tar-riżoluzzjoni milli kienu jġarrbu fi stralċ skont proċedura normali ta’ insolvenza, l-Artikolu 76(1), ir-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB jista’ jirrikorri għas-SRF sabiex jikkumpensahom.

203

Ir-Regolament Nru 806/2014 għalhekk jiggarantixxi li l-azzjonisti u l-kredituri, bħala riżultat tar-riżoluzzjoni, ma jiġux sottoposti għal trattament iktar sfavorevoli milli kieku kienu jġarrbu fil-kuntest ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza, billi jipprovdi, fejn xieraq, għal mekkaniżmu ta’ kumpens. F’konformità mar-rispett għad-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17(1) tal-Karta, fil-każ li l-iskema ta’ riżoluzzjoni twassal għal ksur tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri, ir-Regolament Nru 806/2014 jistabbilixxi mekkaniżmu li jiggarantixxi kumpens ġust għat-telf tagħhom.

204

Kuntrarjament għal dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-proċedimenti ta’ insolvenza jikkostitwixxu l-unika alternattiva għar-riżoluzzjoni. Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-fatt li l-entità tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jistgħu jipprevjenu tali falliment huma kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni.

205

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-telf tal-azzjonisti ta’ banek f’diffikultajiet għandu, fi kwalunkwe każ, l-istess portata, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-kawża tiegħu tkunx ibbażata fuq dikjarazzjoni ta’ falliment minħabba l-assenza ta’ għoti ta’ għajnuna mill-Istat jew fuq proċedura għall-għoti ta’ tali għajnuna suġġetta għall-kundizzjoni minn qabel ta’ qsim tal-oneri (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 75).

206

Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-punt 46 tal-Komunikazzjoni dwar il-banek jipprevedi li “irid jinżamm il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar” u li “[i]l-kredituri subordinarji [subordinati] m’għandhomx jirċievu inqas f’termini ekonomiċi minn dak li l-istrument tagħhom kien ikun jiswa li kieku l-ebda għajnuna mill-Istat ma kellha tingħata” (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 77).

207

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, minn dan il-punt jirriżulta li l-miżuri ta’ qsim ta’ piżijiet li għalihom huwa suġġett l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur bank b’nuqqas ta’ kapital ma jistax iwassal għal preġudizzju li l-kredituri subordinati ma kinux iġarrbu fuq id-dritt għall-proprjetà fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment sussegwenti għall-assenza ta’ għoti ta’ tali għajnuna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi validament sostnut li l-miżuri ta’ qsim tal-piżijiet, bħal dawk previsti mill-Komunikazzjoni dwar il-banek, jikkostitwixxu ndħil fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri subordinati (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punti 7879).

208

Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat, b’analoġija, li l-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ebda kreditur ma jista’ jiġi ttrattat b’mod iktar ħażin, kif previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 806/2014, tiggarantixxi lill-azzjonisti ta’ entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni kumpens ġust skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 17 tal-Karta.

209

Barra minn hekk, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti pproduċiet motiv ġdid abbażi tal-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura. Hija ssostni li d-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), għandu impatt dirett fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 u li l-allegazzjonijiet magħmula fir-raba’ motiv għandhom jiġu ssupplimentati fid-dawl ta’ dak id-digriet.

210

Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja, il-Kunsill u Banco Santander isostnu li l-argumenti mqajma mir-rikorrenti fil‑21 ta’ Jannar 2020 jikkostitwixxu motiv ġdid, li huwa inammissibbli.

211

Peress li r-rikorrenti ikkonfermat, fis-seduta, li din ma kinitx eċċezzjoni ġdida, iżda estensjoni tar-raba’ motiv, il-Qorti Ġenerali ser teżamina biss l-argumenti l-ġodda mqajma fil‑21 ta’ Jannar 2020 peress li huma isostnu l-eċċezzjoni tal-illegalità mqajma fir-raba’ motiv.

212

Ir-rikorrenti jsostnu li mill-punti 48 u 49 tad-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), li minnu hija appellat, jirriżulta li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal kumpens għall-azzjonisti li huma mċaħħda mid-drittijiet tagħhom għall-proprjetà f’każijiet bħal dak ta’ Banco Popular. Skont dan id-digriet, l-azzjonisti ta’ Banco Popular ma kinux intitolati għal kumpens, anki jekk il-valur reali ta’ Banco Popular kien ogħla minn dak attribwit lilu fil-valutazzjoni 2. Minn dan kollu, ir-rikorrenti tiddeduċi li r-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għal sistema ta’ kumpens xierqa għall-azzjonisti li jiġu mċaħħda mid-drittijiet tal-proprjetà tagħhom u li għalhekk l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tintlaqa’. Hija żżid li l-kumpens previst fl-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014 ma huwiex adegwat u suffiċjenti.

213

Jeħtieġ li jitfakkar li, fid-digriet tagħha tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tas-SRB li ma jwettaqx valutazzjoni finali ex post ta’ Banco Popular. Fil-punt 47 ta’ dak id-digriet, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat applikata fir-rigward ta’ Banco Popular ma kinitx tifforma parti mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 li fihom seta’ jitħallas kumpens wara valutazzjoni definittiva ex post. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 48 u 49 tad-digriet tagħha, imsemmija mir-rikorrenti:

“48

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jippermettix il-kumpens lill-azzjonisti u l-kredituri preċedenti ta’ entità li l-istrumenti ta’ fondi proprji tagħha jkunu ġew konvertiti, evalwati b’mod negattiv u ttrasferiti lil parti terza.

49

F’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li l-valutazzjoni ex post taffettwa direttament is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti preċedenti ta’ Banco Popular u li, jekk l-istima tal-valur tas-suq ta’ Banco Popular kienet ogħla minn dik li tirriżulta mill-valutazzjoni 2, huma jkunu intitolati għal kumpens skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014.”

214

Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fid-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss dwar is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular u ddeċidiet li l-kumpens previst fl-Artikolu 20(12) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kienx applikabbli f’dan il-każ.

215

Minn dan isegwi li l-kunsiderazzjonijiet limitati għall-każ preżenti li sar mill-Qorti Ġenerali fid-digriet tal-10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament Nru 806/2014. Barra minn hekk, fl-att tagħha li ġie ppreżentat fil‑21 ta’ Jannar 2020, ir-rikorrenti ma tistabbilixxi l-ebda rabta bejn dak id-digriet u l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014, li l-illegalità tagħhom titqajjem fir-raba’ motiv.

216

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, sa fejn ir-rikorrenti ippreżentat appell kontra d-digriet tal‑10 ta’ Ottubru 2019, Aeris Invest vs SRB (T‑599/18, mhux ippubblikat, taħt appell, EU:T:2019:740), dan tal-aħħar ma huwiex definittiv.

217

Minn dan isegwi li l-argumenti l-ġodda mqajma mir-rikorrenti fil‑21 ta’ Jannar 2020 ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-raba’ motiv.

218

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jikkostitwixxux interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza proprja tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, iżda għandhom jitqiesu bħala li jistabbilixxu restrizzjoni ġustifikata u proporzjonata fuq id-dritt tagħhom għall-proprjetà, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17(1) u l-Artikolu 52(1) tal-Karta u l-Artikolu 5(4) TUE.

219

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma fir-raba’ motiv għandha tiġi miċħuda.

3.   Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta

220

Ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 277 tat-TFUE, tqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jiksru d-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, sa fejn ma jipprovdux għas-smigħ tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni. Dan in-nuqqas ta’ smigħ ikun ukoll inkompatibbli mal-garanziji proċedurali tad-dritt għall-proprjetà previst fl-Artikolu 17 tal-Karta, moqri flimkien mal-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950, li skontu, fil-każ ta’ interferenza mad-dritt tal-proprjetà ta’ persuna, għandha tingħata opportunità adegwata lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jippreżentaw il-każ tagħhom.

221

Il-Kummissjoni, is-SRB u l-Parlament isostnu li, fil-każ li l-azzjonisti ta’ istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni jkollhom id-dritt li jinstemgħu sanċit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta, dan id-dritt huwa rrikonoxxut anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita fir-Regolament Nru 806/2014. In-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita, fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti ma jirriżultax fl-illegalità ta’ dak ir-regolament, sa fejn l-ebda dispożizzjoni ma tipprojbixxi tali smigħ.

222

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti tikkontesta n-nuqqas ta’ smigħ tal-azzjonisti tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni fil-proċedimenti li jwasslu għall-adozzjoni ta’ dik il-miżura, iżda ma tqajjem l-ebda argument dwar l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014, li huwa relatat mal-valutazzjoni. Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, bl-eċċezzjoni ta’ illegalità tagħha invokata fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-validità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, relatat mal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, sa fejn dik id-dispożizzjoni, billi ma tipprovdix għal smigħ tal-azzjonisti mis-SRB qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, tikser id-dritt għal smigħ tagħhom, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

223

Hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kontrihom miżura individwali li tolqothom negattivament.

224

Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħha. Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 6869 u l-ġurisprudenza ċċitata).

225

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u tal-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi qieset li dan id-dritt għandu japplika fil-proċeduri kollha li x’aktarx iwasslu għal att li jikkawża preġudizzju. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rispett għad-dritt għal smigħ huwa meħtieġ anki meta r-regoli applikabbli ma jipprovdux espressament għal tali formalità (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 8586 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat‑18 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il‑Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

226

Peress li, fid-dawl tan-natura tiegħu ta’ prinċipju fundamentali u ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-drittijiet tad-difiża ma tista’ la tiġi eskluża u lanqas tiġi limitata minn dispożizzjoni leġiżlattiva u l-osservanza tiegħu għandha għaldaqstant tiġi żgurata kemm fl-assenza totali ta’ leġiżlazzjoni speċifika kif ukoll meta jkun hemm leġiżlazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni hi stess l-imsemmi prinċipju (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227

Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt għal smigħ, bħala prinċipju u dritt fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa miftuħ meta l-amministrazzjoni jkollha l-ħsieb li tadotta att li jikkawża preġudizzju, jiġifieri att li jista’ jaffettwa b’mod negattiv l-interessi tal-individwu jew tal-Istat Membru kkonċernat, peress li l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx tiddependi mill-eżistenza ta’ regola espressa għal dan il-għan prevista mid-dritt sekondarju (is-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 2014, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑260/11, EU:T:2014:555, punt 64).

228

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-premessa 121 tiegħu, ir-Regolament Nru 806/2014 jirrispetta d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji rrikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta, inklużi d-drittijiet tad-difiża, u għandhom jiġu implimentati skont dawn id-drittijiet u dawn il-prinċipji. Min-naħa l-oħra, l-ebda dispożizzjoni fir-Regolament Nru 806/2014 ma teskludi jew tirrestrinġi b’mod espliċitu d-dritt li jinstemgħu l-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata matul il-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

229

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu l-Kummissjoni u l-Kunsill, li miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fi tmiem il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ entità. L-entità suġġetta għar-riżoluzzjoni għandha titqies bħala l-persuna li fir-rigward tagħha tiġi adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għas-smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

230

Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-azzjonisti u l-kredituri ta’ din l-entità ma humiex destinatarji ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali meħuda kontrihom.

231

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB jista’ jeżerċita s-setgħa li jiżvaluta jew li jikkonverti l-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni billi jaġixxi skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament.

232

Għalhekk, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra azzjonisti u kredituri tal-entità kkonċernata, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhom.

233

Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 225 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala li huwa ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju. Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-azzjonisti ta’ stabbiliment suġġett għal miżura ta’ riżoluzzjoni jistgħu jibbenefikaw mid-dritt għal smigħ fil-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

234

Madankollu, l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 158 iktar ’il fuq.

235

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-assenza, fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ dispożizzjoni li tipprovdi b’mod espliċitu għal smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 18 ta’ dak ir-regolament tikkostitwixxix limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ li huwa konformi mal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

236

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li d-drittijiet fundamentali, bħar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, ma jikkostitwixxux prerogattiva assoluta, iżda jistgħu jiġu suġġetti għal restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni li dawn jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali li għandhom jintlaħqu mill-miżura inkwistjoni u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet hekk iggarantiti (ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2013, G. u R., C‑383/13 PPU, EU:C:2013:533, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Prequ’Italia, C‑276/16, EU:C:2017:1010, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

237

F’dan ir-rigward, is-SRB, kif ukoll ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-azzjonisti hija ġġustifikata, minn naħa, mill-għan intiż li tiġi ggarantita l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji u, min-naħa l-oħra, min-neċessità li tiġi żgurata l-effettività tad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni, li għandhom jiġu adottati malajr.

238

Fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014, b’mod partikolari l-premessi 12, 58 u 61, jindikaw li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji hija waħda mill-għanijiet segwiti mill-mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni implimentati minn dak ir-regolament.

239

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi titqies bħala li hija fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja sabiex jintlaħaq, b’mezzi proporzjonati, għan ta’ riżoluzzjoni wieħed jew iktar previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament, meta stralċ tal-entità skont proċedura normali ta’ insolvenza ma jippermettix dan sal-istess punt. Fost l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014 hemm, b’mod partikolari, dak li “jiġu evitati effetti avversi sinifikanti fuq l-istabbiltà finanzjarja, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni tal-kontaġju, inkluż lill-infrastrutturi tas-suq, u billi tinżamm id-dixxiplina tas-suq” kif ukoll li “jiġu protetti l-fondi pubbliċi billi tiġi mminimizzata d-dipendenza fuq l-għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja”.

240

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 161 iktar ’il fuq jirriżulta li s-servizzi finanzjarji għandhom rwol ċentrali fl-ekonomija tal-Unjoni u li l-falliment ta’ bank wieħed jew iktar jista’ jinfirex malajr għal banek oħra jew fl-Istat Membru kkonċernat, jew fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 162 iktar ’il fuq, l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jiġi evitat infiq pubbliku eċċessiv u billi jiġu mminimizzati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jikkostitwixxu interessi pubbliċi prevalenti.

241

Barra minn hekk, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) ikkunsidrat, fid-deċiżjoni tagħha tal‑1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799, punt 6), li f’oqsma ekonomikament sensittivi bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja, l-Istati kellhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u li, għalhekk, l-impossibbiltà ta’ azzjonist li jipparteċipa fil-proċedura li twassal għall-bejgħ tal-bank ma kinitx sproporzjonata fid-dawl tal-għanijiet leġittimi tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-kredituri u l-preservazzjoni tal-amministrazzjoni xierqa tal-istat ta’ insolvenza tal-bank.

242

Jeħtieġ li tissemma wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et (C‑41/15, EU:C:2016:836), mogħtija fl-okkażjoni ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 8, 25 u 29 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat‑13 ta’ Diċembru tal-1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens [tat-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 54 TFUE], dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbiltà limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8). Dik il-kawża kienet tikkonċerna miżura eċċezzjonali mill-awtoritajiet nazzjonali intiża sabiex jiġi evitat, permezz ta’ żieda fil-kapital, il-falliment ta’ kumpannija li, skont il-qorti tar-rinviju, kienet thedded l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-protezzjoni li t-Tieni Direttiva 77/91 tagħti lill-azzjonisti u lill-kredituri ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, fir-rigward tal-kapital azzjonarju tagħha, ma tkoprix tali miżura nazzjonali adottata f’sitwazzjoni ta’ tfixkil gravi tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u li tkun intiża li tilqa’ għal theddida sistematika għall-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni, li tirriżulta min-natura insuffiċjenti tal-fondi proprji tal-kumpannija kkonċernata (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 50). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li d-dispożizzjonijiet tat-Tieni Direttiva 77/91 ma jipprekludux miżura eċċezzjonali li tikkonċerna l-kapital azzjonarju ta’ kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata, li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu adottaw, f’sitwazzjoni ta’ tfixkil serju tal-ekonomija u tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru, mingħajr l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ din il-kumpannija u bil-għan li jiġi evitat riskju sistematiku u li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2016, Dowling et, C‑41/15, EU:C:2016:836, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

243

Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom japplikaw, b’analoġija, għas-sitwazzjoni ta’ azzjonisti preċedenti ta’ bank li kienu suġġetti għal proċedura ta’ riżoluzzjoni skont ir-Regolament Nru 806/2014.

244

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li għan ieħor tar-riżoluzzjoni, imsemmi fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni, jikkontribwixxi wkoll għall-għan ta’ interess ġenerali li tiġi protetta l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji.

245

Skont il-punt 35 tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-funzjonijiet kritiċi ta’ istituzzjoni huma ddefiniti bħala “attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet li t-twaqqif tagħhom fi Stat Membru wieħed jew aktar, iwassal għal tħarbit tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali jew għal tħarbit tal-istabbiltà finanzjarja minħabba d-daqs, is-sehem tas-suq, l-interkonnettività esterna u interna, il-kumplessità jew l-attivitajiet transfruntieri ta’ istituzzjoni jew grupp, fir-rigward, b’mod partikolari, tas-sostitwibbiltà ta’ dawk l-attivitajiet, servizzi jew operazzjonijiet”.

246

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/778 tat-2 ta’ Frar 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward taċ-ċirkustanzi u l-kondizzjonijiet li taħthom il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet straordinarji ex-post jista’ jkun parzjalment jew kompletament differit, u l-kriterji għad-determinazzjoni tal-attivitajiet, is-servizzi u l-operazzjonijiet fir-rigward ta’ funzjonijiet kritiċi, u għad-determinazzjoni tal-linji ta’ negozju u servizzi assoċjati fir-rigward tal-linji tan-negozju ewlenin (ĠU 2016 L 131, p. 41), jipprevedi l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi. Din hija funzjoni li titwettaq minn istituzzjoni għal partijiet terzi li ma humiex affiljati mal-istituzzjoni jew mal-grupp u li t-tfixkil f’daqqa tagħhom x’aktarx ikollu impatt materjali negattiv fuq dawk il-partijiet terzi, li tkun kontaġġjuża jew iddgħajjef il-fiduċja ġenerali tal-parteċipanti fis-suq, minħabba l-importanza sistemika tal-funzjoni għal partijiet terzi u l-importanza sistemika tal-istituzzjoni jew grupp fl-eżerċizzju ta’ dik il-funzjoni.

247

L-għan li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, prevista fl-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, huwa li tiġi evitata interruzzjoni ta’ dawn il-funzjonijiet li tista’ tikkawża perturbazzjonijiet, mhux biss fis-suq ikkonċernat, iżda wkoll għall-istabbiltà finanzjarja ġenerali tal-Unjoni.

248

Għalhekk, miżura ta’ riżoluzzjoni, peress li għandha l-għan li tippreserva jew treġġa’ lura l-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, b’mod partikolari billi tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tagħha, għandha titqies bħala li tissodisfa effettivament għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Marzu 2021, Balgarska Narodna Banka, C‑501/18, EU:C:2021:249, punt 108).

249

Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-proċedura ta’ riżoluzzjoni, stabbilita bir-Regolament Nru 806/2014 u deskritta fl-Artikolu 18 tiegħu għandha għan ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, fatt li jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ.

250

Fit-tieni lok, diversi premessi tar-Regolament Nru 806/2014 jimplikaw li, fejn miżura ta’ riżoluzzjoni ssir neċessarja, din għandha tiġi adottata malajr. Dawn huma, b’mod partikolari, il-premessi 26, 31, 53 u, b’mod partikolari, il-premessa 56 ta’ dak ir-regolament, li tipprevedi li, sabiex jiġu limitati l-perturbazzjonijiet imġarrba mis-swieq finanzjarji u l-ekonomija, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni għandha titwettaq f’perijodu ta’ żmien qasir.

251

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, f’konformità mal-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effikaċi, li għandhom jikkostitwixxu għodda essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek fil-passat, u li tali għan jippreżumi teħid ta’ deċiżjoni rapida, kif juru t-termini qosra previsti fl-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma titpoġġiex f’perikolu (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

252

Għalhekk, l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika b’mod partikolari li, meta l-BĊE jqis li entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huwa għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB mingħajr dewmien. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-istess artikolu, meta s-SRB nnifsu jwettaq evalwazzjoni, din għandha tiġi kkkomunikata lill-BĊE mingħajr dewmien. Jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan ir-regolament ikunu ssodisfatti, is-SRB għandu jadotta skema ta’ riżoluzzjoni, li, skont l-Artikolu 18(7) tar-Regolament Nru 806/2014, għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni immedjatament wara l-adozzjoni tagħha. Il-Kummissjoni mbagħad għandha terminu ta’ erbgħa u għoxrin siegħa sabiex tapprova skema ta’ riżoluzzjoni jew tqajjem oġġezzjonijiet.

253

Minn dan jirriżulta li, ladarba l-entità tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, jiġifieri, fl-ewwel lok, li tkun entità f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma teżisti l-ebda perspettiva raġonevoli li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprekludu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li r-riżoluzzjoni tagħha hija meħtieġa sabiex jintlaħaq wieħed jew iktar mill-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, l-Artikolu 18 tal-istess regolament jipprovdi li deċiżjoni għandha tiġi adottata f’perijodu ta’ żmien qasir ħafna.

254

Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet huwa maħsub, b’mod partikolari, sabiex jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità kkonċernata u sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi ta’ falliment tal-entità fuq l-istabbiltà finanzjarja. Għalhekk, il-ħeffa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tikkostitwixxi kundizzjoni tal-effettività tagħha.

255

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-urġenza li titlob azzjoni immedjata mill-awtorità kompetenti kienet tiġġustifika limitazzjoni tad-dritt għal smigħ tal-persuni kkonċernati minn miżuri adottati fil-qasam tar-responsabbiltà ambjentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2010, ERG et, C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 67) u fil-qasam tal-agrikoltura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 76).

256

Barra minn hekk, fil-qasam tal-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-komunikazzjoni tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata l-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi, qabel din l-inklużjoni, hija ta’ natura li tipperikola l-effettività tal-miżuri għall-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi imposti mid-dritt tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq l-għan segwit mir-Regolament applikabbli, tali miżuri għandhom, min-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn effett ta’ sorpriża u japplikaw b’effett immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punti 338 sa 340; tal-21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61, u tat-12 ta’ Frar 2020, Amisi Kumba vs Il-Kunsill, T‑163/18, EU:T:2020:57, punt 51).

257

Għal raġunijiet li jqisu wkoll l-għan segwit mid-dritt tal-Unjoni u l-effettività tal-miżuri previsti minnu, l-awtoritajiet tal-Unjoni lanqas ma kienu meħtieġa jipproċedu bis-smigħ tar-rikorrenti qabel l-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tagħhom fil-lista ta’ persuni suġġetti għal miżuri restrittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 341, u tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 103).

258

Dan huwa iktar u iktar minnu f’każijiet fejn il-limitazzjoni tad-dritt għal smigħ ma tikkonċernax l-entità suġġetta għall-proċedura ta’ riżoluzzjoni, iżda l-azzjonisti jew il-kredituri tagħha.

259

Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fid-deċiżjoni tagħha tal-1 ta’ April 2004, Camberrow MM5 AD vs Il-Bulgarija (CE:ECHR:2004:0401DEC005035799), il-Qorti EDB ikkonstatat li l-bejgħ tal-bank fallut bħala impriża operattiva sar sabiex tinkiseb l-adempjenza rapida u iktar ċerta tal-kredituri tagħha, li kienu ilhom jistennew snin sabiex jirċievu d-dejn dovut lilhom, u t-tlestija rapida tal-proċedura ta’ falliment. Għalhekk, il-ħtieġa għas-sempliċità u l-ħeffa fil-proċedura li wasslet għall-bejgħ tal-bank kienet ta’ importanza kbira. Kieku l-liġi kienet ipprovdiet li l-qorti tal-falliment kienet meħtieġa tikkonsulta mal-azzjonisti u l-kredituri kollha tal-bank, dan kien jikkawża tnaqqis sinjifikattiv fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, iktar dewmien fil-ħlas ta’ ammonti dovuti lill-kredituri u fit-tlestija tal-proċedura tal-falliment.

260

Fis-sentenza tal-24 ta’ Novembru 2005, Capital Bank AD vs Il‑Bulgarija (CE:ECHR:2005:1124JUD004942999, punt 136), il-Qorti EDB ddeċidiet li, f’qasam ekonomikament sensittiv bħall-istabbiltà tas-sistema bankarja u f’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun hemm ħtieġa imperattiva li tittieħed azzjoni bl-ikbar diliġenza u mingħajr avviż minn qabel, sabiex tiġi evitata ħsara irreparabbli lill-bank, id-depożitanti tiegħu u kredituri oħra, jew lis-sistema bankarja u finanzjarja kollha kemm hi.

261

Barra minn hekk, il-fatt li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tista’ twassal għal interferenza fid-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità kkonċernata ma jistax jiġġustifika obbligu li jingħataw dritt li jinstemgħu qabel l-adozzjoni tal-imsemmija skema.

262

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali diġà enfasizzat, fil-punt 282 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et (T‑680/13, EU:T:2018:486), li l-proċeduri applikabbli għandhom joffru opportunità xierqa lill-persuna kkonċernata sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Sabiex tiġi żgurata l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit, li jikkostitwixxi rekwiżit inerenti għall-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, hemm lok li l-proċeduri applikabbli jiġu kkunsidrati minn perspettiva ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461, punt 368 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-25 ta’ April 2013, Gbagbo vs Il-Kunsill, T‑119/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:216, punt 119, u l-Qorti EDB, 20 ta’ Lulju 2004, Bäck vs Il-Finlandja, CE:ECHR:2004:0720JUD003759897, punt 56). Għalhekk, l-imsemmi rekwiżit ma jistax jiġi interpretat fis-sens li l-persuna interessata għandha, fiċ-ċirkustanzi kollha, tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha quddiem l-awtoritajiet kompetenti qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jippreġudikaw id-dritt tagħha għall-proprjetà (ara, f’dan is-sens, il-Qorti EDB, 19 ta’ Settembru 2006, Maupas et vs Franza, CE:ECHR:2006:0919JUD001384402, punti 20 u 21).

263

Il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dan kien, b’mod partikolari, il-każ fejn, bħal fil-każ ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, il-miżuri inkwistjoni ma kinux jikkostitwixxu sanzjoni u ġew adottati fil-kuntest ta’ urġenza partikolari. F’dan l-aħħar rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li dan kien każ ta’ prevenzjoni ta’ riskju imminenti ta’ kollass tal-banek milquta sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ Stat Membru u, b’hekk, jiġi evitat kontaġju fi Stati Membri oħrajn fiż-żona tal-euro. Issa, l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni minn qabel, fil-kuntest fejn eluf ta’ depożitanti u azzjonisti tal-banek milquta setgħu effettivament sostnew l-opinjoni tagħhom qabel l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet dannużi, kienet inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni tal-miżuri intiżi għall-prevenzjoni ta’ tali kollass. Il-kisba tal-għan li tiġi ppreservata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ta’ dak l-Istat Membru u b’hekk jiġi evitat il-kontaġju fi Stati Membri oħra taż-żona tal-euro kienet tkun esposta għal riskji sinjifikattivi (ara s-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il-Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 282 u l-ġurisprudenza ċċitata).

264

Din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li qieset li l-Qorti Ġenerali kienet ġustament ibbażat ir-raġunament tagħha fuq is-sentenza tal-Qorti EDB tal-21 ta’ Lulju 2016, Mamatas et vs Il‑Greċja (CE:ECHR:2016:0721JUD006306614), li turi li r-rekwiżit li kwalunkwe restrizzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà għandha tkun prevista mil-liġi ma jistax jiġi interpretat b’tali mod li l-persuni kkonċernati kellhom jiġu kkonsultati qabel l-adozzjoni ta’ din il-liġi, b’mod partikolari, fejn tali konsultazzjoni minn qabel bħal din inevitabbilment iddewwem l-applikazzjoni ta’ miżuri intiżi li jipprevjenu l-kollass tal-banek ikkonċernati (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2020, Il-Kunsill et vs K. Chrysostomides & Co. et, C‑597/18 P, C‑598/18 P, C‑603/18 P u C‑604/18 P, EU:C:2020:1028, punt 159).

265

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li n-neċessità li tittieħed azzjoni minnufih mingħajr ma jiġu infurmati l-azzjonisti u l-kredituri ta’ entità dwar l-imminenza ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni li tikkonċernaha hija maħsuba sabiex jiġi evitat li s-sitwazzjoni ta’ dik l-entità tmur għall-agħar u dan jaffettwa b’mod negattiv l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, li l-azzjonisti jew id-detenturi ta’ obbligi tal-bank jiġu informati li dan tal-aħħar jista’ jkun suġġett għal proċedura ta’ riżoluzzjoni, u għalhekk li kien ikkunsidrat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, dan jista’ jinċentivahom sabiex ibigħu t-titoli tagħhom fuq is-swieq u wkoll iwassal għall-irtirar fuq skala kbira tad-depożiti, fatt li jkollu l-konsegwenza li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u li jirrendi iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-adozzjoni ta’ soluzzjoni li tista’ tipprekludi l-istralċ tiegħu.

266

F’dan ir-rigward, kif dan jirriżulta mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014, il-komunikazzjoni ta’ kull informazzjoni fir-rigward fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kundizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex issodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni.

267

Għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li l-introduzzjoni fir-Regolament Nru 806/2014, ta’ konsultazzjoni tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, twassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura, li jista’ jipperikola kemm li jintlaħqu l-għanijiet tal-miżura kif ukoll l-effettività tagħha.

268

Barra minn hekk, minħabba l-urġenza tal-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, ma huwiex possibbli li l-azzjonisti jiġu kkonsultati minn qabel, b’mod partikolari minħabba diffikultajiet marbuta mal-identifikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, kif jirrilevaw ir-Renju ta’ Spanja u l-Kunsill, peress li l-azzjonijiet u l-obbligi huma nnegozjati kontinwament fis-swieq, huwa impossibbli, fil-prattika, li wieħed ikun jaf liema investituri partikolari u istituzzjonali għandhom jiġu kkuntattjati.

269

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li r-Regolament Nru 806/2014 jista’ jipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti wara l-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif għamel il-Parlament, li tali smigħ ma jistax ibiddel il-kontenut ta’ din il-miżura u li dan ma jistax għalhekk iwassal għall-annullament tagħha.

270

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il quddiem jirriżulta li smigħ tal-azzjonisti u tal-kredituri tal-entità suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni, qabel l-adozzjoni ta’ dik il-miżura, jikkomprometti l-għan ta’ stabbiltà tas-swieq finanzjarji u l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ ħeffa u ta’ effiċjenza tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni.

271

Għaldaqstant, l-assenza ta’ dispożizzjoni li tipprovdi għal smigħ tal-azzjonisti u l-kredituri tal-entità kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 tikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ li hija ġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta u ma tikser l-ebda garanzija proċedurali tad-dritt għall-proprjetà li huma previsti fl-Artikolu 17 tal-Karta.

272

Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha tiġi miċħuda.

4.   Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

273

Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB, billi adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, kiser l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, id-dmir tiegħu ta’ diliġenza u l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn ma pprovax li l-kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni kienu ssodisfatti. Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja, ir-rikorrenti tispeċifika li, b’dan il-motiv, hija ma tqajjimx żball ta’ evalwazzjoni, iżda ksur tad-dmir ta’ diliġenza u tal-obbligu ta’ motivazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014.

274

Ir-rikorrenti jsostnu li s-SRB, meta adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma eżaminax bir-reqqa u b’mod imparzjali l-elementi rilevanti kollha tas-sitwazzjoni sabiex japplika l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 skont id-dmir ta’ diliġenza u ma pprovdiex motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tiegħu. Permezz tal-ewwel ilment, hija ssostni, essenzjalment, li s-SRB ma weriex li kienet issodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha l-falliment tal-entità huwa li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Fl-ewwel lok, hija ssostni li s-SRB ma ħax inkunsiderazzjoni l-fatt li Banco Popular kien solventi u li għalhekk il-falliment tiegħu ma kienx ippruvat, u, fit-tieni lok, li ma ġġustifikax li problema ta’ likwidità ta’ darba kienet timplika falliment ta’ Banco Popular. Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti tallega li s-SRB ma weriex li kienet issodisfatta l-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu, meta jitqiesu t-termini meħtieġa u ċirkustanzi rilevanti oħra, ma hemm l-ebda prospett raġonevoli li miżuri privati jew miżuri prudenzjali oħra meħuda fir-rigward tal-entità jipprevjenu l-falliment tiegħu f’terminu raġonevoli. Is-SRB ma eżaminxa l-eżistenza ta’ miżuri superviżorji oħra li setgħu isolvu l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

a)   Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

275

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser id-dmir tiegħu ta’ diliġenza jew, tal-anqas, l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, billi naqas milli jieħu inkunsiderazzjoni għadd ta’ elementi li juru s-solvenza ta’ Banco Popular.

276

Għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BĊE wettaq evalwazzjoni dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, wara li kkonsulta s-SRB, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. F’din il-evalwazzjoni, il-BĊE, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-ħruġ eċċessiv ta’ depożiti, il-ħeffa li biha l-bank kien tilef il-likwidità u l-inkapaċità tiegħu li jiġġenera likwiditajiet oħrajn, ikkunsidra li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jindikaw li Banco Popular probabbilment ma kienx ser ikun f’pożizzjoni fil-futur qarib li jħallas id-djun tiegħu jew l-obbligi l-oħra tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom. Il-BĊE kkonkluda li l-falliment ta’ Banco Popular kien meqjus li seħħ jew, fi kwalunkwe każ, li x’aktarx ser iseħħ fil-futur qarib, b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(a) u l-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

277

Fit-tieni lok, b’ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, il-bord tad-diretturi ta’ Banco Popular informa lill-BĊE li kien wasal għall-konklużjoni li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.

278

Fl-ittra tiegħu lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular jirreferi għan-notifika magħmula lill-BĊE skont l-Artikolu 414 tar-Regolament Nru 575/2013 dwar il-ksur tar-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità u jirreferi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-bord tad-diretturi tagħha, li tinsab fl-anness, li skontha Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, u għall-informazzjoni u l-analiżi li fuqhom dan tal-aħħar kien ibbaża ruħu sabiex jasal għal dik il-konklużjoni.

279

F’din l-ittra, hemm indikat:

“Skont l-Artikolu 21.4 tal-Liġi 11/2015 u l-Artikoli 45 u 46 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1075 [tal-Kummissjoni tat‑23 ta’ Marzu 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kontenut tal-pjanijiet ta’ rkupru, il-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u l-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni tal-grupp, il-kriterji minimi li l-awtorità kompetenti trid tivvaluta fir-rigward tal-pjanijiet ta’ rkupru u l-pjanijiet ta’ rkupru tal-grupp, il-kundizzjonijiet għall-appoġġ finanzjarju tal-grupp, ir-rekwiżiti għall-valutaturi indipendenti, ir-rikonoxximent kuntrattwali tas-setgħat ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni u l-avviż tas-sospensjoni u l-funzjonament operattivi tal-kulleġġi ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2016, L 184, p. 1)], Banco Popular nnotifikat bil-preżenti li l-bord tad-diretturi tiegħu evalwa li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li x’aktarx ser iseħħ.”

280

F’din l-ittra, il-Kunsill ta’ Amministrazzjoni ta’ Banco Popular irrikonoxxa li l-bank kien qiegħed jaffaċċja problemi serji ta’ likwidità u li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment prevedibbli. Għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din l-ittra ma tistax tiġi miċħuda bħala irrilevanti.

281

Fit-tielet lok, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB fakkar il-konklużjoni tal-evalwazzjoni tal-BĊE u kkonkluda, fl-Artikolu 2.2 li, wara l-evalwazzjoni tal-BĊE, il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 kienet ġiet issodisfatta.

282

Għalhekk, f’dan il-każ, is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular ġiet ikkonstatata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu, għall-finijiet tal-paragrafu 1(a) tal-istess artikolu, il-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ jekk din issib ruħha fis-sitwazzjoni li ġejja:

“[L]-entità hija, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li dik l-entità se tkun, fil-futur qrib, f’pożizzjoni li ma tistax tħallas id-dejn tagħha jew obbligazzjonijiet oħrajn malli jsiru dovuti”.

283

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li la l-BĊE u lanqas is-SRB ma bbażaw ruħhom fuq is-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontha l-falliment ta’ entità jitqies bħala li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ meta “l-assi tal-entità huma, jew hemm elementi oġġettivi li jsostnu determinazzjoni li l-assi tal-entità se jkunu, fil-futur qrib, inqas mill-obbligazzjonijiet tagħha”.

284

Għaldaqstant, l-insolvenza tal-entità ma hijiex kundizzjoni għall-konstatazzjoni tal-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ abbażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 u, għalhekk, ma hijiex kundizzjoni għall-adozzjoni ta’ iskema ta’ riżoluzzjoni.

285

F’dan ir-rigward, mill-premessa 57 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“Id-deċiżjoni li entità tiddaħħal fi proċess ta’ riżoluzzjoni għandha tittieħed qabel ma entità finanzjarja ssir insolventi skont il-karta tal-bilanċ u qabel tispiċċa fix-xejn l-ekwità kollha. Riżoluzzjoni għandha tinbeda wara li jiġi determinat li entità qed tfalli jew x’aktarx li se tfalli u li l-ebda miżura alternattiva tas-settur privat mhi se tipprevjeni tali falliment f’qafas ta’ żmien raġonevoli. […]”

286

Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-insolvenza ta’ Banco Popular ma kinitx tikkostitwixxi l-unika ipoteżi li fiha setgħet titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, il-fatt li entità hija solventi fuq il-karta tal-bilanċ tagħha ma jimplikax li għandha likwidità suffiċjenti, jiġifieri, fondi disponibbli sabiex tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra li jkunu ser jilħqu l-maturità tagħhom.

287

F’dan ir-rigward, jidher b’mod partikolari mill-estratt tal-ittra tal-President tal-Kunsill ta’ Sorveljanza Prudenzjali tal-BĊE, tal‑25 ta’ Lulju 2017, indirizzata lil Membru tal-Parlament imsemmi mir-rikorrenti, li:

“Id-deċiżjoni tal-BĊE li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ittieħdet fuq il-bażi ta’ likwidità insuffiċjenti. F’dik id-data, l-elementi oġġettivi ma kinux suffiċjenti sabiex il-BĊE jiddetermina li l-bank kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fuq il-bażi tal-pożizzjoni kapitali tiegħu. Naturalment, il-BĊE ssorvelja mill-qrib, mhux biss il-pożizzjoni tal-likwidità, iżda wkoll il-pożizzjoni tal-kapital tal-bank. Il-problemi strutturali tiegħu (livell għoli ta’ assi li ma jrendux qligħ, kopertura baxxa u profitabbiltà baxxa) huma riflessi fir-rekwiżiti kapitali korrispondenti stabbiliti mill-BĊE.”

288

Billi s-sitwazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014 ma teħtieġx li l-entità kkonċernata tkun insolventi, l-elementi invokati mir-rikorrenti intiżi li juru s-solvenza ta’ Banco Popular huma ineffettivi u huwa b’mod żbaljat li hija ssostni li s-SRB kiser id-dmir ta’ diliġenza tiegħu jew l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi ma ħax inkunsiderazzjoni dawn l-elementi.

289

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tirrileva li s-SRB ikkonkluda li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment minħabba problemi ta’ likwidità, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, filwaqt li l-problemi ta’ likwidità ma jiffurmaw parti minn ebda waħda mis-sitwazzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014. Sussidjarjament, is-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu, sa fejn ma spjegax għaliex problema ta’ likwidità taqa’ taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014.

290

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li għamel riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, ikkonstata li s-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba ġbid ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijentela. Minn dan huwa ddeduċa li l-bank ma kellux opzjonijiet suffiċjenti sabiex jirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu bil-għan li jiżgura li jkun f’pożizzjoni stabbli sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

291

Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB elenka d-diversi avvenimenti li wasslu, minn Frar 2017, għal deterjorament rapidu tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Is-SRB jirreferi b’mod partikolari għall-pubblikazzjoni, fi Frar tal-2017, tar-rapport annwali tal-2016 ta’ Banco Popular li ħabbar telf ikkonsolidat ta’ EUR 3.485 biljun, ħtieġa għal provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun u l-ħatra ta’ president ġdid, kif ukoll għall-pubblikazzjoni f’Mejju tal-2017, tar‑rapport finanzjarju għall‑ewwel trimestru tal‑2017 li jħabbar ir-riżultati inqas tajbin minn dawk mistennija mis‑suq. Is-SRB rrefera għat-tnaqqis fil-grad ta’ Banco Popular minn diversi aġenziji tal-klassifikazzjoni fi Frar, f’April u f’Ġunju tal-2017. Huwa rrileva wkoll li l-kopertura kontinwa negattiva tal-media dwar ir-riżultati finanzjarji u dwar ir-riskju allegatament imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fil-ħruġ tad-depożiti.

292

Barra minn hekk, is-SRB indika li, fit‑12 ta’ Mejju 2017, ir-rekwiżit għall-kopertura tal-bżonnijiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular kien waqa’ taħt il-limitu minimu ta’ 80 % stabbilit mill-Artikolu 460(2)(c) tar-Regolament Nru 575/2013 u li Banco Popular ma kienx irnexxilu jirrestawra l-konformità tiegħu ma’ dan il-limitu fid-data tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

293

L-Artikolu 412(1) tar-Regolament Nru 575/2013 jiddefinixxi r-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġijiet tal-likwidità kif ġej:

“L-istituzzjonijiet għandu jkollhom assi likwidi, li s-somma tal-valuri tagħhom tkopri l-ħruġ ta’ likwidità imnaqqas mid-dħul tal-likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli ta’ riżervi ta’ likwidità li jkunu adegwati biex jiffaċċjaw kwalunkwe żbilanċ possibbli bejn id-dħul u l-ħruġ ta’ likwidità f’kondizzjonijiet ta’ stress kbir fuq perijodu ta’ tletin ġurnata. Waqt żmien ta’ stress, l-istituzzjonijiet jistgħu jużaw l-assi likwidi tagħhom biex ikopru l-flussi ‘l barra netti ta’ likwidità tagħhom.”

294

Barra minn hekk, kif jirrileva s-SRB, dawn l-elementi differenti jinsabu fil-linji gwida tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tas‑6 ta’ Awwissu 2015, dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies bħala li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (EBA/GL/2015/07) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal-EBA”).

295

Dawn il-Linji Gwida, applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2016, għandhom l-għan li jipprovdu ġabra ta’ elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk entità tkunx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, skont iċ-ċirkustanzi previsti fl-Artikolu 32(4)(a) sa (c) tad-Direttiva 2014/59. Il-kliem tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59 huwa identiku għal dak tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

296

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw mal-linji gwida u mar-rakkomandazzjonijiet tal-EBA relatati mal-kompiti li jistgħu jitwettqu minn dawn il-korpi.

297

Skont il-linji gwida tal-EBA, istituzzjoni għandha titqies f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 32(4)(c) tad-Direttiva 2014/59, jekk tikser ir-rekwiżiti regolatorji tal-likwidità, jekk ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom jew jekk ikunu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib.

298

Fost l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, il-Linji Gwida tal-EBA jsemmu, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, kull avveniment sfavorevoli sinjifikattiv li jaffettwa l-iżvilupp tal-pożizzjoni ta’ likwidità tal-istituzzjoni u l-vijabbiltà tal-profil tal-finanzjament tagħha kif ukoll il-kapaċità tagħha li tosserva r-rekwiżiti minimi tal-likwidità previsti fir-Regolament Nru 575/2013 u r-rekwiżiti addizzjonali imposti skont l-Artikolu 105 ta’ dan ir-regolament jew kwalunkwe rekwiżit minimu nazzjonali ta’ likwidità; fit-tieni lok, kull żvilupp sfavorevoli sinjifikattiv fl-obbligi attwali u futuri tal-istituzzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom għandha tqis, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ likwidità mistenni u eċċezzjonali, inkluż kwalunkwe sinjal ta’ ġbid massiv ta’ flus potenzjali mill-banek; fit-tielet lok, kull avveniment li jista’ jkun ta’ ħsara serja għar-reputazzjoni tal-istituzzjoni, b’mod partikolari, kwalunkwe tnaqqis sinjifikattiv fil-klassifikazzjoni tal-kreditu tagħha minn aġenzija tal-klassifikazzjoni waħda jew iktar li jirriżulta fi ħruġ sinjifikattiv ta’ kapital jew fl-inkapaċità li jiġġeddu l-finanzjament jew l-attivazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali abbażi ta’ kwalifiki esterni.

299

L-elementi varji kkunsidrati mill-BĊE u mis-SRB, skont il-linji gwida tal-EBA, li barra minn hekk ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, ippermettew li jiġi konkluż li Banco Popular kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

300

Konsegwentement, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti targumenta li s-SRB ibbaża ruħu fuq analiżi mhux kompluta tal-evalwazzjoni tal-BĊE tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, abbażi ta’ ċirkustanzi li ma jurux problema ta’ likwidità.

301

Huwa wkoll b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-problemi ta’ likwidità ma humiex parti mis-sitwazzjonijiet ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ previsti mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014. Fl-aħħar nett, sa fejn l-iskema ta’ riżoluzzjoni tirreferi espressament għall-evalwazzjoni tal-BĊE li kkonstatat is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular fuq il-bażi tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, ir-rikorrenti ma tistax issostni li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu billi naqas milli jispjega għaliex problema ta’ likwidità taqa’ taħt il-każijiet imsemmija fl-Artikolu 18(4) ta’ dak ir-regolament.

302

Barra minn hekk, minn dawn l-elementi jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma setgħux jitqiesu biss bħala temporanji. Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li l-bank innifsu informa lill-BĊE li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment minħabba problemi ta’ likwidità.

303

Fl-aħħar, l-argument tar-rikorrenti li l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienu r-riżultat ta’ avvenimenti li rriżultaw mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tas-SRB u għalhekk ma kinux attribwibbli lil Banco Popular ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fil-fatt, skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB ikkonstata, fl-Artikolu 2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, abbażi tal-evalwazzjoni tal-BĊE. Iċ-ċirkustanzi u r-raġunijiet li wasslu lill-BĊE sabiex jikkonkludi li Banco Popular kien fi stat ta’ falliment kienu irrilevanti.

304

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-SRB ma kienx wera li l-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 ġiet issodisfatta u l-ewwel ilment għandu għalhekk jiġi miċħud.

b)   Fuq it-tieni lment, marbut mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

305

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB naqas mid-dmir ta’ diliġenza tiegħu u qabeż il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu billi naqas milli jeżamina l-miżuri superviżorji l-oħra disponibbli sabiex isolvi l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, sussidjarjament, kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

306

Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li għadd ta’ elementi juru li kien possibbli għal Banco Popular li jikseb assistenza ta’ likwidità b’urġenza u li mill-iskema ta’ riżoluzzjoni ma jirriżultax li s-SRB eżamina dawn l-elementi. Min-naħa l-oħra, is-SRB injora l-fatt li kellha titħabbar żieda fil-kapital u li Barclays Bank u Deutsche Bank kienu ggarantixxew is-sottoskrizzjoni taż-żieda kollha.

307

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti targumenta li kienet ġiet approvata assistenza ta’ likwidità b’urġenza sa fejn Banco Popular kien offra garanziji suffiċjenti u li, billi Banco Popular rċieva biss parti mill-ammont ta’ dik il-kontribuzzjoni, kienet għadha disponibbli assistenza addizzjonali. Dan l-ammont kien tqis suffiċjenti sabiex tingħeleb il-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular. Hija targumenta li kienu ġew ipprovduti garanziji suffiċjenti minn Banco Popular u li, skont l-istampa, dawn il-garanziji kienu jammontaw għal EUR 40 biljun, ammont li huwa suffiċjenti fid-dawl tal-kriterji regolatorji.

308

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, il-BĊE rrileva li, filwaqt li Banco Popular kien żviluppa diversi miżuri li jiġġeneraw likwidità addizzjonali matul dawn l-aħħar ġimgħat qabel il-valutazzjoni u beda jimplimentahom, il-portata tal-influssi ta’ dħul imwettqa u li għadhom mistennija ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġi rrimedjat id-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular fid-data ta’ din il-valutazzjoni. Huwa indika wkoll li, anki bl-użu tal-provvista ta’ likwidità b’urġenza li għaliha l-Kunsill Governattiv tal-BĊE ma oġġezzjonax għaliha fil‑5 ta’ Ġunju 2017, il-pożizzjoni tal-likwidità f’dik id-data ma kinitx suffiċjenti sabiex tiggarantixxi l-kapaċità ta’ Banco Popular li jissodisfa l-impenji tiegħu sa mhux iktar tard mis‑7 ta’ Ġunju 2017.

309

Fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonstata li Banco Popular kien irċieva assistenza ta’ likwidità b’urġenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017, wara l-assenza ta’ oġġezzjoni mill-BĊE, iżda l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdilu assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

310

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi nnotat li, f’ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2017, il-Bank ta’ Spanja talab lill-BĊE sabiex jaqbel li jagħti assistenza likwida ta’ emerġenza lil Banco Popular b’data ta’ skadenza tal‑14 ta’ Ġunju 2017, sabiex jaffaċċja l-kriżi severa ta’ likwidità li kien qiegħed ibati minnha dan tal-aħħar. Madankollu, fl-istess jum, il-Bank ta’ Spanja bagħat ittra ġdida lill-BĊE li tinkludi talba għal estensjoni tal-assistenza ta’ likwidità b’urġenza favur Banco Popular, wara li dan tal-aħħar kien informah b’movimenti ta’ likwidità estremament kbar, b’data ta’ skadenza tal‑21 ta’ Ġunju. Dawn iż-żewġ ittri mibgħuta lill-BĊE fl-istess jum juru l-ħeffa li biha ddeterjorat is-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

311

B’hekk, is-SRB ikkonstata, fl-Artikolu 3.2(d) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li assistenza ta’ likwidità b’urġenza kienet tkun insuffiċjenti fid-dawl tal-ħeffa tad-deterjorament tal-pożizzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

312

Hemm lok li jiġi rrilevat li, l-għada ta’ din l-ewwel assistenza ta’ likwidità b’urġenza, jiġifieri fis‑6 ta’ Ġunju 2017, minħabba l-portata u l-ħeffa tal-ġbid tal-likwidità, il-BĊE u l-Bord tad-Diretturi ta’ Banco Popular ikkonkludew li l-bank ma kienx għadu f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra fl-iskadenza tas‑7 ta’ Ġunju. B’hekk, ladarba ġie kkonstatat il-falliment ta’ Banco Popular, ma kinitx iktar prevedibbli assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

313

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li s-SRB ma għandu l-ebda rwol fl-għoti ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza li taqa’ taħt il-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali. Għalhekk, kif isostni s-SRB, ma huwiex responsabbli li jipprovdi ġustifikazzjonijiet għan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza jew għall-fatt li assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali ma kinitx disponibbli fit-terminu meħtieġ.

314

Għaldaqstant, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB seta’ biss jikkonstata, minn naħa, li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, kien qies li l-assistenza ta’ likwidità b’urġenza li kien approva ma kinitx tippermettie li tissolva l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, min-naħa l-oħra, li l-Bank ta’ Spanja ma kien ipprovda l-ebda assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali lil Banco Popular.

315

Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tikkritika lis-SRB talli ma eżaminax, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni jekk kienx possibbli għal Banco Popular li jikseb assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

316

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li s-SRB injora l-fatt li kellha tiġi mħabbra żieda fil-kapital u li l-Barclays Bank u d-Deutsche Bank kienu ggarantixxew is-sottoskrizzjoni taż-żieda kollha. Skont ir-rikorrenti, din il-miżura kienet tippermetti li jiġi rrestawrat it-telf ta’ fiduċja u, flimkien mal-għoti ta’ self jew assistenza ta’ likwidità b’urġenza, setgħet solviet il-kriżi ta’ darba. Barra minn hekk, ċerti azzjonisti ta’ Banco Popular kienu lesti li jirrikorru għal żieda possibbli fil-kapital.

317

Fir-rigward tal-ittri tal-Barclays Bank u tad-Deutsche Bank, li estratti minnhom huma annessi mar-replika, dawn ma fihom l-ebda impenn definittiv minn dawn il-banek sabiex iżidu l-kapital ta’ Banco Popular, iżda pjuttost jirriflettu sempliċi diskussjonijiet dwar żieda potenzjali tal-kapital fil-futur. Dawn l-ittri jirrivelaw li, fid-data meta ntbagħtu, il-proġett ta’ żieda fil-kapital ta’ Banco Popular kien għadu biss fi stadju ta’ żvilupp bikri ħafna.

318

Fl-ittra tiegħu tat‑3 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, il-Barclays Bank jagħmel riferiment biss għal diskussjonijiet riċenti dwar żieda fil-kapital li l-għan tagħha kien, għal Banco Popular, li jkopri l-ħtiġijiet tiegħu ta’ proviżjonament addizzjonali tiegħu u li jikseb livelli ta’ kapital sinjifikattivament ogħla, sabiex jittaffew l-isfidi li jirriżultaw minn espożizzjoni partikolari għall-proprjetà immobbli u assi oħra mhux produttivi li kellu jaffaċċja. B’hekk, f’din l-ittra, minn naħa, xejn ma jindika li l-Barclays Bank kien dispost jipparteċipa f’din iż-żieda fil-kapital u, min-naħa l-oħra, din tal-aħħar ma ssemmix il-kriżi ta’ likwidità li kienet affaċċjata biha Banco Popular u ma tipproponi l-ebda soluzzjoni intiża li tirrimedjaha.

319

Fl-ittra tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2017 lil Banco Popular, Deutsche Bank jirreferi biss għall-interess tiegħu li jiżgura 50 % ta’ possibbli żieda fil-kapital ta’ EUR 4 biljun. Id-Deutsche Bank jindika biss li “ovvjament hemm ċerti kundizzjonijiet, iżda [li] l-ittra hija bbażata fuq il-konvinzjoni tagħna li f’ċirkustanzi li naħsbu li jistgħu realistikament jiġu ssodisfatti, tista’ tinkiseb żieda [kapitali] li tistabbilizza l-bank”. Għalhekk, din l-ittra ma tistax tiġi interpretata bħala li tinkludi impenn definittiv mingħand Deutsche Bank u ma tikkonċernax soluzzjoni intiża li ssolvi l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

320

Barra minn hekk, jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti azzjonisti ta’ Banco Popular li jinsabu fl-anness tal-osservazjonijiet dwar in-nota ta’ intervent tar-Renju ta’ Spanja li ż-żieda tal-kapital mill-azzjonisti ta’ Banco Popular kienet biss fi stadju preparatorju fid-data tar-riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ċċitat estratt mid-dikjarazzjoni ta’ Del Valle Ruiz, li fih iddikjara li huwa u investitur ieħor kellhom diskussjoni, fit‑2 ta’ Ġunju 2017, bil-ħsieb li jorganizzaw laqgħa ma’ bank ta’ investiment dwar l-aħjar mod kif tiġi strutturata ż-żieda fil-kapital u li din il-laqgħa kienet prevista li ssir fil‑5 ta’ Ġunju 2017.

321

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni purament teoretika li dawn iż-żidiet fil-kapital setgħu seħħew f’terminu qasir biżżejjed sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax sa liema punt żieda fil-kapital kienet ta’ natura li ssolvi l-problemi ta’ likwidità li kienet qiegħda taffaċċja Banco Popular u li hija stess tirrikonoxxi li din il-miżura ma setgħetx tiġi prevista mingħajr iż-żieda ta’ self jew ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza. Fl-aħħar lok, hemm lok li jiġi kkonstatat li għalkemm il-bank innifsu kkonstata fis‑6 ta’ Ġunju 2017 li kien f’sitwazzjoni ta’ falliment, huwa qies li dawn il-miżuri ma kinux fattibbli.

322

Għalhekk, kif isostni s-SRB ma kienx meħtieġ, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li jiġu kkunsidrati, sabiex wara jiġu miċħuda miżuri li ma kinux jippermettu li tiġi pprovduta l-likwidità meħtieġa lil Banco Popular sabiex jaffaċċja l-ġbid ta’ depożiti u li ma setgħux jiġu implimentati f’terminu suffiċjenti sabiex jiġi evitat il-falliment tagħha. Skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB seta’ ġustament jillimita l-evalwazzjoni tiegħu għall-miżuri li fil-fatt setgħu jiġu implimentati fid-dawl tat-termini stabbiliti u taċ-ċirkustanzi.

323

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lis-SRB talli ma eżaminax miżuri oħra ta’ sorveljanza previsti fl-Artikolu 86 tad-Direttiva 2013/36.

324

Hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 86(1) tad-Direttiva 2013/36 jipprovdi li “[l]-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet ikollhom strateġiji, politiki, proċessi u sistemi għall-identifikazzjoni, il-kalkolu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tar-riskju ta’ likwidità fuq sett ta’ perjodi ta’ żmien adatti, inklużi fl-istess ġurnata, sabiex ikun żgurat li l-istituzzjonijiet iżommu livelli xierqa ta’ riżervi ta’ likwidità”. Skont il-paragrafu 3 ta’ dak l-artikolu, imsemmi mir-rikorrenti, “[l]-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet, meta jitqiesu n-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, għandhom profili relatati mar-riskju ta’ likwidità li huma konsistenti, u mhux iktar minn, dawk meħtieġa għal sistema li taħdem sew u robusta”.

325

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif għamlet il-Kummissjoni, li din id-dispożizzjoni ma tistax titqies bħala soluzzjoni plawżibbli għall-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Fil-fatt, is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular kienet tirriżulta preċiżament mill-fatt li ma kienx kapaċi jissodisfa dawn ir-rekwiżiti ta’ likwidità.

326

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-SRB kiser id-dmir tiegħu ta’ diliġenza jew kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni billi naqas milli jeżamina l-miżuri superviżorji l-oħra li kien invoka jew li naqas milli juri li l-kundizzjoni tal-Artikolu 18(1)(b), tar-Regolament Nru 806/2014 ġie ssodisfatt.

327

Konsegwentement, hemm lok li t-tieni lment, u t-tmien motiv jiġu miċħuda bħala infondati.

5.   Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, sanċiti fl-Artikoli 15 u 296 TFUE u mill-Artikoli 42 u 47 tal-Karta

328

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-drittijiet tad-difiża, sanċiti fl-Artikoli 15 u 296 TFUE u l-Artikoli 42 u 47 tal-Karta, sa fejn il-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni huma insuffiċjenti u kontradittorji u sa fejn ma saritx kompletament aċċessibbli billi ġiet iddikjarata kunfidenzjali.

329

Dan il-motiv huwa maqsum, essenzjalment, f’żewġ ilmenti, ibbażati, l-ewwel wieħed fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u t-tieni wieħed fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

a)   Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

330

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni tal-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE ma għandhiex tiġi evalwata biss fid-dawl tal-kliem tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2019, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, C‑450/17 P, EU:C:2019:372, punti 8587 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, BĊE vs Estate of Espírito Santo Financial Group, C‑396/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:845, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

331

Barra minn hekk, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ att għandu jkun proporzjonat għall-possibbiltajiet materjali u l-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ limitu ta’ żmien li taħthom għandu jintervjeni (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2012, Éditions Odile Jacob vs Il‑Kummissjoni, C‑551/10 P, EU:C:2012:681, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑23 ta’ Mejju 2019, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑370/17, EU:T:2019:354, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2021, KPN vs Il‑Kummissjoni, T‑691/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:43, punt 162).

332

Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni hija insuffiċjenti u kontradittorja.

333

Fl-ewwel lok, issostni l-eżistenza ta’ kontradizzjoni bejn il-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, dwar il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, u l-premessa 26, dwar miżuri relatati ma’ problema ta’ solvenza.

334

Dawn iż-żewġ premessi jikkonċernaw id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fil-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jelenka ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Il-premessa 26 tikkonċerna l-miżuri li kienu previsti minn Banco Popular, qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, f’tentattiv sabiex jiġu solvuti l-problemi ta’ likwidità tiegħu. Għalhekk ma jistax ikun hemm kontradizzjoni bejn dawn iż-żewġ premessi.

335

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti tidher li qiegħda targumenta, il-premessa 26 ma tipprevedix soluzzjonijiet li s-SRB kien ippropona fl-iskema ta’ riżoluzzjoni sabiex isolvi l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Il-fatt li r-rikorrenti tqis li l-miżuri previsti minn Banco Popular matul il-ġimgħat ta’ qabel ir-riżoluzzjoni, imsemmija fil-premessa 26 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, kienu miżuri li dehru li jikkonċernaw problema ta’ solvenza u mhux ta’ likwidità huwa irrilevanti.

336

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma spjegax għaliex l-għodda ta’ bejgħ tal-operat hija miżura xierqa u proporzjonata sabiex tiġi solvuta problema ta’ likwidità.

337

F’dan ir-rigward, kif jirrileva s-SRB, l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, kif iddefinita fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, tapplika għas-sitwazzjonijiet kollha fejn entità titqies li tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Ma hemm l-ebda element li jippermetti li jiġi preżunt li din l-għodda ma hijiex xierqa għal kriżi ta’ likwidità.

338

Barra minn hekk, is-SRB spjega fl-Artikoli 4 u 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat fir-rigward tal-objettivi tar-riżoluzzjoni u indika li l-għodda l-oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jippermettux li dawn l-objettivi jintlaħqu sal-istess punt.

339

B’mod iktar partikolari, is-SRB qies, fl-Artikolu 5.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-għodod l-oħra ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jissodisfawx l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess punt. Fir-rigward tal-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna, is-SRB qies li, anki meta kkombinata mal-għodda tas-separazzjoni tal-assi, ma setax jiġi ggarantit li din tippermetti li tiġi rrimedjata b’mod effikaċi s-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u, għalhekk, li tiġi stabbilita mill-ġdid is-sodezza finanzjarja u l-vijabbiltà fit-tul tiegħu. Fir-rigward tal-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja, is-SRB qies li, anki flimkien mal-għodda ta’ separazzjoni tal-assi, peress li l-istituzzjoni tranżitorja kienet maħsuba sabiex iżżomm l-aċċess għall-funzjonijiet kritiċi u sabiex tbigħ lil Banco Popular f’terminu, bħala prinċipju, ta’ sentejn u, sa fejn li l-għodda tal-bejgħ tal-operat kienet tippermetti li jinkiseb l-istess riżultat f’terminu qasir, din tal-aħħar ġiet meqjusa bħala li tippermetti li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni jintlaħqu b’mod iktar effettiv minn dak tal-istituzzjoni tranżitorja.

340

Għaldaqstant is-SRB iġġustifika r-raġunijiet għaliex l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet il-miżura ta’ riżoluzzjoni xierqa għas-sitwazzjoni ta’ falliment ta’ Banco Popular, jiġifieri kriżi ta’ likwidità.

341

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 tiżvela kontradizzjoni oħra, jiġifieri li s-SRB qies li Banco Popular huwa solventi, iżda li kellu valur negattiv ta’ -EUR 8.2 biljun.

342

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li r-riżultat tal-evalwazzjoni tagħha kien jinsab fil-firxa ta’ bejn EUR 1.3 biljun u -EUR 8.2 biljun, bl-aħjar stima f’din il-firxa tkun ta’ -EUR 2 biljun.

343

Din il-valutazzjoni tikkonċerna l-valur ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, li huwa dak li xerrej potenzjali jkun lest li jħallas lil Banco Popular fiċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk huwa l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular u mhux il-valur skont il-kotba tiegħu.

344

Għalhekk, il-konstatazzjoni tas-solvenza ta’ Banco Popular mill-perspettiva tal-kontabbiltà ma tikkontradixxix l-istima negattiva tal-valur ta’ bejgħ tiegħu.

345

Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li d-data kunfidenzjali kienet essenzjali sabiex jinftiehem ir-raġunament segwit u li ma kinitx taf x’kienet il-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular. Hija tirrileva li l-premessa 25 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni sempliċement issemmi li “iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq wasslu għal ġbid sinifikattiv ta’ depożiti […]”.

346

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kriżi tal-likwidità ta’ Banco Popular bejn Frar 2017 u d-data tar-riżoluzzjoni huma spjegati fil-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

347

Barra minn hekk, fil-premessa 23 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB, filwaqt li għamel riferiment għall-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, ikkonstata li s-sitwazzjoni tal-likwidità ta’ Banco Popular kienet iddeterjorat b’mod sinjifikattiv minn Ottubru 2016, minħabba ġbid ta’ depożiti fis-segmenti kollha tal-klijentela. Minn dan huwa ddeduċa li l-bank ma kellux opzjonijiet suffiċjenti sabiex jirrestawra l-pożizzjoni ta’ likwidità tiegħu bil-għan li jiżgura li jkun f’pożizzjoni stabbli sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom.

348

Fil-premessa 26(c) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB kkonstata li Banco Popular kien irċieva assistenza ta’ likwidità b’urġenza fil‑5 ta’ Ġunju 2017, wara l-qbil mogħti mill-BĊE, iżda li l-Bank ta’ Spanja ma kienx f’pożizzjoni li jipprovdilu assistenza ta’ likwidità b’urġenza addizzjonali.

349

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-elementi huma suffiċjenti sabiex tinftiehem is-serjetà tal-kriżi ta’ likwidità li Banco Popular kien qiegħed jaffaċċja.

350

Il-konstatazzjoni mill-BĊE tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni tal-likwidità tiegħu, hija biżżejjed sabiex tinftiehem il-ġustifikazzjoni għall-miżuri adottati mis-SRB, mingħajr ma jkun meħtieġ li jkun magħruf eżattament l-ammont ta’ ġbid ta’ depożiti.

351

Kif indikat fl-ewwel sentenza tal-premessa 25 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, din tal-aħħar fiha data kunfidenzjali dwar l-ammont ta’ ġbid ta’ depożiti. Ir-rikorrenti ma tispjegax kif din l-informazzjoni hija essenzjali sabiex jinftiehem ir-raġunament segwit fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

352

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tirreferi għall-Anness C.7 tar-replika, li għandha l-għan li tispjega d-data nieqsa. Madankollu, dan l-anness fih tabella komparattiva tat-tliet verżjonijiet ippubblikati suċċessivament tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li turi biss li, fir-rigward tal-premessa 25, din ma ġietx kompluta.

353

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

b)   Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

354

Ir-rikorrenti ssostni li ma kellhiex aċċess għall-iskema ta’ riżoluzzjoni kollha, peress li l-partijiet essenzjali tagħha ma ġewx ippubblikati u t-talbiet tagħha għal aċċess ġew miċħuda. Għaldaqstant, hija ma kinitx konxja mir-raġunijiet li wasslu lis-SRB sabiex iċaħħadha mid-dritt tagħha għall-proprjetà, li jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha u tad-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-Artikolu 47 tal-Karta. Hija ssostni li kien meħtieġ li jkollha aċċess għat-test sħiħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni sabiex teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha u li l-kunfidenzjalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex iġġustifikata.

355

Hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jipprovdi li kull persuna li ġarrbet ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet tagħha li huma ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni għandha dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-imsemmi artikolu. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit minn din id-dispożizzjoni teżiġi, b’mod partikolari, li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u li tiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jekk huwiex utli li tadixxi lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni b’azzjoni diretta kontra entità partikolari (ara, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2021, Banco de Portugal et, C‑504/19, EU:C:2021:335, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

356

F’dan ir-rigward minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li l-persuna kkonċernata tkun tista’ tkun taf ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni meħuda fil-konfront tagħha jew mill-qari tad-deċiżjoni stess, jew minn komunikazzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet magħmula fuq talba tagħha, bla ħsara għas-setgħa tal-qorti kompetenti li teżiġi li l-awtorità inkwistjoni tikkomunikahom, sabiex il-persuna kkonċernata tkun tista’ tiddefendi d-drittijiet tagħha fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli u sabiex tkun tista’ tiddeċiedi b’għarfien sħiħ tal-fatti jekk ikunx utli li tersaq quddiem il-qorti kompetenti, kif ukoll sabiex din tal-aħħar tkun tista’ teżerċita b’mod sħiħ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni nazzjonali inkwistjoni (ara s-sentenzi tas‑26 ta’ April 2018, Donnellan, C‑34/17, EU:C:2018:282, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑24 ta’ Novembru 2020, Minister van Buitenlandse Zaken, C‑225/19 u C‑226/19, EU:C:2020:951, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Frar 2021, Ramazani Shadary vs Il‑Kunsill, T‑122/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:61, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

357

Fir-rigward tal-komunikazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, hemm lok li jitfakkar li r-rikorrenti ma hijiex id-destinatarja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li hija indirizzata lill-FROB. Ir-rikorrenti għandha titqies bħala parti terza u għalhekk ma għandhiex id-dritt li tiġi kkomunikata lilha l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

358

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza fil-qasam tal-miżuri restrittivi, li skonthom l-osservanza tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-motivi ta’ deċiżjoni hija neċessarja sabiex id-destinatarji ta’ tali miżuri jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom fl-aħjar kundizzjonijiet u sabiex jiġi rrispettat id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

359

Fil-fatt, b’differenza mill-miżuri restrittivi li bihom persuna tiġi imposta fuqha miżura individwali ta’ sanzjoni ekonomika u finanzjarja (iffriżar ta’ fondi), l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix miżura individwali adottata kontra l-azzjonisti ta’ Banco Popular u, konsegwentement, kontra r-rikorrenti. Għaldaqstant, il-ġurisprudenza ċċitata mir-rikorrenti li skontha l-persuna affettwata minn miżura restrittiva, bħala d-destinatarja ta’ tali deċiżjoni, għandha tingħata r-raġunijiet għaliha, ma hijiex applikabbli għal dan il-każ.

360

Fir-rigward tal-pubblikazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB għandu jippubblika fuq is-sit internet uffiċjali tiegħu kopja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew notifika li tispjega fil-qasir l-effetti tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-effetti fuq il-klijentela fil-livell tal-konsumatur.

361

F’dan il-każ, fis‑7 ta’ Ġunju 2017, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu komunikazzjoni li tħabbar l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, akkumpanjata minn dokument li jiġbor fil-qosor l-effetti tar-riżoluzzjoni skont l-Artikolu 29(5) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil‑11 ta’ Lulju 2017, is-SRB ippubblika verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Barra minn hekk, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar 2018 u sussegwentement fil‑31 ta’ Ottubru 2018, verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjonijiet 1 u 2.

362

Barra minn hekk, l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi kif ġej:

“Qabel ma tiġi żvelata kwalunkwe informazzjoni, il-Bord għandu jiżgura li ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari, billi jkunu valutati l-effetti li l-iżvelar jista’ jkollu fuq l-interess pubbliku fir-rigward tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika, fuq l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, fuq l-iskop tal-ispezzjonijiet, fuq investigazzjonijiet u fuq l-awditi. Il-proċedura tal-verifika tal-effetti tal-iżvelar tal-informazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni speċifika tal-effetti ta’ kwalunkwe żvelar tal-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni kif jingħad fl-Artikoli 8 u 9, tar-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 10 jew tal-iskema ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18.”

363

Din id-dispożizzjoni tipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel il-pubblikazzjoni jew il-komunikazzjoni lil parti terza tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din ma tkunx tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Dan l-obbligu japplika wkoll għall-valutazzjoni 2 li tikkostitwixxi anness għall-iskema ta’ riżoluzzjoni u li tifforma parti integrali minnha skont l-Artikolu 12.2 tal-imsemmija riżoluzzjoni.

364

Ir-rikorrenti ssostni li l-kunfidenzjalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ma hijiex ibbażata fuq ir-Regolament Nru 806/2014 u tmur kontra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza sanċit fl-Artikolu 15 TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta.

365

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li s-SRB għandu l-obbligu li jipproteġi d-data kunfidenzjali tal-entitajiet kollha, inklużi s-sigrieti kummerċjali, skont l-Artikolu 339 TFUE, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta u l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014.

366

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li mill-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li l-obbligi ta’ kunfidenzjalità japplikaw biss sakemm id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ssir pubblika.

367

Il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 tipprovdi:

“L-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi. Madankollu, minħabba li l-informazzjoni miksuba mill-Bord, mill-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni u mill-konsulenti professjonali tagħhom matul il-proċess tar-riżoluzzjoni x’aktarx tkun sensittiva, qabel ma d-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni tkun magħmula pubblika, dik l-informazzjoni għandha tiġi soġġetta għar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali. Il-fatt li l-informazzjoni dwar il-kontenut u d-dettalji ta’ pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni ta’ dawk il-pjanijiet jista’ jkollhom effetti b’firxa wiesgħa, b’mod partikolari fuq l-intrapriżi konċernati għandu jiġi kkunsidrat. Kwalunkwe informazzjoni pprovduta fir-rigward ta’ deċiżjoni qabel ma tittieħed, kemm dwar jekk il-kondizzjonijiet għal riżoluzzjoni humiex sodisfatti, dwar l-użu ta’ għodda speċifika kif ukoll dwar kwalunkwe azzjoni matul il-proċeduri, trid titqies li għandha effett fuq l-interessi pubbliċi u privati kkonċernati mill-azzjoni. Madankollu, informazzjoni li l-Bord u l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jkunu qed jeżaminaw entità speċifika tista’ tkun biżżejjed sabiex ikollha effetti negattivi fuq dik l-entità. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi żgurat li jkun hemm mekkaniżmi xierqa għaż-żamma tal-kunfidenzjalità ta’ tali informazzjoni, bħalma huma l-kontenut u d-dettalji tal-pjanijiet ta’ riżoluzzjoni u r-riżultat ta’ kwalunkwe valutazzjoni mwettqa f’dak il-kuntest.”

368

Minn naħa, minn din il-premessa jirriżulta li ċerta informazzjoni miżmuma mis-SRB, li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, fil-valutazzjoni 2 u fid-dokumenti li fuqhom kienet ibbażata, hija koperta mis-sigriet professjonali u hija kunfidenzjali.

369

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont dan ir-regolament, is-SRB jista’, permezz tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni jew direttament wara li jinfurmahom, billi jagħmel użu sħiħ mill-informazzjoni kollha li jkollhom disponibbli l-BĊE jew l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, jitlob b’mod partikolari lill-entitajiet previsti minn miżura ta’ riżoluzzjoni sabiex jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex iwettaq il-kompiti konferiti lilu minn dan ir-regolament. Il-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu jispeċifika li r-rekwiżiti tas-sigriet professjonali ma jeżentawx lil dawk l-entitajiet mill-obbligu li jipprovdu tali informazzjoni. L-Artikolu 34(4) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB jista’ jikseb, inkluż fuq bażi permanenti kwalunkwe informazzjoni meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu skont dan ir-regolament, b’mod partikolari dwar il-fondi proprji, il-likwidità, l-assi u l-obbligazzjonijiet li jikkonċernaw kwalunkwe istituzzjoni suġġetta għas-setgħat tiegħu ta’ riżoluzzjoni.

370

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 263), li l-funzjonament effettiv tas-sistema ta’ kontroll tal-attività tal-impriżi ta’ investiment, ibbażata fuq sorveljanza eżerċitata fi ħdan Stat Membru u fuq l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ diversi Stati Membri, hekk kif deskritt fil-qosor fil-punti preċedenti, jeħtieġ li kemm l-impriżi ssorveljati kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu ċerti li l-informazzjoni kunfidenzjali pprovduta żżomm bħala regola n-natura kunfidenzjali tagħha (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

371

Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-assenza ta’ tali fiduċja hija ta’ natura li tikkomprometti t-trasferiment mingħajr problemi tal-informazzjoni kunfidenzjali neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività ta’ sorveljanza. Huwa għalhekk sabiex jiġu protetti mhux biss l-interessi speċifiċi tal-impriżi direttament ikkonċernati, iżda wkoll l-interess ġenerali marbut mal-funzjonament normali tas-swieq ta’ strumenti finanzjarji tal-Unjoni, li l-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39 jimponi, bħala regola ġenerali, l-obbligu ta’ żamma tas-sigriet professjonali (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 3233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

372

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014, dwar ir-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tal-membri tas-SRB, fih dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39.

373

Min-naħa l-oħra, ċertament, il-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 issemmi l-obbligi tas-SRB tas-sigriet professjonali qabel ma tiġi adottata deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni. Hija tindika li, peress li ċerta informazzjoni miżmuma mis-SRB hija sensittiva u suġġetta għas-sigriet kummerċjali, ma għandhiex tiġi kkomunikata lill-pubbliku qabel ma tiġi adottata miżura ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar jekk entità hijiex f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u dwar jekk tistax tkun suġġetta għal miżura ta’ riżoluzzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkoraġġixxi lill-azzjonisti jbiegħu t-titoli tagħhom fis-swieq u twassal ukoll għal irtirar massiv ta’ depożiti, fatt li jaggrava s-sitwazzjoni finanzjarja tal-bank u b’hekk jimmina l-effettività tal-azzjoni tas-SRB kif ukoll il-funzjonament tas-suq.

374

Madankollu, din il-premessa tindika wkoll espressament li l-miżuri ta’ riżoluzzjoni “għandhom jiġu notifikati kif jixraq u, soġġetti għall-eċċezzjonijiet limitati stipulati f’dan ir-Regolament, magħmula pubbliċi”. Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-Artikolu 88(5) tar-Regolament Nru 806/2014, iċċitat fil-punt 362 iktar ’il fuq, jipprovdi espressament għall-obbligu tas-SRB li jiżgura, qabel l-iżvelar tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li din tal-aħħar ma jkunx fiha informazzjoni kunfidenzjali.

375

Minn dan kollu jirriżulta li l-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 ma tistax tiġi interpretata li tfisser li r-regoli ta’ kunfidenzjalità u ta’ sigriet professjonali japplikaw biss sakemm id-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma tkunx saret pubblika.

376

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tagħmel riferiment ukoll għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 li skontu “[l]-informazzjoni soġġetta għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ma għandhiex tiġi żvelata lil entità pubblika jew privata oħra għajr meta tali żvelar ikun meħtieġ għall-fini ta’ proċess legali”.

377

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tfisser li s-SRB għandu obbligu li jiżvela d-deċiżjoni kollha ta’ riżoluzzjoni mill-mument li jinbdew il-proċeduri ġudizzjarji. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-possibbiltà li qorti tordna l-produzzjoni ta’ dokumenti, inkluża informazzjoni kunfidenzjali.

378

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għandha l-fakultà li titlob lis-SRB jipproduċi kwalunkwe dokument li hija tqis rilevanti sabiex tiddeċiedi dwar it-tilwima, permezz ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew permezz ta’ miżura istruttorja, skont l-Artikoli 91(b) u 92(3), tar-Regoli tal-Proċedura. Madankollu, skont l-Artikolu 103(1) tal-istess regoli, il-Qorti Ġenerali tista’ tqis li ċerta informazzjoni inkluża f’dawn id-dokumenti hija kunfidenzjali u b’hekk tiddeċiedi li ma tiġix ikkomunikata lill-partijiet l-oħra, b’mod partikolari lir-rikorrenti.

379

Minn dan jirriżulta li deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tordna l-produzzjoni tad-dokumenti ma tiggarantixxix aċċess lir-rikorrenti għall-kontenut sħiħ ta’ dawn id-dokumenti jekk il-Qorti Ġenerali tqis li dawn jinkludu data kunfidenzjali.

380

Hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑12 ta’ Mejju 2021, permezz ta’ digriet ta’ miżuri istruttorji, talbet lis-SRB sabiex jipproduċi ċerti dokumenti, inklużi verżjonijiet kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tal-valutazzjoni 2 u tal-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular. B’konformità mal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, wara li eżaminat il-kontenut ta’ dawn id-dokumenti, il-Qorti Ġenerali qieset li l-elementi li baqgħu moħbija fil-verżjonijiet ta’ dawn id-dokumenti ppubblikati fis-siti internet tas-SRB u tal-BĊE ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali sfilzat il-verżjonijiet kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mill-proċess.

381

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti sempliċement tallega li l-kunfidenzjalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ trasparenza u d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, mingħajr ma tqajjem l-ebda argument speċifiku.

382

Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, minn naħa, ir-Regolament Nru 1049/2001 ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk is-SRB kellux obbligu li jiżvela l-iskema ta’ riżoluzzjoni fl-intier tagħha u li, min-naħa l-oħra, dan jistabbilixxi reġim ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti bl-eċċezzjonijiet intiżi sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta’ ċerta data.

383

F’dak ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti u jistabbilixxi b’mod eżawrjenti l-każijiet speċifiċi li fihom din il-projbizzjoni ġenerali ma hijiex, eċċezzjonalment, ta’ ostakolu għat-trasferiment jew użu tagħha, li ma kienx maħsub li joħloq dritt ta’ aċċess lill-pubbliku għall-informazzjoni miżmuma mill-awtoritajiet kompetenti jew li jirregola b’mod iddettaljat l-eżerċizzju ta’ tali dritt ta’ aċċess irrikonoxxut, skont il-każ, mid-dritt nazzjonali (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 3839).

384

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi rekwiżiti fil-qasam tas-sigriet professjonali u jistabbilixxi, bl-istess mod bħall-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39, prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ żvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mis-SRB u jipprevedi l-ipoteżi li fihom din il-projbizzjoni ġenerali, b’mod eċċezzjonali, ma tostakolax it-trażmissjoni tagħha.

385

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39 jissodisfa għan differenti minn dak imfittex mir-Regolament Nru 1049/2001. Fil-fatt, dan tal-aħħar għandu l-għan li jagħti lill-pubbliku dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni l-iktar wiesa’ possibbli (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 4041 u l-ġurisprudenza ċċitata).

386

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-dawl ta’ tali għan li r-Regolament Nru 1049/2001 jimponi, bħala prinċipju, obbligu fuq l-istituzzjoni tal-Unjoni li jkollha l-intenzjoni li tirrifjuta l-aċċess għal dokument, li tipprovdi spjegazzjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar kif l-aċċess għal dan id-dokument jista’ konkretament jippreġudika l-interess protett minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dritt ta’ aċċess inkwistjoni, bla ħsara għall-possibbiltà għal din l-istituzzjoni li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità li tapplika għal kategorija ta’ dokumenti meta kunsiderazzjonijiet ta’ ordni ġenerali simili jistgħu japplikaw għal talbiet ta’ żvelar li jirrigwardaw dokumenti tal-istess natura (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

387

Hija kkonkludiet li, għall-kuntrarju, meta, aditi minn individwu b’talba għal aċċess għal informazzjoni dwar impriża ssorveljata, l-awtoritajiet kompetenti jqisu li l-informazzjoni mitluba hija kunfidenzjali, fis-sens tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, dawn jistgħu jilqgħu tali talba biss fil-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-Artikolu 54 (is-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punt 43).

388

Hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-ġurisprudenza tapplika b’analoġija għal informazzjoni kunfidenzjali miżmuma mis-SRB fis-sens tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014.

389

Fir-raba’ lok, fir-replika, ir-rikorrenti tinvoka d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB tat‑28 ta’ Novembru 2017 u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, adottati bi tweġiba għat-talbiet tagħhom għal aċċess għad-dokumenti skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolament Nru 806/2014 u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, li warajhom s-SRB ippubblika, fi Frar u f’Ottubru 2018, fuq is-sit internet tiegħu, verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjonijiet 1 u 2 inqas ridotti. Hija ssostni li dawn id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB ikkonfermaw li l-aċċess għal parti sostanzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kien ġie miċħud b’mod mhux iġġustifikat u li l-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Frar 2018 kienet tinkludi kunfidenzjalità eċċessiva.

390

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex ma jiġux kompromessi l-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, l-awtoritajiet kompetenti huma bħala prinċipju obbligati li josservaw l-obbligu tas-sigriet professjonali li jaqa’ fuqhom skont din id-dispożizzjoni matul il-perijodu kollu li fih l-informazzjoni li huma għandhom taħt din id-direttiva għandha titqies bħala kunfidenzjali. F’dan il-każ, il-fatt li jkun għadda ż-żmien jikkostitwixxi ċirkustanza li normalment tista’ tinfluwenza l-analiżi tal-kwistjoni dwar jekk il-kundizzjonijiet li l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kkonċernata tiddependi minnhom humiex issodisfatti f’mument partikolari (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Baumeister, C‑15/16, EU:C:2018:464, punti 4849 u l-ġurisprudenza ċċitata).

391

Sa fejn, kif diġà ġie indikat, l-Artikolu 88(1) tar-Regolament Nru 806/2014 fih dispożizzjoni ekwivalenti għal dik tal-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2004/39, dik il-ġurisprudenza hija applikabbli b’analoġija għal dan il-każ.

392

Iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell ittieħdu, rispettivament, iktar minn sitt xhur u sena wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Għalhekk, il-mogħdija ta’ diversi xhur mill-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni setgħet influwenzat l-analiżi tan-natura kunfidenzjali ta’ ċerta data li tinsab fl-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2. Minn dan jirriżulta li l-evalwazzjoni mill-Bord tal-Appell, fid-deċiżjonijiet tiegħu tat‑28 ta’ Novembru 2017 u tad‑19 ta’ Ġunju 2018, dwar in-natura eċċessiva tal-kunfidenzjalità ta’ ċerta data ma tpoġġix f’dubju l-fatt li, immedjatament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tali kunfidenzjalità kienet f’dak il-waqt iġġustifikata. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma ordnax il-pubblikazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni kollha jew tal-valutazzjoni 2, minħabba li xi data baqgħet kunfidenzjali.

393

Minn dan kollu jsegwi li huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-kunfidenzjalità ta’ ċerta data fl-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet infondata.

394

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li s-SRB ppubblika fuq is-sit internet tiegħu fil‑11 ta’ Lulju 2017, verżjoni mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Billi r-rikorrenti kellha aċċess għal din tal-aħħar, hija setgħet tikkontestahom quddiem il-Qorti Ġenerali permezz ta’ dan ir-rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li jistabbilixxi l-eżistenza tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

395

Barra minn hekk, wara l-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors u wara d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tas-SRB msemmija fil-punt 389 iktar ’il fuq, is-SRB ippubblika fuq is-sit internet tiegħu, fit-2 ta’ Frar u fil-31 ta’ Ottubru 2018, jiġifieri qabel ma ġiet ippreżentata r-replika, verżjonijiet mhux kunfidenzjali inqas ridotti tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjonijiet 1 u 2. Ir-rikorrenti għalhekk setgħet tippreżenta argumenti dwar dawn il-verżjonijiet.

396

Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja li kellha aċċess għal iktar informazzjoni, wara l-pubblikazzjonijiet, fit‑2 ta’ Frar u fil‑31 ta’ Ottubru 2018, tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjonijiet 1 u 2 f’verżjonijiet inqas ridotti, xorta ma setgħetx tiġi rrimedjata l-assenza ta’ motivazzjoni wara l-ftuħ tal-proċedura.

397

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjonijiet suċċessivi fuq is-sit internet tas-SRB jikkonċernaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2 fil-verżjonijiet oriġinali tagħhom. Dawn il-pubblikazzjonijiet kienu maħsuba sabiex jagħtu lill-pubbliku aċċess usa’ għal partijiet minn dawn id-dokumenti li inizjalment kienu kkunsidrati kunfidenzjali. Ma kienx kompitu tas-SRB li jippubblika informazzjoni li oriġinarjament ma kinitx inkluża fl-iskema ta’ riżoluzzjoni jew fil-valutazzjonijiet 1 u 2 u li kienet maħsuba sabiex tissupplimenta l-motivazzjoni tagħha.

398

Fl-aħħar, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonkludi li ma hemm l-ebda għajnuna mill-Istat iddenunzjata minn lanjant tista’, fid-dawl tal-obbligu tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-kawżi, tkun suffiċjentement motivata mingħajr ma jiġu inklużi elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament ta’ din l-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punti 108 sa 111). Għaldaqstant, verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni, meta din turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-imsemmija istituzzjoni kif ukoll il-metodoloġija użata minnha b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jiksbu konjizzjoni ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħhom, hija suffiċjenti sabiex jiġi ssodisfatt l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq l-istess istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Club Hotel Loutraki et vs Il‑Kummissjoni, C‑131/15 P, EU:C:2016:989, punt 55).

399

Barra minn hekk, fir-rigward tal-elementi ekonomiċi użati minn Deloitte fil-valutazzjoni 2 u meħuda inkunsiderazzjoni mis-SRB fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jiġi kkontestat li dawn jaqgħu fl-ambitu ta’ evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi. Ġaladarba l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet turi b’mod ċar ir-raġunament segwit mis-SRB sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata ulterjorment il-fondatezza tagħha quddiem il-qorti kompetenti, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għal kull waħda mill-għażliet tekniċi jew għal kull wieħed mill-elementi figurattivi li fuqhom huwa bbażat dan ir-raġunament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

400

Madankollu, minn naħa, jidher mill-analiżi tal-ewwel ilment li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li l-verżjonijiet tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2, ippubblikati fuq is-sit internet tas-SRB u li għalihom kellha aċċess, ma kinux motivati biżżejjed. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma speċifikatx sa liema punt id-data ekonomika li baqgħet moħbija fil-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tal-valutazzjoni 2 kienet neċessarja sabiex tinftiehem l-iskema ta’ riżoluzzjoni u għall-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal rimedju ġudizzjarju effettiv.

401

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti ma tistax issostni li dritt ta’ aċċess għall-iskema ta’ riżoluzzjoni kollha kien meħtieġ għall-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha jew tad-dritt tagħha għal rimedju effettiv.

402

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni lment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud ukoll l-ewwel motiv fl-intier tiegħu.

6.   Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans u tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014

403

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans u l-obbligu ta’ sigriet professjonali previst fl-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 339 TFUE, bl-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju lil Banco Popular u l-azzjonisti tiegħu minħabba kriżi li pprovoka huwa stess.

404

Hija ssostni li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tas-SRB, f’intervista ma’ Bloomberg TV fit‑23 ta’ Mejju 2017 u f’artiklu ppubblikat fil‑31 ta’ Mejju 2017 minn Reuters, jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi obbligu ta’ segretezza professjonali għall-persunal u l-membri tas-SRB. Ir-rikorrenti ssostni li dawn id-dikjarazzjonijiet ikkawżaw il-paniku fil-pubbliku, li rtira l-fondi minn Banco Popular fuq skala kbira, li wassal għal telf tad-depożiti. Ir-rikorrenti tinvoka diversi elementi li jistabbilixxu rabta kawżali bejn dawn id-dikjarazzjonijiet u l-kriżi ta’ Banco Popular. L-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dikjarazzjonijiet mill-Presidenta tas-SRB tat‑23 u tal‑31 ta’ Mejju 2017 tat lok għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, li kienet ir-raġuni għar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular.

405

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li, skont il-prinċipju legali nemo auditur propriam turpitudinem allegans, istituzzjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq l-iżbalji tagħha stess sabiex tadotta att li jikkawża preġudizzju lil individwu partikolari.

406

Il-Kummissjoni tqis li, f’rikors li jikkonċerna l-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, iċ-ċirkustanzi li setgħu poġġew lill-entità f’diffikultà huma irrilevanti u li l-unika kwistjoni rilevanti hija dik dwar jekk il-kundizzjonijiet legali għall-adozzjoni ta’ din l-iskema kinux ġew issodisfatti. Is-SRB isostni wkoll li l-validità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni teħtieġ li l-entità tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 806/2014 jiġu ssodisfatti fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha, ikunu xi jkunu r-raġunijiet li wasslu għal sitwazzjoni bħal din.

407

Preliminarjament, fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans li skontu ħadd ma jista’ jinvoka l-imġiba ħażina tiegħu fil-konfronti ta’ oħrajn sabiex jikseb vantaġġ, hemm lok li jiġi rrilevat, kif għamlu l-Kummissjoni u s-SRB, li dan il-prinċipju ma huwiex applikabbli fil-każ preżenti.

408

Kif jinnota s-SRB, dan il-prinċipju japplika meta parti tfittex li tagħmel profitt indebitu mill-imġiba ħażina tagħha stess. Issa, ir-rikorrenti ma tindikax liema vantaġġ kien jikseb is-SRB mill-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

409

Barra minn hekk, l-ebda wieħed mill-eżempji meħuda mill-ġurisprudenza, iċċitata mir-rikorrenti ma jippermetti li tiġi stabbilita r-rilevanza ta’ dan il-prinċipju insostenn ta’ talba għal annullament ta’ att adottat minn istituzzjoni jew korp tal-Unjoni. Għalhekk, fil-punt 55 tas-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 1996, Barraux et vs Il-Kummissjoni (T‑177/95, EU:T:1996:187), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-argument li dak il-prinċipju kien jipprekludi lill-Kunsill milli jadotta regolament b’effett retroattiv ma kienx rilevanti. Fil-punt 63 tas-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2003, Il‑Kummissjoni vs Fresh Marine (C‑472/00 P, EU:C:2003:399), il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li skontha Fresh Marine kkontribwixxiet għad-dannu minħabba n-negliġenza tagħha stess. Fil-punt 13 tas-sentenza tad‑9 ta’ Frar 1984, Kohler vs Il‑Qorti tal‑Awdituri (316/82, EU:C:1984:49), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-argument tal-Qorti tal-Awdituri Ewropea bbażat fuq l-assenza ta’ forma miktuba tal-att ikkontestat, li ġie invokat insostenn tal-inammissibbiltà tar-rikors, kien infondat, irrispettivament mill-fatt li l-aċċettazzjoni ta’ dan l-argument kienet tkun tippermetti li din titħalla tipprevalixxi ruħha minn ksur, li hija stess wettqet, sabiex iċċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt ta’ appell tagħha.

410

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat dan il-motiv sa fejn ir-rikorrenti ssostni ksur mis-SRB tal-obbligu tiegħu ta’ segretezza professjonali previst mill-Artikolu 339 TFUE u l-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014.

411

Hemm lok li jiġi rrilevat li, anki jekk jiġi preżunt li r-rikorrenti kienet stabbilixxiet li s-SRB kien żvela informazzjoni kunfidenzjali lill-istampa, skont ġurisprudenza stabbilita, tali irregolarità tista’ twassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni biss jekk jiġi stabbilit li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, l-imsemmija deċiżjoni kien ikollha kontenut differenti (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni, T‑62/98, EU:T:2000:180, punt 283 u l-ġurisprudenza ċċitata; is-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 416; ara, ukoll is-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2011, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑110/07, EU:T:2011:68, punt 402 u l-ġurisprudenza ċċitata).

412

F’dan ir-rigward, kif issostni l-Kummissjoni u s-SRB, skema ta’ riżoluzzjoni tiġi adottata b’mod validu meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jiġu ssodisfatti, irrispettivament mir-raġunijiet li wasslu lill-entità inkwistjoni għal sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ.

413

Madankollu, hemm lok li jitfakkar li l-argumenti tar-rikorrenti dwar ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ġew miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tat-tmien motiv.

414

Għalhekk, għandu jiġi rrilevat li s-SRB, wara li kkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular u li l-Kummissjoni, wara li kkunsidra li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 806/2014, approvat l-iskema ta’ riżoluzzjoni. Iċ-ċirkustanzi li wasslu lil Banco Popular sabiex jissodisfa l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod partikolari l-kundizzjoni li kienet f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, huma irrilevanti.

415

Konsegwentement, rabta kawżali allegata, bejn id-dikjarazzjonijiet tat‑23 u tal‑31 ta’ Mejju 2017 u l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, invokata mir-rikorrenti, hija irrilevanti u ma tistax twassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

416

Konsegwentement, l-argument tar-rikorrenti li s-SRB ma setax jadotta b’mod validu l-iskema ta’ riżoluzzjoni peress li d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tiegħu, bi ksur tad-dmir tagħha ta’ kunfidenzjalità u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, kienu taw lok għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, għandu jiġu miċħud bħala ineffittiv fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

417

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax targumenta b’mod validu li d-divulgazzjonijiet tat‑23 u tal‑31 ta’ Mejju 2017 kkawżaw il-kriżi serja ta’ likwidità ta’ Banco Popular. L-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq preżentazzjoni parzjali u żbaljata tal-fatti li taw lok għall-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular u l-kawżi li wasslu għas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tiegħu.

418

Għalhekk, għandu jitfakkar li, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, imsemmija fil-punti 53 sa 61 iktar ’il fuq, il-BĊE semma d-diversi avvenimenti li wasslu għal deterjorament fis-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

419

Fil-premessa 24 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB semma ċirkustanzi oħra li wasslu għad-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, jiġifieri:

fi Frar 2017, Banco Popular ħabbar il-ħtieġa ta’ provvedimenti eċċezzjonali li jammontaw għal EUR 5.7 biljun, li jwasslu għal telf ikkonsolidat ta’ EUR 3485 biljun, kif ukoll il-ħatra ta’ president ġdid;

fl‑10 ta’ Frar 2017, DBRS baxxiet il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular;

fit‑3 ta’ April 2017, Banco Popular ippubblika stqarrija pubblika ad hoc li tinforma dwar l-eżitu tal-awditi interni li potenzjalment għandhom impatt sinjifikattiv fuq ir-rapporti finanzjarji tiegħu u kkonfermat is-sostituzzjoni tad-direttur ġenerali tiegħu inqas minn sena wara li ħa l-kariga;

fis‑7 ta’ April 2017, Standard & Poor’s u, fil‑21 ta’ April, Moody’s, baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular;

fit‑12 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kiser ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ 80 % u ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi mill-ġdid il-konformità mal-limitu regolatorju minn hemm ’il quddiem;

il-kopertura negattiva kontinwa fil-media tar-riżultati finanzjarji ta’ Banco Popular u l-allegat riskju imminenti ta’ falliment jew ta’ nuqqas ta’ likwidità wasslu għal żieda fl-irtirar tad-depożiti;

fis‑6 ta’ Ġunju 2017, DBRS u Moody’s baxxew il-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular.

420

Is-SRB irrileva li dawn iċ-ċirkustanzi kollha kienu wasslu għall-irtirar ta’ depożiti kbar.

421

Minn dawn il-fatti, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet diġà ddeterjorat qabel sew it‑23 ta’ Mejju 2017 u li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular kienet ikkawżata minn diversi fatturi, li oriġinaw mir-riżultati ħżiena tal-bank imħabbra fi Frar u f’April 2017. B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ kopertura tal-ħtiġiet ta’ likwidità ta’ Banco Popular ma kienx issodisfa r-rekwiżiti legali mit‑12 ta’ Mejju 2017.

422

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jistgħux jinjoraw iċ-ċirkustanzi oġġettivi kollha li kkawżaw il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular, b’mod partikolari minn April 2017. Ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li d-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Mejju 2017 u l-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017, anki jekk jiġi preżunt li dawn kienu kkawżati minn ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità mis-SRB, kienu s-sors tal-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

423

Din il-konklużjoni ma titpoġġiex f’dubju mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

424

Ir-rikorrenti jsostnu li l-BĊE, fl-evalwazzjoni tiegħu tas-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular, irrileva li t-telf tad-depożiti mill‑31 ta’ Mejju 2017 kien partikolarment sinjifikattiv, wara li l-mezzi tax-xandir żvelaw li l-bank seta’ jaffaċċja l-likwidazzjoni jekk il-proċedura pendenti ta’ bejgħ privat tirnexxix f’terminu qasir ħafna.

425

Mill-evalwazzjoni tagħha jirriżulta li, skont il-BĊE, it-tħabbir tal-falliment tal-proċedura ta’ bejgħ privat u r-riskju ta’ likwidazzjoni tal-kumpannija żiedu t-telf tad-depożiti ta’ Banco Popular. Madankollu, dan huwa biss element wieħed mill-ħafna oħrajn ikkwotati mill-BĊE, li huma responsabbli għal dan it-telf ta’ depożiti. Ir-rikorrenti ma tistax issostni li l-BĊE rrikonoxxa li l-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017 kien is-sors tal-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

426

Il-BĊE rrileva l-kopertura negattiva sinjifikattiva tal-media li ġie suġġett għaliha Banco Popular matul dan il-perijodu u anki ikkwota eżempji ta’ artikli ppubblikati fil‑11 u fil‑15 ta’ Mejju 2017, imsemmija fil-punti 40 u 41 iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti ma tistax tiżola minn dawn l-artikli kollha għall-istampa l-uniku artiklu li jsemmi uffiċjal tal-Unjoni, sabiex issostni li dan l-artiklu biss huwa l-kawża tat-telf tal-likwidità ta’ Banco Popular.

427

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-dikjarazzjonijiet tat‑23 u tal‑31 ta’ Mejju 2017 kellhom konsegwenzi fuq it-tnaqqis fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular u fuq l-elenkar ta’ diversi strumenti finanzjarji.

428

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-evoluzzjoni tal-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular wriet tnaqqis kostanti bejn Ġunju 2016 u Ġunju 2017. Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, dan l-iżvilupp ma jiżvela l-ebda rabta bejn, minn naħa, id-dikjarazzjoni tat‑23 ta’ Mejju u l-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017 u, min-naħa l-oħra, il-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular. It-tnaqqis fil-prezz tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular huwa spjegat mis-sitwazzjoni finanzjarja ħażina tal-bank u għandu jkun marbut mat-tnaqqis suċċessiv fil-grad tal-klassifikazzjoni ta’ Banco Popular mill-aġenziji tal-klassifikazzjoni, imsemmija fil-punti 32, 38 u 46 imsemmija iktar ’il fuq.

429

Barra minn hekk, waqt is-seduta ta’ smigħ, ir-rikorrenti rrikonoxxiet li, fil‑15 ta’ Mejju 2017, Banco Popular kien ħareġ mill-indiċi MSCI (Morgan Stanley Capital International). Issa, dan il-ħruġ wassal sabiex fondi kbar ta’ investiment ibigħu l-azzjonijiet tagħhom ta’ Banco Popular u kkontribwixxa għall-waqgħa tal-azzjonjiet ta’ Banco Popular.

430

Barra minn hekk, fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-obbligazzjonijiet kontinġenti konvertibbli (Cocos) ta’ Banco Popular, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-ġurnalist li intervista lill-Presidenta tas-SRB fit‑23 ta’ Mejju 2017 semma l-kollass tagħhom minħabba r-riskju ta’ inadempjenza. Ir-rikorrenti għalhekk ma tistax tippretendi li l-waqgħa fil-Cocos irriżultat minn din l-intervista.

431

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument li intiż li jistabbilixxi liema huma l-elementi li jinsabu fid-dikjarazzjonijiet tat‑23 u tal‑31 ta’ Mejju 2017 li jikkostitwixxu ksur tal-obbligu tas-sigriet professjonali min-naħa tal-Presidenta tas-SRB u li ma wrietx l-eżistenza ta’ ksur tal-obbligu ta’ kunfidenzjalità jew ta’ sigriet professjonali attribwibbli lil din tal-aħħar.

432

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-intervista mogħtija mill-Presidenta tas-SRB lill-istazzjon televiżiv Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju 2017, il-ġurnalist staqsa:

“Nista’ nieħdok Spanja? Nixtieq nuri lill-udjenza tagħna xi ħaġa li hija preżenti ħafna fuq l-iskrin tar-radar tagħna hawnhekk fi Bloomberg, xi ħaġa li tirrigwarda lil Banco Popular u obbligazzjonijiet kontinġenti konvertibbli li bħalissa huma taħt xi pressjoni. Din l-istituzzjoni għandha TEC 1 ftit ogħla minn 7 %. Qiegħed ukoll fuq l-iskrin tar-radar tiegħek?” [Can I take you to Spain? I want to show our audience something that is very much on our radar screen here at Bloomberg and that is Banco Popular and the CoCos (Contingent Convertibles) which are under a little bit of pressure right now. This is an institution with a CET 1 just north of 7 per cent. Is it on your radar screen as well?]

433

Il-Presidenta tas-SRB wieġbet:

“Qatt ma nitkellem dwar il-banek individwalment. Hemm iktar minn bank wieħed fuq l-iskrin tar-radar tagħna u ovvjament Banco Popular hija wkoll każ li qegħdin nissorveljaw, iżda ma huwiex l-uniku wieħed” (Well, I am never talking about individual banks. There are more banks than just one on our radar screen and of course, Banco Popular is also a case we are watching but it is not the only one we are watching).

434

Hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, kif jirrileva s-SRB, li dawn il-kummenti huma ta’ portata ġenerali, inkwantu s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet tifforma parti mill-missjoni tiegħu f’kooperazzjoni mal-BĊE. L-informazzjoni li Banco Popular, bħala istituzzjoni ta’ kreditu koperta mill-mekkaniżmu superviżorju uniku, huwa “ssorveljat” ma hijiex kunfidenzjali.

435

Barra minn hekk, mill-artiklu tal‑15 ta’ Mejju 2017 ippubblikat mill-elconfidencial.com, imsemmi fil-punt 41 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-informazzjoni li l-Banco Popular kienet is-suġġett ta’ spezzjoni tal-BĊE kienet diġà pubblika.

436

Min-naħa l-oħra, matul din l-intervista, il-Presidenta tas-SRB ma ssemmix l-ipoteżi ta’ riżoluzzjoni mill-Banco Popular. L-ebda konklużjoni ma tista’ tittieħed minn dawn il-kummenti fir-rigward tal-implimentazzjoni futura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, u inqas u inqas fir-rigward tal-għodda ta’ riżoluzzjoni li tista’ tiġi implimentata mis-SRB.

437

Barra minn hekk, sa fejn dawn il-kummenti ma jistgħux jiġu interpretati li jfissru li Banco Popular ser ikun is-suġġett ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, ma jaqgħux taħt l-ipoteżijiet previsti fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014 dwar il-komunikazzjoni ta’ kwalunkwe informazzjoni dwar deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni qabel ma din tiġi adottata.

438

Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-kummenti magħmula mill-Presidenta tas-SRB matul l-intervista tat‑23 ta’ Mejju 2017 ma jinkludux informazzjoni kunfidenzjali u ma jikkostitwixxux ksur tal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità jew tal-obbligu tas-sigriet professjonali previst fl-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014 u fl-Artikolu 339 TFUE.

439

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-artiklu ppubblikat minn Reuters fil‑31 ta’ Mejju 2017, intitolat “L-UE, imwissija kontra r-riskju ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular” (La UE, advertida de riesgo de una resolución ordenada en Banco Popular), dan l-artiklu jindika li, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek tal-Ewropa kien wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular kien jista’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jirnexxilhiex issib xerrej u li l-Presidenta tas-SRB reċentement ħarġet “twissija bikrija”. Skont dan l-artiklu, dan l-uffiċjal għoli indika wkoll li l-Presidenta tas-SRB kienet iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli u żied li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank ma setgħet tkun mingħajr suċċess.

440

Dan l-artiklu ta’ Reuters jindika wkoll li, skont sors ieħor, li wkoll kien anonimu, it-tħejjijiet ġenerali kienu pendenti għalkemm għadha ma ġiet adottata l-ebda miżura konkreta. Skont dan l-artikolu, kelliem għal Banco Popular kien qal li l-bank kien qiegħed jaħdem fuq diversi pjanijiet inklużi amalgamazzjoni, żieda fil-kapital u bejgħ tal-assi.

441

Għandu jiġi rrilevat ukoll li dan l-artiklu jsemmi l-istqarrija għall-istampa tas-SRB tal-istess jum, li fih is-SRB iddikjara li ma kkummentax dwar id-diffikultajiet speċifiċi ta’ bank, li ma setax jikkonferma l-interpretazzjonijiet tal-allegati kwotazzjonijiet magħmula mill-Presidenta tiegħu u li huwa qatt ma kien joħroġ ħareġ twissija fir-rigward tal-banek.

442

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jispeċifikawx liema informazzjoni li tinsab f’dan l-artiklu hija kunfidenzjali, u lanqas sa liema punt l-iżvelar tagħha jikkostitwixxi ksur tar-rekwiżiti tas-sigriet professjonali tas-SRB. Ir-rikorrenti ssostni li l-Presidenta tas-SRB hija l-awtur tad-dikjarazzjonijiet irrapportati f’dan l-artiklu u li la s-SRB u lanqas il-Kummissjoni ma pprovdew provi ta’ natura li juru l-kuntrarju. Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kummenti ta’ uffiċjal tal-Unjoni, imsemmija f’dak l-artiklu, ma kinux jikkonċernaw informazzjoni kunfidenzjali li setgħet tkun magħrufa biss mill-membri tas-SRB, aħseb u ara mill-Presidenta tiegħu.

443

B’hekk, fl-ewwel lok, l-uffiċċjal semma “twissija bikrija” li allegatament inħarġet mill-Presidenta tas-SRB. Issa, hemm lok li jiġi rrilevat li din id-dikjarazzjoni ma tikkorrispondix għall-kompetenza tas-SRB, fatt li barra minn hekk, issemma fl-istqarrija għall-istampa tiegħu tal‑31 ta’ Mejju 2017.

444

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-uffiċjal li “l-Presidenta tas-SRB iddikjarat li s-SRB kien qiegħed isegwi l-proċedura (Banco Popular) b’attenzjoni partikolari bil-ħsieb ta’ intervent possibbli”, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn ir-rimarki jirriproduċu s-sustanza ta’ dak li ddikjarat pubblikament il-Presidenta tas-SRB waqt l-intervista tagħha mal-kanal televiżiv Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju 2017, jiġifieri li l-Banco Popular kien “sorveljat”. Barra minn hekk, l-interpretazzjoni estensiva mogħtija lil dawn il-kummenti ġiet miċħuda mis-SRB fl-istqarrija għall-istampa tiegħu.

445

Fit-tielet lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ dan l-uffiċjal li l-offerta ta’ amalgamazzjoni tal-bank tista’ ma tkunx ta’ suċċess, mill-istess artiklu jirriżulta li Banco Popular nnifsu kien indika li kellha ttawwal id-data ta’ skadenza inizjalment iffissata għall‑10 ta’ Ġunju 2017 għas-sottomissjoni tal-offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

446

Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dikjarazzjoni li skontha, skont uffiċjal għoli tal-Unjoni li baqa’ anonimu, wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa kien wissa lill-uffiċjali tal-Unjoni li Banco Popular seta’ jeħtieġ riżoluzzjoni jekk ma jsibx xerrej, hemm lok li jiġi rrilevat li diversi artikli tal-istampa kienu diġà ssemmew matul Mejju, li l-Banco Popular kien f’diffikultà u li kienet beda proċedura ta’ bejgħ privat.

447

Għalhekk, mill-artiklu tal‑11 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com, iċċitat fil-punt 40 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-Presidenta ta’ Banco Popular ordnat il-bejgħ urġenti tal-bank minħabba riskju ta’ falliment. Ir-riferiment, fl-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017, għall-fatt li l-uffiċjali tal-Unjoni ġew infurmati minn “wieħed mis-superviżuri ewlenin tal-banek fl-Ewropa” jidher li jikkorrispondi għall-informazzjoni mogħtija f’dak l-artiklu, li skontu, minħabba riskju serju ta’ falliment, b’mod partikolari, minħabba t-telf kontinwu ta’ depożiti, il-Presidenta ta’ Banco Popular kienet kostretta timplimenta l-proċedura ta’ bejgħ sabiex jissodisfa r-rekwiżiti tal-BĊE. Barra minn hekk, artiklu tal‑15 ta’ Mejju 2017, ippubblikat fuq is-sit internet elconfidencial.com imsemmi fil-punt 41 iktar ’il fuq, kien jindika li l-pjan ta’ bejgħ ta’ Banco Popular kien ġie implimentat mill-President tiegħu wara l-ispezzjoni tal-BĊE.

448

B’hekk, il-fatt li l-Banco Popular kellu jaffaċċja riskju ta’ falliment jekk ma jsibx xerrej fi tmiem il-proċedura ta’ bejgħ li huwa kien beda kienet informazzjoni pubblika sa minn nofs Mejju tal-2017.

449

Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, il-kummenti tal-uffiċjal tal-Unjoni li baqa’ anonimu riprodotti f’dan l-artikolu ma fihomx informazzjoni kunfidenzjali relatata mal-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ Banco Popular, bħal dik imsemmija fil-premessa 116 tar-Regolament Nru 806/2014.

450

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li huwa kompitu tas-SRB jew tal-Kummissjoni li juru li l-Presidenta tas-SRB ma kinitx l-awtur tad-dikjarazzjonijiet irrappurtati f’dan l-artiklu.

451

Kif isostni s-SRB, ħafna persuni oħra minbarra l-membri tas-SRB jew l-uffiċjali tal-Kummissjoni x’aktarx li jagħmlu dawn il-kummenti, b’mod partikolari fid-dawl tal-possibbiltajiet għall-iskambju ta’ informazzjoni previsti fl-Artikolu 88(6) tar-Regolament Nru 806/2014.

452

Issa, anki jekk jiġi preżunt li l-kummenti msemmija f’dan l-artiklu joriġinaw minn żvelar minn uffiċjal tal-Unjoni, sakemm ma jkunx stabbilit li l-Presidenta tas-SRB hija responsabbli għall-iżvelar ta’ informazzjoni murija mill-artikli tal-istampa li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li tali oriġini tal-iżvelar ma tistax tiġi preżunta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2006, BASF vs Il‑Kummissjoni, T‑15/02, EU:T:2006:74, il-punt 605).

453

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki fil-każ li jkun verosimili li s-SRB seta’ kien fl-oriġini ta’ dan l-iżvelar, din l-eventwalità biss ma hijiex suffiċjenti, kif tallega r-rikorrenti, sabiex titfa’ fuqu l-piż ta’ prova kuntrarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ April 2006, Degussa vs Il‑Kummissjoni, T‑279/02, EU:T:2006:103, punt 412).

454

Barra minn hekk, il-fatt li dan l-artiklu jirrapporta l-allegat kliem tal-Presidenta tas-SRB ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi l-awtentiċità tagħhom, speċjalment peress li l-persuna li suppost tirrapporta dawn il-kliem ma hijiex hija stess identifikata. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-istqarrija għall-istampa tas-SRB tal-31 ta’ Mejju 2017, li l-kontenut tagħha qiegħed jitfakkar fil-punt 441 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi ċaħda tal-informazzjoni li tinsab f’dan l-artiklu.

455

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-allegati dikjarazzjonijiet tal-Presidenta tas-SRB ġew riprodotti f’artikli tal-istampa fl‑1 ta’ Ġunju 2017, li jinsabu fl-anness mar-rikors. Fil-fatt, dawn l-artikli ma jistabbilixxux li l-Presidenta tas-SRB għamlet dikjarazzjonijiet fil‑31 ta’ Mejju 2017. Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-estratt mill-artiklu bolsamania.com, tal‑1 ta’ Ġunju 2017 iċċitat mir-rikorrenti, sempliċement jirriproduċi l-kontenut tal-intervista mogħtija mill-Presidenta tas-SRB lill-istazzjon televiżiv Bloomberg fit‑23 ta’ Mejju u li l-estratt mill-artiklu tal-Financial Times tal‑1 ta’ Ġunju 2017 jirriproduċi l-kontenut tal-artiklu ta’ Reuters tal‑31 ta’ Mejju 2017.

456

Fl-assenza ta’ preżunzjoni li l-Presidenta tas-SRB kienet is-sors tad-dikjarazzjoni tal‑31 ta’ Mejju 2017, ma huwiex il-kompitu tal-Kummissjoni jew tas-SRB li juru li ma kinitx l-awtur tad-dikjarazzjoni.

457

Barra minn hekk, permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat proposta ta’ provi ġodda skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-proposta ta’ provi ġodda tirrigwarda żewġ ittri elettroniċi tas-SRB tal‑10 u t‑18 ta’ Awwissu 2017 dwar l-azzjonijiet meħuda mis-SRB sabiex jinvestiga l-iżvelar ta’ informazzjoni fl-istampa relatati mar-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. Ir-rikorrenti tiġġustifika d-dewmien fil-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti billi tindika li hija kellha aċċess għal dawn id-dokumenti wara d-deċiżjoni tas-SRB, tal‑24 ta’ Awwissu 2020, li jiġu żvelati dawn id-dokumenti, adottata skont id-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-SRB tal‑15 ta’ April 2020, dwar talba għal aċċess għal dokumenti mressqa minn parti terza. Hija tippreċiża li kellha aċċess għal dawn id-dokumenti f’Settembru 2020. Ir-rikorrenti tindika li dawn il-provi ġodda huma maħsuba sabiex isostnu l-argument li tqajjem fil-kuntest tat-tieni motiv u li dawn id-dokumenti juru n-nuqqas ta’ investigazzjoni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni fl-istampa fit‑23 ta’ Mejju 2017.

458

Il-Kummissjoni, is-SRB, ir-Renju ta’ Spanja u l-Kunsill isostnu li dawn id-dokumenti ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

459

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fl-ebda każ ma jista’ jiġi dedott mill-assenza ta’ investigazzjoni interna tas-SRB dwar id-dikjarazzjoni tal-Presidenta tiegħu fit‑23 ta’ Mejju 2017 jew dwar id-dikjarazzjoni li tat lok għall-artiklu tal‑31 ta’ Mejju 2017, prova tal-ksur minn dan tal-aħħar tal-obbligi tiegħu ta’ kunfidenzjalità. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-fatt li s-SRB ma wettaq l-ebda investigazzjoni interna dwar id-dikjarazzjonijiet, wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni, ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

460

Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda d-dokumenti ppreżentati f’din il-proposta ta’ provi ġodda bħala mhux rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima.

461

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.   Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) TUE

462

Ir-rikorrenti, bħala ex azzjonista ta’ Banco Popular, issostni li d-deċiżjoni tas-SRB, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, li twettaq żvalutazzjoni u tikkonverti l-azzjonijiet ta’ Banco Popular u li tbigħ lil dan tal-aħħar lil Banco Santander tikkostitwixxi restrizzjoni tad-dritt tagħha għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, li ma tosservax il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità prevista fl-Artikolu 52(1) tal-Karta u fl-Artikolu 5(4) TUE.

463

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 158 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 159 iktar ’il fuq, jistgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-eżerċizzju tad-dritt għall-proprjetà sakemm dawn ikunu previsti fit-testi applikabbli, meħtieġa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali u proporzjonali għal dak l-għan.

464

Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti ma tpoġġix f’dubju l-fatt li l-limitazzjoni tad-dritt tagħha għall-proprjetà li tirriżulta mill-iżvalutazzjoni u mill-konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular u mill-bejgħ ta’ dan tal-aħħar lil Banco Santander, deċiżi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, kienet prevista fit-testi applikabbli u kienet meħtieġa sabiex jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali. Hija sempliċement tpoġġi f’dubju l-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri fid-dawl tal-fatt li Banco Popular kien qiegħed jaffaċċja problema ta’ likwidità u tallega li s-SRB ma fittixx soluzzjonijiet oħra inqas restrittivi għad-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti.

465

Skont ġurisprudenza stabbilita, diġà msemmija fil punt 176 iktar ’il fuq, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, premess li, meta jkun hemm għażla bejn numru ta’ miżuri xierqa, għandha tiġi applikata dik li hija l-inqas oneruża, u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenzi tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota ta’ qabdiet ta’ pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Mejju 2021, Bayer CropScience u Bayer vs Il‑Kummissjoni, C‑499/18 P, EU:C:2021:367, punt 166 u l-ġurisprudenza ċċitata).

466

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li s-setgħa ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular, previsti fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 806/2014, hija l-konsegwenza tal-applikazzjoni tal-prinċipju, previst fl-Artikolu 15(1)(a) tal-istess regolament, li skontu l-azzjonisti tal-istituzzjoni suġġetta għal riżoluzzjoni huma l-ewwel li jġarrbu t-telf. Il-bejgħ ta’ Banco Popular lil Banco Santander huwa r-riżultat tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat prevista fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014.

467

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tar-raba’ motiv jirriżulta li l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jikkostitwixxux interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza stess tad-drittijiet għall-proprjetà tal-azzjonisti tal-entità kkonċernata minn miżura ta’ riżoluzzjoni, iżda għandhom jitqiesu bħala li jistabbilixxu restrizzjoni ġustifikata u proporzjonata fuq id-dritt għall-proprjetà tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(1) u 52(1) tal-Karta.

468

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet li miżura li tikkonsisti fi tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ bank Ċiprijott kienet proporzjonata mal-għan segwit minn dik il-miżura. Qabelxejn, hija rrilevat li din il-miżura kienet maħsuba sabiex tikkontribwixxi għar-rikapitalizzazzjoni tal-bank, u li kienet kapaċi tikkontribwixxi għall-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja Ċiprijotta u taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Sussegwentement, hija kkonstatat li din il-miżura ma qabżitx il-limiti ta’ dak li kien xieraq u neċessarju għall-kisba ta’ dan l-għan, peress li alternattivi inqas restrittivi ma kinux fattibbli jew ma kinux jippermettu l-kisba tar-riżultati mistennija. Finalment, qieset li, fid-dawl tal-importanza tal-għan segwit, il-miżura ma kinitx toħloq inkonvenjenzi sproporzjonati. F’dan ir-rigward, hija fakkret li l-azzjonisti tal-banek jassumu bis-sħiħ ir-riskju tal-investimenti tagħhom (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 330).

469

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma jistax jiġi kkunsidrat li t-tnaqqis fil-valur nominali tal-azzjonijiet ta’ dan il-bank kien jikkostitwixxi intervent sproporzjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza nnifisha tad-dritt għall-proprjetà tal-azzjonisti (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, K. Chrysostomides & Co. et vs Il‑Kunsill et, T‑680/13, EU:T:2018:486, punt 331).

470

Madankollu, f’dan il-każ, għandu jitfakkar li, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonstata li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, jiġifieri, fl-ewwel lok, li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, fit-tieni lok, li ma kien hemm l-ebda prospett raġonevoli ieħor li miżuri privati jew prudenzjali oħra jipprevjenu l-falliment tiegħu fi żmien raġonevoli u, fit-tielet lok, li miżura ta’ riżoluzzjoni fil-forma ta’ għodda ta’ bejgħ tal-operat ta’ Banco Popular kienet neċessarja fl-interess pubbliku. F’dan ir-rigward, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata għall-kisba ta’ żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-bank u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja. Fid-Deċiżjoni 2017/1246, il-Kummissjoni indikat li qablet mal-iskema ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari mar-raġunijiet mogħtija mis-SRB sabiex jiġġustifika n-neċessità ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni fl-interess pubbliku.

471

Sa fejn ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinux issodisfatti f’dan il-każ u, bħala azzjonist ta’ Banco Popular, kellha tassumi għalkollox ir-riskju tal-investimenti tagħha, hemm lok li jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ żvalutazzjoni u ta’ konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni ma tikkostitwixxix intervent spropozjonat u intollerabbli li jippreġudika s-sustanza stess tad-dritt għall-proprjetà tagħha, iżda għandha titqies bħala restrizzjoni ġustifikata u proporzjonata għad-dritt tagħha għall-proprjetà, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 17(1) u 52(1) tal-Karta.

472

L-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux ipoġġu f’dubju din il-konklużjoni.

473

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sssostni li l-iżvalutazzjoni tal-azzjonijiet u l-bejgħ ta’ Banco Popular kienu sproporzjonati peress li Banco Popular kien solventi u li dawn ma kinux jikkostitwixxu soluzzjonijiet xierqa għal problema ta’ likwidità. Hija tikkontesta li s-soluzzjoni alternattiva għar-riżoluzzjoni kienet proċedimenti ta’ insolvenza peress li Banco Popular kien solventi.

474

Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jitfakkar li mill-analiżi tal-ewwel ilment tat-tmien motiv jirriżulta li l-insolvenza ta’ Banco Popular ma kinitx kundizzjoni għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, sitwazzjoni li fiha entità ma tkunx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew tissoddisfa obbligazzjonijiet oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, li tikkorrispondi b’mod partikolari għal kriżi ta’ likwidità, hija waħda mill-ipoteżijiet li fihom dik l-entità titqies li tkun f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, prevista fl-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014.

475

Għalhekk, l-argumenti dwar il-fatt li Banco Popular kien solventi huma ineffettivi, sa fejn il-BĊE kkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, skont l-Artikolu 18(1)(a) u (4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu.

476

Fit-tieni lok, jeħtieġ jitfakkar li l-fatt li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u li ma kien hemm l-ebda miżura oħra li tista’ tipprekludi dan il-falliment f’terminu raġonevoli kienu jikkostitwixxu kundizzjonijiet għar-riżoluzzjoni tiegħu fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li tiddikjara r-rikorrenti, il-proċedimenti ta’ insolvenza kienu jikkostitwixxu l-unika alternattiva għar-riżoluzzjoni.

477

Fit-tielet lok, fl-Artikolu 5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB iġġustifika l-għażla tal-għodda tal-bejgħ tal-operat bħala għodda ta’ riżoluzzjoni. Is-SRB indika li din l-għodda kienet neċessarja u proporzjonata għall-għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan ewlieni tagħha l-protezzjoni tal-funzjonijiet kritiċi għall-funzjonament tal-ekonomija reali u l-preservazzjoni tal-istabbiltà finanzjarja.

478

B’mod partikolari, mill-Artikolu 5(3) tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, imsemmi fil-punt 339 iktar ’il fuq, jirriżulta li għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB indika r-raġunijiet għaliex l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet l-iktar għodda xierqa sabiex jiġu riżolti l-problemi ta’ likwidità ta Banco Popular.

479

Madankollu, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument li jpoġġi f’dubju dawk l-evalwazzjonijiet tas-SRB u sempliċement tiddikjara li, fil-fehma tagħha, is-separazzjoni tal-assi u l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja kienu jikkostitwixxu miżuri adegwati sabiex jissolvew il-problemi ta’ likwidità u terġa’ tinkiseb il-fiduċja fis-suq.

480

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tiddikjara li s-soluzzjoni għal problema ta’ likwidità kienet li tiġi pprovduta iktar likwidità. Hija tagħmel riferiment għar-rapporti tal-esperti annessi mar-rikors u għar-replika li skonthom, sabiex tissolva l-problema ta’ likwidità ta’ Banco Popular, kien possibbli li jittieħdu miżuri superviżorji, li tingħata assistenza ta’ likwidità b’urġenza jew li jingħata self, jew li tingħata assistenza ta’ likwidità ta’ tip ieħor. Hija ssostni li, skont dawn ir-rapporti, kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi oħra għall-azzjonisti, li kienu jippermettulhom li jżommu l-investiment kollu tagħhom jew parti minnu, u tagħmel riferiment għall-argumenti mqajma insostenn tat-tmien motiv.

481

Minn naħa, hemm lok li jitfakkar li mill-analiżi tat-tmien motiv jirriżulta li ma kinitx prevedibbli assistenza ta’ likwidità b’urġenza fiż-żmien tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li, billi s-SRB ma għandu l-ebda rwol fil-provvista ta’ assistenza ta’ likwidità b’urġenza, peress li taqa’ fil-kompetenza tal-banek ċentrali nazzjonali, ma kienx meħtieġ li jieħu inkunsiderazzjoni tali ipoteżi. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tispjegax għal liema miżuri superviżorji u forom oħra ta’ self jew ta’ assistenza ta’ likwidità hija tirreferi. Mill-analiżi tat-tmien motiv jirriżulta wkoll li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li s-soluzzjonijiet alternattivi li pproponiet kienu fattibbli.

482

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-paġni tar-rapport tal-esperti tas‑16 ta’ Settembru 2017 bit-titolu “Evalwazzjoni regolatorja u ekonomika”, li jinsab fl-anness tar-rikors li għalihom tagħmel riferiment ir-rikorrenti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li fihom biss analiżi purament teoretika tal-miżuri li għalihom, skont dak l-espert, is-SRB seta’ rrikorra sabiex tiġi evitata l-kriżi ta’ Banco Popular, bħall-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra jew in-notifika tal-awtoritajiet superviżorji. Dan l-espert jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq il-kunsiderazzjoni żbaljata li s-SRB seta’ jobbliga lill-Bank ta’ Spanja jipprovdi assistenza ta’ likwidità b’urġenza.

483

Fl-aħħar, fir-rigward tar-riferiment ġenerali tar-rikorrenti għar-rapport tal-esperti tat‑2 ta’ Diċembru 2018 intitolat “Evalwazzjoni regolatorja u ekonomika relatata mar-rapporti ta’ valutazzjoni u d-difiża tas-SRB” li jinsab fl-anness tar-replika, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza, ma huwiex id-dmir tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala bażi tar-rikors, peress li l-funzjoni tal-annessi hija waħda purament probatorja u strumentali (ara s-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, MasterCard et vs Il‑Kummissjoni, C‑382/12 P, EU:C:2014:2201, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑24 ta’ Settembru 2019, Il-pajjiżi l-Baxxi et vs Il‑Kummissjoni, T‑760/15 u T‑636/16, EU:T:2019:669, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

484

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tfittex bilanċ bejn l-interess pubbliku u d-dritt għall-proprjetà tagħha u ma kinitx tiddetermina jekk kienx hemm interess pubbliku sabiex tiġi mċaħħda mill-proprjetà tagħha jew jekk kinux jeżistu miżuri inqas restrittivi għad-dritt għall-proprjetà.

485

Jeħtieġ jitfakkar li, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014:

“Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, azzjoni ta’ riżoluzzjoni għandha tiġi ttrattata bħala fl-interess pubbliku jekk tkun neċessarja għall-kisba ta’ objettiv ta’ riżoluzzjoni wieħed jew aktar u hija proporzjonata magħhom kif speċifikat fl-Artikolu 14 u l-istralċ tal-entità skont proċedimenti normali ta’ insolvenza ma jilħaqx dawn l-objettivi ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt.”

486

Minn dan jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni ta’ interess pubbliku prevista fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ma kellux ifittex jekk kienx hemm “interess pubbliku li jċaħħadha mill-proprjetà tagħha”. Barra minn hekk, is-SRB ma kellux għalfejn jibbilanċja l-interess pubbliku u l-interess privat tal-azzjonisti.

487

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 164 iktar ’il fuq, għalkemm hemm interess pubbliku ċar li tiġi żgurata, fl-Unjoni kollha, protezzjoni qawwija u konsistenti tal-investituri, dan l-interess ma jistax jitqies li jipprevali fiċ-ċirkustanzi kollha, fuq l-interess pubbliku li jikkonsisti f’li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja.

488

Fir-replika, ir-rikorrenti żżid li s-SRB ma kienx ħejja lilu nnifsu skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u skont id-dmir ta’ diliġenza, fatt li pprekludih milli janalizza s-soluzzjonijiet eżistenti l-oħra u milli jagħżel l-iktar waħda xierqa u l-inqas waħda oneruża. Skont ir-rikorrenti, il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016, imħejji mis-SRB, billi ma vverifikax jekk l-istrateġija ta’ riżoluzzjoni proposta kinitx vijabbli, kien nieqes mill-informazzjoni u t-tħejjija neċessarji għall-eżami ta’ soluzzjonijiet oħra u kellu jiġi miċħud.

489

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, b’dawn l-argumenti, ir-rikorrenti tallega li s-SRB ma ppreparax il-miżura ta’ riżoluzzjoni u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir tiegħu ta’ diliġenza.

490

Kif tirrileva l-Kummissjoni, dawn l-argumenti mqajma għall-ewwel darba fir-replika għandhom jitqiesu inammissibbli skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

491

Fi kwalunkwe każ, dawn l-argumenti huma ineffettivi fir-rigward tad-determinazzjoni dwar jekk il-miżura ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB, ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 ġew issodisfatti, irriżultatx fi ksur sproporzjonat tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

492

Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

8.   Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta

493

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-Artikoli 17 u 41 tal-Karta, sa fejn adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, li wasslet għal ksur tad-drittijiet għall-proprjetà tagħha fl-azzjonijiet ta’ Banco Popular, mingħajr ma semagħha, la qabel u lanqas wara din l-adozzjoni. Seduta kienet tirrendi possibbli l-verifika dwar jekk kienx hemm jew le miżuri alternattivi privati, bħal żieda fil-kapital. Hija żżid li din ir-restrizzjoni ma hijiex prevista mil-liġi u ma hijiex proporzjonata, minħabba li l-urġenza ma tiġġustifikax l-assenza ta’ smigħ.

494

Preliminarjament, mill-analiżi tal-ħames motiv jirriżulta li l-fatt li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jipprovdix għas-smigħ tal-azzjonisti tal-entità koperta minn miżura ta’ riżoluzzjoni jikkostitwixxi limitazzjoni fuq id-dritt għal smigħ, minn naħa, li hija ġġustifikata minn għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri l-għan li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, li fih jipparteċipa wkoll l-għan intiż li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tal-entità, kif ukoll min-neċessità li tiġi adottata deċiżjoni malajr ladarba l-kundizzjonijiet tar-riżoluzzjoni jkunu ġew issodisfatti u, min-naħa l-oħra, li tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

495

Madankollu, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 225 u 226 iktar ’il fuq jirriżulta li r-rispett tad-dritt għal smigħ għandu japplika għal kwalunkwe proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju anki fejn ir-regoli applikabbli ma jipprovdux b’mod espliċitu għal tali formalità.

496

Qabelxejn, hemm lok li jitfakkar li l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mis-SRB fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha bħala l-għan tagħha r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. L-iskema ta’ riżoluzzjoni għandha destinatarja unika li hija l-FROB u Banco Popular għandu jitqies bħala l-persuna li fil-konfront tagħha ġiet adottata miżura individwali u li fir-rigward tagħha d-dritt għas-smigħ huwa ggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta.

497

Għalhekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti, bħala azzjonista ta’ Banco Popular, ma hijiex destinatarja tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ma hijiex deċiżjoni individwali adottata kontriha, u lanqas tad-Deċiżjoni 2017/1246 li tapprova din l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

498

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 806/2014, is-SRB eżerċita s-setgħa ta’ żvalutazzjon jew ta’ konverżjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular.

499

Għaldaqstant, il-proċedura segwita mis-SRB fl-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, anki jekk ma tikkostitwixxix proċedura individwali miftuħa kontra r-rikorrenti, tista’ twassal għall-adozzjoni ta’ miżura li tista’ taffettwa b’mod sfavorevoli l-interessi tagħhha bħala azzjonista ta’ Banco Popular.

500

Issa, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċċitata fil-punt 225 iktar ’il fuq, adottat interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għal smigħ bħala li huwa ggarantit lil kwalunkwe persuna matul il-proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju.

501

Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, iċċitat fil-punt 158 iktar ’il fuq, u l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 235 iktar ’il fuq, fil-każ li r-rikorrenti tkun tista’ tagħmel użu mid-dritt għal smigħ sanċit fil-Karta fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular, dak id-dritt jista’ jkun suġġett għal limitazzjonijiet. B’mod partikolari, l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ azzjonista ta’ Banco Popular, fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni, kemm jekk mis-SRB jew mill-Kummissjoni, setgħet tiġi ġġustifikata.

502

F’dan il-każ, fl-Artikolu 4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja u proporzjonata għall-kisba ta’ żewġ għanijiet previsti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja u tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular.

503

F’dan ir-rigward, fl-Artikolu 4.4.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB spjega li kien ikkonkluda li s-sitwazzjoni ta’ Banco Popular kienet qiegħda twassal għal riskju dejjem ikbar ta’ effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja fi Spanja, filwaqt li bbaża ruħu fuq diversi elementi. Fost dawn l-elementi kien hemm, fl-ewwel lok, id-daqs u l-importanza ta’ Banco Popular, li jikkostitwixxi l-kumpannija omm tas-sitt grupp bankarju ta’ Spanja, b’ammont totali ta’ assi ta’ EUR 147 biljun, u li ġiet indikata fl-2017 mill-Bank ta’ Spanja bħala istituzzjoni ta’ importanza sistematika. Is-SRB irrileva b’mod partikolari li Banco Popular kien wieħed mill-atturi prinċipali tas-suq fi Spanja, b’sehem sinjifikattiv mis-suq fis-segment tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u li kellu sehem relattivament għoli mis-suq tad-depożiti (kważi 6 %) u għadd kbir ta’ klijenti konsumaturi (madwar 1.4 miljun) madwar Spanja kollha. Fit-tieni lok, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni n-natura tal-operat ta’ Banco Popular, li kien imsejjes fuq attivitajiet bankarji kummerċjali u kien jiffoka prinċipalment fuq l-offerta tal-finanzjament, il-ġestjoni tat-tfaddil u s-servizzi lill-individwi, lill-familji u lill-impriżi (b’mod partikolari s-SMEs). Skont is-SRB, ix-xebh tal-mudell kummerċjali ta’ Banco Popular ma’ dak ta’ banek kummerċjali Spanjoli oħra jista’ jikkontribwixxi għall-potenzjal ta’ kontaġju indirett għal dawn il-banek, li jista’ jitqies li qiegħed jaffaċċja l-istess diffikultajiet.

504

Fl-Artikolu 4.4 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB identifika tliet funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular, fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat 2016/778, jiġifieri l-ġbir ta’ depożiti minn unitajiet domestiċi u korporazzjonijiet mhux finanzjarji, is-self lis-SMEs u s-servizzi ta’ ħlas bi flus kontanti.

505

Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet neċessarja fl-interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri li r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular kienet neċessarja sabiex jintlaħqu, b’mezzi proporzjonati, wieħed jew iktar mill-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 14 ta’ dak ir-regolament, filwaqt li l-istralċ tal-entità taħt proċedimenti normali ta’ insolvenza ma kinitx tippermetti dan sal-istess punt. Għalhekk, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet neċessarja u proporzjonata sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi tal-falliment ta’ Banco Popular fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tagħha.

506

Għalhekk, l-iskema ta’ riżoluzzjoni, sa fejn kienet maħsuba sabiex tippreżerva s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular u kienet tikkostitwixxi alternattiva għall-istralċ tiegħu, effettivament issodisfat għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri li tiġi żgurata l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, li, skont l-analiżi mwettqa fir-rigward tal-ħames motiv, jista’ jiġġustifika limitazzjoni għad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti.

507

Barra minn hekk, mill-analiżi tal-ħames motiv jirriżulta wkoll li, meta entità tissodisfa l-kundizzjonijiet neċessarji għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni, l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li għandha tiġi adottata deċiżjoni f’terminu qasir ħafna.

508

B’hekk, f’dan il-każ, mill-mument li l-BĊE kkonstata li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u s-SRB ikkunsidra li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 kienu ssodisfatti, il-mekkaniżmu tar-riżoluzzjoni kellu jiġi adottat mill-iktar fis possibbli.

509

Dan it-teħid rapidu ta’ deċiżjonijiet kien iġġustifikat min-neċessità li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi sinjifikattivi tas-sitwazzjoni ta’ Banco Popular fuq is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari billi jiġu evitati riskji ta’ kontaġju. F’dan il-każ, minħabba li l-falliment ta’ Banco Popular seħħ matul il-ġimgħa, kien neċessarju li tintemm il-proċedura u li tiġi adottata d-deċiżjoni qabel il-ftuħ tas-swieq fl-għodwa tas‑7 ta’ Ġunju 2017.

510

Kif enfasizzat mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:16), il-ħeffa li biha għandhom jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom dawn l-istituzzjonijiet u aġenziji tal-Unjoni hija neċessarja sabiex jiġi evitat l-impatt negattiv tar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni bankarja fuq is-swieq finanzjarji u din il-ħeffa, barra minn hekk, tobbligahom de facto li jkunu “ppreparaw” id-deċiżjoni qabel ma jniedu l-proċedura sabiex japprofittaw mill-għeluq tas-swieq tat-titoli.

511

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kellha tiġi adottata b’urġenza.

512

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi rrilevat li smigħ minn qabel tar-rikorrenti u ta’ azzjonjisti oħra ta’ Banco Popular, li jinfurmahom bl-eżistenza ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni imminenti, kien iwassal għal riskju li huma jadottaw aġir fis-suq li jiggrava s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Banco Popular. Tali smigħ għalhekk seta’ dgħajjef l-effettività tal-miżura ta’ riżoluzzjoni prevista.

513

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li s-smigħ tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni jew qabel l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2017/1246 kien iwassal għal tnaqqis sostanzjali fil-ħeffa tal-proċedura u, konsegwentement, ma kienx jippermetti l-kisba tal-għanijiet segwiti mill-iskema ta’ riżoluzzjoni u kien jikkomprometti l-effettività tagħha.

514

Issa, f’dan il-każ, mill-analiżi tat-tmien motiv jirriżulta li r-rikorrenti ma werietx li s-SRB kiser l-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014. Jirriżulta b’mod partikolari li r-rikorrenti ma wrietx li kienet f’pożizzjoni li tipproponi miżuri alternattivi li jistgħu jirrimedjaw il-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popolari u b’hekk jipprekludu r-riżoluzzjoni ta’ Banco Popular. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li ġie kkonstatat li ż-żieda fil-kapital, imsemmija mir-rikorrenti, ma kinitx tikkostitwixxi miżura alternattiva fattibbli, li tista’ tipprekludi l-falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular f’terminu raġonevoli.

515

Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax issostni li, kieku ngħatat l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ miżuri alternattivi ta’ natura privata matul il-proċedura, l-iskema ta’ riżoluzzjoni ma kinitx tiġi adottata.

516

Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jista’ jkun hemm smigħ, anki wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fil-fatt, tali smigħ ma jistax ibiddel il-kontenut tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li ipotetikament diġà daħlet fis-seħħ.

517

Minn dan li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-assenza ta’ smigħ tar-rikorrenti, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, tikkostitwixxi limitazzjoni għad-dritt għal smigħ li kienet iġġustifikata u neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan ta’ interess ġenerali u kienet tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

518

Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

9.   Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

519

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, kiser l-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014, id-dmir ta’ diliġenza u l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn, fl-ewwel lok, il-proċess tal-bejgħ sar mingħajr ma nkiseb l-ogħla prezz tal-bejgħ possibbli u, fit-tieni lok, il-valutazzjoni 2 ma ġietx stabbilita f’konformità mal-kriterji tas-suq. Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)   Fuq l-ewwel parti, relatata mal-proċess tal-bejgħ

520

Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular ma ppermettietx li jinkiseb l-ogħla prezz tal-bejgħ possibbli bi ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014. Hija ssostni, fl-ewwel lok, li l-proċedura ma kinitx kompetittiva u, fit-tieni lok, li l-proċedura kienet ivvizzjata minn irregolaritajiet.

521

Preliminarjament, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-proċedura ta’ bejgħ ma wasslitx għall-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ jikkostitwixxi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 li skontu:

“Meta jfittxu li jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Bord, l-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, għandhom ifittxu li jimminimizzaw il-kost tar-riżoluzzjoni u jevitaw id-distruzzjoni tal-valur ħlief jekk neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ riżoluzzjoni.”

522

Hemm lok li jiġi kkonstatat, bħalma għamlu l-Kummissjoni u Banco Santander, li l-għan li “jiġi mmassimizzat il-prezz tal-bejgħ” ma huwiex wieħed mill-għanijiet previsti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014. Għalhekk, din ma hijiex id-dispożizzjoni rilevanti sabiex issostni l-argumenti tar-rikorrenti dwar il-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ.

523

Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament Nru 806/2014, fir-rigward tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, ir-riżoluzzjoni tipprevedi:

“[L]-arranġamenti għall-kummerċjalizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni ta’ dik l-entità jew dawk l-istrumenti, l-assi, id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet skont l-Artikolu 39(1) u (2) tad-Direttiva 2014/59”.

524

L-Artikolu 39(2)(f) tad-Direttiva 2014/59, jipprovdi li l-bejgħ mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni, meta tapplika l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, huwa maħsub sabiex jimmassimizza, sa fejn possibbli, il-prezz tal-bejgħ tal-azzjonijiet jew titoli oħra ta’ proprjetà, assi, drittijiet jew obbligazzjonijiet ikkonċernati.

525

Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li l-proċedura ma saritx bil-garanziji kollha meħtieġa li jippermettu li jiġi mmassimizzat il-prezz tal-bejgħ ta’ Banco Popular.

526

Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, adottata fit‑3 ta’ Ġunju 2017, fejn ittieħed inkunsiderazzjoni d-deterjorament rapidu tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular, it-tnaqqis sinifikattiv fil-valur tal-azzjonijiet tagħha, kif ukoll l-effetti negattivi li l-falliment tal-bank jista’ jkollu fuq l-istabbiltà finanzjarja, is-SRB ikkunsidra li kellu jieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ikun jista’ jadotta miżura ta’ riżoluzzjoni hekk neċessarja u li l-effikaċja tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat kellha tiġi żgurata bil-għan li jiġu ggarantiti l-għanijiet tar-riżoluzzjoni. B’hekk, is-SRB approva l-bidu immedjat tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular mill-FROB u indika lil din tal-aħħar ir-rekwiżiti tal-bejgħ b’mod konformi mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

527

Fl-Artikolu 2(b) tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB indika li l-proċedura ta’ bejgħ kellha timmira li timmassimizza l-prezz tal-bejgħ, filwaqt li tqis il-ħtieġa li titwettaq riżoluzzjoni bil-ħeffa. Huwa speċifika wkoll li l-kriterju ewlieni għall-evalwazzjoni tal-offerti kien il-prezz offrut.

528

Sussegwentement, il-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular tmexxiet mill-FROB skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59 u tal-Liġi 11/2015. F’dan ir-rigward, il-FROB, fl-ittra ta’ proċedura adottata fis‑6 ta’ Ġunju 2017, fil-kuntest ta’ riżoluzzjoni possibbli ta’ Banco Popular, stieden lill-akkwirenti potenzjali sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ u sabiex jissottomettulu offerta għall-akkwist ta’ 100 % tal-kapital ta’ Banco Popular skont it-termini u l-kundizzjonijiet deskritti f’din l-ittra. Fl-ittra ta’ proċedura, il-FROB indika li l-prezz propost fl-offerti kellu jkun daqs jew ikbar minn EUR 1.

529

Fl-aħħar lok, fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB qies li l-isforz tal-kummerċjalizzazzjoni mwettaq fir-rigward ta’ Banco Popular mill-FROB qabel l-adozzjoni ta’ din l-iskema kien issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

530

Is-SRB irrileva li, fil-perijodu immedjatament qabel ir-riżoluzzjoni, Banco Popular kien wettaq proċedura ta’ bejgħ privat u li, fil-ġimgħa tad-29 ta’ Mejju 2017, kien deher li din il-proċedura kienet ser tfalli. Huwa indika li d-deċiżjoni li jiġi limitat l-isforz kummerċjali għall-banek li diġà esprimew interess ġenerali fl-akkwist ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59.

531

Is-SRB rrileva wkoll li, wara l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ mill-FROB, finalment, ġew mistiedna żewġ banek sabiex jipparteċipaw fil-bejgħ. Huwa semma li l-akkwirenti potenzjali kollha kienu avviċinati fl-istess data, kellhom aċċess għall-istess kamra virtwali tad-data, u li l-offerti tagħhom kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet u data ta’ skadenza.

532

Is-SRB finalment ikkonstata li, miż-żewġ akkwirenti potenzjali, kien irċieva offerta valida waħda u kkunsidra li, billi l-akkwirent kien l-uniku wieħed li ssottometta offerta, kien prudenti li jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu, u b’hekk jevita insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular, li, b’mod partikolari, setgħet tippreġudika l-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

533

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedimenti ma sarux għal perijodu ta’ żmien suffiċjenti u li ma kinux proċedimenti kompetittivi peress li twettqu mingħajr pubbliċità, trasparenza u numru suffiċjenti ta’ xerrejja potenzjali. Il-proċedura ta’ bejgħ privat kienet “riċiklata” mingħajr ma ġiet spjegata fl-iskema ta’ riżoluzzjoni. Il-banek fi Stati Membri oħra ġew esklużi u saret diskriminazzjoni kontrihom.

534

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li r-rekwiżiti tal-bejgħ u, b’mod partikolari, id-deċiżjoni li jiġi limitat l-għadd ta’ parteċipanti fil-proċedura ta’ bejgħ ma humiex inklużi fl-iskema ta’ riżoluzzjoni iżda fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni adottata qabel mis-SRB, fit‑3 ta’ Ġunju 2017.

535

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara sentenzi tas‑6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

536

Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li att intermedju lanqas ma jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’ċirkustanzi bħal dawn, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Stichting Woonpunt et vs Il‑Kummissjoni, C‑415/15 P, EU:C:2017:216, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

537

F’dan il-każ, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ stabbilita mill-FROB kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-FROB ħadet inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti li kienu ġew stabbiliti mis-SRB fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni. Minn dan jirriżulta li s-SRB, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, b’mod impliċitu kkonferma r-rekwiżiti tal-bejgħ li stabbilixxa huwa stess fid-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni.

538

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 806/2014, dwar intervent bikri, jipprovdi fil-paragrafu 3 tiegħu li:

“Il-Bord għandu s-setgħa jesiġi li l-istituzzjoni jew l-impriża prinċipali jikkuntattjaw lil xerrejja potenzjali bil-ħsieb li ssir it-tħejjija għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni, skont il-kriterji speċifikati fl-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59/UE u r-rekwiżiti ta’ segretezza professjonali msemmija fl-Artikolu 88 ta’ dan ir-Regolament.

[…]”

539

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni tikkostitwixxi att intermedju adottat mis-SRB bil-ħsieb tar-riżoluzzjoni potenzjali ta’ Banco Popular u li r-rikorrenti ma jistgħux jiġu preklużi milli jinvokaw l-illegalità li tivvizzja l-evalwazzjoni li tinsab f’dik id-deċiżjoni insostenn tar-rikors tagħhom kontra l-iskema ta’ riżoluzzjoni.

540

Fir-rigward tat-trasparenza tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, is-SRB indika li kwalunkwe żvelar pubbliku tal-bejgħ tal-bank għandu jiġi pospost bil-għan li jiġu evitati l-effetti negattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

541

Tali possibbiltà hija espressament prevista fl-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59, li jipprevedi li kwalunkwe divulgazzjoni pubblika tal-kummerċjalizzazzjoni tal-istituzzjoni li altrimenti tkun meħtieġa skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU 2014, L 173, p. 1) tista’ tiġi posposta skont l-Artikolu 17(4) jew (5) tal-imsemmi regolament.

542

Il-premessa 64 tad-Direttiva 2014/59 tindika f’dan ir-rigward li:

“Informazzjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni ta’ istituzzjoni li qed tfalli u n-negozjati ma’ akkwirenti potenzjali qabel l-applikazzjoni tal-għodda tal-bejgħ tan-negozju x’aktarx li tkun ta’ importanza sistemika. Sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja, id-divulgazzjoni lill-pubbliku ta’ din l-informazzjoni meħtieġa mir-[Regolament] (UE) Nru 596/2014 […] tista’ tiġi ttardjata saż-żmien meħtieġ sabiex tiġi ppjanata u strutturata r-riżoluzzjoni tal-istituzzjoni skont id-dewmien permess taħt ir-reġim tal-abbuż tas-suq.”

543

Minn dan isegwi li t-trasparenza tal-Artikolu 39(2)(a) tad-Direttiva 2014/59 għandha tiġi interpretata bħala li tikkonċerna l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ bejgħ u mhux il-miżuri possibbli li jħabbru din il-proċedura lill-pubbliku.

544

Fir-rigward tal-limitazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ biss lill-istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat mibdija minn Banco Popular, imsemmija fil-punt 33 iktar ’il fuq, is-SRB ipprovda, fl-Artikolu 2(a)(i) tad-deċiżjoni dwar il-kummerċjalizzazzjoni, għadd ta’ raġunijiet li jiġġustifikaw id-deċiżjoni tiegħu li jistieden lill-FROB sabiex tikkuntattja biss lil dawk il-ħames parteċipanti.

545

F’dan ir-rigward, is-SRB indika:

“Fir-rigward tal-għażla tal-akkwirenti individwali li għandhom jiġu avviċinati, il-FROB għandha f’kull każ tikkuntattja numru suffiċjenti ta’ akkwirenti, wara tfittxija tal-interess tas-suq sabiex jinvestu fl-attivitajiet tal-bank. Fid-dawl tan-neċessità li tiġi ffinalizzata l-proċedura ta’ bejgħ f’terminu ta’ żmien qasir ħafna, l-interess muri waqt il-proċedura ta’ bejgħ privat jipprovdi informazzjoni dwar l-analiżi tal-interess tas-suq. Matul il-proċedura ta’ bejgħ privat, ġew ikkuntattjati diversi offerenti potenzjali li joperaw fis-swieq Spanjoli u internazzjonali. Ħames partijiet biss esprimew l-interess inizjali tagħhom u għalhekk ġew mistiedna jissottomettu offerti mhux vinkolanti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

Il-FROB għandha tikkuntattja l-ħames partijiet li ġew mistiedna jissottomettu offerti fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat.

Il-kuntatt ma’ dawn il-ħames partijiet huwa ġġustifikat minn raġunijiet ta’ stabbiltà finanzjarja u mir-riskju sostanzjali li l-kummerċjalizzazzjoni f’ċirku usa’ ta’ akkwirenti potenzjali, l-iżvelar tar-riskji u l-evalwazzjonijiet jew l-identifikazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi u mhux kritiċi tal-bank jirriżultaw f’iktar inċertezza u f’telf tal-fiduċja fis-suq. Barra minn hekk, il-kuntatt ma’ għadd ikbar ta’ akkwirenti jista’ jżid il-probabbiltà ta’ ħruġ u, għaldaqstant, ir-riskju li l-bank jista’ jkun is-suġġett ta’ riżoluzzjoni fi żmien qasir ħafna.

Barra minn hekk, minħabba l-urġenza u ż-żmien limitat ħafna li għandu jkun disponibbli għall-proċedura ta’ dwar il-kummerċjalizzazzjoni, l-istedina ta’ iktar parteċipanti żżid il-kumplessità tal-proċedura. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni riċevuta mingħand il-Bank, huwa dubjuż jekk l-offerenti li għadhom ma esprimewx interess fil-proċedura ta’ bejgħ privat humiex sejrin jissottomettu offerti.

Skont l-Artikolu 24(3) tar-regolament, is-SRB għandu jipprova jilħaq bilanċ bejn ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni u n-neċessità li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, is-SRB sejjer iwarrab parzjalment ir-rekwiżiti ta’ kummerċjalizzazzjoni, minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi u, b’mod partikolari, it-theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tirriżulta mill-falliment tal-bank u mill-fatt li l-konformità man-neċessità ta’ kuntatt ma’ firxa usa’ ta’ akkwirenti tipperikola wkoll l-effettività tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.”

546

Hemm lok li jiġi rrilevat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tad-Direttiva 2014/59 jindika li, dment li ma jiġux ippreferuti indebitament l-akkwirenti potenzjali u li ma ssirx diskriminazzjoni, il-prinċipji previsti fl-istess paragrafu ma jipprekludux lill-awtorità ta’ riżoluzzjoni milli tavvicina ċerti akkwirenti potenzjali b’mod partikolari.

547

Konsegwentement, id-deċiżjoni tas-SRB li jitlob lill-FROB sabiex tikkuntattja biss lill-ħames istituzzjonijiet li kienu pparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ privat hija konformi ma’ din id-dispożizzjoni.

548

Ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż li juri li l-limitazzjoni tan-numru ta’ akkwirenti potenzjali għall-ħames parteċipanti fil-proċedura ta’ bejgħ privat ma kinitx tippermetti kompetizzjoni reali fuq il-prezzijiet bejniethom.

549

F’dan ir-rigward, is-SRB ma jistax jinżamm responsabbli għaċ-ċirkustanzi li seħħew matul il-proċedimenti, jiġifieri li erba’ mill-ħames parteċipanti rrinunzjaw milli jippreżentaw offerta vinkolanti u li l-unika offerta vinkolanti ppreżentata kienet tipproponi prezz tax-xiri ta’ EUR 1.

550

Barra minn hekk, din id-deċiżjoni jidher li hija bbażata fuq kriterju oġġettiv, jiġifieri l-interess muri minn dawn l-impriżi għax-xiri ta’ Banco Popular, u kienet iġġustifikata mit-terminu ta’ żmien qasir ħafna li fih kellha tintemm il-proċedura ta’ bejgħ. Kif enfasizza s-SRB, it-twessigħ tal-proċedura sabiex jiġi inkluż għadd ikbar ta’ parteċipanti kien jinvolvi riskju ta’ dewmien tal-proċedura, iżda jżid ukoll ir-riskji ta’ żvelar dwar is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular u għalhekk riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

551

Konsegwentement, ma għandhiex raġun ir-rikorrenti ssostni li din il-proċedura kienet diskriminatorja. Id-deċiżjoni li jiġu indirizzati biss dawk l-istituzzjonijiet li kienu wrew interess fl-akkwist ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-proċedura ta’ bejgħ privat, fil-prinċipju, ma kinitx teskludi istituzzjonijiet minn Stati Membri oħra.

552

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ bejgħ privat kienet miftuħa għal kwalunkwe operatur Spanjol jew internazzjonali. Ir-rikorrenti ma tispjegax għaliex istituzzjonijiet Spanjoli jew barranin oħra li ma kinux urew l-interess tagħhom fl-akkwist ta’ Banco Popular fiż-żmien tal-proċedura ta’ bejgħ privat kienu ser ikunu interessati ftit ġimgħat wara, fl-istadju tal-bidu tal-proċedura mill-FROB. Barra minn hekk, peress li l-informazzjoni pubblika kollha dwar l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ bejgħ hija eskluża, ir-rikorrenti ma tispjegax abbażi ta’ liema kriterji mhux diskriminatorji setgħu ġew ikkuntattjati operaturi oħra.

553

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-proċedura ta’ bejgħ ma kinitx kompetittiva.

554

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura kienet ivvizzjata minn irregolaritajiet li wasslu għal prezz tal-bejgħ mhux realistiku. Il-FROB iffirmat ftehimiet ta’ kunfidenzjalità ma’ xerrejja potenzjali qabel ma ġie ddikjarat li Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ u għalhekk il-proċedura ta’ riżoluzzjoni kienet bdiet qabel ma ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet. Hija tirrileva li Banco Santander issottometta l-offerta tiegħu fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fit-3:12 a.m., meta l-proċedura kompetittiva kienet intemmet.

555

Fir-rigward tal-iżvolġiment tal-proċedura, għandu jitfakkar ukoll li, fost il-ħames akkwirenti potenzjali kkuntattjati mill-FROB, tnejn iddeċidew li ma jipparteċipawx fil-proċedura ta’ bejgħ u wieħed kien ġie eskluż mill-BĊE għal raġunijiet prudenzjali. Fl‑4 ta’ Ġunju 2017, iż-żewġ akkwirenti potenzjali li kienu ddeċidew li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ, Banco Santander u BBVA, iffirmaw ftehim ta’ nondivulgazzjoni u, fil‑5 ta’ Ġunju 2017, kellhom aċċess għall-kamra virtwali tad-data. Fis‑6 ta’ Ġunju 2017, il-FROB bagħtilhom l-ittra ta’ proċedura kif ukoll l-ftehim tax-xiri u tal-bejgħ (Sale and Purchase Agreement). Permezz tal-ittra tas‑6 ta’ Ġunju 2017, il-BBVA infurmat lill-FROB li kienet iddeċidiet li ma tissottomettix offerta.

556

Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2017, il-FROB informa lis-SRB bir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ u indikat li Banco Santander kien issottometta offerta fis-7 ta’ Ġunju fit-3:12 a.m., u li l-prezz offrut minn Banco Santander għall-bejgħ tal-azzjonijiet ta’ Banco Popular kien ta’ EUR 1. Il-FROB ippropona li Banco Santander, fil-kwalità tiegħu ta’ offerent rebbieħ fil-proċedura kompetittiva ta’ bejgħ ta’ Banco Popular, jinħatar bħala l-akkwirent ta’ Banco Popular fl-iskema ta’ riżoluzzjoni.

557

Fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkunsidra li l-proċedura ta’ bejgħ immexxija minn FROB fir-rigward ta’ Banco Popular kienet issodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 806/2014 moqri flimkien mal-Artikolu 39 tad-Direttiva 2014/59 u aċċetta l-proposta ta’ FROB li Banco Santander jinħatar bħala akkwirent ta’ Banco Popular.

558

Barra minn hekk, fl-ittra ta’ proċedura, il-FROB kien stabbilixxa skeda għall-iżvolġiment tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular. Din l-iskeda kienet tipprevedi li l-offerti vinkolanti kellhom jiġu ppreżentati sa mhux iktar tard mis‑6 ta’ Ġunju 2017 f’nofsillejl. Din l-iskeda kienet tindika wkoll għas‑7 ta’ Ġunju 2017, fis-1.00 a.m., li jsiru kuntatti mal-offerenti sabiex tiġi ffinalizzata l-proċedura u tintgħażel l-offerta; kellha mbagħad issir, fil-5:30 a.m., l-iskema ta’ riżoluzzjoni tas-SRB skont il-każ) u l-eżekuzzjoni tal-ftehim tax-xiri u tal-bejgħ, fis-6:30 a.m., l-att tal-eżekuzzjoni ta’ FROB u, fis-7:00 a.m., l-għeluq u t-tħabbir tat-tranżazzjoni.

559

Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax liema dispożizzjoni kienet inkisret bil-fatt li l-FROB beda l-proċedura ta’ bejgħ qabel ma Banco Popular ġie ddikjarat f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, lanqas x’kien l-impatt fuq il-prezz tal-bejgħ.

560

Barra minn hekk, kieku l-FROB kien kellu jistenna sakemm Banco Popular jiġi ddikjarat li huwa f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ sabiex tibda l-proċedura ta’ bejgħ, kieku din ma kinitx tkun tista’ titwettaq fi żmien suffiċjenti sabiex jiġi evitat l-istralċ ta’ Banco Popular u ma kienx ikun possibbli li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni.

561

Kif jindika Banco Santander, l-iskop tal-iskeda tal-proċedura ta’ bejgħ stabbilita fl-ittra ta’ proċedura kien li jippermetti l-konklużjonijiet tal-formalitajiet kollha fis‑7 ta’ Ġunju 2017 fis-7:00 a.m., sabiex Banco Popular ikun jista’ jopera normalment wara l-ftuħ tas-swieq, b’mod partikolari, sabiex jiġi evitat tfixkil tal-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

562

Peress li Banco Santander kien l-uniku parteċipant fil-proċedura li ppreżenta offerta definittiva u li kien ċert, wara t-tħabbira ta’ BBVA, li l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet l-oħra mistiedna sabiex jipparteċipaw fil-proċedura ta’ bejgħ ma kienet ser tippreżenta offerta, il-FROB aċċetta din l-offerta, anki jekk din ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ proċedura.

563

Barra minn hekk, mill-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li:

“Il-Bord għandu japplika l-għodda tal-bejgħ ta’ operat mingħajr ma jissodisfa r-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni stipulati fil-punt (e) tal-paragrafu 2 meta jiddetermina li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx timmina xi wieħed jew aktar mill-objettivi ta’ riżoluzzjoni u b’mod partikolari jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

iqis li hemm theddida materjali għall-istabbiltà finanzjarja li tinħoloq jew tiġi aggravata mill-falliment u l-falliment possibbli tal-istituzzjoni taħt ir-riżoluzzjoni; u

b)

jqis li l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti x’aktarx thedded l-effettività tal-għodda tal-bejgħ ta’ operat fl-indirizzar ta’ dik it-theddida jew biex jintlaħaq l-objettiv ta’ riżoluzzjoni speċifikat fil-punt (b) tal-Artikolu 14(2).”

564

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, kif indikat fil-punt 533 iktar ’il fuq, li, fl-Artikolu 6.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB irrileva li, peress li l-akkwirent kien l-uniku wieħed li ppreżenta offerta, kien prudenti li jaċċetta l-kundizzjonijiet tiegħu, u b’hekk jevita insolvenza mhux ikkontrollata ta’ Banco Popular, li, b’mod partikolari, setgħet tippreġudika l-funzjonijiet kritiċi tiegħu.

565

Fil-fatt, li kieku s-SRB ma aċċettatx il-proposta ta’ FROB li Banco Santander jinħatar bħala akkwirent ta’ Banco Popular, dan tal-aħħar kien jiġi stralċjat. Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi tal-ħames motiv, skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament Nru 806/2014, stralċ ta’ Banco Popular skont proċedura normali ta’ insolvenza ma kienx jippermetti li jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 14 tal-istess regolament bl-istess mod bħar-riżoluzzjoni. B’mod partikolari, ġie kkonstatat li r-riżoluzzjoni kienet neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet li tiġi żgurata l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi ta’ Banco Popular u li jiġu evitati effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-istabbiltà finanzjarja.

566

Il-FROB bagħat lis-SRB, ir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ ta’ Banco Popular f’terminu suffiċjenti sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni u jittrażmettiha lill-Kummissjoni fil‑5:13 a.m. tas‑7 ta’ Ġunju 2017. B’hekk, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha li tippermetti d-dħul fis-seħħ tal-iskema ta’ riżoluzzjoni fis-6:30 a.m. fl-istess ġurnata. L-iżvolġiment tal-proċedura għalhekk ippermetta lil FROB jikkonkludi l-formalitajiet kollha u li jagħlaq il-bejgħ qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-ittra ta’ proċedura, jiġifieri qabel is‑7 ta’ Ġunju 2017 fis-7:00 a.m.

567

Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li Banco Santander, kieku kienet taf li kienet l-unika waħda li ssottomettiet offerta, kienet toffri l-prezz minimu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq allegazzjoni mhux sostnuta li Banco Santander ġiet infurmata li kienet l-uniku offerenti qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ bejgħ tal-FROB.

568

Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-proċedura ta’ bejgħ kienet ivvizzjata minħabba irregolaritajiet u ma tistax targumenta li l-iżvolġiment tal-proċedura ma wassalx għall-massimizzazzjoni tal-prezz tal-bejgħ.

569

Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel parti tiġi miċħuda.

b)   Fuq it-tieni parti, dwar il-valutazzjoni 2

570

Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li l-valutazzjoni 2 hija żbaljata u li s-SRB kiser l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014 u l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu.

571

It-tieni parti hija maqsuma, essenzjalment, f’ħames ilmenti. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu sa fejn il-valutazzjoni 2 ma ġietx mehmuża mal-iskema ta’ riżoluzzjoni. Fit-tieni lok, hija ssostni wkoll li s-SRB kiser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014 sa fejn il-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika”. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-valutazzjoni 2 ma kinitx affidabbli, billi Deloitte rrikonoxxiet li din kienet ibbażata fuq informazzjoni insuffiċjenti. Hija ssostni li l-valorizzazzjoni 2 tista’ tkun affidabbli biss jekk tkun ikkompletata b’valutazzjoni definittiva. Fit-tielet lok, hija tikkontesta l-metodu użat fil-valutazzjoni 2. Fir-raba’ lok, hija ssostni li l-valutazzjoni 2 kienet f’kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1 u mal-fatt li Banco Popular kien meqjusa bħala solventi, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-valur tas-suq ta’ Banco Popular u li inkorporat l-ilqugħ għat-telf mingħajr ġustifikazzjoni. Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-rapport tal-esperti tat‑2 ta’ Diċembru 2018, dwar il-valutazzjoni 2, mehmuż fl-anness tar-replika (iktar ’il quddiem “ir-rapport tal-esperti”), il-valutazzjoni 2 fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

572

F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular, imwettqa qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, tinkludi żewġ rapporti li huma annessi mal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

573

Il-valutazzjoni 1, datata l‑5 ta’ Ġunju 2017, ġiet redatta mis-SRB skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014 u kellha bħala l-għan tagħha li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet tal-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni, kif iddefiniti fl-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

574

Il-valutazzjoni 2, datata s‑6 ta’ Ġunju 2017, tfasslet minn Deloitte, bħala espert indipendenti skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

575

L-iskema ta’ riżoluzzjoni tindika li, fid-dawl tal-urġenza, il-valutazzjoni 2, imwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014, kellha l-għan li tistma l-valur tal-assi u tal-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular, li tipprovdi stima dwar it-trattament li minnu kienu jibbenefikaw l-azzjonisti u l-kredituri li kieku Banco Popular kien is-suġġett ta’ proċedimenti normali ta’ insolvenza, kif ukoll li tipprovdi l-elementi li jippermettu li tittieħed id-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet u t-titoli ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

576

Fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet ibbażat ruħha fuq ir-rekwiżiti tal-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014) u fuq il-Kapitolu 3 tal-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-EBA Nru 2017/05 u Nru 2017/06, tat‑23 ta’ Mejju 2017, fuq il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni u fuq valutazzjoni maħsuba sabiex tiġi ddeterminata d-differenza fit-trattament wara r-riżoluzzjoni prevista fid-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem “l-istandards tekniċi tal-EBA”).

577

L-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59 jawtorizza lill-EBA sabiex tfassal abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji intiżi li jispeċifikaw il-kriterji li abbażi tagħhom għandhom jitwettqu l-valutazzjonijiet imwettqa fi proċedura ta’ riżoluzzjoni.

578

Il-Kapitolu 3 tal-istandards tekniċi tal-EBA huwa relatat mal-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji Nru 2017/05 dwar il-valutazzjoni għall-finijiet tar-riżoluzzjoni (iktar ’il quddiem l-“istandards tekniċi regolatorji”) u jinkludi, b’mod partikolari, f’konformità mal-Artikolu 36(15) tad-Direttiva 2014/59, abbozz ta’ regolament delegat tal-Kummissjoni li jikkompleta d-Direttiva 2014/59 bi standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji tal-metodu li għandu jintuża sabiex jiġi vvalutat il-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet jew ta’ entitajiet.

579

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, l-istandards tekniċi regolatorji ma kinux vinkolanti, sa fejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li s-SRB, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istandards tekniċi regolatorji u ta’ infurzar vinkolanti mfassla mill-EBA meta ġew adottati mill-Kummissjoni. Dawn l-istandards tekniċi regolatorji ġew inkorporati fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/345 tal‑14 ta’ Novembru 2017, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kriterji li għandhom x’jaqsmu ma’ metodoloġija għall-valutazzjoni tal-valur tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet jew l-entitajiet (ĠU 2018, L 67, p. 8).

580

Fl-Artikolu 6.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li, meta kien qiegħed jiddeċiedi dwar l-iżvalutazzjoni u l-konverżjoni ta’ strumenti kapitali ta’ Banco Popular, huwa bbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, kif ikkompletata u kkorroborata mir-riżultati tal-proċedura ta’ bejgħ immexxija mill-FROB.

581

Peress li l-valutazzjoni 2 tinkludi evalwazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi kumplessi, jeħtieġ li s-SRB jiġi rrikonoxxut b’setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta qies li l-valutazzjoni 2 kienet tikkostitwixxi bażi valida għad-deċiżjoni tal-miżuri ta’ riżoluzzjoni.

582

Għaldaqstant, b’applikazzjoni tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 114 sa 119 iktar ’il fuq, l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa stħarriġ ristrett li huwa limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tas-SRB meta kkunsidra li l-valutazzjoni 2 kienet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014. Hija r-rikorrenti li għandha tipproduċi provi suffiċjenti sabiex iċaħħad il-valutazzjoni 2 minn kull plawżibbiltà.

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

583

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni sa fejn il-valutazzjoni 2 ma kinitx mehmuża mal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li l-aċċess mogħti wara verżjoni ċċensurata ta’ dik il-valutazzjoni ma wassalx għat-tmiem ta’ dak il-ksur. Hija tqis li assenza ta’ motivazzjoni ma tistax tiġi regolarizzata wara li l-preżentata tar-rikors.

584

Jeħtieġ li jitfakkar li l-valutazzjoni 2 ġiet ippubblikata fuq is-sit internet tas-SRB fit‑2 ta’ Frar u fil‑31 ta’ Ottubru 2018, f’verżjonijiet inqas u inqas ridotti.

585

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fir-replika, wara dawn il-pubblikazzjonijiet, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument dwar motivazzjoni insuffiċjenti għall-valutazzjoni 2. Hija tiddikjara sempliċement li l-aċċess għal verżjoni mhux kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2 ma nnewtralizzax il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

586

Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-pubblikazzjonijiet suċċessivi fuq is-sit internet tas-SRB jikkonċernaw l-iskema ta’ riżoluzzjoni u l-valutazzjonijiet 1 u 2 fil-verżjonijiet oriġinali tagħhom. Dawn il-pubblikazzjonijiet kienu maħsuba sabiex jagħtu lill-pubbliku aċċess usa’ għal dawn id-dokumenti li oriġinarjament kienu kkunsidrati kunfidenzjali.

587

Ma kienx kompitu tas-SRB li jippubblika informazzjoni li oriġinarjament ma kinitx inkluża fl-iskema ta’ riżoluzzjoni jew fil-valutazzjonijiet 1 u 2 u li kienet maħsuba sabiex tissupplimenta l-motivazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti, b’dan l-argument, toħloq konfużjoni bejn il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjoni, jiġifieri l-fatt li motivazzjoni ssir pubblika, u l-fatt li l-motivazzjoni tiġi kkompletata minn elementi addizzjonali li ma kinux inklużi fid-deċiżjoni fiż-żmien tal-adozzjoni tagħha.

588

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

2) Fuq it-tieni lment, dwar l-affidabbiltà tal-valutazzjoni 2

589

Ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 ma kinitx affidabbli, billi Deloitte rrikonoxxiet li kienet ibbażata fuq informazzjoni insuffiċjenti.

590

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-ittra li takkumpanja l-komunikazzjoni tal-valutazzjoni 2 lis-SRB, Deloitte indikat li, minħabba l-pożizzjoni ta’ likwidità diffiċli ta’ Banco Popular, kienet ġiet mistiedna twettaq il-valutazzjoni tagħha fi żmien qasir ħafna. Ix-xogħol ewlieni kien limitat għal tnax-il jum mill-jum li fih hija kellha aċċess għad-dokumentazzjoni, meta tali proġett kellu normalment jieħu sitt ġimgħat. Deloitte rrilevat li kien hemm għadd ta’ lakuni u inkonsistenzi fost l-informazzjoni disponibbli. Hija semmiet li l-valutazzjoni kellha titqies bħala inċerta u provviżorja ħafna skont l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/59 u li ġie inkluż ilqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59, li jikkorrispondi għall-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

591

L-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi espressament għall-ipoteżi li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma huwiex possibbli li jiġu osservati r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 7 u 9 ta’ dak l-artikolu, jiġifieri b’mod partikolari l-każ fejn ma jkunx possibbli li titlesta l-valutazzjoni permezz ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fil-kotba u r-reġistri tal-kontabbiltà. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ inċertezzi inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja billi tipprovdi, fit-tieni subparagrafu tagħha, li din tal-aħħar tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali.

592

B’hekk, skont din id-dispożizzjoni, Deloitte sempliċement iddikjarat li, minħabba ż-żmien limitat disponibbli sabiex issir il-valutazzjoni, hija kellha tibbaża ruħha fuq informazzjoni mhux kompluta. Hija speċifikat li l-valutazzjoni li kienet wettqet kellha titqies bħala valutazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59.

593

Barra minn hekk, mill-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014 jirriżulta li, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq il-valutazzjoni 2, imwettqa skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 sabiex jadotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni, fatt li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti.

594

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, minħabba l-limitazzjonijiet ta’ żmien u l-informazzjoni disponibbli, ċerti inċertezzi u approssimazzjonijiet huma inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa skont l-Artikolu 20(10), tar-Regolament Nru 806/2014 u li r-riżervi fformulati minn Deloitte ma jistgħux ifissru li l-valutazzjoni 2 ma kinitx “ġusta, prudenti u realistika” fis-sens tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

595

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 tista’ tkun affidabbli biss jekk tkun ikkompletata b’valutazzjoni definittiva. Madankollu, is-SRB ikkonferma li ma kien hemm l-ebda valutazzjoni definittiva ex post.

596

F’dan ir-rigward, fit‑30 ta’ Lulju 2018, bi tweġiba għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-SRB indika li l-valutazzjoni 2 ma kinitx ser tiġi segwita minn valutazzjoni definittiva ex post. Is-SRB ikkunsidra li, minħabba l-pekuljaritajiet tal-każ preżenti, kien wasal għall-konklużjoni li valutazzjoni definittiva ex post ma kienet ser isservi ebda għan prattiku fil-kuntest tal-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014, u lanqas ma kienet ser twassal għal deċiżjoni ta’ kumpens skont l-Artikolu 20(12), tal-istess regolament.

597

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-valutazzjoni definittiva ex post prevista fl-Artikolu 20(11) tar-Regolament Nru 806/2014 hija, skont id-definizzjoni, sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

598

Barra minn hekk, kif indikat fil-punt 594 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 20(13) tar-Regolament Nru 806/2014, valutazzjoni provviżorja bħall-valutazzjoni 2 tikkostitwixxi bażi valida għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

599

Huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata skont punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (ara s-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2015, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Kummissjoni, C‑398/13 P, EU:C:2015:535, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li ma jistgħux jiġu kkunsidrati, matul l-evalwazzjoni tal-legalità ta’ dan l-att, elementi posterjuri għad-data ta’ meta l-att tal-Unjoni ġie adottat (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Si.mobil vs Il‑Kummissjoni, T‑201/11, EU:T:2014:1096, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

600

Minn dan jirriżulta li l-fatt li ssir jew le valutazzjoni definittiva ex post, li tkun manifestament wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

601

Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

3) Fuq it-tielet ilment, dwar il-metodu użat fil-valutazzjoni 2

602

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li Deloitte, fil-valutazzjoni 2, kienet telqet mill-prinċipju li l-valutazzjoni ta’ Banco Popular kellha ssir fil-kuntest ta’ xenarju ta’ stralċ, li jimplika l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 20(16) u (17) tar-Regolament Nru 806/2014 u li jikkostitwixxi żball manifest u li huwa kuntrarju għall-Artikolu 20(8) ta’ dak ir-regolament. Hija tqis li l-valutazzjoni 2 ma tistax tapplika l-kriterju tal-valur ta’ likwidazzjoni tal-bank, li huwa l-kriterju rilevanti għall-valutazzjoni 3, li hija valutazzjoni separata mill-valutazzjoni 2.

603

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li dan l-argument huwa bbażat fuq fehim żbaljat tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2. Fil-fatt, il-valutazzjoni 2 għandha żewġ partijiet, l-ewwel waħda li fiha l-valutazzjoni provviżorja ta’ Banco Popular u t-tieni waħda li tikkonsisti f’simulazzjoni ta’ xenarju ta’ stralċ. L-ewwel parti hija intiża li tiddetermina l-valur ekonomiku ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat. It-tieni parti għandha tiddetermina jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie stralċjat fil-kuntest ta’ proċedura normali ta’ insolvenza skont il-liġi Spanjola.

604

Is-SRB adotta l-iskema ta’ riżoluzzjoni billi ħa inkunsiderazzjoni l-ewwel parti tal-valutazzjoni 2 li fiha l-valutazzjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular fil-veru sens tal-kelma. Għall-kuntrarju, billi Deloitte speċifikat li la kellha l-informazzjoni kollha neċessarja u lanqas żmien suffiċjenti sabiex tagħmel stima iktar minn sempliċement indikattiva f’dan l-istadju, it-tieni parti tal-valutazzjoni 2 tikkorrispondi għall-ewwel simulazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 20(9) tar-Regolament Nru 806/2014. Il-valutazzjoni 3, li hija l-valutazzjoni definittiva sabiex jiġi ddeterminat jekk l-azzjonisti u l-kredituri kinux jibbenefikaw minn trattament aħjar kieku Banco Popular kien ġie stralċjat skont proċedura normali ta’ insolvenza, skont l-Artikolu 20(16) tar-Regolament Nru 806/2014, twettqet wara r-riżoluzzjoni.

605

Issa, il-valur ta’ likwidazzjoni, li r-rikorrenti jikkontestaw l-użu tiegħu minn Deloitte, jikkorrispondi għat-tieni parti tal-valutazzjoni 2. Fil-kuntest tal-ewwel parti, Deloitte ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tal-operat ta’ Banco Popular.

606

Fir-rigward tal-metodoloġija użata, Deloitte indikat, fil-valutazzjoni 2, li x-xenarju użat għad-determinazzjoni tal-valur ekonomiku kien il-bejgħ tal-bank skont l-għodda ta’ bejgħ tal-operat. Skont l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2004, il-valutazzjoni kienet intiża li tipprovdi elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-assi, id-drittijiet, l-impenji jew it-titoli l-oħra ta’ proprjetà li għandhom jiġu ttrasferiti, u li tipprovdi l-elementi li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-Artikolu 24(2)(b) tal-istess regolament.

607

Deloitte spjegat li “l-valutazzjoni ekonomika [tagħha] kienet intiża li tipprovdi stima tal-valur li jista’ jiġi propost minn akkwirent potenzjali għall-bank kollu kemm hu, wara proċedura ta’ rkant miftuħa, ġusta u kompetittiva (‘valur tal-bejgħ’ skont l-Artikolu 11 tal-istandards tekniċi regolatorji […])”.

608

Mill-premessa 6 tal-istandards tekniċi regolatorji jirriżulta li l-għażla tal-iktar bażi xierqa ta’ evalwazzjoni (valur ta’ żamma jew il-valur tal-bejgħ) għandha ssir skont il-miżuri speċifiċi ta’ riżoluzzjoni previsti mill-awtorità ta’ riżoluzzjoni.

609

Fir-rigward tal-għażla tal-bażi għall-evalwazzjoni, l-Artikolu 11(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, jindika:

“Jekk l-azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) jeħtieġu li l-assi u l-obbligazzjonijiet jkunu miżmuma minn entità li tkompli tkun istituzzjoni li tqajjem tħassib, il-valwatur għandu juża l-valur ta’ żamma bħala l-bażi tal-kejl xierqa. Il-valur ta’ żamma, jekk jitqies ġust, prudenti u realistiku, jista’ jantiċipa n-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet tas-suq.

Il-valur ta’ żamma ma għandux jintuża bħala l-bażi tal-kejl fejn l-assi jkunu ttrasferiti lejn vettura tal-immaniġġar tal-assi skont l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE jew lejn istituzzjoni tranżitorja skont l-Artikolu 40 ta’ din id-Direttiva, jew meta tintuża għodda tal-bejgħ ta’ operat skont l-Artikolu 38 tad-Direttiva 2014/59/UE.”

610

Skont l-Artikolu 12(4) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(4) tar-Regolament Delegat 2018/345, “[j]ekk is-sitwazzjoni ta’ entità ma tippermettilhiex li żżomm assi jew li tkompli negozju, jew meta l-bejgħ mill-bqija jkun meqjus neċessarju mill-awtorità tar-riżoluzzjoni sabiex jinkisbu l-objettivi tar-riżoluzzjoni, il-flussi ta’ flus mistennija għandhom jiġu referenzjati għall-valuri tad-disponiment mistennija f’perjodu speċifiku ta’ disponiment”.

611

Il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ, għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, huma ddefiniti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotti fl-Artikolu 12(5) sa (7) tar-Regolament Delegat 2018/345.

612

Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma tistax isostnu li l-valur ta’ bejgħ ma kienx il-metodoloġija korretta sabiex jiġi evalwat il-valur ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-valutazzjoni 2.

613

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 ma kkunsidratx il-valur tas-suq ta’ Banco Popular qabel ir-riżoluzzjoni.

614

Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-valur tal-azzjoni ta’ Banco Popular fuq is-suq qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni ma jistax jikkostitwixxi kriterju għall-evalwazzjoni tal-valur ta’ bejgħ ta’ Banco Popular fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

615

L-Artikolu 2(1) tal-istandards tekniċi regolatorji jipprevedi:

“Meta jwettaq il-valwazzjoni, il-valwatur għandu jikkunsidra ċirkostanzi li jaffettwaw il-flussi ta’ flus mistennija, u r-rati ta’ tnaqqis applikabbli għall-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ entità, u għandu jkollu l-għan li jirrappreżenta b’mod ġust il-pożizzjoni finanzjarja tal-entità fil-kuntest tal-opportunitajiet u r-riskji li tittratta magħhom.”

616

B’mod iktar speċifiku, fir-rigward tal-valur ta’ bejgħ, l-Artikolu 12(5) tal-istandards tekniċi regolatorji jipprevedi:

“Il-valur ta’ disponiment għandu jiġi ddeterminat mill-valwatur fuq il-bażi tal-flussi ta’ flus, il-valur nett tal-ispejjeż tad-disponiment u l-valur nett tal-valur mistenni ta’ kull garanzija mogħtija, li l-entità tista’ tistenna b’mod raġonevoli fil-kundizzjonijiet tas-suq prevalenti attwalment permezz ta’ bejgħ jew trasferiment b’mod ordinat ta’ assi jew obbligazzjonijiet. Jekk ikun xieraq, wara li jiġu kkunsidrati l-azzjonijiet li jridu jittieħdu taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-valutatur jista’ jiddetermina l-valur ta’ disponiment billi japplika tnaqqis potenzjali ta’ bejgħ aċċellerat lill-prezz tas-suq osservabbli ta’ dan il-bejgħ jew trasferiment. Biex jiġi ddeterminat il-valur ta’ disponiment ta’ assi li ma għandhomx suq likwidu, il-valutatur għandu jikkunsidra prezzijiet osservabbli fis-swieq fejn assi simili huma nnegozjati jew mudelli ta’ kalkoli bl-użu ta’ parametri osservabbli tas-suq, bi tnaqqis għal nuqqas ta’ likwidità rifless kif xieraq.”

617

Il-valutazzjoni 2 kienet maħsuba sabiex tiddetermina xi jkun lest li jħallas xerrej potenzjali għal Banco Popular fiċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni. F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-metodoloġija użata fil-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li kienet adottat approċċ kategorija b’kategorija, billi aġġustat il-valuri kontabbli ta’ kull klassi ta’ assi u obbligazzjonijiet sabiex jiġi stmat it-telf u l-profitt u aġġustamenti oħra li kwalunkwe akkwirent japplika għall-valur. Hija pproduċiet firxa ta’ evalwazzjoni għal kull klassi ta’ assi u ta’ obbligazzjonijiet.

618

Minn naħa, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-valur tas-suq ta’ Banco Popular qabel ma jiġi ddikjarat li jinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ma jistax jikkostitwixxi kriterju għad-determinazzjoni tal-valur ta’ bejgħ tal-bank. F’dan ir-rigward, kif tirreleva l-Kummissjoni, is-swieq ma kinux jafu mir-riżoluzzjoni imminenti ta’ Banco Popular, bil-portata tal-miżuri proposti u bil-fatt li, kieku r-riżoluzzjoni ma saritx, Banco Popular kien ikun is-suġġett ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, b’tali mod li l-prezz tal-istokk ta’ dik l-istituzzjoni qabel ir-riżoluzzjoni ma kienx neċessarjament jikkorrispondi għall-valur ekonomiku reali tagħha.

619

Min-naħa l-oħra, il-valur tal-azzjoni fis-suq ta’ Banco Popular ma jistax jikkostitwixxi informazzjoni suffiċjenti sabiex jippermetti li ssir stima skont il-kategoriji jew il-gruppi ta’ assi.

620

Għal dawn ir-raġunijiet, għall-kuntrarju ta’ dak li jindika r-rapport tal-espert, il-valur tas-suq ta’ Banco Popular ma jistax jitqies bħala indikatur tal-valur tiegħu għall-finijiet tal-valutazzjoni 2.

621

Barra minn hekk, fil-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat għaliex il-valur tas-suq ta’ Banco Popular ma kienx jikkostitwixxi metodoloġija xierqa għall-valutazzjoni tal-valur ta’ bejgħ ta’ Banco Popular. B’mod partikolari, Deloitte ddikjarat li, minħabba s-sitwazzjoni li kien jinsab fiha l-bank, il-prezz tal-azzjoni kien volatili ħafna.

622

F’dan ir-rigward, fir-rapport tal-esperti ġie indikat li “il-prezz attwali tal-azzjoni huwa prova diretta ta’ prezz li xerrej kien lest li jħallas għal pakkett żgħir ta’ azzjonijiet, irrispettivament mill-volatilità tiegħu”. Madankollu, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-valur ta’ bejgħ li Deloitte kellha tistma kien għall-akkwist ta’ Banco Popular kollu u mhux għal ftit ishma biss.

623

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 tinkorpora lqugħ għal telf mingħajr ġustifikazzjoni, fatt li jmur kontra l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

624

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014 jindika li l-valutazzjoni provviżorja msemmija fl-ewwel subparagrafu tinkorpora lqugħ għal telf addizzjonali, flimkien ma’ ġustifikazzjoni.

625

L-Artikolu 13 tal-istandards tekniċi regolatorji jiddefinixxi l-metodoloġija użata għall-kalkolu u l-inklużjoni ta’ lqugħ għal telf addizzjonali fil-valutazzjoni provviżorja u jipprevedi:

“1.   Biex tiġi indirizzata l-inċertezza ta’ valwazzjonijiet proviżorji mmexxija skont il-punti minn (b) sa (g) tal-Artikolu 36(4) tad-Direttiva 2014/59/UE, il-valwatur għandu jinkludi fil-valwazzjoni lqugħ biex jiġu riflessi fatti u ċirkustanzi li jsostnu l-eżistenza ta’ telf addizzjonali ta’ ammont jew skedar inċert. Biex jiġi evitat l-għadd doppju tal-inċertezza, is-suppożizzjonijiet li jsostnu l-kalkolu tal-ilqugħ għandhom ikunu spjegati u ġustifikati b’mod adegwat mill-valwatur.

2.   Biex ikun iddeterminat id-daqs tal-ilqugħ, il-valwatur għandu jidentifika fatturi li jistgħu jaffettwaw il-flussi ta’ flus mistennija bħala riżultat ta’ azzjonijiet ta’ riżoluzzjoni li x’aktarx ikunu adottati.”

626

F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li Deloitte, fl-ittra ta’ kopertura tal-valutazzjoni 2, espliċitament iddikjarat li din il-valutazzjoni kienet tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali skont l-Artikolu 36(9) tad-Direttiva 2014/59 u li applikat standards tekniċi regolatorji, li jipprovdu li l-valutazzjoni għandha tinkludi lqugħ għal telf addizzjonali. Deloitte semmiet li l-ilqugħ għal telf addizzjonali kien parti integrali mill-valutazzjoni 2 u li d-dettalji kienu inklużi fir-rapport ta’ valutazzjoni 2 u l-anness tiegħu.

627

Għalhekk, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni għal dan l-ilqugħ, hemm lok li jiġi rrilevat li fil-valutazzjoni 2, għal kull klassi ta’ assi, Deloitte pprovdiet spjegazzjonijiet taċ-ċirkustanzi differenti li setgħu jwasslu għal telf addizzjonali u semmiet l-inċertezzi rigward l-evalwazzjoni tagħhom. Deloitte għalhekk iġġustifikat l-inklużjoni tal-ilqugħ għal telf addizzjonali skont ir-rekwiżiti tal-istandards tekniċi regolatorji.

628

Hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-ispjegazzjonijiet fil-valutazzjoni 2. Fir-rapport tal-esperti, l-espert sempliċement jiddikjara li Deloitte ma kkwantifikatx, ma spjegatx jew ma ġġustifikatx l-ilqugħ għal telf addizzjonali.

629

Għaldaqstant, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud.

4) Fuq ir-raba’ lment, dwar il-kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1

630

Ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 hija f’kontradizzjoni mal-fatt li Banco Popular kien meqjus bħala solventi fil-valutazzjoni 1, fl-evalwazzjoni tal-BĊE dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular u mal-fatt li l-Bank ta’ Spanja ddikjara s-solvenza ta’ Banco Popular fil-5 ta’ Ġunju 2017.

631

Għandu jitfakkar li, fil-5 ta’ Ġunju 2017, is-SRB adotta l-valutazzjoni 1 skont l-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, li kellha l-għan li tipprovdi l-elementi li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk kinux issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet applikabbli għall-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji. B’mod partikolari, is-SRB iddikjara li l-iskop tal-valutazzjoni 1 kien li jsir kontribut sabiex jiġi ddeterminat jekk il-Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014.

632

L-istandards tekniċi tal-EBA, adottati fit‑23 ta’ Mejju 2017, ċertament ma kinux vinkolanti, iżda kienu disponibbli fid-data tal-valutazzjoni 2. Fil-valutazzjoni 2, Deloitte tindika b’mod espliċitu li hija kienet ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti tal-istandards tekniċi tal-EBA.

633

Fis-sommarju introduttorju tagħhom, l-istandards tekniċi tal-EBA jispeċifikaw in-neċessità li ssir distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ valutazzjonijiet qabel ir-riżoluzzjoni, il-valutazzjoni 1 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(a) tad-Direttiva 2014/59, li hija l-ekwivalenti tal-Artikolu 20(5)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u l-valutazzjoni 2 imwettqa skont l-Artikolu 36(4)(b) sa (g) tad-Direttiva 2014/59, li tikkorrispondi mal-Artikolu 20(5)(b) sa (g) tar-Regolament Nru 806/2014.

634

Il-premessa 1 tal-istandards tekniċi regolatorji, riprodotta fil-premessa 1 tar-Regolament Delegat 2018/345, tfakkar din id-distinzjoni bejn, minn naħa, valutazzjoni inizjali li tippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew il-kundizzjonijiet applikabbli għall-iżvalutazzjoni jew il-konverżjoni ta’ strumenti kapitali humiex issodisfatti u, min-naħa l-oħra, valutazzjoni ulterjuri li tikkostitwixxi l-bażi għad-deċiżjoni sabiex tiġi applikata għodda ta’ riżoluzzjoni waħda jew iktar. L-istandards tekniċi regolatorji jistabbilixxu kriterji differenti għall-kisba tal-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2.

635

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, l-evalutazzjoni ta’ din il-kundizzjoni għandha titwettaq mill-BĊE jew mis-SRB.

636

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-konklużjonijiet tal-valutazzjonijiet 1 u 2 kienu kontradittorji, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan huwa ineffettiv.

637

Fil-fatt, il-valutazzjoni 1, adottata fil‑5 ta’ Ġunju 2017, intiża li jiġi ddeterminat jekk Banco Popular kienx f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, sabiex jiġi stabbilit jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jew tal-iżvalutazzjoni jew tal-konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji kienux issodisfatti, ma baqgħetx tintuża wara l-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE fis‑6 ta’ Ġunju 2017, dwar is-sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ Banco Popular.

638

Ċertament, fil-valutazzjoni 1, is-SRB indika li, fid-data ta’ riferiment tal-valutazzjoni tiegħu, jiġifieri l‑31 ta’ Marzu 2017, Banco Popular kien solventi. Madankollu, minn naħa, għandu jitfakkar li l-BĊE bbaża ruħu fuq il-ġbid kbir ta’ depożiti ta’ Banco Popular minn April sa Mejju 2017 u fuq l-inkapaċità ta’ dan tal-aħħar li jiġġenera likwidità ġdida, sabiex jikkonkludi li fis-6 ta’ Ġunju 2017, Banco Popular kien f’sitwazzjoni ta’ falliment li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ. Min-naħa l-oħra, il-konklużjoni tal-BĊE kienet ibbażata fuq il-fatt li Banco Popular ma kienx f’pożizzjoni li jħallas id-djun tiegħu jew obbligi oħra meta dawn jilħqu l-maturità tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, u mhux fuq il-fatt li Banco Popular kien insolventi fil-karta tal-bilanċ. Għalhekk, il-konklużjonijiet tal-valutazzjoni 1 ma kinux iktar rilevanti fid-data tar-riżoluzzjoni.

639

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-differenzi fil-konklużjonijiet bejn il-valutazzjoni 1 u l-valutazzjoni 2 huma spjegati mill-fatt li, billi għandhom għanijiet differenti, huma bbażati fuq kriterji ta’ evalwazzjoni differenti ddefiniti fl-istandards tekniċi tal-EBA. Għaldaqstant, skont l-istandards tekniċi tal-EBA, il-valutazzjoni 1 hija intiża prinċipalment sabiex tiddetermina jekk il-valur totali tal-assi tal-entità jeċċedix dak tal-obbligazzjonijiet tagħha, fi kliem ieħor, jekk l-entità hijiex solventi fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li l-valutazzjoni 2 għandha tkun ibbażata fuq il-valur ekonomiku u mhux fuq il-valur kontabbli tal-entità.

640

Fl-aħħar, billi l-valutazzjoni 2 għandha tqis il-valur ekonomiku u mhux il-valur kontabbli ta’ Banco Popular, ir-rikorrenti ma tistax issostni li hemm kontradizzjoni bejn il-konstatazzjoni li Banco Popular kien solventi, imwettqa fil-valutazzjoni 1, fl-evalwazzjoni tal-BĊE jew mill-Bank ta’ Spanja, u l-konklużjoni tal-valutazzjoni 2.

641

Għaldaqstant, ir-raba’ lment għandu jiġi miċħud.

5) Fuq il-ħames ilment, dwar l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

642

Ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-rapport tal-esperti, il-valutazzjoni 2 fiha żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

643

Qabelxejn, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni li, skont ir-rapport tal-esperti, il-valutazzjoni 2 fiha evalwazzjoni ’l isfel peress li ma tiħux inkunsiderazzjoni id-data tas-suq u d-data mill-awdituri li kellhom żmien sabiex jevalwaw lil Banco Popular.

644

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-valur tas-suq, isir riferiment għall-analiżi fil-punti 614 sa 621 iktar ’il fuq. Fir-rigward tad-data tal-awdituri, hemm lok li jiġi rrilevat li l-valur mogħti lill-assi ta’ Banco Popular minn dawn l-awdituri jikkorrispondi għall-valur skont il-kotba tagħha. Din id-data għalhekk ma tistax titqabbel ma’ dik relatata mal-valur ekonomiku tal-assi, li kellhom jiġu kkunsidrati minn Deloitte għad-determinazzjoni tal-valur ta’ bejgħ ta’ Banco Popular.

645

Fl-ewwel lok, fir-rigward tas-self u d-dejn, ir-rikorrenti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-esperti, issostni li l-valutazzjoni tagħha ma hijiex realistika sa fejn tikkontradixxi l-proporzjonijiet tal-provvisti approvati mis-superviżur kif ukoll il-valutazzjoni 1, fejn il-valur kontabbli tal-portafoll tas-self ma tnaqqasx.

646

Huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-punt 644 iktar ’il fuq u mill-analiżi tar-raba’ lment jirriżulta li d-data u l-valutazzjoni 1, sa fejn jieħdu inkunsiderazzjoni biss il-valur kontabbli tal-assi ta’ Banco Popular ma humiex rilevanti għall-finijiet ta’ paragun mal-valutazzjoni 2.

647

F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li s-self u d-dejn jiffurmaw parti mill-elementi li għalihom hemm inċertezza sinjifikattiva u li għalihom l-evalwatur jagħti attenzjoni partikolari skont l-Artikolu 8(a) tal-istandards tekniċi regolatorji, li jipprovdi:

“[S]elf jew portafolli ta’ self, li l-flussi ta’ flus mistennija tagħhom jiddependu mill-abbiltà, ir-rieda jew l-inċentiv tal-kontroparti li jwettaq l-obbligu tiegħu, jekk dawn l-aspettattivi jkunu xprunati minn suppożizzjonijiet relatati mar-rati ta’ delinkwenza, probabbiltajiet ta’ inadempjenza, telf fil-każ ta’ inadempjenza, jew karatteristiċi tal-istrument, speċjalment fejn xejriet ta’ telf ta’ portafoll ta’ self juru evidenza ta’ dan”.

648

Barra minn hekk, fil-paġni 4 sa 11 tal-Anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte spjegat l-aġġustamenti li kienet għamlet fir-rigward tal-valutazzjoni tas-self u tad-dejn, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji ta’ inadempjenza. Ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż li jikkontesta dawn l-aġġustamenti.

649

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-assi tal-proprjetà immobbli, ir-rikorrenti, filwaqt li tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-esperti, issostni li l-valutazzjoni 2 naqqset il-valur tagħha b’mod mhux iġġustifikat billi ma tikkunsidrax l-evalwazzjonijiet ta’ dawn l-assi mwettqa mill-esperti awtorizzati mill-Bank ta’ Spanja. Il-valutazzjoni 2 tinjora l-valur mogħti lil dawn l-assi mill-awdituri ta’ Banco Popular u r-rakkomandazzjonijiet tal-Bank ta’ Spanja sabiex dawn jiġu vvalorizzati.

650

Dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li huwa bbażat fuq paragun mal-evalwazzjonijiet imwettqa mill-awdituri, li ma humiex rilevanti.

651

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li dan l-argument ma huwiex suffiċjentement ċar sabiex tinftiehem il-portata tiegħu. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tispeċifikax l-esperti awtorizzati mill-Bank ta’ Spanja u lanqas ir-rakkomandazzjonijiet tal-Bank ta’ Spanja li Deloitte allegatament injorat.

652

Fi kwalunkwe każ, mill-qari tar-rapport tal-esperti jirriżulta li r-“rakkomandazzjonijiet tal-Bank ta’ Spanja” jagħmlu riferiment għaċ-Ċirkolari 4/2016 ta’ din tal-aħħar. L-espert jirrileva li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli sekwestrati, Deloitte użat l-Orden ECO/805/2003, sobre normas de valoración de bienes inmuebles y de determinados derechos para ciertas finalidades financieras (regola ECO/805/2003 dwar ir-regoli għall-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli u ċerti drittijiet għal ċerti skopijiet finanzjarji), tas‑27 ta’ Marzu 2003 (BOE Nru 85 tad‑9 ta’ April 2003, p. 13678), għall-aġġustamenti, fatt li rriżulta f’valur iktar baxx milli kieku segwiet iċ-Ċirkolari 4/2016. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-espert ma jikkontestax l-applikabbiltà tar-regola ECO 805/2003.

653

Barra minn hekk, fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, Deloitte stmat li l-evalwazzjoni ġusta tal-assi tal-proprjetà immobbli ssekwestrati kienet teħtieġ aġġustament ta’ bejn 42 u 47 % meta mqabbla mal-evalwazzjonijiet ipprovduti minn Banco Popular. Fl-anness tal-valutazzjoni 2, Deloitte indikat li l-parti l-kbira tal-inkonsistenzi rrilevati kienu dovuti għal teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tar-regola ECO/805/2003, li kienet tistabbilixxi r-regoli obbligatorji għall-valutazzjoni tal-proprjetà immobbli fis-settur bankarju Spanjol. B’mod partikolari, Deloitte tindika li dawn l-inkonsistenzi jikkonċernaw b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-aspettattivi fil-qasam tal-ippjanar urban u l-progress tax-xogħlijiet.

654

Fir-rapport tal-esperti, l-espert ma jqajjem ebda argument intiż li jikkontesta din l-evalwazzjoni ta’ Deloitte fil-valutazzjoni 2. Huwa sempliċement semma li l-esperti awtorizzati mill-Bank ta’ Spanja kienu kkwalifikati wkoll sabiex iwettqu l-evalwazzjoni tal-assi tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular.

655

Minn dan jirriżulta li Deloitte spjegat il-metodu użat fil-valutazzjoni 2 sabiex jiġu vvalutati l-assi tal-proprjetà immobbli ta’ Banco Popular u ġġustifikat ir-raġunijiet għaliex il-valutazzjoni tagħha tal-assi tal-proprjetà immobbli ssekwestrati kienet distinta minn dik ipprovduta minn Banco Popular.

656

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-assi ta’ taxxa differita, ir-rikorrenti tiddikjara li Deloitte wettqet il-valutazzjoni tagħha mingħajr ma kien hemm id-dokumenti meħtieġa u li din il-valutazzjoni hija f’kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1.

657

Huwa biżżejjed li jitfakkar li mill-analiżi tar-raba’ lment jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti dwar il-kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1 huwa ineffettiv.

658

Fir-rigward tal-valutazzjoni tal-assi ta’ taxxa differita, Deloitte indikat fl-anness tal-valutazzjoni 2, l-inċertezzi tal-evalwazzjoni tagħha relatati maż-żmien u mal-informazzjoni disponibbli u li huma inerenti għan-natura proprja ta’ dawn l-assi. F’dan ir-rigward, Deloitte pprovdiet spjegazzjonijiet dwar il-metodoloġija użata għall-evalwazzjoni tal-assi ta’ taxxa differita u dwar l-ipoteżijiet li kienet ħadet inkunsiderazzjoni.

659

Pereżempju, Deloitte, fir-rapport dwar il-valutazzjoni 2, indikat li l-evalwazzjoni ta’ assi ta’ taxxa differita mhux protetti kienet tiddependi fuq il-profitti taxxabbli antiċipati tal-akkwirent (pjan kummerċjali) u l-livelli eżistenti ta’ krediti ta’ taxxa. Hija spjegat b’mod partikolari fl-Anness tal-valutazzjoni 2 li l-valutazzjoni tal-assi tat-taxxa differita mhux protetti kienet tiddependi mill-akkwirent, b’mod partikolari mill-fatt li l-akkwirent kien entità Spanjola jew barranija u li, fil-każ li l-akkwirent kien bank Spanjol, l-irkupru u l-kontabbiltà tagħhom fuq il-karta tal-bilanċ kienu jiddependu mill-pjan kummerċjali ta’ Banco Popular u ta’ dak l-akkwirent. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni jsemmi li l-evalwazzjoni magħmula minn Deloitte tqis dawn l-ipoteżijiet differenti.

660

Fl-aħħar, jeħtieġ li jitfakkar li l-eżistenza ta’ inċertezzi hija inerenti fi kwalunkwe valutazzjoni provviżorja mwettqa fuq il-bażi tal-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014.

661

Issa, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument intiż li jpoġġi f’dubju l-metodu ta’ valutazzjoni tal-assi ta’ taxxa differita użati minn Deloitte u spjegati fil-paġni 27 sa 33 tal-anness tal-valutazzjoni 2.

662

Fir-raba’ lok, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet għal riskji legali, ir-rikorrenti tagħmel riferiment għar-rapport tal-esperti li skontu l-valutazzjoni 2 żiedet dawn id-dispożizzjonijiet b’mod mhux ġustifikabbli.

663

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rapport tal-esperti sempliċement iqabbel ir-riżultat tal-valutazzjoni tar-riskji legali mwettqa minn Deloitte ma’ dak adottat fir-rapport ta’ verifika ta’ Banco Popular.

664

Dawn l-evalwazzjonijiet ma humiex tali li jpoġġu f’dubju l-aġġustamenti magħmula minn Deloitte fuq il-bażi tal-esperjenza tagħha stess u tat-tendenzi fis-settur li wasslu għal ipoteżijiet differenti spjegati fil-paġni 34 sa 38 tal-Anness tal-valutazzjoni 2.

665

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-valutazzjoni 2 ma ħaditx inkunsiderazzjoni is-sinerġiji sinifikattivi li Banco Popular kellu għal Banco Santander, kif murija miż-żieda sinjifikattiva fil-lista tal-Borża ta’ Banco Santander fis‑7 ta’ Ġunju 2017 u l-jumejn ta’ wara.

666

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-iskop tal-valutazzjoni 2 kien li jiġi ddeterminat il-valur ta’ bejgħ ta’ Banco Popular għal kwalunkwe xerrej potenzjali. Deloitte għalhekk ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni, fil-valutazzjoni 2, is-sinerġiji relatati ma’ xerrej li l-identità tiegħu ma kinitx magħrufa. Il-valur partikolari attribwit lill-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular fil-kontabbiltà ta’ Banco Santander wara l-integrazzjoni tiegħu huwa għalhekk irrilevanti.

667

Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-valutazzjoni 2 u l-ħames ilment għandu jiġi miċħud.

668

Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li t-tieni parti għandha tiġi miċħuda kif ukoll id-disa’ motiv fl-intier tiegħu.

10.   Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

669

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, kiser l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, id-dmir ta’ diliġenza tiegħu u l-Artikolu 296 TFUE, sa fejn wettaq l-iżvalutazzjoni tal-azzjonijiet u l-bejgħ tal-operat mingħajr ma eżamina jekk kienx hemm miżuri oħra li wasslu għall-qerda ta’ valur minimu għall-azzjonisti.

670

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li ma hemm xejn fil-motivazzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li juri li s-SRB kien ikkunsidra soluzzjonijiet oħra li huma inqas restrittivi għall-azzjonisti qabel ma wettaq l-iżvalutazzjoni tal-istrumenti ta’ fondi proprji ta’ Banco Popular u l-bejgħ tal-operat. Ma kienx iġġustifika jekk soluzzjonijiet oħra kinux jippermettu li tiġi evitata l-qerda tal-valur għall-azzjonisti skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014.

671

Hemm lok li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, iċċitat fil-punt 521 iktar ’il fuq.

672

Fil-fatt, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għanijiet tar-riżoluzzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 għandhom jintlaħqu, kemm jista’ jkun, b’għodda ta’ riżoluzzjoni li tirriżulta fl-inqas qerda tal-valur. Madankollu, kif tispeċifika din id-dispożizzjoni, fejn il-qerda tal-valur li jirriżulta mill-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula hija meħtieġa għall-kisba ta’ dawn l-għanjiet u għalhekk għall-interess pubbliku, ir-riżoluzzjoni ma tistax titqies bħala sproporzjonata.

673

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-qerda tal-valur fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014 ma tikkonċernax biss l-interessi patrimonjali tal-azzjonisti u tad-detenturi tal-istrumenti ta’ fondi proprji tal-entità, iżda wkoll dawk tad-depożitanti tagħha, tal-impjegati tagħha u kredituri oħra tagħha.

674

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni ma timplikax evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-miżura ta’ riżoluzzjoni fid-dawl tal-ksur tad-dritt tal-proprjetà tal-azzjonisti.

675

Jeħtieġ li jitfakkar li, fl-Artikolu 5.2 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB indika li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet tikkostitwixxi mezz xieraq, neċessarju u proporzjonat sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni li jinsabu fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri prinċipalment sabiex tiġi żgurata l-kontinwità ta’ funzjonijiet kritiċi u ppreservata l-istabbiltà finanzjarja. Fl-Artikolu 5.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, imsemmija fil-punt 339 iktar ’il fuq, is-SRB spjega r-raġunijiet għaliex l-għodod ta’ riżoluzzjoni l-oħra previsti fir-Regolament Nru 806/2014 ma kinux xierqa u ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni sal-istess punt.

676

Għalhekk, is-SRB indika r-raġunijiet għaliex l-għodod l-oħra ta’ riżoluzzjoni, bħas-separazzjoni tal-assi, li skont ir-rikorrenti kienu jwasslu sabiex tiġi evitata l-qerda tal-valur tal-azzjonisti, ma kinux jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

677

Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, sa fejn is-SRB iġġustifika li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet neċessarja sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, ma kellux jindika jekk soluzzjonijiet oħra kinux jevitaw il-qerda tal-valur fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

678

Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-Artikolu 4.5 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, is-SRB ikkonkluda li r-riżoluzzjoni kienet tikkontribwixxi wkoll għall-minimizzazzjoni tal-qerda tal-valur, b’kont meħud tal-fatt li stralċ ta’ Banco Popular kien iwassal għal telf ikbar għall-kredituri mir-riżoluzzjoni. Is-SRB ikkunsidra wkoll, fl-Artikolu 4.6 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-inkonvenjenti u l-ispejjeż assoċjati mal-adozzjoni tal-miżura ta’ riżoluzzjoni, prinċipalment it-telf imġarrab mill-azzjonisti u l-kredituri subordinati, ikunu kontrobilanċjati mill-vantaġġi li jirriżultaw minnha, jiġifieri ż-żamma ta’ funzjonijiet kritiċi, il-limitazzjoni tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-istabbiltà finanzjarja, kif ukoll l-evitar tat-telf li jistgħu jġarrbu kredituri oħra.

679

Minn dan jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, is-SRB ħa inkunsiderazzjoni, fl-iskema ta’ riżoluzzjoni, il-qerda tal-valur li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat setgħet toħloq għall-azzjonisti ta’ Banco Popular.

680

Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma eżaminax jekk l-għodda tas-separazzjoni tal-assi, flimkien ma’ self mill-FRU, kinitx tkun xierqa sabiex issolvi l-problemi ta’ likwidità u terġa’ tistabbilixxi l-fiduċja fis-suq u b’hekk qabeż il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu. Ir-rikorrenti ssostni li, skont ir-rapport tal-esperti anness mar-rikors, imsemmi fil-punt 482 iktar ’il fuq, separazzjoni tal-assi flimkien ma’ miżuri oħra intiżi sabiex tinġabar likwidità kienet, fil-prinċipju, fattibbli u kienet tevita qerda tal-valur għall-azzjonisti b’mod kuntrarju għall-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014.

681

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li fl-Artikolu 5.3 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, imsemmi fil-punt 339 iktar ’il fuq, is-SRB ikkunsidra li l-għodda ta’ separazzjoni tal-assi, kemm jekk ikkombinata mal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna jew inkella mal-għodda tal-istituzzjoni tranżitorja, ma kinitx tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet ta’ riżoluzzjoni sal-istess punt bħall-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

682

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tqajjem l-ebda argument li jista’ jistabbilixxi li s-soluzzjoni invokata minnha, jiġifieri separazzjoni ta’ assi flimkien ma’ assistenza likwida, kienet effettivament fattibbli b’kont meħud tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u tal-urġenza li biha kellha tiġi adottata l-iskema ta’ riżoluzzjoni, u lanqas li din is-soluzzjoni setgħet tistabbilixxi mill-ġdid il-vijabbiltà fit-tul ta’ Banco Popular.

683

Għalhekk, fir-rikors, ir-rikorrenti sempliċement tagħmel riferiment għall-parti tar-rapport tal-esperti anness miegħu intitolat “Id-deċiżjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni biżżejjed l-għodda ta’ riżoluzzjoni alternattivi”. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li f’dan ir-rapport, li ġie prodott fis-16 ta’ Settembru 2017 fuq il-bażi tal-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni ppubblikata f’Lulju tal-2017, l-esperti jirrikonoxxu bosta nuqqasijiet fl-analiżi tagħhom, minħabba l-fatt li l-verżjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom ġiet ridotta u li ma kinux konxji mill-portata tal-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular. Huma jirrilevaw li Banco Popular kien solventi u jibbażaw rwieħhom fuq għadd ta’ ipoteżijiet purament teoretiċi marbuta mal-bejgħ ta’ ċerti assi. Għall-kuntrarju, ir-rapport ma fih l-ebda analiżi intiża li tistabbilixxi li soluzzjoni alternattiva għall-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet fattibbli fil-prattika fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità ta’ Banco Popular u tal-urġenza. Dan ir-rapport ma jistabbilixxix il-fattibbiltà konkreta ta’ dan il-bejgħ ta’ assi fiċ-ċirkustanzi applikabbli fid-data tar-riżoluzzjoni.

684

Kif jirrileva s-SRB, ir-rikorrenti ma tispjegax biżżejjed kif is-soluzzjoni alternattiva kienet tkun daqstant effettiva, legalment fattibbli u tiswa inqas mill-bejgħ tal-assi permezz tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-esperti li wettqu r-rapport tal-esperti tas-16 ta’ Settembru 2017 wettqu wkoll ir-rapport tal-esperti anness mar-replika, msemmi fil-punt 483 iktar ’il fuq, fejn ammettew li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli, huma ma kinux f’pożizzjoni, fl-ewwel rapport tagħhom, jispjegaw f’iktar dettall kif din is-soluzzjoni alternattiva setgħet taħdem.

685

Barra minn hekk, ir-rapport tal-esperti anness mar-rikors ma jiħux inkunsiderazzjoni l-għanijiet tar-riżoluzzjoni, previsti fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, u għalhekk ma jurix li l-applikazzjoni ta’ għodda oħra ta’ riżoluzzjoni, bħas-separazzjoni tal-assi, kienet tippermetti li jintlaħqu dawn l-għanijiet b’mod effettiv daqs permezz tal-bejgħ tal-operat.

686

Fl-aħħar, kif jenfasizzaw il-Kummissjoni u s-SRB, l-implimentazzjoni tal-istrument ta’ separazzjoni tal-assi teħtieġ terminu li ma kienx disponibbli fid-data tar-riżoluzzjoni.

687

F’dan ir-rigward, fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB seta’ jwettaq separazzjoni urġenti tal-assi. F’dan ir-rigward, hija tagħmel riferiment għall-Parti 8 tar-rapport tal-esperti anness mar-replika. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rapport tal-esperti anness mar-replika jindika biss li l-partijiet essenzjali ta’ dan l-eżerċizzju jistgħu jitwettqu f’perijodu sostanzjalment iqsar mis-sitt xhur sa disa’ xhur imsemmi mill-Kummissjoni. Dawn l-elementi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu li l-għodda tas-separazzjoni tal-assi kienet fattibbli b’mod konkret fis-sitwazzjoni ta’ urġenza li kien jinsab fiha Banco Popular.

688

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li s-separazzjoni tal-assi kienet setgħet tiġi applikata b’urġenza kieku l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kien ġie ppreparat korrettement.

689

Hemm lok li jiġi kkunsidrat, bħalma tagħmel il-Kummissjoni, li dan l-argument ma huwiex rilevanti, sa fejn il-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma setax jipprevedi l-kriżi ta’ likwidità li Banco Popular kellu jaffaċċja minn April 2017 ’il quddiem.

690

F’dan ir-rigward, b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 806/2014, “[m]eta jadottaw skema ta’ riżoluzzjoni, il-Bord, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw u jsegwu l-pjan ta’ riżoluzzjoni msemmi fl-Artikolu 8 sakemm il-Bord ma jivvalutax, b’konsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-objettivi ta’ riżoluzzjoni jkunu jistgħu jinkisbu b’mod iktar effikaċi bit-teħid ta’ azzjonijiet li ma hemmx provvediment għalihom fil-pjan ta’ riżoluzzjoni”.

691

F’dan il-każ, is-SRB spjega, fil-premessi 44 sa 46 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, għaliex l-għodda ta’ riżoluzzjoni prevista fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma kinitx xierqa għaċ-ċirkustanzi eżistenti fid-data tar-riżoluzzjoni. Għalhekk, huwa rrileva li l-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 kien ibbażat fuq l-ipoteżi li l-falliment ta’ Banco Popular kien marbut ma’ deterjorament tas-sitwazzjoni tal-kapital tiegħu. Madankollu, sa fejn il-falliment ta’ Banco Popular irriżulta mid-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ likwidità tiegħu, is-SRB indika li ma kienx iggarantit li l-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna, prevista f’dak il-pjan, kienet ser tippermetti li l-kriżi ta’ likwidità ta’ Banco tiġi rrimedjata b’mod immedjat u effettiv.

692

Minn dan jirriżulta li d-debbolezzi possibbli fil-pjan ta’ riżoluzzjoni tal-2016 ma setgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati u li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma ineffettivi. B’mod partikolari, ir-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri Nru 23/2017, intitolat “[SRB] – Il-proġett ambizzjuż tal-unjoni bankarja beda iżda għadu ’l bogħod milli jintemm”, imsemmi mir-rikorrenti, ma huwiex rilevanti.

693

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti issostni li s-SRB kiser id-dmir tiegħu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba billi naqas milli jeżamina s-soluzzjonijiet possibbli offruti mill-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 806/2014, jiġifieri self mis-SRF, sabiex isolvi l-problemi ta’ likwidità ta’ Banco Popular.

694

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, skont l-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, fil-kuntest tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, meta jintużaw l-għodod ta’ riżoluzzjoni, is-SRB jista’ juża s-SRF biss sal-punt meħtieġ għall-applikazzjoni effettiva tal-għodod ta’ riżoluzzjoni għall-fini, b’mod partikolari, li jagħti self lill-istituzzjoni suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. Minn dan jirriżulta b’mod ċar li din il-possibbiltà tista’ tiġi kkunsidrata biss fil-kuntest ta’ miżura ta’ riżoluzzjoni u bl-ebda mod ma hija alternattiva għaliha. Kif jirrileva s-SRB, ir-rikors għas-SRF ma jistax jintuża b’mod iżolat sabiex isolvi l-problemi ta’ likwidità ta’ entità.

695

Fir-raba’ lok, sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB seta’ juża miżuri oħra previsti mid-Direttiva 2014/59. Is-SRB allegatament kiser id-dmir ta’ diliġenza tiegħu u qabeż il-limiti tad-diskrezzjoni tiegħu billi ma eżaminax il-possibbiltà li jfassal għodda ta’ riżoluzzjoni ad hoc, peress li r-Regolament Nru 806/2014 ma huwiex imfassal sabiex isolvi l-problemi ta’ likwidità.

696

Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif jagħmel is-SRB, li huwa jista’ juża biss l-għodod ta’ riżoluzzjoni previsti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament Nru 806/2014.

697

Għaldaqstant, l-għaxar motiv għandu jiġi miċħud.

11.   Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(14) tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 20(11) u (15) tal-istess regolament kif ukoll fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

698

Permezz ta’ dan il-motiv ġdid invokat fir-replika, ir-rikorrenti tindika li, fit-tweġiba tiegħu tat-30 ta’ Lulju 2018 għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, is-SRB indika li ma kienx ser iwettaq valutazzjoni definittiva ex post u ssostni li l-iskema ta’ riżoluzzjoni tikser l-Artikolu 20(11), (14) u (15) tar-Regolament Nru 806/2014. L-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata mingħajr ma jeżistu d-dispożizzjonijiet u l-mekkaniżmi neċessarji sabiex il-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 806/2014 tkun ibbażata fuq informazzjoni relatata mal-assi u l-obbligazzjonijiet ta’ Banco Popular kemm jista’ jkun kompluta u aġġornata.

699

Ir-rikorrenti ssostni li dan il-motiv il-ġdid huwa ammissibbli, skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, minħabba li huwa bbażat fuq element ġdid li ħareġ fil-mori tal-kawża, jiġifieri l-informazzjoni kkomunikata mis-SRB, fir-risposta tiegħu tat‑30 ta’ Lulju 2018 għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, skont liema ma kinitx ser issir valutazzjoni definittiva ex post.

700

Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv ġdid huwa inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat, sa fejn ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq element sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni li ma tistax taffettwa l-legalità tagħha. Is-SRB u Banco Santander isostnu wkoll li dan il-motiv jagħmel riferiment għal deċiżjoni tas-SRB wara l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni u li dan ma jistax jaffettwa l-legalità tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

701

Huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għall-istess raġunijiet bħal dawk stabbiliti fil-punti 596 sa 599 iktar ’il fuq, il-fatt dwar jekk għandhiex titwettaq valutazzjoni definittiva ex post jew le, li hija manifestament sussegwenti għall-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjonijiet ikkontestati.

702

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ intervent ta’ Banco Santander, ir-rikorrenti tispjega li dan il-motiv il-ġdid ma huwiex ibbażat fuq l-assenza ta’ valutazzjoni definittiva ex post, iżda pjuttost huwa maħsub li jsostni li l-iskema ta’ riżoluzzjoni kienet ivvizzjata sa mill-adozzjoni tagħha, sa fejn il-garanziji previsti fl-Artikolu 20(14) tar-Regolament Nru 806/2014 ma kinux jeżistu.

703

Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, b’din l-ispjegazzjoni, ir-rikorrenti tpoġġi f’dubju l-motivi li kienet invokat sabiex tiġġustifika l-produzzjoni ta’ dan il-motiv fl-istadju tar-replika.

704

Għaldaqstant, il-ħdax-il motiv għandu jiġi miċħud.

12.   Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq ksur tar-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 20(3) u (5) tal-istess regolament

705

Permezz ta’ dan il-motiv il-ġdid imqajjem fir-replika, ir-rikorrenti, wara aċċess għall-verżjonijiet tal-valutazzjoni 2 ippubblikati fi Frar u f’Ottubru 2018, issostni li l-iskema ta’ riżoluzzjoni, li l-valutazzjoni 2 tifforma parti integrali minnha, tikser l-Artikolu 20(1) u (5) tar-Regolament Nru 806/2014.

706

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-valutazzjoni 2 kienet tipprevedi għodda ta’ riżoluzzjoni waħda biss, jiġifieri l-bejgħ tal-operat, li jmur kontra l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li skontu l-valutazzjoni provviżorja għandha titwettaq qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar miżura ta’ riżoluzzjoni. Ikun kuntrarju għal din id-dispożizzjoni li ssir valutazzjoni provviżorja wara li tintgħażel il-miżura ta’ riżoluzzjoni li għandha tintuża. Fit-tieni lok, l-iskema ta’ riżoluzzjoni tikser l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, sa fejn il-valutazzjoni 2 ma twettqitx minn persuna indipendenti. Ir-rikorrenti ssostni li Deloitte ħadmet skont l-istruzzjonijiet tas-SRB, li ma setgħetx tifforma l-opinjoni tagħha stess, billi s-SRB ordnalha tikkonċentra fuq l-għodda ta’ bejgħ tal-operat, u li parti mill-valutazzjoni provviżorja, jiġifieri l-valutazzjoni 1, twettqet mis-SRB innifsu. Fit-tielet lok, peress li l-istrument ta’ riżoluzzjoni ntgħażel minn qabel, il-valutazzjoni 2 ma setgħetx tilħaq l-għan, imsemmi fl-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014, li tipprovdi lis-SRB informazzjoni dwar it-tip ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni li għandha tintuża.

707

Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv il-ġdid huwa inammissibbli.

708

Skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża hija pprojbita, sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

709

Jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti f’dan il-motiv il-ġdid huma bbażati, essenzjalment, fuq il-fatt li l-valutazzjoni 2 twettqet billi ġiet prevista għodda ta’ riżoluzzjoni waħda biss, jiġifieri l-għodda ta’ bejgħ tal-operat.

710

F’dan ir-rigward, il-premessa 42 tal-iskema ta’ riżoluzzjoni, fil-verżjoni annessa mar-rikors, kienet tiddikjara li:

“Minħabba l-urġenza taċ-ċirkustanzi tal-każ, Deloitte wettqet valutazzjoni provviżorja skont l-Artikolu 20(10) tar-Regolament Nru 806/2014. Din il-valutazzjoni provviżorja twettqet bil-għan li:

[…]

(c)

tiġbor l-elementi li jippermettu t-teħid tad-deċiżjoni dwar l-azzjonijiet jew l-istrumenti ta’ proprjetà li għandhom jiġu trasferiti u li jippermettu lis-SRB jiddetermina x’jikkostitwixxi l-kundizzjonijiet kummerċjali għall-finijiet tal-għodda ta’ bejgħ tal-proprjetà.”

711

Minn dan jirriżulta li l-fatt li Deloitte wettqet valutazzjoni provviżorja sabiex tivvaluta l-kundizzjonijiet għat-twettiq tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat jikkostitwixxi informazzjoni li diġà kienet inkluża fl-iskema ta’ riżoluzzjoni li kienet disponibbli għar-rikorrenti fid-data tal-preżentata tar-rikors.

712

Ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda prova ġdida li saret taf biha minħabba l-aċċess tagħha għal verżjoni inqas kunfidenzjali tal-valutazzjoni 2, kif ippubblikata fuq is-sit internet tas-SRB fi Frar u f’Ottubru 2018, u li tista’ tiġġustifika l-fatt li dan il-motiv tqajjem biss fir-replika. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-fatt li kellha biss aċċess għall-valutazzjoni 2 fil-mori tal-kawża sabiex tiġġustifika l-ammissibbiltà ta’ dan il-motiv il-ġdida fid-dawl tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

713

Għaldaqstant, it-tnax-il motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

714

Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex fondati.

715

Fl-ewwel lok, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jidhirx mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, iċċitat fil-punt 15 iktar ’il fuq, li valutazzjoni ma tistax titwettaq b’kunsiderazzjoni ta’ għodda ta’ riżoluzzjoni partikolari. Għaldaqstant huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li l-fatt li l-valutazzjoni 2 kienet tipprevedi biss l-għodda ta’ bejgħ tal-operat imur kontra l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014.

716

Fit-tieni lok, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni skont l-għodda ta’ riżoluzzjoni applikata. B’mod partikolari, l-Artikolu 20(5)(f) tar-Regolament Nru 806/2014 jiddefinixxi l-għanijiet tal-valutazzjoni fil-każ li tiġi applikata l-għodda tal-bejgħ tal-operat, li huma differenti mill-għanijiet previsti fl-Artikolu 20(5)(d) u (e) tal-istess regolament, marbuta ma’ każijiet fejn tiġi applikata jew l-għodda ta’ rikapitalizzazzjoni interna jew l-għodda ta’ istituzzjoni tranżitorja jew ta’ separazzjoni tal-assi.

717

Barra minn hekk, l-Artikolu 20(5)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, li jipprovdi li, jekk il-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni ta’ proċedura ta’ riżoluzzjoni jiġu ssodisfatti, il-valutazzjoni hija intiża sabiex tipprovdi l-elementi li jippermettu d-deċiżjoni dwar miżuri ta’ riżoluzzjoni xierqa li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ entità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-valutazzjoni għandha tipprovdi lis-SRB l-elementi tekniċi u ekonomiċi li jippermettu l-implimentazzjoni tal-għodda ta’ riżoluzzjoni magħżula minn dan tal-aħħar.

718

L-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 806/2014 ma jistax jiġi interpretat bħala li jeħtieġ li l-evalwatur iwettaq valutazzjoni filwaqt li jqis l-għodod ta’ riżoluzzjoni possibbli kollha. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti ssostni li din id-dispożizzjoni topponi li l-valutazzjoni 2 titwettaq b’kunsiderazzjoni tal-għodda ta’ bejgħ tal-operat, li s-SRB kien qies li hija l-għodda l-iktar adattata sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni.

719

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti intiżi li jpoġġu f’dubju l-indipendenza tal-evalwatur, hemm lok li jiġi rrilevat li ma huwiex kompitu tal-evalwatur li jiddefinixxi huwa stess liema għodda ta’ riżoluzzjoni hija l-iktar xierqa. Kif jirrileva s-SRB, hija l-awtorità ta’ riżoluzzjoni li għandha tagħżel l-għodda l-iktar xierqa għas-sitwazzjoni tal-entità kkonċernata.

720

Għaldaqstant, il-fatt li s-SRB qies li l-għodda ta’ bejgħ tal-operat kienet l-aħjar għodda sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-riżoluzzjoni u li ta mandat lil Deloitte sabiex twettaq valutazzjoni li tissodisfa l-għanijiet ta’ dik l-għodda ma jistax jitqies li jippreġudika l-indipendenza ta’ Deloitte. Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tispjegax kif il-fatt li s-SRB innifsu wettaq il-valutazzjoni 1 huwa ta’ natura li x’aktarx jpoġġi f’dubju l-indipendenza ta’ Deloitte meta din tal-aħħar wettqet il-valutazzjoni 2, billi dawn iż-żewġ valutazzjonijiet għandhom għanijiet differenti.

13.   Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

721

Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tordna diversi miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u istruttorji.

722

Minn naħa, fir-rikors u fir-replika kif ukoll permezz tal-ittri tad‑19 ta’ April 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali tordna l-produzzjoni ta’ diversi dokumenti. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tagħmel mistoqsijiet bil-miktub lir-Renju ta’ Spanja.

723

Hemm lok li jitfakkar li, permezz tad-digriet ta’ miżuri istruttorji tagħha tat-12 ta’ Mejju 2021, skont l-Artikoli 91(b), 92(3) u 103 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali ordnat lis-SRB jipproduċi ċerti dokumenti ċċitati fil-punt 95 iktar ’il fuq. Permezz ta’ digriet tad‑9 ta’ Ġunju 2021, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li d-dokumenti prodotti mis-SRB fil-verżjoni kunfidenzjali tagħhom ma kinux rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża. Għall-kuntrarju, l-ittra ta’ Banco Popular lill-BĊE tas‑6 ta’ Ġunju 2017, mingħajr l-anness tagħha, ġiet ikkomunikata lill-partijiet l-oħra.

724

Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti, fir-rikors, ipproponew is-smigħ ta’ diversi xhieda.

725

Fir-rigward tat-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura jew istruttorji mressqa minn parti f’kawża, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali hija l-unika qorti li tista’ tara n‑neċessità eventwali li tikkompleta l-elementi ta’ informazzjoni li hija jkollha fil-kawżi quddiemha (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2020, Fleig vs SEAE, C‑446/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:918, punt 53).

726

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, anki jekk talba għal smigħ ta’ xhieda, li ssir fir-rikors, tindika bi preċiżjoni l-fatti li fuqhom għandhom jinstemgħu x-xhud jew ix-xhieda u r-raġunijiet li jiġġustifikaw is-smigħ tagħhom, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa r-rilevanza tat-talba fir-rigward tas-suġġett tal-kawża u l-ħtieġa li tisma’ x-xhieda ċċitati (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑619/13 P, EU:C:2017:50, punt 118 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tat‑22 ta’ Ottubru 2020, Silver Plastics u Johannes Reifenhäuser vs Il‑Kummissjoni, C‑702/19 P, EU:C:2020:857, punt 29).

727

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li l-elementi inklużi fil-proċess kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta huma suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, wara li din tal-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi b’mod utli fuq il-bażi tal-konklużjonijiet, il-motivi u l-argumenti żviluppati fil-mori tal-kawża u fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

728

Minn dan isegwi li t-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji għandhom jiġu miċħuda, kif ukoll ir-rikors kollu kemm hu.

V. Fuq l‑ispejjeż

729

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk tkun saret talba f’dan is-sens. Peress li r-rikorrenti tilfet, għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni, mis-SRB u minn Banco Santander kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

730

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għaldaqstant, ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament u l-Kunsill għandhom iġarrbu l-ispejjeż tagħhom stess.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Aeris Invest Sàrl hija kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) u minn Banco Santander, SA.

 

3)

Ir-Renju ta’ Spanja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

 

Van der Woude

Jaeger

Kreuschitz

De Baere

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑1 ta’ Ġunju 2022.

Firem

Werrej

 

I. Il‑kuntest ġuridiku

 

II. Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-preżentata tar-rikors

 

A. Fuq is-sitwazzjoni ta’ Banco Popular qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

 

B. Fuq fatti oħra qabel l-adozzjoni tal-iskema ta’ riżoluzzjoni

 

C. Fuq l-iskema ta’ riżoluzzjoni ta’ Banco Popular tas-7 ta’ Ġunju 2017

 

D. Fuq il-fatti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżoluzzjoni

 

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

IV. Id-dritt

 

A. Fuq il-proposta ta’ provi ġodda tad‑19 ta’ April 2021

 

B. Fuq il-mertu

 

1. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 21 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru l-prinċipji relatati mad-delega tas-setgħa

 

2. Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 15 u 22 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità previst fl-Artikolu 5(4) TUE

 

3. Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità sa fejn l-Artikoli 18 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014 jiksru d-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta

 

4. Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

 

a) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014

 

b) Fuq it-tieni lment, marbut mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014

 

5. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-drittijiet tad-difiża, sanċiti fl-Artikoli 15 u 296 TFUE u mill-Artikoli 42 u 47 tal-Karta

 

a) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

b) Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

 

6. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans u tal-Artikolu 88 tar-Regolament Nru 806/2014

 

7. Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà, sanċit fl-Artikolu 17 tal-Karta, u fuq il-ksur tal-Artikolu 5(4) TUE

 

8. Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ, sanċit fl-Artikoli 17 u 41 tal-Karta

 

9. Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 14 u 20 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

 

a) Fuq l-ewwel parti, relatata mal-proċess tal-bejgħ

 

b) Fuq it-tieni parti, dwar il-valutazzjoni 2

 

1) Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

 

2) Fuq it-tieni lment, dwar l-affidabbiltà tal-valutazzjoni 2

 

3) Fuq it-tielet ilment, dwar il-metodu użat fil-valutazzjoni 2

 

4) Fuq ir-raba’ lment, dwar il-kontradizzjoni mal-valutazzjoni 1

 

5) Fuq il-ħames ilment, dwar l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 

10. Fuq l-għaxar motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 806/2014, tad-dmir ta’ diliġenza u tal-Artikolu 296 TFUE

 

11. Fuq il-ħdax-il motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 20(14) tar-Regolament Nru 806/2014, moqrija flimkien mal-Artikolu 20(11) u (15) tal-istess regolament kif ukoll fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali

 

12. Fuq it-tnax-il motiv, ibbażat fuq ksur tar-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 20(3) u (5) tal-istess regolament

 

13. Fuq it-talbiet għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u għal miżuri istruttorji

 

V. Fuq l‑ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol