SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)
30 ta’ Marzu 2022 ( *1 )
“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Prinċipju ta’ ne bis in idem – Restrizzjoni statali – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Ġurisdizzjoni sħiħa”
Fil-Kawża T‑350/17,
Singapore Airlines Ltd, stabbilita f’Singapor (Singapor),
Singapore Airlines Cargo Pte Ltd, stabbilita f’Singapor,
irrappreżentati minn J. Kallaugher, J. P. Poitras, solicitors, u J. Ruiz Calzado, avukata,
rikorrenti,
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Dawes u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti, assistiti minn C. Brown, barrister,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas‑17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru), sa fejn din tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqhom,
IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),
komposta minn H. Kanninen (Relatur), President, J. Schwarcz, C. Iliopoulos, D. Spielmann u I. Reine, Imħallfin,
Reġistratriċi: E. Artemiou, amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza ( 1 )
[Omissis]
II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
60 |
Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. |
61 |
Il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Settembru 2017. |
62 |
Ir-rikorrenti ppreżentaw ir-replika tagħhom fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Diċembru 2017. |
63 |
Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika tagħha fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Marzu 2018. |
64 |
Fl‑24 ta’ April 2019, fuq proposta tar-Raba’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tirrinvija din il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż. |
65 |
Fis‑7 ta’ Ġunju 2019, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn wieġbu fit-terminu mogħti. |
66 |
Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas‑26 ta’ Ġunju 2019. F’din is-seduta, ir-rikorrenti ppreżentaw dokument ġdid li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ddaħħlu fil-proċess filwaqt li tirriżerva l-kwistjoni tal-ammissibbiltà tiegħu. |
67 |
B’digriet tal‑31 ta’ Lulju 2020, il-Qorti Ġenerali (ir-Raba’ Awla Estiża), filwaqt li qieset li ma kinitx informata biżżejjed u li kien neċessarju li l-partijiet jiġu mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar argument li ma kienx ġie diskuss bejniethom, ordnat li terġa’ tinfetaħ il-fażi orali tal-proċedura skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura. |
68 |
Il-partijiet wieġbu sensiela ta’ mistoqsijiet magħmulin mill-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Awwissu 2020 fit-terminu mogħti, u sussegwentement ippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet rispettivi. |
69 |
B’deċiżjoni tas‑6 ta’ Novembru 2020, il-Qorti Ġenerali mill-ġdid għalqet il-fażi orali tal-proċedura. |
70 |
Ir-rikorrenti essenzjalment jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
71 |
Il-Kummissjoni essenzjalment titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
III. Id-dritt
[Omissis]
A. Fuq it-talbiet għal annullament
[Omissis]
1. Fuq ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi, ta’ evalwazzjoni u ta’ fatt fil-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu
[Omissis]
b) Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu fuq ir-rotot intra-Unjoni qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 u fuq ir-rotot Unjoni-Svizzera
519 |
Ir-rikorrenti jsostnu li l-aġir qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 ma jistax jintuża kontrihom sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur fir-rigward tar-rotot intra-Unjoni, u lanqas ma jista’ jintuża l-aġir fir-rigward tar-rotot Unjoni-Svizzera, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, billi fid-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 ma kinitx ikkonstatata l-parteċipazzjoni tagħhom f’tali ksur. |
520 |
Skont ir-rikorrenti, il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582), imsemmija fil-premessi 1056 u 1057 tad-deċiżjoni kkontestata, ma għandhomx iwasslu għall-esklużjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, billi, minn naħa, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), ma ddikjaratx id-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 nulla fuq il-bażi ta’ nuqqas purament formali, iżda fuq il-bażi ta’ ksur serju tad-drittijiet tad-difiża u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata għandha portata sostanzjalment iktar wiesgħa minn dik id-deċiżjoni. |
521 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. |
522 |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, stabbilit barra minn hekk fl-Artikolu 50 tal-Karta, għandu jiġi osservat fil-proċeduri ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni li huma intiżi għall-impożizzjoni ta’ multi. Dan il-prinċipju jipprekludi li impriża tiġi kkundannata jew imħarrka darba oħra minħabba aġir antikompetittiv li abbażi tiegħu ġiet issanzjonata jew li fir-rigward tiegħu ġiet iddikjarata li ma hijiex responsabbli b’deċiżjoni preċedenti li ma tistax tiġi appellata (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
523 |
F’dan il-każ, ir-rikorrenti jibbażaw ruħhom fuq id-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 li, fil-fehma tagħhom, tikkostitwixxi deċiżjoni preċedenti u definittiva li tiddikjara li ma humiex responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu għar-rotot intra-Unjoni u Unjoni-Svizzera. |
524 |
Qabel kollox jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-imsemmija deċiżjoni tikkostitwixxi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà hijiex fondata. |
525 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li tali dikjarazzjoni tippreżupponi li r-responsabbiltà tal-impriża kkonċernata ġiet evalwata wara eżami taċ-ċirkustanzi tal-kawża, fi kliem ieħor, li kien hemm evalwazzjoni tal-mertu tal-kawża. Tali evalwazzjoni tippreżupponi, min-naħa tagħha, li l-Kummissjoni wettqet studju jew evalwazzjoni tal-provi inklużi fil-proċess u wettqet evalwazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fl-aġir, parzjalment jew kollu kemm hu, li kien is-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, sabiex tiddetermina jekk ir-responsabbiltà tagħha kinitx ġiet stabbilita. |
526 |
F’dan il-każ, fil-punt 1582 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni indikat li hija “[kienet qiegħda] tipprevedi […] li tadotta deċiżjoni […] li tikkonstata li l-impriżi li huma d-destinatarji ta’ din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kisru l-Artikolu [101 TFUE], l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim [KE-Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru]”. Kif imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti kienu fost dawn id-destinatarji. |
527 |
Mill-punti 3, 129, 1389, 1395 u 1434, kif ukoll mill-punt 1575(c) u mill-punt 1577 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, jirriżulta li l-ksur li l-Kummissjoni kienet qiegħda tipprevedi li ser tikkonstata fil-punt 1582 tal-imsemmija dikjarazzjoni kien ikopri, b’mod partikolari, ir-rotot intra-Unjoni għall-perijodu kollu tal-ksur u r-rotot Unjoni-Svizzera mill‑1 ta’ Ġunju 2002 ’il quddiem. |
528 |
Minn dan isegwi li, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni pprevediet li kienet ser tikkonstata li r-rikorrenti kienet responsabbli għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti fuq ir-rotot intra-Unjoni u Unjoni-Svizzera. |
529 |
Min-naħa l-oħra, fid-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni ma ddikjaratx b’mod espliċitu r-responsabbiltà tar-rikorrenti fuq ir-rotot intra-Unjoni u Unjoni-Svizzera. Fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni, hija kkonstatat li huma kienu responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan kien jikkonċerna r-rotot Unjoni-pajjiżi terzi (l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010) u r-rotot ŻEE ħlief Unjoni-pajjiżi terzi (l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni), iżda mhux sa fejn dan kien jikkonċerna r-rotot intra-ŻEE, li jinkludu r-rotot intra-Unjoni (l-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni), u lanqas ir-rotot Unjoni-Svizzera (Artikolu 4 tal-imsemmija deċiżjoni). Lanqas ma ssanzjonathom minħabba ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti f’dawn l-aħħar żewġ kategoriji ta’ rotot. Madankollu, il-Kummissjoni ma eskludietx b’mod espliċitu li huma kienu responsabbli għal tali ksur fuq il-kategoriji ta’ msemmija ta’ rotot. |
530 |
Għaldaqstant, il-mistoqsija hija jekk minn dan is-silenzju jistax jiġi dedott li, fid-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni impliċitament iddikjaratx li r-rikorrenti ma humiex responsabbli għall-ksur uniku u kontinwu sa fejn dan kien jikkonċerna r-rotot intra-Unjoni u Unjoni-Svizzera, b’tali mod li ma baqgħetx tista’ tikkundannahom dwar dan fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
531 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-funzjoni ta’ sorveljanza li jagħtu lill-Kummissjoni l-Artikolu 105(1) TFUE, l-Artikolu 55(1) tal-Ftehim ŻEE u l-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru fil-qasam tal-kompetizzjoni ma timplikax li din għandha l-obbligu li tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tar-regoli rilevanti tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 1992, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑24/90, EU:T:1992:97, punti 74 sa 76, u tas‑16 ta’ Ottubru 2013, Vivendi vs Il‑Kummissjoni, T‑432/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:538, punt 68). Lanqas ma jista’ jiġi dedott mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 u mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u mill-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru li l-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonstata u li tissanzjona kull aġir antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Philips vs Il‑Kummissjoni, T‑92/13, mhux ippubblikata, EU:T:2015:605, punt 112). |
532 |
Lanqas ma jsegwi mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 jew mid-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jew mill-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru li tali obbligu huwa impost fuq il-Kummissjoni meta din tal-aħħar tindika, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li tipprevedi li ser tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti. Għalhekk, fid-deċiżjoni finali, il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti li hija pprevediet li ser tikkonstata fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. |
533 |
Għaldaqstant, ma jistax jiġi konkluż li, billi naqset milli tikkonstata ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni rilevanti fid-deċiżjoni finali fir-rigward ta’ ċertu aġir imsemmi fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni, b’mod impliċitu, iżda neċessarjament, għamlet dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà f’dan ir-rigward. |
534 |
L-istruttura tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonferma din l-interpretazzjoni. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li huwa mill-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003, li jawtorizza lill-Kummissjoni tikkonstata n-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal aġir partikolari, b’mod partikolari għaliex il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE ma jkunux issodisfatti, li tirriżulta s-setgħa tal-Kummissjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u għalhekk li tadotta deċiżjoni “negattiva” fuq il-mertu li tista’ tipprekludi konstatazzjoni sussegwenti ta’ ksur tal-imsemmi artikolu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2011:270, punti 23, 24, 28 u 29). L-istess japplika meta l-Kummissjoni tagħmel użu mis-setgħat mogħtija lilha mir-Regolament Nru 1/2003 biex tapplika l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru. |
535 |
Issa, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 huwa l-unika bażi legali li l-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuqha sabiex tadotta deċiżjoni li tikkonstata li r-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma japplikawx għal aġir individwali partikolari. |
536 |
Dan jirriżulta, l-ewwel, mill-formulazzjoni tat-titolu tal-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tiegħu. Fil-fatt, din tirrigwarda l-“konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ applikazzjoni”, u jipprovdi li “[f]ejn l-interess pubbliku [tal-Unjoni] b’relazzjoni għal applikazzjoni tal-Artikoli [101 u 102 TFUE] jirrikjedi, il-Kummissjoni, [filwaqt li] tagixxi fuq l-iniżjattiva tagħha, tista’ b’deċiżjoni issib lill-Artikolu [101 TFUE] mhux applikabli għal xi ftehim, deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ l-impriża jew prattiċi miftiehma, sew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu [101](1) [TFUE] mhux imwettqa, jew għax il-kondizzjonijiet ta’ l-Artiklu [101](3) [TFUE] [ma humiex issodisfatti].” |
537 |
It-tieni, għandu jiġi rrilevat li l-ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 1/2003 ma tagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tikkonstata li r-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni ma japplikawx għal aġir individwali partikolari. Il-premessa 14 ta’ dan ir-regolament tagħmel espliċita l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimita strettament is-setgħa tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward għall-każijiet koperti mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, billi tindika li tali konstatazzjoni tista’ sseħħ biss f’“każi eċċenzjonali fejn hu obbligu minħabba l-interess tal-pubbliku [tal-Unjoni]”. |
538 |
It-tielet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ftuħ ta’ proċedura mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona aġir antikompetittiv ma jneħħix b’mod permanenti u definittiv il-kompetenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li japplikaw l-Artikolu 101 TFUE għall-aġir ikkonċernat, u fil-fatt il-kompetenza tal-imsemmija awtoritajiet tiġi stabbilita mill-ġdid malli l-proċedura mibdija mill-Kummissjoni tintemm, inkluż permezz ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2012, Toshiba Corporation et, C‑17/10, EU:C:2012:72, punti 79, 80, 86 u 87). Huwa f’dan il-kuntest li għandha tiġi evalwata l-portata li għandha tingħata lis-silenzju tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ċertu aġir, fil-kuntest ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Issa, l-interpretazzjoni ta’ dan is-silenzju bħala konstatazzjoni impliċita ta’ nuqqas ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tfisser li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri ma jistgħu qatt jirkupraw il-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ aġir li l-Kummissjoni tkun fetħet proċedura dwaru u sussegwentement għalqet din il-proċedura bl-adozzjoni ta’ deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, minħabba li jinkiser il-prinċipju ta’ ne bis in idem. Tali interpretazzjoni tmur kontra l-ġurisprudenza msemmija f’dan il-punt. |
539 |
Ir-raba’, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeliberat dwar il-portata tad-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, li permezz tagħhom huma jqisu, abbażi tal-informazzjoni li jkollhom disponibbli, li l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni ma humiex issodisfatti. Għalhekk, mill-punti 22 sa 28 tas-sentenza tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska (C‑375/09, EU:C:2011:270) jirriżulta li tali deċiżjonijiet ma jinvolvux dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà li tista’ tipprekludi konstatazzjoni sussegwenti ta’ ksur. Fi kliem ieħor, l-aġir antikompetittiv ta’ impriża li dwaru tittieħed deċiżjoni ta’ dan it-tip jista’ jkun is-suġġett, sussegwentement, ta’ proċeduri u, fejn applikabbli, kundanna, mingħajr il-ħtieġa li jitqies li dawn jiksru l-prinċipju ta’ ne bis in idem (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2011:270, punti 22 sa 28; tal‑25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑402/13, EU:T:2014:991, punti 28 sa 31; ara wkoll, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mazák fil-kawża Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2010:743, punt 30). |
540 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni meħuda fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003 tista’ tiġi adottata wara l-eżami fuq il-mertu ta’ aġir u l-komunikazzjoni ta’ att ta’ akkuża, fuq il-mudell tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). |
541 |
Għalhekk, la l-istat tal-progressjoni tal-proċedura, u lanqas il-portata tal-analiżi tal-fondatezza tal-akkużi mwettqa f’dan il-kuntest mill-awtorità kompetenti tal-kompetizzjoni ma huma ta’ natura li jibdlu l-portata tas-silenzju tagħha fid-deċiżjoni finali fir-rigward tar-responsabbiltà totali jew parzjali tal-impriża kkonċernata. |
542 |
Dawn il-kunsiderazzjonijiet, għalkemm jaqgħu taħt il-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, jipprovdu informazzjoni utli dwar il-portata tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, mill-perspettiva tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, il-kuntest partikolari ta’ dawn iż-żewġ artikoli jista’ jiġi mqabbel, sa fejn it-tnejn li huma jridu jiġu evalwati, b’mod partikolari, fid-dawl tas-setgħat mogħtija speċifikament lill-Kummissjoni mill-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, peress li test minn att tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, kemm jista’ jkun, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, il-portata mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat‑3 ta’ Mejju 2011, Tele2 Polska (C‑375/09, EU:C:2011:270), lis-setgħa li tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni għandha tinftiehem fis-sens li timplika l-konformità ta’ din is-setgħa, mifhuma b’dan il-mod, mal-prinċipju ta’ ne bis in idem. |
543 |
Għaldaqstant, anki jekk jitqies li deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkostitwixxi, fir-rigward tal-aġir li fir-rigward tiegħu ma ġewx iddikjarati ssodisfatti l-kundizzjonijiet għal projbizzjoni, deċiżjoni li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, din ma tistax twassal għal dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà. |
544 |
F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 hija deċiżjoni ta’ konstatazzjoni ta’ ksur meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003. Madankollu, mill-imsemmija deċiżjoni ma jirriżultax, u lanqas ma ġie sostnut quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tapplika wkoll, fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003. |
545 |
Minn dan isegwi li d-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010, li ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1/2003 għall-fini tal-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ ksur mir-rikorrenti tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, fuq ir-rotot intra-ŻEE u Unjoni-Svizzera, u li ma fihiex, fid-dispożittiv tagħha, dikjarazzjoni f’dan is-sens, ma tistax tikkostitwixxi dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. |
546 |
Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni (C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, EU:C:2002:582), ma għandhomx iwasslu għall-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa bbażat fuq il-premessa li tgħid li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju kienu ssodisfatti. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 545 iktar ’il fuq, ma ġiex iddikjarat permezz ta’ deċiżjoni preċedenti li r-rikorrenti ma kinux responsabbli għall-aġir inkwistjoni, u għalhekk il-prinċipju ta’ ne bis in idem, f’dan il-każ, ma japplikax. Il-premessa li fuqha huwa bbażat dan l-argument hija, għaldaqstant, żbaljata. |
547 |
Anki jekk jiġi preżunt li, meta għamlu referenza għal din il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti kellhom l-intenzjoni, barra minn hekk, li jsostnu li s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), kienet tammonta għal “liberazzjoni” billi l-annullament deċiż mill-Qorti Ġenerali ma kienx ibbażat fuq nuqqas purament formali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali qieset li d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni li jiġġustifika l-annullament tagħha (ara l-punt 16 iktar ’il fuq), u għalhekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, din id-deċiżjoni kienet tabilħaqq annullata għal raġunijiet formali mingħajr ma ttieħdet deċiżjoni fuq il-mertu tal-fatti kkritikati. |
548 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010 minħabba li, b’mod partikolari, din kienet tinkludi kontradizzjonijiet dwar il-portata tar-responsabbiltà tar-rikorrenti fir-rigward tar-rotot intra-Unjoni u Unjoni-Svizzera. |
549 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar in-natura definittiva tal-allegata dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ responsabbiltà jew dwar l-eżistenza tat-tieni proċedura dwar l-istess fatti li tirriżulta mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata wara l-annullament, mill-Qorti Ġenerali, tad-Deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2010. [Omissis] |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Kanninen Schwarcz Iliopoulos Spielmann Reine Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑30 ta’ Marzu 2022. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
( 1 ) Qegħdin jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.